EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023AE1362

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Reviżjoni tal-Inizjattiva tal-UE dwar il-Pollinaturi — Patt ġdid għall-pollinaturi” (COM/2023/35 final)

EESC 2023/01362

ĠU C 349, 29.9.2023, p. 173–178 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 349/173


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Reviżjoni tal-Inizjattiva tal-UE dwar il-Pollinaturi — Patt ġdid għall-pollinaturi”

(COM/2023/35 final)

(2023/C 349/26)

Relatur:

Jarmila DUBRAVSKÁ

Korelatur:

Veselin MITOV

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 24.1.2023

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adozzjoni fis-sezzjoni

28.6.2023

Adozzjoni fil-plenarja

13.7.2023

Sessjoni plenarja Nru

580

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

182/0/3

1.   Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-Komunikazzjoni ambizzjuża tal-Kummissjoni (1), li tindirizza x-xejra ta’ tnaqqis tal-pollinaturi selvaġġi fl-UE. Madankollu, iqis li ma sarx biżżejjed progress ħames snin wara l-inizjattiva oriġinali, b’mod partikolari f’termini tal-kisba tad-data meħtieġa biex tmexxi ’l quddiem l-azzjoni ta’ politika. Il-KESE jinnota nuqqas ta’ governanza ċara dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet proposti u jħeġġeġ lill-Istati Membri japprovaw il-Komunikazzjoni attwali mingħajr dewmien.

1.2.

It-tnaqqis tal-pollinaturi huwa attribwit għal diversi fatturi, inklużi sorsi insuffiċjenti tal-ikel, nuqqas ta’ prattiki tan-newba tal-għelejjel, il-ġestjoni tal-pestiċidi fi Stati Membri differenti, il-konsum tal-pestiċidi għal kull ettaru ta’ art agrikola, l-imġiba tal-abitanti urbani u rurali, l-invażjoni ta’ speċijiet mhux nattivi ta’ insetti u pjanti, il-predaturi, il-metodi ta’ ġestjoni ta’ dawk li jrabbu n-naħal, l-infezzjonijiet patoġeniċi inklużi l-viruses u kunsiderazzjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima. Il-Kumitat jilqa’ l-introduzzjoni ta’ sistema pan-Ewropea għall-monitoraġġ u l-governanza tal-pollinaturi (EU-PoMS).

1.3.

Il-KESE jqis li huwa kruċjali li tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fl-Istati Membri kollha u li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni fost l-awtoritajiet pubbliċi, il-partijiet ikkonċernati privati, l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-partijiet interessati agrikoli. Il-Kumitat jenfasizza wkoll l-iskarsezza ta’ professjonisti speċjalizzati f’dan il-qasam.

1.4.

Il-Kumitat jappella bil-qawwa għal finanzjament sinifikanti għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (RŻI) biex tinġabar data xjentifika essenzjali u jittieħdu inizjattivi adatti biex jitreġġa’ lura t-tnaqqis fil-popolazzjonijiet tal-pollinaturi, inkluż fi ħdan il-programm Orizzont Ewropa. Il-koordinazzjoni fil-livell tal-UE hija essenzjali biex jiġi żgurat li d-data nazzjonali tiġi kkonsolidata u analizzata permezz ta’ pjattaforma ddedikata tal-UE għall-pollinaturi, li tippermetti aċċess miftuħ għad-data.

1.5.

Il-KESE jirrakkomanda l-ħolqien ta’ programm u strateġija għal żoni urbani li jiffavorixxu l-pollinaturi, li jżidu l-prattiki ta’ ġestjoni tal-użu tal-art biex titrawwem id-diversità fost il-pollinaturi u jiġu kkonservati l-ħabitats naturali fir-reġjuni urbani u periurbani.

1.6.

Biex isir progress sinifikanti, l-UE u l-Istati Membri jeħtiġilhom jaqsmu l-għarfien minnufih, jikkonċentraw ir-riċerka fuq prattiki agrikoli sostenibbli u metodi effettivi ta’ ġestjoni integrata tal-pesti (IPM).

1.7.

Il-KESE jappella għal edukazzjoni adatta għall-bdiewa dwar miżuri ambjentali permezz ta’ sistemi konsultattivi nazzjonali u reġjonali għall-azjendi agrikoli, li jinkludu l-użu ta’ pestiċidi b’riskju baxx li ma jagħmlu l-ebda ħsara lill-pollinaturi u l-IPM. Huma meħtieġa wkoll programmi ta’ taħriġ li għandhom l-għan li jżidu l-għarfien dwar l-ekoloġija, l-identifikazzjoni u r-restawr tal-ħabitats tal-pollinaturi.

1.8.

Il-Kumitat jappella għal studju tal-UE mmirat biex jipprovdi data preċiża dwar l-impatt tar-radjazzjoni elettromanjetika emessa mill-antenni tat-telekomunikazzjoni fuq il-pollinaturi selvaġġi fil-ħabitats naturali tagħhom u dwar il-miżuri ta’ politika meħtieġa biex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-pollinaturi.

1.9.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tinħoloq metrika għat-tniġġis tad-dawl fl-UE, bl-użu ta’ data satellitari, sabiex jiġu evalwati u osservati l-effetti reġjonali u lokali fuq il-pollinaturi.

1.10.

Il-Kumitat jilqa’ t-talba tal-Kummissjoni għal appoġġ mill-Kumitat tar-Reġjuni għall-implimentazzjoni tal-inizjattiva tal-pollinaturi, iżda jinsab diżappuntat li l-KESE s’issa lanqas issemma’ darba fiż-żewġ inizjattivi, speċjalment fir-rigward tal-kapaċità tiegħu li jippromovi din l-istrateġija fost kategoriji differenti ta’ partijiet interessati, inkluż permezz ta’ sensibilizzazzjoni fost l-imsieħba soċjali nazzjonali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini.

1.11.

Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa għal finanzjament adatt biex jintlaħqu l-aspettattivi deskritti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u tiġi żgurata l-konsistenza fost il-miżuri u l-istrumenti ta’ politika differenti li għandhom impatt fuq il-konservazzjoni tal-pollinaturi selvaġġi. Irid jiġi pprovdut ukoll finanzjament biex il-pubbliku inġenerali jiġi infurmat aħjar dwar it-tnaqqis tal-pollinaturi u l-impatt fuq ħajjitna, kif ukoll dwar l-impatt tan-nuqqas ta’ azzjoni fuq il-ġenerazzjonijiet futuri.

1.12.

L-implimentazzjoni ta’ miżuri b’saħħithom hija essenzjali għas-salvagwardja tal-pollinaturi selvaġġi matul il-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi u l-fażi tal-użu tagħhom. Il-KESE jappella għal aktar trasparenza fir-rigward tal-użu tal-pestiċidi fl-UE u f’pajjiżi terzi.

1.13.

L-aktar soluzzjoni effettiva hija li jintlaħaq ftehim fid-dinja biex jitnaqqas l-użu tal-pestiċidi sintetiċi, u li jiġu żgurati impenn universali u kompetizzjoni ġusta. Għalkemm dan jidher li huwa kompitu diffiċli, huwa meħtieġ approċċ olistiku u li jsiru aktar sforzi fin-negozjati internazzjonali. Dan jinkludi diskussjoni serja dwar projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ pestiċidi, li diġà huma pprojbiti għall-użu fl-UE.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Ir-rikonoxximent tal-benefiċċji essenzjali tal-pollinaturi u s-servizzi tal-ekosistema li jipprovdu huwa kruċjali biex jintlaħqu għadd ta’ Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. Il-pollinaturi jservu bħala kejl kruċjali biex tiġi ddeterminata s-saħħa tal-ambjent tagħna, u jipprovdu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u kulturali indispensabbli.

2.2.

Il-Kummissjoni ħejjiet rieżami tal-Inizjattiva tal-UE dwar il-Pollinaturi, li tipprova tindirizza x-xejra ta’ tnaqqis tal-pollinaturi selvaġġi fl-UE. Il-KESE jappoġġja l-Komunikazzjoni ambizzjuża iżda jikkonkludi li, ħames snin wara l-inizjattiva oriġinali, ftit li xejn sar progress, speċjalment fir-rigward tal-ksib tad-data kollha meħtieġa u disponibbli biex l-azzjoni ta’ politika tabilħaqq titmexxa ’l quddiem.

2.3.

Il-pollinaturi mhumiex biss parti essenzjali ta’ ekosistemi li jiffunzjonaw, iżda huma wkoll il-bażi għall-ħajja fuq il-pjaneta tagħna. Huma magħrufa eluf ta’ speċijiet differenti ta’ pollinaturi selvaġġi u n-naħal huma l-aktar speċi magħrufa. Diversi fatturi għandhom impatt fuq it-tnaqqis tal-pollinaturi selvaġġi u l-KESE jenfasizza l-importanza li jintuża l-prinċipju ta’ prekawzjoni biex jiġu salvagwardjati.

2.4.

Il-KESE japprezza l-pjani ambizzjużi stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni, iżda jinnota li din hija lista twila ta’ proġetti futuri li se jeħtieġu perjodi ta’ żmien suffiċjenti. Minħabba l-pressjoni taż-żmien, il-KESE kien jistenna miżuri u azzjonijiet ċari fuq terminu qasir li jibnu fuq it-tagħlimiet misluta s’issa, abbażi tar-rapport dwar l-Inizjattiva dwar il-Pollinaturi oriġinali (2). Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta’ azzjoni transsettorjali – u fl-istess ħin immedjata – fl-Istati Membri kollha, u jilqa’ l-introduzzjoni ta’ sistema pan-Ewropea għall-monitoraġġ u l-governanza tal-pollinaturi (Skema ta’ Monitoraġġ tal-Pollinaturi tal-UE, EU-PoMS).

2.5.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaqblu minnufih u jimpenjaw ruħhom dwar l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-perjodu ta’ żmien qasir, medju u twil, u qed jistenna approvazzjoni rapida tal-Komunikazzjoni attwali.

2.6.   Fatturi li jinfluwenzaw it-tnaqqis tal-pollinaturi

2.6.1.

Hemm bosta fatturi li jaffettwaw l-okkorrenza tal-pollinaturi fl-ambjent naturali (3). Fost l-aktar importanti hemm l-ambjent, in-nuqqas tan-newba tal-għelejjel u l-enfasi tal-bdiewa biex jimmassimizzaw il-produzzjoni, iżda wkoll l-imġiba tal-abitanti urbani u rurali. It-tnaqqis tal-pollinaturi jista’ jiġi attribwit ukoll għal fatturi oħra bħal sorsi insuffiċjenti tal-ikel, attakki minn speċijiet invażivi ta’ insetti u pjanti, predaturi, ġestjoni tal-pestiċidi fiż-żoni rurali u urbani, prattiki ta’ ġestjoni tal-kaxex tan-naħal ta’ dawk li jrabbuhom, u, b’mod aktar sinifikanti, infezzjonijiet patoġeniċi inklużi l-viruses u l-fatturi tat-tibdil fil-klima.

2.6.2.

Il-Kumitat jinnota li hemm relazzjoni ċara bejn it-tnaqqis tal-pollinaturi u l-użu tal-pestiċidi għal kull ettaru ta’ art agrikola u l-produzzjoni tal-ikel fl-Istati Membri (4). L-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza tal-użu tal-pestiċidi mill-Istati Membri huma eżempju tal-problemi fil-prattika ta’ kif tiġi ġestita l-protezzjoni tal-pjanti b’mod effiċjenti u jiġu żgurati l-kwalità u l-kwantità tal-produzzjoni. L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel iddeterminat li kienu disponibbli alternattivi għal madwar terz tal-eċċezzjonijiet biss għal derogi ta’ emerġenza rigward l-użu ta’ dawn in-neonikotinojdi. Il-KESE jfakkar id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Jannar 2023 fil-Kawża C-162/21 li skontha l-Istati Membri ma jistgħux jagħtu aktar awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza għal prodotti li fihom in-neonikotinojdi.

3.   PRIJORITÀ I: It-titjib tal-għarfien dwar it-tnaqqis tal-pollinaturi, il-kawżi u l-konsegwenzi tiegħu

3.1.

Il-KESE jqis li hemm bżonn kbir li tiżdied il-kapaċità amministrattiva fl-Istati Membri u li jkun hemm aktar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-partijiet interessati privati, inklużi l-istituti tar-riċerka u x-xjentisti, mingħajr ma jintnesa s-settur agrikolu.

3.2.

Il-kondiviżjoni tal-għarfien u tal-għarfien espert u t-twettiq ta’ sforzi kollettivi fost il-partijiet ikkonċernati differenti huma kruċjali għat-tfassil ta’ miżuri kosteffettivi u għall-isfruttament ta’ sinerġiji. Approċċ komprensiv bħal dan jeħtieġ kollaborazzjoni effettiva fost dawk li jfasslu l-politika, il-partijiet ikkonċernati, u l-pubbliku ġenerali.

3.3.

Il-KESE jinnota li minbarra t-tnaqqis fil-popolazzjonijiet tal-pollinaturi, hemm ukoll nuqqas ta’ esperti fil-qasam. L-isforzi nazzjonali biex jiġu żgurati l-ġbir u l-analiżi tad-data jridu jiġu kkoordinati fil-livell tal-UE fi ħdan pjattaforma tal-UE ddedikata għall-pollinaturi li tiffaċilita l-aċċess miftuħ għad-data. Pjattaforma bħal din tippermetti lill-individwi jikkontribwixxu għal sforz kollettiv, u tibni komunità ta’ data b’sors miftuħ u repożitorju ta’ algoritmi u mudelli vverifikati.

3.4.

Il-Kumitat qed jappella għal finanzjament konkret u sinifikanti għar-RŻI sabiex tinġabar l-informazzjoni xjentifika kollha meħtieġa u jiġu segwiti inizjattivi adegwati biex jitreġġa’ lura t-tnaqqis tal-pollinaturi.

3.5.

Il-KESE japprezza l-fatt li wara li ġiet adottata l-inizjattiva inizjali, il-Kummissjoni inkorporat suġġett speċifiku dwar il-pollinaturi fil-programm ta’ ħidma 2018-2020 ta’ Orizzont 2020. Fi ħdan il-programm Orizzont Ewropa jrid jiġi allokat finanzjament addizzjonali għar-riċerka dwar il-pollinaturi, inkluża, iżda mhux biss, ir-riċerka dwar ir-raġunijiet tat-tnaqqis, u għall-monitoraġġ tal-ispeċijiet u tal-popolazzjonijiet tal-pollinaturi fl-UE, anke fiż-żoni urbani.

4.   PRIJORITÀ II: It-titjib tal-konservazzjoni tal-pollinaturi u l-indirizzar tal-kawżi tat-tnaqqis tagħhom

4.1.

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tad-data disponibbli dwar il-pollinaturi biex jiġu definiti aktar l-istrateġiji għall-konservazzjoni tal-pollinaturi u jistenna miri speċifiċi u kwantifikabbli fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri biex jiġu restawrati l-popolazzjonijiet u l-ħabitats tal-pollinaturi fl-UE.

4.2.

Il-KESE jissuġġerixxi li l-ewwel azzjoni kruċjali hija li jiġu identifikati l-ħabitats u n-networks urbani attwali u possibbli għall-pollinaturi, u jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tħeġġeġ lill-bliet jimplimentaw il-gwida għal bliet favur il-pollinaturi (5). Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda l-istabbiliment ta’ programm u viżjoni għall-bliet li huma favur il-pollinaturi, it-tisħiħ tal-ġestjoni tal-użu tal-art biex tiġi promossa d-diversità tal-pollinaturi u l-konservazzjoni ta’ żoni dedikati għan-natura fir-reġjuni urbani u periurbani. Il-Kumitat diġà kien favur li “[l-art] trid tiġi ġestita bir-reqqa fl-Istati Membri kollha, filwaqt li jiġi żgurat il-bilanċ tajjeb bejn il-kompetittività u s-sostenibbiltà, u jiġu pprovduti l-opportunitajiet ta’ finanzjament meħtieġa” (6).

4.3.

Biex jiġu stabbilizzati l-għadd u l-abbundanza tal-pollinaturi fil-kampanja, huwa essenzjali li jinħolqu kundizzjonijiet adatti permezz tal-ġestjoni tal-art agrikola. Il-KESE jenfasizza li sistemi tal-ikel aktar sostenibbli mhux se jinkisbu mingħajr politiki pubbliċi li jipprovdu appoġġ finanzjarju adegwat lill-bdiewa. Il-finanzjament mill-PAK mhuwiex l-unika possibbiltà għall-ġestjoni tal-appoġġ.

4.4.

Kwalunkwe miżura li tgħin biex tiġi stabbilizzata d-distribuzzjoni tal-pollinaturi trid tiġi vvalutata b’mod realistiku. Iridu jiġu esklużi miżuri potenzjalment konfliġġenti u jiġu promossi b’mod sistematiku miżuri adatti. Il-KESE jemmen li hemm nuqqas ta’ governanza ċara dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet proposti, u jqis li se jkun hemm diskrepanza sinifikanti bejn l-isforzi ta’ Stati Membri differenti.

4.5.

Il-varjazzjoni għolja fl-użu tal-pestiċidi għal kull ettaru ta’ art agrikola fl-Istati Membri twassal għal disparitajiet mhux biss fil-konservazzjoni tan-natura iżda wkoll fil-produzzjoni. L-UE u l-Istati Membri għandhom jespandu malajr id-distribuzzjoni tal-għarfien u jiffukaw l-isforzi tar-riċerka fuq l-agroekoloġija, l-użu sostenibbli tal-pestiċidi u l-prattiki tajbin tal-IPM.

4.6.

Il-KESE jirrakkomanda l-implimentazzjoni ta’ sistema trasparenti ta’ kontroll biex jiġu infurzati l-istess livelli massimi ta’ residwi ta’ pestiċidi fi prodotti tal-ikel importati bħal dawk stabbiliti għall-ikel prodott fl-Unjoni. Il-Kumitat diġà talab lill-Kummissjoni timplimenta mill-aktar fis ir-reċiproċità tal-istandards sabiex tillimita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għall-bdiewa Ewropej (7). Il-konsumaturi għandhom jiġu protetti u l-prodotti ta’ kwalità tajba għandhom jiġu offruti bi prezzijiet ġusti.

4.7.

Il-KESE jappella għal edukazzjoni adatta għall-bdiewa dwar miżuri ambjentali permezz ta’ sistemi konsultattivi nazzjonali u reġjonali għall-azjendi agrikoli, li jinkludu l-użu ta’ pestiċidi b’riskju baxx u l-IPM.

4.8.

L-indikaturi tal-istatus tal-popolazzjoni tal-pollinaturi jeħtieġ li jiġu żviluppati sal-2024 sabiex ikunu jistgħu jiġu vvalutati fi ħdan il-PAK. Pass essenzjali huwa li titwettaq evalwazzjoni komprensiva tal-impatt tal-PAK għall-prevenzjoni tat-tnaqqis tal-pollinaturi u li jitħeġġu prattiki li jreġġgħu lura dan it-tnaqqis. L-Istati Membri għandhom jippromovu d-direzzjoni tal-fondi ta’ assistenza teknika pprovduti fi ħdan il-PAK lejn il-pollinaturi, u jużaw fondi addizzjonali għall-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-ambjent.

4.9.

L-istrixxi tal-fjuri huma riżerva tajba għal speċijiet differenti ta’ pollinaturi u bla dubju se jikkontribwixxu għall-protezzjoni tagħhom. Madankollu, dawn jistgħu jkunu ta’ riskju għan-naħal u għal pollinaturi oħra jekk jinżergħu qrib l-ilma ta’ taħt l-art u l-pestiċidi inkwistjoni jkunu għadhom fil-ħamrija. Għaldaqstant, se jkunu meħtieġa fondi għar-riċerka u l-iżvilupp ta’ metodoloġija ċara għall-istrixxi tal-fjuri.

4.10.

Skont xi studji xjentifiċi (8), ir-radjazzjoni elettromanjetika emessa mill-antenni tat-telekomunikazzjoni jista’ jkollha impatt fuq il-popolazzjoni tal-pollinaturi selvaġġi fil-ħabitats naturali tagħhom. Barra minn hekk, fl-2018, il-Kumitat Xjentifiku tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-Riskji Sanitarji, Ambjentali u Emerġenti (SCHEER) ikklassifika fl-ogħla kategorija possibbli r-riskju li r-radjazzjoni elettromanjetika (b’mod partikolari dik marbuta mal-5G) ikollha impatt negattiv fuq l-ambjent (9). Valutazzjonijiet addizzjonali mwettqa mill-programm Eklipse, kif ukoll minn riċerkaturi indipendenti, ikkonfermaw li l-kampi elettromanjetiċi jistgħu jagħmlu ħsara lill-popolazzjonijiet tal-insetti (10). Il-Kumitat jappella għal studju tal-UE li jipprovdi data preċiża dwar din il-kwistjoni u dwar l-azzjonijiet ta’ politika meħtieġa biex tiġi żgurata protezzjoni effiċjenti tal-pollinaturi.

4.11.

Il-KESE jqis li jeħtieġ li tiġi żviluppata metrika għat-tniġġis tad-dawl fl-UE, abbażi ta’ data satellitari, sabiex jiġi vvalutat u mmonitorjat l-impatt reġjonali u lokali fuq il-pollinaturi.

4.12.

Il-fondi pprovduti mill-politika ta’ koeżjoni tal-UE jistgħu jintużaw biex isir investiment fil-protezzjoni u r-restawr tan-natura u l-bijodiversità, fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u fl-iżgurar ta’ żvilupp urban sostenibbli, bħall-implimentazzjoni ta’ infrastruttura ekoloġika bbażata fuq in-natura għall-pollinaturi. Il-KESE japprezza r-rakkomandazzjoni 11.2 tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

5.   PRIJORITÀ III: Il-mobilizzazzjoni tas-soċjetà u l-promozzjoni tal-ippjanar u l-kooperazzjoni strateġiċi fil-livelli kollha

5.1.

Il-KESE jilqa’ t-talba tal-Kummissjoni għal appoġġ mill-Kumitat tar-Reġjuni għall-implimentazzjoni tal-inizjattiva dwar il-pollinaturi fost l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Madankollu, il-Kumitat huwa diżappuntat li lanqas issemma’ darba f’din l-inizjattiva (11) jew fl-inizjattiva oriġinali (12), speċjalment fir-rigward tar-rwol tiegħu bħala l-vuċi tas-soċjetà ċivili tal-UE. Il-KESE jqis li għandu jingħata dmirijiet speċifiċi biex jippromovi din l-istrateġija fost kategoriji differenti ta’ partijiet interessati, inkluż permezz ta’ sensibilizzazzjoni fost l-imsieħba soċjali nazzjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini.

5.2.

Għandhom jintużaw għodod ta’ komunikazzjoni speċifiċi għas-sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini dwar it-tnaqqis tal-pollinaturi u l-impatt tiegħu fuq ħajjitna, kif ukoll l-impatt tan-nuqqas ta’ azzjoni (inklużi l-implikazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali għall-ġenerazzjonijiet futuri), u għall-promozzjoni ta’ kampanji ta’ informazzjoni fil-media pubblika fl-Istati Membri kollha. Irid jiġi provdut finanzjament biex il-pubbliku inġenerali jiġi infurmat aħjar, inkluż permezz tal-media soċjali u permezz tar-reklami qosra fuq it-televiżjoni matul l-aktar ħinijiet popolari mal-udjenzi.

5.3.

Il-KESE jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-koalizzjoni tal-voluntiera favur il-pollinaturi (Coalition of the Willing) (13), li hija pjattaforma mmexxija mill-UE li tinkludi nazzjonijiet membri li huma ddedikati għall-iskambju tal-għarfien u l-aħjar prattiki, it-twettiq ta’ riċerka dwar il-preservazzjoni tal-pollinaturi, u l-offerta ta’ assistenza u kooperazzjoni reċiproċi.

5.4.

Il-KESE jappella għal programmi ta’ taħriġ immirati biex iżidu l-għarfien dwar l-ekoloġija tal-pollinaturi, l-identifikazzjoni u r-restawr tal-ħabitats għall-konsulenti tal-azjendi agrikoli, il-bdiewa, il-forestiera, il-maniġers tal-art, u dawk responsabbli mill-ippjanar tal-pajsaġġ.

6.   Kummenti finali

6.1.

Il-Kummissjoni ħejjiet lista prijoritizzata ta’ 42 azzjoni b’dati stabbiliti ċari. Jetieġ li tiġi stabbilita skeda ta’ żmien dettaljata għat-tħejjija u l-ittestjar sussegwenti tal-azzjonijiet proposti. Skeda ta’ żmien stabbilita b’dan il-mod tagħmilha aktar faċli biex tiġi kkontrollata kif ukoll aktar faċli biex tinkiseb għall-parteċipanti kollha.

6.2.

Il-KESE jemmen li kollaborazzjoni effettiva u allokazzjoni adatta tar-riżorsi se jkunu kruċjali biex tiġi żgurata l-konsistenza fost il-miżuri u l-istrumenti ta’ politika differenti li għandhom impatt fuq il-konservazzjoni tal-pollinaturi selvaġġi. Il-Kumitat jenfasizza l-importanza ta’ fondi korrispondenti biex jintlaħqu l-aspettattivi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

6.3.

Huma meħtieġa salvagwardji mtejba biex jiġu protetti l-pollinaturi selvaġġi, kemm matul il-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi kif ukoll fil-fażi tal-użu tal-pestiċidi. In-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ strateġija kuraġġuża biex jiġi indirizzat l-użu tal-pestiċidi jipperikola l-futur tan-naħal u pollinaturi oħra, l-ekosistema kollha tagħna, u s-sigurtà tal-ikel tar-residenti tal-UE. Hemm ħtieġa għal trasparenza akbar rigward l-użu attwali tal-pestiċidi fl-UE.

6.4.

Il-Kumitat jemmen li l-aktar approċċ effettiv, u soluzzjoni ideali, huwa li jintlaħaq ftehim dinji biex jitnaqqas l-użu tal-pestiċidi sintetiċi, u li jiġu ggarantiti impenn universali u kompetizzjoni ekonomika ġusta. Għalkemm dan jidher li huwa tassew ambizzjuż, huwa meħtieġ approċċ olistiku u l-isforzi fin-negozjati internazzjonali jridu jiġu intensifikati. Dan jinkludi diskussjoni serja dwar projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ pestiċidi lejn pajjiżi terzi, li diġà huma pprojbiti għall-użu fl-UE.

Brussell, it-13 ta’ Lulju 2023.

Oliver RÖPKE

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  COM(2023) 35 final.

(2)  COM(2021) 261 final.

(3)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej — Insalvaw lin-naħal u lill-bdiewa” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 100, 16.3.2023, p. 45).

(4)  Eurostat, Agri-environmental indicator – consumption of pesticides (Indikatur agroambjentali – il-konsum tal-pestiċidi, mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  Kummissjoni Ewropea, A guide for pollinator-friendly cities (Gwida għal bliet favur il-pollinaturi, mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/841 fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni, is-simplifikazzjoni tar-regoli tal-konformità, l-istabbiliment tal-miri tal-Istati Membri għall-2030 u l-impenn għall-kisba kollettiva tan-newtralità klimatika sal-2035 fis-settur tal-użu tal-art, tal-forestrija u tal-agrikoltura, u (UE) 2018/1999 fir-rigward tat-titjib fil-monitoraġġ, fir-rapportar, fit-traċċar tal-progress u fir-rieżami”[COM(2021) 554 final] (ĠU C 152, 6.4.2022, p. 192).

(7)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu sostenibbli tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2115” (COM(2022) 305 final — 2022/0196 (COD)) (ĠU C 100, 16.3.2023, p. 137).

(8)  Electromagnetic radiation of mobile telecommunication antennas affects the abundance and composition of wild pollinators (Ir-radjazzjoni elettromanjetika tal-antenni tat-telekomunikazzjoni mobbli taffettwa l-abbundanza u l-kompożizzjoni tal-pollinaturi selvaġġi, mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  SCHEER, Statement on emerging health and environmental issues (2018) (Dikjarazzjoni dwar kwistjonijiet emerġenti tas-saħħa u tal-ambjent (2018), mhux disponibbli bil-Malti).

(10)  Risk to pollinators from anthropogenic electro-magnetic radiation (EMR) (Riskju għall-pollinaturi minn radjazzjoni elettromanjetika antropoġenika, mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  COM(2023) 35 final.

(12)  COM(2018) 395 final.

(13)  Coalition of the Willing on Pollinators, Promote Pollinators.


Top