EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022XR1808

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar l-appoġġ tar-reġjuni u l-bliet tal-UE għall-Ukrajna

COR 2022/01808

ĠU C 301, 5.8.2022, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 301/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar l-appoġġ tar-reġjuni u l-bliet tal-UE għall-Ukrajna

(2022/C 301/01)

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

1.   

Jikkundanna l-invażjoni mhux ipprovokata u mhux ġustifikata tal-Ukrajna fl-24 ta’ Frar 2022 mill-Federazzjoni Russa, appoġġjata mill-Belarussja;

2.   

Jappella għall-waqfien mill-ġlied immedjat u mingħajr kundizzjonijiet u l-ftuħ ta’ kurituri umanitarji sikuri; ir-Russja għandha twaqqaf l-azzjoni militari u tirtira l-forzi militari u paramilitari u l-uffiċjali amministrattivi kollha mit-territorji Ukreni okkupati immedjatament;

3.   

Jenfasizza li din l-invażjoni hija att kriminali kontra l-poplu tal-Ukrajna u s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, u ksur brutali tal-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt; jenfasizza li l-attakki indiskriminati kontra persuni ċivili inklużi sindki ta’ bliet u rħula jikkostitwixxu delitti tal-gwerra mwettqa mill-armata Russa u jiksru l-liġi internazzjonali, b’mod partikolari l-Karta tan-NU, l-Att Finali ta’ Helsinki, il-Karta ta’ Pariġi għal Ewropa Ġdida u l-Memorandum ta’ Budapest; il-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem, id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità fit-territorju tal-Ukrajna jridu jiġu rreġistrati, investigati u pproċessati skont il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali.

4.   

Jinsab f’solidarjetà mal-poplu tal-Ukrajna, li qiegħed jiddefendi lil pajjiżu kontra l-invażuri Russi; jesprimi l-akbar niket tiegħu dwar it-telf ta’ ħajjiet u t-tbatija umana kkawżati mill-atroċitajiet Russi;

5.   

Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-awtoritajiet lokali u reġjonali Ukreni u jappella għall-ħelsien immedjat tas-sindki u l-impjegati taċ-ċivil Ukreni maħtufa mill-forzi ta’ okkupazzjoni Russi bi ksur tar-Raba’ Konvenzjoni ta’ Ġinevra;

6.   

Jiddikjara li l-poplu tal-Ukrajna biss jista’ jagħżel b’mod demokratiku l-mexxejja tiegħu fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali u jiddikjara li mhu se jirrikonoxxi jew jikkollabora mal-ebda tmexxija reġjonali jew lokali installata mir-Russja fl-Ukrajna;

It-twassil ta’ solidarjetà konkreta mal-awtoritajiet lokali u reġjonali

7.

Jiġbed l-attenzjoni għas-solidarjetà straordinarja man-nies li qegħdin jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna li wrew iċ-ċittadini tal-UE; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-Ukreni li qed jiġu deportati kontra r-rieda tagħhom lejn territorju kkontrollat mir-Russja; ifaħħar lill-awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea għall-għaqda tagħhom fil-konfront tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, talli żiedu s-solidarjetà permezz ta’ għajnuna umanitarja diretta u assistenza ta’ emerġenza għall-protezzjoni ċivili, u talli attivaw il-mekkaniżmu ta’ protezzjoni immedjata għal dawk li qegħdin jaħarbu mill-gwerra; jenfasizza li din l-għajnuna se jkollha bżonn tiżdied b’mod sinifikanti fix-xhur li ġejjin sabiex tiġi evitata kriżi umanitarja fir-reġjuni tal-fruntiera tal-UE;

8.

Jimpenja ruħu biex jimmobilizza iktar il-bliet u r-reġjuni biex iwasslu l-għajnuna lir-refuġjati mill-Ukrajna; jindika b’mod partikolari l-ħtiġijiet fir-reġjuni tal-fruntiera f’termini ta’ appoġġ loġistiku għall-akkoljenza inizjali u għat-tranżitu;

9.

Jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-Ewropa jitolbu jew joffru appoġġ permezz ta’ Help Ukraine: Info-Support Hub (1) imniedi mill-KtR;

10.

Itenni s-sejħa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Ukrajna u tal-UE biex jagħtu ħajja ġdida jew jistabbilixxu sħubijiet u ġemellaġġi ta’ bliet u reġjuni, fid-dawl tal-proċess ta’ rikostruzzjoni;

Tisħiħ tal-perspettiva Ewropea tal-Ukrajna

11.

Jissottolinja li d-deċentralizzazzjoni u r-riformi tal-iżvilupp reġjonali tal-Ukrajna kkontribwew b’mod sinifikanti għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija lokali, saħħu l-awtogovernanza u r-reżiljenza ġenerali tal-komunitajiet lokali tal-pajjiż, li hija element importanti tar-reżistenza tal-Ukrajna kontra l-invażuri Russi. Dawn ir-riformi ġew implimentati b’appoġġ sostanzjali mir-reġjuni u l-bliet tal-Unjoni Ewropea, inkluż permezz tal-programm “U-LEAD with Europe”, u b’appoġġ immirat mill-KtR, fit-Task Force tiegħu tal-Ukrajna u permezz ta’ attivitajiet ta’ kooperazzjoni bejn il-pari. Is-suċċess ta’ dawn ir-riformi ta’ deċentralizzazzjoni ressqu lill-Ukrajna eqreb lejn l-Unjoni Ewropea u l-valuri tagħha tal-libertà, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

12.

Jistieden lill-komunità internazzjonali biex tħejji pjan ta’ assistenza u rkupru għall-Ukrajna biex tappoġġja l-ekonomija tal-Ukrajna, l-istituzzjonijiet u s-servizzi pubbliċi tagħha, u r-rikostruzzjoni tal-infrastruttura meqruda tagħha; jilqa’ f’dan il-kuntest id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jistabbilixxi Fond Fiduċjarju ta’ Solidarjetà għall-Ukrajna u jitlob Konferenza Internazzjonali biex jinġabru l-fondi fost l-imsieħba; jissottolinja li r-Russja, peress li hija responsabbli għall-qerda kkawżata, għandha tikkontribwixxi wkoll b’reparazzjonijiet tal-gwerra għall-bini mill-ġdid tal-Ukrajna;

13.

Jappoġġja l-inizjattiva li l-Ukrajna takkwista status ta’ pajjiż kandidat fl-UE f’konformità mal-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u skont l-istess metodoloġija ta’ negozjati għal adeżjoni riveduta applikata għall-Balkani tal-Punent, b’enfasi aktar qawwija fuq l-istat tad-dritt u l-istituzzjonijiet demokratiċi; jenfasizza li l-applikazzjonijiet tal-Georgia u tal-Moldova biex isiru pajjiżi kandidati tal-UE għandhom ukoll jiġu ttrattati b’mod pożittiv; sadanittant, l-integrazzjoni tal-Ukrajna fis-suq uniku tal-UE fuq il-linji tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jeħtieġ li titkompla mingħajr dewmien;

Il-finanzjament tal-miżuri ta’ appoġġ

14.

Jilqa’ l-pakketti CARE (Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa) u CARE+ tal-Kummissjoni Ewropea, u l-flessibbiltajiet fil-qafas ta’ REACT-UE, u jissottolinja l-benefiċċji tal-involviment dirett tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-ippjanar, fil-ġestjoni u fl-implimentazzjoni tal-pakketti CARE u REACT-EU; jenfasizza li l-adattamenti tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni jeħtieġ li jkunu konsistenti mal-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni” introdott reċentement fit-Tmien Rapport dwar il-Koeżjoni;

15.

Jenfasizza li kemm matul il-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll fir-reazzjoni għall-konsegwenzi tal-gwerra fl-Ukrajna, il-politika ta’ koeżjoni tat prova li tista’ tagħti riżultati fuq medda qasira ta’ żmien meta dan ikun meħtieġ; madankollu, jinsisti li l-għan proprju tal-politika ta’ koeżjoni li ssaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali billi tnaqqas id-differenzi bejn ir-reġjuni m’għandux ikun f’kompetizzjoni ma’ dawn l-għanijiet;

16.

Jilqa’ s-sospensjoni ta’ programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera li jinvolvu msieħba Russi u Belarussi; jitlob li jissaħħu l-programmi eżistenti bejn ir-reġjuni tal-UE (il-Polonja, l-Ungerija, ir-Rumanija, is-Slovakkja) u l-Ukrajna; jissottolinja li l-appoġġ finanzjarju għall-awtoritajiet lokali u reġjonali li għandhom il-fruntiera mal-Ukrajna u l-pajjiżi li ma jmissux magħha li jirċievu l-ogħla numru ta’ refuġjati huwa ferm insuffiċjenti u jeħtieġ li jingħata spinta sinifikanti minħabba r-rwol tagħhom mhux biss biex jipprovdu kenn lir-refuġjati iżda wkoll biex jintegrawhom fis-sistemi tal-edukazzjoni, tal-kura tas-saħħa u tal-akkomodazzjoni tagħhom;

17.

Jappoġġja l-istabbiliment ta’ riżerva tal-kriżijiet permanenti biex ittaffi emerġenzi futuri, li tikkomplementa jew issaħħaħ l-istrumenti eżistenti ta’ kontinġenza u flessibbiltà; jappella għall-ħolqien ta’ Faċilità Lokali għar-Refuġjati UE-Ukrajna unika li tiġbor il-finanzjament kollu disponibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-kenn tar-refuġjati, bil-ħsieb li jiġi ssemplifikat, integrat, u aċċellerat l-użu tal-fondi għad-dispożizzjoni tagħhom;

18.

Jinnota li, fil-każ tal-Istati Membri u r-reġjuni l-aktar milquta, jista’ jkun meħtieġ li jiġu riveduti l-Pjani għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħhom, fuq il-bażi ta’ konsultazzjoni adatta mal-awtoritajiet reġjonali, b’mod partikolari fid-dawl tal-impatt ekonomiku dejjem jikber tal-gwerra fuq il-pajjiżi tal-UE;

L-akkoljenza ta’ refuġjati li qegħdin jaħarbu mill-Ukrajna

19.

Jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali qegħdin fuq quddiem nett meta jiġu biex jirċievu l-miljuni ta’ refuġjati fil-pajjiżi ġirien, kif ukoll il-persuni spostati internament fl-Ukrajna (2), billi hija l-akbar kriżi tar-refuġjati fl-Ewropa mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn; jenfasizza li r-refuġjati kollha, tkun xi tkun l-oriġini jew l-affiljazzjoni politika jew sesswali tagħhom, għandu jkollhom id-dritt li jintlaqgħu b’mod pożittiv daqs oħrajn li joriġinaw mill-Ukrajna fir-reġjuni u l-bliet kollha fl-UE;

20.

Jilqa’ l-attivazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, li issa trid tiġi implimentata bis-sħiħ b’mod ikkoordinat tajjeb, ġeneruż, inklużiv u flessibbli, li tiggarantixxi aċċess għas-suq tax-xogħol, l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-appoġġ għall-benesseri għan-nies kollha li qegħdin jaħarbu mill-Ukrajna, b’enfasi fuq gruppi vulnerabbli, speċjalment in-nisa u t-tfal, u irrispettivament mill-oriġini, l-etniċità, l-affiljazzjoni politika jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom;

21.

Jiġbed l-attenzjoni lejn il-karatteristiċi speċifiċi tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE (3) dwar il-Protezzjoni Temporanja (2001/55/KE), li tagħti lir-refuġjati l-libertà li jagħżlu l-Istat Membru tal-UE li fih jixtiequ jistabbilixxu ruħhom temporanjament (l-Artikolu 26), u jenfasizza li r-rikonoxximent tad-drittijiet tal-moviment liberu u l-awtonomija tar-refuġjati għandha r-riżultat pożittiv li ttaffi l-pressjoni fuq is-sistemi nazzjonali tal-ażil, u fuq il-kapaċitajiet ta’ akkoljenza fir-reġjuni tal-fruntiera;

22.

Jappella għall-istabbiliment ta’ skema Ewropea ta’ rilokazzjoni volontarja, li tqis il-kapaċitajiet ta’ akkoljenza tal-awtoritajiet reġjonali u lokali; hawnhekk itenni t-talba tiegħu biex il-bliet u r-reġjuni tal-UE jingħataw aċċess dirett għall-finanzjament tal-UE għall-migrazzjoni u l-integrazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tressaq skema ta’ distribuzzjoni ta’ refuġjati li taħdem għal kriżijiet ta’ refuġjati futuri; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jirrikonoxxu u jsegwu wegħdiet volontarji bħal dawn;

23.

Jenfasizza li ħafna refuġjati Ukreni huma partikolarment vulnerabbli u madwar nofshom huma minorenni; jirrimarka li, fost il-mijiet ta’ eluf ta’ tfal li qegħdin jaħarbu, ħafna mhumiex akkumpanjati u jeħtieġu protezzjoni u kura speċjali; jappoġġja “Pakkett dwar il-Protezzjoni tat-Tfal” għat-tfal refuġjati Ukreni, u għandha tingħata prijorità għall-ħtieġa li jattendu l-iskola;

24.

Jappella għal miżuri b’saħħithom għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, peress li l-maġġoranza tan-nies li qegħdin jaħarbu mill-Ukrajna huma nisa u tfal, u r-rapporti dwar id-drittijiet tal-bniedem urew żieda fil-każijiet ta’ gruppi ta’ kriminalità organizzata li jżommuhom fil-mira u jisfruttawhom, b’mod partikolari għal skopijiet ta’ sfruttament sesswali jew tax-xogħol;

25.

Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu pprovduti korsijiet, edukazzjoni u taħriġ tal-lingwa; jindika l-potenzjal tan-network tal-Bliet u r-Reġjuni għall-Integrazzjoni tal-Migranti tal-KtR f’dan ir-rigward;

Impatt fuq il-politiki tal-UE

26.

Iħeġġeġ li jittieħdu passi immedjati fir-reġjuni Ewropej kollha biex titnaqqas id-dipendenza tal-UE minn pajjiżi terzi, u partikolarment fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija Russa, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tappoġġja l-isforzi tagħhom;

27.

Jappoġġja s-sejħa għal projbizzjoni sħiħa fuq l-importazzjonijiet tal-gass, taż-żejt u tal-faħam mir-Russja lejn l-Ewropa, u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jibdew ifasslu pjani ta’ emerġenza biex iħejju għall-konsegwenzi ta’ tali sanzjonijiet;

28.

Jikkunsidra l-pjan REPowerEU (4) bħala mod kif tiġi aċċelerata t-tranżizzjoni tal-enerġija nadifa, tiżdied is-sigurtà tal-enerġija tal-UE, titnaqqas id-dipendenza tal-UE minn importazzjonijiet ta’ fjuwils fossili u materja prima minn pajjiżi terzi, b’mod partikolari mill-Federazzjoni Russa, u b’hekk jitnaqqsu r-riskji politiċi, ekonomiċi u ta’ sigurtà li jirriżultaw minn dawn l-importazzjonijiet; jappella għal investimenti massivi u miżuri konkreti sabiex jissaħħu l-enerġiji rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar tal-enerġija, iċ-ċirkolarità, l-elettrifikazzjoni, u r-riċerka fi fjuwils sostenibbli alternattivi bħala soluzzjonijiet sikuri u affordabbli fit-tul;

29.

Jinsisti li l-impatti tal-gwerra m’għandhomx ikunu għad-detriment tal-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà, kif previst kemm fil-Ftehim ta’ Pariġi kif ukoll fl-Aġenda 2030 tan-NU dwar l-iżvilupp sostenibbli, u jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, li huwa wkoll it-triq għat-tisħiħ tal-awtonomija strateġika tal-UE;

30.

Iqis l-isforzi tal-UE biex iżżid l-indipendenza enerġetika tagħha għandhom jinkludu l-abbandun totali tal-proġetti Nord Stream u Nord Stream 2;

31.

Jilqa’ bil-qawwa s-sinkronizzazzjoni reċenti tan-networks tal-elettriku tal-Ukrajna u tal-Moldova man-Network Kontinentali Ewropew;

32.

Itenni t-talba tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Ukreni lill-komunità internazzjonali biex jgħinuhom fil-ġestjoni tal-emerġenzi ambjentali kkawżati mill-invażjoni, inkluż fis-siti tal-impjanti tal-enerġija nukleari u l-fabbriki kimiċi;

33.

Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tibda negozjati mal-Ukrajna biex il-pajjiż jissieħeb fil-programm LIFE sabiex jibbenefika minn finanzjament biex jgħin fir-restawr tal-ambjent tagħha wara l-qerda mill-invażjoni Russa, kemm jekk ikun tniġġis, il-qerda tal-ekosistemi, jew effetti fit-tul oħrajn;

34.

Jenfasizza li l-kunflitt inevitabbilment se jkollu konsegwenzi severi għas-settur agroalimentari tal-UE, meta jitqies li l-Ukrajna u r-Russja huma esportaturi sinifikanti ta’ diversi prodotti agrikoli (bħal qamħ u żrieragħ taż-żejt) kif ukoll ta’ fertilizzanti nitroġenużi; jissottolinja li l-UE trid issaħħaħ l-impenn tagħha li twettaq l-għanijiet tagħha fir-rigward ta’ sistemi tal-ikel sostenibbli filwaqt li tiggarantixxi l-affordabbiltà ta’ ikel ta’ kwalità għal kulħadd billi tnaqqas id-dipendenzi fuq prodotti u inputs agrikoli importati ewlenin; jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li t-tfixkil tal-esportazzjonijiet mill-Ukrajna u mir-Russja diġà wassal għal żidiet globali kbar fil-prezzijiet tal-komoditajiet agrikoli u li l-konsegwenzi qegħdin jinħassu speċjalment fil-pajjiżi u r-reġjuni l-aktar fqar tad-dinja;

Kunsiderazzjonijiet ulterjuri

35.

Jappoġġja d-drittijiet tal-persuni Russi u Belarussi li jipprotestaw kontra l-gwerra ta’ Putin u jiddefendu d-drittijiet tagħhom għal elezzjonijiet ġusti, il-libertà tal-espressjoni u l-għaqda, u jitlob il-ħelsien immedjat ta’ dimostranti detenuti b’mod inġust;

36.

Jappoġġja aktar sanzjonijiet robusti kkoordinati kontra r-Russja u l-Belarussja biex ifixklu b’mod effettiv il-kapaċitajiet tar-Russja biex tkompli l-aggressjoni; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tippreżenta linji gwida dwar l-infurzar u l-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet, peress li għad hemm diverġenza, inkluż fil-livell reġjonali u f’dak lokali, fl-istrumenti u l-proċeduri li qegħdin jintużaw biex jiġi vverifikat l-istatus tas-sjieda tal-kumpaniji, l-assi u l-proprjetà immobbli;

37.

Jissottolinja li l-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali kollha għas-sħubija mal-UE għandhom jitħeġġu jsegwu s-sanzjonijiet miftiehma fil-livell tal-UE biex jenfasizzaw l-impenn tagħhom lejn l-UE u l-valuri tagħha;

38.

Jikkundanna l-propaganda u d-diskors ta’ mibegħda tar-Russja, li jaggravaw il-kunflitt u jassistu lil dawk li wettqu delitti tal-gwerra; jitlob li jittieħdu miżuri effettivi fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali biex jiġġieldu u jwarrbu tali propaganda; huwa kontra dimostrazzjonijiet li jappoġġjaw l-aggressjoni Russa fil-bliet Ewropej;

39.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew, lill-Presidenza Franċiża u dik Ċeka tal-Kunsill tal-UE, u lill-President tal-Kunsill Ewropew, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukrajna.

Brussell, it-28 ta’ April 2022.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  Help Ukraine: Info-Support Hub (ċentru ta’ informazzjoni u ta’ appoġġ) — hija pjattaforma ta’ pariġġar li torbot ir-reġjuni ta’ tranżitu u l-awtoritajiet lokali u reġjonali mgħobbija żżejjed ma’ dawk minn Stati Membri oħra tal-UE li għandhom il-kapaċitajiet biex jgħinu.

(2)  Is-Sitwazzjoni tar-Refuġjati fl-Ukrajna (unhcr.org)

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta' Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta' influss bil-massa ta' persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta' dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).

(4)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli, it-8 ta’ Marzu 2022.


Top