Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022DC0635

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-evalwazzjoni finali tal-programm tad-Dwana 2020

    COM/2022/635 final

    Brussell, 18.11.2022

    COM(2022) 635 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-evalwazzjoni finali tal-programm tad-Dwana 2020

    {SWD(2022) 363 final}


    1.    Sfond

    L-Unjoni Doganali hija pedament tal-UE u element essenzjali fil-funzjonament tas-suq uniku. It-territorju tal-Unjoni Doganali tal-UE huwa rregolat bir-regoli u bil-proċeduri komuni stabbiliti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) 1 . Dawn jeħtieġu implimentazzjoni u applikazzjoni xierqa u uniformi madwar l-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, il-politika doganali u l-amministrazzjonijiet doganali jridu jadattaw kontinwament għar-realtajiet kummerċjali moderni, għal responsabbiltajiet li qegħdin jiżdiedu u għal għodod ta’ komunikazzjoni moderni. Il-KDU huwa stadju importanti fl-immodernizzar tad-dwana tal-UE, u għandu l-għan li jwassal għal Unjoni Doganali li tkun mingħajr karti u awtomatizzata bis-sħiħ. Il-programm tad-Dwana 2020 tal-UE, il-programm ta’ azzjoni pluriennali għad-dwana fl-UE, li ġie stabbilit bir- Regolament (UE) Nru 1294/2013 , huwa indispensabbli fl-appoġġ tal-implimentazzjoni tiegħu. Jipprovdi r-riżorsi meħtieġa għall-funzjonament tas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej (EIS) eżistenti għad-dwana (u għall-iżvilupp ta’ oħrajn ġodda meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-KDU) u għall-iffaċilitar u għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali

    F’konformità mal-Artikolu 18(1) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1294/2013, li jirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu u ieħor finali tal-programm tad-Dwana u jiddikjara li dawk l-evalwazzjonijiet għandhom jitwettqu minn evalwatur estern indipendenti, ġie kkummissjonat studju estern biex jappoġġa l-evalwazzjoni finali tal-programm. Ir-riżultati tiegħu huma ppreżentati fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal u jikkostitwixxu l-bażi għal dan ir-rapport.

    Din l-evalwazzjoni finali tibni fuq l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-programm tad-Dwana li ġie ppubblikat fl-2019. L-għan tagħha huwa li tivvaluta l-programm tad-Dwana 2020 mit-tnedija tiegħu fl-1 ta’ Jannar 2014 sat-tmiem tiegħu fil-31 ta’ Diċembru 2020. L-evalwazzjoni tqis il-firxa sħiħa tal-attivitajiet iffinanzjati u l-partijiet ikkonċernati tal-programm.

    F’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1294/2013, ir-rapport attwali jippreżenta r-riżultati tal-evalwazzjoni finali dwar: (i) il-progress li sar fl-ilħuq tal-objettivi tal-programm; (ii) il-kosteffiċjenza tal-attivitajiet differenti ffinanzjati; (iii) il-koerenza tal-programm u l-kontribut tiegħu għall-politiki u l-prijoritajiet usa’ tal-UE; (iv) ir-rilevanza kontinwata tal-programm; u (v) il-valur miżjud li tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE. L-impatti fit-tul u s-sostenibbiltà tal-effetti tal-Programm ġew ikkunsidrati matul l-analiżi.

    2.    Effettività

    L-objettiv ġenerali tal-programm hu li jappoġġa l-funzjonament u l-modernizzazzjoni tal-Unjoni Doganali permezz tal-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi parteċipanti, l-awtoritajiet doganali tagħhom u l-uffiċjali tagħhom.

    L-evalwazzjoni kkonfermat li l-programm tad-Dwana 2020 kien strument ewlieni biex jappoġġa l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni konsistenti tal-qafas leġiżlattiv doganali (KDU) l-ġdid. Kien importanti speċjalment fl-iżvilupp u fil-funzjonament progressivi tas-sistemi tal-informazzjoni Ewropej (EIS) għad-dwana, filwaqt li ħoloq ambjent kollaborattiv tal-IT, fejn l-awtoritajiet doganali jaħdmu flimkien u jikkondividu d-data dwar il-katina tal-provvista u l-informazzjoni rilevanti għar-riskju.

    L-EIS doganali ffinanzjati mill-programm ipprovdew il-mezzi għal skambju awtomatizzat, solidu u affidabbli ta’ data bejn l-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali u ma’ operaturi ekonomiċi u awtoritajiet governattivi oħra. L-għadd ta’ messaġġi skambjati bejn l-amministrazzjonijiet doganali permezz tal-pjattaforma sigura appoġġata mill-programm żdied kontinwament mill-2014, u laħaq madwar 8,4 biljuni fl-2020 biss. Ċerti skambji ta’ informazzjoni mal-operaturi ekonomiċi tjiebu b’mod sinifikanti permezz tal-implimentazzjoni tal-Portal tan-Negozjanti Doganali tal-UE u portali speċifiċi tan-negozjanti ta’ ċerti sistemi 2 . Dawn il-portali għandhom aċċess ċentralizzat għal diversi EIS doganali u għaldaqstant ippermettew l-iskambju ta’ data bejn l-awtoritajiet doganali u l-operaturi ekonomiċi b’mod uniformi. Ipprovdew servizzi għall-operaturi ekonomiċi biex jippreżentaw applikazzjonijiet u informazzjoni addizzjonali u biex jirċievu notifiki mill-awtoritajiet doganali. L-iskambju ta’ informazzjoni ma’ awtoritajiet governattivi oħra ġie promoss permezz tas-sistema tal-Iskambju ta’ Ċertifikati tat-Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana (EU CSW-CERTEX), li għaqqdet sistemi doganali nazzjonali ta’ pajjiżi parteċipanti ma’ bażijiet tad-data tal-UE 3 li jimmaniġġaw dokumenti ta’ sostenn relatati ma’ rekwiżiti mhux doganali, bħal Dokumenti Sanitarji Komuni tad-Dħul, liċenzji FLEGT għall-importazzjoni tal-injam u tal-prodotti tal-injam u ċertifikat ta’ spezzjoni għal prodotti organiċi.

    L-azzjonijiet konġunti tal-programm tad-Dwana 2020 kienu strument għall-iskambju tal-għarfien u tal-prattiki tajbin bejn l-awtoritajiet doganali u ma’ awtoritajiet governattivi oħra fil-pajjiżi parteċipanti. Permezz tat-tipi kollha ta’ azzjonijiet konġunti, inklużi timijiet ta’ esperti (għodda ġdida li tappoġġa kooperazzjoni operazzjonali msaħħa fuq bażi reġjonali jew tematika), il-programm għen biex jiġu żviluppati linji gwida u biex jiġu identifikati, disseminati u adottati l-aħjar prattiki, li wasslu għal metodi ta’ ħidma mtejba u għal applikazzjoni aktar konsistenti u armonizzata tad-dritt tal-Unjoni dwar kwistjonijiet doganali u dawk relatati mad-dwana. L-azzjonijiet konġunti għenu wkoll fit-tħejjija ta’ inizjattivi leġiżlattivi ġodda, bħall-proposta għal Regolament dwar l-Ambjent Uniku tal-UE għad-Dwana 4 , u b’hekk ikkontribwew għall-modernizzazzjoni tal-Unjoni Doganali u għal funzjonament aħjar tas-Suq Uniku.

    L-attivitajiet ta’ taħriġ tad-Dwana 2020 kellhom rwol importanti fl-appoġġ ta’ applikazzjoni aktar koerenti tal-qafas leġiżlattiv doganali (KDU) l-ġdid, li daħal fis-seħħ matul il-perjodu ta’ finanzjament. Dan iffaċilita l-fehim tiegħu kemm fost l-awtoritajiet doganali kif ukoll fost l-operaturi ekonomiċi, u b’hekk ikkontribwixxa għal implimentazzjoni aktar faċli. Flimkien ma’ diversi azzjonijiet konġunti, l-attivitajiet ta’ taħriġ ipprovdew ukoll gwida fit-tħejjija tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

    Il-programm tad-Dwana 2020 bena fiduċja bejn l-amministrazzjonijiet doganali u l-uffiċjali tagħhom u ppromwova relazzjonijiet ta’ ħidma u skambji li komplew lil hinn mill-attivitajiet speċifiċi tal-programm. Madankollu, dawn l-opportunitajiet ta’ networking, li dejjem tqiesu bħala element ewlieni tal-programm, naqsu kemxejn bil-pandemija tal-COVID-19, u dan żied il-ħtieġa li jiġi vvalutat mill-ġdid kif jista’ jiġi ottimizzat l-użu ta’ laqgħat wiċċ imb’wiċċ u online, kif ukoll li jiġu esplorati pjattaformi u/jew kanali aktar xierqa li jistgħu jiżguraw li n-networking ikompli permezz ta’ mezzi virtwali, biex jiġu sostitwiti jew ikkumplimentati dawk li kienu modi komuni ta’ networking.

    Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, l-evalwazzjoni wriet li l-programm tad-Dwana 2020 kellu impatt pożittiv fuq il-funzjonament u l-modernizzazzjoni tal-Unjoni Doganali u tas-suq intern, u dan appoġġa l-kummerċ leġittimu u pprevjena l-attivitajiet illegali. Il-programm appoġġa attivitajiet ekonomiċi leġittimi b’diversi modi. L-ewwel nett, id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri doganali ffinanzjati mill-programm issimplifikat u armonizzat xi wħud minnhom (u hija mistennija li tkompli tagħmel dan hekk kif aktar sistemi jsiru operazzjonali) u b’hekk naqqset il-kostijiet ta’ konformità u żiedet iċ-ċertezza legali għan-negozjanti, u b’hekk issaħħet il-kompetittività tan-negozji Ewropej. It-tieni, il-materjali ta’ taħriġ disponibbli kemm għall-awtoritajiet doganali kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi appoġġaw ukoll dak l-objettiv. Barra minn hekk, l-aħjar prattiki li jirriżultaw minn azzjonijiet konġunti kkontribwew għat-titjib tal-kundizzjonijiet u l-proċeduri għat-twettiq tal-kummerċ.

    Madankollu, kif diġà ssemma, id-diġitalizzazzjoni għadha proċess kontinwu u xi wħud mis-sistemi tal-IT previsti fil-KDU għadhom ma ġewx żviluppati jew aġġornati 5 , u dan qed idewwem il-materjalizzazzjoni tal-benefiċċji mistennija. L-operaturi ekonomiċi kkonsultati jaraw lok għal aktar faċilitazzjoni tal-kummerċ b’mod ġenerali u leħħnu l-isfidi relatati mal-kumplessità tal-ambjent tal-IT, l-iżvilupp gradwali tal-komponenti nazzjonali mill-Istati Membri u l-komunikazzjoni insuffiċjenti tagħhom. Għalkemm dawn il-kwistjonijiet huma primarjament relatati mal-politika u jaqgħu prinċipalment taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri tal-UE, huma jindikaw l-opportunità li jiġi mfittex involviment aħjar mal-operaturi ekonomiċi skont l-iterazzjoni li jmiss tal-programm.

    Skont l-evalwazzjoni, il-programm appoġġa lill-awtoritajiet doganali fil-prevenzjoni ta’ attivitajiet illegali, u għalhekk il-protezzjoni tal-interess finanzjarju u ekonomiku tal-Unjoni u tal-Istati Membri. Il-proċess ta’ diġitalizzazzjoni, li kien appoġġat minn Dwana 2020, jipprovdi l-mezzi għat-twettiq ta’ kontrolli awtomatizzati, kontroverifiki u validazzjonijiet tad-data, li potenzjalment jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-frodi u tal-iżbalji. Barra minn hekk, l-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet tal-IT u l-azzjonijiet konġunti (b’mod partikolari t-timijiet tal-esperti l-ġodda) ippermettew li tiżdied il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u l-Kummissjoni fir-rigward tal-prevenzjoni tal-frodi. L-attivitajiet ta’ bini tal-kompetenzi umani saħħew il-kompetenza tal-uffiċjali doganali fir-rigward tal-kontrolli fit-territorju doganali tal-Unjoni.

    Minkejja dawn is-sejbiet pożittivi, hemm evidenza ta’ applikazzjoni inkonsistenti tal-kontrolli doganali 6 , li turi l-ħtieġa li jiġi aġġustat il-qafas tal-ġestjoni tar-riskju li l-Kummissjoni stabbiliet bl-appoġġ tal-programm biex jiġu pprevenuti attivitajiet illegali. Barra minn hekk, diversi partijiet ikkonċernati kkonsultati rreferew għall-frodi fil-kummerċ elettroniku bħala kwistjoni pendenti. 

    3.    Effiċjenza

    Il-programm tad-Dwana 2020 impenja baġit ta’ EUR 531,7 miljun għall-perjodu 2014-2020. Dan il-baġit huwa ogħla b’mod sinifikanti mill-272 miljun impenjati għall-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti (2007-2013), l-aktar minħabba ż-żieda fl-enfasi fuq l-iżvilupp tal-EIS fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-KDU. 87 % tal-baġit intnefaq fuq l-iżvilupp, iż-żamma u l-operat tal-EIS għad-dwana. Hu ċar li dawn is-sistemi komuni tal-IT huma intensivi fl-użu tar-riżorsi. Madankollu, huma indispensabbli għall-ħidma ta’ kuljum tal-amministrazzjonijiet doganali u jġibu firxa ta’ benefiċċji fl-oqsma kollha tal-attivitajiet doganali. Għalkemm ma kienx possibbli li dawn il-benefiċċji jiġu kkwantifikati, huma relatati l-aktar mas-simplifikazzjoni u mal-istandardizzazzjoni tal-proċeduri doganali permezz tal-awtomatizzazzjoni, implimentazzjoni aktar effettiva u applikazzjoni konsistenti tal-liġi doganali u ż-żieda fl-interoperabbiltà u fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali. Bl-iżvilupp u bl-operat tal-komponenti komuni għall-EIS, il-programm wassal għal ekonomiji ta’ skala importanti, filwaqt li evita d-duplikazzjoni tal-isforzi għall-Istat Membru, u naqqas il-kostijiet ta’ konformità u l-piżijiet amministrattivi għall-operaturi ekonomiċi. Minkejja l-fatt li l-evalwazzjoni ma setgħetx tikkonferma l-kosteffettività tal-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet tal-IT (l-aktar minħabba d-diffikultajiet biex jiġu kkwantifikati l-benefiċċji tagħhom), ipprovdiet stampa ġenerali pożittiva tal-effiċjenza tagħhom.

    L-azzjonijiet konġunti rrappreżentaw 11 % tal-baġit impenjat u taw kontribut kbir għall-objettivi tal-programm. Il-kost medju għal kull parteċipant għal kull azzjoni għat-tipi kollha ta’ azzjonijiet konġunti (minbarra t-timijiet tal-esperti) kien ta’ madwar EUR 742. Il-gruppi tal-proġetti rrappreżentaw kważi nofs in-nefqa fuq l-azzjonijiet konġunti iżda probabbilment huma l-aktar tip kosteffettiv minħabba l-medda tagħhom (aktar minn 33 000 parteċipant) u l-parteċipazzjoni b’kost relattivament baxx (kost medju tal-parteċipant ta’ EUR 676). Dawn saħħew il-kooperazzjoni u r-relazzjonijiet ta’ ħidma fost il-parteċipanti u appoġġaw it-tħejjija ta’ liġi doganali ġdida u l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, permezz tal-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki ta’ ħidma għall-proċeduri amministrattivi. L-evalwazzjoni indikat il-ħtieġa li tittejjeb il-puntwalità tal-istediniet għal-laqgħat biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-aħjar esperti possibbli bl-inqas kost possibbli. Minħabba n-natura differenti tat-timijiet tal-esperti li jkunu għadhom kif ġew implimentati (u għalhekk data ta’ monitoraġġ differenti), huwa diffiċli li titqabbel il-kosteffettività tat-timijiet tal-esperti mal-azzjonijiet konġunti l-oħra. Madankollu, il-potenzjal tagħhom li jnaqqsu l-kostijiet ġie enfasizzat matul l-evalwazzjoni, peress li jipprovdu l-opportunità għall-Istati Membri biex jiġbru flimkien ir-riżorsi u l-għarfien espert minflok ma jaġixxu separatament.

    Għalkemm l-attivitajiet ta’ bini tal-kompetenza umana kkunsmaw biss 2 % tal-baġit tal-programm, huma kkunsidrati li jiġġeneraw valur għoli għall-flus, speċjalment it-taħriġ fl-apprendiment elettroniku li jista’ jintuża ripetutament mingħajr ma jiġġarrbu kostijiet addizzjonali (ħlief biex isiru l-aġġornamenti meħtieġa). Kif muri fl-evalwazzjoni, il-benefiċċji ewlenin tal-attivitajiet ta’ taħriġ ta’ Dwana 2020 huma relatati ma’ applikazzjoni aktar koerenti tal-liġi doganali u finalment funzjonament aktar effettiv u effiċjenti tal-Unjoni Doganali, peress li jsaħħu l-kapaċità tal-uffiċjali doganali li jwettqu dmirijiethom, kif ukoll il-fehim tar-regoli doganali mill-operaturi ekonomiċi. Dan kien partikolarment importanti matul dan il-proċess iterattiv tal-Programm fejn sar applikabbli qafas leġiżlattiv doganali ġdid. F’dan ir-rigward, il-programm ta’ apprendiment elettroniku tal-UE tal-KDU, li jikkonsisti fi 15-il modulu biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-KDU, inħareġ fl-2016. Is-snin sussegwenti ffukaw l-aktar fuq l-aġġornament u l-iżvilupp ta’ traduzzjonijiet ta’ moduli eżistenti (b’żewġ u bi tliet moduli ġodda bl-Ingliż fis-sena). F’konformità mal-ħruġ tagħhom, l-għadd ta’ moduli ta’ apprendiment elettroniku użati mill-pajjiżi parteċipanti żdied ukoll matul il-ħajja tal-programm. L-għadd ta’ downloads ta’ moduli ta’ apprendiment elettroniku disponibbli għall-pubbliku (jiġifieri dawk disponibbli għall-operaturi ekonomiċi) żdied minn 3 219 fl-2014 għal 30 408 fl-2020 u l-għadd ta’ uffiċjali doganali nazzjonali mħarrġa mill-materjal ta’ taħriġ komuni tal-UE żdied b’għaxar darbiet matul dan il-perjodu ta’ programmazzjoni (minn ftit aktar minn 4 000 fl-2014 għal 40 000 fl-2019). B’mod ġenerali, dan it-taħriġ tqies li kien ta’ kwalità tajba.

    4.    Koerenza

    L-evalwazzjoni finali ffukat fuq il-koerenza esterna tal-programm mal-politiki u mal-prijoritajiet usa’ tal-UE. Is-sejbiet tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu li ffukat fuq il-koerenza interna bejn il-karatteristiċi, il-komponenti u d-disinn differenti tal-programm għadhom validi. L-evalwazzjoni sabet li l-programm tad-Dwana 2020 appoġġa inizjattivi u programmi oħra tal-UE u bbenefika minnhom ukoll. Kif spjegat fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport, eżempju ta’ dawn l-interkonnessjonijiet huwa l-każ ta’ “projbizzjonijiet u restrizzjonijiet”, li jirreferu għal formalitajiet regolatorji mhux doganali (sanitarji, fitosanitarji, ambjentali, agrikoli, eċċ.) meħtieġa għall-importazzjoni u għall-esportazzjoni ta’ merkanzija li l-awtoritajiet doganali huma fdati li jinfurzaw fil-fruntieri tal-UE. Il-koerenza ma’ programmi oħra ta’ nfiq, bħal Fiscalis 2020, il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali jew Hercule III, u l-oqsma ta’ politika rispettivi tagħhom inkisbu wkoll sa punt raġonevoli, filwaqt li ġie evitat it-trikkib u ntlaħqu l-komplementarjetajiet.

    Intużaw diversi mekkaniżmi biex tiġi żgurata din il-koerenza, bħal laqgħat bejn is-servizzi u konsultazzjonijiet bejn is-servizzi fost is-servizzi differenti tal-Kummissjoni, gruppi mħallta ta’ proġetti u esperti, il-parteċipazzjoni ta’ osservaturi minn diversi servizzi tal-Kummissjoni f’laqgħat jew f’attivitajiet tal-grupp tal-proġetti, jew il-valutazzjoni ta’ proposti ta’ proġetti minn uffiċjali minn servizzi differenti tal-Kummissjoni. Minkejja r-riżultati pożittivi osservati, l-evalwazzjoni, kif ukoll il-valutazzjoni tal-impatt imwettqa għall-programm ta’ finanzjament li jmiss, sabu lok għal aktar komplementarjetajiet u sinerġiji f’ċerti oqsma. Pereżempju, jistgħu jiġu esplorati sinerġiji addizzjonali mas-suċċessur tal-programm Hercule III dwar l-iżvilupp ta’ repożitorji tad-data jew dwar analiżi konġunta tad-data, jew mal-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi, billi jinkiseb approċċ aktar konġunt u transsettorjali fil-livell operattiv. Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi rigward l-ilħuq tal-għanijiet ambjentali tal-UE u internazzjonali ġiet enfasizzata wkoll bħala qasam potenzjali fejn tista’ tissaħħaħ il-koerenza.

    Fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni ssuġġeriet modi addizzjonali biex tittejjeb il-koerenza, bħal aktar ristrutturar jew formalizzazzjoni tal-kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-Kummissjoni involuti, bl-insegwiment tal-prinċipji u r-rakkomandazzjonijiet tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà 7 , iż-żieda fil-viżibbiltà tal-programm u l-komplementarjetà tiegħu ma’ fondi oħra tal-UE fl-Istati Membri jew l-esplorazzjoni ta’ sinerġiji tal-IT ma’ programmi oħra tal-UE li jmexxu sistemi elettroniċi sinifikanti.

    L-inizjattiva suċċessur tista’ tibbenefika mill-proposta li jmiss għal Regolament dwar livell għoli ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku madwar l-Unjoni kollha 8 biex jiġu żgurati aktar interazzjonijiet transsettorjali u transfruntiera bla xkiel. Dan jgħin ukoll biex jiġu identifikati soluzzjonijiet ta’ suċċess u esperjenza prattika li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għal oħrajn.

    5.    Rilevanza

    L-Unjoni Doganali hija element essenzjali u integrali tal-funzjonament tas-Suq Uniku. Minħabba li hija kompetenza esklużiva tal-UE, il-leġiżlazzjoni doganali hija adottata fil-livell tal-UE, iżda hija implimentata mill-Istati Membri. Għaldaqstant, il-ħtiġijiet diretti biex l-Unjoni Doganali taħdem mingħajr xkiel huma għalhekk fil-biċċa l-kbira tagħhom min-naħa tal-amministrazzjonijiet doganali, li joperaw f’kundizzjonijiet ta’ ħtieġa akbar għall-iskambju ta’ informazzjoni, il-kooperazzjoni u l-bini tal-kapaċità amministrattiva tagħhom. Udjenzi fil-mira sekondarji li l-ħtiġijiet tagħhom jenħtieġ jiġu kkunsidrati wkoll huma operaturi ekonomiċi.

    Ir-rilevanza tal-programm tad-Dwana ġiet ikkonfermata mill-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu, li kkonkludiet li l-objettivi speċifiċi u operazzjonali tal-programm kienu rilevanti għall-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati kkonċernati u li politiki ambizzjużi ma kinux ikunu possibbli mingħajr il-programm. Għalhekk, l-evalwazzjoni finali ffukat fuq ir-rilevanza kontinwata fid-dawl tal-iżviluppi li seħħew mir-rieżami ta’ nofs it-terminu, b’mod partikolari l-Brexit u l-pandemija tal-COVID-19. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni eżaminat jekk il-programm huwiex allinjat ma’ problemi u ma’ azzjonijiet identifikati fil-Pjan ta’ Azzjoni Doganali tal-2020 “L-Unjoni Doganali tittieħed għal-livell li jmiss” 9 li jipproponi strateġija riveduta tal-Unjoni Doganali.

    L-evalwazzjoni finali wriet li l-programm għadu kemm rilevanti kif ukoll meħtieġ u li l-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati għadhom fil-biċċa l-kbira l-istess mill-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu. Dan huwa wkoll konformi mal-Valutazzjoni tal-Impatt għall-programm tad-Dwana ta’ wara l-2020, li kkonfermat dawn il-ħtiġijiet. Barra minn hekk, il-Pjan ta’ Azzjoni Doganali tal-2020 ippropona sett ta’ azzjonijiet li jorbtu mal-objettivi speċifiċi u operazzjonali tal-programm, u għalhekk jikkorrobora r-rilevanza kontinwa tagħhom. L-azzjonijiet proposti, li jallinjaw tajjeb mal-objettivi tal-programm, kienu fl-oqsma tal-ġestjoni tar-riskju, il-ġestjoni tal-kummerċ elettroniku, il-promozzjoni tal-konformità, u l-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-awtoritajiet doganali 10 .

    Instab li l-programm għadu partikolarment rilevanti fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu armonizzati l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni effettiva tar-regoli tal-Unjoni Doganali. L-awtoritajiet doganali, iżda wkoll l-operaturi ekonomiċi, indikaw taħt l-evalwazzjoni li l-attivitajiet tal-programm għenu lill-Istati Membri jingħaqdu flimkien u għalhekk joqorbu lejn fehim aktar komuni ta’ dawk ir-regoli. In-networking, l-iskambju ta’ ideat u prattiki kif ukoll il-formulazzjoni ta’ gwida u standards komuni tqiesu bħala aspetti importanti ta’ dawn l-attivitajiet. L-awtoritajiet doganali kkonfermaw ukoll il-ħtieġa kontinwata li l-programm jappoġġa lill-Istati Membri fid-diġitalizzazzjoni u fil-modernizzazzjoni tal-proċeduri doganali, li għadha għaddejja.

    L-operaturi ekonomiċi intervistati talbu b’mod ġenerali saħansitra aktar simplifikazzjoni u armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-proċessi doganali, u dan jikkonferma li din hija ħtieġa kontinwata. Fir-rigward tal-ġestjoni tal-programm, xi operaturi ekonomiċi talbu impenn u komunikazzjoni aktar proattivi mas-settur tan-negozju, kif ukoll għoti aħjar ta’ informazzjoni lin-negozji. Dan kien diġà ġie rrakkomandat mill-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-programm u se jiġi indirizzat matul il-perjodu ta’ finanzjament li jmiss.

    B’mod ġenerali, il-programm adatta tajjeb għal avvenimenti mhux previsti, bħall-COVID-19 u l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. L-attivitajiet tal-programm ikkontribwew biex titwitta t-triq għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, u wrew il-flessibbiltà tiegħu fl-indirizzar ta’ żviluppi mhux previsti. L-awtoritajiet doganali ġew aġġornati regolarment dwar il-progress f’dan ir-rigward u pparteċipaw f’diversi laqgħat u seminars 11 dwar il-kwistjoni. Kien hemm azzjonijiet konġunti speċifiċi f’dan il-qasam ewlieni taħt l-objettiv tal-appoġġ tat-tħejjija, l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u fl-2019 ġie pprovdut ukoll appoġġ speċifiku għat-taħriġ dwar it-tħejjija għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea 12 . Barra minn hekk, il-bidliet meħtieġa għas-sistemi trans-Ewropej bħas-Sistema ta’ Kontroll tal-Esportazzjoni (ECS), is-Sistema Ġdida ta’ Tranżitu Kompjuterizzata (NCTS) u oħrajn, tħejjew u ġew implimentati fil-ħin u b’mod koordinat. Minkejja din il-valutazzjoni pożittiva, l-awtoritajiet doganali kkonsultati jqisu li għad hemm bżonn ta’ aktar appoġġ għall-programm f’dan il-qasam.  

    Il-programm adatta tajjeb ukoll għall-pandemija tal-COVID-19 u għar-realtà l-ġdida. Kemm l-awtoritajiet doganali kif ukoll l-operaturi ekonomiċi kkonsultati qablu li s-servizzi tal-Kummissjoni inkarigati mid-dwana kienu rreaġixxew malajr għall-kriżi, fejn adottaw leġiżlazzjoni, ħarġu linji gwida u appoġġaw b’mod attiv lill-Istati Membri u lin-negozji biex jiżguraw flessibbiltà fir-rigward tal-obbligi doganali u l-iżdoganar tal-merkanzija. F’termini tal-attivitajiet tal-programm, wara xi interruzzjonijiet inizjali u dewmien fl-azzjonijiet konġunti u fl-ittestjar ta’ sistemi tal-IT ġodda, il-programm adatta tajjeb għas-sitwazzjoni. Madankollu, l-ambjent aktar virtwali jidher li affettwa l-opportunitajiet ta’ networking u xi awtoritajiet doganali jqisu s-sistemi ta’ ġestjoni tal-programm bħala skaduti u mhux adattati għar-realtà l-ġdida ta’ żieda fil-modi virtwali ta’ ħidma u ta’ networking.  

    Min-naħa tagħhom, l-operaturi ekonomiċi indikaw il-ġestjoni tal-kummerċ elettroniku u l-innovazzjoni teknoloġika għall-proċessi doganali bħala żewġ ħtiġijiet li qed jevolvu li ma ġewx indirizzati biżżejjed mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri permezz tal-programm, u b’hekk jikkonfermaw ir-rilevanza kontinwata tiegħu.

    6.    Valur miżjud tal-UE

    Il-politika doganali hi kompetenza esklussiva tal-UE. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali tal-UE hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri. Il-qafas legali tal-UE minnu nnifsu ma jiżgurax biżżejjed il-funzjonament xieraq tal-Unjoni Doganali. Jenħtieġ jiġi kkumplimentat minn miżuri ta’ appoġġ kif previst mill-programm tad-Dwana 2020 biex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni doganali tal-UE tiġi applikata b’mod konverġenti u konsistenti f’livell nazzjonali.

    Kif ġie ddikjarat aktar ’il fuq, il-programm tad-Dwana 2020 kien strumentali fl-appoġġ tal-aspetti kollha tal-implimentazzjoni tal-KDU. Il-KDU kien jiġi implimentat waħdu, iżda x’aktarx, mingħajr l-appoġġ tal-programm, b’diffikultajiet akbar u b’inqas armonizzazzjoni. Il-programm tad-Dwana 2020 ippreveda s-sostenibilità finanzjarja tal-EIS, li huma kruċjali fl-iżgurar tad-disponibbiltà u tal-kondiviżjoni ta’ data dwar il-katina tal-provvista u ta’ informazzjoni rilevanti għar-riskju. B’dan il-mod, il-programm tad-Dwana 2020 ġab miegħu ekonomiji ta’ skala u titjib fl-effiċjenza, u għen lill-amministrazzjonijiet nazzjonali — kif ukoll f’ħafna każijiet lill-operaturi ekonomiċi — jiffrankaw iż-żmien u r-riżorsi, b’mod partikolari għall-pajjiżi parteċipanti b’amministrazzjonijiet doganali iżgħar u b’inqas riżorsi. Kull ħaġa li hi relatata mal-interoperabbiltà u mal-interkonnettività tas-sistemi ċentrali tal-IT hi valur miżjud tal-UE. Il-karatteristiċi simbijotiċi tal-arkitettura ċentrali tal-EIS huma uniċi u ma jistgħux jiġu riprodotti fil-livell nazzjonali.

    L-azzjonijiet konġunti ġabru flimkien l-għarfien espert u l-għarfien tal-pajjiżi parteċipanti, u taw lill-amministrazzjonijiet opportunitajiet mingħajr paragun għall-kooperazzjoni, il-komunikazzjoni u n-networking; finalment dawn jibnu l-fiduċja u jwasslu għal konverġenza akbar tal-approċċi u tal-prattiki. L-istess jgħodd għall-attivitajiet ta’ taħriġ, li mhux biss għenu lill-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali jifhmu u jimplimentaw aħjar il-leġiżlazzjoni doganali tal-UE u l-proċeduri relatati tagħha, iżda anki, jekk mhux aktar importanti minn hekk, b’mod aktar uniformi. It-titjib fl-effiċjenza kien l-aktar sostanzjali speċjalment għal dawk il-pajjiżi parteċipanti li jew ma kellhomx għarfien espert f’qasam speċifiku jew ma kellhomx programmi nazzjonali ta’ taħriġ żviluppati sew. Kien ikun diffiċli u għali biex jagħmlu dan waħedhom jew seta’ potenzjalment ma seħħ xejn minn dan. Finalment, il-programm tad-Dwana 2020 ikkontribwixxa għall-approssimazzjoni ta’ approċċi nazzjonali, filwaqt li stabbilixxa l-fiduċja u ħoloq narrattiva waħda u viżjoni komuni.

    Li kieku l-programm ma kienx jeżisti, il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi parteċipanti kienet tkun ħafna aktar diffiċli, ibbażata fuq relazzjonijiet mhux strutturati, fuq kanali formali li jieħdu ħafna żmien u fuq ftehimiet ta’ reċiproċità (ftehimiet bilaterali jew multilaterali fejn id-dispożizzjonijiet jiġu applikati b’mod reċiproku), li kienet tkun ferm aktar diffiċli u għalja biex tiġi implimentata fil-prattika u biex tinżamm. Fid-dawl tal-iskala tal-operazzjonijiet ta’ Dwana 2020 f’termini tan-numru kbir ta’ azzjonijiet konġunti, tal-versatilità tas-suġġetti, tad-dimensjoni Ewropea tagħhom jew tal-parteċipazzjoni pan-Ewropea fl-azzjonijiet u fit-taħriġ, huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li attivitajiet simili kienu jkunu organizzati fi kwalunkwe livell ieħor. Rigward is-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej, li kieku ma kien hemm ebda finanzjament futur għall-iżvilupp u għaż-żamma kontinwati tagħhom, kien ikun diffiċli li jkomplu jintużaw wara t-terminu medju. Ikun hemm riskju għoli li dawn isiru obsoleti, u l-ekonomiji ta’ skala u t-tnaqqis fil-kostijiet ġenerali jintilfu.

    Dwana 2020 ħoloq outputs tanġibbli u għen lill-uffiċjali doganali jiksbu ħiliet u jiskambjaw l-esperjenzi. Li kieku l-programm kellu jitwaqqaf, x’aktarx li l-ebda wieħed mill-outputs tal-programm ma jkompli wara t-terminu qasir. Kieku d-differenzi eżistenti jippersistu, u n-networks mibnija bis-saħħa ta’ snin ta’ kollaborazzjoni jisfaw fix-xejn.

    7.    Konklużjonijiet u tagħlimiet meħuda

    L-evalwazzjoni wriet li l-programm kien effettiv fl-ilħuq tal-objettivi tiegħu u kkontribwixxa b’mod sinifikanti għat-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Doganali u għall-modernizzazzjoni tagħha. Rawwem il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni, li jvarjaw mill-iffaċilitar tal-konverġenza fil-livell strateġiku għall-approssimazzjoni tal-approċċi, l-interpretazzjoni, il-proċeduri amministrattivi, l-aħjar prattiki u r-regoli fil-livell operazzjonali. Il-programm kien importanti speċjalment fit-tranżizzjoni lejn ambjent doganali mingħajr karti li jappoġġa l-iżvilupp u l-funzjonament tal-EIS doganali, li jipprevedi s-sostenibbiltà finanzjarja tagħhom u li jiżgura d-disponibbiltà u l-iskambju ta’ data dwar il-katina tal-provvista u informazzjoni rilevanti għar-riskju.

    Minn perspettiva ta’ effiċjenza, id-diffikultajiet biex jiġu mmonetizzati l-benefiċċji tal-attivitajiet ta’ Dwana 2020, ma ppermettewx li l-evalwazzjoni tikkonkludi b’mod preċiż sa liema punt ir-riżorsi tal-programm kienu pproduċew l-aħjar riżultati possibbli bl-inqas kostijiet possibbli. Madankollu, meta wieħed iqis is-sejbiet dwar l-effettività flimkien mal-kost, iċ-ċifri wrew li, b’mod ġenerali, il-programm kien ipprovda valur għall-awtoritajiet doganali tal-UE u nazzjonali b’kost raġonevoli.

    L-evalwazzjoni kkonkludiet b’mod pożittiv fir-rigward tal-koerenza tal-programm tad-Dwana 2020 ma’ politiki usa’ tal-UE, speċjalment, iżda mhux biss, fir-rigward tal-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet li l-awtoritajiet doganali jridu jinfurzaw fil-fruntiera. Hija kkorraborat ukoll il-valur miżjud tal-programm, li jinsab fl-appoġġ tal-aspetti kollha tal-implimentazzjoni tal-KDU, il-ħtieġa ta’ soluzzjonijiet tal-UE għall-problemi tal-UE u kooperazzjoni mill-qrib tal-Istati Membri. Il-programm ippreveda s-sostenibilità finanzjarja tas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej interoperabbli u interkonnessi, filwaqt li ssodisfa r-rekwiżiti tal-KDU b’ekonomiji ta’ skala u effiċjenza akbar. Fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni żvelat ir-rilevanza kontinwata tal-programm tad-Dwana, speċjalment fir-rigward tal-ħtiġijiet tal-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali, li huma l-benefiċjarji ewlenin tiegħu. B’mod ġenerali, il-programm ikompli jwieġeb għall-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati, jadatta tajjeb għal avvenimenti mhux previsti (bħall-COVID-19 u l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea) u jindirizza l-problemi u l-prijoritajiet identifikati fil-valutazzjoni tal-impatt tal-programm tad-Dwana li jmiss u fil-Pjan ta’ Azzjoni Doganali tal-2020.

    Minkejja l-progress li sar, l-analiżi mwettqa taħt il-ħames kriterji ta’ evalwazzjoni indikat għadd ta’ sfidi u tagħlimiet meħuda. Hija indikat l-oqsma li ġejjin fejn huwa meħtieġ it-titjib:

    -L-evalwazzjoni pprovdiet evidenza tad-differenzi fl-applikazzjoni tal-kontrolli doganali, filwaqt li ssuġġeriet li kien hemm lok li jiġi rivedut il-qafas tal-ġestjoni tar-riskju fis-seħħ. Barra minn hekk, diversi partijiet ikkonċernati rreferew għall-frodi fil-kummerċ elettroniku bħala kwistjoni pendenti u xi awtoritajiet doganali jqisu li għad hemm bżonn ta’ aktar appoġġ għall-programm dwar il-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Dan huwa konformi mal-valutazzjoni pprovduta fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri, fir-Rapport Speċjali dwar il-kontrolli doganali 13 u fir-Rapport tal-2022 mill-Grupp ta’ Persuni Għorrief (WPG) dwar l-isfidi li qed tiffaċċja l-Unjoni Doganali 14 . F’dan il-kuntest, l-azzjonijiet tal-programmi futuri jistgħu jitfasslu biex jgħinu fl-indirizzar ta’ dawn id-differenzi.

    -L-evalwazzjoni wriet li minkejja l-progress sinifikanti li sar f’termini tal-iżvilupp ta’ strutturi u sistemi tal-IT, xi wħud mis-sistemi tal-IT previsti fil-KDU għadhom ma ġewx żviluppati jew aġġornati, u dan wassal biex l-operaturi ekonomiċi ma kkunsidrawx il-benefiċċji tal-KDU u esprimew tħassib dwar il-kumplessità tal-ambjent doganali tal-IT. Huma enfasizzaw il-ħtieġa li jkomplu jiġu ssimplifikati u armonizzati l-leġiżlazzjoni u l-proċessi doganali. Dan huwa konformi mar-riżultati tal-evalwazzjoni interim tal-implimentazzjoni tal-KDU li sabet li “bosta regoli għadhom mhumiex applikati b’mod uniformi madwar l-Istati Membri kollha. L-awtomatizzazzjoni sħiħa tal-proċessi doganali għadha fil-proċess li tinkiseb (…), anki jekk jkunu diġà twettqu stadji importanti sinifikanti” 15 . 

    -L-evalwazzjoni sabet li jistgħu jiġu esplorati sinerġiji addizzjonali mas-suċċessur tal-programm Hercule III, pereżempju dwar l-iżvilupp ta’ repożitorji tad-data jew dwar analiżi konġunta tad-data, jew ma’ programmi oħra tal-UE li jħaddmu sistemi elettroniċi sinifikanti. L-evalwazzjoni qieset il-koordinazzjoni eżistenti fi ħdan il-Kummissjoni bħala tajba iżda enfasizzat il-ħtieġa li jiġu esplorati kontinwament modi biex ikun hemm koordinazzjoni aħjar ma’ servizzi oħra fid-dawl ta’ dinja li qed tinbidel malajr. L-evalwazzjoni enfasizzat ukoll il-ħtieġa li tiżdied il-viżibbiltà tal-programm. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni interim tal-implimentazzjoni tal-KDU indikat li “l-implimentazzjoni tal-KDU ma sfruttatx bis-sħiħ is-sinerġiji potenzjali ma’ politiki relatati u l-koordinazzjoni xierqa bejn l-awtoritajiet doganali u amministrazzjonijiet nazzjonali rilevanti oħra inkarigati mill-applikazzjoni tal-politiki tal-UE fil-fruntiera hija nieqsa.”

    -Il-proċess ta’ evalwazzjoni wera li jista’ jkun utli għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri li jikkondividu aktar data doganali. Dan iservi, fost l-oħrajn, biex jitkejlu aħjar il-kostijiet u l-benefiċċji tal-investimenti magħmula. Il-ħtieġa għal data doganali aħjar ġiet enfasizzata wkoll fir-Rapport tal-2022 mill-WPG. Ir-rakkomandazzjoni 2 dettaljata tagħhom biex “Jiġi introdott approċċ ġdid għad-data, iffukat fuq il-kisba ta’ data ta’ kwalità aħjar (…)” tissuġġerixxi li l-programm tad-Dwana jenħtieġ jiffoka fuq dak l-għan: “Il-baġit eżistenti għall-2021-2027 jista’ jiġi ffukat mill-ġdid għal dawn l-għanijiet.”  16

    -L-evalwazzjoni wriet li l-programm għadu rilevanti biex jiffinanzja l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-operazzjoni tal-infrastruttura u s-sistemi tal-IT fil-qasam peress li huma intensivi fl-użu tar-riżorsi u jistgħu jibbenefikaw minn ekonomiji ta’ skala u mill-ambitu tiegħu. Dan huwa konformi mar-rakkomandazzjoni 9 tar-Rapport tal-2022 mill-WPG biex “Id-Dwana tiġi mgħammra kif xieraq, u jkollha r-riżorsi u l-ħiliet xierqa, biex tiġi żgurata l-kapaċità tagħhom li jwettqu l-missjonijiet tagħhom.”

    -L-evalwazzjoni kkonfermat li (i) l-azzjonijiet konġunti taw l-opportunità lill-Istati Membri biex jaċċessaw ġabra usa’ ta’ għarfien u esperti milli fil-livell individwali u joħolqu ekonomiji ta’ skala; u li (ii) it-timijiet tal-esperti jsaħħu l-kooperazzjoni operazzjonali u applikazzjoni aktar konsistenti tal-leġiżlazzjoni doganali. Madankollu, uriet ukoll li t-tmexxija tat-timijiet tal-esperti hija diffiċli ħafna u li l-ebda tim ta’ esperti ma jiġbor l-Istati Membri kollha; għalhekk, il-kooperazzjoni hija neċessarjament limitata. F’dan il-kuntest, is-settings tal-programm tad-Dwana 2020 jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jindirizzaw l-isfidi attwali kollha li qed tiffaċċja l-Unjoni Doganali u, kif deskritt fir-Rapport tal-2022 mill-WPG, jista’ jkun hemm il-ħtieġa li jiġi stabbilit attur operazzjonali ġdid biex jagħti servizz u jikkoordina l-isforzi tal-Istati Membri, jipprovdi kooperazzjoni aktar integrata u b’hekk jiżgura li l-Unjoni Doganali taġixxi bħala entità waħda.

    B’riżultat tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-programm, il-Kummissjoni ressqet Pjan ta’ Azzjoni dwar kif għandhom jiġu indirizzati t-13-il rakkomandazzjoni li saru dak iż-żmien. Dawn kienu jirrigardjaw, “il-programmazzjoni u d-disinn”, “l-implimentazzjoni”, “il-monitoraġġ u r-rapportar” u “il-komunikazzjoni”. Ġew implimentati diversi azzjonijiet u xi wħud għadhom għaddejjin taħt il-programm il-ġdid. B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tirrikonoxxi u tagħmel ħilitha biex tindirizza dawn l-isfidi taħt l-implimentazzjoni tal-programm tad-Dwana 2021-2027.

    (1)       Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1);
    (2)      Sistema ta’ Operatur Ekonomiku Awtorizzat, sistema Ewropea ta’ Informazzjoni Vinkolanti dwar it-Tariffi-3 u Skedi ta’ Informazzjoni għal Proċeduri Speċjali
    (3)      jiġifieri, is-Sistema tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti veterinarji (TRACES) u s-Sistema għall-Ħruġ tal-Liċenzji tal-ODS
    (4)      COM (2020) 673 final
    (5)      Il-KDU ġie emendat fl-2019 biex tiġi posposta l-iskadenza għall-implimentazzjoni ta’ tliet sistemi nazzjonali għall-2022 u ta’ sitt sistemi trans-Ewropej għall-2025. Dawn jinkludu s-sistema li tittratta d-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul, is-sistema li tittratta t-tranżitu estern u intern, is-sistema li tittratta l-merkanzija maħruġa ’l barra mit-territorju doganali, is-sistema li tikkonċerna garanziji għal djun potenzjali jew eżistenti, l-istatus doganali tal-merkanzija u l-iżdoganar ċentralizzat.
    (6)      Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Rapport Speċjali – Kontrolli doganali: armonizzazzjoni insuffiċjenti tfixkel l-interessi finanzjarji tal-UE (04, 2021).
    (7)      Ara The European Interoperability Framework in detail | Joinup (europa.eu)
    (8)      Inkluż fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni 2022, pp 7 ( resource.html (europa.eu) )
    (9)      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew “L-Unjoni Doganali tittieħed għal-Livell li Jmiss: Pjan ta’ Azzjoni”, COM(2020) 581 final.
    (10)      Fil-Pjan ta’ Azzjoni, dan il-qasam jissejjaħ bħala “awtoritajiet doganali li jaġixxu bħala entità waħda”.
    (11)      Eżempju ta’ dan huwa s-seminar ta’ esperti tekniċi (EU27) dwar l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE fuq l-IT Doganali (CPG/054/047) li sar fit-13 ta’ Frar 2019. Din il-laqgħa kienet indirizzata lill-esperti li jattendu regolarment il-Grupp ta’ Koordinazzjoni tas-Sistema Doganali Elettronika (ECCG).
    (12)      Permezz tal-iżvilupp ta’ titjib tal-ħiliet rapidu u ta’ programmi ta’ taħriġ doganali abbord għall-użu dirett mill-awtoritajiet nazzjonali.
    (13)      Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Rapport Speċjali – Kontrolli doganali: armonizzazzjoni insuffiċjenti tfixkel l-interessi finanzjarji tal-UE (04, 2021).
    (14)      Ara TAX-20-002-Future customs-REPORT_BIS_v5 (WEB).pdf . Ir-rapport jiddikjara li “għad hemm diverġenzi bejn l-Awtoritajiet doganali nazzjonali fl-applikazzjoni tar-regoli u l-proċeduri u d-dwana qed tiffaċċja diffikultajiet dejjem akbar biex tikkontrolla l-fruntieri”.
    (15)      Ara l- COMMISSION STAFF WORKING DOCUMENT EXECUTIVE SUMMARY OF THE EVALUATION INTERIM EVALUATION of the implementation of the Union Customs Code - Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE (europa.eu)
    (16)      Ir-Rakkomandazzjoni 2 hija kif ġej: “Jiġi introdott approċċ ġdid għad-data, iffukat fuq il-kisba ta’ data ta’ kwalità aħjar ibbażata fuq sorsi kummerċjali, filwaqt li jiġi żgurat li din tkun ivvalidata b’mod trasversali tul il-katina, kondiviża aħjar bejn l-amministrazzjonijiet, u użata aħjar għall-ġestjoni tar-riskju tal-UE. Jiġi ċċarat liema atturi privati – inklużi pjattaformi tal-kummerċ elettroniku – iridu jipprovdu d-data, b’kostijiet għan-nuqqas ta’ konformità. In-negozji jiġu pprovduti b’punt ta’ dħul uniku tad-data għall-formalitajiet doganali u b’tieqa/portal uniku. Id-data għandha tinħażen u tiġi ġestita kif xieraq f’maħżen ċentrali tad-data. Il-baġit eżistenti għall-2021-2027 jista’ jiġi ffukat mill-ġdid għal dawn l-għanijiet.
    Top