IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 1.3.2022
JOIN(2022) 32 final/2 DOWNGRADED on 14.3.2023
2022/0067(NLE)
Proposta Konġunta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna
E
2022/0067 (NLE)
Proposta Konġunta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 2022/XXX ta’ XX ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna,
Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Fil-31 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament(UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna.
(2)Ir-Regolament (UE) Nru 833/2014 jġib fis-seħħ ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK.
(3)Fi [DATA] il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK)2022/XXX li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK u li timponi miżuri restrittivi ulterjuri fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi ta’ messaġġi finanzjarji lil ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu Russi u s-sussidjarji Russi tagħhom u, suġġett għal ċerti eċċezzjonijiet, fir-rigward tal-impenn mal-Fond Russi tal-Investiment Dirett. Hija tipprojbixxi wkoll, suġġett għal ċerti eċċezzjonijiet il-provvista ta’ karti tal-flus tal-euro lir-Russja.
(4)Dawn il-miżuri jaqgħu fl-ambitu tat-Trattat u, għalhekk, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni.
(5)Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 833/2014 għandu jiġi emendat skont dan.
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (UE) 833/2014 huwa emendat kif ġej:
(1)Fl-Artikolu 2e, jiżdiedu l-paragrafi 3 u 4:
3.“Għandu jkun ipprojbit li wieħed jinvesti, jipparteċipa jew jikkontribwixxi b’xi mod ieħor għal proġetti kofinanzjati mill-Fond Russu tal-Investiment Dirett.
4.B’deroga mill-paragrafu 3, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, xi parteċipazzjoni ta’ investiment jew kontribuzzjoni għal proġetti kofinanzjati mill-Fond Russu tal-Investiment Dirett, wara li jkunu ddeterminaw li tali parteċipazzjoni jew kontribuzzjoni ta’ investiment tkun dovuta taħt kuntratti konklużi qabel [id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament] jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.”
(2)Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:
“Artikolu 5h
Għandu jkun ipprojbit li minn [għaxart (10) ijiem wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament] jiġu pprovduti servizzi ta’ messaġġi finanzjarji speċjalizzati, li jintużaw għall-iskambju ta’ data finanzjarja, lil persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness XIV jew lil xi persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti fir-Russja li jkollhom sjieda, direttament jew indirettament, ta’ 50% jew aktar tad-drittijiet proprjetarji ta’ xi entità elenkata fl-Anness XIV.
“Artikolu 5i
1.Għandu jkun ipprojbit li jinbiegħu, jiġu pprovduti, trasferiti jew esportati karti tal-flus tal-euro lejn ir-Russja jew lil xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja, inkluż il-gvern u l-Bank Ċentrali tar-Russja, biex jintużaw fir-Russja.
2.Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika fil-każ ta’ bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro sakemm tali bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni jkun neċessarju għal:
(a)l-użu personali ta’ persuni fiżiċi li jkunu qegħdin jivvjaġġaw lejn ir-Russija, jew il-membri tal-familji immedjati tagħhom li jkunu qegħdin jivvjaġġaw magħhom; jew
(b)l-iskopijiet uffiċjali ta’ missjonijiet diplomatiċi, postijiet konsulari jew organizzazzjonijiet internazzjonali fir-Russja li jgawdu minn immunitajiet skont id-dritt internazzjonali.
(3)L-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 12
Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, konxja jew inkonxja, f’attivitajiet li l-iskop jew l-effett tagħhom ikun dak li jiġu evitati l-projbizzjonijiet f’dan ir-Regolament, inkluż bl-aġir ta’ sostitut għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fl-Artikoli 2e(3), 5, 5a, 5b, 5e5f, 5h u 5i jew bl-aġir għall-benefiċċju tagħhom bl-użu tal-eċċezzjonijiet li hemm fl-Artikoli 2e(4), 5(6), 5a(2) 5b(2), 5e(2), 5f(2) jew 5i(2).”
(4)L-Anness XIV jiddaħħal skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President