Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0455

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati biex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Enerġija Rinnovabbli, il-Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima u l-Proġetti tal-Adattament u tal-Ilma

    COM/2022/455 final

    Brussell, 15.9.2022

    COM(2022) 455 final

    2022/0276(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati biex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Enerġija Rinnovabbli, il-Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima u l-Proġetti tal-Adattament u tal-Ilma


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.Suġġett tal-proposta

    Din il-proposta tikkonċerna deċiżjoni, li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward tal-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Enerġija Rinnovabbli, il-Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima u l-Adattament u l-Proġetti tal-Ilma (il-“Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima” jew il-Climate Change Sector Understanding, “CCSU”) li huwa parti integrali mill-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati.

    2.Kuntest tal-proposta

    2.1.Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima

    L-iskop ta’ dan il-Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima huwa li jipprovdi termini u kundizzjonijiet finanzjarji adegwati għal proġetti f’setturi partikolari identifkati bħala li jikkontribwixxu b’mod notevoli għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, inkluża l-enerġija rinnovabbli, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass serra (greenhouse gas, GHG) u proġetti b’effiċjenza enerġetika għolja kif ukoll proġetti tal-ilma. Is-CCSU ġiet adottata fl-2012 u aġġornata l-aħħar fl-2014.

    Il-parteċipanti fis-CCSU qablu li t-termini u l-kundizzjonijiet finanzjarji tas-CCSU għandhom jiġu implimentati b’mod li jkun konsistenti mal-għan tal-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati “Officially Supported Export Credits” (“l-Arranġament”). Is-CCSU huwa parti integrali u jifforma l-Anness IV tal-Arranġament li huwa inkorporat amministrattivament fl-OECD, u jirċievi appoġġ mis-Segretarjat tal-Kreditu tal-OECD. Madankollu, la l-Arranġament u lanqas is-CCSU ma huma Atti tal-OECD 1 .

    L-Unjoni Ewropea hija parti għall-Arranġament u għas-CCSU u t-tnejn li huma ġew trasposti fl-acquis communautaire permezz tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 2 . Għaldaqstant l-Arranġament u s-CCSU huma legalment vinkolanti bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni.

    2.2.Il-Parteċipanti fis-CCSU

    Bħalissa hemm 11-il Parteċipant fl-Arranġament, inkluż is-CCSU (il-“Parteċipanti”): l-Awstralja, il-Kanada, l-Unjoni Ewropea, il-Ġappun, il-Korea, in-New Zealand, in-Norveġja, l-Iżvizzera, it-Turkija, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti. Il-parteċipanti jieħdu deċiżjonijiet dwar modifiki għas-CCSU b’kunsens.

    Il-Kummissjoni Ewropea tirrappreżenta lill-Unjoni fil-laqgħat tal-Parteċipanti, inkluż meta l-Parteċipanti jieħdu d-deċiżjonijiet.

    2.3.L-att previst tal-Parteċipanti

    Il-parteċipanti jipprevedu li jadottaw deċiżjoni biex jespandu l-kamp ta’ applikazzjoni tas-CCSU u biex jestendu t-termini massimi ta’ ripagament għat-tranżazzjonijiet tas-CCSU, jiġifieri l-ammont massimu ta’ żmien għar-ripagament tal-kreditu kollu pprovdut lix-xerrej.

    Is-CCSU għandu l-objettiv ġenerali li joffri termini u kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar vantaġġużi għal proġetti li ma jagħmlux ħsara lill-klima f’pajjiżi terzi milli huma stipulati fir-regoli orizzontali tal-Arranġament, u b’hekk tinċentiva l-esportazzjonijiet ta’ teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-klima. Madankollu, is-CCSU ġie aġġornat l-aħħar fl-2014, u llum il-kopertura tal-esportazzjonijiet li jistgħu jibbenefikaw mir-regoli tiegħu hija dejqa wisq meta mqabbla mal-għanijiet tat-tibdil fil-klima li jsegwi. B’mod partikolari, il-kamp ta’ applikazzjoni tas-CCSU jiffoka fuq is-setturi tal-ġenerazzjoni u t-trażmissjoni tal-enerġija. L-impatt limitat li jirriżulta mill-kopertura dejqa ma jappoġġax b’mod effettiv l-impenji tal-Parteċipanti meħuda skont il-Ftehim ta’ Pariġi u l-ambizzjonijiet tal-UE kif espressi fl-aġenda tagħha tal-Patt Ekoloġiku. F’dan il-kuntest, il-Parteċipanti qablu li jwessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tas-CCSU u qablu dwar għadd ta’ setturi li jenħtieġ li jiġu inklużi fis-CCSU, jiġifieri:

    ·Il-ħżin tal-elettriku, inklużi l-manifattura u r-riċiklaġġ tal-batteriji.

    ·It-trasport b’emissjonijiet żero, inkluża l-infrastruttura abilitanti.

    ·Il-produzzjoni ta’ idroġenu nadif, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-ħżin tal-idroġenu.

    ·It-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

    ·Il-manifattura b’livell baxx ta’ karbonju.

    Il-proposta dettaljata għall-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tas-CCSU, bl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa għall-proġetti kollha inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni, tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni proposta. Dan l-Anness isir Appendiċi 1 ġdid tas-CCSU u jissostitwixxi l-Appendiċi 1 u 2 eżistenti tas-CCSU.

    L-espansjoni proposta tal-kopertura tas-CCSU tkun riżultat sinifikanti għas-27 sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (Conference of the Parties to the United Nations Framework Convention on Climate Change “COP 27”), li għandha ssir bejn is-7 u t-18 ta’ Novembru 2022, minħabba li tippermetti lill-aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni (export credit agencies, “ECAs”) biex ikollhom rwol akbar fl-appoġġ tat-tranżizzjoni ekoloġika u jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. Din tagħti spinta wkoll lin-negozji tal-UE f’setturi orjentati lejn il-futur b’potenzjal qawwi li jappoġġaw it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi tal-UE.

    Din il-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE dwar l-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tas-CCSU hija marbuta ma’ proposta parallela tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE biex jintlaħaq qbil dwar ir-regoli modernizzati tal-Arranġament (COM(2022) 456). Parti importanti mill-modernizzazzjoni tal-Arranġament hija aġġustament għar-rati minimi tal-primjum għal tranżazzjonijiet b’termini itwal ta’ ħlas lura (bħal dawk previsti li jkunu permessi taħt is-CCSU). Dan se jindirizza sfida ewlenija relatata mat-termini attwali tas-CCSU, billi l-Parteċipanti indikaw li primjums għoljin kienu fattur sinifikanti fl-użu relattivament limitat tal-flessibbiltajiet attwali. Barra mis-settur tal-enerġija mir-riħ, s’issa kien hemm ftit tranżazzjonijiet tas-CCSU. Għalhekk, din il-modifika hija essenzjali.

    Fl-aħħar nett, bħala riżultat tal-estensjoni tat-termini ta’ ripagament massimu fil-modernizzazzjoni tal-Arranġament, huwa wkoll meħtieġ li t-termini ta’ ripagament tas-CCSU jiġu estiżi sabiex jiġi żgurat li dan ikompli jipprovdi inċentiv sinifikanti għal tranżazzjonijiet li ma jagħmlux ħsara lill-klima.

    Din il-proposta għal deċiżjoni ma tkoprix id-dispożizzjonijiet relatati ma’ proġetti ta’ adattament għat-tibdil fil-klima fis-CCSU. Dawn huma indirizzati fi proposta preċedenti (ara d-dokument tal-Kunsill ST6650/22 tat-28 ta’ Frar 2022).

    Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni minħabba li d-deċiżjoni li għandha tiġi adottata mill-Parteċipanti fl-Arranġament biex tiġi emendata s-CCSU se jkollha effetti legali fl-UE (ara 2.1 hawn fuq).

    3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

    It-twessigħ propost tal-kamp ta’ applikazzjoni tas-CCSU jippermetti li firxa usa’ ta’ esportazzjonijiet, li ma jagħmlux ħsara lill-klima, tal-Parteċipanti jistgħu jieħdu vantaġġ mit-termini u l-kundizzjonijiet aktar ta’ benefiċċju ta’ din l-Impriża Settorjali, meta mqabbla mar-regoli orizzontali applikabbli skont l-Arranġament. Dan jagħmel lis-CCSU mezz aktar effettiv ta’ appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika.

    Filwaqt li jitqiesu l-għan u l-effetti pożittivi antiċipati tas-CCSU emendata fuq l-għanijiet klimatiċi tal-UE kif ukoll fuq l-iżvilupp tat-teknoloġija ekoloġika u l-ekonomija fl-UE, jenħtieġ li l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni tkun li tappoġġa l-abbozz tal-proposta anness ma’ din id-Deċiżjoni.

    4.Bażi ġuridika

    4.1.Bażi ġuridika proċedurali

    4.1.1.Prinċipji

    L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Treaty on the Functioning of the European Union, TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita bi ftehim, meta din is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

    Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 3 .

    4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

    L-att, li l-Parteċipanti se jintalbu jadottaw, jikkostitwixxi att li għandu effetti legali. L-att għandu jkun vinkolanti skont id-dritt tal-Unjoni bis-saħħa tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE, li jiddikjara li “Il-linji gwida li jinsabu fl-Arranġament dwar il-Krediti ta’ Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (“l-Arranġament”) għandhom japplikaw fl-Unjoni. It-test tal-Arranġament huwa anness ma’ dan ir-Regolament.”

    Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    4.2.Bażi ġuridika sostantiva

    4.2.1.Prinċipji

    Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed d-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni.

    4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

    L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni. Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 TFUE.

    4.3.Konklużjoni

    Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9).

    5.Pubblikazzjoni tal-att previst

    Peress li l-att tal-Parteċipanti se jemenda s-CCSU, huwa xieraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

    2022/0276 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati biex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Enerġija Rinnovabbli, il-Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima u l-Proġetti tal-Adattament u tal-Ilma

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Il-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Enerġija Rinnovabbli, il-Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima u l-Adattament u l-Proġetti tal-Ilma (“il-Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima”), li huwa parti mill-Arranġament dwar il-Krediti ta’ Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (l-“Arranġament”) u li jifforma l-Anness IV tal-Arranġament, ġie traspost, u għalhekk sar legalment vinkolanti fl-Unjoni Ewropea permezz tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE 4 .

    (2)Il-parteċipanti fl-Arranġament (il-“Parteċipanti”) għandhom jiddeċiedu dwar l-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima biex jinkludi l-esportazzjonijiet mis-setturi tal-industrija li bħalissa mhumiex koperti mit-termini tiegħu.

    (3)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, minħabba li d-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-Parteċipanti fl-Arranġament biex jiġi emendat il-Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima se jkollha effetti legali fl-Unjoni.

    (4)L-emenda proposta tal-Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima tippermetti li l-esportazzjonijiet li jissodisfaw il-kriterji applikabbli minn firxa usa’ ta’ setturi tal-industrija jibbenefikaw mit-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fih. Dan imbagħad jippermetti lill-aġenziji tal-kreditu għall-esportazzjoni mill-Unjoni Ewropea u Parteċipanti oħra jkollhom rwol akbar fl-appoġġ tat-tranżizzjoni ekoloġika u jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. Il-kopertura usa’ tal-Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima tagħti spinta lin-negozji tal-UE f’setturi orjentati lejn il-futur b’potenzjal qawwi li jippromwovu t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Unjoni.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward tal-adozzjoni mill-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (l-“Arranġament”) ta’ deċiżjoni biex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Enerġija Rinnovabbli, il-Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima u l-Adattament u l-Proġetti tal-Ilma li jinsabu fl-Anness 4 tal-Arranġament għandha tkun ibbażata fuq l-Anness ta’ din id-deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Fejn isiru proposti ġodda dwar is-suġġett fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni waqt, jew qabel, laqgħa tal-Parteċipanti, li dwarha għad m’hemmx pożizzjoni tal-Unjoni, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi speċifikata permezz ta’ koordinazzjoni tal-Unjoni qabel ma l-Parteċipanti jintalbu jadottaw l-emenda tal-Arranġament. F’każijiet bħal dawn, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tkun konformi mal-politiki u l-leġiżlazzjoni eżistenti.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    Kif definit fl-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tal-OECD.
    (2)    Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 45).
    (3)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, il-Ġermanja vs il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
    (4)    Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 45).
    Top

    Brussell, 15.9.2022

    COM(2022) 455 final

    ANNESS

    ta'

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

    li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati biex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Enerġija Rinnovabbli, il-Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima u l-Adattament u l-Proġetti tal-Ilma




    ANNESS

    PROPOSTA

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea hija li tappoġġa l-bidliet proposti fil-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Enerġija Rinnovabbli, il-Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima u l-Adattament u l-Proġetti tal-Ilma stabbiliti f’dan l-Anness.

    Dan jinvolvi bidliet fid-dispożizzjonijiet eżistenti. L-Artikoli stabbiliti hawn taħt jissostitwixxu d-dispożizzjonijiet attwali fl-Arranġament, li jirriżultaw fit-tħassir sħiħ tagħhom tal-Artikoli 2 u 4 attwali, u t-tħassir tal-Appendiċijiet I u II preżenti u s-sostituzzjoni tagħhom bl-Appendiċi I rivedut, inkluż hawn taħt.

    ANNESS IV: FTEHIM SETTORJALI DWAR IL-KREDITI GĦALL-ESPORTAZZJONI GĦAL ENERĠIJA RINNOVABBLI, IL-MITIGAZZJONI U L-ADATTAMENT GĦAT-TIBDIL FIL-KLIMA, U PROĠETTI TAL-ILMA

    L-iskop ta’ dan il-Ftehim Settorjali huwa li jipprovdi termini u kundizzjonijiet finanzjarji adegwati għal proġetti f’setturi partikolari identifkati, inkluż f’inizjattivi internazzjonali li jikkontribwixxu b’mod notevoli għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, inkluża l-enerġija rinnovabbli, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass serra (greenhouse gas, GHG) u proġetti b’effiċjenza enerġetika għolja, l-adattament għat-tibdil fil-klima, kif ukoll il-proġetti tal-ilma. Il-parteċipanti f’dan il-Ftehim Settorjali jaqblu li t-termini u l-kundizzjonijiet finanzjarji tal-Ftehim Settorjali, li jikkomplimenta l-Arranġament, għandhom jiġu implimentati b’tali mod li jkun konsistenti mal-Iskop tal-Arranġament.

    KAPITOLU I: KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAL-FTEHIM SETTORJALI

    1.KAMP TA’ APPLIKAZZJONI GĦAS-SETTURI TAL-MITIGAZZJONI TAT-TIBDIL FIL-KLIMA ELIĠIBBLI GĦALL-APPENDIĊI I

    a.Dan il-Ftehim Settorjali jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet finanzjarji li japplikaw għal krediti għall-esportazzjoni appoġġati b’mod uffiċjali marbutin ma’ kuntratti f’settur elenkat fl-Appendiċi I ta’ dan il-Ftehim Settorjali.

    b.It-tali kuntratti għandhom ikunu relatati mal-esportazzjoni ta’ proġetti sħaħ jew partijiet minnhom, u dan jinvolvi l-komponenti, l-apparat, il-materjali u s-servizzi kollha (inkluż it-taħriġ ta’ persunal) meħtieġa b’mod dirett għall-bini u l-attivazzjoni ta’ proġett identifikabbli, dment li:

    1.Il-proġett jirriżulta f’emissjonijiet tal-karbonju baxxi jew żero, jew ekwivalenti ta’ CO2, u/jew f’effiċjenza enerġetika għolja; 

    2.Il-proġett jenħtieġ li jitfassal biex, bħala minimu, jilħaq l-istandards tal-prestazzjoni kif stabbiliti fl-Appendiċi I; kif ukoll

    3.Il-patti u l-kundizzjonijiet ipprovduti għandhom jiġu estiżi biss biex jiġu indirizzati żvantaġġi finanzjarji speċifiċi li jiltaqa’ magħhom proġett, u għandhom ikunu bbażati fuq il-ħtiġijiet finanzjarji individwali u l-kundizzjonijiet speċifiċi tas-suq ta’ kull proġett.

    c.Għal kuntratti fis-setturi eliġibbli elenkati fl-Appendiċi I, il-Klassi tal-Proġetti 1, dan il-Ftehim Settorjali jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet finanzjarji li japplikaw għal krediti għall-esportazzjoni appoġġati b’mod uffiċjali relatati ma’ kuntratti fis-setturi eliġibbli elenkati fl-Appendiċi I, il-Klassi tal-Proġetti 1 ta’ dan il-Ftehim Settorjali għal:

    1.L-esportazzjoni ta’ impjanti kompluti tal-enerġija rinnovabbli jew partijiet minnhom, li jinkludu l-komponenti, it-tagħmir, il-materjali u s-servizzi kollha (inkluż it-taħriġ tal-persunal) meħtieġa direttament għall-kostruzzjoni u l-ikkummissjonar ta’ tali impjanti.

    2.Il-modernizzazzjoni ta’ impjanti eżistenti ta’ enerġija rinnovabbli f’każijiet fejn il-ħajja ekonomika tal-impjant x’aktarx li tiġi estiża b’mill-inqas il-perjodu ta’ ħlas lura li għandu jingħata. Jekk ma jkunx issodisfat dan il-kriterju, japplikaw it-termini tal-Arranġament.

    d.Dan il-Ftehim Settorjali ma japplikax għal oġġetti li jinstabu barra l-konfini tas-sit tal-impjant tal-enerġija li għalih ix-xerrej huwa ġeneralment responsabbli, b’mod partikolari, il-provvista tal-ilma mhux direttament marbuta mal-impjant tal-produzzjoni tal-enerġija, l-ispejjeż assoċjati mal-iżvilupp tal-art, toroq, il-bini ta’ villaġġi, linji tal-enerġija u ċentru fejn jinġemgħu l-ferroviji tal-merkanzija, kif ukoll spejjeż li ġejjin mill-pajjiż tax-xerrej minn proċeduri uffiċjali ta’ approvazzjoni (eż. permessi tas-sit, permess għall-bini), ħlief:

    1.F’każijiet fejn ix-xerrej taċ-ċentru fejn jinġemgħu l-ferroviji tal-merkanzija ikun l-istess bħax-xerrej tal-impjant tal-enerġija u l-kuntratt jiġi konkluż fir-rigward taċ-ċentru fejn jinġemgħu l-ferroviji tal-merkanzija oriġinali għal dak l-impjant tal-enerġija, it-termini u l-kundizzjonijiet għaċ-ċentru fejn jinġemgħu l-ferroviji tal-merkanzija oriġinali ma għandhomx jaqbżu dawk għall-impjant tal-enerġija rinnovabbli; kif ukoll

    2.It-termini u l-kundizzjonijiet għas-substazzjonijiet, t-trasformaturi u l-linji ta’ trażmissjoni b’limitu ta’ vultaġġ minimu ta’ 60 kV li jinsabu ’il barra mill-konfini tas-sit tal-impjant tal-enerġija rinnovabbli ma għandhomx ikunu aktar ġenerużi minn dawk għall-impjant tal-enerġija rinnovabbli.

    […]

    KAPITOLU II: DISPOŻIZZJONIJIET GĦALL-KREDITI GĦALL-ESPORTAZZJONI

    4.IT-TERMINI MASSIMI TA’ RIPAGAMENT

    Għall-krediti għall-esportazzjoni appoġġati b’mod uffiċjali relatati ma’ kuntratti fis-setturi elenkati fl-Appendiċi I, it-terminu massimu ta’ ripagament huwa ta’ 25 sena.

    […]

    KAPITOLU III: PROĊEDURI

    5.NOTIFIKA MINN QABEL

    a.Parteċipant li biħsiebu jipprovdi appoġġ skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim Settorjali, għandu jagħti notifika minn qabel mill-inqas għaxart ijiem kalendarji qabel ma joħroġ kwalunkwe impenn, skont l-Artikolu 45 tal-Arranġament.

    b.Tali notifiki għandhom jinkludu deskrizzjoni aktar dettaljata tal-proġett sabiex juru kif il-proġett jikkonforma mal-kriterji għall-appoġġ, kif stabbilit fl-Artikolu 1 jew 2 ta’ dan il-Ftehim Settorjali.

    c.Għal proġetti appoġġati f’konformità mal-Appendiċi II ta’ dan il-Ftehim Settorjali, tali notifika għandha tinkludi informazzjoni dwar l-istandards tekniċi jew ta’ prestazzjoni li qed jiġu applikati, kif ukoll it-tnaqqis mistenni fl-emissjonijiet.

    d.Għal proġetti appoġġati f’konformità mal-Appendiċi II ta’ dan il-Ftehim Settorjali, tali notifika għandha tinkludi l-eżitu ta’ kwalunkwe rieżami minn parti terza indipendenti.

    KAPITOLU IV MONITORAĠĠ U RIEŻAMI

    6.XOGĦOL FUTUR

    Il-Parteċipanti jaqblu li jeżaminaw il-kwistjonijiet li ġejjin:

    a.Primjums tar-riskju aġġustati skont it-terminu.

    b.Kundizzjonijiet għal impjanti tal-enerġija mill-fjuwils fossili b’emissjonijiet baxxi/effiċjenza tal-enerġija għolja inkluża d-definizzjoni tat-tlestija għas-CCS.

    c.Bini mingħajr konsum nett ta’ enerġija.

    d.Proġetti taċ-ċelluli tal-fjuwil.

    e.Standard ta’ emissjonijiet

    f.Kontabbiltà u rappurtar tal-emissjonijiet

    g.Trasport fuq l-ilma b’emissjonijiet baxxi

    7.MONITORAĠĠ U RIEŻAMI

    a.Is-Segretarjat għandu jirrapporta b’mod annwali dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim Settorjali. Dan ir-rapport se jiddokumenta l-eżiti ta’ kwalunkwe proċedura ta’ diskussjoni skont l-Artikolu 45 tal-Arranġament. Dan se jinkludi sommarju għar-rilaxx pubbliku.

    b.Il-parteċipanti għandhom jirrieżaminaw regolarment il-kamp ta’ applikazzjoni u dispożizzjonijiet oħra ta’ dan il-Ftehim Settorjali. Għal aktar ċertezza, se jsir rieżami sa tmiem l-2028 jew wara li jkunu saru 50 tranżazzjoni tas-CCSU, skont liema jseħħ l-ewwel. Dan ir-rieżami se jkun ibbażat fuq l-ammont ta’ esperjenza żviluppata mill-proċess ta’ notifika kif ukoll fuq valutazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq għal teknoloġiji relatati mal-klima.

    APPENDIĊI I: KRITERJI TA’ ELIĠIBBILTÀ GĦAL PROĠETTI DWAR IL-MITIGAZZJONI TAT-TIBDIL FIL-KLIMA

    Klassi u Tip ta’ Proġett

    Definizzjoni

    Raġuni

    Standards

    Termini speċifiċi

    Il-KLASSI TAL-PROĠETTI A: Produzzjoni tal-elettriku ambjentalment sostenibbli

    [Jinkludi l-kontenut eżatt tal-Artikolu 1 u l-Appendiċi I attwali, kif ukoll il-produzzjoni tal-elettriku mill-idroġenu.]

    TIP 1: Proġetti tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika fi proġetti tal-enerġija rinnovabbli

    Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 u l-Appendiċi I attwali. Mhux qed nipprevedu li dan jista’ jinvolvi li wieħed sempliċiment jikkopja u jippejstja l-Appendiċi I fil-kaxxa “Definizzjoni”, peress li d-definizzjoni effettiva ta’ proġetti eliġibbli tinsab fl-Artikolu 1, iżda fis-sustanza, aħna nipproponu li hawnhekk nirriflettu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 u l-Appendiċi I attwali, mingħajr ebda bidla fis-sustanza (jiġifieri l-ebda standard, mhux applikabbli) u l-aġġustamenti tat-test meħtieġa ta’ natura formali.

    TIP 2: Il-produzzjoni tal-elettriku minn fjuwils gassużi u likwidi ta’ oriġini rinnovabbli, inkluż l-idroġenu nadif

    Il-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-elettriku li jipproduċu l-elettriku bl-użu ta’ fjuwils gassużi u likwidi ta’ oriġini rinnovabbli, inkluż l-idroġenu nadif.

    Produzzjoni tal-elettriku b’emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet serra.

    L-emissjonijiet ta’ GHG tul iċ-ċiklu tal-ħajja mill-ġenerazzjoni tal-elettriku huma inqas minn 100gCO2e/kWh. L-emissjonijiet ta’ GHG tul iċ-ċiklu tal-ħajja jenħtieġ li jiġu kkalkulati abbażi ta’ data speċifika għall-proġett, bl-użu tal-ISO 14067:2018 jew ISO 14064-1:2018, u vverifikati minn parti terza.

    Jew fil-kostruzzjoni, jiġi installat tagħmir tal-kejl għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet fiżiċi, bħat-tnixxija tal-metan jew jiġi introdott programm ta’ detezzjoni u tiswija tat-tnixxijiet; matul il-ħidma, jiġi rrapportat il-kejl fiżiku tal-emissjonijiet tal-metan u t-tnixxija tiġi eliminata.

    25 sena. [Għad irid jiġi diskuss]

    IL-KLASSI TAL-PROĠETTI B: Proġetti ta’ rimedju f’impjanti tal-fjuwils fossili, sostituzzjoni tal-fjuwils fossili

    [Il-kontenut eżatt tal-Appendiċi II, il-klassi tal-proġetti A, it-tip 1, u l-klassi tal-proġetti B. Aħna nosservaw li n-numerazzjoni mill-ġdid tal-klassi tal-proġetti A, tat-tip 1, jenħtieġ li tiġi riflessa fl-Artikolu 6c tal-Arranġament.]

    Ikkopja u ppejstja l-kontenut attwali tal-Appendiċi II, il-klassi tal-proġetti A, it-tip 1, u l-klassi tal-proġetti B.

    Spjegazzjonijiet: Nissuġġerixxu li l-klassi tal-proġetti A tinqasam fi tnejn, biex ikun hemm distinzjoni ċara bejn il-proġetti tas-CCUS bħala tali (li jista’ jkollhom ħafna applikazzjonijiet, mhux biss fis-settur tal-enerġija, iżda wkoll fil-manifattura, u li aħna mexxejna għall-klassi tal-proġetti D il-ġdida) u proġetti ffukati fuq il-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-fjuwils fossili (li aħna nissuġġerixxu li kollha jinġabru flimkien fil-klassi tal-proġetti B il-ġdida). Preċedentement, l-UE indikat il-ħtieġa li jiġu aġġornati l-istandards attwali f’din it-taqsima, iżda għalissa nistgħu naqblu li dan jiġi indirizzat fi stadju aktar tard tad-diskussjonijiet.

    IL-KLASSI TAL-PROĠETTI C: Effiċjenza enerġetika

    [Kontenut eżatt tal-Appendiċi II, il-klassi tal-proġetti C.]

    Ikkopja u ppejstja l-kontenut attwali tal-Appendiċi II, il-klassi tal-proġetti C.

    IL-KLASSI TAL-PROĠETTI D: Il-ġbir, l-użu u l-ħżin tas-CO2

    [Kamp ta’ applikazzjoni tal-Appendiċi II attwali, il-klassi tal-proġetti A, tip 2. Hawnhekk qed nipproponu standards aġġornati, biex jirriflettu l-fatt li s-CCUS hija teknoloġija ewlenija biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’ħafna applikazzjonijiet industrijali u l-istandards jenħtieġ li ma jkunux ffukati fuq ir-rata ta’ qbid iżda fuq l-effettività tal-qbid, li jfisser li l-proġetti tas-CCUS jenħtieġ li jkunu eliġibbli għal inċentivi anke jekk ir-rata ta’ qbid tkun baxxa. Ir-raġunament għall-istandards il-ġodda proposti huwa li t-tnixxija tas-CO2 tista’ ddgħajjef il-valur tas-CCUS bħala għażla ta’ mitigazzjoni. Għalhekk il-monitoraġġ jenħtieġ li jitħeġġeġ permezz ta’ dispożizzjonijiet ta’ politika.]

    TIP 1: Proġetti tas-CCUS (Qbid u Ħżin tal-Karbonju) bħala tali

    Il-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ faċilitajiet li jipprovdu l-Użu u/jew il-Ħżin tal-Qbid tal-Karbonju, inkluż attivitajiet relatati direttament mat-trasport u l-infrastruttura essenzjali għall-operazzjoni, bħal vetturi u vapuri.

    Ikkopja u ppejstja l-kontenut attwali f’Appendiċi II, il-klassi tal-proġetti A, tip 2.

    Is-CO2 trasportat mill-installazzjoni fejn jinqabad lejn il-punt ta’ injezzjoni ma jwassalx għal tnixxijiet ta’ CO2 ogħla minn 0,5 % mill-massa tas-CO2 trasportat.

    Fejn ikunu involuti t-trasport u/jew il-ħżin tas-CO2, ikun hemm fis-seħħ sistemi xierqa ta’ detezzjoni ta’ tnixxijiet u pjan ta’ monitoraġġ, b’rapporti regolari vverifikati mill-awtoritajiet nazzjonali jew minn parti terza indipendenti.

    Il-ħżin ġeoloġiku ta’ CO2 jikkonforma mal-ISO 27914: 2017.

    Ikkopja u ppejstja l-kontenut attwali f’Appendiċi II, il-klassi tal-proġetti A, tip 2.

    IL-KLASSI TAL-PROĠETTI E: Ħżin tal-elettriku

    TIP 1: Faċilitajiet tal-ħżin tal-elettriku

    Il-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ faċilitajiet li jaħżnu l-elettriku u jikkonvertuh f’elettriku. Dan jinkludi l-ħżin tal-enerġija idroelettrika ppumpjata.

    Il-ħżin tal-elettriku jippermetti penetrazzjoni akbar ta’ sorsi rinnovabbli u ġestjoni aħjar tad-domanda fuq il-grilja.

    Jekk l-attività tinkludi l-ħżin tal-enerġija kimika, il-mezz tal-ħżin (idroġenu jew ammonijaka) jikkonforma mal-istandards tas-CCSU għall-manifattura nadifa tal-prodott korrispondenti.

    25 sena [Għad irid jiġi diskuss]

    TIP 2: Produzzjoni u r-riċiklaġġ tal-batteriji

    Il-manifattura ta’ batteriji rikarikabbli, kif ukoll ta’ pakketti ta’ batteriji u akkumulaturi għat-trasport, għall-ħżin tal-enerġija stazzjonarja u mhux kollegata mal-grilja u għal applikazzjonijiet industrijali oħra. Dan jinkludi l-manifattura ta’ komponenti rispettivi (materjali attivi tal-batteriji, ċelluli tal-batteriji, kejsings u komponenti elettroniċi). Ir-riċiklaġġ ta’ batteriji fi tmiem ħajjithom.

    Il-batteriji huma faċilitatur importanti għall-ħżin tal-elettriku, kif ukoll għat-trasport b’livell baxx ta’ karbonju.

    L-ebda standard. Mhux applikabbli.

    25 sena. [Għad irid jiġi diskuss]

    IL-KLASSI TAL-PROĠETTI F: Trażmissjoni u distribuzzjoni ta’ elettriku b’livell baxx ta’ karbonju

    TIP 1:

    Trażmissjoni u distribuzzjoni ta’ elettriku b’livell baxx ta’ karbonju

    Il-kostruzzjoni, l-espansjoni u t-tħaddim ta’ faċilitajiet li jittrasportaw l-elettriku b’livell baxx ta’ karbonju. Dan jinkludi konnessjonijiet diretti ma’ sorsi b’livell baxx ta’ karbonju u networks sħaħ fejn il-fattur medju tal-grilja tas-sistema jissodisfa l-istandards fuq perjodu kontinwu ta’ ħames snin.

    Dan jappoġġa penetrazzjoni ogħla ta’ sorsi tal-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju.

    Sorsi tal-elettriku b’livell baxx ta’ karbonju huma definiti bħala sorsi rinnovabbli jew fejn l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-elettriku prodott ikunu taħt il-valur limitu ta’ 100 gCO2e/kWh imkejla fuq bażi taċ-ċiklu tal-ħajja.

    [Kif imsemmi qabel u fid-dokument tagħna għat-tielet pakkett dwar l-enerġija, aħna lesti niddiskutu kriterji ta’ eliġibbiltà addizzjonali.]

    25 sena. [Għad irid jiġi diskuss]

    IL-KLASSI TAL-PROĠETTI G: Il-produzzjoni tal-idroġenu nadif, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-idroġenu u l-ħżin tal-idroġenu

    TIP 1:

    Produzzjoni ta’ idroġenu nadif

    Il-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ faċilitajiet li jipproduċu l-idroġenu b’mod ambjentalment sostenibbli, u/jew ta’ tagħmir għall-produzzjoni tal-idroġenu.

    Il-produzzjoni u l-użu sostenibbli tal-idroġenu huma opportunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’ħafna setturi, speċjalment l-enerġija, il-manifattura u t-trasport.

    Il-manifattura tikkonforma mal-emissjonijiet GHG tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ inqas minn 3 kg ta’ CO2e għal kull kg ta’ H2 prodott.

    [L-istandards jenħtieġ li jiġu rieżaminati regolarment. Dan jista’ jiġi mmarkat bħala parti minn klawżola ta’ rieżami ġenerali.]

    25 sena. [Għad irid jiġi diskuss]

    TIP 2:

    Networks tat-trasport tal-idroġenu

    Il-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ networks iddedikati għat-trasport tal-idroġenu jew gassijiet oħra b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju (jiġifieri minn sors rinnovabbli jew li jaqblu mal-istandard għall-produzzjoni tal-idroġenu nadif).

    L-għoti ta’ skop ġdid lin-networks tal-gass naturali għal 100 % idroġenu u l-modifika retroattiva tan-networks tal-gass naturali li jippermettu l-integrazzjoni tal-idroġenu u gassijiet oħra b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju (jiġifieri li tiżdied it-taħlita tal-idroġenu u gassijiet oħra b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fis-sistema).

    Il-produzzjoni u l-użu sostenibbli tal-idroġenu huma opportunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’ħafna setturi, speċjalment l-enerġija, il-manifattura u t-trasport.

    L-attività tinkludi d-detezzjoni u t-tiswija ta’ tnixxijiet f’pipelines eżistenti tal-gass u f’elementi oħrajn tan-network sabiex titnaqqas it-tnixxija tal-metan.

    25 sena. [Għad irid jiġi diskuss]

    TIP 3:

    Il-ħżin tal-idroġenu

    Il-kostruzzjoni ta’ faċilitajiet għall-ħżin tal-idroġenu, il-konverżjoni ta’ faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art f’faċilitajiet tal-ħżin iddedikati għall-ħżin tal-idroġenu u t-tħaddim tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-idroġenu.

    Il-produzzjoni u l-użu sostenibbli tal-idroġenu huma opportunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’ħafna setturi, speċjalment l-enerġija, il-manifattura u t-trasport.

    Fil-każ ta’ proġetti marbuta mat-tħaddim tal-faċilitajiet, l-idroġenu maħżun fil-faċilità jenħtieġ li jissodisfa l-istandards għall-produzzjoni tal-idroġenu nadif minn dan l-Appendiċi.

    25 sena. [Għad irid jiġi diskuss]

    IL-KLASSI TAL-PROĠETTI H: Manifattura b’emissjonijiet baxxi

    TIP 1: 
    Produzzjoni tal-ammonijaka nadifa

    Manifattura b’emissjonijiet baxxi ta’ ammonijaka anidra.

    Il-promozzjoni tal-produzzjoni ta’ ammonijaka nadifa u l-użi tagħha li għandhom il-potenzjal li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-GHG f’diversi oqsma.

    L-ammonijaka tiġi prodotta minn idroġenu nadif prodott skont l-istandards definiti f’dan l-Appendiċi jew tiġi rkuprata mill-ilma mormi.

    25 sena. [Għad irid jiġi diskuss]

    TIP 2: 
    Manifattura b’emissjonijiet baxxi f’setturi li diffiċli sabiex jitrażżanu (inkluż is-siment, il-ħadid, l-azzar u l-aluminju)

    Manifattura b’emissjonijiet baxxi inkluż impjanti tal-manifattura kompluti u parti minnhom, provvisti ta’ tagħmir u infrastruttura u servizzi assoċjati direttament.

    Biex il-manifatturi jiġu inċentivati jersqu lejn prattiki sostenibbli f’setturi li diffiċli sabiex jitrażżanu.

    L-UE tipproponi li l-attivitajiet li ġejjin ikunu eliġibbli abbażi ta’ valur ta’ referenza għall-ogħla livell li jnaqqas l-emissjonijiet tal-installazzjonijiet tal-manifattura 1 :

    Għas-siment:

    a) Klinker tas-siment griż fejn l-emissjonijiet speċifiċi ta’ GHG ikunu inqas minn 0,722 tCO2e għal kull tunnellata ta’ klinker tas-siment griż;

    b) Siment minn klinker griż jew legant idrawliku alternattiv, fejn l-emissjonijiet speċifiċi ta’ GHG mill-klinker u mis-siment jew minn produzzjoni ta’ legant alternattiv ikunu inqas minn 0,469 tCO2e għal kull tunnellata ta’ siment jew ta’ legant alternattiv manifatturat.

    Għall-ħadid u l-azzar:

    a) Ħadid u l-azzar fejn l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, imnaqqsa bl-ammont ta’ emissjonijiet assenjati għall-produzzjoni ta’ gassijiet ta’ skart ma jaqbżux il-valuri li ġejjin applikati għall-istadji differenti tal-proċess ta’ manifattura:

    a.metall jaħraq = 1,331 tCO2e/t prodott;

    b.minerali sinterizzati = 0,163 tCO2e/t prodott;

    c.kokk (minbarra kokk tal-linjite) = 0,144 tCO2e/t prodott;

    d.ħadid fondut = 0,299 tCO2e/t prodott;

    e.azzar illigat ħafna ta’ forn bl-ark elettriku (electric Arc Furnace EAF) = 0,266 tCO2e/t prodott;

    f.azzar bil-karbonju ta’ Forn bl-Ark Elettriku (EAF) = 0,209 tCO2e/t prodott.

    b) Azzar fi fran b’ark elettriku (electric arc furnaces, EAFs) li jipproduċu azzar bil-karbonju EAF jew azzar b’liga għolja EAF, u fejn id-dħul tar-ruttam tal-azzar relattiv għall-produzzjoni tal-prodott ma jkunx inqas minn 70 % għall-produzzjoni tal-azzar illigat ħafna u 90 % għall-produzzjoni tal-azzar bil-karbonju. 

    Għall-aluminju:

    a) Aluminju primarju fejn l-attività ekonomika tikkonforma mal-kriterji li ġejjin:

    a.L-emissjonijiet ta’ GHG li ma jaqbżux l-1,484 tCO2 għal kull tunnellata ta’ aluminju manifatturata.

    b.L-intensità medja tal-karbonju għall-emissjonijiet indiretti tal-gassijiet serra ma taqbiżx il-100 g CO2e/kWh. c. Il-konsum tal-elettriku għall-proċess tal-manifattura ma jaqbiżx il-15,5 MWh/t Al.

    b) L-aluminju sekondarju.

    [L-istandards jenħtieġ li jiġu rieżaminati regolarment. Dan jista’ jiġi mmarkat bħala parti minn klawżola ta’ rieżami ġenerali.]

    25 sena. [Għad irid jiġi diskuss]

    IL-KLASSI TAL-PROĠETTI I: Trasport b’emissjonijiet żero u baxxi

    TIP 1:

    Trasport b’emissjonijiet żero u infrastruttura abilitanti

    Flotot b’emissjonijiet diretti żero inklużi vetturi għat-trasport bit-triq, bil-ferrovija u fuq l-ilma u infrastruttura assoċjata 2 essenzjali għat-tħaddim ta’ tali vetturi.

    It-tranżizzjoni lejn flotot b’emissjonijiet diretti żero u baxxi mill-pajp tal-egżost hija kruċjali biex tinkiseb il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

    L-emissjonijiet diretti tas-CO2 mill-pajp tal-egżost min-naħa tal-assi mobbli huma żero.

    Fil-każ tat-trasport tal-merkanzija biss, il-vetturi, il-ferroviji, il-vaguni jew il-bastimenti mhumiex iddedikati għat-trasport tal-fjuwils fossili u l-infrastruttura mhijiex iddedikata għat-trasport jew għall-ħżin tal-fjuwils fossili.

    25 sena. [Għad irid jiġi diskuss]

    TIP 2:

    Trasport fuq l-ilma b’emissjonijiet baxxi

    Bastimenti tal-ilma b’emissjonijiet baxxi.

    It-tranżizzjoni lejn flotot b’emissjonijiet diretti żero u baxxi mill-pajp tal-egżost hija kruċjali biex tinkiseb il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

    Għal trasport ta’ passiġġieri fuq l-ilma intern Il-bastimenti ibridi u li jużaw żewġ tipi ta’ fjuwil jiksbu mill-inqas 50 % tal-enerġija tagħhom minn fjuwils tal-emissjonijiet tas-CO2 diretti żero (mill-pajp tal-egżost) jew mill-provvista tal-elettriku plug-in għat-tħaddim normali tagħhom.

    Għat-trasport intern tal-merkanzija: Il-bastimenti għandhom emissjonijiet diretti (mill-pajp tal-egżost) ta’ CO2 għal kull tunnellata-kilometru, ikkalkulati (jew stmati fil-każ ta’ bastimenti ġodda) bl-użu tal-Indiċi Operattiv tal-Effiċjenza Enerġetika (Energy Efficiency Operational Indicator, EEOI) żviluppat mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (International Maritime Organisation, IMO), li huma ta’ 50 % inqas mill-valur ta’ referenza medju għall-emissjonijiet ta’ CO2 għal vetturi heavy-duty abbażi ta’ standard internazzjonali jew kwalunkwe standard rikonoxxut ieħor.

    Għat-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bil-baħar u kostali, kif ukoll bastimenti għal operazzjonijiet portwarji, attivitajiet awżiljarji u operazzjonijiet speċjalizzati: Il-bastimenti ibridi u li jużaw żewġ tipi ta’ fjuwil jiksbu mill-inqas 25 % tal-enerġija tagħhom minn fjuwils b’emissjonijiet diretti tas-CO2 żero (mill-pajp tal-egżost) jew provvista tal-elettriku plug-in għat-tħaddim normali tagħhom fil-baħar u fil-portijiet. Alternattivament, il-bastimenti jkunu kisbu valur tal-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika tad-Disinn (Energy Efficiency Design Index, EEDI) tal-IMO ta’ 10 % inqas mir-rekwiżiti tal-EEDI applikabbli jekk il-bastimenti jkunu jistgħu jaħdmu bi fjuwils b’emissjonijiet diretti ta’ CO2 żero (mill-pajp tal-egżost) jew bi fjuwils minn sorsi rinnovabbli.

    Il-possibbiltà ta’ bidla modali mit-triq għall-ilma: Jekk il-bastimenti jintużaw esklussivament għat-tħaddim ta’ servizzi kostali u fuq distanzi qosra mfassla biex jippermettu bidla modali tal-merkanzija attwalment ittrasportata mill-art għall-baħar, huwa biżżejjed li l-bastimenti jkollhom emissjonijiet diretti ta’ CO2 (mill-pajp tal-egżost), ikkalkulati bl-użu tal-EEDI tal-IMO, ta’ 50 % inqas mill-valur medju ta’ referenza tal-emissjonijiet tas-CO2 għal vetturi heavy-duty abbażi ta’ standard internazzjonali jew kwalunkwe standard rikonoxxut ieħor.

    [Aħna nipproponu li dan it-tip ta’ proġett jiġi rivedut fl-2025. Dan jista’ jiġi mmarkat bħala parti minn klawżola ta’ rieżami ġenerali.]

    25 sena. [Għad irid jiġi diskuss]

    TIP 3:

    Modifika retroattiva u titjib għat-trasport fuq l-ilma

    Modifika retroattiva u titjib tal-bastimenti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet.

    It-tranżizzjoni lejn flotot b’emissjonijiet diretti żero u baxxi mill-pajp tal-egżost hija kruċjali biex tinkiseb il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

    Il-konsum tal-fjuwil tal-bastiment jitnaqqas b’mill-inqas 10 % espress f’litru ta’ fjuwil għal kull tunnellata-kilometru u dan jintwera b’mod ċar permezz ta’ kalkolu komparattiv. Il-bastimenti mmodifikati b’mod retroattiv mhumiex iddedikati għat-trasport tal-fjuwils fossili.

    [Nipproponu li dan it-tip ta’ proġett jiġi rivedut fl-2025. Dan jista’ jiġi mmarkat bħala parti minn klawżola ta’ rieżami ġenerali.]

    25 sena. [Għad irid jiġi diskuss]

    TIP 4:

    Infrastruttura tal-ajruporti b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju

    Il-kostruzzjoni, il-modernizzazzjoni, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta’ infrastruttura tal-ajruport b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, jiġifieri ddedikata għall-operat ta’ inġenji tal-ajru b’emissjonijiet ta’ CO2 żero mill-egżost, għall-forniment ta’ enerġija elettrika fissa fuq l-art u ta’ arja prekundizzjonata lil inġenji tal-ajru stazzjonarji jew għall-prestazzjoni ta’ emissjonijiet diretti żero tal-operazzjonijiet tal-ajruport stess.

    It-tranżizzjoni lejn flotot b’emissjonijiet diretti żero u baxxi mill-egżost hija kruċjali biex tinkiseb il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

    L-ebda standard. Mhux applikabbli.

    25 sena. [Għad irid jiġi diskuss]

    (1)    Il-valuri ta’ referenza huma bbażati fuq il-parametru referenzjarju tal-Iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-Emissjonijiet (Emissions Trading Scheme, ETS), fejn il-valuri ta’ referenza dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-manifattura ta’ prodott partikolari huma derivati mill-intensitajiet medji tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’10 % mill-aktar installazzjonijiet effiċjenti madwar l-UE.
    (2)    Dan jinkludi: Għat-toroq: il-kostruzzjoni, il-modernizzazzjoni, il-manutenzjoni u t-tħaddim tal-installazzjonijiet tal-iċċarġjar elettriku u tar-riforniment tal-idroġenu. Għall-ferrovija: assi tal-infrastruttura tat-trasport fuq il-binarji kif speċifikati fl-RSU, kif ukoll infrastruttura elettrifikata maġenb il-binarji u subsistemi assoċjati, l-elettrifikazzjoni tal-infrastruttura eżistenti u l-installazzjonijiet iddedikati biex jaqilbu minn modi oħra ta’ trasport għal ferroviji b’emissjonijiet diretti żero. Għall-ilma: l-iċċarġjar elettriku u r-riforniment tal-fjuwil abbażi tal-idroġenu, l-infrastruttura ddedikata għall-forniment tal-enerġija elettrika mill-art lill-bastimenti rmiġġati, għall-prestazzjoni tal-operazzjonijiet proprji tal-port b’emissjonijiet diretti żero u għall-installazzjonijiet għall-qlib minn modalità oħra għal bastimenti b’emissjonijiet diretti żero.
    Top