Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0068

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL skont l-Artikolu 278(a) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, dwar il-progress fl-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi

    COM/2023/68 final

    Brussell, 10.2.2023

    COM(2023) 68 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    skont l-Artikolu 278(a) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, dwar il-progress fl-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi

    {SWD(2023) 29 final}


    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    skont l-Artikolu 278(a) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, dwar il-progress fl-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi

    Werrej

    1.    Introduzzjoni    

    2.    Sfond    

    3.    Metodoloġija tal-proġett għas-sistemi elettroniċi tal-KDU    

    4.    Ħarsa globali lejn il-progress bis-sistemi elettroniċi tal-KDU    

    4.1    Proġetti li tlestew sal-2022    

    4.2    Proġetti li għaddejjin    

    4.2.1 Proġetti trans-Ewropej    

    4.2.2 Proġetti nazzjonali    

    4.3    Riskji għal dewmien fl-implimentazzjoni tal-IT tal-KDU    

    4.4    Azzjonijiet ta’ mitigazzjoni    

    5.    Sinteżi amministrattiva u konklużjonijiet    



    1.Introduzzjoni

    Dan huwa r-raba’ rapport tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 278(a) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) 1 dwar il-progress fl-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi previsti fil-KDU 2 . Ir-rapport ta’ din is-sena jelabora dwar il-progress kontinwu fl-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi u jiddeskrivi l-iżviluppi lejn ambjent doganali kompletament diġitali minn meta daħal fis-seħħ il-KDU. Għal dan il-għan, huwa jibbaża fuq il-Programm ta’ Ħidma tal-KDU (il-WP tal-KDU) 3 , li huwa meqjus bħala l-linja bażi għar-rapportar tal-progress.

    Il-proġetti elenkati fil-WP tal-KDU jistgħu jinqasmu fi tliet kategoriji ta’ sistemi:

    I)Ħdax-il sistema ċentrali trans-Ewropej li jridu jiġu żviluppati jew aġġornati mill-Kummissjoni (li ħafna drabi jeħtieġu wkoll żviluppi jew aġġornamenti tas-sistemi nazzjonali mill-Istati Membri);

    II)Tliet sistemi deċentralizzati trans-Ewropej li jridu jiġu żviluppati jew aġġornati mill-Kummissjoni iżda li għandhom komponent nazzjonali ewlieni li jrid jiġi implimentat mill-Istati Membri; u

    III)Tliet sistemi nazzjonali li jridu jiġu żviluppati jew aġġornati esklussivament mill-Istati Membri.

    Dan ir-rapport janalizza l-progress tanġibbli li sar għat-tliet tipi ta’ sistemi, filwaqt li jispjega l-objettivi li jridu jintlaħqu minn kull proġett, mill-arkitettura tal-proġett u mill-ippjanar. Abbażi ta’ dan, jenfasizza d-dewmien potenzjali, meta jiġi identifikat, kif ukoll il-miżuri ta’ mitigazzjoni previsti. Il-valutazzjoni ġenerali tal-progress tal-implimentazzjoni tal-WP tal-KDU hija miġbura fil-qosor fil-konklużjoni ta’ dan ir-rapport (taqsima 5) u turi li filwaqt li xi wħud mill-proġetti li jifdal jinsabu fit-triq it-tajba għat-tlestija f’konformità mal-iskeda ta’ ppjanar, oħrajn (primarjament sistemi nazzjonali) qed jesperjenzaw dewmien lil hinn mill-iskadenzi legali li jeħtieġ li l-Kummissjoni tagħti derogi. Aktar dettalji dwar l-ippjanar u l-istatus ta’ kull proġett huma pprovduti fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni 4 ppubblikat flimkien ma’ dan ir-rapport.

    2.Sfond

    Il-KDU daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2016 u wara l-emenda tiegħu fl-2019 5 , stabbilixxa l-iskadenzi tal-2020, tal-2022 u tal-2025 għat-tlestija progressiva tal-proġetti f’termini ta’ tranżizzjoni u implimentazzjoni tal-IT. L-Artikolu 278 tal-KDU jipprovdi li s-sistemi elettroniċi u dawk stampati eżistenti jistgħu jkomplu jintużaw għat-tlestija tal-formalitajiet doganali (l-hekk imsejħa “miżuri tranżizzjonali”) sakemm is-sistemi elettroniċi l-ġodda jew dawk aġġornati previsti taħt il-KDU jkunu qed jaħdmu. Il-miżuri tranżizzjonali jridu jieqfu ladarba s-sistemi elettroniċi rilevanti jkunu fis-seħħ.

    Sabiex jappoġġa dan il-proċess kumpless ta’ tranżizzjoni elettronika lejn ambjent doganali diġitali sħiħ, il-WP tal-KDU jistabbilixxi skadenzi għal kull sistema elettronika (u l-fażijiet possibbli tagħha) matul il-perjodu 2020 sa 2025.

    L-Artikolu 278(a) jirrikjedi li l-Kummissjoni tipprovdi rapport annwali dwar il-progress fil-varar tas-sistemi elettroniċi pendenti. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ġabret l-informazzjoni rilevanti permezz tas-sorsi li ġejjin: 

    (1) pjanijiet nazzjonali li l-Istati Membri huma meħtieġa jipprovdu darbtejn fis-sena (Jannar u Ġunju). 

    (2) stħarriġ iċċirkolat fost is-servizzi tagħha u lejn l-Istati Membri biex jinqabad il-progress.

    Permezz tal-istħarriġ, inġabret informazzjoni kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-Kummissjoni dwar il-progress reali abbażi tal-pjanijiet. Id-data li tirriżulta mill-istħarriġ hija kemm kwantitattiva, fil-forma ta’ skadenzi u stadji importanti li ntlaħqu jew li ma ntlaħqux, u kwalitattiva fil-forma ta’ deskrizzjonijiet dettaljati rigward il-kumplessità stmata tal-proġetti, l-isfidi ffaċċjati, ir-riskji antiċipati, id-dewmien u r-raġunijiet għal kwalunkwe dewmien bħal dan u l-miżuri ta’ mitigazzjoni ppjanati u/jew meħuda.

    (3) stħarriġ iddedikat dwar l-implimentazzjoni ta’ proġetti nazzjonali.

    L-istħarriġ iddedikat dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-proġetti nazzjonali ta perspettiva wiesgħa dwar l-avvanzi li saru mill-Istati Membri relatati man-Notifika tal-Wasla, in-Notifika tal-Preżentazzjoni, il-Ħżin Temporanju, il-Komponent 2 tal-Proċeduri Speċjali u l-Aġġornament tas-Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni fid-dawl tal-iskadenza li jmiss tal-KDU tal-31 ta’ Diċembru 2022.

    (4) laqgħat bilaterali ta’ livell għoli bejn id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali (DĠ TAXUD) u d-Direttorati Doganali tal-IT tal-Istati Membri.

    L-eżitu tal-istħarriġ ta lill-Kummissjoni stampa ċara dwar l-istatus ta’ kull sistema. Għalkemm instab li kien importanti li jinkiseb għarfien aġġornat biex ikun hemm stampa sħiħa u preċiża tal-istatus ta’ kull wieħed mill-proġetti tal-KDU min-naħa tal-Istati Membri, biex jifhmu l-kwistjonijiet li kienu qed jiffaċċjaw u biex jiġu pprovduti ideat għat-titjib ta’ sitwazzjonijiet problematiċi. Għalhekk, ġew organizzati laqgħat bilaterali ta’ livell għoli mad-Direttorat tal-IT Doganali ta’ kull Stat Membru.

    (5) l-outputs mill-programmi trans-Ewropej ta’ koordinazzjoni u ta’ monitoraġġ.

    Dan ir-rapport fih ukoll analiżi bbażata fuq informazzjoni aktar dettaljata rrapportata mill-Istati Membri fil-qafas tal-programmi ta’ koordinazzjoni li ilhom fis-seħħ mill-2020 għas-sistemi trans-Ewropej deċentralizzati ewlenin fil-qasam tat-tranżitu u tal-esportazzjoni.

    Dan ir-rapport annwali jkopri riflessjoni tal-progress miksub fit-30 ta’ Ġunju 2022, inkluża opinjoni dwar il-progress mistenni sal-31 ta’ Diċembru 2022 biex ikun hemm stampa sħiħa tal-progress li sar fl-2022.

    3.Metodoloġija tal-proġett għas-sistemi elettroniċi tal-KDU

    Fl-iżviluppi reċenti tal-proġetti tal-KDU, il-metodoloġija tal-proġett ġiet ottimizzata. L-immudellar tal-proċess tan-negozju, l-immudellar tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ġew żviluppati ulterjorment b’mod parallel u permezz ta’ kollaborazzjoni mill-qrib mill-bidu ma’ esperti minn amministrazzjonijiet legali, kummerċjali u tal-IT, kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri qegħdin jadottaw proċessi aktar aġli għall-iżvilupp ta’ sistemi elettroniċi tal-KDU, li jipprovdu funzjonalità inkrementali għall-utent permezz ta’ rilaxxi tas-software aktar rapidi u aktar maniġġevoli.

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jiltaqgħu regolarment biex jiddefinixxu u jaqblu fuq dawn id-dokumenti tal-proġett għal kull sistema trans-Ewropea. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonsulta sistematikament lill-komunità kummerċjali permezz tal-Grupp ta’ Kuntatt dwar il-Kummerċ. L-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jkunu f’kuntatt dirett mal-kummerċjanti tagħhom dwar il-pjanijiet nazzjonali u d-dokumentazzjoni kummerċjali. Sfida ewlenija hija li jiġi żgurat li s-sistemi eżistenti jkomplu jiffunzjonaw bla xkiel waqt li s-sistemi l-ġodda jkunu qegħdin jiġu żviluppati. Ladarba jkunu lesti, imbagħad huwa importanti ħafna li tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mis-sistemi eżistenti għal dawk aġġornati. Dan huwa vitali biex jiġi żgurat li l-operazzjonijiet kummerċjali u doganali ma jiġux affettwati.

    4.Ħarsa globali lejn il-progress bis-sistemi elettroniċi tal-KDU

    Il-WP tal-KDU fih sbatax-il proġett li jwasslu għall-varar tas-sistemi elettroniċi meħtieġa, inkluż erbatax-il proġett trans-Ewropew li għalihom hija responsabbli l-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, u tlieta li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà unika tal-Istati Membri.

    4.1Proġetti li tlestew sal-2022

    Il-Kummissjoni tista’ tirrapporta l-varar b’suċċess tas-sistemi jew l-aġġornamenti l-ġodda li ġejjin:

    ·Sistema tal-KDU tal-Esportatur Irreġistrat – REX (ġdida): Varata fl-2017.

    ·Deċiżjonijiet Doganali tal-KDU – CDS (ġodda): Varata fl-2017.

    ·Aċċess Dirett min-Negozjanti għas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej tal-KDU – UUM u DS (Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u Firma Diġitali) (ġdida): Varata fl-2017.

    ·Sistema ta’ Reġistrazzjoni u Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi tal-KDU 2 – EORI2 (aġġornament): Varata fl-2018.

    ·Sorveljanza 3 tal-KDU – SURV3 (aġġornament): Varata fl-2018.

    ·Informazzjoni Tariffarja Vinkolanti tal-KDU – BTI (aġġornament): Varata fl-2019.

    ·Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati tal-KDU – AEO (aġġornament): Varata fl-2019.

    ·Folji ta’ Informazzjoni għall-Proċeduri Speċjali tal-KDU – INF (ġodda): Varata fl-2020.

    ·Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni tal-KDU 2 – Rilaxx 1 – ICS2 - Rilaxx 1(aġġornament): Varata fl-2021.

    4.2Proġetti li għaddejjin

    Għall-proġetti li għaddejjin, dan ir-rapport għandu l-għan li jenfasizza l-kisbiet li saru fl-2022 iżda wkoll li jidentifika l-kwistjonijiet li rriżultaw mill-implimentazzjoni tal-proġetti nazzjonali.

    Il-proġetti trans-Ewropej ippjanati għall-varar bejn l-2023 u l-2025 huma deskritti fit-Taqsima 4.2.1. Erbgħa minn dawn il-proġetti għandhom perjodi ta’ varar li jintemmu fl-2023.

    L-enfasi ta’ dan ir-rapport hija fuq l-implimentazzjoni tat-tliet proġetti nazzjonali msemmija fit-Taqsima 4.2.2, jiġifieri n-Notifika tal-Wasla, in-Notifika tal-Preżentazzjoni u l-Ħżin Temporanju, il-Proċeduri Speċjali – Komponent 2 u l-Aġġornament tas-Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni. Dawn huma ppjanati li jkunu operazzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2022, kif definit fil-KDU. Madankollu, ħafna Stati Membri rrapportaw lill-Kummissjoni nuqqas ta’ kapaċità li jissodisfaw id-data prevista fil-KDU li tkompli tibni fuq ir-riskju deskritt fir-Rapporti Annwali dwar il-Progress preċedenti tal-KDU.

    4.2.1 Proġetti trans-Ewropej

    Rigward il-proġetti trans-Ewropej, fl-2022 ġew ippreparati sensiela ta’ dokumenti ta’ proġetti tal-IT u ntlaħaq qbil fuqhom bħala l-bażi għall-ħidma ta’ żvilupp tas-sistemi.

    Dawn il-proġetti trans-Ewropej għandhom arkitettura speċifika, li xi drabi teħtieġ taħlita ta’ komponenti ċentrali u nazzjonali u fażi waħda jew aktar tal-proġett, li għandha ssir sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2025, skont l-Artikolu 278(3) tal-KDU. Id-deskrizzjoni u l-progress għal kull proġett huma ppreżentati hawn taħt.

    1)Il-Ġestjoni tal-Garanzija tal-KDUGUM (ġdid): għandha l-għan li tiżgura l-allokazzjoni u l-ġestjoni f’ħin reali tat-tipi differenti ta’ garanziji madwar l-UE. Il-veloċità tal-ipproċessar imtejba, it-traċċabbiltà u l-monitoraġġ tal-garanziji b’mod elettroniku bejn l-uffiċċji doganali huma mistennija li jwasslu għal identifikazzjoni aktar malajr ta’ każijiet fejn il-garanziji jitqiesu invalidi jew insuffiċjenti biex ikopru d-dejn imġarrab jew potenzjali. Il-komponent deċentralizzat tal-GUM 2 għandu jiġi żviluppat fil-livell nazzjonali, li jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jinkludu funzjonalitajiet 6 li huma meħtieġa biss fil-livell nazzjonali (pereżempju, garanziji nazzjonali).

    Progress: Fid-dawl tal-istadji importanti legali fil-WP tal-KDU, il-Kummissjoni lestiet l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi sat-30 ta’ Settembru 2022 għall-Komponent 1 relatat mal-GUM trans-Ewropea u l-Istati Membri għandhom ilestu tagħhom sat-30 ta’ Novembru 2024 għall-Komponent 2 relatat mas-sistema ta’ Ġestjoni Nazzjonali tal-Garanzija.

    Fir-rigward tas-sistema ta’ Ġestjoni Nazzjonali tal-Garanzija, l-Istati Membri indikaw fil-biċċa l-kbira, livell ta’ riskju baxx dwar it-twettiq fil-ħin tal-proġett, b’livell ta’ kumplessità medju/baxx. Erba’ Stati Membri rrapportaw li l-komponent nazzjonali tagħhom għas-sistema issa qiegħed jintuża, b’żewġ Stati Membri biss b’dewmien antiċipat fir-rigward tal-istadju importanti tal-operazzjonijiet.

    2)Is-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2 tal-KDU ICS2 (aġġornament): għandha l-għan li ssaħħaħ is-sikurezza u s-sigurtà tal-katina tal-provvista billi ttejjeb il-kwalità tad-data, l-arkivjar tad-data, id-disponibbiltà tad-data u l-kondiviżjoni tad-data fir-rigward tan-notifiki ta’ qabel il-wasla (“Dikjarazzjonijiet fil-Qosor tad-Dħul”) u l-informazzjoni relatata dwar ir-riskju u l-kontroll. B’mod partikolari, il-proġett se jiffaċilita l-kollaborazzjoni fost l-Istati Membri fil-proċess tal-analiżi tar-riskju. Il-proġett se jiġi ppreżentat fi tliet rilaxxi biex jippermetti tranżizzjoni fattibbli għal kull mod tat-trasport.

    Progress: L-iżvilupp tar-Rilaxx 2 għadu għaddej, bl-użu tar-Rilaxx 1 bħala l-linja bażi. Dan it-tieni rilaxx jinkludi mudelli ġodda ta’ negozju li jirriflettu l-ħtiġijiet tan-negozju, ir-regoli u l-interfaċċi tal-utenti, li jżidu kumplessità akbar ta’ timers, il-kwalità tad-data, ir-regoli dwar il-konsistenza tad-data u r-rabta għal iffajljar multiplu u notifiki tal-wasla.

    Sfida bħalissa hija l-migrazzjoni mir-Rilaxx 1 għar-Rilaxx 2, meta jitqiesu l-perjodi ta’ tranżizzjoni differenti tagħha. L-istrateġija ta’ tranżizzjoni ġiet iffinalizzata u ppubblikata fl-2021 u l-protokolli u l-proċeduri tal-maniġġar ta’ kriżijiet 24/7/365 ġew maqbula bejn u mqassma lill-Istati Membri kollha. Bħalissa, l-Istati Membri qegħdin jippreparaw l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi nazzjonali abbażi tal-ispeċifikazzjonijiet komuni tal-UE pprovduti mid-DĠ TAXUD. Ġie indikat livell akbar ta’ kumplessità mill-Istati Membri fil-progress tal-iżvilupp tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-għadd akbar ta’ partijiet ikkonċernati kummerċjali ta’ pajjiżi terzi li għandhom jintlaħqu u l-istat ta’ tħejjija tagħhom għall-ittestjar. Dan jinvolvi riskji għall-tħejjija f’waqtha mill-Istati Membri u l-kummerċ.

    Il-ħidma fuq il-“Kompendju tal-gwida operazzjonali” għar-Rilaxx 2 ilha lesta mill-ewwel trimestru tal-2022 u fl-istess ħin, il-“Pjan ta’ kontinwità tan-negozju” ġie aġġornat biex ikopri l-operazzjonijiet tar-Rilaxx 2. Id-“Dokument ta’ organizzazzjoni minn tarf sa tarf” ġie ppubblikat għall-Istati Membri u għall-operaturi ekonomiċi f’April 2022. Sabiex jitħejjew l-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri għat-Test tal-Konformità tal-ICS2, saru kampanji ta’ taħriġ fit-tieni trimestru tal-2022. L-attivitajiet għat-Test tal-Konformità nfushom bdew fit-tielet trimestru tal-2022.

    Fir-rigward tal-istatus irrapportat dwar l-iżvilupp għall-ICS2, l-Istati Membri bħalissa huma ċċentrati fuq ir-Rilaxx 2.

    3)Il-Prova ta’ Status tal-Unjoni tal-KDU PoUS (ġdida): se taħżen, tamministra u tikseb il-provi kollha li juru li n-negozjanti jipprovdu l-istatus tal-Unjoni tal-merkanzija tagħhom. Dan il-proġett jista’ jitnieda jew b’mod ċentrali jew b’mod nazzjonali, iżda bosta Stati Membri esprimew espliċitament l-intenzjoni tagħhom li jużaw is-sistema ċentrali żviluppata mill-Kummissjoni. Fid-dawl tad-dipendenza bejn l-implimentazzjoni tal-manifest doganali tal-merkanzija tal-KDU bħala prova tal-istatus tal-Unjoni u tas-Single Window Marittima Ewropea, il-proġett se jitlesta f’żewġ fażijiet biex tiġi evitata l-inkonsistenza u biex jitnaqqsu r-riskji.

    Progress: Għall-PoUS – Fażi 1, l-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi u tas-Sistema tlestew fl-ewwel trimestru tal-2022. Għal dan il-proġett, qiegħed jintuża approċċ ta’ żvilupp simili għal “agile”, li jagħmel progress skont l-ippjanar stabbilit mill-WP tal-KDU 7 .

    Fiż-żmien tal-kitba, il-fażi tal-kostruzzjoni għadha għaddejja u hija ppjanata li tintemm f’Novembru 2022. It-test tal-konformità huwa previst li jibda fl-2022.

    Fir-rigward tal-PoUS – Fażi 2, l-Ispeċifikazzjonijiet Funzjonali għall-Manifest Doganali tal-Merkanzija (“CGM”) ġew aċċettati mill-Istati Membri fit-tieni trimestru tal-2021, bl-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi u tas-Sistema ppjanati li jibdew fl-ewwel trimestru tal-2023. Bħala riżultat tal-ħidma dwar l-implimentazzjoni teknika u d-diskussjonijiet legali reċenti, twettqet attività ta’ ġestjoni tat-tibdil biex jiġu allinjati l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali.

    Ġie enfasizzat li d-data tal-varar tas-CGM tal-Fażi 2 tal-PoUS (it-2 ta’ Ġunju 2025) ma hijiex allinjata bis-sħiħ mad-data tal-varar tas-sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea (EMSWe) (il-15 ta’ Awwissu 2025). Meta jitqies li s-sistema tal-PoUS hija prevista li tirċievi volum konsiderevoli tas-CGM permezz tal-EMSWe u d-distakk bejn id-dati joħloq piż bla bżonn għall-Kummerċ, huwa previst li jiġi żgurat l-allinjament tad-dati tal-varar għal dawn iż-żewġ proġetti.

    4)L-Ikklerjar Ċentralizzat għall-Importazzjoni tal-KDU CCI (ġdid): għandu l-għan li jippermetti li l-merkanzija titqiegħed taħt proċedura doganali bl-użu ta’ żdoganar ċentralizzat, biex b’hekk l-operaturi ekonomiċi jiċċentralizzaw in-negozju tagħhom minn perspettiva doganali. L-ipproċessar tad-dikjarazzjoni doganali u r-rilaxx fiżiku tal-merkanzija se jiġu kkoordinati bejn l-uffiċċji doganali relatati. Is-sistema se tkun ibbażata fuq is-sistemi nazzjonali l-ġodda ta’ importazzjoni u se tippermetti l-funzjonament awtomatizzat tal-proċess ċentralizzat ta’ żdoganar fil-livell Ewropew.

    Progress: Fir-rigward tas-CCI – Fażi 1, mill-ewwel trimestru tal-2022, l-attivitajiet ta’ ttestjar ta’ qabel il-konformità bdew ma’ Stati Membri “li jinsabu fuq quddiem” u Stat Membru wieħed ippreveda li jtemm l-attivitajiet ta’ ttestjar tiegħu sa Diċembru 2022 u li jniedi s-CCI b’dikjarazzjoni standard fl-ewwel trimestru tal-2023.

    F’termini tal-valutazzjoni tal-livell ta’ kompletezza tas-sistema, madwar 75 % tal-Istati Membri rrapportaw li l-iżvilupp tas-sistema qed jimxi kif mistenni. Madankollu, hemm diversi Stati Membri li indikaw li fl-istadju attwali, il-varar tagħhom se jiġi ttardjat lil hinn mill-iskadenza definita fil-WP tal-KDU. Dan jista’ jfisser li xi negozjanti li jixtiequ jagħmlu użu mill-iżdoganar ċentralizzat għall-operazzjonijiet kollha tagħhom jistgħu jiddewmu meta jagħmlu dan għal tranżazzjonijiet f’xi Stati Membri.

    Il-Kummissjoni ffinalizzat l-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi għas-CCI - Fażi 2 sat-30 ta’ Ġunju 2022, ferm qabel il-bidu ppjanat tal-perjodu ta’ varar f’Ottubru 2023.

    5)Sistema ta’ Tranżitu Kompjuterizzata Ġdida tal-KDUNCTS (aġġornament): Is-Sistema ta’ Tranżitu Kompjuterizzata Ġdida tallinja s-sistema eżistenti ta’ tranżitu tal-Unjoni u komuni mad-dispożizzjonijiet legali l-ġodda tal-KDU inkluż l-allinjament tal-iskambji ta’ informazzjoni mar-rekwiżiti tad-data tal-KDU u l-aġġornament u l-iżvilupp tal-interfaċċi ma’ sistemi oħrajn.

    Progress: Sa mill-aċċettazzjoni tal-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi, il-parti tal-iżvilupp nazzjonali tal-NCTS Fażi 5 kienet qed issibha diffiċli li tikseb ir-riżorsi meħtieġa peress li l-enfasi tal-Istati Membri ġiet trasferita għal oqsma ta’ prijorità ogħla. Il-bidu tal-operazzjoni jesperjenza bidla sinifikanti għall-2023 u b’mod partikolari għar-raba’ trimestru tal-2023, u dan ikompli jżid il-pressjoni fuq l-istadju importanti tal-1 ta’ Diċembru 2023. B’mod ġenerali, l-Istati Membri kollha għamlu progress fil-varar tas-sistemi tagħhom. Madankollu, il-progress bil-mod miksub fil-varar tas-sistemi nazzjonali tagħhom jindika riskju kbir ta’ dewmien fit-tlestija tal-NCTS – Fażi 5. Attwalment, il-livell ta’ kompletezza tat-tranżizzjoni bħalissa huwa ta’ 48 %, bil-perċentwal previst inizjalment stabbilit għal 72 %. Minkejja dan, il-maġġoranza tal-Istati Membri rrapportaw li għadhom fit-triq it-tajba għat-tranżizzjoni “Big Bang” ippjanata għall-1 ta’ Diċembru 2023.

    Fir-rigward tal-NCTS – Fażi 5, l-Istati Membri kollha ħlief tlieta kkonfermaw l-ippjanar tagħhom li jibdew l-operazzjonijiet matul il-perjodu tal-varar mill-ewwel trimestru tal-2021 sar-raba’ trimestru tal-2023. Dan jidher fl- Figure  1. Il-bar is-safra tindika l-limitu ta’ żmien għall-Istati Membri biex jippreparaw l-għeluq tas-sistemi eżistenti ta’ esportazzjoni u ta’ tranżitu u jibdew joperaw dawk il-ġodda sabiex ikunu lesti għall-iskadenza legali indikata mill-bar il-ħamra.

    Illustrazzjoni 1– NCTS – Fażi 5 bidu tal-operazzjoni tal-Amministrazzjonijiet Nazzjonali

    Għall-NCTS - Fażi 6 (interkonnessjoni ma’ sistemi oħra), l-Argument għall-Vijabbiltà u d-Dokument ta’ Viżjoni ġew approvati mill-ITSC, l-ITCB u l-ECCG fir-raba’ trimestru tal-2021. L-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi qegħdin jiġu elaborati b’mod parallel, f’iterazzjonijiet. It-Test tal-Konformità u l-Varar jistgħu jiġu affettwati minn xi Stati Membri li jużaw l-NCTS – Fażi 5 aktar tard milli ppjanat.

    6)Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjoni tal-KDUAES, l-aġġornament kemm tas-sistema trans-Ewropea eżistenti (il-Komponent 1 tal-proġett) u tas-Sistemi Nazzjonali tal-Esportazzjoni eżistenti (il-Komponent 2 tal-proġett) għandu l-għan li jimplimenta r-rekwiżiti tal-KDU għall-esportazzjoni u l-ħruġ ta’ merkanzija. Il-proġett relatat mal-AES trans-Ewropea jinvolvi l-implimentazzjoni tas-simplifikazzjonijiet tal-KDU offruti għall-kummerċ sabiex tiġi ffaċilitata l-esportazzjoni tal-merkanzija għall-kumpaniji Ewropej, bħall-iżdoganar ċentralizzat għall-esportazzjoni, u l-obbligi tal-KDU biex tiġi mmonitorjata aħjar il-merkanzija li toħroġ mit-territorju doganali tal-UE, sabiex tiġi pprevenuta l-frodi.

    Progress: L-enfasi tal-ewwel nofs tal-2022 hija l-bidu tal-operazzjoni internazzjonali għall-AES – Komponent 1, b’żewġ Stati Membri f’April 2022. Ħamsa oħra se jissieħbu fl-operazzjoni sa tmiem l-2022, bidu tal-2023. Għadd rappreżentattiv ta’ Stati Membri jew għamlu progress jew lestew l-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi tagħhom, filwaqt li erba’ Stati Membri għadhom ma bdewx l-attivitajiet relatati magħhom. Il-perjodi ta’ tranżizzjoni offruti mill-Istati Membri lill-komunitajiet tan-negozjanti tagħhom huma dejjem aktar magħfusa, jekk mhux saħansitra mrażżna, billi tiġi imposta tranżizzjoni “Big Bang” kkawżata minn nuqqas ta’ żmien. L-Istati Membri kollha ħlief tlieta kkonfermaw l-ippjanar tagħhom li jibdew l-operazzjonijiet matul il-perjodu tal-varar mill-ewwel trimestru tal-2021 sar-raba’ trimestru tal-2023. Dan jidher fl- Figure  2.

    Illustrazzjoni 2– AES – Komponent 1 bidu tal-operazzjoni tal-Amministrazzjonijiet Nazzjonali

    Għall-AES – Komponent 2, l-aġġornament tas-Sistemi Nazzjonali tal-Esportazzjoni, għadd rappreżentattiv ta’ Stati Membri jew għamlu progress jew lestew l-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi tagħhom, filwaqt li sitt Stati Membri rrapportaw li għadhom ma bdewx l-attivitajiet relatati magħhom.

    Biex tiġbor fil-qosor l-istatus tal-proġetti trans-Ewropej li fadal, il-Kummissjoni tinsab fit-triq it-tajba biex tissodisfa l-iskadenzi legali miftiehma fil-kuntest tal-KDU u tal-WP tal-KDU, u l-istadji importanti tal-proġett stabbiliti fil-MASP-C tal-2019. Fir-rigward tal-varar mill-Istati Membri tal-komponenti nazzjonali ta’ dawn is-sistemi trans-Ewropej, ġew identifikati xi riskji għal dewmien, b’mod partikolari għall-ICS2 – Rilaxx 2, CCI - Fażi 1, AES u NCTS – Fażi 5 (ara t-Taqsima 4.3).

    Fl-aħħar nett, huwa importanti li jiġi enfasizzat li fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-WP tal-KDU, il-Kummissjoni se tkun wettqet madwar 87 % tal-attivitajiet tagħha sa Diċembru 2022 (is-sena li għaddiet tlesta 84 % tat-totalità tal-ħidma ta’ żvilupp tagħha). Dan il-perċentwal huwa bbażat fuq indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għall-attivitajiet assenjati biss lill-Kummissjoni u ma jirriflettix l-attivitajiet imwettqa mill-Istati Membri. Fil-ħarsa ġenerali ta’ hawn taħt, wieħed jista’ jsib il-prospetti li jirriflettu l-progress u l-ippjanar ipprovduti mis-servizzi tad-DĠ TAXUD.

    Għażla taż-żmien

    % Komplut

    Sa tmiem l-2022

    87 %

    Sa tmiem l-2023

    95 %

    Sa tmiem l-2024

    97 %

    Sa tmiem l-2025

    100 %

    Illustrazzjoni 3 – Approssimazzjoni tal-perċentwal tat-tlestija tal-attivitajiet ta’ żvilupp tal-Kummissjoni

    Filwaqt li għall-biċċa l-kbira tal-attivitajiet tal-proġett tal-Kummissjoni stess, l-implimentazzjoni ma hijiex dipendenti fuq il-progress nazzjonali, hemm impatt għal xi tip ta’ attivitajiet imwettqa f’kollaborazzjoni mill-qrib mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri bħat-test tal-konformità ta’ komponent nazzjonali ta’ sistema trans-Ewropea. Permezz ta’ dan l-impatt kollaterali, wieħed jista’ jgħid li d-dewmien minn Stati Membri speċifiċi fuq l-implimentazzjoni tal-komponenti nazzjonali tagħhom għandu impatt fuq il-kisbiet ġenerali fit-twettiq tal-KDU.

    4.2.2 Proġetti nazzjonali

    L-Istati Membri għandhom ilestu l-aġġornament tat-tliet proġetti kompletament nazzjonali tagħhom 8 . L-attivitajiet ta’ żvilupp huma kwistjoni nazzjonali, bi proċessi u rekwiżiti tad-data għad-dominju estern iddefiniti permezz tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

    It-tliet proġetti nazzjonali li jridu jitlestew sal-31 ta’ Diċembru 2022 skont l-Artikolu 278(2) tal-KDU huma kif ġej:

    1)In-Notifika tal-Wasla, in-Notifika tal-Preżentazzjoni u l-Ħażna Temporanja tal-KDU (AN, PN u TS) — (aġġornament): jiddefinixxu l-awtomatizzazzjoni tal-proċessi fil-livell nazzjonali fir-rigward tan-Notifiki tal-Wasla tal-mezz ta’ trasport, il-Preżentazzjoni ta’ merkanzija u d-dikjarazzjonijiet għall-Ħażna Temporanja, kif deskritt fil-KDU. Dan il-proġett jappoġġa l-armonizzazzjoni fl-Istati Membri kollha fir-rigward tal-iskambju tad-data bejn il-kummerċ u d-dwana.

    Progress: It-twettiq f’waqtu tas-sistemi nazzjonali meħtieġa mill-Istati Membri kollha kien diġà identifikat bħala f’riskju fir-rapport tas-sena l-oħra. Ġie nnotat dewmien addizzjonali meta mqabbel mar-Rapport Annwali dwar il-Progress tal-KDU għall-2021. Sa tmiem l-2022, l-AN, il-PN u t-TS tlestew biss minn 4, 7 u 6 Stati Membri, rispettivament — ara t-taqsima 3.1.2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-Rapport.

    2)Is-Sistemi ta’ Importazzjoni NazzjonaliNIS (aġġornament): għandhom l-għan li jimplimentaw ir-rekwiżiti kollha tal-proċess u tad-data li jirriżultaw mill-KDU li jirrigwardaw l-importazzjonijiet. L-Istati Membri jridu jiżviluppaw speċifikazzjonijiet tekniċi fil-livell tagħhom bħala l-ewwel pass lejn it-tlestija tas-sistemi.

    Progress: Ġie nnotat dewmien addizzjonali meta mqabbel mar-Rapport Annwali dwar il-Progress tal-KDU għall-2021. Sa tmiem l-2022, l-NIS ġiet aġġornata għar-rekwiżiti tal-KDU biss minn 10 Stati Membri – ara t-taqsima 3.2.2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-Rapport.

    3)Il-Proċeduri Speċjali tal-KDU SP (aġġornament): għandhom l-għan li jarmonizzaw u li jiffaċilitaw proċeduri speċjali (ħażna doganali, użu aħħari, dħul temporanju u pproċessar attiv u passiv). L-Istati Membri se jkollhom jimplimentaw il-bidliet kollha meħtieġa tal-KDU għal dawn il-proċeduri speċjali fis-sistemi nazzjonali tagħhom. Il-Komponent tal-Importazzjoni se jkun parti mill-aġġornament tal-proġett tas-Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni tal-KDU, filwaqt li l-Komponent tal-Esportazzjoni tal-SP se jiġi implimentat f’konformità mal-proġett tas-Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjoni (AES) tal-KDU u bħala parti minnu.

    Progress: Meta jitqiesu l-interdipendenzi eżistenti mas-Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni (aġġornament), u ċirkostanzi speċifiċi oħra, diversi Stati Membri ma jistgħux jissodisfaw l-iskadenza legali għall-Komponent tal-Importazzjoni tal-SP. 15-il Stat Membru pprevedew it-tlestija tal-attivitajiet ta’ żvilupp għall-Komponent tal-Importazzjoni tal-SP sa tmiem l-2022 – ara t-taqsima 3.3.2. tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-Rapport. Madankollu, xi wħud setgħu ma laħqux dan il-pass importanti fid-dawl tal-aħħar żviluppi rrapportati għall-aġġornament tal-NIS tagħhom. Għall-Komponent tal-Esportazzjoni tal-SP bi skadenza tal-1 ta’ Diċembru 2023, is-sitwazzjoni tidher aħjar bil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri qed jippjanaw l-varar sal-iskadenzi.

    Fil-qosor, minkejja l-isforzi li saru, ħafna Stati Membri esperjenzaw dewmien u għalhekk mhux se jkunu jistgħu jissodisfaw l-iskadenza pprovduta mill-KDU biex is-sistemi nazzjonali jkunu operattivi (il-31 ta’ Diċembru 2022).

    4.3Riskji għal dewmien fl-implimentazzjoni tal-IT tal-KDU

    Il-Kummissjoni qiegħda tagħmel progress sew fuq l-iżviluppi taħt ir-responsabbiltà tagħha u ma ġie mmaterjalizzat jew identifikat l-ebda dewmien lil hinn mill-iskadenzi legali. Barra minn hekk, ma ġie rrapportat l-ebda riskju kbir li jwassal għal varar tard. Madankollu, għalkemm f’dan ir-rapport għamilna distinzjoni bejn il-progress min-naħa tal-Kummissjoni u l-progress min-naħa tal-Istati Membri, hemm grad ta’ esternalità mid-dewmien nazzjonali fuq il-progress tas-sistemi trans-Ewropej bħal ICS2, CCI, AES u NCTS, u konsegwentement anke b’mod limitat fuq l-attivitajiet tal-Kummissjoni. Dan iseħħ pereżempju f’termini ta’ investiment ta’ riżorsi itwal għat-test tal-konformità, għall-appoġġ u l-monitoraġġ tal-koordinazzjoni trans-Ewropea, f’termini ta’ għoti ta’ assistenza fi skemi nazzjonali alternattivi ta’ żvilupp u ta’ varar, u anke tal-manutenzjoni fit-tul tal-komponenti ċentrali stabbiliti għat-tranżizzjoni.

    B’ħarsa lejn il-progress ġenerali tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni, dawn qed javvanzaw gradwalment bl-iżviluppi taħt ir-responsabbiltà tagħhom, iżda l-biċċa l-kbira tagħhom aktar bil-mod milli ppjanat, li jwassal għas-sitwazzjoni fejn ġie rrapportat dewmien għal proġett wieħed jew aktar lil hinn mill-iskadenzi legali.

    L-Istati Membri ppreżentaw varjetà ta’ raġunijiet bħala ġustifikazzjoni għad-dewmien irrapportat. Il-biċċa l-kbira tal-kwistjonijiet u tar-riskji ġew osservati sena wara sena, b’impatt fuq il-progress tal-attivitajiet tagħhom u fl-aħħar mill-aħħar jikkawżaw dewmien fl-iżvilupp tas-sistemi tagħhom. Sorsi ewlenin ta’ diffikultajiet u riskji għal dewmien indikati mill-Istati Membri huma n-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji u umani tagħhom, l-impatt u l-ippjanar mill-ġdid minħabba l-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku 9 , ċirkostanzi speċifiċi ta’ ħidma kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, prijoritajiet li jikkompetu ma’ xulxin u l-impatt tal-Brexit u tal-gwerra fl-Ukrajna fuq id-dwana. L-Istati Membri rreferew ukoll għall-infrastrutturi tal-IT nazzjonali li ma setgħux ilaħħqu mal-ħtiġijiet tal-proġetti, il-kwistjonijiet tal-kapaċità tal-kuntratturi u d-dipendenzi tagħhom ma’ partijiet ikkonċernati oħra, it-tranżizzjoni u l-ittestjar mal-operaturi ekonomiċi, sejħiet għall-offerti tard jew mingħajr suċċess biex jiġu esternalizzati biċċiet ta’ xogħol, u integrazzjonijiet kumplessi tas-sistema tal-proġetti tal-KDU.

    Meta wieħed iqis li l-Programm ta’ Ħidma tal-KDU ġie stabbilit f’April 2019 u l-Kummissjoni wettqet l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi tagħha fil-ħin għas-sistemi trans-Ewropej, jidher problematiku minn perspettiva ta’ governanza li għad hemm xi ftit Stati Membri fejn l-offerti għadhom ma ġewx aġġudikati (fiż-żmien tal-valutazzjoni tagħna mal-Istati Membri) jew fejn hemm problemi sostanzjali fil-proċess tal-akkwist nazzjonali.

    Il-Kummissjoni organizzat laqgħat bilaterali biex tiddiskuti mal-Istati Membri individwali kollha l-kwistjonijiet tagħhom, biex ittenni li għandha tingħata prijorità lill-proġetti tal-KDU u biex tagħti pariri dwar azzjonijiet u miżuri ta’ segwitu possibbli. F’dan il-kuntest, erbgħa u għoxrin Stat Membru bagħtu talbiet formali għal derogi lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 6(4) tal-KDU dwar id-dewmien tal-proġetti nazzjonali lil hinn mill-iskadenza tal-31 ta’ Diċembru 2022. Ħarsa ġenerali lejn id-derogi mitluba mill-Istati Membri hija pprovduta hawn taħt:

    ·Għall-implimentazzjoni tan-Notifika tal-Wasla, l-Istati Membri li ġejjin talbu deroga: AT, BG, BE, CY, CZ, DK, EE, ES, FR, EL, HU, HR, LU, MT, NL, PL, PT, RO, SE, SI u SK. Fl-istess ħin, AT, BG, CY, DE, EE, ES, FI, FR, HR, HU, LT, LV, NL, PL, RO, SE u SI rrapportaw li se jużaw l-AN integrat fl-ICS2 – Rilaxx 2 (varar ippjanat fl-1 ta’ Marzu 2023). De u IE mmarkaw in-Notifika tal-Wasla bħala mhux applikabbli.

    ·Għall-implimentazzjoni tan-Notifika tal-Preżentazzjoni, l-Istati Membri li ġejjin talbu deroga: AT, BE, CY, CZ, DK, EE, ES, FR, EL, HU, HR, LU, MT, NL, PL, PT, RO, SE, SI u SK.

    ·Għall-implimentazzjoni tal-Ħażna Temporanja, l-Istati Membri li ġejjin talbu deroga: AT, BE, CY, CZ, DK, EE, ES, FR, EL, HU, HR, LT, LU, MT, NL, PL, PT, RO, SE, SI u SK.

    ·Għall-implimentazzjoni tal-Aġġornament tas-Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni, l-Istati Membri li ġejjin talbu deroga: AT, BE, CY, CZ, DK, ES, FR, EL, HU, LT, LU, MT, NL, PT, RO u SE. Dan id-dewmien se jkollu impatt fuq il-proġett tas-CCI trans-Ewropew u l-Proċeduri Speċjali – Komponent 2, li jsegwi l-istess skeda ta’ żmien bħall-Aġġornament tas-Sistema Nazzjonali tal-Importazzjoni.

    Il-Kummissjoni vvalutat bir-reqqa t-talbiet minn kull Stat Membru u l-ġustifikazzjonijiet ipprovduti minnhom f’termini ta’ ċirkostanzi speċifiċi u adottat Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni li jagħtu derogi lill-Istat Membru rikjedenti għal perjodu ta’ żmien limitat, li jdum sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2023, għan-Notifika tal-Wasla, in-Notifika tal-Preżentazzjoni, il-Ħażna Temporanja, is-Sistema Nazzjonali tal-Importazzjoni. Barra minn hekk, għall-proġett ta’ dħul nazzjonali, se jkun permess approċċ iterattiv għall-mezz tat-trasport marittimu fid-dawl tal-allinjament mad-data stabbilita fil-Programm ta’ Ħidma tal-KDU għall-ICS2 - Rilaxx 3.

    Minbarra l-informazzjoni li nġabret għal dan ir-Rapport Annwali dwar il-Progress, u kif rifless fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjah, diversi Stati Membri infurmaw lill-Kummissjoni separatament u b’mod formali (permezz ta’ talba għal deroga) dwar id-dewmien fuq il-proġetti l-oħra (prinċipalment trans-Ewropej):

    ·Għall-implimentazzjoni tal-ICS2 – Rilaxx 2, l-Istati Membri li ġejjin talbu deroga: AT, DK, EE, FR, EL, NL u RO. Fuq l-istess nota, CY, FI, FR, EL u NL irrapportaw dewmien fir-rigward tal-ICS2 – Rilaxx 3. Ara t-taqsima 4.3.1 u 4.3.2 tad-dokument ta’ akkumpanjament għal dan ir-Rapport.

    ·Għall-implimentazzjoni tal-PoUS – Fażi 1, l-Istat Membru li ġej indika data ppjanata għall-varar li hija aktar tard mill-iskadenza fil-Programm ta’ Ħidma tal-KDU: EL. Għall-Fażi 2, il-FI rrapportat dewmien fl-implimentazzjoni tas-sistema tagħha. Ara t-taqsima 4.4.2 tad-dokument ta’ akkumpanjament għal dan ir-Rapport.

    ·Għall-implimentazzjoni tas-CCI – Fażi 1, l-Istati Membri li ġejjin indikaw data ta’ operazzjonijiet ippjanata li hija aktar tard mill-iskadenza fil-Programm ta’ Ħidma tal-KDU: DE, DK, FI, FR u EL. Għas-CCI – Fażi 2, l-EE u l-FI indikaw data ta’ operazzjonijiet ippjanata li hija aktar tard mill-iskadenza fil-Programm ta’ Ħidma. Ara t-taqsima 4.5.2 tad-dokument ta’ akkumpanjament għal dan ir-Rapport.

    ·Għall-NCTS – Fażi 5, l-AT, il-LT u n-NL indikaw dewmien fir-rigward tal-varar tas-sistema. Ara t-taqsima 4.6.2 tad-dokument ta’ akkumpanjament għal dan ir-Rapport.

    ·Għall-implimentazzjoni tal-AES – Komponent 1, l-AT, il-FI u l-SE indikaw data ta’ operazzjonijiet ippjanata aktar tard minn dik fil-Programm ta’ Ħidma tal-KDU. Ara t-taqsima 4.7.2 tad-dokument ta’ akkumpanjament għal dan ir-Rapport.

    ·Għall-implimentazzjoni tal-GUM – Komponent 2, l-Istati Membri li ġejjin indikaw data ta’ operazzjonijiet ippjanata li hija aktar tard mill-iskadenza fil-Programm ta’ Ħidma tal-KDU: il-FI u FR. Ara t-taqsima 4.2.2 tad-dokument ta’ akkumpanjament għal dan ir-Rapport.

    Il-Kummissjoni qiegħda tanalizza u timmonitorja s-sitwazzjoni mill-qrib ħafna għall-proġetti ta’ hawn fuq u qiegħda tieħu miżuri biex iżżid l-appoġġ tagħha – (ara t-Taqsima 4.4. hawn taħt).

    Bħala konklużjoni, il-maġġoranza tal-Istati Membri ma setgħux jimmitigaw kif xieraq ir-riskji deskritti fir-Rapporti preċedenti u fil-fatt seħħ dewmien għall-proġetti nazzjonali ta’ dħul u importazzjoni bid-data ta’ implimentazzjoni tal-31 ta’ Diċembru 2022. Id-dewmien li qed jiġi esperjenzat rigward dawn il-proġetti jista’ jkollu effett negattiv fuq it-twassil tal-komponenti nazzjonali tas-sistemi trans-Ewropej peress li d-diversi varaturi qed jiġu kompattati aktar f’perjodu ta’ żmien iqsar. Barra minn hekk, dan id-dewmien ifixkel kemm il-kapaċità tal-Istati Membri kif ukoll tal-UE li jiġbru data rilevanti u jwettqu analiżi kritika tad-data, li twassal biex jiddgħajjef l-isforz kollettiv tagħna biex nindirizzaw b’mod effettiv il-frodi. Fl-aħħar nett, il-benefiċċji għall-kummerċ kif previst mill-KDU mid-diġitalizzazzjoni sħiħa tal-proċeduri doganali u minn proġetti ta’ faċilitazzjoni tal-kummerċ bħas-CCI se jimmaterjalizzaw biss fi stadju aktar tard lejn it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni.

    4.4Azzjonijiet ta’ mitigazzjoni

    Fir-rigward tal-proġetti nazzjonali, l-informazzjoni dwar l-ippjanar u l-progress ipprovduta mill-Istati Membri turi li għal AN/PN/TS, l-Aġġornament tas-Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni u l-Proċeduri Speċjali – Komponent 2 (NSP IMP), is-sitwazzjoni marret għall-agħar fl-2022 meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet tal-ippjanar li saru fl-2021.

    Fid-dawl tas-sitwazzjoni, il-Kummissjoni qed iżżid l-appoġġ lill-Istati Membri permezz ta’ diversi azzjonijiet. Il-Kummissjoni wettqet superviżjoni aktar mill-qrib permezz tal-ġbir ta’ rapportar tal-progress aktar frekwenti mill-Istati Membri u tal-organizzazzjoni ta’ laqgħat bilaterali fil-livell ta’ Direttur ma’ kull Stat Membru biex tiddiskuti l-progress u l-ippjanar. L-implimentazzjoni tal-IT tal-KDU nżammet bħala suġġett rikorrenti fuq l-aġenda tal-biċċa l-kbira tal-missjonijiet imwettqa mid-Direttur Ġenerali mal-kontropartijiet tiegħu u fuq l-aġenda tal-laqgħat plenarji mad-Diretturi Ġenerali tal-Istati Membri. L-Istati Membri ġew imħeġġa jieħdu l-miżuri ta’ mitigazzjoni kollha meħtieġa u jissottomettu talbiet għal finanzjament fi ħdan il-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jgħinu fil-ħidma doganali tal-IT, madankollu, ħafna minnhom m’għamlux użu minn din il-possibbiltà.

    Il-Kummissjoni pprovdiet gwida addizzjonali lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-proġetti nazzjonali, pereżempju billi ħarġet pakkett ta’ dokumentazzjoni dwar l-użu mill-ġdid tal-ispeċifikazzjonijiet tas-CCI għas-Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni u billi stabbiliet funzjoni ta’ helpdesk fid-DĠ TAXUD biex jiġu indirizzati l-mistoqsijiet dwar kwistjonijiet legali, proċedurali u tekniċi. 10 Il-Kummissjoni pproponiet ukoll appoġġ addizzjonali lill-Istati Membri f’kull laqgħa bilaterali li saret. It-tweġiba mill-Istati Membri għal proposti bħal dawn kienet sistematikament li s-sitwazzjoni tagħhom hija partikolari, is-sistemi kkonċernati huma sistemi nazzjonali bl-ispeċifiċitajiet nazzjonali tagħhom, u għalhekk dak l-appoġġ mill-Kummissjoni ma huwiex verament meħtieġ. It-tentattiv li jiġu involuti aktar partijiet ikkonċernati fil-proġetti nazzjonali eżistenti jista’ saħansitra joħloq dewmien addizzjonali. L-appoġġ li l-Istati Membri jistennew mill-Kummissjoni huwa esklussivament fil-qasam tar-rieżami tad-dati ta’ twettiq fil-mira rilevanti tal-KDU, wara t-talbiet uffiċjali tagħhom għal derogi. Minkejja dan ir-rispons, matul il-perjodu mill-2023 sal-2025 il-Kummissjoni se tkompli tħares lejn il-possibbiltà li tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-Istati Membri li jriduh, possibbilment billi tagħmel disponibbli pariri permezz ta’ konsultazzjoni ma’ esperti f’oqsma bħall-governanza, il-ġestjoni tal-proġetti, il-ġestjoni tat-tibdil fil-proċessi tan-negozju, l-akkwist, il-komunikazzjoni, eċċ L-Istati Membri li jistgħu jkunu interessati f’tali parir jew appoġġ huma mistiedna jibagħtu talbiet rilevanti lill-Kummissjoni.

    L-Istati Membri semmew li qegħdin jistabbilixxu t-tipi ta’ azzjonijiet ta’ mitigazzjoni li ġejjin: l-użu ta’ metodoloġija ta’ żvilupp ta’ Agile, l-esternalizzazzjoni ta’ aktar attivitajiet ta’ żvilupp jew it-tmexxija ta’ diversi attivitajiet b’mod parallel, il-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi addizzjonali, il-qsim tal-proġetti f’diversi stadji u l-prijoritizzazzjoni ta’ ambitu ewlieni u potenzjalment it-tibdil tal-istruttura organizzazzjonali mal-fornituri tagħhom biex jinkiseb proċess ta’ żvilupp aktar effiċjenti. Dawn l-azzjonijiet ġew riferuti għal proġetti nazzjonali u trans-Ewropej.

    Fir-rigward tal-proġetti relatati mas-sistemi trans-Ewropej, il-Kummissjoni kompliet u saħħet l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri billi stabbiliet mekkaniżmi innovattivi ta’ żvilupp u varar, billi rfinat l-approċċ ta’ governanza u billi pprovdiet programmi trans-Ewropej ta’ koordinazzjoni u monitoraġġ. Dan huwa deskritt f’aktar dettall hawn taħt.

    Sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ dewmien, il-Kummissjoni tuża approċċ aġli dwar l-iżvilupp u l-varar tas-sistemi elettroniċi tal-KDU, b’mod partikolari matul il-fażi tal-iżvilupp tas-software ta’ kull proġett. Dan jippermetti l-ħolqien ta’ prototipi, soluzzjonijiet aktar malajr u ammont ta’ xogħol aktar ibbilanċjat għall-Kummissjoni u l-Istati Membri. Dan il-metodu nbeda fil-proġetti AES, NCTS – Fażi 5 u ICS2 u ntlaqa’ tajjeb mill-Istati Membri u n-negozjanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbiliet mekkaniżmu għal kollaborazzjoni mtejba bejn il-partijiet ikkonċernati kollha mill-bidu tal-proġetti, biex ittejjeb il-kwalità tal-attivitajiet preparatorji u biex tevita d-diffikultajiet fit-teħid tad-deċiżjonijiet u rekwiżiti addizzjonali fi stadji aktar tard fil-proġetti.

    Id-dashboard tal-Pjan Strateġiku Pluriennali għad-Dwana (MASP-C) għadu jintuża għat-traċċar tal-progress sabiex il-Kummissjoni tidentifika dewmien potenzjali fi stadju bikri. Il-linja bażi għall-istadji importanti tad-dashboard hija l-MASP-C 2019 u l-WP tal-KDU 2019. Id-dashboard huwa ppreżentat fuq bażi trimestrali lill-Istati Membri (il-Grupp Elettroniku ta’ Koordinazzjoni Doganali) u lill-komunità kummerċjali (il-Grupp ta’ Kuntatt Kummerċjali) għal skopijiet ta’ informazzjoni u ta’ tmexxija.

    Il-Kummissjoni mhux biss qiegħda timmonitorja l-progress fil-konfront tal-istadji importanti tal-proġett, kif indikat fil-WP tal-KDU u l-MASP-C, iżda qiegħda tistabbilixxi wkoll stadji importanti interim speċifiċi għal kull proġett (eż. stadji importanti li bihom l-Istati Membri kollha kellhom ilestu t-test tal-konformità). Dan il-monitoraġġ mill-qrib huwa meħtieġ biex jagħmel il-varar tas-sistemi deċentralizzati trans-Ewropej maniġġabbli u biex jiġu evitati kostijiet addizzjonali għat-tħaddim ta’ sistemi qodma u ġodda fil-każ ta’ perjodu ta’ varar estiż.

    Għall-implimentazzjoni tal-programm ICS2, wara l-varar b’suċċess tal-ICS2 – Rilaxx 1, l-enfasi nbidlet biex jiġi żgurat l-iżvilupp bla xkiel tar-Rilaxxi 2 u 3. L-Istati Membri issa qed ibiddlu l-isforzi tagħhom għall-implimentazzjoni f’waqtha tar-Rilaxx 2.

    Il-Kummissjoni pprovdiet l-appoġġ li ġej lill-amministrazzjonijiet nazzjonali u lill-operaturi ekonomiċi fl-attivitajiet ta’ żvilupp tagħhom tar-Rilaxx 2 tal-ICS2:

    ·Il-ħolqien ta’ forum iddedikat u organizzazzjoni ta’ webinars iddedikati, appoġġ permezz ta’ mistoqsijiet frekwenti u organizzazzjoni ta’ laqgħat plenarji ta’ koordinazzjoni regolari tal-ICS2 bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha, operaturi ekonomiċi individwali, assoċjazzjonijiet kummerċjali u organizzazzjonijiet internazzjonali.

    ·Monitoraġġ mill-qrib u kontinwu, ippjanar ta’ pjanijiet ta’ proġetti nazzjonali u kummerċjali biex jiġi żgurat l-allinjament tagħhom mal-ippjanar ċentrali tal-Kummissjoni fl-istadji importanti rilevanti tal-implimentazzjoni tal-IT. Kampanji ta’ komunikazzjoni, b’attivitajiet differenti implimentati matul l-implimentazzjoni tal-programm ICS2, inkluż il-ħolqien ta’ kontenut speċifiku għall-programm ICS2 fuq il-paġna web tad-DĠ TAXUD, kampanja tal-media soċjali u komunikazzjoni diretta lill-partijiet ikkonċernati u lill-multiplikaturi.

    ·Sessjonijiet ta’ taħriġ online u materjal ta’ taħriġ.

    ·Pubblikazzjoni ta’ skedi informattivi mħejjija b’mod speċifiku għall-operaturi ekonomiċi ta’ pajjiżi terzi, preżentazzjonijiet f’avvenimenti organizzati mid-DĠ TAXUD jew mill-atturi kummerċjali, li jkollhom id-dokumentazzjoni tar-Rilaxx 2 tal-ICS2 disponibbli fil-librerija pubblika fuq CIRCABC.

    Għas-sistemi trans-Ewropej NCTS – Fażi 5 u AES, il-Kummissjoni tkompli bil-“programm ta’ monitoraġġ trimestrali tal-Amministrazzjoni Nazzjonali” permezz ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex tivvaluta regolarment il-progress u tqajjem it-twissijiet ferm minn qabel fejn jistgħu jseħħu l-problemi. Barra minn hekk, biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp u fil-varar tal-komponenti nazzjonali tagħhom għas-sistemi trans-Ewropej, il-Kummissjoni stabbiliet “programm ta’ koordinazzjoni tal-Amministrazzjoni Nazzjonali” u l-attivitajiet li ġejjin:

    ·Helpdesk iddedikat.

    ·Saru mijiet ta’ laqgħat virtwali mal-esperti u mal-maniġers fil-livelli operazzjonali, tal-maniġment medju u superjuri, sabiex jiġu mmitigati r-riskji ta’ dewmien tal-Istati Membri. Appoġġ individwali lil kull Stat Membru bil-ħsieb li dawn jingħataw esperjenza ta’ ttestjar mingħajr xkiel, biex jitħaffef l-istat ta’ tħejjija tagħhom u biex jiġu mmitigati r-riskji tekniċi tagħhom.

    ·Programm ta’ taħriġ b’enfasi fuq l-imbark tal-ewwel mewġa ta’ Stati Membri li jibdew it-testijiet ta’ konformità fl-2022.

    ·Informazzjoni għall-kummerċ dwar il-progress u l-pjanijiet tal-Istati Membri.

    ·Il-Kummissjoni rrapportat lill-ECCG u lis-CPG, il-progress kontinwu tal-Istati Membri u ta’ Partijiet Firmatarji oħra għall-Konvenzjoni dwar Proċedura Komuni ta’ Tranżitu u r-rapport attwali li jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-pjanijiet nazzjonali aggregati tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni. Il-Kummissjoni ħarġet rapport ta’ progress konsolidat trimestrali tat-tranżizzjoni kemm tal-NCTS - Fażi 5 kif ukoll tal-AES mill-ewwel trimestru tal-2021.

    Fir-rigward tas-CCI – Fażi 1, wara l-eżitu tal-laqgħat rikorrenti organizzati mill-Kummissjoni, l-Istati Membri qed jiġu mħeġġa jagħżlu l-fornitur tal-IT tagħhom fil-ħin u jippjanaw ir-riżorsi interni minn qabel biex jippermettu żmien suffiċjenti għall-iżvilupp, l-ittestjar u l-varar. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tirrakkomanda li t-testijiet tal-konnettività mas-CCN2 isiru b’mod parallel mal-iżvilupp jew qablu, u li t-testijiet ta’ qabel il-konformità jitwettqu b’mod konġunt mal-attivitajiet ta’ żvilupp.

    Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri qed jesperjenzaw it-tiġdid tas-sistemi Doganali tal-IT kollha tagħhom, billi jallinjawhom mal-proċessi Doganali l-ġodda kif mandati mill-KDU. Madankollu, il-maġġoranza tal-Istati Membri qed jippjanaw li jibqgħu fil-ħin għall-1 ta’ Diċembru 2023 għas-sistemi trans-Ewropej. L-Istati Membri għamlu progress fl-ispeċifikazzjoni u fl-iżvilupp tagħhom, xi wħud permezz tat-testijiet tal-konformità tagħhom u oħrajn fil-konnettività tagħhom mas-servizzi ċentrali. Għas-CCI – Fażi 1, l-AES u l-NCTS – Fażi 5, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri qed jippjanaw biex jibdew joperaw biss matul l-aħħar żewġ trimestri tal-2023 (bidla ċara lejn tmiem il-perjodu ta’ varar). Minn din il-perspettiva, se jkunu meħtieġa sforzi straordinarji u rispons f’waqtu mill-Istati Membri biex jirkupraw id-dewmien. L-Istati Membri huma mitluba jkunu trasparenti bil-Pjanijiet Nazzjonali għall-Proġetti tagħhom, filwaqt li jżidu l-prijorità ta’ dawn il-proġetti u jkunu ħejjew “pjan B” biex jiżguraw il-kontinwità tal-operat tagħhom.

    5.Sinteżi amministrattiva u konklużjonijiet

    Wara li jiġi evalwat bir-reqqa l-progress tal-implimentazzjoni tal-IT tal-KDU, permezz ta’ diversi strumenti (stħarriġ, laqgħat bilaterali, sejħiet virtwali, ippjanar nazzjonali eċċ.), jista’ jiġi osservat li l-Istati Membri qed jiffaċċjaw dewmien u sfidi fl-iżgurar tal-varar tas-sistemi elettroniċi tal-KDU sal-iskadenzi speċifikati. Fl-2022, l-enfasi ewlenija kienet fuq il-proġetti nazzjonali ta’ Notifika tal-Wasla, Ħażna Temporanja, Notifika tal-Preżentazzjoni, Aġġornament tas-Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni u Proċeduri Speċjali – Komponent 2 li għalihom hija stabbilita l-iskadenza legali tal-KDU għat-tmiem tas-sena ta’ rapportar.

    Fid-dawl tar-riskji identifikati fir-rapport preċedenti, il-Kummissjoni ħadet passi biex timmonitorja aktar mill-qrib il-progress tal-proġetti nazzjonali u biex tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri fir-rigward tal-proċessi u s-sistemi nazzjonali tal-importazzjoni. Madankollu, il-maġġoranza tal-Istati Membri ma setgħux jimmitigaw kif xieraq ir-riskji deskritti fir-rapporti preċedenti u fil-fatt seħħ dewmien għall-proġetti nazzjonali ta’ dħul u importazzjoni bid-data ta’ implimentazzjoni tal-31 ta’ Diċembru 2022. Meta jitqies it-tnaqqis fil-progress fl-implimentazzjoni, ħafna Stati Membri rrapportaw dewmien għal dawn il-proġetti u ppreżentaw talba formali għal deroga lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 6(4) tal-KDU, fejn talbu estensjoni tal-iskadenzi għall-varar tas-sistemi. L-Istati Membri rrapportaw li r-restrizzjonijiet tar-riżorsi, il-kumplessità tal-proġetti u l-integrazzjoni tagħhom, id-diversi obbligi li għandhom jiġu implimentati permezz ta’ sistemi doganali, il-kwistjonijiet kuntrattwali u xi fatturi esterni bħall-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, tal-Brexit u tal-gwerra fl-Ukrajna fuq id-dwana, kienu l-aktar raġunijiet importanti għal dan id-dewmien. Il-Kummissjoni vvalutat bir-reqqa t-talbiet għad-deroga u l-ġustifikazzjonijiet ipprovduti minn kull Stat Membru f’termini ta’ ċirkostanzi speċifiċi. Dan irriżulta fl-aċċettazzjoni ta’ għadd (mhux kollha) ta’ talbiet għal deroga mill-Istati Membri, kif rifless fid-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni korrispondenti tal-Kummissjoni 11 għas-sistemi nazzjonali relatati mad-dħul u/jew l-importazzjoni. Id-dewmien fuq il-varar ta’ dawk is-sistemi nazzjonali jpoġġu f’riskju l-użu f’waqtu tas-sistemi trans-Ewropej li jifdal peress li d-diversi varaturi qed jiġu kompattati aktar f’perjodu ta’ żmien iqsar u eqreb lejn l-iskadenza finali.

    Barra minn hekk, meta mqabbla mas-sena li għaddiet, is-sistemi trans-Ewropej huma affettwati wkoll, bi Stati Membri addizzjonali jirrapportaw dewmien fl-iżviluppi tagħhom għall-ICS2 – Rilaxx 2, is-CCI – Fażi 1, l-AES u l-NCTS – Fażi 5. F’dan id-dawl, il-perjodi ta’ tranżizzjoni offruti mill-Istati Membri lill-komunitajiet tan-negozjanti tagħhom huma mhedda li jintrassu dejjem aktar, jekk mhux saħansitra mrażżna, billi tiġi imposta tranżizzjoni “Big Bang”. Dan għandu impatt fuq it-tħejjijiet li għaddejjin tal-komunità kummerċjali biex jiġu implimentati s-sistemi l-ġodda u l-interfaċċi tagħhom mad-dwana filwaqt li l-benefiċċji reali għall-kummerċ miksuba minn din it-trasformazzjoni diġitali tal-KDU u minn proġetti bħas-CCI se jimmaterjalizzaw biss fi stadju aktar tard lejn it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni ġenerali tal-KDU. Il-perjodu tranżitorju itwal se jkollu impatt negattiv ukoll fuq dawk l-Istati Membri li jkunu lesti fil-ħin u fuq dawk in-negozjanti li joperaw f’diversi Stati Membri fid-dawl tal-perjodu twil ta’ nuqqas ta’ armonizzazzjoni.

    L-Istati Membri se jkollhom jivvalutaw mill-ġdid l-istrateġiji, ir-riżorsi u l-approċċi ta’ governanza tagħhom biex jevitaw aktar esternalità ta’ dewmien fuq proġetti oħra.

    Aktar dettalji dwar l-ippjanar u l-istatus ta’ kull proġett huma pprovduti fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni ppubblikat flimkien ma’ dan ir-rapport. Ħarsa ġenerali fil-qosor lejn l-ippjanar u l-progress, u r-riskji ta’ allarm aħmar, tista’ tinstab fl- Figure 4 hawn taħt.

    Illustrazzjoni 4 – Ippjanar għall-proġetti tal-Programm ta’ Ħidma tal-KDU

    L-Istati Membri u l-Kummissjoni jkomplu jaħdmu lejn l-iskadenzi legali, biż-żewġ partijiet iżommu lil xulxin, u l-kummerċ, infurmati dwar il-progress tagħhom fuq bażi regolari. Għandu jiġi ddikjarat li minkejja d-dewmien li wieħed jiltaqa’ miegħu, l-Istati Membri qed juru rieda qawwija u sforzi kbar biex iwettqu azzjonijiet ta’ mitigazzjoni addizzjonali ħalli jindirizzaw l-isfidi.

    Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja regolarment is-sitwazzjoni, permezz tar-rekwiżiti ta’ rapportar imsaħħa tal-KDU, permezz tal-programmi ta’ monitoraġġ u koordinazzjoni trimestrali tal-Amministrazzjonijiet Nazzjonali għas-sistemi trans-Ewropej u permezz ta’ laqgħat plenarji u bilaterali mal-Istati Membri, biex tmexxi l-implimentazzjoni tal-IT tal-KDU lejn tlestija b’suċċess sa tmiem l-2025.

    Il-Kummissjoni se tirrifletti wkoll fuq azzjonijiet speċifiċi oħra biex issaħħaħ l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri matul is-snin li ġejjin, pereżempju billi toffri assistenza teknika.

    (1)

     Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi

    l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1–101).

    (2)

    Rapporti tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: 

    2019:  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52019DC0629

    2020: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/mt/ALL/?uri=CELEX:52020DC0806  

    2021: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=CELEX:52021DC0791

    (3)

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151 tat-13 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 325, 16.12.2019, p. 168–182).

    (4)

     Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li Jakkumpanja r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 278a tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, dwar il-progress fl-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi, SWD(2023) 29 final.

    (5)

    Ir-Regolament (UE) 2019/632 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 biex jittawwal il-perjodu taż-żmien tal-użu tranżizzjonali ta’ mezzi oħrajn minbarra t-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 111, 25.4.2019, p. 54–58).

    (6)

     Minbarra l-funzjonalitajiet komuni għall-Komponent 1 tal-GUM.

    (7)

     Skont il-Programm ta’ Ħidma tal-KDU, il-komponent huwa mistenni li jidħol fil-produzzjoni fit-2 ta’ Ġunju 2025.

    (8)

     Din l-iskeda ta’ żmien teskludi l-komponent tal-esportazzjoni tas-sistema tal-Proċeduri Speċjali nazzjonali, li għaliha l-attività u l-ippjanar huma interkonnessi mas-Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjoni (AES).

    (9)

      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2459 tal-5 ta’ Diċembru 2017 ( ĠU L 348, 29.12.2017, p. 32–33 ).  

    (10)

    21 ta’ Frar 2022, Ref. Ares (2022) 1297882.

    (11)

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/235 tal-1 ta’ Frar 2023 li tagħti deroga mitluba minn ċerti Stati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jintużaw mezzi oħra għajr tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data għall-iskambju u l-ħażna ta’ informazzjoni għan-notifika tal-wasla ta’ bastiment tal-baħar jew ta’ inġenju tal-ajru. 
    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/234 tal-1 ta’ Frar 2023 li tagħti deroga mitluba minn ċerti Stati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jintużaw mezzi oħra għajr tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data għall-iskambju u l-ħażna ta’ informazzjoni għan-Notifika tal-Preżentazzjoni b’rabta ma’ merkanzija miġjuba fit-territorju doganali tal-Unjoni.  
    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/236 tal-1 ta’ Frar 2023 li tagħti deroga mitluba minn ċerti Stati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jintużaw mezzi oħra għajr tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data għall-iskambju u l-ħażna ta’ informazzjoni għad-dikjarazzjoni għall-Ħażna Temporanja b’rabta mal-merkanzija mhux tal-Unjoni preżentata lid-dwana. 
    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/237 tal-1 ta’ Frar 2023 li tagħti deroga mitluba minn ċerti Stati Membri biex jintużaw mezzi għajr tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data għall-iskambju u l-ħażna ta’ informazzjoni b’rabta mad-dikjarazzjoni doganali għal merkanzija miġjuba fit-territorju doganali tal-Unjoni stabbilita fl-Artikoli 158, 162, 163, 166, 167, 170 u 174, 201, 240, 250, 254 u 256 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

    Top