Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022DC0580

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2019/880 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar l-introduzzjoni u l-importazzjoni ta' beni kulturali

    COM/2022/580 final

    Brussell, 10.11.2022

    COM(2022) 580 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2019/880 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar l-introduzzjoni u l-importazzjoni ta' beni kulturali



    Werrej

    1.    INTRODUZZJONI    

    2.    OBJETTIVI LI GĦANDHOM JINTLAĦQU    

    3.    L-ARKITETTURA TAL-PROĠETT U L-APPROĊĊ TAL-IPPJANAR    

    Fażi 1 – Kunċettwalizzazzjoni    

    Fażi 2 – Żvilupp tas-sistema:    

    Fażi 3 – Varar u Operazzjoni:    

    4.    ĦARSA ĠENERALI LEJN IL-PROGRESS    

    Adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet implimentattivi    

    Kunċettwalizzazzjoni – Argument għall-Vijabbiltà    

    Definizzjoni tal-proġett - Dokument ta’ Viżjoni    

    Żvilupp tal-proġett    

    Metodoloġija: approċċ użat għall-implimentazzjoni tas-Sistema ICG    

    Ippjanar ta’ livell għoli    

    Talba għal Bidliet (RfCs)    

    Sinerġiji esterni    

    Kooperazzjoni bejn id-DĠ TAXUD u d-DĠ SANTE    

    Ħidma mal-Grupp tal-Proġett dwar id-“Diġitalizzazzjoni ta’ Beni Kulturali”    

    5.    RISKJI GĦAD-DEWMIEN    

    Riskju 1 – Allokazzjoni tal-persunal    

    Riskju 2 – Il-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi tal-Ukrajna    

    Riskju 3 – Proposta għal Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana    

    Azzjonijiet ta’ mitigazzjoni    

    6.    KONKLUŻJONIJIET    

    Anness I: Ippjanar strateġiku pluriennali    

    Anness II: Fażijiet ewlenin tal-proġett u skeda ta’ żmien tal-istadji importanti kritiċi    


    GLOSSARJU

    Argument għall-Vijabbiltà

    Id-dokument li jipprovdi l-ġustifikazzjoni tal-proġett tal-IT u jiddefinixxi r-rekwiżiti baġitarji tiegħu.

    Dokument ta’ Viżjoni

    Id-Dokument ta’ Viżjoni jelabora fuq is-suppożizzjonijiet li saru fid-Dokument ta’ Argument għall-Vijabbiltà. Dan jirreġistra s-sħubija bejn is-sid tas-sistema u l-fornitur tas-sistema u l-fehim tas-sistema fil-ħin tal-kitba.

    Sistema ICG

    Sistema ta’ Importazzjoni ta’ Beni Kulturali - is-sistema elettronika ċentralizzata għall-importazzjoni ta’ beni kulturali.

    TRACES

    Sistema tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti Veterinarji - il-pjattaforma multilingwi online tal-Kummissjoni Ewropea għaċ-ċertifikazzjoni sanitarja u fitosanitarja.

    CSW - CERTEX tal-UE

    Tieqa Unika Doganali tal-UE għall-Iskambju taċ-Ċertifikati.

    QFP

    Qafas Finanzjarju Pluriennali; il-baġit fit-tul tal-UE, li jkopri mill-2021 sal-2027.

    BPM

    Mudell tal-Proċess tan-Negozju - il-Mudell tal-Proċess tan-Negozju fil-livell tal-applikazzjoni jiddeskrivi l-proċess tan-negozju kollu u l-fluss ta’ informazzjoni għal applikazzjoni, it-tlestija tal-Mudell tal-Proċess tan-Negozju tas-Sistema maħluq matul il-fażi tal-“Ispeċifikazzjoni tas-Sistema”, biex jitqiesu l-ħtiġijiet proprji tal-applikazzjoni.



    1.INTRODUZZJONI

    Ir-Regolament (UE) 2019/880 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 1 dwar l-introduzzjoni u l-importazzjoni ta’ beni kulturali (minn hawn “ir-Regolament”) għandu l-għan li jipprevjeni l-kummerċ illeċitu tal-beni kulturali, b’mod partikolari meta jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi, u li jipprojbixxi l-importazzjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni ta’ beni kulturali esportati illegalment minn pajjiżi terzi.

    Ir-Regolament jissuġġetta l-importazzjoni ta’ ċerti beni kulturali li huma meqjusa partikolarment fil-periklu (jiġifieri oġġetti arkeoloġiċi u partijiet minn monumenti li ġew imkissra) għal liċenzji tal-importazzjoni u oħrajn, li huma meqjusa bħala anqas fil-periklu, għal dikjarazzjonijiet tal-importatur, u jiżgura li jgħaddu minn kontrolli uniformi meta jiġu importati fl-Unjoni. Ċerti importazzjonijiet ta’ beni kulturali li huma maħsuba għal użi speċifiċi (edukattivi, xjentifiċi jew relatati mar-riċerka) huma eżentati minn dawn ir-rekwiżiti ta’ dokumentazzjoni.

    L-obbligu għall-importaturi li jiksbu liċenzja tal-importazzjoni jew li jfasslu u jissottomettu dikjarazzjoni tal-importatur lid-dwana se jibda japplika biss mill-mument li sistema elettronika ċentralizzata (is-sistema ICG) issir operazzjonali.

    Is-sistema ICG ma hijiex se sservi biss bħala mezz għat-twettiq tal-formalitajiet mill-operaturi, iżda wkoll għall-ħażna u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri inkarigati mill-implimentazzjoni tar-Regolament (l-awtoritajiet doganali u kulturali).

    Il-funzjonament tajjeb tas-sistema ICG huwa marbut mill-qrib mas-suċċess tal-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana 2 , li għandu l-għan li jipprovdi bażi legali għall-funzjonament tas-Sistema Doganali tal-UE ta’ Skambju ta’ Ċertifikati f’Tieqa Unika (CSW-CERTEX tal-UE). L-“Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana” huwa mfassal biex jipprovdi kondiviżjoni aktar rapida u effiċjenti tad-data elettronika bejn l-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali u l-awtoritajiet regolatorji tal-UE fl-oqsma kollha tal-politika, joħloq qafas diġitali għal kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet tal-fruntieri kollha u jiffaċilita l-kontrolli amministrattivi fil-mument tal-iżdoganar tal-merkanzija.

    Is-CSW-CERTEX tal-UE tirrappreżenta l-komponent ċentrali tat-Tieqa Unika tal-UE u hija żviluppata mill-Kummissjoni biex tgħaqqad l-Ambjenti ta’ Tieqa Unika għad-dwana nazzjonali mas-sistemi jew mal-bażijiet tad-data tal-Unjoni li jimmaniġġaw rekwiżiti li ma humiex doganali sabiex l-awtoritajiet rilevanti kollha jkunu jistgħu jaċċessaw id-data rilevanti u jikkollaboraw b’mod aktar faċli fuq kontrolli fil-fruntieri.

    Is-CSW-CERTEX tal-UE tkopri skambji għal għadd kbir ta’ formalitajiet li ma humiex doganali oħrajn ospitati f’bażijiet tad-data tal-UE u rregolati minn atti legali differenti taħt ir-responsabbiltà ta’ diversi Direttorati tal-Kummissjoni, inklużi l-formalitajiet relatati ma’ beni kulturali.

    Kull 12-il xahar mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament u, sakemm is-sistema ICG issir operazzjonali, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fl-istabbiliment ta’ din is-sistema elettronika.

    Il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel rapport ta’ progress annwali tagħha f’Ġunju 2020 3 . Ir-rapport spjega l-azzjoni meħuda mis-servizzi tal-Kummissjoni matul l-ewwel sena wara li r-Regolament daħal fis-seħħ, jiġifieri: (a) il-ħidma preparatorja għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni meħtieġa, u (b) il-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri permezz tal-Grupp ta’ Esperti għall-kwistjonijiet doganali relatati mal-beni kulturali u l-Grupp tal-Proġett għall-importazzjoni ta’ beni kulturali.

    It-tieni rapport ta’ progress annwali ġie ppreżentat f’Lulju 2021 4 . Dan ippreżenta l-progress miksub bl-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1079 5 , kif ukoll it-tnedija tal-Fażi 1 – “Kunċettwalizzazzjoni” tal-proġett ICG, il-ħidma mwettqa mill-Grupp tal-Proġett maħluq għal dan il-għan u l-avvanz tal-Argument għall-Vijabbiltà u d-Dokument ta’ Viżjoni għall-proġett ICG.

    It-tielet rapport ta’ progress annwali jkopri l-perjodu minn Lulju 2021 sa Ġunju 2022. Għall-finijiet ta’ kompletezza, l-objettivi li għandhom jintlaħqu, l-arkitettura tal-proġett u l-approċċ għall-ippjanar, li huma dettaljati fl-ewwel rapport ta’ progress annwali, huma msemmija fil-qosor hawnhekk ukoll. Il-valutazzjoni ġenerali tal-progress li sar u r-riskji identifikati għad-dewmien huma miġbura fil-qosor fit-taqsima tal-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport.

    2.OBJETTIVI LI GĦANDHOM JINTLAĦQU

    Is-sistema ICG għandha ssir operazzjonali sa mhux aktar tard mit-28 ta’ Ġunju 2025, billi f’dik id-data se jsir obbligatorju għall-operaturi kollha li jiksbu l-liċenzji tal-importazzjoni jew jissottomettu d-dikjarazzjonijiet tal-importatur lid-dwana permezz ta’ dik is-sistema elettronika, sabiex ikunu jistgħu jimpurtaw 6 legalment kategoriji speċifiċi ta’ beni kulturali fl-Unjoni.

    Wara l-adozzjoni, f’Ġunju 2021, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1079 u l-approvazzjoni tad-Dokument ta’ Viżjoni, bdiet il-fażi tal-iżvilupp tas-sistema ICG. Din se tkopri madwar sentejn, li fl-aħħar tagħhom, tibda t-tielet fażi. Fit-tielet fażi, is-sistema ICG se tkun interkonnessa mas-CSW CERTEX tal-UE, biex tippermetti l-iskambju ta’ dokumenti mas-sistemi doganali tal-Istati Membri. B’mod parallel, se jiġu organizzati sessjonijiet ta’ taħriġ biex l-amministrazzjonijiet tagħhom isiru familjari mal-funzjonalitajiet operazzjonali tas-sistema ICG.

    Flimkien ma’ attivitajiet oħra tas-servizzi tal-Kummissjoni fil-qasam tad-dwana, il-proġett dwar l-importazzjoni ta’ beni kulturali huwa ppjanat ukoll fid-dettall permezz tal-Pjan Strateġiku Pluriennali għad-Dwana elettronika, ir-reviżjoni tal-2019 7 (MASP-C rev. 2019). Silta mill-ippjanar tal-proġett dwar l-importazzjoni ta’ beni kulturali mill-MASP-C rev. 2019 hija pprovduta fl-Anness I ta’ dan ir-rapport (it-tabella 1).

    Kif inhu spjegat diġà, parti mill-proġett dwar l-importazzjoni ta’ beni kulturali hija żviluppata wkoll fi ħdan l-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana (MASP-C rev 2019 Fiche 1.13) li tiegħu, is-CSW-CERTEX tal-UE, hija s-sistema tal-IT ewlenija. Silta mill-ippjanar tas-CSW-CERTEX tal-UE mill-MASP-C Fiche 1.13 hija pprovduta fl-Anness I ta’ dan ir-rapport (it-tabella 2).

    3.L-ARKITETTURA TAL-PROĠETT U L-APPROĊĊ TAL-IPPJANAR

    Kif inhu spjegat b’mod analitiku fl-ewwel rapport dwar il-progress annwali, l-Arkitettura tal-Proġett hija bbażata fuq il-metodoloġija prevista fl-MASP-C rev. 2019 u l-Annessi tiegħu, inklużi l-Iskema ta’ Governanza 8 , il-Politika tal-Immudellar tal-Proċess tan-Negozju Doganali tal-UE 9 u l-istrateġija tal-IT 10 . Pjan direzzjonali komprensiv, bil-fażijiet ewlenin tal-proġett u l-istadji importanti kritiċi, huwa spjegat fid-dettall fl-Anness II.

    Minkejja li l-proġett se jimxi ’l quddiem fuq diversi livelli fl-istess ħin, dan jista’ jinqasam b’mod figurattiv fi tliet fażijiet:

    Fażi 1 – Kunċettwalizzazzjoni: Fil-bidu, jitħejja Argument għall-Vijabbiltà, li jipprovdi l-ġustifikazzjoni tal-proġett u jiddefinixxi r-rekwiżiti baġitarji. Barra minn hekk, jiġu prodotti l-Livell 3 (BPMs tar-rekwiżiti tal-utent) u l-Livell 4 (BPMs tar-rekwiżiti funzjonali), bil-għan li tiġi pprovduta rappreżentazzjoni viżwali tal-proċessi tan-negozju u rekwiżiti funzjonali dettaljati biex jiġi ggarantit li s-sistema tal-IT operazzjonali prevista tiffunzjona kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni. Imbagħad jiġi prodott Dokument tal-Viżjoni, li jipprovdi informazzjoni aktar dettaljata dwar id-definizzjoni tal-proġett f’termini tal-arkitettura, il-kost, iż-żmien, u r-riskju, kif ukoll informazzjoni dwar l-istadji importanti, ir-riżultati u l-organizzazzjoni tal-proġett. Dawn id-dokumenti jirriflettu d-diskussjonijiet, u l-kontenut tal-att ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi prodott mill-Kummissjoni.

    Fażi 2 – Żvilupp tas-sistema: Skont id-dispożizzjonijiet tal-att ta’ implimentazzjoni, u l-produzzjoni tar-rekwiżiti tal-utent u l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali għas-sistema, jiġu żviluppati speċifikazzjonijiet tekniċi dwar kif se tinbena s-sistema. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jinkludu: l-arkitettura li għandha tintuża, il-messaġġi li għandhom jiġu sottomessi mill-operaturi ekonomiċi, l-interfaċċi għal sistemi oħra, il-pjanijiet tal-ittestjar, eċċ.

    Ladarba t-tfassil tas-sistema jkun lest mill-perspettiva kunċettwali u jiġu prodotti r-riżultati elenkati fit-Tabella 1, l-Istadji Importanti 1 u 3 (ara l-Anness I), jibda xogħol aktar fil-fond u jiġu meqjusa aktar aspetti tekniċi fl-ispeċifikazzjonijiet tal-Applikazzjoni u tas-Servizz u fid-dokumenti tal-Ispeċifikazzjoni Teknika tas-Sistema, li huma l-konkretizzazzjoni tal-Argument għall-Vijabbiltà (imħejji matul Fażi 1) u d-Dokument ta’ Viżjoni (imħejji matul Fażi 2). L-ICG se tiġi integrata fil-pjattaforma eżistenti TRACES u għalhekk terġa’ tuża l-biċċa l-kbira tal-ispeċifikazzjonijiet, l-arkitettura, il-messaġġi u l-interfaċċa eżistenti.

    Fażi 3 – Varar u Operazzjoni: Tibda l-fażi proprja tal-iżvilupp tal-IT (Fażi tal-Kostruzzjoni), li hija segwita minn fażi ta’ Tranżizzjoni fejn il-verżjonijiet bikrin tas-sistema ICG se jiġu introdotti gradwalment għall-gruppi differenti ta’ utenti, u jitwettqu testijiet biex jiġi żgurat li, sat-28 ta’ Ġunju 2025, l-operaturi u l-awtoritajiet kompetenti jkunu kapaċi u mħarrġa sew fl-użu tas-sistema. Ma’ din il-fażi jkun hemm perjodu ta’ segwitu ta’ 6 xhur, li fih is-sistema tiġi aġġustata u rfinuta biex tissodisfa kwalunkwe ħtieġa operazzjonali li tista’ ssir evidenti biss wara li sistema tal-IT issir obbligatorja, u biex ikun żgurat li l-operazzjonijiet ikunu qegħdin jaħdmu mingħajr problemi.

    Ta’ min jinnota li s-sistema ICG se tkun interkonnessa mal-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri permezz tas-CSW-CERTEX tal-UE sat-3 ta’ Marzu 2025, wara l-proposta tal-Kummissjoni dwar Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana 11 biex tippermetti lid-dwana kontrolli awtomatizzati fuq id-dokumenti maħruġa għall-importazzjoni ta’ beni kulturali. Din l-attività se tirrikjedi Ttestjar tal-Konformità.

    4.ĦARSA ĠENERALI LEJN IL-PROGRESS 

    Adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet implimentattivi

    Matul il-fażi preċedenti, il-Kummissjoni adottat id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni meħtieġa għall-istabbiliment tas-sistema elettronika. Sabiex tinkiseb perspettiva aħjar minn aspett ta’ implimentazzjoni prattika, hija kkonsultat b’mod estensiv mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Grupp ta’ Esperti dwar kwistjonijiet doganali relatati mal-beni kulturali 12 u fil-Kumitat dwar il-Beni Kulturali.

    Is-servizzi tal-Kummissjoni informaw lill-assoċjazzjonijiet tas-suq tal-arti dwar il-progress tax-xogħol f’kull opportunità, sabiex ikun żgurat li l-implimentazzjoni prattika tar-Regolament tkun adattata sew għar-realtajiet tas-suq. Matul il-proċedura tal-adozzjoni, l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni sar disponibbli wkoll online għall-konsultazzjoni għall-partijiet ikkonċernati għal perjodu ta’ 4 ġimgħat.

    Kunċettwalizzazzjoni – Argument għall-Vijabbiltà

    L-Argument għall-Vijabbiltà ġie approvat mill-Bord tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u taċ-Ċibersigurtà (ITCB) 13 tal-Kummissjoni Ewropea fit-23 ta’ Settembru 2020 u mill-Grupp ta' Koordinazzjoni dwar id-Dwana Elettronika (ECCG) 14 fis-16 ta’ Ottubru 2020 mingħajr kummenti. L-Argument għall-Vijabbiltà jesplora l-alternattivi differenti u jikkonferma li s-sistema TRACES ospitata mid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari (DĠ SANTE) tal-Kummissjoni hija l-aktar pjattaforma xierqa għall-iżvilupp tas-sistema ICG, peress li l-biċċa l-kbira tal-funzjonalitajiet meħtieġa għall-iskemi ta’ ċertifikazzjoni u liċenzjar huma żviluppati sew f’dik il-pjattaforma.

    Definizzjoni tal-proġett - Dokument ta’ Viżjoni

    Id-Dokument ta’ Viżjoni jkompli jirfina l-valutazzjoni inizjali li saret fl-argument għall-vijabbiltà, u jagħti dettalji dwar l-approċċ metodoloġiku, il-governanza tal-proġett u s-sinerġiji ma’ proġetti oħra. B’riżultat ta’ dan, is-sistema ICG se tiġi żviluppata fi sħubija bejn id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali tal-Kummissjoni (DĠ TAXUD) u d-DĠ SANTE, filwaqt li tingrana fuq il-kooperazzjoni u s-sinerġija fit-tul bejn dawn iż-żewġ Direttorati Ġenerali għall-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet kompetenti sħab, li sa issa wriet li kellha suċċess kbir fil-qasam tal-kontrolli tal-importazzjoni tal-annimali, l-ikel u l-għalf. Id-Dokument ta’ Viżjoni ġie approvat mill-Grupp ta' Koordinazzjoni dwar id-Dwana Elettronika (ECCG) fil-25 ta’ Ġunju 2021.

    Żvilupp tal-proġett

    Minħabba li l-leġiżlazzjoni 15 li tiddetermina l-iskadenzi tal-funzjonament u dawk legali tas-sistema ICG diġà ġiet adottata, l-attivitajiet tekniċi kienu qed jagħmlu progress tajjeb matul il-perjodu ta’ rapportar. Kemm il-livell 3 (il-BPMs tar-rekwiżiti tal-utent) kif ukoll il-livell 4 (il-BPMs dettaljati tar-rekwiżit funzjonali) ġew rieżaminati mill-Istati Membri u ppubblikati fuq ARIS 16 Publisher. Filwaqt li dan il-pakkett jinkludi l-ewwel verżjoni tal-BPMs, se jkunu meħtieġa aġġornamenti addizzjonali matul il-fażi tal-iżvilupp.

    Barra minn hekk, id-dokument dwar il-Kriterji tal-Aċċettazzjoni tan-Negozju (BAC) inħoloq u ġie kkonsenjat fl-ewwel trimestru tal-2022. Dan id-dokument jiggwida l-eżekuzzjoni tat-testijiet tan-negozju kollha, inklużi t-testijiet ta’ aċċettazzjoni, bħala mezz ta’ validazzjoni tal-implimentazzjoni skont l-ispeċifikazzjonijiet tas-sistema u tal-applikazzjoni. Id-dokument fih ix-xenarji tat-test kollha 17 meħtieġa biex jiġu ttestjati b’mod komprensiv ir-rekwiżiti tan-negozju 18 u r-rekwiżiti funzjonali 19 għas-sistema ICG, sabiex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet tan-negozju identifikati kollha jkunu jistgħu jiġu implimentati minnu. Sabiex issir din il-verifika, hemm erba’ gruppi ta’ xenarji tat-test li jiddeskrivu l-proċessi tan-negozju, li jappartjenu għall-oqsma tan-negozju li jaqgħu fl-ambitu tad-dokument tal-BAC, jiġifieri 1) il-liċenzja tal-importazzjoni għall-beni kulturali, 2) id-dikjarazzjoni tal-importatur għall-beni kulturali, 3) id-dokument ta’ deskrizzjoni ġenerali u 4) il-kooperazzjoni amministrattiva.

    Ix-xenarji tat-test huma ppreżentati bħala sekwenzi ta’ passi li jiddeskrivu l-proċessi minn tarf sa tarf kif iddefiniti mill-BPMs tal-Livell 4. Abbażi tagħhom, ġew prodotti l-każijiet tat-test 20 u ġew iddefiniti każijiet speċifiċi tat-test għal xenarji partikolari. Il-każijiet tat-test jirrappreżentaw flussi ta’ xogħol kummerċjali differenti ta’ xenarju speċifiku, skont il-parametri tal-input, il-prerekwiżiti u l-informazzjoni kollha li tinsab f’sett tad-data. It-twettiq tal-każijiet tat-test kollha għal xenarju speċifiku jippermetti li jiġi vverifikat il-proċess minn tarf sa tarf għal flussi pożittivi u negattivi.

    Filwaqt li jitqies li s-sistema ICG se tkun modulu TRACES li għalih tkun diġà tfasslet l-interfaċċa, il-liċenzja tal-importazzjoni, id-dikjarazzjoni tal-importatur, u d-dokument ta’ deskrizzjoni ġenerali jeħtieġ li jiġu allinjati mal-interfaċċa attwali. Għalhekk, l-ambjent TRACES għandu jiġi kkonfigurat u pprovdut b’data tat-test biex jippermetti u jiżgura l-eżekuzzjoni tax-xenarji tat-test u tal-każijiet tat-test kollha.

    Għalhekk, bl-għajnuna tad-dokument tal-BAC, inħolqu stejjer ta’ utenti li huma marbuta mal-każijiet tat-test definiti fid-dokument tal-BAC, li jivverifikaw l-informazzjoni meħtieġa għall-iżviluppaturi biex jistmaw u jimplimentaw il-funzjonalitajiet meħtieġa biex jissodisfaw ir-rekwiżiti. L-għodda li ntużat għall-ħolqien u t-traċċar ta’ dawn l-istejjer hija Jira, applikazzjoni tas-software użata għall-ġestjoni tal-proġetti, sabiex jiġi żgurat it-traċċar tal-progress u d-dettalji speċifiċi relatati mal-isforz organizzat fi strutturi li jipprovdu tifsira għall-utenti kummerċjali, żviluppaturi u rwoli rilevanti oħra fi ħdan il-proġett.

    Metodoloġija: approċċ użat għall-implimentazzjoni tas-Sistema ICG

    L-approċċ metodoloġiku użat għall-implimentazzjoni tal-ICG jirrappreżenta taħlita bejn il-metodoloġija tal-Ġestjoni Elettronika tal-Proġetti Online (TEMPO) tad-DĠ TAXUD għall-fażi tal-kunċettwalizzazzjoni u l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-prattiki Agile użati fid-DĠ SANTE għall-iżvilupp u l-varar. F’dan il-kuntest, il-laqgħat interni regolari u s-sessjonijiet ta’ dimostrazzjoni jippermettu li jiġu diskussi u implimentati funzjonalitajiet reali, filwaqt li jiġu evitati skrins sperimentali elaborati wisq. L-ippjanar adattiv jippermetti rispons aktar rapidu għall-aspettattivi u għall-bidliet b’mod flessibbli. Sabiex jinkiseb feedback xieraq mill-qasam u tiġi implimentata kif suppost is-sistema, l-Istati Membri se jiġu assoċjati fuq bażi volontarja malli jkun hemm verżjoni tat-test. L-ambjent tat-test se jkun aċċessibbli minn barra bl-użu ta’ profili ta’ taħriġ ġeneriċi mir-raba’ trimestru tal-2022.

    Ippjanar ta’ livell għoli

    Il-karatteristiċi tal-ICG huma kklassifikati taħt kategoriji differenti kif ippreżentati hawn taħt:

    A) “Karatteristiċi ewlenin tal-ICG b’bażi eżistenti fi TRACES”: karatteristiċi essenzjali fejn se tintuża mill-ġdid il-funzjonalità eżistenti;

    B) “Karatteristiċi ewlenin tal-ICG mingħajr bażi eżistenti fi TRACES”: karatteristiċi essenzjali li għandhom jinbnew mill-bidu nett;

    C) “Karatteristiċi li ma humiex ewlenin tal-ICG”: karatteristiċi importanti iżda li ma humiex essenzjali;

    D) “Konnessjonijiet esterni”: karatteristiċi li jiddependu fuq inputs esterni;

    E) “Barra mill-ambitu”: għal karatteristiċi tal-ICG li ma jaqgħux fl-ambitu tal-ewwel verżjoni tas-sistema ICG (eż. Intelliġenza Artifiċjali);

    Fit-tabella ta’ hawn taħt tingħata stima tad-disponibbiltà skont it-trimestru tas-sena.

    Deskrizzjoni ġenerali ta’ livell għoli tal-miri ta’ disponibbiltà

    Kategorija

    2022

    2023

    2024

    Q1

    Q2

    Q3

    Q4

    Q1

    Q2

    Q3

    Q4

    Q1

    Q2

    Q3

    Q4

    A – Ewlenija, uża TRACES mill-ġdid

    B – Ewlenija, żvilupp ġdid

    C – Mhux karatteristika ewlenija

    D – Konnessjonijiet esterni

    Tabella 1: Ħarsa ġenerali ta’ livell għoli lejn il-miri tad-disponibbiltà

    L-isforz bħalissa huwa organizzat fi 8 ħarġiet mill-ewwel trimestru tal-2022 sa sat-tieni trimestru tal-2024, bil-patt u l-kundizzjoni li din l-organizzazzjoni tiġi soġġetta għal irfinar u ottimizzazzjoni aġli kontinwa.

    L-ewwel ħarġa (R1) tindirizza prinċipalment l-infrastruttura funzjonali ġenerali (eż. entitajiet ta’ appoġġ, indiċijiet tat-tiftix, data ta’ referenza, utenti, rwoli), iżda tindirizza wkoll il-funzjonalità rilevanti għan-negozju bażiku bħall-ewwel sett limitat ta’ oqsma u l-loġika assoċjata għad-dokumenti tal-ICG u l-ewwel abbozz ta’ dokumenti tal-ICG.

    Kif hemm rifless fit-tabella (it-taqsima “konnessjonijiet esterni”), il-ħidma fuq l-integrazzjoni tas-CERTEX għadha ma bdietx (ippjanata li tibda mi-tieni trimestru tal-2023) u se tkun parti sinifikanti mill-funzjonalitajiet ġenerali tal-ICG, li jippermettu skambji ta’ data ma’ sistemi doganali nazzjonali.

    Talba għal Bidliet (RfCs)

    Filwaqt li l-attivitajiet ta’ żvilupp qed jagħmlu progress u għaddejjin diskussjonijiet interni, ġew identifikati diversi bidliet li għandhom jiġu implimentati fil-BPMs tal-ICG tal-Livell 2 sa Livell 4. Għalhekk, il-BPMs se jiġu aġġornati matul it-tielet trimestru tal-2022 biex jirriflettu l-aktar status reċenti u d-dokument tal-BAC se jiġi aġġornat kif xieraq ukoll, biex jittejjeb b’settijiet ta’ data ġodda (jew każijiet tat-test) għall-fażi tat-test tas-sistema.

    Sinerġiji esterni

    Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-Kummissjoni kienet qed tikkoordina mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Kunsill Internazzjonali tal-Mużewijiet (ICOM) biex tiżgura li s-sistema tinkorpora elementi ta’ ġestjoni tar-riskju, b’mod partikolari mil-Listi l-Ħomor tal-ICOM 21 . Barra minn hekk, għodod oħra użati mill-ICOM biex jiġi protett il-wirt kulturali (jiġifieri Object ID 22 , Observatory 23 , eċċ.) ġew esplorati bl-għan li jiġi miġġieled it-traffikar illeċitu.

    Fl-istess ħin, fid-dawl tal-isforzi kontinwi lejn id-diġitalizzazzjoni tad-dominju tal-beni kulturali u l-użu ta’ teknoloġiji innovattivi, il-Kummissjoni kienet qed tesplora sinerġiji possibbli ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali dwar l-użu possibbli tal-Intelliġenza Artifiċjali (jiġifieri biex jiddeskrivu l-beni kulturali u jidentifikaw dikjarazzjonijiet potenzjalment foloz fid-dikjarazzjonijiet tal-importatur u fl-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni).

    Kooperazzjoni bejn id-DĠ TAXUD u d-DĠ SANTE

    Teżisti kooperazzjoni estensiva bejn TAXUD u SANTE, billi ż-żewġ Direttorati Ġenerali huma responsabbli għal għadd ta’ politiki li huma relatati mill-qrib. Il-qafas operazzjonali ta’ kooperazzjoni ġie maqbul bejn iż-żewġ partijiet u kompla jittejjeb matul il-perjodu ta’ rapportar permezz ta’ monitoraġġ kontinwu.

    Ħidma mal-Grupp tal-Proġett dwar id-“Diġitalizzazzjoni ta’ Beni Kulturali”

    Il-Kummissjoni ħolqot Grupp tal-Proġett Doganali dwar id-Diġitalizzazzjoni ta’ Beni Kulturali 24 (titolu preċedenti “Grupp tal-Proġett Doganali dwar l-importazzjoni ta’ beni kulturali” – “PGICG”), li jservi bħala forum ta’ diskussjoni għal esperti mill-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali tal-Istati Membri u awtoritajiet (kulturali) kompetenti b’esperjenza fit-twettiq ta’ formalitajiet ta’ liċenzjar fi kwistjonijiet ta’ patrimonju, b’mod partikolari b’mod diġitali. Il-Grupp ipprovda appoġġ fit-tħejjija tal-att ta’ implimentazzjoni, u qiegħed jgħin lis-servizzi tal-Kummissjoni fid-definizzjoni tal-parametri u l-elaborazzjoni tal-kriterji għall-ispeċifikazzjonijiet funzjonali tas-sistema ICG.

    Il-Grupp tal-Proġett 25 huwa magħmul minn delegati minn 14-il Stat Membru (AT, BE, BG, GR, ES, LV, PT, RO, DE, NL, IT, FR, HU u DK) u sal-lum iltaqa’ 14-il darba (5 matul il-perjodu ta’ rapportar 29.6.2021 - 28.6.2022).

    Matul dan il-perjodu ta’ rapportar, il-Grupp tal-Proġett primarjament eżamina u ddiskuta l-kwistjonijiet li ġejjin:

    ·Ir-reġistrazzjoni tal-benefiċjarji għall-eżenzjoni mir-rekwiżiti tad-dokumenti (stima tan-numri mistennija, skeda ta’ żmien);

    ·L-identifikazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fi ħdan is-sistema ICG;

    ·Dokument ta’ Mistoqsijiet Frekwenti (FAQ) biex tiġi pprovduta assistenza teknika lill-utenti tal-ICG;

    ·Librerija tal-ICG b’informazzjoni bażika dwar il-liġijiet ta’ pajjiżi terzi (esportaturi);

    ·Is-salvagwardja, il-ħolqien ta’ rifuġji mill-Istati Membri (skema volontarja);

    ·Aspetti li huma utli biex isir progress fl-attivitajiet tekniċi bħal: tnaqqis tal-partijiet ta’ test liberu fi ħdan il-mudelli tad-dikjarazzjoni tal-liċenzja tal-importazzjoni u tal-importatur u l-ħolqien ta’ listi ta’ valuri, id-definizzjoni tar-rwoli fi TRACES skont l-istruttura li l-Istati Membri qed jużaw, id-definizzjoni ta’ linji gwida ta’ qabel ir-reġistrazzjoni, l-iżgurar li se jintużaw l-istess kriterji ta’ evalwazzjoni (għal entitajiet jew korpi privati/semipubbliċi) biex jikkonfermaw jekk istituzzjoni tikkonformax mar-rekwiżit tal-affidabbiltà u ma’ kwistjonijiet ewlenin oħra;

    ·Żviluppi fl-Intelliġenza Artifiċjali għall-użu f’verżjoni futura tal-ICG, li jidentifikaw approċċi innovattivi biex jiġi indirizzat il-mod li bih il-beni kulturali jiġu deskritti u kkontrollati mid-dwana tal-UE fil-fruntiera (l-implimentazzjoni tal-AI ma hijiex prevista għall-ewwel verżjoni tas-sistema u tista’ tiġi bħala żvilupp futur);

    ·Kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali (eż. ICOM għal-Listi l-Ħomor, b’mod partikolari għall-ħolqien ta’ kompendju jew funzjoni ta’ librerija tal-ICG bl-għan li tgħin lill-amministrazzjonijiet u lill-importaturi tal-Istati Membri jidentifikaw aħjar ir-restrizzjonijiet jew ir-rekwiżiti tal-esportazzjoni fil-pajjiżi terzi).

    5.RISKJI GĦAD-DEWMIEN

    Riskju 1 – Allokazzjoni tal-persunal

    Il-proposta inizjali mill-Kummissjoni ma pprovdietx għall-ħolqien ta’ sistema tal-IT. Għalhekk, ma ġewx allokati riżorsi għal dan. Madankollu, matul in-negozjati u fuq talba tal-koleġiżlaturi, fir-Regolament ġie inkluż il-ħolqien tas-sistema ICG, li kien jirrikjedi riżorsi addizzjonali li f’dak il-punt ma kinux previsti. Il-ħtiġijiet għal dan il-proġett ta’ 6 snin f’termini ta’ persunal għall-iżvilupp tal-IT fid-DĠ TAXUD kienu stmati, fi żmien it-trilogi politiċi finali f’Diċembru 2018, bħala żewġ pożizzjonijiet ta’ Amministratur full-time. Madankollu, Amministratur full-time wieħed biss seta’ jiġi allokat minn nofs Lulju 2020.

    Riskju 2 – Il-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi tal-Ukrajna

    Il-kriżi tas-saħħa pubblika kkawżata mill-COVID-19 affettwat, sa ċertu punt, il-kapaċità tat-tim li jwettaq ħidmietu u b’mod speċjali l-attivitajiet u l-laqgħat tal-proġett mal-Grupp ta’ Esperti u l-Grupp tal-Proġett mal-Istati Membri. Il-laqgħat saru f’format virtwali, b’aġendi iqsar u b’interazzjoni limitata. Barra minn hekk, il-kriżi tas-saħħa pubblika sfurzat skedar mill-ġdid tal-prijoritajiet fi ħdan l-Istati Membri, u b’hekk illimitat il-kapaċità tagħhom li jipprovdu input u feedback għall-fajl. Fl-istess ħin, id-dwana llum qed tiġi sfidata mit-tensjonijiet ġeopolitiċi minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, u qed tittratta trasformazzjonijiet fundamentali f’dan il-kuntest.

    Riskju 3 – Proposta għal Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana

    Il-funzjonament tajjeb tas-sistema ICG huwa marbut mas-suċċess tal-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana, li għandu l-għan li jipprovdi bażi legali għall-funzjonament tas-CSW-CERTEX tal-UE. Il-pilastru minn gvern għal gvern (G2G) ta’ dik il-proposta jirrifletti kif l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet kompetenti sħab se jiskambjaw id-data b’mod diġitali. Fl-ewwel trilogu politiku dwar il-proposta għal Regolament dwar l-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana li sar fid-19 ta’ Mejju 2022, il-koleġiżlaturi laħqu ftehim li jtejjeb u jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni, mingħajr impatti għas-sistema ICG. Ftit wara l-adozzjoni u l-pubblikazzjoni formali tar-Regolament, id-DĠ TAXUD se jibda jaħdem fuq it-tħejjija tal-atti ta’ implimentazzjoni u delegati regolati minn dan ir-Regolament. L-abbozz tat-test propost ta’ dawn l-atti se jiġi diskuss mal-Istati Membri f’taqsima ġdida tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, imsejjaħ “Ambjent ta’ Tieqa unika” (CCC-SWE). Għalkemm l-iżviluppi pożittivi jimmarkaw pass importanti ’l quddiem, l-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif ukoll it-tħejjijiet għall-abbozz tal-atti ta’ implimentazzjoni u delegati, huma l-passi ewlenin li jmiss li jridu jitqiesu.

    Riskju 4 - Il-prijoritajiet ġenerali tal-iżvilupp tal-IT tad-dwana

    Il-valutazzjoni tar-riskji ewlenin għall-implimentazzjoni f’waqtha tas-sistemi tal-IT tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) turi li r-riskji jinsabu l-aktar fuq in-naħa tal-Istati Membri u huma marbuta mar-restrizzjonijiet tar-riżorsi, il-kumplessità tal-proġetti u l-integrazzjoni tagħhom, l-akkwist u l-kwistjonijiet kuntrattwali tagħhom u xi fatturi esterni bħall-pandemija tal-COVID-19. Xi Stati Membri esperjenzaw problemi addizzjonali relatati mal-impatt tal-Brexit, il-proġett tal-Kummerċ elettroniku, u aktar reċentement il-gwerra fl-Ukrajna. Din is-sitwazzjoni bħalissa qiegħda tiġi vvalutata u qegħdin jitqiesu l-għażliet ta’ derogi skont il-KDU jew l-aġġornamenti għall-Programm ta’ Ħidma tal-KDU.

    Azzjonijiet ta’ mitigazzjoni

    Ir-riskji ġew irrappurtati fi ħdan id-DĠ TAXUD.

    6.KONKLUŻJONIJIET

    L-azzjonijiet ewlenin meħuda matul il-perjodu kopert minn dan it-tielet rapport ta’ progress għall-iżvilupp tas-sistema ICG jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

    * L-ewwel verżjoni tal-pakkett tal-BPMs għas-sistema ICG hija ffinalizzata u rieżaminata mill-Istati Membri. Matul il-fażi tal-iżvilupp se jkunu meħtieġa aġġornamenti addizzjonali dwar il-BPMs.

    * Id-dokument tal-BAC ġie ffinalizzat, fejn jiddeskrivi x-xenarji tat-test li jiddefinixxu l-attivitajiet ta’ ttestjar għall-validazzjoni tar-rekwiżiti kollha tan-negozju u funzjonali u jiżgura l-implimentazzjoni tagħhom mis-sistema. Konsegwentement, inħolqu stejjer ta’ utenti u dawn ġew allinjati mal-BAC.

    * Il-karatteristiċi ġew ikklassifikati taħt kategoriji differenti u mmarkati kif xieraq fl-ippjanar speċifikat (ara t-Tabella 1: Ħarsa ġenerali ta’ livell għoli lejn il-miri tad-disponibbiltà).

    * L-iżvilupp tas-Sistema ICG beda u l-ewwel riżultati bażiċi diġà jinsabu fuq l-iskrin, bil-għan li l-partijiet ikkonċernati jiġu assoċjati madwar ir-raba’ trimestru tal-2022 u jinġabar feedback. Għalhekk, id-DĠ TAXUD jirċievi dimostrazzjonijiet regolari matul iċ-ċiklu ta’ żvilupp, filwaqt li l-Istati Membri se jiġu involuti hekk kif ikun hemm verżjoni tat-test.

    * Kollaborazzjoni mill-qrib mal-membri tal-Grupp tal-Proġett dwar id-“Diġitalizzazzjoni ta’ Beni Kulturali” ippermettiet l-avvanz tal-attivitajiet tekniċi.

    Sa issa, il-Kummissjoni mxiet mal-iskeda. Ir-riskji potenzjali għad-dewmien fit-twettiq tas-sistema ICG fi żmien l-iskadenza stabbilita ġew identifikati biss b’rabta mal-prijoritajiet doganali ġenerali tal-iżvilupp tal-IT u, b’mod partikolari, is-sistemi tal-IT tal-KDU. Il-kriżi tas-saħħa pubblika tal-COVID-19 affettwat ftit biss il-progress tal-proġett ICG.



    Anness I: Ippjanar strateġiku pluriennali

    L-MASP-C jiżgura ġestjoni effettiva u koerenti tal-proġetti tal-IT billi jistabbilixxi kemm qafas strateġiku kif ukoll stadji importanti fi ħdan skadenzi legali stabbiliti fil-leġiżlazzjoni. Dan finalment jiġi approvat mill-Istati Membri fil-Grupp tal-Politika Doganali (CPG) abbażi ta’ parir mogħti mill-Grupp ta' Koordinazzjoni dwar id-Dwana Elettronika (ECCG) u konsultazzjonijiet mal-kummerċ fil-Grupp ta’ Kuntatt dwar il-Kummerċ (TCG).

    L-ippjanar għas-sistema elettronika ġie diskuss u approvat mill-Istati Membri u huwa deskritt fid-dettall fil-Fiche 1.18 tal-MASP-C rev. 2019.

    It-Tabella 1 ta’ hawn taħt tipprovdi silta mill-ippjanar tal-proġett dwar l-importazzjoni ta’ beni kulturali mill-MASP-C rev. 2019 Fiche 1.18.

    Tabella 1 - Silta mill-MASP-C rev. 2019 Fiche 1.18

    Stadji importanti

    Data stmata tat-tlestija

    1

    Analiżi tan-Negozju u Mmudellar tan-Negozju

    - Dokument tal-Argument għall-Vijabbiltà

    Q4 2020

    - Livell 3 (BPM tar-Rekwiżiti tal-Utenti)

    Q1 2022

    - Livell 4 (BPM dettaljat tar-Rekwiżiti Funzjonali)

    Q1 2022

    2

    Dispożizzjonijiet Legali

    - Id-dispożizzjonijiet attwali adottati*

    Q2 2019

    - Id-dispożizzjonijiet futuri adottati **

    Q2 2021

    3

    Fażi tal-Bidu tal-Proġett

    - Dokument ta’ Viżjoni

    Q2 2021

    - Deċiżjoni tal-GO

    Q2 2021

    4

    Proġett tal-IT

    - Speċifikazzjonijiet tal-Applikazzjoni u tas-Servizz

    Q2 2023

    - Speċifikazzjonijiet Tekniċi tas-Sistema

    Q2 2023

    Fażi tal-Kostruzzjoni

    - Implimentazzjoni tas-servizzi ċentrali

    Q3 2024

    - Integrazzjoni tas-servizz fis-Sistemi Nazzjonali

    M/A

    - Implimentazzjoni nazzjonali

    M/A

    Fażi Tranżitorja

    - Varar u tnedija

    Q4 2024

    - Testijiet tal-konformità

    Q2 2025

    5

    Operazzjoni

    - Il-Kummissjoni, l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri u l-Kummerċjanti

    Q2 2025

    - Pajjiżi li ma humiex tal-UE u kummerċjanti li ma humiex tal-UE (jekk ikun meħtieġ)

    M/A

    6

    Appoġġ għall-implimentazzjoni (taħriġ u komunikazzjoni)

    - Taħriġ u komunikazzjoni żviluppati b’mod ċentrali

    Q4 2024

    - Taħriġ u komunikazzjoni nazzjonali

    Q4 2024

    *Id-dispożizzjonijiet attwali jirreferu għar-Regolament (UE) 2019/880

    **Id-dispożizzjonijiet futuri jirreferu għad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) 2019/880



    It-Tabella 2 tipprovdi silta mill-proġett CSW-CERTEX tal-UE, b’enfasi fuq il-Komponent 2 tal-proġett CSW CERTEX tal-UE, li jgħaqqad is-sistema ICG.

    Tabella 2 - Silta mill-MASP-C rev. 2019 Fiche 1.13 – Komponent 2 “CSW- CERTEX tal-UE”

    Stadji importanti

    Data stmata tat-tlestija

    1

    Analiżi tan-Negozju u Mmudellar tan-Negozju

    - Dokument tal-Argument għall-Vijabbiltà

    Q1 2017

    - Anness tal-Argument għall-Vijabbiltà

    Q2 2023

    - Livell 3 (BPM tar-Rekwiżiti tal-Utenti)

    Q1 2024

    - Livell 4 (BPM dettaljat tar-Rekwiżiti Funzjonali)

    Q1 2024

    2

    Dispożizzjonijiet Legali

    - Id-dispożizzjonijiet attwali adottati*

    Fis-seħħ

    - Id-dispożizzjonijiet futuri adottati **

    2021

    3

    Fażi tal-Bidu tal-Proġett

    - Dokument ta’ Viżjoni

    Q3 2017

    - Anness tad-Dokument ta’ Viżjoni

    Q3 2023

    - Deċiżjoni tal-GO

    Q3 2023

    4

    Proġett tal-IT

    - Speċifikazzjonijiet tal-Applikazzjoni u tas-Servizz

    Q2 2024

    - Speċifikazzjonijiet Tekniċi tas-Sistema

    Q2 2024

    Fażi tal-Kostruzzjoni

    - Implimentazzjoni tas-servizzi ċentrali

    Q3 2024

    - Integrazzjoni tas-servizz fis-Sistemi Nazzjonali

    Minn Q4 2024 ’il quddiem

    - Implimentazzjoni nazzjonali

    Minn Q4 2024 ’il quddiem

    Fażi Tranżitorja

    - Varar u tnedija

    Q4 2024

    - Testijiet tal-konformità

    Minn Q1 2025 ’il quddiem

    5

    Operazzjoni

    - Il-Kummissjoni, l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri u l-Kummerċjanti (NB: Din hija d-data tal-Operazzjonijiet għall-Kummissjoni, l-Istati Membri se jittestjaw għall-konformità minn Q2 2020)

    Q2 2025

    - Pajjiżi li ma humiex tal-UE u kummerċjanti li ma humiex tal-UE (jekk ikun meħtieġ)

    M/A

    6

    Appoġġ għall-implimentazzjoni (taħriġ u komunikazzjoni)

    - Taħriġ u komunikazzjoni żviluppati b’mod ċentrali

    M/A

    - Taħriġ u komunikazzjoni nazzjonali

    M/A

    *Id-dispożizzjonijiet attwali jirreferu għar-Regolament (UE) 2019/880

    **Id-dispożizzjonijiet futuri jirreferu għad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) 2019/880

    Anness II: Fażijiet ewlenin tal-proġett u skeda ta’ żmien tal-istadji importanti kritiċi

    (1)

    ĠU L 151, 7.6.2019, p. 1–14

    (2)

    L-adozzjoni u l-pubblikazzjoni formali tar-Regolament li jistabbilixxi l-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana huma mistennija fir-raba’ trimestru tal-2022. Ara l-proposta ta’ Tieqa Unika:

    https://taxation-customs.ec.europa.eu/system/files/2020-10/201028_commission_proposal_single_window.pdf  

    (3)

      COM(2020) 342 final  

    (4)

      COM(2021) 358 final

    (5)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1079 tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2019/880 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni u l-importazzjoni ta’ beni kulturali; ĠU L 234, 2.7.2021, p. 67.

    (6)

    Ir-Regolament jiddefinixxi bħala “importazzjoni” t-tqegħid ta’ merkanzija taħt il-proċeduri doganali li ġejjin: ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera; il-ħżin f’imħażen doganali jew f’żoni liberi; id-dħul temporanju; u l-użu aħħari, inkluż proċessar attiv.

    (7)

    Ara https://ec.europa.eu/taxation_customs/general-information-customs/electronic-customs_en .

    (8)

      https://ec.europa.eu/taxation_customs/sites/taxation/files/2019_masp_annex3_en.pdf  

    (9)

      https://ec.europa.eu/taxation_customs/sites/taxation/files/2019_masp_annex4_en.pdf  

    (10)

      https://ec.europa.eu/taxation_customs/sites/taxation/files/2019_masp_annex5_en.pdf  

    (11)

    It-trilogu politiku sar fid-19/05/2022 bejn ir-rappreżentanti għoljin mid-DĠ TAXUD, il-PE u l-Presidenza tal-Kunsill u kiseb eżitu b’suċċess għan-negozjati. Il-koleġiżlaturi approvaw il-partijiet tat-test miftiehma b’mod preliminari fil-livell tekniku u laħqu ftehim politiku dwar diversi temi addizzjonali li ħarġu mill-emendi proposti tagħhom għall-proposta oriġinali tal-Kummissjoni. L-adozzjoni u l-pubblikazzjoni formali tar-Regolament li jistabbilixxi l-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana huma mistennija fir-4 trimestru tal-2022.

    (12)

    Il-Grupp ta’ Esperti huwa forum għad-diskussjoni ta’ kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-beni kulturali li jappartjenu għad-dwana u, b’mod partikolari, ir-Regolament (UE) 2019/880 dwar l-introduzzjoni u l-importazzjoni ta’ beni kulturali, u r-Regolament (KE) Nru 116/2009 dwar l-esportazzjoni ta’ beni kulturali.  

    (13)

    Il-Bord tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u taċ-Ċibersigurtà (ITCB) tal-Kummissjoni Ewropea huwa sottogrupp permanenti tal-Bord ta’ Ġestjoni Korporattiva. Dan jiżgura li r-riżorsi u l-investimenti fit-Teknoloġija tal-Informazzjoni jintużaw b’mod effiċjenti u li l-ħtiġijiet tan-negozju jkunu appoġġati minn sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni effiċjenti, sikuri u reżiljenti, f’konformità mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data personali. Dan jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Diġitali tal-Kummissjoni Ewropea.

    (14)

    L-ECCG huwa magħmul minn rappreżentanti mill-Istati Membri kollha (u mill-Pajjiżi Kandidati), awtorizzati mill-amministrazzjoni tagħhom u b’kompetenzi f’oqsma bħal-leġiżlazzjoni, il-proċessi u l-BPM, il-ġestjoni tal-proġetti, l-operazzjonijiet, l-ippjanar u l-aspetti tekniċi tal-IT.

    (15)

    Ir-Regolament (UE) 2019/880 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-introduzzjoni u l-importazzjoni ta’ beni kulturali u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1079 tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2019/880 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni u l-importazzjoni ta’ beni kulturali

    (16)

    L-arkitettura tas-Sistemi Integrati ta’ Informazzjoni (ARIS) hija qafas ta’ ġestjoni tal-intrapriżi li joffri metodi u tekniki għall-ġestjoni tal-proċessi tan-negozju.

    (17)

    Xenarju tat-test huwa sett ta’ każijiet tat-test li jiżguraw li l-flussi tal-proċess tan-negozju jiġu ttestjati minn tarf sa tarf kif inhuma deskritti fil-BPMs tal-L4

    (18)

    Ir-rekwiżiti tan-negozju jenfasizzaw il-passi jew il-funzjonalitajiet ewlenin tan-negozju li jridu jitwettqu biex jitlesta b’suċċess kompitu u raggruppament loġiku tal-kompiti jew tal-proċess, irrispettivament minn jekk sistema hijiex involuta jew le.

    (19)

    Rekwiżit funzjonali jiddeskrivi mġiba jew funzjoni speċifika tas-sistema. Dan jiddeskrivi x’suppost twettaq is-sistema. Kull rekwiżit funzjonali għandu jikkorrispondi għal rekwiżit tan-negozju, madankollu rekwiżit tan-negozju jista’ jkollu diversi rekwiżiti funzjonali.

    (20)

    Każ tat-test huwa kombinazzjoni ta’ inputs (settijiet ta’ data), prerekwiżiti (kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni) u proċedura tat-test li tiddefinixxi mogħdija partikolari ta’ applikazzjoni ta’ software li għandha tiġi eżegwita, u r-riżultati mistennija għal dik il-kombinazzjoni. Ir-riżultati mistennija jintużaw biex tiġi vverifikata l-konformità ma’ rekwiżit(i) speċifiku/speċifiċi.

    (21)

      https://icom.museum/en/resources/red-lists/

    (22)

      https://icom.museum/en/resources/standards-guidelines/objectid/  

    (23)

      https://www.obs-traffic.museum/  

    (24)

    Il-Grupp tal-Proġett dwar id-Diġitalizzazzjoni ta’ Beni Kulturali jservi bħala pjattaforma ta’ diskussjoni, fejn esperti mill-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali u awtoritajiet (kulturali) kompetenti b’esperjenza fit-twettiq ta’ formalitajiet ta’ liċenzjar fi kwistjonijiet ta’ patrimonju, b’mod partikolari b’mod diġitali, jingħaqdu flimkien biex jipprovdu appoġġ fl-attivitajiet relatati mal-iżvilupp tas-Sistema ICG.

    (25)

    Għal aktar dettalji dwar il-mandat u l-ħidma tal-Grupp tal-Proġett, jekk jogħġbok ara l-ewwel Rapport ta’ Progress tal-Kummissjoni COM (2020) 342 final .

    Top