Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023AE1246

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża” [sic] (JOIN (2023) 9 final)

    EESC 2023/01246

    ĠU C 349, 29.9.2023, p. 155–160 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.9.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 349/155


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża” [sic]

    (JOIN (2023) 9 final)

    (2023/C 349/23)

    Relatur:

    Maurizio MENSI

    Korelatur:

    Jan PIE

    Konsultazzjoni

    Kummissjoni Ewropea, 2.5.2023

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali

    Adozzjoni fis-sezzjoni

    22.6.2023

    Adozzjoni fil-plenarja

    12.7.2023

    Sessjoni plenarja Nru

    580

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    170/1/1

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jaqbel li l-UE tirrikonoxxi d-dimensjoni tas-sigurtà u d-difiża tal-ispazju, kif jidher mill-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar L-Istrateġija Spazjali tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża (l-Istrateġija) tal-10 ta’ Marzu 2023.

    1.2.

    Il-KESE jikkondividi l-fehim komuni li jissemma dwar il-kuntest ġeopolitiku l-ġdid bil-problemi serji kkawżati mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, il-kritikalità tal-assi u s-servizzi spazjali, u l-ħtieġa li jiġu żviluppati miżuri mmirati biex dawn jiġu protetti u difiżi, li huwa pass indispensabbli għal tfassil ta’ politika spazjali adatta għall-Ewropa kollha.

    1.3.

    Il-KESE jaqbel li anke qabel ma jissaħħu r-reżiljenza u l-protezzjoni tas-sistemi u s-servizzi spazjali, l-identifikazzjoni tat-theddid hija prijorità li għaliha jeħtieġ li l-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw l-involviment tal-atturi rilevanti kollha, inklużi l-industrija, l-atturi soċjali u s-soċjetà ċivili, fl-eżerċizzju tal-immappjar u r-rakkomandazzjonijiet. Ser ikun importanti li s-soċjetà ċivili organizzata tiġi mħeġġa tifhem bis-sħiħ l-interess pubbliku u l-benefiċċji rilevanti tal-Istrateġija għaċ-ċittadini sabiex tittejjeb il-leġittimità tagħha u jissaħħaħ l-appoġġ pubbliku, fid-dawl tal-applikazzjonijiet ċivili rilevanti tat-teknoloġiji spazjali.

    1.4.

    Il-KESE jirrakkomanda li jissaħħu r-reżiljenza u l-protezzjoni tas-sistemi u s-servizzi spazjali fl-Unjoni fil-kuntest ġeopolitiku inkwetanti ta’ bħalissa. Il-KESE jinnota li sfida sottostanti fir-rigward ta’ dan l-objettiv hija l-kapaċità li jiżdied il-livell baxx attwali ta’ investiment pubbliku, titnaqqas il-frammentazzjoni tiegħu, u jiġi promoss approċċ ta’ valur miżjud Ewropew f’kuntest fejn l-Ewropa għadha lura ħafna meta mqabbla mal-Istati Uniti, iċ-Ċina u r-Russja f’termini ta’ investimenti pubbliċi fl-ispazju.

    1.5.

    Il-KESE jemmen li t-tisħiħ tar-reżiljenza u l-protezzjoni tas-sistemi u s-servizzi spazjali fl-Unjoni jfisser ukoll l-implimentazzjoni ta’ miżuri li jappoġġjaw is-sovranità teknoloġika u r-reżiljenza tal-ktajjen tal-valur industrijali kritiċi biex tiġi żgurata n-nondipendenza. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li jiġi rikonoxxut u enfasizzat bis-sħiħ ir-rwol ewlieni tal-industrija fl-identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ dipendenza u miżuri ta’ mitigazzjoni.

    1.6.

    Il-KESE jixtieq ifakkar li l-mod kif l-ispazju jinfluwenza u jġib valur miżjud lill-umanità huwa dejjem aktar rikonoxxut u kkonfermat mill-mexxejja dinjija. Illum, is-settur spazjali Ewropew qed jindirizza wħud mill-aktar sfidi urġenti ta’ żminijietna, bħall-monitoraġġ tat-tibdil fil-klima, l-għajnuna biex tiġi stimulata l-innovazzjoni teknoloġika, u l-għoti ta’ benefiċċji soċjoekonomiċi konkreti għall-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini. L-istituzzjonijiet, in-negozji u ċ-ċittadini jiddependu dejjem aktar mit-teknoloġija, id-data u s-servizzi spazjali għas-sistemi ta’ komunikazzjoni, navigazzjoni u pożizzjonament, u l-osservazzjoni tad-dinja (eż. informazzjoni f’ħin reali u komunikazzjonijiet fuq il-post meta jseħħu diżastri). Ir-rwol tal-ispazju huwa essenzjali għaċ-ċittadini u għall-awtonomija strateġika tal-Ewropa, kif ukoll fid-diplomazija globali, fit-tħaddin tal-identità Ewropea, u fl-ispirazzjoni u l-motivazzjoni tal-ġenerazzjonijiet li jmiss.

    1.7.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir “Liġi Spazjali tal-UE” futura biex tkopri s-sikurezza, is-sigurtà u s-sostenibbiltà, u l-istandardizzazzjoni li tqarreb lejn l-approċċ meħtieġ tal-UE għall-Immaniġġjar tat-Traffiku fl-Ispazju (STM) (1).

    1.8.

    Il-KESE huwa konvint dwar il-ħtieġa li l-azzjonijiet kollha relatati mal-industrija (eż. il-kompetittività, it-teknoloġiji kritiċi, is-sigurtà tal-katina tal-provvista) jiġu integrati bħala parti minn politika industrijali koerenti u mifruxa mal-Ewropa kollha, f’kuntest ta’ dipendenza qawwija ħafna tal-industrija spazjali Ewropea minn swieq miftuħa limitati ħafna.

    1.9.

    Il-KESE jinsisti li anke jekk huma meħtieġa miżuri speċifiċi u li jistgħu jkunu utli biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet partikolari, dawn il-miżuri jistgħu jagħmlu sens u jkunu kompletament effiċjenti biss jekk jikkombinaw politika tal-akkwist imfassla apposta, politika ta’ riċerka u żvilupp ambizzjuża u effiċjenti, u appoġġ għall-adozzjoni mis-suq ta’ teknoloġiji u servizzi spazjali żviluppati fl-Ewropa, u jindirizzaw ukoll is-swieq tal-esportazzjoni, b’mod partikolari permezz tad-diplomazija ekonomika.

    1.10.

    Il-KESE huwa konvint li appoġġ ambizzjuż, iżda wkoll koerenti, għar-riċerka u l-innovazzjoni huwa pedament tas-sostenibbiltà tas-settur spazjali u tal-kapaċità tiegħu li jaqdi l-ħtiġijiet tal-ordni pubbliku. L-Ewropa teħtieġ appoġġ aktar b’saħħtu u konsistenti għar-riċerka u l-innovazzjoni biex iżżomm il-pożizzjoni tagħha fl-ispazju, u biex tiżgura d-disponibbiltà ta’ industrija domestika li tkun kapaċi tfassal, twassal u tisfrutta sistemi spazjali tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku.

    1.11.

    F’oqsma fejn il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi hija kruċjali, il-KESE jenfasizza l-importanza li tiġi ppreservata s-sovranità Ewropea u li jiġu evitati dipendenzi mhux Ewropej f’oqsma strateġiċi, u fl-istess ħin jiġu promossi bħala regoli komuni l-kollaborazzjoni u l-interoperabbiltà, b’reċiproċità u benefiċċju reċiproku mal-Istati Uniti u partijiet terzi oħra tal-istess fehma.

    1.12.

    Il-KESE jemmen li l-Istrateġija trid tiġi segwita minn azzjonijiet konkreti u rapidi f’termini ta’ baġit immirat, skedi għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet, u l-ħolqien tal-impjiegi (2). Pjan direzzjonali preċiż bħal dan irid jitfassal mill-UE b’koordinazzjoni mal-Ewropa kollha tal-atturi involuti fl-attivitajiet spazjali.

    2.   Kuntest

    2.1.

    Hekk kif il-kriżi tal-COVID żvelat in-nuqqas ta’ awtonomija u kontroll tal-Ewropa fir-rigward tal-infrastruttura tan-network kritiku, l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja aċċellerat aktar il-proċess lejn it-tisħiħ u rinfurzar tad-dimensjoni tas-sigurtà u d-difiża tal-ispazju.

    2.2.

    Fil-livell istituzzjonali, dan kien simbolizzat minn żewġ stadji importanti ewlenin:

    2.2.1.

    Id-Dikjarazzjoni ta’ Versailles, maħruġa fil-11 ta’ Marzu 2022 mill-mexxejja tal-Unjoni Ewropea b’reazzjoni għall-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, tagħmel enfasi speċjali fuq l-ispazju għall-attivitajiet ta’ difiża peress li l-mexxejja tal-UE qablu b’mod partikolari li jsaħħu d-dimensjoni tas-sigurtà u d-difiża tal-industriji u l-attivitajiet spazjali.

    2.2.2.

    Il-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża, maħruġa fil-21 ta’ Marzu 2022 mill-Kummissjoni Ewropea, taħt it-tmexxija tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà. Il-Boxxla Strateġika tidentifika l-ispazju bħala qasam dejjem aktar ikkontestat b’implikazzjonijiet qawwija għad-difiża, u għandha ħafna riperkussjonijiet għas-settur spazjali Ewropew.

    2.3.

    Dawn l-inizjattivi tal-UE ġew ikkomplementati minn programmi oħra ta’ kooperazzjoni; pereżempju fil-kuntest tal-Kunsill tal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) fil-livell ministerjali fl-2022, li ppropona diversi inizjattivi ta’ sigurtà fl-ispazju u ta’ sigurtà mill-ispazju biex l-Istati Membri jikkontribwixxu għalihom;

    2.4.

    L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja wriet, mingħajr dubju, il-kritikalità assoluta tal-ispazju bħala assi ewlieni. Il-gwerra wriet ukoll l-impatt rilevanti u determinanti tal-assi kummerċjali b’mod komplementari għall-assi u l-istrateġiji governattivi – u b’hekk l-importanza tal-interazzjoni u l-kooperazzjoni pubbliċi-privati regolari, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċitajiet tekniċi u operazzjonali.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Il-KESE jirrikonoxxi l-kritikalità assoluta tal-ispazju bħala assi ewlieni biex dawk li jfasslu l-politika Ewropea jieħdu deċiżjonijiet u azzjoni b’mod indipendenti u infurmat fir-rigward tal-ġestjoni tal-kriżijiet u s-sigurtà, li huwa pass indispensabbli fit-tfassil ta’ politika spazjali adatta għall-Ewropa kollha. Ser ikun importanti li s-soċjetà ċivili organizzata tiġi mħeġġa tifhem bis-sħiħ l-interess pubbliku u l-benefiċċji rilevanti tal-Istrateġija għaċ-ċittadini sabiex tittejjeb il-leġittimità tagħha u jissaħħaħ l-appoġġ pubbliku, fid-dawl tal-applikazzjonijiet ċivili rilevanti tat-teknoloġiji spazjali.

    3.2.

    L-isforzi tal-Ewropa biex tinkiseb awtonomija kredibbli u aċċertata fl-ispazju għall-implimentazzjoni tal-awtonomija strateġika tagħha issa huma realtà, u jirrappreżentaw sfida dejjem aktar kondiviża madwar il-kontinent. Il-KESE jemmen li l-isforzi kollha, kemm ċivili kif ukoll militari, nazzjonali jew Ewropej, pubbliċi jew privati jridu jikkonverġu lejn l-effiċjenza u l-affidabbiltà għall-utenti tas-sigurtà, kif enfasizzat fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-sinerġiji bejn l-industriji ċivili, tad-difiża u tal-ispazju (3), u għalhekk hemm bżonn ta’ sħubijiet pubbliċi-privati msaħħa u sħubijiet potenzjali ma’ pajjiżi tal-istess fehma.

    3.3.

    Hemm riskju dejjem akbar ta’ atturi ġodda ta’ theddid li jimmiraw lejn sistemi spazjali biex jipperikolaw is-servizzi kritiċi li s-satelliti jippermettu. Il-KESE jqis li huwa dejjem aktar essenzjali li l-interess dejjem jikber tal-Ewropa fis-servizzi bbażati fl-ispazju u d-dipendenza minnhom ikunu akkumpanjati minn miżuri li għandhom l-għan li jipproteġu u jiddefendu l-kapaċitajiet u s-servizzi bbażati fl-ispazju, sabiex is-soċjetà u l-ekonomija tal-Ewropa ma jiġux esposti għal vulnerabbiltajiet saħansitra aktar kritiċi.

    3.4.

    Il-KESE huwa konvint li l-Istati Membri jeħtiġililhom jasserixxu bis-sħiħ ir-responsabbiltà u l-impenn tagħhom għall-paċi u s-sigurtà dinjija billi jsaħħu l-libertà ta’ azzjoni tagħhom b’rabta mal-ispazju u fih, billi jserrħu fuq il-kapaċità u l-assi sovrani tagħhom, u jqis li din hija waħda mill-aktar għodod diretti u kritiċi għad-dispożizzjoni tagħhom biex jeżerċitaw azzjoni u influwenza. Biex jagħmlu dan, jeħtiġilhom jiggarantixxu r-reżiljenza tal-industrija spazjali tagħhom u s-sigurtà tal-infrastruttura tal-provvista u tas-servizzi tagħhom għall-benefiċċju taċ-ċittadini. F’dan il-kuntest, l-iżgurar tal-aċċess sovran u sostenibbli tal-Ewropa għall-ispazju huwa prijorità li ma tistax tiġi kkontestata.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1.   Ix-xenarju ta’ theddid spazjali

    4.1.1.

    Il-KESE jilqa’ l-identifikazzjoni ta’ theddid li jista’ joħloq tfixkil, degradazzjoni jew qerda tas-sistemi spazjali permezz tat-tħejjija ta’ analiżi annwali tax-xenarju tat-theddid spazjali, li hija meqjusa bħala kruċjali biex jiġi mifhum l-ambjent ostili li qed jevolvu fih l-infrastruttura u s-servizzi spazjali u tal-art kemm bħalissa kif ukoll fil-futur.

    4.1.2.

    Il-KESE jirrikonoxxi li valutazzjoni bħal din tgħin biex jiġi evitat li pajjiżi jew organizzazzjonijiet potenzjalment ostili jiksbu kapaċitajiet sensittivi (inklużi ħiliet, teknoloġiji, assi u elementi kostitwenti), u dan bl-għan li jiġu garantiti l-governanza u l-kontroll tal-“kapaċitajiet sensittivi” tal-Ewropa.

    4.1.3.

    Il-KESE jemmen li l-industrija spazjali Ewropea (entitajiet kbar u żgħar), l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u t-teknoloġija, u l-fehmiet u l-inputs tad-dinja akkademika jeħtieġ li jiġu inklużi mill-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) fit-tfassil tal-analiżi annwali tax-xenarju tat-theddid spazjali, u fl-identifikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u l-miżuri li ser jirriżultaw minnhom.

    4.1.4.

    Il-KESE huwa konvint li proċess bħal dan jippermetti li s-settur privat:

    (a)

    jaħdem fuq prijoritajiet ġodda ta’ riċerka u żvilupp speċifiċi għal theddid diġà magħruf jew tip ġdid ta’ theddid li jkun qed jinħoloq;

    (b)

    jissensibilizza lill-klijenti u lill-atturi istituzzjonali dwar il-ħtieġa għal approċċi preventivi;

    (c)

    jiddefinixxi standards ġodda fil-livell Ewropew u b’hekk jikkontribwixxi għall-proċess ta’ standardizzazzjoni fil-livell globali;

    (d)

    jiskambja l-aħjar prattiki bejn entitajiet pubbliċi u privati;

    (e)

    jadatta l-approċċi “tal-art” għall-ispazju.

    4.2.   It-tisħiħ tar-reżiljenza u l-protezzjoni tas-sistemi u s-servizzi spazjali fl-UE

    4.2.1.   Qafas ta’ sigurtà għall-UE kollha għall-protezzjoni tas-sistemi spazjali, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni dwar inċidenti tas-sigurtà spazjali

    4.2.1.1.

    Il-KESE jemmen li l-inizjattivi regolatorji globali u d-deċiżjonijiet unilaterali dwar l-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju x’aktarx li joħolqu ambjent ta’ sfida għall-atturi Ewropej. Ir-riformi mwettqa barra mill-Ewropa jistgħu tabilħaqq potenzjalment ifixklu l-kapaċità tas-settur spazjali Ewropew li jikkompeti b’kundizzjonijiet ekwivalenti u jaffettwaw is-sostenibbiltà tiegħu, u jkomplu jipperikolaw is-sovranità Ewropea bħala objettiv ġenerali tal-UE fir-rigward tal-ispazju.

    4.2.1.2.

    Il-KESE huwa konvint li l-Unjoni Ewropea għandha taħtaf l-opportunità biex tkun minn ta’ quddiem fid-diskussjonijiet u tipprovdi l-bażi biex tipproteġi l-infrastruttura spazjali Ewropea ewlenija u s-servizzi assoċjati. Billi tkun proattiva u billi tippromovi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE minflok il-frammentazzjoni, l-Unjoni Ewropea se tippermetti lis-settur spazjali Ewropew juża r-regoli u l-proċeduri miftiehma b’vantaġġ għaliha, u tkompli tippromovihom fil-livell globali. Approċċ aktar armonizzat u b’aktar kooperazzjoni bejn l-Istati Membri jinkoraġġixxi investimenti komuni fid-difiża u l-industrija tal-UE b’mod aktar mifrux. F’dan ir-rigward, il-possibbiltà ta’ akkwist konġunt tista’ ttejjeb l-effiċjenza mil-lat tad-domanda u tikkontribwixxi għall-kompetittività u l-effiċjenza tal-industrija spazjali u tad-difiża Ewropea (4).

    4.2.1.3.

    Il-KESE jemmen li t-tisħiħ tal-potenzjal tat-teknoloġiji u l-industriji sekondarji, bħall-ajruspazju u t-teknoloġiji li għandhom kemm applikazzjonijiet militari kif ukoll ċivili (“b’użu doppju”), ikollu impatti kbar kemm fuq l-iżvilupp industrijali kif ukoll fuq dak militari tal-UE.

    4.2.1.4.

    Fir-rigward tas-sigurtà u ċ-ċibersigurtà, il-KESE jaqbel bis-sħiħ li r-rekwiżit ta’ “sigurtà sa mit-tfassil” huwa essenzjali għar-reżiljenza. L-istandards komuni Ewropej tas-sigurtà huma essenzjali wkoll dment li dawn jintużaw b’mod prattiku, peress li ċ-ċikli ta’ definizzjoni u adozzjoni spiss ikunu twal wisq fis-suq kompetittiv li jiffaċċja s-settur spazjali Ewropew. Dan ifisser li:

    (a)

    jeħtieġ li jiġu żviluppati b’mod parallel mal-iżvilupp tat-teknoloġija;

    (b)

    jeħtieġ li jiġi stabbilit proċess rapidu ta’ ċertifikazzjoni;

    (c)

    l-inklużjoni ta’ negozji ġodda u SMEs fid-dawl tal-kapaċità tagħhom li jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sigurtà tirrikjedi appoġġ istituzzjonali u kollaborazzjoni aħjar fil-katina tal-provvista;

    (d)

    jeħtieġ li jiġu żviluppati standards ġodda.

    4.2.1.5.

    Il-KESE jinnota li d-Direttiva dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi (5) u d-Direttiva dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha (6) (Direttiva NIS 2) huma applikabbli biss fil-livell tal-Istati Membri u mhux fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-UE. Il-KESE jemmen li dawn id-Direttivi għandhom jiġu applikati għall-assi li huma proprjetà tal-UE.

    4.2.2.   It-tisħiħ tas-sovranità teknoloġika tas-settur spazjali tal-UE

    4.2.2.1.

    Il-KESE jilqa’ bis-sħiħ l-ambizzjoni ta’ mira biex jinżied il-baġit tal-Fond Ewropew għad-Difiża u tal-Orizzont Ewropa peress li, fir-rigward tal-aħħar stadji ta’ żvilupp, l-UE sa issa dehret li ma setgħetx tallinja l-baġit tagħha – u l-istrumenti finanzjarji relatati – mal-ambizzjonijiet iddikjarati tagħha biex jkollha t-teknoloġiji avvanzati fil-livell ta’ tħejjija meħtieġ.

    4.2.2.2.

    Fil-kuntest tar-“rienerġizzazzjoni” tat-Task Force Konġunta, il-KESE jemmen li għandu jiġi stabbilit proċess uniku li jwassal għal repożitorju uniku miftiehem u kondiviż ta’ sitwazzjonijiet kritiċi. Il-preżenza tal-industrija spazjali Ewropea bħala parti kkonċernata ewlenija fil-proċess hija importanti, minħabba li t-tnaqqis tad-dipendenza jista’ jtejjeb is-sovranità Ewropea u anke jikkontribwixxi għall-kompetittività industrijali.

    4.2.2.3.

    Il-KESE għandu dubji dwar ir-rwoli u l-interazzjonijiet rispettivi futuri tat-Task Force Konġunta u tal-Osservatorju tat-Teknoloġiji Kritiċi tal-UE, u jenfasizza l-ħtieġa għal sinerġiji aħjar bejniethom.

    4.2.2.4.

    Il-KESE jiffavorixxi l-istabbiliment ta’ alleanzi u Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEI) ġodda relatati ma’ teknoloġiji rilevanti għall-ispazju u d-difiża, peress li dawn jistgħu jikkontribwixxu biex jiżdiedu l-livell ta’ finanzjament u l-iżvilupp u s-sostenibbiltà ta’ sorsi doppji fl-Ewropa.

    4.2.3.   L-indirizzar tar-riskji għas-sigurtà fis-settur spazjali fl-UE

    4.2.3.1.

    Huwa milqugħ tajjeb ħafna l-indirizzar tar-riskji għas-sigurtà fis-settur spazjali fl-UE permezz tal-protezzjoni tal-ktajjen tal-provvista tagħha u b’regoli tal-akkwist li jiggarantixxu bis-sħiħ is-sigurtà tal-provvista.

    4.2.3.2.

    Madankollu, il-KESE jemmen li huwa essenzjali li dawn l-azzjonijiet jiġu integrati b’mod wiesa’ bħala parti minn politika industrijali koerenti u mifruxa mal-Ewropa kollha għall-ispazju.

    4.2.4.   L-iżvilupp ta’ kapaċitajiet, inkluż l-aċċess awtonomu tal-UE għall-ispazju, biex tiżdied ir-reżiljenza

    4.2.4.1.

    Il-KESE jaqbel li tagħbijiet utli awtoprotettivi, lanċjaturi risponsivi, kapaċitajiet ta’ għarfien tas-sitwazzjoni fl-ispazju, manutenzjoni fl-orbita, u cloud sovran sigur iddedikat għall-applikazzjonijiet spazjali huma teknoloġiji/kapaċitajiet ewlenin għar-reżiljenza.

    4.2.4.2.

    Il-KESE jemmen li għandu jiġi żgurat aċċess indipendenti fit-tul għall-ispazju għall-UE, peress li l-Ewropa ma tistax tiddependi minn pajjiżi terzi biex tniedi l-infrastruttura spazjali tagħha u għall-manutenzjoni tal-infrastruttura spazjali tagħha stess. F’dan ir-rigward, hija essenzjali l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-preferenza Ewropea fir-rigward tal-lanċaturi għal illanċjar istituzzjonali.

    4.2.5.   Rispons għat-theddid spazjali

    4.2.5.1.

    Il-KESE jemmen li d-detezzjoni tat-theddid titlob l-iżvilupp ta’ arkitettura sħiħa u awtonoma tal-Immaniġġjar tat-Traffiku fl-Ispazju, li tiddependi fost l-oħrajn mill-istabbiliment u l-appoġġ għal linji ta’ programmi ffinanzjati biex jiġu żviluppati aktar il-kapaċitajiet Ewropej tal-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju (Sorveljanza u Insegwiment fl-Ispazju (SST), Għarfien tad-Dominju Spazjali (SDA)) u t-tħaffif tal-iskjerament ta’ kapaċitajiet Ewropej tal-SST u tal-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju li huma kummerċjalment vijabbli, kompetittivi u skalabbli (7).

    4.2.5.2.

    F’dan is-sens, il-KESE jaqbel bis-sħiħ mal-enfasi qawwija tal-Komunikazzjoni Konġunta dwar il-kapaċitajiet tal-għarfien tad-dominju spazjali dment li dan jiddependi mill-appoġġ, l-għarfien espert u l-kapaċitajiet tal-industrija – minbarra l-kapaċitajiet Ewropej u tal-Istati Membri tal-UE – f’kull stadju.

    4.2.5.3.

    Il-KESE jħeġġeġ sabiex l-isforzi tal-Istati Membri tal-UE jiġu kkoordinati bis-sħiħ fil-livell tal-UE b’appoġġ għall-objettiv ta’ awtonomija strateġika miftuħa Ewropea akbar, b’konformità mal-alleanza ta’ sħubija trans-Atlantika, bil-kollaborazzjoni ma’ msieħba strateġiċi ewlenin bħall-Istati Uniti u r-Renju Unit, b’impenn fil-livell multilaterali, u possibbilment biex titħejja t-triq għall-kapaċità fil-livell tal-UE.

    4.2.5.4.

    Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tal-eżerċizzji spazjali, peress li l-koordinazzjoni bejn l-Ewropej għandha tkun aktar b’saħħitha, aktar effiċjenti u jkollha aktar rilevanza fir-rigward tal-alleati tagħna, b’mod partikolari l-Istati Uniti. Dan jippreżupponi li tinbena kultura komuni ta’ operazzjonijiet spazjali.

    4.2.6.   It-tisħiħ tal-użu tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża

    4.2.6.1.

    Il-KESE jaqbel li t-titjib tal-kontribut tal-ispazju għall-kapaċitajiet Ewropej tad-difiża jfisser ukoll id-dipendenza minn Programmi Ewlenin Ewropej eżistenti, u t-titjib tagħhom b’dimensjoni ta’ sigurtà u difiża.

    4.2.6.2.

    Il-KESE jenfasizza li l-estensjoni tal-programm Copernicus għal kapaċitajiet ta’ sigurtà tkun tfisser żieda sinifikanti fl-objettivi tal-programm, li għandha tiġi vvalutata bir-reqqa b’mod partikolari fir-rigward tar-riskji assoċjati għall-kapaċitajiet ta’ finanzjament tal-programm Copernicus u l-politika attwali tiegħu dwar id-data miftuħa.

    4.2.6.3.

    Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-kontribut tal-Istrateġija għall-Patt Ekoloġiku tal-UE u għall-ekosistemi industrijali assoċjati. B’mod partikolari, il-programm Copernicus, meqjus bħala referenza ta’ klassi dinjija għat-tibdil fil-klima u l-monitoraġġ ambjentali, jikkontribwixxi direttament biex jiġu indirizzati u jinstabu soluzzjonijiet għat-tibdil fil-klima u biex jiġi appoġġjat ir-rwol tal-Ewropa fix-xena dinjija. Peress li l-programm Copernicus sar l-istandard aċċettat globalment għall-immmaġnijiet ta’ grad xjentifiku u għall-kwalità tad-data, jeħtieġ li jiġi appoġġjat aktar b’ambizzjonijiet kontinwi.

    4.2.6.4.

    Fir-rigward tal-kostellazzjoni satellitari tal-UE IRIS2 (Infrastruttura għar-Reżiljenza, l-Interkonnettività u s-Sigurtà bis-Satellita), il-KESE jappoġġja bis-sħiħ programm li se jgħin lill-Unjoni tibqa’ attur internazzjonali ewlieni bil-libertà li taġixxi fil-qasam spazjali.

    4.2.6.5.

    Il-KESE huwa konvint mill-ħtieġa li l-azzjonijiet kollha relatati mal-industrija (il-kompetittività, it-teknoloġiji kritiċi, is-sigurtà tal-katina tal-provvista, eċċ.) jiġu integrati bħala parti minn politika industrijali koerenti u għall-Ewropa kollha, f’kuntest ta’ dipendenza qawwija ħafna tal-industrija spazjali Ewropea minn swieq miftuħa limitati ħafna.

    4.2.6.6.

    Il-KESE jixtieq jenfasizza li l-ispazju huwa settur innovattiv u li qed jevolvi b’mod kostanti. Sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tal-attivitajiet spazjali Ewropej, l-iżvilupp tal-ħiliet professjonali jeħtieġ adattament u titjib kostanti. Peress li x-xejriet tar-reklutaġġ tal-industrija kienu b’saħħithom f’dawn l-aħħar snin, u huma mistennija li jibqgħu b’saħħithom fil-futur qrib, dan jeħtieġ li jiġi akkumpanjat aktar b’azzjonijiet konkreti bħall-istituzzjoni ta’ Akkademja Spazjali tal-UE.

    4.2.7.   Sħubija għal imġiba responsabbli fl-ispazju ekstratmosferiku

    4.2.7.1.

    Il-KESE jaqbel li s-sħubijiet u l-impriżi konġunti ma’ reġjuni, entitajiet u partijiet terzi oħra tal-istess fehma huma essenzjali biex jiġi żgurat użu sigur, sostenibbli u affidabbli tal-kapaċitajiet ibbażati fl-ispazju.

    4.2.7.2.

    Peress li l-kooperazzjoni hija kruċjali, il-KESE jwissi li l-preservazzjoni tas-sovranità u l-awtonomija Ewropea bilfors trid tiġi inkluża, u għandhom jiġu promossi l-kollaborazzjoni u l-interoperabbiltà bħala regoli komuni u b’reċiproċità u benefiċċju reċiproku mal-Istati Uniti u partijiet terzi oħra tal-istess fehma.

    Brussell, it-12 ta’ Lulju 2023.

    Oliver RÖPKE

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  B’konformità mal-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027” (COM(2022) 57 final — 2022/0039 (COD)) kif ukoll dwar “Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Approċċ tal-UE għall-Immaniġġjar tat-Traffiku fl-Ispazju — Kontribuzzjoni tal-UE li tindirizza sfida globali” (JOIN(2022) 4 final) (ĠU C 486, 21.12.2022, p. 172); u dwar Spazju Ġdid

    (2)  B’mod partikolari l-impjieg tan-nisa.

    (3)  COM(2021) 70 final.

    (4)  Kif enfasizzat fl-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Att dwar it-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Akkwist Komuni” (COM(2022) 349 final) (ĠU C 486, 21.12.2022, p. 168).

    (5)  Id-Direttiva (UE) 2022/2557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 164).

    (6)  Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (Direttiva NIS 2) (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80).

    (7)  B’konformità mal-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027” (COM(2022) 57 final — 2022/0039 (COD)) kif ukoll dwar “Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Approċċ tal-UE għall-Immaniġġjar tat-Traffiku fl-Ispazju — Kontribuzzjoni tal-UE li tindirizza sfida globali” (JOIN(2022) 4 final) (ĠU C 486, 21.12.2022, p. 172); u dwar Spazju Ġdid.


    Top