Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023AE0880

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Miżuri biex titnaqqas l-obeżità tat-tfal” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Spanjola)

    EESC 2023/00880

    ĠU C 349, 29.9.2023, p. 108–115 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.9.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 349/108


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Miżuri biex titnaqqas l-obeżità tat-tfal”

    (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Spanjola)

    (2023/C 349/17)

    Relatur:

    Josep PUXEU ROCAMORA

    Korelatur:

    Isabel CAÑO AGUILAR

    Konsultazzjoni

    Ittra mill-Presidenza Spanjola tal-Kunsill, 8.12.2022

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

    Adozzjoni fis-sezzjoni

    1.6.2023

    Adozzjoni fil-plenarja

    13.7.2023

    Sessjoni plenarja Nru

    580

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    197/0/0

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Is-saħħa hija dritt fundamentali. Barra minn hekk, li t-tfal jitrabbew f’saħħithom u ferħanin, u li jkunu jistgħu jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom, huwa dritt indikat mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

    1.2.

    Bħalissa, il-piż żejjed u l-obeżità fit-tfal għadhom waħda mill-isfidi ewlenin tas-saħħa pubblika fil-pajjiżi tal-UE fejn jikkonverġu numru kbir ta’ fatturi: ambjentali, soċjali u ekonomiċi. L-obeżità fit-tfal hija assoċjata ma’ problemi ta’ saħħa fiżika, mentali u soċjali fit-tfulija u fl-età adulta.

    1.3.

    Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi fit-tfulija, minħabba li huma relatati direttament mal-piż żejjed fost it-tfal. F’xi każijiet, il-perċentwal ta’ tfal u adolexxenti obeżi huwa d-doppju f’unitajiet domestiċi b’introjtu aktar baxx.

    1.4.

    Il-KESE jinnota li l-Istati Membri għandhom kriterji differenti dwar kif jindirizzaw l-obeżità fit-tfal (b’rabta ma’ diversi aspetti bħall-komunikazzjoni, it-tikkettar dwar in-nutrizzjoni, il-promozzjoni tal-attività fiżika u dieti sostenibbli, jew l-inklużjoni ta’ aspetti aktar ġodda bħall-użu san tal-iskrins jew il-promozzjoni tas-saħħa psikoemozzjonali). Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew jaqdu rwol aktar proattiv f’dan il-qasam u jaħdmu għal aktar standardizzazzjoni u qafas aktar effettiv.

    1.5.

    Il-KESE jinnota bi tħassib li l-biċċa l-kbira tar-restrizzjonijiet nazzjonali dwar il-promozzjoni u r-reklamar tal-ikel u x-xorb mhux alkoħoliku intiżi għat-tfal huma dgħajfa wisq u l-approċċi volontarji eżistenti mhumiex biżżejjed biex jipproteġu lit-tfal u lill-adoloxxenti; Iqis li l-profil nutrizzjonali tad-WHO jista’ jintuża bħala bażi biex jillimita r-reklamar ta’ prodotti b’livell għoli ta’ zokkor, xaħam jew melħ. Iqis li huwa importanti li nitgħallmu mill-miżuri u l-prattiki tajbin f’pajjiżi li fihom intweriet l-effettività ta’ politiki differenti, inklużi regolamenti, biex jiġi ristrett l-esponiment tat-tfal għal komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi dwar ikel u xorb b’livell għoli ta’ melħ, zokkor, xaħam, xaħam saturat jew aċidi xaħmin trans. Huwa wkoll essenzjali li jiġi żgurat li l-ħinijiet tax-xandir għat-tfal jiġu dejjem rispettati, u li kwalunkwe reklamar jikkonforma mal-prinċipju tal-akkuratezza tar-reklamar. Ta’ min ifakkar li d-WHO hija favur ir-restrizzjoni tal-forom rilevanti kollha ta’ reklamar tal-ikel immirati lejn it-tfal.

    1.6.

    Il-KESE jappella wkoll għat-tiġdid tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Obeżità fit-Tfal 2014-2020, billi jitqiesu l-proposti ta’ din l-Opinjoni.

    1.7.

    Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, il-KESE jqis li l-istituzzjonijiet għandhom jagħtu spinta lill-konsum ta’ ikel li huwa meqjus bħala parti essenzjali minn dieti sani u sostenibbli (frott u ħxejjex friski, staġjonali u lokali, legumi, qmuħ sħaħ u proteini tal-annimali bħall-ħut). Dan jista’ jinkiseb pereżempju billi jiġu enfasizzati l-politiki għall-promozzjoni tal-prodotti agrikoli tal-UE, jiġu żviluppati offerti pubbliċi li jippromovu dieti sani u sostenibbli, jew billi jintużaw l-inċentivi fiskali (bħal tnaqqis tal-VAT) bħala strument li jappoġġja x-xiri u l-konsum ta’ ikel bħal dan. Barra minn hekk, f’kuntest ta’ inflazzjoni u prezzijiet li qed jiżdiedu, iż-żewġ miżuri jistgħu jgħinu biex jagħmluha aktar faċli għal ħafna aktar familji, speċjalment dawk l-aktar żvantaġġati, li jkollhom aċċess għal ikel nutrittiv u ta’ kwalità tajba. Bl-istess mod, il-KESE jħeġġeġ biex titkompla l-ħidma għar-riformulazzjoni u t-titjib tal-kompożizzjoni tal-ikel u x-xorb fis-suq Ewropew.

    1.8.

    Il-KESE jitlob li l-familji jingħataw għodod sempliċi biex ikollhom l-għarfien meħtieġ biex jifhmu l-oriġini b’diversi fatturi tal-obeżità fit-tfal u l-konsegwenzi tagħha fuq is-saħħa fit-tfulija u fl-età adulta. Il-KESE jqis ukoll li huwa essenzjali li s-soċjetà kollha kemm hi tippromovi l-użu tajjeb tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) u r-rakkomandazzjonijiet diġà fis-seħħ f’dan ir-rigward. L-użu eċċessiv tal-iskrins iwassal għal stil ta’ ħajja sedentarja, żieda fl-esponiment għar-reklamar ta’ ikel u xorb b’livell għoli ta’ zokkor, xaħam u melħ, kif ukoll għal riskji għas-saħħa mentali tat-tfal u l-adolexxenti.

    1.9.

    Il-KESE jitlob li l-ambjent edukattiv ikun ċentru li jippromovi l-attività fiżika, in-nutrizzjoni sana u s-saħħa psikoemozzjonali. Iċ-ċentri edukattivi huma spazju ideali għall-promozzjoni ta’ stili ta’ ħajja sani u biex l-obeżità fit-tfal tiġi miġġielda b’mod pożittiv, mingħajr ma tinħoloq stigma soċjali jew is-sens li ċerti aspetti fiżiċi ma jkunux aċċettati mis-soċjetà minħabba ċerti sterjotipi tal-ġisem ikkunsidrati bħala ideali. Għal dan il-għan, il-KESE jqis li waħda mill-miżuri hija t-trasformazzjoni tal-kurrikuli attwali, billi jiżdied il-ħin previst għall-attività fiżika, kif ukoll permezz ta’ investiment fl-edukazzjoni dwar l-ikel u l-gastronomija. Il-kantins tal-iskejjel huma element ewlieni fil-promozzjoni ta’ drawwiet tal-ikel sani għat-tfal u l-adolexxenti, u għalhekk il-KESE jqis li huwa importanti ħafna li jkunu disponibbli fl-istadji kollha tal-edukazzjoni u li jiġi żgurat li l-ikel offrut ikun san, ibbilanċjat u ta’ kwalità tajba. Ifakkar ukoll li tista’ tingħata spinta akbar lill-implimentazzjoni tal-iskema tal-UE għall-provvista ta’ frott, ħaxix u ħalib fl-iskejjel (l-iskema tal-iskejjel), u li jistgħu jiġu promossi għotjiet ta’ ikel fl-iskejjel lil tfal f’sitwazzjoni ta’ inugwaljanza.

    1.10.

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jespandu u jtejbu l-ispazji u l-infrastrutturi pubbliċi b’modi li jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw il-mobbiltà attiva, speċjalment f’żoni viċin l-iskejjel jew fit-toroq li jwasslu għall-iskejjel. Jemmen ukoll li huwa neċessarju li jinħolqu spazji urbani li jkollhom żoni sportivi, żoni tal-logħob u spazji ħodor li jkunu aċċessibbli, sikuri u intiżi għat-tfal u l-adolexxenti.

    1.11.

    Il-KESE jipproponi li l-ambjent diġitali jintuża bħala faċilitatur ta’ stili ta’ ħajja, relazzjonijiet u mġiba sani. F’dan ir-rigward, il-KESE jerġa’ jitlob li jsiru kampanji ta’ reklamar viżwali, ispirati minn kampanji pożittivi ta’ reklamar soċjali mmirati lejn it-tfal, favur ikel u dieti aktar sani, ħajja attiva u użu san tal-iskrins.

    1.12.

    Il-KESE jfakkar fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu inklużi fir-rapport ta’ evalwazzjoni dwar Evalwazzjoni tal-iskema tal-UE għall-iskejjel (1), l-Opinjonijiet dwar Il-promozzjoni ta’ dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli fl-UE u l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, u jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-Qafas li jmiss dwar Sistemi tal-Ikel Sostenibbli, tinkludi miżuri tiġi miġġielda l-obeżità fit-tfal, pereżempju fir-rigward tat-tikkettar u l-akkwist pubbliku.

    1.13.

    Il-KESE huwa konvint ukoll, kif irrimarka f’Opinjonijiet oħra, li l-innovazzjonijiet demokratiċi bħall-kunsilli għall-politika tal-ikel u l-promozzjoni ta’ approċċi parteċipattivi, jgħinu biex jippromovu l-kwalità tajba u l-leġittimità tat-tfassil tal-politiki dwar l-ikel. Huwa jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta’ strument fil-livell Ewropew bħall-Kunsill Ewropew għall-Politika l-Ikel.

    1.14.

    Fil-qosor, il-KESE jimpenja ruħu li jindirizza l-obeżità b’mod globali, billi jqis it-trasformazzjoni sana tal-istili ta’ ħajja, iżda wkoll il-kundizzjonijiet soċjali kollha relatati magħha, u jirrakkomanda li jiġu promossi strateġiji pubbliċi li jiggarantixxu aċċess universali għal ikel san, attività fiżika u sport, mistrieħ tajjeb, u benesseri psikoemozzjonali, mingħajr l-ebda diskriminazzjoni.

    2.   Is-saħħa bħala l-assi ċentrali tal-politiki kollha

    2.1.

    Is-saħħa hija dritt fundamentali (2) u prekundizzjoni għall-funzjonament tas-soċjetà u l-ekonomija tagħna. B’mod partikolari, li t-tfal jitrabbew f’saħħithom u ferħanin, u li jkunu jistgħu jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom, huwa dritt rikonoxxut mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (3). Il-KESE jappoġġja l-approċċ “Saħħa Waħda” promoss mill-Kummissjoni Ewropea bħala approċċ integrat li jfittex li jibbilanċja u jtejjeb b’mod sostenibbli s-saħħa tan-nies.

    2.2.

    L-indirizzar tal-obeżità fit-tfal huwa vitali biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), speċjalment l-SDG 3 biex tiġi żgurata ħajja f’kundizzjoni tajba ta’ saħħa u jiġi promoss il-benesseri f’kull età, u jittejjeb l-istatus tas-saħħa tal-Ewropej kollha fil-futur. Ix-xjenza turina li l-prevenzjoni tal-obeżità fi stadji kritiċi matul il-ħajja, bħas-snin bikrin tal-ħajja u l-adolexxenza, x’aktarx li għandha l-akbar benefiċċji għas-saħħa, tnaqqas l-ispejjeż assoċjati u hija l-aktar mod promettenti biex jitkisser iċ-ċiklu interġenerazzjonali tal-obeżità u l-inugwaljanzi fid-dieta.

    2.3.

    B’konformità ma’ dan, il-KESE jilqa’ t-talba tal-Presidenza Spanjola futura għal Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar miżuri possibbli biex titnaqqas l-obeżità fit-tfal. Din hija konformi mat-tendenza tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-gvernijiet tal-pajjiżi tal-UE li jfasslu u jiżviluppaw strateġiji mmirati biex irażżnu u jipprevjenu l-obeżità u l-piż żejjed fit-tfal:

    (i)

    L-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal (4) tirrikonoxxi li ikel san, flimkien mal-attività fiżika, huwa essenzjali għall-iżvilupp fiżiku u mentali sħiħ tat-tfal.

    (ii)

    Fl-inizjattiva tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal, li għandha tikkontribwixxi biex id-drittijiet tat-tfal u l-adolexxenti jitqiegħdu fil-qalba tat-tfassil tal-politika tal-UE, l-obeżità fit-tfal hija waħda mill-aspetti li l-pjani nazzjonali għandhom jinkludu.

    (iii)

    Din l-Opinjoni tagħti segwitu wkoll għall-Istrateġija għall-Ewropa dwar kwistjonijiet ta’ saħħa marbuta man-Nutriment, il-Piż Żejjed u l-Obeżità (2007), il-White Paper tal-2017 dwar l-Obeżità, u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Obeżità fit-Tfal 2014-2020 (5). Dawn huma inizjattivi li, bħal din l-Opinjoni, kellhom l-għan li jwaqqfu ż-żieda fil-piż żejjed u l-obeżità fit-tfal u l-adolexxenti (0-18-il sena). F’dan ir-rigward, il-KESE jappella għat-tiġdid tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Obeżità fit-Tfal 2014-2020.

    3.   L-obeżità fit-tfal fl-Ewropa: is-sitwazzjoni attwali

    3.1.

    Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) (6), l-obeżità hija marda kumplessa, b’diversi fatturi u mhux komunikabbli, definita minn adipożità eċċessiva li tista’ tagħmel ħsara lis-saħħa. L-obeżità hija wkoll fattur ta’ riskju fl-iżvilupp ta’ mard mhux komunikabbli ieħor, bħall-mard kardjovaskulari, metaboliku, osteoartikulari jew il-kanċer (7), l-indeboliment mentali u kwalità tal-ħajja mnaqqsa, li jnaqqas l-istennija tal-għomor u jżid ir-riskju ta’ mewta prematura. Dawn il-konsegwenzi fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għal żieda sinifikanti fin-nefqa tas-saħħa tal-pajjiżi, kif ukoll infiq individwali, soċjali u ekonomiku ieħor.

    3.2.

    Illum, il-piż żejjed u l-obeżità fit-tfal għadhom waħda mill-isfidi ewlenin tas-saħħa pubblika fil-pajjiżi tal-UE. Fil-ħames edizzjoni tal-istudju tal-Inizjattiva ta’ Sorveljanza tal-Obeżità fit-Tfulija tad-WHO (li saret bejn l-2018 u l-2020) (8), 29 % tat-tfal ta’ bejn 7 u 9 snin fit-33 pajjiż parteċipanti kellhom piż eċċessiv (9) u 12 % kienu obeżi. Mil-lat tal-ġeneru, is-subien kellhom rati kemxejn ogħla mill-bniet (31 % vs 28 % fil-każ ta’ piż żejjed; u 14 % vs 10 % fil-każ ta’ obeżità).

    3.3.

    Il-KESE jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 setgħet aggravat il-problema tal-obeżità fit-tfal. Kulma jmur hemm dejjem iktar indikazzjonijiet li l-pandemija tal-COVID-19 setgħet aggravat iċ-ċifri tal-obeżità fit-tfal, speċjalment f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà akbar (10).

    3.4.

    Il-KESE jinnota li hemm kriterji differenti dwar kif għandha tiġi indirizzata l-obeżità fit-tfal fl-Istati Membri differenti (b’rabta ma’ aspetti differenti bħall-komunikazzjoni, it-tikkettar dwar in-nutrizzjoni, il-promozzjoni tal-attività fiżika u dieti sostenibbli, jew l-inklużjoni ta’ aspetti aktar ġodda bħall-użu san tal-iskrins jew il-promozzjoni tas-saħħa psikoemozzjonali) u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew jaqdu rwol aktar proattiv f’dan il-qasam u jaħdmu għal aktar standardizzazzjoni u qafas aktar effettiv.

    4.   Il-fatturi determinanti tal-obeżità fit-tfal

    L-oriġini tal-obeżità ma tistax tiġi attribwita għal kawża waħda, iżda tirriżulta minn interazzjoni kumplessa bejn diversi fatturi (11). Dawn jinkludu fatturi individwali (bijoloġiċi/ġenetiċi, fiżjoloġiċi u stil ta’ ħajja), fatturi ambjentali (influwenza tal-ambjenti differenti li fihom il-persuna tiżviluppa: familja, skola, komunità), fatturi psikosoċjali (livell edukattiv jew klassi soċjali) u fatturi ekonomiċi (livell ta’ dħul tal-familji (12)).

    4.1.

    Il-fatturi psikosoċjali u r-riżorsi ekonomiċi jsegwu l-mudelli soċjali, jistgħu jagħmlu lil familji b’introjtu baxx aktar vulnerabbli għal esponiment ambjentali ta’ ħsara fl-istadji kollha tal-ħajja, u għandhom effett kumulattiv matul il-ħajja.

    4.2.

    Hemm biżżejjed provi u evidenza li juru li l-esponiment għal nutrizzjoni u piż tal-ġisem ħżiena għas-saħħa qabel il-konċepiment u waqt it-tqala għandu rwol importanti fl-iżvilupp tal-kompożizzjoni tal-ġisem fl-ewwel snin tal-ħajja u fis-suxxettibilità għall-obeżità.

    4.3.

    Bl-istess mod, l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi fit-tfulija, li ġew aggravati minħabba l-pandemija, iż-żieda fl-inflazzjoni u l-kriżi ekonomika, huma direttament relatati mal-piż eċċessiv fit-tfal, fejn f’xi każijiet il-perċentwal ta’ tfal obeżi huwa d-doppju f’unitajiet domestiċi bi dħul baxx, minħabba li dawn għandhom drawwiet tal-għajxien differenti meta mqabbla ma’ unitajiet domestiċi b’introjti ogħla.

    4.4.

    L-attività fiżika hija pilastru tas-saħħa tul il-ħajja. L-attività fiżika hija wkoll fattur determinanti importanti fil-prevenzjoni u t-trattament tal-obeżità fit-tfal u l-fatturi ta’ riskju metaboliku bikri (13), kif ukoll komponent essenzjali għall-iżvilupp ta’ ħiliet konoxxittivi, motorji u soċjali bażiċi. Madankollu, 81 % tal-minorenni ta’ bejn 11 u 17-il sena mhumiex fiżikament attivi biżżejjed (14). Qabel il-pandemija, wieħed biss minn kull seba’ adolexxenti ta’ 15-il sena fir-Reġjun Ewropew tad-WHO (14 %) irrapporta li ddedika mill-inqas siegħa għal attività fiżika minn moderata sa vigoruża kuljum (15). Bl-istess mod, 25 % biss tas-subien ta’ 15-il sena u 15 % tal-bniet tal-istess età kisbu l-livelli rakkomandati ta’ attività fiżika fl-2014 (16).

    4.5.

    Id-dieti żbilanċjati, ikkaratterizzati minn konsum għoli ta’ ikel u xorb b’livell għoli ta’ xaħam, zokkor u melħ, huma assoċjati ma’ livelli ogħla ta’ obeżità u ma’ saħħa ġenerali aktar fqira. Min-naħa l-oħra, id-drawwiet li jxeqilbu lejn mudelli bħad-dieta Mediterranja, Atlantika jew Nordika, jew sempliċement lejn dieti bi predominanza ta’ ikel frisk u li joriġina mill-pjanti huma assoċjati ma’ riżultati aħjar tas-saħħa (17) (18). Skont l-aħħar edizzjoni tal-istudju tal-Inizjattiva ta’ Sorveljanza tal-Obeżità fit-Tfulija (19), inqas minn nofs (43 %) it-tfal ta’ bejn 6 u 9 snin fir-Reġjun Ewropew jikkunsmaw frott frisk kuljum. Barra minn hekk, 7 % minnhom qatt ma jikkunsmaw frott, jew jikkunsmawh inqas minn darba fil-ġimgħa Fir-rigward tal-konsum tal-ħaxix, terz biss (34 %) tat-tfal ta’ bejn 6 u 9 snin jieklu l-ħaxix kuljum.

    4.6.

    Minn perspettiva ekonomika u soċjali, il-KESE jinnota wkoll li ż-żieda globali fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel qed ikollha impatt fuq il-prezzijiet tal-konsumatur fl-UE u b’hekk qed tikkundizzjona x-xejriet tax-xiri u d-drawwiet tal-ikel tal-familji u tat-tfal u l-adolexxenti Ewropej, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli.

    4.7.

    Il-benesseri emozzjonali u l-obeżità huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin. Minn naħa, minħabba li l-benesseri emozzjonali huwa essenzjali għall-prevenzjoni tal-obeżità fit-tfal. Min-naħa l-oħra, minħabba li l-obeżità fit-tfal iżżid il-possibbiltà li jsofru diskriminazzjoni, stigmatizzazzjoni u bullying fl-iskola, u, għalhekk, taffettwa l-benesseri emozzjonali tagħhom.

    4.8.

    Intwera li l-mogħdija ta’ ħin eċċessiv quddiem l-iskrins huwa wieħed mill-fatturi determinanti fil-ħolqien ta’ piż żejjed/obeżità, u ż-żewġ fenomeni huma korrelatati (20) (21). Għalkemm l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aġenziji pubbliċi jirrakkomandaw li l-ħin quddiem l-iskrins għandu jiġi limitat għal massimu ta’ 120 minuta kuljum, it-tfal u l-adolexxenti Ewropej jidhru li ma jikkonformawx ma’ din ir-rakkomandazzjoni (22).

    5.   Miżuri li għandhom jittieħdu

    5.1.

    L-indirizzar tal-obeżità fit-tfal jirrikjedi approċċ li jħaddan iċ-ċiklu kollu tal-ħajja u, fl-istess ħin, li tingħata risposta għall-kawżi multipli tiegħu. Il-KESE jipproponi approċċ olistiku u parteċipattiv. L-ilħuq u l-ksib tat-tnaqqis taċ-ċifri tal-obeżità u l-piż żejjed fit-tfal u l-adolexxenti Ewropej jeħtieġu l-kollaborazzjoni u l-impenn ta’ kulħadd (23): l-amministrazzjonijiet pubbliċi, is-settur privat/tan-negozju, il-media, iċ-ċentri edukattivi u tas-saħħa u l-familji. Barra minn hekk, dan ir-rispons komprensiv għandu jinbena fuq approċċ pożittiv u li ma jistigmatizzax.

    5.2.

    Il-KESE jappella għat-tiġdid tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Obeżità fit-Tfal 2014-2020, li għandu jkollu l-għan li: jippromovi nutrizzjoni adegwata, l-attività fiżika, u ambjenti edukattivi u soċjali sani, jiżgura l-kura tas-saħħa, jipproteġi lill-aktar gruppi vulnerabbli, irawwem u jippromovi r-responsabbiltà soċjali fir-rigward tas-saħħa fi ħdan il-kumpaniji u l-qasam tar-reklamar, iħeġġeġ lid-diversi amministrazzjonijiet pubbliċi jaħdmu f’sinerġija, u jirrakkomanda l-implimentazzjoni ta’ miżuri li, b’mod globali u intersettorjali, iħeġġu t-trasformazzjoni sana tal-ambjenti li fihom jgħixu u jikbru t-tfal u l-adolexxenti.

    5.3.

    Il-KESE jfakkar fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu inklużi fir-rapport ta’ evalwazzjoni dwar Evalwazzjoni tal-iskema tal-UE għall-iskejjel (24), l-Opinjonijiet dwar Il-promozzjoni ta’ dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli fl-UE u l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, u jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-Qafas li jmiss dwar Sistemi tal-Ikel Sostenibbli, tinkludi miżuri tiġi miġġielda l-obeżità fit-tfal, pereżempju fir-rigward tat-tikkettar u l-akkwist pubbliku.

    5.4.

    Il-KESE jtenni wkoll l-importanza tat-tisħiħ tad-demokrazija tal-ikel u huwa konvint, kif indikat f’Opinjonijiet oħra, li l-innovazzjonijiet demokratiċi bħall-kunsilli għall-politika tal-ikel u l-promozzjoni ta’ approċċi parteċipattivi jgħinu fil-promozzjoni tal-kwalità tajba u l-leġittimità tat-tfassil tal-politiki dwar l-ikel. Huwa jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta’ strument fil-livell Ewropew bħall-Kunsill Ewropew għall-Politika l-Ikel.

    5.5.   L-ambjent makrosoċjali

    5.5.1.

    F’dan l-ambjent, il-KESE jirrakkomanda li l-azzjonijiet ta’ kulħadd jiġu allinjati sabiex tinħoloq ekosistema soċjali li tippromovi bidla kulturali li tikkontribwixxi biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi, u ssaħħaħ stili ta’ ħajja aktar sani.

    5.5.2.

    Il-KESE jtenni t-talba tiegħu li jiġu żviluppati miżuri li jżidu l-kapaċità tas-sistemi pubbliċi għall-prevenzjoni u l-indirizzar ta’ sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà partikolari li jxekklu l-adozzjoni ta’ stili ta’ ħajja sani.

    5.5.3.

    Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jitressqu miżuri soċjali li jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja tal-familja u l-koresponsabbiltà fi ħdan il-familji u li jippermettu lill-familji jaċċessaw u jiddedikaw aktar ħin għal attivitajiet sani.

    5.5.4.

    Il-KESE jirrakkomanda li jiġu promossi strateġiji pubbliċi li jiggarantixxu l-aċċess għall-faċilitajiet sportivi mingħajr ebda diskriminazzjoni, u li tiġi ffaċilitata l-prattika tajba tal-eżerċizzju fiżiku. Il-KESE jirrakkomanda li titnaqqas id-differenza bejn il-ġeneri u dik soċjali fil-prattika tal-attività u l-eżerċizzju fiżiku, billi jiġu żgurati spazji inklużivi u tiġi promossa d-diversità tal-provvista.

    5.5.5.

    Il-KESE jqis li l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jiffokaw aktar fuq il-ġlieda kontra l-obeżità fil-fażijiet tal-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tad-dispożizzjonijiet regolatorji u l-politiki, fl-oqsma kollha ta’ azzjoni, billi jqisu l-fatturi determinanti li joħolqu predispożizzjoni għall-piż żejjed u l-obeżità.

    5.5.6.

    Il-KESE jinnota bi tħassib li l-biċċa l-kbira tar-restrizzjonijiet nazzjonali dwar il-promozzjoni u r-reklamar tal-ikel u x-xorb mhux alkoħoliku intiżi għat-tfal huma dgħajfa wisq u l-approċċi volontarji eżistenti mhumiex biżżejjed biex jipproteġu lit-tfal u lill-adoloxxenti. Iqis li l-profil nutrizzjonali tad-WHO jista’ jintuża bħala bażi biex jiġi llimitat ir-reklamar ta’ prodotti b’livell għoli ta’ zokkor, xaħam jew melħ. Iqis li huwa importanti li nitgħallmu mill-miżuri u l-prattiki tajbin f’pajjiżi li fihom intweriet l-effettività ta’ politiki differenti, inklużi regolamenti, biex jiġi ristrett l-esponiment tat-tfal għal komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi dwar ikel u xorb b’livell għoli ta’ melħ, zokkor, xaħam, xaħam saturat jew aċidi xaħmin trans. dejjem billi jiġu rispettati l-ħinijiet tax-xandir għat-tfal u billi jiġi żgurat li kwalunkwe reklamar jikkonforma mal-prinċipju tal-akkuratezza tar-reklamar. Ta’ min ifakkar li d-WHO hija favur ir-restrizzjoni tal-forom rilevanti kollha ta’ reklamar tal-ikel immirati lejn it-tfal.

    5.5.7.

    Il-KESE jqis essenzjali li l-istituzzjonijiet isaħħu l-konsum ta’ ikel li huwa meqjus bħala parti essenzjali minn dieti sani u sostenibbli (frott u ħxejjex friski, staġjonali u lokali, legumi, qmuħ sħaħ u proteini tal-annimali bħall-ħut). Dan jista’ jinkiseb pereżempju billi jiġu enfasizzati l-politiki għall-promozzjoni tal-prodotti agrikoli tal-UE, jiġu żviluppati offerti pubbliċi li jippromovu dieti sani u sostenibbli, jew billi jintużaw l-inċentivi fiskali (bħal tnaqqis tal-VAT) bħala strument li jappoġġja x-xiri u l-konsum ta’ ikel bħal dan.

    5.5.8.

    Il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri u lill-operaturi tan-negozji tal-ikel biex jinkoraġġixxu titjib fil-kompożizzjoni tal-prodotti bħala mezz għall-promozzjoni ta’ dieti aktar sani. Fin-nuqqas ta’ tnaqqis f’ċerti nutrijenti kritiċi fuq bażi volontarja, il-gvernijiet għandhom jikkunsidraw inċentivi u miżuri addizzjonali, inklużi miżuri fiskali progressivi skont il-kontenut tan-nutrijenti inkwistjoni.

    5.5.9.

    Il-KESE jqis li huwa meħtieġ li l-amministrazzjonijiet pubbliċi, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, jiżguraw li l-ilma tax-xorb ikun disponibbli mingħajr ħlas, billi jinstallaw funtani tal-ilma li jkunu indikati sew fl-ispazji pubbliċi, iċ-ċentri edukattivi, u l-postijiet ta’ rilassament, divertiment, sports u rikreazzjoni.

    5.5.10.

    Il-KESE jemmen li għandha tiġi promossa r-riċerka dwar il-fatturi determinanti tal-piż żejjed u l-obeżità, kif ukoll il-ġenerazzjoni u t-tixrid tal-għarfien miksub dwarhom, bħala element strateġiku għal azzjoni koordinata fis-saħħa.

    5.5.11.

    Fir-rigward tad-domanda, il-KESE jerġa’ jenfasizza li l-politiki pubbliċi għandhom jawtonomizzaw lill-konsumaturi biex jagħżlu dieti aktar sani, permezz ta’ taħriġ u informazzjoni mgħoddija bis-saħħa ta’ kampanji sempliċi u diretti ta’ sensibilizzazzjoni, jew it-tixrid ta’ linji gwida djetetiċi ta’ natura pedagoġika.

    5.5.12.

    Il-KESE jirrakkomanda approċċ mifrux mas-soċjetà kollha, u għalhekk jippromovi t-twaqqif ta’ strument bħall-Kunsill Ewropew għall-Politika tal-Ikel, kif ġie indika f’diversi Opinjonijiet tiegħu, u li dan il-korp jindirizza l-obeżità fit-tfal.

    5.6.   L-ambjent familjari

    5.6.1.

    Billi jaf li l-familja hija aġent li jittrażmetti l-għarfien u d-drawwiet, kif ukoll l-ewwel mudell li fi ħdanu hija perċepita r-realtà tal-ħajja ta’ kuljum, u jiġu mgħallma l-ewwel xejriet ta’ mġiba (25), il-KESE jitlob li l-popolazzjoni tingħata informazzjoni preċiża u utli dwar l-importanza li titnaqqas is-sedentarjetà diġitali, dwar ir-rutini ta’ rqad tajbin u l-ħtiġijiet nutrittivi għal kull età, u tiġi promossa l-attività fiżika.

    5.6.2.

    B’mod speċifiku, il-KESE jqis li għandhom jiġu implimentati programmi u azzjonijiet biex jiżdiedu l-kapaċitajiet u l-għarfien għall-ġestjoni tal-piż eċċessiv fost it-tfal, biex tiġi evitata l-istigmatizzazzjoni u tiġi evitata dinamika negattiva dwar il-ġisem. Bl-istess mod, iqis li huwa essenzjali li l-familji jitħarrġu dwar l-użu tajjeb tal-ICT (26), speċjalment fir-rigward tat-tul tal-ħin ta’ użu u l-kontenut.

    5.6.3.

    Huwa importanti wkoll li jitħeġġu miżuri bħall-promozzjoni tat-treddigħ, l-iżvilupp ta’ linji gwida dwar dieti komplementari għat-trabi li jkunu qed jitreddgħu, it-titjib tal-ħiliet tal-ġenituri, jew l-organizzazzjoni u t-tixrid ta’ korsijiet tat-tisjir ta’ ikel san u aċċessibbli, speċjalment għal familji b’introjtu baxx.

    5.7.   L-ambjent edukattiv

    5.7.1.

    L-ambjent edukattiv huwa post fejn it-tfal iqattgħu ħafna mill-ħin tagħhom. Mhux biss fil-qafas purament edukattiv, iżda wkoll fil-ħin ta’ divertiment jew wara l-iskola.

    5.7.2.

    F’dan ir-rigward, huwa essenzjali li sa mill-ambjent edukattiv jiġi adottat approċċ biex l-obeżità fit-tfal tiġi miġġielda b’mod pożittiv, mingħajr ma tinħoloq stigma soċjali jew is-sens li ċerti aspetti fiżiċi ma jkunux aċċettati mis-soċjetà minħabba ċerti sterjotipi tal-ġisem ikkunsidrati bħala ideali. Għall-KESE, huwa essenzjali li tiġi promossa perċezzjoni pożittiva tal-ġisem, u li tingħata attenzjoni speċjali lil kwalunkwe mġiba diskriminatorja jew li tindika l-bidu ta’ kwalunkwe disturb fil-konsum tal-ikel.

    5.7.3.

    Il-KESE għandu wkoll l-għan li jiżgura li l-ambjent tal-iskola jkun promotur tal-attività fiżika u tal-ikel san. Għal dan il-għan, huwa jqis li waħda mill-miżuri essenzjali hija t-trasformazzjoni tal-kurrikuli attwali, permezz taż-żieda fil-ħin previst għall-attività fiżika, il-promozzjoni tad-diversità tal-attivitajiet sportivi, kif ukoll l-investiment fl-edukazzjoni dwar l-ikel u l-gastronomija.

    5.7.4.

    Il-KESE jqis li l-kantins tal-iskejjel huma element ewlieni fil-promozzjoni ta’ drawwiet nutrittivi sani għat-tfal u l-adolexxenti, u għalhekk iqis li huwa importanti ħafna li jkunu disponibbli fl-istadji kollha tal-edukazzjoni u li jiġi żgurat li l-ikel offrut ikun san, ibbilanċjat u ta’ kwalità tajba.

    5.8.   Spazji għar-rikreazzjoni. Id-disinn ta’ ambjenti urbani sani

    5.8.1.

    Għall-KESE, id-disinn u l-użu tal-ambjent fiżiku (inklużi l-iskejjel, is-sistemi tat-trasport, il-viċinati, jew iċ-ċentri sportivi) għandhom jipprovdu opportunitajiet adegwati u sikuri għar-rikreazzjoni u l-logħob attiv, kif ukoll għat-twettiq ta’ eżerċizzju fiżiku (27).

    5.8.2.

    Fid-dawl ta’ dan kollu, il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jespandu u jtejbu l-ispazji u l-infrastrutturi pubbliċi b’mod li jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw il-mobbiltà attiva, b’aktar spazji pedonali u l-faċilità tal-użu tar-roti, speċjalment f’żoni viċin l-iskejjel jew fit-toroq li jwasslu għal ċentri edukattivi. Jemmen ukoll li huwa neċessarju li jinħolqu spazji urbani li jkollhom żoni sportivi, żoni tal-logħob u spazji ħodor li jkunu aċċessibbli, sikuri u intiżi għat-tfal u l-adolexxenti.

    5.8.3.

    Il-KESE jqis li huwa essenzjali li ż-żoni ħodor, il-parks u ż-żoni rikreattivi jiġu estiżi biex jinkludu attivitajiet fiżiċi u li jiġi promoss l-użu tat-turġien bħala alternattiva għal-liftijiet jew l-iskali mobbli fi spazji ta’ rikreazzjoni, kif ukoll li jiġi ffaċilitat l-aċċess bla ħlas għall-ilma tax-xorb.

    5.9.   L-ambjent diġitali u awdjoviżiv

    5.9.1.

    Il-KESE jfakkar fl-importanza tat-traspożizzjoni korretta tad-Direttiva tal-UE dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva u jipproponi li l-ambjent diġitali, li jinkludi xandiriet tar-radju u tat-televiżjoni u forom aktar ġodda ta’ media, bħan-networks soċjali, Instagram u TikTok, jintuża bħala faċilitatur ta’ stili ta’ ħajja, relazzjonijiet u mġiba sani. F’dan ir-rigward, il-KESE qed jerġa’ jitlob, kif għamel f’okkażjonijiet preċedenti (28), li jitwettqu kampanji ta’ reklamar viżwali ispirati minn kampanji ta’ reklamar li jippromovu ikel u dieti sani, ħajja attiva u użu san tal-iskrins.

    5.10.   L-ambjent tal-kura tas-saħħa

    5.10.1.

    Għall-KESE, huwa essenzjali li l-amministrazzjonijiet kompetenti tas-saħħa jżommu aġġornati r-rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq evidenza xjentifika dwar attivitajiet u interventi li wrew li huma effettivi għall-prevenzjoni, l-indirizzar u l-monitoraġġ tal-persuni b’piż żejjed u obeżi.

    5.10.2.

    Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat aċċess ġust għal servizzi tas-saħħa komprensivi, għal konsulenza u għoti ta’ pariri sistematizzati u personalizzati għall-promozzjoni tal-attività fiżika u n-nutrizzjoni bilanċjata mill-persunal tas-saħħa lil persuni f’sitwazzjonijiet ta’ piż żejjed u obeżità jew fir-riskju li jsofru minnha, bħala parti mill-kopertura universali tas-saħħa. F’dan ir-rigward, se jiġi promoss il-monitoraġġ tal-istat tas-saħħa tat-tfal mit-twelid sal-adolexxenza, inkluż il-monitoraġġ tal-piż żejjed u l-obeżità, u se jiġu promossi l-edukazzjoni dwar is-saħħa u s-sensibilizzazzjoni dwar stili ta’ ħajja sani fost it-tfal u l-adolexxenti u l-familji tagħhom.

    5.10.3.

    Huwa essenzjali li l-familji soċjoekonomikament vulnerabbli jingħataw appoġġ immirat mill-professjonisti tas-saħħa li jkun kulturalment adatt, prattiku u ta’ responsabilizzazzjoni, u li jippromovi trobbija pożittiva fir-rigward tal-obeżità u l-piż żejjed u l-istili ta’ ħajja assoċjati.

    5.10.4.

    Barra minn hekk, fuq il-bażi tal-letteratura eżistenti, il-KESE jqis li huwa meħtieġ li jkun hemm impenn proattiv fil-konfront tan-nisa u l-koppji li jkunu qed jippjanaw it-tqala, u li jingħatalhom appoġġ f’waqtu u kulturalment sensittiv għall-promozzjoni ta’ stili ta’ ħajja sani matul it-tqala u t-treddigħ, billi tiġi żgurata komunikazzjoni pubblika li tippromovi nutrizzjoni aħjar u attività fiżika qabel il-konċepiment u billi jiġu organizzati faċilitajiet u appoġġ għat-treddigħ.

    Brussell, it-13 ta’ Lulju 2023.

    Oliver RÖPKE

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  Rapport ta’ evalwazzjoni tal-KESE: Evalwazzjoni tal-iskema tal-UE għall-iskejjel

    (2)  Id-dritt għas-saħħa ġie artikolat għall-ewwel darba fil-Kostituzzjoni tad-WHO (1946), li tgħid li t-tgawdija tal-ogħla standard ta’ saħħa li jista’ jintlaħaq hija wieħed mid-drittijiet fundamentali ta’ kull bniedem. Il-preambolu tal-Kostituzzjoni jiddefinixxi s-saħħa bħala stat ta’ benesseri fiżiku, mentali u soċjali sħiħ u mhux sempliċement in-nuqqas ta’ kundizzjonijiet jew mard. Id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 semmiet is-saħħa bħala parti mid-dritt għal livell ta’ għajxien adegwat (Artikolu 25). Dan reġa’ ġie rikonoxxut bħala dritt tal-bniedem fl-1966 fl-Artikolu 12 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali.

    (3)  Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, 1989.

    (4)  Kummissjoni Ewropea, 2021, Strateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal. COM(2021) 142 final: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52021DC0142

    (5)  https://health.ec.europa.eu/system/files/2016-11/childhoodobesity_actionplan_2014_2020_en_0.pdf.

    (6)   Draft recommendations for the prevention and management of obesity over the life course, including potential targets (Abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet għall-prevenzjoni u t-trattament tal-obeżità tul il-ħajja kollha, inklużi miri possibbli, mhux disponibbli bil-Malti). Dokument ta’ diskussjoni tad-WHO, 2021. Disponibbli hawnhekk: https://cdn.who.int/media/docs/default-source/obesity/who-discussion-paper-on-obesity---final190821.pdf?sfvrsn=4cd6710a_24&download=true.

    (7)  Weihrauch-Blüher, S., Wiegand, S.,“Risk Factors and Implications of Childhood Obesity”, Curr Obes Rep, 2018 Dec; 7(4):254-259.

    (8)   Report on the fifth round of data collection, 2018–2020: WHO European Childhood Obesity Surveillance Initiative (COSI), Copenhagen, WHO Regional Office for Europe, 2022.

    (9)  Piż eċċessiv = piż żejjed + obeżità.

    (10)  WHO European Regional Obesity Report 2022 u https://www.who.int/europe/news/item/11-05-2021-high-rates-of-childhood-obesity-alarming-given-anticipated-impact-of-covid-19-pandemic.

    (11)  World Health Organization (2012), Population-based approaches to childhood obesity prevention, Geneva, WHO.

    (12)  Kansra, A.R., Lakkunarajah, S., Jay, M.S., Childhood and Adolescent Obesity: A Review, 2021; 8:581461.

    (13)  Whiting, S., et. al., “Physical Activity, Screen Time, and Sleep Duration of Children Aged 6-9 Years in 25 Countries: An Analysis within the WHO European Childhood Obesity Surveillance Initiative (COSI) 2015-2017”, Obes Facts, 2021; 14(1):32-44.

    (14)  Guthold R., Stevens G.A., Riley L.M., Bull F.C., “Global trends in insufficient physical activity among adolescents: a pooled analysis of 298 population-based surveys with 1· 6 million participants”, Lancet Child Adolesc Heal, 2020; 4(1):23-35.

    (15)  OECD/European Union (2022), Health at a Glance: Europe 2022: State of Health in the EU Cycle, OECD Publishing, Paris.

    (16)   Adolescent obesity and related behaviours: trends and inequalities in the WHO European Region, 2002–2014, Copenhagen, WHO Regional Office for Europe, 2017.

    (17)  Willett, W. et al., “Food in the Anthropocene: the EAT-Lancet Commission on healthy diets from sustainable food systems”, 2019, the Lancet, vol. 393, pp. 447-492.

    (18)  Afshin, Ashkan et al., “Health effects of dietary risks in 195 countries, 1990–2017: a systematic analysis for the Global Burden of Disease Study 2017”, the Lancet, Volume 393, Issue 10184, 1958-1972.

    (19)   Report on the fifth round of data collection, 2018–2020: WHO European Childhood Obesity Surveillance Initiative (COSI), Copenhagen, WHO Regional Office for Europe, 2022.

    (20)  Fang, K., Mu, M., Liu, K., He, Y., “Screen time and childhood overweight/obesity: A systematic review and meta-analysis”, Child Care Health Dev, 2019 Sep; 45(5):744-753.

    (21)  Haghjoo, P., Siri, G., Soleimani, E., Farhangi, M.A., Alesaeidi, S., “Screen time increases overweight and obesity risk among adolescents: a systematic review and dose-response meta-analysis”, BMC Primary Care, 2022; 23(1):161.

    (22)   Report on the fifth round of data collection, 2018–2020: WHO European Childhood Obesity Surveillance Initiative (COSI), Copenhagen, WHO Regional Office for Europe, 2022.

    (23)  Dobbs, R., Sawers, C., Thompson, F., Manyika, J., Woetzel, J.R., Child, P. et al., Overcoming obesity: An initial economic analysis, McKinsey Global Institute, 2014.

    (24)  Rapport ta’ evalwazzjoni tal-KESE: Evalwazzjoni tal-iskema tal-UE għall-iskejjel

    (25)  Hebestreit, A., Intemann, T., Siani, A., et al., “Dietary Patterns of European Children and Their Parents in Association with Family Food Environment: Results from the I.Family Study”, Nutrients, 2017; 9(2):126.

    (26)  Teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.

    (27)  Tackling obesity by creating healthy residential environments, WHO, 2007.

    (28)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Il-promozzjoni ta’ dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli fl-UE” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 190, 5.6.2019, p. 9).


    Top