IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.11.2022
COM(2022) 638 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar il-prestazzjoni tas-sostenn għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli mogħti permezz ta' proċeduri tal-offerti fl-Unjoni
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52022DC0638
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL on the performance of support for electricity from renewable sources granted by means of tendering procedures in the Union
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-prestazzjoni tas-sostenn għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli mogħti permezz ta' proċeduri tal-offerti fl-Unjoni
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-prestazzjoni tas-sostenn għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli mogħti permezz ta' proċeduri tal-offerti fl-Unjoni
COM/2022/638 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.11.2022
COM(2022) 638 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar il-prestazzjoni tas-sostenn għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli mogħti permezz ta' proċeduri tal-offerti fl-Unjoni
1. Introduzzjoni
It-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima se teħtieġ l-varar aċċellerat tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-livell distribwit kif ukoll għal proġetti fuq skala tal-utilitajiet. Dan għandu jkun dejjem aktar ibbażat fuq is-suq minħabba x-xejra ta’ tnaqqis fl-ispejjeż tat-teknoloġiji rinnovabbli, iżda s’issa l-maġġoranza tal-proġetti 1 gawdew minn xi tip ta’ sostenn pubbliku. L-iskemi ta’ sostenn jistgħu jieħdu diversi forom, strutturati f’żewġ kategoriji ewlenin – sostenn għall-investiment (bħal sovvenzjonijiet ta’ investiment, skont fuq self jew ribassi) u sostenn operazzjonali (bħal skemi ta’ ċertifikati, tariffi jew primjums). Madwar l-UE, is-sostenn operazzjonali jiġi applikat b’mod aktar wiesa’, allokat fil-każ ta’ proġetti fuq skala tal-utilitajiet l-aktar spiss fuq bażi tas-suq permezz ta’ proċeduri kompetittivi ta’ offerti (imsemmijin f’dan ir-rapport bħala offerti jew irkanti).
Ir-rwol tal-iskemi ta’ sostenn ibbażati fuq l-offerti għall-enerġija rinnovabbli u l-prinċipji tagħhom huma rikonoxxuti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 (“id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli”). Barra minn hekk, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat 2 jipprijoritizzaw ukoll proċessi ta’ offerti kompetittivi bħall-offerti bħala l-mekkaniżmu xieraq sabiex jiġi allokat is-sostenn lill-produtturi tal-enerġija rinnovabbli.
Sabiex jinftiehem l-impatt tal-iskemi ta’ sostenn għas-sejħiet għal offerti minn perspettiva usa’, l-Artikolu 4(8) tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli jagħti mandat lill-Kummissjoni sabiex tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar kif qegħdin jaħdmu dawn l-iskemi ta’ sostenn, imkejlin skont seba’ dimensjonijiet ta’ prestazzjoni, jiġifieri: (i) jiksbu tnaqqis fl-ispejjeż; (ii) jiksbu titjib teknoloġiku; (iii) jiksbu rati għolja ta’ twettiq; (iv) jipprovdu l-parteċipazzjoni mhux diskriminatorja ta’ atturi żgħar u tal-awtoritajiet lokali fejn applikabbli; (v) jillimitaw l-impatt ambjentali; (vi) jiżguraw l-aċċettabilità lokali; (vii) jiżguraw is-sigurtà tal-provvista u l-integrazzjoni tal-grilja.
F’dan il-kuntest, ir-rapport janalizza kif il-proċeduri ta’ offerti, bħala waħda mill-forom ta’ sostenn pubbliku, qegħdin irawmu l-varar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bħala parti mit-tranżizzjoni usa’ tas-sistema tal-enerġija. Konsegwentement, l-enfasi tar-rapport hija t-tqabbil bejn l-offerti u l-iskemi ta’ sostenn li ma humiex ibbażati fuq l-offerti, aktar milli tqabbil bejn opzjonijiet differenti ta’ disinn tal-offerti ta’ prezzijiet. Barra minn hekk, ir-rapport jipprovdi għarfien dwar kif il-proċeduri ta’ offerti jistgħu jevolvu fil-futur sabiex jiġi indirizzat il-kuntest kurrenti tal-politika dwar l-enerġija, is-sitwazzjoni attwali tas-swieq tal-enerġija u l-aħħar sfidi għall-integrazzjoni tas-suq tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.
Il-konklużjonijiet tar-rapport għandhom jitqiesu fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew kif ukoll tal-pjan REPowerEU, li jiddependu fuq il-varar aċċellerat fuq skala kbira tal-enerġija rinnovabbli bħala mutur ewlieni għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija u tas-settur tal-elettriku.
2. Metodoloġija
Il-bażi metodoloġika għar-rapport hija msejsa fuq is-seba’ elementi msemmijin fl-Artikolu 4(8) tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni għandha tkejjel il-prestazzjoni tal-iskemi ta’ sostenn għall-proċeduri ta’ offerti. Dawn is-seba’ “dimensjonijiet tal-prestazzjoni” l-ewwel jiġu tradotti f’indikaturi speċifiċi li jkejlu l-effetti konkreti tal-applikazzjoni tal-proċedura ta’ offerti 3 .
Il-pass metodoloġiku li jmiss huwa li l-prestazzjoni tal-proċedura ta’ offerti titqabbel ma’ xenarju kontrofattwali, sabiex tiġi stmata d-differenza bejn ix-xenarji bil-proċedura ta’ offerti fis-seħħ u mingħajrha. Ir-rapport juża l-metodi li ġejjin sabiex jistma l-effetti:
L-ewwel tip ta’ kontrofattwali – “tqabbil fil-pajjiż stess” – jintuża għal dawk il-pajjiżi fejn hemm data disponibbli dwar l-indikatur qabel u wara l-introduzzjoni tal-proċedura ta’ offerti. Dan huwa l-aktar metodu utli sabiex jiġu identifikati l-effetti fuq terminu qasir, b’mod partikolari meta jitqabbel il-perjodu qabel ma ġiet introdotta l-iskema ta’ offerti u l-ewwel perjodu li fih kellha effett l-iskema ta’ offerti. Dan it-tqabbil potenzjalment jeskludi fatturi esterni oħrajn li jistgħu jaffettwaw l-indikatur analizzat.
It-tieni tip ta’ kontrofattwali – it-tqabbil bejn il-pajjiżi – iqabbel is-sitwazzjoni f’pajjiż ma’ pajjiż ta’ referenza li jkun simili. F’dan il-każ, id-differenza ta’ qabel u ta’ wara tal-pajjiż analizzat titqabbel ma’ prestazzjoni ta’ referenza f’pajjiż ieħor, li ma introduċiex skemi ta’ sostenn għall-proċeduri ta’ offerti fl-istess perjodu, u d-differenza taż-żewġ prestazzjonijiet tipprovdi stima tal-effett tal-iskemi ta’ offerti.
L-analiżi f’dan ir-rapport tiddependi fuq erba’ sorsi ewlenin ta’ informazzjoni: (i) il-bażi tad-data tal-irkanti AURES II 4 li tinkludi informazzjoni dwar l-irkanti (dati, sessjonijiet, teknoloġija, regoli, kapaċitajiet mogħtija, prezzijiet, eċċ.); (ii) id-data disponibbli għall-pubbliku fuq is-siti web tal-irkantaturi (l-aktar aġenziji regolatorji nazzjonali); (iii) rapporti u pubblikazzjonijiet disponibbli għall-pubbliku; (iv) is-sottomissjoni tad-data tal-irkantaturi li wieġbu għat-talbiet għad-data mill-Kummissjoni. Id-disponibbiltà tad-data hija r-raġuni għall-inklużjoni jew għan-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ Stati Membri speċifiċi fit-tqabbil u fil-kalkoli fir-rapport.
Ir-rapport iwettaq analiżi kwantitattiva sabiex ikejjel l-effett fuq id-dimensjonijiet tal-prestazzjoni kull fejn dan kien possibbli. Dan huwa l-każ għad-dimensjonijiet tal-prestazzjoni (i) sa (iv). Twettqet analiżi kwalitattiva bl-użu ta’ studji tal-każ għad-dimensjonijiet (v) sa (vii) sabiex jiġu ppreżentati l-prattiki rilevanti fl-Istati Membri fil-każ li fih ma jistgħux jitfasslu paraguni (minħabba fatturi ta’ distorsjoni jew nuqqas ta’ data).
Il-Kummissjoni organizzat workshop fit-22 ta’ April 2022 li matulu l-partijiet ikkonċernati kellhom l-opportunità jikkummentaw dwar is-sejbiet ta’ abbozz ta’ studju li serva bħala bażi għat-tħejjija ta’ dan ir-rapport 5 . Ipparteċipaw rappreżentanti tal-irkantaturi u tar-regolaturi mill-Istati Membri u esperti indipendenti fil-qasam tal-elettriku rinnovabbli u tal-irkanti.
3. Valutazzjoni tad-dimensjonijiet
3.1. Tnaqqis fl-ispejjeż
Id-dimensjoni tal-prestazzjoni “jiksbu tnaqqis fl-ispejjeż” skont l-Artikolu 4(8)(a) tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli hija interpretata f’dan ir-rapport bħala t-tnaqqis fl-ammont ta’ spejjeż għas-sostenn għal installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli mill-perspettiva tal-baġit pubbliku, u b’hekk jitnaqqas il-piż fuq il-konsumaturi u fuq il-kontribwenti. L-indikatur sabiex jitkejjel it-tnaqqis fl-ispejjeż għas-sostenn huwa l-prezz unitarju tal-elettriku mħallas lill-produtturi tal-enerġija rinnovabbli għal MWh, iddefinit bħala l-prezz imħallas mill-baġit tal-offerti ta’ prezzijiet lill-produttur għal kull unità ta’ elettriku.
Qabel ma ġew introdotti b’mod mifrux l-offerti ta’ prezzijiet, l-aktar skema ta’ sostenn komuni kienet it-tariffa garantita, li offriet prezzijiet garantiti għall-produtturi tal-enerġija rinnovabbli, normalment stabbiliti mill-gvern jew mir-regolatur. Kienu effettivi bħala għodda sabiex jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, iżda mhux neċessarjament effiċjenti mil-lat baġitarju. Ir-rati tas-sussidju kienu bbażati fuq stimi tal-kostijiet u, f’xi każijiet, l-asimetrija tal-informazzjoni bejn l-iżviluppaturi tal-proġetti u dawk responsabbli għad-determinazzjoni tal-prezzijiet u tal-kwantitajiet kienet sinifikanti. Il-finanzjament tat-tariffi garantiti permezz ta’ imposti fuq id-domanda kollha (jew fuq subsezzjoni speċifika tad-domanda) għall-elettriku wassal għal piż finanzjarju għal ħafna konsumaturi tal-elettriku. B’riżultat ta’ dan, l-approċċ tat-tariffi garantiti għal proġetti fuq skala kbira ġie diskuss u kkontestat.
Il-gvernijiet qalbu għal proċeduri kompetittivi ta’ offerti sabiex jiddeterminaw il-livell meħtieġ ta’ sostenn, sabiex jiżvelaw il-kost reali tal-proġetti, u b’hekk jallokaw l-aktar sussidju baxx possibbli għal unità tal-enerġija. B’dan l-approċċ, diversi bejjiegħa jistgħu jagħmlu offerti fl-offerti ta’ prezzijiet, dment li jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet kollha. Il-livell ta’ kompetizzjoni huwa kruċjali meta jiġi vvalutat l-impatt fuq it-tnaqqis fl-ispejjeż. Meta n-numru ta’ parteċipanti jkun baxx, il-pressjoni kompetittiva tkun dgħajfa wisq biex twassal lill-offerenti biex jottimizzaw kull segment tal-katina tal-valur tal-iżvilupp tal-proġett u l-prezzijiet tal-offerti li jirriżultaw ma jiżvelawx il-kost reali tal-proġetti.
Enerġija fotovoltajka solari
Il-figura li ġejja turi l-bidla perċentwali fil-prezzijiet miksubin bħala riżultat tal-introduzzjoni tal-irkanti. Għall-pajjiżi mmarkati bil-blu, il-bidla fil-prezz hija kkalkolata bħala d-differenza bejn il-prezz ta’ sostenn imħallas mill-baġit lill-produtturi (bħala EUR/MWh) fl-aħħar sena tat-tariffa stabbilita b’mod amministrattiv u l-prezz ta’ sostenn imħallas fl-ewwel sena tal-implimentazzjoni tal-offerti ta’ prezzijiet. Għall-pajjiżi bl-aħdar 6 , isir tqabbil fost il-pajjiżi bejn it-tnaqqis relattiv fil-prezz tal-istess perjodu meta mqabbel ma’ parametru referenzjarju – it-tariffa stabbilita b’mod amministrattiv fl-Awstrija għall-perjodu bejn l-2012 u l-2019. L-Awstrija tintuża bħala punt ta’ riferiment minħabba li hija l-uniku pajjiż tal-UE li implimenta b’mod amministrattiv tariffa stabbilita għal perjodu twil biżżejjed, li jagħmel is-sett ta’ valuri tat-tariffa affidabbli sabiex ikun jista’ jsir tqabbil solidu.
Sors tad-data: il-bażi tad-data tal-irkanti Aures II
Illustrazzjoni 1: Tqabbil madwar l-UE tal-bidla fl-ispejjeż għas-sostenn għall-enerġija fotovoltajka solari.
Il-bidla medja fil-prezz, jiġifieri l-bidla fl-ispejjeż totali għas-sostenn hija kkalkolata għal – 4,73 %. Bħala konklużjoni ġenerali, fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi l-introduzzjoni ta’ offerti ta’ prezzijiet irriżultat fi prezzijiet unitarji tal-elettriku aktar baxxi, u b’hekk spejjeż għas-sostenn aktar baxxi u anqas piż fuq il-konsumaturi jew fuq il-baġit tal-Istat għat-teknoloġija fotovoltajka. L-eċċezzjonijiet huma l-Italja (irkant tal-enerġija fotovoltajka fuq skala żgħira), il-Greċja, Malta, il-Polonja u s-Slovenja. Għal dawn il-pajjiżi, iż-żieda fil-prezzijiet tista’ tiġi spjegata minn fatturi esterni. Fis-Slovenja, skont is-sistema tat-tariffa garantita qabel l-offerta ta’ prezzijiet, il-prezzijiet li ġew stabbiliti mill-amministrazzjoni tnaqqsu b’pass mgħaġġel ħafna, u laħqu livell baxx wisq għall-produtturi. Fil-Polonja, kienet fis-seħħ sistema ta’ ċertifikati ekoloġiċi, u fl-2015 kien hemm provvista żejda sinifikanti (eżatt qabel l-introduzzjoni tal-irkanti) li naqqset drastikament il-prezzijiet f’dik is-sena. Iż-żieda fl-ispejjeż għas-sostenn għat-teknoloġija fotovoltajka żgħira fl-Italja hija spjegata mill-fatt li, storikament, din it-teknoloġija hija promossa aħjar permezz ta’ skemi ta’ sostenn amministrattiv minħabba żviluppaturi ta’ proġetti anqas informati, b’mod partikolari qabel l-2019. Fil-Greċja, il-livell ta’ kompetizzjoni ma kienx għoli ħafna (sottoskrizzjoni żejda bi ftit biss) fl-ewwel offerta ta’ prezzijiet, li setgħet irriżultat f’eżiti simili għall-prezzijiet tat-tariffa garantita. Ma ġewx identifikati fatturi esterni simili għall-grupp ewlieni ta’ pajjiżi fejn ġie osservat tnaqqis fil-prezzijiet.
Enerġija eolika fuq l-art
Issir analiżi identika wkoll għall-offerta ta’ prezzijiet għall-enerġija eolika fuq l-art. Ir-riżultati juru li fil-każ tal-pajjiżi kollha kkunsidrati fl-analiżi, ħlief għall-Irlanda, l-introduzzjoni tal-iskema ta’ offerti wasslet għal tnaqqis fil-prezzijiet tas-sostenn imħallsin għal din it-teknoloġija, li wassal għal tnaqqis medju fl-ispejjeż għas-sostenn ta’ – 14,02 %. Fl-Irlanda, l-ewwel sessjoni ta’ rkanti ma laħqitx sottoskrizzjoni biżżejjed, li tista’ tkun ir-raġuni ewlenija għaż-żieda fil-prezzijiet.
Sors tad-data: il-bażi tad-data tal-irkanti Aures II
Illustrazzjoni 2: Tqabbil madwar l-UE tal-bidla fl-ispejjeż għas-sostenn għall-enerġija eolika fuq l-art fil-perjodu bejn l-2010 u l-2020.
Enerġija eolika lil hinn mill-kosta
Bl-eċċezzjoni tad-Danimarka u tan-Netherlands, l-offerti għas-sostenn ta’ installazzjonijiet eoliċi lil hinn mill-kosta huma aktar reċenti u ġew implimentati biss f’numru limitat ta’ pajjiżi. F’xi wħud minnhom, il-perjodu ta’ żmien bejn l-offerta ta’ prezzijiet u l-iskema ta’ sostenn l-antika huwa sinifikanti (9 snin fi Franza u 5 snin fil-Ġermanja), li ma jippermettix li jsir tqabbil solidu. Madankollu, il-bidla fl-ispejjeż għas-sostenn fi Franza u fil-Ġermanja hija notevoli, bi tnaqqis minn EUR 115,5/MWh u minn EUR 140,3/MWh imħallsin permezz ta’ livell ta’ sostenn iddeterminat amministrattiv għal EUR 60/MWh u għal EUR 46,6/MWh fl-ewwel offerta ta’ prezzijiet, rispettivament. F’pajjiżi oħrajn hemm eżempji ta’ tnaqqis estrem tal-ispejjeż għas-sostenn permezz ta’ offerti żero jew negattivi. Il-mudell il-ġdid tal-Litwanja għall-offerti ta’ prezzijiet għall-enerġija eolika lil hinn mill-kosta, kif ukoll l-aħħar offerta ta’ prezzijiet Olandiża għal żewġ siti f’Hollandse Kust West jippermettu li jsiru offerti negattivi. Ir-rebbieħ tal-aħħar offerta ta’ prezzijiet għall-enerġija eolika lil hinn mill-kosta tad-Danimarka qiegħed iħallas lill-gvern EUR 375 miljun sabiex jiżviluppa park eoliku ta’ 1 GW. Madankollu, f’dawn il-każijiet kollha kien hemm skarsezza f’termini ta’ postijiet ġeografiċi limitati jew ta’ konnessjoni mal-grilja, kif ukoll sostenn pubbliku għall-kostijiet tal-konnessjoni u tal-infrastruttura f’xi każijiet, li inċentivaw lill-iżviluppaturi tal-proġetti sabiex inaqqsu l-offerta tagħhom.
L-impatt tad-disinn tal-offerti ta’ prezzijiet fuq it-tnaqqis fl-ispejjeż
Minkejja li l-objettiv tar-rapport ma huwiex li janalizza l-opzjonijiet differenti tad-disinn tal-offerti ta’ prezzijiet, iżda minflok li jħares lejn is-sostenn ibbażat fuq l-offerti ta’ prezzijiet għall-enerġija rinnovabbli b’mod ġenerali, ta’ min isemmi l-effett tal-għażla ta’ tip ta’ offerta ta’ prezzijiet fuq l-indikatur tat-tnaqqis fl-ispejjeż f’każ ta’ volatilità għolja tal-prezzijiet tas-suq.
Fl-UE, huma implimentati tliet tipi ewlenin ta’ skemi ta’ sostenn għall-proċeduri ta’ offerti: primjum varjabbli unidirezzjonali, primjum varjabbli bidirezzjonali (imsejjaħ “kuntratt għad-differenza”) u primjum fiss 7 .
F’każ ta’ tnaqqis mhux mistenni fil-prezz tas-suq tal-elettriku, mill-perspettiva tat-tnaqqis fl-ispejjeż, l-iskema tal-primjum fiss għandha l-aqwa prestazzjoni. Skont din l-iskema, ir-riskju kollu assoċjat mal-prezzijiet baxxi jinġarr mill-produtturi, u għalhekk ma joħloqx piż żejjed fuq il-konsumaturi jew fuq il-baġit. Fi skemi tal-primjum varjabbli, l-ispejjeż għas-sostenn jistgħu jiżdiedu drastikament hekk kif jeħtieġ li jiġi kopert it-tnaqqis fil-prezz. Madankollu, dan ir-riskju jista’ jiġi mmitigat jekk l-ammont totali tas-sostenn imħallas ikun limitat mill-irkantatur.
Jekk il-prezzijiet isiru għoljin f’livell mhux mistenni, il-kuntratt għad-differenza jkollu l-aħjar prestazzjoni, minħabba li l-obbligu ta’ rkupru tal-kost tiegħu jevita dħul eċċessiv għal proġett li jkun irċieva sostenn pubbliku. Jiġġenera dħul għall-Istat ukoll. Ir-rwol tal-kuntratti għad-differenza bħala strument sabiex jiġu koperti r-renti inframarġinali f’perjodi ta’ prezzijiet għoljin diġà huwa rifless fil-Komunikazzjoni dwar REPowerEU 8 . Fl-iskema unidirezzjonali, ma hemm l-ebda piż żejjed ta’ sostenn għall-baġit, iżda jiġi ġġenerat dħul eċċessiv għall-proġett. Għall-primjum fiss, ma jista’ jkun hemm l-ebda spiża għas-sostenn addizzjonali, għalkemm jista’ jseħħ sussidjar eċċessiv, li ma huwiex allokazzjoni ottimali tar-riżorsi. Madankollu, dan l-effett jista’ jiġi mmitigat billi jiġi introdott limitu massimu fuq il-prezzijiet fi skema ta’ primjum fiss, li ’l fuq minnu ma jkun hemm l-ebda sostenn imħallas.
|
Konklużjonijiet għad-Dimensjoni Nru 1: Tnaqqis fl-ispejjeż ·Il-proċeduri ta’ offerti jipprovdu l-qafas neċessarju sabiex jiġi varat l-elettriku minn sorsi rinnovabbli bl-anqas spiża possibbli, peress li d-data tindika li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet it-tnaqqis fl-ispejjeż kien riżultat tal-implimentazzjoni ta’ skema bbażata fuq l-offerti għat-teknoloġiji investigati kollha. ·Kemm għall-enerġija fotovoltajka solari kif ukoll għal dik eolika fuq l-art, l-evidenza turi li jekk il-kompetizzjoni fl-irkant tkun għolja (jiġifieri tilħaq livell ta’ sottoskrizzjoni żejda ta’ aktar minn 1.5), it-tnaqqis fl-ispejjeż għas-sostenn ikollu t-tendenza li jkun ogħla milli għal dawk l-irkanti li fihom il-kompetizzjoni tkun anqas intensa. Fi kliem ieħor, il-proċeduri ta’ offerti jiksbu tnaqqis fl-ispejjeż jekk jiġġeneraw livell suffiċjenti ta’ kompetizzjoni. |
3.2. Titjib teknoloġiku
Id-dimensjoni tal-prestazzjoni “jiksbu titjib teknoloġiku” skont l-Artikolu 4(8)(b) tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli hija interpretata f’dan ir-rapport bħala t-tnaqqis tal-ispejjeż għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, wara l-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli.
L-indikatur għall-kejl tat-titjib teknoloġiku miksub huwa l-ispiża livellata tal-elettriku 9 . Dan l-indikatur huwa adattat peress li jinkorpora t-tnaqqis dirett fl-ispejjeż permezz tan-nefqa kapitali (CAPEX) u n-nefqa operazzjonali (OPEX), li jirriżulta mit-titjib tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli. Madankollu, l-LCOE naqas b’mod sinifikanti bejn l-2010 u l-2020, speċjalment fil-każ tat-teknoloġija fotovoltajka, bħala riżultat tal-iżvilupp tat-teknoloġija globali, mhux neċessarjament marbut mal-introduzzjoni tal-offerti ta’ prezzijiet, iżda pjuttost minħabba fatturi oħrajn bħall-effetti konsegwenzjali, l-innovazzjoni, iż-żieda fid-domanda għall-enerġija rinnovabbli bħala parti mill-miżuri ta’ sostenn pubbliku, kundizzjonijiet ta’ finanzjament imtejbin bħall-kost medju ponderat tal-kapital eċċ 10 . Sabiex jitqiesu dawn il-fatturi esterni, l-evoluzzjoni tal-LCOE fil-pajjiżi analizzati titqabbel mal-prestazzjoni f’pajjiż ta’ referenza mingħajr skema ta’ sostenn ibbażata fuq l-offerti ta’ prezzijiet, kif ukoll mal-prestazzjoni globali għat-teknoloġija.
Enerġija eolika fuq l-art
It-tabella li ġejja tiġbor fil-qosor il-bidla annwali medja fl-LCOE. Fil-kolonna “Fil-pajjiż”, il-valur juri t-tqabbil bejn il-valur tal-LCOE qabel u wara l-organizzazzjoni tal-ewwel offerta ta’ prezzijiet, f’liema każ jitqiesu perjodi twal ta’ 3 sa 5 snin.
Minbarra d-differenza fl-LCOE fi ħdan il-pajjiżi, u sabiex jiġu kkunsidrati fatturi oħrajn li jiddeterminaw l-ispejjeż u li huma indipendenti mill-iskema ta’ sostenn applikata, kull tqabbil huwa ppreżentat b’żewġ parametri referenzjarji: l-Iżvezja u l-medja globali. L-Iżvezja ma applikatx skemi ta’ offerti, iżda rnexxielha tilħaq żidiet kbar fil-kapaċità għall-enerġija eolika fuq l-art permezz ta’ skema kompetittiva ta’ ċertifikati ekoloġiċi. Il-valuri medji globali jkopru l-installazzjonijiet kollha irrispettivament mill-ambjent regolatorju, mill-post, jew mill-esperjenza tal-investituri, inklużi l-pajjiżi analizzati. Għalkemm huwa ċar li l-medja globali ma hijiex kontrofattwali peress li fiha kemm pajjiżi rkantaturi kif ukoll pajjiżi li ma humiex irkantaturi, hija tista’ sservi bħala punt ta’ riferiment xieraq minħabba li jekk l-offerti ta’ prezzijiet irawmu l-iżvilupp teknoloġiku, il-prestazzjoni tal-pajjiżi rkantaturi tkun aħjar mill-prestazzjoni medja.
|
Pajjiżi |
Sena tal-ewwel irkant |
Differenza fir-rata medja tal-bidla fl-LCOE (qabel u matul l-irkanti) |
Tqabbil
|
|||
|
Fil-pajjiż |
Fl-Iżvezja |
Globalment |
Għall-Iżvezja |
Għal medja globali |
||
|
L-Italja |
2012 |
-5,5 % |
-3,7 % |
2,0 % |
-1,8 % |
-7,5 % |
|
Spanja |
2016 |
-2,7 % |
-5,7 % |
-5,5 % |
2,9 % |
2,7 % |
|
Il-Ġermanja |
2017 |
-7,4 % |
-7,0 % |
-7,5 % |
-0,5 % |
0,1 % |
|
Id-Danimarka |
2018 |
3,9 % |
0,0 % |
-5,6 % |
3,9 % |
9,5 % |
|
Franza |
2018 |
-12,1 % |
0,0 % |
-5,6 % |
-12,1 % |
-6,5 % |
|
Medja |
- |
-4,8 % |
-3,3 % |
-4,4 % |
-1,5 % |
-0,4 % |
Sors tad-data: IRENA (2021)
Illustrazzjoni 3: Paraguni tal-bidla medja fl-LCOE għall-enerġija eolika fuq l-art
Id-data turi li t-tnaqqis medju fl-LCOE fil-pajjiżi rkantaturi analizzati (-4,8 %) huwa ogħla mill-parametri referenzjarji tal-Iżvezja u dawk globali (-3,3 %, -4,4 %), u għalhekk l-iskemi ta’ offerti kellhom prestazzjoni ftit aħjar mill-parametri referenzjarji (bħala medja). Madankollu, il-valuri tal-LCOE fl-Iżvezja u wkoll dawk globali jonqsu b’pass mgħaġġel b’mod simili, li jfisser li l-iżvilupp teknoloġiku jittejjeb ukoll b’mod indipendenti minn skema ta’ sostenn ibbażata fuq offerti ta’ prezzijiet.
Barra minn hekk, l-effetti fil-livell tal-pajjiżi huma diversi. L-iskemi tal-irkanti kellhom prestazzjoni aħjar kemm mis-sistema Żvediża ta’ ċertifikati ekoloġiċi kif ukoll mill-medja globali fl-Italja u fi Franza, kellhom prestazzjoni inferjuri fi Spanja u fid-Danimarka, filwaqt li s-sistema Ġermaniża kisbet riżultati simili għall-parametri referenzjarji. Mingħajr preġudizzju għal fatturi oħrajn, l-aktar spjegazzjoni plawżibbli hija li l-iskemi ta’ rkant jistgħu jikkontribwixxu għal tnaqqis sinifikanti fl-ispejjeż jekk l-ispejjeż ikunu f’livell ogħla fil-mument tal-introduzzjoni tal-offerta, filwaqt li jkunu anqas effettivi fil-każ ta’ teknoloġiji aktar maturi u effiċjenti.
Enerġija fotovoltajka solari
Fil-kolonna “Fil-pajjiż”, it-tabella li ġejja tiġbor fil-qosor ir-rata medja ta’ bidla fl-LCOE għall-enerġija fotovoltajka solari qabel u wara li ġew introdotti l-irkanti għal ftit pajjiżi, madankollu l-analiżi hija anqas robusta milli għall-enerġija eolika fuq l-art minħabba nuqqas ta’ data għal snin speċifiċi 11 .
Ir-riżultati fil-livell tal-pajjiżi huma diversi ħafna għat-tliet pajjiżi, li jwasslu għal differenza medja qrib iż-żero. It-tabella tissuġġerixxi li d-differenza bejn it-tnaqqis osservat fl-ispejjeż qabel u matul l-iskemi ta’ rkant hija fil-biċċa l-kbira funzjoni taż-żmien tal-introduzzjoni: aktar ma seħħet kmieni l-introduzzjoni tal-irkanti, aktar ikun għoli l-potenzjal tal-offerta ta’ prezzijiet li tikkontribwixxi għat-tnaqqis fl-LCOE. Madankollu, dan jista’ jkun assoċjat max-xejriet ġenerali tal-iżvilupp tal-kost, jiġifieri l-kost tat-teknoloġija naqas aktar malajr fil-perjodu bejn l-2012 u l-2015 milli qabel jew wara f’kull wieħed mill-erba’ pajjiżi.
Ix-xejra tal-iżvilupp tal-ispejjeż tal-pajjiżi analizzati titqabbel ma’ żewġ parametri referenzjarji – mal-medja globali u ma’ eżempju fil-livell ta’ pajjiż fejn huma disponibbli l-valuri tal-LCOE u ma saret l-ebda offerta ta’ prezzijiet għall-enerġija fotovoltajka solari. Eżempju bħal dan fil-livell ta’ pajjiż ma jeżistix fl-UE, u għalhekk intgħażel pajjiż terz bi progress teknoloġiku komparabbli fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Għal raġunijiet ta’ disponibbiltà tad-data, l-aktar eżempju rilevanti bħala punt ta’ riferiment huwa r-Repubblika tal-Korea.
|
Pajjiżi |
Sena tal-ewwel irkant |
Differenza fir-rata medja tal-bidla fl-LCOE (qabel u matul l-irkanti) |
Tqabbil
|
|||
|
Fil-pajjiż |
Fil-Korea |
Globalment |
Għall-Korea |
Għal medja globali |
||
|
Franza |
2012 |
-16,8 % |
8,1 % |
-3,8 % |
-24,9 % |
-13,0 % |
|
Il-Ġermanja |
2015 |
5,1 % |
5,8 % |
2,8 % |
-0,7 % |
2,2 % |
|
L-Italja |
2019 |
8,5 % |
1,9 % |
4,9 % |
6,7 % |
3,6 % |
|
Medja |
- |
-1,1 % |
5,3 % |
1,3 % |
-6,3 % |
-2,4 % |
Sors tad-data: IRENA (2021)
Illustrazzjoni 4: Tqabbil tal-bidla medja tal-LCOE għall-enerġija fotovoltajka
L-analiżi turi li d-direzzjoni tal-effetti ma tinbidilx, iżda l-kobor tagħhom biss. L-iżvilupp tal-ispejjeż fil-Korea kien differenti ħafna meta mqabbel mal-Italja u ma’ Franza (u simili għall-Ġermanja), u b’hekk ir-riżultati fil-livell tal-pajjiżi saru saħansitra aktar diversi. Il-valur medju jissuġġerixxi li l-iskema bbażata fuq l-offerti ta’ prezzijiet marret aħjar mill-parametru referenzjarju tal-Korea (tnaqqis aktar mgħaġġel fl-ispejjeż ta’ 6 %). B’kuntrast ma’ dan, l-iżvilupp globali tal-ispejjeż kien simili għar-riżultat Ewropew iżda juri differenzi iżgħar (eqreb għal żero) bejn il-perjodi ta’ qabel u matul l-irkant. Dan iwassal għall-konklużjoni li x-xejriet globali tal-ispejjeż jistgħu jispjegaw id-differenzi osservati parzjalment, iżda mhux kompletament. Bħala medja, il-prestazzjoni tal-proċeduri ta’ offerti kienet kemxejn aħjar (tnaqqis aktar mgħaġġel tal-ispejjeż) mill-medja globali, iżda din il-konklużjoni ġejja mit-tnaqqis qawwi fl-ispejjeż fi Franza. Ta’ min jinnota li l-iżvilupp medju globali fih (i) anke l-pajjiżi analizzati, u (ii) ħafna pajjiżi oħrajn, fejn l-iżvilupp tal-enerġija fotovoltajka beda aktar tard, u għalhekk jista’ jinkiseb tnaqqis ogħla fl-ispejjeż. Barra minn hekk, minħabba l-effett konsegwenzjali u fatturi esterni oħrajn, it-tnaqqis fl-ispejjeż miksub fil-pajjiżi rkantaturi jista’ jnaqqas ukoll l-ispejjeż f’pajjiżi mhux irkantaturi.
|
Konklużjonijiet għad-Dimensjoni Nru 2: Titjib teknoloġiku ·L-iżvilupp fl-LCOE bħala parametru referenzjarju għat-titjib teknoloġiku juri li l-iskemi ta’ sostenn ibbażati fuq l-offerti ta’ prezzijiet jista’ jkollhom effett fuq l-iżvilupp tal-ispejjeż, iżda fatturi ġenerali u speċifiċi għall-pajjiżi oħrajn jista’ jkollhom influwenza aktar b’saħħitha. Il-maturità tat-teknoloġija, il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament, il-varar globali tal-kapaċità (u l-apprendiment u l-impatti assoċjati fuq l-LCOE), kif ukoll il-pożizzjoni tal-pajjiż fil-kurva tal-apprendiment (żidiet fil-kapaċità, esperjenza tal-investituri) għandhom rwol kruċjali f’dan ir-rigward u jistgħu jitqiesu bħala fatturi aktar b’saħħithom għat-titjib teknoloġiku. ·L-LCOE tat-teknoloġija eolika fuq l-art naqset aktar malajr (bħala medja) wara li ġew introdotti l-offerti ta’ prezzijiet. Madankollu, din il-konklużjoni hija valida l-aktar għal dawk il-pajjiżi fejn l-ispejjeż kienu għoljin u staġnaw qabel l-introduzzjoni tal-offerti ta’ prezzijiet. Tipi oħrajn ta’ skemi bbażati fuq is-suq jistgħu wkoll inaqqsu l-ispejjeż b’mod effettiv (eż. is-sistema Żvediża ta’ ċertifikati ekoloġiċi). ·Bħalissa, l-offerti ta’ prezzijiet fl-UE huma fil-biċċa l-kbira ffokati fuq tliet teknoloġiji, it-teknoloġija fotovoltajka solari, eolika fuq l-art, u eolika lil hinn mill-kosta. Għal teknoloġiji oħrajn, l-offerti ta’ prezzijiet huma relattivament rari, u jikkontribwixxu biss sa ċertu punt għat-titjib teknoloġiku ta’ dawn it-teknoloġiji. |
3.3. Rati għolja ta’ twettiq
Id-dimensjoni tal-prestazzjoni “jiksbu rati għolja ta’ twettiq” skont l-Artikolu 4(8)(c) tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli hija interpretata f’dan ir-rapport bħala l-volum totali tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli miżjud wara l-introduzzjoni tal-offerti ta’ prezzijiet, meta mqabbel mal-volumi tal-kapaċità miżjudin qabel 12 .
Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-pajjiżi Ewropej joperaw ħafna tipi oħrajn ta’ skemi ta’ sostenn, bħal sovvenzjonijiet ta’ investiment, jew kejl nett għal proġetti tal-unitajiet domestiċi, li jfisser li l-varar tal-kapaċità jkun possibbli wkoll anke fin-nuqqas ta’ sostenn operazzjonali. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm fatturi esterni li jħallu impatt fuq il-pass tal-varar, bħall-bidla fil-politika. It-tabella li ġejja tqabbel il-volum medju annwali ta’ kapaċità rinnovabbli ġdida li jiżdied fil-pajjiżi magħżulin fil-perjodi ta’ qabel u ta’ wara l-offerta ta’ prezzijiet. L-ewwel sena tikkorrispondi għad-data meta l-proġetti magħżulin fl-offerta ta’ prezzijiet ikunu mistennijin jibdew joperaw. Din hija l-iskadenza għat-twettiq tal-ewwel sessjoni ta’ offerti ta’ prezzijiet, li taqsam is-sett tad-data fil-perjodi ta’ qabel l-offerta u ta’ wara l-offerta. It-tabella tinkludi biss skemi ta’ sostenn assoċjati ma’ sostenn operazzjonali ta’ proġetti ta’ daqs li jisboq dak tal-unitajiet domestiċi.
|
Pajjiż u teknoloġija |
L-ewwel sena tat-tlestija tal-kapaċità offruta |
Żieda annwali medja fil-kapaċità fil-perjodu ta’ qabel l-offerta ta’ prezzijiet (MW) |
Żieda annwali medja fil-kapaċità fil-perjodu ta’ wara l-offerta ta’ prezzijiet (MW) |
Skema ta’ sostenn operazzjonali preċedenti mhux ibbażata fuq offerti ta’ prezzijiet |
Bidla % (meta mqabbla mal-aħħar 3 snin mingħajr offerta ta’ prezzijiet) |
|
Id-Danimarka, Enerġija Fotovoltajka |
2018 |
99,7 |
131,3 |
Primjum garantit |
32 % |
|
Id-Danimarka, Enerġija Eolika fuq l-Art |
2020 |
196,7 |
136,0 |
Primjum garantit |
-31 % |
|
Il-Finlandja, Enerġija Eolika fuq l-Art |
2020 |
239,3 |
302,0 |
Tariffa garantita |
26 % |
|
Franza, Enerġija Fotovoltajka |
2014 |
1 411,0 |
921,0 |
Tariffa garantita |
-35 % |
|
Il-Ġermanja, Enerġija Fotovoltajka |
2017 |
1 323,0 |
3 276,0 |
Tariffa garantita |
148 % |
|
Il-Ġermanja, Enerġija Eolika fuq l-Art |
2018 |
4 549,0 |
1 517,0 |
Tariffa garantita |
-67 % |
|
Il-Greċja, Enerġija Fotovoltajka |
2017 |
8,3 |
160,8 |
Tariffa garantita |
1 829 % |
|
Il-Greċja, Enerġija Eolika fuq l-Art |
2019 |
242,7 |
622,0 |
Tariffa garantita |
156 % |
|
L-Italja, Enerġija Eolika fuq l-Art |
2015 |
594,7 |
105,2 |
Ċertifikat ekoloġiku |
-82 % |
|
Il-Litwanja, Enerġija Eolika fuq l-Art |
2015 |
25,6 |
37,2 |
Tariffa garantita |
45 % |
|
Il-Lussemburgu, Enerġija Fotovoltajka |
2020 |
12,7 |
35,0 |
Tariffa garantita |
176 % |
|
In-Netherlands, Enerġija Fotovoltajka |
2015 |
286,0 |
1 534,3 |
Tariffa garantita |
436 % |
|
In-Netherlands, Enerġija Eolika fuq l-Art |
2016 |
320,7 |
223,4 |
Tariffa garantita |
-30 % |
|
Il-Polonja, Enerġija Fotovoltajka |
2019 |
151,3 |
1 687,0 |
Ċertifikat ekoloġiku |
1 015 % |
|
Is-Slovenja, Enerġija Fotovoltajka |
2018 |
9,7 |
6,7 |
Tariffa garantita |
-31 % |
|
Spanja, Enerġija Fotovoltajka |
2020 |
1 420,0 |
2 812,0 |
Xejn 13 |
98 % |
|
Spanja, Enerġija Eolika fuq l-Art |
2019 |
179,0 |
1 859,5 |
Xejn |
939 % |
Sors: kalkolu proprju bbażat fuq IRENA (2021)
Illustrazzjoni 5: Tqabbil tal-kapaċitajiet medji annwali ġodda fil-perjodu ta’ qabel u ta’ wara l-offerta ta’ prezzijiet
Fit-tabella, ġew ippreżentati 17-il każ li minnhom 11 juru bidla pożittiva fil-kapaċitajiet ġodda annwali. F’ħafna każijiet, id-daqs ta’ dan it-tkabbir huwa kbir ħafna, li jista’ jkun ir-riżultat ta’ żewġ sitwazzjonijiet.
L-ewwel nett, hemm pajjiżi li fihom it-teknoloġija rilevanti ma kinitx preżenti jew ma kinitx stabbilita sew qabel il-perjodu tal-offerti ta’ prezzijiet. F’dawn il-każijiet, jista’ jiġi argumentat li l-iskema ta’ sostenn ibbażata fuq proċeduri ta’ offerti kienet l-ewwel opportunità reali għall-produtturi sabiex jirċievu sostenn u sabiex jibdew il-varar fuq skala wiesgħa. Din l-ispjegazzjoni tapplika prinċipalment għat-teknoloġija fotovoltajka, peress li din saret matura aktar tard fl-Ewropa, u għalhekk l-implimentazzjoni tad-disinn tal-offerti ta’ prezzijiet ħabtet fl-istess żmien mal-maturità teknoloġika. Żewġ eżempji tajbin ħafna huma n-Netherlands u l-Polonja, kemm għat-teknoloġija fotovoltajka, f’liema każ qabel l-iskema ta’ offerti ż-żidiet ġodda fil-kapaċità kienu baxxi, u l-iskema ta’ offerti aċċellerat l-iżvilupp teknoloġiku. Fil-Ġermanja u fil-Lussemburgu tista’ tiġi osservata żieda għolja simili fil-kapaċità fotovoltajka, anke b’valur ta’ referenza ta’ qabel l-offerta ta’ prezzijiet li huwa ogħla.
It-tieni, hemm xi pajjiżi fejn iż-żidiet fil-kapaċità kienu baxxi ħafna fis-snin eżatt qabel l-introduzzjoni tal-offerti ta’ prezzijiet minħabba r-regolamentazzjoni fil-pajjiżi. F’dawn il-pajjiżi huwa ċar li, diment li jiġi pprovdut sostenn, jistgħu jiġu osservati espansjonijiet kbar fil-kapaċità.
Għall-każijiet li fihom il-kapaċitajiet il-ġodda jitnaqqsu meta mqabblin mal-perjodu ta’ qabel l-offerta ta’ prezzijiet, hemm diversi spjegazzjonijiet. L-ewwel nett, jekk teknoloġija tista’ titqies matura f’pajjiż b’kapaċitajiet operattivi diġà għoljin, huwa mistenni tnaqqis naturali fil-kapaċitajiet miżjudin il-ġodda. F’każijiet bħal dawn, il-kwistjonijiet relatati mad-disponibbiltà tal-grilja jistgħu jinċentivaw ukoll lill-irkantaturi sabiex inaqqsu l-volumi offruti lill-irkanti. Barra minn hekk, prinċipalment għat-teknoloġija eolika fuq l-art, b’ħafna kapaċitajiet diġà installati fil-pajjiż, jistgħu jseħħu kwistjonijiet relatati mal-varar b’nuqqas ta’ postijiet xierqa, li jistgħu jillimitaw b’mod sinifikanti l-espansjonijiet tal-kapaċità. Fl-aħħar nett, kunsiderazzjoni importanti hija li meta t-tariffi garantiti pprovdew sostenn ġeneruż ħafna għal proġetti ġodda, il-varar fl-iskema ta’ qabel l-offerta ta’ prezzijiet kien aktar mgħaġġel. F’dawn il-każijiet, remunerazzjoni aktar baxxa bbażata fuq offerti ta’ prezzijiet setgħet ipprovdiet anqas inċentiv għall-produtturi sabiex jibnu kapaċitajiet ġodda tal-enerġija rinnovabbli.
Fl-2021, ġiet osservata espansjoni drastika ta’ kapaċitajiet rinnovabbli ġodda fuq il-bażi ta’ ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija (PPAs) 14 . Dan huwa parzjalment dovut għall-maturità dejjem akbar tas-suq tal-PPAs kif ukoll għaż-żieda fil-prezzijiet tas-suq tal-elettriku, li b’hekk wasslu sabiex tinħoloq domanda akbar għall-PPAs minn offtakers korporattivi. Barra minn hekk, hemm interazzjoni bejn id-disponibbiltà ta’ skemi ta’ sostenn pubbliku u s-suq għall-PPAs. Pereżempju, il-kanċellazzjoni ta’ offerti ta’ prezzijiet għal diversi teknoloġiji fil-Litwanja fl-2020 u fid-Danimarka fl-2021 minħabba parteċipazzjoni baxxa rriżultat fil-ħolqien ta’ numru ta’ proġetti tal-PPAs għall-varar ta’ kapaċità rinnovabbli addizzjonali, li jissuġġerixxi li l-PPAs jistgħu jkunu alternattiva aktar attraenti u bbażata fuq is-suq għall-iskemi ta’ sostenn pubbliku. L-impatti konkreti tal-kanċellazzjoni tal-iskemi ta’ sostenn fuq suq akbar tal-PPAs ma jistgħux jiġu kkonfermati b’analiżi kwantitattiva peress li l-PPAs bdew jiżviluppaw biss f’numru żgħir ta’ pajjiżi tal-UE f’dawn l-aħħar ftit snin, u d-data disponibbli dwarhom hija limitata ħafna.
|
Konklużjonijiet għad-Dimensjoni Nru 3: Rati għolja ta’ twettiq ·L-offerti ta’ prezzijiet jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-espansjoni tal-kapaċità ta’ proġetti eoliċi u solari, mingħajr preġudizzju għal fatturi esterni oħrajn. L-espansjoni tal-kapaċità tal-perjodu ta’ wara l-irkant hija akbar minn qabel ma ġew introdotti l-offerti ta’ prezzijiet f’ħafna mill-iskemi Ewropej. ·Varar aktar bil-mod seħħ l-aktar f’pajjiżi fejn fiż-żmien tal-introduzzjoni tal-offerti ta’ prezzijiet, it-teknoloġija rilevanti kienet diġà applikata b’mod mifrux, iżda r-rata ta’ tnaqqis hija relattivament żgħira anke f’dawn il-każijiet. ·F’xi pajjiżi Ewropej bħall-Polonja jew in-Netherlands, l-introduzzjoni tal-irkant irriżultat direttament fil-bidu tal-varar fuq skala kbira ta’ teknoloġija rinnovabbli partikolari (f’dan il-każ – it-teknoloġija fotovoltajka solari). ·Il-kapaċitajiet ikkuntrattati b’PPAs jesperjenzaw żieda sinifikanti – dan l-iżvilupp pożittiv ħafna jikkostitwixxi perkors alternattiv jew komplementari għall-offerti ta’ prezzijiet, u jista’ jirriżulta fi rkanti mhux sottoskritti biżżejjed. |
3.4. Parteċipazzjoni mhux diskriminatorja ta’ atturi żgħar u tal-awtoritajiet lokali fejn applikabbli
Id-dimensjoni tal-prestazzjoni “jipprovdu l-parteċipazzjoni mhux diskriminatorja ta’ atturi żgħar u tal-awtoritajiet lokali fejn applikabbli” skont l-Artikolu 4(8)(d) tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli hija interpretata f’dan ir-rapport bħala l-kapaċità ta’ atturi żgħar li jipparteċipaw fi proġetti ta’ daqs żgħir f’kundizzjonijiet ugwali u li jirbħu l-offerti ta’ prezzijiet. L-indikatur għall-kejl ta’ din id-dimensjoni huwa d-daqs medju tal-proġetti ġodda mirbuħin permezz ta’ offerti ta’ prezzijiet, li juri kif id-disinn tal-offerta ta’ prezzijiet seta’ jipprovdi inċentivi b’tali mod li ppermetta li jiġu indirizzati l-ostakli inizjali li jaffettwaw lill-atturi ż-żgħar (eż. nuqqas ta’ ekonomiji ta’ skala, kundizzjonijiet ta’ self agħar, spejjeż ogħla tal-proġetti għal kull output tal-enerġija, livell aktar baxx ta’ speċjalizzazzjoni). Peress li ma hemm l-ebda eżempju disponibbli ta’ awtoritajiet lokali li jipparteċipaw fl-offerta ta’ prezzijiet bħala offerenti, l-aspetti tal-offerti ta’ prezzijiet relatati mal-involviment tal-partijiet ikkonċernati lokali f’sens usa’ huma koperti fit-Taqsima 3.6.
Il-livell ta’ parteċipazzjoni ta’ atturi u ta’ proġetti żgħar huwa ddeterminat mir-restrizzjonijiet fuq id-daqs tal-proġett, inkorporati fit-tfassil tal-offerta ta’ prezzijiet. Sabiex tingħata ħarsa ġenerali, tista’ ssir distinzjoni bejn erba’ tipi ta’ disinn tal-offerti ta’ prezzijiet fir-rigward tar-restrizzjonijiet fuq id-daqs tal-proġetti:
·daqs żgħir: dan jinkludi l-offerti ta’ prezzijiet immirati lejn proġetti fuq skala żgħira b’kapaċità sa 1 MW għall-enerġija fotovoltajka solari u sa 3 MW għall-enerġija eolika fuq l-art;
·bilanċjat: dan jinkludi l-offerti ta’ prezzijiet li jippermettu l-parteċipazzjoni ta’ proġetti fuq skala żgħira, tal-anqas sa ċertu punt (anqas minn 1 MW għall-enerġija fotovoltajka solari u minn 3 MW għall-enerġija eolika fuq l-art), u ta’ proġetti ta’ daqs medju (sa 50 MW) f’kundizzjonijiet ugwali, jiġifieri li jippermettu l-kompetizzjoni bejniethom, iżda jeskludu proġetti kbar ħafna sabiex jiġu evitati vantaġġi tal-prezzijiet li jirriżultaw mill-ekonomiji ta’ skala.
·kategorija tad-daqs: dan jinkludi offerti paralleli organizzati fi żmien sena, meta tal-anqas offerta ta’ prezzijiet waħda tkun immirata lejn proġetti fuq skala żgħira, u tal-anqas offerta ta’ prezzijiet waħda tkun immirata lejn proġetti fuq skala kbira, f’liema każ iż-żewġ tipi ta’ proġetti ma jkunux f’kompetizzjoni ma’ xulxin.
·kbir: dan jinkludi l-offerti ta’ prezzijiet li fihom ġew esklużi proġetti fuq skala żgħira, jew li fihom ma kien hemm l-ebda limitu massimu fuq il-kapaċità tal-offerti ta’ prezzijiet
Enerġija fotovoltajka solari
Ir-riżultati tal-analiżi għall-perjodu bejn l-2010 u l-2020 juru li l-Kroazja, l-Estonja, Franza u l-Polonja huma l-pajjiżi li fihom it-tfassil tal-offerti ta’ prezzijiet f’xi snin kien immirat direttament lejn proġetti fuq skala żgħira biss. Fil-Kroazja saret offerta ta’ prezzijiet waħda, filwaqt li fl-Estonja ġew organizzati żewġ offerti ta’ prezzijiet pilota għal proġetti żgħar biss, iżda ż-żewġ pajjiżi qegħdin jippjanaw li jintroduċu offerti ta’ prezzijiet fuq skala kbira dalwaqt. Fil-Polonja, il-proċedura ta’ offerti bdiet b’offerti ta’ prezzijiet fuq skala żgħira fl-2016 u fl-2017, iżda fis-snin sussegwenti, ġew organizzati offerti ta’ prezzijiet kbar b’mod parallel ukoll. Offerti ta’ prezzijiet bikrija fi Franza kienu mmirati wkoll lejn proġetti fuq skala żgħira: fis-snin 2014 u 2016, ġew organizzati biss irkanti bħal dawn. Id-daqs medju tal-proġetti f’dawn l-offerti ta’ prezzijiet huwa baxx ħafna, u varja minn 0,24 MW sa 0,65 MW.
F’ħafna pajjiżi ġie applikat trattament speċjali għal proġetti fuq skala żgħira taħt l-opzjoni ta’ “kategorija tad-daqs” – id-Danimarka, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Lussemburgu, u l-Polonja. Barra minn hekk, in-Netherlands użaw tip ta’ rkant dinamiku u b’arloġġ axxendenti, bi prezzijiet massimi differenti għal daqsijiet differenti ta’ proġetti fotovoltajċi solari. Għalhekk, għall-proġetti fotovoltajċi solari, din is-soluzzjoni li fiha jiġu organizzati offerti ta’ prezzijiet paralleli fi żmien sena, li waħda minnhom timmira proġett fuq skala żgħira, tista’ titqies bħala komuni iżda mhux universali fl-Ewropa. Il-kategorizzazzjoni tad-daqs għandha t-tendenza li żżomm id-daqs medju tal-proġetti eqreb lejn skala żgħira, peress li d-daqsijiet medji jvarjaw bejn 0,38 MW (l-Italja) u 5,45 MW (id-Danimarka).
Enerġija eolika fuq l-art
L-opzjoni ta’ offerti li jiffavorixxu proġetti fuq skala żgħira hija anqas komuni għat-teknoloġija eolika fuq l-art milli għal dik fotovoltajka solari – fl-2020 l-Estonja biss u sal-2018 il-Polonja biss organizzawhom. Id-daqs medju fiż-żewġ pajjiżi huwa anqas minn 1 MW f’dawn il-perjodi ta’ żmien assoċjati.
Fir-rigward tat-tliet tipi l-oħrajn ta’ disinn, ir-riżultati huma eteroġeni ħafna madwar l-Ewropa, u dan iwassal għal daqsijiet medji magħżulin li kienu differenti ħafna. L-iżgħar daqsijiet ta’ proġetti ġew identifikati fl-Estonja, b’anqas minn 0,5 MW, iżda fil-perjodu rilevanti valuri baxxi kienu assoċjati mal-Italja, mas-Slovenja, u man-Netherlands ukoll. Dawn ir-riżultati jindikaw li l-applikazzjonijiet tat-teknoloġija eolika fuq l-art fuq skala żgħira huma soluzzjoni vijabbli għat-taħlita enerġetika Ewropea.
Ir-riżultati madwar l-UE għad-daqs medju tal-proġetti magħżulin skont l-erba’ approċċi għad-disinn tal-offerti ta’ prezzijiet huma ppreżentati fit-tabella ta’ hawn taħt u jippermettu li jinħarġu l-konklużjonijiet li ġejjin, filwaqt li titqies il-kompożizzjoni differenti ħafna tal-opzjonijiet tad-disinn tal-offerti ta’ prezzijiet bejn it-teknoloġija fotovoltajka solari u dik eolika fuq l-art. L-ewwel nett, hemm offerti ta’ prezzijiet eżistenti mmirati lejn it-trattament preferenzjali tat-teknoloġija eolika fuq skala żgħira. It-tieni, is-soluzzjoni tal-“kategorija tad-daqs” bħala medja twassal għal daqs medju tal-proġetti aktar baxx meta mqabbla mas-soluzzjoni “bilanċjat(a)”. It-tielet, jekk ma jeżistix limitu massimu tal-kapaċità, u ma tiġi applikata l-ebda kategorija tad-daqs, allura proġetti kbar ħafna jkollhom it-tendenza li jiddominaw ir-riżultati tal-irkanti.
|
Daqs medju (MW) Enerġija fotovoltajka solari |
Daqs medju (MW) Enerġija eolika fuq l-art |
|
|
ŻGĦIR |
0,47 |
0,59 |
|
BILANĊJAT |
2,61 |
12,78 |
|
KATEGORIJA TAD-DAQS |
1,88 |
10,55 |
|
KBIR |
40,85 |
43,83 |
Sors: Kalkolu proprju bbażat fuq IRENA (2021)
Illustrazzjoni 7. Id-daqs medju ta’ proġetti magħżulin bħala rebbieħa fl-UE taħt l-erba’ opzjonijiet ta’ disinn għat-teknoloġija fotovoltajka solari u għat-teknoloġija eolika fuq l-art
Madankollu, huwa importanti li jiġi nnotat li l-limitazzjoni tad-daqs fl-offerti ta’ prezzijiet tiġi bi tnaqqis sinifikanti fl-effiċjenza tal-prezzijiet, li huwa wkoll dovut għall-ekonomiji ta’ skala, għall-aċċess għal post aħjar, għall-finanzjament u għal fatturi oħrajn. L-ispiża għas-sostenn fil-kategorija żgħira għandha t-tendenza li tkun ogħla milli fil-kategorija l-kbira, kif muri fit-tabella li ġejja:
|
Pajjiż u Teknoloġija |
Sena tal-irkant investigat |
Prezz medju rebbieħ fil-kategorija ta’ daqs żgħir (EUR_2019/MWh) |
Prezz medju rebbieħ fil-kategorija ta’ daqs kbir (EUR_2019/MWh) |
Differenza fil-prezz taż-żewġ kategoriji |
|
Franza, Enerġija Fotovoltajka |
2020 |
62,0 |
52,4 |
7,6 |
|
Il-Greċja, Enerġija Fotovoltajka |
2018 |
79,4 |
64,6 |
14,8 |
|
L-Ungerija, Enerġija Fotovoltajka |
2020 |
62,8 |
48,4 |
14,4 |
|
L-Italja, Enerġija Fotovoltajka |
2020 |
91,9 |
68,2 |
23,7 |
|
Il-Polonja, Enerġija Fotovoltajka |
2020 |
57,3 |
49,9 |
7,4 |
|
L-Italja, Enerġija Eolika fuq l-Art |
2020 |
134,8 |
68,3 |
66,5 |
|
Il-Litwanja, Enerġija Eolika fuq l-Art |
2013 |
111,0 |
76,4 |
34,6 |
|
Il-Polonja, Enerġija Eolika fuq l-Art |
2018 |
83,7 |
46,6 |
37,1 |
Sors: Il-bażi tad-data tal-irkanti AURES II
Illustrazzjoni 8: It-tqabbil tal-irkanti fuq skala żgħira u kbira jirriżulta f’termini ta’ prezzijiet medji tal-kuntratti rebbieħa
Ir-riżultati juru li offerti ta’ prezzijiet separati fuq skala żgħira għandhom primjum sinifikanti fuq il-prezz, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet akbar minn EUR 10/MWh, ħlief għat-teknoloġija fotovoltajka fil-Polonja u fi Franza. Dan il-bonus fil-prezz huwa ferm akbar għat-teknoloġija eolika fuq l-art (EUR 30 sa 40/MWh) milli għat-teknoloġija fotovoltajka solari (medja ta’ madwar EUR 11/MWh). Għalhekk, l-introduzzjoni ta’ speċifikazzjonijiet li jiffavorixxu proġetti fuq skala żgħira hija assoċjata ma’ piż finanzjarju addizzjonali f’termini ta’ spiża għas-sostenn, imħallas lill-proġetti rebbieħa.
|
Konklużjonijiet għad-Dimensjoni Nru 4: Parteċipazzjoni mhux diskriminatorja ta’ atturi żgħar ·Aktar minn nofs il-pajjiżi Ewropej (j)organizzaw offerti għal proġetti fotovoltajċi solari fuq skala żgħira, li fihom l-introduzzjoni ta’ kategoriji ta’ daqs għal proġetti fotovoltajċi solari tista’ titqies bħala soluzzjoni applikata b’mod mifrux (iżda mhux b’mod universali). ·Għal dawk l-offerti ta’ prezzijiet li għalihom la jiġi stabbilit limitu massimu ta’ kapaċità u lanqas ma sseħħ separazzjoni ta’ basktijiet differenti bbażati fuq id-daqs, it-tendenza ġenerali hija li proġetti fuq skala kbira jiddominaw l-offerti ta’ prezzijiet, u b’hekk proġetti iżgħar jingħataw anqas possibbiltà li jirbħu, l-aktar minħabba ekonomiji ta’ skala. ·Meta mqabblin mal-limitu massimu tad-daqs stabbilit, il-kategoriji tad-daqs jidhru mod aktar effiċjenti kif tittejjeb il-parteċipazzjoni ta’ proġetti żgħar u, għalhekk, ta’ atturi żgħar. ·Meta tiġi applikata s-soluzzjoni tal-kategorija tad-daqs, l-effiċjenza fil-prezzijiet tonqos b’mod konsiderevoli. Barra minn hekk, peress li l-proġetti parteċipanti huma maqsumin fuq il-bażi tad-daqs, l-intensità tal-kompetizzjoni tista’ titnaqqas ukoll. |
3.5. L-impatt ambjentali
Id-dimensjoni tal-prestazzjoni “jillimitaw l-impatt ambjentali” skont l-Artikolu 4(8)(e) tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli hija ta’ sfida billi l-konnessjoni teorika bejn l-implimentazzjoni ta’ allokazzjoni ta’ sostenn ibbażata fuq irkant u l-limitazzjoni tal-impatt ambjentali ma hijiex evidenti minnha nnifisha. Id-determinant ewlieni tal-impatt ambjentali ma huwiex jekk l-allokazzjoni ta’ sostenn tkunx ibbażata fuq proċess amministrattiv, ibbażat fuq is-suq jew ibbażat fuq l-offerti ta’ prezzijiet, iżda x’inhu l-impatt tal-kapaċitajiet tal-enerġija rinnovabbli, eż. billi jiġu ssostitwiti l-impjanti tal-enerġija konvenzjonali u, b’hekk, jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (“GHG”), li jiddependi fuq ħafna fatturi oħrajn, bħar-regolamentazzjoni ambjentali speċifika u l-post tal-installazzjoni. Il-proġetti tal-enerġija rinnovabbli jista’ jkollhom ukoll firxa ta’ impatti fuq objettivi ambjentali oħrajn, bħat-tniġġis tal-ħamrija, tal-ilma, tal-arja u akustiku, jew fuq il-ħabitats. Għalhekk, din id-dimensjoni tiġi analizzata permezz ta’ studji tal-każ li juru xi elementi speċifiċi tad-disinn li huma relatati mal-impatt ambjentali usa’ tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli rebbieħa. It-tali elementi tad-disinn li ma humiex relatati mal-“objettivi ewlenin” ta’ miżura ta’ sostenn jistgħu jifformaw sa 30 % tal-ponderazzjoni tal-kriterji kollha tal-għażla f’offerta ta’ prezzijiet, skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat 15 , u b’hekk jifformaw lieva potenzjali importanti sabiex tikkontribwixxi għall-objettivi speċifiċi ta’ politika (eż. l-ekonomija ċirkolari bi kriterji dwar ir-riċiklabbiltà, jew kriterji oħrajn ta’ sostenibbiltà). Madankollu, dawn il-kriterji jeħtieġ li jitfasslu bir-reqqa sabiex ma jirriżultawx f’effetti protezzjonisti li ma humiex konformi mal-politiki tal-UE jew mar-regoli tad-WTO.
Studju tal-każ - L-Italja
L-Italja implimentat skema ta’ offerti bejn l-2019 u l-2021 b’seba’ sessjonijiet ta’ rkant separati. Inħolqu basktijiet differenti bbażati fuq id-daqs tal-proġetti (limitu ta’ 1 MW) u tat-teknoloġiji ppjanati.
Għall-impjanti żgħar (anqas minn 1 MW) tal-enerġija idroelettrika, il-kriterji tal-offerti ta’ prezzijiet ippermettew sabiex impjant tal-enerġija idroelettrika li jikkonforma ma’ lista ta’ kundizzjonijiet ambjentali dwar il-ġestjoni tal-ilma jiġi kklassifikat minn ta’ fuq nett fl-offerta ta’ prezzijiet, irrispettivament mill-prezz offrut. Fis-sessjonijiet kollha tal-offerta ta’ prezzijiet (ħlief fl-aħħar waħda) seħħet sottoskrizzjoni żejda fl-irkanti, u għalhekk intlaħaq għan wieħed tal-offerta ta’ prezzijiet, peress li rebħu l-proġetti li kienu l-aħjar għall-kwalità tal-ilma. Min-naħa l-oħra, id-disinn tal-offerta ta’ prezzijiet ħoloq inċentiv negattiv f’termini ta’ offerti mhux kompetittivi, peress li dawk il-proġetti li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa kienu ċertament rebbieħa, u b’hekk kważi l-proġetti kollha bħal dawn joffru l-prezz massimu tal-irkant.
Għall-impjanti fotovoltajċi solari (anqas minn 1 MW), l-offerta ta’ prezzijiet kienet tinkludi kategorija separata ta’ proġetti li fihom jiġu installati pannelli solari ta’ fuq il-bejt minflok l-asbestos jew il-lavanja. Barra minn hekk, dawn il-proġetti rċevew primjum ta’ EUR 10/MWh meta mqabblin ma’ tipi oħrajn ta’ proġetti fotovoltajċi żgħar. Ir-riżultati tal-kapaċitajiet rebbieħa fis-sessjonijiet tal-offerta ta’ prezzijiet juru interess dejjem akbar fil-proġetti fotovoltajċi solari fuq skala żgħira (8 MW fl-ewwel sessjoni, li żdiedu għal 110 MW fis-seba’ sessjoni). Madankollu, f’din il-kategorija fotovoltajka speċjali, il-volumi offruti mill-gvern fis-sessjoni tal-offerti kienu għoljin ħafna, u dan wassal sabiex is-sessjonijiet kollha tal-irkanti ma laħqux sottoskrizzjoni biżżejjed, li wassal sabiex il-prezzijiet offruti jkunu qrib ħafna tal-prezz massimu. Barra minn hekk, tista’ tiġi identifikata mġiba adattiva tal-offerenti, f’liema każ fl-ewwel sessjoni l-offerenti offrew prezz 0,4 % aktar baxx meta mqabbel mal-prezz massimu, u fil-ħames sessjoni dan naqas għal 0,01 %, u b’hekk l-offerta ta’ prezzijiet saret subottimali f’termini ta’ kosteffiċjenza.
Għalhekk, f’dan il-każ, offerti ta’ prezzijiet mmirati lejn proġetti b’impatt ambjentali speċifiku mhux ta’ tnaqqis tal-gassijiet serra laħqu l-objettivi tagħhom iżda ma ppromwovewx il-kompetizzjoni u l-identifikazzjoni tal-prezz.
Studju tal-każ – In-Netherlands
In-Netherlands applikaw offerti bbażati biss fuq il-prezz, iżda inkludew rekwiżiti ta’ prekwalifikazzjoni, inkluża valutazzjoni tal-impatt ambjentali sħiħa għal offerti ta’ prezzijiet li huma speċifiċi għas-siti. Dan jiżgura li l-implikazzjonijiet ambjentali tal-proġett jitqiesu qabel ma tittieħed id-deċiżjoni dwar l-offerent rebbieħ, u li sseħħ il-parteċipazzjoni pubblika ex ante fit-teħid ta’ deċiżjonijiet.
L-evidenza ma turix riskju li kriterju ambjentali, applikat qabel l-offerta ta’ prezzijiet, ikollu impatt fuq il-prezz. Fil-każ tan-Netherlands, fejn il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali ex ante hija obbligatorja, il-prezz rebbieħ huwa anqas milli f’pajjiżi (komparabbli) oħrajn fejn ma hijiex. Dan jikkonferma li xorta jista’ jinkiseb tnaqqis apprezzabbli fl-ispejjeż, anke fil-każ ta’ offerti ta’ prezzijiet li jqisu l-impatt ambjentali tal-proġetti.
Barra minn hekk, l-esperjenza fin-Netherlands turi li r-rekwiżiti ambjentali ta’ prekwalifikazzjoni jipprevjenu r-riskju ta’ dewmien fl-ikkummissjonar tal-proġetti, u dan għandu impatt pożittiv fuq ir-rata ta’ twettiq. Madankollu, f’pajjiżi fejn il-proċess amministrattiv huwa twil, ir-rekwiżit ex ante għall-awtorizzazzjoni ambjentali jista’ jagħmel l-offerta ta’ prezzijiet kumplessa wisq u joħloq riskju ta’ sottoskrizzjoni insuffiċjenti.
Studju tal-każ – Spanja
Fl-2020, Spanja approvat sett ta’ regolamenti dwar il-proċeduri ta’ offerti għall-enerġija rinnovabbli. Dan jinkludi obbligu sabiex l-offerenti f’offerta ta’ prezzijiet jissottomettu pjan strateġiku bl-istimi tal-impatt tal-proġett fuq il-katina tal-valur industrijali, li jiġi ppubblikat fuq is-sit web tal-Ministeru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika u għall-Isfida Demografika. Il-pjan strateġiku jrid jinkludi l-istrateġija tal-ekonomija ċirkolari fir-rigward tat-trattament tat-tagħmir fi tmiem il-ħajja tiegħu u analiżi tal-impronta tal-karbonju matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-faċilitajiet, inklużi l-manifattura u t-trasport tat-tagħmir ewlieni użat. L-għan ta’ dan ir-rekwiżit huwa li jiġu imposti kriterji ta’ prekwalifikazzjoni li jippermettu l-parteċipazzjoni ta’ proġetti li l-ktajjen tal-provvista tagħhom ikunu konformi ma’ standard tal-emissjonijiet predefinit biss. B’riżultat ta’ dan, l-offerenti jintalbu juru l-kapaċità li jiżviluppaw il-proġett f’konformità mal-“esternalitajiet” ambjentali, filwaqt li jiksbu l-effiċjenza massima possibbli fir-riżorsi u eċċellenza operazzjonali tul il-katina tal-valur kollha, u eventwalment jiġġeneraw impatt pożittiv, li jirriżulta mill-iżvilupp u mill-kostruzzjoni tal-impjant.
|
Konklużjonijiet għad-Dimensjoni Nru 5: L-impatt ambjentali ·L-implimentazzjoni ta’ aspetti ambjentali addizzjonali permezz ta’ elementi tad-disinn fl-offerta ta’ prezzijiet ma hijiex komuni fl-irkanti Ewropej. ·Eżempji fl-Italja u fin-Netherlands juru każijiet pożittivi li fihom il-proċeduri ta’ offerti jipprovdu rekwiżit ċar ta’ prekwalifikazzjoni jew elementi oħrajn tad-disinn li jiżguraw li jitqiesu l-implikazzjonijiet ambjentali qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali dwar l-għażla tal-proġetti. L-iżvilupp ta’ kriterji u ta’ ponderazzjonijiet speċifiċi għall-evalwazzjoni bħala kriterji ewlenin għall-aġġudikazzjoni għandu t-tendenza li jtejjeb l-effettività tal-implimentazzjoni. Madankollu, fil-każ ta’ disinn mhux xieraq tal-offerti, il-kriterji addizzjonali jistgħu jwasslu għal riżultati subottimali f’termini ta’ kosteffiċjenza. ·Tali kriterji u disinni ta’ prekwalifikazzjoni li jirrispettaw l-ambjent jistgħu jwasslu għal effetti addizzjonali u mhux relatati mal-ambjent fil-proċedura ta’ offerti, bħal tnaqqis fil-kosteffiċjenza (l-Italja) jew rati ta’ twettiq potenzjalment imsaħħin (in-Netherlands). |
3.6. Aċċettabilità lokali
Id-dimensjoni tal-prestazzjoni “jiżguraw l-aċċettabilità lokali” skont l-Artikolu 4(8)(f) tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli tinftiehem bħala l-approvazzjoni mill-pubbliku għall-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-livell tal-komunità lokali. Eżempji ta’ kontestazzjonijiet imqajmin kontra l-parks eoliċi jinkludu t-tniġġis akustiku perċepit, il-ħsara assoċjata possibbli lill-organiżmi selvaġġi lokali kkawżata mit-turbini u l-impatt fuq il-pajsaġġ. Karatteristiċi fiżiċi speċifiċi, bħar-riħa mill-impjanti tal-bijogass, huma lment frekwenti minn residenti li jgħixu qrib l-impjanti tal-bijogass. Fil-każ tat-teknoloġija solari, it-tħassib jinkludi l-effett negattiv fuq il-pajsaġġi. Hemm eżempji ta’ opzjonijiet ta’ disinn tal-offerti ta’ prezzijiet li jistgħu jtaffu l-isfidi relatati mal-aċċettazzjoni lokali permezz ta’, pereżempju, il-promozzjoni tal-kondiviżjoni tal-benefiċċji ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli mal-komunitajiet lokali. Dawn jistgħu jitqiesu fil-kuntest tal-aħjar prattiki dwar l-aċċettazzjoni u l-involviment tal-komunità, deskritti fil-Gwida tal-Kummissjoni dwar it-tħaffif tal-proċeduri għall-ħruġ ta’ permessi 16 .
Issa qegħdin jiġu applikati kriterji ta’ prekwalifikazzjoni relatati mal-post għall-parks eoliċi fil-Polonja, fejn il-muniċipalitajiet jiddikjaraw ir-rieda tagħhom li jospitaw l-infrastruttura tal-enerġija eolika. F’dan il-każ, l-element tad-disinn huwa involviment ex ante tal-gvernijiet lokali għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar investimenti futuri fl-enerġija eolika fuq l-art f’konsultazzjoni mal-popolazzjoni. Fi Spanja, l-obbligu għal offerent li jissottometti pjan strateġiku, imsemmi fid-dimensjonijiet preċedenti, jinkludi stimi tal-impatt fuq l-impjiegi lokali u l-opportunitajiet għall-iżvilupp tan-negozji lokali.
L-awtoritajiet tal-proċeduri ta’ offerti tal-Ġermanja, tal-Irlanda u ta’ Franza għażlu li jfasslu regoli li jtejbu l-aċċettazzjoni lokali billi jagħtu trattament preferenzjali lill-komunitajiet tal-enerġija.
Fil-każ tal-Ġermanja, il-kundizzjonijiet favorevoli previsti fl-Att dwar l-Enerġija Rinnovabbli tal-passat rawmu proġetti ta’ sjieda bbażati fuq il-komunità u l-ewwel tliet sessjonijiet sa Novembru 2017 taw aktar minn 90 % tal-volum totali tal-irkanti ta’ 2 890 MW lill-proġetti tal-komunitajiet tal-enerġija. Madankollu, wara sentejn, 167 MW biss mill-proġetti tal-kapaċità eolika rebbieħa kisbu permess għall-bini. Barra minn hekk, proporzjon kbir tal-kapaċità ngħata lil tliet żviluppaturi professjonali ta’ diversi proġetti biss li kkooperaw ma’ persuni fiżiċi f’daqs 60 proġett b’volum totali ta’ 1 GW, filwaqt li formalment żammew maġġoranza tad-drittijiet tal-vot għaċ-ċittadini. Wara li ġew eliminati r-rekwiżiti ta’ offerti ta’ prezzijiet anqas stretti, is-sehem tal-proġetti komunitarji fl-offerti ta’ prezzijiet naqas b’mod sinifikanti minn 71 sa 88 % tal-volum tal-offerti fl-2017 għal anqas minn 16 % fi tmiem l-2018.
Trattament preferenzjali għall-komunitajiet tal-enerġija huwa mfassal ukoll fl-Irlanda, fejn l-offerti għandhom kategorija separata sabiex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-komunitajiet tal-enerġija. Tali basket ad hoc huwa definit flimkien mal-introduzzjoni ta’ limiti tad-daqs, fejn l-għan ikun li tiġi evitata d-diskriminazzjoni ta’ ċerti atturi. Mit-82 proġett tal-enerġija rinnovabbli mogħti wara li l-gvern approva r-riżultati tal-ewwel offerta ta’ prezzijiet, sebgħa huma implimentati mill-komunitajiet tal-enerġija (ħames proġetti tal-komunità tal-enerġija solari u żewġ proġetti tal-komunità tal-enerġija eolika fuq l-art). B’riżultat ta’ dan, twieldu żviluppaturi ta’ proġetti professjonali ġodda fil-livell lokali u dawn involvew irwieħhom b’mod attiv fil-ħolqien ta’ dawn il-proġetti.
Fl-2016 fi Franza ġie introdott “bonus” speċifiku għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, bl-objettiv li tiżdied l-aċċettazzjoni pubblika. Sabiex ikunu eliġibbli għall-bonus, l-offerenti wrew parteċipazzjoni lokali permezz ta’ żewġ mudelli ta’ sjieda differenti: (i) l-ammont ta’ kapital miżmum miċ-ċittadini; jew (ii) il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-finanzjament ġenerali tal-proġett. Il-bonus jikkonsisti f’pagament addizzjonali ta’ EUR 0,1 jew 0,3 cent/kWh minbarra l-ispiża għas-sostenn, iddeterminat fl-offerta ta’ prezzijiet, ipprovdut matul il-perjodu sħiħ tal-kuntratt ta’ 20 sena. Medja ta’ 36 % tal-proġetti kollha mogħtijin applikaw għall-bonus mill-2016 tul is-sessjonijiet kollha ta’ offerti ta’ prezzijiet. L-esperjenza turi li l-bonus kien ta’ suċċess fl-inċentivar tal-iżviluppaturi tal-proġetti favur strutturi ta’ parteċipazzjoni akbar parteċipattiva. L-involviment ta’ persuni fiżiċi fil-finanzjament ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli minn żviluppaturi ta’ proġetti professjonali fi Franza sar permezz ta’ pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv dedikati. Bejn l-2014 u l-2017, il-fondi miċ-ċittadini mobilizzati għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli permezz ta’ tali pjattaformi żdiedu minn EUR 120 000 għal EUR 20,5 miljun. Madankollu, ħarġu wkoll xi sfidi. Dan il-bonus intuża l-aktar mill-iżviluppaturi tal-proġetti sabiex iżidu l-possibbiltajiet li jirbħu sessjonijiet ta’ proċeduri kompetittivi ħafna ta’ offerti. Il-kriterju ta’ eliġibbiltà tal-bonus li skont dan iċ-ċittadini jeħtieġ li jkollhom ir-residenza primarja tagħhom fl-istess żona tas-sit tal-proġett jew f’żona biswitu joħloq sfidi f’reġjuni b’densitajiet tal-popolazzjoni aktar baxxi. L-atturi Komunitarji normalment ikunu rrappreżentati biss indirettament f’forma aggregata fil-governanza u l-iżviluppaturi tal-proġetti jkunu marbutin biss bil-kriterji ta’ eliġibbiltà sabiex jirċievu l-bonus tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini għal 3 snin mid-data tal-ikkummissjonar.
|
Konklużjoni għad-Dimensjoni Nru 6: Aċċettabilità lokali ·Il-proċeduri ta’ offerti jistgħu jipprovdu l-qafas neċessarju sabiex tiġi żgurata l-aċċettabilità lokali, b’mod partikolari meta jingħata trattament preferenzjali lil ċerti offerenti li jikkondividu l-benefiċċji tal-varar tar-RES mal-komunitajiet lokali u dan it-trattament ma jirriżultax f’vantaġġ diskriminatorju għall-kontenut lokali. Proġetti li jinvolvu b’mod effettiv lill-atturi lokali jistgħu jirriżultaw f’valur miżjud sostanzjali f’termini ta’ aċċettazzjoni u ta’ aċċess lokali għal kapital privat addizzjonali li jirriżulta f’parteċipazzjoni (u f’investimenti) akbar miċ-ċittadini. L-involviment lokali jista’ jiffaċilita l-proċess tal-akkwist tal-art u, b’hekk, jiffaċilita l-fażi diffiċli ta’ qabel l-iżvilupp (il-ħruġ ta’ permessi). ·L-esperjenza madwar l-UE turi li l-proġetti tal-komunità tal-enerġija jipparteċipaw fl-irkanti jekk jiġi pprovdut xi trattament preferenzjali. Madankollu, l-esperjenza bir-regoli speċjali mhux dejjem tkun pożittiva. Eżempji fil-Ġermanja wrew li l-għoti ta’ regoli preferenzjali li ma humiex imfasslin tajjeb jista’ jwassal sabiex l-iżviluppaturi tradizzjonali jittimbraw l-inizjattiva tagħhom bħala proġett komunitarju b’mod artifiċjali biss. ·Filwaqt li t-tfassil ta’ rekwiżiti ta’ offerti laxki (prekwalifikazzjoni anqas stretta) għal proġetti fuq skala żgħira fil-basket ġenerali tal-offerti ta’ prezzijiet x’aktarx li jkollu effetti ta’ distorsjoni, l-esperjenza b’basket separat tal-offerti ta’ prezzijiet iddedikat speċifikament sabiex jiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ ċerta kategorija hija pjuttost pożittiva. ·Inċentiv sabiex tiżdied l-aċċettazzjoni pubblika għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli f’sens usa’ huwa l-bonus parteċipattiv għall-proġett għall-involviment taċ-ċittadini fil-finanzjament u fil-governanza tal-proġett. |
3.7. Is-sigurtà tal-provvista u l-integrazzjoni tal-grilja.
L-aħħar dimensjoni ta’ prestazzjoni “jiżguraw is-sigurtà tal-provvista u l-integrazzjoni tal-grilja” skont l-Artikolu 4(8)(g) tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli hija interpretata bħala l-impatt tal-offerti ta’ prezzijiet fuq iż-żamma tal-istabbiltà tas-sistema tal-enerġija, fuq l-ibbilanċjar tal-ġenerazzjoni u tad-domanda billi titqies il-varjabbiltà tal-ġenerazzjoni minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li għandha tiġi integrata fil-grilja.
Din id-dimensjoni terġa’ ftit li xejn hija marbuta mal-impatt tal-proċeduri ta’ offerti, iżda pjuttost ma’ fatturi esterni. Madankollu, ftit studji tal-każ juru eżempji ta’ kif is-sigurtà tal-provvista u l-integrazzjoni tal-grilja huma riflessi fid-disinn tal-offerta ta’ prezzijiet sabiex jiġi ffaċilitat mhux biss il-varar ta’ kapaċitajiet rinnovabbli ġodda, iżda wkoll l-integrazzjoni effettiva tagħhom fis-sistema. Lil hinn mill-istudji tal-każ, ma huwiex komuni fl-UE li tiġi inċentivata l-enerġija flessibbli permezz ta’ offerti ta’ prezzijiet għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli meta l-ġenerazzjoni tkun supplimentata b’teknoloġija tal-ħżin.
Studju tal-każ – Il-Portugall
Offerta ta’ prezzijiet għat-teknoloġija fotovoltajka solari fil-Portugall fl-2019 kienet iddisinjata b’karatteristiċi speċifiċi mmirati lejn il-lokalizzazzjoni tal-assi fejn dawn jistgħu jtaffu l-konġestjonijiet fis-sistema. Fit-12-il sessjoni suċċessivi ta’ offerti ta’ prezzijiet, il-produtturi potenzjali kkompetew għad-drittijiet tal-kapaċità ta’ konnessjoni mal-grilja f’postijiet fissi differenti fil-Portugall. B’mod effettiv, din l-offerta ta’ prezzijiet sostniet l-impjanti fotovoltajċi solari permezz tal-allokazzjoni ta’ kapaċitajiet ta’ konnessjoni skarsi aktar milli r-remunerazzjoni għall-produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli.
L-offerta ta’ prezzijiet ġiet sottoskritta żżejjed bil-kbir għal kważi l-lottijiet kollha, b’offerti ta’ livelli baxxi rekord ferm anqas mill-prezzijiet tas-suq, li effettivament wasslu għal obbligi ta’ rkupru tal-kost għall-produtturi. Għall-kapaċità ta’ konnessjoni mal-grilja ta’ 1 400 MW li kienet is-suġġett tal-offerta ta’ prezzijiet, saru offerti li laħħqu mal-10,19 GW, u ngħatat kapaċità ta’ 1 150 MW. Id-distakk bejn il-kapaċità offruta u dik mogħtija huwa dovut għall-fatt li għal lott wieħed, ma waslet l-ebda offerta fl-irkant, u għal lott ieħor, ġiet sottomessa offerta waħda biss. Dan juri li minkejja sottoskrizzjoni żejda kbira bħala medja, l-offerenti ma kinux lesti li jagħmlu offerti għal postijiet li ma humiex attraenti minħabba potenzjal baxx għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Xenarju bħal dan juri żvantaġġ importanti tal-irkanti speċifiċi għas-siti, li fihom l-għażla mhux xierqa tal-postijiet tista’ twassal għal eżiti mhux sottoskritti biżżejjed u, f’każ estrem iżda realistiku, għal ebda offerta sottomessa.
Min-naħa l-oħra, il-mudell Portugiż jippermetti li ssir allokazzjoni ottimali tal-ġenerazzjoni fir-rigward tal-kapaċità tal-grilja eżistenti. F’sistema b’nuqqas ta’ punti ta’ konnessjoni disponibbli, l-iskema ta’ offerti speċifika għaż-żoni tissuġġerixxi li tali element tad-disinn jista’ jkun mod ġdid kif titħeġġeġ il-minimizzazzjoni tal-ispejjeż u sabiex jiġu integrati ammonti kbar ta’ sorsi rinnovabbli varjabbli, filwaqt li tiġi ottimizzata l-infrastruttura ta’ trażmissjoni ristretta. F’dan l-eżempju, l-għan ma huwiex li l-impjanti tal-enerġija rinnovabbli jirċievu sostenn b’mod supplimentari għall-prezz tas-suq, iżda pjuttost li l-produtturi jikkompetu għall-allokazzjoni ta’ kapaċitajiet skarsi ta’ konnessjoni ta’ network.
Studju tal-każ – Il-Ġermanja
Il-Ġermanja introduċiet disinn speċifiku tal-offerti ta’ prezzijiet li jindirizza l-konnessjoni mal-grilja tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Il-post tal-impjanti tal-enerġija huwa kkunsidrat fis-sistema għall-aġġudikazzjoni tar-rebbieħa fl-offerta ta’ prezzijiet. L-offerti ta’ prezzijiet jiddefinixxu żoni ddedikati għall-espansjoni tan-network tat-trażmissjoni li huma mgħobbijin iżżejjed b’mod sinifikanti u li jeħtieġu aġġornament addizzjonali tal-grilja. F’dawn iż-żoni, huwa stabbilit ammont massimu ta’ produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli minn proġetti eoliċi, li jippermetti li l-proġetti eoliċi l-ġodda lil hinn mill-kosta jew fuq l-art magħżulin fl-offerti ta’ prezzijiet jallinjaw mal-pjanijiet għall-iżvilupp tal-grilja għat-trażmissjoni tal-Ġermanja. Barra minn hekk, l-offerti għal proġetti li jinsabu f’waħda minn dawk iż-żoni mgħobbijin żżejjed jiġu ppenalizzati billi jiżdied primjum virtwali mal-prezzijiet tal-offerti tagħhom, li jagħmilhom anqas kompetittivi fl-offerta ta’ prezzijiet.
It-tieni tip ta’ offerta jintroduċi basket dedikat għal proġetti li jikkombinaw il-ġenerazzjoni u l-ħżin tal-enerġija rinnovabbli. Fil-Ġermanja, fl-2021 saret l-ewwel sessjoni ta’ offerti ta’ prezzijiet ta’ dan it-tip, li tat kapaċità ta’ 258 MW lil 18-il proġett għall-impjanti fotovoltajċi solari bil-ħżin tal-enerġija. L-offerta ta’ prezzijiet ġiet sottoskritta żżejjed, bi 43 offerta għal volum totali ta’ 509 MW. L-iskema ta’ remunerazzjoni kienet primjum garantit fiss, li jfisser li l-prezz għandu jiżdied bħala sostenn b’mod supplimentari għall-prezz tas-suq. L-offerti kienu konsiderevolment aktar baxxi mill-prezz massimu tal-offerta ta’ prezzijiet (EUR 75/MWh) u fiha l-offerti magħżulin kienu f’medja ta’ bejn EUR 43 u EUR 45/MWh. Madankollu, mill-perspettiva tal-offerti ta’ prezzijiet bi primjum garantit fiss li fihom fl-2019 offerta ta’ prezzijiet bħal din fid-Danimarka rriżultat fi prezz medju ta’ EUR 2/MWh, il-valuri fl-eżempju Ġermaniż juru l-ispiża ta’ sostenn konsiderevolment ogħla għal proġetti ibridi li kkombinaw il-ġenerazzjoni u l-ħżin.
|
Konklużjonijiet għad-Dimensjoni Nru 7: Is-sigurtà tal-provvista u l-integrazzjoni tal-grilja ·L-implimentazzjoni ta’ aspetti addizzjonali tal-integrazzjoni tal-grilja u tas-sigurtà tal-provvista permezz ta’ elementi tad-disinn addizzjonali tal-offerta ta’ prezzijiet ma hijiex komuni fl-UE. ·Il-proċeduri ta’ offerti fl-Unjoni ma pprovdewx għal riżerva għal proġetti li jikkombinaw il-produzzjoni u l-ħżin tal-enerġija rinnovabbli. ·Tradizzjonalment, l-offerti ta’ prezzijiet għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli madwar l-Unjoni jiġu organizzati sabiex jiġi assenjat is-sostenn għall-prezzijiet għall-ġenerazzjoni tal-elettriku minn impjanti tal-enerġija rinnovabbli, iżda hemm sinjali li dan ir-raġunament jista’ jinbidel. L-iskemi speċifiċi għaż-żoni fil-Ġermanja u l-każ tal-Portugall jissuġġerixxu li l-produtturi se jibdew jikkompetu għall-opportunità li jaqbdu mal-infrastruttura ristretta tal-grilja għat-trażmissjoni u għad-distribuzzjoni u li jottimizzawha. Fis-settur lil hinn mill-kosta huma osservati tendenzi simili. ·L-espansjoni tal-grilja tieħu ż-żmien u l-elementi tad-disinn skont il-post f’offerta ta’ prezzijiet jistgħu jgħinu sabiex jiġi żgurat li, filwaqt li n-network ikun qiegħed jiġi estiż, il-konnessjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ma tkunx imrażżna minn infrastruttura tan-network ristretta. Rekwiżiti ċari ta’ prekwalifikazzjoni li jiżguraw l-aċċess għall-grilja jistgħu jippermettu koordinazzjoni aħjar bejn il-kostruzzjoni tal-proġetti u l-espansjoni meħtieġa tal-grilja, iżda f’xi każijiet dan jista’ jwassal għal kompetizzjoni anqas intensa. ·Mill-perspettiva tas-sistema, l-iskema tal-irkant speċifiku għaż-żona tista’ tkun mod ġdid kif titħeġġeġ il-minimizzazzjoni tal-ispejjeż sabiex jiġu integrati ammonti kbar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli varjabbli fis-sistema b’mod partikolari f’pajjiżi b’nuqqas ta’ punti ta’ konnessjoni disponibbli. Madankollu, fi rkant bħal dan, jista’ jkun neċessarju li jiġi kkunsidrat ukoll l-ipprezzar tal-elettriku lokali sabiex jixpruna l-iżvilupp tal-proġetti fl-aktar postijiet utli u b’mod kosteffettiv. ·Inċentivi lokazzjonali (inkluż bonus/penali għal offerti li jinsabu f’żoni b’kapaċitajiet ta’ grilja disponibbli/insuffiċjenti, kwoti massimi tal-kapaċità) f’ċerti żoni jistgħu jirnexxu fl-evitar tal-konċentrazzjoni ta’ proġetti f’żoni għonja fir-riżorsi iżda potenzjalment diffiċli sabiex jiġu konnessi. |
4. Konklużjonijiet finali
L-aktar konklużjoni ġenerali importanti tar-rapport hija li l-introduzzjoni tal-offerti ta’ prezzijiet għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kienet suċċess ċar għall-Unjoni Ewropea. L-analiżi tad-dimensjonijiet tal-prestazzjoni turi li f’ħafna Stati Membri, l-offerti ta’ prezzijiet naqqsu l-ispiża għas-sostenn b’mod sinifikanti meta mqabblin mal-iskemi amministrattivi, tejbu l-varar tal-kapaċitajiet ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u pprovdew qafas solidu għat-titjib teknoloġiku.
It-tnaqqis fl-ispejjeż jidher b’mod ċar li huwa d-dimensjoni li fiha l-offerti ta’ prezzijiet għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ġabu l-akbar benefiċċju tagħhom. Dawk li jfasslu l-politika qalbu milli joffru tariffi garantiti stabbiliti b’mod amministrattiv għal sistemi ta’ offerti kompetittivi sabiex isibu l-livell ta’ sostenn li huwa neċessarju, u b’hekk l-allokazzjoni tal-anqas sussidju possibbli għal prodott tal-enerġija jew tal-kapaċità. L-introduzzjoni tal-forzi tas-suq permezz ta’ proċeduri ta’ offerti kkontribwiet għal identifikazzjoni mtejba tal-prezzijiet u eżerċitat pressjoni sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-proġetti, li min-naħa tagħha wasslet għal spejjeż għas-sostenn aktar baxxi u naqqset il-piż fuq il-konsumaturi u fuq il-baġit tal-Istat.
L-offerti ta’ prezzijiet kisbu riżultati pożittivi f’termini ta’ żidiet fil-kapaċità, kif ukoll f’termini ta’ rata għolja ta’ twettiq tal-proġetti magħżulin, mingħajr preġudizzju għal fatturi addizzjonali. F’xi pajjiżi, l-introduzzjoni tal-offerti ta’ prezzijiet kienet il-miżura regolatorja li wasslet għall-vara estensiv ta’ xi teknoloġiji rinnovabbli, filwaqt li għal ħafna pajjiżi l-offerti kkontribwew għal varar aktar mgħaġġel tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.
Fir-rigward tal-iżvilupp teknoloġiku, ir-rwol tal-offerti ta’ prezzijiet huwa anqas ċar. Ipprovdew qafas solidu għat-titjib, b’mod partikolari għal dawk il-pajjiżi fejn it-teknoloġija ma kinitx matura fiż-żmien meta ġew introdotti l-offerti ta’ prezzijiet. Madankollu, il-fatturi esterni relatati max-xejriet tat-teknoloġija globali jidhru li huma l-fattur ewlieni għall-iżvilupp teknoloġiku tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.
F’numru ta’ pajjiżi, il-parteċipazzjoni ta’ atturi żgħar ġiet iffaċilitata permezz ta’ elementi speċifiċi tad-disinn tal-offerti ta’ prezzijiet. Madankollu, fejn jiġu introdotti limiti għal proġetti fuq skala żgħira, tonqos il-kosteffiċjenza tal-offerta ta’ prezzijiet u jiġu osservati livelli ogħla ta’ kost għas-sostenn.
L-offerti jistgħu jiżguraw li jitqiesu l-implikazzjonijiet ambjentali minbarra t-tnaqqis tal-emissjonijiet qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet finali dwar l-aġġudikazzjoni tal-proġetti. Għalhekk, jistgħu jikkontribwixxu għall-ilħuq ta’ objettivi ambjentali differenti. L-offerti ta’ prezzijiet jista’ jkollhom effetti wkoll f’termini tal-aċċettazzjoni pubblika għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u tas-sigurtà tal-provvista. Il-proċeduri kompetittivi jistgħu jikkontribwixxu għall-għanijiet ta’ dawn l-aħħar tliet dimensjonijiet permezz ta’ elementi speċifiċi tad-disinn tal-offerti ta’ prezzijiet li jintroduċu kriterji tal-għażla addizzjonali. Madankollu, tista’ tiġi fformulata konklużjoni ġenerali li spiss ikun hemm kompromess bejn l-elementi tad-disinn introdotti u l-effiċjenza fil-prezzijiet.
Meta wieħed iħares ’il quddiem, fuq il-bażi tal-evidenza mill-prestazzjoni tal-offerti ta’ prezzijiet fil-passat, jista’ jkun mistenni li l-iskemi ta’ offerti jistgħu jiffaċċjaw xi sfidi u trasformazzjonijiet fil-futur. Ir-riżultati riċenti minn sejħiet għall-offerti ta’ prezzijiet fotovoltajċi solari u fuq l-art juru li l-prezzijiet tal-eżerċitar huma ferm qrib, u f’xi każijiet taħt il-prezzijiet bl-ingrossa mistennijin fit-tul, speċjalment meta l-prezzijiet bl-ingrossa jkunu għoljin b’mod mhux mistenni. Dan jiġġustifika l-għażla ta’ primjum varjabbli bidirezzjonali bħala opzjoni għad-disinn tal-offerti ta’ prezzijiet, b’mod partikolari għal teknoloġiji maturi li jkunu qrib, jew li diġà jinsabu fi stat li fih ma jkun meħtieġ l-ebda sostenn pubbliku. Peress li l-offerti ta’ prezzijiet oriġinarjament kienu organizzati bħala strument għall-għoti ta’ sostenn, ir-rwol tagħhom jista’ jiċkien. Hemm evidenza emerġenti li l-PPAs qegħdin isiru rotta attraenti għall-iżvilupp ibbażat fuq is-suq ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Dan se jkollu implikazzjonijiet għat-tfassil tal-irkanti, li jistgħu jiffaċċjaw parteċipazzjoni aktar baxxa, speċjalment fi swieq li fihom ir-riżerva ta’ proġetti għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli tkun relattivament żgħira. Dan ifisser li l-iskemi ta’ offerti se jkollhom jiġu adattati sabiex isiru komplementari għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli li jkunu (parzjalment) iffinanzjati permezz ta’ PPAs, jew sabiex isiru sinerġetiċi magħhom.
Madankollu, anke jekk l-offerti ta’ prezzijiet jistgħu jsiru anqas rilevanti f’termini ta’ sostenn finanzjarju, xorta jżommu r-rwol strateġiku tagħhom bħala strument sabiex riżorsi skarsi jiġu żborżati b’mod effettiv. Eżempji bħall-irkanti tal-Portugall li jallokaw il-kapaċitajiet ta’ konnessjoni mal-grilja juru li l-proċess ta’ offerti jista’ jiġi ddefinit mill-ġdid u jintrabat mal-integrazzjoni tal-grilja aktar milli mal-għan oriġinali tiegħu li jalloka s-sostenn operazzjonali.
L-impatt ulterjuri tal-iskemi ta’ sostenn għall-proċeduri ta’ offerti bħala strument sabiex jitrawwem il-varar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u, b’hekk, sabiex jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u għall-implimentazzjoni tal-pjan REPowerEU, kif ukoll l-effetti eżatti tal-aħħar xejriet għall-offerti ta’ prezzijiet, għad iridu jinħassu, u se jiġu deskritti fir-rapport li jmiss mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli.
Fl-2018, 62 % tal-elettriku rinnovabbli prodott irċieva sostenn, skont ir-Rapport tas-CEER “Status Review of Renewable Support Schemes in Europe for 2018 and 2019”, it-28 ta’ Ġunju 2021.
Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (2014/C 200/01) u l-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija 2022 (2022/C 80/01).
Meta jiġu analizzati l-effetti tal-offerti ta’ prezzijiet taħt l-indikatur speċifiku, tingħata attenzjoni speċjali sabiex jiġu skwalifikati, kemm jista’ jkun, fatturi esterni mhux relatati mal-iskema ta’ sostenn, li jistgħu jaffettwaw direttament jew indirettament l-indikatur. Eżempji ta’ fatturi bħal dawn huma r-regolamentazzjoni settorjali, l-iżvilupp teknoloġiku u x-xejriet makroekonomiċi.
Il-bażi tad-data tal-AURES, disponibbli fuq: http://aures2project.eu/auction-database/ .
“Study on the performance of support for electricity from renewable sources granted by means of tendering procedures in the Union” [DOI 10.2833/93256; ISBN 978-92-76-58625-8], imħejji minn MRC Consultants and Transaction Advisers u minn REKK Energiapiaci Tanacsado Kft. L-istudju huwa kkuntrattat mill-Kummissjoni Ewropea
Għall-Ungerija u għall-Italja, it-tabella tinkludi rkanti li kellhom fil-mira daqs differenti ta’ proġetti tal-enerġija fotovoltajka solari.
Fis-sistema tal-primjum unidirezzjonali, jekk il-prezz tas-suq ikun anqas mill-prezz tal-eżerċitar tal-irkant, il-produtturi jirċievu sostenn li jkopri d-distakk, u jekk il-prezz tas-suq ikun ogħla, jistgħu jżommu d-dħul eċċessiv. Il-primjum bidirezzjonali jopera b’mod simili, iżda d-dħul eċċessiv irid jitħallas lura mill-produttur. Fl-iskema tal-primjum fiss, il-produtturi jirċievu ammont fiss ta’ dħul żejjed b’mod addizzjonali għall-prezz tas-suq.
REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli, COM(2022) 108 final, 8.3.2022.
L-LCOE huwa l-kost nett preżenti medju tal-ġenerazzjoni tal-elettriku għal impjant tal-ġenerazzjoni matul il-ħajja tiegħu, li jinkorpora s-somma tal-kostijiet tal-investiment, operazzjonali u tal-manutenzjoni kollha matul il-ħajja tiegħu diviża bl-enerġija elettrika totali prodotta matul il-ħajja tal-impjant. Il-valur jiġi skontat bid-WACC (il-kost medju ponderat tal-kapital) sabiex jiġi riċevut il-valur preżenti.
Skont IRENA (IRENA, Renewable Power Generation Costs for 2020, IRENA, Abu Dhabi, 2021, https://www.irena.org/publications/2021/Jun/Renewable-Power-Costs-in-2020 ), l-ispejjeż għall-enerġija fotovoltajka naqsu bi 83 % matul dan il-perjodu globalment (tnaqqis annwali medju ta’ 16 %), filwaqt li l-ispejjeż għall-enerġija eolika fuq l-art naqas b’47 % (tnaqqis annwali medju ta’ 6 %).
Il-bażi tad-data ta’ IRENA (2021) tibda fl-2010 għall-enerġija fotovoltajka u ma fihiex data għall-2012 għal Franza, meta sar l-ewwel irkant fil-pajjiż. Għal Spanja, id-data dwar l-LCOE ma hijiex disponibbli għall-2016, l-2017 u l-2018, filwaqt li ġew iddikjarati rkanti fl-2017, u għalhekk jistgħu jitqabblu biss il-livelli tal-prezzijiet ta’ qabel u ta’ wara l-irkanti, iżda mhux ir-rati ta’ tnaqqis.
Interpretazzjoni ta’ rati għolja ta’ twettiq bħala sehem mill-proġetti f’offerta ta’ prezzijiet li jitwettqu bis-sħiħ u fil-ħin tmur lil hinn mill-ambitu tar-rapport, minħabba li tiddependi fuq il-karatteristiċi tad-disinn tal-offerta ta’ prezzijiet (eż. is-sistema ta’ penali, ir-rekwiżiti ta’ prekwalifikazzjoni eċċ.) u, għalhekk, fuq l-opzjoni tal-alternattivi tal-offerta ta’ prezzijiet li tkun teħtieġ tqabbil bejniethom.
Fi Spanja, kienet fis-seħħ tariffa garantita, iżda ġiet sospiża u għalhekk ma seta’ jinbena l-ebda proġett ġdid fi ħdan l-iskema.
Fl-2021, il-kapaċitajiet totali kkuntrattati b’PPAs fl-Ewropa kienu ta’ 6,7 GW, li għalihom il-mexxejja tas-suq huma Spanja, l-Iżvezja u l-Ġermanja.
Il-Linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija 2022, (2022/C 80/01) p. 50.
SWD/2022/0149 final, 18.5.2022.