IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.4.2022
COM(2022) 167 final
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar ftehim dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52022PC0167
Recommendation for a COUNCIL DECISION Authorising the opening of negotiations on an agreement on the carriage of goods by road between the European Union and Ukraine
Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar ftehim dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna
Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar ftehim dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna
COM/2022/167 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.4.2022
COM(2022) 167 final
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar ftehim dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Kuntest tar-rakkomandazzjoni
Il-Kummissjoni b’dan tirrakkomanda lill-Kunsill biex jawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim limitat fiż-żmien dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn l-Unjoni u l-Ukrajna (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”) biex jiġu indirizzati r-riperkussjonijiet tal-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna u biex il-Kummissjoni tiġi nominata bħala negozjatur tal-Unjoni. Id-direttivi tan-negozjati huma mehmuża wkoll mar-rakkomandazzjoni.
2.Sfond
It-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn l-Unjoni u l-Ukrajna bħalissa huwa rregolat fil-biċċa l-kbira minn għadd ta’ ftehimiet bilaterali dwar it-trasport bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Ukrajna. Dawn il-ftehimiet jimponu arranġamenti ta’ kwoti fuq it-trasportaturi miż-żewġ naħat fir-rigward tat-tranżitu u tal-kummerċ bilaterali. Skont studju mħejji fl-2014 1 , total ta’ 560 680 kwota ngħataw fuq bażi bilaterali lill-Ukrajna mill-25 Stat Membru li magħhom l-Ukrajna kellha ftehimiet bilaterali dwar it-trasport bit-triq f’dak iż-żmien. Fl-2019, l-għadd kien ftit aktar baxx (552 875 kwota, li minnhom 1 750 kienu kwoti multipli). Il-kwoti regolarment jeħtieġu ċerti valuri ta’ emissjonijiet bl-Euro.
Flimkien mal-permessi li huma bbażati fuq il-ftehimiet bilaterali msemmija hawn fuq, il-Forum Internazzjonali tat-Trasport (ITF - International Transport Forum) jopera sistema multilaterali ta’ kwoti li tipprevedi liċenzji multilaterali għat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq minn impriżi tat-trasport stabbiliti f’pajjiż Membru tal-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport (ECMT - European Conference of Ministers of Transport). Il-liċenzji japplikaw għat-trasport tal-merkanzija bejn pajjiżi Membri tal-ECMT jew fi tranżitu mit-territorju ta’ wieħed jew aktar minn dawk il-pajjiżi. Madankollu, l-għadd ta’ kwoti fi ħdan is-sistema tal-ECMT huwa pjuttost baxx meta mqabbel mal-kwoti maħruġa skont il-ftehimiet bilaterali (għalkemm il-paragun mhuwiex rigoruż, peress li l-kwoti tal-ECMT jikkonċernaw liċenzji annwali, filwaqt li l-ftehimiet bilaterali inkwistjoni jirrigwardaw permessi għal vjaġġi uniċi). Fl-2022, 4 000 liċenzja annwali kienu attribwiti lill-operaturi Ukreni.
Fl-2006, l-Ukrajna ssieħbet fil-Ftehim dwar il-ħidma tal-ekwipaġġi ta’ vetturi involuti fit-trasport internazzjonali bit-triq (AETR) 2 li għalih l-Istati Membri kollha tal-UE huma wkoll partijiet kontraenti. B’konsegwenza ta’ dan, l-operaturi tal-Ukrajna li jittrasportaw merkanzija fit-territorju tal-Unjoni jridu jikkonformaw mal-istess ħin ta’ sewqan, pawżi u perjodi ta’ mistrieħ ta’ dawk li japplikaw fl-Unjoni f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 561/2006 3 .
Fid-dawl tal-aggressjoni militari mwettqa mir-Russja kontra l-Ukrajna, is-sitwazzjoni tat-trasport saret diffiċli ħafna għal dan il-pajjiż. Rotot tat-trasport importanti għat-trasport tal-merkanzija mill-Baħar l-Iswed huma mblukkati jew ġew meqruda mill-forzi militari Russi, u l-ispazju tal-ajru tal-Ukrajna jinsab magħluq għat-trasport ċivili. Bħalissa, il-prijorità tan-network ferrovjarju hija t-trasport tal-passiġġiera u tar-refuġjati, u għadu vulnerabbli ħafna għall-bumbardamenti tar-Russja.
Għaldaqstant, biex tiġi megħjuna l-ekonomija Ukrena li tinsab taħt pressjoni qawwija, huwa f’loku li jiġi konkluż b’mod urġenti ftehim bejn l-Unjoni u l-Ukrajna li se jdum sakemm l-impatt tal-gwerra fuq l-infrastrutturi u l-operazzjonijiet tat-trasport jibqa’ qawwi, u li bih in-network ferrovjarju vulnerabbli u batut, l-ispazju tal-ajru ċivili mblukkat, u l-portijiet tal-Baħar l-Iswed imblukkati jkunu jistgħu kemm jista’ jkun jitbiddlu b’alternattivi tat-trasport bit-triq mtejba biex tiġi trasportata l-merkanzija bejn l-UE u l-Ukrajna. Dan huwa importanti ferm għall-kummerċ fil-qmuħ, fil-fjuwil, fl-oġġetti tal-ikel u f’merkanzija oħra, li hemm bżonn li jiġi indirizzat b’mod urġenti biex titnaqqas l-insigurtà tal-ikel fl-Ukrajna u biex ikun evitat li jiżdied il-ħruġ ta’ refuġjati. Il-Ftehim se jinkludi wkoll klawżoli dwar ir-rikonoxximent tal-liċenzji tas-sewqan u taċ-ċertifikati tal-kompetenza professjonali għas-sewwieqa Ukreni li jkunu qegħdin jittrasportaw il-merkanzija lejn l-UE. Il-Ftehim se japplika għat-territorju tal-Ukrajna kkontrollat mill-gvern leġittimu tal-Ukrajna u kif rikonoxxut mill-Unjoni Ewropea.
Il-konklużjoni ta’ ftehim bħal dan hija fl-interess tal-Unjoni, mhux biss għax l-Unjoni għandha interess fl-istabbilizzazzjoni tal-Istat Ukren u tal-ekonomija Ukrena, iżda wkoll għax l-Ukrajna hija fornitur importanti ta’ prodotti bħall-qmuħ u oġġetti oħra tal-ikel, u għaliex it-trasportaturi tal-UE se jiksbu drittijiet tat-trasport reċiproċi għat-territorju tal-Ukrajna.
3.Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Dan il-ftehim huwa konsistenti mal-politika attwali tal-UE dwar ir-relazzjonijiet esterni mal-Ukrajna. Il-Gvern tal-Ukrajna talab ftehim bħal dan bħala miżura urġenti.
Il-konklużjoni ta’ ftehim dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq mal-Ukrajna tkun konformi wkoll mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ffirmat fis-27 ta’ Ġunju 2014 bejn l-Unjoni u l-Ukrajna, billi fl-Artikolu 136 dan jipprevedi ftehimiet futuri speċjali possibbli dwar it-toroq bil-għan li jassigura l-iżvilupp ikkoordinat u l-liberalizzazzjoni progressiva tat-trasport bejn il-Partijiet.
4.Bażi ġuridika, sussidjarjetà u proporzjonalità
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika proċedurali għal deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati ta’ ftehim bejn l-Unjoni u pajjiż terz u li tindirizza direttivi lin-negozjatur hija l-Artikolu 218(3) u (4) tat-TFUE.
•Kompetenza tal-Unjoni
L-Artikolu 216(1) tat-TFUE jistabbilixxi li:
“L-Unjoni tista' tikkonkludi ftehim ma' pajjiż terz wieħed jew iktar jew ma' organizzazzjonijiet internazzjonali meta t-Trattati jipprovdu għal dan jew meta l-konklużjoni ta' ftehim tkun jew meħtieġa sabiex jinkiseb, fil-qafas tal-politika ta' l-Unjoni, wieħed mill- objettivi stabbiliti mit-Trattati, jew inkella tkun prevista f'att ta' l-Unjoni legalment vinkolanti jew inkella x'aktarx tolqot regoli komuni jew li tbiddel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom”.
Dan il-Ftehim jaqa’ taħt il-politika tat-trasport tal-Unjoni u huwa meħtieġ sabiex jinkiseb wieħed mill-objettivi msemmija fit-Trattati, li huwa “li tikkontribwixxi għal kummerċ ħieles u ġust”, u l-konklużjoni tiegħu hija prevista fl-Artikolu 136 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Ukrajna.
Il-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali dwar it-trasport bit-triq tal-merkanzija hija prevista b’mod espliċitu wkoll f’att leġiżlattiv tal-Unjoni.
B’mod partikolari, l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija jistabbilixxi fil-paragrafi 2 u 3 li:
"2. Fil-każ ta’ trasport minn Stat Membru lejn pajjiż terz u viċeversa, dan ir-Regolament għandu japplika għal dik il-parti tal-vjaġġ fit-territorju ta’ Stat Membru traversat waqt il-vjaġġ. M’għandux japplika għal dik il-parti tal-vjaġġ li ssir fit-territorju tal-Istat Membru tat-tagħbija jew tal-ħatt sakemm ma jkunx ġie konkluż il-ftehim meħtieġ bejn il-Komunità u l-pajjiż terz.
3. Sakemm jintlaħqu il-ftehimiet imsemmija fil-paragrafu 2, dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa:
(a) dispożizzjonijiet rigward it-trasport minn Stat Membru għal pajjiż terz u viċeversa li huma inklużi fil-ftehimiet bilaterali li ntlaħqu mill-Istati Membri ma’ dawk il-pajjiżi terzi;
(b) id-dispożizzjonijiet rigward it-trasport minn Stat Membru lejn pajjiż terz u viċeversa li huma inklużi fil-ftehim bilaterali li saru bejn l-Istati Membri li, taħt l-awtorizzazzjonijiet bilaterali jew taħt l-arranġamenti għal-liberalizzazzjoni, jippermettu t-tagħbija u l-ħatt fi Stat Membru minn trasportaturi li mhumiex stabbiliti f’dak l-Istat Membru”.
Barra minn hekk, il-konklużjoni tagħha tista’ taffettwa r-regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom kif stabbilit mill-ġurisprudenza tal-QĠUE. B’mod partikolari, fil-punt 201 tal-Opinjoni 2/15 tagħha tas-16 ta’ Mejju 2017 4 , il-Qorti ddikjarat dan li ġej:
“201. Bħalma diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, meta ftehim bejn l-Unjoni u Stat terz jipprevedi l-applikazzjoni, għar-relazzjonijiet internazzjonali koperti minn dan il-ftehim, ta’ regoli li jestendu ħafna fuq ir-regoli komuni tal-Unjoni applikabbli għas-sitwazzjonijiet intra-Komunitarji, dan il-ftehim għandu jitqies li jista’ jaffettwa jew li jbiddel il-portata ta’ dawn ir-regoli komuni. Fil-fatt, minkejja l-assenza ta’ kontradizzjoni mal-imsemmija regoli komuni, is-sens, il-portata u l-effikaċja tagħhom jistgħu jiġu influwenzati (ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni 1/03 (Konvenzjoni l-ġdida ta’ Lugano), tas‑7 ta’ Frar 2006, EU:C:2006:81, il-punti 143 u 151 sa 153; l-Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal‑14 ta’ Ottubru 2014, EU:C:2014:2303, il-punti 84 sa 90; kif ukoll is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Green Network, C‑66/13, EU:C:2014:2399, il-punti 48 u 49). ”
L-aċċess għas-suq previst f’din ir-Rakkomandazzjoni ċertament fih trikkib mad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq adottati mill-Unjoni fir-rigward tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq imsemmija hawn fuq.
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-Unjoni għandha kompetenza esterna esklużiva skont l-Artikolu 3(2) tat-TFUE biex tikkonkludi l-ftehim previst.
•Dmir tal-Kummissjoni li tikkonsulta
Meta titqies is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Lulju 2015 fil-kawża C-425/13 5 , li tiċċara r-rwoli tal-istituzzjonijiet differenti għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 218(2) u (4) tat-TFUE f’konformità mal-prinċipji tal-bilanċ istituzzjonali u l-kooperazzjoni sinċiera reċiproka stabbiliti fl-Artikolu 13(2) TUE, huwa meħtieġ li dawn il-kjarifiki jiġu riflessi.
Huwa xieraq li l-Kummissjoni tipprovdi lill-Kunsill u lill-kumitat speċjali maħtur minnha bl-informazzjoni kollha meħtieġa għalihom biex jimmonitorjaw il-progress tan-negozjati, bħal, b’mod partikolari, l-għanijiet ġenerali mħabbra u l-pożizzjonijiet meħuda mill-partijiet l-oħra matul in-negozjati. Il-Kummissjoni se tirrapporta bil-miktub lill-Kunsill u lill-kumitat speċjali maħtur minnu dwar l-eżitu tan-negozjati b’mod li jippermetti lill-Kunsill jeżerċita l-prerogattivi istituzzjonali tiegħu.
Sabiex tikkonforma mal-obbligu tar-rispett tal-bilanċ istituzzjonali stabbilit fl-Artikolu 13(2) tat-TUE u mal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 218(10) tat-TFUE, il-Kummissjoni se tinforma lill-Parlament Ewropew bl-istess mod.
•Proporzjonalità
Ir-Rakkomandazzjoni tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin:
Il-ftehim previst huwa l-aktar strument effiċjenti biex jissaħħu r-relazzjonijiet UE-Ukrajna dwar it-trasport bit-triq, peress li jneħħi l-ħtieġa għal kwoti fi ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Ukrajna.
Il-ftehim propost ma jimponi l-ebda piż amministrattiv jew finanzjarju addizzjonali, la fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri u lanqas fuq l-industrija meta mqabbel mas-sitwazzjoni kurrenti. Għall-kuntrarju għandu jnaqqas il-piż amministrattiv kemm għall-industrija kif ukoll għall-Istati Membri. Barra minn hekk, se jneħħi l-ħtieġa għal permessi tat-trasport għat-trasportaturi tal-UE għall-kategoriji indikati ta’ drittijiet tat-trasport (drittijiet ta’ tranżitu u bilaterali), li se jnaqqas il-piż amministrattiv għall-industrija tat-trasport tal-UE.
5.Implikazzjonijiet baġitarji
Ir-Rakkomandazzjoni ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.
6.Elementi oħra
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Rakkomandazzjoni
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill se tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn l-Unjoni u l-Ukrajna biex jiġu indirizzati r-riperkussjonijiet tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u se tinnomina lill-Kummissjoni bħala negozjatur tal-Unjoni. Id-direttivi tan-negozjati li huma mehmuża mad-Deċiżjoni jagħtu deskrizzjoni wiesgħa tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim previst.
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar ftehim dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Jenħtieġ li jinfetħu negozjati bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq. Huwa xieraq li l-ftehim japplika sakemm l-impatt tal-aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-operazzjonijiet u l-infrastrutturi tat-trasport tal-Ukrajna jibqa’ qawwi.
(2)Il-Kummissjoni jenħtieġ li tinħatar bħala negozjatur.
(3)In-negozjati jenħtieġ li jsiru mill-Kummissjoni b’konsultazzjoni ma’ [isem il-kumitat speċjali li għandu jiddaħħal mill-Kunsill],
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tinnegozja, f’isem l-Unjoni, ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq.
Artikolu 2
Id-direttivi tan-negozjati huma stipulati fl-Anness.
Artikolu 3
In-negozjati għandhom isiru b’konsultazzjoni ma’ [isem il-kumitat speċjali li għandu jiddaħħal mill-Kunsill].
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.4.2022
COM(2022) 167 final
ANNESS
tar-
Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati dwar ftehim dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna
ANNESS
Direttivi tan-negozjar għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq
1.Objettivi tan-negozjati
Li jkun negozjat ftehim mal-Ukrajna li jilliberalizza t-trasport tal-merkanzija bit-triq billi jagħti drittijiet ta’ aċċess lill-operaturi Ukreni u tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tat-trasport internazzjonali ta’ tranżitu u bilaterali u li fih ir-rikonoxximent tal-liċenzji tas-sewqan u taċ-ċertifikati tal-kompetenza professjonali maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti Ukreni fl-Unjoni Ewropea u viċi versa.
2.Kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim
Il-Ftehim jenħtieġ li jagħti aċċess għas-suq tal-Unjoni lit-trasportaturi bit-triq Ukreni.
(1)Il-Ftehim jenħtieġ li jilliberalizza t-trasport tal-merkanzija bit-triq billi jagħti drittijiet ta’ aċċess lill-operaturi tal-Ukrajna u tal-Unjoni Ewropea rigward it-trasport internazzjonali ta’ tranżitu u bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna. Il-Ftehim jenħtieġ li jżomm jew iżid il-livell ta’ aċċess għas-suq jew opportunitajiet kummerċjali oħra disponibbli taħt il-ftehimiet bilaterali eżistenti dwar it-trasport bit-triq bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Ukrajna.
(2)Il-Ftehim, li jenħtieġ li jkun ugwalment awtentiku bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, jenħtieġ li jinkludi klawżola lingwistika għal dak il-għan.
(3)Il-Ftehim jenħtieġ li jindirizza l-liċenzji tas-sewqan u ċ-ċertifikati ta’ kompetenza professjonali maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti Ukreni biex jiżgura r-rikonoxximent tagħhom fl-Unjoni Ewropea.
(4)Il-Ftehim jenħtieġ li jkun limitat fiż-żmien u japplika sakemm l-impatt tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-infrastrutturi u l-operazzjonijiet tat-trasport tal-Ukrajna jibqa’ qawwi.
3.Dispożizzjonijiet ġenerali
Il-Ftehim, li huwa sussegwenti għall-ftehimiet bilaterali eżistenti dwar it-trasport bit-triq bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Ukrajna, se jipprevali fuq id-dispożizzjonijiet tagħhom.
Ladarba dak il-Ftehim jiġi terminat, il-ftehimiet bilaterali eżistenti bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Ukrajna jistgħu jerġgħu japplikaw sakemm l-Unjoni ma tikkonkludix ftehim ieħor mal-Ukrajna fil-qasam tat-trasport bit-triq.
4.Ġestjoni tal-Ftehim
Jenħtieġ li jiġi stabbilit Kumitat Konġunt magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet, li jenħtieġ li jkun responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Ftehim u għall-implimentazzjoni xierqa tiegħu b’mod partikolari fir-rigward tal-adattament, wara l-modifika tagħhom, tar-regoli tal-UE inklużi f’Anness tal-Ftehim li l-Ukrajna għandha tikkonforma miegħu kif ukoll regoli ġodda applikabbli fil-qasam tat-trasport bit-triq adottati fil-livell tal-Unjoni.
L-esperti Ukreni jistgħu jitħallew jipparteċipaw bħala osservaturi fil-Gruppi ta’ Esperti stabbiliti mill-Unjoni u li jittrattaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li għandha tiġi applikata mill-Ukrajna, li se tiġi stabbilita f’Anness tal-Ftehim.
Il-Ftehim jenħtieġ li jinkludi mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim rapidu, effettiv u vinkolanti, li jiżgura li l-Ftehim ikun jista’ jiġi applikat kif xieraq.
Minkejja l-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim, il-Ftehim jenħtieġ li jinkludi dispożizzjonijiet li għandhom jiġu applikati f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tiegħu, bħall-possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta’ salvagwardja xierqa jew li jiġu sospiżi bis-sħiħ jew parzjalment id-drittijiet jew il-privileġġi mogħtija skont it-termini tal-Ftehim.
5.Tmexxija tan-Negozjati
Il-Kummissjoni se tmexxi n-negozjati skont dawn id-direttivi u se tiżgura koordinazzjoni xierqa man-negozjati li għaddejjin u dawk futuri f’oqsma rilevanti oħra.