IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.11.2022
COM(2022) 585 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Dwar ir-rieżami konġunt tal-implimentazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu
{SWD(2022) 357 final}
Fl-1 ta’ Awwissu 2010, daħal fis-seħħ il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment tad-Data dwar il-Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (Terrorist Finance Tracking Program, TFTP).
L-aspetti proċedurali
L-Artikolu 13 tal-Ftehim jipprevedi rieżami konġunt regolari tas-salvagwardji, il-kontrolli, u d-dispożizzjonijiet tar-reċiproċità, li għandu jitwettaq minn timijiet responsabbli għar-rieżami mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Uniti tal-Amerika, inklużi l-Kummissjoni Ewropea, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti, (minn hawn ’il quddiem “it-Teżor”) u rappreżentanti ta’ żewġ awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data minn Stati Membri tal-UE, u jistgħu jinkludu wkoll esperti tas-sigurtà u tal-protezzjoni tad-data u persuni b’esperjenza ġudizzjarja.
Dan ir-rapport jikkonċerna s-sitt rieżami konġunt tal-Ftehim minn meta daħal fis-seħħ u jkopri perjodu bejn l-1 ta’ Diċembru 2018 u t-30 ta’ Novembru 2021. Ir-rieżamijiet konġunti preċedenti tal-Ftehim saru fi Frar 2011, f’Ottubru 2012, f’April 2014, f’Marzu 2016 u f’Jannar 2019. Fis-27 ta’ Novembru 2013 il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni dwar ir-Rapport Konġunt mill-Kummissjoni u mit-Teżor rigward il-valur tad-Data pprovduta mit-TFTP, skont l-Artikolu 6(6) tal-Ftehim.
F’konformità mal-Artikolu 13(3) tal-Ftehim, għall-finijiet tar-rieżami, il-Kummissjoni Ewropea rrappreżentat l-Unjoni Ewropea, u t-Teżor kien jirrappreżenta lill-Istati Uniti. It-tim ta’ rieżami tal-UE kien immexxi minn uffiċjal għoli tal-Kummissjoni u b’kollox kien jikkonsisti minn żewġ membri tal-persunal tal-Kummissjoni, kif ukoll rappreżentanti minn żewġ awtoritajiet nazzjonali tal-UE għall-protezzjoni tad-data.
Is-sitt rieżami konġunt twettaq f’żewġ stadji ewlenin: fit-8 ta’ Marzu 2022 f’The Hague fil-bini tal-Europol u fid-29 u t-30 ta’ Marzu 2022 f’Washington DC fit-Teżor.
Dan ir-rapport huwa bbażat fuq l-informazzjoni li tinsab fit-tweġibiet bil-miktub li t-Teżor ipprovda għall-kwestjonarju tal-UE mibgħut qabel ir-rieżami, l-informazzjoni miksuba mid-diskussjonijiet mal-persunal tat-Teżor u l-membri tat-tim ta’ rieżami tal-Istati Uniti, kif ukoll informazzjoni li tinsab f’dokumenti oħra tat-Teżor disponibbli pubblikament. Barra minn hekk, ir-rapport iqis l-informazzjoni pprovduta mill-persunal tal-Europol matul ir-rieżami, inkluż sottomissjonijiet mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Europol. Biex tikkompleta l-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni ltaqgħet ukoll ma’ u rċeviet informazzjoni mill-Fornitur Maħtur u organizzat laqgħa fl-24 ta’ Jannar 2022 biex tirċievi feedback mill-Istati Membri dwar id-dispożizzjonijiet ta’ reċiproċità tal-Ftehim.
Rakkomandazzjonijiet u konklużjoni
Abbażi tal-informazzjoni u l-ispjegazzjonijiet li waslu mit-Teżor, mill-Europol, mill-Fornitur Magħżul u mis-sorveljanti indipendenti u fuq il-verifika tad-dokumenti rilevanti u ta’ kampjun rappreżentattiv tat-tfittxijiet li saru fuq id-data pprovduta mit-TFTP, il-Kummissjoni hija sodisfatta li l-Ftehim u s-salvagwardji u l-kontrolli tiegħu qed jiġu implimentati sew.
L-Europol qed iwettaq il-kompiti ta’ verifika tiegħu f’konformità sħiħa mal-Artikolu 4 fuq il-bażi ta’ dokumentazzjoni ta’ sostenn dettaljata u aġġornata regolarment li tasal mit-Teżor. Il-mekkaniżmu ta’ sorveljanza qed jiffunzjona bla xkiel u huwa effettiv biex jiżgura li l-ipproċessar tad-data jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 inkluż li d-data tkun ġiet imfittxija biss fejn ikun hemm informazzjoni jew evidenza preeżistenti li turi li hemm raġuni valida biex wieħed jemmen li s-suġġett tat-tfittxija għandu rabta mat-terroriżmu jew mal-finanzjament tiegħu. Id-data kollha li ma ġietx estratta titħassar mhux aktar tard minn ħames snin minn meta tkun waslet, skont l-Artikolu 6(4) tal-Ftehim.
It-TFTP jibqa’ strument importanti biex tingħata informazzjoni f’waqtha, preċiża u affidabbli dwar l-attivitajiet assoċjati ma’ atti suspettati li jippjanaw u li jiffinanzjaw it-terroriżmu. Jgħin biex jiġu identifikati u ttraċċati t-terroristi u n-networks ta’ appoġġ tagħhom madwar id-dinja. Matul il-perjodu ta’ rieżami attwali, l-UE kompliet tibbenefika b’mod sinifikanti mit-TFTP u kważi 50 % tal-indikazzjonijiet li jirriżultaw mit-tfittxijiet kollha marru għand l-Europol u l-Istati Membri tal-UE. F’xi każijiet, l-informazzjoni mogħtija skont il-Ftehim kienet strumentali biex investigazzjonijiet speċifiċi marbutin ma’ attakki terroristiċi fuq art Ewropea jitmexxew ’il quddiem.
Għalkemm l-għadd medju ta’ indikazzjonijiet fix-xahar naqas minn 2 232 għal 1 631 matul il-perjodu ta’ rieżami, l-aktar minħabba l-pandemija tal-COVID-19, dan baqa’ f’livell għoli u kompla juri l-valur tal-Ftehim. L-għadd ta’ tfittxijiet fix-xahar naqas minn 1 115-il tiftixa għal 828 tiftixa, jew b’26 % meta mqabbel mal-perjodu ta’ rieżami preċedenti.
It-telexogħol obbligatorju fl-Istati Uniti minn Marzu sa Mejju 2020, ma affettwax materjalment is-salvagwardji, il-kontrolli, jew id-dispożizzjonijiet ta’ reċiproċità stabbiliti fil-Ftehim. Ir-rwol ta’ sorveljanti, awdituri, u s-superviżjoni ta’ miżuri ta’ sigurtà biex jissalvagwardjaw l-informazzjoni klassifikata ma ġewx affettwati ħlief f’termini ta’ aġġustament fil-livelli tal-persunal. Minkejja li t-Teżor ma bagħatx talbiet ġodda skont l-Artikolu 4 biex jikseb data matul dan il-perjodu limitat, il-Kummissjoni hija sodisfatta li t-Teżor seta’ jwieġeb għal talbiet urġenti u ta’ prijorità biex isiru tfittxijiet permezz tat-TFTP matul dawn il-perjodi f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Ftehim.
F’termini ta’ potenzjal għal aktar titjib, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li t-Teżor, fl-evalwazzjoni annwali tat-Talbiet tal-Artikolu 4 tiegħu, jivvaluta t-tipi ta’ messaġġi u r-reġjuni ġeografiċi li huma l-aktar u l-inqas risponsivi għat-tfittxijiet tat-TFTP, iżda tissuġġerixxi li l-eżitu ta’ tali valutazzjoni jenħtieġ li jiġi spjegat f’aktar dettall f’talbiet sussegwenti tal-Artikolu 4. Tali spjegazzjonijiet aktar dettaljati jistgħu juru aħjar li t-Teżor fassal it-talba tiegħu b’mod ristrett biex jimminimizza l-ammont ta’ data mitluba mill-fornitur deżinjat, f’konformità mal-Artikolu 4(2).
Il-Kummissjoni tissuġġerixxi wkoll li t-Teżor itejjeb il-mekkaniżmi tiegħu biex jirrevedi l-ħtieġa li tinżamm “data estratta” biex jiġi żgurat li din id-data tinżamm biss sakemm ikun meħtieġ għall-investigazzjoni jew għall-prosekuzzjoni speċifika li għaliha tintuża. (l-Artikolu 6(7)). Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li t-Teżor jistabbilixxi proċeduri bil-miktub għar-rieżami ta’ tali żamma tad-data.
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jinformaw lill-Europol bħala Punt Uniku ta’ Kuntatt (SPoC) meta każ ikun intemm b’mod finali, għall-għoti sussegwenti ta’ tali informazzjoni lit-Teżor, li fil-prinċipju jenħtieġ li jwassal għat-tħassir tad-data estratta relatata ma’ dak il-każ, sakemm ma jkunx hemm investigazzjonijiet oħra bbażati fuq id-data estratta. L-Europol u l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu u jimplimentaw proċeduri għall-għoti ta’ tali feedback. Jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni wkoll lid-data estratta li titqies mill-analisti tat-Teżor, li iżda ma titqiesx rilevanti fil-kuntest ta’ investigazzjoni speċifika u għalhekk ma tiġix disseminata aktar fil-kuntest ta’ investigazzjoni speċifika. Sa fejn tali data tiġi estratta u stampata, il-Kummissjoni tirrakkomanda li t-Teżor jistabbilixxi gwida bil-miktub għall-ġestjoni tad-dokumenti għall-utenti/l-analisti tat-TFTP, biex jiġi żgurat li tali data estratta tinżamm skont l-Artikolu 6(7).
Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu feedback regolari lill-Europol, għal kondiviżjoni ulterjuri mat-Teżor, kif xieraq, dwar il-valur miżjud tad-dikjarazzjonijiet tat-TFTP li jaslu mit-Teżor li jistgħu jtejbu aktar il-kwalità u l-kwantità tal-informazzjoni skambjata skont l-Artikoli 9 u 10. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Europol biex ikompli bl-isforzi tiegħu biex jippromwovi b’mod attiv l-għarfien tat-TFTP u biex jappoġġa lill-Istati Membri li qed ifittxu l-pariri u l-esperjenza tiegħu fit-tfassil ta’ talbiet immirati skont l-Artikolu 10. Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex jisfruttaw bis-sħiħ il-possibbiltajiet disponibbli taħt it-TFTP.
Il-Kummissjoni tinnota li l-proċeduri għall-ipproċessar tat-talbiet minn persuni biex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom għall-protezzjoni tad-data ġew rispettati f’konformità mal-Ftehim jidhru li jiffunzjonaw b’mod effiċjenti. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-Bord ta’ Sorveljanza tal-Privatezza u l-Libertajiet Ċivili tal-Istati Uniti, f’Novembru 2020, iddikjara fil-kuntest ta’ rieżami ta’ sorveljanza tat-TFTP li r-rieżami jindika li l-programm huwa mfassal apposta, jipprovdi valur sinifikanti għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, u jipproteġi b’mod xieraq il-privatezza individwali. Il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza li l-Uffiċjal tal-Privatezza tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti, inkarigat mill-implimentazzjoni tal-Artikoli 15 u 16 tal-Ftehim, ikompli bl-isforzi tiegħu biex jagħmel id-dritt ta’ aċċess u rimedju aktar faċilment disponibbli għall-persuni u li jikkunsidra wkoll kif il-proċeduri jistgħu jiġu ttestjati fin-nuqqas ta’ talbiet speċifiċi.
Il-Kummissjoni tilqa’ b’sodisfazzjon it-trasparenza kontinwa tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti fir-rigward tal-iskambju tal-informazzjoni, u dan juri l-valur tat-TFTP fl-isforzi internazzjonali kontra t-terroriżmu. L-informazzjoni dettaljata dwar kif id-Data pprovduta mit-TFTP tista’ u qed tintuża, u l-każijiet konkreti tagħha pprovduti fir-Rapport Konġunt dwar il-Valur u fil-kuntest ta’ dan ir-rieżami, jispjegaw b’mod ċar il-funzjonament u juru l-valur miżjud tat-TFTP għas-sigurtà fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku peress li jibqa’ għodda essenzjali għall-appoġġ tal-analisti u fl-investigazzjonijiet fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, pereżempju fl-identifikazzjoni ta’ operaturi terroristiċi u sostenituri finanzjarji li qabel ma kinux magħrufa.
Fil-perjodu taħt rieżami, l-UE setgħet tibbenefika relattivament aktar mit-TFTP milli matul il-perjodi kkunsidrati f’rieżamijiet preċedenti. L-awtoritajiet tal-Istati Uniti għamlu użu estensiv mill-possibbiltà skont l-Artikolu 9 tal-Ftehim li jipprovdu b’mod spontanju informazzjoni mit-TFTP lill-awtoritajiet tal-UE. Barra minn hekk, l-Europol kompla jibda b’mod proattiv sensiela ta’ talbiet skont l-Artikolu 10 tal-Ftehim fil-perjodu taħt rieżami. Dan għen biex titqajjem kuxjenza dwar it-TFTP fost l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet tal-Istati Membri ssottomettew li l-indikazzjonijiet pprovduti bħala kopji fiżiċi fuq il-karta mit-Teżor jistgħu jiġu pproċessati b’mod aktar effiċjenti jekk jiġu pprovduti b’mod diġitali. Il-Kummissjoni tistieden lit-Teżor u lill-Europol biex jikkunsidraw modi possibbli kif jiffaċilitaw l-ipproċessar tal-indikazzjonijiet, f’konformità mal-arranġamenti ta’ sigurtà tat-TFTP.
Rieżami regolari tal-Ftehim huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tiegħu, biex tinbena relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-partijiet kontraenti u biex tingħata riassigurazzjoni lill-partijiet konċernati dwar l-utilità tal-istrument TFTP. Il-Kummissjoni u t-Teżor ftiehmu biex ir-rieżami konġunt li jmiss skont l-Artikolu 13 tal-Ftehim jitwettaq fil-bidu tal-2024.
It-tħaddim tal-Ftehim, il-proċess ta’ rieżami konġunt, ir-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet huma deskritti fid-dettall fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż ma’ dan ir-Rapport.