IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.7.2023
COM(2023) 405 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-QORTI TAL-AWDITURI
Pjan ta' Azzjoni tal-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi - reviżjoni tal-2023
{SWD(2023) 245 final}
1.INTRODUZZJONI
L-UE qed tiffaċċja sfidi kbar, inklużi l-inflazzjoni, l-irkupru ta’ wara l-pandemija, it-tibdil fil-klima u l-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna. Tali sfidi jpoġġu pressjoni enormi fuq il-baġit tal-UE. Għalhekk huwa aktar importanti minn qatt qabel li l-baġit ikun protett sew u li l-fondi tal-UE jilħqu r-riċevituri intenzjonati tagħhom. Kull nuqqas ta’ dan inaqqas il-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-UE u fl-UE kollha kemm hi.
F’dan l-isfond, issa huwa żmien xieraq biex jitqiesu l-isforzi tal-Kummissjoni fil-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolaritajiet, u jingħata impetu ġdid għal tali sforzi.
Filwaqt li l-protezzjoni tal-baġit tal-UE hija responsabbiltà kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, il-Kummissjoni Ewropea għandha rwol ewlieni x’taqdi fl-istabbiliment tal-istandards u fil-ħolqien tal-qafas għal din ir-responsabbiltà kondiviża. Strument ewlieni għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-rwol huwa l-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi (Commission’s Anti-Fraud Strategy, CAFS) u l-pjan ta’ azzjoni li jakkumpanjaha, bl-aħħar wieħed li jmur lura għal April 2019.
Is-CAFS tal-2019 speċifikat li l-pjan ta’ azzjoni jiġi rieżaminat u emendat kif xieraq. Illum, ir-realtajiet il-ġodda li qed tiffaċċja l-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tipproteġi l-baġit tal-UE jappellaw għal tali reviżjoni. L-għan huwa li jkun hemm pjan ta’ azzjoni mmirat u li jħalli impatt li jindirizza l-isfidi akbar li qed tiffaċċja l-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi filwaqt li jibni fuq il-ħidma li saret skont il-pjan ta’ azzjoni tal-2019.
Bħall-predeċessur tiegħu, il-pjan ta’ azzjoni rivedut jipprova jsaħħaħ il-partijiet kollha taċ-ċiklu kontra l-frodi: il-prevenzjoni, id-detezzjoni, l-investigazzjoni u l-korrezzjoni. Huwa jikkomplementa għadd ta’ inizjattivi ta’ politika reċenti jew li għaddejjin bħalissa, bħall-proposta għal Korp tal-Etika interistituzzjonali, il-Pakkett kontra l-korruzzjoni, ir-riformulazzjoni li għaddejja tar-Regolament Finanzjarju, il-mekkaniżmu tal-Istat tad-Dritt u l-mekkaniżmu ta’ Kondizzjonalità.
Jikkomplementa wkoll l-investigazzjonijiet indipendenti mwettqa mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (European Anti-Fraud Office, OLAF) u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE).
Din il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata mill-pjan ta’ azzjoni rivedut.
2.TĦEJJIJA TAL-PJAN TA’ AZZJONI RIVEDUT
Il-pjan ta’ azzjoni rivedut huwa r-riżultat ta’ proċess estensiv ta’ konsultazzjoni interna tal-Kummissjoni, b’mod partikolari permezz tan-Network għall-Prevenzjoni u d-Detezzjoni tal-Frodi (Fraud Prevention and Detection Network, FPDNet) li fih huma rappreżentati d-dipartimenti u l-Aġenziji eżekuttivi kollha tal-Kummissjoni. Il-proċess tmexxa mill-OLAF, bħala d-dipartiment ewlieni tal-Kummissjoni fil-ġlieda kontra l-frodi u l-president tal-FPDNet. Il-konklużjoni ewlenija ta’ dan il-proċess ta’ konsultazzjoni hija li filwaqt li tibqa’ valida s-CAFS tal-2019, il-pjan ta’ azzjoni li jakkumpanjaha jeħtieġ li jiġi aġġornat għal għadd ta’ raġunijiet.
L-ewwel nett, l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-2019 hija fil-biċċa l-kbira tagħha kompluta. Sal-lum, 60 mit-63 azzjoni ġew iffinalizzati jew, fil-każ ta’ azzjonijiet ripetittivi jew kontinwi bħat-taħriġ, għadhom għaddejjin. Huma meħtieġa azzjonijiet ġodda biex jiġi żgurat progress sostnut fi kwistjonijiet kontra l-frodi.
It-tieni, seħħew għadd ta’ żviluppi importanti mill-2019 ’l hawn, inklużi l-bidu tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) il-ġdid għall-2021-2027, it-tnedija tan-NextGenerationEU u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (Recovery and Resilience Facility, RRF), u l-bidu tal-operazzjonijiet tal-UPPE.
Sabiex iħejji għar-reviżjoni tal-pjan ta’ azzjoni, l-OLAF wettaq evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-2019 permezz ta’ stħarriġ fost id-dipartimenti u l-Aġenziji eżekuttivi tal-Kummissjoni. Skont l-istħarriġ, l-aktar miżuri utli tal-pjan ta’ azzjoni tal-2019 huma relatati mat-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-frodi, it-tisħiħ tal-għodod għall-prevenzjoni tal-frodi bbażati fuq l-IT, il-ħidma tal-FPDNet u t-titjib tal-istrateġiji kontra l-frodi.
L-evalwazzjoni pprovdiet ukoll bosta ideat għal azzjonijiet ġodda li għandhom jiġu inklużi fil-pjan rivedut, b’mod partikolari dwar l-użu tal-estrazzjoni ta’ data u għodod oħra tal-IT, il-kooperazzjoni mal-UPPE u mal-aġenziji deċentralizzati.
Barra minn hekk, l-OLAF ġabar u analizza r-riskji ewlenin ta’ frodi identifikati mid-dipartimenti u l-Aġenziji eżekuttivi tal-Kummissjoni, biex jidentifika r-riskji ta’ frodi l-aktar komuni u sinifikanti. Ġew identifikati r-riskji ewlenin ta’ frodi li ġejjin:
·il-falsifikazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet u dokumenti fl-akkwist, l-għotjiet u n-nefqa amministrattiva;
·il-finanzjament doppju;
·il-kunflitt ta’ interess, il-korruzzjoni, il-favoritiżmu jew il-kollużjoni;
·l-użu ħażin ta’ informazzjoni privileġġata;
·il-plaġjariżmu;
·l-influwenza mhux xierqa;
·kontropartijiet mhux affidabbli;
·l-aċċess bla bżonn għal apparati tal-IT, sistemi, kontijiet bankarji u hacking.
Sorsi importanti ta’ materjal għall-pjan ta’ azzjoni rivedut huma wkoll ir-riżoluzzjonijiet annwali tal-Parlament Ewropew dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, ir-rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri kif ukoll l-investigazzjonijiet tal-OLAF.
Permezz ta’ laqgħat bilaterali u multilaterali, u konsultazzjoni bil-miktub mad-dipartimenti u l-Aġenziji eżekuttivi tal-Kummissjoni, l-OLAF ġabar aktar minn 200 idea dwar liema azzjonijiet ġodda għandhom jiġu inklużi u liema azzjonijiet għandhom jitkomplew mill-pjan ta’ azzjoni tal-2019.
L-għażla finali u l-formulazzjoni tal-azzjonijiet ġew iggwidati mill-ambizzjoni li jkun hemm pjan ta’ azzjoni mmirat u li jħalli impatt. Barra minn hekk, il-ħtieġa għall-kontinwità tqieset mal-ħtieġa għat-tiġdid u l-innovazzjoni. Ingħatat prijorità lil azzjonijiet li huma marbuta ma’ żviluppi ġodda u ma’ azzjonijiet li jindirizzaw riskji importanti ta’ frodi.
3.IS-SEBA’ TEMI TAL-PJAN TA’ AZZJONI RIVEDUT
L-44 azzjoni huma miġbura skont seba’ temi li jirriflettu l-prijoritajiet tal-Kummissjoni fil-ġlieda kontra l-frodi.
1.It-trawwim tad-diġitalizzazzjoni u l-użu ta’ għodod tal-IT għall-ġlieda kontra l-frodi
Il-proċess ta’ konsultazzjoni kkonkluda li d-diġitalizzazzjoni għandha tkun prijorità importanti għall-Kummissjoni biex tmexxi ’l quddiem l-aġenda tagħha kontra l-frodi. B’mod partikolari, hemm il-ħtieġa ta’ aktar soluzzjonijiet korporattivi tal-IT biex il-ġlieda kontra l-frodi ssir aktar effettiva u effiċjenti. Għalhekk, il-Kummissjoni se tkompli tesplora l-possibbiltajiet biex iżżid id-diġitalizzazzjoni u l-interoperabbiltà. Hemm ukoll il-ħtieġa li jkompli jissaħħaħ u jitwessa’ l-użu ta’ għodod eżistenti tal-IT bħal Arachne, EDES, SUMMA u IMS għall-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-investigazzjoni tal-frodi. Il-kumpanija futura Arachne se tiġi żviluppata għal finijiet ta’ kejl tar-riskju u ta’ estrazzjoni ta’ data fil-modi kollha ta’ ġestjoni, filwaqt li l-OLAF se jesplora għażliet diġitali biex jikkomunika aħjar dwar l-investigazzjonijiet tiegħu ma’ dipartimenti u Aġenziji eżekuttivi oħra tal-Kummissjoni.
2.L-appoġġ lill-Istati Membri biex isaħħu l-protezzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-fondi ta’ koeżjoni, agrikoli u tas-sajd
L-RRF hija strument ġdid, b’mekkaniżmi speċifiċi ta’ kontroll u ta’ kontra l-frodi. Għalhekk tirrikjedi attenzjoni partikolari biex tiġi żgurata d-detezzjoni ta’ lakuni jew ta’ vulnerabbiltajiet għall-frodi. Għalhekk, il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha biex tipprevjeni u tidentifika l-frodi tal-RFF, b’mod partikolari permezz ta’ analiżi bir-reqqa tar-riskji relatati mal-frodi, il-korruzzjoni, il-finanzjament doppju u l-kunflitt ta’ interess u permezz ta’ awditi ffukati fuq il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Fil-ġestjoni kondiviża, il-Kummissjoni għandha rwol importanti x’taqdi b’mod partikolari billi tipprovdi appoġġ u gwida lill-Istati Membri dwar firxa ta’ suġġetti, bħal dwar l-iżvilupp ta’ strateġiji kontra l-frodi u dwar ir-rappurtar ta’ irregolaritajiet u frodi fis-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS). Il-pjan ta’ azzjoni jipprevedi li d-dipartimenti tal-Kummissjoni kkonċernati mill-ġestjoni kondiviża u l-OLAF itejbu l-appoġġ immirat tagħhom lill-awtoritajiet tal-Istati Membri.
3.It-tisħiħ tal-protezzjoni ta’ fondi taħt ġestjoni indiretta u fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni
Il-protezzjoni ta’ fondi taħt ġestjoni indiretta hija fdata lill-organizzazzjonijiet sħab. Madankollu, il-Kummissjoni tibqa’ responsabbli u trid tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni ta’ tali fondi. Għalhekk, is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni jridu jirrapportaw il-frodi identifikata b’mod sistematiku lill-Kummissjoni. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tipprovdi aktar appoġġ u sensibilizzazzjoni mmirati lejn tali sħab filwaqt li tinsisti fuq l-obbligi legali tagħhom li jikkooperaw.
4.It-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE fil-ġlieda kontra l-frodi doganali u l-protezzjoni tad-dħul tal-UE
Sabiex tingħata spinta lill-kapaċità tal-UE li tindirizza b’mod effettiv il-frodi doganali, għandhom rwol importanti x’jaqdu l-għodod analitiċi u l-kondiviżjoni tad-data. Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa tali għodod analitiċi u żżid il-kondiviżjoni tad-data. Sabiex tipproteġi d-dħul li jirriżulta mill-Patt Ekoloġiku, il-Kummissjoni se tistabbilixxi miżuri biex timminimizza r-riskji ta’ frodi assoċjati mal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri, mal-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet u ma’ riżorsi proprji ġodda oħra.
5.It-tisħiħ tal-arkitettura tal-UE kontra l-frodi
L-arkitettura tal-UE kontra l-frodi tikkonsisti minn għadd kbir ta’ atturi li jeħtieġ li jaħdmu flimkien b’mod ikkoordinat biex jipproteġu sa fejn ikun possibbli l-interessi finanzjarji tal-UE. Ix-xenarju dejjem aktar kumpless kontra l-frodi u s-sofistikazzjoni tal-frodaturi jagħmlu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-konfini organizzazzjonali kollha aktar importanti minn qatt qabel. Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa l-kooperazzjoni ma’ sħab ewlenin bħall-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-UPPE għall-ġlieda kontra l-frodi. Se tagħti spinta wkoll lill-appoġġ tagħha lill-aġenziji deċentralizzati u l-impriżi konġunti, tipproteġi ġurnalisti investigattivi bħala sors importanti ta’ informazzjoni, u tesplora l-possibbiltà li żżid l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-frodi.
6.It-tisħiħ tal-governanza tal-Kummissjoni kontra l-frodi u ż-żamma ta’ livell għoli ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn id-dipartimenti u l-Aġenziji eżekuttivi tal-Kummissjoni
Filwaqt li sar progress konsiderevoli f’termini ta’ tisħiħ tal-governanza kontra l-frodi u titjib tal-koordinazzjoni, tal-kooperazzjoni u tal-proċessi fil-Kummissjoni, tali sforzi jeħtieġ li jissaħħu u jiġu sostnuti f’oqsma mmirati biex jibqgħu effettivi u effiċjenti aktar fit-tul. L-OLAF se jkompli jappoġġa lid-dipartimenti u l-Aġenziji eżekuttivi tal-Kummissjoni permezz tal-FPDNet u permezz tal-parir tiegħu dwar l-istrateġiji kontra l-frodi. Barra minn hekk, il-politika kontra l-frodi trid titqies fil-kuntest usa’ tagħha tal-politika tal-UE. Il-kunsiderazzjonijiet kontra l-frodi jeħtieġ li jkomplu jiġu integrati f’oqsma oħra ta’ politika li huma intrinsikament marbuta mal-ġlieda kontra l-frodi, pereżempju jkomplu jiġu sfruttati l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-istat tad-dritt, u s-sinerġiji.
7.It-tisħiħ tal-kultura tal-etika u l-ġlieda kontra l-frodi fil-Kummissjoni
Hemm ħtieġa kontinwa li jissaħħaħ l-għarfien u jinżamm livell għoli ta’ sensibilizzazzjoni fost il-persunal tal-Kummissjoni rigward kwistjonijiet ta’ etika u ta’ kontra l-frodi. Kunsiderazzjonijiet etiċi u ta’ kontra l-frodi għandhom ikunu rifless naturali għall-persunal kollu tal-Kummissjoni, b’mod partikolari għal dawk li l-kompiti tagħhom jinvolvu l-ġestjoni jew il-kontroll ta’ fondi tal-UE, kif ukoll għall-Membri tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ b’mod gradwali t-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni dwar l-etika u kontra l-frodi b’mod olistiku, peress li ż-żewġ suġġetti jimxu id f’id. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ ukoll il-bażi tal-għarfien kontra l-frodi u tintegra l-kunsiderazzjonijiet kontra l-frodi fil-proċess tagħha ta’ reklutaġġ.
4.L-IMPLIMENTAZZJONI U L-MONITORAĠĠ TAL-PJAN TA’ AZZJONI RIVEDUT
L-OLAF se jikkoordina u jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni rivedut u se jaġġorna b’mod regolari lill-Bord tal-Ġestjoni Korporattiva tal-Kummissjoni dwar il-progress tiegħu. Sabiex jiġu żgurati sforzi sostnuti biex titnaqqas il-frodi fil-baġit tal-UE, l-OLAF se jaħdem mad-dipartimenti u l-Aġenziji eżekuttivi tal-Kummissjoni biex jiżgura li l-azzjonijiet rilevanti jkunu riflessi fl-istrateġiji kontra l-frodi, fil-pjanijiet ta’ ġestjoni u fir-rapporti annwali tal-attività fil-livell ta’ servizzi.
Kull sena, il-Kummissjoni se tirrapporta lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u lill-pubbliku dwar il-miżuri li ttieħdu fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE, inkluż dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni. L-indikaturi se jiġu żviluppati internament biex jinżamm rekord tal-progress.
Għalhekk, il-Kummissjoni se tiżgura li r-riżultati tal-azzjonijiet biex tiġi indirizzata l-frodi jsiru disponibbli għall-pubbliku. Dan għandu jikkontribwixxi biex tinbena l-fiduċja tan-nies fl-istituzzjonijiet tal-UE u jiġi żgurat li l-ġlieda kontra l-frodi tibqa’ fuq quddiem fl-aġenda politika tal-UE.
Il-pjan ta’ azzjoni rivedut se jiġi implimentat fl-2023-2026 u jista’ jiġi emendat, jekk ikun meħtieġ.