IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 31.5.2023
COM(2023) 285 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Evalwazzjoni Interim tas-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA)
{SWD(2023) 169 final}
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Evalwazzjoni Interim tas-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA)
1.Introduzzjoni
Dan ir-rapport jippreżenta s-sejbiet ta’ evalwazzjoni interim f’konformità mal-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) li diversi Stati Membri pparteċipaw fiha b’mod konġunt.
Id-Deċiżjoni tirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni interim ta’ PRIMA bl-assistenza ta’ esperti indipendenti sat-30 ta’ Ġunju 2022. Il-Kummissjoni trid tħejji wkoll rapport dwar dik l-evalwazzjoni li jinkludi l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni u tal-osservazzjonijiet mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 2022.
L-evalwazzjoni interim ta’ PRIMA hija bbażata fuq studju estern. Dan ikopri l-perjodu mill-bidu ta’ PRIMA (2017) sa Marzu 2022. Ġiet ippubblikata Sejħa għal Evidenza u tqiesu r-riżultati.
Dan ir-rapport jiġbor fil-qosor il-konklużjonijiet ewlenin tal-evalwazzjoni interim u jinkludi l-osservazzjonijiet li jirriżultaw tal-Kummissjoni.
2.Kuntest u Ħarsa Ġenerali ta’ PRIMA
Il-provvista tal-ilma u s-sistemi tal-ikel fiż-żona tal-Mediterran huma ġestiti b’mod mhux sostenibbli. Din l-isfida qiegħda tiġi aggravata mit-tibdil fil-klima u għandha impatti downstream importanti inkluż l-istress soċjali u ekonomiku, l-instabbiltà u l-migrazzjoni.
Waħda mir-raġunijiet ewlenin għall-ġestjoni mhux sostenibbli tal-provvista tal-ilma u tas-sistemi tal-ikel fiż-żona tal-Mediterran hija n-nuqqas ta’ sett ta’ soluzzjonijiet innovattivi komuni li huma adattati għar-realtajiet lokali tar-reġjun u li jistgħu jiġu ttrasferiti faċilment fih, u ġew pilotati u murija bis-sħiħ fil-prattika.
Dawn is-soluzzjonijiet ma humiex mistennija minħabba li l-livell ġenerali ta’ investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni fiż-żona tal-Mediterran ma huwiex proporzjonat mad-daqs tal-isfidi reġjonali; il-livelli ta’ investiment ivarjaw ħafna bejn il-pajjiżi; il-finanzjament ma huwiex iffukat tajjeb fuq l-indirizzar tal-isfidi tal-provvista u tal-ġestjoni tal-ilma u tal-ikel; il-partijiet ikkonċernati rilevanti involuti – pereżempju dawk tas-settur privat – mhux dejjem ikollhom kapaċitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni b’saħħithom biżżejjed; u l-isforzi ta’ riċerka u innovazzjoni u ta’ kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran huma mxerrda wisq (fil-biċċa l-kbira regolati minn ftehimiet bilaterali) biex ikollhom impatt sinifikanti.
PRIMA ġiet stabbilita b’risposta għal dawn l-isfidi, sabiex il-provvista u l-ġestjoni tal-ilma, u s-sistemi tal-ikel isiru aktar reżiljenti għall-klima, effiċjenti, kosteffettivi u ambjentalment u soċjalment sostenibbli. L-inizjattiva ssegwi l-Artikolu 185 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) kif ukoll l-Artikolu 26 dwar “Sħubijiet pubbliċi-pubbliċi” tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill- l-att bażiku ta’ PRIMA jordna livell għoli ta’ impenn mill-pajjiżi parteċipanti biex jintegraw fil-livelli xjentifiċi, ta’ ġestjoni u finanzjarji. Dan jimplika wkoll li l-Istati Parteċipanti (PS) jintegraw b’mod volontarju l-isforzi ta’ riċerka tagħhom u jiddefinixxu u jimpenjaw ruħhom għal programm ta’ riċerka konġunt mal-valur miżjud tal-UE.
Il-programm PRIMA jikkonsisti mill-Istati Parteċipanti li ġejjin: 11-il Stat Membru tal-UE (il-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, il-Portugall, is-Slovenja, u Spanja); 3 Pajjiż Assoċjati ma’ Orizzont 2020 (l-Iżrael, it-Tuneżija u t-Turkija) u 5 Pajjiżi Terzi: L-Alġerija, l-Eġittu, il-Ġordan, il-Libanu u l-Marokk. Ġew iffirmati ftehimiet internazzjonali bilaterali mal-UE mal-Alġerija, mal-Eġittu, mal-Ġordan, mal-Libanu, u mal-Marokk biex jipparteċipaw fi PRIMA.
Il-Programm huwa implimentat mill-istruttura ta’ implimentazzjoni ta’ PRIMA (PRIMA-IS), stabbilita f’Barċellona fl-2017 bħala entità ddedikata, responsabbli għall-ġestjoni diretta tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni skont l-Artikolu 185 tat-TFUE, filwaqt li jiżgura, permezz tas-Segretarjat u l-korpi ta’ Tmexxija tiegħu, it-tnedija bla xkiel, effiċjenti u trasparenti tal-programm PRIMA.
L-implimentazzjoni ta’ PRIMA hija bbażata fuq Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni (SRIA) fit-tul, li tipprovdi l-viżjoni u d-direzzjoni strateġika għall-implimentazzjoni tal-programm u hija l-bażi għall-istabbiliment tal-Programmi ta’ Ħidma Annwali ta’ PRIMA (AWPs).
Bl-għan ġenerali tagħha li tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà u l-istabbiltà tar-reġjun fl-oqsma tal-provvista u l-ġestjoni sostenibbli tal-ikel u l-ilma, PRIMA għandha l-għan li tilħaq diversi objettivi. Dawn ivarjaw minn għanijiet tematiċi biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tas-soċjetà fiż-żona tal-Mediterran u objettivi speċifiċi li jindirizzaw l-avvanzi lejn Żona Ewropea u Mediterranja ta’ Riċerka integrata għall-għanijiet tad-diplomazija xjentifika għall-kollaborazzjoni mal-ġirien tan-Nofsinhar tal-UE.
Matul dawn l-aħħar ftit snin, PRIMA rnexxielha tistabbilixxi kollaborazzjoni bbażata fuq il-fiduċja u effettiva bejn il-pajjiżi tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Mediterran. Bħala l-inizjattiva ewlenija tal-UE fil-Mediterran biex jintlaħqu dawn l-isfidi ewlenin tar-riċerka u l-innovazzjoni, PRIMA qed tnaqqas id-distakk fir-riċerka u l-innovazzjoni u fid-distakk soċjoekonomiku fil-viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant u qed ittejjeb is-saħħa, il-paċi u l-istabbiltà għas-soċjetajiet tar-reġjun fit-tul.
PRIMA timplimenta attivitajiet fil-forma ta’ sejħiet għal proposti fi tliet taqsimiet:
·Is-sejħiet ta’ Taqsima 1 huma organizzati minn PRIMA u ffinanzjati esklussivament minn Orizzont 2020.
·Is-sejħiet ta’ Taqsima 2 huma organizzati wkoll minn PRIMA iżda ffinanzjati mill-Istati Parteċipanti
·Is-sejħiet ta’ Taqsima 3 huma organizzati u ffinanzjati mill-Istati Parteċipanti
Il-baġit totali ta’ PRIMA għall-2017-2028 huwa ta’ EUR 494 miljun, b’EUR 220 miljun ġejjin minn Orizzont 2020 (madwar EUR 30 miljun/sena għal tliet oqsma tematiċi) u EUR 274 miljun minn riżorsi nazzjonali biex jiġu mmirati l-ħtiġijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni u jiġu allinjati l-politiki tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Istati Parteċipanti kollha tiegħu.
3.Sejbiet u rakkomandazzjonijiet/osservazzjonijiet ta’ evalwazzjoni interim
3.1
Sejbiet ta’ evalwazzjoni interim
L-evalwazzjoni interim tikkonferma li l-valur miżjud li jirriżulta mis-sħubija fi PRIMA meta mqabbel ma’ dak li seta’ jinkiseb mill-Istati Parteċipanti individwali li jaġixxu b’mod indipendenti fil-livelli internazzjonali, nazzjonali u/jew reġjonali jista’ jitqies bħala għoli u se jkun saħansitra ogħla għall-futur.
Il-kisbiet ewlenin li ġejjin ġew enfasizzati mill-esperti indipendenti:
·PRIMA bħalissa qed taħdem b’mod effiċjenti u ma hemm l-ebda dewmien fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ ħidma annwali u fis-sejħiet tagħha;
·Bejn l-2018 u l-2021, tnedew b’suċċess erba’ sejħiet u ntgħażlu 168 proġett għall-finanzjament;
·Il-finanzjament totali għal PRIMA, inkluż il-finanzjament tal-UE u dak nazzjonali (esklużi l-kontribuzzjonijiet in natura), huwa ta’ EUR 353 miljun għall-perjodu 2018-2021. Dan diġà jirrappreżenta 71 % tal-finanzjament ġenerali mogħti lil PRIMA;
·Fil-proposti magħżula kien hemm involuti firxa wiesgħa ta’ benefiċjarji. Il-biċċa l-kbira tagħhom ġejjin mis-settur pubbliku tal-istati parteċipanti. L-istabbilimenti tal-edukazzjoni għolja jirrappreżentaw l-ogħla numru ta’ benefiċjarji fi PRIMA. Din il-kategorija tinkludi universitajiet, istituti, laboratorji u kunsilli tar-riċerka, u tammonta għal 41,3 % tal-benefiċjarji kollha għall-perjodu 2018-2021. Organizzazzjonijiet oħra tar-riċerka jirrappreżentaw 28,8 % tal-benefiċjarji. L-organizzazzjonijiet privati għall-profitt jammontaw għal ftit inqas minn 20 %, il-biċċa l-kbira tagħhom (5 minn 6) huma Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju;
·L-Italja u Spanja huma kklassifikati l-ewwel fost id-diversi benefiċjarji, segwiti mit-Tuneżija u minn Franza. Il-parteċipanti tal-Istati Parteċipanti mhux tal-UE jirrappreżentaw 38 % tal-benefiċjarji kollha fis-sejħiet tat-Taqsima 1 u tat-Taqsima 2. Ħdejn it-Tuneżija, il-Marokk, it-Turkija, u l-Alġerija għandhom l-ogħla numru ta’ benefiċjarji fost l-Istati Parteċipanti tan-Nofsinhar tal-Mediterran (SM PS);
·Fir-rigward tal-kontribuzzjoni finanzjarja, SM PS irċieva madwar EUR 62 miljun jew 28 % tal-fondi totali. Minn dawn, inkisbu EUR 35,9 miljun mill-baġit tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE (Taqsima 1). Dan jippreżenta sehem ta’ madwar 32 %, li jaqbeż is-sehem fil-mira ta’ 25 %, previst fl-att bażiku ta’ PRIMA;
·Peress li l-ebda wieħed mill-proġetti ma tlesta fiż-żmien tal-evalwazzjoni, kien kmieni wisq biex wieħed jikkonkludi dwar il-kontribuzzjonijiet tar-riżultati mistennija ta’ dawn il-proġetti għall-ħtiġijiet tas-soċjetà tal-Istati Parteċipanti. Madankollu, id-data miġbura minn 53 proġett li għaddew mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tagħhom tindika progress promettenti biex jintlaħqu l-objettivi operazzjonali.
L-evalwazzjoni interim tikkonkludi b’mod partikolari li:
·PRIMA għandha rwol uniku fl-ekosistema tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Mediterran u taqdi objettivi li ma humiex koperti minn inizjattivi oħra;
·PRIMA għenet biex titrawwem l-integrazzjoni xjentifika fost l-istati parteċipanti. Fin-nuqqas tagħha, x’aktarx li dawn ma kinux jikkooperaw mill-qrib mingħajr inċentiv ta’ finanzjament ċar u qafas strateġiku biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni;
·PRIMA tippermetti b’mod speċjali lill-Istati Parteċipanti tan-Nofsinhar tal-Mediterran biex jingranaw il-kapaċitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni tagħhom. Billi jinvolvu ruħhom fi PRIMA, ir-riċerkaturi mill-Istati Parteċipanti mhux tal-UE jiksbu aċċess għall-opportunitajiet ta’ finanzjament tat-Taqsima 1, li l-UE tiffinanzja;
·PRIMA tikkontribwixxi għat-tlestija ulterjuri taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER), b’mod partikolari billi tegħleb il-kooperazzjoni transfruntiera insuffiċjenti fiż-żona tal-Mediterran permezz tal-finanzjament ta’ proġetti transfruntiera, li jistgħu jkunu mistennija li jħallu impatti akbar mill-isforzi ta’ uni jew bilaterali biss;
·Il-valuri ta’ PRIMA tal-kosjieda, tal-interess reċiproku, tal-benefiċċju kondiviż u tal-prinċipju tal-istess livell tqiesu partikolarment rilevanti biex jippermettu l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-ġirien tan-Nofsinhar tal-Mediterran tagħha bħala sħab;
·Il-programm jista’ jitqies bħala għodda rilevanti tad-diplomazija tax-xjenza li tgħin biex l-UE u l-ġirien tagħha fil-Mediterran jibnu sens ta’ fiduċja reċiproka u inklużività;
·PRIMA ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Parteċipanti tan-Nofsinhar tal-Mediterran b’mod partikolari fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni;
·Fir-rigward tal-futur, l-istruttura ta’ Implimentazzjoni ta’ PRIMA ħadet passi biex tikkoordina mal-inizjattivi ta’ Orizzont Ewropa ta’ fokus tematiku simili, bħall-Missjoni tal-UE “Patt Dwar il-Ħamrija għall-Ewropa” jew sħubijiet ġodda bħas-Sħubija Ewropea “Sigurtà tal-Provvista tal-Ilma għall-Pjaneta” (Water4All). Il-kooperazzjoni mal-Missjoni tal-UE “Nirrestawraw l-Oċean u l-Ilmijiet Tagħna” hija prevista wkoll fil-Pjan ta’ Ħidma Annwali ta’ PRIMA għall-2023 adottat reċentement mill-Kummissjoni;
·PRIMA tikkontribwixxi bl-enfasi tematika tagħha fuq diversi strumenti u atti ta’ politika tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, bħall-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-Klima, l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” (ir-rwol fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-ikel sostenibbli), il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari, Il-Pjan ta’ Azzjoni għal Tniġġis Żero, u d-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Ilma (WFD).
3.2
Rakkomandazzjonijiet u tagħlimiet meħuda
Ir-rapport ta’ evalwazzjoni interim appoġġat minn data u evidenza oġġettivi jivvaluta l-istatus u l-kisbiet attwali ta’ PRIMA, jipprovdi impulsi biex jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ PRIMA u jinforma l-aġġustamenti possibbli ta’ nofs it-terminu. L-evalwazzjoni tiżvela li PRIMA tinsab fit-triq tagħha biex tilħaq l-objettivi tagħha, topera skont il-prinċipji u l-proċeduri applikabbli u kisbet koerenza mal-politiki interni u esterni rilevanti tal-UE.
Il-Kummissjoni tqis li matul l-aħħar ftit snin, PRIMA rnexxielha tistabbilixxi kollaborazzjoni bbażata fuq il-fiduċja u effettiva bejn il-pajjiżi tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Mediterran biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet komuni u innovattivi, sostenibbli, kosteffettivi u effiċjenti għal sistemi tal-ikel sostenibbli u ġestjoni integrata tal-ilma. Bħala l-inizjattiva ewlenija tal-UE fil-Mediterran biex jintlaħqu dawn l-isfidi ewlenin tar-riċerka u l-innovazzjoni, PRIMA qed tnaqqas id-distakk fir-riċerka u l-innovazzjoni u fid-distakk soċjoekonomiku fil-viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant u qed ittejjeb is-saħħa, il-paċi u l-istabbiltà għas-soċjetajiet tar-reġjun fit-tul.
Issa aktar minn qatt qabel huwa ż-żmien għal aktar kollaborazzjoni biex jiġu identifikati soluzzjonijiet innovattivi biex jiġu ssalvagwardjati r-riżorsi tal-ilma, tiżdied is-sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni u tissaħħaħ ir-reżiljenza, l-ekwità u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-ikel u tal-biedja fir-reġjun tal-Mediterran.
Fil-fatt, il-futur tar-riżorsi naturali ewlenin tal-Baċir tal-Mediterran (l-ilma, il-ħamrija, il-linji tal-kosta u l-bijodiversità) għadu mhedded minn għadd ta’ pressjonijiet li jaġixxu simultanjament u, f’ħafna każijiet, b’mod kroniku, inklużi l-urbanizzazzjoni, l-industrijalizzazzjoni, l-espansjoni ta’ attivitajiet agrikoli intensivi u tal-akkwakultura u l-isfruttament mhux sostenibbli tar-riżorsi naturali. Il-fraġilità tar-reġjun hija aggravata aktar mis-sensittività tiegħu għat-tibdil fil-klima. Skont is-sitt Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Grupp ta’ Ħidma II tal-Bord Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti (ippubblikat fi Frar 2022), l-ekosistemi tal-Mediterran huma mistennija li jkunu fost dawk l-aktar milquta mill-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima li qed jagħmel progress.
Ir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran qed jiffaċċja aktar sfidi ta’ governanza, soċjoekonomiċi, klimatiċi, ambjentali u ta’ sigurtà, li ħafna minnhom jirriżultaw minn xejriet globali u jitlob azzjoni konġunta mis-sħab tal-UE u tal-Viċinat tan-Nofsinhar. Il-kunflitti fit-tul ikomplu jikkawżaw tbatija umana terribbli, jikkawżaw spostament furzat sinifikanti, jitfgħu piż fuq il-prospetti ekonomiċi u soċjali ta’ soċjetajiet sħaħ, speċjalment għal pajjiżi li jospitaw popolazzjonijiet kbar ta’ refuġjati, u jintensifikaw il-kompetizzjoni ġeopolitika u l-interferenza minn barra.
Barra minn hekk, l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19, qed ipoġġu r-riżorsi naturali u l-agrikoltura taħt pressjoni enormi. Għalhekk, it-trasformazzjoni għal riżorsi naturali mhux imniġġsa u sistemi tal-ikel tajbin għas-saħħa, ekwi, reżiljenti u sostenibbli jeħtieġ li tkun prijorità kontinwa għas-soċjetajiet tal-Mediterran.
Konsegwentement, l-objettivi ta’ PRIMA għadhom validi.
Barra minn hekk, il-“Kummissjoni ġeopolitika” tal-President Ursula von der Leyen tirrikonoxxi r-rwol partikolari tal-Mediterran u tenfasizza li għandha l-ħsieb li tikkollabora mill-qrib mas-sħab Mediterranji dwar il-Patt Ekoloġiku tal-UE sabiex inkunu “nistgħu nagħmlu r-reġjun mexxej fis-soluzzjonijiet klimatiċi.” L-UE, permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ proġetti u programmi, inkluża PRIMA, tappoġġa lis-sħab tal-Viċinat tan-Nofsinhar tagħha fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ politiki ekoloġiċi. Hija tippromwovi l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-tniġġis u t-tibdil fil-klima, billi toffri li tgħin lis-sħab tal-Viċinat tan-Nofsinhar tagħha jimplimentaw il-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima u l-iżviluppi u x-xogħlijiet sussegwenti tiegħu biex jaqsmu l-aħjar prattiki u għarfien espert.
Biex jissaħħu l-eżiti fit-tul ta’ PRIMA, qed jiġu proposti r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:
·Aktar simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tat-tliet Taqsimiet ta’ PRIMA. L-evalwazzjoni żvelat li s-sħubija ta’ PRIMA tikkostitwixxi l-ekosistema t-tajba biex tippermetti approċċi mfassla għall-kwistjonijiet konġunti tar-reġjun tal-Mediterran f’termini ta’ suġġetti u livelli ta’ finanzjament. Madankollu, l-attraenza ta’ PRIMA wasslet għal rata baxxa ta’ suċċess. Fil-fatt, ir-rati ta’ suċċess għat-Taqsima 1 huma anqas minn 5 %. Bl-istess mod, ir-rati ta’ suċċess għat-Taqsima 2 ivarjaw minn 6,6 % fl-2018 għal madwar 20 % fl-2021. Din is-sottoskrizzjoni żejda tista’ tiskoraġġixxi fis-sottomissjoni futura ta’ proposti ta’ livell għoli. L-istruttura ta’ implimentazzjoni ta’ PRIMA għandha tindirizza din il-kwistjoni u tipproponi modi biex jiżdiedu r-rati ta’ suċċess tal-proposti magħżula għall-finanzjament. Pereżempju, tista’ tiġi vvalutata l-possibbiltà ta’ sejħiet aktar adattati u ta’ aktar irfinar tal-proċess tal-applikazzjoni fiż-żewġ stadji tas-sejħiet;
·It-Taqsima 3 tidher li tirċievi grad differenti ta’ sensibilizzazzjoni u importanza mill-Istati Parteċipanti. Għalhekk, hemm bżonn li tiżdied l-effettività tagħha. L-istruttura ta’ implimentazzjoni ta’ PRIMA għandha talloka sforzi addizzjonali fis-sensibilizzazzjoni tal-Istati Parteċipanti dwar l-importanza ta’ Attivitajiet Mibdija minn Stati Parteċipanti, biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-kontribut ta’ din it-taqsima lejn żona ta’ riċerka aktar integrata. PRIMA tista’ tibbenefika kemm jista’ jkun mill-iffaċilitar tar-rekwiżiti ta’ rapportar tal-Attivitajiet Mibdija minn Stati Parteċipanti sabiex jipprovdu aħjar għar-riżorsi limitati tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ finanzjament. Opzjoni oħra biex tiżdied ir-rilevanza strateġika tat-Taqsima 3 tkun enfasi akbar fuq l-iskambju, in-networking u t-taħriġ;
·Għalkemm il-partijiet ikkonċernati huma ġeneralment issodisfati bl-implimentazzjoni ta’ PRIMA, huma meħtieġa sforzi addizzjonali mill-istruttura ta’ implimentazzjoni ta’ PRIMA u mill-Istati Parteċipanti biex tkompli tiżdied l-effiċjenza b’mod partikolari tat-Taqsima 2, billi titnaqqas il-kumplessità kkawżata minn skemi ta’ finanzjament nazzjonali differenti u ssir ħidma lejn is-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi nazzjonali, li jitnaqqas iż-żmien għall-għoti, tissaħħaħ l-affidabbiltà u tittejjeb il-veloċità;
·Sabiex jiġu sfruttati bis-sħiħ is-sinerġiji bejn il-proġetti u biex jitrawwem il-bini ta’ komunitajiet b’durata itwal, l-istruttura ta’ implimentazzjoni ta’ PRIMA għandha tintensifika l-isforzi tagħha biex tagħti spinta lill-iskambju bejn proġetti individwali bil-għan li jiġu identifikati l-komplementarjetajiet tagħhom u s-sinerġiji potenzjali tagħhom. Jistgħu jkunu mezzi korrispondenti, eż. l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti għal proġetti fi stadju bikri biex wieħed jitgħallem minn dawk l-avvenimenti avvanzati aktar għall-iskambju bejn proġetti b’fokus tematiku simili, jew avvenimenti ta’ networking u senserija;
·L-Istati Parteċipanti u l-istruttura ta’ implimentazzjoni ta’ PRIMA jridu jinvestu aktar f’attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u fil-bini tal-kapaċità biex jippermettu lill-atturi mill-Istati Parteċipanti tan-Nofsinhar tal-Mediterran jinvolvu ruħhom b’mod aktar attiv fi PRIMA. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni interim ivvaluta li mill-bidu ta’ PRIMA, kien hemm attivitajiet differenti biex jiġu appoġġati l-partijiet ikkonċernati minn pajjiżi differenti li wasslu għal xi progress fis-sistemi ta’ riċerka u innovazzjoni tagħhom. Madankollu, għad hemm potenzjal mhux sfruttat li jippermetti parteċipazzjoni saħansitra aktar attiva fi PRIMA. Dan huwa relatat mal-għadd ġenerali ta’ benefiċjarji mill-Istati Parteċipanti tan-Nofsinhar tal-Mediterran, li jista’ jkun ogħla, u mar-rwoli tagħhom fil-proġetti. Għalhekk, huma meħtieġa attivitajiet addizzjonali ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ bini tal-kapaċità u appoġġ għal konnessjoni aħjar mal-komunità tranżnazzjonali biex tiġi intensifikata l-parteċipazzjoni tagħhom;
·PRIMA qed tuża diversi indikaturi biex timmonitorja l-progress u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni. Madankollu, huwa meħtieġ monitoraġġ aktar sistematiku tar-riżultati u tal-impatti li jirriżultaw mill-azzjonijiet differenti. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni interim enfasizza li kien hemm sforzi sinifikanti u progress lejn it-titjib kontinwu tal-Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni ta’ PRIMA (KPIs. Madankollu, l-Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni attwali għadhom iħallu lok għal titjib fir-rigward tal-utilità tagħhom biex jiġi ġġudikat l-ilħuq tal-objettivi speċifiċi u l-impatt tal-proġetti. Dan jikkonċerna, pereżempju, in-nuqqas ta’ Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni biex jitkejjel b’mod effettiv l-allinjament tal-istrateġija tar-riċerka u l-innovazzjoni lil hinn mil-livell proċedurali. Barra minn hekk, irid jiġi żgurat li l-impatt tal-proġetti jiġi mmonitorjat b’mod adegwat, lil hinn mir-rieżami ta’ nofs it-terminu jew mir-rieżami ta’ tmiem ta’ proġett, jiġifieri xi tip ta’ monitoraġġ jew segwitu regolari wara t-tmiem ta’ proġett. L-istruttura ta’ implimentazzjoni ta’ PRIMA għandha mbagħad taħdem fuq l-aġġustament ta’ Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni;
·L-istruttura ta’ implimentazzjoni ta’ PRIMA diġà ddedikat sforzi qawwija lejn attivitajiet ta’ disseminazzjoni u komunikazzjoni (eż. taqsima ddedikata fis-sit web ta’ PRIMA, ir-rivista ta’ PRIMA, diversi avvenimenti ta’ senserija, it-taqsima dwar il-Konferenza dwar ir-rabta bejn l-ekosistemi tal-web, l-Ilma u l-Ikel (WEFE). L-istruttura ta’ Implimentazzjoni ta’ PRIMA hija konxja wkoll li fokus ewlieni tal-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni futuri għandu jikkomunika b’mod speċjali l-impatti tal-proġett malli dawn ikunu disponibbli. Madankollu, hemm bżonn li jiżdiedu l-komunikazzjoni u d-disseminazzjoni biex jiġi sostnut l-impenn politiku għoli għal PRIMA fit-tul. Barra minn hekk, hemm bżonn ta’ komunikazzjoni interna aħjar fi ħdan il-konsorzji tal-proġetti;
·L-iffaċilitar tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-ġirien tan-Nofsinhar tagħha bħala sħab ugwali huwa wieħed mill-kisbiet ewlenin ta’ PRIMA. Madankollu, ir-rapport ta’ evalwazzjoni żvela li l-kooperazzjoni bejn l-Istati Parteċipanti tan-Nofsinhar tal-Mediterran (il-kooperazzjoni tan-Nofsinhar) hija inqas b’saħħitha. Żieda ulterjuri fil-kooperazzjoni fost l-Istati Parteċipanti tan-Nofsinhar tal-Mediterran tkun ta’ benefiċċju, peress li tista’ tikkontribwixxi għal titjib fir-relazzjonijiet bejn dawk il-pajjiżi. Għalhekk, l-Istruttura ta’ Implimentazzjoni ta’ PRIMA għandha żżid l-isforzi biex il-komunitajiet korrispondenti jingħaqdu flimkien, eż. permezz ta’ avvenimenti speċifiċi għall-parteċipazzjoni tal-konsorzji tas-sensara fost l-Istati Parteċipanti tan-Nofsinhar tal-Mediterran. Possibbiltà oħra tkun li jiġi kkunsidrat l-adattament tal-kriterji tal-għażla għall-proposti (forsi għal ċerti sejħiet) fejn diversi parteċipanti mill-Istati Parteċipanti tan-Nofsinhar tal-Mediterran ikunu qed jinteraġixxu b’mod attiv ma’ xulxin.
·Illum, PRIMA qed tesplora sinerġiji ma’ inizjattivi tal-UE u tal-Mediterran, bħal Orizzont Ewropa Cluster 6, missjonijiet u sħubijiet. PRIMA kkontribwiet ukoll għall-ħolqien tal-Komunità ta’ Prattika tar-Rabta WEFE u għall-iżvilupp tal-pjanijiet direzzjonali tal-Pjattaformi Reġjonali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Unjoni għall-Mediterran (UFM) dwar it-tibdil fil-klima, l-enerġija rinnovabbli u s-saħħa, approvat fil-Konferenza Ministerjali dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni tal-Unjoni għall-Mediterran fit-27 ta’ Ġunju 2022. Il-kooperazzjoni possibbli mal-qafas territorjali tematiku dwar l-ekonomija blu (il-Mediterran tal-Punent) u l-inizjattiva tal-WestMED jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-ġbir flimkien tar-riżorsi u ż-żieda fl-impatti. L-istruttura ta’ implimentazzjoni ta’ PRIMA għandha tkompli ssegwi dawn l-inizjattivi u tipproponi azzjonijiet konkreti għall-implimentazzjoni tas-sinerġiji.
4.Konklużjonijiet
L-UE tirrikonoxxi r-rwol speċjali tal-Mediterran u l-Kummissjoni Ewropea diġà qiegħda tikkollabora mill-qrib mas-sħab tal-Mediterran biex tgħinhom isibu soluzzjonijiet komuni għall-isfidi identifikati u biex ir-reġjun isir mexxej fis-soluzzjonijiet reżiljenti għall-klima.
PRIMA għandha rwol uniku fl-ekosistema tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Mediterran u taqdi objettivi li ma humiex koperti minn inizjattivi oħra. Skont id-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Konferenza Mediterranja reċenti dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, l-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u Innovazzjoni ta’ PRIMA u s-sistema ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tagħha jippermettu programm konġunt effettiv ta’ riċerka u innovazzjoni f’setturi kruċjali għall-Mediterran. Dan jikkontribwixxi għall-progress xjentifiku u għas-soluzzjonijiet tekniċi għall-oqsma tal-ilma u tal-agroikel u r-rabta interkonnessa tagħhom.
L-evalwazzjoni ffaċċjat ċerti limitazzjonijiet, peress li l-ebda wieħed mill-proġetti ffinanzjati minn PRIMA għadu ma tlesta. Għalhekk, l-enfasi tal-evalwazzjoni hija anqas fuq l-impatti fit-tul u aktar fuq l-istruttura, il-proċessi ta’ implimentazzjoni, u l-progress attwali tal-Programm. B’mod partikolari, huwa evalwat jekk kienx hemm progress sinifikanti fir-rigward tal-objettivi speċifiċi, peress li dawn ma humiex kompletament dipendenti fuq l-isfruttament tar-riżultati miksuba fil-proġetti. F’dan il-kuntest, jista’ jiġi konkluż li PRIMA kienet ta’ suċċess. Is-sħubija tindirizza b’mod adegwat l-isfidi ambjentali, soċjoekonomiċi u ta’ politika li huma kruċjali għall-iżvilupp futur ta’ reġjun tal-Mediterran aktar ċirkolari u sostenibbli. Min-naħa l-oħra, PRIMA tikkontribwixxi għall-prijoritajiet, għall-objettivi u għall-inizjattivi politiċi ewlenin tal-UE bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew, b’mod partikolari l-istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt u l-istrateġija għall-Bijodiversità, l-Istrateġija dwar il-Bijoekonomija, l-Istrateġija dwar l-Adattament għall-Klima u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari, kif ukoll l-SDGs globali. Fl-istess ħin, il-programm jikkontribwixxi ħafna għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet u l-kollaborazzjoni bejn l-UE u l-ġirien tan-Nofsinhar tagħha. F’xi każijiet, hija ħeġġet ukoll il-kooperazzjoni fost dawn tal-aħħar.
L-istruttura ta’ implimentazzjoni ta’ PRIMA stabbiliet b’suċċess lil PRIMA bħala pjattaforma biex jissaħħu r-riċerka, l-innovazzjoni, il-kollaborazzjoni u hija inkorporata b’mod koerenti fix-xenarju politiku.
B’kuntrast għal inizjattivi oħra tal-Artikolu 185 skont Orizzont 2020, PRIMA ma għandha l-ebda predeċessur legali. Filwaqt li kien hemm sħubijiet bejn aġenziji nazzjonali differenti fi xbieki taż-ŻER preċedenti, u kienu jeżistu inizjattivi lejn iż-żona tal-Mediterran, l-inkorporazzjoni ta’ PRIMA bħala sħubija pubblika-pubblika fil-livell tal-UE kienet kompletament ġdida.
Ir-rakkomandazzjonijiet se jiġu adottati f’diskussjonijiet bejn l-istruttura ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni u ta’ PRIMA u l-implimentazzjoni tagħhom se tiġi segwita bħala parti mis-sorveljanza tal-Kummissjoni tal-programm PRIMA.
F’konformità ma’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, il-Kummissjoni se tfittex ukoll b’mod aktar sistematiku li tikseb u tanalizza d-data rilevanti biex ittejjeb il-monitoraġġ tal-impatti li jirriżultaw mill-programm ta’ PRIMA u se ssaħħaħ il-komunikazzjoni tal-eżiti rilevanti lejn is-servizzi rilevanti fi ħdan il-Kummissjoni.
Filwaqt li l-attivitajiet ta’ PRIMA huma previsti sal-31 ta’ Diċembru 2028, l-aħħar sejħiet tagħha se jiġu pprogrammati fl-2024 skont il-qafas Orizzont 2020. L-Istati Parteċipanti ta’ PRIMA bdew jesprimu l-interess tagħhom għall-kontinwazzjoni ta’ PRIMA. L-importanza li tiġi diskussa l-kontinwazzjoni ta’ PRIMA f’konformità mal-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas attwali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għas-sħubijiet ġiet rikonoxxuta wkoll fid-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Konferenza Mediterranja dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni fis-27 ta’ Ġunju 2022.
Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri parteċipanti tal-UE matul id-dibattitu fil-Kunsill għall-Kompetittività (COMPET) tat-2 ta’ Diċembru 2022, taw ukoll l-appoġġ tagħhom għall-kontinwazzjoni ta’ PRIMA. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-objettiv ta’ kontinwazzjoni tal-inizjattiva PRIMA u bdiet proċess intern biex tivvaluta l-għażliet għal tiġdid possibbli tal-programm PRIMA wara t-tmiem tat-terminu attiv tagħha fl-2024. Dan il-proċess se jqis ir-riżultati pożittivi ta’ din l-evalwazzjoni interim ta’ PRIMA. Barra minn hekk, PRIMA ġiet iffinanzjata minn Orizzont 2020 (2014-2021), filwaqt li s-sejħiet tagħha huma skedati għall-2018-2024 (jiġifieri l-perjodu programmatiku jaqa’ bejn Orizzont 2020 u Orizzont Ewropa). Il-ħtieġa li PRIMA tiġi sinkronizzata mal-iskeda ta’ żmien tal-qafas ta’ finanzjament, jiġifieri ma’ Orizzont Ewropa, għandha tiġi kkunsidrata wkoll f’dan il-proċess.