Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022SC0146

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT [ ] Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ regoli dwar remissjoni li tnaqqas il-predispożizzjoni favur id-dejn, u dwar il-limitazzjoni tad-deduċibbiltà tal-imgħax għal finijiet ta’ taxxa korporattiva

SWD/2022/146 final

Brussell, 11.5.2022

SWD(2022) 146 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

[…]

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Direttiva tal-Kunsill

dwar l-istabbiliment ta’ regoli dwar remissjoni li tnaqqas il-predispożizzjoni favur id-dejn, u dwar il-limitazzjoni tad-deduċibbiltà tal-imgħax għal finijiet ta’ taxxa korporattiva

{COM(2022) 216 final} - {SEC(2022) 204 final} - {SWD(2022) 144 final} - {SWD(2022) 145 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt għal inizjattiva biex tiġi indirizzata l-predispożizzjoni favur id-dejn – “DEBRA”

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hija problema fil-livell tal-UE?

Is-sistemi fiskali fl-UE jippermettu t-tnaqqis tal-pagamenti tal-imgħax fuq id-dejn meta tiġi kkalkulata l-bażi għat-taxxa għal skopijiet tat-taxxa korporattiva fuq l-introjtu, filwaqt li l-kostijiet relatati mal-finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma, bħad-dividendi, fil-biċċa l-kbira mhumiex deduċibbli mit-taxxa. Din l-asimetrija tiffavorixxi l-użu tad-dejn fuq l-ekwità għall-finanzjament tal-investimenti u tikkontribwixxi (flimkien ma’ fatturi oħra bħall-għoti ta’ preferenza lis-sidien tal-ekwità eżistenti biex tiġi evitata d-dilwizzjoni tal-kontroll/tad-drittijiet tal-vot, l-aċċess limitat għall-finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma, jew il-fatt li l-finanzjament tad-dejn ikun orħos mill-finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma), għal akkumulazzjoni eċċessiva ta’ dejn għall-korporazzjonijiet mhux finanzjarji. Livelli eċċessivi ta’ dejn irendu lin-negozji vulnerabbli għal bidliet mhux previsti fl-ambjent tan-negozju u jżidu r-riskju ta’ insolvenza tagħhom, b’mod partikolari fi żminijiet ta’ kriżi.

Barra minn hekk, il-ħtieġa li jiġi inċentivat l-investiment fl-ekwità issa hija saħansitra aktar b’saħħitha, bil-ħsieb li jintlaħqu d-domandi tat-tranżizzjoni doppja diġitali u ekoloġika. L-iskarsezza u l-kost ogħla tal-ekwità jaffettwaw il-kumpaniji kollha, iżda b’mod partikolari n-negozji ġodda u innovattivi, li minħabba l-profil tar-riskju tagħhom, spiss ikollhom aċċess limitat għall-finanzjament estern tad-dejn u jiddependu fuq l-investiment fl-ekwità.

Sitt Stati Membri kienu minn ta’ quddiem nett fl-istabbiliment ta’ xi forma ta’ remissjoni tat-taxxa għall-ekwità biex tiġi indirizzata l-predispożizzjoni favur id-dejn. Madankollu, dawn il-miżuri nazzjonali jistgħu joħolqu distorsjonijiet u allokazzjoni ħażina tal-investimenti fis-suq uniku, jekk in-negozji jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq id-disponibbiltà jew in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ remissjoni fuq l-ekwità. Meta jiġu applikati fil-livell nazzjonali biss, mingħajr qafas armonizzat kontra l-evitar tat-taxxa fil-livell tal-UE, dawn il-miżuri jistgħu joħolqu wkoll lakuni li jistgħu jiġu sfruttati għal skopijiet ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa u jżidu l-kompetizzjoni tat-taxxa dannuża fost l-Istati Membri.

X’għandu jinkiseb?

L-objettiv ġenerali tal-inizjattiva huwa li tindirizza l-predispożizzjoni favur id-dejn b’mod konsistenti madwar l-UE u b’hekk tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

B’mod aktar speċifiku, l-inizjattiva għandha l-għan li tilħaq it-tliet objettivi li ġejjin:

1.Li tinċentiva l-investiment fl-ekwità, u b’hekk tagħmel l-ekonomija tal-UE ssir aktar stabbli u reżiljenti.

2.Li tagħmel l-investiment fl-ekwità aktar aċċessibbli, b’mod partikolari għall-SMEs u għad-ditti ġodda u innovattivi biex trawwem it-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika.

3.Li tintroduċi qafas komuni u b’saħħtu ta’ miżuri kontra l-abbuż biex tipprevjeni l-abbuż mir-remissjoni tat-taxxa għal skopijiet ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)?

Il-problema hija l-istess fl-Istati Membri kollha, peress li l-Istati Membri kollha tal-UE jiffavorixxu d-dejn fuq l-ekwità fit-trattament tat-taxxa tagħhom. Barra minn hekk, l-azzjonijiet differenti meħuda minn sitt Stati Membri biex jindirizzaw il-predispożizzjoni favur id-dejn jista’ jkollhom effetti mhux mixtieqa, filwaqt li jwasslu għal allokazzjonijiet ħżiena tal-investiment u joħolqu lakuni li jistgħu jiġu sfruttati għal prattiki dwar it-taxxa dannużi.

Fl-Unjoni, l-approċċi nazzjonali jistgħu jwasslu għal distorsjoni fis-suq intern u jistgħu jagħmlu lil xi Stati Membri vulnerabbli għall-arbitraġġ tat-taxxa. Qafas komuni tal-UE biss jista’ jagħmel is-sistema aktar faċli u effiċjenti għad-ditti filwaqt li jipprevjeni kwalunkwe abbuż għal skopijiet ta’ evitar tat-taxxa.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma l-alternattivi differenti biex jinkisbu l-objettivi? Hemm alternattiva ppreferuta jew le? Jekk le, għaliex?

Il-linja bażi (l-alternattiva 0) tirrappreżenta l-istatus quo: id-differenza fit-trattament tat-taxxa bejn l-ekwità u d-dejn tippersisti, u dan jirriżulta fi preġudizzju sostnut favur id-dejn. Il-miżuri nazzjonali implimentati minn Sitt Stati Membri jistgħu jxekklu d-deċiżjonijiet tal-investiment fis-suq intern. Ma hemm l-ebda qafas komuni tal-UE li jindirizza l-predispożizzjoni favur id-dejn u dan ifisser li l-problema tippersisti. Għalhekk, ġew ikkunsidrati diversi alternattivi ta’ politika.

L-Alternattiva 1 tintroduċi remissjoni tat-taxxa fuq l-istokk tal-ekwità korporattiva 1 . Il-profitt u t-telf jiġu esklużi sabiex jiġi żgurat li r-remissjoni tingħata biss għall-ekwità fit-tul. Id-durata tar-remissjoni mhijiex limitata.

L-Alternattiva 2 tintroduċi remissjoni tat-taxxa inkrementali tal-ekwità korporattiva (l-istess definizzjoni ta’ ekwità korporattiva bħal fl-alternattiva 1), iżda f’dan il-każ tingħata abbażi tad-differenza fil-livell tal-ekwità netta fi tmiem is-sena tat-taxxa meta mqabbel mal-livell tal-ekwità netta fi tmiem is-sena tat-taxxa preċedenti. Din ir-remissjoni tingħata għal għaxar snin biex temula l-maturità medja tad-dejn.

L-Alternattiva 3 tipprevedi tnaqqis tal-imgħax nozzjonali identiku għad-dejn u l-ekwità. Dan ifisser remissjoni tat-taxxa fuq il-kapital korporattiv (jiġifieri l-ekwità, skont l-Alternattivi 1/2, u d-dejn) filwaqt li ma jkunx permess id-deduċibbiltà attwali tal-pagamenti tal-imgħax. Din l-alternattiva telimina perfettament il-predispożizzjoni favur id-dejn, iżda għandha implikazzjonijiet fiskali li jiddependu fuq il-livell tar-rata tal-imgħax nozzjonali magħżul. Peress li r-remissjoni hija bbażata fuq l-istokk sħiħ tal-kapital, id-durata tar-remissjoni mhijiex limitata bħal fl-Alternattiva 1.

L-Alternattiva 4 teskludi kompletament id-deduċibbiltà tal-ispejjeż tal-imgħax. Din tallinja bis-sħiħ it-trattament tat-taxxa tal-kostijiet tad-dejn u tal-ekwità billi tagħmilhom it-tnejn mhux deduċibbli. Bħall-Alternattiva 3, din l-alternattiva telimina kompletament il-predispożizzjoni favur id-dejn, iżda għad-detriment tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. L-Alternattiva 4 tirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jinnegozjaw mill-ġdid it-Trattati kontra t-Taxxa Doppja u toħloq lakuni ġodda għall-opportunitajiet ta’ ppjanar tat-taxxa. Din jista’ jkollha wkoll effetti negattivi f’termini tal-kompetittività tan-negozju tas-suq uniku tal-UE fil-konfront ta’ ġuriżdizzjonijiet oħra, fejn teżisti din id-deduċibbiltà.

L-Alternattiva 5 tikkombina remissjoni tat-taxxa inkrementali tal-ekwità korporattiva (l-istess kif propost skont l-Alternattiva 2) b’limitazzjoni parzjali fuq id-deduċibbiltà tat-taxxa, li tista’ tinkiseb billi bit-tnaqqis tad-deduċibbiltà tal-imgħax bi proporzjon nominali għall-kumpaniji kollha. Huwa propost li d-deduċibbiltà tiġi limitata għal 85 % tal-kostijiet tas-self eċċessivi (l-imgħax imħallas nieqes l-imgħax riċevut). Bħal fl-Alternattiva 2, ir-remissjoni tingħata għal għaxar snin.

L-Alternattiva 5 hija l-alternattiva ppreferuta. Din tindirizza b’suċċess il-predispożizzjoni favur id-dejn, filwaqt li tibbilanċja l-impatti baġitarji u tindirizza l-aspetti tal-ġustizzja tas-sistema tat-taxxa. Huwa mistenni jkollha impatt pożittiv fuq l-investiment u fuq il-PDG, u impatti moderati fuq l-impjiegi.

X’inhuma l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati differenti? Min jappoġġa liem alternattiva?

Il-maġġoranza tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u l-korporazzjonijiet (li jirrappreżentaw il-maġġoranza tar-rispondenti) huma tal-fehma li miżura applikabbli għall-UE kollha tkun ippreferuta minn approċċi speċifiċi għall-pajjiż. Fil-fehma tagħhom, remissjoni għall-ekwità tappoġġa l-irkupru ekonomiku mill-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19 u tgħin lin-negozji fl-attivitajiet transfruntiera fis-suq uniku. Hemm preferenza ċara għal remissjoni fuq l-ekwità (l-Alternattivi 1, 2 u 5) meta mqabbel ma’ esklużjoni tat-tnaqqis tal-imgħax (l-Alternattiva 4) jew ma’ tnaqqis tal-imgħax nozzjonali identiku kemm għad-dejn kif ukoll għall-ekwità (l-Alternattiva 3).

Xi assoċjazzjonijiet ta’ impriżi huma favur miżura speċjali għall-SMEs, minħabba li huwa aktar diffiċli biex tali negozji jaċċessaw il-finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma u l-finanzjament tad-dejn, u dawn ir-rispondenti għall-konsultazzjoni pubblika jenfasizzaw l-importanza li jitfasslu miżuri effettivi kontra l-abbuż. Xi assoċjazzjonijiet ta’ impriżi huma kontra kwalunkwe bidla fid-deduċibbiltà tad-dejn. Fl-aħħar nett, organizzazzjoni finanzjarja tissuġġerixxi li r-remissjoni fuq ekwità ġdida jingħata preferenza (l-Alternattivi 2 u 5) peress li din hi l-unika miżura li effettivament tħeġġeġ investimenti ġodda fl-ekwità.

NGO taqbel mal-problema tal-predispożizzjoni favur id-dejn iżda twissi dwar l-impatti fiskali. Skont ċerti ċittadini, ir-rati baxxi attwali ta’ krediti u self ma jindikawx il-ħtieġa ta’ intervent f’dan is-suq billi jitnaqqas kemm l-imprendituri huma mdejna. Professur iqis li azzjoni tal-UE għal remissjoni fuq l-ekwità tkun problematika, peress li din ma tqisx l-interazzjoni bejn it-tassazzjoni fuq l-introjtu tal-korporazzjonijiet u l-individwi.

C. Impatti tal-alternattiva ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-alternattiva ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?

L-Alternattiva 5 tipprevedi riduzzjoni fil-predispożizzjoni favur id-dejn, filwaqt li tipprevjeni impatt negattiv fuq il-baġits tal-Istati Membri. Il-fatt li d-durata tar-remissjoni tiġi limitata għal 10 snin jipprevjeni li maż-żmien, il-miżura tinbidel f’remissjoni bbażata fuq l-istokk u għalhekk din l-alternattiva tkompli tillimita l-impatt fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri meta mqabbla mal-Alternattiva 1. Din se tkun orħos ukoll mill-Alternattiva 2, peress li tikkombina ir-remissjoni ma’ riduzzjoni tad-deduċibbiltà tat-taxxa tal-pagamenti tal-imgħax relatati mad-dejn.

Din l-alternattiva, bħal dawk ta’ qabilha, se tipprevedi qafas komuni u b’saħħtu ta’ miżuri kontra l-abbuż, għall-prevenzjoni ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa jiġu fil-livell tal-UE. Din se toħloq kondizzjonijiet ekwivalenti u ssaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja tal-kumpaniji privati Ewropej, filwaqt li tiffaċilita l-aċċess għas-suq tal-finanzjament għad-ditti ġodda u innovattivi.

X’inhuma l-kostijiet tal-alternattiva ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?

Il-kost amministrattiv għan-negozji huwa negliġibbli jew baxx ħafna. Il-piż amministrattiv tan-negozji involuti f’attivitajiet transfruntiera jittaffa minħabba l-armonizzazzjoni tar-remissjonijiet tal-ekwità madwar l-Istati Membri. Huwa previst tnaqqis fil-kost tal-konformità għan-negozji li joperaw b’mod transfruntier.

Il-kostijiet għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa jkunu limitati għal ċerti verifiki addizzjonali, meta jiġu awditjati l-kontribwenti tat-taxxa.

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

L-inizjattiva għandha l-għan li tipprovdi kondizzjonijiet ekwivalenti madwar l-UE kollha. Attwalment, l-SMEs jistgħu jibbenefikaw minn remissjoni fuq l-ekwità biss jekk ikunu residenti tat-taxxa f’wieħed mis-sitt Stati Membri li għandhom remissjoni nazzjonali fis-seħħ, filwaqt li l-intrapriżi multinazzjonali (MNEs) jistgħu jużaw kumpanija sussidjarja f’wieħed minn dawn l-Istati Membri biex jibbenefikaw minnha. Permezz tad-DEBRA, se tkun disponibbli remissjoni fuq l-ekwità fis-27 Stat Membru tal-UE għan-negozji kollha, inklużi l-SMEs u dan iġib benefiċċji sostanzjali għalihom.

F’termini tal-kompetittività, l-inizjattiva tnaqqas il-kost tal-ekwità u tagħmel l-ekwità aktar aċċessibbli għall-SMEs u l-kumpaniji ġodda u innovattivi, u dan se jagħti spinta lill-investimenti u jżid l-istabbiltà tas-suq ta’ finanzjament Ewropew, biex b’hekk id-ditti fis-suq Ewropew isiru aktar stabbli u reżiljenti għall-kriżijiet finanzjarji.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

Il-valutazzjoni tal-impatt turi li l-impatt fuq il-baġits nazzjonali jkun limitat ħafna.

Mhu mistenni l-ebda impatt f’termini tal-kostijiet ta’ kontroll għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa b’remissjoni nazzjonali għall-ekwità diġà fis-seħħ. Għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri l-oħra, se jkun meħtieġ li jiġu rieżaminati elementi addizzjonali, iżda mhu antiċipat l-ebda impatt sinifikanti f’termini tal-ammont ta’ xogħol.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?

Le

Proporzjonalità?

L-azzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex titrażżan il-predispożizzjoni favur id-dejn. Minħabba limitazzjoni fuq it-tnaqqis tal-imgħax, l-azzjoni se tnaqqas sew jew saħansitra telimina kwalunkwe kost għall-baġits nazzjonali, biex b’hekk l-objettiv jintlaħaq b’impatt fiskali limitat.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Il-Kummissjoni se tivvaluta regolarment l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-inizjattiva fid-diversi Stati Membri. Tali valutazzjoni se titwettaq prinċipalment abbażi ta’ data mill-Istati Membri.

Ħames snin wara li tibda l-implimentazzjoni tal-istrument, il-Kummissjoni se tevalwa r-riżultati tal-politika, fir-rigward tal-objettivi tagħha u tal-impatti kumplessiv tagħha fuq l-indirzzar tal-predispożizzjoni favur id-dejn. Barra minn hekk, se tiġi evalwata l-applikazzjoni effettiva tal-qafas kontra l-abbuż tat-taxxa kif ukoll l-impatt ġenerali fuq id-dħul mit-taxxa, in-negozji u s-suq intern.

(1)

Id-definizzjoni tal-ekwità fis-sens ta’ din l-inizjattiva tinkludi l-kapital sottoskritt, il-kontijiet tal-primjum azzjonarju, ir-riżerva ta’ rivalwazzjoni u r-riżervi.

Top