EUR-Lex Acesso ao direito da União Europeia

Voltar à página inicial do EUR-Lex

Este documento é um excerto do sítio EUR-Lex

Documento 52022IE5742

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ fl-azzjoni esterna tal-UE 2022–2027” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

EESC 2022/05742

ĠU C 184, 25.5.2023, p. 5—12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/5


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ fl-azzjoni esterna tal-UE 2022–2027”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2023/C 184/02)

Relatur:

Michael McLOUGHLIN

Korelatur:

Tatjana BABRAUSKIENĖ

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

22.9.2022

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni

Adozzjoni fis-sezzjoni

6.3.2023

Adozzjoni fil-plenarja

22.3.2023

Sessjoni plenarja Nru

577

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

157/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Filwaqt li jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ fl-azzjoni esterna tal-UE, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jirrimarka li jista’ jkun hemm sfidi fl-implimentazzjoni u t-twettiq, li se jeħtieġu monitoraġġ u sorveljanza. Il-KESE jesprimi x-xewqa li jkun involut b’mod attiv fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ.

1.2.

Il-KESE jemmen li l-għarfien espert u l-esperjenza tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-UE, u madwar id-dinja, huma riżorsa kbira fit-twettiq tal-pjan, kemm għall-Kummissjoni Ewropea kif ukoll għad-delegazzjonijiet tal-UE. Huwa jqis ukoll li l-persunal kollu tal-UE li jaħdem maż-żgħażagħ għandu jiġi pprovdut b’taħriġ bażiku dwar kwistjonijiet bħal spazji adattati għaż-żgħażagħ, ħiliet ta’ konsultazzjoni, u metodi ta’ ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ.

1.3.

Il-KESE jixtieq li waqt l-implimentazzjoni tingħata attenzjoni kontinwa liż-żgħażagħ l-aktar emarġinati, inklużi ż-żagħżagħ b’diżabbiltà, u li l-ħidma kollha ta’ tmexxija tiġi kkomplementata b’enfasi ugwali fuq l-appoġġ popolari għaż-żgħażagħ fil-komunitajiet lokali. Il-proċessi ta’ tmexxija u ta’ parteċipazzjoni għandhom ikunu mfassla biex jiżguraw bażi ta’ appoġġ popolari u proċessi minn isfel għal fuq sabiex jipproduċu mexxejja b’saqajhom mal-art.

1.4.

Il-KESE jenfasizza li l-ġbir u l-monitoraġġ tad-data huma sfida ewlenija għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ, u li għandu jkun hemm rappurtar regolari mill-Kummissjoni Ewropea, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), l-aġenziji ffinanzjati rilevanti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b’mod konsistenti mal-immappjar u l-analiżi tal-lakuni tad-data internazzjonali dwar iż-żgħażagħ imwettqa reċentement mill-Kummissjoni Ewropea (1).

1.5.

Il-KESE jilqa’ u jħeġġeġ rabtiet mal-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u l-aġenziji tagħha f’dan il-qasam, partikolarment fir-rigward tal-Aġenda għaż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà u kwalunkwe sinerġija mal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

1.6.

Il-KESE jemmen li l-politiki ewlenin tal-UE dwar iż-żgħażagħ bħall-Erasmus+ u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ jistgħu jkunu ta’ għajnuna fil-ħidma fl-oqsma tal-involviment taż-żgħażagħ u l-politiki dwar iż-żgħażagħ. Fl-użu ta’ tali strutturi, għandha tingħata attenzjoni għall-indipendenza tal-proċeduri ta’ applikazzjoni u kwistjonijiet bħall-viżi u l-lingwi.

1.7.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kunsill tal-UE jħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex ikollhom il-pjani tagħhom stess li jiffokaw fuq kwistjonijiet simili bħal dawk tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ u li jaħdmu fi sħubija mas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. Barra minn hekk, għandhom jibnu fuq ir-rabtiet eżistenti u s-sħubijiet tas-soċjetà ċivili bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi fil-mira u jsaħħuhom, b’mod partikolari bejn l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

1.8.

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-pajjiżi fil-mira għandhom jiġu mħeġġa u jingħataw l-għodod biex ikollhom il-politiki tanġibbli tagħhom għaż-żgħażagħ u kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ, jew entitajiet ekwivalenti. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun iggwidata mill-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem meta tappoġġja lill-pajjiżi fil-mira.

1.9.

Il-KESE jemmen li hemm bżonn tinbena rabta bejn il-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ u s-Sena Ewropea tal-Ħiliet biex jiġi żgurat li din il-ħidma tingħata prijorità fil-pajjiżi msieħba.

1.10.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-attivitajiet li jiffokaw fuq l-edukazzjoni għandhom ikunu mfassla fuq l-ugwaljanza, b’mod partikolari l-protezzjoni tat-tfajliet u l-bniet, u li l-istrateġiji għandhom jiżguraw l-involviment ta’ dawk l-aktar diffiċli biex jintlaħqu. L-opportunitajiet kollha ta’ boroż ta’ studju għandhom ikunu miftuħa, trasparenti u jkollhom metodi apposta biex jinkoraġġixxu lil dawk l-aktar diffiċli biex jintlaħqu.

1.11.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li għandu jitrawwem l-involviment ċiviku mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha bħall-gruppi taż-żgħażagħ, it-trade unions u l-gruppi ta’ intraprendituri żgħażagħ.

1.12.

Il-KESE jikkunsidra li l-politika kummerċjali tal-UE jeħtieġ li teżamina l-impatt u l-konnessjoni tagħha maż-żgħażagħ, partikolarment taħt il-kapitoli tal-kummerċ u tas-sostenibbiltà u l-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika.

1.13.

Il-KESE jirrakkomanda li għandhom jiġu żviluppati servizzi tas-saħħa mentali speċifiċi bbażati fil-komunità għaż-żgħażagħ u miri kemm għan-numri tal-output kif ukoll għat-titjib kwalitattiv fis-saħħa mentali, għal xogħol maż-żgħażagħ fl-azzjoni esterna, b’mod konsistenti mal-istudju tal-Kummissjoni Ewropea.

1.14.

Il-KESE jemmen li l-ġlieda kontra t-tħaddim tat-tfal għandha tkun parti importanti mill-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ, sabiex it-tħaddim tat-tfal fl-aħħar jiġi eliminat fis-seklu 21.

2.   Informazzjoni ġenerali: attivitajiet rilevanti tal-KESE

2.1.

F’Ottubru tal-2018, il-KESE adotta l-Opinjoni tiegħu dwar l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għaż-Żgħażagħ (2) li tenfasizza l-ħtieġa għal approċċ transsettorjali għaż-żgħażagħ u l-ħtieġa li tingħata aktar attenzjoni lill-impjiegi, lis-saħħa mentali, lill-ugwaljanza u lill-edukazzjoni. Enfasizza ukoll l-importanza tal-politiki ta’ azzjoni esterna tal-UE f’dan ir-rigward.

2.2.

F’Settembru tal-2020, il-KESE adotta l-Opinjoni “Lejn involviment strutturat min-naħa taż-żgħażagħ dwar il-klima u s-sostenibbiltà fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE” (3). Huwa appella wkoll biex jiġu stabbiliti Round Tables taż-Żgħażagħ dwar il-Klima u s-Sostenibbiltà, inkluż delegat żagħżugħ fid-delegazzjoni uffiċjali tal-UE għal-laqgħat tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC COP), u li jiġu inklużi l-vuċijiet taż-żgħażagħ fl-Opinjonijiet tal-KESE dwar il-klima u s-sostenibbiltà.

2.3.

Fl-Opinjoni “Il-politika dwar iż-żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent, bħala parti mill-Aġenda ta’ Innovazzjoni għall-Balkani tal-Punent” (4) li ġiet adottata f’Lulju tal-2022, il-KESE stieden lill-gvernijiet tal-Balkani tal-Punent biex isegwu dokumenti ewlenin tal-politika taż-żgħażagħ tal-UE u biex jinvestu aktar f’politiki taż-żgħażagħ ibbażati fuq l-evidenza li jindirizzaw l-isfidi tal-iżvilupp taż-żgħażagħ u jiżguraw allokazzjonijiet baġitarji suffiċjenti u trasparenti.

2.4.

Il-KESE jinsab f’pożizzjoni unika biex jiffaċilita l-involviment man-networks taż-żgħażagħ. Huwa stabbilixxa Grupp ta’ Koordinazzjoni għas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, li ngħata mandat biex isaħħaħ il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u maż-żgħażagħ matul is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ u lil hinn minnha, u biex jikkoopera mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà biex jiżgura integrazzjoni trasversali aħjar taż-żgħażagħ fl-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum. F’Settembru 2022, il-KESE adotta l-Opinjoni “It-Test taż-Żgħażagħ tal-UE” (5) u talab parteċipazzjoni taż-żgħażagħ aktar strutturata, sinifikanti u mmirata.

3.   Kummenti ġenerali dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ

3.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-Komunikazzjoni Konġunta — Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ fl-azzjoni esterna tal-UE 2022 — 2027, li timmarka pass importanti fl-azzjoni esterna u l-politika taż-żgħażagħ, filwaqt li tirrikonoxxi s-sinerġiji potenzjali bejn it-tnejn li huma, li ilu ħafna mistenni. Barra minn hekk, fis-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, żvilupp bħal dan jindika wkoll rikonoxximent li ż-żgħażagħ u l-ħajja taż-żgħażagħ jidħlu f’kull qasam ta’ politika, u l-kunsiderazzjonijiet ta’ dan il-grupp jeħtieġ li jidhru fix-xogħol kollu tal-politika, mhux biss fl-oqsma “tradizzjonali” assoċjati maż-żgħażagħ.

3.2.

Il-gwerra fl-Ukrajna qed tkompli tħalli impatt qawwi fuq iċ-ċivili, b’mod partikolari fuq it-tfal, l-adolexxenti u ż-żgħażagħ. Il-prijorità tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ fl-Ukrajna, kif ukoll f’żoni oħra tad-dinja milquta minn kunflitti, għandha tkun li tiżdied ir-reżiljenza taż-żgħażagħ, li jiġi appoġġjat l-involviment ċiviku taż-żgħażagħ u li tingħatalom is-setgħa li jfasslu l-bidla fil-komunitajiet tagħhom, speċjalment fid-dawl tal-irkupru wara kunflitt.

3.3.

Il-Komunikazzjoni tqis ukoll kif imiss il-ħajja ta’ wara l-COVID-19, u tirrikonoxxi kif iż-żgħażagħ, l-edukazzjoni tagħhom u l-libertà ta’ moviment tagħhom kienu l-aktar li sofrew f’din il-kriżi. Filwaqt li fl-Ewropa huwa rikonoxxut, l-impatt tal-COVID-19 fuq iż-żgħażagħ madwar id-dinja ingħata inqas attenzjoni, partikolarment fid-dinja li qed tiżviluppa u fi stati fraġli.

3.4.

Essenzjalment, aħna nappoġġjaw il-kunċett li l-politiki interni kollha relatati maż-żgħażagħ għandhom ikunu jistgħu jiġu riflessi fir-relazzjonijiet esterni tagħna, b’kunsiderazzjoni tal-kuntesti lokali/reġjonali speċifiċi li fihom isseħħ l-azzjoni esterna. Fid-dawl ta’ dan, aħna nappoġġjaw li t-Test taż-Żgħażagħ għall-politiki tal-UE huwa rrakkomandat ukoll lil dawk li jimplimentaw il-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ.

3.5.

Il-KESE jilqa’ wkoll il-fatt li l-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ huwa bbażat fuq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija li jenfasizzaw il-ħtieġa għal parteċipazzjoni ugwali, sħiħa u sinifikanti taż-żgħażagħ fil-ħajja pubblika u politika. Iż-żgħażagħ — għalkemm huma minn ta’ quddiem fil-bidla — frekwentament għadhom sottorappreżentati, għall-kuntrarju tad-drittijiet fundamentali li għandhom. Il-KESE japprezza l-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ għal-livell għoli ta’ ambizzjoni u l-prijorità ċara fuq l-azzjoni. Japprezza wkoll li jirrikonoxxi d-dimensjonijiet interġenerazzjonali tal-isfidi globali tal-lum.

3.6.

Il-Komunikazzjoni tiġbor flimkien il-ħidma politika ewlenija kollha relatata maż-żgħażagħ f’oqsma differenti. Fit-twettiq tagħha, se jkun importanti li jkun hemm xi tip ta’ sorveljanza globali, partikolarment minħabba l-aġenziji differenti għat-twettiq u d-diversità tal-politiki involuti. Dan għandu jinvolvi wkoll lil dawk responsabbli għaż-żgħażagħ u l-edukazzjoni, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u ż-żgħażagħ infushom, kif ukoll l-aġenziji tal-għajnuna u korpi nazzjonali oħra tal-Istati Membri tal-UE, l-aġenziji ffinanzjati u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Bl-istess mod, ir-riżultati se jkollhom jikkunsidraw diversi sorsi finanzjarji, atturi u indikaturi involuti. B’mod ġenerali, dan se jkun ta’ sfida, iżda sistema ta’ sorveljanza effettiva tkun utli ħafna u tista’ tkun mudell ta’ twettiq ta’ politika konġunta.

3.7.

Il-ġbir tad-data jeħtieġ li jittejjeb għaż-żgħażagħ fi kważi kull qasam ta’ azzjoni esterna. L-introduzzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ jeħtieġ li tiffoka fuq dan il-qasam ta’ sfida, kif rikonoxxut fl-immappjar u fl-analiżi tal-lakuni tad-data internazzjonali dwar iż-żgħażagħ, li twettqu reċentement mill-Kummissjoni Ewropea. Jista’ jkun diffiċli li l-eżiti u r-riżultati jiġu diżaggregati u li ssir distinzjoni bejn il-kontribut preċiż ta’ kwalunkwe programm jew inizjattiva partikolari għal riżultat. Għalhekk l-interventi kollha maż-żgħażagħ jeħtieġu analiżi lonġitudinali.

3.8.

L-UE u l-istituzzjonijiet kollha tagħha għandhom jaħdmu mar-Renju Unit biex jiżguraw li ż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ f’dak il-pajjiż ma jitilfux l-ispirtu ta’ kooperazzjoni u l-apprendiment interkulturali u l-esperjenza żviluppata mill-Erasmus+. Għandha tiġi esplorata kull opportunità biex jiġi ottimizzat il-potenzjal għall-bini mill-ġdid tar-relazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-Renju Unit, u għandhom jinħolqu u jiġu promossi opportunitajiet oħrajn ġodda (6).

Tmexxija u Parteċipazzjoni

3.9.

Il-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ jenfasizza b’mod konsiderevoli t-tmexxija u l-parteċipazzjoni. Dan huwa milqugħ u konformi ħafna mal-aħjar prattiki fil-ħidma maż-żgħażagħ. Madankollu, il-KESE jemmen li se jkun meħtieġ approċċ maħdum bir-reqqa u deliberat biex approċċ bħal dan ikollu segwitu fl-azzjoni esterna tal-UE. Anke fi ħdan l-UE u l-Istati Membri tagħha, għad fadlilna triq twila x’nimxu fir-rigward tal-prattika parteċipattiva minkejja l-isforzi qawwija li saru. It-tmexxija taż-żgħażagħ ġeneralment toriġina minn ħidma tajba fil-livell l-aktar bażiku u f’ambjent ta’ appoġġ. Dan imbagħad jagħti lok liż-żgħażagħ biex ikunu jistgħu jitkellmu, iżda dan ikun ibbażat fuq konnessjonijiet mal-pari tagħhom u fuq l-esperjenza ta’ kwistjonijiet lokali bħall-ambjent, it-trasport, l-edukazzjoni, is-saħħa mentali, l-assistenza soċjali u ħafna aktar. Dan ix-xogħol spiss ikun iffaċilitat mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Nittamaw li l-programmi tematiċi dwar is-Soċjetà Ċivili u d-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija jkunu jistgħu jenfasizzaw dawn il-ħtiġijiet.

3.10.

Għadd ta’ fatturi assoċjati jeħtieġ li jkunu preżenti għal prattika tajba f’dan il-qasam. Il-programm Erasmus+ għadu jfittex li jagħti prijorità liż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet, filwaqt li jagħraf b’mod effettiv li l-programm ewlieni għad għandu ħafna x’jagħmel f’dan il-qasam. Fil-qasam tal-kuntatti bejn in-nies u l-mobilità, aspetti amministrattivi bħall-viżi għandhom rwol deċiżiv biex jiżguraw esperjenza bla xkiel għall-parteċipanti, u hemm bżonn ta’ approċċ komuni hawnhekk. Huwa ċar li l-isfidi tal-applikazzjoni ta’ dawn l-aspetti għall-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, li qegħdin fi stat fraġli jew saħansitra pajjiżi totalitarji, se jiżdiedu. Fl-aħħar mill-aħħar, it-tmexxija u l-ħidma parteċipattiva kollha maħsuba għandhom jinbnew fuq l-esperjenza popolari u tal-komunità.

3.11.

Irridu noqogħdu attenti li ma naqilbux il-proċess ta’ taħt fuq billi l-ewwel naħdmu ma’ “mexxejja” mingħajr ebda trazzjoni reali abbażi ta’ appoġġ popolari. Il-finanzjaturi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali mhux governattivi ma jistgħux joħolqu din it-tmexxija, u huwa meħtieġ li jiġu żgurati rabtiet ta’ kwalità fil-livell popolari. Għalhekk, neħtieġu għażla trasparenti, metodi miftuħa u inklużivi u salvagwardji kontra l-manipulazzjoni minn stati jew partijiet oħrajn, partikolarment fi stati fraġli. Il-ħiliet ta’ involviment, parteċipazzjoni u tmexxija huma kruċjali u l-approċċ tagħna jrid jibni infrastruttura biex dawn isiru realtà. L-appoġġ fit-tul għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u s-soċjetà ċivili irid jingħata prijorità fuq approċċi bbażati fuq proġetti fuq perjodu ta’ żmien qasir. L-interazzjoni mat-tmexxija taż-żgħażagħ teħtieġ ukoll strateġiji biex jiġi ttrattat grupp li jinbidel kontinwament u li huwa temporanju, magħmul minn persuni li jikbru u jiżviluppaw u li f’xi stadju jkollhom bżonn jew ikunu jridu jimxu ’l quddiem.

3.12.

Għandu jingħata appoġġ sinifikanti lill-organizzazzjonijiet fil-livell popolari li joperaw fil-post sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw internament u jsiru atturi rilevanti fil-komunitajiet lokali tagħhom. Nittamaw li l-ħidma tal-Bord ta’ Evalwazzjoni taż-Żgħażagħ dwar is-sħubija internazzjonali f’dan ir-rigward, u l-pjattaforma ta’ djalogu ma’ organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ bħala parti mill-Forum ta’ Politika dwar l-Iżvilupp (PFD), se tindirizza dan. Barra minn hekk, l-appoġġ lit-trade unions u lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ tat-trade unions jista’ jgħin biex jinkoraġġixxi u jappoġġja liż-żgħażagħ jipparteċipaw b’mod demokratiku fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Il-Kunsilli Nazzjonali taż-Żgħażagħ jistgħu jipprovdu infrastruttura tajba biex jiddeċiedu ma’ min jaħdmu f’pajjiżi msieħba, sakemm dawn ikunu indipendenti, kif ukoll inizjattivi bħall-inizjattiva Mobilizzazzjoni Globali taż-Żgħażagħ tas-6 organizzazzjonijiet kbar taż-żgħażagħ (7).

Metodi ta’ Twettiq

3.13.

Hemm referenzi konsiderevoli u milqugħa għal Erasmus+ fil-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ. F’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni tevita li tirrepeti xogħol li diġà sar b’mod tajjeb. L-istrutturi u l-proċessi tal-programm jistgħu u għandhom jintużaw fir-relazzjonijiet esterni tagħna fejn rilevanti. Fit-twettiq, jista’ jkun ta’ għajnuna li jiġu diżaggregati s-sottopartijiet tal-programm bħaż-żgħażagħ, l-iskejjel, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) u l-edukazzjoni terzjarja. L-ostakli, bħall-viżi, in-nuqqas ta’ finanzjament u l-ostakli lingwistiċi għandhom jitneħħew, u t-twettiq għandu jiffoka fuq it-tagħlim reċiproku, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-esperjenza. Jekk jintużaw aġenziji nazzjonali, dawn għandhom jiġu vverifikati b’kawtela biex jiġi żgurat ir-rispett għall-atturi xierqa tas-soċjetà ċivili u l-indipendenza tagħhom.

3.14.

Il-VET Inizjali (IVET) jiffaċilita l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ fil-futur u l-parteċipazzjoni tagħhom fit-tagħlim tul il-ħajja. Il-politiki u l-prattiki tajba tal-VET jappoġġjaw l-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs).

3.15.

Il-Komunikazzjoni tagħmel rabtiet utli bejn l-azzjoni esterna tal-UE u d-drittijiet tat-tfal, fejn l-UE reċentement żviluppat strateġija. Rabta akbar mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC) tal-1989 fit-twettiq tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ tkun ta’ għajnuna wkoll, pereżempju billi jintużaw ir-rapporti tal-istati tal-kumitat ta’ Ġinevra. Ħafna żgħażagħ għandhom taħt it-18-il sena u l-prinċipji fl-UNCRC jistgħu jservu bħala gwida, iżda l-ħidma fost iż-żgħażagħ tal-UE tkompli lil hinn minn din l-età. Mhux dejjem għandna nikkunsidraw it-18-il sena bħala l-età awtomatika ta’ diviżjoni.

3.16.

Jeħtieġ li jiġi applikat approċċ ta’ Tim Ewropa biex jiġi implimentat il-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ fil-livell nazzjonali, reġjonali u multilaterali. L-UE għandha għalhekk taġġusta għall-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi speċifiċi fir-reġjuni differenti. Il-KESE jemmen li jkun ta’ benefiċċju jekk is-sħubijiet jikkontribwixxu biex jimtlew il-lakuni fl-għarfien u fid-data dwar iż-żgħażagħ, speċjalment dawk relatati mal-oqsma prijoritarji tal-iżvilupp tal-ħiliet diġitali, tat-tibdil fil-klima u tal-Patt Ekoloġiku. Il-KESE huwa interessat li fix-xhur li ġejjin jitgħallem kif l-azzjonijiet varji se jiġu implimentati u jinsab lest li jikkontribwixxi.

3.17.

Konna nittamaw għal livell akbar ta’ rispons matul il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ u aktar rappreżentattività fost it-tweġibiet. Dan jixħet dawl fuq il-ħtieġa li ż-żgħażagħ jingħataw l-informazzjoni rilevanti kollha dwar suġġetti importanti biex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati u jikkontribwixxu b’mod preċiż u sinifikanti għall-proċess tat-tfassil tal-politika. Għodod bħat-Tikketta tal-Kwalità tal-Informazzjoni u l-Pariri Ewropej għaż-Żgħażagħ (ERYICA) jistgħu jkunu informattivi hawnhekk.

4.   Kummenti speċifiċi dwar partijiet mill-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ

4.1.

Id-dispożizzjonijiet fil-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ jirrappreżentaw il-kompilazzjoni ta’ ħafna attivitajiet kurrenti, u l-isfidi fl-implimentazzjoni se jkunu enormi, partikolarment wara l-pandemija tal-COVID-19. L-aċċess għall-edukazzjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri huma kritiċi u kien hemm progress f’dan il-qasam.

Edukazzjoni

4.2.

Hija meħtieġa rabta qawwija mas-Sena Ewropea tal-Ħiliet fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet marbutin mal-iżvilupp tal-ħiliet, l-iżjed fil-qasam tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, kif ukoll fl-ekonomija ċirkolari, is-saħħa mentali u fiżika, is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, anke fit-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet taż-żgħażagħ (8). Ir-rwoli tad-djalogu soċjali u ċiviku huma essenzjali u jeħtieġ li jissaħħu.

4.3.

Għal darb’oħra, se jkun hemm diversi partijiet interessati involuti fl-edukazzjoni u, għalhekk, jinħtieġu miri u kejl ċari. Sforz kostanti fuq dawk l-aktar diffiċli biex jintlaħqu, partikolarment fl-ifqar stati u dawk l-aktar fraġli, huwa meħtieġ. L-impenn ta’ nfiq ta’ 10 % mill-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) tal-Kummissjoni Ewropea u fil-baġit umanitarju huwa milqugħ u nixtiequ naraw l-impenji ta’ aġenziji u stati oħra. Is-soluzzjonijiet fit-tul fl-edukazzjoni jridu jiġu minn gvernijiet fil-pajjiżi fil-mira u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali għandu jkollhom rwol ewlieni. Il-komunità internazzjonali ma tistax tkun l-attur prinċipali fit-tul. Nittamaw li s-Summit dwar it-Trasformazzjoni tal-Edukazzjoni jista’ jwassal għal avvanzi f’dan.

4.4.

Dispożizzjonijiet dwar boroż ta’ studju u trusts huma milqugħa, iżda jeħtieġ li nagħtu attenzjoni għall-kwistjonijiet tal-għażla u niżguraw l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Huwa importanti li jiġu definiti proċeduri trasparenti, ġusti u inklużivi għall-għażla tal-parteċipanti fi programmi akkademiċi meta jiġu stabbiliti dawn l-opportunitajiet, billi tingħata prijorità lill-aċċess għal individwi b’inqas opportunitajiet.

4.5.

L-isfruttar tal-valur tal-kapital uman huwa essenzjali biex tiżdied il-kompetittività u jiġi indirizzat il-qgħad, filwaqt li jiġi rrispettat l-iżvilupp sostenibbli. Dan jitlob forza tax-xogħol mgħammra b’firxa ta’ ħiliet trasfversali u l-kapaċità ta’ adattament. Il-politika dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ trid tiġi żviluppata u mwassla f’kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali u għandha tenfasizza l-kompetenzi aktar milli l-kwalifiki. Dan se jgħin biex jitnaqqas l-ispariġġ fil-ħiliet.

Organizzazzjonijiet taż-Żgħażagħ

4.6.

Hemm diversi fora u korpi stabbiliti fil-Komunikazzjoni li jinvolvu liż-żgħażagħ. Il-pjattaforma fil-Forum Politiku dwar l-Iżvilupp hija milqugħa, sakemm jiġu żgurati l-konnessjonijiet fil-livell taċ-ċittadini mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, li huma indipendenti, awtoorganizzati u idealment immexxija miż-żgħażagħ.

4.7.

Huma milqugħa l-aċċenn u r-referenza għall-involviment tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-Komunikazzjoni. L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ tista’ tibbenefika minn involviment fil-mudelli differenti ta’ prattika tax-xogħol fost iż-żgħażagħ preżenti fl-UE. Din il-prattika tista’ tkun rilevanti daqs il-vuċijiet taż-żgħażagħ, peress li tibni l-kapaċità fost iż-żgħażagħ kollha fil-livell lokali u mbagħad tagħti lok għal mexxejja żgħażagħ li jiffokaw fuq l-esperjenza lokali. Hemm disponibbli ammont konsiderevoli ta’ evidenza u mudelli permezz tas-Sħubija bejn l-UE u l-Kunsill tal-Ewropa u s-settur taż-żgħażagħ volontarju.

4.8.

L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jistgħu jkunu riżorsa tremenda fit-twettiq tal-pjan. L-Istati Membri tal-UE għandhom jiġu mħeġġa jinvolvu lis-settur taż-żgħażagħ tagħhom f’dan il-qasam bi pjani ta’ azzjoni nazzjonali. Aħna għandna nipprijoritizzaw il-mudelli tajbin u l-ħidma mill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ tal-UE fix-xogħol li jirrigwarda l-iżvilupp, il-kunflitt, u d-drittijiet tal-bniedem qabel, pereżempju, il-mudelli tal-“iżvilupp taż-żgħażagħ” tal-Istati Uniti li spiss jintużaw “lesti” f’pajjiżi li qed jiżviluppaw u f’reġjuni oħra, u li ħafna drabi ma jkunux imsejsa fuq l-istess valuri. Dan kieku jmur tajjeb mal-impenn li jkun hemm soluzzjonijiet imfassla apposta għal reġjuni partikolari.

4.9.

It-tnedija ta’ impenji dwar l-edukazzjoni għandha tinvolvi ruħha wkoll f’sistemi informali u mhux formali f’komunitajiet, fl-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ. Id-definizzjonijiet tal-Unesco u tal-Kunsill tal-Ewropa jipprovdu gwida tajba hawnhekk flimkien max-xogħol fil-kapitolu taż-żgħażagħ tal-Erasmus+. Irridu nirrikonoxxu l-benefiċċji immensi tat-tagħlim għal kulħadd barra mill-ambjent skolastiku li jibqa’ tul il-ħajja kollha u fl-aspetti kollha tagħha.

4.10.

Id-djalogu politiku huwa importanti u l-għanijiet fil-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ huma ambizzjużi, iżda m’għandniex ninjoraw il-politiki taż-żgħażagħ f’kull pajjiż u r-responsabbiltajiet tal-gvernijiet, kif ukoll il-ħtieġa ta’ settur volontarju u soċjetà ċivili ta’ veru. It-tnedija tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ teħtieġ ukoll li tappoġġja l-iżvilupp tal-politika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, l-iżvilupp ta’ kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ jew korpi simili, u approċċi bħat-test taż-żgħażagħ tal-UE u oħrajn.

4.11.

L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ diġà għandhom rabtiet madwar id-dinja, kif muri mill-ħidma tas-6 organizzazzjoni kbar fid-dinja taż-żgħażagħ, u t-tnedija tal-pjan għandha tinvolvihom, tibni fuq ix-xogħol li diġà jeżisti u tkun mudell għal aktar inizjattivi. Għandna wkoll noqogħdu attenti li ma nkunux restrittivi żżejjed fuq il-kwistjonijiet tal-parteċipazzjoni. Mhux ċar jekk ġewx utilizzati proċessi parteċipattivi fl-għażla tal-kwistjonijiet għall-Fond ta’ Emanċipazzjoni taż-Żagħżagħ. Iż-żgħażagħ mhux dejjem jagħżlu l-kwistjonijiet li oħrajn iqisu bħala importanti partikolarment fid-dinja li qed tiżviluppa jew fi stati fraġli fejn konsiderazzjonijiet aktar prattiċi jistgħu jkunu aktar importanti.

4.12.

Id-dispożizzjonijiet dwar il-bini tal-kapaċitajiet għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ huma milqugħa b’sodifazzjon kbir u għandhom ikunu akkumpanjati minn appoġġ effettiv biex jinbdew movimenti ta’ appoġġ popolari fil-pajjiżi msieħba li fihom id-delegazzjonijiet tal-UE jista’ jkollhom rwol kruċjali madwar id-dinja. Hawnhekk għandhom jiġu offruti sħubijiet, fejn xieraq, ma’ organizzazzjonijiet tal-UE u x-xogħol għandu jiġi mmonitorjat. Huwa importanti li jiġi ffaċilitat il-ħolqien u t-tisħiħ ta’ networks kemm mal-organizzazzjonijiet tal-UE kif ukoll dawk mhux tal-UE.

Twettiq effettiv

4.13.

Hemm ħafna atturi, politiki u linji ta’ finanzjament involuti f’din il-ħidma bħad-delegazzjonijiet tal-UE, diversi Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), il-Kunsill tal-UE u l-Istati Membri, u varjetà ta’ baġits ta’ għajnuna. It-tnedija tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ jeħtieġ li tiżgura ċarezza u kooperazzjoni transsettorjali xierqa biex tiżgura enfasi qawwija fuq il-grupp fil-mira fl-aħħar tal-ġurnata, u fl-istess ħin jiġi allokat baġit suffiċjenti.

4.14.

Il-kunċetti li jiġġeneraw il-kuntatti jistgħu jibnu fuq ix-xogħol eżistenti u jħarsu lejn il-ġemellaġġ u inizjattivi oħra tal-Erasmus+ (għaż-Żgħażagħ). Barra minn hekk, proġetti ta’ Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ tal-Erasmus+ (mingħajr dimensjoni transnazzjonali) jistgħu jipprovdu mudelli tajbin għal proġetti taż-żgħażagħ fil-pajjiżi fil-mira.

4.15.

Iż-żgħażagħ huma l-mexxejja futuri u dawk li jfasslu l-bidla, u huma msieħba essenzjali biex jikkontribwixxu għas-suċċess tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni diġitali. Il-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ għandu jiżgura li l-azzjoni esterna tal-UE tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ fuq livell politiku, soċjali u ekonomiku. Il-KESE, filwaqt li jaġixxi fl-impenn tiegħu li jimplimenta r-rakkomandazzjoni mill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa biex jissaħħaħ ir-rwol istituzzjonali tal-Kumitat u jingħata s-setgħa bħala faċilitatur u garanti ta’ attivitajiet ta’ demokrazija parteċipattiva, bħal djalogu strutturat mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-panels taċ-ċittadini, jinsab lest li jagħmel il-parti tiegħu.

4.16.

Ir-referenzi għat-tranżizzjoni għall-ħajja adulta fil-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ huma b’saħħithom, milqugħa b’sodisfazzjon u konformi mal-valuri tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-UE. Kwistjonijiet importanti hawnhekk jinkludu li ż-żgħażagħ jitgħallmu d-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom bħala ċittadini, il-litteriżmu finanzjarju, il-lingwi barranin, is-sostenibbiltà tal-pjaneta tagħna u l-intraprenditorija. Bl-istess mod, il-KESE jilqa’ r-rabta mal-Aġenda tan-NU għaż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà u s-sejħa għal impenn ikbar man-NU. Fit-twettiq tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ, jeħtieġ li nkunu konxji tad-distanza li ż-żgħażagħ ġeneralment ikollhom mit-teħid tad-deċiżjonijiet f’ħafna oqsma.

4.17.

Ir-Riżoluzzjoni 2250 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar iż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà hija għodda kritika fl-involviment taż-żgħażagħ madwar id-dinja. Tidentifika ħames pilastri ewlenin għall-azzjoni: il-parteċipazzjoni, il-protezzjoni, il-prevenzjoni, is-sħubijiet u d-diżimpenn u r-reintegrazzjoni. Din ir-Riżoluzzjoni monumentali tħeġġeġ lill-Partijiet Firmatarji biex jagħtu vuċi akbar liż-żgħażagħ fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell lokali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, u biex jikkunsidraw it-twaqqif ta’ mekkaniżmi li jippermettu liż-żgħażagħ jipparteċipaw b’mod sinifikanti fi proċessi ta’ paċi. Għandu jkun hemm appoġġ għal dawk li jixtiequ jimplimentaw din l-aġenda lokalment u nazzjonali. Ir-rabta u l-koordinazzjoni mal-Fond ta’ Responsabbilizzazzjoni taż-Żgħażagħ joħolqu ħafna sinerġiji hawnhekk.

Ġeneru

4.18.

Il-KESE jemmen li l-isfruttament tal-potenzjal taż-żgħażagħ u l-appoġġ għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri huma essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli. L-azzjoni esterna tal-UE għandha l-intenzjoni li tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ fil-livell politiku, soċjali u ekonomiku u tgħinhom jimpenjaw ruħhom fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u fit-tfassil tal-politika b’mod sinifikanti u inklużiv. Il-KESE jara l-emanċipazzjoni tal-bniet u tan-nisa żgħażagħ bħala vitali biex jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli u japprezza r-referenzi għall-iżgurar tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tmiem tad-diskriminazzjoni fil-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ. Il-KESE jirrimarka li l-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ għandu jissarraf f’azzjonijiet sinifikanti, strateġiċi u fit-tul li jkunu ta’ benefiċċju għall-irġiel u n-nisa żgħażagħ b’mod ugwali. Dan jinkludi l-iżvilupp ta’ strateġiji li jippromovu l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneru fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna.

4.19.

Huwa importanti li jiżdied in-numru ta’ żgħażagħ, b’mod partikolari ta’ tfajliet, b’kapaċitajiet STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija, u matematika) u ħiliet diġitali u li l-bniet jiġu mħajra jinteressaw ruħhom fl-oqsma STEM fi stadju bikri, li jiġu appoġġjati n-nisa intraprendituri u l-mudelli eżemplari femminili f’dawn is-setturi u li jsir investiment fi programmi biex il-bniet fl-iskola sekondarja jinteressaw ruħhom fl-iSTEM.

Saħħa mentali

4.20.

Ir-referenza fil-Komunikazzjoni għas-saħħa mentali hija milqugħa b’sodifazzjon u nittamaw li tkun tidher b’mod prominenti fit-twettiq tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ. Peress li s-sistemi tas-saħħa huma dgħajfa madwar id-dinja, l-implimentazzjoni ta’ titjib f’dan il-qasam aktar “favur għaż-żgħażagħ” għandha tiġi msaħħa.

Persuni b’diżabbiltà

4.21.

Barra minn hekk, il-KESE jqis li huwa daqstant importanti li fil-Komunikazzjoni ssir referenza għaż-żgħażagħ b’diżabbiltà u dawn għandu jkollhom rwol prominenti wkoll fit-twettiq tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ. Iż-żgħażagħ b’diżabbiltà huma grupp li ta’ spiss jintesa fil-promozzjoni tat-tisħiħ tal-pożizzjoni taż-żgħażagħ u tal-parteċipazzjoni demokratika tagħhom u għandu jkollhom sehem fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ.

Opportunità ekonomika

4.22.

Il-ħiliet adatti se jkunu essenzjali għall-opportunitajiet ekonomiċi futuri taż-żgħażagħ. Se jkun meħtieġ appoġġ għall-imprendituri u n-negozji ġodda, inklużi l-finanzi u l-kreditu, peress li se jkun hemm ħafna opportunitajiet, mhux l-inqas fil-qasam diġitali, speċjalment fid-dinja li qed tiżviluppa.

4.23.

Fil-qasam tal-opportunitajiet ekonomiċi, il-mudell tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE joffri eżempju tajjeb b’aġġustamenti adatti biex jipprovdu opportunitajiet għan-NEETs. L-edukazzjoni dwar id-drittijiet tax-xogħol u soċjali se tkun meħtieġa biex l-aġenda tax-xogħol deċenti ssir realtà.

4.24.

Kwistjonijiet bħall-kummerċ jeħtieġ li jiġu eżaminati bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ, pereżempju f’kapitoli dwar is-sostenibbiltà fi ftehimiet ta’ kummerċ ħieles, u għandu jiġi sostnut l-involviment tas-soċjetà ċivili bħall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. Iż-żgħażagħ jibqgħu l-aktar vulnerabbli għat-tħaddim tat-tfal u forom oħra ta’ trattament ħażin. Sabiex dan jiġi miġġieled, il-ġlieda kontra t-tħaddim tat-tfal għandha ssir parti importanti mill-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ sabiex fl-aħħar issir l-istorja fis-seklu 21. Għal dan l-għan, iridu jinħolqu riżorsi finanzjarji biex il-ħaddiema tfal ma jibqgħux jiddependu mill-introjtu tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-operat tal-kumpaniji li jużaw it-tħaddim tat-tfal fil-katina tal-produzzjoni globali tagħhom irid jiġi ristrett.

4.25.

Iż-żgħażagħ spiss ikunu l-ewwel li jagħmlu vjaġġi perikolużi biex jemigraw lejn l-Ewropa u bnadi oħra. Sabiex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ ma jiġux sfurzati jieħdu mogħdijiet perikolużi u spiss illegali fuq il-fruntieri internazzjonali, il-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ jeħtieġ li jinkludi kooperazzjoni attiva ma’ pajjiżi terzi sabiex jiġu stabbiliti kurituri umanitarji u programmi ta’ risistemazzjoni għaż-żgħażagħ biex jaslu l-Ewropa b’mod sikur u legali.

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Kalantaryan, S., McMahon, S. u Ueffing, P., Youth in external action (Iż-żgħażagħ fl-azzjoni esterna), JRC130554, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2022.

(2)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 142

(3)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 44.

(4)  ĠU C 443, 22.11.2022, p. 44.

(5)  ĠU C 486, 21.12.2022, p. 46.

(6)  Rapport ta’ informazzjoni tal-KESE dwar “L-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit mill-UE”, inkluż il-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq.

(7)  https://globalyouthmobilization.org/

(8)  ĠU C 100, 16.3.2023, p. 38


Início