IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.7.2022
COM(2022) 342 final
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għal ftehim internazzjonali dwar it-tniġġis mill-plastik
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52022PC0342
Recommendation for a COUNCIL DECISION authorising the opening of negotiations on behalf of the European Union for an international agreement on plastic pollution
Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għal ftehim internazzjonali dwar it-tniġġis mill-plastik
Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għal ftehim internazzjonali dwar it-tniġġis mill-plastik
COM/2022/342 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.7.2022
COM(2022) 342 final
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għal ftehim internazzjonali dwar it-tniġġis mill-plastik
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Ir-Riżoluzzjoni 5/14 “Daqshekk tniġġis mill-plastik: Lejn strument internazzjonali legalment vinkolanti” 1 , adottata mill-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEA) f’Marzu 2022, tistabbilixxi mandat għal negozjati minn Kumitat Intergovernattiv tan-Negozjar (INC) ta’ strument internazzjonali legalment vinkolanti dwar it-tniġġis mill-plastik, inkluż fl-ambjent tal-baħar. L-INC huwa mistenni li jikkonkludi l-ħidma tiegħu sal-aħħar tal-2024, bl-ewwel laqgħa ssir fl-2022. L-UNEA tista’ testendi ż-żmien għal dan il-mandat, jekk ikun meħtieġ.
Ir-Riżoluzzjoni 5/14 ġiet adottata wara serje ta’ riżoluzzjonijiet tal-UNEA mill-2014, bl-UNEA3 tirrappreżenta pass importanti ewlieni fejn Stati Membri tan-NU appoġġaw għadd ta’ azzjonijiet biex jeliminaw ir-rilaxx tal-iskart tal-plastik u l-mikroplastiks fl-oċean u l-istabbiliment ta’ grupp ta’ esperti ad hoc miftuħ dwar l-iskart tal-baħar u l-mikroplastiks (AHEG) biex jesplora l-ostakli għall-ġlieda kontra l-iskart tal-baħar u l-mikroplastiks. L-AHEG ikkonkluda l-ħidma tiegħu fl-2020. Identifika għadd ta’ għażliet ta’ reazzjoni għall-kriżi globali tat-tniġġis mill-plastik, inkluż ftehim globali dwar il-plastik, appoġġat mill-maġġoranza tal-parteċipanti tal-grupp ta’ esperti, li jirrappreżenta kważi lir-reġjuni kollha. F’Ottubru 2021, ġie ppubblikat ir-rapport tan-NU “From Pollution to Solution: a Global Assessment of Marine Litter and Plastic Pollution” 2 sabiex jinforma lill-UNEA 5.2 dwar il-firxa u l-aspetti tal-iskart fil-baħar u t-tniġġis mill-plastik fil-livell globali.
Wara laqgħa ospitata mill-Kummissjoni Ewropea fl-2020 fejn ġew espressi fehmiet simili, il-Peru u r-Rwanda ħejjew riżoluzzjoni bl-objettiv li jniedu negozjati għal ftehim internazzjonali ġdid dwar it-tniġġis mill-plastik fl-UNEA5. Diversi avvenimenti internazzjonali, fosthom Konferenza Ministerjali dwar l-Iskart fil-Baħar u t-Tniġġis mill-Plastik ospitata mill-Ġermanja, l-Ekwador, il-Vjetnam u l-Ghana fl-2021, ikkontribwew għall-bini tal-momentum għar-riżoluzzjoni u fl-aħħar mill-aħħar irriżultaw fl-adozzjoni finali tar-riżoluzzjoni b’kunsens.
L-objettiv ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tiżgura pożizzjoni ta’ negozjar konsistenti u effiċjenti tal-Unjoni Ewropea (UE) fis-sessjonijiet tal-INC, bil-għan li jiġi nnegozjat u konkluż strument internazzjonali legalment vinkolanti dwar it-tniġġis mill-plastik.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
It-tnedija ta’ negozjati għal ftehim internazzjonali dwar il-plastik hija kisba ewlenija tal-Patt Ekoloġiku u tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari. 3 tal-Unjoni Ewropea u hija marbuta ma’ għadd sinifikanti ta’ politiki u leġiżlazzjoni tal-UE inkluż dwar il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar u l-kosta, b’mod partikolari d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MSFD) 4 . L-iżgurar ta’ ftehim internazzjonali dwar il-plastik li jindirizza t-tniġġis mill-plastik fis-sors tiegħu minflok ma jinvolvi soluzzjonijiet għaljin u mhux kompletament effettivi fi tmiem il-katina kien għalhekk prijorità ambjentali ewlenija tal-Unjoni għal azzjoni globali matul dawn l-aħħar ftit snin.
Din irriżultat minn inizjattivi ta’ politika u leġiżlazzjoni tal-Unjoni ddedikati u progressivi dwar il-plastik f’dawn l-aħħar snin 5 . Fl-2018, Strateġija dwar il-Plastik 6 , li tifforma parti mill-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari 7 , stabbiliet pjan direzzjonali għall-protezzjoni tal-ambjent tagħna u t-tnaqqis tal-iskart fil-baħar, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u d-dipendenza tagħna fuq il-fjuwils fossili importati. 8 Azzjoni konkreta dwar il-plastik tinkludi l-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent 9 , il-plastik li jintuża darba 10 , ir-rwol tal-plastik fl-ekonomija ċirkolari 11 , ir-rekwiżiti tal-ekodisinn u t-tikkettar 12 , il-plastik u l-iskart mill-imballaġġ 13 u l-inizjattivi futuri dwar il-mikroplastiks miżjudin intenzjonalment u rilaxxati mhux intenzjonalment 14 . L-Istrateġija analizzat ukoll il-potenzjal għall-isfruttament tal-azzjoni globali, filwaqt li identifikat il-ħtieġa (inter alia) li jiġu żviluppati standards internazzjonali biex tingħata spinta lill-fiduċja tal-industrija fil-kwalità tal-plastik riċiklabbli jew riċiklat. Fir-rigward tal-vjeġġi tal-iskart, hija nnotat l-importanza li jiġi żgurat li kwalunkwe plastik mibgħut f’pajjiżi oħra għar-riċiklaġġ jiġi ttrattat u pproċessat f’kundizzjonijiet simili għal dawk applikabbli fl-UE, b’appoġġ għall-azzjoni dwar il-ġestjoni tal-iskart skont il-Konvenzjoni ta’ Basel, u pproponiet l-iżvilupp ta’ skema ta’ ċertifikazzjoni tal-UE għall-impjanti tar-riċiklaġġ. Talbet sforz globali mill-industrija biex jiġi promoss l-użu mifrux tal-plastik riċiklabbli u riċiklat.
Fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari, il-Kummissjoni se tipproponi wkoll rekwiżiti obbligatorji għall-kontenut riċiklat u miżuri għat-tnaqqis tal-iskart għal prodotti ewlenin bħall-imballaġġ, il-materjali tal-kostruzzjoni u l-vetturi.
Skont l-MSFD imsemmija hawn fuq, f’Settembru 2020 15 l-UE u l-Istati Membri tagħha qablu li ma għandux ikun hemm aktar minn 20 oġġett ta’ skart għal kull 100 metru ta’ kosta, u dan iqiegħed lill-UE f’pożizzjoni ewlenija biex tissodisfa l-SDG 14.1, li jeħtieġ li “Sal-2025, jiġi evitat u jitnaqqas b’mod sinifikanti t-tniġġis tal-baħar (…) inkluż il-materjal skartat fil-baħar (…)”. L-attivitajiet ta’ appoġġ li jirfdu l-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MSFD) tal-UE, imwettqa f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Konvenzjonijiet dwar il-Baħar Reġjonali, urew li l-armonizzazzjoni tal-monitoraġġ, l-akkwist u l-immaniġġjar tad-data fil-matriċijiet ambjentali differenti hija kruċjali biex tkun tista’ ssir il-prijoritizzazzjoni tal-isforzi u l-verifika tal-effettività tal-miżuri kontra l-iskart tal-plastik. Skont l-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni Komuni tal-MSFD, il-Grupp Tekniku dwar l-Iskart fil-Baħar 16 , f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Konvenzjonijiet dwar il-Baħar Reġjonali, qiegħed jipprovdi armonizzazzjoni teknika u qiegħed jikkollabora mal-EMODnet, billi jipprovdi pjattaforma ta’ data għad-data dwar l-iskart fil-baħar 17 .
Il-ftehim internazzjonali l-ġdid se jindirizza t-tniġġis mill-plastik, inkluż fl-ambjent tal-baħar. It-tniġġis u l-indirizzar tas-sorsi tiegħu huma wkoll prijorità ewlenija tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-aktar reċenti fl-istrateġija tal-Kummissjoni dwar Tniġġis Żero għall-arja, għall-ilma u għall-ħamrija u l-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà. Il-Pjan ta’ Azzjoni għal Tniġġis Żero adottat reċentement stabbilixxa miri ta’ tnaqqis għall-2030 (jiġifieri biex jitnaqqas l-iskart tal-plastik fil-baħar b’50 % u l-mikroplastiks rilaxxati fl-ambjent bi 30 %), biex ta spinta ulterjuri lill-effettività tal-politiki tal-UE kontra l-iskart fil-baħar u l-impatti tiegħu. Għalhekk, l-indirizzar tat-tniġġis mill-plastik fil-livell globali huwa marbut ħafna ma’ bosta politiki u leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni relatati mal-protezzjoni tal-ambjent mit-tniġġis. Dan jista’ jinkludi skart 18 , vjeġġi ta’ skart 19 , sustanzi kimiċi 20 , ilma għall-għawm 21 , u oħrajn (bħad-Direttivi Qafas dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi u tal-Ilma) 22 .
L-UE tikkontribwixxi sostanzjalment għal inizjattivi internazzjonali relatati direttament mat-tnaqqis tat-tniġġis mill-plastik, bħall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-vjeġġi transfruntiera tal-iskart, kif emendata reċentement b’kontrolli msaħħa fuq l-iskart tal-plastik, 23 u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-IMO (Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali) kontra l-iskart tal-plastik u l-mikroplastiks. Barra minn hekk, l-UE tipparteċipa b’mod attiv fl-azzjonijiet kollha kontra t-tniġġis mill-plastik fir-reġjuni tal-baħar madwar l-Ewropa (permezz ta’ appoġġ tekniku u finanzjarju għall-pjanijiet ta’ Azzjoni Reġjonali fil-Mediterran, fil-Baħar l-Iswed, fil-Baltiku u fil-Grigal tal-Atlantiku) u mas-sħab tagħha tal-G7 u tal-G20. L-UE kosponsorjat ukoll inizjattiva fid-WTO li tindirizza t-tniġġis mill-plastik u l-kummerċ sostenibbli tal-plastik.
Il-plastik u t-tniġġis tiegħu jidħlu f’ferm iktar mill-kunsiderazzjonijiet tal-politika ambjentali. It-taqsima ta’ hawn taħt tistabbilixxi r-rilevanza trasversali tiegħu għal politiki diversi fil-kompetenza tal-Unjoni.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Ir-Rakkomandazzjoni proposta hija konsistenti wkoll ma’ politiki u leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni, bħal dwar:
·is-saħħa, b’mod speċifiku dawk il-politiki u l-azzjonijiet rigward materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel 24 , il-politiki tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar u kostali,
·il-faċilitajiet tal-akkoljenza tal-portijiet 25 ,
·Tassonomija tal-Finanzi Sostenibbli tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-kriterji “la tagħmilx ħsara serja” għall-imballaġġ tal-plastik u għal prodotti oħra tal-plastik,
·L-iżvilupp futur tal-kriterji tal-Ekodisinn inkluż għall-imballaġġ u prodotti oħra tal-plastik imqiegħda fis-Suq Uniku tal-UE,
·Ir-reviżjoni proposta tar-Regolament dwar il-Vjeġġi ta’ Skart,
·Il-Konvenzjonijiet ta’ Basel u ta’ Stokkolma,
·Il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u s-sħubijiet internazzjonali,
·Ir-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali,
·Il-politika tal-Unjoni dwar il-Pollutanti Organiċi Persistenti fil-qafas tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, b’diversi addittivi tal-plastik elenkati jew proposti għall-elenkar, u
·Il-politika dwar is-sustanzi kimiċi, inklużi r-restrizzjonijiet ta’ REACH fuq il-mikroplastiks u fuq l-addittivi tal-plastik u l-Pjan Direzzjonali dwar ir-Restrizzjonijiet ippubblikat reċentement 26 , li għandu fil-mira tiegħu addittivi użati b’mod mifrux (bħar-ritardanti tal-fjammi) u l-PVC.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(3) u (4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
L-Artikolu 218(3) tat-TFUE jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Kunsill, li għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati u li taħtar in-negozjatur tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 218(4) tat-TFUE, il-Kunsill jista’ jindirizza d-direttivi lin-negozjatur u għandu jaħtar kumitat speċjali li permezz ta’ konsultazzjoni miegħu għandhom jiġu konklużi n-negozjati.
Il-ftehim għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u fuq il-prinċipji li għandha tittieħed azzjoni preventiva, li l-ħsara ambjentali jenħtieġ li bħala prijorità tkun riflessa fis-sors, u dwar il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, bil-bażi speċifika li għandha titqies fi stadju aktar tard ladarba jkun hemm disponibbli aktar informazzjoni dwar l-ambitu u l-kontenut tal-ftehim internazzjonali dwar it-tniġġis mill-plastik.
•Sussidjarjetà
Għalkemm l-ambitu eżatt tiegħu għadu ma huwiex magħruf, il-ftehim internazzjonali previst huwa maħsub biex jindirizza t-tniġġis mill-plastik permezz ta’ miżuri tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-plastik, inkluż id-disinn tal-prodott, il-produzzjoni, il-konsum, l-użu u l-ġestjoni tajba tal-iskart tal-plastik. It-taqsimiet preċedenti dwar il-qasam ta’ politika u r-rabtiet ta’ politika relatati tiegħu taħt il-mandat tal-Unjoni juru b’mod ċar ir-rwol ewlieni li l-Unjoni qdiet sa issa u l-adegwatezza tal-ġestjoni tan-negozjati għall-ftehim previst fil-livell tal-Unjoni.
Għalhekk, il-ftehim previst se jkollu impatt inevitabbli fuq l-eżerċitar tal-kompetenzi tal-Unjoni u fuq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’oqsma bħal (b’mod partikolari) l-ambjent, il-kummerċ u s-suq intern, li kollha kemm huma jistgħu jsiru rilevanti hekk kif in-negozjati dwar dispożizzjonijiet speċifiċi jkunu għaddejjin.
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u l-effett probabbli tad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-Unjoni (b’mod partikolari dawk li jkopru l-“qasam ta’ politika” elenkat taħt l-Intestatura 1) f’oqsma differenti tal-azzjoni tal-Unjoni, huwa essenzjali li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-Unjoni fin-negozjati futuri u l-ftehim internazzjonali li jirriżulta.
•Proporzjonalità
Dan se jkun l-ewwel ftehim multilaterali li jindirizza t-tniġġis mill-plastik b’approċċ olistiku li jkopri kemm il-parti upstream kif ukoll dik downstream taċ-ċiklu tal-ħajja tal-plastik. Diġà jeżistu diversi inizjattivi nazzjonali u reġjonali li jindirizzaw it-tniġġis mill-plastik, inkluż it-tniġġis mill-plastik fil-baħar, iżda dawn ma wrewx li jwieġbu biżżejjed għall-isfida globali tat-tniġġis mill-plastik. Il-Grupp ta’ Ħidma Miftuħ Ad-hoc dwar l-Iskart fil-Baħar u l-Mikroplastiks, li ġie stabbilit fit-tielet sessjoni tal-UNEA b’reazzjoni għall-UNEP/EA.3/Res.7 Skart fil-Baħar u Mikroplastiks, u li kkonkluda l-ħidma tiegħu f’Novembru 2020, identifika ftehim globali dwar il-plastiks bħala għażla ewlenija ta’ reazzjoni għall-kriżi globali. Fl-UNEA 5, ġiet adottata r-Riżoluzzjoni 5/14 “Daqshekk tniġġis mill-plastik: Lejn strument internazzjonali legalment vinkolanti”, li appellat lid-Direttur Eżekuttiv tal-UNEP biex jistabbilixxi l-INC.
Hija meħtieġa Deċiżjoni tal-Kunsill biex jiġi awtorizzat il-ftuħ tan-negozjati mill-Unjoni dwar ftehim globali dwar il-plastik sabiex jiġi indirizzat it-tniġġis mill-plastik.
Ir-rakkomandazzjoni proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa, f’konformità mal-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).
•Għażla tal-istrument
L-għażla tal-istrument hija stipulata fl-Artikolu 218(3) u 218(4) tat-TFUE.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Mhux applikabbli.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Mhux applikabbli.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Mhux applikabbli.
•Valutazzjoni tal-impatt
Mhux applikabbli.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Mhux applikabbli.
•Drittijiet fundamentali
Skont l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fil-politiki tal-Unjoni jrid jiġi integrat livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali kif ukoll titjib fil-kwalità tal-ambjent, filwaqt li dawn jiġu żgurati f’konformità mal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli.
Ir-rakkomandazzjoni proposta tfittex awtorizzazzjoni għall-ftuħ tan-negozjati bil-għan li jiġi indirizzat it-tniġġis mill-plastik, mhux biss fl-ambjenti tal-baħar, iżda wkoll fuq l-art, billi jiġi indirizzat iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-plastik. Dan ikollu impatt pożittiv fuq id-dritt għall-protezzjoni tal-ambjent, kif stabbilit fl-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Skont l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-politiki tal-Unjoni għandhom jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.
Ir-rakkomandazzjonijiet proposti se jkollhom impatt daqstant pożittiv fuq id-dritt għall-protezzjoni tal-konsumatur billi jqisu wkoll il-parti upstream taċ-ċiklu tal-ħajja tal-plastik, jiġifieri d-disinn tal-prodott, il-produzzjoni u t-tikkettar tal-prodotti tal-plastik.
Skont l-Artikolu 3(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-integrità fiżika u mentali tiegħu.
Ir-rakkomandazzjoni proposta jkollha impatt pożittiv fuq id-dritt għall-integrità tal-persuna wkoll, peress li għandha l-għan ukoll li tindirizza r-riskji li t-tniġġis mill-plastik, b’mod partikolari l-mikroplastiks, qed joħloq għas-saħħa fiżika tal-bniedem.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
L-implikazzjonijiet baġitarji eżatti ta’ din l-inizjattiva huma impossibbli li jiġu ddeterminati f’dan l-istadju meta wieħed iqis li l-ambitu u l-elementi ewlenin tagħha għad iridu jiġu nnegozjati fil-livell multilaterali. Se jkun hemm proċess ta’ negozjati b’diversi laqgħat tal-INC sakemm issir Konferenza Diplomatika, li ma hijiex mistennija li tiġi organizzata qabel l-2024.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Saret laqgħa preparatorja (Grupp ta’ Ħidma Miftuħ/OEWG) dwar kwistjonijiet organizzazzjonali li għandhom x’jaqsmu mal-INC mit-30 ta’ Mejju sal-1 ta’ Ġunju 2022 f’Dakar, is-Senegal.
In-negozjati proprji dwar l-istrument il-ġdid se jibdew fl-ewwel laqgħa tal-INC fit-tieni nofs tal-2022 (id-data u l-post għad iridu jiġu kkonfermati).
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
Le.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Il-Kummissjoni tirrakkomanda li:
·Il-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ u tmexxi n-negozjati għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali ġdid dwar it-tniġġis mill-plastik,
·Il-Kummissjoni tinħatar bħala n-negozjatur tal-Unjoni,
·Il-Kummissjoni tmexxi n-negozjati b’konsultazzjoni mal-kumitat speċjali jekk ikun maħtur mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 218(4) tat-TFUE,
·Il-Kunsill japprova d-direttivi tan-negozjati annessi ma’ din ir-rakkomandazzjoni.
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għal ftehim internazzjonali dwar it-tniġġis mill-plastik
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)L-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent fil-Ħames Sessjoni tagħha mit-28 ta’ Frar sat-2 ta’ Marzu 2022 adottat ir-Riżoluzzjoni “Daqshekk tniġġis mill-plastik: lejn strument internazzjonali legalment vinkolanti” (5/14) li tistabbilixxi kumitat intergovernattiv tan-negozjar biex jinnegozja ftehim internazzjonali ġdid li jindirizza t-tniġġis mill-plastik, inkluż fl-ambjenti tal-baħar, bil-għan li jiġi indirizzat iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-plastik.
(2)L-Unjoni jenħtieġ li tipparteċipa fin-negozjati dwar tali konvenzjoni, ftehim jew strument internazzjonali ieħor,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tinnegozja f’isem l-Unjoni ftehim internazzjonali dwar il-plastik biex jinġieb fi tmiemu t-tniġġis mill-plastik kif stabbilit fir-Riżoluzzjoni 5/14 tal-UNEA-5.2.
Artikolu 2
Id-direttivi tan-negozjati huma stabbiliti fl-Anness.
Artikolu 3
In-negozjati għandhom isiru b’konsultazzjoni ma’ [isem il-kumitat speċjali li għandu jiddaħħal mill-Kunsill].
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.7.2022
COM(2022) 342 final
ANNESS
tar-
Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill
li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għal ftehim internazzjonali dwar it-tniġġis mill-plastik
ANNESS
DIRETTIVI TAN-NEGOZJATI TA’ FTEHIM INTERNAZZJONALI DWAR IT-TNIĠĠIS MILL-PLASTIK
(1)Fil-qafas tal-proċess intergovernattiv stabbilit fir-Riżoluzzjoni 5/14 adottata mill-Ħames Sessjoni tal-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEA), li tipprovdi forum ta’ nnegozjar globalment inklużiv, il-Kummissjoni ser timmira li tinnegozja ftehim internazzjonali dwar it-tniġġis mill-plastik 1 (minn hawn’ il quddiem, il-“Ftehim dwar il-Plastik”).
(2)Il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, għandha tagħmel ħilitha biex tikseb eżitu nnegozjat komprensiv, li jiġbor fih l-objettivi u l-prinċipji deskritti hawn taħt.
(3)Il-Ftehim dwar il-Plastik se jistabbilixxi approċċi legalment vinkolanti u mhux vinkolanti għall-Partijiet tiegħu biex inaqqsu t-tniġġis mill-plastik u jżidu s-sostenibbiltà u ċ-ċirkolarità ġenerali tal-plastik minn perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja. Il-kamp ta’ applikazzjoni preċiż tal-ftehim internazzjonali previst għadu mhux magħruf, iżda l-mandat għall-Kumitat Intergovernattiv tan-Negozjar jenfasizza li jenħtieġ li jinkludi miżuri matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-plastik, inkluż id-disinn, il-produzzjoni, il-konsum u l-ġestjoni tal-iskart tal-plastik, u inkluża l-ġenerazzjoni tal-materja prima sekondarja.
(4)L-obbligi, inkluż fil-preambolu tal-Ftehim dwar il-Plastik, jenħtieġ li jkunu inkwadrati minn sensiela ta’ objettivi ġenerali, prinċipji u fejn xieraq, miri biex jissaħħu l-produzzjoni u l-konsum sostenibbli u ċirkolari u l-ġestjoni tal-iskart tal-plastik sabiex l-ekosistemi terrestri u tal-baħar jiġu protetti, restawrati u jiġi promoss l-użu sostenibbli tagħhom, sabiex l-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar jiġu kkonservati u użati b’mod sostenibbli għall-iżvilupp sostenibbli, sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra relatati mal-plastik, kif ukoll sabiex jiġu żgurati xejriet sostenibbli ta’ konsum u ta’ produzzjoni, inklużi livelli sostenibbli ta’ produzzjoni u ta’ konsum tal-plastik u l-projbizzjoni jew l-eliminazzjoni gradwali ta’ materjali u prodotti fejn xieraq. Il-prinċipji jenħtieġ li jinkludu:
–Ir-rikonoxximent tad-disinn għaċ-ċirkolarità u s-sostenibbiltà bħala l-bażi biex jiġi evitat l-iskart u jiġu żgurati prodotti tal-plastik dejjiema/durabbli li jistgħu jerġgħu jintużaw u/jew jiġu riċiklati faċilment fi prodotti ta’ kwalità għolja (pereżempju, it-trawwim tal-inklużjoni tal-plastik riċiklat fi prodotti ġodda);
–Enfasi fuq it-tipi ta’ plastik li huma responsabbli għall-maġġoranza tal-ġenerazzjoni tal-iskart u t-tniġġis (inkluż it-tniġġis tal-baħar) u li potenzjalment jistgħu jiġu sostitwiti bi prodotti aktar durabbli u sostenibbli, bi prodotti b’impatt ambjentali aktar baxx jew b’materjali oħrajn (fejn l-impatti taċ-ċiklu tal-ħajja ikunu aktar baxxi);
–L-eliminazzjoni ta’ komposti u addittivi fil-plastik li jikkompromettu s-sostenibbiltà u ċ-ċirkolarità tiegħu, inkluż plastik ossodegradabbli u addittivi perikolużi (bħal sustanzi bbażati fuq iċ-ċomb u l-kadmju, ritardanti tal-fjammi, ftalati, PFAS);
–Attenzjoni partikolari lill-effetti tal-mikroplastiċi, li huma emessi direttament f’forma li hija bijodisponibbli għall-organiżmi u li ma jistgħux jitneħħew ladarba jkunu fl-ambjent, u l-bżonn li tiġi eliminata l-applikazzjoni intenzjonata tal-mikroplastiċi f’diversi prodotti fejn hemm alternattivi disponibbli, u li jiġi indirizzat ir-rilaxx mhux intenzjonat tal-mikroplastiċi;
–Ir-rikonoxximent tal-bżonn li jiġu żgurati l-ġestjoni ċirkolari xierqa u l-benefiċċji ambjentali ġenerali ta’ l-plastiks b’bażi bijoloġika u bijodegradabbli, minkejja li jirrappreżentaw biss perċentwal żgħir tal-plastik fis-suq globali;
–L-importanza ċentrali tal-ġbir separat tal-iskart tal-plastik bħala mezz biex il-ġestjoni tal-iskart ambjentalment korrett, inkluż ir-riċiklaġġ, issir vijabbli, u biex tittejjeb il-ġestjoni ġenerali tal-iskart f’konformità mal-ġerarkija tal-iskart;
–Ir-rikonoxximent li s-soċjetà (permezz tal-kontribwenti tat-taxxi) u l-ambjent ma għandhomx iħallsu l-kostijiet esterni tal-ġestjoni tal-iskart, tal-ġbir tal-iskart u tat-tniġġis tal-plastik, u li jenħtieġ li jiġu applikati skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur biex jiġi żgurat li dawn il-kostijiet jiġġarrbu minn dawk li jqiegħdu l-plastik jew il-prodotti li fihom il-plastik fis-suq;
–L-implimentazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart, b’użu itwal, użu mill-ġdid u prevenzjoni tal-iskart bħala l-prijorità aħħarija, b’enfasi partikolari fuq il-miżuri għat-tnaqqis tal-iskart għall-prodotti ewlenin u fuq il-ġlieda kontra l-iskart, inkluż fl-ambjent tal-baħar;
–Qbil li l-vjeġġi tal-iskart tal-plastik jenħtieġ li jirrikjedu impenn li l-pajjiż/installazzjoni ta’ destinazzjoni jkun kapaċi jimmaniġġja, jipproċessa u jirriċikla l-iskart skont standards għoljin, bir-rispett tal-Ftehim ta’ Basel fejn applikabbli.
L-objettivi jenħtieġ li jqisu: i) id-dritt għal ambjent nadif u b’saħħtu kif rikonoxxut mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, ii) is-solidarjetà internazzjonali, iii) il-kondiviżjoni f’waqtha ta’ data, indikaturi, valutazzjonijiet u informazzjoni dwar il-prodotti u l-materjali, iv) monitoraġġ tal-progress, rappurtar u verifika adegwati u ssimplifikati fil-livelli nazzjonali/reġjonali u globali, v) l-iffaċilitar tar-riċerka, tal-valutazzjonijiet u tal-għarfien, u l-possibbiltà għall-pubbliku li jibbenefika minn informazzjoni vverifikata u f’waqtha, li jużaha u jifhimha, u vi) il-bżonn li jiġu indirizzati r-rabtiet mill-qrib bejn is-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u dik ambjentali. Jenħtieġ li l-prinċipju tal-ekwità jiggwida l-ħidma, permezz ta’ approċċi sensittivi għad-diżabilità u reattivi għal kwistjonijiet tal-ġeneru.
(5)Jenħtieġ ukoll li l-Ftehim dwar il-Plastik jinkludi dispożizzjonijiet li jistabbilixxu:
–Il-qafas istituzzjonali;
–Regoli dwar it-tfassil tar-regoli fil-ġejjieni;
–Il-monitoraġġ, it-tqegħid tad-data għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, il-konformità u l-mekkaniżmi ta’ responsabbiltà fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja: i) materja prima għall-produzzjoni tal-plastik; ii) il-manifattura tal-plastik u tal-prodotti tal-plastik, inkluż id-disinn; iii) il-konsum/l-użu tal-prodotti tal-plastik; iv) il-ġestjoni tal-iskart, l-iskart tal-plastik u t-tniġġis tal-mikroplastiċi;
–L-obbligi u s-sjieda tal-pajjiżi kif ukoll approċċi ta’ “gvern sħiħ”/transettorjali li jwasslu għal mobilizzazzjoni aħjar tal-kompetenzi u tar-riżorsi kollha kif ukoll koerenza fil-prevenzjoni tat-tniġġis tal-plastik, it-tnaqqis tal-ġenerazzjoni tal-iskart tal-plastik, bidla lejn konsum u produzzjoni sostenibbli u rispons fil-livelli globali, reġjonali, nazzjonali u komunitarji/lokali; u
–Appoġġ finanzjarju, assistenza teknika u bini ta’ kapaċità mmirati lejn:
–L-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim dwar il-Plastik u tal-impenji relatati u
–It-titjib tal-mekkaniżmi nazzjonali u reġjonali għall-prevenzjoni, il-monitoraġġ, id-data, l-indikaturi, ir-rappurtar u l-verifika, it-tħejjija u r-rispons relatati mat-tniġġis tal-plastik (fosthom mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni interaġenzjali u intersettorjali);
–Regoli dwar it-trattament tal-iskart tal-plastik permezz tal-implimentazzjoni ta’ miżuri bħal skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, li jpoġġu r-responsabbiltà fuq min iniġġes mhux biss fuq il-korpi pubbliċi jew l-istituzzjonijiet finanzjarji
marbuta b’mod inseparabbli mal-kategoriji ta’ dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq jew mal-effettività tal-Ftehim dwar il-Plastik fid-dawl tal-objettivi ġenerali u tal-prinċipji tiegħu.
(6)Jenħtieġ li l-Ftehim dwar il-Plastik jimmira li jistabbilixxi dispożizzjonijiet u impenji sostantivi speċjalment fl-oqsma ewlenin indikati hawn fuq, filwaqt li jwitti t-triq għal negozjati futuri, inkluż permezz ta’ annessi u/jew protokolli. Id-dispożizzjonijiet legalment vinkolanti jistgħu jiġu kkomplementati b’dispożizzjonijiet mhux vinkolanti (bħal linji gwida, standards u dikjarazzjonijiet).
(7)L-Istati Membri kollha tan-Nazzjonijiet Uniti u l-organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni (ekonomika) reġjonali li lilhom l-Istati Membri tagħhom ttrasferew kompetenzi fi kwistjonijiet relatati mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim, jenħtieġ li jitħallew isiru partijiet tal-Ftehim dwar il-Plastik jew kwalunkwe wieħed mill-protokolli tiegħu. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-Ftehim futur dwar il-Plastik ikun fih dispożizzjonijiet xierqa, skont dawk ta’ ftehimiet ambjentali multilaterali reċenti, li jippermettu lill-Unjoni ssir Parti Kontraenti għalih. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll arranġamenti speċifiċi għall-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u partijiet ikkonċernati mhux governattivi rilevanti.
(8)Jenħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll perjodi tranżizzjonali għall-implimentazzjoni u appoġġ għall-implimentazzjoni relatat, b’attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet ta’ pajjiżi b’introjtu inferjuri u medju inferjuri.
(9)Il-Kummissjoni ser tirrappreżenta lill-Unjoni fil-Kumitat Intergovernattiv tan-Negozjar inkarigat mill-iżvilupp ta’ Ftehim dwar il-Plastik, kif stabbilit fir-Riżoluzzjoni 5/14 tal-UNEA, u fi kwalunkwe korp preparatorju jew korp relatat.
(10)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex tiżgura li l-Ftehim dwar il-Plastik ikun konsistenti mal-leġiżlazzjoni u mal-politiki rilevanti tal-Unjoni, kif ukoll mal-impenji tal-Unjoni skont ftehimiet multilaterali rilevanti oħra.
(11)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tmexxi n-negozjati f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni fis-seħħ.