IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.12.2022
COM(2022) 762 final
2022/0411(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1129, (UE) Nru 596/2014 u (UE) Nru 600/2014 sabiex is-swieq kapitali pubbliċi fl-Unjoni jsiru aktar attraenti għall-kumpaniji u sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kapital għall-intrapriżi żgħar u medji
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Kuntest politiku
Din il-proposta hija parti mill-pakkett tal-Att dwar l-Elenkar, sett ta’ miżuri sabiex is-swieq pubbliċi jsiru aktar attraenti għall-kumpaniji tal-UE u jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kapital għal kumpaniji żgħar u medji (SMEs). Hija allinjata mal-mira ewlenija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) li ttejjeb l-aċċess għal sorsi ta’ finanzjament ibbażati fis-suq għall-kumpaniji tal-UE f’kull stadju tal-iżvilupp tagħhom, inkluż għal kumpaniji iżgħar. Kumpaniji elenkati, inklużi dawk elenkati reċentement, spiss jaqbżu l-kumpaniji privati f’termini ta’ tkabbir annwali tad-dħul u ta’ ħolqien tax-xogħol. Permezz tal-elenkar fis-swieq pubbliċi, il-kumpaniji jistgħu jiddiversifikaw il-bażi tal-investituri tagħhom, inaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq il-finanzjament bankarju, jiksbu aċċess aktar faċli u orħos għal kapital ta’ ekwità u għal finanzjament b’dejn (permezz ta’ offerti sekondarji) addizzjonali, isaħħu l-profil pubbliku tagħhom u jżidu r-rikonoxximent tal-marka.
Mill-pubblikazzjoni tal-ewwel Pjan ta’ Azzjoni tas-CMU fl-2015, sar progress sabiex ikun aktar faċli u orħos għall-kumpaniji, b’mod partikolari għall-SMEs, sabiex jaċċessaw is-swieq pubbliċi. F’Jannar 2018, id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti finanzjarji, jew l-“MiFID II”) introduċiet kategorija ġdida ta’ Faċilitajiet Multilaterali tan-Negozjar (MTFs), is-swieq tat-tkabbir tal-SMEs, sabiex tinċentiva l-aċċess tal-SMEs għas-swieq kapitali. Fl-2019, tressqu regoli ġodda tal-UE permezz tar-Regolament (UE) 2019/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (l-Att dwar l-Elenkar tal-SMEs) sabiex jitnaqqsu l-burokrazija u l-piż regolatorju għall-kumpaniji li jelenkaw fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni tal-investituri u ta’ integrità tas-suq. Madankollu, minkejja dan il-progress, il-partijiet ikkonċernati jargumentaw li hija meħtieġa aktar azzjoni regolatorja sabiex jiġi ssimplifikat il-proċess tal-elenkar u sabiex dan isir aktar flessibbli għall-emittenti.
Il-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid tas-CMU adottat f’Settembru 2020 ħabbar li “[s]abiex tippromwovi u tiddiversifika l-aċċess ta’ kumpaniji żgħar u innovattivi għall-finanzjament, il-Kummissjoni se tfittex li tissimplifika r-regoli tal-elenkar għas-swieq pubbliċi”. B’segwitu għal dan u fuq il-bażi tal-Att tal-2019 dwar l-Elenkar tal-SMEs, il-Kummissjoni stabbiliet Grupp Tekniku tal-Partijiet Ikkonċernati (TESG) dwar l-SMEs li kkonferma t-tħassib tal-partijiet ikkonċernati li hija meħtieġa aktar azzjoni leġiżlattiva sabiex tappoġġa l-elenkar tal-kumpaniji u speċjalment tal-SMEs. Fir-rapport finali tiegħu ta’ Mejju 2021, it-TESG għamel 12-il rakkomandazzjoni sabiex jiġi emendat il-qafas dwar l-elenkar kemm fis-swieq regolati, kif ukoll fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs.
Fil-15 ta’ Settembru 2021, il-President von der Leyen ħabbret fl-ittra ta’ intenzjoni tagħha indirizzata lill-Parlament u lill-Presidenza tal-Kunsill proposta leġiżlattiva sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għall-kapital, li ġiet inkluża fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni tal-2022.
Id-deċiżjoni ta’ kumpanija li telenka hija waħda kumplessa u hija influwenzata minn għadd kbir ta’ fatturi, li ħafna minnhom huma barra mill-kontroll tar-regolaturi u, għalhekk, ma jistgħux jiġu indirizzati direttament b’intervent leġiżlattiv. Pereżempju, il-karatteristiċi tal-ekosistema li jiddeterminaw il-kost tas-servizzi tal-elenkar, u b’mod aktar mifrux l-instabbiltà ġeopolitika, il-Brexit, il-Covid-19, u l-inflazzjoni, ilkoll kellhom (u se jkompli jkollhom) impatt fuq id-deċiżjoni ta’ elenkar, fuq iż-żmien tal-elenkar, u dwar jekk għandhomx jibqgħu elenkati fl-UE. Madankollu, ir-rekwiżiti regolatorji u l-kostijiet u l-piż assoċjati huma wkoll fattur importanti fid-deċiżjoni ta’ kumpanija li telenka u tibqa’ elenkata. Il-pakkett tal-Att dwar l-Elenkar jirrappreżenta sett immirat ta’ miżuri li għandhom l-għan li jnaqqsu l-piż regolatorju meta jitqies eċċessiv (jiġifieri, meta r-regolamentazzjoni tista’ tiżgura l-protezzjoni tal-investituri/l-integrità tas-suq b’mod aktar kosteffiċjenti għall-partijiet ikkonċernati) u sabiex tiżdied il-flessibbiltà mogħtija skont id-dritt tal-kumpaniji lill-fundatur(i) ta’ kumpanija jew lill-azzjonist(i) kontrollanti sabiex jagħżlu kif għandhom jiġu ddistribwiti d-drittijiet tal-vot wara l-ammissjoni għan-negozjar tal-ishma.
Il-qafas regolatorju li japplika għall-proċess tal-elenkar huwa multidimensjonali. Il-kumpaniji jeħtiġilhom jikkonformaw mar-rekwiżiti regolatorji qabel, matul u wara l-offerta pubblika inizjali (IPO). Din il-proposta tiffoka speċifikament fuq il-piż regolatorju li jirriżulta f’żewġ mumenti: l-istadju tal-IPO u l-istadju ta’ wara l-IPO. Tindirizza l-piż regolatorju fl-istadju tal-IPO billi tintroduċi emendi mmirati għar-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-Regolament dwar il-Prospett) u tindirizza l-piż regolatorju fl-istadju ta’ wara l-IPO billi tintroduċi emendi mmirati għar-Regolament Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-Regolament dwar l-Abbuż tas-Suq jew l-“MAR”). Fiha wkoll emendi tekniċi limitati għar-Regolament Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-Regolament dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji jew l-“MiFIR”).
Ir-regolament propost huwa akkumpanjat minn żewġ proposti leġiżlattivi oħrajn:
·proposta għal Direttiva li temenda l-MiFID II u li tħassar id-Direttiva 2001/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (id-Direttiva dwar l-Elenkar), li għandha l-għan kemm (i) li tissimplifika u tiċċara r-rekwiżiti tal-elenkar kif ukoll (ii) li żżid il-livell baxx ta’ riċerka dwar l-investiment fuq l-SMEs;
·proposta għal Direttiva ġdida dwar strutturi ta’ kondiviżjoni ta’ voti multipli, li għandha l-għan li tindirizza l-ostakli regolatorji li joħorġu fil-fażi ta’ qabel l-IPO u, b’mod partikolari, l-opportunitajiet inugwali li jiffaċċjaw il-kumpaniji madwar l-UE meta jagħżlu l-istrutturi ta’ governanza xierqa meta jelenkaw.
Raġunijiet għall-proposta
Meta jieħdu deċiżjoni dwar jekk għandhomx jelenkaw jew le, il-kumpaniji jiżnu l-benefiċċji mistennijin kontra l-kostijiet. Jekk il-kostijiet jipprevalu, jew jekk sorsi alternattivi ta’ finanzjament joffru għażla anqas għalja u aktar faċli, il-kumpaniji ma jfittxux aċċess għas-swieq pubbliċi. Il-feedback mis-suq jindika li l-kostijiet inizjali u kontinwi sabiex kumpanija ssir kumpanija pubblika żdiedu b’mod konsiderevoli f’dawn l-aħħar deċennji, kemm f’termini assoluti kif ukoll meta mqabblin mal-finanzjament b’ekwità privata, b’mod partikolari għall-SMEs. L-ambjent regolatorju jħalli impatt fuq l-istadji kollha tal-proċess ta’ elenkar u huwa fost il-forzi li jwasslu għall-kostijiet għoljin tal-elenkar u taż-żamma tal-elenkar. Il-kumpaniji huma meħtieġa jikkonformaw ma’ diversi rekwiżiti ta’ divulgazzjoni u ta’ rapportar skont id-dritt tal-UE, speċjalment ir-Regolament dwar il-Prospett u l-MAR.
L-għan tar-Regolament dwar il-Prospett huwa li jtejjeb is-suq intern għall-kapital billi jiżgura l-protezzjoni tal-investituri u l-effiċjenza tas-suq filwaqt li jgħin lill-kumpaniji, inklużi l-SMEs, jaċċessaw forom differenti ta’ finanzjament fl-UE. Ir-Regolament dwar il-Prospett jistabbilixxi r-rekwiżiti għat-tfassil, għall-approvazzjoni u għad-distribuzzjoni tal-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta t-titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għan-negozjar f’suq regolat. Prospett huwa dokument li jippreżenta informazzjoni dwar kumpanija u t-titoli li tali kumpanija toffri lill-pubbliku jew tfittex li tammetti għan-negozjar f’suq regolat. Jenħtieġ li din l-informazzjoni tkun il-bażi li fuqha l-investituri jistgħu jiddeċiedu jekk jinvestux f’titoli maħruġin minn dik il-kumpanija.
Ir-Regolament dwar il-Prospett ma japplikax f’ċerti ċirkostanzi, bħal fir-rigward ta’ titoli mingħajr ekwità maħruġin minn ċerti entitajiet sovrani jew supranazzjonali, jew għal offerti ta’ titoli lill-pubbliku b’korrispettiv totali fl-Unjoni ta’ anqas minn EUR 1 miljun fuq perjodu ta’ 12-il xahar. Jinkludi wkoll diversi eżenzjonijiet mill-obbligu li jiġi ppubblikat prospett għall-offerti ta’ titoli lill-pubbliku jew l-ammissjoni għan-negozjar f’suq regolat. B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-obbligu li jippubblikaw prospett l-offerti ta’ titoli lill-pubbliku sa EUR 8 miljun fuq perjodu ta’ 12-il xahar, dment li ma jkunux jeħtiġu notifika (“passaport”). Għal offerti ta’ anqas minn EUR 1 miljun jew il-livell limitu rilevanti stabbilit fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu dokumenti ta’ divulgazzjoni nazzjonali, dment li ma jikkostitwixxux piż sproporzjonat jew mhux neċessarju. Għalhekk, l-emittenti li jkunu lesti joffru titoli transfruntiera jeħtieġ li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ livell limitu u ta’ divulgazzjoni stabbiliti mill-Istati Membri kkonċernati, sakemm dawk l-emittenti ma jfasslux prospett fuq bażi volontarja sabiex jibbenefikaw mill-passaport uniku tal-UE.
Skont il-Pjan ta’ Azzjoni tas-CMU, diġà sar progress sabiex isir aktar faċli u orħos għall-kumpaniji, b’mod partikolari dawk iżgħar, sabiex ifasslu prospett. Ir-Regolament dwar il-Prospett introduċa l-Prospett UE tat-Tkabbir – forma anqas impenjattiva ta’ prospett standard - għall-SMEs elenkati fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs. Kellu l-għan li jnaqqas il-kostijiet tat-tħejjija ta’ prospett minn emittenti iżgħar, filwaqt li jipprovdi lill-investituri b’informazzjoni materjali sabiex jivvalutaw l-offerta u jieħdu deċiżjoni informata dwar l-investiment. Ir-Regolament dwar il-Prospett introduċa wkoll prospett simplifikat għall-kumpaniji li t-titoli tagħhom huma ammessi għan-negozjar kontinwament u għal tal-anqas l-aħħar 18-il xahar f’suq regolat jew f’suq tat-tkabbir tal-SMEs u li jixtiequ joħorġu ishma addizzjonali jew titoli ta' dejn (ħruġ ta’ segwitu jew sekondarju). L-emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għan-negozjar f’suq tat-tkabbir tal-SMEs jistgħu jużaw ukoll dan il-prospett simplifikat sabiex sussegwentement jittrasferixxu lejn swieq regolati. Fl-aħħar nett, ir-Regolament (UE) 2021/337 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill introduċa, bħala parti mill-Pakkett għall-Irkupru tas-Swieq Kapitali (CMRP), tip ġdid ta’ prospett b’forma qasira (il-“Prospett ta’ rkupru tal-UE”). Il-Prospett ta’ rkupru tal-UE huwa disponibbli għall-emittenti li għandhom ishma diġà ammessi għan-negozjar f’suq regolat jew f’suq tat-tkabbir tal-SMEs kontinwament għal tal-anqas l-aħħar 18-il xahar u li joħorġu ishma addizzjonali sabiex jegħlbu l-impatt negattiv tal-kriżi tal-COVID-19 u jikkontrollaw dejn eċċessiv. Madankollu, ir-reġim dwar il-Prospett ta’ rkupru tal-UE se jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2022.
Minkejja l-mitigazzjonijiet introdotti, il-feedback mill-partijiet ikkonċernati indika li r-rekwiżit li jiġi prodott prospett għadu ta’ piż żejjed. Dan jirreferi għaż-żewġ każijiet li fihom il-kumpaniji jfittxu aċċess għas-swieq pubbliċi għall-ewwel darba (IPO) u li fihom ikollhom aċċess għas-swieq pubbliċi għal segwitu ta’ titoli ta’ ekwità jew ta’ titoli mingħajr ekwità.
Ir-regoli kurrenti jikkontribwixxu b’mod partikolari għal prospetti twal wisq. Pereżempju, f’xi każijiet, ir-Regolament dwar il-Prospett jeħtieġ informazzjoni li tista’ ma tkunx indispensabbli għall-investituri sabiex jieħdu deċiżjoni informata dwar l-investiment (jiġifieri mhux ġustifikata mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-investituri). Il-feedback għall-konsultazzjoni pubblika (imtenni matul il-laqgħat tal-partijiet ikkonċernati) ikkonferma l-fehma li la l-prospett standard u lanqas il-Prospett UE tat-Tkabbir ma jilħqu bilanċ xieraq bejn il-protezzjoni effettiva tal-investituri u l-piż amministrattiv proporzjonat għall-emittenti, speċjalment l-SMEs. F’każijiet oħrajn, prospett huwa meħtieġ meta ħafna informazzjoni tkun diġà disponibbli fid-dominju pubbliku (b’mod partikolari, fil-każ ta’ ħruġ ta’ segwitu). It-tul eċċessiv tal-prospett jista’ jiskoraġġixxi wkoll lil xi investituri, b’mod partikolari dawk iżgħar, milli jikkonsultawh u jsarraf f’kost ogħla ta’ investiment għal investituri akbar. Jeħtieġ ukoll perjodu ta’ żmien itwal sabiex l-awtorità nazzjonali kompetenti (NCA) tiskrutinizza u tapprova l-prospett.
Ir-regoli kurrenti jikkontribwixxu wkoll għal prospetti diverġenti ħafna madwar l-UE. Id-data rrapportata minn Oxera u mill-Awtoritajiet Ewropej tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) turi diskrepanza kbira bejn l-Istati Membri fir-rigward tat-tul tal-prospetti, li hija indikattiva ta’ nuqqas ta’ uniformità tal-prospetti fl-UE. Din id-diskrepanza tirriżulta wkoll mill-fatt li r-regoli kurrenti ma jinkwadrawx biżżejjed l-iskrutinju superviżorju mill-NCAs.
Il-feedback mill-partijiet ikkonċernati enfasizza li l-qafas regolatorju tal-UE jqiegħed rekwiżiti li jinvolvu piż żejjed anki fuq emittenti diġà elenkati, b’mod partikolari skont l-MAR. Sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu fl-1 ta’ Lulju 2016, l-MAR ġie estiż għall-MTFs, inklużi s-swieq tat-tkabbir tal-SMEs. L-MAR jimmira li jżid l-integrità tas-suq u l-kunfidenza tal-investitur. Jipprojbixxi milli: (i) jitwettaq jew isir tentattiv sabiex jitwettaq abbuż minn informazzjoni privileġġata; (ii) jiġi rrakkomandat li persuna oħra twettaq abbuż minn informazzjoni privileġġata jew tinduċi lil persuna oħra twettaq abbuż minn informazzjoni privileġġata; (iii) tiġi ddivulgata illegalment informazzjoni privileġġata; jew (iv) titwettaq jew isir tentattiv sabiex titwettaq manipulazzjoni tas-suq. L-emittenti huma wkoll soġġetti għal diversi obbligi ta’ divulgazzjoni u ta’ żamma tar-rekords skont l-MAR. B’mod partikolari, l-emittenti għandhom obbligu ġenerali li jiddivulgaw l-informazzjoni privileġġata kollha lill-pubbliku mill-aktar fis possibbli.
Il-feedback mill-partijiet ikkonċernati indika li xi aspetti tar-reġim ta’ divulgazzjoni tal-MAR ipoġġu piż sproporzjonatament għoli fuq l-emittenti. B’mod partikolari, il-partijiet ikkonċernati jqisu bħala ta’ piż l-obbligu li jiddivulgaw mill-aktar fis possibbli l-informazzjoni privileġġata kollha. Dan huwa dovut għall-firxa wiesgħa tal-kunċett ta’ informazzjoni privileġġata (li tagħti lok għal diffikultajiet għall-emittenti meta jiddelinjaw bejn x’inhi u x’ma hijiex informazzjoni privileġġata), kif ukoll għall-fatt li l-istess kunċett japplika kemm għall-fini tal-projbizzjoni ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata kif ukoll għall-fini ta’ divulgazzjoni. Filwaqt li l-wisgħa tal-kunċett ta’ informazzjoni privileġġata tippermetti li tiġi indirizzata projbizzjoni wiesgħa u bikrija ħafna ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata, hija timplika wkoll li l-emittenti huma meħtieġa jiddivulgaw informazzjoni fi stadju bikri ħafna, meta l-informazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi jew l-avvenimenti tkun għadha ma laħqitx livell għoli ta’ ċertezza.
Il-kunċett ta’ informazzjoni privileġġata jkopri mhux biss avvenimenti li diġà seħħew iżda wkoll avvenimenti li huma “raġonevolment mistennijin li jseħħu” (jiġifieri, li għalihom hemm prospett realistiku li jseħħu) u, fil-kuntest ta’ proċessi fit-tul (bħal fużjoni), il-passi intermedji li huma konnessi mal-bidu ta’ avveniment futur. Bħala konsegwenza, l-emittenti jġarrbu kostijiet għoljin ta’ konformità sabiex jifhmu liema passi ta’ proċess fit-tul jistgħu jikkostitwixxu informazzjoni privileġġata u meta ċerta biċċa informazzjoni tkun matura biżżejjed sabiex tiġi ddivulgata. Fl-istess ħin, l-effettività tad-divulgazzjoni fit-tnaqqis tal-assimetriji tal-informazzjoni bejn l-emittenti u l-investituri tkun limitata jekk l-informazzjoni tkun preliminari wisq, inkompluta u potenzjalment tkun għadha soġġetta għal bidliet fundamentali. Divulgazzjoni bikrija wisq ta’ informazzjoni tista’ tqarraq bl-investituri u twassal għal azzjoni fuq il-parti tagħhom li wara jintebħu li setgħet kienet subottimali (eż., l-iżvestiment tal-istokk malajr wisq jew mhux malajr biżżejjed), u b’hekk jiżdied il-kost tal-opportunità għall-investituri.
Barra minn hekk, l-emittenti jiffaċċjaw nuqqas ta’ ċarezza legali dwar il-kundizzjonijiet li jeħtieġ li jiġu ssodisfati sabiex idewmu d-divulgazzjoni meta d-divulgazzjoni immedjata x’aktarx tippreġudika l-interessi leġittimi tal-emittenti (eż., billi tipperikola l-konklużjoni b’suċċess ta’ negozjati li jkunu għaddejjin).
Ftit rekwiżiti addizzjonali ta’ rapportar u ta’ divulgazzjoni skont l-MAR iqiegħdu piż sproporzjonat għoli fuq l-emittenti, bħad-dispożizzjonijiet dwar it-tranżazzjonijiet tal-maniġers, il-listi ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata, u s-sondaġġ tas-suq. Ir-regoli kurrenti tal-MAR joħolqu wkoll reġim ta’ sanzjonar sproporzjonat għal ksur relatat mad-divulgazzjoni, b’mod partikolari għall-SMEs, li potenzjalment jistgħu jiġu ssanzjonati fl-istess livell bħall-kumpaniji l-kbar.
Objettivi tal-proposta
L-objettiv ġenerali ta’ din l-inizjattiva huwa li jiġu introdotti aġġustamenti tekniċi għall-ġabra ta’ regoli tal-UE sabiex jitnaqqsu l-kostijiet regolatorji u ta’ konformità għall-kumpaniji li jfittxu li jelenkaw jew li diġà huma elenkati bl-għan li jiġi ssimplifikat il-proċess ta’ elenkar u tissaħħaħ iċ-ċarezza legali, filwaqt li jiġi żgurat livell xieraq ta’ protezzjoni tal-investituri u ta’ integrità tas-suq. Min-naħa tiegħu, dan huwa mistenni jgħin fid-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament għall-kumpaniji fl-UE u jżid l-investimenti, it-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tax-xogħol u l-innovazzjoni fl-UE.
L-emendi mmirati proposti għar-Regolament dwar il-Prospett għandhom l-għan b’mod partikolari li jagħmluha aktar faċli u orħos għall-emittenti sabiex ifasslu prospett, filwaqt li jippermettu lill-investituri jieħdu d-deċiżjoni t-tajba dwar investiment billi jipprovdu informazzjoni komprensiva, faċli sabiex tiġi analizzata u konċiża. Ifittxu wkoll li jintroduċu simplifikazzjonijiet imdaqqsin għar-rekwiżiti tal-prospett, jew saħansitra eżenzjonijiet minnhom, f’każijiet li fihom l-emittent diġà jkun magħruf mill-investituri u diġà jkun hemm ħafna informazzjoni disponibbli għall-pubbliku (ħruġ ta’ segwitu). Dawn l-emendi huma akkumpanjati minn emendi mmirati lejn it-trawwim tal-konverġenza u s-simplifikazzjoni tal-proċess ta’ skrutinju u ta’ approvazzjoni mill-NCAs (pereżempju, billi tiġi inkwadrata b’mod ristrett il-kapaċità tal-NCAs li jitolbu lill-emittenti jinkludu informazzjoni addizzjonali fil-prospett).
Fil-każ ta’ offerta ta’ titoli lill-pubbliku jew ta’ ammissjoni għan-negozjar f’suq regolat, il-proposta tissimplifika u tistandardizza ulterjorment il-prospett standard (b’referenza għal tip ta’ prospett mhux anqas impenjattiv, irrispettivament minn jekk ikunx relatat ma’ titoli ta’ ekwità jew ma’ titoli mingħajr ekwità, jew jekk ikunx imfassal bħala dokument wieħed jew jikkonsistix f’dokumenti separati). Il-proposta tallinja l-livell ta’ divulgazzjoni tal-prospett standard mal-livell ta’ divulgazzjoni attwalment meħtieġ skont ir-reġim tal-Prospett UE tat-Tkabbir, tintroduċi ordni fiss tad-divulgazzjoni u tagħmel l-inkorporazzjoni b’referenza rekwiżit legali. Il-proposta tintroduċi wkoll il-possibbiltà li l-emittenti jfasslu l-prospett bl-Ingliż biss bħala l-lingwa abitwali fl-isfera tal-finanzi internazzjonali (ħlief għas-sommarju li fil-prattika huwa l-uniku dokument li l-biċċa l-kbira tal-investituri fil-livell tal-konsumatur jikkonsultaw), u li jippubblikawh f’format elettroniku biss (jiġifieri l-ebda kopja stampata fuq talba). Fl-istess ħin, għal ishma jew għal titoli trasferibbli oħrajn biss ekwivalenti għal ishma fil-kumpaniji, ġie introdott numru ta’ limitu ta’ paġni (300 paġna) sabiex jiġu evitati prospetti twal wisq għall-kumpaniji li ma għandhomx storja finanzjarja kumplessa. B’mod konġunt, dawn l-emendi jfittxu li jipprovdu tnaqqis tanġibbli fil-kostijiet u fil-piż għall-emittenti, filwaqt li jiżguraw li l-investituri jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ minn dokument li jkun aktar faċli sabiex jinqara u jiġi nnavigat u li jitqabblu b’mod aktar faċli l-istrumenti finanzjarji u l-emittenti.
Il-proposta tfittex ukoll li tagħmilha aktar faċli għall-SMEs sabiex jiġbru fondi fis-swieq pubbliċi, b’mod partikolari fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs, billi jiġġeneraw aktar iffrankar tal-ispejjeż għall-SMEs u jadattaw aħjar id-divulgazzjoni għall-ħtiġijiet tal-investituri. Għall-kumpaniji li joffru titoli lill-pubbliku u li jelenkaw fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs (kif ukoll għal offerti ta’ titoli lill-pubbliku minn kumpaniji iżgħar), il-Prospett UE tat-Tkabbir huwa sostitwit b’Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE obbligatorju, ġdid u f’forma mqassra. Dan id-dokument jibni fuq il-livell ta’ divulgazzjoni attwalment meħtieġ mir-reġim tal-Prospett ta’ rkupru tal-UE u mid-dokumenti ta’ ammissjoni eżistenti meħtieġa mis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs (f’liema każ ma japplikax l-obbligu li jiġi ppubblikat prospett), isegwi ordni fiss ta’ divulgazzjoni u huwa soġġett, fil-każ ta’ ishma u ta’ titoli trasferibbli ekwivalenti oħrajn, għal limitu ta’ paġni.
Filwaqt li l-proposta teżenta, taħt ċerti kundizzjonijiet, mir-rekwiżit ta’ prospett l-offerti ta’ titoli funġibbli ma’ titoli diġà ammessi għan-negozjar (li għalihom il-pubblikazzjoni ta’ dokument sommarju tkun biżżejjed), tissoġġetta l-ħruġ ta’ segwitu ta’ titoli mhux funġibbli għall-approvazzjoni u għall-pubblikazzjoni ta’ Prospett ta’ segwitu tal-UE ġdid, obbligatorju u f’forma qasira, filwaqt li tibni primarjament fuq ir-reġim kurrenti tal-Prospett ta’ rkupru tal-UE. Dawn l-emendi jfittxu li jiżguraw li l-kumpaniji jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-vantaġġi tal-aċċess għas-swieq kapitali pubbliċi, inkluż l-aċċess aktar faċli u aktar veloċi għal kapital ta’ ekwità u għal finanzjament b’dejn addizzjonali permezz ta’ offerti ta’ segwitu. Fl-istess ħin jissalvagwardjaw il-protezzjoni tal-investituri peress li dawn il-kumpaniji diġà huma soġġetti għal rekwiżiti perjodiċi u kontinwi ta’ divulgazzjoni u ta’ rapportar u, barra minn hekk, l-emittenti se jkunu meħtieġa jippubblikaw l-aktar informazzjoni rilevanti għall-investituri.
Fl-aħħar nett, l-emendi għar-Regolament dwar il-Prospett għandhom l-għan li jrawmu offerti transfruntiera billi jarmonizzaw u jżidu għal EUR 12-il miljun il-livell limitu għall-eżenzjoni ta’ offerti żgħar ta’ titoli lill-pubbliku mill-obbligu li jiġi ppubblikat prospett. Din l-emenda tfittex ukoll li tkun ta’ benefiċċju għall-emittenti iżgħar, inklużi l-SMEs, peress li f’ċerti każijiet huma mhux se jibqa’ jkollhom jipproduċu prospett, li jnaqqsilhom sostanzjalment il-kostijiet regolatorji tagħhom u jinċentivahom sabiex jaċċessaw is-swieq kapitali pubbliċi. Il-proposta tintroduċi wkoll emendi għar-regoli dwar l-ekwivalenza għall-prospetti ta’ pajjiżi terzi sabiex dawn ikunu jistgħu jintużaw.
L-emendi mmirati proposti għall-MAR għandhom l-għan li jnaqqsu l-inċertezza legali dwar x’jikkostitwixxi informazzjoni privileġġata għall-fini ta’ divulgazzjoni kif ukoll dwar it-twaqqit tad-divulgazzjoni. Filwaqt li l-proposta żżomm il-kunċett wiesa’ attwali ta’ informazzjoni privileġġata għall-finijiet tar-regolament dwar l-abbuż minn informazzjoni privileġġata, hija tnaqqas il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ divulgazzjoni. Il-proposta tiċċara b’mod partikolari li l-obbligu li tiġi ddivulgata l-informazzjoni privileġġata kollha lill-pubbliku ma jkoprix l-informazzjoni relatata mal-passi intermedji ta’ proċess fit-tul, peress li din l-informazzjoni hija preliminari wisq u, għalhekk, ma hijiex matura biżżejjed għad-divulgazzjoni. Fl-istess ħin, il-proposta tintroduċi setgħa għall-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi, permezz ta’ att delegat, lista mhux eżawrjenti tal-informazzjoni rilevanti kif ukoll, għal kull informazzjoni, indikazzjoni tat-twaqqit meta l-emittenti huma mistennijin jiddivulgawha. B’mod konġunt, dawn l-emendi jfittxu li jagħmlu r-reġim ta’ divulgazzjoni tal-MAR anqas għali sabiex jikkonforma mal-emittenti, aktar prevedibbli mill-perspettiva tal-investituri u jwassal aktar għal formazzjoni effettiva tal-prezzijiet.
L-emendi għall-obbligu ta’ divulgazzjoni huma akkumpanjati minn titjib fir-reġim għall-iskambju ta’ informazzjoni fost l-NCAs sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw aħjar il-każijiet ta’ manipulazzjoni tas-suq billi jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ sorveljanza tal-kotba tal-ordnijiet li tkopri diversi swieq (CMOBS), u b’hekk tiżdied l-integrità tas-swieq tal-UE u tissaħħaħ l-attraenza tagħhom għall-investituri. Bl-istess mod, il-proposta tintroduċi possibbiltà għall-ESMA sabiex tistabbilixxi pjattaformi ta’ kollaborazzjoni, b’mod partikolari għall-fini tal-monitoraġġ tas-swieq tal-komoditajiet bl-ingrossa, sabiex tindirizza t-tħassib dwar l-integrità tas-suq u l-funzjonament tajjeb tas-swieq finanzjarji u, b’mod partikolari, tas-swieq spot.
Fl-aħħar nett, il-proposta tfittex li tagħmel ir-reġim tas-sanzjonar għall-ksur relatat mad-divulgazzjoni tal-MAR aktar proporzjonat għall-SMEs sabiex jiġi evitat li emittenti iżgħar jiġu skoraġġuti milli jelenkaw jew milli jibqgħu elenkati.
Il-proposta għandha wkoll l-għan li ttaffi l-ostakli regolatorji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-tranżazzjonijiet tal-maniġers, tal-lista ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata u tar-reġimi ta’ sondaġġ tas-suq filwaqt li tiżgura li dawn il-mitigazzjonijiet ma jfixklux il-protezzjoni tal-investituri u l-integrità tas-suq.
Il-ħolqien ta’ mekkaniżmu tas-CMOBS jeħtieġ ukoll emendi mmirati għall-qafas tal-MiFIR sabiex jiġi speċifikat li awtorità kompetenti tista’ titlob data dwar il-kotba tal-ordnijiet fuq bażi kontinwa lil ċentru tan-negozjar taħt is-superviżjoni tagħha, u li l-ESMA tingħata r-rwol li tarmonizza l-format tal-mudell użat għall-ħżin ta’ tali data.
L-emendi mmirati proposti għandhom l-għan li jibnu l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex maż-żmien iseħħ titjib strutturali fis-swieq kapitali pubbliċi tal-UE. Reġim regolatorju aktar favorevoli jħeġġeġ l-iżvilupp ta’ ekosistema aktar favorevoli, u b’hekk jikkontribwixxi b’mod multidimensjonali għall-objettiv tas-CMU li jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament mill-kumpaniji. Barra minn hekk, jenħtieġ li din il-proposta tiġi analizzata flimkien ma’ inizjattivi proposti u pendenti oħrajn. L-emendi proposti huma parti minn pakkett usa’ ta’ miżuri deskritti fil-Pjan ta’ Azzjoni tas-CMU, li għandu l-għan li jindirizza kwistjonijiet oħrajn li bħalissa qegħdin jipprevjenu lill-kumpaniji milli jiġġeneraw il-kapital fis-swieq pubbliċi.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-proposta hija allinjata mal-objettivi ġenerali tar-Regolament dwar il-Prospett sabiex tiġi ffaċilitata l-ġenerazzjoni ta’ fondi permezz tas-swieq kapitali, tiġi żgurata l-protezzjoni tal-investitur, u titrawwem konverġenza superviżorja madwar l-UE. Il-proposta hija allinjata wkoll mal-għanijiet ġenerali tal-MAR sabiex tiġi żgurata l-integrità tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni u sabiex jissaħħu l-protezzjoni u l-fiduċja tal-investituri f’dawk is-swieq kif ukoll mal-objettiv tal-MiFIR li jiġi żgurat li s-swieq tal-UE fl-istrumenti finanzjarji jkunu trasparenti u jaħdmu b’mod effiċjenti.
Barra minn hekk, il-proposta hija konsistenti mal-obbligi ta’ rapportar stabbiliti fid-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (id-Direttiva dwar it-Trasparenza), għall-emittenti fi swieq regolati. Hija wkoll konformi mad-dispożizzjonijiet tal-MiFID II u tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 li jirregolaw is-swieq tat-tkabbir tal-SMEs.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta hija kompletament allinjata mal-għan ewlieni tas-CMU li tagħmel il-finanzjament aktar aċċessibbli għall-kumpaniji tal-UE u b’mod partikolari għall-SMEs. Hija konsistenti ma’ numru ta’ azzjonijiet leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi meħudin mill-Kummissjoni fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni tas-CMU tal-2015, tar-Rieżami ta’ Nofs it-Terminu tal-2017 tal-Pjan ta’ Azzjoni tas-CMU u tal-Pjan ta’ Azzjoni tas-CMU tal-2020.
Sabiex jiġu appoġġati l-impjiegi u t-tkabbir fl-UE, l-iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzjament għall-kumpaniji, speċjalment għall-SMEs, kien għan ewlieni tas-CMU sa mill-bidu nett. Mill-pubblikazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tas-CMU fl-2015, ittieħdu xi azzjonijiet immirati sabiex jiġu żviluppati sorsi adegwati ta’ finanzjament għall-SMEs matul l-istadji kollha tal-iżvilupp tagħhom. Fir-Rieżami ta’ Nofs it-Terminu tagħha tal-Pjan ta’ Azzjoni tas-CMU ppubblikat f’Ġunju 2017, il-Kummissjoni għażlet li żżid il-livell ta’ ambizzjoni tagħha u saħħet l-enfasi tagħha fuq l-aċċess tal-SMEs għas-swieq pubbliċi. F’Novembru 2019, il-koleġiżlaturi adottaw regolament sabiex jippromwovu l-użu tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs bl-għan li jnaqqsu l-piż amministrattiv u l-kostijiet għoljin ta’ konformità li jiffaċċjaw l-emittenti tas-suq tat-tkabbir tal-SMEs filwaqt li jiżguraw livell għoli ta’ integrità tas-suq u ta’ protezzjoni tal-investituri; irawmu l-likwidità tal-ishma tal-SMEs elenkati pubblikament sabiex dawn is-swieq isiru aktar attraenti għall-investituri, għall-emittenti u għall-intermedjarji; u jiffaċilitaw ir-reġistrazzjoni tal-MTFs bħala swieq tat-tkabbir tal-SMEs. Dak ir-Regolament daħal fis-seħħ f’Diċembru 2019, ħlief għad-dispożizzjoni li temenda l-MAR li bdiet tapplika f’Jannar 2021.
Barra minn hekk, wara l-kriżi tal-COVID-19, il-Kummissjoni adottat is-CMRP, li kien magħmul minn emendi mmirati lejn is-swieq kapitali u r-regolamentazzjoni tal-banek, bl-għan ġenerali li tagħmilha aktar faċli għas-swieq kapitali li jappoġġaw lin-negozji tal-UE jirkupraw mill-kriżi tal-COVID-19. Il-bidliet issuġġeriti għar-regoli tas-swieq kapitali mmirati b’mod partikolari sabiex itaffu l-piż regolatorju u l-kumplessità għad-ditti tal-investiment u għall-emittenti.
Din il-proposta tagħti segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni tas-CMU tal-2020 u għall-objettiv tiegħu li jagħmel il-finanzjament aktar aċċessibbli għall-kumpaniji tal-UE (Azzjoni 2 “Nappoġġaw l-aċċess għas-swieq pubbliċi”). Il-proposta tiffoka fuq it-tnaqqis tar-rekwiżiti regolatorji li jistgħu jiskoraġġixxu lil kumpanija milli tiddeċiedi li telenka jew li tibqa’ elenkata (“fil-lat tal-provvista”). Fatturi oħrajn li jistgħu jiskoraġġixxu lill-emittenti milli jelenkaw, bħal bażi ta’ investituri dejqa u trattament tat-taxxa aktar favorevoli ta’ dejn fuq l-ekwità, huma indirizzati minn inizjattivi kurrenti u pendenti oħrajn tas-CMU li jikkomplementaw l-emendi mressqin f’din il-proposta u jenħtieġ li jiġu analizzati flimkien ma’ din l-inizjattiva. Dawn l-inizjattivi jirrigwardjaw, pereżempju, (i) il-ħolqien ta’ Punt Uniku ta’ Aċċess tal-UE (ESAP) li se jindirizza n-nuqqas ta’ data aċċessibbli u komparabbli għall-investituri, u b’hekk jagħmel lill-kumpaniji aktar viżibbli għall-investituri, (ii) iċ-ċentralizzazzjoni tal-informazzjoni dwar in-negozjar tal-UE f’tape konsolidat għal xenarju ta’ negozjar fis-suq pubbliku u identifikazzjoni tal-prezz aktar effiċjenti u (iii) l-introduzzjoni ta’ remissjoni li tnaqqas il-predispożizzjoni favur id-dejn (DEBRA) sabiex il-finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma jsir aktar attraenti (u anqas għali) għall-kumpaniji.
Barra minn hekk, serje ta’ inizjattivi tal-Kummissjoni se jkomplu jsaħħu l-bażi tal-investituri għall-ekwità elenkata. Il-Fond tal-IPO għall-SMEs tal-UE se jaqdi r-rwol ta’ investitur ankra sabiex jattira aktar investiment privat fl-ekwità pubblika tal-SMEs permezz tas-sħubija ma’ investituri istituzzjonali u permezz tal-investiment f’fondi ffokati fuq l-SMEs emittenti. Ir-rieżamijiet tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital u ta’ Solvenza II se jkabbru l-bażi tal-investituri għall-emittenti billi jiffaċilitaw l-investimenti mill-banek u mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni f’ekwità pubblika fit-tul.
Din il-proposta hija allinjata mal-azzjoni 2 tal-Aġenda Ewropea għall-Innovazzjoni l-Ġdida ppubblikata fl-2022, li rrikonoxxiet ir-rwol importanti tal-att ta’ elenkar fil-faċilitazzjoni tal-aċċess għall-finanzjament għal negozji ġodda tat-teknoloġija profonda.
Il-proposta tqis ukoll l-evidenza wara l-opinjoni tal-Pjattaforma Fit For Future dwar il-faċilitazzjoni tal-aċċess tal-SMEs għall-kapital u b’mod partikolari dwar is-simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-ammissjoni għan-negozjar ta’ titoli ta’ SMEs u ta’ obbligi oħrajn ta’ elenkar.
Fl-aħħar nett, din il-proposta se tgħin speċjalment lill-SMEs tal-UE jibbenefikaw minn reġim leġiżlattiv anqas impenjattiv sabiex jaċċessaw is-swieq kapitali pubbliċi u sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ trasparenza u ta’ rapportar li għaddejjin. Din hija wkoll allinjata mal-objettiv tal-pakkett ta’ għajnuna għall-SMEs imħabbar mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen fid-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea fid-19 ta’ Settembru 2022.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika tar-Regolament dwar il-Propsett, l-MAR u l-MiFIR hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Il-proposta tintroduċi emendi mmirati għal dawk ir-Regolamenti u, għalhekk, hija bbażata fuq l-istess bażi ġuridika.
L-Artikolu 114 tat-TFUE jipprovdi għall-adozzjoni ta’ miżuri għall-approssimizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li, bħala għan, għandhom l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. Ir-rikors għall-Artikolu 114 tat-TFUE huwa partikolarment possibbli meta d-disparitajiet bejn ir-regoli nazzjonali jkunu tali li jxekklu l-libertajiet fundamentali jew joħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u, b’hekk, ikollhom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Skont l-Artikolu 4 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-azzjoni tal-UE għall-ikkompletar tas-suq intern trid tiġi vvalutata fid-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, jenħtieġ li l-azzjoni fil-livell tal-UE titwettaq biss meta l-objettivi tal-azzjoni proposta ma jkunux jistgħu jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri waħedhom u, għalhekk, tkun meħtieġa azzjoni fil-livell tal-UE. Irid jiġi kkunsidrat ukoll jekk l-objettivi jinkisbux aħjar b’azzjoni fil-livell tal-UE (l-hekk imsejjaħ “test tal-valur miżud Ewropew”).
Il-leġiżlazzjoni li tapplika għall-emittenti u għaċ-ċentri tan-negozjar hija fil-biċċa l-kbira armonizzata fil-livell tal-UE, u tħalli flessibbiltà limitata għall-Istati Membri sabiex jadattaw dan il-qafas legali għall-kundizzjonijiet lokali. B’konsegwenza ta’ dan, il-modifiki tal-leġiżlazzjoni tal-UE huma neċessarji sabiex jinkiseb it-titjib mixtieq. Fl-istess ħin, l-objettivi ta’ din il-proposta jintlaħqu aħjar b’azzjoni fil-livell tal-UE. Skont l-iskala tagħha, l-azzjoni tal-UE tista’ tnaqqas il-piż amministrattiv għall-emittenti, filwaqt li fl-istess ħin tissalvagwardja l-integrità tas-suq u l-protezzjoni tal-investituri, u b’hekk tiżgura kundizzjonijiet ekwi. Barra minn hekk, azzjoni tal-UE hija xierqa peress li l-inizjattiva tfittex li tappoġġa l-elenkar transfruntier u l-attività ta’ negozjar tat-titoli madwar l-UE kollha, sabiex tkompli tintegra u tikseb skala fis-swieq kapitali tal-UE.
•Proporzjonalità
Il-miżuri proposti sabiex jitnaqqas il-piż regolatorju fuq il-kumpaniji li jfittxu elenkar għall-ewwel darba u fuq il-kumpaniji li diġà huma elenkati jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità. Dawn huma adegwati sabiex jintlaħqu l-objettivi u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju.
Il-mitigazzjonijiet regolatorji proposti fir-Regolament dwar il-Prospett għandhom l-għan li jipprovdu tnaqqis fil-kostijiet u fil-piż għall-emittenti, filwaqt li jippreservaw u jsaħħu l-fiduċja tal-investituri fil-funzjonament tajjeb tas-swieq pubbliċi. Il-proporzjonalità hija żgurata b’mod partikolari bl-introduzzjoni ta’ simplifikazzjonijiet imdaqqsin għar-rekwiżiti tal-prospett, jew saħansitra eżenzjonijiet minnhom, f’każijiet li fihom l-emittent diġà jkun magħruf mill-investituri u diġà jkun hemm ħafna informazzjoni disponibbli għall-pubbliku. Barra minn hekk, il-proporzjonalità hija żgurata billi d-divulgazzjoni titfassal skont id-daqs prevalenti tal-kumpanija fis-suq. Għalhekk, il-proposta tintroduċi Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE biss għall-kumpaniji elenkati fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs (jiġifieri prinċipalment, għalkemm mhux esklussivament, l-SMEs).
Importanti, il-bidliet proposti jiżguraw li l-livell ta’ trasparenza għall-investituri ma jiġix affettwat b’mod negattiv. L-ebda waħda mill-miżuri proposti ma toħloq il-ħtieġa li l-investituri jwettqu kwalunkwe diliġenza dovuta addizzjonali, u se jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-investituri. Pereżempju, il-possibbiltà li jintuża biss l-Ingliż (jiġifieri lingwa komuni u aċċettata b’mod wiesa’ fil-qasam finanzjarju) għat-tfassil tal-prospett hija kontrobilanċjata mar-rekwiżit li s-sommarju jsir bil-lingwa/i tal-Istat Membru fejn issir l-offerta pubblika. Fuq l-istess nota, fil-każijiet li fihom tiġi introdotta eżenzjoni mill-prospett, l-emittenti huma meħtieġa jippubblikaw dikjarazzjoni (għalkemm mhux prospett) li jkun fiha l-aktar informazzjoni rilevanti għall-investitur.
Il-mitigazzjonijiet proposti sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-emittenti diġà elenkati (MAR) huma kkalibrati bir-reqqa wkoll sabiex jiġi evitat impatt detrimentali fuq l-integrità tas-suq u fuq il-protezzjoni tal-investituri, li huma l-objettivi ewlenin tal-MAR. Billi tillimita l-obbligu ta’ divulgazzjoni għal avvenimenti “maturi” biss, il-proposta tiżgura li s-swieq u l-investituri jirċievu biss informazzjoni sinifikanti, filwaqt li tevita ċ-ċirkolazzjoni ta’ informazzjoni mhux akkurata jew qarrieqa, li tista’ tiżgwida d-deċiżjonijiet ta’ investiment. Barra minn hekk, l-emendi proposti għar-reġim ta’ divulgazzjoni huma akkumpanjati mit-tisħiħ tas-sistema ta’ monitoraġġ tas-superviżuri għad-data dwar l-ordnijiet, li, permezz tal-istandardizzazzjoni tal-formati tar-rapportar tad-data dwar l-ordnijiet u l-faċilitazzjoni ta’ skambji ta’ tali data bejn l-NCAs, se jarrikkixxu s-sett ta’ għodod superviżorji dwar l-abbuż tas-suq, u b’hekk jiżguraw integrità akbar tas-suq u jsaħħu l-fiduċja tal-investituri. Fl-aħħar nett, l-emendi mmirati għal obbligi oħrajn ta’ divulgazzjoni u ta’ rapportar u għar-reġim ta’ sanzjonar skont l-MAR se jneħħu piż amministrattiv żejjed u joħolqu livell aktar proporzjonat ta’ sanzjonijiet għal emittenti iżgħar (SMEs), b’hekk isibu bilanċ tajjeb bejn it-tnaqqis tal-kostijiet u l-ħtieġa primarja li jiġu ssalvagwardjati l-integrità tas-suq u l-protezzjoni tal-investituri.
•Għażla tal-istrument
Il-proposta tintroduċi emendi mmirati għar-Regolament dwar il-Prospett, l-MAR u l-MiFIR. Il-bażi ġuridika ta’ dawk ir-Regolamenti hija l-Artikolu 114(1) tat-TFUE. Għalhekk, kwalunkwe Regolament emendatorju jrid ikollu l-istess bażi ġuridika. Barra minn hekk, peress li l-emendi proposti huma bidliet fit-testi legali eżistenti, dawn jistgħu jiġu introdotti permezz ta’ Regolament Omnibus.
3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Din l-inizjattiva tiffoka fuq it-tnaqqis tal-piż regolatorju li l-emittenti jġarrbu matul il-proċess tal-elenkar u wara meta jiġu elenkati. Għalhekk, tkopri biss dawk l-aspetti fir-Regolament dwar il-Prospett u fl-MAR li l-partijiet ikkonċernati jqisu li jxekklu l-aċċess tal-kumpaniji għas-swieq pubbliċi u l-kapaċità tagħhom li jibqgħu fihom.
Sabiex jinformaw din l-inizjattiva, is-servizzi tal-Kummissjoni ġabru ammont sinifikanti ta’ data direttament minn ċentri tan-negozjar u minn emittenti (inklużi assoċjazzjonijiet tal-SMEs). It-TESG (fis-seħħ bejn Ottubru 2020 u Mejju 2021) ipprovda xi evidenza minbarra l-kontribut riċevut mill-parteċipanti fis-suq. Il-Kummissjoni kkuntrattat ukoll studju dwar is-Swieq Primarji u Sekondarji tal-Ekwità fl-UE minn Oxera f’Novembru 2020, li fih ħarsa ġenerali dettaljata ħafna lejn is-swieq kapitali tal-UE. Sorsi oħrajn użati kienu jinkludu letteratura akkademika estensiva u riċerka.
L-Anness 6 tal-valutazzjoni tal-impatt jinkludi valutazzjoni dettaljata tal-effettività, tal-effiċjenza u tal-koerenza tar-rekwiżiti tar-Regolament dwar il-Prospett, f’konformità mal-klawżola ta’ rieżami (ara l-Artikolu 48 tar-Regolament dwar il-Prospett). Barra minn hekk, l-analiżi tar-Regolament dwar il-Prospett hija bbażata fuq data pprovduta b’mod bilaterali mill-ESMA lis-servizzi tal-Kummissjoni għas-sena 2021 u fuq ir-rapporti ppubblikati tal-ESMA dwar il-prospetti approvati taż-ŻEE għas-snin 2019 u 2020. L-analiżi qieset ukoll is-sejbiet ewlenin tar-rapport tal-ESMA dwar ir-rieżami bejn il-pari tal-proċeduri ta’ skrutinju u ta’ approvazzjoni tal-prospetti mill-awtoritajiet tal-21 ta’ Lulju 2022. L-analiżi tenfasizza li r-rekwiżiti attwali tal-prospett iqiegħdu piż bla bżonn fuq l-emittenti u li l-objettivi maħsubin tar-Regolament dwar il-Prospett jistgħu jintlaħqu b’rekwiżiti li jiswew anqas għall-emittenti filwaqt li jinżamm livell adegwat ta’ protezzjoni tal-investituri.
Fl-2019-2020, l-ESMA wettqet rieżami tal-MAR u, f’Settembru 2020, wara talba formali mill-Kummissjoni, ipprovdiet il-parir tekniku tagħha fir-Rapport ta’ rieżami tal-MAR tagħha. Ir-rapport tal-ESMA huwa bbażat fuq feedback estensiv riċevut mir-rappreżentanti tal-parteċipanti fis-suq bi tweġiba għal konsultazzjoni pubblika, inkluż mill-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq. Il-konsultazzjoni pubblika ġiet ippubblikata fit-3 ta’ Ottubru 2019 u saret sa Novembru 2019: waslu 97 tweġiba minn firxa wiesgħa ta’ rispondenti (jiġifieri, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-maniġers tal-assi, l-emittenti, id-ditti legali u tal-kontabilità, u ċ-ċentri tan-negozjar). Fil-qosor, l-ESMA kkonkludiet li l-qafas tal-MAR kien qiegħed jaħdem tajjeb b’mod ġenerali u qieset li ma tkunx meħtieġa reviżjoni maġġuri tal-qafas leġiżlattiv, filwaqt li pproponiet numru ta’ aġġustamenti u ta’ kjarifiki tekniċi. Ir-rapport identifika wkoll xi oqsma li għalihom l-ESMA qieset il-gwida addizzjonali bħala ta’ benefiċċju/neċessarja.
Madankollu, uħud mill-konklużjonijiet tar-Rapport ma jaqblux mal-konklużjonijiet tas-CMU HLF u tat-TESG, kif ukoll mal-feedback li wasal mingħand il-partijiet ikkonċernati fil-kuntest tal-konsultazzjoni mmirata fuq l-Att dwar l-Elenkar u matul il-laqgħat tekniċi. L-Anness 8 tal-valutazzjoni tal-impatt jiġbor fil-qosor il-valutazzjoni mwettqa mis-servizzi tal-Kummissjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-MAR li għalihom il-konklużjonijiet tal-ESMA ma humiex allinjati mal-feedback li wasal mingħand l-esperti u l-partijiet ikkonċernati. Dan jinkludi: il-kunċett ta’ informazzjoni privileġġata u l-obbligu tal-emittenti li jiddivulgaw informazzjoni privileġġata lill-pubbliku; il-kundizzjonijiet għad-dewmien tad-divulgazzjoni; dispożizzjonijiet li jirregolaw is-sondaġġi tas-suq, listi ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata u sanzjonijiet amministrattivi. L-analiżi tkopri wkoll is-sorveljanza tal-kotba tal-ordnijiet li tkopri diversi swieq.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Fid-19 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni nediet Sejħa għal Evidenza kif ukoll konsultazzjonijiet pubbliċi u mmirati ta’ erbatax-il ġimgħa li jfittxu l-fehmiet mill-partijiet ikkonċernati dwar kif tista’ tiżdied l-attraenza ġenerali tal-elenkar fis-swieq pubbliċi fl-UE. Il-konsultazzjoni fittxet ukoll informazzjoni dwar kwalunkwe nuqqas potenzjali fil-qafas regolatorju li jiskoraġġixxi lill-kumpaniji milli jiġbru fondi permezz ta’ swieq kapitali pubbliċi. Barra minn hekk, il-konsultazzjoni għamlet mistoqsijiet speċifiċi dwar ir-Regolament dwar il-Prospett u l-MAR.
B’mod ġenerali, waslu 108 tweġibiet, mibgħutin mill-partijiet ikkonċernati minn 22 Stat Membru, mill-Istati Uniti, mir-Renju Unit u mill-Iżvizzera.
Il-maġġoranza l-kbira tar-rispondenti (72 %) kienu tal-fehma li l-kostijiet eċċessivi ta’ konformità marbuta mar-rekwiżiti regolatorji fil-fażi tal-IPO u ta’ wara l-IPO kienu fatturi pjuttost importanti jew importanti ħafna sabiex jiġi spjegat in-nuqqas ta’ attraenza tas-swieq pubbliċi tal-UE. Dan kien jinkludi l-maġġoranza l-kbira tal-emittenti, tal-Boroż, tal-investituri u xi NCAs. Diversi partijiet ikkonċernati ddikjaraw li l-piż tal-elenkar huwa simili għall-kumpaniji l-kbar u għall-SMEs, u għalhekk jagħmel il-piż sproporzjonat ħafna għal SME. Il-maġġoranza tar-rispondenti argumentaw li kemm ir-regoli tal-elenkar kif ukoll dawk ta’ wara l-elenkar iwasslu għal piż sproporzjonat mal-objettivi ta’ protezzjoni tal-investituri li dawn ir-regoli għandhom l-għan li jiksbu (52 % u 57 %, rispettivament).
B’mod ġenerali, ir-rispondenti ammettew li l-kost medju tat-tipi differenti ta’ prospetti kien diffiċli li jiġi stmat u li l-kost kien jiddependi fuq diversi fatturi inklużi t-tariffi legali, il-kostijiet tal-awditjar u l-kumplessità tan-negozju. Il-biċċa l-kbira tar-rispondenti (59 %) qiesu li l-prospett standard fil-forma attwali tiegħu ma jsibx bilanċ xieraq bejn il-protezzjoni effettiva tal-investituri u l-piż amministrattiv proporzjonat għall-emittenti, u li jenħtieġ li dan jitnaqqas b’mod sinifikanti. L-istess fehma ġiet espressa wkoll minn 44 % tar-rispondenti dwar il-Prospett UE tat-Tkabbir. Kważi nofs ir-rispondenti kienu tal-fehma li r-reġim tal-prospett għat-titoli mingħajr ekwità kien ta’ suċċess fl-iffaċilitar tal-ġbir ta’ fondi permezz tas-swieq kapitali (48 %).
Dwar il-ħruġ sekondarju, il-fehmiet tar-rispondenti kienu maqsumin. Filwaqt li maġġoranza żgħira tar-rispondenti (51 %) qiesu li jenħtieġ li r-rekwiżit tal-prospett ma jitneħħiex għall-ħruġ ta’ segwitu, minoranza sinifikanti (43 %) qieset li jenħtieġ li l-emittenti elenkati kontinwament għal tal-anqas 18-il xahar f’suq regolat jew f’suq tat-tkabbir tal-SMEs ma jkollhomx bżonn jippubblikaw prospett għall-ħruġ sussegwenti.
Fl-aħħar nett, il-biċċa l-kbira tar-rispondenti (54 %) qalu li ma kinux jaħsbu li kien hemm xi allinjament jew konverġenza fil-mod kif l-NCAs jivvalutaw il-kompletezza, il-komprensibbiltà u l-konsistenza tal-abbozzi tal-prospetti li jiġu sottomessi lilhom għall-approvazzjoni.
B’mod ġenerali, ir-rispondenti sabu li l-biċċa l-kbira tal-aspetti tar-reġim tal-MAR kurrenti kienu wisq impenjattivi. Ir-rekwiżiti l-aktar impenjattivi kienu dawk relatati mal-kunċett ta’ informazzjoni privileġġata (64 % qalu li dan kien impenjattiv ħafna jew pjuttost impenjattiv) u l-kundizzjonijiet għad-dewmien tad-divulgazzjoni (70 % tar-rispondenti qalu li dan kien impenjattiv ħafna jew pjuttost impenjattiv). Il-fehmiet tar-rispondenti kienu maqsumin, meta ġew mistoqsija jekk il-kjarifiki tal-ESMA permezz ta’ gwida dwar il-kunċett ta’ informazzjoni privileġġata jkunux biżżejjed. Madankollu, kważi nofs dawk li esprimew opinjoni xorta kienu jemmnu li l-linji gwida tal-ESMA ma jkunux biżżejjed sabiex jipprovdu l-kjarifiki neċessarji dwar il-kunċett ta’ informazzjoni privileġġata (54 %). Dawk ir-rispondenti (li kienu jinkludu rappreżentanti tal-banek, taċ-ċentri tan-negozjar, tal-emittenti, tal-intermedjarji finanzjarji u tal-NCAs) esprimew tħassib li l-gwida tal-ESMA ma tkunx effettiva fit-tneħħija tan-nuqqas ta’ ċarezza legali. Iddikjaraw li l-kunċett ta’ informazzjoni privileġġata huwa definit b’mod wiesa’ wisq u li hemm wisq informazzjoni x’tiġi ppubblikata. Skont dawn, hija meħtieġa reviżjoni tal-kunċett ta’ informazzjoni privileġġata, li tista’ ssir biss fil-kuntest tar-regolament tal-Livell 1.
Ir-rispondenti ġew mistoqsija wkoll jekk jenħtieġx li l-MAR jiddistingwi bejn kunċett ta’ informazzjoni privileġġata għall-finijiet tal-prevenzjoni ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata u kunċett ta’ informazzjoni privileġġata li jwassal għall-obbligu ta’ divulgazzjoni. Il-maġġoranza tar-rispondenti li esprimew opinjoni dwar il-kwistjoni kienu tal-fehma li jkun xieraq li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ kunċetti. Barra minn hekk, il-maġġoranza tar-rispondenti li esprimew opinjoni nnutaw li jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-informazzjoni privileġġata relatata ma’ proċess f’diversi stadji jeħtieġ li ssir pubblika biss ladarba jintlaħaq l-istadju finali, sakemm ma jkunx seħħ rilaxx malizzjuż.
Il-maġġoranza l-kbira tar-rispondenti (72 %) kienu favur livell limitu ogħla għar-rapportar tat-tranżazzjonijiet tal-maniġers skont l-Artikolu 19(8) tal-MAR. Huma ddikjaraw li żieda bħal din ma tkunx tagħmel ħsara għall-integrità tas-suq. Kien hemm ukoll kunsens fost ir-rispondenti li r-rekwiżiti dwar il-lista ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata jeħtieġ li jiġu ssimplifikati għall-emittenti kollha sabiex jiġi żgurat li tiġi inkluża biss l-aktar informazzjoni essenzjali għall-finijiet ta’ identifikazzjoni. Meta ġew mistoqsija jekk ir-rispondenti kinux iqisu li l-proposti limitati tal-ESMA sabiex tiġi emendata l-proċedura ta’ sondaġġ tas-suq kienu biżżejjed, filwaqt li jipprovdu soluzzjoni bilanċjata għall-ħtieġa li jiġi ssimplifikat il-piż u tinżamm l-integrità tas-suq, il-maġġoranza tar-rispondenti ma qablux (62,2 %).
Fl-aħħar nett, il-biċċa l-kbira tar-rispondenti (51 %) qalu li r-reġim punittiv kurrenti skont l-MAR ma kienx proporzjonat għall-objettiv imfittex mil-leġiżlazzjoni.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Matul dawn l-aħħar snin, l-aċċess tal-kumpaniji u speċjalment tal-SMEs għas-swieq pubbliċi kien il-fokus tal-evalwazzjonijiet kontinwi tal-Kummissjoni. Kwistjonijiet marbutin mal-piż regolatorju fuq il-kumpaniji meta jaċċessaw is-swieq pubbliċi tqajmu fil-kuntest tal-CMU HLF, tat-TESG u tal-Pjan ta’ Azzjoni tas-CMU tal-2020. Il-Kummissjoni qieset ukoll ir-riċerka estensiva dwar is-suġġett imwettqa fl-istudju ta’ Oxera.
Il-Kummissjoni organizzat ukoll żewġ laqgħat tekniċi/workshops mal-partijiet ikkonċernati tal-industrija f’April 2022 bil-ħsieb li tkompli tirfina l-għażliet ta’ politika li qegħdin jiġu kkunsidrati.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreżentat l-objettiv tal-proposta fil-Grupp ta’ Esperti tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli u fil-Kumitat tal-Koordinaturi għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON) tal-Parlament Ewropew.
Rakkomandazzjonijiet tal-gruppi ta’ esperti
F’Ġunju 2020, is-CMU HLF ħareġ diversi rakkomandazzjonijiet sabiex itejjeb l-ekosistema tas-suq pubbliku, ġeneralment bl-objettiv li jittaffew ir-rekwiżiti regolatorji. Mill-perspettiva tal-MAR u tar-Regolament dwar il-Prospett, ir-rakkomandazzjonijiet ikkonċentraw rispettivament fuq il-kunċett ta’ informazzjoni privileġġata, fuq l-interazzjoni bejn l-MAR u d-Direttiva dwar it-Trasparenza, il-lista ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata, it-tranżazzjonijiet tal-maniġers u s-sanzjonijiet kif ukoll il-livell limitu u t-tul tal-prospetti, l-iskadenzi u r-reġim tal-passaportar.
F’Ottubru 2020, il-Kummissjoni Ewropea nediet it-TESG. Il-Grupp kellu l-kompitu li jimmonitorja u jivvaluta l-funzjonament tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs, kif ukoll li jipprovdi għarfien espert u kontribut possibbli f’oqsma rilevanti oħrajn tal-aċċess tal-SMEs għas-swieq pubbliċi. It-TESG ikkonferma t-tħassib espress mill-partijiet ikkonċernati li hija meħtieġa aktar azzjoni leġiżlattiva sabiex tappoġġa l-elenkar tal-kumpaniji u speċjalment tal-SMEs. Fir-
rapport finali
tiegħu, ippubblikat f’Mejju 2021, it-TESG fassal 12-il rakkomandazzjoni, inkluża rakkomandazzjoni dwar il-kjarifika u r-restrinġiment tal-obbligu ta’ divulgazzjoni skont l-MAR u rakkomandazzjoni sabiex jittaffew ir-rekwiżiti tal-elenkar. Fir-rigward tar-Regolament dwar il-Prospett, it-TESG issuġġerixxa li jiġu introdotti mitigazzjonijiet dwar it-tul massimu tal-prospett (eż., permezz ta’ limitu ta’ paġni għall-prospetti tal-IPO), il-lingwa (il-possibbiltà li l-prospetti jitfasslu bl-Ingliż), il-ħruġ sekondarju u t-trasferimenti tal-elenkar (eż., l-introduzzjoni fuq bażi permanenti ta’ prospett simplifikat b’mod sinifikanti simili għall-Prospett ta’ rkupru tal-UE), id-determinazzjoni ta’ “Stat Membru domiċiljari”. Fir-rigward tal-MAR, it-TESG issuġġerixxa l-introduzzjoni ta’ mitigazzjonijiet fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, tad-definizzjoni ta’ informazzjoni privileġġata għall-finijiet ta’ divulgazzjoni, tas-sondaġġi tas-suq, tal-lista ta’ persuni b’informazzjoni privileġġjata, tat-tranżazzjonijiet tal-maniġers, u tas-sanzjonijiet.
Laqgħat tal-partijiet ikkonċernati
Is-servizzi tal-Kummissjoni organizzaw ukoll żewġ workshops tekniċi virtwali fil-bidu ta’ April 2022 ma’ rappreżentanti tal-Boroż, tal-emittenti u tal-investituri bl-għan li jkomplu jirfinaw l-għażliet ta’ politika li kienet qiegħda tikkunsidra l-Kummissjoni. Ġew organizzati diversi laqgħat bilaterali mal-partijiet ikkonċernati matul it-tħejjija ta’ din l-inizjattiva.
Laqgħat mal-esperti tal-Istati Membri
Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll l-objettiv tal-proposta fil-Grupp ta’ Esperti tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli (EGESC) fil-15 ta’ Ottubru 2021 u, għal darb’oħra, fl-istess grupp fis-17 u fit-30 ta’ Mejju 2022. Id-delegazzjonijiet li jipparteċipaw fid-diskussjoni wrew appoġġ għall-objettiv tal-Kummissjoni li ttejjeb l-attraenza tas-swieq pubbliċi tal-UE, filwaqt li tiżgura l-protezzjoni tal-investituri u l-integrità tas-suq.
Laqgħa mal-Koordinaturi tal-ECON fil-Parlament Ewropew
Il-koordinaturi tal-MPE li ħadu sehem fid-diskussjoni laqgħu t-triq ’il quddiem proposta mill-Kummissjoni fuq l-Att dwar l-Elenkar, filwaqt li rrikonoxxew il-problema bis-swieq pubbliċi tal-UE. Enfasizzaw li l-Kummissjoni jeħtieġ li ssib bilanċ tajjeb sabiex tiżgura li l-kumpaniji kollha, speċjalment l-SMEs, ikunu jistgħu jaċċessaw is-swieq pubbliċi għall-finanzjament, filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw protezzjoni adegwata għall-investituri.
•Valutazzjoni tal-impatt
Din il-proposta hija akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt li ġiet sottomessa fl-10 ta’ Ġunju 2022, ġiet diskussa fis-6 ta’ Lulju 2022 u rċiviet opinjoni pożittiva mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) – b’xi riservi – fit-8 ta’ Lulju 2022.
L-RSB talab lill-Kummissjoni temenda l-abbozz tal-valutazzjoni tal-impatt sabiex tiċċara: (i) l-artikolazzjoni u l-koerenza tal-inizjattiva tal-Att dwar l-Elenkar ma’ inizjattivi oħrajn marbutin mas-swieq kapitali; (ii) ir-riskji u l-limitazzjonijiet tal-analiżi; (iii) il-fehmiet differenti espressi minn kategoriji differenti ta’ partijiet ikkonċernati dwar id-definizzjoni tal-problema, l-għażliet u l-impatti tal-għażliet. Il-kummenti fformulati mill-Bord kienu indirizzati u integrati fil-verżjoni finali tal-valutazzjoni tal-impatt.
Il-valutazzjoni tal-impatt tiffoka fuq l-identifikazzjoni u fuq l-indirizzar ta’ ostakli regolatorji speċifiċi f’kull stadju tal-proċess tal-elenkar. Tiddiskuti l-ostakli fl-istadju ta’ qabel l-IPO li jirriżultaw mil-liġi tal-kumpaniji, b’mod partikolari, mill-fatt li elenkar ta’ ishma b’vot multiplu ma huwiex possibbli f’xi Stati Membri. Imbagħad tiffoka fuq l-ostakli fl-istadju tal-IPO li jinħolqu mir-Regolament dwar il-Prospett, b’mod partikolari mill-kostijiet għoljin tat-tfassil ta’ prospett. Fl-aħħar nett, tindirizza l-ostakli li wieħed jiltaqa’ magħhom fl-istadju ta’ wara l-IPO li jirriżultaw mill-MAR, b’mod partikolari l-kostijiet minħabba l-inċertezza legali rigward l-obbligu tal-emittenti li jiddivulgaw pubblikament informazzjoni privileġġata. Għal kull stadju tal-proċess ta’ elenkar, il-valutazzjoni tal-impatt tistabbilixxi żewġ għażliet ta’ politika alternattivi, wara li tkun analizzat l-evidenza empirika disponibbli u b’mod meħud tal-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati.
Il-valutazzjoni tal-impatt tanalizza l-għażliet fir-rigward ta’ tliet objettivi, jiġifieri jekk: (i) inaqqsux il-kostijiet regolatorji u ta’ konformità għall-kumpaniji li jfittxu li jelenkaw jew dawk li diġà huma elenkati, (ii) jiżgurawx livell suffiċjenti ta’ protezzjoni tal-investituri u ta’ integrità tas-suq, u (iii) jipprovdux lill-emittenti b’aktar inċentivi sabiex jelenkaw. Għalhekk, jenħtieġ li l-għażla ppreferuta (għal kull stadju tal-proċess ta’ elenkar) tkun kosteffiċjenti u effettiva fl-indirizzar tal-ostaklu identifikat filwaqt li jiġi ssalvagwardjat livell għoli biżżejjed ta’ protezzjoni tal-investituri u ta’ integrità tas-suq. Meta ġew identifikati u vvalutati l-għażliet ġiet ikkunsidrata l-proporzjonalità tal-miżuri għal kumpaniji iżgħar.
Filwaqt li l-emendi regolatorji stabbiliti fl-għażliet, waħedhom, ma setgħux jindirizzaw l-isfidi kollha ffaċċjati mis-swieq pubbliċi tal-UE, flimkien ma’ miżuri oħrajn ikkunsidrati bħala parti minn pjan usa’ sabiex jittejjeb l-aċċess tal-kumpaniji għas-swieq kapitali pubbliċi, huma jfittxu li jikkontribwixxu sabiex titreġġa’ lura x-xejra negattiva kurrenti fis-swieq pubbliċi tal-UE. Fin-nuqqas ta’ dak it-titjib regolatorju, is-swieq pubbliċi tal-UE jkomplu jiddependu fuq il-qafas regolatorju subottimali għall-elenkar, li min-naħa tiegħu jnaqqas l-attraenza tas-swieq pubbliċi, li jirriżulta f’kost ekonomiku għall-emittenti, għall-investituri u għall-ekonomija tal-UE kollha kemm hi. Għalhekk, ix-xenarju bażi ma jipprevedi l-ebda emenda għall-qafas leġiżlattiv li jirregola r-regoli għall-elenkar u għall-kumpaniji diġà elenkati.
Għall-istadju tal-IPO (jiġifieri r-Regolament dwar il-Prospett), l-għażla ta’ politika 1 tipproponi: (1) it-trasferiment tal-iskrutinju tad-dokumenti tal-elenkar (inkluż il-prospett) għall-Boroż, li jippermetti t-tnaqqis tal-kontenut biss f’każijiet speċifiċi (jiġifieri fil-każ ta’ elenkar fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs u għall-ħruġ sekondarju). L-għażla ta’ politika 2 tipproponi li jkun hemm prospett iqsar (jew dokument ta’ ammissjoni) fiċ-ċirkostanzi kollha u proċess ta’ skrutinju u ta’ approvazzjoni aktar simplifikat mill-NCAs. L-analiżi żvelat li l-introduzzjoni ta’ prospetti iqsar flimkien ma’ skrutinju simplifikat mill-NCAs, kif propost fl-għażla 2, tkun l-aktar mod xieraq kif jiġu indirizzati l-ostakli regolatorji identifikati.
Għall-emittenti, l-iffrankar stmat tal-kostijiet ikun jammonta għal madwar EUR 67 miljun fis-sena. Din iċ-ċifra tinkludi EUR 56 miljun għall-ħruġ primarju fi swieq regolati, EUR 2,7 miljun għall-ħruġ primarju fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs, EUR 7 miljun għall-ħruġ sekondarju ta’ titoli funġibbli u EUR 1 miljun għall-ħruġ sekondarju ta’ titoli mhux funġibbli.
L-investituri ikunu jibbenefikaw minn dokument eħfef u aktar simplifikat, li jkun aktar faċli sabiex jaqrawh u jinnavigawh. Il-format aktar standardizzat (jiġifieri, ordni fiss ta’ divulgazzjoni tat-taqsimiet tal-prospett) ikun jiffaċilita l-komprensibbiltà tal-prospetti u l-komparabbiltà tagħhom madwar l-UE. Barra minn hekk, il-possibbiltà li l-prospett jiġi ppubblikat f’format elettroniku biss tkun tippermetti l-aċċess u n-navigazzjoni tal-prospett fuq għodda ta’ appoġġ elettroniku, li llum il-ġurnata tintuża b’mod aktar komuni mill-investituri.
Il-proċess ta’ skrutinju u ta’ approvazzjoni mill-NCAs ikun aktar effiċjenti, konverġenti u simplifikat. Iffrankar addizzjonali tal-ispejjeż jirriżulta mill-fatt li l-NCAs ma jibqax ikollhom għalfejn jiskrutinizzaw u japprovaw prospetti għall-ħruġ sekondarju ta’ titoli funġibbli, li issa jkunu eżentati f’ċerti kundizzjonijiet.
Għall-istadju ta’ wara l-IPO, l-għażla politika 1 tfittex li tiċċara u tnaqqas l-obbligu ta’ divulgazzjoni skont l-MAR, ukoll billi jiġu rrieżaminati l-kundizzjonijiet għad-dewmien ta’ tali divulgazzjoni, u sabiex ir-reġim ta’ sanzjonar isir aktar proporzjonat għall-SMEs, filwaqt li l-għażla politika 2 tipproponi li tillimita d-divulgazzjoni skont l-MAR ta’ informazzjoni privileġġata għal lista magħluqa identifikata minn qabel ta’ avvenimenti. L-għażla 1 ġiet identifikata bħala l-għażla preferuta.
Il-miżuri taħt din l-għażla preferuta jkunu jtejbu ċ-ċarezza legali dwar x’għandu u x’ma għandux jiġi ddivulgat, filwaqt li jneħħu d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni li tkun preliminari wisq. Min-naħa tiegħu, dan jimplika tnaqqis fil-piż għall-kumpaniji elenkati billi jiġu limitati l-ammont ta’ żmien u l-kostijiet, inklużi t-tariffi tal-konsulenti esterni, li bħalissa jintefqu sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligu ta’ divulgazzjoni. Dan jista’ jillimita wkoll ir-rikors tal-emittenti għal divulgazzjoni mdewma. Għall-emittenti, it-tnaqqis fil-kostijiet diretti u indiretti huwa dovut għaċ-ċarezza addizzjonali meta jiġi vvalutat jekk ċerta biċċa informazzjoni tikkwalifikax bħala informazzjoni privileġġata f’każ/avveniment speċifiku. It-tnaqqis stmat fil-kostijiet annwali tal-konformità jammonta għal madwar EUR 89 miljun, diżaggregati f’EUR 24,6 miljun għall-SMEs u f’EUR 64,6 miljun għal dawk li ma humiex SMEs. L-emendi mmirati għar-regoli dwar id-divulgazzjoni mdewma jistgħu wkoll inaqqsu l-kostijiet għall-kumpaniji bi EUR 11-il miljun, li minnhom EUR 1 miljun għall-SMEs u EUR 10 miljun għal dawk li ma humiex SMEs.
L-investituri jibbenefikaw mit-tneħħija ta’ divulgazzjonijiet mhux neċessarji (jew saħansitra qarrieqa) u minn żieda fiċ-ċertezza legali fir-rigward tal-informazzjoni li l-emittenti jkunu mistennijin jiddivulgaw. Dan ikun jevita l-kostijiet (inklużi l-kostijiet tal-opportunità) marbutin ma’ deċiżjonijiet subottimali meħudin mill-investituri fuq il-bażi ta’ informazzjoni divulgata qabel iż-żmien.
L-NCAs ikunu jibbenefikaw minħabba s-superviżjoni simplifikata tal-konformità mal-obbligi ta’ divulgazzjoni, li tkun twassal għal tnaqqis tal-piż amministrattiv. Din l-għażla tnaqqas ukoll il-kostijiet amministrattivi mġarrbin mill-NCAs meta jirrieżaminaw in-notifiki ta’ dewmien riċevuti mill-emittenti, peress li dawn tal-aħħar ikollhom anqas bżonn idewmu d-divulgazzjoni.
Fl-aħħar nett, l-effetti fuq il-Boroż huma preżunti li jkunu limitati taħt iż-żewġ għażliet preferuti. Madankollu, il-Boroż jibbenefikaw maż-żmien minn żieda gradwali fil-kumpaniji li jfittxu l-ammissjoni għan-negozjar fuqhom, minħabba l-mitigazzjonijiet regolatorji u l-attraenza akbar tal-elenkar pubbliku.
Din il-proposta tikkontribwixxi għall-aġenda tas-CMU u għall-objettiv tagħha li tiddiversifika l-finanzjament tal-kumpaniji tal-UE kif ukoll li tiżgura l-iżvilupp u l-integrazzjoni ulterjuri tas-swieq kapitali fl-UE. Il-miżuri regolatorji proposti f’din l-inizjattiva huma mistennijin ikollhom impatt fuq il-kumpaniji kollha fl-UE, u b’mod partikolari fuq l-SMEs, li huma aktar skoperti għall-piż regolatorju minn kumpaniji akbar b’kapaċità akbar ta’ assorbiment tal-kostijiet.
F’termini ta’ konsegwenzi usa’, il-proposta ma hijiex mistennija jkollha impatt soċjali dirett. Madankollu, jista’ jkun hemm impatt indirett pożittiv fuq l-impjiegi minħabba aċċess aħjar għall-finanzjament mill-kumpaniji, li jippermetti lid-ditti jinnovaw u jikbru aktar malajr u jimpjegaw persunal sabiex jilħqu dawk l-objettivi. Peress li l-inizjattiva timmira b’mod partikolari lejn l-SMEs (b’xi miżuri indirizzati direttament fihom), l-impatt (indirett) fuq l-impjiegi x’aktarx li jkun partikolarment rilevanti. Illum, l-SMEs fl-UE jipprovdu għall-impjieg ta’ madwar 100 miljun persuna, jirrappreżentaw aktar minn nofs il-PDG tal-UE u għandhom rwol importanti fiż-żieda tal-valur f’kull settur tal-ekonomija. Ta’ min isemmi li dawn jirrappreżentaw 99,8 % tal-kumpaniji tal-UE.
L-ebda impatt ambjentali dirett u l-ebda ħsara sinifikanti, la diretta u lanqas indiretta, ma huma mistennijin jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ din il-proposta. Madankollu, numru ta’ kumpaniji elenkati fis-swieq pubbliċi jistgħu jinvolvu rwieħhom fir-riċerka u fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Aċċess imtejjeb għall-finanzjament jippermetti lil dawn il-kumpaniji jikbru b’pass aktar mgħaġġel u jallokaw aktar riżorsi finanzjarji għall-programmi ta’ R&Ż li jistgħu jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Il-proposta tista’ wkoll taffettwa b’mod pożittiv, għalkemm marġinalment, il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), b’mod partikolari l-SDG 8 (xogħol deċenti u tkabbir ekonomiku) u l-SDG 9 (industrija, innovazzjoni, u infrastruttura).
Fl-aħħar nett, b’mod ġenerali din il-proposta ma hijiex mistennija jkollha impatt serju fuq id-diġitalizzazzjoni. Madankollu, il-possibbiltà skont ir-Regolament dwar il-Prospett li jintalbu prospetti f’format stampat qiegħda titneħħa b’din il-proposta, u b’hekk tiġi promossa d-diġitalizzazzjoni tal-proċess ta’ elenkar. Barra minn hekk, is-CMOBS se jippermetti skambju awtomatiku ta’ data dwar il-kotba tal-ordnijiet fost l-NCAs li jtejjeb il-kooperazzjoni għall-finijiet ta’ sorveljanza permezz ta’ mezzi diġitali.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Il-pakkett ġenerali tal-Att dwar l-Elenkar huwa mistenni jġib iffrankar annwali fl-ispejjeż amministrattivi ta’ madwar EUR 167 miljun għall-emittenti, inklużi l-SMEs. Huwa mistenni li l-NCAs ikunu jistgħu jnaqqsu l-kostijiet tagħhom minħabba li rekwiżiti aktar sempliċi u aktar ċari se jagħmluha possibbli li l-attivitajiet superviżorji tagħhom jitwettqu b’mod aktar effiċjenti. L-investituri jibbenefikaw ukoll mill-bidliet regolatorji previsti, peress li l-informazzjoni korporattiva (fil-mument tal-elenkar u wara dan) issir iqsar, aktar puntwali u aktar faċli sabiex tiġi nnavigata. Huwa mistenni li jkun hemm biss kostijiet ta’ aġġustament żgħar li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-proposta għall-emittenti u għall-NCAs.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, b’mod partikolari l-libertà ta’ intrapriża (l-Artikolu 16) u l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-konsumatur (l-Artikolu 38). Minħabba li din l-inizjattiva timmira li ttaffi l-piż amministrattiv imqiegħed fuq l-emittenti, tgħin sabiex ittejjeb id-dritt li jitwettaq negozju liberament. Jenħtieġ li l-emendi ppjanati fir-Regolament dwar il-Prospett u fl-MAR ma jkollhom l-ebda impatt negattiv fuq il-protezzjoni tal-konsumatur, għaliex dawn it-tibdiliet immirati huma mfasslin b’tali mod li jippreserva livell għoli ta’ integrità tas-suq u ta’ protezzjoni tal-investituri.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
L-inizjattiva ma hijiex mistennija jkollha xi impatt kbir fuq il-baġit tal-UE. L-infrastruttura tal-ICT li tiffaċilita l-iskambju fost l-NCAs ta’ data dwar il-kotba tal-ordnijiet li tkopri diversi swieq għall-finijiet ta’ sorveljanza tas-suq (data tas-CMOBS) skont l-MAR hija mistennija tiswa madwar EUR 400 000 f’kostijiet ta’ darba, b’kostijiet operatorji annwali ta’ EUR 200 000. Din l-għodda tas-CMOBS tinbena mill-NCAs, potenzjalment bħala ftehim ta’ delega kif permess mill-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jista’ jiġi organizzat bejn l-NCAs u l-ESMA. Għalhekk, ma tkunx iffinanzjata mill-baġit tal-UE iżda mill-NCAs, li jibnu fuq is-sistema eżistenti tal-Mekkaniżmu għall-Iskambju ta’ Rapportar tat-Tranżazzjonijiet li ġiet stabbilita skont id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (MiFID I) permezz ta’ proġett delegat.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Il-monitoraġġ tal-impatt tar-Regolament emendat dwar il-Prospett se jitwettaq f’kooperazzjoni mal-ESMA u mal-NCAs fil-kuntest tar-rapporti annwali dwar il-prospetti approvati fl-UE, li l-ESMA għandha s-setgħa li tipproduċi kull sena. Barra minn hekk, fi żmien 5 snin il-Kummissjoni se tivvaluta l-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Prospett u jekk il-prospetti differenti jkunux għadhom xierqa sabiex jintlaħqu l-objettivi tar-Regolament. Meta tagħmel il-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ssib bilanċ xieraq bejn il-kisba tal-protezzjoni tal-investituri u l-minimizzazzjoni tal-piż regolatorju għall-kumpaniji.
Il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll l-applikazzjoni tal-MAR wara 5 snin u tirrapporta dwar l-effetti ta’ din ir-riforma, b’mod partikolari dwar id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni privileġġata u l-mekkaniżmu għall-iskambju ta’ data dwar il-kotba tal-ordnijiet.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-Artikolu 1 – emendi għar-Regolament dwar il-Prospett
Eżenzjonijiet għall-ħruġ sekondarju ta’ titoli funġibbli ma’ titoli ammessi għan-negozjar f’suq regolat jew f’suq tat-tkabbir tal-SMEs.
L-Artikolu 1(5)(a) tar-Regolament dwar il-Prospett jistabbilixxi eżenzjoni mill-obbligu li jiġi ppubblikat prospett għall-ammissjoni għan-negozjar f’suq regolat ta’ titoli funġibbli ma’ titoli diġà ammessi għan-negozjar fl-istess suq regolat, dment li t-titoli ammessi ġodda jirrappreżentaw, fuq perjodu ta’ 12-il xahar, anqas minn 20 % tan-numru ta’ titoli diġà ammessi għan-negozjar fl-istess suq regolat. Il-proposta temenda l-Artikolu 1(4) u 1(5) sabiex tistabbilixxi li din l-eżenzjoni tapplika kemm għall-offerta ta’ titoli lill-pubbliku kif ukoll għall-ammissjoni għan-negozjar tat-titoli kkonċernati. Il-proposta testendi wkoll din l-eżenzjoni għal kumpaniji li kellhom titoli nnegozjati f’suq tat-tkabbir tal-SMEs kontinwament għal tal-anqas l-aħħar 18-il xahar qabel l-offerta jew l-ammissjoni għan-negozjar tat-titoli kkonċernati u żżid il-limitu minn 20 % għal 40 %.
Barra minn hekk, il-proposta temenda l-Artikolu 1(4) u 1(5) sabiex tintroduċi eżenzjoni ġdida mir-rekwiżit tal-prospett. Permezz ta’ eżenzjoni ġdida bħal din, il-kumpaniji li joħorġu titoli funġibbli ma’ titoli diġà ammessi għan-negozjar f’suq regolat jew f’suq tat-tkabbir tal-SMEs, inklużi kumpaniji li jittrasferixxu minn suq tat-tkabbir tal-SMEs għal suq regolat, ma humiex meħtieġa jfasslu u jippubblikaw prospett. Minflok, dawn il-kumpaniji huma meħtieġa jippubblikaw u jippreżentaw lill-NCA dokument sommarju qasir li jinkludi dikjarazzjoni ta’ konformità mal-obbligi ta’ rapportar u ta’ trasparenza kontinwi u perjodiċi u jagħtu d-dettalji dwar l-użu tar-rikavati u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, li għadha ma ġietx divulgata pubblikament. Jiddaħħal Anness IX ġdid fir-Regolament dwar il-Prospett sabiex jiġi ċċarat liema informazzjoni għandha tiġi inkluża fid-dokument sommarju.
Madankollu, l-eżenzjoni l-ġdida ma tapplikax għall-ħruġ sekondarju ta’ titoli li ma humiex funġibbli ma’ titoli diġà ammessi għan-negozjar u għall-ħruġ sekondarju minn kumpaniji li jinsabu f’diffikultà finanzjarja jew li għaddejjin minn trasformazzjoni sinifikanti, bħal bidla fil-kontroll li tirriżulta minn akkwiżizzjoni, minn fużjoni, jew minn diviżjoni. F’każijiet bħal dawn, l-emittenti huma obbligati jfasslu u jippubblikaw prospett ġdid f’forma qasira: il-Prospett ta’ Segwitu tal-UE (ara l-punt hawn taħt).
Meta mqabbla mal-eżenzjoni attwalment stabbilita fl-Artikolu 1(5)(a), l-eżenzjoni l-ġdida għandha kamp ta’ applikazzjoni usa’ (eż., l-ebda limitu ta’ perċentwali, l-ebda rekwiżit li t-titoli l-ġodda jiġu ammessi għan-negozjar fl-istess suq) u hija soġġetta għal salvagwardji speċifiċi sabiex jiġu protetti l-investituri (eż., ir-rekwiżit li jiġi ppubblikat dokument sommarju).
Jitħassru d-dispożizzjonijiet relatati mal-eżenzjonijiet eżistenti mill-prospett li jsiru żejda.
Livell limitu armonizzat għall-eżenzjoni ta’ offerti żgħar ta’ titoli lill-pubbliku mir-rekwiżit li jiġi ppubblikat prospett.
Jitħassar l-Artikolu 1(3) tar-Regolament dwar il-Prospett, li jistabbilixxi livell limitu ta’ EUR 1 miljun li taħtu ma japplikax ir-Regolament.
L-Artikolu 3(2) tar-Regolament dwar il-Prospett huwa emendat sabiex jistabbilixxi livell limitu armonizzat uniku ta’ EUR 12-il miljun li taħtu l-offerti ta’ titoli lill-pubbliku li ma jeħtiġux passaport huma eżentati mir-rekwiżit tal-prospett (livell limitu bbażat fuq il-korrispettiv totali tal-offerti aggregati magħmulin mill-istess emittent fl-Unjoni fuq perjodu ta’ 12-il xahar). Madankollu, l-emittenti huma permessi jfasslu prospett fuq bażi volontarja. Barra minn hekk, huwa speċifikat li l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu dokumenti ta’ divulgazzjoni nazzjonali għal offerti ta’ titoli lill-pubbliku ta’ anqas minn EUR 12-il miljun, dment li d-divulgazzjonijiet nazzjonali ma jikkostitwixxux piż sproporzjonat.
Prospett aktar standardizzat u simplifikat għall-ħruġ primarju ta’ titoli offruti lill-pubbliku jew ammessi għan-negozjar f’suq regolat.
Il-proposta temenda l-Artikoli 6(2) u 7 sabiex tintroduċi format u sekwenza standardizzati tal-prospett kif ukoll tas-sommarju tal-prospett (jiġifieri ordni fiss ta’ divulgazzjoni tal-informazzjoni li tinsab fih). Barra minn hekk, il-proposta tintroduċi limitu ta’ paġni (300) għall-prospetti tal-IPO tal-ishma u tiċċara liema informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fi ħdan il-prospett ma taqax taħt il-limitu ta’ paġni.
Is-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati sabiex tistabbilixxi l-format u l-kontenut tal-prospett hija emendata kif xieraq (l-Artikolu 13(1) u l-Annessi I sa III tar-Regolament dwar il-Prospett). Barra minn hekk, huwa ċċarat li jenħtieġ li dawk l-atti delegati jikkunsidraw ukoll (i) għall-emittenti ta’ titoli ta’ ekwità, jekk l-emittenti humiex soġġetti għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà skont id-Direttiva li ġejja fuq ir-Rapportar dwar is-Sostenibbiltà Korporattiva, u (ii) għall-emittenti ta’ titoli mingħajr ekwità, kemm jekk dawk it-titoli mingħajr ekwità jiġu kkummerċjalizzati bħala li jqisu l-fatturi tal-ESG jew inkella jsegwu l-objettivi tal-ESG.
Titjib addizzjonali fl-effiċjenza u fl-effettività tar-rekwiżiti tal-prospett qed jinkiseb permezz tal-emendi għall-Artikolu 16 (sabiex jiġu ssimplifikati l-fatturi ta’ riskju), għall-Artikolu 19 (sabiex l-inkorporazzjoni b’referenza ssir obbligatorja), għall-Artikolu 21 (sabiex titneħħa l-possibbiltà għall-investituri li jitolbu kopji stampati tal-prospett) u għall-Artikolu 27 (sabiex jiġi żgurat li l-emittenti jkunu jistgħu jfasslu l-prospett bl-Ingliż biss, ħlief għas-sommarju).
Is-sostituzzjoni tar-reġim ta’ divulgazzjoni simplifikat għall-ħruġ sekondarju u l-Prospett ta’ rkupru tal-UE (li dalwaqt se jiskadi) ma’ Prospett ta’ segwitu tal-UE ġdid.
Il-proposta tintroduċi Prospett ta’ segwitu tal-UE ġdid li jissostitwixxi, fuq bażi permanenti (għal titoli ta’ ekwità u mingħajr ekwità), il-prospett simplifikat għall-ħruġ sekondarju. Għalhekk, ir-reġim ta’ divulgazzjoni ssimplifikat għall-ħruġ sekondarju (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar il-Prospett) huwa mħassar. Ġew introdotti dispożizzjonijiet ta’ anterjorità għall-prospetti simplifikati għall-ħruġ sekondarju approvat qabel ir-revoka (l-Artikolu 50(1) il-ġdid tar-Regolament dwar il-Prospett). Ir-reġim tal-Prospett ta’ rkupru tal-UE (l-Artikoli 7(12a), 14a, 20(6a), 47a u l-Anness V tar-Regolament dwar il-Prospett) se jkun skada fil-31 ta’ Diċembru 2022.
Ir-reġim għall-Prospett ta’ segwitu tal-UE huwa stabbilit fl-Artikoli l-ġodda 7(12b), 14b, 20(6b), 21(5b) u fl-Annessi IV u V tar-Regolament dwar il-Prospett. Dan ir-reġim japplika għall-ħruġ sekondarju li ma jaqax taħt eżenzjoni (eż., meta ma jkunx issodisfat il-kriterju ta’ funġibilità). Madankollu, l-emittenti jistgħu, fuq bażi volontarja, ifasslu u jippubblikaw Prospett ta’ segwitu tal-UE anki fil-każ ta’ ħruġ sekondarju li jaqa’ taħt waħda mill-eżenzjonijiet. L-emittenti huma permessi wkoll li jfasslu tipi oħrajn ta’ prospetti għall-ħruġ sekondarju (eż., l-emittenti frekwenti jistgħu jużaw prospett standard li jinkludi URD jew, għal titoli mingħajr ekwità, prospett bażi).
Il-Prospett ta’ segwitu tal-UE jsegwi format u sekwenza standardizzati, huwa soġġett għal limitu ta’ paġni fil-każ ta’ ħruġ sekondarju ta’ ishma u jista’ jitfassal b’lingwa abitwali fl-isfera tal-finanzi internazzjonali (ħlief għas-sommarju).
Is-sostituzzjoni tal-Prospett UE tat-Tkabbir b’Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE ġdid.
Il-proposta tintroduċi Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE ġdid, li jissostitwixxi, fuq bażi permanenti, il-Prospett UE tat-Tkabbir. Għalhekk, ir-reġim tal-Prospett UE tat-Tkabbir stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament dwar il-Prospett huwa mħassar. Ġew introdotti dispożizzjonijiet ta’ anterjorità għall-Prospetti UE tkabbir approvati qabel ir-revoka (l-Artikolu 50(2) il-ġdid tar-Regolament dwar il-Prospett).
Ir-reġim il-ġdid għad-Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE huwa stabbilit fl-Artikoli l-ġodda 7(12b), 15a, 21(5c) u fl-Annessi VII u VIII tar-Regolament dwar il-Prospett. Skont l-emendi proposti, it-tfassil u l-pubblikazzjoni ta’ Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE huma obbligatorji, ħlief meta tapplika eżenzjoni mill-obbligu li jiġi ppubblikat prospett, għal offerti ta’ titoli lill-pubbliku minn ċerti kategoriji identifikati ta’ offerenti, li jinkludu SMEs u emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi jew li għandhom jiġu ammessi għan-negozjar f’suq tat-tkabbir tal-SMEs, dment li ma jkollhomx diġà titoli ammessi għan-negozjar f’suq regolat. Madankollu, fil-każ ta’ ħruġ sekondarju, l-SMEs u l-emittenti fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs xorta jistgħu jagħżlu li jfasslu Prospett ta’ segwitu tal-UE għal offerta ta’ titoli lill-pubbliku, dment li jkollhom titoli diġà ammessi għan-negozjar f’suq tat-tkabbir tal-SMEs kontinwament għal tal-anqas l-aħħar 18-il xahar u li ma jkollhom l-ebda titolu ammess għan-negozjar f’suq regolat.
Id-Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE jsegwi format u sekwenza standardizzati, huwa soġġett għal limitu ta’ paġni fil-każ ta’ offerti lill-pubbliku ta’ ishma u jista’ jitfassal b’lingwa abitwali fl-isfera tal-finanzi internazzjonali (ħlief għas-sommarju).
Tissimplifika u ttejjeb il-konverġenza tal-iskrutinju u l-approvazzjoni tal-prospett mill-NCAs.
Il-proposta temenda l-Artikolu 20(11) sabiex il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tispeċifika f’atti delegati: i) meta awtorità kompetenti titħalla tuża kriterji addizzjonali għall-iskrutinju tal-prospett u t-tip ta’ informazzjoni addizzjonali li tista’ tkun meħtieġa f’dawk iċ-ċirkostanzi; ii) il-perjodu ta’ żmien massimu għal awtorità kompetenti sabiex tiffinalizza l-iskrutinju tal-prospett u tasal għal deċiżjoni dwar jekk dak il-prospett huwiex approvat jew jekk l-approvazzjoni tkunx miċħuda u l-proċess ta’ rieżami tterminat; iii) il-konsegwenzi għal awtorità kompetenti li tonqos milli tieħu deċiżjoni dwar il-prospett fi ħdan il-limiti ta’ żmien stabbiliti fir-Regolament dwar il-Prospett.
Barra minn hekk, il-proposta temenda l-Artikolu 20(13) sabiex jirrikjedi li l-ESMA twettaq rieżami bejn il-pari wieħed dwar l-iskrutinju u l-approvazzjoni tal-prospetti tal-anqas kull 3 snin.
Isiru permanenti l-emendi introdotti mis-CMRP u tiċċara aktar ir-regoli dwar is-supplimenti.
L-Artikolu 23 huwa emendat sabiex jagħmel permanenti l-bidliet introdotti mis-CMRP. Barra minn hekk, l-Artikolu 23 huwa emendat sabiex jiċċara li, fil-każ ta’ pubblikazzjoni ta’ suppliment għall-prospett, l-intermedjarju finanzjarju jkun meħtieġ jinforma biss lil dawk l-investituri li huma klijenti ta’ dak l-intermedjarju finanzjarju u qablu li jiġu kkuntattjati b’mezzi elettroniċi (tal-anqas sabiex jirċievu l-informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni ta’ suppliment).
Reviżjoni tar-reġim ta’ ekwivalenza skont l-Artikoli 29 u 30 għall-prospetti ta’ pajjiżi terzi sabiex ikun jista’ jitħaddem.
Fl-Artikolu 29 ġew introdotti kundizzjonijiet addizzjonali sabiex ir-reġim ta’ ekwivalenza jkun jista’ jitħaddem. Barra minn hekk, l-approvazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari ta’ prospett imfassal skont il-liġijiet ta’ pajjiż terz hija sostitwita bis-sempliċi preżentazzjoni lil dik l-awtorità kompetenti. Fl-aħħar nett, huma stabbiliti kriterji ġenerali ta’ ekwivalenza u l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati sabiex tispeċifika dawk il-kriterji ulterjorment.
L-Artikolu 30 huwa emendat ukoll sabiex jagħti lill-ESMA l-kompitu li tistabbilixxi arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-awtorità superviżorja tal-pajjiż terz ikkonċernat u l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tiddefinixxi l-kontenut minimu ta’ dawk l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni.
Emendi addizzjonali.
Il-livell limitu ta’ EUR 150 miljun sabiex jiġu eżentati offerti ta’ titoli mingħajr ekwità maħruġin b’mod kontinwu u ripetut mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu introdott mis-CMRP fl-Artikolu 1(4), il-punt (j), u 1(5), l-ewwel subparagrafu, il-punt (i), isir permanenti.
Barra minn hekk, il-proposta tissimplifika u ttaffi r-reġim tal-URD billi tagħmilha possibbli li d-dokument jitfassal bl-Ingliż biss u li jingħata l-istatus ta’ emittent frekwenti wara sena ta’ approvazzjoni minflok sentejn (ara l-emendi għall-Artikolu 9(2), it-tieni subparagrafu).
Il-proposta tnaqqas ukoll minn sitt ijiem għal tlett ijiem il-perjodu minimu bejn il-pubblikazzjoni ta’ prospett u t-tmiem ta’ offerta ta’ ishma sabiex jiġu ffaċilitati proċessi rapidi ta’ book-building (speċjalment fi swieq li jinbidlu malajr) u tiżdied l-attraenza tal-inklużjoni ta’ investituri fil-livell tal-konsumatur fl-IPOs.
Fl-aħħar nett, il-proposta temenda l-Artikolu 47 (rapport annwali tal-ESMA dwar il-prospetti) sabiex jinkludi l-Prospett ta’ segwitu tal-UE l-ġdid u d-Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE, kif ukoll l-eżenzjoni l-ġdida għall-ħruġ sekondarju ta’ titoli funġibbli ma’ titoli diġà ammessi għan-negozjar f’suq regolat jew f’suq tat-tkabbir tal-SMEs.
Huma stabbiliti skedi taż-żmien ġodda għar-rieżami tar-Regolament dwar il-Prospett (l-Artikolu 48) u huma introdotti emendi għall-oqsma ewlenin li l-Kummissjoni hija meħtieġa tivvaluta (filwaqt li jitqiesu l-emendi introdotti minn dan ir-Regolament).
Artikolu 2 – Emendi għall-MAR
Ir-restrinġiment tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ divulgazzjoni tal-informazzjoni privileġġata u t-titjib taċ-ċarezza legali dwar liema informazzjoni jeħtieġ li tiġi ddivulgata u meta.
Il-proposta tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ divulgazzjoni stabbilit fl-Artikolu 17(1) fil-każ tal-hekk imsejjaħ proċess fit-tul (jiġifieri avvenimenti f’diversi stadji, bħal fużjoni) billi tistabbilixxi li l-obbligu ta’ divulgazzjoni ma jkoprix il-passi intermedji ta’ dak il-proċess. B’mod partikolari, l-emittenti huma obbligati jiddivulgaw biss l-informazzjoni relatata mal-avveniment li jkun maħsub sabiex jitlesta proċess fit-tul.
Peress li l-proposta ma tbiddilx il-kunċett ta’ informazzjoni privileġġata stabbilit fl-Artikolu 7, il-projbizzjoni ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata tkompli tiġi skattata wkoll minn pass intermedju ta’ proċess fit-tul li jikkwalifika bħala informazzjoni privileġġata. Fl-istess ħin, il-proposta tintroduċi obbligu għall-emittenti sabiex jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni privileġġata (soġġetta għall-projbizzjoni fuq l-abbuż minn informazzjoni privileġġata) sal-mument tad-divulgazzjoni u sabiex jiddivulgaw minnufih it-tali informazzjoni privileġġata lill-pubbliku fil-każ ta’ rilaxx malizzjuż.
Fl-aħħar nett, il-proposta ttejjeb iċ-ċarezza legali dwar liema informazzjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ divulgazzjoni kif ukoll it-twaqqit tad-divulgazzjoni billi tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta att delegat sabiex tistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ informazzjoni rilevanti flimkien mal-indikazzjoni (għal kull biċċa informazzjoni) tal-mument meta tkun mistennija sseħħ id-divulgazzjoni.
Kjarifika tal-kundizzjonijiet li fihom l-emittenti jistgħu idewmu d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni privileġġata u jimmodifikaw it-twaqqit tan-notifika tad-dewmien lill-NCA
Il-proposta temenda l-Artikolu 17(4) sabiex tissostitwixxi l-kundizzjoni ġenerali li jenħtieġ li d-dewmien ma jqarraqx bil-pubbliku b’lista ta’ kundizzjonijiet speċifiċi li trid tissodisfa l-informazzjoni privileġġata li l-emittent ikollu l-ħsieb li jdewwem. Barra minn hekk, it-twaqqit tan-notifika tad-dewmien lill-NCA jitmexxa għall-mument immedjatament wara li tittieħed id-deċiżjoni ta’ dewmien tad-divulgazzjoni mill-emittent (minflok il-mument immedjatament wara li l-informazzjoni tiġi ddivulgata lill-pubbliku). Madankollu, il-proposta ma timponi l-ebda obbligu fuq l-NCAs sabiex jawtorizzaw id-dewmien.
Kjarifika tan-natura ta’ sfera ta’ sikurezza tal-proċedura ta’ sondaġġ tas-suq.
L-Artikolu 11 jirregola l-interazzjonijiet bejn bejjiegħ ta’ strumenti finanzjarji u investitur potenzjali wieħed jew aktar, qabel ma titħabbar tranżazzjoni, imwettqa sabiex jitkejjel l-interess ta’ investituri potenzjali fi tranżazzjoni possibbli u l-ipprezzar, id-daqs u l-istrutturar tagħha (l-hekk imsejjaħ “sondaġġ tas-suq”). Il-proposta temenda l-Artikolu 11 sabiex jiċċara li r-reġim ta’ sondaġġ tas-suq u r-rekwiżiti rilevanti huma biss għażla għall-parteċipanti fis-suq li jiddivulgaw (DMPs) sabiex jibbenefikaw mill-protezzjoni kontra l-allegazzjoni ta’ divulgazzjoni illegali ta’ informazzjoni privileġġata (“sfera ta’ sikurezza”). Minn dan isegwi li d-DMPs li jagħżlu li jwettqu sondaġġi tas-suq f’konformità ma’ ċerti rekwiżiti ta’ informazzjoni u ta’ żamma tar-rekords jingħataw protezzjoni sħiħa kontra l-allegazzjoni ta’ divulgazzjoni illegali ta’ informazzjoni privileġġata. Id-DMPs li jagħżlu li jwettqu sondaġġi tas-suq mingħajr ma jikkonformaw mar-rekwiżiti msemmijin ma jistgħux jieħdu vantaġġ mill-protezzjoni mogħtija lil dawk li jkunu kkonformaw. Madankollu, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, ma hemm l-ebda preżunzjoni li d-DMPs iddivulgaw informazzjoni privileġġata b’mod illegali.
Fl-istess ħin, sabiex tiġi żgurata l-possibbiltà għall-NCAs li jiksbu rendikont tal-entrati ta’ proċess li jista’ jimplika d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni privileġġata lil partijiet terzi, il-proposta tispeċifika li d-DMPs kollha (irrispettivament minn jekk għandhomx l-intenzjoni li jibbenefikaw mill-isfera ta’ sikurezza jew le) għandhom jikkunsidraw, qabel ma jwettqu sondaġġi tas-suq u matul il-proċess kull meta jiddivulgaw l-informazzjoni, jekk tali proċess jinvolvix informazzjoni privileġġata. Jeħtiġilhom iżommu wkoll rekord bil-miktub tal-konklużjonijiet u tar-raġunijiet u jipprovduh lill-NCA fuq talba tagħha.
Fl-aħħar nett, id-definizzjoni ta’ sondaġġ tas-suq hija estiża sabiex tinkludi wkoll każijiet li fihom tranżazzjoni ma titħabbarx eventwalment.
Simplifikazzjoni tar-reġim tal-listi ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata għall-emittenti kollha li jibni fuq il-mitigazzjonijiet introdott mir-Regolament (UE) 2019/2115.
Il-proposta temenda l-Artikolu 18 sabiex testendi l-mitigazzjonijiet introdotti għar-reġim tal-listi ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata mir-Regolament (UE) 2019/2115 għall-emittenti fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs għall-emittenti kollha (inklużi dawk fi swieq regolati). B’mod partikolari, il-proposta teħtieġ li l-emittenti jfasslu u jżommu lista anqas impenjattiva ta’ “persuni permanenti b’informazzjoni privileġġata”. Din il-lista tinkludi l-persuni kollha li għandhom aċċess regolari għal informazzjoni privileġġata marbuta ma’ dak l-emittent minħabba l-funzjoni jew il-kariga tagħhom fi ħdan l-emittent (bħal membri ta’ korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji, eżekuttivi li jieħdu deċiżjonijiet maniġerjali li jaffettwaw l-iżviluppi futuri u l-prospetti tan-negozju tal-emittenti u persunal amministrattiv li għandu aċċess regolari għal informazzjoni privileġġata). Din il-lista se tkun aktar faċli sabiex tiġi prodotta mill-emittenti filwaqt li xorta se tkun sinifikattiva għall-investigazzjonijiet tal-NCAs dwar każijiet ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata.
Din il-mitigazzjoni se tingħata biss lil emittenti u hija mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta’ persuni li jaġixxu f’isimhom jew għan-nom tagħhom (bħal kontabilisti, avukati, aġenziji tal-klassifikazzjoni) sabiex ifasslu, jaġġornaw u jipprovdu lill-NCA fuq talba tagħha l-lista ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata tagħhom stess. Fl-istess ħin, għall-emittenti li t-titoli tagħhom ikunu ġew ammessi għan-negozjar f’suq regolat għal tal-anqas l-aħħar 5 snin, il-proposta tippermetti lill-Istati Membri jagħżlu li ma jipparteċipawx u tirrikjedi t-tfassil u ż-żamma ta’ “lista sħiħa ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata” meta din tkun ġustifikata minħabba tħassib dwar l-integrità tas-suq. Din il-lista tinkludi l-persuni kollha li għandhom aċċess għal informazzjoni privileġġata, kif inhu l-każ bħalissa.
Fl-aħħar nett, il-proposta tintroduċi aktar emendi tekniċi żgħar għad-diżakkoppjament tal-obbligu tal-emittent u tal-persuni li jaġixxu f’ismu jew għan-nom tiegħu sabiex jitolbu lill-persuni inklużi fil-lista ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata jirrikonoxxu d-dmirijiet legali u regolatorji tagħhom mid-dmir ta’ dawk il-persuni li jirrikonoxxu t-tali dmirijiet. Tiċċara wkoll li r-rikonoxximent għandu jsir f’mezz li jservi għal żmien twil (minflok bil-miktub).
Jiżdied il-livell limitu li ’l fuq minnu l-maniġers għandhom jinnotifikaw it-tranżazzjonijiet tagħhom u jitwessa' l-ambitu tat-tranżazzjonijiet eżentati matul il-perjodu ta’ għeluq.
Il-proposta temenda l-Artikolu 19 sabiex iżżid minn EUR 5 000 għal EUR 20 000 il-livell limitu li fuqu t-tranżazzjonijiet imwettqin minn Persuni li Jwettqu Responsabbiltajiet Maniġerjali (PDMRs) u Persuni Assoċjati mill-Qrib f’isimhom stess u b’rabta mal-ishma jew mal-istrumenti ta’ dejn ta’ dak l-emittent jew ma’ derivattivi jew ma’ strumenti finanzjarji oħrajn marbutin magħhom għandhom jiġu nnotifikati lill-emittent u lill-NCA. Il-livell limitu kurrenti ta’ 5 000 huwa baxx wisq u huwa fl-oriġini tad-divulgazzjoni ta’ tranżazzjonijiet mhux sinifikattivi. Il-proposta tgħolli wkoll minn EUR 20 000 għal EUR 50 000 il-valur li għalih l-NCAs jistgħu jiddeċiedu li jżidu l-livell limitu li japplika fil-livell nazzjonali.
Barra minn hekk, il-proposta tinkludi ċerti tranżazzjonijiet ulterjuri fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjonijiet għall-projbizzjoni għall-PDMRs milli jwettqu tranżazzjonijiet fil-perjodu magħluq (jiġifieri fit-30 jum tal-kalendarju qabel it-tħabbir ta’ rapport finanzjarju interim jew ta’ rapport ta’ tmiem is-sena li l-emittent huwa obbligat li jagħmel pubbliku). Dawn huma b’mod partikolari skemi tal-impjegati li jikkonċernaw strumenti finanzjarji għajr ishma, kif ukoll il-kwalifika jew l-intitolament ta’ strumenti finanzjarji għajr ishma, u tranżazzjonijiet fejn ma tittieħed l-ebda deċiżjoni ta’ investiment mill-PDMR (bħall-konverżjoni awtomatika ta’ strumenti finanzjarji).
Is-sanzjonijiet amministrattivi pekunarji għall-ksur tar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni jsru aktar proporzjonati, b’mod partikolari għall-SMEs.
Il-proposta temenda l-Artikolu 30(2)(i) u (4) sabiex is-sanzjonijiet amministrattivi għall-ksur tar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni jsiru aktar proporzjonati għad-daqs tal-emittent.
Il-proposta tipprevedi li s-sanzjonijiet pekunarji għal dan it-tip ta’ ksur jiġu kkalkolati awtomatikament bħala perċentwal tal-fatturat annwali totali tal-emittent. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkalkolaw is-sanzjonijiet fuq il-bażi ta’ ammonti assoluti f’każijiet eċċezzjonali u biss meta jkun impossibbli li jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha ta’ ksur, kif stabbilit fl-Artikolu 31, meta l-kalkolu ta’ sanzjonijiet pekunarji jsir fuq il-bażi tal-fatturat annwali totali tal-emittent. Għal dawk il-każijiet, il-proposta tintroduċi l-ammonti assoluti inferjuri tal-minimu tas-sanzjonijiet pekunarji massimi għall-SMEs. B’konsegwenza ta’ dan, l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jnaqqsu fil-liġijiet nazzjonali tagħhom il-limitu massimu fuq is-sanzjonijiet pekunarji għall-SMEs għal ksur relatat mad-divulgazzjoni. Il-proposta ma temenda l-ebda dispożizzjoni dwar sanzjonijiet relatati ma’ tipi oħrajn ta’ ksur.
Il-proposta temenda wkoll l-Artikolu 31 sabiex tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti, meta jiddeterminaw it-tip u l-livell ta’ sanzjonijiet amministrattivi, iqisu, fost iċ-ċirkostanzi rilevanti, il-fatt ta’ duplikazzjoni ta’ proċedimenti kriminali u amministrattivi u ta’ penali għall-istess ksur.
L-istabbiliment ta’ mekkaniżmu tas-CMOBS.
Il-proposta tintroduċi Artikolu 25(a) ġdid sabiex jiġi stabbilit mekkaniżmu tas-CMOBS li jippermetti lill-NCAs jiskambjaw data dwar il-kotba tal-ordnijiet miġburin mill-Boroż sabiex jidentifikaw abbuż tas-suq f’kuntest transfruntier.
Emendi oħrajn.
L-Artikoli 14 u 15 jipprojbixxu l-abbuż minn informazzjoni privileġġata, id-divulgazzjoni illegali ta’ informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq. Madankollu, l-Artikolu 5 fih eċċezzjoni għal dawk il-projbizzjonijiet għal programmi ta’ riakkwist u ta’ stabbilizzazzjoni. Il-proposta temenda l-Artikolu 5 sabiex tissimplifika l-mekkaniżmu ta’ rapportar li emittent għandu jsegwi sabiex il-programm ta’ riakkwist tiegħu jibbenefika minnha kif ukoll mill-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata. Skont l-emendi proposti, l-emittenti għandhom jirrapportaw l-informazzjoni biss lill-NCA tal-aktar suq rilevanti f’termini ta’ likwidità għall-ishma tagħhom u jiddivulgaw lill-pubbliku informazzjoni aggregata biss.
Id-definizzjoni ta’ informazzjoni privileġġata fir-rigward tal-imġibiet “antiċipattivi” (l-Artikolu 7(1)(d)) hija emendata sabiex tiżgura li tkopri mhux biss persuni inkarigati mill-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet li jikkonċernaw strumenti finanzjarji iżda wkoll kategoriji oħrajn ta’ persuni li jistgħu jkunu konxji ta’ ordni rilevanti futura. L-emendi għandhom l-għan ukoll li jiżguraw li d-definizzjoni tkopri wkoll l-informazzjoni dwar ordnijiet mibgħutin minn persuni għajr klijenti, bħal ordnijiet magħrufin bis-saħħa tal-ġestjoni ta’ kont proprjetarju jew ta’ fond.
Meta jitqies li l-operatur ta’ suq tat-tkabbir tal-SMEs ma huwiex parti f’kuntratt ta’ likwidità, il-proposta temenda l-Artikolu 13(12) sabiex tneħħi r-rekwiżit għal tali operatur li japprova t-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratti ta’ likwidità u tissostitwih b’obbligu li jiġi rrikonoxxut biss bil-miktub lill-emittent li jkun irċieva tali kuntratt.
L-Artikolu 17(5) jippermetti lil emittent li jkun istituzzjoni ta’ kreditu jew istituzzjoni finanzjarja jdewwem id-divulgazzjoni pubblika ta’ informazzjoni privileġġata sabiex tiġi ppreservata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, dment li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. Il-proposta temenda l-Artikolu 17(5) sabiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jinkludi l-każ ta’ emittent li jkun impriża omm jew impriża relatata ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew ta’ istituzzjoni finanzjarja elenkata jew mhux elenkata.
Il-proposta żżid Artikolu 25(b) sabiex tippermetti l-ħolqien mill-ESMA ta’ pjattaformi ta’ kollaborazzjoni, mal-NCAs kif ukoll ma’ korpi pubbliċi li jimmonitorjaw is-swieq spot, sabiex jissaħħaħ l-iskambju ta’ informazzjoni fil-każ ta’ tħassib relatat mal-integrità tas-suq jew mal-funzjonament tajjeb tas-swieq. Il-proposta temenda wkoll l-Artikolu 25 sabiex tippermetti lill-ESMA tibda kooperazzjoni.
Fl-aħħar nett, il-proposta ġġib lill-amministraturi u lill-kontributuri tal-parametri referenzjarji b’mod espliċitu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġim tas-sanzjonar amministrattiv tal-MAR billi temenda l-Artikolu 30(2), il-punti (e) sa (g).
Artikolu 3 – Emendi għall-MiFIR
B’rabta mal-introduzzjoni tal-mekkaniżmu tas-CMOBS, il-proposta temenda l-MiFIR sabiex dan jispeċifika li awtorità kompetenti tista’ titlob id-data dwar il-ktieb tal-ordnijiet fuq bażi kontinwa lil ċentru tan-negozjar taħt is-superviżjoni tagħha u jagħti s-setgħa lill-ESMA tarmonizza l-format tal-mudell użat għall-ħżin ta’ tali data.
Artikolu 4 – Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
L-Artikolu 4 jistabbilixxi d-dati tad-dħul fis-seħħ u tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
2022/0411 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1129, (UE) Nru 596/2014 u (UE) Nru 600/2014 sabiex is-swieq kapitali pubbliċi fl-Unjoni jsiru aktar attraenti għall-kumpaniji u sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kapital għall-intrapriżi żgħar u medji
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Billi jiżviluppa s-swieq kapitali tal-Unjoni u jnaqqas il-frammentazzjoni tagħhom tul il-fruntieri nazzjonali, il-proġett tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandu l-għan li jippermetti lill-kumpaniji jaċċessaw sorsi ta’ finanzjament għajr is-self bankarju u li jadattaw l-istruttura ta’ finanzjament tagħhom meta jimmaturaw u jikbru fid-daqs. Finanzjament aktar diversifikat fil-forma ta’ dejn u ta’ ekwità jnaqqas ir-riskji għall-kumpaniji individwali u għall-ekonomija ġenerali minbarra li jgħin lill-kumpaniji tal-Unjoni, inklużi l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), jilħqu l-potenzjal tagħhom tat-tkabbir.
(2)L-Unjoni tas-Swieq Kapitali teħtieġ qafas regolatorju effiċjenti u effettiv li jappoġġa l-aċċess għall-finanzjament b’ekwità pubblika għall-kumpaniji, inklużi l-SMEs. Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ħolqot tip ġdid ta’ ċentru tan-negozjar, is-suq tat-tkabbir tal-SMEs, sabiex tiffaċilita l-aċċess għall-kapital speċifikament għall-SMEs. Il-premessa 132 tad-Direttiva 2014/65/UE esprimiet ukoll il-ħtieġa li jiġi mmonitorjat kif ir-regolamentazzjoni futura jenħtieġ li tkompli trawwem u tippromwovi l-użu tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs, u tipprovdi aktar inċentivi għall-SMEs sabiex jaċċessaw is-swieq kapitali permezz tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs.
(3)Ir-Regolament (UE) 2019/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill introduċa mitigazzjonijiet proporzjonati sabiex jittejjeb l-użu tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs u sabiex jitnaqqsu r-rekwiżiti regolatorji għall-emittenti li jfittxu l-ammissjoni ta’ titoli fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs, filwaqt li jinżamm livell xieraq ta’ protezzjoni tal-investituri u ta’ integrità tas-suq. Madankollu, jeħtieġ li jsir aktar sabiex l-aċċess għas-swieq pubbliċi tal-Unjoni jsir aktar attraenti u sabiex it-trattament regolatorju tal-kumpaniji jsir aktar flessibbli u proporzjonat għad-daqs tagħhom. Il-Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali irrakkomanda li l-Kummissjoni tneħħi l-ostakli regolatorji li jżommu lill-kumpaniji lura milli jaċċessaw is-swieq pubbliċi. Il-Grupp ta’ Partijiet Ikkonċernati Esperti Tekniċi dwar l-SMEs stabbilixxa rakkomandazzjonijiet dettaljati dwar kif għandhom jitrawmu l-kumpaniji u, b’mod partikolari, l-SMEs, sabiex jaċċessaw is-swieq pubbliċi tal-Unjoni.
(4)Filwaqt li tibni fuq inizjattiva tal-Kummissjoni fi ħdan l-istrateġija ta’ rkupru tagħha ta’ wara l-Covid-19, jiġifieri l-Pakkett għall-Irkupru tas-Swieq Kapitali, ġew introdotti emendi mmirati fir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fid-Direttiva 2014/65/UE u fid-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jagħmluha aktar faċli għall-kumpaniji affettwati mill-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija sabiex jiġġeneraw kapital ta’ ekwità fis-swieq pubbliċi, jiffaċilitaw l-investimenti fl-ekonomija reali, jippermettu r-rikapitalizzazzjoni rapida tan-negozji, u jżidu l-kapaċità tal-banek li jiffinanzjaw l-irkupru.
(5)Fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Partijiet Ikkonċernati Esperti Tekniċi dwar l-SMEs u fuq il-bażi tar-Regolament 2019/2115 u tal-miżuri adottati skont ir-Regolament (UE) 2021/337 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, U bħala parti mill-Pakkett għall-Irkupru tas-Swieq Kapitali, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tressaq inizjattiva leġiżlattiva sabiex l-aċċess għas-swieq pubbliċi tal-Unjoni jsir aktar attraenti billi jitnaqqsu l-kostijiet tal-konformità, u billi jitneħħew l-ostakli sinifikanti li jżommu lura lill-kumpaniji, inklużi l-SMEs, milli jisfruttaw is-swieq pubbliċi fl-Unjoni. Sabiex jintlaħqu l-objettivi tagħha, jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik l-inizjattiva leġiżlattiva jkun wiesa’ u jindirizza l-ostakli li jikkonċernaw l-aċċess tal-kumpaniji għas-swieq pubbliċi, jiġifieri l-fażijiet ta’ qabel l-offerta pubblika inizjali (IPO), tal-IPO u ta’ wara l-IPO. B’mod partikolari, jenħtieġ li s-simplifikazzjoni u t-tneħħija tal-ostakli jiffokaw fuq il-fażijiet tal-IPO u ta’ wara l-IPO billi jindirizzaw rekwiżiti ta’ divulgazzjoni impenjattivi sabiex ifittxu l-ammissjoni għan-negozjar fis-swieq pubbliċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/1129, u billi jindirizzaw ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni kontinwa impenjattivi stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(6)Ir-Regolament (UE) 2017/1129 jistabbilixxi r-rekwiżiti għat-tfassil, għall-approvazzjoni u għad-distribuzzjoni tal-prospett li jrid jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għan-negozjar f’suq regolat li jkun jinsab jew jopera fi Stat Membru. Sabiex tissaħħaħ l-attraenza tas-swieq pubbliċi tal-Unjoni, huwa neċessarju li jiġu indirizzati l-ostakli li jirriżultaw mit-tul, mill-kumplessità u mill-kostijiet għoljin tad-dokumentazzjoni tal-prospett, kemm meta l-kumpaniji, inklużi l-SMEs, ifittxu aċċess għas-swieq pubbliċi għall-ewwel darba (IPO), kif ukoll meta l-kumpaniji jaċċessaw swieq pubbliċi għall-ħruġ sekondarju ta’ titoli ta’ ekwità jew mingħajr ekwità. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li jiġu indirizzati wkoll it-tul tal-proċess ta’ skrutinju u ta’ approvazzjoni ta’ dawk il-prospetti mill-awtoritajiet kompetenti u n-nuqqas ta’ konverġenza ta’ dawk il-proċessi madwar l-Unjoni.
(7)Għal offerti żgħar ta’ titoli lill-pubbliku, il-kostijiet tal-produzzjoni ta’ prospett jistgħu jkunu sproporzjonati fir-rigward tal-korrispettiv totali tal-offerta. Ir-Regolament (UE) 2017/1129 ma japplikax għal offerti ta’ titoli lill-pubbliku b’korrispettiv totali fl-Unjoni ta’ anqas minn EUR 1 000 000. Barra minn hekk, fid-dawl tad-daqsijiet differenti tas-swieq finanzjarji madwar l-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw l-offerti ta’ titoli lill-pubbliku mill-obbligu li jippubblikaw prospett meta tali offerta tibqa’ taħt ċertu livell limitu, li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu bejn EUR 1 000 000 u EUR 8 000 000. Ċerti Stati Membri użaw dik il-possibbiltà, li wasslet għal livelli limitu ta’ eżenzjoni differenti, u ħolqu kumplessità u nuqqas ta’ ċarezza kemm għall-emittenti kif ukoll għall-investituri. Sabiex titnaqqas il-kumplessità fl-applikazzjoni ta’ diversi livelli limitu skont ir-Regolament (UE) 2017/1129 u sabiex titrawwem iċ-ċarezza legali, jenħtieġ li jitneħħa l-limitu aktar baxx ta’ EUR 1 000 000 għan-nuqqas ta’ applikabbiltà ta’ dak ir-Regolament.
(8)Sabiex jitrawmu ċ-ċarezza u l-konverġenza madwar l-Unjoni u sabiex jitnaqqas il-piż bla bżonn għall-kumpaniji, jenħtieġ li jiġi stabbilit livell limitu armonizzat uniku ta’ EUR 12 000 000 fil-livell tal-Unjoni u jenħtieġ li dan jissostitwixxi l-livelli limitu fakultattivi eżistenti. Taħt dak il-livell limitu, l-offerti ta’ titoli lill-pubbliku jenħtieġ li jkunu eżentati mill-obbligu li jiġi ppubblikat prospett, dment li dawk l-offerti ma jkunux jeħtieġu passaportar. Madankollu, fil-każ ta’ eżenzjoni bħal din, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrikjedu rekwiżiti oħrajn ta’ divulgazzjoni fil-livell nazzjonali sal-punt li tali rekwiżiti ma jikkostitwixxux piż sproporzjonat jew mhux neċessarju.
(9)Jenħtieġ li l-offerti transfruntiera ta’ titoli lill-pubbliku li huma eżentati mill-obbligu ta’ pubblikazzjoni ta’ prospett ikunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni nazzjonali stabbiliti mill-Istati Membri kkonċernati, meta jkunu applikabbli. Madankollu, jenħtieġ li l-emittenti, l-offerenti jew il-persuni li jitolbu l-ammissjoni għan-negozjar f’suq regolat tat-titoli li ma humiex suġġetti għall-obbligu tal-pubblikazzjoni ta’ prospett jibbenefikaw mill-passaport uniku meta jagħżlu li jfasslu prospett fuq bażi volontarja.
(10)Ir-Regolament (UE) 2017/1129 fih diversi dispożizzjonijiet li jirreferu għall-korrispettiv totali ta’ ċerti offerti ta’ titoli lill-pubbliku li għandhom jiġu kkalkolati fuq perjodu ta’ 12-il xahar. Sabiex tiġi pprovduta ċarezza lill-emittenti, lill-investituri u lill-awtoritajiet kompetenti u sabiex jiġu evitati approċċi diverġenti madwar l-Unjoni, huwa neċessarju li jiġi speċifikat kif jenħtieġ li jiġi kkalkolat il-korrispettiv totali ta’ dawk l-offerti ta’ titoli lill-pubbliku fuq perjodu ta’ 12-il xahar.
(11)L-Artikolu 1(5), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2017/1129 fih eżenzjoni mill-obbligu li jiġi ppubblikat prospett għall-ammissjoni għan-negozjar f’suq regolat ta’ titoli funġibbli ma’ titoli diġà ammessi għan-negozjar fl-istess suq regolat, dment li t-titoli ammessi ġodda jirrappreżentaw fuq perjodu ta’ 12-il xahar, anqas minn 20 % tan-numru ta’ titoli diġà ammessi għan-negozjar fl-istess suq regolat u dment li tali ammissjoni ma tkunx kombinata ma’ offerta ta’ titoli lill-pubbliku. Sabiex titnaqqas il-kumplessità u jiġu limitati l-kostijiet u l-piżijiet mingħajr bżonn, jenħtieġ li dik l-eżenzjoni tapplika kemm għall-offerta lill-pubbliku kif ukoll għall-ammissjoni għan-negozjar f’suq regolat tat-titoli kkonċernati u jenħtieġ li jiżdied il-livell limitu perċentwali li jiddetermina l-eliġibbiltà għal dik l-eżenzjoni. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li dik l-eżenzjoni modifikata tinkludi wkoll offerta lill-pubbliku ta’ titoli funġibbli ma’ titoli diġà ammessi għan-negozjar f’suq tat-tkabbir tal-SMEs.
(12)L-Artikolu 1(5), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2017/1129 fih ukoll eżenzjoni mill-obbligu li jiġi ppubblikat prospett għall-ammissjoni għan-negozjar f’suq regolat ta’ ishma li jirriżultaw mill-konverżjoni jew mill-iskambju ta’ titoli oħrajn jew mill-eżerċitar tad-drittijiet mogħtijin minn titoli oħrajn, dment li l-ishma ammessi ġodda jirrappreżentaw, fuq perjodu ta’ 12-il xahar, anqas minn 20 % tan-numru ta’ ishma tal-istess klassi diġà ammessi għan-negozjar fl-istess suq regolat. Jenħtieġ li dawk l-20 % jiġu allinjati mal-livell limitu għall-eżenzjoni għal titoli funġibbli ma’ titoli diġà ammessi għan-negozjar fl-istess suq regolat, bil-kamp ta’ applikazzjoni taż-żewġ eżenzjonijiet li jkun ekwivalenti.
(13)Il-kumpaniji li t-titoli tagħhom huma ammessi għan-negozjar f’suq regolat jew f’suq tat-tkabbir tal-SMEs għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni perjodiċi u kontinwi li huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 596/2014, fid-Direttiva 2004/109/KE jew, għall-emittenti fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs, fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565. Meta dawk il-kumpaniji joħorġu titoli funġibbli ma’ titoli diġà ammessi għan-negozjar f’dawk iċ-ċentri tan-negozjar, jenħtieġ li jiġu eżentati mill-obbligu li jippubblikaw prospett, billi ħafna mill-kontenut meħtieġ ta’ prospett diġà se jkun disponibbli għall-pubbliku u l-investituri jkunu jistgħu jinnegozjaw fuq il-bażi ta’ dik l-informazzjoni. Madankollu, jenħtieġ li tali eżenzjoni tkun soġġetta għal salvagwardji li jiżguraw li l-kumpanija li toħroġ it-titoli tkun ikkonformat mar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni perjodiċi u kontinwi skont id-dritt tal-Unjoni u ma tkunx f’diffikultà finanzjarja jew f’ristrutturar jew għaddejja minn trasformazzjoni sinifikanti, inkluża bidla fil-kontroll li tirriżulta minn akkwiżizzjoni, minn fużjoni, jew minn diviżjoni. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-investituri, b’mod partikolari l-investituri fil-livell tal-konsumatur, jenħtieġ li dokument f’forma qasira b’informazzjoni ewlenija għall-investituri xorta waħda jkun disponibbli għall-pubbliku u jiġi ppreżentat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari. Meta l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni l-ġdida jagħmel eżenzjonijiet eżistenti oħrajn żejda, jenħtieġ li tali eżenzjonijiet oħrajn jitneħħew. Sabiex il-kumpaniji li jirnexxu jkunu jistgħu jespandu u jibbenefikaw minn esponiment akbar għal grupp usa’ ta’ investituri, jenħtieġ li dik l-eżenzjoni l-ġdida u l-kriterji ta’ eliġibbiltà tagħha jkunu applikabbli wkoll għal kumpaniji li jkunu lesti li jagħmlu tranżizzjoni minn suq tat-tkabbir tal-SMEs għal suq regolat. Madankollu, sabiex l-investituri jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet informati dwar l-investiment, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti salvagwardji sabiex jiġi żgurat li dawk l-investituri jkollhom aċċess għal informazzjoni suffiċjenti dwar dawk il-kumpaniji.
(14)L-Artikolu 1(4), il-punt (j) tar-Regolament (UE) 2017/1129 teżenta lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu mill-obbligu li jippubblikaw prospett fil-każ ta’ offerta jew ta’ ammissjoni għan-negozjar f’suq regolat ta’ ċerti titoli mingħajr ekwità maħruġin b’mod kontinwu jew ripetut sa ammont aggregat ta’ EUR 75 000 000 fuq perjodu ta’ 12-il xahar. Ir-Regolament (UE) 2021/337, bħala parti mill-Pakkett għall-Irkupru tas-Swieq Kapitali, żied dak il-livell limitu għal EUR 150 000 000 għal perjodu limitat sabiex irawwem il-ġbir ta’ fondi għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u jagħti lil dawk l-istituzzjonijiet lok sabiex jappoġġaw lill-klijenti tagħhom fl-ekonomija reali. Sabiex ikomplu jappoġġaw il-ġbir ta’ fondi permezz tas-swieq kapitali tal-emittenti, inklużi l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-livell limitu miżjud introdott mir-Regolament (UE) 2021/337 jenħtieġ li jsir permanenti.
(15)Sabiex titnaqqas il-kumplessità tad-dokumentazzjoni tal-prospett, u sabiex il-prospett isir dokument aktar armonizzat sabiex tittejjeb il-leġibbiltà tiegħu għall-investituri madwar l-Unjoni, irrispettivament mill-ġuriżdizzjoni fejn it-titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew ammessi għan-negozjar f’suq regolat, huwa neċessarju li jiġi introdott format standardizzat għall-prospett kemm għat-titoli ta’ ekwità kif ukoll għal dawk mingħajr ekwità u li jiġi meħtieġ li l-informazzjoni inkluża fil-prospett tiġi ddivulgata f’sekwenza standardizzata.
(16)F’ċerti każijiet, il-prospett jew id-dokumenti relatati tiegħu jistgħu jilħqu daqsijiet enormi, u b’hekk ma jkunux adattati għall-investituri sabiex jieħdu deċiżjoni informata dwar l-investiment. Sabiex tittejjeb il-leġibbiltà tal-prospett u jsir aktar faċli għall-investituri li janalizzawh u jinnavigawh, huwa neċessarju li jiġi stabbilit limitu massimu ta’ paġni. Madankollu, jenħtieġ li dan il-limitu ta’ paġni jiġi introdott biss għal offerti lill-pubbliku jew għal ammissjonijiet għan-negozjar f’suq regolat tal-ishma. Limitu ta’ paġni ma jkunx xieraq għal titoli ta’ ekwità għajr ishma jew titoli mingħajr ekwità, li jinkludu firxa wiesgħa ta’ strumenti differenti, inklużi dawk kumplessi. Barra minn hekk, is-sommarju, jenħtieġ li l-informazzjoni inkorporata b’referenza jew l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta meta l-emittent ikollu storja finanzjarja kumplessa jew ikun ħa impenn finanzjarju sinifikanti tiġi eskluża mil-limitu ta’ paġni.
(17)Jenħtieġ li l-format standardizzat u s-sekwenza standardizzata tal-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata fil-prospett ikunu rekwiżit, irrispettivament minn jekk prospett, jew prospett bażi, ikunx imfassal bħala dokument uniku jew ikunx magħmul minn dokumenti separati. Għalhekk, huwa neċessarju li l-Annessi I, II u III tar-Regolament (UE) 2017/1129 jistabbilixxu s-sekwenza standardizzata tat-taqsimiet għall-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata fil-prospett jew, separatament, fid-dokument ta’ reġistrazzjoni u fin-nota dwar it-titoli. Jenħtieġ li dawk l-Annessi jkunu l-bażi għall-Kummissjoni sabiex temenda kwalunkwe att delegat li jimponi format standardizzat u sekwenza tat-taqsimiet tal-prospett, tal-prospett bażi u tat-termini finali, inkluż dwar l-entrati ta’ divulgazzjoni f’dawk it-taqsimiet. Barra minn hekk, huwa neċessarju li tiġi stabbilita s-sekwenza standardizzata tal-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata fis-sommarju tal-prospett.
(18)Is-sommarju tal-prospett huwa dokument ewlieni li jservi ta’ gwida sabiex jappoġġa lill-investituri fil-livell tal-konsumatur f’fehim u f’navigazzjoni aħjar tal-prospett kollu u b’hekk fit-teħid ta’ deċiżjonijiet informati dwar l-investiment. Sabiex is-sommarju tal-prospett ikun jista’ jinqara u jinftiehem aktar faċilment għall-investituri fil-livell tal-konsumatur, huwa neċessarju li l-emittenti jitħallew jippreżentaw jew jiġbru fil-qosor informazzjoni fis-sommarju tal-prospett fil-forma ta’ ċarts, ta’ graffs jew ta’ tabelli.
(19)Ir-Regolament (UE) 2017/1129 jippermetti lill-emittenti jestendu t-tul massimu tas-sommarju tal-prospett b’paġna waħda meta jkun hemm garanzija marbuta mat-titoli, peress li jeħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni kemm dwar il-garanzija kif ukoll dwar il-garanti. Madankollu, meta jkun hemm aktar minn garanti wieħed, paġna addizzjonali tista’ ma tkunx biżżejjed. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi estiż aktar it-tul massimu tas-sommarju tal-prospett fil-każ ta’ garanziji li jiġu pprovduti minn aktar minn garanti wieħed.
(20)Ir-Regolament (UE) 2017/1129 jippermetti lil emittent li jkun irċieva approvazzjoni għal dokument tar-reġistrazzjoni universali għal sentejn konsekuttivi jippreżenta mingħajr approvazzjoni minn qabel id-dokumenti tar-reġistrazzjoni universali sussegwenti kollha u kwalunkwe emenda għalihom. Sabiex jitnaqqsu l-piżijiet mingħajr bżonn u jiġi inċentivat l-użu tad-dokument tar-reġistrazzjoni universali, huwa neċessarju li jitnaqqas ir-rekwiżit li tiġi riċevuta l-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti sabiex jinkiseb l-istatus ta’ emittent frekwenti u l-benefiċċju li jiġu ppreżentati biss id-dokumenti tar-reġistrazzjoni universali sussegwenti kollha u kwalunkwe emenda tagħhom għal sena (1). Tnaqqis bħal dan ma jaffettwax il-protezzjoni tal-investituri, peress li dokument tar-reġistrazzjoni universali u kwalunkwe emenda fih ma jistgħux jintużaw bħala l-parti kostitwenti ta’ prospett mingħajr ma jiġu ppreżentati mill-ġdid għall-approvazzjoni lill-awtorità kompetenti rilevanti. Barra minn hekk, awtorità kompetenti titħalla tirrieżamina dokument tar-reġistrazzjoni universali li jkun ġie ppreżentat lilha fuq bażi ex post kull meta dik l-awtorità kompetenti tqis li jkun neċessarju u, meta xieraq, titlob emendi.
(21)Sabiex tiġi ffaċilitata l-IPO ta’ kumpaniji privati fis-swieq pubbliċi tal-Unjoni u, b’mod ġenerali, sabiex jitnaqqsu l-kostijiet u l-piżijiet mingħajr bżonn għall-kumpaniji li joffru titoli lill-pubbliku jew li jfittxu ammissjoni għan-negozjar f’suq regolat, jenħtieġ li l-prospett kemm għat-titoli ta’ ekwità kif ukoll għal dawk mingħajr ekwità jiġi ssimplifikat b’mod sinifikanti, filwaqt li jiġi żgurat li jinżamm livell għoli suffiċjenti ta’ protezzjoni tal-investituri.
(22)Filwaqt li huwa preskrittiv wisq għall-SMEs, jidher li l-livell ta’ divulgazzjoni fil-Prospett UE tat-Tkabbir ikun adattat għall-kumpaniji li jfittxu ammissjoni għan-negozjar f’suq regolat. Għalhekk, huwa xieraq li l-Annessi I, II u III tar-Regolament (UE) 2017/1129 jiġu allinjati mal-livell ta’ divulgazzjoni tal-Prospett UE tat-Tkabbir, billi jittieħdu bħala referenza l-Annessi relatati stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/980.
(23)Minħabba l-importanza dejjem akbar tal-kunsiderazzjonijiet dwar is-sostenibbiltà fid-deċiżjonijiet dwar l-investimenti, l-investituri qegħdin jikkunsidraw dejjem aktar l-informazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG) meta jieħdu deċiżjonijiet informati dwar l-investimenti. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi evitat il-greenwashing, billi tiġi stabbilita informazzjoni relatata mal-ESG li għandha tiġi pprovduta, meta tkun rilevanti, fil-prospett għal titoli ta’ ekwità jew mingħajr ekwità offruti lill-pubbliku jew ammessi għan-negozjar f’suq regolat. Madankollu, jenħtieġ li dak ir-rekwiżit ma jkunx jikkoinċidi mar-rekwiżit stabbilit fi dritt ieħor tal-Unjoni sabiex tiġi pprovduta dik l-informazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-kumpaniji li joffru titoli ta’ ekwità lill-pubbliku jew li jfittxu l-ammissjoni għan-negozjar ta’ titoli ta’ ekwità f’suq regolat jinkorporaw b’referenza fil-prospett, għall-perjodi koperti mill-informazzjoni finanzjarja storika, ir-rapporti ta’ ġestjoni u r-rapporti konsolidati ta’ ġestjoni, li jinkludu r-rapportar dwar is-sostenibbiltà, kif meħtieġ mid-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tistabbilixxi skeda li tispeċifika l-informazzjoni relatata mal-ESG li għandha tiġi inkluża fil-prospetti għal titoli mingħajr ekwità li jiġu rreklamati bħala li jqisu l-fatturi tal-ESG jew li jsegwu objettivi tal-ESG.
(24)L-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2017/1129 jipprevedi l-possibbiltà li jitfassal prospett simplifikat għall-ħruġ sekondarju minn kumpaniji diġà ammessi għan-negozjar f’suq regolat jew f’suq tat-tkabbir tal-SMEs kontinwament għal tal-anqas 18-il xahar. Madankollu, il-livell ta’ divulgazzjoni tal-prospetti simplifikati għall-ħruġ sekondarju għadu meqjus preskrittiv wisq u qrib prospett standard sabiex jagħmel differenza sinifikanti għall-ħruġ sekondarju ta’ kumpaniji li t-titoli tagħhom diġà huma ammessi għan-negozjar f’suq regolat jew f’suq tat-tkabbir tal-SMEs u li jkunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ divulgazzjoni perjodiċi u kontinwi. Sabiex id-dokumentazzjoni tal-elenkar tkun aktar faċli sabiex tinftiehem, u b’hekk sabiex il-protezzjoni tal-investituri ssir aktar effettiva, filwaqt li jitnaqqsu l-kostijiet u l-piżijiet għall-emittenti, jenħtieġ li jiġi introdott Prospett ta’ segwitu tal-UE ġdid u aktar effiċjenti għal tali ħruġ sekondarju. Madankollu, sabiex jiġu limitati l-piżijiet għall-emittenti u sabiex jiġu protetti l-investituri, huwa neċessarju li jiġi previst perjodu tranżitorju għall-prospetti approvati skont ir-reġim ta’ divulgazzjoni simplifikat għall-ħruġ sekondarju qabel id-data tal-applikazzjoni tar-reġim il-ġdid. Jenħtieġ li t-tali Prospett ta’ segwitu tal-UE jkun disponibbli għall-emittenti li t-titoli tagħhom ikunu ġew ammessi għan-negozjar f’suq regolat jew f’suq tat-tkabbir tal-SMEs kontinwament għal tal-anqas l-aħħar 18-il xahar, jew għall-offerenti ta’ dawk it-titoli. Jenħtieġ li dawk il-kriterji jiżguraw li tali emittenti jkunu konformi mar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni perjodiċi u kontinwi stabbiliti fid-Direttiva 2004/109/KE, meta applikabbli, fir-Regolament (UE) Nru 596/2014, jew, meta applikabbli, fir-Regolament Delegat (UE) 2017/565. Sabiex l-emittenti jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ minn dan it-tip ta’ prospett mitigat, jenħtieġ li l-ambitu tal-Prospett ta’ segwitu tal-UE jkun wiesa’ u jinkludi offerti pubbliċi jew ammissjoni għan-negozjar f’suq regolat ta’ titoli li jkunu funġibbli jew mhux funġibbli ma’ titoli diġà ammessi għan-negozjar. Madankollu, jenħtieġ li emittent li jkollu biss titoli mingħajr ekwità ammessi għan-negozjar f’suq regolat jew f’suq tat-tkabbir tal-SMEs ma jitħalliex ifassal Prospett ta’ segwitu tal-UE għall-ammissjoni għan-negozjar f’suq regolat ta’ titoli ta’ ekwità, peress li IPO ta’ titoli ta’ ekwità teħtieġ id-divulgazzjoni ta’ prospett sħiħ sabiex l-investituri jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni informata dwar l-investiment.
(25)Il-Prospett ta’ rkupru tal-UE msemmi fl-Artikolu 14a tar-Regolament (UE) ma jistax jibqa’ jintuża wara l-31 ta’ Diċembru 2022. Dak il-Prospett ta’ rkupru tal-UE kellu l-vantaġġ li kien magħmul minn dokument uniku li kien limitat fid-daqs, li jagħmilha faċli għall-emittenti sabiex ifassluh u faċli għall-investituri sabiex jifhmuh. Għal dawk ir-raġunijiet, jenħtieġ li l-Prospett ta’ segwitu tal-UE jsegwi l-istess mudell, u jenħtieġ li jkun soġġett għall-istess perjodu ta’ skrutinju mnaqqas bħall-Prospett ta’ rkupru tal-UE. Madankollu, jenħtieġ li, għal raġunijiet ovvji, ir-rekwiżiti għall-Prospett ta’ segwitu tal-UE ma jkunux jeħtieġu divulgazzjonijiet relatati mal-kriżi tal-Covid-19. Peress li jenħtieġ li l-Prospett ta’ segwitu tal-UE jissostitwixxi kemm il-prospett simplifikat għall-ħruġ sekondarju kif ukoll il-Prospett ta’ rkupru tal-UE, jenħtieġ li jkun permanenti u disponibbli kemm għall-ħruġ sekondarju ta’ titoli ta’ ekwità kif ukoll għal titoli mingħajr ekwità. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-użu tiegħu ma jkunx soġġett xi ebda restrizzjoni lil hinn mir-rekwiżit tal-perjodu minimu u kontinwu ta’ ammissjoni tat-titoli kkonċernati għan-negozjar f’suq regolat jew f’suq tat-tkabbir tal-SMEs.
(26)Jenħtieġ li l-Prospett ta’ segwitu tal-UE jkun fih sommarju f’forma qasira bħala sors utli ta’ informazzjoni għall-investituri, b’mod partikolari għall-investituri fil-livell tal-konsumatur. Jenħtieġ li dak is-sommarju jiġi stabbilit fil-bidu tal-Prospett ta’ segwitu tal-UE u jenħtieġ li jiffoka fuq informazzjoni importanti li tippermetti lill-investituri jiddeċiedu liema offerti lill-pubbliku u ammissjonijiet għan-negozjar tal-ishma jkomplu jistudjaw, u sussegwentement jirrieżaminaw il-Prospett ta’ segwitu tal-UE kollu kemm hu sabiex jieħdu deċiżjoni informata dwar l-investiment.
(27)Sabiex il-Prospett ta’ segwitu tal-UE jsir dokument armonizzat u tiġi ffaċilitata l-leġibbiltà tiegħu għall-investituri madwar l-Unjoni, irrispettivament mill-ġuriżdizzjoni fejn it-titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew ammessi għan-negozjar f’suq regolat, il-format tiegħu jenħtieġ li jiġi standardizzat kemm għat-titoli ta’ ekwità kif ukoll għal dawk mingħajr ekwità. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li l-informazzjoni fil-Prospett ta’ segwitu tal-UE tiġi ddivulgata f’sekwenza standardizzata. Sabiex tittejjeb il-leġibbiltà tal-Prospett ta’ segwitu tal-UE u sabiex ikun aktar faċli għall-investituri li janalizzawh u jinnavigawh, jenħtieġ li n-numru ta’ paġni ta’ tali prospett ikun limitat għall-ħruġ sekondarju ta’ ishma. Madankollu, limitu ta’ paġni bħal dan ma jkunx xieraq għall-kategorija wiesgħa ta’ titoli ta’ ekwità għajr ishma jew titoli mingħajr ekwità, li jinkludu firxa wiesgħa ta’ strumenti differenti, inklużi dawk kumplessi. Barra minn hekk, is-sommarju, jenħtieġ li l-informazzjoni inkorporata b’referenza jew l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta meta l-emittent ikollu storja finanzjarja kumplessa jew ikun ħa impenn finanzjarju sinifikanti tiġi eskluża mil-limitu ta’ paġni.
(28)Wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali huwa li jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għas-swieq pubbliċi fl-Unjoni, li dawk l-SMEs jiġu pprovduti b’sorsi oħrajn ta’ finanzjament minbarra s-self bankarju u l-opportunità ta’ espansjoni u ta’ tkabbir. Il-kost tal-produzzjoni ta’ prospett jista’ jkun deterrent għall-SMEs li jixtiequ joffru titoli lill-pubbliku, meta jitqies id-daqs żgħir tipiku tal-korrispettiv ta’ dawk l-offerti. Il-Prospett UE tat-Tkabbir huwa prospett eħfef, introdott mir-Regolament (UE) 2017/1129, u huwa disponibbli għall-SMEs u ftit kategoriji oħrajn ta’ benefiċjarji, inklużi kumpaniji b’kapitalizzazzjoni tas-suq sa EUR 500 miljun li t-titoli tagħhom diġà huma ammessi għan-negozjar f’suq tat-tkabbir tal-SMEs. Il-Prospett UE tat-Tkabbir kellu l-għan li jnaqqas il-kostijiet tat-tħejjija ta’ prospett għal emittenti iżgħar, filwaqt li jipprovdi lill-investituri b’informazzjoni materjali sabiex jivvalutaw l-offerta u jieħdu deċiżjoni informata dwar l-investiment. Filwaqt li l-emittenti li jfasslu Prospett UE tat-Tkabbir jistgħu jiksbu ffrankar pjuttost sostanzjali fl-ispejjeż, il-livell ta’ divulgazzjoni ta’ Prospett UE tat-Tkabbir għadu meqjus preskrittiv wisq u qrib prospett standard sabiex jagħmel differenza sinifikanti għall-SMEs. Għalhekk, hemm bżonn ta’ Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE b’rekwiżiti ħfief sabiex jagħmel id-dokumentazzjoni tal-elenkar għall-SMEs saħansitra anqas kumplessa u impenjattiva u sabiex jippermetti lill-SMEs jiksbu ffrankar saħansitra aktar importanti. Madankollu, sabiex jiġu limitati l-piżijiet għall-emittenti u sabiex jiġu protetti l-investituri, huwa neċessarju li jiġi previst perjodu tranżitorju għall-Prospetti UE tkabbir approvat qabel id-data tal-applikazzjoni tar-reġim il-ġdid.
(29)Jenħtieġ li r-rekwiżiti dwar il-kontenut tad-Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE jkunu ħfief, filwaqt li jitqies il-livell ta’ divulgazzjoni tal-Prospett ta’ rkupru tal-UE u xi wħud mill-aktar dokumenti sempliċi ta’ ammissjoni li xi swieq ta’ tkabbir tal-SMEs jeħtieġu li l-emittenti jipproduċu f’każ ta’ eżenzjoni mill-obbligu li jippubblikaw prospett, u liema kontenut huwa stabbilit fil-kotba tar-regoli tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs. Jenħtieġ li l-informazzjoni mnaqqsa li għandha tiġi ddivulgata f’Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE tkun proporzjonata għad-daqs tal-kumpaniji elenkati fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs u għall-ħtiġijiet tagħhom ta’ ġbir ta’ fondi u tiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni tal-investituri. Jenħtieġ li l-kumpaniji eliġibbli jkunu meħtieġa jużaw id-Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE għall-offerta tagħhom ta’ titoli lill-pubbliku, sabiex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni għal reġim ġdid u aktar effiċjenti u sabiex jipprevjenu r-riskju li l-konsulenti jikkonvinċu lill-kumpaniji ż-żgħar sabiex ikomplu jużaw il-prospett sħiħ.
(30)Jenħtieġ li d-Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE jkun disponibbli għall-SMEs, għall-emittenti għajr l-SMEs li t-titoli tagħhom jiġu ammessi jew li għandhom jiġu ammessi għan-negozjar f’suq tat-tkabbir tal-SMEs, u għall-offerti minn kumpaniji żgħar mhux elenkati sa EUR 50 000 000 fuq perjodu ta’ 12-il xahar. Sabiex jiġi evitat standard ta’ divulgazzjoni fuq żewġ livelli fi swieq regolati skont id-daqs tal-emittent, jenħtieġ li d-Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE ma jkunx disponibbli għall-kumpaniji li t-titoli tagħhom diġà jkunu ammessi jew li għandhom jiġu ammessi għan-negozjar fi swieq regolati. Madankollu, sabiex jiġi ffaċilitat aġġornament għal suq regolat u sabiex l-emittenti jkunu jistgħu jibbenefikaw minn skopertura għal bażi usa’ ta’ investituri, jenħtieġ li l-emittenti li diġà għandhom titoli ammessi għan-negozjar f’suq tat-tkabbir tal-SMEs kontinwament għal tal-anqas l-aħħar 18-il xahar jitħallew jużaw Prospett ta’ segwitu tal-UE sabiex jittrasferixxu lejn suq regolat, sakemm ma jibbenefikawx minn eżenzjoni għal tali ħruġ ta’ segwitu f’suq regolat.
(31)Jenħtieġ li d-Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE jkun fih sommarju qasir, bħala sors utli ta’ informazzjoni għall-investituri fil-livell tal-konsumatur, li jkollu l-istess format u kontenut bħas-sommarju tal-Prospett ta’ segwitu tal-UE. Jenħtieġ li dak is-sommarju jiġi stabbilit fil-bidu tad-Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE u jenħtieġ li jiffoka fuq informazzjoni importanti li tippermetti lill-investituri jiddeċiedu liema offerti lill-pubbliku u ammissjonijiet għan-negozjar tal-ishma jkomplu jistudjaw, u sussegwentement jirrieżaminaw id-Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE kollu kemm hu sabiex jieħdu deċiżjoni informata dwar l-investiment.
(32)Jenħtieġ li d-Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE jkun dokument armonizzat li jkun faċli sabiex jinqara mill-investituri, irrispettivament mill-ġuriżdizzjoni fl-Unjoni fejn it-titoli kkonċernati jiġu offruti lill-pubbliku jew ammessi għan-negozjar f’suq regolat. Għalhekk, jenħtieġ li l-format tiegħu jiġi standardizzat kemm għat-titoli ta’ ekwità kif ukoll għal dawk mingħajr ekwità u jenħtieġ li l-informazzjoni inkluża fid-Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE tiġi ddivulgata f’sekwenza standardizzata. Sabiex tkompli tiġi standardizzata u tittejjeb il-leġibbiltà tad-Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE u jsir aktar faċli għall-investituri li janalizzawh u jinnavigawh, jenħtieġ li jiġi introdott limitu ta’ paġni fil-każ li jitfassal Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE għall-ħruġ sekondarju tal-ishma. Jenħtieġ li dak il-limitu ta’ paġni jkun effiċjenti wkoll f’termini tar-rekwiżiti eħfef fir-rigward tal-kontenut tad-Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE u effettiv f’termini tal-għoti tal-informazzjoni neċessarja sabiex l-investituri jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet informati dwar l-investiment. Madankollu, limitu ta’ paġni ma jkunx xieraq għall-kategorija wiesgħa ta’ titoli ta’ ekwità għajr ishma jew titoli mingħajr ekwità, li jinkludu firxa wiesgħa ta’ strumenti differenti, inklużi dawk kumplessi. Barra minn hekk, is-sommarju, jenħtieġ li l-informazzjoni inkorporata b’referenza jew l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta meta l-emittent ikollu storja finanzjarja kumplessa jew ikun ħa impenn finanzjarju sinifikanti tiġi eskluża mil-limitu ta’ paġni.
(33)Jenħtieġ li l-Prospett ta’ segwitu tal-UE u d-Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE jikkomplementaw il-forom l-oħrajn ta’ prospetti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/1129. Għalhekk, sakemm ma jkunx iddikjarat espliċitament mod ieħor, jenħtieġ li r-referenzi kollha għat-terminu “prospett” skont ir-Regolament (UE) 2017/1129 jinftiehmu bħala li jirreferu għall-forom differenti kollha ta’ prospetti, inklużi l-Prospett ta’ segwitu tal-UE u d-Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE.
(34)Jenħtieġ li l-fatturi ta’ riskju li huma materjali u speċifiċi għall-emittent u għat-titoli tiegħu jissemmew fil-prospett. Għal dik ir-raġuni, il-fatturi ta’ riskju għandhom jiġu ppreżentati wkoll f’numru limitat ta’ kategoriji ta’ riskju skont in-natura tagħhom. Madankollu, jenħtieġ li l-emittenti ma jibqgħux meħtieġa jikklassifikaw l-aktar fatturi ta’ riskju materjali, li huwa kkumplikat u impenjattiv għall-emittenti. Sabiex tittejjeb il-komprensibbiltà tal-prospett u jsir aktar faċli għall-investituri li jieħdu deċiżjonijiet informati dwar l-investiment, huwa neċessarju li jiġi speċifikat li jenħtieġ li l-emittenti ma jgħabbux wisq il-prospett b’fatturi ta’ riskju li huma ġeneriċi, li jservu biss bħala dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà, jew li jistgħu joskuraw il-fatturi ta’ riskju speċifiċi li l-investituri jenħtieġ li jkunu konxji tagħhom.
(35)Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2017/1129, meta l-prezz tal-offerta finali u l-ammont ta’ titoli offruti lill-pubbliku ma jistgħux jiġu inklużi fil-prospett, l-investitur għandu dritt ta’ rtirar li jista’ jiġi eżerċitat fi żmien jumejn ta’ xogħol wara li jkunu ġew ippreżentati l-prezz finali tal-offerta jew l-ammont ta’ titoli li għandhom jiġu offruti lill-pubbliku. Sabiex jiżdied il-livell ta’ protezzjoni tal-investituri, jenħtieġ li jiġi estiż il-perjodu li matulu l-investitur jista’ jeżerċita dak id-dritt ta’ rtirar. Madankollu, huwa importanti li jiġu limitati l-piżijiet amministrattivi għall-emittenti. Għalhekk, meta l-prezz finali tal-offerta tat-titoli jvarja biss ftit mill-prezz massimu li ġie ddivulgat fil-prospett, jenħtieġ li l-emittenti ma jintalbux jippubblikaw suppliment.
(36)L-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2017/1129 jagħti lill-emittenti l-possibbiltà li jinkorporaw fil-prospett ċerta informazzjoni b’referenza. Dik il-possibbiltà ġiet introdotta sabiex jitnaqqas il-piż għall-emittenti u sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-informazzjoni li diġà ġiet iddivulgata u ppubblikata skont liġi oħra tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji. Il-possibbiltà li jitnaqqsu b’mod sinifikanti l-piżijiet għall-emittenti u li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-informazzjoni li diġà ġiet iddivulgata u ppubblikata skont liġi oħra tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji jenħtieġ li ssir rekwiżit legali meta l-informazzjoni tkun se tiġi ddivulgata fi prospett u tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2017/1129 dwar l-inkorporazzjoni b’referenza. Dan ir-rekwiżit legali sa ċertu punt limitat biss ikun inaqqas il-leġibbiltà tal-informazzjoni għall-investituri li, fil-futur, jenħtieġ li jkunu jistgħu jaċċessaw b’mod aktar effiċjenti u effettiv id-data ċentralizzata dwar il-kumpaniji mill-Punt ta’ Aċċess Uniku Ewropew (“ESAP”). Filwaqt li t-tqassim eżatt u l-perimetru tal-leġiżlazzjoni futura bħalissa qegħdin jiġu diskussi mill-koleġiżlaturi, l-ESAP huwa mistenni jippermetti lill-investituri jsibu f’post wieħed il-maġġoranza tal-informazzjoni rilevanti, u b’hekk jiffaċilita aktar l-aċċess għall-informazzjoni inkorporata b’referenza fil-prospetti. Madankollu, jenħtieġ li l-kumpaniji xorta jitħallew jinkorporaw b’referenza fuq bażi volontarja informazzjoni li ma għandhiex tiġi ddivulgata fi prospett, dment li tali informazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2017/1129 dwar l-inkorporazzjoni b’referenza.
(37)Li jitneħħew il-kostijiet u l-piżijiet mingħajr bżonn u li jiżdiedu l-effiċjenza u l-effettività tal-inkorporazzjoni fil-prospett tal-informazzjoni b’referenza, jenħtieġ li l-kumpaniji ma jkunux meħtieġa jippubblikaw suppliment għall-aġġornament tal-informazzjoni finanzjarja annwali jew interim inkorporata b’referenza fi prospett bażi li jkun għadu validu.
(38)Ir-Regolament (UE) 2017/1129 jippromwovi l-konverġenza u l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar l-iskrutinju u l-approvazzjoni tal-prospetti mill-awtoritajiet kompetenti. B’mod partikolari, il-kriterji għall-iskrutinju tal-kompletezza, tal-komprensibbiltà, u tal-konsistenza tal-prospett ġew issimplifikati u stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2019/980. Madankollu, dik il-lista ta’ kriterji ma hijiex eżawrjenti, minħabba li jenħtieġ li tippermetti l-possibbiltà li jitqiesu l-iżviluppi u l-innovazzjonijiet fis-swieq finanzjarji. B’riżultat ta’ dan, ir-Regolament Delegat (UE) 2019/980 jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti japplikaw kriterji addizzjonali għall-iskrutinju u għall-approvazzjoni tal-prospetti meta dawk l-awtoritajiet kompetenti jqisu li dawn ikunu neċessarji sabiex jipproteġu lill-investituri. Ir-rapport ta’ rieżami bejn il-pari mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) indika li dik il-possibbiltà ħolqot differenzi materjali fil-mod kif l-awtoritajiet kompetenti japplikaw kriterji ta’ skrutinju addizzjonali u jitlob lill-emittenti jipprovdu informazzjoni addizzjonali fil-prospett taħt l-iskrutinju tagħhom. Sabiex jitrawmu l-armonizzazzjoni u l-konverġenza tal-attività superviżorja tal-prospett mill-awtoritajiet kompetenti, li jenħtieġ li tipprovdi ċertezza lill-emittenti u fiduċja lill-investituri, huwa xieraq li jiġu speċifikati ċ-ċirkostanzi li fihom awtorità kompetenti tista’ tuża tali kriterji addizzjonali, it-tip ta’ informazzjoni addizzjonali li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeħtieġu li tiġi ddivulgata u l-proċeduri u l-iskeda ta’ żmien għall-approvazzjoni tal-prospett.
(39)Ir-rieżamijiet bejn il-pari mwettqin mill-ESMA huma għodda effettiva għall-promozzjoni tal-konverġenza superviżorja madwar l-Unjoni. Sabiex titrawwem konverġenza superviżorja dwar il-proċessi ta’ skrutinju u ta’ approvazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti meta jiġu vvalutati l-kompletezza, il-konsistenza u l-komprensibbiltà tal-informazzjoni li tinsab fi prospett, u sabiex jiġi vvalutat l-impatt ta’ approċċi differenti fir-rigward tal-iskrutinju u tal-approvazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, huwa xieraq li l-ESMA tkun meħtieġa twettaq rieżamijiet bejn il-pari rikorrenti dwar l-iskrutinju u l-approvazzjoni tal-prospetti fuq bażi regolari u tispeċifika l-perjodi ta’ żmien xierqa.
(40)L-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2017/1129 jirrikjedi, għal IPO tal-ishma, il-pubblikazzjoni tal-prospett tal-anqas 6 ijiem ta’ xogħol qabel it-tmiem tal-offerta. Sabiex jitrawmu proċessi rapidi għall-bini tal-kotba, speċjalment fi swieq li jinbidlu malajr, u sabiex tiżdied l-attraenza tal-inklużjoni tal-investituri fil-livell tal-konsumatur fl-IPOs, jenħtieġ li jitnaqqas il-perjodu minimu attwali ta’ 6 ijiem bejn il-pubblikazzjoni tal-prospett u t-tmiem ta’ offerta ta’ ishma, mingħajr ma tiġi affettwata l-protezzjoni tal-investituri.
(41)Sabiex tinġabar data li tappoġġa l-valutazzjoni tal-Prospett ta’ segwitu tal-UE u d-Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE, jenħtieġ li l-mekkaniżmu ta’ ħżin imsemmi fl-Artikolu 21(6) tar-Regolament (UE) 2017/1129 ikopri kemm il-Prospett ta’ segwitu tal-UE kif ukoll id-Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE, li jenħtieġ li jkunu distinti b’mod ċar mit-tipi l-oħrajn ta’ prospetti.
(42)Sabiex id-distribuzzjoni tal-prospett issir aktar sostenibbli għall-investituri, tiżdied id-diġitalizzazzjoni fis-settur finanzjarju u jitneħħew il-kostijiet mhux neċessarji, jenħtieġ li l-investituri ma jibqgħux intitolati jitolbu kopja stampata ta’ prospett. Għalhekk, jenħtieġ li kopja tal-prospett tiġi kkonsenjata biss lill-investituri f’format elettroniku, fuq talba u mingħajr ħlas.
(43)L-Artikolu 23(3) tar-Regolament (UE) 2017/1129 jirrikjedi li l-intermedjarji finanzjarji jinformaw lill-investituri li jkunu xtraw jew issottoskrivew titoli permezz ta’ dak l-intermedjarju finanzjarju bil-possibbiltà li jiġi ppubblikat suppliment u, f’ċerti ċirkostanzi, li jikkuntattjaw lil dawk l-investituri fil-jum meta jiġi ppubblikat suppliment. Ir-Regolament (UE) 2021/337 introduċa l-paragrafi 2a u 3a l-ġodda għal dak l-Artikolu, li jipprevedu reġim aktar proporzjonat sabiex jitnaqqsu l-piżijiet għall-intermedjarji finanzjarji, filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni tal-investituri. Dawk il-paragrafi jispeċifikaw liema investituri jenħtieġ li jiġu kkuntattjati minn intermedjarji finanzjarji meta jiġi ppubblikat suppliment u estendew kemm l-iskadenza sa meta dawk l-investituri għandhom jiġu kkuntattjati kif ukoll l-iskadenza għal dawk l-investituri sabiex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ rtirar tagħhom. Barra minn hekk, dawk il-paragrafi jispeċifikaw li jenħtieġ li l-intermedjarji finanzjarji jikkuntattjaw lill-investituri li jixtru jew jissottoskrivu t-titoli sa mhux aktar tard mill-għeluq tal-perjodu inizjali tal-offerta. Dak il-perjodu jirreferi għall-perjodu li matulu l-emittenti jew l-offerenti joffru titoli lill-pubbliku kif stipulat fil-prospett u jeskludi perjodi sussegwenti li matulhom it-titoli jerġgħu jinbiegħu fis-suq. Ir-reġim introdott mill-Artikolu 23(2a) u (3a) tar-Regolament (UE) 2017/1129 jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2022. Fid-dawl tal-feedback pożittiv ġenerali tal-partijiet ikkonċernati dwar dak ir-reġim, huwa jenħtieġ li jsir permanenti.
(44)L-Artikolu 23(2a) u (3a) tar-Regolament (UE) 2017/1129 estenda l-iskadenza sabiex jiġu kkuntattjati l-investituri eliġibbli dwar il-pubblikazzjoni ta’ suppliment sa tmiem l-ewwel jum ta’ xogħol wara dak li fih jiġi ppubblikat is-suppliment. Sabiex l-intermedjarji finanzjarji jkunu jistgħu jikkonformaw ma’ dik l-iskadenza, huwa neċessarju li jiġi stabbilit li l-intermedjarji finanzjarji jkollhom jinformaw biss lil dawk l-investituri li qablu li jiġu kkuntattjati b’mezzi elettroniċi dwar il-pubblikazzjoni ta’ suppliment. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-intermedjarji finanzjarji joffru lill-investituri li indikaw ix-xewqa tagħhom li jiġu kkuntattjati biss b’mezzi oħrajn għajr dawk elettroniċi, inklużjoni fakultattiva għall-kuntatt elettroniku sabiex jirċievu n-notifika tal-pubblikazzjoni ta’ suppliment. Huwa neċessarju wkoll li l-intermedjarji finanzjarji jiġu obbligati jindikaw lill-investituri li ma jaqblux li jiġu kkuntattjati b’mezzi elettroniċi u jirrifjutaw l-inklużjoni fakultattiva għall-kuntatt elettroniku li jistgħu jikkonsultaw is-sit web tal-emittent jew tal-intermedjarju finanzjarju sal-għeluq tal-perjodu tal-offerta jew tal-intermedjarju finanzjarju jew sal-konsenja tat-titoli, skont liema jseħħ l-ewwel, sabiex jivverifikaw jekk ikunx ġie ppubblikat suppliment.
(45)Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-investituri u titrawwem konverġenza regolatorja madwar l-Unjoni, huwa xieraq li jiġi stabbilit li jenħtieġ li ma jintużax suppliment għal prospett bażi sabiex jiġi introdott tip ġdid ta’ titolu li għalih l-informazzjoni neċessarja ma tkunx ġiet inkluża f’dak il-prospett bażi. Barra minn hekk, jenħtieġ li, fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-ESMA tintalab tipprovdi ċarezza addizzjonali permezz ta’ linji gwida dwar iċ-ċirkostanzi li fihom għandu jitqies suppliment sabiex jiġi introdott tip ġdid ta’ titolu li ma jkunx diġà deskritt fi prospett bażi.
(46)L-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2017/1129 jirrikjedi li l-emittenti jipproduċu traduzzjonijiet tal-prospetti tagħhom sabiex l-awtoritajiet u l-investituri jkunu jistgħu jiskrutinizzaw b’mod xieraq dawk il-prospetti u jivvalutaw ir-riskji. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, trid tiġi pprovduta traduzzjoni f’tal-anqas waħda mil-lingwi uffiċjali aċċettati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru fejn issir offerta jew tintalab ammissjoni għan-negozjar. Sabiex jitnaqqsu b’mod sinifikanti l-piżijiet mingħajr bżonn, jenħtieġ li l-kumpaniji jitħallew ifasslu l-prospett f’lingwa abitwali fl-isfera tal-finanzi internazzjonali, irrispettivament minn jekk l-offerta jew l-ammissjoni għan-negozjar tkunx domestika jew transfruntiera, filwaqt li jenħtieġ li r-rekwiżit tat-traduzzjoni jkun limitat għas-sommarju tal-prospett sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-investituri fil-livell tal-konsumatur.
(47)L-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2017/1129 bħalissa jirrikjedi li l-prospetti ta’ pajjiżi terzi jiġu approvati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tal-emittent tat-titoli kkonċernati, irrispettivament minn jekk dawk il-prospetti terzi jkunux diġà ġew approvati mill-awtorità rilevanti ta’ pajjiż terz. Dak l-Artikolu jirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tiddikjara li r-rekwiżiti ta’ informazzjoni imposti mil-liġi nazzjonali ta’ tali pajjiż terz ikunu ekwivalenti għar-rekwiżiti skont ir-Regolament (UE) 2017/1129. Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess ta’ emittenti ta’ pajjiżi terzi, inklużi l-SMEs, għas-swieq pubbliċi fl-Unjoni u sabiex l-investituri fl-Unjoni jiġu pprovduti b’opportunitajiet ta’ investiment addizzjonali, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom, huwa neċessarju li jiġi emendat ir-reġim ta’ ekwivalenza. B’mod partikolari, sabiex jiġi offrut il-livell massimu ta’ protezzjoni għall-investituri, jenħtieġ li jiġi ċċarat li għall-emittenti ta’ pajjiżi terzi, l-offerti ta’ titoli lill-pubbliku fl-Unjoni għandhom ikunu akkumpanjati minn ammissjoni għan-negozjar f’suq regolat jew f’suq tat-tkabbir tal-SMEs stabbilit fl-Unjoni. Madankollu, l-emittenti ta’ pajjiżi terzi jitħallew jużaw il-proċedura skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2017/1129 għal kwalunkwe tip ta’ offerti ta’ titoli lill-pubbliku, billi jfasslu prospett f’konformità ma’ dak ir-Regolament. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi ċċarat li, fil-każ ta’ ammissjoni għan-negozjar f’suq regolat tal-UE jew ta’ offerta ta’ titoli lill-pubbliku fl-Unjoni, prospetti ekwivalenti ta’ pajjiżi terzi li diġà ġew approvati mill-awtorità superviżorja ta’ pajjiż terz, għandhom jiġu ppreżentati biss lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari fl-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-kriterji ġenerali ta’ ekwivalenza, li bħalissa għandhom ikunu bbażati fuq ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 6, 7, 8 u 13 tar-Regolament (UE) 2017/1129, jintużaw sabiex jinkludu dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà, il-validità tal-prospett, il-fatturi ta’ riskju, l-iskrutinju, l-approvazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-prospett, u reklami u supplimenti. Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-investituri fl-Unjoni, huwa neċessarju wkoll li jiġi speċifikat li l-prospett ta’ pajjiż terz għandu jinvolvi d-drittijiet u l-obbligi kollha previsti skont ir-Regolament (UE) 2017/1129.
(48)Kooperazzjoni effettiva mal-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi dwar l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ dawk l-awtoritajiet u l-infurzar tal-obbligi li jirriżultaw skont ir-Regolament (UE) 2017/1129 f’pajjiżi terzi hija neċessarja sabiex tipproteġi l-investituri fl-Unjoni u tiżgura kundizzjonijiet ekwi bejn l-emittenti stabbiliti fl-Unjoni u emittenti ta’ pajjiżi terzi. Sabiex jiġi żgurat skambju effiċjenti u konsistenti ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji, jenħtieġ li l-ESMA tistabbilixxi arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi kkonċernati, u jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tiddetermina l-kontenut minimu u l-mudell li għandu jintuża għal tali arranġamenti. Madankollu, il-pajjiżi terzi li huma fil-lista ta’ ġuriżdizzjonijiet li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fil-ġlieda nazzjonali tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u fil-ġlieda kontra l-finanzjament ta’ reġimi tat-terroriżmu li joħolqu theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu esklużi minn arranġamenti ta’ kooperazzjoni bħal dawn.
(49)Huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-Prospett ta’ segwitu tal-UE, id-Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE u s-sommarji tal-prospett relatati jkunu soġġetti għall-istess sanzjonijiet amministrattivi u għal miżuri amministrattivi oħrajn bħal prospetti oħrajn. Jenħtieġ li dawk is-sanzjonijiet u l-miżuri jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u jiżguraw approċċ komuni fl-Istati Membri.
(50)L-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) 2017/1129 jirrikjedi li kull sena l-ESMA tippubblika rapport li jkun fih statistiki dwar il-prospetti approvati u notifikati fl-Unjoni u analiżi tax-xejriet. Huwa neċessarju li jiġi stabbilit li dak ir-rapport jenħtieġ li jkun fih ukoll informazzjoni statistika dwar id-Dokumenti tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE, differenzjata skont it-tipi ta’ emittenti, u jenħtieġ li janalizza l-użu tar-reġimi ta’ divulgazzjoni applikabbli skont il-Prospett ta’ segwitu tal-UE, id-Dokumenti tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE u d-dokumenti tar-reġistrazzjoni universali. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li dak ir-rapport janalizza wkoll l-eżenzjoni l-ġdida għall-ħruġ sekondarju ta’ titoli funġibbli ma’ titoli diġà ammessi għan-negozjar f’suq regolat jew f’suq tat-tkabbir tal-SMEs.
(51)Jenħtieġ li, wara perjodu ta’ żmien xieraq wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament emendatorju, il-Kummissjoni tirrieżamina l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/1129 u tivvaluta b’mod partikolari jekk id-dispożizzjonijiet dwar is-sommarju tal-prospett, dwar ir-reġimi ta’ divulgazzjoni għall-Prospett ta’ segwitu tal-UE, dwar id-Dokumenti tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE u dwar id-dokument tar-reġistrazzjoni universali jibqgħu adatti sabiex jintlaħqu l-objettivi segwiti minn dawk id-dispożizzjonijiet. Huwa neċessarju wkoll li jiġi stabbilit li dak ir-rapport jenħtieġ li janalizza d-data, ix-xejriet u l-kostijiet rilevanti fir-rigward tal-Prospett ta’ segwitu tal-UE u għad-Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE. B’mod partikolari, jenħtieġ li dak ir-rapport jivvaluta jekk dawk ir-reġimi l-ġodda jilħqux bilanċ xieraq bejn il-protezzjoni tal-investituri u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi.
(52)Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 jistabbilixxi qafas robust sabiex jiġu ppreservati l-integrità tas-suq u l-fiduċja tal-investituri billi jiġu evitati l-abbuż minn informazzjoni privileġġata, id-divulgazzjoni illegali ta’ informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq. Jissoġġetta lill-emittenti għal diversi obbligi ta’ divulgazzjoni u ta’ żamma tar-rekords u jirrikjedi li l-emittenti jiddivulgaw informazzjoni privileġġata lill-pubbliku. Sitt snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, il-feedback mill-partijiet ikkonċernati miġbur fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet pubbliċi u tal-gruppi ta’ esperti enfasizza li xi aspetti tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jitfgħu piż partikolarment kbir fuq l-emittenti. Għalhekk, huwa neċessarju li tissaħħaħ iċ-ċarezza legali, li jiġu indirizzati r-rekwiżiti sproporzjonati għall-emittenti u li tiżdied l-attraenza ġenerali tas-swieq kapitali tal-Unjoni, filwaqt li jiġi żgurat livell xieraq ta’ protezzjoni tal-investituri u ta’ integrità tas-suq.
(53)L-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jipprojbixxu l-abbuż minn informazzjoni privileġġata, id-divulgazzjoni illegali ta’ informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq. Madankollu, l-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament fih eċċezzjoni għal dawk il-projbizzjonijiet għal programmi ta’ riakkwist u ta’ stabbilizzazzjoni. Sabiex programm ta’ riakkwist jibbenefika minn dik l-eżenzjoni, l-emittenti huma obbligati jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti kollha taċ-ċentri tan-negozjar li fihom l-ishma jkunu ġew ammessi għan-negozjar jew jiġu nnegozjati kull tranżazzjoni relatata mal-programm ta’ riakkwist, inkluża l-informazzjoni speċifikata fir-Regolament (UE) Nru 600/2014. Barra minn hekk, l-emittenti huma obbligati sussegwentement jiddivulgaw in-negozji lill-pubbliku. Dawk l-obbligi huma ikkumplikati wisq. Għalhekk, huwa neċessarju li tiġi ssimplifikata l-proċedura ta’ rapportar billi emittent jintalab jirrapporta informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet tal-programm ta’ riakkwist lill-awtorità kompetenti tal-aktar suq rilevanti biss f’termini ta’ likwidità għall-ishma tiegħu. Huwa neċessarju wkoll li jiġi ssimplifikat l-obbligu ta’ divulgazzjoni billi emittent jitħalla jiddivulga lill-pubbliku l-informazzjoni aggregata biss.
(54)Skont l-Artikolu 7(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, informazzjoni privileġġata, għal persuni inkarigati bl-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet li jikkonċernaw strumenti finanzjarji, tinkludi informazzjoni mibgħuta minn klijent u relatata mal-ordnijiet pendenti tal-klijent fl-istrumenti finanzjarji, li hija ta’ natura preċiża, relatata, direttament jew indirettament, ma’ emittent wieħed jew aktar jew ma’ strument finanzjarju weħed jew aktar, u li, jekk issir pubblika, x’aktarx li jkollha effett sinifikanti fuq il-prezzijiet ta’ dawk l-istrumenti finanzjarji, fuq il-prezz ta’ kuntratti spot relatati mal-komoditajiet, jew fuq il-prezz ta’ strumenti finanzjarji ta’ derivati relatati. Madankollu, dik id-definizzjoni hija limitata wisq fis-sens li tapplika biss għal persuni inkarigati bl-eżekuzzjoni tal-ordnijiet, filwaqt li wkoll persuni oħrajn jistgħu jkunu konxji ta’ ordni jew ta’ tranżazzjoni li tkun għadha ġejja. Għalhekk, jenħtieġ li dik id-definizzjoni tiġi estiża sabiex tkopri wkoll każijiet li fihom l-informazzjoni tingħadda permezz tal-ġestjoni ta’ kont proprjetarju jew ta’ fond ġestit, u b’mod partikolari sabiex tkopri l-kategoriji kollha ta’ persuni li jistgħu jkunu jafu b’ordni fil-ġejjieni.
(55)Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, sondaġġ tas-suq jikkonsisti fil-komunikazzjoni ta’ informazzjoni, qabel titħabbar tranżazzjoni, sabiex jitkejjel l-interess ta’ investituri potenzjali fi tranżazzjoni possibbli u l-kundizzjonijiet marbutin magħha, bħad-daqs jew l-ipprezzar potenzjali tagħha, lil investitur potenzjali wieħed jew aktar. Is-sondaġġ tas-suq huwa prattika stabbilita li tikkontribwixxi għal swieq kapitali effiċjenti. Madankollu, is-sondaġġ tas-suq jista’ jirrikjedi divulgazzjoni lill-investituri potenzjali ta’ informazzjoni privileġġata u jesponi lill-partijiet involuti għal riskji legali. Jenħtieġ li d-definizzjoni tas-sondaġġ tas-suq tkun wiesgħa sabiex tipprovdi għat-tipoloġiji differenti ta’ sondaġġi u għal prattiki differenti madwar l-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li d-definizzjoni ta’ sondaġġ tas-suq tkopri wkoll il-komunikazzjonijiet ta’ informazzjoni mhux segwiti minn xi tħabbira speċifika, peress li f’dak il-każ ukoll, informazzjoni privileġġata tista’ tiġi ddivulgata lil investituri u emittenti potenzjali jenħtieġ li jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014.
(56)L-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jipprevedi li d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni privileġġata matul sondaġġ tas-suq titqies li saret fl-eżerċizzju normali tal-impjieg, tal-professjoni jew tad-dmirijiet ta’ persuna, u għalhekk ma tikkostitwixxix żvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata, meta l-parteċipant fis-suq li jiddivulga l-informazzjoni jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11(3) u (5) ta’ dak ir-Regolament. Sabiex tiġi evitata interpretazzjoni li biha l-parteċipanti fis-suq li jiddivulgaw li jwettqu investigazzjoni tas-suq ikunu obbligati jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 11(5) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, jenħtieġ li jiġi speċifikat li r-reġim tas-sondaġġ tas-suq u r-rekwiżiti relatati huma sempliċi għażla għall-parteċipanti fis-suq li jiddivulgaw l-informazzjoni sabiex jibbenefikaw mill-protezzjoni mill-allegazzjoni ta’ żvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata. Fl-istess ħin, filwaqt li jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda preżunzjoni li l-parteċipanti fis-suq li jiddivulgaw l-informazzjoni li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 meta jwettqu sondaġġ tas-suq ikunu żvelaw informazzjoni privileġġata illegalment, jenħtieġ li dawk il-parteċipanti fis-suq li jiżvelaw l-informazzjoni ma jkunux jistgħu jieħdu vantaġġ mill-protezzjoni mogħtija lil dawk li jagħżlu li jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti. Sabiex tiġi żgurata l-possibbiltà li l-awtoritajiet kompetenti jiksbu rendikont tal-entrati ta’ proċess li jista’ jimplika d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni privileġġata lil partijiet terzi, jenħtieġ li jiġi speċifikat ukoll li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 ikunu obbligatorji għall-parteċipanti kollha fis-suq li jiddivulgaw l-informazzjoni.
(57)Il-likwidità f’ishma ta’ emittent tista’ tittejjeb permezz ta’ attivitajiet ta’ provvediment ta’ likwidità, li jinkludu arranġamenti ta’ ġenerazzjoni tas-suq jew kuntratti ta’ likwidità. Arranġament ta’ ġenerazzjoni tas-suq jinkludi kuntratt bejn l-operatur tas-suq u parti terza li timpenja ruħha li żżomm il-likwidità f’ċerti ishma u, bħala ħlas, tibbenifika minn tnaqqis fuq tariffi ta’ negozjar. Kuntratt ta’ likwidità jinkludi kuntratt bejn emittent u parti terza li tieħu impenn li tipprovdi likwidità fl-ishma tal-emittent, u f’ismu. Ir-Regolament (UE) Nru 2019/2115 introduċa fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 il-possibbiltà għall-emittenti ta’ strumenti finanzjarji ammessi għan-negozjar fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs li jidħlu f’kuntratt ta’ likwidità ma’ fornitur tal-likwidità, dment li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. Waħda minn dawk il-kundizzjonijiet hija li l-operatur tas-suq jew id-ditta tal-investiment li topera s-suq tat-tkabbir tal-SMEs tkun irrikonoxxiet bil-miktub lill-emittent li tkun irċiviet kopja tal-kuntratt ta’ likwidità u tkun qablet mat-termini u mal-kundizzjonijiet ta’ dak il-kuntratt. Madankollu, l-operatur ta’ suq tat-tkabbir tal-SMEs ma huwiex parti għal kuntratt ta’ likwidità u r-rekwiżit li tali operatur ikun qabel mat-termini u mal-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ likwidità jwassal għal kumplessità eċċessiva. Sabiex titneħħa dik il-kumplessità u sabiex jitrawmu provvedimenti ta’ likwidità f’dawk is-swieq tat-tkabbir tal-SMEs, huwa xieraq li jitneħħa r-rekwiżit għall-operaturi tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs li jaqblu mat-termini u mal-kundizzjonijiet tal-kuntratti ta’ likwidità.
(58)Il-projbizzjoni ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata għandha l-objettiv li tipprevjeni kwalunkwe sfruttament possibbli ta’ informazzjoni privileġġata u jenħtieġ li tapplika malli dik l-informazzjoni tkun disponibbli. Ir-rekwiżit li tiġi ddivulgata informazzjoni privileġġata għandu l-għan li jippermetti lill-investituri jieħdu deċiżjonijiet informati tajjeb. Meta l-informazzjoni tiġi ddivulgata fi stadju bikri ħafna u tkun ta’ natura preliminari, tista’ tqarraq bl-investituri, aktar milli tikkontribwixxi għal formazzjoni effiċjenti tal-prezzijiet u tindirizza l-assimetrija tal-informazzjoni. Fi proċess fit-tul, minħabba l-iterazzjonijiet differenti li minnhom tkun għad trid tgħaddi l-informazzjoni, l-informazzjoni relatata mal-passi intermedji ma tkunx matura biżżejjed u għalhekk jenħtieġ li ma tiġix iddivulgata. F’dak il-każ, jenħtieġ li l-emittent jiddivulga biss l-informazzjoni relatata mal-avveniment li dan il-proċess fit-tul ikollu l-ħsieb li jiskatta, malli tali informazzjoni tkun preċiża biżżejjed, bħal meta l-bord maniġerjali jkun ħa d-deċiżjoni rilevanti sabiex jiskatta dak l-avveniment. Fil-każ ta’ proċessi mhux fit-tul relatati ma’ avvenimenti ta’ darba, b’mod partikolari meta l-okkorrenza ta’ dawk l-avvenimenti ma tkunx tiddependi fuq l-emittent, jenħtieġ li d-divulgazzjoni ssir malli l-emittent isir jaf b’dak l-avveniment.
(59)Sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-mument tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni rilevanti mill-emittent u tiġi żgurata interpretazzjoni konsistenti tar-rekwiżit, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta att delegat sabiex tistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ informazzjoni rilevanti, u, għal kull informazzjoni, il-mument meta l-emittent jista’ jkun raġonevolment mistenni jiddivulgaha.
(60)Jenħtieġ li l-emittenti jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni relatata mal-passi intermedji meta l-avveniment, li proċess fit-tul ikollu l-ħsieb li jiskatta, ikun għadu ma ġiex iddivulgat. Ladarba dak l-avveniment ikun ġie ddivulgat, jenħtieġ li l-emittent ma jibqax ikun meħtieġ jipproteġi l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni relatata mal-passi intermedji.
(61)L-Artikolu 17(4) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jipprevedi li emittent jew parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet, jista’, fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess, jdewwem id-divulgazzjoni lill-pubbliku ta’ informazzjoni privileġġata dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet speċifikati. F’każ bħal dan, emittent ikun obbligat jinforma lill-awtorità kompetenti li d-divulgazzjoni tal-informazzjoni ġiet imdewma u jipprovdi spjegazzjoni bil-miktub dwar kif ġew issodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu immedjatament wara li l-informazzjoni tiġi ddivulgata lill-pubbliku. Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jirċievu fil-ħin l-informazzjoni dwar id-dewmien, jenħtieġ li emittent jinnotifika lill-awtorità kompetenti immedjatament wara li dak l-emittent jieħu d-deċiżjoni li jdewwem id-divulgazzjoni. Madankollu, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux meħtieġa jawtorizzaw dak id-dewmien.
(62)L-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jobbliga lill-emittenti u lil kwalunkwe persuna li taġixxi f’isimhom jew għan-nom tagħhom sabiex ifasslu u jżommu aġġornata lista tal-persuni kollha li għandhom aċċess għal informazzjoni privileġġata u li jkunu qegħdin jaħdmu għalihom b’kuntratt ta’ impjieg, jew inkella jwettqu kompiti li permezz tagħhom ikollhom aċċess għal informazzjoni privileġġata, inklużi konsulenti, kontabilisti u aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. Madankollu, l-Artikolu 18(6) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, jirrestrinġi dak l-obbligu għall-emittenti li l-istrumenti finanzjarji tagħhom huma ammessi għan-negozjar f’suq tat-tkabbir tal-SMEs. Dawk l-emittenti għandhom jinkludu biss fil-listi ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata tagħhom dawk il-persuni li, minħabba n-natura tal-funzjoni jew tal-kariga tagħhom fi ħdan l-emittent, ikollhom aċċess regolari għal informazzjoni privileġġata. Minħabba d-disponibbiltà ta’ għodod ta’ infurzar superviżorji eżistenti oħrajn, xieraq li jintuża l-istess approċċ għall-emittenti kollha, minflok biss għall-emittenti li l-istrumenti finanzjarji tagħhom ikunu ammessi għan-negozjar f’suq tat-tkabbir tal-SMEs.
(63)F’xi Stati Membri, il-listi ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata jitqiesu partikolarment importanti sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ integrità tas-suq. Għal dik ir-raġuni, l-Artikolu 18(6), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jippermetti lill-Istati Membri jirrikjedu li l-emittenti fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs ifasslu l-listi aktar estensivi ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata li jinkludu l-persuni kollha li jkollhom aċċess għal informazzjoni privileġġata, madankollu, fuq il-bażi ta’ format anqas impenjattiv, li jeħtieġ anqas informazzjoni. Sabiex jiġi evitat piż regolatorju eċċessiv, filwaqt li tinżamm l-informazzjoni essenzjali għall-awtoritajiet kompetenti sabiex jinvestigaw ksur tal-abbuż tas-suq, jenħtieġ li tali format imdewwem jintuża għal-listi kollha ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata. Madankollu, jenħtieġ li tinżamm l-għażla għall-Istati Membri stabbilita fl-Artikolu 18(6), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, dment li l-użu tagħha jkun iġġustifikat minn tħassib dwar l-integrità tas-suq nazzjonali, u dment li tintuża biss fir-rigward ta’ emittenti li t-titoli tagħhom ikunu ġew ammessi għan-negozjar f’suq regolat għal tal-anqas l-aħħar 5 snin. Sabiex jiġi żgurat trattament proporzjonat tal-SMEs, jenħtieġ li dik l-għażla ma tintużax għas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs. Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ewwel darba tal-kumpaniji għal swieq regolati kif ukoll it-tranżizzjoni tal-kumpaniji mis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs għal swieq regolati, l-emittenti li t-titoli tagħhom ikunu ġew ammessi għan-negozjar f’suq regolat għal anqas minn 5 snin lanqas ma jenħtieġ li jkunu obbligati jfasslu listi aktar estensivi.
(64)L-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jipprevedi miżuri preventivi kontra l-abbuż tas-suq u, b’mod aktar speċifiku, abbuż minn informazzjoni privileġġata, dwar persuni li jwettqu responsabbiltajiet maniġerjali u persuni assoċjati mill-qrib magħhom. Tali miżuri jvarjaw minn notifika ta’ tranżazzjonijiet imwettqin fuq strumenti finanzjarji tal-emittent rilevanti sal-projbizzjoni milli jitwettqu tranżazzjonijiet fuq tali strumenti f’ċerti perjodi definiti. B’mod partikolari, l-Artikolu 19(8) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jipprevedi li persuni li jwettqu responsabbiltajiet maniġerjali għandhom jinnotifikaw lill-emittent u lill-awtorità kompetenti meta dawk il-persuni jkollhom tranżazzjonijiet li jilħqu l-livell limitu ta’ EUR 5 000 f’sena kalendarja, kif ukoll kwalunkwe tranżazzjoni sussegwenti fl-istess sena. In-notifiki jikkonċernaw, fir-rigward tal-emittenti, tranżazzjonijiet imwettqin minn persuni li jwettqu responsabbiltajiet maniġerjali jew minn persuni assoċjati mill-qrib magħhom f’isimhom stess relatati jew mal-ishma jew mal-istrumenti ta’ dejn ta’ dak l-emittent, jew ma’ derivattivi jew ma’ strumenti finanzjarji oħrajn marbutin magħhom. Minbarra l-livell limitu ta’ EUR 5 000, l-Artikolu 19(9) tar-Regolament (UE) Nru 596/201 jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jżidu l-livell limitu għal EUR 20 000.
(65)Sabiex jiġi evitat rekwiżit mhux dovut għall-persuni li jeżerċitaw responsabbiltajiet maniġerjali li jirrapportaw u għall-kumpaniji li jiddivulgaw tranżazzjonijiet li ma jkunux sinifikattivi għall-investituri, xieraq li l-livell limitu għar-rapportar u għad-divulgazzjoni relatata jiżdied minn EUR 5 000 għal EUR 20 000, filwaqt li tingħata l-possibbiltà lill-awtoritajiet kompetenti li jżidu dak il-limitu aktar, meta jkun ġustifikat.
(66)L-Artikolu 19(11) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jipprojbixxi persuni li jwettqu responsabbiltajiet maniġerjali milli jinnegozjaw, matul perjodu ta’ 30 jum tal-kalendarju qabel ir-rapportar finanzjarju tal-kumpanija tagħhom (perjodu magħluq), f'ishma jew strumenti ta’ dejn tal-emittent jew derivattivi jew strumenti finanzjarji oħrajn marbutin magħhom, sakemm l-emittent ma jagħtix il-kunsens tiegħu u jiġu ssodisfati ċirkostanzi speċifiċi. Dik l-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-perjodu magħluq bħalissa tinkludi ishma tal-impjegati jew skemi ta’ tfaddil kif ukoll kwalifiki jew intitolament ta’ ishma. Sabiex tiġi promossa l-konsistenza tar-regoli fil-klassijiet differenti ta’ assi, jenħtieġ li dik l-eżenzjoni tiġi estiża sabiex tinkludi fost l-iskemi tal-impjegati eżentati dawk li jikkonċernaw strumenti finanzjarji minbarra ishma u wkoll sabiex tkopri l-kwalifika jew l-intitolament ta’ strumenti għajr ishma.
(67)Ċerti tranżazzjonijiet jew attivitajiet imwettqin mill-persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali matul il-perjodu magħluq jistgħu jkunu relatati ma’ arranġamenti irrevokabbli li jsiru barra minn perjodu magħluq. Dawk it-tranżazzjonijiet jew l-attivitajiet jistgħu jirriżultaw ukoll minn mandat ta’ ġestjoni tal-assi diskrezzjonali eżegwit minn parti terza indipendenti taħt mandat ta’ ġestjoni tal-assi diskrezzjonali. Tali tranżazzjonijiet jew attivitajiet jistgħu jkunu wkoll il-konsegwenza ta’ azzjonijiet korporattivi debitament awtorizzati li ma jimplikawx trattament favorevoli għall-persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali. Barra minn hekk, dawk it-tranżazzjonijiet jew l-attivitajiet jistgħu jkunu l-konsegwenza tal-aċċettazzjoni ta’ wirt, ta’ rigali u ta’ donazzjonijiet, jew tal-eżerċitar ta’ opzjonijiet, ta’ futuri, jew ta’ derivattivi oħrajn miftehmin barra mill-perjodu magħluq. Dawn l-attivitajiet u t-tranżazzjonijiet kollha, fil-prinċipju, ma jinvolvux deċiżjonijiet ta’ investiment attivi mill-persuni li jwettqu responsabbiltajiet maniġerjali. Il-projbizzjoni ta’ tali tranżazzjonijiet jew attivitajiet matul il-perjodu magħluq tillimita b’mod eċċessiv il-libertà ta’ persuni li jwettqu responsabbiltajiet maniġerjali, peress li ma hemm l-ebda riskju li se jibbenefikaw minn vantaġġ informattiv. Sabiex jiġi żgurat li l-projbizzjoni fuq il-kummerċ f’perjodu magħluq tapplika biss għal tranżazzjonijiet jew għal attivitajiet li jiddependu fuq l-attività ta’ investiment volontarja tal-persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali, jenħtieġ li dik il-projbizzjoni ma tkoprix tranżazzjonijiet jew attivitajiet li jiddependu minn fatturi esterni jew li ma jinvolvux deċiżjonijiet attivi ta’ investiment mill-persuni li jwettqu responsabbiltajiet maniġerjali.
(68)L-integrazzjoni dejjem akbar tas-swieq iżżid ir-riskju ta’ abbużi transfruntiera tas-suq. Sabiex tiġi protetta l-integrità tas-suq, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw b’mod rapidu u f’waqtu, anki mal-ESMA. Sabiex tissaħħaħ din il-kooperazzjoni, jenħtieġ li l-ESMA tkun tista’ taġixxi fuq inizjattiva tagħha stess sabiex tiffaċilita l-kollaborazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti b’possibbiltà li tikkoordina l-investigazzjoni jew l-ispezzjoni li jkollha effett transfruntier. Il-pjattaformi ta’ kollaborazzjoni stabbiliti mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol urew li huma utli bħala għodda superviżorja sabiex jissaħħaħ l-iskambju ta’ informazzjoni u sabiex tissaħħaħ il-kollaborazzjoni fost l-awtoritajiet. Għalhekk, huwa xieraq li tiġi introdotta l-possibbiltà wkoll li l-ESMA tistabbilixxi u tikkoordina tali pjattaformi fil-qasam tas-swieq tat-titoli meta jkun hemm tħassib dwar l-integrità tas-suq jew il-funzjonament tajjeb tas-swieq. Meta jitqiesu r-relazzjonijiet b’saħħithom bejn is-swieq finanzjarji u dawk spot, jenħtieġ li l-ESMA tkun tista’ tistabbilixxi tali pjattaformi wkoll ma’ korpi pubbliċi li jimmonitorjaw is-swieq tal-komoditajiet bl-ingrossa, inkluża l-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), meta tali tħassib jaffettwa kemm is-swieq finanzjarji kif ukoll dawk spot.
(69)Il-monitoraġġ tad-data dwar il-kotba tal-ordnijiet huwa kruċjali għas-sorveljanza tal-attività tas-suq. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom aċċess faċli għad-data li jeħtieġu għall-attività superviżorja tagħhom. Partijiet minn dik id-data jikkonċernaw strumenti li huma nnegozjati f’ċentru tan-negozjar li jinsab fi Stat Membru ieħor. Sabiex tissaħħaħ l-effettività tas-superviżjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu mekkaniżmu għall-iskambju ta’ data dwar il-kotba tal-ordnijiet fuq bażi kontinwa. Fid-dawl tal-għarfien espert tekniku tagħha, jenħtieġ li l-ESMA tabbozza standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw l-arranġamenti meħtieġa minn dak il-mekkaniżmu għall-iskambju tal-kotba tal-ordnijiet fost l-awtoritajiet kompetenti. Sabiex jiġi żgurat li l-ambitu ta’ dak il-mekkaniżmu għall-iskambju ta’ data dwar il-kotba tal-ordnijiet ikun proporzjonat fir-rigward tal-użu tiegħu, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti biss li jissorveljaw is-swieq li għandhom livell għoli ta’ attività transfruntiera jkunu obbligati jipparteċipaw f’dak il-mekkaniżmu. Jenħtieġ li l-livell ta’ dimensjonijiet transfruntiera jiġi ddeterminat mill-Kummissjoni f’att delegat. Barra minn hekk, jenħtieġ li għall-ewwel dak il-mekkaniżmu għall-iskambju tad-data dwar il-kotba tal-ordnijiet jikkonċerna biss ishma, bonds u futuri, filwaqt li titqies ir-rilevanza ta’ dawk l-istrumenti finanzjarji f’termini kemm ta’ negozjar transfruntier kif ukoll ta’ manipulazzjoni tas-suq. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li tali mekkaniżmu għall-iskambju tad-data dwar il-kotba tal-ordnijiet iqis l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji u l-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jipproċessaw data ġdida, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li twessa’ l-ambitu tal-istrumenti li d-data dwar il-kotba tal-ordnijiet tagħhom tista’ tiġi skambjata permezz ta’ dak il-mekkaniżmu.
(70)Il-monitoraġġ tad-data dwar il-kotba tal-ordnijiet huwa kruċjali għas-superviżjoni tas-swieq mill-awtoritajiet kompetenti. Sabiex itejbu dak il-monitoraġġ permezz tal-iżviluppi teknoloġiċi, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jaċċessaw id-data tal-kotba tal-ordnijiet mhux biss fuq talba ad hoc, iżda wkoll fuq bażi kontinwa. Barra minn hekk, sabiex jiġi ffaċilitat l-ipproċessar tad-data tal-kotba tal-ordnijiet mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa neċessarju li jiġi armonizzat il-format ta’ tali data.
(71)Is-sanzjonijiet amministrattivi imposti f’każijiet ta’ ksur relatat mar-reġim ta’ divulgazzjoni (divulgazzjoni pubblika ta’ informazzjoni privileġġata, listi ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata u tranżazzjonijiet tal-maniġers) huma stabbiliti bħala minimu tal-massimu, li jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu livell ogħla tas-sanzjonijiet massimi fil-liġi nazzjonali. Ir-riskju ta’ ksur mhux intenzjonat tar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 u s-sanzjonijiet amministrattivi assoċjati huma fattur importanti li jiskoraġġixxi lill-kumpaniji milli jfittxu ammissjoni għan-negozjar. Sabiex jiġi evitat piż eċċessiv fuq il-kumpaniji, b’mod partikolari fuq l-SMEs, jenħtieġ li s-sanzjonijiet għal ksur imwettaq minn persuni ġuridiċi fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni jkunu proporzjonati għad-daqs tal-kumpanija, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014. Jenħtieġ li dawk is-sanzjonijiet jiġu ddeterminati fuq il-bażi tal-fatturat annwali totali tal-kumpanija. Jenħtieġ li s-sanzjonijiet iddeterminati fuq il-bażi ta’ ammonti assoluti jiġu applikati b’mod eċċezzjonali u biss jekk l-awtoritajiet kompetenti jqisu li l-ammont tas-sanzjoni amministrattiva bbażata fuq il-fatturat annwali totali jkun baxx b’mod sproporzjonat fid-dawl taċ-ċirkostanzi stabbiliti fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014. F’dawk il-każijiet, huwa xieraq ukoll li jitnaqqas il-minimu tal-livell massimu ta’ sanzjonijiet għall-SMEs, kif espress f’ammonti assoluti, sabiex jiġi żgurat it-trattament proporzjonat tagħhom.
(72)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti (UE) Nru 596/2014, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 2017/1129 jiġu emendati kif xieraq.
(73)Meta jipproċessaw data personali fil-qafas ta’ dan ir-Regolament (UE) Nru 596/2014, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jikkonformaw mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Fir-rigward tal-proċessar ta’ data personali mill-ESMA fil-qafas ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li l-ESMA tikkonforma mar-Regolament (UE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. B’mod partikolari, l-ESMA u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom iżommu data personali għal mhux aktar milli jkun neċessarju għall-finijiet li għalihom tiġi pproċessata d-data personali.
(74)Sabiex jiġu speċifikati r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, f’konformità mal-objettivi tiegħu, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tar-reviżjoni tal-format u tal-kontenut tal-prospett, tat-trawwim tal-konverġenza fl-iskrutinju u fl-approvazzjoni tal-prospett mill-awtoritajiet kompetenti, tal-ispeċifikazzjoni ulterjuri tal-kriterji ġenerali ta’ ekwivalenza għall-prospetti mfasslin minn emittenti ta’ pajjiżi terzi, tad-determinazzjoni tal-kontenut minimu tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni bejn l-ESMA u l-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi, skont ir-Regolament (UE) 2017/1129, kif ukoll tar-reviżjoni tal-mudell anqas impenjattiv li jistabbilixxi l-lista ta’ persuni li għandhom aċċess għal informazzjoni privileġġata, u tal-espansjoni tal-lista ta’ strumenti finanzjarji sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jiksbu data dwar il-kotba tal-ordnijiet, skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014. B’mod partikolari huwa importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawn il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.
(75)Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, peress li l-miżuri introdotti jeħtieġu armonizzazzjoni sħiħa madwar l-Unjoni, iżda, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emenda tar-Regolament (UE) 2017/1129
Ir-Regolament (UE) 2017/1129 huwa emendat kif ġej:
(1)l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:
(a)jitħassar il-paragrafu 3;
(b)il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:
(i)jiddaħħlu l-punti (da) u (db) li ġejjin:
"(da)offerta ta’ titoli li għandhom jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat jew f’suq tat-tkabbir tal-SMEs u li huma funġibbli ma’ titoli diġà ammessi għan-negozjar fl-istess suq, dment li jirrappreżentaw, fuq perjodu ta’ 12-il xahar, anqas minn 40 % tan-numru ta’ titoli diġà ammessi għan-negozjar fl-istess suq;
(db)offerta ta’ titoli funġibbli ma’ titoli li ġew ammessi għall-kummerċ f’suq regolat jew f’suq tat-tkabbir tal-SMEs kontinwament għal tal-anqas it-18-il xahar ta’ qabel l-offerta tat-titoli l-ġodda, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(i)it-titoli offruti lill-pubbliku ma jinħarġux b’rabta ma’ akkwiżizzjoni permezz ta’ offerta ta’ skambju, fużjoni jew diviżjoni;
(ii)l-emittent tat-titoli ma jkunx taħt proċedura ta’ insolvenza jew ta’ ristrutturar;
(iii)dokument li fih l-informazzjoni stabbilita fl-Anness IX jiġi ppreżentat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari u jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku f’konformità mal-arranġamenti stabbiliti fl-Artikolu 21(2).”;
(ii)fil-punt (j), il-kliem introduttorju huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“(j)titoli mingħajr ekwità maħruġin b’manjiera kontinwa jew ripetuta mill-istituzzjoni ta’ kreditu, meta l-korrispettiv aggregat totali fl-Unjoni għat-titoli offruti jkun anqas minn EUR 150 000 000 għal kull istituzzjoni ta’ kreditu kkalkolat fuq perjodu ta’ 12-il xahar, dment li dawk it-titoli:”;
(iii)jitħassar il-punt (l);
(iv)jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:
“Id-dokument imsemmi fil-punt (db)(iii) għandu jkollu tul massimu ta’ 10 naħat ta’ karta ta’ daqs A4 meta tiġi stampata, għandu jiġi ppreżentat u stabbilit b’mod li jkun faċli sabiex jinqara, bl-użu ta’ karattri ta’ daqs li jistgħu jinqraw u għandu jitfassal bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru domiċiljari, jew tal-anqas b’waħda mil-lingwi uffiċjali tiegħu, jew b’lingwa oħra aċċettata mill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru.
Il-korrispettiv aggregat totali tal-offerti ta’ titoli lill-pubbliku msemmijin fl-ewwel subparagrafu, il-punt (j), għandu jqis il-korrispettiv aggregat totali tal-offerti kollha ta’ titoli lill-pubbliku li jkunu saru fit-12-il xahar qabel id-data tal-bidu ta’ offerta ġdida ta’ titoli lill-pubbliku, ħlief dawk l-offerti ta’ titoli lill-pubbliku li kienu soġġetti għal kwalunkwe eżenzjoni oħra mill-obbligu li jiġi ppubblikat prospett f’konformità mal-ewwel subparagrafu, jew skont l-Artikolu 3(2).”;
(c)il-paragrafu 5 huwa emendat kif ġej:
(i)l-ewwel subparagrafu huwa emendat kif ġej:
(1)il-punti (a) u (b) huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:
“(a)titoli funġibbli ma’ titoli diġà ammessi għall-kummerċ fl-istess suq regolat, bil-kondizzjoni li dawn jirrappreżentaw, fuq perijodu ta’ 12-il xahar, anqas minn 40 % tan-numru ta’ titoli diġà ammessi għall-kummerċ fl-istess suq regolat;
(b)ishma li jirriżultaw mill-konverżjoni jew mill-iskambju ta’ titoli oħrajn jew mill-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti minn titoli oħrajn, meta l-ishma li jirriżultaw ikunu tal-istess klassi bħall-ishma diġà ammessi għall-kummerċ fl-istess suq regolat, bil-kondizzjoni li l-ishma li jirriżultaw jirrappreżentaw, matul perijodu ta’ 12-il xahar, anqas minn 40 % tan-numru ta’ ishma tal-istess klassi diġà ammessi għall-kummerċ fl-istess suq regolat, soġġett għat-tielet subparagrafu;”;
(2)jiddaħħal il-punt (ba) li ġej:
“(ba)titoli funġibbli jew ma’ titoli li jkunu ġew ammessi għall-kummerċ f’suq regolat kontinwament għal tal-anqas l-aħħar 18-il xahar qabel l-ammissjoni għall-kummerċ tat-titoli l-ġodda, jew ma’ titoli li ġew offruti lill-pubbliku bi prospett u ammessi għall-kummerċ f’suq tat-tkabbir tal-SMEs kontinwament għal tal-anqas l-aħħar 18-il xahar qabel l-ammissjoni għan-negozjar tat-titoli l-ġodda, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(i)it-titoli li għandhom jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat ma jinħarġux b’rabta ma’ akkwiżizzjoni permezz ta’ offerta ta’ skambju, ta’ fużjoni jew ta’ diviżjoni;
(ii)l-emittent tat-titoli ma jkunx taħt proċedura ta’ insolvenza jew ta’ ristrutturar;
(iii)dokument li fih l-informazzjoni stabbilita fl-Anness IX jiġi ppreżentat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari u jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku f’konformità mal-arranġamenti stabbiliti fl-Artikolu 21(2).
(3)fil-punt (i), il-formulazzjoni introduttorja hija ssostitwita b’dan li ġej:
“(i)titoli mingħajr ekwità maħruġin b’manjiera kontinwa jew ripetuta mill-istituzzjoni ta’ kreditu, meta l-korrispettiv aggregat totali fl-Unjoni għat-titoli offruti jkun anqas minn EUR 150 000 000 għal kull istituzzjoni ta’ kreditu kkalkolat fuq perjodu ta’ 12-il xahar, dment li dawk it-titoli:”;
(4)jitħassru l-punti (j) u (k);
(ii)fit-tieni subparagrafu, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:
“Ir-rekwiżit li l-ishma li jirriżultaw jirrappreżentaw, fuq perjodu ta’ 12-il xahar, anqas minn 40 % tan-numru ta’ ishma tal-istess klassi diġà ammessi għall-kummerċ fl-istess suq regolat kif imsemmi fl-ewwwel subparagrafu, il-punt (b), ma għandux japplika fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:”;
(iii) jiżdiedu ż-żewġ subparagrafi li ġejjin:
“Id-dokument imsemmi fil-punt (ba)(iii) għandu jkollu tul massimu ta’ 10 naħat ta’ karta ta’ daqs A4 meta tiġi stampata, għandu jiġi ppreżentat u stabbilit b’mod li jkun faċli sabiex jinqara, bl-użu ta’ karattri ta’ daqs li jistgħu jinqraw u għandu jitfassal bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru domiċiljari, jew tal-anqas b’waħda mil-lingwi uffiċjali tiegħu, jew b’lingwa oħra aċċettata mill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru.
Il-korrispettiv aggregat totali tal-offerti ta’ titoli lill-pubbliku msemmijin fl-ewwel subparagrafu, il-punt (i), għandu jqis il-korrispettiv aggregat totali tal-offerti kollha ta’ titoli lill-pubbliku li jkunu saru fit-12-il xahar qabel id-data tal-bidu ta’ offerta ġdida ta’ titoli lill-pubbliku, ħlief għal dawk l-offerti ta’ titoli lill-pubbliku li kienu soġġetti għal kwalunkwe eżenzjoni oħra mill-obbligu li jiġi ppubblikat prospett f’konformità mal-ewwel subparagrafu, jew skont l-Artikolu 3(2).”;
(d)il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“6.L-eżenzjonijiet mill-obbligu tal-pubblikazzjoni ta’ prospett li huma stabbiliti fil-paragrafi 4 u 5 jistgħu jiġu kkombinati flimkien. Madankollu, l-eżenzjonijiet fil-paragrafu 5, l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b), ma għandhomx jiġu kkombinati flimkien meta tali kombinament ikun jista’ jwassal għall-ammissjoni immedjata jew differita għall-kummerċ f’suq regolat fuq perjodu ta’ 12-il xahar ta’ aktar minn 40 % tan-numru ta’ ishma tal-istess klassi diġà ammessi għall-kummerċ fl-istess suq regolat, mingħajr ma jiġi ppubblikat prospett.”;
(2)l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:
(a)jitħassar il-punt (z);
(b)jiżdied il-punt (za) li ġej:
“(za)“format elettroniku” tfisser format elettroniku kif iddefinit fl-Artikolu 4(1), il-punt (62a) tad-Direttiva 2014/65/UE;”.
(3)fl-Artikolu 3, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“1.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(4) u għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, it-titoli għandhom jiġu offruti biss lill-pubbliku fl-Unjoni wara l-pubblikazzjoni minn qabel ta’ prospett f’konformità ma’ dan ir-Regolament.
2.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4, Stat Membru għandu jeżenta offerti ta’ titoli lill-pubbliku mill-obbligu tal-pubblikazzjoni ta’ prospett kif stabbilit fil-paragrafu 1 dment li:
(a)tali offerti ma jkunux soġġetti għal notifika f’konformità mal-Artikolu 25;
(b)il-korrispettiv aggregat totali fl-Unjoni għat-titoli offruti jkun anqas minn EUR 12 000 000 għal kull emittent jew offerent ikkalkolat fuq perjodu ta’ 12-il xahar.
Il-korrispettiv aggregat totali għat-titoli offruti, kif msemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b), għandu jqis il-korrispettiv aggregat totali tal-offerti kollha ta’ titoli lill-pubbliku li jkunu saru fit-12-il xahar qabel id-data tal-bidu ta’ offerta ġdida ta’ titoli lill-pubbliku, ħlief għal dawk l-offerti ta’ titoli lill-pubbliku li kienu soġġetti għal kwalunkwe eżenzjoni mill-obbligu li jiġi ppubblikat prospett skont l-Artikolu 1(4), l-ewwel subparagrafu.
Meta offerta ta’ titoli lill-pubbliku tkun eżentata mill-obbligu ta’ pubblikazzjoni ta’ prospett skont l-ewwel subparagrafu, Stat Membru jista’ jitlob rekwiżiti oħrajn ta’ żvelar fil-livell nazzjonali, sa fejn tali rekwiżiti ma jkunux jikkostitwixxu piż sproporzjonat jew mhux neċessarju.”;
(4)fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1.Meta offerta ta’ titoli lill-pubbliku jew ammissjoni ta’ titoli għall-kummerċ f’suq regolat tkun eżentata mill-obbligu li jiġi ppubblikat prospett f’konformità mal-Artikolu 1(4) jew (5) jew mal-Artikolu 3(2), emittent, offerent jew persuna li titlob l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat għandha tkun intitolata li volontarjament tfassal prospett f’konformità ma’ dan ir-Regolament.”;
(5)fl-Artikolu 5(1), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Kwalunkwe bejgħ mill-ġdid sussegwenti ta’ titoli li qabel kienu soġġetti għal tip wieħed jew aktar ta’ offerta ta’ titoli lill-pubbliku elenkati fl-Artikolu 1(4), il-punti (a) sa (db), għandu jitqies bħala offerta separata u d-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2, il-punt (d), għandha tapplika sabiex jiġi ddeterminat jekk dak il-bejgħ mill-ġdid ikunx offerta ta’ titoli lill-pubbliku. It-tqegħid ta’ titoli permezz ta’ intermedjarji finanzjarji għandu jkun soġġett għall-pubblikazzjoni ta’ prospett sakemm ma tkunx tapplika waħda mill-eżenzjonijiet elenkati fl-Artikolu 1(4), il-punti (a) sa (db), fir-rigward tat-tqegħid finali.”;
(6)l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 1, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’din li ġejja:
“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14b(2), għall-Artikolu 15a(2) u għall-Artikolu 18(1), prospett għandu jkun fih l-informazzjoni neċessarja li tkun sinifikanti għal investitur sabiex jagħmel valutazzjoni informata ta’:”;
(b)il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2.Il-prospett għandu jkun dokument f’format standardizzat u l-informazzjoni żvelata fi prospett għandha tiġi ppreżentata f’sekwenza standardizzata, f’konformità mal-atti delegati msemmijin fl-Artikolu 13(1). L-informazzjoni fi prospett għandha tinkiteb u tiġi ppreżentata f’forma li tkun faċilment analizzabbli, konċiża u li tinftiehem, u tieħu kont tal-fatturi stabbiliti fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, ta’ dan l-Artikolu.”;
(c)jiżdiedu l-paragrafi 4 u 5 li ġejjin:
“4. Prospett li jirrigwarda ishma jew titoli trasferibbli oħrajn ekwivalenti għal ishma fil-kumpaniji għandu jkun ta’ tul massimu ta’ 300 naħat ta’ karta ta’ daqs A4 meta jiġi stampat u għandu jiġi ppreżentat u stabbilit b’mod li jkun faċli sabiex jinqara, bl-użu ta’ karattri ta’ daqs li jistgħu jinqraw.
5.Is-sommarju, l-informazzjoni inkorporata b’referenza f’konformità mal-Artikolu 19 jew l-informazzjoni addizzjonali li għandha tiġi pprovduta meta l-emittent ikollu storja finanzjarja kumplessa jew ikun ħa impenn finanzjarju sinifikanti, kif imsemmi fl-Artikolu 18 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/980 *1, ma għandhomx jitqiesu għat-tul massimu msemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.
_____________
*1Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/980 tal-14 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-format, il-kontenut, l-iskrutinju u l-approvazzjoni tal-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004 (ĠU L 166, 21.6.2019, p. 26).”;
(7)l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 3, jiżdied is-subparagrafu li ġej:
“Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, is-sommarju jista’ jippreżenta jew jiġbor fil-qosor informazzjoni fil-forma ta’ ċarts, ta’ graffs jew ta’ tabelli.”;
(b)fil-paragrafu 4, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:
“Is-sommarju għandu jkun magħmul mill-erba’ taqsimiet li ġejjin fl-ordni li ġej:”;
(c)il-paragrafu 5 huwa emendat kif ġej:
(i)fl-ewwel subparagrafu, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:
“It-taqsima msemmija fil-paragrafu 4, il-punt (a), għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja fl-ordni li ġej:”;
(ii)fit-tieni subparagrafu, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:
“Għandu jkun fiha t-twissijiet li ġejjin fl-ordni li ġej:”;
(d)fil-paragrafu 6, is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:
“It-taqsima msemmija fil-paragrafu 4, il-punt (b), għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja fl-ordni li ġej:”;
(e)il-paragrafu 7 huwa emendat kif ġej:
(i)is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:
“It-taqsima msemmija fil-paragrafu 4, il-punt (c), għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja fl-ordni li ġej:”;
(ii)il-ħames subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Meta s-sommarju jkun fih l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (c), it-tul massimu stabbilit fil-paragrafu 3 għandu jiġi estiż b’naħa addizzjonali waħda ta’ karta ta’ daqs A4, meta jkun hemm garanti wieħed biss, jew bi tliet naħat addizzjonali ta’ karta ta’ daqs A4 meta jkun hemm aktar garanti.”;
(f)fil-paragrafu 8, is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:
“It-taqsima msemmija fil-paragrafu 4, il-punt (d), għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja fl-ordni li ġej:”;
(g)jitħassar il-paragrafu 12a;
(h)jiżdied il-paragrafu 12b li ġej:
“12b. B’deroga mill-paragrafi 3 sa 12 ta’ dan l-Artikolu, Prospett ta’ segwitu tal-UE mfassal f’konformità mal-Artikolu 14b jew Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE mfassal f’konformità mal-Artikolu 15a għandu jkun fih sommarju mfassal f’konformità ma’ dan il-paragrafu.
Is-sommarju ta’ Prospett ta’ segwitu tal-UE jew ta’ Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE għandu jitfassal bħala dokument qasir miktub b’mod konċiż u ta’ tul massimu ta’ ħames faċċati ta’ karta ta’ daqs A4 meta jiġi stampat.
Is-sommarju ta’ Prospett ta’ segwitu tal-UE jew ta’ Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE ma għandux ikun fih kontroreferenzi għal partijiet oħrajn tal-prospett jew jinkorpora informazzjoni b’referenza u għandu jikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:
(a)għandu jiġi ppreżentat u jkun strutturat b’mod li jkun faċli sabiex jinqara, bl-użu ta’ karattri ta’ daqs li jkun jista’ jinqara;
(b)għandu jinkiteb b’lingwa li tkun ċara, mhux teknika, konċiża u li tinftiehem mill-investituri u bi stil li jiffaċilita l-fehim tal-informazzjoni;
(c)għandu jkun magħmul mill-erba’ taqsimiet li ġejjin fl-ordni li ġej:
(i)introduzzjoni, li jkun fiha l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, inklużi t-twissijiet u d-data ta’ approvazzjoni tal-Prospett sekondarju tal-UE jew tad-Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE;
(ii)informazzjoni importanti dwar l-emittent;
(iii)informazzjoni importanti dwar it-titoli, inklużi d-drittijiet marbutin ma’ dawk l-ishma u kwalunkwe limitu fuq dawk id-drittijiet;
(iv)informazzjoni importanti dwar l-offerta ta’ titoli lill-pubbliku u/jew l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat, jew it-tnejn;
(v)meta jkun hemm garanzija mehmuża mat-titoli, informazzjoni importanti dwar il-garanti u dwar in-natura u l-ambitu tal-garanzija.
Mingħajr preġudizzju għat-tielet subparagrafu, il-punti (a) u (b), is-sommarju ta’ Prospett ta’ segwitu tal-UE jew ta’ Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE jistgħu jippreżentaw jew jiġbru fil-qosor informazzjoni fil-forma ta’ ċarts, ta’ graffs jew ta’ tabelli.
Meta s-sommarju ta’ Prospett ta’ segwitu tal-UE jew ta’ Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE jkun fih l-informazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu, il-punt (c)(v), it-tul massimu kif imsemmi fit-tieni subparagrafu għandu jiġi estiż b’naħa addizzjonali waħda ta’ karta ta’ daqs A4, meta jkun hemm garanti wieħed biss, jew bi tliet naħat addizzjonali ta’ karta ta’ daqs A4 meta jkun hemm aktar garanti.”;
(8)fl-Artikolu 9(2), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Wara li l-emittent kellu dokument tar-reġistrazzjoni universali approvat mill-awtorità kompetenti għal sena finanzjarja waħda, id-dokumenti tar-reġistrazzjoni universali sussegwenti jistgħu jiġu ppreżentati għand l-awtorità kompetenti mingħajr l-approvazzjoni minn qabel.”;
(9)fl-Artikolu 11(2), it-tieni subparagrafu, il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:
“Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ebda responsabbiltà ċivili ma għandha tintrabat ma’ kwalunkwe persuna biss fuq il-bażi tas-sommarju skont l-Artikolu 7, inkluża kwalunkwe traduzzjoni tiegħu, sakemm:”;
(10)l-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:
(i)l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 44 sabiex tissuplimenta dan ir-Regolament rigward il-format standardizzat u s-sekwenza standardizzata tal-prospett, il-prospett bażi u l-kondizzjonijiet finali, u l-iskedi li jiddefinixxu l-informazzjoni speċifika li trid tkun inkluża fi prospett, inkluż LEIs u ISINs, filwaqt li tkun evitata d-duplikazzjoni tal-informazzjoni meta prospett ikun magħmul minn dokumenti separati.”;
(ii)fit-tieni subparagrafu, jiżdiedu l-punti (f) u (g) li ġejjin:
“(f)jekk l-emittent huwiex meħtieġ jipprovdi rapportar dwar is-sostenibbiltà, flimkien mal-opinjoni ta’ assigurazzjoni relatata, f’konformità mad-Direttiva 2004/109/KE u mad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*2;
(g)jekk titoli mingħajr ekwità offruti lill-pubbliku jew ammessi għall-kummerċ f’suq regolat humiex irreklamati bħala li jqisu l-fatturi ambjentali, soċjali jew ta’ governanza (ESG) jew li jsegwu l-objettivi tal-ESG.
_____________
*2Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).”;
(b)fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 44 sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu l-iskeda li tispeċifika l-informazzjoni minima li trid tkun inkluża fid-dokument tar-reġistrazzjoni universali.”;
(c)il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“3. L-atti delegati msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jikkonformaw mal-Annessi I, II u III ta’ dan ir-Regolament.”;
(11)Jitħassru l-Artikoli 14 u 14a;
(12)jiddaħħal l-Artikolu 14b li ġej:
“Artikolu 14b Prospett ta’ segwitu tal-UE
1.Il-persuni li ġejjin jistgħu jfasslu Prospett ta’ segwitu tal-UE fil-każ ta’ offerta ta’ titoli lill-pubbliku jew ta’ ammissjoni għall-kummerċ ta’ titoli f’suq regolat:
(a)emittenti li t-titoli tagħhom ikunu ġew ammessi għall-kummerċ f’suq regolat jew f’suq tat-tkabbir tal-SMEs kontinwament tal-anqas għat-18-il xahar ta’ qabel l-offerta lill-pubbliku jew l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat tat-titoli l-ġodda;
(b)offerenti ta’ titoli ammessi għall-kummerċ f’suq regolat jew f’suq tat-tkabbir tal-SMEs kontinwament tal-anqas għat-18-il xahar ta’ qabel l-offerta ta’ titoli lill-pubbliku.
B’deroga mill-ewwel subparagrafu, emittent li għandu biss titoli mingħajr ekwità ammessi għall-kummerċ f’suq regolat jew f’suq tat-tkabbir tal-SMEs ma għandux jitħalla jfassal Prospett ta’ segwitu tal-UE għall-ammissjoni għall-kummerċ ta’ titoli ta’ ekwità f’suq regolat.
2.B’deroga mill-Artikolu 6(1), u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18(1), il-Prospett ta’ segwitu tal-UE għandu jkun fih l-informazzjoni kollha li l-investituri jeħtieġu sabiex jifhmu dawn kollha li ġejjin:
(a)il-prospetti u l-prestazzjoni finanzjarja tal-emittent u l-bidliet sinifikanti fil-pożizzjoni finanzjarja u tan-negozju tal-emittent li jkunu seħħew mit-tmiem tal-aħħar sena finanzjarja, jekk ikun hemm;
(b)l-informazzjoni essenzjali dwar it-titoli, inklużi d-drittijiet marbutin ma’ dawk l-ishma u kwalunkwe limitu fuq dawk id-drittijiet;
(c)ir-raġunijiet għall-ħruġ u l-impatt tiegħu fuq l-emittent, inkluż fuq l-istruttura tal-kapital globali tal-emittent, u l-użu tar-rikavati.
3.L-informazzjoni li tinsab fil-Prospett ta’ segwitu tal-UE għandha tkun miktuba u ppreżentata f’forma li tkun faċilment analizzabbli, konċiża u li tinftiehem u għandha tippermetti lill-investituri, speċjalment lill-investituri fil-livell tal-konsumatur, sabiex jieħdu deċiżjoni informata filwaqt li jikkunsidraw l-informazzjoni regolata li diġà ġiet żvelata lill-pubbliku skont id-Direttiva 2004/109/KE, meta applikabbli, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 u, meta applikabbli, l-informazzjoni msemmija fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565*3.
4.Il-Prospett ta’ segwitu tal-UE għandu jitfassal bħala dokument uniku li jkun fih l-informazzjoni minima stabbilita fl-Anness IV jew fl-Anness V, skont it-tipi ta’ titoli.
5.Prospett ta’ segwitu tal-UE li jirrigwarda ishma jew titoli trasferibbli oħrajn ekwivalenti għal ishma fil-kumpaniji għandu jkun ta’ tul massimu ta’ 50 naħat ta’ karta ta’ daqs A4 meta jiġi stampat u għandu jiġi ppreżentat u stabbilit b’mod li jkun faċli sabiex jinqara, bl-użu ta’ karattri ta’ daqs li jistgħu jinqraw.
6.Is-sommarju, l-informazzjoni inkorporata b’referenza f’konformità mal-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament jew l-informazzjoni addizzjonali li għandha tiġi pprovduta meta l-emittent ikollu storja finanzjarja kumplessa jew ikun ħa impenn finanzjarju sinifikanti, kif imsemmi fl-Artikolu 18 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/980, ma għandhomx jitqiesu għat-tul massimu msemmi fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.
7. Il-Prospett ta’ segwitu tal-UE għandu jkun dokument f’format standardizzat u l-informazzjoni żvelata fi Prospett ta’ segwitu tal-UE għandha tiġi ppreżentata f’sekwenza standardizzata bbażata fuq l-ordni tal-iżvelar stabbilit fl-Anness IV jew fl-Anness V, skont it-tipi ta’ titoli.
_____________
*3Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 tal-25 ta’ April 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward rekwiżiti organizzazzjonali u kundizzjonijiet għall-operat għal ditti tal-investiment u termini definiti għall-finijiet ta’ dik id-Direttiva (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 1).”;
(13)jitħassar l-Artikolu 15;
(14)jiddaħħal l-Artikolu 15a li ġej:
“Artikolu 15a Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE
1.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(4) u għall-Artikolu 3(2), il-persuni li ġejjin għandhom ifasslu Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE fil-każ ta’ offerta ta’ titoli lill-pubbliku, dment li ma jkollhom l-ebda titolu ammess għall-kummerċ f’suq regolat:
(a)SMEs;
(b)emittenti, għajr SMEs, li t-titoli tagħhom huma, jew li għandhom jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq tat-tkabbir tal-SMEs;
(c)emittenti, apparti dawk imsemmijin fil-punti (a) u (b), meta l-korrispettiv aggregat totali fl-Unjoni għat-titoli offruti lill-pubbliku jkun anqas minn EUR 50 000 000 ikkalkolat fuq perjodu ta’ 12-il xahar, u dment li emittenti bħal dawn ma jkollhomx titoli nnegozjati f’MTF u jkollhom medja sa 499 impjegat matul is-sena finanzjarja preċedenti;
(d)offerenti ta’ titoli li nħarġu minn emittenti kif imsemmijin fil-punti (a) u (b).
B’deroga mill-ewwel subparagrafu, il-persuni msemmijin fil-punti (a) u (b) ta’ dak is-subparagrafu, li t-titoli tagħhom ikunu ġew ammessi għall-kummerċ f’suq tat-tkabbir tal-SMEs kontinwament tal-anqas għall-aħħar 18-il xahar, jistgħu jfasslu Prospett ta’ segwitu tal-UE fil-każ ta’ offerta ta’ titoli lill-pubbliku jew ta’ ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat, dment li dawk l-emittenti ma jkollhom l-ebda titolu diġà ammess għall-kummerċ f’suq regolat.
Il-korrispettiv aggregat totali għat-titoli offruti lill-pubbliku, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (c), għandu jqis il-korrispettiv aggregat totali tal-offerti kollha ta’ titoli lill-pubbliku li jkunu saru fit-12-il xahar qabel id-data tal-bidu ta’ offerta ġdida ta’ titoli lill-pubbliku, ħlief għall-offerti ta’ titoli lill-pubbliku li kienu soġġetti għal kwalunkwe eżenzjoni mill-obbligu li jiġi ppubblikat prospett f’konformità mal-Artikolu 1(4), l-ewwel subparagrafu, jew skont l-Artikolu 3(2).
2.B’deroga mill-Artikolu 6(1), u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18(1), id-Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE għandu jinkludi l-informazzjoni mqassra u proporzjonata rilevanti li hija neċessarja sabiex l-investituri jkunu jistgħu jifhmu dawn li ġejjin:
(a)il-prospetti u l-prestazzjoni finanzjarja tal-emittent u l-bidliet sinifikanti fil-pożizzjoni finanzjarja u tan-negozju tal-emittent sa minn tmiem l-aħħar sena finanzjarja, jekk ikun hemm, kif ukoll l-istrateġija ta’ tkabbir tiegħu;
(b)l-informazzjoni essenzjali dwar it-titoli, inklużi d-drittijiet marbutin ma’ dawk l-ishma u kwalunkwe limitu fuq dawk id-drittijiet;
(c)ir-raġunijiet għall-ħruġ u l-impatt tiegħu fuq l-emittent fuq l-istruttura tal-kapital globali tal-emittent, u l-użu tar-rikavati.
3.L-informazzjoni li tinsab fid-Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE għandha tinkiteb u tiġi ppreżentata f’forma li tkun faċilment analizzabbli, konċiża u li tinftiehem u għandha tippermetti lill-investituri, b’mod partikolari lill-investituri fil-livell tal-konsumatur, sabiex jieħdu deċiżjoni informata dwar l-investiment.
4.Id-Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE għandu jitfassal bħala dokument uniku li jkun fih l-informazzjoni stabbilita fl-Anness VII jew fl-Anness VIII, skont it-tipi ta’ titoli.
5.Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE li jirrigwarda ishma jew titoli trasferibbli oħrajn ekwivalenti għal ishma fil-kumpaniji għandu jkun ta’ tul massimu ta’ 75 naħat ta’ karta ta’ daqs A4 meta jiġi stampat u għandu jiġi ppreżentat u stabbilit b’mod li jkun faċli sabiex jinqara, bl-użu ta’ karattri ta’ daqs li jistgħu jinqraw.
6.Is-sommarju, l-informazzjoni inkorporata b’referenza f’konformità mal-Artikolu 19 jew l-informazzjoni addizzjonali li għandha tiġi pprovduta meta l-emittent ikollu storja finanzjarja kumplessa jew ikun ħa impenn finanzjarju sinifikanti, kif imsemmi fl-Artikolu 18 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/980, ma għandhomx jitqiesu għat-tul massimu msemmi fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.
7.Id-Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE għandu jkun dokument f’format standardizzat u l-informazzjoni żvelata f’Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE għandha tiġi ppreżentata f’sekwenza standardizzata bbażata fuq l-ordni tal-iżvelar stabbilit fl-Anness VII jew fl-Anness VIII, skont it-tipi ta’ titoli.”;
(15)fl-Artikolu 16, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1.Il-fatturi ta’ riskju li jidhru fi prospett għandhom ikunu limitati għal riskji li huma speċifiċi għall-emittent u għat-titoli u li jkunu materjali sabiex tittieħed deċiżjoni informata dwar l-investiment, kif ikkorroborat mill-kontenut tal-prospett.
Prospett ma għandux ikun fih fatturi ta’ riskju li huma ġeneriċi, li jservu biss bħala dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà, jew li ma jagħtux stampa ċara biżżejjed tal-fatturi ta’ riskju speċifiċi li l-investituri għandhom ikunu konxji tagħhom.
Meta jitfassal il-prospett, l-emittenti, l-offerenti jew il-persuni li jitolbu l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat għandhom jivvalutaw il-materjalità tal-fatturi ta’ riskju abbażi tal-probabbiltà tal-okkorrenza tagħhom u tal-kobor mistenni tal-impatt negattiv tagħhom.
L-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat għandha tiddeskrivi b’mod adegwat kull fattur ta’ riskju, u tispjega kif dak il-fattur ta’ riskju jaffettwa lill-emittent, jew jaffettwa t-titoli li qegħdin jiġu offruti jew li għandhom jiġu ammessi għall-kummerċ. L-emittenti, l-offerenti jew il-persuni li jitolbu ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat jistgħu jiżvelaw ukoll il-valutazzjoni tal-materjalità tal-fatturi ta’ riskju msemmija fit-tielet subparagrafu billi jużaw skala kwalitattiva ta’ livell baxx, medju jew għoli, skont l-għażla tagħhom.
Il-fatturi ta’ riskju għandhom jiġu ppreżentati f’numru limitat ta’ kategoriji skont in-natura tagħhom.”;
(16)l-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 1, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(a)l-aċċettazzjonijiet tax-xiri jew tas-sottoskrizzjoni ta’ titoli jistgħu jiġu rtirati għal mhux anqas minn 3 ijiem ta’ xogħol wara li jkunu ġie ddepożitat il-prezz tal-offerta finali jew l-ammont ta’ titoli li jridu jiġu offruti lill-pubbliku; jew”;
(b)fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:
“Meta l-prezz finali tal-offerta msemmi fl-ewwel subparagrafu jvarja b’mhux aktar minn 20 % mill-prezz massimu żvelat fil-prospett kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b)(i), l-emittent ma għandux ikun meħtieġ jippubblika suppliment f’konformità mal-Artikolu 23(1).”;
(17)l-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, huwa emendat kif ġej:
(i)il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:
“Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi prospett skont dan ir-Regolament u l-atti delegati adottati abbażi tiegħu, għandha tiġi inkorporata b’referenza f’dak il-prospett meta tkun ġiet ippubblikata elettronikament qabel jew simultanjament, tkun imfassla b’lingwa li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 27 u meta tkun tinsab f’wieħed mid-dokumenti li ġejjin:”;
(ii)il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(b)id-dokumenti msemmijin fl-Artikolu 1(4), l-ewwel subparagrafu, il-punti (db) u (f) sa (i), u fl-Artikolu 1(5), l-ewwel subparagrafu, il-punti (ba) u (e) sa (h);”;
(iii)il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(f)rapporti ta’ ġestjoni kif imsemmijin fil-Kapitoli 5 u 6 tad-Direttiva 2013/34/UE inkluż, meta applikabbli, ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà;”;
(b)jiddaħħlu l-paragrafi 1a u 1b li ġejjin:
“1a. L-informazzjoni li ma għandhiex tiġi inkluża fi prospett xorta tista’ tiġi inkorporata b’referenza f’dak il-prospett fuq bażi volontarja, meta tkun ġiet ippubblikata elettronikament qabel jew simultanjament, titfassal b’lingwa li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 27 u meta tkun tinsab f’wieħed mid-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu.
1b. Emittent, offerent jew persuna li titlob l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat ma għandhiex tkun meħtieġa tippubblika suppliment skont l-Artikolu 23(1) għall-aġġornament tal-informazzjoni finanzjarja annwali jew interim inkorporata b’referenza fi prospett bażi li tkun għadha valida skont l-Artikolu 12(1).”;
(18)l-Artikolu 20 huwa emendat kif ġej:
(a)jitħassar il-paragrafu 6a;
(b)jiżdied il-paragrafu 6b li ġej:
“6b.Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 2 u 4, il-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, u fil-paragrafu 4, għandhom jitnaqqsu għal sebat ijiem ta’ xogħol għal Prospett ta’ segwitu tal-UE. L-emittent għandu jinforma lill-awtorità kompetenti tal-anqas ħamest ijiem ta’ xogħol qabel id-data prevista għas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni.”;
(c)il-paragrafu 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“11.Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 44 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika l-kriterji għall-iskrutinju tal-prospetti, b’mod partikolari l-kompletezza, l-intelliġibbiltà u l-konsistenza tal-informazzjoni li tinsab fih, u l-proċeduri għall-approvazzjoni tal-prospett, u dawn kollha li ġejjin:
(a)iċ-ċirkostanzi li fihom awtorità kompetenti titħalla tuża kriterji addizzjonali għall-iskrutinju tal-prospett, meta jitqiesu neċessarji għall-protezzjoni tal-investituri, u t-tip ta’ informazzjoni addizzjonali li tista’ tkun meħtieġa li tiġi żvelata f’ċirkostanzi bħal dawn;
(b)il-konsegwenzi għal awtorità kompetenti li tonqos milli tieħu deċiżjoni dwar il-prospett kif imsemmi fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu;
(c)il-perjodu ta’ żmien massimu għal awtorità kompetenti sabiex tiffinalizza l-iskrutinju tal-prospett u tasal għal deċiżjoni dwar jekk dak il-prospett huwiex approvat, jew jekk l-approvazzjoni tkunx miċħuda u l-proċess ta’ rieżami tterminat.
Il-perjodu ta’ żmien massimu msemmi fil-punt (c) għandu jinkludi t-talbiet ta’ kwalunkwe awtorità kompetenti lill-emittenti sabiex ibiddlu l-prospett jew jipprovdu informazzjoni supplimentari, kif imsemmi fil-paragrafu 4.”;
(d)il-paragrafu 13 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“13. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-ESMA għandha torganizza u twettaq, tal-anqas kull 3 snin, evalwazzjoni bejn il-pari waħda tal-proċeduri ta’ skrutinju u ta’ approvazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, inklużi n-notifiki tal-approvazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti. Ir-rieżami bejn il-pari għandu jivvaluta wkoll l-impatt ta’ approċċi differenti rigward l-iskrutinju u l-approvazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti fuq il-kapaċità tal-emittenti li jiġġeneraw il-kapital fl-Unjoni. Ir-rapport dwar ir-rieżami bejn il-pari għandu jiġi ppubblikat sa [3 snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju] u kull 3 snin wara din. Fil-kuntest tar-rieżami bejn il-pari, l-ESMA għandha tikkunsidra l-pariri mill-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq imsemmi fl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;
(19)l-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Fil-każ ta’ offerta inizjali lill-pubbliku ta’ klassi ta’ ishma li hija ammessa għall-kummerċ f’suq regolat għall-ewwel darba, il-prospett għandu jkun disponibbli għall-pubbliku tal-anqas tlett ijiem ta’ xogħol qabel it-tmiem tal-offerta.”;
(b)jitħassar il-paragrafu 5a;
(c)jiddaħħlu l-paragrafi 5b u 5c li ġejjin:
“5b. Prospett ta’ segwitu tal-UE għandu jiġi kklassifikat separatament fil-mekkaniżmu ta’ ħżin imsemmi fil-paragrafu 6.
5c. Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE għandu jiġi kklassifikat fil-mekkaniżmu ta’ ħżin imsemmi fil-paragrafu 6 b’mod li jkun differenzjat mit-tipi l-oħrajn ta’ prospetti.”;
(d)il-paragrafu 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“11. Kopja tal-prospett għandha tintbagħat f’format elettroniku lil kwalunkwe investitur potenzjali, fuq talba u mingħajr ħlas, mill-emittent, mill-offerent, mill-persuna li titlob l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat jew l-intermedjarji finanzjarji li jqiegħdu jew ibigħu t-titoli”;
(20)l-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2.Meta l-prospett ikollu x’jaqsam ma’ offerta ta’ titoli lill-pubbliku, investituri li jkunu digà qablu li jixtru jew jissottoskrivu t-titoli qabel ma s-suppliment jiġi ppubblikat għandu jkollhom id-dritt, li jiġi eżerċitat fi żmien tlitt ijiem ta’ xogħol wara l-pubblikazzjoni tas-suppliment, li jirtiraw l-aċċettazzjonijiet tagħhom, dment li l-fattur il-ġdid sinifikanti, l-iżball materjali jew in-nuqqas ta’ akkuratezza materjali msemmi fil-paragrafu 1 ikun seħħ jew ikun ġie nnotat qabel l-għeluq tal-perjodu tal-offerta jew it-twassil tat-titoli, skont liema minnhom iseħħ l-ewwel. Dak il-perjodu jista’ jiġi estiż mill-emittent jew mill-offerent. Id-data finali tad-dritt ta’ rtirar għandha tiġi ddikjarata fis-suppliment.
Is-suppliment għandu jkun fih dikjarazzjoni prominenti dwar id-dritt ta’ rtirar, li tiddikjara b’mod ċar dawn kollha li ġejjin:
(a)dritt ta’ rtirar jingħata biss lil dawk l-investituri li kienu diġà qablu li jixtru jew jissottoskrivu t-titoli qabel ma ġie ppubblikat is-suppliment u meta t-titoli kienu għadhom ma ntbagħtux lill-investituri fil-ħin meta feġġ jew ġie nnotat il-fattur il-ġdid sinifikanti, l-iżball materjali jew in-nuqqas ta’ akkuratezza materjali;
(b)il-perjodu li fih l-investituri jistgħu jeżerċitaw id-dritt ta’ rtirar tagħhom;
(c)lil min l-investituri jistgħu jikkuntattjaw jekk ikunu jixtiequ jeżerċitaw id-dritt ta’ rtirar.”;
(b)jitħassar il-paragrafu 2a;
(c)il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“3.Meta l-investituri jixtru jew jissottoskrivu titoli permezz ta’ intermedjarju finanzjarju bejn iż-żmien meta jiġi approvat il-prospett għal dawk it-titoli u l-għeluq tal-perjodu tal-offerta inizjali, dak l-intermedjarju finanzjarju għandu:
(a)jinforma lil dawk l-investituri dwar il-possibbiltà li jiġi ppubblikat suppliment, fejn u meta jiġi ppubblikat, inkluż fuq is-sit web tiegħu, u li l-intermedjarju finanzjarju jgħinhom jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jirtiraw l-aċċettazzjonijiet f’każ bħal dan;
(b)jinforma lil dawk l-investituri f’liema każ l-intermedjarju finanzjarju jikkuntattjahom, b’mezzi elettroniċi skont it-tieni subparagrafu sabiex jinnotifika li ġie ppubblikat suppliment u soġġett għall-qbil tagħhom li jiġu kkuntattjati b’mezzi elettroniċi;
(c)joffri lil dawk l-investituri li jaqblu li jiġu kkuntattjati biss b’mezzi oħrajn għajr dawk elettroniċi, inklużjoni fakultattiva għal kuntatt elettroniku biss għall-fini li jirċievu n-notifika tal-pubblikazzjoni ta’ suppliment;
(d)iwissi lil dawk l-investituri li ma jaqblux li jiġu kkuntattjati b’mezzi elettroniċi u jirrifjutaw l-inklużjoni fakultattiva għall-kuntatt elettroniku kif imsemmi fil-punt (c) sabiex jimmonitorjaw is-sit web tal-emittent jew tal-intermedjarju finanzjarju sal-għeluq tal-perjodu tal-offerta jew tal-intermedjarju finanzjarju jew sal-konsenja tat-titoli, skont liema jseħħ l-ewwel, sabiex jivverifikaw jekk ikunx ġie ppubblikat suppliment.
Meta l-investituri msemmijin fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jkollhom id-dritt ta’ rtirar imsemmi fil-paragrafu 2, l-intermedjarju finanzjarju għandu jikkuntattja lil dawk l-investituri b’mezzi elettroniċi sa tmiem l-ewwel jum ta’ xogħol ta’ wara dak li fih jiġi ppubblikat is-suppliment.
Meta t-titoli jinxtraw jew jiġu sottoskritti direttament mill-emittent, dak l-emittent għandu jinforma lill-investituri bil-possibbiltà li jiġi ppubblikat suppliment u fejn jiġi ppubblikat u li, f’dak il-każ, huma jista’ jkollhom dritt li jirtiraw l-aċċettazzjoni.”;
(d)jitħassar il-paragrafu 3a;
(e)jiddaħħal il-paragrafu 4a li ġej:
“4a.Suppliment għal prospett bażi ma għandux jintuża sabiex jiġi introdott tip ġdid ta’ garanzija li għalih l-informazzjoni neċessarja ma tkunx ġiet inkluża f’dak il-prospett bażi.”;
(f)jiżdied il-paragrafu 8 li ġej:
“8.L-ESMA għandha sa [sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju] tiżviluppa linji gwida sabiex tispeċifika ċ-ċirkostanzi li fihom għandu jitqies suppliment sabiex jiġi introdott tip ġdid ta’ titolu li ma huwiex diġà deskritt fi prospett bażi.”;
(21)l-Artikolu 27 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“1.Meta ssir offerta ta’ titoli lill-pubbliku jew ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat titfittex fl-Istat Membru domiċiljari biss, il-prospett għandu jitfassal jew b’lingwa aċċettata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari jew b’lingwa komuni fl-isfera tal-finanzi internazzjonali, skont l-għażla tal-emittent, tal-offerent jew tal-persuna li titlob l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat.
Is-sommarju msemmi fl-Artikolu 7 għandu jkun disponibbli bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru domiċiljari, jew tal-anqas b’waħda mil-lingwi uffiċjali tiegħu, jew b’lingwa oħra aċċettata mill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru. Dik l-awtorità kompetenti ma għandhiex teħtieġ it-traduzzjoni ta’ kwalunkwe parti oħra tal-prospett.
2.Meta ssir offerta ta’ titoli lill-pubbliku jew ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat titfittex fi Stat Membru wieħed jew aktar, il-prospett għandu jitfassal b’lingwa aċċettata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ kull wieħed minn dawk l-Istati Membri jew b’lingwa komuni fl-isfera tal-finanzi internazzjonali, skont l-għażla tal-emittent, tal-offerent jew tal-persuna li titlob l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat.
Is-sommarju msemmi fl-Artikolu 7 għandu jkun disponibbli bil-lingwa uffiċjali ta’ kull Stat Membru, jew tal-anqas waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ kull Stat Membru, jew b’lingwa oħra aċċettata mill-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru. L-Istati Membri ma għandhomx jeħtieġu t-traduzzjoni ta’ kwalunkwe parti oħra tal-prospett.”;
(b)jitħassar il-paragrafu 3;
(c)il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“4.It-termini finali għandhom jitfasslu bl-istess lingwa bħal-lingwa tal-prospett bażi approvat.
Is-sommarju tal-kwistjoni individwali jkun disponibbli bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru domiċiljari, jew tal-anqas b’waħda mil-lingwi uffiċjali tiegħu, jew b’lingwa oħra aċċettata mill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru.
Meta, f’konformità mal-Artikolu 25(4), it-termini finali jiġu kkomunikati lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jew, jekk ikun hemm aktar minn Stat Membru ospitanti wieħed, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti, is-sommarju tal-ħruġ individwali mehmuż mat-termini finali għandu jkun disponibbli bil-lingwa uffiċjali jew tal-anqas b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru ospitanti, jew b’lingwa oħra aċċettata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti f’konformità mal-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu.”;
(22)L-Artikolu 29 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 29 Ekwivalenza
1.Emittent ta’ pajjiż terz jista’ jfittex ammissjoni għall-kummerċ ta’ titoli f’suq regolat stabbilit fl-Unjoni wara l-pubblikazzjoni minn qabel ta’ prospett imfassal u approvat f’konformità mal-liġijiet nazzjonali tal-emittent ta’ pajjiż terz, u li huwa soġġett għalihom, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)il-Kummissjoni tkun adottat att ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-paragrafu 5;
(b)l-emittent ta’ pajjiż terz ikun ippreżenta l-prospett lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tiegħu;
(c)l-emittent ta’ pajjiż terz ikun ipprovda konferma bil-miktub li l-prospett kien approvat minn awtorità superviżorja ta’ pajjiż terz u jkun ipprovda d-dettalji ta’ kuntatt ta’ dik l-awtorità;
(d)il-prospett jissodisfa r-rekwiżiti lingwistiċi stabbiliti fl-Artikolu 27;
(e)ir-reklami rilevanti kollha mxerrdin fl-Unjoni mill-emittent ta’ pajjiż terz jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 22(2) sa (5);
(f)l-ESMA tkun ikkonkludiet ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji rilevanti tal-emittent ta’ pajjiż terz f’konformità mal-Artikolu 30.
2.Emittent ta’ pajjiż terz jista’ joffri wkoll titoli lill-pubbliku fl-Unjoni wara l-pubblikazzjoni minn qabel ta’ prospett imfassal u approvat f’konformità mal-liġijiet nazzjonali tal-emittent ta’ pajjiż terz, u li huwa soġġett għalihom, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha msemmijin fil-punti (a) sa (f) tal-paragrafu 1 u li l-offerta ta’ titoli lill-pubbliku tkun akkumpanjata minn ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat jew f’suq tat-tkabbir tal-SMEs stabbilit fl-Unjoni.
3.Meta, f’konformità mal-paragrafi 1 u 2, emittent ta’ pajjiż terz joffri titoli lill-pubbliku jew ifittex ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat fi Stat Membru għajr l-Istat Membru domiċiljari, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 24, 25 u 27.
4.Meta jiġu ssodisfati l-kriterji kollha stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2, l-emittent ta’ pajjiż terz għandu jkollu d-drittijiet u jkun soġġett għall-obbligi kollha f’konformità ma’ dan ir-Regolament taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari.
5.Il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni, f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 45(2), li jiddetermina li l-qafas legali u superviżorju ta’ pajjiż terz jiżgura li prospett imfassal f’konformità mal-liġi nazzjonali ta’ dak il-pajjiż terz (minn hawn ’il quddiem “prospett ta’ pajjiż terz”) jikkonforma mar-rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti msemmijin f’dan ir-Regolament, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)ir-rekwiżiti legalment vinkolanti tal-pajjiż terz jiżguraw li l-prospett ta’ pajjiż terz ikun fih l-informazzjoni neċessarja li tkun materjali sabiex tippermetti lill-investituri jieħdu deċiżjoni informata dwar l-investiment b’mod ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament;
(b)meta l-investituri fil-livell tal-konsumatur ikunu jistgħu jinvestu f’titoli li għalihom ikun tfassal prospett ta’ pajjiż terz, dak il-prospett ikun fih sommarju li jipprovdi l-informazzjoni importanti li l-investituri fil-livell tal-konsumatur ikollhom jifhmu n-natura u r-riskji tal-emittent, tat-titoli u, meta applikabbli, tal-garanti, u li għandha tinqara flimkien mal-partijiet l-oħrajn ta’ dak il-prospett;
(c)il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-pajjiż terz dwar ir-responsabbiltà ċivili japplikaw għall-persuni responsabbli għall-informazzjoni mogħtija fil-prospett, inkluż tal-anqas għall-emittent jew għall-korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji tiegħu, għall-offerent, għall-persuna li tfittex l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat u, meta applikabbli, għall-garanti;
(d)ir-rekwiżiti legalment vinkolanti tal-pajjiż terz jispeċifikaw il-validità tal-prospett ta’ pajjiż terz u l-obbligu li jissupplimenta l-prospett ta’ pajjiż terz meta fattur ġdid sinifikanti, żball materjali jew nuqqas ta’ akkuratezza materjali tal-informazzjoni inkluża f’dak il-prospett ikun jista’ jaffettwa l-valutazzjoni tat-titoli, kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-investituri sabiex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ rtirar tagħhom f’każ bħal dan;
(e)il-qafas superviżorju tal-pajjiż terz għall-iskrutinju u għall-approvazzjoni ta’ prospetti ta’ pajjiżi terzi u l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni ta’ prospetti ta’ pajjiżi terzi għandhom effett ekwivalenti għad-dispożizzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 20 u 21.
Il-Kummissjoni tista’ tagħmel l-applikazzjoni ta’ tali att ta’ implimentazzjoni soġġetta għall-konformità effettiva u kontinwa minn pajjiż terz ma’ kwalunkwe rekwiżit stabbilit f’dak l-att ta’ implimentazzjoni.
6.Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 44, sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika ulterjorment il-kriterji msemmijin fil-paragrafu 5.”;
(23)l-Artikolu 30 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1.Għall-fini tal-Artikolu 29 u, meta jitqies neċessarju, għall-fini tal-Artikolu 28, l-ESMA għandha tistabbilixxi arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-ESMA u l-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi kkonċernati u l-infurzar tal-obbligi li jirriżultaw skont dan ir-Regolament fil-pajjiżi terzi sakemm dak il-pajjiż terz, f’konformità ma’ att delegat imsemmi fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*4, ma jkunx fil-lista ta’ ġuriżdizzjonijiet li jkollhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi nazzjonali tagħhom tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu li joħolqu theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni. Dawk l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni għandhom jiżguraw skambju effiċjenti ta’ informazzjoni li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu d-dmirijiet tagħhom skont dan ir-Regolament.
_____________
*4Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).”;
(b)jitħassar il-paragrafu 2;
(c)il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:
“3.L-ESMA għandha tistabbilixxi arranġamenti ta’ kooperazzjoni dwar l-iskambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi biss jekk l-informazzjoni żvelata tkun soġġetta għal garanziji ta’ segretezza professjonali li jkunu tal-anqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 35. Dan l-iskambju ta’ informazzjoni għandu jkun intenzjonat biss għat-twettiq tal-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti.
4.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 44 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tiddetermina l-kontenut minimu tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni msemmijin fil-paragrafu 1 u d-dokument mudell li għandu jintuża għal arranġamenti ta’ kooperazzjoni bħal dawn.”;
(24)fl-Artikolu 38(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(a)ksur tal-Artikolu 3, tal-Artikoli 5 u 6, tal-Artikolu 7(1) sa (11) u (12b), tal-Artikoli 8 sa 10, tal-Artikolu 11(1) u (3), tal-Artikolu 14b(1), tal-Artikolu 15a(1), tal-Artikolu 16(1), (2) u (3), tal-Artikoli 17 u 18, tal-Artikolu 19(1) sa (3), tal-Artikolu 20(1), tal-Artikolu 21(1) sa (4) u (7) sa (11), tal-Artikolu 22(2) sa (5), tal-Artikolu 23 (1), (2), (3), (4a) u (5), u tal-Artikolu 27;”;
(25)fl-Artikolu 40, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Għall-finijiet tal-Artikolu 20, għandu japplika wkoll dritt ta’ appell meta l-awtorità kompetenti la tkun ħadet deċiżjoni li tapprova jew tirrifjuta applikazzjoni għall-approvazzjoni u lanqas ma tkun għamlet xi talba għal bidliet jew għal informazzjoni supplimentari fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 20(2), (3), (6) u (6b) fir-rigward ta’ dik l-applikazzjoni.”;
(26)l-Artikolu 44 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“2.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 1(7), fl-Artikolu 9(14), fl-Artikolu 13(1) u (2), fl-Artikolu 16(5), fl-Artikolu 20(11), fl-Artikolu 29(6) u fl-Artikolu 30(4) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indefinit mill-20 ta’ Lulju 2017.
3.Id-delega tas-setgħat imsemmijin fl-Artikolu 1(7), fl-Artikolu 9(14), fl-Artikolu 13(1) u (2), fl-Artikolu 16(5), fl-Artikolu 20(11), fl-Artikolu 29(6) u fl-Artikolu 30(4) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.”;
(b)il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“6.Att delegat adottat skont l-Artikolu 1(7), l-Artikolu 9(14), l-Artikolu 13(1) u (2), l-Artikolu 16(5), l-Artikolu 20(11), l-Artikolu 29(6) u l-Artikolu 30(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu informaw lill-Kummissjoni li ma humiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;
(27)l-Artikolu 47 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 1, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(a)it-tipi ta’ emittenti, b’mod partikolari l-kategoriji ta’ persuni msemmijin fl-Artikolu 15a(1), il-punti (a) sa (d);”;
(b)fil-paragrafu 2, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(a) analiżi tal-punt sa fejn ir-reġimi ta’ żvelar stabbiliti fl-Artikoli 14b u 15a u fid-dokument tar-reġistrazzjoni universali msemmi fl-Artikolu 9 qegħdin jintużaw fl-Unjoni kollha;”;
(c)jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:
“3. Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2, fir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 l-ESMA għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
(a)analiżi tal-punt sa fejn jintużaw l-eżenzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 1(4), l-ewwel subparagrafu, il-punt (db), u fl-Artikolu 1(5), l-ewwel subparagrafu, il-punt (ba) madwar l-Unjoni, inkluża statistika dwar id-dokumenti msemmijin f’dawk l-Artikoli li jkunu ġew ippreżentati lill-awtoritajiet kompetenti;
(b)statistika dwar id-dokumenti tar-reġistrazzjoni universali msemmijin fl-Artikolu 9 li tkun ġiet ippreżentata lill-awtoritajiet kompetenti.”;
(28)jitħassar l-Artikolu 47a;
(29)fl-Artikolu 48, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“1. Sal-31 ta’ Diċembru…[ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju], il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, li jkun akkumpanjat, fejn xieraq, bi proposta leġiżlattiva.
2.Ir-rapport għandu jkun fih valutazzjoni ta’, fost affarijiet oħrajn, jekk is-sommarju tal-prospett, ir-reġimi ta’ żvelar stipulati fl-Artikoli 14, 15a u fid-dokument tar-reġistrazzjoni universali msemmi fl-Artikolu 9 ikunux għadhom xierqa fid-dawl tal-objettivi segwiti tagħhom. Ir-rapport għandu jkun fih dan kollu li ġej:
(a)in-numru ta’ Dokumenti tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE ta’ persuni f’kull waħda mill-kategoriji msemmijin fl-Artikolu 15a(1), il-punti (a) sa (d), u analiżi tal-evoluzzjoni ta’ kull numru bħal dan u tax-xejriet fl-għażla taċ-ċentri tan-negozjar mill-persuni intitolati li jużaw id-Dokumenti tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE;
(b)analiżi dwar jekk id-Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE jilħaqx bilanċ tajjeb bejn il-protezzjoni tal-investituri u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi għall-persuni intitolati li jużawh;
(c)in-numru ta’ Prospetti ta’ segwitu tal-UE approvati u analiżi tal-evoluzzjoni tat-tali numru;
(d)analiżi dwar jekk il-Prospett ta’ segwitu tal-UE jilħaqx il-bilanċ it-tajjeb bejn il-protezzjoni tal-investituri u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-persuni intitolati li jużawh;
(e)il-kost tat-tħejjija u tal-approvazzjoni ta’ Prospett ta’ segwitu tal-UE u ta’ Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE meta mqabblin mal-kostijiet kurrenti għat-tħejjija u għall-approvazzjoni ta’ prospett standard, flimkien ma’ indikazzjoni tal-iffrankar finanzjarju ġenerali miksub u ta’ liema kostijiet jistgħu jitnaqqsu aktar kemm għall-Prospett ta’ segwitu tal-UE kif ukoll għad-Dokument tal-ħruġ tat-tkabbir tal-UE;
(f)analiżi dwar jekk id-dokument stabbilit fl-Anness IV jilħaqx il-bilanċ it-tajjeb bejn il-protezzjoni tal-investituri u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-persuni intitolati li jużawh.”;
(30)jiżdied l-Artikolu 50 li ġej:
“Artikolu 50 Dispożizzjoni tranżizzjonali
1.L-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2017/1129 kif applikabbli fi … [Id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju nieqes jum] għandu jkompli japplika għall-prospetti mfasslin f’konformità ma’ dak l-Artikolu 14 u approvati qabel dik id-data sa tmiem il-validità tagħhom.
2.L-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2017/1129 kif applikabbli fi … [id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju nieqes jum] għandha tkompli tapplika għall-Prospetti UE tkabbir approvati qabel dik id-data sa tmiem il-validità tagħhom.”;
(31)L-Annessi I sa V huma sostitwiti bit-test tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament;
(32)jitħassar l-Anness Va;
(33)it-test stabbilit fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament jiżdied bħala l-Annessi VII sa IX.
Artikolu 2
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 596/2014
Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 huwa emendat kif ġej:
(34)l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 1, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(b)in-negozjar ikun irrapportat bħala parti mill-programm ta’ riakkwist lill-awtorità kompetenti tal-post tan-negozjar skont il-paragrafu 3 u wara dan jiġi żvelat lill-pubbliku f’forma aggregata;
(b)il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“3.Sabiex jibbenefika mill-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 1, l-emittent għandu jirrapporta t-tranżazzjonijiet kollha relatati mal-programm ta’ riakkwist lill-awtorità kompetenti tal-aktar suq rilevanti f’termini ta’ likwidità kif imsemmi fl-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014. L-awtorità kompetenti riċeventi għandha, fuq talba, tgħaddi l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti taċ-ċentru tan-negozjar li fih l-ishma jkunu ġew ammessi għan-negozju u jiġu nnegozjati.”;
(35)fl-Artikolu 7(1), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(d)informazzjoni mgħoddija minn klijent jew minn persuni oħrajn li jaġixxu f’isem il-klijent jew informazzjoni magħrufa bis-saħħa tal-ġestjoni ta’ kont proprjetarju jew ta’ fond ġestit u relatata ma’ ordnijiet pendenti fi strumenti finanzjarji, li hija ta’ natura preċiża, relatata, direttament jew indirettament, ma’ emittent wieħed jew aktar jew ma’ strument finanzjarju weħed jew aktar, u li, jekk issir pubblika, x’aktarx li jkollha effett sinifikanti fuq il-prezzijiet ta’ dawk l-istrumenti finanzjarji, fuq il-prezz ta’ kuntratti spot relatati mal-komoditajiet, jew fuq il-prezz ta’ strumenti finanzjarji ta’ derivati relatati.”;
(36)l-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 1, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’din li ġejja:
Sondaġġ tas-suq jikkonsisti fil-komunikazzjoni ta’ informazzjoni, qabel titħabbar tranżazzjoni, jekk ikun hemm, sabiex jitkejjel l-interess ta’ investituri potenzjali fi tranżazzjoni possibbli u l-kundizzjonijiet marbuta magħha bħad-daqs jew il-prezz potenzjali tagħha, lil investitur potenzjali wieħed jew aktar minn:”;
(b)il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“4.Parteċipant fis-suq jista’ jagħżel li jikkonforma mal-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)ikun kiseb il-kunsens tal-persuna li tirċievi s-sondaġġ tas-suq biex tirċievi informazzjoni privileġġata;
(b)ikun informa lill-persuna li tirċievi s-sondaġġ tas-suq li hija projbita milli tuża dik l-informazzjoni, jew tipprova tuża dik l-informazzjoni, billi takkwista jew iċċedi, għall-kont tagħha stess jew għall-kont ta’ parti terza, direttament jew indirettament, strumenti finanzjarji relatati ma’ dik l-informazzjoni;
(c)ikun informa lill-persuna li tirċievi s-sondaġġ tas-suq li hija projbita milli tuża dik l-informazzjoni, jew tipprova tuża dik l-informazzjoni, billi tikkanċella jew temenda ordni li diġà tqiegħdet dwar strument finanzjarju li l-informazzjoni hija relatata miegħu;
(d)ikun informa lill-persuna li tirċievi s-sondaġġ tas-suq li billi taqbel li tirċievi l-informazzjoni tkun obbligata wkoll li żżomm l-informazzjoni kunfidenzjali;
(e)ikun għamel u żamm rekord tal-informazzjoni kollha mogħtija lill-persuna li tirċievi s-sondaġġ tas-suq, inkluża l-informazzjoni mogħtija skont il-punti (a) sa (d), u l-identità tal-investituri potenzjali li lilhom ġiet żvelata l-informazzjoni, inklużi imma mhux biss il-persuni ġuridiċi u l-persuni fiżiċi li jaġixxu f’isem l-investitur potenzjali, u d-data u l-ħin ta’ kull żvelar;
(f)ikun ipprovda dak ir-rekord lill-awtorità kompetenti fuq talba.
F’każ ta’ konformità ma’ dawk il-kundizzjonijiet kollha, il-parteċipant fis-suq għandu jitqies li jkun żvela informazzjoni privileġġata magħmula matul sondaġġ tas-suq fl-eżerċizzju normali tal-impjieg, tal-professjoni jew tad-dmirijiet ta’ persuna għall-finijiet tal-Artikolu 10(1).”;
(c)jitħassar il-paragrafu 5;
(d)il-paragrafi 6 u 7 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:
6.Meta l-informazzjoni li tkun ġiet żvelata matul sondaġġ tas-suq skont il-paragrafu 4 ma tibqax iżjed informazzjoni privileġġata skont il-valutazzjoni tal-parteċipant fis-suq li jiżvela, l-parteċipant fis-suq li jiżvela għandu jinforma lir-riċevitur b’dan, malajr kemm jista’ jkun. Dan l-obbligu ma għandux japplika f’każijiet li fihom l-informazzjoni tkun tħabbret pubblikament mod ieħor.
Il-parteċipant fis-suq li jiżvela l-informazzjoni għandu jżomm rekord tal-informazzjoni mogħtija f’konformità ma’ dan il-paragrafu u għandu jipprovdih lill-awtorità kompetenti fuq talba.
7.Minkejja dan l-Artikolu, il-persuna li tirċievi s-sondaġġ tas-suq għandha tivvaluta għaliha nnifisha jekk għandhiex informazzjoni privileġġata.”;
(37)fl-Artikolu 13(12), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(d)l-operatur tas-suq jew id-ditta tal-investiment li topera s-suq tat-tkabbir tal-SMEs tirrikonoxxi bil-kitba lill-emittent li hija rċiviet kopja tal-kuntratt ta’ likwidità.”;
(38)l-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Emittent għandu jinforma lill-pubbliku malajr kemm jista’ jkun dwar informazzjoni privileġġata li tikkonċerna direttament lil dak l-emittent. Dak ir-rekwiżit ma għandux japplika għal passi intermedji fi proċess fit-tul kif imsemmi fl-Artikolu 7(2) u (3) meta dawk il-passi jkunu konnessi mal-introduzzjoni ta’ sett ta’ ċirkostanzi jew ma’ avveniment.”;
(b)jiddaħħlu l-paragrafi 1a u 1b li ġejjin:
“1a. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta att delegat sabiex tistabbilixxi u tirrieżamina, meta jkun neċessarju, lista mhux eżawrjenti ta’ informazzjoni rilevanti u, għal kull informazzjoni, il-mument meta l-emittent jista’ jkun raġonevolment mistenni jiżvelaha.
1b.Emittent għandu jiżgura l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tissodisfa l-kriterji ta’ informazzjoni privileġġata stabbiliti fl-Artikolu 7 sakemm dik l-informazzjoni tiġi żvelata skont il-paragrafu 1. Meta l-kunfidenzjalità ta’ dik l-informazzjoni privileġġata ma tibqax żgurata, l-emittent għandu jiżvela dik l-informazzjoni privileġġata lill-pubbliku mill-aktar fis possibbli.”;
(c)il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“4.Emittent jew parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet jista’, taħt ir-responsabbiltà proprja tiegħu, idewwem l-iżvelar lill-pubbliku ta’ informazzjoni privileġġata dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)l-iżvelar immedjat x’aktarx jippreġudika l-interessi leġittimi tal-emittent jew tal-parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet;
(b)l-informazzjoni privileġġata li l-emittent ikollu l-ħsieb li jdewwem tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(i)ma tkunx materjalment differenti mit-tħabbira pubblika preċedenti tal-emittent dwar il-kwistjoni li għaliha tirreferi l-informazzjoni privileġġata;
(ii)ma tqisx il-fatt li l-objettivi finanzjarji tal-emittent x’aktarx li ma jiġux issodisfati, meta tali objettivi jkunu tħabbru pubblikament qabel;
(iii)ma tkunx f’kuntrast mal-aspettattivi tas-suq, meta tali aspettattivi jkunu bbażati fuq sinjali li l-emittent ikun bagħat qabel lis-suq, inklużi intervisti, roadshows jew kwalunkwe tip ieħor ta’ komunikazzjoni organizzata mill-emittent jew bl-approvazzjoni tiegħu;
(c)l-emittent jew il-parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet ikun jista’ jiżgura l-kunfidenzjalità ta’ dik l-informazzjoni.
Meta emittent jew parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet ikollu l-ħsieb li jdewwem l-iżvelar ta’ informazzjoni privileġġata skont dan il-paragrafu, hija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti speċifikata f’konformità mal-paragrafu 3 bl-intenzjoni tagħha li ddewwem l-iżvelar ta’ informazzjoni privileġġata u għandha tipprovdi spjegazzjoni bil-miktub dwar kif ġew issodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu, immedjatament wara li tittieħed id-deċiżjoni ta’ dewmien.”;
(d)fil-paragrafu 5, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:
“Emittent li huwa istituzzjoni tal-kreditu jew istituzzjoni finanzjarja jew emittent li huwa impriża omm jew impriża relatata ta’ istituzzjoni bħal din, jista’, taħt ir-responsabbiltà proprja tiegħu, idewwem l-iżvelar pubbliku ta’ informazzjoni privileġġata, inkluża, iżda mhux biss, informazzjoni li hija relatata ma’ problema temporanja ta’ likwidità u, b’mod partikolari l-bżonn li jirċievi assistenza temporanja fil-likwidità minn bank ċentrali jew minn mutwanti tal-aħħar istanza, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:”;
(e)fil-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Dan il-paragrafu jinkludi sitwazzjonijiet fejn għajdut ikun jirrigwarda b’mod espliċitu informazzjoni privileġġata li l-iżvelar tagħha ma jkunx ġie ttardjat f’konformità mal-paragrafu 4 jew 5, meta dak l-għajdut ikun akkurat u affidabbli biżżejjed sabiex jindika li l-kunfidenzjalità ta’ dik l-informazzjoni ma tkunx aktar fiż-żgur.”;
(f)il-paragrafu 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“11. L-ESMA għandha toħroġ linji gwida sabiex tistabbilixxi lista indikattiva mhux eżawrjenti tal-interessi leġittimi tal-emittenti, kif imsemmi fil-paragrafu 4, il-punt (a).”;
(39)l-Artikolu 18 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1.L-emittenti għandhom:
(a)ifasslu lista tal-persuni kollha li, minħabba n-natura tal-funzjoni jew tal-kariga tagħhom fl-emittent, ikollhom aċċess regolari għal informazzjoni privileġġata (lista permanenti ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata);
(b)jaġġornaw il-lista permanenti ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata fil-pront f’konformità mal-paragrafu 4; u
(c)jipprovdu l-lista permanenti ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata lill-awtorità kompetenti malajr kemm jista’ jkun fuq talba tagħha.”;
(b)jiddaħħlu l-paragrafi 1a u 1b li ġejjin:
“1a.Kwalunkwe persuna li taġixxi f’isem l-emittent jew għan-nom tal-emittent għandha tfassal il-lista proprja tagħha tal-persuni kollha li jkollhom aċċess għal informazzjoni privileġġata li tikkonċerna direttament lil dak l-emittent. Għandu jkun japplika l-paragrafu 1, il-punti (b) u (c).
1b.B’deroga mill-paragrafu 1, u meta jkun ġustifikat minn tħassib speċifiku dwar l-integrità tas-suq nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-emittenti li t-titoli tagħhom ikunu ġew ammessi għan-negozju f’suq regolat tal-anqas għall-aħħar 5 snin ifasslu lista tal-persuni kollha li jkollhom aċċess għal informazzjoni privileġġata u li jaħdmu għalihom skont kuntratt ta’ impjieg, jew inkella jwettqu kompiti li permezz tagħhom ikollhom aċċess għal informazzjoni privileġġata, inklużi konsulenti, kontabilisti jew aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu (lista sħiħa ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata). Għandu jkun japplika l-paragrafu 1, il-punti (b) u (c).”;
(c)fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“L-emittenti u kwalunkwe persuna li taġixxi f’isimhom jew għan-nom tagħhom għandhom jitolbu lill-persuni fil-lista ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata r-rikonoxximent tad-dmirijiet legali u regolatorji tagħhom involuti f’mezz li jservi għal żmien twil. Il-persuni inklużi fil-lista ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata għandhom jirrikonoxxu d-dmirijiet legali u regolatorji tagħhom f’mezz li jservi għal żmien twil mingħajr dewmien żejjed.”;
(d)jitħassar il-paragrafu 6;
(e)il-paragrafu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“9. L-ESMA għandha tirrieżamina l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni dwar il-format anqas impenjattiv tal-listi ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata għall-emittenti ammessi għan-negozju fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs sabiex testendi l-użu ta’ tali format għal-listi kollha ta’ persuni b’informazzjoni privileġġata msemmijin fil-paragrafi 1, 1a u 1b.
L-ESMA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni [sa 9 xhur wara l-applikazzjoni/id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;
(40)l-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafi 8 u 9 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“8.Il-paragrafu 1 għandu japplika għal kwalunkwe tranżazzjoni sussegwenti ladarba jkun intlaħaq ammont totali ta’ EUR 20 000 f’sena kalendarja. Il-livell limitu ta’ EUR 20 000 għandu jiġi kkalkolat billi jingħaddu, mingħajr nettjar, it-tranżazzjonijiet kollha msemmijin fil-paragrafu 1.
9.Awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li żżid il-livell limitu stabbilit fil-paragrafu 8 għal EUR 50 000 u għandha tinforma lill-ESMA bid-deċiżjoni tagħha u bil-ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni tagħha, b’referenza speċifika għall-kundizzjonijiet tas-suq, li tadotta livell limitu ogħla qabel l-applikazzjoni tiegħu. L-ESMA għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha l-lista ta’ livelli limitu li japplikaw f’konformità ma’ dan l-Artikolu u l-ġustifikazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet kompetenti għal tali livelli limitu.”;
(b)il-paragrafu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“12.Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14 u 15, emittent jista jħalli persuna li twettaq responsabbiltajiet maniġerjali fi ħdanu tinnegozja jew tagħmel tranżazzjonijiet għall-kont tagħha stess jew għall-kont ta’ parti terza matul perijodu magħluq kif imsemmi fil-paragrafu 11:
(a)fuq bażi ta’ każ b’każ minħabba l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, bħal diffikultajiet finanzjarji kbar, li jirrikjedu l-bejgħ immedjat ta’ ishma; jew
(b)minħabba l-karatteristiċi tal-kummerċ involut għal tranżazzjonijiet magħmulin taħt, jew relatati ma’, skema ta’ ishma jew ta’ tfaddil għall-impjegati u skemi tal-impjegati li jikkonċernaw strumenti finanzjarji għajr ishma, kwalifika jew intitolament ta’ ishma u kwalifiki jew intitolamenti ta’ strumenti finanzjarji għajr ishma, jew tranżazzjonijiet li fihom ma jinbidilx l-interess benefiċjarju fit-titolu rilevanti; jew
(c)meta dawk it-tranżazzjonijiet jew l-attivitajiet kummerċjali ma jimplikawx deċiżjonijiet attivi ta’ investiment mill-persuna li teżerċita responsabbiltajiet maniġerjali, jew jirriżultaw minn fatturi esterni jew partijiet terzi, jew ikunu l-eżerċizzju ta’ derivattivi fuq il-bażi ta’ termini ddeterminati minn qabel.”;
(41)fl-Artikolu 23(2), il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(g)li jitolbu reġistrazzjonijiet eżistenti ta’ konverżazzjonijiet bit-telefown, komunikazzjonijiet elettroniċi jew rekords tat-traffiku tad-data miżmumin minn kumpaniji tal-investiment, minn istituzzjonijiet tal-kreditu jew minn istituzzjonijiet finanzjarji kif ukoll minn amministraturi ta’ parametri referenzjarji jew minn kontributuri taħt superviżjoni;”;
(42)l-Artikolu 25 huwa emendat kif ġej:
(a)jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:
“1a.L-ESMA għandha tiffaċilita u tikkoordina l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet regolatorji fi Stati Membri oħrajn u f’pajjiżi terzi. Meta tkun ġustifikata mill-karattru tal-każ, u fuq talba tal-awtorità kompetenti, l-ESMA għandha tikkontribwixxi għall-investigazzjoni tal-każ mill-awtorità kompetenti.”;
(b)fil-paragrafu 6, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Awtorità kompetenti li tagħmel it-talba tista’ tinforma lill-ESMA bi kwalunkwe talba msemmija fl-ewwel subparagrafu. Fil-każ ta’ investigazzjoni jew ta’ spezzjoni b’effett transfruntier, l-ESMA tista’ tiddeċiedi li tikkoordina l-investigazzjoni jew l-ispezzjoni.”;
(43)jiddaħħlu l-Artikoli 25a u 25b li ġejjin:
“Artikolu 25a Mekkaniżmu għall-iskambju tad-data dwar il-kotba tal-ordnijiet
1.L-awtoritajiet kompetenti li jissorveljaw iċ-ċentri tan-negozjar b’dimensjoni transfruntiera sinifikanti għandhom, sa [12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], jistabbilixxu mekkaniżmu li jippermetti l-iskambju kontinwu u f’waqtu tad-data dwar il-kotba tal-ordnijiet imsemmija fil-paragrafu 2 u miġbura minn dawk iċ-ċentri tan-negozjar f’konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 fir-rigward tal-istrumenti nnegozjati f’tali suq. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddelegaw l-istabbiliment tal-mekkaniżmu lill-ESMA.
Meta awtorità kompetenti tissottometti talba għad-data skont il-paragrafu 2, l-awtorità kompetenti rikjesta għandha tipprovdi dik id-data fil-ħin u mhux aktar tard minn jum tal-kalendarju wieħed mid-data tat-talba. It-talba għal data kontinwa minn awtorità kompetenti tista’ tiġi sottomessa għal sett speċifiku ta’ strumenti.
2.Awtorità kompetenti tista’ tikseb data dwar il-kotba tal-ordnijiet li toriġina minn ċentru tan-negozjar li jkollu dimensjoni transfruntiera meta dik l-awtorità kompetenti tkun l-awtorità kompetenti tal-aktar suq rilevanti msemmi fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 għall-istrumenti finanzjarji li ġejjin:
(a)ishma;
(b)bonds;
(c)futuri.
3.Stat Membru jista’ jiddeċiedi li l-awtorità kompetenti tiegħu tipparteċipa fil-mekkaniżmu stabbilit skont il-paragrafu 1 anki jekk l-ebda wieħed miċ-ċentri tan-negozjar taħt is-superviżjoni ta’ tali awtorità kompetenti ma jkollu dimensjoni transfruntiera sinifikanti. Deċiżjoni bħal din għandha tiġi kkomunikata lill-ESMA li għandha tagħmilha pubblika fuq is-sit web tagħha.
Meta awtorità kompetenti ma tkunx parti mill-mekkaniżmu stabbilit skont il-paragrafu 1, hija xorta għandha tikkonforma ma’ talba għall-iskambju ta’ data kontinwa dwar il-kotba tal-ordnijiet skont l-Artikolu 25 fil-ħin u mhux aktar tard minn ħamest ijiem tal-kalendarju mid-data tat-talba.
4.L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tispeċifika l-mekkaniżmu xieraq għall-iskambju ta’ data dwar il-kotba tal-ordnijiet. B’mod partikolari, l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti operazzjonali sabiex jiżguraw it-trażmissjoni mingħajr xkiel tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti.
L-ESMA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sa [9 xhur wara l-applikazzjoni/id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
5.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati sabiex tistabbilixxi lista ta’ ċentri tan-negozjar deżinjati li għandhom dimensjoni transfruntiera sinifikanti fis-superviżjoni tal-abbuż tas-suq, billi tqis tal-anqas is-sehem mis-suq taċ-ċentri tan-negozjar fuq l-istrumenti. Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina din il-lista tal-anqas kull erba’ snin.
6.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 35 sabiex temenda l-paragrafu 2 billi taġġorna l-istrumenti finanzjarji, filwaqt li tqis l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji u l-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jipproċessaw id-data dwar dawk l-istrumenti finanzjarji.
Artikolu 25b Pjattaformi ta’ kollaborazzjoni
1.Fil-każ ta’ tħassib dwar l-integrità tas-swieq jew il-funzjonament tajjeb tas-swieq, l-ESMA tista’ tistabbilixxi u tikkoordina pjattaforma ta’ kollaborazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ awtorità kompetenti waħda jew aktar.
2.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, fuq talba tal-ESMA l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jipprovdu l-informazzjoni neċessarja kollha fil-ħin.
3.Meta żewġ awtoritajiet rilevanti jew aktar ta’ pjattaforma ta’ kollaborazzjoni ma jaqblux dwar il-proċedura jew il-kontenut ta’ azzjoni li għandha tittieħed, jew nuqqas ta’ azzjoni, l-ESMA, fuq talba ta’ kwalunkwe awtorità kompetenti rilevanti jew fuq inizjattiva tagħha stess, tista’ tgħin lill-awtoritajiet kompetenti jilħqu ftehim f’konformità mal-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
L-ESMA tista’ tiddeċiedi wkoll li tibda u tikkoordina spezzjonijiet fuq il-post. Hija għandha tistieden lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari kif ukoll lil awtoritajiet kompetenti rilevanti oħrajn tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni sabiex jipparteċipaw fi spezzjonijiet fuq il-post bħal dawn.
L-ESMA tista’ tistabbilixxi wkoll pjattaforma ta’ kollaborazzjoni b’mod konġunt mal-ACER u mal-korpi pubbliċi li jimmonitorjaw is-swieq tal-komoditajiet bl-ingrossa meta t-tħassib dwar l-integrità tas-suq u l-funzjonament tajjeb tas-swieq jaffettwa kemm is-swieq finanzjarji kif ukoll dawk spot.”;
(44)jitħassar l-Artikolu 28
(45)L-Artikolu 29 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 29
L-iżvelar ta’ data personali lil pajjiżi terzi
1.
L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jittrasferixxu data personali lil pajjiż terz dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*7 u fuq bażi ta’ każ b’każ biss. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li t-trasferiment ikun neċessarju għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u li l-pajjiż terz ma jittrasferixxix data lejn pajjiż terz ieħor sakemm ma jingħatax awtorizzazzjoni espressa bil-miktub u jikkonforma mal-kundizzjonijiet speċifikati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru.
2.
L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għandhom jiżvelaw biss data personali riċevuta minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor lil awtorità superviżorja ta’ pajjiż terz meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tkun kisbet qbil espliċitu mill-awtorità kompetenti li tkun ittrażmettiet id-data u, meta applikabbli, dment li d-data tiġi żvelata biss għall-finijiet li għalihom dik l-awtorità kompetenti tkun tat il-kunsens tagħha.”
______________________________________________
*7Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).”;
(46)l-Artikolu 30 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:
(i)il-punti (e) sa (g) huma sostitwiti b’dan li ġej:
“(e)projbizzjoni temporanja ta’ persuna li twettaq responsabbiltajiet maniġerjali f’kumpanija tal-investiment jew kwalunkwe persuna fiżika oħra, li tinżamm responsabbli għall-ksur, milli teżerċita funzjonijiet maniġerjali f’ditti tal-investiment kif ukoll amministraturi ta’ parametri referenzjarji jew kontributuri taħt superviżjoni;
(f)fil-każ ta’ ksur ripetut tal-Artikolu 14 jew 15, projbizzjoni permanenti ta’ persuna li twettaq responsabbiltajiet maniġerjali f’kumpanija tal-investiment jew kwalunkwe persuna fiżika oħra li tinżamm responsabbli għall-ksur, milli teżerċita funzjonijiet maniġerjali f’kumpaniji tal-investiment kif ukoll amministraturi ta’ parametri referenzjarji jew kontributuri taħt superviżjoni;
(g)projbizzjoni temporanja ta’ kwalunkwe persuna li twettaq responsabbiltajiet maniġerjali f’kumpanija tal-investiment jew persuna fiżika oħra li tinżamm responsabbli għall-ksur, milli tinnegozja għall-kont tagħha stess kif ukoll amministraturi ta’ parametri referenzjarji jew kontributuri taħt superviżjoni;”;
(ii)il-punt (j) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(j)fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi, sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi massimi ta’ mhux anqas minn:
(i)
għall-ksur tal-Artikoli 14 u 15, 15 % tal-fatturat annwali totali tal-persuna ġuridika skont l-aħħar kontijiet disponibbli approvati mill-korp maniġerjali, jew EUR 15 000 000 jew fl-Istati Membri fejn l-euro ma tkunx il-munita uffiċjali, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-2 ta’ Lulju 2014;
(ii)
għall-ksur tal-Artikoli 16, 2 % tal-fatturat annwali totali tagħha skont l-aħħar kontijiet disponibbli approvati mill-korp maniġerjali, jew EUR 2 500 000 jew fl-Istati Membri fejn l-euro ma tkunx il-munita uffiċjali, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-2 ta’ Lulju 2014;
(iii)
għall-ksur tal-Artikolu 17, 2 % tal-fatturat annwali totali tagħha skont l-aħħar kontijiet disponibbli approvati mill-korp maniġerjali. Minflok l-ammont minimu bbażat fuq il-fatturat annwali totali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu b’mod eċċezzjonali jimponu sanzjonijiet amministrattivi ta’ mill-inqas EUR 2 500 000, jew, meta l-persuna ġuridika tkun SME, EUR 1 000 000, jew fl-Istati Membri fejn l-euro ma tkunx il-munita uffiċjali, il-valuri korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-2 ta’ Lulju 2014 jekk iqisu li l-ammont għas-sanzjoni amministrattiva bbażat fuq il-fatturat annwali totali jkun baxx b’mod sproporzjonat fir-rigward taċ-ċirkostanzi msemmijin fl-Artikolu 31(1), il-punti (a), (b), (d), (e), (f), (g) u (h);
(iv)
għall-ksur tal-Artikoli 18 u 19, 0,8 % tal-fatturat annwali totali tagħha skont l-aħħar kontijiet disponibbli approvati mill-korp maniġerjali. Minflok l-ammont minimu bbażat fuq il-fatturat annwali totali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu b’mod eċċezzjonali jimponu sanzjonijiet amministrattivi ta’ mill-inqas EUR 1 000 000, jew meta l-persuna ġuridika tkun SME, EUR 400 000, jew fl-Istati Membri fejn l-euro ma tkunx il-munita uffiċjali, il-valuri korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-2 ta’ Lulju 2014 jekk iqisu li l-ammont għas-sanzjoni amministrattiva bbażat fuq il-fatturat annwali totali jkun baxx b’mod sproporzjonat fir-rigward taċ-ċirkostanzi msemmijin fl-Artikolu 31(1), il-punti (a), (b), (d), (e), (f), (g) u (h);
(v)
għall-ksur tal-Artikoli 20, 0,8 % tal-fatturat annwali totali tagħha skont l-aħħar kontijiet disponibbli approvati mill-korp maniġerjali, jew EUR 1 000 000 jew fl-Istati Membri fejn l-euro ma tkunx il-munita uffiċjali, il-valuri korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-2 ta’ Lulju 2014;
(b)żdied il-paragrafu 4 li ġej:
“4. Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, “intrapriża żgħira u ta’ daqs medju” jew “SME” tfisser intrapriża mikro, żgħira jew ta’ daqs medju skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE*8.
_________________
*8Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).”;
(47)fl-Artikolu 31, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jiġu sabiex jiddeterminaw it-tip u l-livell ta’ sanzjonijiet amministrattivi, l-awtoritajiet kompetenti jieħdu f’kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, sabiex japplikaw sanzjonijiet proporzjonati, inklużi, meta jkun xieraq:
(a)il-gravità u d-durata tal-ksur;
(b)il-grad ta’ responsabbiltà tal-persuna responsabbli għall-ksur;
(c)is-solidità finanzjarja tal-persuna responsabbli għall-ksur, kif indikat, pereżempju, mill-fatturat totali tal-persuna ġuridika jew mill-introjtu personali annwali ta’ persuna fiżika;
(d)l-importanza tal-profitti miksubin jew tat-telf evitat mill-persuna responsabbli għall-ksur, sakemm dawn ikunu jistgħu jiġu ddeterminati;
(e)il-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna responsabbli għall-ksur mal-awtorità kompetenti, mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li tiġi żgurata r-restituzzjoni tal-profitti miksuba jew tat-telf evitat minn dik il-persuna;
(f)ksur preċedenti mill-persuna responsabbli għall-ksur;
(g)il-miżuri meħudin mill-persuna responsabbli għall-ksur sabiex tiġi evitata r-ripetizzjoni tiegħu; u
(h)id-duplikazzjoni ta’ proċedimenti kriminali u amministrattivi u ta’ penali għall-istess ksur kontra l-persuna responsabbli.”;
(48)l-Artikolu 35 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“2.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 6(5) u (6), fl-Artikolu 12(5), fl-Artikolu 17(1), it-tieni subparagrafu, fl-Artikolu 17(2), it-tielet subparagrafu, fl-Artikolu 17(3), fl-Artikolu 19(13) u (14), fl-Artikolu 25a(6) u fl-Artikolu 38 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-31 ta’ Diċembru 20XX. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu Artikolu 6(5) u (6), fl-Artikolu 12(5), fl-Artikolu 17(1), it-tieni subparagrafu, fl-Artikolu 17(2), it-tielet subparagrafu, fl-Artikolu 17(3), fl-Artikolu 19(13) u (14), fl-Artikolu 25a(6) u fl-Artikolu 38, tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni tar-revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.”;
(b)il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“5.Att delegat adottat skont l-Artikolu 6(5) jew (6), l-Artikolu 12(5), l-Artikolu 17(1), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 17(2), it-tielet subparagrafu, l-Artikolu 17(3), l-Artikolu 19(13) jew (14), l-Artikolu 25a(5), l-Artikolu 25a(6) jew l-Artikolu 38, għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu informaw lill-Kummissjoni li ma humiex se joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;
(49)l-Artikolu 38, l-ewwel subparagrafu, huwa emendat kif ġej:
(a)il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:
“Sa [5 snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju], il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, flimkien ma’ proposta leġiżlattiva sabiex temendh, jekk ikun xieraq. Dak ir-rapport għandu jivvaluta, fost l-oħrajn:”;
(b)il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(d)il-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ sorveljanza tal-kotba tal-ordnijiet bejn diversi swieq fir-rigward tal-abbuż tas-suq, inklużi rakkomandazzjonijiet għall-infurzar ta’ tali mekkaniżmu; u”.
Artikolu 3
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 600/2014
L-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jiġi emendat kif ġej:
(50)il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2.L-operatur ta’ ċentru tan-negozjar għandu jżomm għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti, għal tal-anqas ħames snin, id-data relevanti relatata mal-ordnijiet kollha fl-istrumenti finanzjarji li huma reklamati permezz tas-sistemi tiegħu. L-awtorità kompetenti taċ-ċentru tan-negozjar tista’ titlob dik id-data fuq bażi kontinwa. Ir-rekords għandu jkun fihom id-data rilevanti kollha li tikkostittiwixxi l-karatteristiċi tal-ordni, inklużi dawk li jorbtu ordni mat-tranżazzjonijiet eżegwiti li joħorġu minn dik l-ordni u li d-dettalji tagħhom għandhom ikunu rrapportati f’konformità mal-Artikolu 26(1) u (3). L-ESMA għandu jkollha rwol ta’ faċilitazzjoni u ta’ koordinazzjoni fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti skont dan il-paragrafu.”;
(51)il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“3.L-ESMA għandha tfassal abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tiddetermina d-dettalji u l-formats tad-data dwar l-ordnijiet rilevanti li jeħtieġ li tinżamm skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu li ma humiex imsemmijin fl-Artikolu 26.
L-ESMA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [9 xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikolu 1, il-punt (6)(b) u (c), u l-Artikolu 2, il-punt (38)(a), għandhom japplikaw minn [12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ].
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President