IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.10.2022
COM(2022) 559 final
2022/0343(NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi għall-2023 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, kif ukoll li jistabbilixxi għall-2023 u għall-2024 tali opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut tal-baħar fond
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
L-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti kull sena għall-biċċa l-kbira tal-istokkijiet u kull sentejn għal ċerti stokkijiet tal-baħar fond, iżda dan ma jmurx kontra l-approċċi ta’ ġestjoni fit-tul. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw pjanijiet pluriennali (MAPs) għall-Baħar tat-Tramuntana u għall-Ilmijiet tal-Punent.
Uħud mill-opportunitajiet tas-sajd proposti huma stabbiliti mill-UE b’mod awtonomu, filwaqt li xi wħud għandhom jiġu miftiehma wara konsultazzjonijiet multilaterali jew bilaterali ma’ pajjiżi mhux tal-UE. Il-qabda totali permissibbli (TAC) miftiehma f’dawk il-konsultazzjonijiet hija kondiviża bejn l-Istati Membri f’konformità mal-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva.
Din il-proposta tkopri:
–stokkijiet awtonomi tal-UE;
–stokkijiet kondiviżi li għandhom jiġu ġestiti b’mod konġunt mar-Renju Unit fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-Ilmijiet tal-Majjistral, li għandhom jiġu ġestiti b’mod konġunt man-Norveġja u mar-Renju Unit fil-Baħar tat-Tramuntana u fi Skagerrak, jew li huma soġġetti għall-konsultazzjonijiet tal-Istati kostali tal-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC);
–l-opportunitajiet tas-sajd skont il-ftehimiet konklużi fil-qafas tal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs); u
–ċerti opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet ta’ pajjiżi mhux tal-UE.
Numru ta’ opportunitajiet tas-sajd f’din il-proposta huma mmarkati bħala “pm” (pro memoria), minħabba li:
–il-parir xjentifiku dwar xi stokkijiet awtonomi tal-UE kien għadu mhux disponibbli meta ġiet adottata l-proposta; jew
–ċerti limiti ta’ qbid u rakkomandazzjonijiet oħrajn mingħand l-RFMOs rilevanti huma pendenti, peress li l-laqgħat annwali tagħhom għadhom ma sarux; jew
–iċ-ċifri għadhom ma humiex disponibbli għal xi stokkijiet fl-ilmijiet ta’ pajjiżi mhux tal-UE, stokkijiet kondiviżi jew opportunitajiet tas-sajd skambjati ma’ pajjiżi mhux tal-UE, sakemm jiġu konklużi konsultazzjonijiet ma’ dawk il-pajjiżi mhux tal-UE.
Approċċ sabiex jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd
Bħas-soltu, il-Kummissjoni fasslet komunikazzjoni annwali; Lejn sajd aktar sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2023 (COM(2022) 253). Il-komunikazzjoni annwali tipprovdi ħarsa ġenerali tal-qagħda tal-istokkijiet ibbażata fuq parir xjentifiku, u tispjega l-approċċ sabiex jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd.
Bejn il-31 ta’ Mejju u t-30 ta’ Ġunju 2022, bħala tweġiba għat-talba tal-Kummissjoni, il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) ipprovda l-parir xjentifiku annwali jew pluriennali tiegħu dwar numru ta’ stokkijiet tal-ħut awtonomi tal-UE koperti minn din il-proposta.
Il-parir xjentifiku tal-ICES essenzjalment huwa bbażat fuq id-data: huma biss l-istokkijiet li għalihom hemm data suffiċjenti u affidabbli li jistgħu jiġu vvalutati bis-sħiħ, bi stimi tad-daqsijiet tal-istokkijiet u previżjonijiet ta’ kif se jirreaġixxu għal diversi xenarji ta’ sfruttament (“tabelli tax-xenarji tal-qbid”). Meta jkun hemm biżżejjed data disponibbli, l-ICES jista’ jipprovdi stima tal-aġġustamenti għall-opportunitajiet tas-sajd li jwasslu sabiex l-istokk jipproduċi r-rendiment massimu sostenibbli (MSY) tiegħu. Il-parir imbagħad jissejjaħ “il-parir dwar l-MSY”. F’każijiet oħrajn, l-ICES jibbaża fuq l-approċċ prekawzjonarju meta jirrakkomanda l-livell tal-opportunitajiet tas-sajd. L-ICES jispjega l-metodoloġija użata f’dan ir-rigward f’materjal ippubblikat dwar il-ħruġ ta’ parir għal stokkijiet b’data limitata. Il-parir imbagħad jissejjaħ “parir ta’ prekawzjoni”.
L-opportunitajiet kollha tas-sajd li l-Kummissjoni tipproponi hawnhekk jirriflettu l-parir xjentifiku li rċeviet sal-ħin tal-adozzjoni ta’ din il-proposta u bil-mod deskritt fil-komunikazzjoni annwali ta’ hawn fuq.
L-opportunitajiet tas-sajd għal stokkijiet awtonomi oħrajn tal-UE se jiġu inklużi f’din il-proposta ladarba l-parir xjentifiku għal dawk l-istokkijiet isir disponibbli, u f’konformità mal-approċċ deskritt fil-komunikazzjoni annwali.
Bl-istess mod, l-opportunitajiet tas-sajd għal stokkijiet oħrajn se jiġu inklużi f’din il-proposta fid-dawl tal-eżitu tal-konsultazzjonijiet ma’ pajjiżi mhux tal-UE jew tal-laqgħat annwali tal-RFMOs.
Fir-rigward ta’ dawk il-konsultazzjonijiet u l-laqgħat annwali tal-RFMOs, il-Kummissjoni tipproponi, u l-Kunsill jadotta, pożizzjonijiet tal-UE, li għandhom jiġu espressi f’isem l-Unjoni, f’konformità mal-approċċ deskritt fil-komunikazzjoni annwali. Fil-każ ta’ konsultazzjonijiet bilaterali mar-Renju Unit dwar stokkijiet kondiviżi u fil-każ ta’ laqgħat annwali tal-RFMOs, il-Kummissjoni tipproponi, u l-Kunsill jadotta, speċifikazzjonijiet tal-mandati pluriennali.
Filwaqt li l-konsultazzjonijiet għadhom għaddejjin u l-laqgħat annwali tal-RFMOs għadhom pendenti jew il-parir xjentifiku għadu ma huwiex disponibbli, il-premessi u d-dispożizzjonijiet rilevanti stabbiliti fit-test korrispondenti tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/109 f’parentesi kwadri u l-opportunitajiet tas-sajd huma mmarkati bħala pm.
Ladarba l-konsultazzjonijiet jiġu konklużi u tkun saret il-laqgħa annwali tal-RFMOs jew isir disponibbli l-aktar parir xjentifiku disponibbli reċenti, il-proposti rilevanti tal-Kummissjoni se jiġu ppubblikati bħala dokumenti informali tas-servizzi tal-Kummissjoni li se jsiru parti integrali minn din il-proposta.
L-obbligu ta’ ħatt l-art
Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Bażiku, mill-1 ta’ Jannar 2019 l-istokkijiet kollha li għalihom hemm limiti ta’ qbid ġew soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art. Madankollu, ir-Regolament Bażiku jipprevedi ċerti eżenzjonijiet mill-obbligu ta’ ħatt l-art. Abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet konġunti mill-Istati Membri, il-Kummissjoni adottat regolamenti delegati li jispeċifikaw id-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċertu sajd (“pjanijiet għall-iskartar”), li jippermettu kwantitajiet limitati ta’ rimi abbażi ta’ eżenzjonijiet de minimis jew ta’ sopravivenza għolja.
Mill-introduzzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art u f’konformità mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Bażiku, l-opportunitajiet tas-sajd proposti jridu jirriflettu l-bidla mill-ammont li jinħatt l-art għall-ammont li jkun inqabad, minħabba li l-iskartar tal-ħut ma għadux permess aktar. Dan isir abbażi tal-parir xjentifiku għall-istokkijiet fis-sajd imsemmija fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Bażiku. L-opportunitajiet tas-sajd proposti huma stabbiliti wkoll f’konformità ma’ dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn, jiġifieri l-Artikolu 16(1) dwar il-prinċipju tal-istabbiltà relattiva u l-Artikolu 16(4) li jirreferu għall-objettivi tal-PKS u r-regoli tal-pjanijiet pluriennali rilevanti.
Filwaqt li tqis l-applikazzjoni sħiħa tal-obbligu ta’ ħatt l-art, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi TACs abbażi tal-parir dwar il-qbid, aktar milli l-parir dwar il-ħatt l-art (kif użat qabel). Il-kwoti proposti tal-UE jqisu l-iskartar limitat abbażi tal-eżenzjonijiet stabbiliti; dawn il-kwantitajiet ma humiex se jinħattu l-art u jinqatgħu mill-kwoti, u għalhekk jitnaqqsu mill-kwoti tal-UE.
Flessibbiltà minn sena għal sena
Iridu jitqiesu wkoll ir-rabtiet bejn ir-Regolament Bażiku u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96. L-Artikoli 3 u 4 tal-aħħar Regolament jistabbilixxu kundizzjonijiet addizzjonali għall-ġestjoni minn sena għal sena tat-TACs, inkluża l-flessibbiltà għall-istokkijiet prekawzjonarji u analitiċi rispettivament (hawnhekk mifhuma bħala stokkijiet bil-parir ta’ prekawzjoni tal-ICES u bil-parir tal-ICES dwar l-MSY rispettivament). Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 847/96, meta jiġu stabbiliti t-TACs, il-Kunsill irid jiddeċiedi liema stokkijiet ma humiex se jkunu soġġetti għall-Artikoli 3 u 4 ta’ dak ir-Regolament, b’mod partikolari abbażi tal-istatus bijoloġiku tal-istokkijiet. L-Artikolu 15(9) tar-Regolament Bażiku jipprevedi mekkaniżmu ieħor ta’ flessibbiltà minn sena għal sena.
Sabiex tiġi evitata flessibbiltà eċċessiva li timmina l-prinċipju tal-isfruttament razzjonali u responsabbli tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar u l-ilħuq tal-objettivi tal-PKS, il-miżuri skont l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 u skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament Bażiku ma jistgħux japplikaw b’mod kumulattiv.
Il-flessibbiltà minn sena għal sena skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament Bażiku għandha tiġi eskluża meta timmina l-ilħuq tal-objettivi tal-PKS, b’mod partikolari għal stokkijiet b’bijomassa taħt Blim. Blim hija l-bijomassa li taħtha jista’ jkun hemm kapaċità riproduttiva mnaqqsa.
L-opportunitajiet u l-ispjegazzjoni tas-sajd proposti
Il-kwoti tal-UE jirrappreżentaw il-kwantitajiet li jistgħu jinqabdu u jinħattu l-art u li se jingħaddu mal-kwoti tal-Istati Membri. Għalhekk, it-tqabbil bejn l-opportunitajiet tas-sajd proposti għall-2023 u dawk stabbiliti għas-sena attwali (2022) huwa bbażat fuq il-kwoti tal-UE.
Stokkijiet awtonomi tal-UE
|
TAC
|
Kodiċi TAC
|
Kwota tal-UE proposta għall-2023 (tunnellati)
|
Bidla fil-kwota tal-UE proposta mill-2022
|
Spjegazzjoni
|
|
Megrims
fi 8c, 9 u 10; L-ilmijiet tal-Unjoni ta’ CECAF 34.1.1
|
LEZ/8C3411
|
3 120
|
+33 %
|
L-ICES jipprovdi parir dwar l-MSY għal żewġ speċijiet differenti ta’ megrim f’din iż-żona, għal Lepidorhombus whiffiagonis u għal Lepidorhombus Boscii.
Il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi t-TAC f’konformità mal-parir dwar l-MSY u mal-valur tal-punt tal-FMSY għaż-żewġ speċijiet. Il-valur tal-punt FMSY huwa l-valur tal-mortalità mis-sajd li jagħti l-MSY fit-tul.
Tnaqqis fl-eżenzjonijiet mill-obbligu ta’ ħatt l-art ġie applikat għall-kwota tal-UE.
|
|
Petriċi
fi 8c, 9 u 10; L-ilmijiet tal-Unjoni ta’ CECAF 34.1.1
|
ANF/8C3411
|
4 156
|
+12 %
|
L-ICES jipprovdi parir dwar l-MSY għal żewġ speċijiet differenti ta’ petriċa f’din iż-żona, għall-petriċa sewda (Lophius budegassa) u għall-petriċa bajda (Lophius piscatorius).
Il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi t-TAC f’konformità mal-parir dwar l-MSY u mal-valur tal-punt tal-FMSY għaż-żewġ speċijiet.
Tnaqqis fl-eżenzjonijiet mill-obbligu ta’ ħatt l-art ġie applikat għall-kwota tal-UE.
|
|
Merlangu
fi 8
|
WHG/08.
|
2 276
|
+5 %
|
L-ICES ma jistax jipprovdi informazzjoni dwar id-daqs tal-istokk jew il-pressjoni tas-sajd, u jipprovdi parir ta’ prekawzjoni għal dan l-istokk.
Il-Kummissjoni tipproponi li t-TAC tiġi stabbilita f’konformità mal-parir ta’ prekawzjoni.
|
|
Merluzz
fi 8c, 9 u 10; L-ilmijiet tal-Unjoni ta’ CECAF 34.1.1
|
HKE/8C3411
|
15 554
|
+103 %
|
Wara parametru referenzjarju tal-ICES, l-ICES għal darb’oħra jipprovdi parir dwar l-MSY għal dan l-istokk, wara li jkun ta biss parir ta’ prekawzjoni fl-aħħar sentejn. Skont il-mudell il-ġdid użat għall-parir dwar l-MSY, il-bijomassa titqies li żdiedet f’dawn l-aħħar snin.
Il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi t-TAC f’konformità mal-parir dwar l-MSY u l-ogħla valur fil-medda tal-FMSY (“FMSY upper”), peress li l-merluzz huwa mistenni li jkun l-aktar speċi limitata fis-sajd imħallat.
Tnaqqis fl-eżenzjonijiet mill-obbligu ta’ ħatt l-art ġie applikat għall-kwota tal-UE.
|
|
Skampu
fi 8c, unità funzjonali 31
|
NEP/8CU31
|
9
|
-36 %
|
L-ICES jagħti parir dwar l-MSY għal dan l-istokk.
Il-Kummissjoni tipproponi li t-TAC tiġi stabbilita f’konformità mal-parir dwar l-MSY.
Tnaqqis fl-eżenzjonijiet mill-obbligu ta’ ħatt l-art ġie applikat għall-kwota tal-UE.
|
|
Barbun tat-tbajja’
fil-Kattegat
|
PLE/03AS
|
1 059
|
+91 %
|
L-ICES jagħti parir dwar l-MSY għal dan l-istokk.
Din it-TAC tirrappreżenta proporzjon (27 %) tal-parir tal-ICES għall-barbun tat-tbajja’ fil-Kattegat, fl-Ibħra tal-Belt, u f’The Sound. Dik iċ-ċifra hija bbażata fuq id-distribuzzjoni tal-qabdiet fl-2021 stabbilita fil-parir tal-ICES.
Il-Kummissjoni tipproponi li t-TAC tiġi stabbilita f’konformità mal-parir dwar l-MSY u mal-valur l-aktar baxx fil-medda ta’ FMSY (“FMSY lower”). Hija tipproponi li t-TAC tiġi stabbilita f’konformità ma’ FMSY lower minħabba li l-bakkaljaw, li għalih hemm parir ta’ 0 t, huwa qabda aċċessorji f’dan is-sajd.
Tnaqqis fl-eżenzjonijiet mill-obbligu ta’ ħatt l-art ġie applikat għall-kwota tal-UE.
|
|
Barbun tat-tbajja’
f’7b u 7c
|
PLE/7BC
|
19
|
tiġdid
|
L-ICES ma jistax jipprovdi informazzjoni dwar id-daqs tal-istokk jew il-pressjoni tas-sajd, u jipprovdi parir ta’ prekawzjoni għal dan l-istokk.
Il-Kummissjoni tipproponi li t-TAC tiġi stabbilita f’konformità mal-parir ta’ prekawzjoni.
|
|
Barbun tat-tbajja’
fi 8, 9 u 10; L-ilmijiet tal-Unjoni ta’ CECAF 34.1.1
|
PLE/8/3411
|
155
|
tiġdid
|
L-ICES ma jistax jipprovdi informazzjoni dwar id-daqs tal-istokk jew il-pressjoni tas-sajd, u jipprovdi parir ta’ prekawzjoni għal dan l-istokk.
Il-Kummissjoni tipproponi li t-TAC tiġi stabbilita f’konformità mal-parir ta’ prekawzjoni.
|
|
Pollakkju
fi 8a, 8b, 8d u 8e
|
POL/8ABDE
|
1 334
|
-10 %
|
Il-parir tal-ICES ikopri tliet TACs, dan u ż-żewġ TACs li jmiss.
L-ICES ma jistax jipprovdi informazzjoni dwar id-daqs tal-istokk jew il-pressjoni tas-sajd, u jipprovdi parir ta’ prekawzjoni għal dan l-istokk.
Il-Kummissjoni tipproponi li t-TACs jitnaqqsu fuq id-direzzjoni tal-parir ta’ prekawzjoni.
|
|
Pollakkju
fi 8c
|
POL/08C.
|
149
|
-10 %
|
Bħal ta’ fuq.
|
|
Pollakkju
f’9 u 10; L-ilmijiet tal-Unjoni ta’ CECAF 34.1.1
|
POL/9/3411
|
182
|
-10 %
|
Bħal ta’ fuq.
|
|
Lingwata komuni
fi 3a; L-ilmijiet tal-Unjoni tas-suddiviżjonijiet 22 sa 24
|
SOL/3ABC24
|
498
|
-30 %
|
L-ICES jagħti parir dwar l-MSY għal dan l-istokk.
Il-Kummissjoni tipproponi li t-TAC tiġi stabbilita f’konformità mal-parir dwar l-MSY u mal-valur tal-punt tal-FMSY.
Tnaqqis fl-eżenzjonijiet mill-obbligu ta’ ħatt l-art ġie applikat għall-kwota tal-UE.
|
|
Lingwata komuni
f’7b u 7c
|
SOL/7BC
|
19
|
-44 %
|
L-ICES ma jistax jipprovdi informazzjoni dwar id-daqs tal-istokk jew il-pressjoni tas-sajd, u jipprovdi parir ta’ prekawzjoni għal dan l-istokk.
Il-Kummissjoni tipproponi li t-TAC tiġi stabbilita f’konformità mal-parir ta’ prekawzjoni.
|
|
Lingwata komuni
fi 8a u 8b
|
SOL/8AB
|
2 620
|
+20 %
|
L-ICES jagħti parir dwar l-MSY għal dan l-istokk.
Il-Kummissjoni tipproponi li t-TAC tiġi stabbilita f’konformità mal-parir dwar l-MSY u mal-valur tal-punt tal-FMSY.
Tnaqqis fl-eżenzjonijiet mill-obbligu ta’ ħatt l-art ġie applikat għall-kwota tal-UE.
|
|
Lingwata
fi 8c, 8d, 8e, 9 u 10; L-ilmijiet tal-Unjoni ta’ CECAF 34.1.1
|
SOO/8CDE34
|
582
|
-11 %
|
It-TAC tkopri tliet speċijiet ta’ lingwata f’din iż-żona, il-lingwata komuni (Solea solea) u żewġ speċijiet oħrajn ta’ lingwata.
L-ICES jipprovdi biss parir dwar l-MSY għal-lingwata komuni f’din iż-żona.
Il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi sottoTAC għal-lingwata komuni f’konformità mal-parir dwar l-MSY. Hija tipproponi wkoll li t-TAC tiġi stabbilita f’konformità mal-parir għal-lingwata komuni u filwaqt li jitqiesu l-qabdiet speċifiċi għall-ispeċijiet (55 % lingwata komuni u 45 % speċijiet oħrajn ta’ lingwata). Dik iċ-ċifra hija bbażata fuq l-ishma tal-qbid bejn l-2018 u l-2020 stabbiliti fil-parir tal-ICES.
|
|
Sawrell f’9
|
JAX/09
|
158 005
|
+15 %
|
L-ICES jagħti parir dwar l-MSY għal dan l-istokk.
Il-Kummissjoni tipproponi li t-TAC tiġi stabbilita f’konformità mal-parir dwar l-MSY.
Tnaqqis fl-eżenzjonijiet mill-obbligu ta’ ħatt l-art ġie applikat għall-kwota tal-UE.
|
|
Spnotta f’8a u 8b
|
Mhux applikabbli
(ġestiti minn Franza u minn Spanja)
|
Mhux applikabbli
|
Mhux applikabbli
|
L-ICES jagħti parir dwar l-MSY għal dan l-istokk.
Il-Kummissjoni tipproponi li jinżamm il-limitu ta’ żewġ ħutiet fil-jum għal kull qabda. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li Franza u Spanja jistabbilixxu limiti tal-qbid għas-sajd kummerċjali f’konformità mal-parir dwar l-MSY u mal-valur tal-punt tal-FMSY, filwaqt li jitqiesu l-qabdiet kummerċjali, inkluż ir-rimi, u l-qabdiet rikreattivi.
|
Stokkijiet tal-baħar fond tal-UE awtonomi
|
TAC
|
Kodiċi TAC
|
Kwota proposta tal-UE għall-2023 u għall-2024 (tunnellati)
|
Bidla fil-kwota proposta tal-UE mill-2021 u mill-2022
|
Spjegazzjoni
|
|
Paġella ħamra
fl-ilmijiet tal-Unjoni u dawk internazzjonali ta’ 9
|
SBR/09-
|
114
|
-4 %
|
L-ICES jista’ jipprovdi biss informazzjoni dwar ix-xejriet tal-istokkijiet abbażi ta’ indiċi tal-bijomassa, u jipprovdi parir ta’ prekawzjoni għal dan l-istokk.
Il-Kummissjoni tipproponi li t-TAC tiġi stabbilita f’konformità mal-parir ta’ prekawzjoni.
Tnaqqis fl-eżenzjonijiet mill-obbligu ta’ ħatt l-art ġie applikat għall-kwota tal-UE.
|
Sallura
L-ICES jipprovdi pariri għall-medda naturali kollha tas-sallura (Anguilla anguilla), li tinkludi l-Atlantiku tal-Grigal u l-Mediterran. Minħabba l-istat kritiku tas-sallura, l-ICES ta parir għal dawn l-aħħar żewġ deċennji sabiex iżomm kemm jista’ jkun il-mortalità antropoġenika tas-sallura qrib iż-żero fil-medda naturali tagħha. B’mod partikolari, fl-4 ta’ Novembru 2021, l-ICES ta parir li għall-2022, meta jiġi applikat l-approċċ prekawzjonarju, għandu jkun hemm qabdiet żero ta’ sallura fil-ħabitats kollha u fl-istadji kollha tal-ħajja, tul il-medda naturali tagħha. Dan jikkonċerna kemm il-qabdiet rikreattivi kif ukoll dawk kummerċjali u jinkludi l-qabdiet ta’ frieħ ta’ sallura għar-ristokkjar u għat-trobbija. Barra minn hekk, fit-30 ta’ Mejju 2022, l-ICES ta parir li, minkejja l-isforzi tal-Istati Membri, ma sar l-ebda progress ġenerali fl-ilħuq tal-objettiv ta’ ħarba tal-bijomassa tas-sallura tal-fidda ta’ 40 % madwar l-UE kollha, kif meħtieġ mill-Artikolu 2(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007. Huwa rrakkomanda wkoll li l-isforzi ta’ konservazzjoni għandhom ikunu ffokati fuq dawk il-miżuri li, skont id-definizzjoni, għandhom probabbiltà kbira li jnaqqsu l-mortalità u jżidu l-ħarba. Il-parir tal-ICES għall-2023 se jiġi ppubblikat fit-3 ta’ Novembru 2022.
Ġie stabbilit għeluq għas-sajd tas-sallura ta’ tliet xhur konsekuttivi fir-regolamenti annwali dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-ilmijiet tal-UE taż-żona tal-ICES mill-2018, u mill-2019 għall-Mediterran. Wara l-pubblikazzjoni tal-parir tal-ICES tal-4 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni kkonsultat matul diversi xhur lill-Kunsilli Konsultattivi u lill-gruppi tal-Istati Membri reġjonali dwar kif l-aħjar timplimenta dan il-parir tal-ICES. Barra minn hekk, f’Diċembru 2021, ġie stabbilit għeluq tas-sajd għas-sallura għal perjodu konsekuttiv ta’ tliet xhur għall-2022 bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/109 għall-Atlantiku tal-Grigal u bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/110 għall-Mediterran.
Abbażi tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u l-parir tal-ICES tal-4 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni għall-2023 tipproponi li testendi l-għeluq għal kwalunkwe attività tas-sajd tas-sallura minn tliet xhur għal sitt xhur konsekuttivi fl-ilmijiet tal-baħar u l-ilma salmastru tal-madwar fl-Atlantiku tal-Grigal (li jinkludi l-Baħar Baltiku) u fil-Mediterran (iżda eskluż il-Baħar l-Iswed). L-għeluq ta’ sitt xhur, jekk jiġi stabbilit matul il-perjodu xieraq, ikopri l-maġġoranza l-kbira tal-frieħ tas-sallura u tas-sallura tal-fidda migratorji u għalhekk jipprovdi livell ogħla ta’ protezzjoni tal-istokk tas-sallura fl-ilmijiet koperti mill-għeluq. Għeluq ta’ sitt xhur jikkontribwixxi wkoll għall-kisba tal-objettiv ta’ ħarba tal-bijomassa tas-sallura tal-fidda ta’ mill-anqas 40 % tar-Regolament (KE) Nru 1100/2007. Għalhekk, l-għeluq tas-sajd ta’ sitt xhur għandu jkopri l-perjodu ewlieni ta’ migrazzjoni kemm tal-ferħ tas-sallura kif ukoll tas-sallura tal-fidda rispettivament. Barra minn hekk, l-għeluq għandu jkopri l-perjodu rispettiv tal-eqqel migrazzjoni. Peress li dak il-perjodu jista’ jvarja minn sena għal oħra minħabba fatturi ambjentali, l-għeluq għandu jinkludi wkoll perjodu ta’ mill-anqas xahrejn kemm qabel kif ukoll wara x-xahar tal-eqqel tal-migrazzjoni. Barra minn hekk, il-perjodu ta’ migrazzjoni tas-sallura huwa influwenzat minn firxa wiesgħa ta’ fatturi ambjentali u bijoloġiċi u għalhekk jista’ jvarja skont l-istadju tal-ħajja tas-sallura, u skont il-ħabitat u l-pożizzjoni ġeografika, b’mod partikolari l-istretti. Għalhekk, l-għeluq għandu jkun ibbażat fuq dawn il-fatturi kollha bil-għan li jiġu mmassimizzati l-protezzjoni u l-irkupru tal-istokk tas-sallura. Dan jista’ jirriżulta fid-determinazzjoni ta’ perjodi ta’ għeluq differenti għal żoni differenti u għal stadji differenti tal-ħajja tas-sallura fi Stat Membru partikolari, u li għeluq partikolari jista’ jintemm fl-2024. Fl-aħħar nett, l-għeluq fl-istretti u f’żoni transfruntiera għandu jkun konsistenti maż-żoni fil-qrib, u għalhekk għandu jiġi miftiehem fil-fora ta’ konsultazzjoni xierqa. Din il-proposta tista’ tiġi aġġornata wara l-pubblikazzjoni tal-parir xjentifiku mill-ICES għall-2023.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-miżuri proposti huma konsistenti mal-objettivi u mar-regoli tal-PKS.
•Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-UE
Il-miżuri proposti huma konsistenti ma’ politiki oħrajn tal-UE, b’mod partikolari mal-politiki fil-qasam tal-ambjent.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-Artikolu 43(3) tat-TFUE.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-UE kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(d) tat-TFUE. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Il-proposta talloka l-opportunitajiet tas-sajd lill-Istati Membri f’konformità mal-objettivi tar-Regolament Bażiku, il-pjanijiet pluriennali applikabbli u l-eżitu tal-konsultazzjonijiet ma’ pajjiżi mhux tal-UE u tal-laqgħat annwali tal-RFMOs. Skont l-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament Bażiku, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif l-opportunitajiet tas-sajd allokati lilhom jistgħu jiġu allokati lill-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom f’konformità ma’ ċerti kriterji għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom il-marġni ta’ diskrezzjoni neċessarju sabiex jeżerċitaw filwaqt tad-distribuzzjoni tat-TACs allokati, f’konformità mal-mudell soċjali/ekonomiku tal-għażla tagħhom sabiex jisfruttaw l-opportunitajiet tas-sajd koperti mill-proposta.
•Għażla tal-istrument
Regolament.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Ir-regolament dwar l-opportunitajiet tas-sajd jiġi rivedut diversi drabi kull sena sabiex jiġu riflessi l-aktar parir xjentifiku reċenti u żviluppi oħrajn.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
(a)Metodi ta’ konsultazzjoni, setturi ewlenin fil-mira u profil ġenerali tar-rispondenti
Il-Kummissjoni kkonsultat lill-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari permezz tal-Kunsilli Konsultattivi, u lill-Istati Membri dwar l-approċċ tagħha għall-proposti varji tagħha dwar l-opportunitajiet tas-sajd abbażi tal-Komunikazzjoni annwali tagħha Lejn sajd aktar sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2023 (COM(2022) 253 final).
Il-Kummissjoni segwiet l-approċċ deskritt fil-Komunikazzjoni tagħha It-titjib fil-konsultazzjoni dwar il-ġestjoni tas-sajd Komunitarju (COM(2006) 246 final). Dan l-approċċ jikkonsisti f’konsultazzjoni aktar bikrija mal-partijiet ikkonċernati, li tippermetti dibattitu aktar strateġiku.
(b)Sommarju tat-tweġibiet u kif tqiesu
It-tweġibiet tal-partijiet ikkonċernati għall-komunikazzjoni annwali msemmija hawn fuq stabbilew il-fehmiet tagħhom dwar l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-qagħda tar-riżorsi u dwar ir-rispons ta’ ġestjoni xieraq. Il-Kummissjoni qieset it-tweġibiet meta fasslet din il-proposta.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-Kummissjoni kkonsultat lill-ICES dwar il-metodoloġija li għandha tintuża. Il-parir xjentifiku tal-ICES huwa bbażat fuq qafas żviluppat mill-gruppi ta’ esperti tiegħu u mill-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u maħruġ f’konformità mal-ftehim qafas ta’ sħubija tiegħu mal-Kummissjoni.
L-objettiv aħħari tal-PKS huwa li l-istokkijiet jiġu rrestawrati għal livelli li jistgħu jimplimentaw l-MSY u li jinżammu f’dawk il-livelli. Dan l-objettiv huwa inkorporat b’mod ċar fir-Regolament Bażiku, l-Artikolu 2(2), li jipprovdi li dan “għandu jintlaħaq […] sa mhux aktar tard mill-2020 għall-istokkijiet kollha”. Dan jirrifletti l-impenn li ħadet l-UE b’rabta mal-konklużjonijiet tas-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-2002 f’Johannesburg u mal-pjan ta’ implimentazzjoni assoċjat miegħu. Kif innotat hawn fuq, il-parir dwar l-MSY huwa disponibbli għal xi stokkijiet, inklużi xi wħud li huma importanti f’termini ta’ volumi ta’ qbid u valur kummerċjali (eż. il-merluzz, il-bakkaljaw, il-petriċa kbira, il-lingwata, il-megrims, il-merluzz tal-linja sewda u l-iskampu).
L-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet fil-mira fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-Ilmijiet tal-Punent u li għalihom hemm parir dwar l-MSY għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-pjanijiet pluriennali rilevanti, li jiddefinixxu firxa ta’ valuri tal-mortalità mis-sajd li jirriżultaw fl-MSY (“medda ta’ FMSY”) u għalhekk joffru grad ta’ flessibbiltà f’kundizzjonijiet speċifiċi. Il-Kummissjoni talbet lill-ICES jipprovdi pariri xjentifiċi li jistgħu jintużaw sabiex tiġi vvalutata l-ħtieġa ta’ din il-flessibbiltà u sabiex tiġi implimentata l-flessibbiltà. Il-medda superjuri tal-valuri ta’ FMSY tista’ tintuża sabiex jiġu proposti TACs, diment li l-bijomassa tal-istokk inkwistjoni tkun ogħla minn Btrigger, u biss jekk, abbażi ta’ parir xjentifiku, li jkun meħtieġ sabiex:
–jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fil-pjan pluriennali rilevanti fil-każ ta’ sajd imħallat; jew
–tiġi evitata ħsara serja għal stokk ikkawżat minn dinamika tal-istokk fi ħdan l-ispeċijiet jew bejn l-ispeċijiet; jew
–jiġu limitati l-varjazzjonijiet minn sena għal sena.
Btrigger hija l-bijomassa li taħtha għandha tittieħed azzjoni ta’ ġestjoni sabiex stokk ikun jista’ jimtela mill-ġdid ’il fuq mil-livelli li kapaċi jipproduċi l-MSY fit-tul. Meta l-bijomassa tal-istokk tkun taħt il-Btrigger, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti f’livell li jikkorrispondi għall-mortalità mis-sajd li titnaqqas proporzjonalment sabiex jitqies it-tnaqqis fil-bijomassa.
F’ċerti każijiet, il-kisba tal-MSY tista’ tinvolvi t-tnaqqis tar-rati ta’ mortalità mis-sajd u/jew tal-qabdiet.
Għaldaqstant, din il-proposta timxi mal-parir dwar l-MSY, meta dan ikun disponibbli. F’konformità mal-objettivi tal-PKS, meta jiġu proposti TACs abbażi tal-parir dwar l-MSY, dawn jikkorrispondu għal-livell li, skont dak il-parir, ikun jiżgura li jintlaħaq l-objettiv tal-MSY. Dan l-approċċ huwa konformi mal-prinċipji stabbiliti fil-Komunikazzjoni annwali Lejn sajd aktar sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2023.
Għall-istokkijiet fil-mira limitati għad-data, il-parir xjentifiku tal-ICES jipprovdi gwida kwantitattiva dwar il-qabdiet u dan intuża sabiex jiġi stabbilit il-livell tat-TACs proposti.
L-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet ta’ qabdiet aċċessorji fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-Ilmijiet tal-Punent iridu jiġu stabbiliti wkoll abbażi tal-pjanijiet pluriennali rilevanti. Għal stokkijiet bħal dawn, il-Kummissjoni talbet lill-ICES, meta jkun possibbli, jipprovdi parir dwar l-MSY. It-TACs għall-istokkijiet ta’ qabdiet aċċessorji huma proposti, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-pjan pluriennali rilevanti, abbażi tal-parir dwar l-MSY jew tal-parir ta’ prekawzjoni.
Għall-istokkijiet ta’ qabdiet aċċessorji limitati għad-data, it-TACs huma proposti abbażi tal-gwida kwantitattiva dwar il-qabdiet ipprovduta fil-parir xjentifiku tal-ICES.
•Valutazzjoni tal-impatt
L-Artikolu 43(3) tat-TFUE jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-opportunitajiet tas-sajd.
Din il-proposta tfittex li tevita approċċi għal żmien qasir favur is-sostenibbiltà fit-tul. Għalhekk tqis l-inizjattivi mill-partijiet ikkonċernati u mill-Kunsilli Konsultattivi jekk ikunu ġew irrieżaminati b’mod pożittiv mill-ICES u/jew mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF). Il-proposta ta’ riforma tal-PKS tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq valutazzjoni tal-impatt (SEC(2011) 891) li qieset li l-ilħuq tal-objettiv tal-MSY kienet kundizzjoni meħtieġa għas-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali.
Fir-rigward tal-opportunitajiet tas-sajd u l-istokkijiet tal-RFMO li huma ġestiti b’mod konġunt ma’ pajjiżi mhux tal-UE, essenzjalment din il-proposta timplimenta miżuri miftiehma fil-livell internazzjonali. Kwalunkwe element li huwa rilevanti għall-valutazzjoni tal-impatti li l-opportunitajiet tas-sajd jista’ jkollu jiġi ttrattat fit-tħejjija u fit-twettiq ta’ negozjati internazzjonali li fihom jiġu miftiehma l-opportunitajiet tas-sajd tal-UE ma’ pajjiżi mhux tal-UE.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Il-proposta tipprevedi s-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għall-awtoritajiet pubbliċi tal-UE jew nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti li japplikaw għall-ġestjoni tal-isforzi.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u b’mod partikolari dawk rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-miżuri proposti ma huma se jkollhom l-ebda implikazzjoni baġitarja.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Id-dispożizzjonijiet tar-regolament se jiġu implimentati u l-konformità se tiġi mmonitorjata, f’konformità mal-PKS.
2022/0343 (NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi għall-2023 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, kif ukoll li jistabbilixxi għall-2023 u għall-2024 tali opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut tal-baħar fond
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jirrikjedi li jiġu adottati miżuri ta’ konservazzjoni filwaqt li jitqiesu l-pariri xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi disponibbli, inkluż, meta jkunu rilevanti, rapporti mfassla mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) u minn korpi konsultattivi oħrajn, kif ukoll kwalunkwe parir li jasal mingħand il-kunsilli konsultattivi.
(2)Il-Kunsill għandu r-responsabbiltà li jadotta miżuri dwar l-istabbiliment u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, inkluż kundizzjonijiet li huma marbuta b’mod funzjonali magħhom, kif ikun xieraq. Skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti f’konformità mal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd (PKS), kif stabbilit fl-Artikolu 2(2) ta’ dak ir-Regolament. Barra minn hekk, għal stokkijiet soġġetti għal pjanijiet pluriennali speċifiċi (MAPs), il-qabdiet totali permissibbli (TACs) jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’konformità mal-miri u mal-miżuri stabbiliti f’dawk il-pjanijiet. Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu allokati fost l-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd ta’ kull Stat Membru għal kull stokk ta’ ħut jew sajd.
(3)It-TACs jenħtieġ li jiġu stabbiliti, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, abbażi tal-parir xjentifiku disponibbli, filwaqt li jitqiesu l-aspetti bijoloġiċi u soċjoekonomiċi u filwaqt li jiġi żgurat trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd, kif ukoll fid-dawl tal-opinjonijiet espressi waqt il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari fil-laqgħat tal-kunsilli konsultattivi. It-TACs jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll f’konformità mal-pjanijiet pluriennali rilevanti.
(4)Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-istokkijiet kollha li għalihom hemm limiti ta’ qbid huma soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art mill-1 ta’ Jannar 2019, għalkemm jistgħu japplikaw ċerti eżenzjonijiet. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet konġunti mill-Istati Membri u f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-Kummissjoni adottat numru ta’ regolamenti delegati li jistabbilixxu d-dettalji għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art fil-forma ta’ pjanijiet tal-iskartar tas-sajd speċifiku.
(5)L-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet koperti mill-obbligu ta’ ħatt l-art jenħtieġ li jqisu l-fatt li l-iskartar fil-prinċipju ma għadux permess. Għalhekk, dawn jenħtieġ li jkunu bbażati fuq iċ-ċifra ssuġġerita għall-qabdiet totali (minflok għall-ħatt l-art jew minflok il-qabdiet mixtieqa), kif stipulat mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES). Il-kwantitajiet li, b’eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħatt l-art, jistgħu jibqgħu jiġu skartati jenħtieġ li jitnaqqsu mill-kwoti tal-Unjoni.
(6)Hemm ċerti stokkijiet li għalihom l-ICES jagħti parir li ma jinqabad xejn. Madankollu, jekk it-TACs għal dawk l-istokkijiet jiġu stabbiliti fil-livell rakkomandat, l-obbligu li jinħattu l-art il-qabdiet kollha, inkluż qabdiet aċċessorji minn dawk l-istokkijiet fis-sajd imħallat, iwassal għall-fenomenu ta’ “speċijiet bi kwota limitanti”. Sabiex jinkiseb bilanċ bejn iż-żamma tas-sajd, fid-dawl tal-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi potenzjalment serji li jirriżultaw min-nuqqas ta’ dan, u l-ħtieġa li jinkiseb status bijoloġiku tajjeb għal dawk l-istokkijiet, filwaqt li titqies id-diffikultà tas-sajd tal-istokkijiet kollha f’sajd imħallat b’rendiment massimu sostenibbli (MSY), huwa xieraq li jiġu stabbiliti TACs speċifiċi għal qabdiet aċċessorji għal dawk l-istokkijiet. Dawk it-TACs jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’livelli li jiżguraw li l-mortalità għal dawk l-istokkijiet titnaqqas u li jipprovdu inċentivi sabiex tittejjeb is-selettività u sabiex jiġu evitati tali qabdiet aċċessorji. Sabiex jitnaqqsu l-qabdiet tal-istokkijiet li għalihom jiġu stabbiliti t-TACs tal-qabdiet aċċessorji, l-opportunitajiet tas-sajd għall-attivitajiet tas-sajd li fihom jinqabad il-ħut minn dawn l-istokkijiet jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’livelli li jgħinu sabiex il-bijomassa tal-istokkijiet vulnerabbli tirkupra għal livelli sostenibbli. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll miżuri tekniċi u ta’ kontroll li huma intrinsikament marbuta mal-opportunitajiet tas-sajd sabiex jiġi pprevenut l-iskartar illegali.
(7)Sabiex jiġi ggarantit, sa fejn huwa possibbli, l-użu tal-opportunitajiet tas-sajd f’sajd imħallat f’konformità mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, huwa xieraq li tiġi stabbilita riżerva komuni għall-iskambji ta’ kwoti għall-Istati Membri li ma għandhomx kwota sabiex ikopru l-qabdiet aċċessorji inevitabbli tagħhom.
(8)Il-Pjan Pluriennali għall-Baħar tat-Tramuntana ġie stabbilit bir-Regolament (UE) 2018/973 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsillu daħal fis-seħħ fl-2018. Il-Pjan Pluriennali għall-Baħar tat-Tramuntana ġie stabbilit bir-Regolament (UE) 2019/472 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u daħal fis-seħħ fl-2019. L-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet elenkati fl-Artikolu 1(1) ta’ dawk ir-Regolamenti jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’konformità mal-medda tal-valuri tal-mortalità mis-sajd li jirriżultaw fl-MSY (“medda ta’ FMSY”) u mas-salvagwardji previsti f’dawk ir-Regolamenti. Il-meded ta’ FMSY ġew stabbiliti fil-parir rilevanti tal-ICES. Meta ma tkunx disponibbli informazzjoni xjentifika xierqa, l-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet ta’ qabdiet aċċessorji jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’konformità mal-approċċ ta’ prekawzjoni, kif stabbilit f’dawk ir-Regolamenti.
(9)F’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2018/973 u l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2019/472, meta l-parir xjentifiku jindika li l-bijomassa ta’ stokk riproduttiv ta’ kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ dak ir-Regolament tkun anqas minn Blim, għandhom jittieħdu aktar miżuri ta’ rimedju sabiex jiżguraw ir-ritorn rapidu tal-istokk għal livelli ogħla minn dawk li huma kapaċi jipproduċu l-MSY. Blim hija l-bijomassa li taħtha jista’ jkun hemm kapaċità riproduttiva mnaqqsa. B’mod partikolari, dawk il-miżuri ta’ rimedju jistgħu jinkludu s-sospensjoni tas-sajd fil-mira għall-istokk inkwistjoni u t-tnaqqis adegwat tal-opportunitajiet tas-sajd għal dawk l-istokkijiet jew stokkijiet oħrajn fis-sajd.
(10)It-TACs għat-tonn (Thunnus thynnus) fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/1627 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(11)Għal stokkijiet li għalihom ma hemmx biżżejjed data jew li d-data li hemm dwarhom ma hijiex affidabbli sabiex jiġu pprovduti stimi tad-daqs tal-istokk, il-miżuri ta’ ġestjoni u l-livelli tat-TAC jenħtieġ li jsegwu l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (8), tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1380/2013, filwaqt li jitqiesu fatturi speċifiċi għall-istokk, inklużi, b’mod partikolari, informazzjoni disponibbli dwar ix-xejriet tal-istokk u kunsiderazzjonijiet ta’ sajd imħallat.
(12)F’konformità mal-pjan pluriennali għall-Ilmijiet tal-Punent stabbilit bir-Regolament (UE) 2019/472, il-mortalità mis-sajd fil-mira għall-istokkijiet elenkati fl-Artikolu 1(1) ta’ dak ir-Regolament għandha tinżamm fil-meded ta’ FMSY definiti fl-Artikolu 2, il-punt (2), ta’ dak ir-Regolament, f’konformità mal-Artikolu 4 tiegħu. Għalhekk, il-mortalità ġenerali mis-sajd għall-ispnotta (Dicentrarchus labrax) fid-diviżjonijiet 8a u 8b tal-ICES jenħtieġ li tiġi stabbilita f’konformità mal-parir dwar l-MSY tal-ICES u mal-valur tal-punt ta’ FMSY, filwaqt li jitqiesu l-qabdiet kummerċjali, inkluż l-iskartar (pm tunnellati), u qabdiet rikreattivi (pm tunnellati) (total ta’ 3 398 tunnellata skont il-parir tal-ICES). Il-valur tal-punt FMSY huwa l-valur tal-mortalità mis-sajd li jagħti l-MSY fit-tul. L-Istati Membri rilevanti (Franza u Spanja) jenħtieġ li jieħdu miżuri xierqa sabiex jiżguraw li l-mortalità mis-sajd mill-flotot u mis-sajjieda rikreattivi tagħhom ma taqbiżx il-valur tal-punt FMSY, kif meħtieġ mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2019/472.
(13)Jenħtieġ li jinżammu miżuri għas-sajd rikreattiv għall-ispnotta fid-diviżjonijiet 8a u 8b tal-ICES, fid-dawl tal-impatt sinifikanti tagħhom fuq dak l-istokk. Il-limitu tal-qabda jenħtieġ li jinżamm f’konformità mal-parir xjentifiku. Ix-xbieki fissi jenħtieġ li jiġu esklużi, peress li ma humiex selettivi biżżejjed u x’aktarx jaqbdu numru ta’ eżemplari li jaqbżu l-limiti stabbiliti. Fid-dawl taċ-ċirkostanzi ambjentali, soċjali u ekonomiċi, speċjalment id-dipendenza tas-sajjieda kummerċjali fil-komunitajiet kostali mill-istokkijiet inkwistjoni, il-miżuri għall-ispnotta jiksbu bilanċ xieraq bejn l-interessi tas-sajjieda kummerċjali u dawk rikreattivi. B’mod partikolari, il-miżuri jippermettu lis-sajjieda rikreattivi jistadu billi jqisu l-impatt tagħhom fuq l-istokkijiet.
(14)Fl-4 ta’ Novembru 2021, l-ICES ta parir li, għall-2022, meta jiġi applikat l-approċċ prekawzjonarju, jenħtieġ li jkun hemm qabdiet żero tas-sallura (Anguilla anguilla) fil-ħabitats kollha u fl-istadji kollha tal-ħajja, tul il-medda naturali tagħha. Dan jikkonċerna kemm il-qabdiet rikreattivi kif ukoll dawk kummerċjali u jinkludi l-qabdiet ta’ frieħ tas-sallura għar-ristokkjar u għall-akkwakultura. L-ICES irrikonoxxa wkoll li l-qabdiet għall-iskop uniku ta’ ħelsien sussegwenti jistgħu jkunu parti minn miżuri ta’ konservazzjoni jekk tali miżuri jtejbu l-probabbiltà ġenerali ta’ sopravivenza. Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Kunsilli Konsultattivi u lill-gruppi tal-Istati Membri reġjonali dwar kif l-aħjar li jiġi implimentat dan il-parir tal-ICES. Barra minn hekk, fit-30 ta’ Mejju 2022, l-ICES innota li minkejja l-isforzi tal-Istati Membri, ma sar l-ebda progress ġenerali fl-ilħuq tal-objettiv ta’ ħarba tal-bijomassa tas-sallura tal-fidda ta’ 40 % madwar l-Unjoni kollha, kif meħtieġ mill-Artikolu 2(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007, u li ma ġiet osservata l-ebda xejra ċara għall-mortalità. L-ICES irrakkomanda wkoll li l-isforzi jenħtieġ li jkunu ffokati fuq miżuri ta’ konservazzjoni li, skont id-definizzjoni, għandhom probabbiltà kbira li jnaqqsu l-mortalità u jżidu l-ħarba.
(15)[Fit-3 ta’ Novembru 2022, l-ICES tenna għall-2023 il-parir tiegħu dwar il-qabdiet żero għas-sallura fil-ħabitats kollha. Abbażi ta’ dak il-parir u filwaqt li jitqies ir-rispons li wasal matul il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, huwa xieraq li l-għeluq għal kwalunkwe attività tas-sajd tas-sallura fil-baħar u fl-ilmijiet salmastri tal-madwar fil-Grigal tal-Atlantiku u fil-Mediterran jiġi estiż għal sitt xhur konsekuttivi. Għeluq ta’ sitt xhur jipproteġi u jikkontribwixxi aħjar għall-irkupru tal-istokk tas-sallura u b’hekk ikompli jintlaħaq l-objettiv ta’ ħarba ta’ mill-anqas 40 % tas-sallura adulta stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1100/2007. Għeluq ta’ sitt xhur ikopri wkoll il-maġġoranza l-kbira tal-frieħ ta’ sallura u tas-sallura tal-fidda migratorji jekk ikun stabbilit matul il-perjodu jew il-perjodi xierqa. Għalhekk, l-għeluq jenħtieġ li jkopri l-ġimgħat u x-xhur konsekuttivi rilevanti tal-perjodu ta’ migrazzjoni ewlieni tal-istadju tal-ħajja tal-ferħ tas-sallura u tas-sallura tal-fidda rispettivament. Barra minn hekk, il-perjodu ta’ għeluq jenħtieġ li jkopri l-eqqel tal-perjodu ta’ migrazzjoni tal-istadju tal-ħajja rispettiv u għalhekk jinkludi wkoll perjodu ta’ mill-anqas xahrejn kemm qabel kif ukoll wara x-xahar tal-eqqel tal-migrazzjoni. Minbarra dan, il-perjodu ta’ migrazzjoni tas-sallura huwa influwenzat minn firxa wiesgħa ta’ fatturi ambjentali u bijoloġiċi u għalhekk jista’ jvarja skont l-istadju tal-ħajja tas-sallura, u skont il-ħabitat u ż-żona ġeografika, b’mod partikolari l-istretti. Abbażi ta’ dawk il-kriterji, l-Istati Membri kkonċernati jenħtieġ li jiddeterminaw il-perjodu jew il-perjodi rilevanti għal kull stadju tal-ħajja u/jew għal kull żona ġeografika rilevanti. Sabiex jagħmlu dan u peress li l-perjodu ta’ migrazzjoni jista’ jvarja minn sena għal oħra, l-Istati Membri jenħtieġ li jużaw l-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli dwar il-migrazzjoni tas-sallura li tkopri l-aħħar 10 snin. Il-perjodi stabbiliti jistgħu jwasslu lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu perjodi ta’ għeluq differenti, li jistgħu jintemmu fl-2024, fl-ilmijiet tagħhom meta dan ikun iġġustifikat mill-aspett xjentifiku u meħtieġ għall-protezzjoni effettiva tal-istokk tas-sallura. Fl-aħħar nett, l-għeluq ta’ Stati Membri ġirien, f’żoni transfruntiera jew fil-każ ta’ stretti, jenħtieġ li jkun konsistenti maż-żoni fil-qrib. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jew ir-reġjuni kkonċernati jenħtieġ li jaqblu dwar perjodi ta’ għeluq konsistenti fil-fora ta’ konsultazzjoni xierqa. L-Istati Membri jenħtieġ li jinnotifikaw lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar 2023 dwar il-perjodu jew il-perjodi ta’ għeluq li jkunu stabbilew b’informazzjoni ta’ sostenn li tiġġustifika l-perjodu jew il-perjodi magħżula u l-miżuri nazzjonali rilevanti.] [Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-pubblikazzjoni tal-parir xjentifiku mill-ICES għall-2023.]
(16)[Fit-42 laqgħa annwali tagħha fl-2018, il-GFCM adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/42/2018/1 li tistabbilixxi miżuri ta’ ġestjoni għas-sallura fil-Baħar Mediterran (fis-subżoni ġeografiċi 1 sa 27 tal-GFCM). Dawk il-miżuri jinkludu limiti ta’ qbid u perjodu annwali ta’ għeluq tas-sajd ta’ tliet xhur konsekuttivi li kull Stat Membru għandu jiddefinixxi f’konformità mal-objettivi ta’ konservazzjoni mogħtija fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007, mal-pjan jew il-pjanijiet nazzjonali ta’ ġestjoni tiegħu għas-sallura u max-xejriet temporali tal-migrazzjoni tas-sallura f’dak l-Istat Membru. Meta l-pjanijiet ta’ ġestjoni nazzjonali li jirriżultaw fi tnaqqis fl-isforz jew fil-qbid ta’ mill-anqas 30 % ikunu ddaħħlu fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dik ir-Rakkomandazzjoni, il-limiti tal-qbid jew tal-isforz tas-sajd diġà stabbiliti u implimentati jenħtieġ li ma jinqabżux. L-għeluq jenħtieġ li japplika għall-ilmijiet tal-Baħar Mediterran kollha u għall-ilmijiet salmastri bħall-estwarji, il-laguni kostali u l-ilmijiet ta’ tranżizzjoni, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni. Il-perjodu ta’ għeluq huwa marbut b’mod funzjonali mal-opportunitajiet tas-sajd, peress li, mingħajru, il-livell ta’ qabdiet jew tal-isforz tas-sajd jenħtieġ li jitnaqqas sabiex jiġi żgurat l-irkupru tal-istokk. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.] [Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-laqgħa annwali tal-GFCM.]
(17)Il-parir xjentifiku għall-istokkijiet tal-elażmobranki (rebekkini, klieb il-baħar, raj) huwa li ma jkunx hemm qabdiet, minħabba l-istat ta’ konservazzjoni dgħajjef tagħhom. Barra minn hekk, rati għoljin ta’ sopravivenza jfissru li r-rimi, aktar milli l-ħatt l-art tal-qabdiet, jappoġġa l-konservazzjoni ta’ dawk l-istokkijiet, peress li r-rimi ma huwiex meqjus li jżid b’mod sinifikanti l-mortalità mis-sajd tagħhom. Għalhekk, is-sajd ta’ speċijiet bħal dawn jenħtieġ li jkun ipprojbit. Skont l-Artikolu 15(4), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu ta’ ħatt l-art ma japplikax għal speċijiet li għalihom is-sajd huwa pprojbit.
(18)Għal ċerti speċijiet, bħal ċerti speċijiet ta’ klieb il-baħar, anke attività limitata tas-sajd tista’ twassal għal riskju serju għall-konservazzjoni. Għalhekk, l-opportunitajiet tas-sajd għal speċijiet bħal dawn jenħtieġ li jkunu ristretti bis-sħiħ permezz ta’ projbizzjoni ġenerali tas-sajd tagħhom.
(19)Fit-12-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċi Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (Manila, mit-23 sat-28 ta’ Ottubru 2017), ġew inklużi numru ta’ speċijiet fil-listi ta’ speċijiet protetti fl-Appendiċijiet I u II ta’ dik il-Konvenzjoni. Għalhekk, huwa xieraq li tiġi prevista l-protezzjoni ta’ dawk l-ispeċijiet fir-rigward tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li joperaw fl-ilmijiet kollha u l-bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi u li joperaw fl-ilmijiet tal-Unjoni.
(20)Sabiex jiġi mmassimizzat l-użu sħiħ tal-opportunitajiet tas-sajd, huwa xieraq li tkun permessa l-implimentazzjoni ta’ arranġament flessibbli bejn ċerti żoni tat-TAC fejn l-istess stokk bijoloġiku huwa kkonċernat.
(21)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 jipprevedi kundizzjonijiet addizzjonali għall-ġestjoni tat-TACs minn sena għal sena, inklużi dispożizzjonijiet ta’ flessibbiltà għat-TACs prekawzjonarji u analitiċi (l-Artikoli 3 u 4). Skont l-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament, meta jiġu stabbiliti t-TACs, il-Kunsill irid jiddeċiedi liema stokkijiet mhux se jkunu soġġetti għall-Artikoli 3 u 4 ta’ dak ir-Regolament, b’mod partikolari abbażi tal-istatus bijoloġiku tal-istokkijiet. L-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 introduċa l-mekkaniżmu ta’ flessibbiltà minn sena għal sena għall-istokkijiet kollha li huma soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art. Sabiex tiġi evitata flessibbiltà eċċessiva li ddgħajjef il-prinċipju ta’ sfruttament razzjonali u responsabbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, li xxekkel l-ilħuq tal-objettivi tal-PKS u l-istatus bijoloġiku tal-istokkijiet, l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 jenħtieġ li japplikaw għat-TACs analitiċi biss meta ma tintużax il-flessibbiltà minn sena għal sena prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
(22)Meta TAC tiġi allokata lil Stat Membru wieħed biss, huwa xieraq li dak l-Istat Membru jingħata s-setgħa, f’konformità mal-Artikolu 2(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jiddetermina dik it-TAC. Jenħtieġ li jiġi żgurat li, meta jiddetermina l-livell ta’ TAC, l-Istat Membru jaġixxi b’mod li jkun konsistenti għalkollox mal-prinċipji u mar-regoli tal-PKS.
(23)Għandhom jiġu stabbiliti l-livelli massimi tal-isforz tas-sajd għall-2023 f’konformità mal-Artikoli 5, 6, 7 u 9 u mal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/1627.
(24)L-użu tal-opportunitajiet tas-sajd li l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom stabbiliti f’dan ir-Regolament huwa soġġett għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, u b’mod partikolari l-Artikoli 33 u 34 tiegħu, dwar ir-reġistrazzjoni tal-qabdiet u tal-isforz tas-sajd u n-notifika tad-data dwar l-eżawriment tal-opportunitajiet tas-sajd. Għalhekk, jeħtieġ jiġu speċifikati l-kodiċijiet li l-Istati Membri jridu jużaw meta jibagħtu d-data lill-Kummissjoni dwar il-ħatt l-art tal-istokkijiet soġġetti għal dan ir-Regolament.
(25)[Fil-laqgħa annwali tagħha fl-2021, il-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC) adottat miżura ta’ konservazzjoni għaż-żewġ stokkijiet tar-redfish (Sebastes marinus u Sebastes mentella) fil-Baħar Irminger u fl-ilmijiet tal-madwar, li tipprojbixxi sajd dirett għal dawk l-istokkijiet. Barra minn hekk, sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-qabdiet aċċessorji, l-NEAFC ipprojbiet l-attivitajiet tas-sajd fiż-żona fejn jinġema’ r-redfish. Dawk il-miżuri, ibbażati fuq il-parir tal-ICES għal qabdiet żero, jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni. L-NEAFC ma setgħetx tadotta rakkomandazzjoni għar-redfish fis-subżoni 1 u 2 tal-ICES. Għal dak l-istokk, jenħtieġ li tiġi stabbilita t-TAC rilevanti f’konformità mal-pożizzjoni tal-Unjoni espressa fl-NEAFC.] [Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-laqgħa annwali tal-NEAFC.]
(26)[Fil-laqgħa annwali tagħha tal-2021, il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) iddeċidiet li fl-2022 iżżomm it-TACs attwali għat-tonn, il-pixxispad (Xiphias gladius), il-marlin blu (Makaira nigricans), il-marlin abjad (Tetrapturus albidus), it-tonna safra (Thunnus albacares) u l-ħuta kaħla (Prionace glauca). L-ICCAT stabbiliet ukoll TAC għat-tonn obeż (Thunnus obesus) ta’ 62 000 tunnellata għall-2022. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.] [Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-laqgħa annwali tal-ICCAT.]
(27)[Sabiex titnaqqas il-mortalità mis-sajd tal-frieħ tat-tonn obeż u tat-tonna safra, l-ICCAT stabbiliet ukoll limitu massimu ta’ 300 irkaptu sabiex jinġema’ l-ħut (FADs) għal kull bastiment tas-sajd fl-2022 u perjodu ta’ għeluq għall-użu tal-FADs. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.] [Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-laqgħa annwali tal-ICCAT.]
(28)[L-ICCAT adottat ukoll pjan ta’ bini mill-ġdid ta’ 15-il sena għall-alonga tal-Mediterran (Thunnus alalunga) mill-2022 sal-2036. Għall-2022, l-ICCAT stabbiliet it-TAC għall-alonga tal-Mediterran għal 2 500 tunnellata. Barra minn hekk, l-ICCAT adottat TAC għall-alonga tal-Atlantiku tat-Tramuntana ta’ 37 801 tunnellata għall-perjodu mill-2022 sal-2023, abbażi tar-regola tal-qbid bil-ħsieb li tiġi adottata proċedura għall-ġestjoni fit-tul ta’ dan l-istokk. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni. [Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-laqgħa annwali tal-ICCAT.]
(29)[Fil-laqgħa annwali tagħha tal-2021, l-ICCAT adottat ukoll pjan ta’ rkupru għall-pixxitondu tal-Atlantiku tat-Tramuntana (Isurus oxyrinchus) li jinqabad flimkien ma’ sajd ieħor tal-ICCAT sabiex jintemm is-sajd eċċessiv u gradwalment jinkisbu livelli ta’ bijomassa suffiċjenti sabiex jiġi appoġġat l-MSY sal-2070. Il-pjan ta’ rkupru jinkludi projbizzjoni taż-żamma ta’ sentejn li tibda fl-2022. Il-mortalità totali mis-sajd ġiet stabbilita għal massimu ta’ 250 tunnellata sakemm jingħata parir xjentifiku ġdid. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.] [Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-laqgħa annwali tal-ICCAT.]
(30)Skont diversi rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT, l-Unjoni tista’, fuq talba, tirriporta perċentwal stabbilit tal-kwota mhux użata tagħha tal-opportunitajiet tas-sajd mill-2021 sal-2023. Sakemm jiġu implimentati dawk ir-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT fid-dritt tal-Unjoni, il-kwoti għall-Istati Membri individwali għal ċerti stokkijiet jenħtieġ li jiġu stabbiliti abbażi ta’ kwota totali tal-Unjoni għall-2023 kif stabbilita mill-ICCAT qabel kwalunkwe riport ta’ kwoti mhux użati jew tnaqqis għall-kwantitajiet mistada eċċessivament magħmula mill-ICCAT. L-aġġustamenti għall-kwoti tal-Istati Membri individwali għall-2023 li jirriflettu kwalunkwe riport u tnaqqis jenħtieġ li jitwettqu fi stadju aktar tard abbażi tar-regoli tal-Unjoni dwar ir-riport u t-tnaqqis, jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 847/96, l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jew l-Artikolu 105 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.
(31)[Fil-laqgħa annwali tagħha tal-2021, il-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (CCAMLR) adottat limiti ta’ qbid għall-ispeċijiet fil-mira u għal dawk aċċessorji għall-perjodu mill-1 ta’ Diċembru 2021 sat-30 ta’ Novembru 2022. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.] [Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-laqgħa annwali tas-CCAMLR.]
(32)Fil-laqgħa annwali tagħha tal-2022, il-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC), żammet il-miżuri adottati qabel applikabbli fil-Qasam ta’ Kompetenza tal-IOTC. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jibqgħu jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.
(33)Il-laqgħa annwali tal-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku (SPRFMO) se ssir mis-6 sal-15 ta’ Frar 2023. Għalhekk, il-miżuri attwali fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-SPRFMO li huma marbuta b’mod funzjonali mat-TACs jenħtieġ li jinżammu b’mod proviżorju sakemm issir il-laqgħa annwali u jiġu ddeterminati t-TACs għall-2023.
(34)Fil-laqgħa annwali tagħha tal-2022, il-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali (IATTC) iddeċidiet li żżomm il-miżuri attwali applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.
(35)[Fil-laqgħa annwali tagħha tal-2021, il-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar (CCSBT) stabbiliet it-TAC annwali għat-tonn tan-Nofsinhar (Thunnus maccoyii) għal perjodu ta’ tliet snin (mill-2021 sal-2023), fl-istess livell tal-perjodu ta’ tliet snin preċedenti. Dik il-miżura jenħtieġ li tiġi implimentata fid-dritt tal-Unjoni.] [Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-laqgħa annwali tas-CCSBT.]
(36)[Fil-laqgħa annwali tagħha tal-2021, l-Organizzazzjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tax-Xlokk (SEAFO) iddeċidiet li żżomm il-maġġoranza tat-TACs attwali għall-ispeċijiet ewlenin taħt ir-responsabbiltà tagħha sal-laqgħa annwali li jmiss tagħha fl-2023. It-TACs għall-pixxisinna Patagonjan (Dissostichus eleginoides) u l-granċijiet Chaceon (Chaceon spp.) tnaqqsu bi ftit f’konformità mal-parir xjentifiku. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.] [Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-laqgħa annwali tas-SEAFO.]
(37)[Fil-laqgħa annwali tagħha tal-2021, il-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC) iddeċidiet li żżomm il-miżuri attwali applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni tad-WCPFC. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.] [Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-laqgħa annwali tad-WCPFC.]
(38)[Fit-43 laqgħa annwali tagħha fl-2021, l-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO) adottat numru ta’ opportunitajiet tas-sajd għall-2022 għal ċerti stokkijiet fis-subżoni 1 sa 4 taż-żona tal-Konvenzjoni tan-NAFO. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.] [Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-laqgħa annwali tan-NAFO.]
(39)Fid-disa’ laqgħa annwali tiegħu fl-2022, il-Ftehim dwar is-Sajd fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan (SIOFA) żamm l-opportunitajiet tas-sajd li kienu ġew adottati qabel għall-istokkijiet koperti minn dak il-Ftehim. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jibqgħu jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.
(40)[Fl-2021, l-Unjoni, ir-Renju Unit u n-Norveġja kellhom konsultazzjonijiet trilaterali dwar sitt stokkijiet kondiviżi u ġestiti b’mod konġunt fiż-żona tal-Baħar tat-Tramuntana u ż-żoni tal-madwar, bil-għan li jintlaħaq qbil dwar il-ġestjoni ta’ dawk l-istokkijiet inkluż l-opportunitajiet tas-sajd għas-sena d-dieħla. Dawk il-konsultazzjonijiet saru bejn it-28 ta’ Ottubru u l-10 ta’ Diċembru 2021, abbażi tal-pożizzjoni tal-Unjoni miftiehma mill-Kunsill. L-eżitu tal-konsultazzjonijiet ġie ddokumentat f’Rekord Maqbul bejn l-Unjoni, ir-Renju Unit u n-Norveġja fl-10 ta’ Diċembru 2021. L-opportunitajiet tas-sajd rilevanti jenħtieġ li jiġu stabbiliti fil-livell stabbilit f’dak ir-Rekord Maqbul, u l-miżuri l-oħrajn marbuta b’mod funzjonali mal-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti wkoll f’dak ir-Rekord Maqbul jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.] [Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara konsultazzjonijiet trilaterali bejn l-Unjoni, ir-Renju Unit u n-Norveġja.]
(41)[L-opportunitajiet tas-sajd għall-bakkaljaw tal-Baħar tat-Tramuntana (Gadus morhua) jenħtieġ li jiġu stabbiliti sabiex jiġu promossi kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tal-Unjoni fil-konfront tal-operaturi ta’ pajjiżi terzi, f’konformità mal-Artikolu 28(2), il-punt (d), tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, u li jipprevedu l-irkupru ta’ dak l-istokk għal aktar mil-livell li jista’ jipproduċi l-MSY, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Il-miżuri marbuta b’mod funzjonali maqbula b’mod konġunt mar-Renju Unit u man-Norveġja jenħtieġ li jinżammu sabiex jippermettu l-irkupru tal-istokk.] [Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara konsultazzjonijiet trilaterali bejn l-Unjoni, ir-Renju Unit u n-Norveġja.]
(42)Fl-2021, l-Unjoni u n-Norveġja kellhom konsultazzjonijiet bilaterali dwar żewġ stokkijiet kondiviżi u ġestiti b’mod konġunt fiż-żona ta’ Skagerrak, bil-għan li jintlaħaq qbil dwar il-ġestjoni ta’ dawk l-istokkijiet inklużi l-opportunitajiet tas-sajd għas-sena d-dieħla, l-aċċess għall-ilmijiet, kif ukoll skambji ta’ opportunitajiet tas-sajd. Dawk il-konsultazzjonijiet saru bejn it-8 ta’ Novembru u l-10 ta’ Diċembru 2021, abbażi tal-pożizzjoni tal-Unjoni miftiehma mill-Kunsill. L-eżitu tal-konsultazzjonijiet ġie ddokumentat fi tliet Rekords Maqbula bejn l-Unjoni u n-Norveġja fl-10 ta’ Diċembru 2021. L-opportunitajiet tas-sajd rilevanti jenħtieġ li jiġu stabbiliti fil-livell stabbilit f’dawk ir-Rekords Maqbula, u d-dispożizzjonijiet l-oħrajn tar-Rekords Maqbula jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.] [Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni u n-Norveġja.]
(43)[L-ICES innota fl-2019 li l-qabdiet tal-aringi (Clupea harengus) għad-diviżjoni 3a tal-ICES jenħtieġ li jkunu qrib iż-żero kemm jista’ jkun peress li mingħajr żona addizzjonali jew restrizzjoni ta’ żmien fuq is-sajd għall-aringi, qabda ta’ aringi tal-Punent tal-Baltiku li jorqoq fir-rebbiegħa (WBSS) tkun inevitabbli. Informazzjoni reċenti mill-ICES tindika t-taħlit dejjem jiżdied tal-aringi WBSS ma’ aringi tal-Baħar tat-Tramuntana fi Skagerrak u l-Baħar tat-Tramuntana, fejn il-maġġoranza tal-qabdiet tal-aringi WBSS issa jseħħu fi Skagerrak u f’ammont anqas fil-Lvant tal-Baħar tat-Tramuntana.] [Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni u n-Norveġja.]
(44)[Fir-Rekord Maqbul mill-konsultazzjonijiet bilaterali bejn l-Unjoni u n-Norveġja għal Skagerrak, l-Unjoni timpenja ruħha li tillimita l-qabdiet attwali tagħha fi Skagerrak għal 969 tunnellata, filwaqt li n-Norveġja qablet li tittrasferixxi mill-anqas 95 % tal-kwota tagħha għall-Baħar tat-Tramuntana sabiex tipproteġi l-aringa WBSS. Għaldaqstant, qiegħed jiġi propost li jiġu limitati l-qabdiet globali tal-flotot C (HER/03A.) u D (HER/03A-BC) għall-Istati Membri rilevanti billi tiżdied nota f’qiegħ il-paġna ta’ kundizzjoni speċjali mat-tabelli tat-TAC ta’ dawk il-kwoti, filwaqt li jinżamm il-livell tal-kwoti fit-tabelli sabiex tiġi riflessa l-istabbiltà relattiva u tiġi rregolata l-flessibbiltà bejn iż-żoni assoċjata (IAF). Fil-każ tan-Norveġja, il-qabdiet massimi attwali li jistgħu jsiru fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 3a tal-ICES jikkorrispondu għal 167 tunnellata (5 % tal-kwota tagħha).] [Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni u n-Norveġja.]
(45)[Skont il-paragrafu 13.11 tar-Rekord Maqbul mill-konsultazzjonijiet bilaterali bejn l-Unjoni u n-Norveġja għal Skagerrak, in-Norveġja u l-Unjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jistadu sa 100 % tal-kwota tagħhom għall-aringi ta’ Skagerrak fil-Baħar tat-Tramuntana sabiex jipproteġu l-aringi tad-WBSS. Sakemm jiġu konklużi l-konsultazzjonijiet bilaterali mar-Renju Unit għall-2022, ma setax jiġi kkonfermat fl-20 ta’ Diċembru li l-IAF fl-ilmijiet tar-Renju Unit għall-2022 għal HER/03A se tinżamm. Għalhekk, huwa meħtieġ li jkun espliċitu li l-IAF fl-ilmijiet tar-Renju Unit ma tkunx applikabbli fin-noti ta’ qiegħ il-paġna rilevanti tal-flotot C sakemm l-Unjoni u r-Renju Unit ikunu qablu dwar tali flessibbiltà fil-konsultazzjonijiet bilaterali bejn dawk iż-żewġ partijiet.] [Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni u n-Norveġja u konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.]
(46)[Fil-paragrafu 13.12 tar-Rekord Maqbul mill-konsultazzjonijiet bilaterali bejn l-Unjoni u n-Norveġja għal Skagerrak, l-Unjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tuża ċerta flessibbiltà fiż-żoni 4a u 4b tal-Baħar tat-Tramuntana ugwali għall-parti tal-Unjoni ta’ 5,7 % tal-livell tal-flotta A, jew 21 038 tunnellata.] [Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni u n-Norveġja.]
(47)[L-Unjoni kellha konsultazzjonijiet bilaterali annwali mal-Gżejjer Faeroe dwar l-iskambju tal-kwoti u l-aċċess reċiproku għall-2022. Dawk il-konsultazzjonijiet ma wasslux għall-konklużjoni ta’ ftehim fl-2021.] [Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Gżejjer Faeroe.]
(48)[Fl-2021, l-Unjoni u r-Renju Unit kellhom konsultazzjonijiet bilaterali dwar l-istabbiliment ta’ numru kbir ta’ TACs għall-2022 għall-istokkijiet elenkati fl-Anness 35 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni u r-Renju Unit (TCA), f’konformità mal-Artikolu 498(2), mal-Artikolu 498(4), il-punti (a) sa (d), u l-Artikolu 498(6) tat-TCA. Dawn il-konsultazzjonijiet saru bejn il-11 ta’ Novembru u l-21 ta’ Diċembru 2021, abbażi tal-pożizzjoni tal-Unjoni miftiehma mill-Kunsill. L-eżitu tal-konsultazzjonijiet ġie ddokumentat fir-Rekord bil-Miktub, li ġie approvat mill-Kunsill fil-21 ta’ Diċembru 2021 u ffirmat fl-istess jum mill-Kap tad-Delegazzjoni tar-Renju Unit u mir-rappreżentant tal-Kummissjoni f’isem l-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 498(6) tat-TCA u mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1875. L-opportunitajiet tas-sajd rilevanti jenħtieġ li jiġu stabbiliti fil-livell stabbilit f’dak ir-Rekord bil-Miktub, u l-miżuri l-oħrajn marbuta b’mod funzjonali mal-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti wkoll f’dak ir-Rekord bil-Miktub jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.] [Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.]
(49)[Hemm ċerti stokkijiet kondiviżi ġestiti b’mod konġunt mar-Renju Unit li għalihom l-ICES, filwaqt li vvalutahom mal-MSY, ħareġ parir xjentifiku għal qabdiet żero. L-Unjoni u r-Renju Unit qablu li huwa xieraq li jiġu stabbiliti TACs speċifiċi għall-qabdiet aċċessorji għal dawk l-istokkijiet. Dawk it-TACs jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’livelli li jiżguraw li l-mortalità għal dawk l-istokkijiet titnaqqas u li jipprovdu inċentivi sabiex tittejjeb is-selettività u sabiex jiġu evitati l-qabdiet aċċessorji ta’ dawk l-istokkijiet. [Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.]
(50)[L-Unjoni flimkien mar-Renju Unit fittxet li ssib l-ogħla livell possibbli ta’ konverġenza fl-applikazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art, inklużi eżenzjonijiet mill-obbligu ta’ ħatt l-art skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, sabiex tiġi żgurata l-aderenza mal-objettivi ta’ konservazzjoni u kundizzjonijiet ekwi f’konformità mal-Artikolu 28(2), il-punt (d), tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. L-opportunitajiet tas-sajd li ġew maqbula mar-Renju Unit għal stokkijiet ta’ speċijiet li għalihom japplika l-obbligu ta’ ħatt l-art iqisu l-fatt li fil-prinċipju r-rimi ma għadux permess. Għalhekk, il-kwantitajiet li, permezz ta’ eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħatt l-art, jistgħu jkomplu jiġu skartati tnaqqsu mill-kwoti tal-Unjoni.] [Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.]
(51)[L-Unjoni u r-Renju Unit qablu li jkomplu l-approċċ żviluppat għall-konservazzjoni tal-istokk tat-Tramuntana tal-ispnotta, kif stabbilit fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2021/92. Skont dak l-approċċ, il-pressjoni ġenerali tas-sajd fuq l-istokk għandha tibqa’ taħt, jew daqs, dik rakkomandata mill-ICES. Għalhekk, il-miżuri ta’ limitazzjoni tal-qbid jenħtieġ li jkomplu jiġu stabbiliti għall-2023 għal dan l-istokk fid-diviżjonijiet tal-ICES 4b, 4c, 7a u 7d sa 7h. L-Unjoni u r-Renju Unit preċedentement qablu li jagħtu prijorità lit-titjib tal-għodda ta’ valutazzjoni tal-ICES għall-ispnotta sabiex jippermettu kalkoli ta’ tbassir abbażi tal-mudelli tal-MSY. L-Unjoni u r-Renju Unit qablu wkoll li huwa meħtieġ li jinżammu l-miżuri eżistenti ta’ limitazzjoni tal-qbid applikabbli għas-sajd rikreattiv.] [Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.]
(52)[L-Unjoni u r-Renju Unit qablu li jkomplu bl-għeluq staġunali għas-sajd taċ-ċiċċirell (Ammodytes spp.) b’ċertu rkaptu rmunkat fid-diviżjonijiet 2a u 3a tal-ICES u fis-subżona 4 tal-ICES għandu jitkompla sabiex jippermetti l-protezzjoni taż-żoni fejn ibid il-ħut u l-limitazzjoni tal-qabdiet li jkunu għadhom qegħdin jikbru.] [Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.]
(53)[F’konformità mal-proċedura prevista fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea, min-naħa waħda, u l-Gvern ta’ Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra, u l-Protokoll li jimplimenta dak il-Ftehim, il-Kumitat Konġunt stabbilixxa l-livell tal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-Unjoni fl-ilmijiet ta’ Greenland fl-2022. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.] [Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni, u l-Gvern ta’ Greenland u l-Gvern tad-Danimarka.]
(54)Fir-rigward tal-opportunitajiet tas-sajd għall-isnow crab (Chionoecetes spp.) madwar iż-żona ta’ Svalbard, it-Trattat tad-9 ta’ Frar 1920 dwar Spitsbergen (Svalbard) (“it-Trattat ta’ Pariġi tal-1920”) jagħti aċċess ugwali u nondiskriminatorju għar-riżorsi madwar Svalbard lill-partijiet kollha għal dak it-Trattat, inkluż fir-rigward tas-sajd. Il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar dak l-aċċess, fir-rigward tas-sajd għall-isnow crab fuq il-blata kontinentali madwar Svalbard, ġiet stabbilita f’diversi notes verbales lin-Norveġja, l-aħħar fosthom datati s-26 ta’ Frar 2021 u t-28 ta’ Ġunju 2021. Sabiex jiġi żgurat li l-isfruttament tal-isnow crab madwar Svalbard isir konsistenti ma’ kwalunkwe regola ta’ ġestjoni nondiskriminatorja li tista’ tistabbilixxi n-Norveġja, li tgawdi minn sovranità u ġuriżdizzjoni fiż-żona f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar u tat-Trattat ta’ Pariġi tal-1920, huwa xieraq li jiġi stabbilit in-numru ta’ bastimenti li huma awtorizzati li jagħmlu sajd bħal dan. L-allokazzjoni ta’ tali opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri hija limitata għall-2023. Huwa mfakkar li fl-Unjoni r-responsabbiltà primarja li tiġi żgurata l-konformità mal-liġi applikabbli hija tal-Istati Membri tal-bandiera.
(55)Fir-rigward ta’ opportunitajiet tas-sajd għall-bakkaljaw fl-ilmijiet ta’ Svalbard, it-Trattat ta’ Pariġi tal-1920 jagħti aċċess ugwali u nondiskriminatorju għar-riżorsi fl-inħawi ta’ Svalbard lill-partijiet kollha ta’ dak it-Trattat, inkluż fir-rigward tas-sajd. Għalhekk huwa xieraq li l-Kunsill jistabbilixxi l-kwota tal-Unjoni għall-bakkaljaw fl-ilmijiet ta’ Svalbard u fl-ilmijiet internazzjonali tas-subżona 1 u d-diviżjoni 2b tal-ICES abbażi tat-TAC ta’ referenza tal-bakkaljaw Artiku tal-Grigal u tad-drittijiet tas-sajd storiċi tal-Unjoni. F’konformità mal-fehim politiku bejn l-Unjoni u n-Norveġja fir-rigward tas-sajd fiż-żoni 1 u 2 tal-ICES tad-29 ta’ April 2022, in-Norveġja jenħtieġ li tistabbilixxi kwota ta’ bakkaljaw għall-bastimenti tal-Unjoni li jistadu għall-bakkaljaw fis-subżoni 1 u 2 tal-ICES għal 2,8274 % tat-TAC ta’ referenza fil-leġiżlazzjoni tagħha. Il-livell ta’ dik il-kwota stabbilit min-Norveġja jikkorrispondi għas-sehem storiku tal-Unjoni għal dak l-istokk. Huwa mfakkar li fl-Unjoni r-responsabbiltà primarja li tiġi żgurata l-konformità mal-liġi applikabbli hija tal-Istati Membri tal-bandiera.
(56)F’konformità mad-Dikjarazzjoni tal-Unjoni indirizzata lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklużiva ’l barra mill-kosta tal-Guyana Franċiża, jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd għal-lutjan li huma disponibbli għall-Venezwela fl-ilmijiet tal-Unjoni.
(57)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sabiex l-Istati Membri individwali jkunu awtorizzati jimmaniġġaw l-allokazzjonijiet tal-isforz tas-sajd f’konformità ma’ sistema ta’ kilowatt kuljum; sabiex jingħataw jiem addizzjonali fuq il-baħar għall-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd u għal kopertura mtejba tal-osservaturi xjentifiċi; u sabiex jiġu stabbiliti formati ta’ spreadsheet għall-ġbir u għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar it-trasferimenti ta’ jiem fuq il-baħar bejn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru. Il-Kummissjoni jenħtieġ li teżerċita dawk is-setgħat f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(58)Minħabba li ċerti dispożizzjonijiet jenħtieġ li jiġu applikati fuq bażi kontinwa, u sabiex tiġi evitata l-inċertezza legali fil-perjodu bejn it-tmiem tas-sena preċedenti u d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għas-sena sussegwenti, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li jikkonċernaw il-projbizzjonijiet u l-istaġuni magħluqin jenħtieġ li jkomplu japplikaw fil-bidu tal-2024 sad-dħul fis-seħħ tar-Regolament li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2024. Barra minn hekk, tali dispożizzjonijiet li japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2024 jenħtieġ li jkomplu japplikaw fil-bidu tal-2025 sad-dħul fis-seħħ tar-Regolament li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2025.
(59)Sabiex tiġi evitata l-interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sajd u sabiex jiġi żgurat l-għajxien tas-sajjieda tal-Unjoni, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2023, għajr għad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-limiti tal-isforz tas-sajd, li jenħtieġ li japplikaw mill-1 ta’ Frar 2023, u għajr għal ċerti dispożizzjonijiet li jikkonċernaw reġjuni partikolari, li jenħtieġ li jkollhom data speċifika ta’ applikazzjoni. Minħabba l-urġenza, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ minnufih wara li jiġi ppubblikat.
(60)Ċerti miżuri internazzjonali li joħolqu jew jirrestrinġu l-opportunitajiet tas-sajd għall-Unjoni kienu adottati mill-RFMOs rilevanti fl-aħħar tal-2022 u saru applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet li jimplimentaw tali miżuri fid-dritt tal-Unjoni jenħtieġ li japplikaw b’mod retroattiv. B’mod partikolari, peress li l-istaġun tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni tas-CCAMLR huwa mill-1 ta’ Diċembru sat-30 ta’ Novembru, u b’hekk ċerti opportunitajiet jew projbizzjonijiet tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni tas-CCAMLR huma stabbiliti għal perjodu li jibda mill-1 ta’ Diċembru 2022, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw minn dik id-data. Barra minn hekk, l-istaġun tas-sajd għall-pixxisinna Patagonjan (Dissostichus spp.) fiż-Żona tal-Ftehim tas-SIOFA jibda mill-1 ta’ Diċembru sat-30 ta’ Novembru, u billi t-TACs għal dak il-grupp ta’ speċijiet huma stabbiliti għal perjodu li jibda mill-1 ta’ Diċembru 2022, it-TACs jenħtieġ li japplikaw minn dik id-data. Tali applikazzjoni retroattiva ma tippreġudikax il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi peress li hija pprojbita għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Parti Kontraenti li jistadu mingħajr awtorizzazzjoni fiż-żona tal-Konvenzjoni tas-CCAMLR u fiż-Żona tal-Ftehim tas-SIOFA. Barra minn hekk, f’konformità mar-regoli tal-ICCAT, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-bastimenti tas-sajd tagħhom ma jużawx FADs matul il-15-il jum qabel il-bidu tal-perjodu tal-għeluq, jiġifieri mis-17 ta’ Diċembru 2022 ’il quddiem,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
TITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd li huma disponibbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, għal ċerti stokkijiet ta’ ħut, inkluż għal ċerti stokkijiet ta’ ħut tal-baħar fond.
2.L-opportunitajiet tas-sajd imsemmija fil-paragrafu 1 jinkludu:
(a)il-limiti ta’ qbid għas-sena 2023 u, meta speċifikat f’dan ir-Regolament, għas-sena 2024 ukoll;
(b)il-limiti tal-isforz tas-sajd għas-sena 2023, ħlief il-limiti tal-isforz tas-sajd stabbiliti fl-Anness II, li għandhom japplikaw mill-1 ta’ Frar 2023 sal-31 ta’ Jannar 2024;
(c)opportunitajiet tas-sajd għall-perjodu mill-1 ta’ Diċembru 2022 sat-30 ta’ Novembru 2023 għal ċerti stokkijiet fiż-żona tal-Konvenzjoni tas-CCAMLR u għal ċerti stokkijiet fiż-Żona tal-Ftehim tas-SIOFA.
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
1.Dan ir-Regolament japplika għall-bastimenti tas-sajd li ġejjin:
(a)bastimenti tas-sajd tal-Unjoni; u
(b)bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi fl-ilmijiet tal-Unjoni.
2.Dan ir-Regolament japplika wkoll għal:
(a)ċertu sajd rikreattiv kif imsemmi b’mod espliċitu fid-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament; u
(b)sajd kummerċjali minn fuq ix-xatt.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)“bastiment ta’ pajjiż terz” tfisser bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ pajjiż terz u li huwa rreġistrat fih;
(b)“sajd rikreattiv” tfisser attivitajiet tas-sajd mhux kummerċjali li jisfruttaw ir-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-kuntest tar-rikreazzjoni, tat-turiżmu jew tal-isport;
(c)“ilmijiet internazzjonali” tfisser ilmijiet li ma jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni tal-ebda Stat;
(d)“qabda totali permissibbli” (TAC) tfisser:
(i)fil-każ tas-sajd li għalih tapplika l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħatt l-art imsemmija fl-Artikolu 15(4) sa (7) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-ammont ta’ ħut li jista’ jinħatt l-art minn kull stokk kull sena;
(ii)fl-attivitajiet tas-sajd l-oħrajn kollha, il-kwantità ta’ ħut li jista’ jinqabad minn kull stokk kull sena;
(e)“kwota” tfisser proporzjon minn TAC li huwa allokat lill-Unjoni, lil Stat Membru jew lil pajjiż terz;
(f)“valutazzjoni analitika” tfisser evalwazzjoni kwantitattiva tax-xejriet fi stokk partikolari, imsejsa fuq data dwar il-bijoloġija u l-isfruttament tal-istokk, li l-analiżi xjentifika tkun indikat li hija ta’ kwalità tajba biżżejjed sabiex abbażi tagħha jingħataw pariri xjentifiċi dwar l-opzjonijiet għall-qbid fil-ġejjieni;
(g)“daqs tal-malji” tfisser id-daqs tal-malji tax-xbieki tas-sajd kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (34), tar-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(h)“reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni” tfisser ir-reġistru stabbilit mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;
(i)“ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd” tfisser il-ġurnal ta’ abbord imsemmi fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;
(j)“baga strumentata” tfisser baga mmarkata b’mod ċar b’numru ta’ referenza uniku li jippermetti l-identifikazzjoni ta’ sidha u mgħammra b’sistema ta’ rintraċċar bis-satellita sabiex timmonitorja l-pożizzjoni tagħha;
(k)“baga operazzjonali” tfisser kwalunkwe baga strumentata, attivata minn qabel, mixgħula u mqiegħda fuq il-baħar fuq irkaptu mitluq għal riħu sabiex jinġema’ l-ħut (FAD) jew injam jgħum fil-wiċċ, li tittrażmetti l-pożizzjonijiet u informazzjoni oħra disponibbli bħal stimi minn ekosonda.
Artikolu 4
Żoni tas-sajd
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet taż-żoni li ġejjin:
(a)żoni tal-ICES (il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar) huma ż-żoni ġeografiċi speċifikati fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(b)“Skagerrak” tfisser iż-żona ġeografika kkonfinata fil-Punent minn linja miġbuda mill-fanal ta’ Hanstholm sal-fanal ta’ Lindesnes u fin-Nofsinhar minn linja miġbuda mill-fanal ta’ Skagen sal-fanal ta’ Tistlarna u minn dak il-punt għall-eqreb punt tal-kosta Żvediża;
(c)“Kattegat” tfisser iż-żona ġeografika kkonfinata fit-Tramuntana minn linja miġbuda mill-fanal ta’ Skagen sal-fanal ta’ Tistlarna u minn dak il-punt għall-eqreb punt tal-kosta Żvediża u fin-Nofsinhar minn linja miġbuda minn Hasenøre sa Gnibens Spids, minn Korshage sa Spodsbjerg u minn Gilbjerg Hoved sa Kullen;
(d)“unità funzjonali 16 tas-subżona 7 tal-ICES” tfisser iż-żona ġeografika kkonfinata minn lossodromi li b’mod sekwenzjali jgħaqqdu flimkien il-pożizzjonijiet li ġejjin:
–53° 30' N 15° 00' W,
–53° 30' N 11° 00' W,
–51° 30' N 11° 00' W,
–51° 30' N 13° 00' W,
–51° 00' N 13° 00' W,
–51° 00' N 15° 00' W;
(e)“unità funzjonali 25 tad-diviżjoni 8c tal-ICES” tfisser iż-żona tal-baħar ġeografika kkonfinata minn lossodromi li sekwenzjalment jgħaqqdu flimkien il-pożizzjonijiet li ġejjin:
–43° 00' N 9° 00' W,
–43° 00' N 10° 00' W,
–43° 30' N 10° 00' W,
–43° 30' N 9° 00' W,
–44° 00' N 9° 00' W,
–44° 00' N 8° 00' W,
–43° 30' N 8° 00' W;
(f)“unità funzjonali 26 tad-diviżjoni 9a tal-ICES” tfisser iż-żona ġeografika kkonfinata minn lossodromi li jgħaqqdu flimkien il-pożizzjonijiet li ġejjin b’mod sekwenzjali:
–43° 00' N 8° 00' W,
–43° 00' N 10° 00' W,
–42° 00' N 10° 00' W,
–42° 00' N 8° 00' W;
(g)“unità funzjonali 27 tad-diviżjoni 9a tal-ICES” tfisser iż-żona ġeografika kkonfinata minn lossodromi li jgħaqqdu flimkien il-pożizzjonijiet li ġejjin b’mod sekwenzjali:
–42° 00' N 8° 00' W,
–42° 00' N 10° 00' W,
–38° 30' N 10° 00' W,
–38° 30' N 9° 00' W,
–40° 00' N 9° 00' W,
–40° 00' N 8° 00' W;
(h)“unità funzjonali 30 tad-diviżjoni 9a tal-ICES” tfisser iż-żona ġeografika taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Spanja fil-Golf ta’ Cádiz u fl-ilmijiet tal-madwar tad-diviżjoni 9a tal-ICES;
(i)“unità funzjonali 31 tad-diviżjoni 8c tal-ICES” tfisser iż-żona tal-baħar ġeografika kkonfinata minn lossodromi li sekwenzjalment jgħaqqdu flimkien il-pożizzjonijiet li ġejjin:
–43° 30' N 6° 00' W,
–44° 00' N 6° 00' W,
–44° 00' N 2° 00' W,
–43° 30' N 2° 00' W;
(j)“Golf ta’ Cádiz” tfisser iż-żona ġeografika tad-diviżjoni 9a tal-ICES li tinsab fil-Lvant tal-lonġitudni 7º 23’ 48″ W;
(k)“żona tal-Konvenzjoni tas-CCAMLR (il-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar tal-Antartiku)” tfisser iż-żona ġeografika definita fl-Artikolu 2, il-punt (a), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 601/2004;
(l)żoni tas-CECAF (il-Kumitat tas-Sajd għall-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant) huma ż-żoni ġeografiċi li huma speċifikati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 216/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(m)“żona tal-Konvenzjoni tal-IATTC (il-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali)” tfisser iż-żona ġeografika definita fil-Konvenzjoni għat-Tisħiħ tal-Kummissjoni Inter-Amerikana tat-Tonn Tropikali stabbilita mill-Konvenzjoni tal-1949 bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u r-Repubblika tal-Costa Rica (il-Konvenzjoni ta’ Antigua);
(n)“żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT (il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku)” tfisser iż-żona ġeografika definita fil-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku;
(o)“Żona ta’ Kompetenza tal-IOTC (il-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan)” tfisser iż-żona ġeografika definita fil-Ftehim għall-istabbiliment tal-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan;
(p)żoni tan-NAFO (Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral) huma ż-żoni ġeografiċi li huma speċifikati fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 217/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(q)“żona tal-Konvenzjoni tas-SEAFO (Organizzazzjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tax-Xlokk)” tfisser iż-żona ġeografika definita fil-Konvenzjoni tal-Ħarsien u l-Amministrazzjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd fix-Xlokk tal-Oċean Atlantiku;
(r)“Żona tal-Ftehim tas-SIOFA (Ftehim dwar is-Sajd fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan)” tfisser iż-żona ġeografika definita fil-Ftehim dwar is-Sajd fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan;
(s)“żona tal-Konvenzjoni tal-SPRFMO (Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku)” tfisser iż-żona ġeografika definita fil-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd f’Ibħra Miftuħa fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku;
(t)“żona tal-Konvenzjoni tad-WCPFC (il-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u fil-Paċifiku Ċentrali)” tfisser iż-żona ġeografika definita fil-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni tal-Istokkijiet tal-Ħut Migratorju Ħafna fl-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punent;
(u)“ibħra internazzjonali tal-Baħar Bering” tfisser iż-żona ġeografika tal-ibħra internazzjonali tal-Baħar Bering ’il barra minn 200 mil nawtiku mil-linji bażi li minnhom titkejjel il-wisa’ tal-baħar territorjali tal-Istati kostali tal-Baħar Bering;
(v)“żona kondiviża bejn iż-żoni tal-Konvenzjoni tal-IATTC u d-WCPFC” tfisser iż-żona ġeografika definita mil-limiti li ġejjin:
–il-lonġitudni 150º W,
–il-lonġitudni 130º W,
–il-latitudni 4º S,
–il-latitudni 50º S;
(w)“subżoni ġeografiċi tal-GFCM” tfisser iż-żoni definiti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
TITOLU II
OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD GĦALL-BASTIMENTI TAS-SAJD TAL-UNJONI
Kapitolu I
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 5
TACs u allokazzjonijiet
1.It-TACs għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tal-Unjoni u f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, l-allokazzjoni tagħhom fost l-Istati Membri u, meta xieraq, il-kundizzjonijiet marbuta magħhom b’mod funzjonali huma stabbiliti fl-Anness I.
2.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jistgħu jiġu awtorizzati jistadu fl-ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni tas-sajd tal-Gżejjer Faeroe, Greenland, in-Norveġja u fiż-żona tas-sajd fl-inħawi ta’ Jan Mayen soġġetti għat-TACs stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament u soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19 u l-Parti A tal-Anness V ta’ dan ir-Regolament, u fir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsillu d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu.
3.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jistgħu jiġu awtorizzati jistadu fl-ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni tas-sajd tar-Renju Unit soġġetti għat-TACs fl-Anness I u soġġetti għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament u fir-Regolament (UE) 2017/2403 u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu.
Artikolu 6
TACs li għandhom jiġu ddeterminati mill-Istati Membri
1.It-TACs għal ċerti stokkijiet ta’ ħut identifikati fl-Anness I għandhom jiġu ddeterminati mill-Istat Membru kkonċernat.
2.It-TACs li għandhom jiġu ddeterminati minn Stat Membru msemmi fil-paragrafu 1 għandhom:
(a)ikunu konsistenti mal-prinċipji u mar-regoli tal-PKS, b’mod partikolari mal-prinċipju tal-isfruttament sostenibbli tal-istokk; u
(b)jirriżultaw fi sfruttament tal-istokk li:
(i)jekk tkun disponibbli valutazzjoni analitika, ikun konformi mar-rendiment massimu sostenibbli, bi probabbiltà kemm jista’ jkun għolja; jew
(ii)jekk valutazzjoni analitika ma tkunx disponibbli jew ma tkunx kompluta, ikun konsistenti mal-approċċ ta’ prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd.
3.Sal-15 ta’ Marzu 2023, kull Stat Membru kkonċernat għandu jippreżenta l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:
(a)it-TACs li jkun iddetermina;
(b)id-data li jkun ġabar, ivvaluta u uża bħala bażi għall-istabbiliment tat-TACs;
(c)id-dettalji dwar kif it-TACs iddeterminati jikkonformaw mal-paragrafu 2.
4.
Għat-TAC għaċ-ċinturin iswed (Aphanopus carbo) fiż-żona 34.1.2 tas-CECAF, il-Portugall għandu jissottometti l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għal dik it-TAC għall-2023 sal-15 ta’ Marzu 2023 u għal dik it-TAC għall-2024 sal-15 ta’ Marzu 2024.
Artikolu 7
Kundizzjonijiet għall-ħatt l-art ta’ qabdiet u ta’ qabdiet aċċessorji
1.Il-qabdiet li ma humiex soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art taħt skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandhom jinżammu abbord jew jinħattu l-art biss jekk dawn:
(a)ikunu saru minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru li jkollu kwota għalihom u dik il-kwota ma tkunx ġiet eżawrita; jew
(b)jifformaw sehem minn kwota tal-Unjoni li ma tkunx ġiet allokata fost l-Istati Membri u li ma tkunx ġiet eżawrita.
2.Għall-finijiet tad-deroga mill-obbligu li l-qabdiet għandhom jingħaddu mal-kwoti rilevanti, kif previst fl-Artikolu 15(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-istokkijiet ta’ speċijiet mhux fil-mira fil-limiti bijoloġiċi sikuri msemmija f’dak l-Artikolu huma identifikati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 8
Mekkaniżmu tal-iskambji tal-kwoti għal TACs għal qabdiet aċċessorji inevitabbli
1.Sabiex jitqies l-obbligu ta’ ħatt l-art u sabiex isiru disponibbli kwoti għal ċerti qabdiet aċċessorji lil Stati Membri mingħajr kwota, il-mekkaniżmu tal-iskambju tal-kwoti stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5 għandu japplika għat-TACs identifikati fl-Anness IA.
2.6 % ta’ kull kwota allokata lil Stat Membru mit-TACs għall-bakkaljaw (Gadus morhua) fil-Baħar Ċeltiku, il-bakkaljaw fil-Punent tal-Iskozja, il-merlangu fil-Baħar tal-Irlanda u l-barbun tat-tbajja’ fid-diviżjonijiet 7h, 7j u 7k tal-ICES, u 3 % ta’ kull kwota mit-TAC għall-merlangu tal-Punent tal-Iskozja, għandhom isiru disponibbli għal riżerva komuni tal-iskambji tal-kwoti (“ir-riżerva komuni”), li għandha tiftaħ fl-1 ta’ Jannar 2023. L-Istati Membri mingħajr kwota għandu jkollhom aċċess esklużiv għar-riżerva komuni sal-31 ta’ Marzu 2023.
3.Il-kwantitajiet li jittieħdu mir-riżerva komuni ma jistgħux jiġu skambjati jew ittrasferiti għas-sena ta’ wara. Wara l-31 ta’ Marzu 2023, kwalunkwe kwantità mhux użata għandha tiġi rritornata lill-Istati Membri li inizjalment ikkontribwew għar-riżerva komuni.
4.L-Istati Membri mingħajr kwota għandhom jipprovdu kwoti ta’ ritorn għall-istokkijiet elenkati fl-Anness IA, il-Parti C, sakemm l-Istat Membru mingħajr kwota u l-Istat Membru li jikkontribwixxi għar-riżerva komuni ma jiftehmux mod ieħor.
5.Il-kwoti msemmija fil-paragrafu 4 għandhom ikunu ta’ valur kummerċjali ekwivalenti, stabbiliti abbażi ta’ rata tal-kambju tas-suq jew rati tal-kambju aċċettabbli reċiprokament oħrajn. Fin-nuqqas ta’ alternattivi, il-valur kummerċjali ekwivalenti għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-prezzijiet medji tal-Unjoni mis-sena ta’ qabel, kif previst mill-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Prodotti tas-Sajd u tal-Akkwakultura.
6.Meta l-mekkaniżmu tal-iskambju tal-kwoti stabbilit fil-paragrafi 2 sa 5 ma jippermettix li l-Istati Membri jkopru l-qabdiet aċċessorji inevitabbli tagħhom sa grad simili, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jiftiehmu fuq skambji ta’ kwoti skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, filwaqt li jiżguraw li l-kwoti skambjati jkunu ta’ valur kummerċjali ekwivalenti.
Artikolu 9
Limiti tal-isforz tas-sajd fid-diviżjoni 7e tal-ICES
1.Għall-perjodu msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, l-aspetti tekniċi tad-drittijiet u tal-obbligi għall-ġestjoni tal-istokk tal-lingwata fid-diviżjoni 7e tal-ICES huma stabbiliti fl-Anness II.
2.Fuq talba ta’ Stat Membru f’konformità mal-punt 7.4 tal-Anness II, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li permezz tiegħu talloka lil dak l-Istat Membru numru ta’ jiem fuq il-baħar minbarra dawk imsemmija fil-punt 5 tal-Anness II, li matulhom jista’ jawtorizza bastiment tas-sajd taħt il-bandiera tiegħu sabiex ikun preżenti fid-diviżjoni 7e tal-ICES meta jkun qiegħed iġorr abbord kwalunkwe rkaptu regolat. Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 57(2) ta’ dan ir-Regolament.
3.Fuq talba ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li bih talloka lil dak l-Istat Membru massimu ta’ tlett ijiem bejn l-1 ta’ Frar 2023 u l-31 ta’ Jannar 2024, minbarra dawk imsemmija fil-punt 5 tal-Anness II, li fih bastiment tas-sajd jista’ jkun preżenti fid-diviżjoni 7e tal-ICES abbażi ta’ programm imtejjeb ta’ kopertura tal-osservaturi xjentifiċi, kif imsemmi fil-punt 8.1 tal-Anness II. Hija għandha tagħmel tali allokazzjoni abbażi tad-deskrizzjoni sottomessa minn dak l-Istat Membru f’konformità mal-punt 8.3 tal-Anness II u wara konsultazzjoni mal-STECF. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 57(2) ta’ dan ir-Regolament.
[Artikolu 10
Miżuri għas-sajd tal-ispnott fid-diviżjonijiet 4b, 4c u 6a tal-ICES u s-subżona 7 tal-ICES
1.Għandu jkun ipprojbit għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, kif ukoll għal kwalunkwe tip ta’ sajd kummerċjali minn fuq ix-xatt li jistadu għall-ispnott (Dicentrarchus labrax) fid-diviżjonijiet 4b u 4c tal-ICES u fis-subżona 7 tal-ICES jew li jżommu abbord, jittrażbordaw, jirrilokaw jew iħottu l-art l-ispnott li jinqabad f’dik iż-żona.
2.Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għall-qabdiet aċċessorji tal-ispnott f’attivitajiet ta’ sajd kummerċjali bix-xbieki fuq l-art. Din l-eżenzjoni tapplika għal numri storiċi ta’ xbieki tax-xtut stabbiliti fil-livelli ta’ qabel l-2017. L-attivitajiet ta’ sajd bix-xbieki kummerċjali mix-xatt ma għandux ikollhom l-ispnott fil-mira tagħhom u jistgħu jinħattu l-art biss qabdiet aċċessorji inevitabbli tal-ispnott.
3.B’deroga mill-paragrafu 1, f’Jannar 2023, u mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Diċembru 2023, il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fid-diviżjonijiet 4b, 4c, 7d, 7e, 7f u 7h tal-ICES jistgħu jistadu għal, iżommu abbord, jittrażbordaw, jirrilokaw jew iħottu l-art l-ispnott maqbud f’dik iż-żona bl-irkapti li ġejjin u fil-limiti segwenti:
(a)bl-użu ta’ xbieki tat-tkarkir demersali, għal qabdiet aċċessorji inevitabbli li ma jaqbżux is-760 kilogramma kull xahrejn kalendarji (Jannar u April; Mejju u Ġunju; Lulju u Awwissu; Settembru u Ottubru; Novembru u Diċembru) u 5 % tal-piż tal-qabdiet totali ta’ organiżmi tal-baħar abbord li jinqabdu mill-bastiment tas-sajd ikkonċernat għal kull vjaġġ tas-sajd;
(b)bl-użu ta’ tartaruni, għal qabdiet aċċessorji inevitabbli li ma jaqbżux is-760 kilogramma kull xahrejn kalendarji (Jannar u April; Mejju u Ġunju; Lulju u Awwissu; Settembru u Ottubru; Novembru u Diċembru) u 5 % tal-piż tal-qabdiet totali ta’ organiżmi tal-baħar abbord li jinqabdu mill-bastiment tas-sajd ikkonċernat għal kull vjaġġ tas-sajd;
(c)bl-użu ta’ snanar u xolfa, li ma jaqbżux 5,95 tunnellati għal kull bastiment tas-sajd;
(d)l-użu ta’ għeżula fissi, għall-qabdiet aċċessorji inevitabbli ta’ mhux aktar minn 1,5 tunnellati għal kull bastiment tas-sajd.
Id-derogi stabbiliti fl-ewwel subparagrafu, il-punt (c), għandhom japplikaw għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jkunu rreġistraw qabdiet tal-ispnott bl-użu ta’ snanar u xolfa fil-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2015 sat-30 ta’ Settembru 2016.
Id-derogi stabbiliti fl-ewwel subparagrafu, il-punt (d), għandhom japplikaw għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jkunu rreġistraw qabdiet tal-ispnott bl-użu tal-għeżula fissi fil-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2015 sat-30 ta’ Settembru 2016.
F’każ ta’ sostituzzjoni ta’ bastiment tas-sajd tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li dawk id-derogi japplikaw għal bastiment tas-sajd tal-Unjoni ieħor diment li n-numru ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni soġġetti għal kull waħda mid-derogi u l-kapaċità tas-sajd globali tagħhom ma jiżdidux.
4.Il-limiti ta’ qbid stabbiliti fil-paragrafu 3 ma għandhomx ikunu trasferibbli bejn il-bastimenti tas-sajd u, meta japplika limitu ta’ kull xahrejn, minn perjodu wieħed ta’ xahrejn għal ieħor.
Għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jużaw aktar minn irkaptu wieħed f’xahrejn kalendarji, għandu japplika l-limitu ta’ qbid l-aktar baxx stabbilit fil-paragrafu 3 għal kull irkaptu.
L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni kull qabda tal-ispnott għal kull tip ta’ rkaptu sa mhux aktar tard minn 15-il jum wara t-tmiem ta’ kull xahar.
5.Fis-sajd rikreattiv, inkluż minn max-xatt, fid-diviżjonijiet 4b, 4c, 6a, 7a sa 7k tal-ICES:
(a)mill-1 ta’ Jannar sat-28 ta’ Frar 2023 u mill-1 sal-31 ta’ Diċembru 2023:
(i)is-sajd ta’ qbid u rilaxx b’qasba jew bi xlief għall-ispnott biss għandu jkun permess;
(ii)għandu jkun ipprojbit li jinżamm, li jiġi rilokat, li jiġi ttrażbordat jew li jinħatt l-art l-ispnott li jinqabad f’dik iż-żona;
(b)mill-1 ta’ Marzu sat-30 ta’ Novembru 2023:
(i)mhux aktar minn żewġ eżemplari ta’ spnott jistgħu jinqabdu u jinżammu għal kull sajjied kuljum;
(ii)id-daqs minimu tal-ispnott miżmum għandu jkun ta’ 42 cm;
(iii)ma għandhomx jintużaw xbieki fissi sabiex jinqabad jew jinżamm l-ispnott.
6.Il-paragrafu 5 għandu japplika mingħajr preġudizzju għal miżuri nazzjonali aktar stretti dwar is-sajd rikreattiv.]
Artikolu 11
Miżuri dwar is-sajd tal-ispnott fid-diviżjonijiet 8a u 8b tal-ICES
1.Franza u Spanja għandhom, f’konformità mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2019/472, jiżguraw li l-mortalità mis-sajd tal-istokk tal-ispnott fid-diviżjonijiet 8a u 8b tal-ICES mis-sajd kummerċjali u rikreattiv tagħhom ma taqbiżx il-valur tal-punt FMSY kif definit fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) 2019/472.
2.Fis-sajd rikreattiv, inkluż mix-xatt, fid-diviżjonijiet 8a u 8b tal-ICES:
(a)kull sajjied jista’ jaqbad u jżomm massimu ta’ żewġ eżemplari ta’ spnott kuljum;
(b)ma għandhomx jintużaw xbieki fissi sabiex jinqabad jew jinżamm l-ispnott.
3.Il-paragrafu 2 għandu japplika mingħajr preġudizzju għal miżuri nazzjonali aktar stretti dwar is-sajd rikreattiv.
[Artikolu 12
Miżuri dwar is-sajd tas-sallura
1.
Kwalunkwe attività tas-sajd kummerċjali u rikreattiv, kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (28), tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, tas-sallura (Anguilla anguilla) fl-istadji kollha tal-ħajja għandha tkun ipprojbita rispettivament fl-ilmijiet tal-baħar u fl-ilmijiet salmastri maġenb xulxin kollha tal-Unjoni, bħall-estwarji, il-laguni kostali u l-ilmijiet tranżizzjonali, u għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet internazzjonali.
2.
Għal dak il-għan, għandu jiġi stabbilit perjodu ta’ għeluq, jew meta xieraq perjodi ta’ għeluq, u għandu jikkonforma mal-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:
(a)għandu jdum għal sitt xhur konsekuttivi iżda jista’ jintemm fl-2024 kif xieraq;
(b)għandu jkopri l-ġimgħat u x-xhur konsekuttivi rilevanti tal-migrazzjoni ewlenija tas-sallura fl-istadji tal-ħajja tal-ferħ tas-sallura u tas-sallura tal-fidda rispettivament;
(c)għandu jkopri x-xahar tal-eqqel tal-migrazzjoni u għandu jinkludi wkoll perjodu ta’ mill-anqas xahrejn kemm qabel kif ukoll wara x-xahar tal-eqqel tal-migrazzjoni;
(d)
fir-rigward taż-żoni tal-istretti u dawk transfruntiera, dan għandu jkun konsistenti maż-żoni fil-qrib u, meta xieraq, l-Istati Membri u r-reġjuni ġirien għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jaqblu dwaru fil-fora ta’ konsultazzjoni xierqa.
3.
Sabiex jitqiesu x-xejriet tal-migrazzjoni ġeografika u temporali tas-sallura f’kull stadju tal-ħajja, kull Stat Membru kkonċernat għandu jiddetermina:
(a)il-ġimgħat u x-xhur tal-migrazzjoni ewlenija tas-sallura fl-istadju tal-ħajja tal-ferħ tas-sallura u tas-sallura tal-fidda rispettivament abbażi tal-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli dwar il-migrazzjoni tas-sallura li tkopri l-aħħar 10 snin, inkluż l-eqqel tal-perjodu ta’ migrazzjoni u l-eqqel xahar tagħha għal kull żona ġeografika rilevanti, inklużi l-istretti u ż-żoni transkonfruntiera; u
(b)il-perjodu jew il-perjodi ta’ għeluq xierqa msemmija fil-paragrafi 1 u 2 abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2 u fil-paragrafu 3, il-punt (a), għall-ilmijiet tiegħu u għall-ilmijiet internazzjonali kontigwi għal kull waħda miż-żoni li ġejjin:
(i)iż-żona tal-ICES, kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament; u
(ii)iż-żona koperta mis-subżoni ġeografiċi 1 sa 27 tal-GFCM, kif definiti fl-Artikolu 4, il-punt (w), ta’ dan ir-Regolament.
4.
Sal-31 ta’ Jannar 2023, kull Stat Membru kkonċernat għandu jissottometti lill-Kummissjoni dan li ġej:
(a) informazzjoni dwar il-perjodu jew il-perjodi ta’ projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (b), li jkun iddetermina; u
(b) informazzjoni ta’ sostenn, inkluża l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (a), li tiġġustifika dawk il-perjodi magħżula; u
(c) il-miżuri nazzjonali rilevanti.]
Artikolu 13
Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjonijiet tal-opportunitajiet tas-sajd
1.L-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri, kif stabbilit f’dan ir-Regolament, għandha tkun mingħajr preġudizzju għal:
(a)l-iskambji skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;
(b)it-tnaqqis u r-riallokazzjonijiet skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;
(c)ir-riallokazzjonijiet skont l-Artikoli 12 u 47 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2403;
(d)ħatt l-art addizzjonali permess skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 u l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;
(e)il-kwantitajiet miżmuma f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 u l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;
(f)it-tnaqqis skont l-Artikoli 105, 106 u 107 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;
(g)trasferimenti u skambji ta’ kwoti skont l-Artikoli 20 u 52 ta’ dan ir-Regolament.
2.L-istokkijiet soġġetti għal TACs prekawzjonarji jew analitiċi għall-finijiet tal-ġestjoni minn sena għal sena tat-TACs u l-kwoti previsti fir-Regolament (KE) Nru 847/96 huma identifikati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.
3.Għajr meta speċifikat mod ieħor fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, għandu japplika l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 għall-istokkijiet li huma soġġetti għal TAC prekawzjonarja, u l-Artikolu 3(2) u (3) u l-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament għandhom japplikaw għall-istokkijiet li huma soġġetti għal TAC analitika.
4.L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandhomx japplikaw meta Stat Membru juża l-flessibbiltà minn sena għal sena prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
[Artikolu 14
Staġuni magħluqin għas-sajd għaċ-ċiċċirell
Is-sajd kummerċjali għaċ-ċiċċirell (Ammodytes spp.) bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, b’tartaruni jew b’irkaptu simili rmunkat bid-daqs tal-malji anqas minn 16-il mm għandu jkun ipprojbit fid-diviżjonijiet 2a u 3a tal-ICES u fis-subżona 4 tal-ICES mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu 2023 u mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Diċembru 2023.]
[Artikolu 15
Miżuri ta’ rimedju għall-bakkaljaw fil-Baħar tat-Tramuntana
1.Iż-żoni magħluqa għas-sajd, ħlief għas-sajd b’irkaptu pelaġiku (bit-tartaruni tal-borża u bix-xbieki tat-tkarkir), u l-perjodi li matulhom se jkunu magħluqa huma stabbiliti fl-Anness IV.
2.Il-bastimenti li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u bit-tartaruni b’daqs minimu tal-malji ta’ mill-anqas 70 mm fid-diviżjonijiet 4a u 4b tal-ICES jew mill-anqas 90 mm fid-diviżjoni 3a tal-ICES, u bil-konzijiet għandhom jiġu pprojbiti milli jistadu fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 4a tal-ICES, fit-Tramuntana tal-latitudni 58° 30’ 00” N u fin-Nofsinhar tal-latitudni 61° 30’ 00” N, u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 3a.20 tal-ICES (Skagerrak), tad-diviżjonijiet 4a u 4b tal-ICES, fit-Tramuntana tal-latitudni 57° 00’ 00” N u fil-Lvant tal-lonġitudni 5° 00’ 00” E.
3.B’deroga mill-paragrafu 2, il-bastimenti tas-sajd imsemmija f’dak il-paragrafu jistgħu jistadu fiż-żoni msemmija f’dak il-paragrafu, diment li jissodisfaw mill-anqas wieħed mill-kriterji li ġejjin:
(a)il-qabdiet tal-bakkaljaw tagħhom ma jirrappreżentawx aktar minn 5 % tal-qabdiet totali tagħhom għal kull vjaġġ tas-sajd; il-bastimenti tas-sajd li l-qabdiet tal-bakkaljaw tagħhom ma qabżux il-5 % tal-qabdiet totali tagħhom bejn l-2017 u l-2019 huma preżunti li jikkonformaw ma’ dan il-kriterju diment li jkomplu jużaw l-istess irkaptu li użaw f’dak il-perjodu; din il-preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata;
(b)tintuża xibka tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartarun regolati u selettivi ħafna, li jirriżultaw, skont studju xjentifiku, fi tnaqqis ta’ mill-anqas 30 % fil-qabdiet tal-bakkaljaw meta mqabbla ma’ bastimenti li jistadu bid-daqs tal-malja tal-linja bażi għall-irkapti rmunkati, kif speċifikat fil-Parti B, il-punt 1.1, tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/1241; tali studji jistgħu jiġu evalwati mill-STECF u fil-każ ta’ evalwazzjoni negattiva, l-irkapti inkwistjoni ma għandhomx jibqgħu jitqiesu validi għall-użu fiż-żoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;
(c)għal bastimenti li jistadu bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u b’tartaruni b’daqs tal-malji ta’ 100 mm jew aktar (tat-tip TR1), jintuża l-irkaptu selettiv ħafna li ġej:
(i)xbieki tat-tkarkir bis-sorra b’daqs minimu tal-malji fil-parti tas-sorra ta’ 600 mm;
(ii)maljetta mgħollija tal-kalar (0,6 m);
(iii)xibka selettiva orizzontali li jkollha fetħa għall-ħrib b’malji kbar;
(d)għal bastimenti li jistadu bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u b’tartaruni b’daqs tal-malji ta’ 70 mm jew aktar fid-diviżjoni tal-ICES 4a u 90 mm jew aktar fid-diviżjoni tal-ICES 3a u anqas minn 100 mm (TR2), jintuża l-irkaptu selettiv ħafna li ġej:
(i)għarbiel orizzontali bi spazju ta’ bejn il-vireg ta’ mhux aktar minn 50 mm li jissepara l-pixxiċatt u l-ħut tond, bi żbokk mhux imblukkat għall-ħut tond;
(ii)pannell Seltra b’malji kwadri ta’ 300 mm;
(iii)għarbiel bi spazju ta’ bejn il-vireg ta’ mhux aktar minn 35 mm, bi żbokk mhux imblukkat għall-ħut;
(e)il-bastimenti tas-sajd huma soġġetti għal pjan nazzjonali għall-evitar tal-bakkaljaw sabiex jiġu sostnuti l-qabdiet tal-bakkaljaw f’konformità mal-mortalità mis-sajd li tikkorrispondi għall-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti, abbażi ta’ livelli ta’ parir xjentifiku, permezz ta’ miżuri spazjali jew tekniċi, jew taħlita tagħhom; tali pjanijiet għandhom jiġu vvalutati mhux aktar tard minn xahrejn wara l-implimentazzjoni tagħhom, mill-STECF fil-każ tal-Istati Membri jew mill-korp xjentifiku nazzjonali rilevanti fil-każ ta’ pajjiżi terzi, u, meta jitqies meħtieġ, riveduti aktar jekk valutazzjonijiet bħal dawn isibu li l-objettiv tal-pjan nazzjonali għall-evitar tal-bakkaljaw mhux se jintlaħaq.
4.L-Istati Membri għandhom itejbu l-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tal-bastimenti tas-sajd imsemmija fil-paragrafu 2 sabiex jiżguraw il-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3.
5.Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal operazzjonijiet tas-sajd imwettqa għall-fini esklużiv ta’ investigazzjonijiet xjentifiċi, diment li dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241.]
Artikolu 16
Miżuri ta’ rimedju għall-bakkaljaw fil-Kattegat
1.Il-bastimenti tal-Unjoni li jistadu fil-Kattegat bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b’daqs minimu tal-malja ta’ 70 mm għandhom jużaw wieħed mill-irkapti selettivi li ġejjin:
(a)għarbiel bi spazju ta’ bejn il-vireg ta’ mhux aktar minn 35 mm, bi żbokk mhux imblukkat għall-ħut;
(b)għarbiel bi spazju ta’ bejn il-vireg ta’ mhux aktar minn 50 mm li jissepara l-pixxiċatt u l-ħut tond, bi żbokk mhux imblukkat għall-ħut tond;
(c)pannell Seltra b’malji kwadri ta’ 300 mm;
(d)irkaptu selettiv ħafna regolat, li l-attributi tekniċi tiegħu jirriżultaw, skont studju xjentifiku vvalutat mill-STECF, f’qabdiet ta’ anqas minn 1,5 % ta’ bakkaljaw, diment li jkun l-uniku rkaptu li l-bastiment tas-sajd iġorr abbord.
2.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jipparteċipaw fi proġett ta’ Stat Membru u li jkollhom tagħmir funzjonali għal attivitajiet tas-sajd dokumentati bis-sħiħ jistgħu jużaw irkaptu f’konformità mal-Parti B tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/1241. L-Istat Membru inkwistjoni għandu jikkomunika lista ta’ tali bastimenti lill-Kummissjoni.
3.Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal operazzjonijiet tas-sajd imwettqa għall-fini esklużiv ta’ investigazzjonijiet xjentifiċi, diment li dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241.
[L-Artikolu 17 hawn taħt se jiġi aġġornat wara konsultazzjonijiet tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi.]
Artikolu 17
Speċijiet ipprojbiti
1.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ma għandhomx jistadu għall-ispeċijiet li ġejjin, iżommuhom abbord, jittrażbordawhom jew iħottuhom l-art:
(a)
ir-raja tal-kwiekeb (Amblyraja radiata) fl-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni tas-subżona 4 u d-diviżjoni 7d tal-ICES; l-ilmijiet tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a; u l-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 3a;
(b)
il-fonsa l-ħamra (Beryx splendens) fis-subżona 6 tan-NAFO;
(c)
il-leafscale gulper shark (Centrophorus squamosus) fl-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni tas-subżona 4 tal-ICES; l-ilmijiet tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a; u l-ilmijiet internazzjonali tas-subżoni 1 u 14 tal-ICES;
(d)
il-mazzola Portugiża (Centroscymnus coelolepis) fl-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni tas-subżona 4 tal-ICES; l-ilmijiet tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a; u l-ilmijiet internazzjonali tas-subżoni 1 u 14 tal-ICES;
(e)
il-murruna sewda ((Dalatias licha) fl-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni tas-subżona 4 tal-ICES; l-ilmijiet tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a; u l-ilmijiet internazzjonali tas-subżoni 1 u 14 tal-ICES;
(f)
il-mazzola munqar l-għasfur (Deania calcea) fir-Renju Unit u fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżona 4 tal-ICES; l-ilmijiet tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a; u l-ilmijiet internazzjonali tas-subżoni 1 u 14 tal-ICES;
(g)
ir-rebekkin skur komuni (Dipturus batis) kumpless (Dipturus cf. flossada u Dipturus cf. intermedia) fir-Renju Unit u fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 4 u 6 sa 8 tal-ICES; l-ilmijiet tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a u tas-subżona 5; u l-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 3, 9 u 10;
(h)
il-mazzola tal-fanal maġġuri (Etmopterus princeps) fl-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni tas-subżona 4 tal-ICES; l-ilmijiet tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a; u l-ilmijiet internazzjonali tas-subżoni 1 u 14 tal-ICES;
(i)
il-kelb il-baħar (Galeorhinus galeus) meta jittieħed b’konzijiet fir-Renju Unit u fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 4 tal-ICES; l-ilmijiet tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a; l-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni tas-subżona 5; l-ilmijiet tar-Renju Unit, tal-Unjoni u internazzjonali tas-subżoni 6 sa 8; l-ilmijiet internazzjonali tas-subżoni 12 u 14;
(j)
il-pixxiplamtu (Lamna nasus) fl-ilmijiet kollha;
(k)
ir-raja tal-fosos (Raja clavata) fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 3a tal-ICES;
(l)
ir-raja ondjata (Raja undulata) fl-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni tas-subżona 6 tal-ICES; u l-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżona 10 tal-ICES;
(m)
il-kelb balena (Rhincodon typus) fl-ilmijiet kollha;
(n)
il-vjolin (Rhinobatos rhinobatos) fil-Mediterran;
(o)
il-mazzola griża (Squalus acanthias) fl-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni tas-subżoni 4 u 6 sa 8 tal-ICES; l-ilmijiet tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a u tas-subżona 5; u l-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 3, 9 u 10, ħlief fil-kuntest ta’ programmi ta’ evitar kif stabbilit fl-Anness IA.
(p)il-mera tal-Atlantiku (Hoplostethus atlanticus) fl-ilmijiet tar-Renju Unit, tal-Unjoni u internazzjonali tas-subżoni 1 sa 10, 12 u 14 tal-ICES;
(q) klieb il-baħar tal-fond elenkati fl-Anness I, il-Parti D, fl-ilmijiet tar-Renju Unit, tal-Unjoni u internazzjonali tas-subżoni 6 sa 9 tal-ICES; l-ilmijiet tar-Renju Unit u dawk internazzjonali tas-subżona 5; l-ilmijiet tal-Unjoni u internazzjonali tas-subżona 10 tal-ICES; l-ilmijiet tal-Unjoni taż-żoni 34.1.1, 34.1.2 u 34.2 tas-CECAF; u l-ilmijiet internazzjonali tas-subżona 12 tal-ICES.
2.
Meta jinqabdu aċċidentalment, l-eżemplari msemmija fil-paragrafu 1 ma għandux issirilhom ħsara u għandhom jinħelsu immedjatament.
Artikolu 18
Trażmissjoni tad-data
Meta l-Istati Membri jippreżentaw data lill-Kummissjoni relatata mal-ħatt l-art u mal-isforz tas-sajd skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, huma għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.
Kapitolu II
Awtorizzazzjonijiet għas-sajd fl-ilmijiet ta’ pajjiżi terzi
Artikolu 19
Awtorizzazzjonijiet tas-sajd
1.In-numru massimu ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ pajjiż terz, meta applikabbli, huwa stabbilit fil-Parti A tal-Anness V.
2.Meta Stat Membru jittrasferixxi kwota lil Stat Membru ieħor fiż-żoni tas-sajd li huma stabbiliti fil-Parti A tal-Anness V ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, it-trasferiment għandu jinkludi trasferiment xieraq tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd u għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni. Kif stabbilit fil-Parti A tal-Anness V ta’ dan ir-Regolament, in-numru totali ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal kull żona tas-sajd ma għandux jinqabeż.
Kapitolu III
Opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet ta’ organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd
Taqsima 1
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 20
Trasferimenti u skambji ta’ kwoti
1.Meta r-regoli ta’ organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMO) jippermettu trasferimenti jew skambji ta’ kwoti bejn il-Partijiet Kontraenti għal dik l-RFMO, Stat Membru (“l-Istat Membru kkonċernat”) jista’ jiddiskuti ma’ Parti Kontraenti għal dik l-RFMO u, jistabbilixxi deskrizzjoni possibbli tat-trasferiment jew tal-iskambju ta’ kwoti maħsub, kif xieraq. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bid-deskrizzjoni.
2.Meta tiġi nnotifikata f’konformità mal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tapprova l-qafas tat-trasferiment jew l-iskambju tal-kwoti maħsuba. Fil-każ li l-Kummissjoni tapprova l-qafas, hija għandha tesprimi, mingħajr dewmien żejjed, il-kunsens tagħha li tkun marbuta bit-trasferiment jew bl-iskambju tal-kwoti maħsuba. Hija għandha tinnotifika lis-segretarjat tal-RFMO bit-trasferiment jew bl-iskambju f’konformità mar-regoli tal-RFMO.
3.Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri bi kwalunkwe trasferiment jew skambju ta’ kwoti miftiehem.
4.L-opportunitajiet tas-sajd riċevuti jew ittrasferiti mill-Istat Membru kkonċernat taħt it-trasferiment jew l-iskambju tal-kwoti għandhom jitqiesu bħala kwoti miżjuda, jew imnaqqsa mill-allokazzjoni tiegħu mill-mument li t-trasferiment jew l-iskambju jidħol fis-seħħ skont it-termini tal-ftehim mal-Parti Kontraenti rilevanti lill-RFMO jew f’konformità mar-regoli tal-RFMO rilevanti, kif xieraq. Tali trasferimenti u skambji ma għandhomx ibiddlu l-iskema ta’ distribuzzjoni eżistenti għall-fini tal-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri f’konformità mal-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd.
[It-Taqsimiet 2 sa 11 hawn taħt se jiġu aġġornati wara l-laqgħat annwali tal-RFMOs.]
Taqsima 2
żona tal-Konvenzjoni tal-NEAFC
Artikolu 21
Għeluq għar-redfish fil-Baħar Irminger
L-attivitajiet kollha tas-sajd huma pprojbiti fiż-żona ddelimitata mill-koordinati li ġejjin imkejla skont is-sistema WGS84:
|
Latitudni
|
Lonġitudni
|
|
63° 00’
|
‐30° 00’
|
|
61° 30’
|
‐27° 35’
|
|
60° 45’
|
‐28° 45’
|
|
62° 00’
|
‐31° 35’
|
|
63° 00’
|
‐30° 00’
|
Taqsima 3
żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT
Artikolu 22
Limitazzjonijiet fuq il-kapaċità tas-sajd, it-trobbija u t-tismin
1.In-numru ta’ dgħajjes tal-Unjoni tas-sajd bil-lixka u tas-sajd bir-rixa awtorizzati sabiex jistadu attivament għat-tonn (Thunnus thynnus) ta’ bejn 8 kg/75 cm u 30 kg/115-il cm fil-Lvant tal-Atlantiku għandu jkun limitat kif stabbilit fil-punt 1 tal-Anness VI.
2.In-numru ta’ bastimenti tas-sajd artiġjanali kostali tal-Unjoni li huma awtorizzati jistadu attivament għat-tonn ta’ bejn 8 kg/75 cm u 30 kg/115-il cm fil-Mediterran għandu jkun limitat kif stabbilit fil-punt 2 tal-Anness VI.
3.In-numru ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu għat-tonn fil-Baħar Adrijatiku għall-finijiet ta’ trobbija, li huma awtorizzati jistadu attivament għat-tonn ta’ bejn 8 kg/75 cm u 30 kg/115-il cm, għandu jkun limitat kif stabbilit fil-punt 3 tal-Anness VI.
4.In-numru ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni awtorizzati għas-sajd, għaż-żamma abbord, għat-trażbord, għat-trasport jew għall-ħatt l-art tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran għandu jkun limitat kif stabbilit fil-punt 4 tal-Anness VI.
5.In-numru ta’ nases involuti fis-sajd tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran għandu jkun limitat kif stabbilit fil-punt 5 tal-Anness VI.
6.Il-kapaċità totali tat-trobbija u tat-tismin tat-tonn u l-kontribut massimu tat-tonn maqbud fis-selvaġġ li huma allokati lill-farms tal-ħut fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, għandhom ikunu limitati kif stabbilit fil-punt 6 tal-Anness VI.
7.In-numru massimu ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li huma awtorizzati jistadu għall-alonga tat-Tramuntana (Thunnus alalunga) bħala speċi fil-mira f’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/2007 għandu jkun limitat kif stabbilit fil-punt 7 tal-Anness VI ta’ dan ir-Regolament.
8.In-numru massimu ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’tul ta’ mill-anqas 20 metru li jistadu għat-tonn obeż (Thunnus obesus) fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT, għandu jkun limitat kif stabbilit fil-punt 8 tal-Anness VI.
Artikolu 23
Sajd rikreattiv
Meta xieraq, l-Istati Membri għandhom jallokaw sehem speċifiku mill-kwoti allokati tagħhom għas-sajd rikreattiv, kif stabbilit fl-Anness ID.
Artikolu 24
Klieb il-baħar
1.Għandhom ikunu pprojbiti ż-żamma abbord, it-trażbord jew il-ħatt l-art ta’ kwalunkwe parti jew tal-karkassa sħiħa tal-pixxivolpi għajnu kbira (Alopias superciliosus) maqbud fi kwalunkwe attività tas-sajd.
2.Għandu jkun ipprojbit l-involviment f’sajd dirett għall-ispeċijiet ta’ pixxivolpi tal-ġeneru Alopias.
3.Għandhom ikunu pprojbiti ż-żamma abbord, it-trażbord jew il-ħatt l-art ta’ kwalunkwe parti jew tal-karkassa sħiħa tal-kurazzi tal-familja Sphyrnidae (għajr is-Sphyrna tiburo) maqbuda f’sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT.
4.Għandhom ikunu pprojbiti ż-żamma abbord, it-trażbord jew il-ħatt l-art ta’ kwalunkwe parti jew tal-karkassa sħiħa tal-klieb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniċi (Carcharhinus longimanus) maqbuda waqt kwalunkwe attività tas-sajd.
5.Għandha tkun ipprojbita ż-żamma abbord ta’ klieb il-baħar ħaririn (Carcharhinus falciformis) maqbuda fi kwalunkwe attività tas-sajd.
6.Għandhom ikunu pprojbiti ż-żamma abbord, it-trażbord jew il-ħatt l-art ta’ kwalunkwe parti jew tal-karkassa sħiħa tal-pixxitondu tal-Atlantiku tat-Tramuntana (Isurus oxyrinchus) maqbuda f’sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT.
Artikolu 25
FADs għat-tonn tropikali
1.Għandu jkun ipprojbit l-użu tal-FADs fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT mill-1 ta’ Jannar sat-13 ta’ Marzu 2023.
2.Matul il-15-il jum qabel il-bidu tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, mis-17 ta’ Diċembru 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2022, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastimenti tas-sajf tagħhom ma jużawx FADs.
3. Kull bastiment ma għandux ikollu aktar minn 300 rkaptu sabiex jinġema’ l-ħut b’bagi operazzjonali użati fi kwalunkwe ħin fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT.
4.L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni data storika dwar l-irkaptu tas-sajd fir-rigward tal-FADs installati għall-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża tagħhom sat-30 ta’ Ġunju 2023. Fil-każ li Stat Membru ma jirrapportax din id-data sa dik id-data, bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu ma jistgħux jinstallaw irkaptu tas-sajd fir-rigward tal-FADs sakemm il-Kummissjoni tirċievi dik id-data mingħand dak l-Istat Membru għal rapportar ulterjuri lill-ICCAT.
Taqsima 4
żona tal-Konvenzjoni tas-CCAMLR
Artikolu 26
Notifiki ta’ sajd esploratorju għall-pixxisinna
L-Istati Membri jistgħu jipparteċipaw fl-attivitajiet esploratorji tas-sajd bil-konzijiet għall-pixxisinna (Dissostichus spp.) fis-subżoni 88.1 u 88.2 tal-FAO u fid-diviżjonijiet 58.4.1, 58.4.2 u 58.4.3a tal-FAO ’l barra miż-żoni ta’ ġuriżdizzjoni nazzjonali fl-2023. L-Istati Membri li jkun beħsiebhom jagħmlu dan, għandhom jinnotifikaw lis-Segretarjat tas-CCAMLR f’konformità mal-Artikoli 7 u 7a tar-Regolament (KE) Nru 601/2004 mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju 2023.
Artikolu 27
Limiti fuq is-sajd esploratorju għall-pixxisinna
1.Is-sajd għall-pixxisinna matul l-istaġun tas-sajd 2022–2023 għandu jkun limitat għall-Istati Membri, is-subżoni u n-numru ta’ bastimenti tas-sajd stabbiliti fit-Tabella A tal-Anness VII, u t-TACs u l-limiti tal-qabdiet aċċessorji stabbiliti fit-Tabella B ta’ dak l-Anness għandhom japplikaw.
2.Is-sajd dirett ta’ speċijiet ta’ kelb il-baħar għal skopijiet oħrajn minbarra r-riċerka xjentifika huwa pprojbit. Kwalunkwe qabda aċċessorji ta’ kelb il-baħar, speċjalment frieħ u klieb il-baħar femminili tqal, li jinqabdu aċċidentalment fis-sajd għall-pixxisinna, għandhom jiġu rilaxxati ħajjin.
3.Meta applikabbli, għandu jieqaf is-sajd f’kull unità ta’ riċerka fuq skala żgħira (SSRU) meta l-qabda rrapportata tilħaq it-TAC speċifikata u l-SSRU għandha tingħalaq għas-sajd għall-bqija tal-istaġun tas-sajd.
4.Is-sajd għandu jseħħ fuq medda ġeografika u batimetrika kemm jista’ jkun kbira, sabiex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat il-potenzjal tas-sajd u tiġi evitata konċentrazzjoni żejda tal-qbid u tal-isforz tas-sajd. Madankollu, is-sajd fis-subżoni 48.6 u 88.1 tal-FAO, u fid-diviżjoni 58.4.3a tal-FAO, meta permess skont l-Artikolu 26, għandu jkun ipprojbit f’fond ta’ anqas minn 550 metru.
Artikolu 28
Sajd għall-krill tal-Antartiku matul l-istaġun tas-sajd 2022–2023
1.L-Istati Membri li jkun beħsiebhom jistadu għall-krill tal-Antartiku (Euphausia superba) fiż-żona tal-Konvenzjoni tas-CCAMLR waqt l-istaġun tas-sajd 2022–2023, għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2023, bl-użu tal-formola fil-Parti B tal-Appendiċi tal-Anness VII. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tippreżenta n-notifiki lis-Segretarjat tas-CCAMLR sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Mejju 2023.
2.In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tinkludi l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 601/2004 għal kull bastiment tas-sajd li għandu jiġi awtorizzat sabiex jipparteċipa fis-sajd għall-krill tal-Antartiku.
3.Stat Membru li jkun beħsiebu jistad għall-krill tal-Antartiku fiż-żona tal-Konvenzjoni tas-CCAMLR għandu jinnotifika l-intenzjoni tiegħu li jagħmel dan biss fir-rigward ta’ bastimenti tas-sajd awtorizzati li, fil-ħin tan-notifika:
(a)itajru l-bandiera tiegħu; jew
(b)itajru l-bandiera ta’ membru ieħor tas-CCAMLR u li jkunu mistennija li jtajru l-bandiera dak l-Istat Membru fiż-żmien li jseħħ is-sajd.
4.Meta bastiment tas-sajd awtorizzat innotifikat lis-Segretarjat tas-CCAMLR f’konformità mal-paragrafi 1, 2 u 3 jitwaqqaf milli jipparteċipa f’sajd għall-krill tal-Antartiku minħabba raġunijiet operazzjonali leġittimi jew minħabba force majeure, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jawtorizza s-sostituzzjoni tiegħu minn bastiment tas-sajd ieħor. F’każ bħal dan, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma minnufih lis-Segretarjat tas-CCAMLR u lill-Kummissjoni, u jipprovdi:
(a)dettalji sħaħ tal-bastiment(i) tas-sajd ta’ sostituzzjoni maħsub(a), inkluż l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 601/2004; u
(b)rendikont komprensiv tar-raġunijiet li jiġġustifikaw din is-sostituzzjoni u kwalunkwe evidenza jew referenza ta’ appoġġ rilevanti.
5.L-Istati Membri ma għandhomx jawtorizzaw bastiment tas-sajd li jkun tqiegħed fuq kwalunkwe lista ta’ bastimenti tas-sajd involuti f’sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (IUU) tas-CCAMLR sabiex jipparteċipa fis-sajd għall-krill tal-Antartiku.
Taqsima 5
Żona ta’ Kompetenza tal-IOTC
Artikolu 29
Limitazzjoni tal-kapaċità tas-sajd ta’ bastimenti li jistadu fiż-Żona ta’ Kompetenza tal-IOTC
1.In-numru massimu ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu għat-tonn tropikali fiż-Żona ta’ Kompetenza tal-IOTC u l-kapaċità korrispondenti f’tunnellaġġ gross għandhom ikunu kif stabbilit fil-punt 1 tal-Anness VIII.
2.In-numru massimu ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu għall-pixxispad (Xiphias gladius) u għall-alonga (Thunnus alalunga) fiż-Żona ta’ Kompetenza tal-IOTC u l-kapaċità korrispondenti f’tunnellaġġ gross għandhom ikunu kif stabbilit fil-punt 2 tal-Anness VIII.
3.L-Istati Membri jistgħu jallokaw mill-ġdid il-bastimenti tas-sajd li jkunu assenjati għal waħda mill-attivitajiet tas-sajd imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 lill-attività tas-sajd l-oħra, diment li jkunu jistgħu juru lill-Kummissjoni li tali bidla ma twassalx għal żieda fl-isforz tas-sajd fir-rigward tal-istokkijiet tal-ħut inkwistjoni.
4.Meta jiġi propost trasferiment ta’ kapaċità lill-flotta ta’ Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jiżgura li l-bastimenti tas-sajd li għandhom jiġu ttrasferiti jkunu fuq ir-reġistru tal-IOTC ta’ bastimenti awtorizzati jew fuq ir-reġistru ta’ bastimenti ta’ RFMOs oħrajn li jimmaniġġaw is-sajd tat-tonn. Bastimenti tas-sajd li jidhru fuq kwalunkwe lista ta’ bastimenti tal-RFMO li jkunu involuti f’attivitajiet ta’ sajd IUU ma jistgħux jiġu ttrasferiti.
5.L-Istati Membri ma jistgħux iżidu l-kapaċità tas-sajd tagħhom lil hinn mil-livelli limitu msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għajr fil-limiti stabbiliti fil-pjanijiet ta’ żvilupp li jkunu ġew ippreżentati lill-IOTC.
Artikolu 30
Irkaptu mitluq għal riħu sabiex jinġema’ l-ħut u bastimenti tal-provvista
1.L-irkaptu mitluq għal riħu sabiex jinġema’ l-ħut għandu jkun mgħammar b’bagi strumentati. L-użu ta’ kwalunkwe baga oħra, bħal bagi bir-radju, għandu jkun ipprojbit.
2.Bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża ma għandu jsegwi fl-ebda waqt aktar minn 300 baga operazzjonali.
3.Mhux aktar minn 500 baga strumentata għandhom jinkisbu kull sena għal kull bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża. Bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża ma għandu jkollu fl-ebda waqt aktar minn 500 baga strumentata (kemm maħżuna u kemm li jkunu qegħdin jitħaddmu).
4.Mhux aktar minn tliet bastimenti tal-provvista għandhom joperaw b’appoġġ ta’ mhux anqas minn għaxar bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża, li kollha jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru. Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tapplika għal Stati Membri li jużaw bastiment tal-provvista wieħed biss.
5.Bastiment tas-sajd wieħed bit-tartarun tal-borża ma għandu jingħata appoġġ fl-ebda waqt minn aktar minn bastiment wieħed tal-provvista li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru.
6.L-Unjoni ma għandhiex tirreġistra bastimenti tal-provvista ġodda jew addizzjonali fir-reġistru tal-bastimenti awtorizzati tal-IOTC.
Artikolu 31
Klieb il-baħar
1.Għandhom ikunu pprojbiti ż-żamma abbord, it-trażbord jew il-ħatt l-art ta’ kwalunkwe parti jew tal-karkassa sħiħa tal-pixxivolpi tal-ispeċijiet kollha tal-familja Alopiidae fi kwalunkwe attività tas-sajd.
2.Għandhom ikunu pprojbiti ż-żamma abbord, it-trażbord jew il-ħatt l-art ta’ kwalunkwe parti minn karkassa jew karkassa sħiħa ta’ klieb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniku (Carcharhinus longimanus) fi kwalunkwe attività tas-sajd, ħlief għal bastimenti tas-sajd b’tul ġenerali ta’ anqas minn 24 m involuti biss f’operazzjonijiet tas-sajd fiż-żona ekonomika esklużiva tal-Istat Membru tal-bandiera tagħhom, diment li l-qabda tagħhom tkun maħsuba biss għall-konsum lokali.
3.Meta jinqabdu aċċidentalment, l-eżemplari msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhiex issirilhom ħsara u għandhom jinħelsu immedjatament.
Artikolu 32
Raj tal-qrun
1.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ma għandhomx jistadu għal, u ma għandhomx iżommu abbord, jittrażbordaw, iħottu l-art, jaħżnu, joffru għall-bejgħ jew ibigħu kwalunkwe parti minn karkassa jew karkassa sħiħa ta’ raj tal-qrun (il-familja Mobulidae, inklużi l-ġeneri Manta u Mobula), ħlief meta l-ħut li jinqabad jiġi kkunsmat direttament mill-familji tas-sajjieda (“sajd għall-għajxien”).
Madanakollu, ir-raj tal-qrun li jinqabdu b’mod mhux intenzjonat permezz tas-sajd artiġjanali (sajd għajr is-sajd fil-wiċċ, jiġifieri tartarun tal-borża, qasab u xlief, sajd bl-għeżula, bastimenti tas-sajd bix-xlief u bir-rixa, jew sajd bil-konz li jsir minn bastimenti rreġistrati fir-reġistru tal-IOTC ta’ bastimenti awtorizzati) jistgħu jinħattu l-art għal skopijiet ta’ konsum lokali.
2.Il-bastimenti tas-sajd kollha, minbarra dawk involuti f’sajd għall-għajxien, għandhom minnufih jirrilaxxaw ħaj u mingħajr ma ssirlu ħsara, sa fejn ikun prattikabbli, ir-raj tal-qrun hekk kif jidher fix-xibka, fuq is-sunnara, jew fuq il-gverta, b’tali mod li jirriżulta fl-anqas ħsara possibbli lil dawk l-eżemplari.
Taqsima 6
żona tal-Konvenzjoni tal-SPRFMO
Artikolu 33
Sajd ta’ ħut pelaġiku
1.Huma biss dawk l-Istati Membri li eżerċitaw attivament attivitajiet tas-sajd ta’ ħut pelaġiku fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-SPRFMO fl-2007, fl-2008 jew fl-2009 li jistgħu jistadu għal stokkijiet pelaġiċi f’dik iż-żona f’konformità mat-TACs stabbiliti fl-Anness IH.
2.L-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jillimitaw it-tunnellaġġ gross totali tal-bastimenti li jkunu qegħdin itajru l-bandiera tagħhom u li jkunu qegħdin jistadu għall-istokkijiet pelaġiċi fl-2023, għal-livell totali ta’ tunnellaġġ gross ta’ 78 600 tal-Unjoni f’dik iż-żona.
3.L-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jużaw l-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti fl-Anness IH biss jekk jibagħtu l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni sal-ħmistax-il jum tax-xahar ta’ wara, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkomunikaha lis-Segretarjat tal-SPRFMO:
(a)lista ta’ bastimenti li jistadu b’mod attiv jew li jkunu involuti fit-trażbord fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-SPRFMO;
(b)rapporti tal-qabdiet ta’ kull xahar.
Taqsima 7
żona tal-Konvenzjoni tal-IATTC
Artikolu 34
Sajd bit-tartaruni tal-borża
1.Il-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża ma għandhomx jistadu għat-tonna safra (Thunnus albacares), għat-tonn obeż (Thunnus obesus) jew għall-palamit (Katsuwonus pelamis):
(a)bejn il-ħinijiet ta’ 00.00 tad-29 ta’ Lulju 2023 u 24.00 tat-8 ta’ Ottubru 2023 jew bejn il-ħinijiet ta’ 00.00 tad-9 ta’ Novembru 2023 u 24.00 tad-19 ta’ Jannar 2024 fiż-żona definita mil-limiti li ġejjin:
–ix-xtut tal-Kontinent Amerikan li jmissu mal-Paċifiku,
–il-lonġitudni 150º W,
–il-latitudni 40º N,
–il-latitudni 40º S;
(b)bejn il-ħinijiet ta’ 00.00 tad-9 ta’ Ottubru 2023 u 24.00 tat-8 ta’ Novembru 2023 fiż-żona definita mil-limiti li ġejjin:
–il-lonġitudni 96º W,
–il-lonġitudni 110º W,
–il-latitudni 4º N,
–il-latitudni 3º S.
2.Għal kull wieħed mill-bastimenti tas-sajd imsemmija fil-paragrafu 1 u li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru, dak l-Istat Membru tal-bandiera għandu jinforma lill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ April 2023 dwar liema mill-perjodi ta’ għeluq imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), il-bastiment tas-sajd ikun għażel.
3.Il-bastimenti bit-tartarun tal-borża li jistadu għat-tonn fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-IATTC għandhom iżommu abbord u wara jittrażbordaw jew iħottu l-art it-tonn isfar, it-tonn obeż u l-palamit kollu li jaqbdu.
4.Il-paragrafu 3 ma għandux japplika:
(a)meta l-ħut jitqies li ma huwiex tajjeb għall-konsum mill-bniedem minħabba kwalunkwe raġuni għajr ta’ daqs;
(b)matul l-aħħar tefgħa ta’ xibka ta’ vjaġġ, meta jista’ ma jkunx baqa’ spazju biżżejjed sabiex jitqiegħed it-tonn kollu maqbud f’dik it-tefgħa.
Artikolu 35
Irkaptu mitluq għal riħu sabiex jinġema’ l-ħut
1.Bastiment bit-tartarun tal-borża ma għandux ikollu aktar minn 400 FAD attiv fi kwalunkwe ħin fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-IATTC. FAD jitqies attiv meta jintuża fuq il-baħar, jibda jittrażmetti l-pożizzjoni tiegħu u jkun qiegħed jiġi segwit mill-bastiment, mis-sid jew mill-operatur tiegħu. FAD għandu jiġi attivat biss abbord bastiment bit-tartarun tal-borża.
2.Matul il-15-il jum qabel il-bidu tal-perjodu ta’ għeluq magħżul f’konformità mal-Artikolu 34(1), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża għandu, fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-IATTC:
(a)jastjeni milli jqiegħed irkaptu sabiex jinġema’ l-ħut;
(b)jirkupra l-istess numru ta’ FADs kif imqiegħda inizjalment.
Artikolu 36
Limiti ta’ qbid għat-tonn obeż fl-attivitajiet tas-sajd bil-konz
Il-qabdiet annwali totali tat-tonn obeż fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-IATTC mill-bastimenti tas-sajd bil-konz ta’ kull Stat Membru huma stabbiliti fl-Anness IL.
Artikolu 37
Projbizzjoni tas-sajd għall-klieb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniċi
1.Għandu jkun ipprojbit is-sajd għall-klieb il-baħar bil-qarnuna bajda oċeaniċi (Carharhinus longimanus) fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-IATTC, u ż-żamma abbord, it-trażbord, il-ħatt l-art, il-ħżin, l-offerta għall-bejgħ jew il-bejgħ ta’ kwalunkwe parti minn karkassa jew tal-karkassa sħiħa tal-klieb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniċi maqbuda f’dik iż-żona.
2.Meta jinqabdu aċċidentalment, ma għandhiex issir ħsara lill-eżemplari tal-klieb il-baħar bil-qarnuna bajda oċeaniċi u għandhom jintefgħu l-baħar minnufih mill-operaturi tal-bastimenti tas-sajd.
3.L-operaturi tal-bastiment tas-sajd għandhom jirreġistraw in-numru ta’ ħut li jinħeles u l-indikazzjoni tal-istatus (mejjet jew ħaj) u jirrapportaw dik l-informazzjoni lill-Istat Membru li huma ċittadini tiegħu.
L-Istati Membri għandhom jittrażmettu dik l-informazzjoni miġbura matul l-2022 lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar 2023.
Artikolu 38
Projbizzjoni tas-sajd għar-raj tal-qrun
Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-IATTC ma għandhomx jistadu għar-raj tal-qrun (il-familja Mobulidae, inklużi l-ġeneri Manta u Mobula) u ma għandhomx iżommu abbord, jittrażbordaw, iħottu l-art, jaħżnu, joffru għall-bejgħ jew ibigħu kwalunkwe parti minn karkassa jew karkassa sħiħa ta’ raj tal-qrun maqbud f’dik iż-żona. Hekk kif jindunaw li nqabdu r-raj tal-qrun, huma għandhom jeħilsuhom minnufih, meta jkun possibbli ħajjin u mingħajr ma ssirilhom ħsara.
Taqsima 8
żona tal-Konvenzjoni tas-SEAFO
Artikolu 39
Projbizzjoni tas-sajd għall-klieb il-baħar tal-fond
Għandu jkun ipprojbit is-sajd dirett għall-klieb il-baħar tal-fond li ġejjin fiż-żona tal-Konvenzjoni tas-SEAFO:
(a)il-gattarell fantażma (Apristurus manis);
(b)il-mazzola tal-fanal Bigelow (Etmopterus bigelowi);
(c)il-mazzola tal-fanal ta’ denb qasir (Etmopterus brachyurus);
(d)il-mazzola tal-fanal maġġuri (Etmopterus princeps);
(e)il-mazzola tal-fanal minuri (Etmopterus pusillus);
(f)ir-rebekkini (Rajidae);
(g)il-kelb il-baħar bellusi (Scymnodon squamulosus);
(h)il-klieb il-baħar tas-superordni Selachimorpha;
(i)il-mazzola griża (Squalus acanthias).
Taqsima 9
żona tal-Konvenzjoni tad-WCPFC
Artikolu 40
Kundizzjonijiet għas-sajd tat-tonna obeża, it-tonna safra, il-palamita u l-alonga tan-Nofsinhar tal-Paċifiku
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jiġux allokati aktar minn 403 jum ta’ sajd għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża għat-tonn obeż (Thunnus obesus), għat-tonna safra (Thunnus albacares) u għall-palamit (Katsuwonus pelamis) fil-parti taż-żona tal-Konvenzjoni tad-WCPFC li tinsab fl-ibħra internazzjonali bejn 20° N u 20° S.
2.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ma għandux ikollhom fil-mira l-alonga tan-Nofsinhar tal-Paċifiku (Thunnus alalunga) fiż-żona tal-Konvenzjoni tad-WCPFC li tinsab fin-Nofsinhar ta’ 20° S.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qabdiet tat-tonn obeż (Thunnus obesus) bil-konzijiet fl-2023 ma jaqbżux il-limiti stabbiliti fit-tabella fl-Anness IG.
Artikolu 41
Ġestjoni ta’ sajd bl-FADs
1.Fil-parti taż-żona tal-Konvenzjoni tad-WCPFC li tinsab bejn 20° N u 20° S, huwa pprojbit għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża li jqiegħdu, jimmanipulaw jew jpoġġu xbieki madwar l-irkaptu sabiex jinġema’ l-ħut bejn il-ħinijiet ta’ 00:00 tal-1 ta’ Lulju 2023 u 24:00 tat-30 ta’ Settembru 2023.
2.Minbarra l-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 1, huwa pprojbit li wieħed ipoġġi xbieki madwar l-irkaptu sabiex jinġema’ l-ħut fl-ibħra miftuħa taż-żona tal-Konvenzjoni tad-WCPFC li tinsab bejn 20° N u 20° S għal xahrejn addizzjonali, jew bejn il-ħinijiet ta’ 00.00 tal-1 ta’ April 2023 sa 24:00 tal-31 ta’ Mejju 2023, jew minn 00:00 tal-1 ta’ Novembru 2023 sa 24:00 tal-31 ta’ Diċembru 2023.
3. Kull Stat Membru kkonċernat għandu jiddetermina liema mill-perjodi ta’ għeluq imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom japplikaw għall-bastimenti tas-sajd b’tartarun tal-borża li jtajru l-bandiera tiegħu. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni sal-15 ta’ Frar 2023 dwar il-perjodu ta’ għeluq magħżul. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lis-segretarjat tad-WCPFC dwar il-perjodi ta’ għeluq magħżula mill-Istati Membri qabel l-1 ta’ Marzu 2023.
4.Kull Stat Membru għandu jiżgura li ebda wieħed mill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża tiegħu ma jqiegħed fuq il-baħar, fi kwalunkwe ħin, aktar minn 350 FAD bil-bagi strumentati attivati. Il-bagi għandhom jiġu attivati esklużivament abbord bastimenti tas-sajd b’tartarun tal-borża.
Artikolu 42
Projbizzjoni fuq ir-rimi ta’ tonn tropikali maqbud minn bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża
1.Il-bastimenti kollha tas-sajd bit-tartarun tal-borża li jistadu fil-parti taż-żona tal-Konvenzjoni tad-WCPFC li tinsab bejn 20° N u 20° S għandhom iżommu abbord, jittrażbordaw u jħottu l-art it-tonn obeż, it-tonn isfar u l-palamit kollu li jaqbdu.
2.Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fil-każijiet li ġejjin:
(a)fl-aħħar tefgħa ta’ xibka ta’ vjaġġ, jekk il-bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża ma jkollux spazju suffiċjenti fl-istiva sabiex joqgħod il-ħut kollu;
(b)meta l-ħut ma jkunx tajjeb għall-konsum mill-bniedem minħabba kwalunkwe raġuni għajr ta’ daqs;
(c)fil-każ ta’ ħsara serja fit-tagħmir tal-friża.
Artikolu 43
Numru massimu ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni awtorizzati għas-sajd tal-pixxispad
In-numru massimu ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni awtorizzati għas-sajd tal-pixxispad (Xiphias gladius) f’żoni fin-Nofsinhar ta’ 20° S taż-żona tal-Konvenzjoni tad-WCPFC għandu jkun kif stabbilit fl-Anness IX.
Artikolu 44
Limiti ta’ qbid għall-pixxispad fis-sajd bil-konz fin-Nofsinhar ta’ 20° S
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qabdiet tal-pixxispad (Xiphias gladius) fin-Nofsinhar ta’ 20° S mill-bastimenti tas-sajd bil-konz fl-2023 ma jaqbżux il-limitu stabbilit fl-Anness IG. Huma għandhom jiżguraw ukoll li dan ma jirriżultax f’bidla fl-isforz tas-sajd għall-pixxispad lejn iż-żona fit-Tramuntana ta’ 20° S.
Artikolu 45
Klieb il-baħar ħaririn u klieb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniċi
1.Għandhom ikunu pprojbiti ż-żamma abbord, it-trażbord, il-ħatt l-art jew il-ħżin ta’ kwalunkwe parti jew tal-karkassa sħiħa tal-ispeċijiet li ġejjin fiż-żona tal-Konvenzjoni tad-WCPFC:
(a)il-klieb il-baħar ħaririn (Carcharhinus falciformis);
(b)il-klieb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniċi (Carcharhinus longimanus).
2.Meta jinqabdu aċċidentalment, l-eżemplari msemmija fil-paragrafu 1 ma għandux issirilhom ħsara u għandhom jinħelsu immedjatament.
Artikolu 46
Żona kondiviża bejn iż-Żoni tal-Konvenzjoni tal-IATTC u tad-WCPFC
1.Il-bastimenti tas-sajd li huma mniżżla biss fir-reġistru tad-WCPFC għandhom japplikaw il-miżuri stabbiliti f’din it-Taqsima meta jistadu fiż-żona kondiviża bejn iż-żoni tal-Konvenzjoni tal-IATTC u tad-WCPFC.
2.Il-bastimenti tas-sajd elenkati kemm fir-reġistru tad-WCPFC kif ukoll fir-reġistru tal-IATTC u l-bastimenti li huma mniżżla biss fir-reġistru tal-IATTC għandhom japplikaw il-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 34(1), il-punt (a), fl-Artikolu 34(2), (3) u (4), u fl-Artikoli 35, 36 u 37 ta’ dan ir-Regolament meta jkunu qegħdin jistadu fiż-żona kondiviża bejn iż-żoni tal-Konvenzjoni tal-IATTC u tad-WCPFC.
Taqsima 10
Il-Baħar Bering
Artikolu 47
Projbizzjoni ta’ sajd fl-ibħra internazzjonali tal-Baħar Bering
Għandu jkun ipprojbit is-sajd għall-pollakkju iswed (Gadus chalcogrammus) fl-ibħra internazzjonali tal-Baħar Bering.
Taqsima 11
Żona tal-Ftehim tas-SIOFA
Artikolu 48
Limiti għas-sajd tal-qiegħ
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom li jistadu fiż-Żona tal-Ftehim tas-SIOFA:
(a)jillimitaw l-isforz annwali tas-sajd tal-qiegħ tagħhom għal-livell stabbilit fl-Anness X;
(b)ma jwettqux sajd tal-qiegħ ħlief jekk jużaw konz tal-qiegħ;
(c)ma jistadux fiż-żoni protetti b’mod temporanju ta’ Atlantis Bank, Coral, Fools Flat, Middle of What u Walter’s Shoal, kif definit fl-Anness IK, ħlief bil-konz tal-qiegħ u bil-kundizzjoni li jkollhom osservatur xjentifiku abbord il-ħin kollu meta jkunu qegħdin jistadu f’dawk iż-żoni.
Artikolu 49
Projbizzjoni fuq l-immirar għall-klieb il-baħar tal-fond
Għandu jkun ipprojbit is-sajd dirett għall-klieb il-baħar tal-fond li ġejjin fiż-Żona tal-Ftehim tas-SIOFA:
(a)il-mazzola Portugiża (Centroscymnus coelolepis);
(b)il-mazzola munqar l-għasfur (Deania calcea);
(c)iż-żagħrun (Centrophorus granulosus);
(d)il-murruna sewda (Dalatias licha);
(e)il-gattarell ta’ Bach (Bythaelurus bachi);
(f)il-kimera dark-mouth (Chimaera buccanigella);
(g)il-kimera Falkor (Chimaera didierae);
(h)is-seafarer’s ghostshark (Chimaera willwatchi);
(i)il-mazzola bellusija mneħirha twil (Centroscymnus crepidater)
(j)il-kelb il-baħar plunket (Centroscymnus plunketi);
(k)il-kelb il-baħar bellusi (Zameus squamulosus);
(l)il-mazzola tal-fanal whitecheek (Etmopterus alphus);
(m)il-gattarell ta’ żaqqu żgħira (Apristurus indicus);
(n)il-fenek tal-baħar bentnose (Harriota raleighana);
(o)il-gattarell narrowhead (Bythaelurus tenuicephalus);
(p)il-kelb il-baħar tal-frilli (Chlamydoselachus anguineus);
(q)il-muruna ta’ sitt garġi (Hexanchus nakamurai);
(r)il-mazzola tal-fanal minuri (Etmopterus pusillus);
(s)il-kelb il-baħar tan-Nofsinhar (Somniosus antarcticus);
(t)il-kelb il-baħar goblin (Mitsukurina owstoni).
TITOLU III
OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD GĦAL BASTIMENTI TA’ PAJJIŻI TERZI FL-ILMIJIET TAL-UNJONI
Artikolu 50
Bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tan-Norveġja u bastimenti tas-sajd irreġistrati fil-Gżejjer Faeroe
Il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tan-Norveġja u l-bastimenti tas-sajd li huma rreġistrati fil-Gżejjer Faeroe jistgħu jkunu awtorizzati jistadu fl-ilmijiet tal-Unjoni soġġetti għat-TACs stabbiliti fl-Anness I, u soġġetti għall-kundizzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament u fit-Titolu III tar-Regolament (UE) 2017/2403.
Artikolu 51
Bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Renju Unit, irreġistrati fir-Renju Unit u liċenzjati minn amministrazzjoni tas-sajd tar-Renju Unit
Il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Renju Unit, irreġistrati fir-Renju Unit u liċenzjati minn amministrazzjoni tas-sajd tar-Renju Unit jistgħu jkunu awtorizzati jistadu fl-ilmijiet tal-Unjoni soġġetti għat-TACs stabbiliti fl-Anness I, u soġġetti għall-kundizzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament u fir-Regolament (UE) 2017/2403.
Artikolu 52
Trasferimenti u skambji tal-kwoti mar-Renju Unit
1.Kwalunkwe trasferiment jew skambju ta’ kwoti bejn l-Unjoni u r-Renju Unit għandu jsir f’konformità ma’ dan l-Artikolu.
2.Stat Membru li jkollu l-ħsieb li jittrasferixxi jew jiskambja kwoti mar-Renju Unit jista’ jiddiskuti mar-Renju Unit deskrizzjoni tat-trasferiment jew tal-iskambju tal-kwoti. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bid-deskrizzjoni.
3.Fil-każ li l-Kummissjoni tapprova deskrizzjoni ġenerali tat-trasferiment jew tal-iskambju tal-kwoti msemmija fil-paragrafu 2 innotifikata mill-Istat Membru kkonċernat, hija għandha tesprimi, mingħajr dewmien żejjed, il-kunsens li tkun marbuta b’tali trasferiment jew skambju tal-kwoti. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lir-Renju Unit u lill-Istati Membri bit-trasferiment jew skambju ta’ kwoti miftiehem.
4.L-opportunitajiet tas-sajd irċevuti minn jew ittrasferiti lejn ir-Renju Unit taħt it-trasferiment jew skambju ta’ kwoti miftiehem għandhom jitqiesu bħala kwoti miżjuda lil, jew imnaqqsa minn, l-allokazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat mill-mument li t-trasferiment jew l-iskambju tal-kwoti jkun ġie nnotifikat f’konformità mal-paragrafu 3. Tali trasferimenti u skambji ma għandhomx ibiddlu l-iskema ta’ distribuzzjoni eżistenti għall-fini tal-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri f’konformità mal-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd.
Artikolu 53
Bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Venezwela
Il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Venezwela għandhom ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament u fit-Titolu III tar-Regolament (UE) 2017/2403.
Artikolu 54
Awtorizzazzjonijiet tas-sajd
In-numru massimu ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal bastimenti ta’ pajjiżi terzi li jistadu fl-ilmijiet tal-Unjoni għandu jkun kif stabbilit fil-Parti B tal-Anness V.
Artikolu 55
Kundizzjonijiet għall-ħatt l-art ta’ qabdiet u ta’ qabdiet aċċessorji
Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-qabdiet u għall-qabdiet aċċessorji ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi li jistadu skont l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 54 ta’ dan ir-Regolament.
[L-Artikolu 56 hawn taħt se jiġi aġġornat wara konsultazzjonijiet tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi.]
Artikolu 56
Speċijiet ipprojbiti
1.Il-bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi ma għandhomx jistadu għal, iżommu abbord, jittrażbordaw jew iħottu l-art l-ispeċijiet li ġejjin meta dawn ikunu jinsabu fl-ilmijiet tal-Unjoni:
(a)
ir-raja tal-kwiekeb (Amblyraja radiata) fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjonijiet 3a u 7d tal-ICES; u l-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżona 4;
(b)
ir-rebekkin skur (Dipturus batis) kumpless (Dipturus cf. flossada u Dipturus cf. intermedia) fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 3, 4 u 6 sa 10 tal-ICES;
(c)
il-kelb il-baħar (Galeorhinus galeus) meta jittieħed b’konzijiet fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 4 u 6 sa 8 tal-ICES;
(d)
il-murruna sewda (Dalatias licha), il-mazzola munqar l-għasfur (Deania calea), il-leafscale gulper shark (Centrophorus squamosus), il-mazzola tal-fanal maġġuri (Etmopterus princeps) u l-mazzola Portugiża (Centroscymnus coelolepis) fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżona 4 tal-ICES;
(e)
il-pixxiplamtu (Lamna nasus) fl-ilmijiet tal-Unjoni kollha;
(f)
ir-raja tal-fosos (Raja clavata) fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 3a tal-ICES;
(g)
ir-raja ondjata (Raja undulata) fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 6, 9 u 10 tal-ICES;
(h)
il-vjolin (Rhinobatos rhinobatos) fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Mediterran;
(i)
il-kelb balena (Rhincodon typus) fl-ilmijiet tal-Unjoni kollha;
(j)
il-mazzola griża (Squalus acanthias) fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 3, 4, u 6 sa 10 tal-ICES.
(k) il-mera tal-Atlantiku (Hoplostethus atlanticus) fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 3 sa 4 u 6 sa 10 tal-ICES;
(l) il-klieb il-baħar tal-fond elenkati fl-Anness I, il-Parti D, fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 6 sa 10 tal-ICES; u fl-ilmijiet tal-Unjoni taż-żoni 34.1.1, 34.1.2 u 34.2 tas-CECAF.
2.Meta jinqabdu aċċidentalment, l-eżemplari msemmija fil-paragrafu 1 ma għandux issirilhom ħsara u għandhom jinħelsu immedjatament.
TITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 57
Proċedura ta’ Kumitat
1.Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 58
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
1.L-Artikoli 10 sa 12, 14 sa 16, 17(1), il-punti (a) sa (o), 21, 24, 31, 32, 37 sa 39, 45, 47, 49 u 56(1), il-punti (a) sa (j), għandhom ikomplu japplikaw, mutatis mutandis, fl-2024 sad-dħul fis-seħħ tar-Regolament li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2024.
2.L-Artikolu 17(1), il-punti (p) u (q), u l-Artikolu 56(1), il-punti (k) u (l), għandhom ikomplu japplikaw, mutatis mutandis, fl-2025 sad-dħul fis-seħħ tar-Regolament li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2025.
Artikolu 59
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023. Madankollu:
(a) L-Artikolu 6(4), l-Artikolu 17(1), il-punti (p) u (q), u l-Artikolu 56(1), il-punti (k) u (l), għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2024;
(b)L-Artikolu 12 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023 sad-29 ta’ Ġunju 2024;
(c)L-Artikolu 20 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Jannar 2024;
(d) L-Artikoli 26, 27 u 28, u l-Anness VII għandhom japplikaw mill-1 ta’ Diċembru 2022 sat-30 ta’ Novembru 2023;
(e)L-Artikolu 25(2) għandu japplika mis-17 ta’ Diċembru 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2022;
(f)L-Artikolu 34(1), il-punt (a), għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023 sad-19 ta’ Jannar 2024;
(g)L-Anness I għandu japplika wkoll għas-sena 2024, meta speċifikat f’dak l-Anness;
(h)L-Anness IK għandu japplika mill-1 ta’ Diċembru 2022 sat-30 ta’ Novembru 2023, meta speċifikat f’dak l-Anness;
(i)L-Anness II għandu japplika mill-1 ta’ Frar 2023 sal-31 ta’ Jannar 2024.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President