EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023AE0921

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri biex jonqos il-kost tal-introduzzjoni tan-networks tal-komunikazzjoni elettronika tal-gigabits u li jħassar id-Direttiva 2014/61/UE (l-Att dwar l-Infrastruttura tal-Gigabits)” (COM(2023) 94 final — 2023/0046 (COD))

EESC 2023/00921

ĠU C 349, 29.9.2023, p. 116–120 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 349/116


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri biex jonqos il-kost tal-introduzzjoni tan-networks tal-komunikazzjoni elettronika tal-gigabits u li jħassar id-Direttiva 2014/61/UE (l-Att dwar l-Infrastruttura tal-Gigabits)”

(COM(2023) 94 final — 2023/0046 (COD))

(2023/C 349/18)

Relatur:

Maurizio MENSI

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 3.4.2023

Parlament Ewropew, 29.3.2023

Bażi legali

Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, Enerġija, Infrastruttura u Soċjetà tal-Informazzjoni

Adozzjoni fis-sezzjoni

26.6.2023

Adozzjoni fil-plenarja

12.7.2023

Sessjoni plenarja Nru

580

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

173/1/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament (l-Att dwar l-Infrastruttura tal-Gigabits) u japprova l-objettivi u l-kontenut tagħha.

1.2.

Sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Att dwar l-Infrastruttura tal-Gigabits, il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ proċeduri rapidi, effettivi u semplifikati, flimkien ma’ termini, kundizzjonijiet u prezzijiet adatti, li jistgħu jiġu applikati kullimkien b’mod konsistenti, fl-UE kollha. F’dan ir-rigward, linji gwida tal-Kummissjoni huma partikolarment utli.

1.3.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-kondiviżjoni tal-infrastruttura eżistenti hija kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet tad-Deċennju Diġitali tal-UE 2030, u jenfasizza wkoll l-importanza li jiġu żgurati s-sigurtà u r-robustezza tan-networks u l-protezzjoni tagħhom. L-ilħuq tal-miri tal-konnettività tal-UE jirrikjedi strateġija komprensiva li tikkombina l-aħħar teknoloġiji ma’ ktajjen tal-provvista reżiljenti, awtonomi u siguri. Għal dan l-għan, l-Att dwar l-Infrastruttura tal-Gigabits għandu jħeġġeġ lill-fornituri tan-network biex jagħżlu komponenti teknoloġiċi li jiggarantixxu livell għoli ta’ sigurtà diġitali, inaqqsu r-riskju ta’ interruzzjonijiet tan-network u jindirizzaw b’mod adegwat din l-eventwalità.

1.4.

Il-KESE jqis li huwa importanti li l-Istati Membri jkollhom l-għażla li jżommu jew jintroduċu miżuri konformi mal-liġi tal-UE li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi stabbiliti mill-Att dwar l-Infrastruttura tal-Gigabits, kif iddikjarat b’mod espliċitu fil-Premessa 11 tal-Att dwar l-Infrastruttura tal-Gigabits.

1.5.

Il-KESE jemmen li l-implimentazzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna u konnettività tal-gigabits hija kruċjali għall-iżvilupp u l-koeżjoni soċjoekonomika, peress li hija fattur essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku ugwali tal-SMEs u s-servizzi professjonali, tal-postijiet tax-xogħol diġitali u tal-forniment ta’ servizzi elettroniċi f’żoni remoti.

1.6.

Il-KESE jemmen li l-punti uniċi ta’ informazzjoni dwar informazzjoni minima dwar l-infrastruttura fiżika, li s-sidien tal-infrastruttura pubblika jeħtieġ li jipprovdu, għandhom jiġu integrati u konnessi ma’ bażijiet tad-data oħra li diġà huma disponibbli fil-livell nazzjonali, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u jiġu ffrankati l-ispejjeż.

1.7.

Il-KESE jemmen li s-semplifikazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-proċess ta’ liċenzjar huma element importanti fl-introduzzjoni tan-networks tal-komunikazzjoni elettronika; madankollu, li jsir obbligatorju li tiġi prevista approvazzjoni taċita għad-drittijiet ta’ passaġġ jista’ ma jkunx konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità u jista’ jkun ta’ detriment għad-dritt għall-proprjetà, kif stabbilit fl-Artikoli 17 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

1.8.

Il-KESE jemmen li l-bini rapidu tal-infrastruttura, il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili, il-ħolqien ta’ sinerġiji bejn id-diversi operaturi tan-network u l-użu konġunt tal-infrastruttura fiżika eżistenti jgħinu biex jiġi ffrankat l-investiment permezz tat-tnaqqis tal-piż ambjentali bl-evitar ta’ aktar xogħlijiet ta’ inġinerija u b’hekk jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi ambjentali.

1.9.

Il-KESE jqis li l-proposta għandha tispeċifika miżuri u azzjonijiet verifikabbli li jiżguraw żvilupp ibbilanċjat u aċċess ugwali għan-networks b’kapaċità għolja ħafna, biex jiġi evitat li jitwessa’ d-distakk bejn il-pajjiżi u r-reġjuni b’veloċitajiet u kapaċitajiet ta’ żvilupp differenti, f’konformità mad-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali, u sabiex kull persuna fl-UE jkollha aċċess għal konnettività ta’ kwalità għolja, b’aċċess għall-Internet disponibbli, inklużi l-persuni b’introjtu baxx.

2.   Sfond

2.1.

L-implimentazzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna, inklużi l-fibra ottika u l-5G, hija prijorità strateġika fil-livell tal-UE, bħala parti mill-isforzi biex jintlaħqu l-objettivi strateġiċi u l-miri diġitali tal-UE sal-2030. L-aċċess għal networks b’kapaċità għolja ħafna huwa essenzjali għal firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet innovattivi, li għandhom il-potenzjal li jittrasformaw u jgħinu biex ħafna setturi tal-ekonomija tal-UE bħall-industrija tal-karozzi, il-kura tas-saħħa, it-trasport u l-utilitajiet jibqgħu validi fil-futur.

2.2.

Fost l-inizjattivi mnedija biex jitneħħew l-ostakli u tingħata spinta lill-introduzzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna, fl-2014, il-Kummissjoni Ewropea introduċiet id-Direttiva dwar it-Tnaqqis tal-Ispiża tal-Broadband (1) biex tiffaċilita u tinċentiva l-introduzzjoni tan-network billi tnaqqas il-kostijiet tal-introduzzjoni permezz ta’ miżuri armonizzati fil-livell tal-UE. Madankollu, tmien snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha, id-Direttiva dwar it-Tnaqqis tal-Ispiża tal-Broadband għadha ’l bogħod milli tilħaq l-objettivi tagħha. Il-ħtieġa li tiġi riveduta id-Direttiva dwar it-Tnaqqis tal-Ispiża tal-Broadband hija riflessa sew fir-rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, kif ukoll fil-kontributi tal-partijiet ikkonċernati ewlenin għall-konsultazzjoni pubblika dwar id-Direttiva, imnedija mill-Kummissjoni f’Diċembru 2020. Minn din il-konsultazzjoni ħareġ li 20 % biss ta’ dawk li wieġbu jqisu li d-Direttiva dwar it-Tnaqqis tal-Ispiża tal-Broadband hija effettiva biex tiffaċilita l-introduzzjoni ta’ networks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja bi spiża aktar baxxa, u 11 % biss qiesu li d-Direttiva naqqset il-ħin involut fl-għoti tal-permessi u l-kost tiegħu.

2.3.

Id-Direttiva dwar it-Tnaqqis tal-Ispiża tal-Broadband laħqet biss parzjalment l-objettivi tagħha li żżid il-kopertura tal-broadband. Fil-fatt, għalkemm il-perċentwal ta’ unitajiet domestiċi koperti minn veloċità tal-Internet ta’ 30 Mbps żdied minn 58,1 % fl-2013 għal 90 % fl-2022 skont l-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI), id-Direttiva ġiet implimentata b’mod mhux uniformi fi Stati Membri differenti, b’interpretazzjonijiet xi kultant diverġenti.

2.4.

Konxja mill-ħtieġa li tittejjeb l-effettività tad-Direttiva dwar it-Tnaqqis tal-Ispiża tal-Broadband, il-Kummissjoni bdiet proċess ta’ reviżjoni u pproponiet regolament (Att dwar l-Infrastruttura tal-Gigabits). L-Att dwar l-Infrastruttura tal-Gigabits għandu l-għan li jindirizza n-nuqqasijiet tal-Direttiva dwar it-Tnaqqis tal-Ispiża tal-Broadband u jikkontribwixxi għall-introduzzjoni kosteffiċjenti u f’waqtha ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna, li huma meħtieġa biex jiġi żgurat li l-UE tilħaq l-objettivi u l-miri diġitali tagħha sal-2030.

2.5.

Il-proposta hija bbażata fuq ir-rakkomandazzjoni tas-Sett ta’ Għodod għall-Konnettività adottata f’Settembru 2020 biex twieġeb għall-ħtiġijiet dejjem jikbru tal-konnettività li rriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19, bil-għan li jitnaqqsu l-kostijiet tal-introduzzjoni tan-networks tal-gigabits u tiġi żgurata l-introduzzjoni rapida tal-ispettru tar-radju għall-5G. Għal dan l-għan, f’Marzu 2021, l-Istati Membri identifikaw 39 prattika tajba (li 22 minnhom kienu jikkonċernaw it-tnaqqis tal-kostijiet tal-introduzzjoni) li għandhom jiġu inklużi fis-Sett ta’ Għodod għall-Konnettività.

2.6.

Skont il-Kummissjoni, l-Att dwar l-Infrastruttura tal-Gigabits tfassal biex itejjeb il-konnettività fl-UE, iħeġġeġ l-innovazzjoni, u jinċentiva l-investimenti. Se jgħin biex titħaffef l-introduzzjoni tal-infrastruttura fiżika użata għan-networks tal-gigabits permezz tat-tisħiħ tal-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili bejn l-operaturi tan-network, li tirrappreżenta sa 70 % tal-kostijiet tal-introduzzjoni tan-network. L-Att għandu wkoll l-għan li jissemplifika l-proċeduri amministrattivi għall-introduzzjoni ta’ networks ġodda, billi jtejjeb l-aċċess għall-infrastruttura fiżika u t-trasparenza dwar ix-xogħlijiet ċivili ppjanati, jiżgura kundizzjonijiet aktar ċari għall-aċċess għall-infrastruttura fiżika (inkluża l-infrastruttura fil-bini), u billi jħaffef u jiddiġitalizza l-proċeduri għall-għoti tal-permessi, li t-talbiet għalihom għandhom jirċievu tweġiba fi żmien 15-il jum, u għandhom jitqiesu approvati b’mod taċitu fi żmien erba’ xhur mill-wasla tagħhom.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ l-objettiv tal-Kummissjoni li tadatta d-Direttiva dwar it-Tnaqqis tal-Ispiża tal-Broadband għall-iżviluppi teknoloġiċi, tas-suq u regolatorji reċenti u attwali u li trawwem introduzzjoni aktar effiċjenti u rapida ta’ networks aktar sostenibbli, u li tiżgura allinjament mal-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (KEKE) (2), u tikkontribwixxi għall-ekoloġizzazzjoni tas-settur tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew.

3.2.

Il-KESE japprezza d-deċiżjoni li jintuża regolament bħala l-istrument legali, aktar milli direttiva, minħabba r-riskji ta’ dewmien u inkonsistenzi fil-proċessi ta’ traspożizzjoni nazzjonali fil-każ ta’ direttiva. Regolament jiżgura l-uniformità u jillimita l-frammentazzjoni tal-liġijiet nazzjonali, li hija kruċjali biex jintlaħqu l-miri ambizzjużi ta’ konnettività tal-Kummissjoni sal-2030. Direttiva probabbilment ma tkunx applikabbli qabel l-iskadenza, u għalhekk ma tilħaqx l-objettiv tal-Kummissjoni li toħloq qafas legali favorevoli b’mod rapidu. Dewmien fis-semplifikazzjoni tal-proċess ta’ awtorizzazzjoni għat-tnedija jista’ jipperikola wkoll l-iżvilupp tas-suq uniku diġitali. L-aħħar żviluppi fis-settur diġitali għandhom il-potenzjal li jieħdu l-integrazzjoni tas-suq intern f’livell ġdid permezz tal-ħolqien ta’ atturi li joperaw bejn il-fruntieri, li se jistimula l-investimenti.

3.3.

L-użu limitat u inkonsistenti tad-Direttiva dwar it-Tnaqqis tal-Ispiża tal-Broadband, kif ukoll in-nuqqas ta’ gwida f’din il-materja, wasslu għal liġijiet nazzjonali frammentati u inċertezza regolatorja. Dan ħoloq ostakli għall-investiment u l-operat transfruntier, u ħoloq ostakli għall-kumpaniji li jfittxu li jilħqu ekonomiji ta’ skala fil-livell tal-UE u b’hekk jibbenefikaw mill-benefiċċji tas-suq uniku tal-UE. B’konsegwenza ta’ dan, hemm bżonn ta’ aktar armonizzazzjoni, sabiex jiġi promoss l-iżvilupp ta’ attivitajiet transfruntiera f’dan is-settur u tiġi evitata Ewropa b’żewġ veloċitajiet.

3.4.

Essenzjalment, il-miżuri fil-proposta għandhom l-għan li: itejbu l-koordinazzjoni bejn is-setturi; jissemplifikaw u jħaffu l-proċeduri għall-għoti tal-permessi; jagħmlu l-proċedura għall-aċċess għall-informazzjoni dwar l-infrastruttura eżistenti u x-xogħlijiet ċivili ppjanati, kif ukoll għas-sottomissjoni ta’ talbiet għal permessi, kompletament diġitali; jissemplifikaw l-użu mill-ġdid tal-infrastruttura pubblika u l-installazzjoni tal-infrastruttura tan-network għall-operaturi; iħejju għall-innovazzjoni sabiex il-binjiet ġodda kollha u l-binjiet li jiġu rinnovati bil-kbir jiġu mgħammra b’infrastruttura tal-fibra u lesta għall-fibra; u jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà billi jnaqqsu l-impatt ambjentali tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi permezz tal-promozzjoni tal-kondiviżjoni tal-infrastruttura u tal-użu ta’ teknoloġiji aktar effiċjenti, l-użu mill-ġdid ta’ infrastruttura eżistenti u koordinazzjoni aħjar tax-xogħlijiet ċivili.

3.5.

L-operaturi se jkunu jistgħu jissottomettu talbiet għal permessi u jaċċessaw l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar l-infrastruttura eżistenti u x-xogħlijiet ċivili ppjanati b’mod diġitali. L-UE tqis li dan se jippermetti lill-operaturi jintroduċu networks bi spejjeż aktar baxxi; skont il-valutazzjoni tal-impatt, dan jirriżulta fi frankar ta’ EUR 4,5 biljun, bi tnaqqis fis-sussidji pubbliċi ta’ EUR 2,4 biljun.

3.6.

Id-definizzjonijiet fi ħdan il-proposta twessgħu wkoll meta mqabbla mal-Direttiva dwar it-Tnaqqis tal-Ispiża tal-Broadband. Il-proposta tapplika għall-operaturi tan-network li jagħtu aċċess biex jinkludu wkoll fornituri ta’ faċilitajiet assoċjati bħal pajpijiet, arbli u infrastruttura fiżika biex jinkludu infrastruttura li tkun proprjetà ta’ istituzzjonijiet pubbliċi bħall-awtoritajiet lokali, u jinkludu bini u daħliet għall-bini, u kwalunkwe assi oħra, inkluż għamara tat-toroq bħall-arbli tad-dawl, sinjali tat-toroq, dwal tat-traffiku, billboards, waqfiet tal-karozzi tal-linja u tat-tramm u stazzjonijiet tal-metro.

3.7.

Il-proposta tintroduċi miżuri ġodda biex tiżdied it-trasparenza tal-infrastruttura fiżika eżistenti. Pereżempju, hija tirrikjedi li s-sidien tal-infrastruttura pubblika jagħmlu disponibbli informazzjoni minima dwar l-infrastruttura fiżika permezz tal-hekk imsejħa punti uniċi ta’ informazzjoni. Barra minn hekk, hija tistabbilixxi regoli aktar stretti dwar il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili ppjanati, kif diġà previst mid-Direttiva dwar it-Tnaqqis tal-Ispiża tal-Broadband, iżda fil-proposta hija estiża b’mod konsiderevoli f’termini ta’ kamp ta’ applikazzjoni u applikazzjoni. Pereżempju, l-informazzjoni dwar ix-xogħlijiet ċivili meħtieġa skont il-proposta trid tkun disponibbli f’format diġitali mill-fornitur tan-network permezz ta’ punti uniċi ta’ informazzjoni mill-inqas tliet xhur qabel l-ewwel talba għal permess. F’dan ir-rigward, peress li l-bażijiet tad-data li fihom din l-informazzjoni diġà huma disponibbli f’ħafna pajjiżi tal-UE, il-KESE jemmen li l-punt uniku ta’ informazzjoni għandu jiġi integrat u marbut ma’ bażijiet tad-data oħra, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u jiġu ffrankati l-ispejjeż.

3.8.

Il-proposta tinkludi wkoll miżuri li jikkonċernaw il-proċeduri tal-permessi, li jridu jiġu standardizzati fil-livell nazzjonali u jsiru kompletament aċċessibbli permezz tal-introduzzjoni ta’ approvazzjoni taċita, li titqies li sseħħ erba’ xhur wara li titressaq talba. Barra minn hekk, tikketta ta’ “lest għall-fibra” hija prevista sabiex jiġi vverifikat jekk bini jissodisfax ir-rekwiżiti għall-installazzjoni faċli ta’ network b’kapaċità għolja ħafna bħall-fibra ottika, li għandha tkun kundizzjoni għall-għoti ta’ permessi tal-bini għal binjiet ġodda. Madankollu, il-KESE jenfasizza li jkun importanti li n-network b’kapaċità għolja ħafna jinġieb f’dak il-bini, sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tagħhom u jsir l-aħjar użu mill-investimenti li saru.

3.9.

Il-KESE jqis li huwa importanti li l-Istati Membri jkollhom l-għażla li jżommu jew jintroduċu miżuri konformi mal-liġi tal-UE li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi stabbiliti mill-Att dwar l-Infrastruttura tal-Gigabits, kif iddikjarat b’mod espliċitu fil-Premessa 11, li ġustament tiddikjara li dan ir-Regolament ma għandux jipprjeveni l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali b’konformità mad-dritt tal-UE mmirati biex jippromovu l-użu konġunt tal-infrastruttura fiżika eżistenti jew biex jippermettu l-introduzzjoni aktar effiċjenti ta’ infrastruttura fiżika ġdida, li jikkomplementaw id-drittijiet u l-obbligi skont l-Att dwar l-Infrastruttura tal-Gigabits.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-proposta hija konformi mal-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi li daħal fis-seħħ f’Diċembru 2020, li aġġorna l-qafas regolatorju tal-UE dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi, u tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-miri tiegħu biex jiġi inċentivat l-investiment f’networks avvanzati ta’ konnettività. Il-Kodiċi jiffoka prinċipalment fuq it-titjib tal-kompetizzjoni, jinkludi rekwiżiti għan-negozji b’saħħa sinifikanti fis-suq u jikkonċerna mhux biss l-infrastruttura fiżika iżda wkoll in-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi bħall-kejbils tal-fibra, min-naħa l-oħra, l-għan ewlieni tal-Att dwar l-Infrastruttura tal-Gigabits huwa li jitneħħew l-ostakli għall-introduzzjoni tan-network, billi jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi, regolatorji u tas-suq attwali.

4.2.

Sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Att dwar l-Infrastruttura tal-Gigabits, il-KESE jilqa’ l-allinjament tat-test mad-definizzjonijiet tal-Kodiċi, u jenfasizza li d-disponibbiltà ta’ proċeduri rapidi, effettivi u semplifikati hija fundamentali, flimkien ma’ termini, kundizzjonijiet u prezzijiet adatti li jistgħu jiġu applikati kullimkien b’mod konsistenti madwar l-UE. Il-KESE jqis li f’dan ir-rigward linji gwida tal-Kummissjoni huma partikolarment utli.

4.3.

F’konformità mal-għan stabbilit mid-Deċennju Diġitali tal-UE 2030, li jiddikjara li, sal-2030, l-unitajiet domestiċi Ewropej kollha għandhom ikunu koperti minn networks mobbli b’gigabits u veloċi, u għall-kuntrarju tad-Direttiva dwar it-Tnaqqis tal-Ispiża tal-Broadband, il-proposta għal Regolament tippromovi l-introduzzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna b’obbligi ta’ aċċess għas-sidien ta’ infrastruttura fiżika, irrispettivament mill-pożizzjoni tagħhom fis-suq. Il-KESE jappoġġja l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni, li jippermetti lill-entitajiet kollha li jipprovdu l-infrastruttura jibbenefikaw mill-proċeduri rapidi tal-permessi li jirriżultaw mill-Att dwar l-Infrastruttura tal-Gigabits. Madankollu, huwa jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-qafas regolatorju jkun komprensiv biżżejjed biex jaqdi l-ħtiġijiet differenti tal-partijiet ikkonċernati kollha involuti fl-iskjerament tal-networks b’kapaċità għolja ħafna madwar l-UE.

4.4.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-kondiviżjoni tal-infrastruttura eżistenti hija kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet tad-Deċennju Diġitali tal-UE 2030, u jenfasizza wkoll l-importanza li jiġu żgurati s-sigurtà u r-robustezza tan-networks u l-protezzjoni tagħhom. L-ilħuq tal-miri tal-konnettività tal-UE jirrikjedi strateġija komprensiva li tikkombina l-aħħar teknoloġiji ma’ ktajjen tal-provvista reżiljenti, awtonomi u siguri. Dan biex jiġu evitati interruzzjonijiet fis-servizz li jirriżultaw minn fallimenti jew attakki ċibernetiċi. Għal dan l-għan, l-Att dwar l-Infrastruttura tal-Gigabits għandu jħeġġeġ lill-fornituri tan-network biex jagħżlu komponenti teknoloġiċi li jiggarantixxu livell għoli ta’ sigurtà diġitali, inaqqsu r-riskju ta’ interruzzjonijiet tan-network u jindirizzaw b’mod adegwat din l-eventwalità. Ir-robustezza, ir-reżiljenza u ċ-ċibersigurtà tan-network huma kruċjali għall-effettività tal-objettivi segwiti mill-Att dwar l-Infrastruttura tal-Gigabits, f’konformità mal-qafas regolatorju attwali tal-UE u l-aspetti rilevanti, anke fil-perspettiva ta’ kwalunkwe azzjoni futura tal-UE dwar is-suġġett, li għandhom jiġu inklużi fil-mandat il-ġdid tal-Kummissjoni mill-2024.

4.5.

Il-KESE jenfasizza li, flimkien ma’ proċeduri rapidi, effettivi u semplifikati, termini, kundizzjonijiet u prezzijiet adatti huma elementi importanti tal-aċċess għall-infrastruttura. F’dan ir-rigward, peress li huwa meħtieġ li tiġi żgurata l-effiċjenza fis-sistema, pereżempju billi jiġu evitati prezzijiet eċċessivament għoljin li jkollhom l-effett li jiskoraġġixxu l-użu ta’ network b’kapaċità għolja ħafna, il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tadotta linji gwida speċifiċi.

4.6.

Il-KESE jemmen li s-semplifikazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-proċess ta’ liċenzjar huma element importanti fl-introduzzjoni tan-networks tal-komunikazzjoni elettronika. Madankollu, il-KESE jqis li jekk isir obbligatorju li tiġi prevista approvazzjoni taċita għad-drittijiet ta’ passaġġ dan jista’ ma jkunx konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità u jista’ jkun ta’ detriment għad-dritt għall-proprjetà, kif stabbilit fl-Artikoli 17 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

4.7.

Il-KESE jemmen li l-bini rapidu tal-infrastruttura, il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili, il-ħolqien ta’ sinerġiji bejn id-diversi operaturi tan-network u l-użu konġunt tal-infrastruttura fiżika eżistenti jgħinu biex jiġi ffrankat l-investiment permezz tat-tnaqqis tal-piż ambjentali billi jiġu evitati aktar xogħlijiet ta’ inġinerija u b’hekk jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi ambjentali.

4.8.

Il-KESE jemmen li l-introduzzjoni ta’ networks b’veloċità għolja huwa kruċjali għall-iżvilupp u l-koeżjoni soċjoekonomika. F’dan ir-rigward, huwa jqis li l-proposta għandha tispeċifika miżuri u azzjonijiet verifikabbli li jiżguraw żvilupp bilanċjat u aċċess ugwali għan-network b’kapaċità għolja ħafna, biex jiġi evitat li jikber id-distakk bejn il-pajjiżi u r-reġjuni b’veloċitajiet u kapaċitajiet ta’ żvilupp differenti, f’konformità mad-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali (3), li skontha l-atturi kollha tas-suq li jibbenefikaw mit-trasformazzjoni diġitali għandhom jassumu r-responsabbiltajiet soċjali tagħhom u jagħtu kontribut ġust u proporzjonat għall-ispejjeż tal-infrastruttura, tal-beni u tas-servizzi pubbliċi, u li kull persuna fl-UE jkollha aċċess għal konnettività ta’ kwalità għolja, b’aċċess għall-Internet disponibbli, inklużi l-persuni b’introjtu baxx (4).

Brussell, it-12 ta’ Lulju 2023.

Oliver RÖPKE

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta’ networks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja (ĠU L 155, 23.5.2014, p. 1).

(2)  Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (riformulazzjoni) (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

(3)  Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali (ĠU C 23, 23.01.2023, p. 1).

(4)  


Top