Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022DC0682

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Qafas ta' politika tal-UE dwar plastiks b'bażi bijoloġika, bijodegradabbli u kompostabbli

COM/2022/682 final

Brussell, 30.11.2022

COM(2022) 682 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Qafas ta' politika tal-UE dwar plastiks b'bażi bijoloġika, bijodegradabbli u kompostabbli


1.Introduzzjoni

It-tranżizzjoni tal-UE lejn ekonomija ċirkolari, effiċjenti fir-riżorsi u newtrali għall-klima, flimkien mal-ambizzjoni li jintlaħaq tniġġis żero u l-ħtieġa li tiġi protetta u mtejba l-bijodiversità wasslu għal rivalutazzjoni ġenerali ta’ kif il-plastiks jiġu prodotti, użati u mormija. Minkejja l-isforzi li saru biex jiżdiedu s-sostenibbiltà u ċ-ċirkolarità tal-plastiks, fl-2020, fl-Ewropa, 14 % biss tal-iskart tal-plastik ġie riċiklat domestikament, filwaqt li l-bqija ġie jew maħruq bl-irkupru enerġetiku, mormi f’landfill, mormi, jew ġie esportat 1 . Minħabba dan il-mudell b'mod predominanti lineari u l-indikazzjonijiet li l-produzzjoni se tirdoppja fl-20 sena li ġejjin 2 , hemm ħtieġa urġenti li tittejjeb is-sostenibbiltà ambjentali ġenerali tal-plastiks. Madankollu, it-tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG), il-ġenerazzjoni tal-iskart, it-tixrid taż-żibel u t-tniġġis mill-plastik jippreżentaw sett kumpless ta’ sfidi 3 .

Fit-tfittxija għal soluzzjonijiet għal dawn l-isfidi, qed jitfaċċaw plastiks b’bażi bijoloġika, bijodegradabbli u kompostabbli fil-ħajja tagħna ta’ kuljum bħala alternattivi għall-plastiks konvenzjonali attwalment dominanti. Dawn jintużaw f’applikazzjonijiet bħall-imballaġġ, li jammonta għal kważi nofs id-domanda għal tali plastiks, segwit minn prodotti tal-konsumaturi u tessuti, kif ukoll f’setturi bħall-agrikoltura, it-trasport u l-kostruzzjoni. Globalment, dawn il-plastiks jirrappreżentaw 1 % tal-kapaċità totali tal-produzzjoni tal-plastik, għal volum ta’ aktar minn 2 miljun tunnellata fis-sena. L-Ewropa tospita kwart tal-kapaċità tal-produzzjoni, u l-Asja kważi nofs din il-kapaċità. Il-produzzjoni tagħhom hija mistennija li tikber aktar malajr mis-snin preċedenti u huma mistennija li jirduppjaw is-sehem tal-kapaċità totali tal-produzzjoni tal-plastik tagħhom sal-2025 4 .

Il-plastiks b’bażi bijoloġika, bijodegradabbli u kompostabbli huma perċepiti b’mod wiesa’, fl-Ewropa u fuq livell internazzjonali, bħala aktar ekoloġiċi mill-plastiks konvenzjonali, li huma bbażati fuq il-fossili u ma humiex bijodegradabbli. Fl-istess ħin, qed jiżdiedu kemm l-evidenza kif ukoll l-għarfien xjentifiku li jridu jiġu ssodisfati għadd ta’ kundizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-produzzjoni u l-użu ta’ dawn il-plastiks jirriżultaw f’eżiti ambjentali ġenerali pożittivi u ma jaggravawx il-problemi tat-tniġġis mill-plastik, tat-tibdil fil-klima u tat-telf tal-bijodiversità. Filwaqt li l-produzzjoni tal-plastiks mill-bijomassa jew l-iżgurar li l-prodotti tal-plastik jistgħu jiddegradaw b'mod bijoloġiku f’xi ambjenti li jirċevuhom jista’ jġib għadd ta’ benefiċċji meta mqabbla mal-plastiks konvenzjonali, dawn is-soluzzjonijiet għandhom l-isfidi ta’ sostenibbiltà u l-kompromessi tagħhom stess li għandhom jinftiehmu tajjeb u jitqiesu kif xieraq. Dawn lanqas ma għandhom inaqqsu xi ħaġa mill-ħtieġa li ċ-ċiklu tal-ħajja tal-plastiks jiġi allinjat mal-ekonomija ċirkolari u li jiġi żgurat, bħala prijorità, li qabelxejn jitnaqqas l-użu tar-riżorsi, li l-materjali tal-feedstocks kollha, inkluż il-feedstocks b’bażi bijoloġika, jinżammu fiċ-ċirkwit għall-itwal żmien possibbli, u li l-materja prima sekondarja tiġi ppreferuta mill-materja prima primarja.

Għalkemm il-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE jindirizzaw xi aspetti u applikazzjonijiet ta’ plastiks b’bażi bijoloġika, bijodegradabbli u kompostabbli, ikun aħjar li jittieħed approċċ aktar sistemiku biex jiġu sostnuti d-deċiżjonijiet kemm mis-settur pubbliku kif ukoll minn dak privat. Dan l-approċċ għandu jkun ibbażat fuq il-Patt Ekoloġiku Ewropew 5 , il-pjan ta’ azzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari 6 u l-istrateġija tal-UE għall-plastiks 7 . Barra minn hekk, il-pjan ta’ azzjoni għal tniġġis żero 8 għandu l-għan li jnaqqas l-iskart tal-plastik fil-baħar b’50 %, u l-mikroplastiks rilaxxati fl-ambjent b’30 % sal-2030. L-enfasi tal-istrateġija tal-UE dwar il-ħamrija 9 hija li tipprevjeni l-kontaminazzjoni tal-ħamrija fis-sors.

Dawn il-politiki jrawmu l-miri li ġejjin, f’ordni ta’ prijorità: it-tnaqqis, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-plastiks biex jiġi mminimizzat l-użu tal-enerġija u tar-riżorsi u biex il-materjali jinżammu fl-ekonomija għall-itwal żmien possibbli, filwaqt li jiġi segwit ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi.

Approċċ aktar sistemiku se jfittex li jsib bilanċ għaqli bejn il-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza fuq ir-riżorsi fossili, li l-impatti ta’ dan jinħassu bis-saħħa fil-kriżi tal-enerġija attwali kkawżata mill-gwerra brutali Russa fuq l-Ukrajna, u li tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel, li hija affettwata mill-użu tal-art għall-produzzjoni tal-bijomassa li trid tissodisfa d-domandi f’kompetizzjoni.

L-għan ta’ dan il-qafas ta’ politika għall-plastiks b’bażi bijoloġika, bijodegradabbli u kompostabbli huwa li jipprovdi fehim aħjar tal-isfidi u tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Dan jistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet biex jiġi żgurat li b’mod ġenerali, l-impatt ambjentali tal-produzzjoni u tal-konsum tagħhom ikun pożittiv. Dan għandu l-għan li jnaqqas id-diskrepanzi fil-politika, jiggwida l-politika jew il-leġiżlazzjoni futura tal-UE dwar tali kwistjonijiet u li jipprovdi orjentazzjoni għas-suq bil-għan li jiġi evitat kwalunkwe żvilupp mhux sostenibbli. Fehim komuni madwar l-UE dwar l-użu ta’ dawn il-materjali tal-plastik se jiffaċilita wkoll is-suq uniku u se jipprevjeni li d-differenzi fil-livell nazzjonali jifframmentaw is-suq.

2.Il-kunċetti: plastiks b’bażi bijoloġika, bijodegradabbli jew kompostabbli?

Ir-referenza għall-plastiks bħala “b’bażi bijoloġika” tindika l-materja prima, jew il-feedstock, li jintuża għall-produzzjoni tagħhom. Filwaqt li l-plastiks konvenzjonali huma magħmulin minn riżorsi fossili (żejt u gass naturali), il-plastiks b’bażi bijoloġika huma magħmulin mill-bijomassa. Il-bijomassa bħalissa toriġina prinċipalment minn pjanti mkabbra speċifikament biex jintużaw bħala feedstock sabiex jissostitwixxu r-riżorsi fossili, bħall-kannamiela, l-għelejjel taċ-ċereali, l-għelejjel taż-żejt jew sorsi mhux tal-ikel bħall-injam 10 . Sorsi oħra huma skart organiku u prodotti sekondarji, bħal żejt tat-tisjir użat, il-bagasse u l-kolufonja likwida. Il-plastiks jistgħu jsiru kompletament jew parzjalment minn feedstock b’bażi bijoloġika. Kif muri fl-illustrazzjoni ta’ hawn taħt, il-plastiks b’bażi bijoloġika jistgħu jkunu kemm bijodegradabbli kif ukoll mhux bijodegradabbli.

Filwaqt li l-plastiks konvenzjonali ma jiddekomponux fi tmiem ħajjithom, il-plastiks imsemmija bħala “bijodegradabbli” huma mfassla biex jiddekomponu fi tmiem ħajjithom bil-konverżjoni tal-kostitwenti organiċi kollha tagħhom (polimeri u addittivi organiċi) prinċipalment f’diossidu tal-karbonju u ilma, f'bijomassa mikrobika ġdida, f'imluħa minerali u, fin-nuqqas ta’ ossiġenu, f'metan 11 . Sabiex dan iseħħ, minbarra l-karatteristiċi tal-materjal tal-plastik, huma meħtieġa kundizzjonijiet xierqa fl-ambjent li jirċevuh kif ukoll biżżejjed żmien. Din hija r-raġuni għaliex il-bijodegradazzjoni tal-plastik ma tridx titqies biss f’termini tal-proprjetajiet tal-materjal, iżda fuq kollox f’termini ta’ “proprjetà tas-sistema” fejn fatturi relatati mal-materjal u mal-ambjent huma ugwalment importanti. Kif muri hawn taħt, il-plastiks imfassla biex jiddegradaw b'mod bijoloġiku jistgħu jkunu kemm b’bażi bijoloġika kif ukoll b’bażi fossili.

Il-“plastiks kompostabbli” huma subsett ta’ plastiks bijodegradabbli mfassla biex jiddegradaw b'mod bijoloġiku f’kundizzjonijiet ikkontrollati, tipikament permezz ta’ kompostjar industrijali f’faċilitajiet speċjali għall-kompostjar jew għad-diġestjoni anaerobika. L-iskart mill-plastiks bijodegradabbli li jintbagħat għall-kompostjar industrijali jeħtieġ li l-ewwel jinġabar. Hemm standard Ewropew għall-imballaġġ kompostabbli fuq livell industrijali 12 iżda mhux għall-kompostjar domestiku peress li l-kundizzjonijiet għal dan tal-aħħar jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti.

Illustrazzjoni 1: Alternattivi għall-plastiks konvenzjonali (Sors: Aġenzija Ewropea għall-Ambjent) 13  

3.Plastiks b’bażi bijoloġika

Il-pjan ta’ azzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari jidentifika l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isfidi emerġenti tas-sostenibbiltà relatati mal-akkwist, it-tikkettar u l-użu ta’ plastiks b’bażi bijoloġika, abbażi tal-valutazzjoni ta’ fejn l-użu ta’ feedstock b’bażi bijoloġika jirriżulta f’benefiċċji ambjentali ġenwini, li jmorru lil hinn mit-tnaqqis fl-użu tar-riżorsi fossili. Dan ifisser ukoll li jiġi żgurat li l-użu ta’ feedstock b’bażi bijoloġika ma jkollux impatti negattivi fuq il-bijodiversità, l-ekosistemi jew l-użu tal-art u tal-ilma.

Is-settur tas-sustanzi kimiċi se jkompli jeħtieġ il-karbonju bħala feedstock għal materjali bħall-plastik. Biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, l-aġenda tal-ekonomija ċirkolari tal-UE tistabbilixxi bħala prijorità li jitnaqqas il-konsum ta’ prodotti u skart b’ħajja qasira, u li jiżdiedu r-riċiklaġġ tal-plastik u l-użu ta’ kontenut riċiklat biex isiru prodotti ġodda.

Peress li l-feedstock tal-karbonju se jkompli jkun meħtieġ, il-karbonju rinnovabbli minn bijomassa b’sorsi sostenibbli huwa alternattiva għall-karbonju fossili. B’mod partikolari, l-użu tal-iskart organiku u tal-prodotti sekondarji biex jiġu prodotti plastiks b’bażi bijoloġika jista’ joffri diżakkoppjar parzjali mir-riżorsi fossili u jgħin biex jintlaħqu l-miri tan-newtralità klimatika filwaqt li jitnaqqas ukoll l-użu tar-riżorsi bijoloġiċi primarji u tiġi evitata l-ħsara lill-bijodiversità. Ir-rwol tal-bijomassa b’sorsi sostenibbli ġie rikonoxxut ukoll 14 u hemm żviluppi tal-politika u tas-suq li jħeġġu ż-żieda ta’ kontenut b’bażi bijoloġika 15 . Il-Komunikazzjoni dwar “Ċikli tal-Karbonju Sostenibbli” 16 tistabbilixxi l-objettiv ta’ aspirazzjoni li mill-inqas 20 % 17 tal-karbonju li jintuża fi prodotti kimiċi u tal-plastik għandu jiġi minn riżorsi mhux fossili sostenibbli biex jgħin fil-kisba tan-newtralità klimatika. L-istrateġija aġġornata dwar il-bijoekonomija 18 tenfasizza l-importanza li jinstabu soluzzjonijiet b’bażi bijoloġika li ma jagħmlux ħsara lin-natura. Il-plastiks b’bażi bijoloġika jistgħu jistimulaw ukoll il-ħolqien tal-impjiegi, speċjalment billi jsaħħu r-rwol tal-produtturi primarji fil-bijoekonomiji lokali. Sabiex jiġi żgurat tali impatt pożittiv, l-industrija tal-plastik b’bażi bijoloġika se jkollha bżonn ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati. Għal dak il-għan, l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa 19 tgħin biex topera bidla fis-settijiet ta’ ħiliet biex jinkiseb potenzjal sħiħ.

3.1 Kontenut tal-plastik b’bażi bijoloġika

Bħalissa ma hemm l-ebda kontenut minimu obbligatorju b’bażi bijoloġika u lanqas skema ta’ ċertifikazzjoni jew tikketta miftiehma għal prodott tal-plastik li għandu jiġi ttikkettat bħala prodott b’bażi bijoloġika. L-istandards trażversali żviluppati mill-Kumitat Tekniku Ewropew għall-Istandardizzazzjoni għal prodotti b’bażi bijoloġika (CEN/TC411) joffru gwida dwar aspetti bħall-metodi ta’ kejl ta’ kontenut b’bażi bijoloġika, il-komunikazzjoni bejn negozju u ieħor u min-negozju għall-konsumatur. Dawn l-istandards volontarji jintużaw ħafna mis-suq u l-applikazzjoni tagħhom hija rrakkomandata peress li tiżgura approċċ konsistenti.

Biex jiġi miġġieled il-greenwashing u biex jiġi evitat li l-konsumaturi jiġu mqarrqa, ma għandhomx isiru affermazzjonijiet ġeneriċi dwar prodotti tal-plastik bħal “bijoplastiks” u “b’bażi bijoloġika”. Il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika 20 tipproponi projbizzjoni fuq tali prattiki sakemm ma jkunux sostnuti minn prestazzjoni ambjentali eċċellenti rikonoxxuta jew kull meta l-ispeċifikazzjoni tal-affermazzjoni ma tkunx ipprovduta f’termini ċari u prominenti fuq l-istess mezz. Sabiex jiġi evitat li l-konsumaturi jiġu mqarrqa, l-affermazzjonijiet għandhom jirreferu biss għas-sehem eżatt u li jista’ jitkejjel tal-kontenut tal-plastik b’bażi bijoloġika fil-prodott, filwaqt li jiddikjaraw, pereżempju, li l-“prodott fih 50 % kontenut tal-plastik b’bażi bijoloġika”.

Huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li l-kontenut b’bażi bijoloġika jitkejjel b’mod preċiż. Il-metodi bbażati fuq ir-radjokarbonju 21 għandhom jiġu ppreferuti peress li r-riżultati tagħhom huma robusti u l-użu tagħhom huwa aċċettat b’mod wiesa’. Id-dokumentazzjoni tal-użu tal-bijomassa permezz ta’ katina tal-kustodja u l-attribuzzjoni ta’ sehem għall-prodotti finali permezz tal-kontabbiltà tal-bilanċ tal-massa hija metodu li ma huwiex meqjus xieraq biex jiġi kkonfermat is-sehem reali ta’ kontenut b’bażi bijoloġika. Tali metodu għandu jintuża biss meta jiżgura livell għoli ta’ trasparenza u responsabbiltà, u jkun sostnut minn standards miftiehma biex jiġi evitat il-greenwashing.

3.2 Sostenibbiltà tal-feedstock

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-produzzjoni tal-bijomassa tirrikjedi l-użu ta’ riżorsi naturali bħall-art u l-ilma u l-użu ta’ sustanzi kimiċi bħall-fertilizzanti u l-pestiċidi. Għalhekk, il-produzzjoni tal-plastiks mill-bijomassa primarja tista’ twassal għal tibdil dirett jew indirett fl-użu tal-art, li min-naħa tiegħu jista’ jirriżulta f’telf tal-bijodiversità, f'degradazzjoni tal-ekosistema, f'deforestazzjoni u fi skarsezza tal-ilma, kif ukoll f’kompetizzjoni ma’ għelejjel maħsuba għall-konsum mill-bniedem.

 F’konformità mal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari, il-produtturi għandhom jipprijoritizzaw l-użu tal-iskart organiku u tal-prodotti sekondarji bħala feedstock, billi b’hekk jimminimizzaw l-użu tal-bijomassa primarja u jevitaw impatti ambjentali sinifikanti.

Meta tintuża l-bijomassa primarja, huwa importanti li jiġi żgurat li din tkun ambjentalment sostenibbli u ma tagħmilx ħsara lill-bijodiversità jew lis-saħħa tal-ekosistema. Peress li l-konsumaturi jistennew li l-plastiks b’bażi bijoloġika jkunu ġenwinament sostenibbli, kull meta prodott ikun magħmul minn kontenut b’bażi bijoloġika u jġorr affermazzjoni dwar kontenut b’bażi bijoloġika, il-kontenut irid joriġina minn bijomassa b’sorsi sostenibbli.

F’konformità mal-istrateġija tal-UE għall-foresti għall-2030, bħala parti mir-rieżami tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (REDIII) ta’ Lulju 2021 22 , il-Kummissjoni tipproponi li fl-iskemi nazzjonali ta’ appoġġ jiġi integrat l-użu kaskata tal-prinċipju tal-bijomassa, li skont dan, il-bijomassa għandha tintuża fejn ikollha valur miżjud ekonomiku ogħla. F’konformità ma’ dan il-prinċipju, il-bijomassa għandha preferibbilment tintuża biex tipproduċi materjali, inklużi l-plastiks, u f’ordni sussidjarja biss, bħala sors ta’ bijoenerġija.

Barra minn hekk, għandha tingħata prijorità lill-prodotti b’ħajja twila fuq prodotti b’ħajja qasira, inklużi l-prodotti li jintużaw darba biss. Din l-ordni ta’ prijorità tapplika għall-iskart, għall-prodotti sekondarji u għall-bijomassa primarja li jiġu, pereżempju, mill-agrikoltura, mill-forestrija jew mill-akkwakultura. L-iskart organiku u l-prodotti sekondarji għandhom jiġu ppreferuti mill-bijomassa primarja, speċjalment għall-prodotti b’ħajja qasira.

Il-bijomassa li tintuża għall-produzzjoni ta’ plastiks b’bażi bijoloġika trid tissodisfa l-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-UE għall-bijoenerġija 23 . Kif propost mill-Kummissjoni skont ir-rieżami tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (REDIII) ta’ Lulju 2021, dawn il-kriterji jinkludu miżuri relatati mal-bijomassa tal-foresti u ma’ bijofjuwils b’riskju għoli ta’ tibdil dirett u indirett fl-użu tal-art, bħal dawk derivati miż-żejt tal-palm 24 . Sakemm jiġu ffinalizzati n-negozjati dwar l-REDIII, għandhom jiġu applikati l-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-REDII għall-bijoenerġija. Dan huwa wkoll l-approċċ li ttieħed fit-Tassonomija tal-UE għal investimenti sostenibbli għal “bijomassa agrikola użata għall-manifattura tal-plastik fil-forma primarja tagħha” 25 .

Fir-rigward tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, il-qafas tal-bijoenerġija ma jistax jiġi applikat direttament għal plastiks b’bażi bijoloġika peress li dawn ma jintużawx biex jiġġeneraw l-enerġija. Il-metodoloġiji għall-valutazzjoni tal-impatti tal-plastiks b’bażi bijoloġika meta mqabbla mal-plastiks ibbażati fuq il-fossili minn perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja għadhom qed jiġu żviluppati. L-aktar metodoloġija armonizzata disponibbli bħalissa hija l-qafas żviluppat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, imsejjaħ il-“metodu tal-LCA tal-Plastiks” 26 , li jibni fuq il-metodu tal-Impronta Ambjentali tal-Prodotti (PEF) tal-UE 27 . Barra minn hekk, l-innovazzjonijiet għandhom jiġu vvalutati fi stadju bikri biex jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ alternattivi sikuri u sostenibbli 28 .

Huwa meħtieġ aktar progress xjentifiku biex fil-valutazzjoni tiġi inkorporata l-kontabbiltà tal-użu u tar-rilaxx tal-karbonju bijoġeniku mill-prodotti matul il-ħajja tagħhom. Id-diskussjonijiet għal dan il-għan għadhom għaddejjin fil-kuntest tal-Inizjattiva taċ-Ċiklu tal-Ħajja tan-NU 29 . Huma biss il-prodotti tal-plastik b’bażi bijoloġika b’ħajja twila li ma jiġux inċinerati meta jsiru skart li jista’ jkollhom effetti ta’ benefiċċju fuq il-ħżin tal-karbonju. Għal prodotti b’ħajja qasira, jiġifieri l-biċċa l-kbira tal-prodotti tal-plastik b’bażi bijoloġika tal-lum bħall-imballaġġ li jintuża darba biss, il-karbonju li inizjalment jittieħed mill-atmosfera jiġi rilaxxat malajr.

4.Plastiks bijodegradabbli u kompostabbli

Il-pjan ta’ azzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari jenfasizza l-ħtieġa li tingħata direzzjoni politika dwar l-użu ta’ plastiks bijodegradabbli jew kompostabbli, abbażi ta’ valutazzjoni tal-applikazzjonijiet meta tali użu jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-ambjent, u tal-kriterji għal tali applikazzjonijiet. Dan jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġi żgurat li t-tikkettar ta’ prodott bħala “bijodegradabbli” jew “kompostabbli” ma jqarraqx bil-konsumaturi u ma jinkoraġġihomx jarmuh b’mod li jikkawża l-iskart tal-plastik jew it-tniġġis mill-plastik minħabba kundizzjonijiet ambjentali mhux xierqa jew żmien insuffiċjenti għad-degradazzjoni.

Il-bijodegradazzjoni hija tabilħaqq karatteristika importanti tal-plastiks peress li tiddetermina jekk dawn jibqgħux jippersistu u jakkumulaw fl-ambjent, billi jitkissru fi frammenti dejjem iżgħar, f’mikroplastiks u f’nanoplastiks, u jsiru sors dejjem akbar ta’ tniġġis, filwaqt li jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent. Il-plastiks bijodegradabbli x’aktarx li ma jippersistux u ma jakkumulawx sakemm ma jiddekomponux kompletament fl-ambjent li jirċevuhom li huma maħsuba għalih u ma jinfirxux f’ambjent fejn ma jkunux jistgħu jsiru bijodegradabbli. Dan jista’ jseħħ, pereżempju, jekk plastik li jkun bijodegradabbli fil-ħamrija jiġi ttrasferit bir-riħ jew bl-ilma tax-xeba’ mill-ħamrija f’ilmijiet tax-xmajjar jew tal-baħar. Il-perjodu ta’ żmien għall-bijodegradazzjoni jrid ikun qasir biżżejjed biex ma jagħmilx ħsara lill-ekosistemi u lill-ħajja tal-baħar, pereżempju permezz ta’ inġestjoni minn annimali tal-baħar.

Il-bijodegradazzjoni tal-plastiks hija qasam li rċieva attenzjoni konsiderevoli f’termini ta’ riċerka u innovazzjoni. Dan huwa dejjem aktar soġġett għal miżuri ta’ politika mfassla biex jiżguraw li l-plastiks bijodegradabbli ma jikkawżawx ħsara, li dawn iġibu benefiċċji ambjentali u li l-konsumaturi ma jingħatawx l-impressjoni li l-plastiks bijodegradabbli jistgħu jintremew. Id-Direttiva dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent 30 tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, prodotti tal-plastik magħmula minn plastiks bijodegradabbli minħabba li jekk dawn il-prodotti jintremew, ma hemm l-ebda garanzija li dawn jistgħu jsiru bijodegradabbli fl-ambjent miftuħ. Barra minn hekk, din tipprojbixxi l-plastiks ossodegradabbli peress li dawn ma jagħtux benefiċċju ambjentali mixhud bi prova, ma jsirux kompletament bijodegradabbli, u għandhom impatt negattiv fuq ir-riċiklaġġ tal-plastik konvenzjonali.

Ir-Regolament dwar il-Prodotti Fertilizzanti 31 jiddikjara li sas-16 ta’ Lulju 2026, l-aġenti tal-kisi u l-addittivi tal-formulazzjoni jridu jissodisfaw il-kriterji stabbiliti tal-bijodegradabbiltà. Dan jirrikjedi wkoll li tiġi vvalutata l-ħila tar-riti tal-mulch agrikoli li jsiru bijodegradabbli f’kundizzjonijiet naturali tal-ħamrija u f’ambjenti akkwatiċi madwar l-UE. Barra minn hekk, ir-restrizzjoni proposta fuq il-mikroplastiks miżjudin intenzjonalment skont REACH 32 teżenta polimeri bijodegradabbli jekk dawn jissodisfaw kriterji speċifiċi ta’ bijodegradabbiltà, mixhuda bi prova jew skont wieħed minn tliet gruppi ta’ metodi ta’ ttestjar b’testijiet stretti ta’ skrinjar li jkejlu bijodegradazzjoni lesta jew bijodegradazzjoni inerenti, jew skont studji ta’ simulazzjoni meta l-kriterji tal-bijodegradabbiltà għandhom jiġu ssodisfati fi tliet kompartimenti ambjentali tal-ilma, tal-ħamrija u tas-sediment (jew tnejn, għall-użi agrikoli u ortikulturali). Fir-rigward tal-polimeri, inklużi dawk bijodegradabbli, kif imħabbar fl-istrateġija tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà 33 , il-Kummissjoni qiegħda tikkunsidra li testendi d-dmir ta’ reġistrazzjoni għal ċerti polimeri ta’ tħassib fil-kuntest tar-reviżjoni mmirata ta’ REACH.

4.1 Plastiks bijodegradabbli

Sabiex tipprovdi aktar gwida għall-iżvilupp tal-politika, il-Kummissjoni inkarigat lill-Grupp ta’ Konsulenti Xjentifiċi Ewlenin tagħha biex jivvaluta l-bijodegradabbiltà tal-plastiks fl-ambjent miftuħ. L-opinjoni tagħhom 34 tenfasizza l-ħtieġa li l-użu tal-plastiks bijodegradabbli fl-ambjent miftuħ jiġi limitat biss għal applikazzjonijiet speċifiċi li għalihom it-tnaqqis, l-użu mill-ġdid jew ir-riċiklaġġ ma humiex fattibbli. Barra minn hekk, din tenfasizza li tali plastiks ma għandhomx jitqiesu bħala soluzzjoni għall-immaniġġar jew għar-rimi mhux xierqa tal-iskart. Sabiex jiġu rrealizzati l-benefiċċji ambjentali potenzjali tal-plastiks bijodegradabbli fuq il-plastiks mhux bijodegradabbli, il-Grupp jirrakkomanda li jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ standards ta’ ttestjar u ta' ċertifikazzjoni koerenti. Dan jidentifika wkoll il-ħtieġa li tiġi promossa informazzjoni preċiża dwar il-proprjetajiet, l-użu u r-rimi xierqa, u l-limitazzjonijiet tal-plastiks bijodegradabbli u tal-applikazzjonijiet tagħhom għal gruppi ta’ utenti speċifiċi. L-opinjoni maħruġa mill-Grupp tidentifika l-proprjetajiet materjali, l-ambjent li l-materjal jispiċċa fih, il-probabbiltà ta’ tixrid f’ambjenti oħra, u l-imġiba tal-konsumaturi bħala fatturi importanti.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, bħala l-ewwel prinċipju għall-iskopijiet tat-tfassil ta’ plastiks ġodda jew għall-iżvilupp ta’ miżuri ta’ politika, il-bijodegradazzjoni trid titqies bħala “proprjetà tas-sistema” li tqis il-proprjetajiet materjali, il-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi u r-riskji.

It-tieni, l-użu tal-plastiks li jsiru bijodegradabbli fl-ambjent miftuħ irid ikun limitat għall-materjali li għalihom il-bijodegradabbiltà sħiħa wriet li ssir f'perjodu ta’ żmien speċifiku u bbażat fuq l-evidenza biex tiġi evitata ħsara ambjentali, u għal applikazzjonijiet speċifiċi meta t-tnaqqis fil-konsum jew l-użu mill-ġdid ma jkunux għażliet vijabbli u meta t-tneħħija, il-ġbir u r-riċiklaġġ sħaħ ta’ prodotti tal-plastik ma jkunux fattibbli. Peress li l-plastiks bijodegradabbli jintużaw l-aktar f’applikazzjonijiet b’ħajja relattivament qasira bħall-imballaġġ tal-ikel u x-xorb, ir-riżorsi li jintużaw għall-produzzjoni ta’ dawn il-prodotti jintilfu malajr. Is-sostituzzjoni tal-plastiks konvenzjonali bi plastiks bijodegradabbli toħloq ir-riskju li jitnaqqas ir-ritmu tal-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ta’ ekonomija ċirkolari bbażati fuq it-tnaqqis tal-iskart u l-użu mill-ġdid ta’ tali prodotti. Din toħloq ukoll ir-riskju li jiġu diżinċentivati d-disinji għar-riċiklaġġ tal-plastiks biex il-materjali jinżammu fiċ-ċirkwit għall-itwal żmien possibbli, kif ukoll l-użu ta’ alternattivi aktar sostenibbli li ma fihomx plastiks. Għalhekk, is-sostituzzjonijiet ma għandhomx jitqiesu bħala soluzzjoni għall-immaniġġar jew għar-rimi mhux xierqa tal-iskart.

Ir-riti tal-mulch li jintużaw fl-agrikoltura huma eżempji tajbin ta’ applikazzjonijiet xierqa tal-plastiks li jsiru bijodegradabbli fl-ambjent miftuħ, dment li jkunu ċċertifikati konformi mal-istandards xierqa. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se titlob ir-reviżjoni tal-istandard Ewropew eżistenti 35 bil-għan li jitqies, b’mod partikolari, ir-riskju ta’ residwi tal-plastik li jsiru bijodegradabbli fil-ħamrija hekk kif jidħlu fis-sistemi tal-ilma 36 . Għall-applikazzjonijiet l-oħra ta’ plastiks bijodegradabbli li għandhom jitqiesu xierqa, bħal ħbula riffieda li jintużaw fis-sajd, prodotti li jintużaw għall-protezzjoni tas-siġar, klipps għat-twaħħil tal-pjanti jew ħajt għall-qtugħ tal-lawn, għandhom jiġu żviluppati standards ġodda dwar il-metodi ta’ ttestjar.

Kaxxa ta’ eżempju: Riti tal-mulch

Konvenzjonali – ibbażati fuq il-fossili u mhux bijodegradabbli – il-plastiks jintużaw b’mod wiesa’ biex jiġu promossi rendimenti ogħla, ħsad aktar bikri, inqas dipendenza fuq l-erbiċidi u l-pestiċidi, bħala protezzjoni kontra l-ġlata u biex jiġi kkonservat l-ilma. Iżda l-immaniġġar xieraq ta’ dawn il-plastiks fl-agrikoltura fi tmiem ħajjithom huwa problematiku. Fl-2019, inġabar biss madwar 63 % tal-iskart mill-plastik agrikolu (mhux tal-imballaġġ) iġġenerat fl-UE, filwaqt li d-destinazzjoni tas-37 % li jifdal ma hijiex magħrufa – jew inħażen, inħaraq, indifen jew inġabar ma’ skart ieħor. Minkejja l-potenzjal għoli tagħhom għar-riċiklaġġ, bħalissa jiġu riċiklati biss 24 % tal-plastiks agrikoli li jitqiegħdu fis-suq kull sena fl-UE. Jekk ir-riti tal-mulch ma jitneħħewx jew ma jitneħħewx kompletament, li mhux dejjem jista’ jiġi żgurat, dawn jirrilaxxaw plastiks li jakkumulaw fil-ħamrija, jifframmentaw f’mikroplastiks jew jinfirxu permezz tar-riħ jew tal-ilma xeba’. B’kunsiderazzjoni tal-fatt li t-tniġġis mill-plastik fil-ħamrija huwa diffiċli li jitreġġa’ lura, riti tal-mulch bijodegradabbli ċċertifikati jistgħu joffru alternattiva ta’ benefiċċju. Il-bdiewa għandhom interess dirett li jsostnu s-saħħa tal-ħamrija u jistgħu jkunu mistennija li jivverifikaw it-tikkettar u l-istruzzjonijiet dwar kif għandhom jużaw u jarmu dawn il-prodotti b’mod korrett. Il-plastiks mhux bijodegradabbli għandhom jitneħħew, jinġabru u jiġu rriċiklati. L-Istati Membri jistgħu jgħinu billi jistabbilixxu sistemi ta’ Responsabbiltà Estiża tal-Prodotti rilevanti.

L-istandards konsistenti u bbażati fuq ix-xjenza tal-ittestjar u taċ-ċertifikazzjoni għall-bijodegradazzjoni tal-plastik fl-ambjent miftuħ huma essenzjali għal dawn l-applikazzjonijiet limitati meta l-plastik bijodegradabbli jista’ jkun utli. It-testijiet tal-bijodegradazzjoni ġeneralment isiru f’ambjenti artifiċjali biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet tal-ittestjar ikunu replikabbli, iżda hemm bżonn li jiġu osservati l-proċessi li jseħħu f’ambjenti naturali f’kundizzjonijiet reali 37 . L-istandards huma partikolarment ta’ sfida biex jiġu żviluppati għall-bijodegradazzjoni fl-ambjent tal-baħar, peress li mhux probabbli li l-bijodegradazzjoni fil-qiegħ tal-oċean hi kkaġunata minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-ambjent tal-baħar 38 . Il-Kummissjoni ngħatat il-kompitu li twettaq valutazzjoni tal-progress xjentifiku u tekniku li jikkonċerna kriterji possibbli jew standard għall-bijodegradabbiltà fl-ambjent tal-baħar skont id-Direttiva dwar il-Plastik Li Jintuża Darba Biss  39 .

Sfidi ulterjuri huma ppreżentati minn addittivi li jintużaw għall-manifattura ta’ plastiks bijodegradabbli, li għandhom jiddegradaw b'mod bijoloġiku bl-istess mod. Fir-rigward tat-taħlita kimika kumplessa li tinsab fil-plastiks, inklużi l-addittivi, u t-tossiċità tagħhom, tqabbil mal-plastiks konvenzjonali jindika li l-plastiks bijodegradabbli jistgħu jkunu tossiċi bl-istess mod 40 . Barra minn hekk, il-plastiks bijodegradabbli jistgħu jirrilaxxaw dawn l-addittivi direttament fl-ambjent u jagħmlu dan aktar malajr mill-plastiks konvenzjonali 41 . L-addittivi li jintużaw għall-manifattura ta’ plastiks bijodegradabbli jew kompostabbli għandhom isiru jiddegradaw b'mod bijoloġiku b’mod sikur u ma jkunux ta’ ħsara għall-ambjent. Dawn għandhom jiġu ddivulgati wkoll lill-bejjiegħa bl-imnut, lill-utenti u lill-pubbliku.

It-tielet, l-imġiba tal-konsumatur jew tal-utent dwar il-plastiks bijodegradabbli hija qasam ewlieni ieħor li jirrikjedi approċċ bir-reqqa. Sabiex jiġi evitat li l-konsumaturi jiġu mqarrqa, il-plastiks bit-tikketta “bijodegradabbli” dejjem iridu jispeċifikaw l-ambjent miftuħ li jirċevihom li huma maħsuba għalih u l-perjodu ta’ żmien meħtieġ għall-bijodegradazzjoni tagħhom, f’termini ta’ ġimgħat, xhur jew snin. Il-perjodu ta’ żmien indikat għandu jiżgura li l-impatti ambjentali jkunu minimi. Tali affermazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq standards jew skemi ta’ ċertifikazzjoni eżistenti. 

L-affermazzjonijiet, inkluż fil-forma ta’ tikketti, ma għandhomx isiru fuq il-bijodegradazzjoni ta’ prodotti suxxettibbli li jsiru żibel, inklużi l-prodotti koperti mid-Direttiva dwar il-Plastik Li Jintuża Darba Biss.

4.2 Plastiks kompostabbli b’mod industrijali

Għalkemm ir-regoli qafas biex jiġu żgurati l-benefiċċji ambjentali ġenerali tal-plastiks bijodegradabbli japplikaw ukoll għall-plastiks kompostabbli, dawn il-materjali jirrikjedu attenzjoni addizzjonali minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-ikkompostjar. Il-konsumaturi ta’ spiss ikollhom rwol ewlieni biex jidderieġu dawn il-plastiks f’sistemi ta’ trattament tal-iskart ikkontrollati.

Il-plastiks kompostabbli b’mod industrijali għandhom jintużaw biss għal applikazzjonijiet speċifiċi meta l-benefiċċji ambjentali jkunu ogħla mill-alternattivi tagħhom u meta ma jkollhomx impatt negattiv fuq il-kwalità tal-kompost, filwaqt li titqies l-imġiba tal-konsumatur. Barra minn hekk, jeħtieġ li tiġi stabbilita sistema kompatibbli ta’ ġbir u trattament tal-bijoskart. Il-benefiċċji potenzjali tal-użu ta’ plastiks kompostabbli b’mod industrijali huma qbid ogħla tal-bijoskart u kontaminazzjoni aktar baxxa tal-kompost minn plastiks mhux bijodegradabbli. Il-kompost ta’ kwalità ogħla huwa ta’ benefiċċju akbar għall-użu bħala fertilizzant organiku fl-agrikoltura u ma jsirx sors ta’ tniġġis mill-plastik fil-ħamrija u fl-ilma ta’ taħt l-art.

Boroż tal-plastik kompostabbli b’mod industrijali għall-ġbir separat tal-bijoskart huma applikazzjoni ta’ benefiċċju. Dawn il-boroż jistgħu jnaqqsu t-tniġġis mill-plastiks tal-kompost peress li l-boroż tal-plastik konvenzjonali, inklużi frammenti li jibqgħu anke wara li tittieħed azzjoni biex dawn jitneħħew, huma problema ta’ kontaminazzjoni fis-sistemi attwali tat-trattament tal-bijoskart li jintużaw madwar l-UE 42 . Mill-31 ta’ Diċembru 2023, il-bijoskart irid jinġabar jew irid jiġi riċiklat separatament fis-sors 43 , u l-introduzzjoni ta’ boroż tal-plastik kompostabbli b’mod industrijali għall-ġbir separat tal-bijoskart f’pajjiżi bħall-Italja u Spanja wasslet għal inqas tniġġis fil-bijoskart u għal żieda fil-qbid tal-bijoskart. Madankollu, mhux l-Istati Membri jew ir-reġjuni kollha jappoġġaw l-użu ta’ tali boroż peress li huma meħtieġa metodi speċifiċi ta’ kompostjar u tista’ sseħħ kontaminazzjoni kroċjata tal-flussi tal-iskart.

Eżempji ta’ applikazzjonijiet xierqa fl-imballaġġ huma l-istickers tal-frott u tal-ħaxix, il-boroż tat-te u l-pods li jiffiltraw il-kafè, kif ukoll il-basktijiet tal-plastik ħfief ħafna, għalkemm l-alternattivi mingħajr imballaġġ jew l-alternattivi li jistgħu jerġgħu jintużaw għandhom jiġu ppreferuti. Meta kemm il-plastiks konvenzjonali kif ukoll dawk kompostabbli jkunu disponibbli fis-suq għal applikazzjonijiet simili, ikun dejjem aktar mhux ċar għall-konsumaturi kif għandu jintrema b’mod xieraq l-imballaġġ tal-plastik kompostabbli 44 . Il-kontaminazzjoni kroċjata li tirriżulta tal-iskart mill-imballaġġ tal-plastik konvenzjonali u kompostabbli tnaqqas il-kwalità tal-materja prima sekondarja li tirriżulta u għandha tiġi evitata fis-sors. Għalhekk, il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ 45 tawtorizza l-użu ta’ imballaġġ tal-plastik kompostabbli għal dawn il-prodotti u tipprevedi li imballaġġ ieħor, inkluż imballaġġ li jsir minn polimeri tal-plastik bijodegradabbli, għandu jippermetti r-riċiklaġġ tal-materjali mingħajr ma jaffettwa r-riċiklabbiltà ta’ flussi oħra ta’ skart. Skont ir-regoli l-ġodda, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li temenda din il-lista fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u regolatorji li jaffettwaw ir-rimi ta’ plastiks kompostabbli u dment li l-użu ta’ tali materjali jkun ta’ benefiċċju għas-saħħa ambjentali u tal-bniedem.

Sabiex tiġi indirizzata l-konfużjoni tal-konsumatur, l-użu tat-tikketti ma jgħinx biżżejjed, peress li mhux dejjem jistgħu jaħdmu kif maħsub 46 . Sabiex jiġi evitat li l-konsumaturi jiġu mqarrqa, il-plastiks kompostabbli ċċertifikati b’mod industrijali biss għandhom jiġu kkwalifikati bħala “kompostabbli” u għandu dejjem jiġi speċifikat li huma maħsuba għall-ikkompostjar industrijali.

L-imballaġġ kompostabbli b’mod industrijali għandu juri l-mod li bih għandu jintrema permezz ta’ pittogrammi, kif propost mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha għal Regolament dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ 47 . Aktar milli sempliċiment iqajmu sensibilizzazzjoni, il-kampanji ta’ informazzjoni għandhom ifittxu li jippromwovu azzjoni effettiva u korretta fir-rigward tar-rimi.

L-imballaġġ kompostabbli b’mod industrijali għandu jiġi ċċertifikat konformi skont l-istandards xierqa. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se titlob ir-reviżjoni tal-istandard Ewropew eżistenti 48 bil-ħsieb li jiġu ċċarati l-kunċetti ta’ bijodegradabbiltà u ta’ kompostabbiltà; li jirrifletti l-kundizzjonijiet tal-kompostjar industrijali attwali fil-faċilitajiet tat-trattament tal-bijoskart tal-UE, li jindirizza l-preżenza ta’ effetti tossiċi jew ħżiena fuq l-ambjent; u li jindirizza l-prodott kollu kemm hu, inklużi l-addittivi.

L-ikkompostjar domestiku jippreżenta sfida akbar f’termini li tiġi żgurata l-bijodegradazzjoni sħiħa tal-plastiks kompostabbli u jirrikjedi grad akbar ta’ prekawzjoni. Il-konformità mal-istandards għall-ikkompostjar industrijali ma timplikax li d-dekompożizzjoni tista' ssir ukoll permezz tal-ikkompostjar domestiku. Fl-ikkompostjar industrijali, il-kundizzjonijiet meħtieġa spiss ikunu temperaturi għoljin (55°C-60°C) u livelli għoljin ta’ umdità. Fl-ikkompostjar domestiku, il-kundizzjonijiet meħtieġa jiddependu ħafna miċ-ċirkostanzi klimatiċi lokali u mill-prattiki tal-konsumatur, filwaqt li jinħoloq ir-riskju li l-bijodegradazzjoni ssir aktar bil-mod milli fl-ikkompostjar industrijali jew ma tkunx kompluta, u r-riżultati spiss ikunu eqreb lejn il-bijodegradazzjoni fl-ambjent miftuħ milli lejn l-ikkompostjar industrijali. L-ikkompostjar domestiku għall-plastiks mhux koperti mir-regoli tal-UE għandu jitqies biss fil-kuntest ta’ kundizzjonijiet lokali speċifiċi taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet rilevanti u dment li l-użu ta’ tali plastiks ikollu valur miżjud ċar.

5.Appoġġ kontinwu għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-investiment

Il-programmi ffinanzjati mill-UE diġà jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni relatati ma’ plastiks b’bażi bijoloġika, bijodegradabbli u kompostabbli. L-objettivi jiffokaw fuq l-iżgurar tas-sostenibbiltà ambjentali tal-proċessi tal-provvista u tal-produzzjoni u tal-użu u r-rimi tal-prodotti finali.

Il-Kummissjoni se tippromwovi r-riċerka u l-innovazzjoni bil-għan li tfassal plastiks ċirkolari b’bażi bijoloġika li jkunu sikuri u sostenibbli sa mit-tfassil u li jippermettu l-użu mill-ġdid, ir-riċiklabbiltà u l-bijodegradabbiltà. Dan jinkludi l-valutazzjoni tal-benefiċċji tal-applikazzjonijiet meta l-materjali u l-prodotti b’bażi bijoloġika jkunu kemm bijodegradabbli kif ukoll riċiklabbli. Hija meħtieġa wkoll ħidma akbar biex jiġu vvalutati u biex jitnaqqsu l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra ta’ plastiks b’bażi bijoloġika meta mqabbla mal-ekwivalenti tagħhom ibbażati fuq il-fossili, filwaqt li jitqiesu l-ħajja tal-applikazzjoni u l-possibbiltà ta’ riċiklaġġ multiplu 49 .

Il-proċessi tal-bijodegradazzjoni jeħtieġ li jiġu esplorati ulterjorment. Dan jinkludi ħidma biex jiġi żgurat li l-plastiks b’bażi bijoloġika għal użi agrikoli u użi oħra jkunu jistgħu jiddegradaw b'mod bijoloġiku b’mod sikur, filwaqt li jitqiesu t-trasferiment possibbli għal ambjenti oħra, il-perjodi ta’ żmien tal-bijodegradazzjoni u l-effetti fit-tul. Dan jinkludi wkoll ħidma biex jiġi mminimizzat kwalunkwe effett negattiv, inklużi l-effetti fit-tul, ta’ addittivi li jintużaw fi prodotti bijodegradabbli u tal-plastik. Fost il-firxa ta’ applikazzjonijiet potenzjali mhux għall-imballaġġ għal plastik kompostabbli, il-prodotti assorbenti tal-iġjene jistħoqqilhom attenzjoni partikolari. Hija meħtieġa wkoll riċerka dwar l-imġiba tal-konsumaturi u l-affermazzjonijiet tal-bijodegradabbiltà bħala fattur li jista’ jkollu influwenza fuq l-imġiba tat-tixrid taż-żibel.

6.Aspetti internazzjonali

Il-plastiks huma parti minn ktajjen tal-valur integrati u globali. Id-deċiżjonijiet u l-gwida strateġika dwar il-plastiks b’bażi bijoloġika, bijodegradabbli u kompostabbli f’fora internazzjonali u multilaterali u f’pajjiżi mhux tal-UE se jkollhom impatt sinifikanti fuq il-ħila tal-UE li timplimenta bis-sħiħ l-objettivi ta’ politika tagħha u fuq l-impatt tal-miżuri identifikati fil-prattika.

Il-Kummissjoni se ssegwi l-objettivi ta’ din il-komunikazzjoni, filwaqt li tqis il-fehmiet tal-Istati Membri tal-UE, tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew, f’diskussjonijiet skont ftehimiet ambjentali multilaterali eżistenti rilevanti bħall-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar l-iskart perikoluż u r-rimi tiegħu; negozjati ta’ strumenti legalment vinkolanti dwar it-tniġġis bil-plastik, b’mod partikolari dawk mibdija mir-Riżoluzzjoni UNEA 5/14; diskussjonijiet fil-kuntest tad-WTO, inkluż id-Djalogu tad-WTO dwar it-Tniġġis tal-Plastik u l-Kummerċ tal-Plastik Ambjentalment Sostenibbli, u ftehimiet ta’ kummerċ ħieles futuri li għandhom jiġu konklużi jew imsaħħa mill-UE; kif ukoll djalogi u kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ ukoll l-approċċ tal-UE għall-istandardizzazzjoni internazzjonali fir-rigward ta’ dawn il-plastiks, li se jgħin biex jintlaħqu standards konsistenti fil-livell globali.

Konklużjoni

Fis-suq qed jitfaċċaw ħafna materjali ġodda tal-plastik. Il-plastiks b’bażi bijoloġika, bijodegradabbli u kompostabbli jistgħu jġibu vantaġġi fuq dawk konvenzjonali jekk jitfasslu għaċ-ċirkolarità, jiġu prodotti b’mod sikur u minn feedstock miksub b’mod sostenibbli, bl-għoti ta’ prijorità lill-użu effiċjenti tal-bijomassa sekondarja, u jkunu konformi mal-istandards rilevanti. Madankollu, dawn il-plastiks jippreżentaw ukoll sfidi. Huwa importanti li jiġi żgurat li dawn jikkontribwixxu għall-ekonomija ċirkolari, li għandha l-għan li żżomm il-valur tar-riżorsi, tal-materjali u tal-prodotti fl-ekonomija għall-itwal żmien possibbli u li tevita l-iskart.

L-għan ta’ dan il-qafas ta’ politika huwa li jġib ċarezza u fehim ta’ dawn il-plastiks u li jiggwida l-iżviluppi futuri tal-politika fil-livell tal-UE bħal skont ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għal prodotti sostenibbli 50 , it-Tassonomija tal-UE għal investimenti sostenibbli, il-programmi ta’ finanzjament u d-diskussjonijiet relatati f’fora internazzjonali.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ liċ-ċittadini, lill-awtoritajiet pubbliċi u lin-negozji jużaw dan il-qafas fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar il-politika, l-investiment jew ix-xiri.

(1)     “Reshaping Plastics” , Systemiq (2022), abbażi tal-aħjar data akkademika u industrijali disponibbli.
(2)    Forum Ekonomiku Dinji, Ellen MacArthur Foundation, u McKinsey & Co., “The New Plastics Economy: Rethinking the Future of Plastics” (2016).
(3)       Plastics, the circular economy and Europe′s environment — L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (europa.eu)
(4)    European Bioplastics/nova-Institute Market Update 2021 . Is-sehem mis-suq tal-UE ta’ dawn il-plastiks huwa wkoll ta’ 1 %.
(5)    COM(2019) 640.
(6)    COM(2020) 98 final.
(7)    COM(2018) 28.
(8)    COM(2021) 400.
(9)    COM(2021) 699 final.
(10)     Renewable Carbon – Biobased Building Blocks and Polymers
(11)    Il-Grupp ta’ Konsulenti Xjentifiċi Ewlenin tal-Kummissjoni, Il-bijodegradabbiltà tal-plastiks fl-ambjent miftuħ | Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu) .
(12)    Standard Ewropew EN 13432:2000.
(13)   Plastiks bijodegradabbli u kompostabbli — sfidi u opportunitajiet — l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (europa.eu)
(14)    Studju tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Plastik b'bażi bijoloġika: forniment u kontenut sostenibbli” (2022). Għadha trid tiddaħħal il-link.
(15)    Il-gvern Netherlandiż qed jippjana li jżid il-perċentwal ta’ plastik riċiklat u b’bażi bijoloġika għal 41 % u 15 % rispettivament sal-2030 u bħalissa qed iħares lejn miri obbligatorji. Bħala prerekwiżit għall-appoġġ, il-plastiks b’bażi bijoloġika jridu jissodisfaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà inklużi l-produzzjoni agrikola sostenibbli u tnaqqis ta’ 30 % fl-emissjonijiet tas-CO2. Mandatory percentage of recycled or bio-based plastic. In the European Union - CE Delft - EN
(16)    COM(2021) 800.
(17)      Il-livell attwali huwa ta’ 10 %. Il-parti użata biex isiru l-plastiks hija ta’ bejn 1 u 2 %.
(18)    COM(2018) 673.
(19)      https://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=22832&langId=en
(20)     Proposta għal Direttiva dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika .
(21)      Dawn il-metodi jużaw 14C bħala markatur għall-kontenut ta’ karbonju b’bażi bijoloġika.
(22)     Proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001 dwar il-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli
(23)      Ħlief għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra.
(24)     Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli
(25)     https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32021R2139
(26)     JRC’s Life Cycle Assessment of alternative feedstock for plastics production tal-Kummissjoni. Il-fatt jekk l-impatti tal-plastiks b’bażi bijoloġika meta mqabbla ma’ dawk tal-plastiks konvenzjonali kinux ogħla jew aktar baxxi, kien jiddependi fuq l-applikazzjoni, il-polimeru, il-feedstock, il-materjal ta’ referenza, il-proċess tal-manifattura u l-kategorija speċifika tal-impatt ambjentali kkunsidrata. Ġeneralment, l-isfidi metodoloġiċi biex jiġu kkalkolati l-impatti mill-provvista tal-bijomassa jinkludu t-tibdil indirett fl-użu tal-art, l-effetti bijotiċi tat-tnaqqis fir-riżorsi, l-impatti fuq il-bijodiversità, l-aspetti ta’ tmiem il-ħajja, it-tqabbil ta’ teknoloġiji ġodda b’bażi bijoloġika ma’ oħrajn konvenzjonali stabbiliti sew u, fl-aħħar nett, is-sorsi tad-data.
(27)

  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-użu tal- metodi tal-Impronta Ambjentali .

(28)      Għal dan il-għan, dan l-aħħar, il-JRC ippubblika qafas għall-valutazzjoni ta’ Safe and Sustainable by Design chemical and materials , u qiegħed jiżviluppa linji gwida biex jappoġġa l-valutazzjoni ambjentali ta’ teknoloġiji fi stadju bikri għal prodotti b’bażi bijoloġika. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, Prospective LCA for Novel and Emerging Technologies for BIO-based products
(29)     Paġna ewlenija - Life Cycle Initiative
(30)     EUR-Lex - 32019L0904 - MT - EUR-Lex (europa.eu)
(31)     EUR-Lex - 02019R1009-20220716 - MT - EUR-Lex (europa.eu) . Fin-nuqqas ta’ tali kriterji, prodott fertilizzanti tal-UE mqiegħed fis-suq wara dik id-data ma għandux ikun fih tali polimeri.
(32)     Il-proposta ta’ restrizzjoni tal-Kummissjoni dwar mikroplastiks miżjudin intenzjonalment.
(33)     Strateġija tal-UE dwar is-Sustanzi Kimiċi
(34)     Il-bijodegradabbiltà tal-plastiks fl-ambjent miftuħ | Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)
(35)      Standard Ewropew EN 17033:2018
(36)

Kwistjonijiet għat-titjib huma l-prattika tal-ħdim tar-raba’, li mhux dejjem tiġi segwita mill-kultivaturi, il-varjetà ta’ ambjenti agrikoli tal-UE u l-okkorrenza u r-riskji ta’ ilma tax-xeba’, u l-preżenza ta’ addittivi bijodegradabbli u mhux bijodegradabbli perikolużi.

(37)      Haider et al. 2018.
(38)      Il-bijodegradazzjoni tiddependi fuq taħlita ta’ proċessi u ta' parametri abijotiċi (UV, temperatura, umdità, pH) u bijotiċi (attività mikrobika) u, spiss ma jkunux preżenti fil-baħar fond.
(39)   EUR-Lex - 32019L0904 - MT - EUR-Lex (europa.eu)
(40)    Zimmermann L., Dombrowski A., Völker C. & Wagner M. (2020) Are bioplastics and plant-based materials safer than conventional plastics? In vitro toxicity and chemical composition . Environment International.
(41)

 Meng Qin et al. (2021) A review of biodegradable plastics to biodegradable microplastics: another ecological threat to soil environments?  Journal of Cleaner Production.

(42)    Studju tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Relevance of compostable plastic products and packaging in a circular economy” (2020). Plastiks b’bażi bijoloġika, bijodegradabbli u kompostabbli (europa.eu)
(43)     EUR-Lex - 02008L0098-20180705 - MT - EUR-Lex (europa.eu)
(44)    Studju tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Relevance of compostable plastic products and packaging in a circular economy” (2020). Plastiks b’bażi bijoloġika, bijodegradabbli u kompostabbli (europa.eu)
(45)    COM(2022)677 final.
(46)    Rapport ta’ Rieżami tal-Evidenza tal-SAPEA dwar “Il-bijodegradabbiltà tal-plastiks fl-ambjent miftuħ”, Kapitolu 6 “Aspetti soċjali, tal-imġiba u ta' politika”. Fatturi li jinfluwenzaw jinkludu n-nuqqas ta’ fehim, il-kumplessità u l-proliferazzjoni tat-tikketti kif ukoll fatturi relatati mal-infrastruttura tal-iskart (eż. id-disponibbiltà u l-prossimità tal-infrastruttura abilitanti tal-iskart).
(47)    COM(2022)677 final.
(48)      Standard Ewropew EN 13432:2000
(49)       Rapport 3/2021 tal-ETC/WMGE: Greenhouse gas emissions and natural capital implications of plastics (including biobased plastics) — il-Portal Eionet (europa.eu)
(50)     Ekodisinn għal prodotti sostenibbli | Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)
Top