EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022DC0407

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Ukrajna għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea

COM/2022/407 final

Brussell, 17.6.2022

COM(2022) 407 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL

Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Ukrajna għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea


A.    INTRODUZZJONI

L-aspirazzjoni li tappartjeni għall-Unjoni Ewropea ilha għal ħafna snin prijorità importanti għall-Ukrajna, għall-gvernijiet u għaċ-ċittadini tagħha. Din kienet raġuni sottostanti għall-bidliet demokratiċi matul l-aħħar għaxar snin u xprunatur ta’ għadd ta’ riformi ewlenin ibbażati fuq il-valuri Ewropej. Id-deċiżjoni fl-aħħar tal-2013 meħuda mill-President ta’ dak iż-żmien li ma jiffirmax il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna, li ssimbolizza għal ħafna mill-Ukreni triq lejn l-Unjoni Ewropea, wasslet għal protesti fuq skala kbira kontra l-awtoritajiet. Sussegwentement, il-Federazzjoni Russa ħadet azzjoni kontra l-Ukrajna, u ma aċċettatx l-għażla indipendenti tal-poplu Ukren. Filwaqt li tilfet il-kontroll fuq parti mit-territorju tagħha u sofriet telf uman u ekonomiku minħabba l-kunflitt fil-parti tal-Lvant tal-pajjiż, l-Ukrajna baqgħet, matul is-snin, demokrazija reżiljenti li qed toqrob aktar lejn l-Unjoni Ewropea u li qed tallinja gradwalment mal-acquis.

a) Applikazzjoni għas-sħubija

Fit-28 ta’ Frar 2022, ħamest ijiem wara li r-Russja nediet l-aggressjoni mhux ipprovokata u mhux iġġustifikata tagħha fuq skala sħiħa, l-Ukrajna ppreżentat l-applikazzjoni tagħha għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Fis-7 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab lill-Kummissjoni tippreżenta l-Opinjoni tagħha dwar din l-applikazzjoni. Il-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-UE approvaw din id-deċiżjoni fil-laqgħa informali tal-mexxejja f’Versailles 1 .

L-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li “Kwalunkwe Stat Ewropew li jirrispetta l-valuri msemmija fl-Artikolu 2 u jimpenja ruħu sabiex jippromwovihom jista’ japplika sabiex isir membru tal-Unjoni. Il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali għandhom ikunu informati b’din l-applikazzjoni. L-Istat applikant għandu jindirizza l-applikazzjoni tiegħu lill-Kunsill li għandu jaġixxi b’mod unanimu wara li jikkonsulta l-Kummissjoni u wara li jirċievi l-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew, li għandu jaġixxi b’maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu. Għandu jittieħed kont tal-kriterji ta’ eliġibbiltà miftiehma mill-Kunsill Ewropew.”

L-Artikolu 2 jiddikjara li “l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.”

Dan huwa l-qafas legali li fih il-Kummissjoni tippreżenta din l-Opinjoni.

F’Ġunju 1993 f’Copenhagen, il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li:

L-adeżjoni se sseħħ malli pajjiż ikun jista’ jassumi l-obbligi tas-sħubija billi jissodisfa l-kundizzjonijiet ekonomiċi u politiċi meħtieġa.

Is-sħubija tirrikjedi:

-li l-Istat kandidat ikun kiseb l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet umani u r-rispett lejn u l-protezzjoni tal-minoranzi;

- l-eżistenza ta’ ekonomija tas-suq li tkun funzjonabbli, kif ukoll il-kapaċità li jreġi għall-pressjoni tal-kompetizzjoni u l-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjoni;

-l-abbiltà li jassumi l-obbligi tas-sħubija, inkluż l-aderenza għall-għanijiet tal-unjoni politika, ekonomika u monetarja”.

F’Diċembru 1995, f’Madrid, il-Kunsill Ewropew irrefera għall-ħtieġa “li jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-integrazzjoni gradwali u armonjuża tal-pajjiżi [applikanti], b’mod partikolari permezz tal-iżvilupp tal-ekonomija tas-suq, l-aġġustament tal-istrutturi amministrattivi tagħhom u l-ħolqien ta’ ambjent ekonomiku u monetarju stabbli”.

F’Diċembru 2006, il-Kunsill Ewropew qabel li “l-istrateġija tat-tkabbir imsejsa fuq il-konsolidament, il-kundizzjonalità u l-komunikazzjoni, imħallta mal-kapaċità tal-UE li tintegra membri ġodda, tifforma l-bażi għal konsensus imġedded dwar it-tkabbir”.

F’din l-Opinjoni, il-Kummissjoni tivvaluta l-applikazzjoni tal-Ukrajna abbażi tal-kapaċità tagħha li tissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-Kunsill Ewropew f’Copenhagen fl-1993, kif ukoll f’Madrid fl-1995, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità amministrattiva tal-pajjiż. L-Opinjoni tqis ukoll l-isforzi tal-Ukrajna fl-implimentazzjoni tal-obbligi tagħha skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (AA) u ż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA), li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-impatt tal-adeżjoni tal-Ukrajna fuq l-oqsma ta’ politika tal-UE fi stadju aktar tard.

Din l-Opinjoni tħejjiet skont metodoloġija simili għal dik li ntużat f’Opinjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni. L-Ukrajna rċeviet kwestjonarji fit-8 ta’ April 2022 dwar il-kriterji politiċi u ekonomiċi u fit-13 ta’ April dwar il-kapitoli tal-acquis tal-UE u tat it-tweġibiet tagħha fis-17 ta’ April u fid-9 ta’ Mejju rispettivament. Din l-Opinjoni hija valutazzjoni strutturali skont kriterji stabbiliti u tibni fuq l-għarfien u l-esperjenza miksuba matul ħafna snin ta’ kooperazzjoni mill-qrib tal-UE mal-Ukrajna.

b) Relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna

Tmien snin wara l-annessjoni illegali tal-Krimea u d-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukrajna fl-2014, fl-24 ta’ Frar 2022 ir-Russja nediet invażjoni militari fuq skala kbira kontra l-pajjiż kollu. Aktar minn seba’ miljun persuna ħarbu lejn pajjiżi oħra, b’mod partikolari lejn l-Istati Membri tal-UE u r-Repubblika tal-Moldova, u hemm kważi tmien miljun persuna spostata internament fl-Ukrajna. L-UE adottat diversi pakketti ta’ sanzjonijiet mingħajr preċedent kontra r-Russja 2 . Hija żiedet ukoll b’mod sinifikanti l-appoġġ politiku, finanzjarju, umanitarju u militari tagħha. Iċ-ċittadini Ewropej urew solidarjetà mingħajr preċedent permezz ta’ numru bla għadd ta’ inizjattivi privati. Matul il-gwerra, il-gvern tal-Ukrajna wera livell eċċezzjonali ta’ saħħa istituzzjonali, determinazzjoni u kapaċità li jiffunzjona. Huwa mmobilizza ruħu biex iwieġeb malajr għall-kwestjonarju tal-UE dwar l-applikazzjoni tas-sħubija tiegħu.

Il-bidu tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukrajna jmur lura għall-perjodu wara l-proklamazzjoni tal-indipendenza tal-Ukrajna fl-1991. F’Ġunju 1994, l-UE ffirmat Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni mal-Ukrajna, li daħal fis-seħħ f’Marzu 1998. Il-kooperazzjoni politika u ekonomika ġiet imsaħħa fl-2004 meta l-Ukrajna saret sieħba ta’ prijorità tal-UE fi ħdan il-Politika Ewropea tal-Viċinat u kompliet tissaħħaħ bit-tnedija tal-Inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant fl-2009.

L-integrazzjoni mal-Unjoni Ewropea ilha dimensjoni importanti tal-politika barranija u interna tal-Ukrajna għal ħafna snin. Ir-Rivoluzzjoni Oranġjo fl-2004 kontra l-frodi u l-korruzzjoni elettorali kienet ukoll tirrigwarda l-orjentazzjoni lejn il-Punent u l-integrazzjoni mal-UE. Wara l-elezzjonijiet parlamentari f’Marzu 2006, l-UE ddeċidiet li tibda konsultazzjonijiet bil-ħsieb li tinnegozja ftehim imsaħħaħ ġdid mal-Ukrajna. In-negozjati bdew f’Marzu 2007. L-abbozz tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ġie inizjalat f’Marzu 2012. Ir-Rivoluzzjoni tad-Dinjità, fl-2014 ġiet skattata mir-rifjut mill-President tal-Ukrajna ta’ dak iż-żmien li jiffirma l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni/iż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (AA/DCFTA).

Wara r-Rivoluzzjoni tad-Dinjità, ir-Russja annessat il-Krimea illegalment u appoġġat gruppi armati illegali fil-Lvant tal-Ukrajna. L-UE u l-komunità internazzjonali kkundannaw dan il-ksur gravi tad-dritt internazzjonali, u sussegwentement, l-UE imponiet sanzjonijiet kontra l-Federazzjoni Russa.

Il-gvern il-ġdid tal-Ukrajna, li ħa l-poter wara r-Rivoluzzjoni tad-Dinjità, iffirma l-parti politika tal-AA f’Marzu 2014. Il-parti ekonomika ta’ AA/DFCTA ġiet iffirmata wara l-elezzjoni presidenzjali f’Mejju 2014. Partijiet ewlenin tal-ftehim ġew applikati provviżorjament mill-2014. F’Settembru 2017, l-AA/DCFTA daħlu fis-seħħ bis-sħiħ.

L-AA/DCFTA jipprovdu l-pedamenti għal assoċjazzjoni politika u integrazzjoni ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna. Fil-preambolu tagħha, l-UE rrikonoxxiet l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukraina u laqgħet l-għażla Ewropea tagħha, inkluż l-impenn tagħha li tibni demokrazija u ekonomija tas-suq profondi u sostenibbli. Bħalissa, il-ftehim huwa l-istrument legali bilaterali ewlieni li jservi bħala bażi għall-approfondiment ta’ rabtiet politiċi, rabtiet ekonomiċi aktar b’saħħithom, il-promozzjoni ta’ valuri komuni u kooperazzjoni msaħħa f’oqsma ta’ interess reċiproku. Abbażi tal-AA/DCFTA, l-Ukrajna wettqet għadd ta’ riformi impenjattivi u allinjat b’suċċess il-leġiżlazzjoni tagħha mal-UE f’ħafna oqsma.

Il-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili (CSP) UE-Ukrajna hija waħda mill-korpi stabbiliti skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna. Din tippermetti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fuq iż-żewġ naħat jimmonitorjaw il-proċess ta’ implimentazzjoni u jħejju rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet rilevanti.

Fl-2019, emenda kostituzzjonali appoġġata minn 335 minn 450 Membru tal-Parlament tal-Ukrajna ddefiniet bħala l-kors strateġiku tal-Istat “is-sħubija sħiħa tal-Ukrajna fl-Unjoni Ewropea u fl-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana”.

L-Ukrajna hija Parti kontraenti għat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija u għall-Ftehim dwar iż-Żona ta’ Avjazzjoni Komuni, li jgħinu fl-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Ukrajna mal-acquis tal-UE. L-Ukrajna hija parti min-network estiż tat-TEN-T.

Mill-11 ta’ Ġunju 2017, iċ-ċittadini tal-Ukrajna jgawdu minn ivjaġġar mingħajr viża lejn iż-żona Schengen. Ftehim dwar ir-riammissjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna ilu fis-seħħ mill-2007.

L-UE u l-Ukrajna ilhom jiltaqgħu f’laqgħat ta’ livell għoli mill-1997. B’kollox, sal-lum saru tlieta u għoxrin Summit bejn l-UE u l-Ukrajna fil-livell presidenzjali. Minn dak iż-żmien, ir-relazzjonijiet żviluppaw, b’aktar involviment u momentum. Id-djalogi l-ġodda bejn l-UE u l-Ukrajna dwar il-Patt Ekoloġiku u ċ-ċibersigurtà mnedija fl-2021 huma eżempji tajbin tal-espansjoni tal-kooperazzjoni f’oqsma ta’ interess strateġiku konġunt. L-UE flimkien ma’ ħafna sħab internazzjonali oħra ngħaqdu ma’ Pjattaforma Internazzjonali tal-Krimea stabbilita mill-Ukrajna fl-2021 bħala format ta’ koordinazzjoni konsultattiva bil-għan li tintemm b’mod paċifiku l-annessjoni illegali Russa tal-peniżola.

L-Ukrajna hija membru sħiħ tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-Kunsill tal-Ewropa u Stat Parteċipanti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).

L-UE pprovdiet assistenza finanzjarja sinifikanti lill-Ukrajna, li tul is-snin, mill-2014 sal-2021, ammontat għal EUR 1,7 biljun f’għotjiet mogħtija permezz tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat, EUR 5,6 biljuni permezz ta’ ħames programmi ta’ assistenza makrofinanzjarja, fil-forma ta’ self, EUR 194 miljun f’għajnuna umanitarja u EUR 355 miljun minn strumenti ta’ politika barranija. L-UE tipprovdi l-appoġġ tagħha lill-Ukrajna għall-iżvilupp ta’ politika u riformi komprensivi, bl-involviment b’saħħtu tal-Istati Membri tal-UE fi spirtu ta’ Tim Ewropa. Għall-programmazzjoni pluriennali attwali, il-Kummissjoni żiedet l-enfasi tagħha fuq l-investimenti u l-prijoritajiet ewlenin fl-ambitu ta’ Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment (EIP) 3 , li jfittex li jagħmel disponibbli sa EUR 6,5 biljuni f’investimenti pubbliċi u privati għall-pajjiż u se jipprovdi bażi għal rikostruzzjoni futura. L-approċċ żviluppat fl-ambitu tal-EIP se jservi bħala bażi tajba għal kwalunkwe pjan futur ta’ rikostruzzjoni.

Minn meta bdiet l-invażjoni Russa, l-UE żiedet l-appoġġ tagħha, billi mmobilizzat madwar EUR 4,1 biljuni għar-reżiljenza ekonomika, soċjali u finanzjarja ġenerali tal-Ukrajna fil-forma ta’ assistenza makrofinanzjarja ta’ emerġenza, appoġġ baġitarju, assistenza ta’ emerġenza, rispons għall-kriżijiet u għajnuna umanitarja. Dan jinkludi wkoll miżuri ta’ assistenza militari biex jappoġġaw lill-Ukrajna fl-ambitu tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi, li jammontaw għal EUR 2 biljuni li se jintużaw għar-rimborż tal-Istati Membri tal-UE għall-appoġġ militari in natura tagħhom lill-Ukrajna.

Qabel u matul il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, l-UE ħadmet id f’id mal-istituzzjonijiet finanzjarji biex tappoġġa lill-Ukrajna. Sa mill-2014, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp immobilizzaw aktar minn EUR 9,5 biljuni f’self lill-Ukrajna. Minn dan il-BEI żborża EUR 668 miljun għall-baġit tal-Ukrajna f’dawn l-aħħar ġimgħat. L-UE qed taħdem ukoll f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Bank Dinji u l-Fond Monetarju Internazzjonali, li ilhom sħab ewlenin fl-isforzi għall-Ukrajna sa mill-2014.

Mill-2014, bl-istabbiliment tal-Grupp ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, l-UE ttrasformat il-programmi ta’ assistenza tagħha. Hija għaddiet minn proġetti individwali għal pakketti ta’ appoġġ koerenti akbar għal riformi ewlenin u l-bini ta’ istituzzjonijiet tal-Istat. Din il-bidla importanti se tkun rilevanti ħafna fil-bini mill-ġdid u r-riforma wara l-gwerra tal-Ukrajna.

Mill-2016, l-Ukrajna estendiet progressivament il-parteċipazzjoni tagħha fil-programmi tal-UE, li ġiet parzjalment kofinanzjata mill-UE. B’mod partikolari, l-Ukrajna tipparteċipa f’Orizzont 2020 u Orizzont Ewropa, fil-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom, fil-programmi COSME, Ewropa Kreattiva u EU4 Youth. L-organizzazzjonijiet u l-individwi mill-Ukrajna jistgħu jibbenefikaw ukoll minn ċerti azzjonijiet tal-Programm Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. F’xi programmi oħra bħall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd. L-Ukrajna qed tipparteċipa f’diversi programmi tal-Interreg u hija membru tal-Istrateġija makroreġjonali tal-UE għar-reġjun tad-Danubius.

L-Ukrajna kkonkludiet arranġamenti ta’ ħidma, ftehimiet ta’ kooperazzjoni jew memoranda ta’ qbil ma’ għadd ta’ aġenziji tal-UE bħall-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL), iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (EUROJUST), l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA), l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (ERA), il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF), l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA), iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u oħrajn. L-Ukrajna qed tipparteċipa, mingħajr drittijiet tal-vot, fl-Uffiċċju tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC). Tlestew arranġamenti proċedurali biex l-Ukrajna tissieħeb fil-programm LIFE.

L-Ukrajna tipparteċipa fis-Sħubija tal-Lvant (SL). Is-SL hija bbażata fuq il-prinċipju tal-inklużività u d-differenzazzjoni. Il-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna wriet li l-kooperazzjoni u l-koeżjoni multilaterali issa huma aktar importanti minn qatt qabel, bħalma huwa wkoll it-tisħiħ tar-reżiljenza tar-reġjun. Iktar ’il quddiem, se tkun importanti wkoll enfasi fuq ir-relazzjonijiet bilaterali, biex l-Ukrajna tkun tista’ timplimenta riformi ewlenin, inkluż fil-qasam tal-governanza, il-ġustizzja u l-istat tad-dritt.

B.    KRITERJI GĦAS-SĦUBIJA

1. KRITERJI POLITIĊI

Din il-valutazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta’ Copenhagen li għandhom x’jaqsmu mal-istabbiltà tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għall-minoranzi, u l-protezzjoni tagħhom.

1.1 Demokrazija

Kif stabbilit mill-Kostituzzjoni tagħha, l-Ukrajna hija demokrazija parlamentari-presidenzjali li fiha s-setgħat leġiżlattivi jiġu eżerċitati mill-Assemblea Parlamentari (Verkhovna Rada) u s-setgħat eżekuttivi mill-Gvern, filwaqt li l-President ikollu setgħat eżekuttivi importanti.

Il-Kostituzzjoni tipprevedi l-prinċipji fundamentali ta’ stat demokratiku, inklużi l-istat tad-dritt, l-elezzjonijiet liberi u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Il-primat tad-dritt internazzjonali huwa ddeterminat b’mod espliċitu mill-Kostituzzjoni li tirrendi t-trattati internazzjonali fis-seħħ bħala vinkolanti u parti integrali mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Ukrajna.

L-uniku korp li jista’ jinterpreta l-Kostituzzjoni u jiddetermina jekk il-leġiżlazzjoni tikkonformax magħha huwa l-Qorti Kostituzzjonali tal-Ukrajna (CCU), li għadha fi bżonn urġenti ta’ riforma f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja. L-introduzzjoni ta’ proċedura ta’ għażla kredibbli u trasparenti għall-ħatriet tal-imħallfin fis-CCU, inkluża verifika tal-integrità, hija ċentrali għal din ir-riforma. Il-leġiżlazzjoni rilevanti hija pendenti fil-Parlament.

Skont il-Kostituzzjoni tiegħu, il-President tal-Ukrajna huwa l-kap tal-Istat, elett direttament miċ-ċittadini għal mandat ta’ ħames snin. Il-politika barranija hija formalment ir-responsabbiltà tal-President, li huwa wkoll il-Kap Kmandant Suprem tal-Armata. Il-President għandu d-dritt li jagħżel il-ministri tad-difiża u tal-affarijiet barranin u jaħtar il-gvernaturi lokali. Is-setgħa eżekuttiva hija eżerċitata mill-Gvern, li jikkonsisti minn Prim Ministru, l-Ewwel Viċi Prim Ministru, tliet Viċi Prim Ministri u 18-il ministru. B’mod ġenerali, il-gvern għandu kapaċitajiet adegwati għall-ippjanar tal-politika. Matul il-gwerra, il-gvern tal-Ukrajna wera reżiljenza u kapaċità istituzzjonali biex jiffunzjona u baqa’ sieħeb internazzjonali affidabbli.

Il-Parlament, imsemmi Verkhovna Rada, huwa l-korp leġiżlattiv tal-Ukrajna, li jeżerċita kontroll demokratiku effettiv fuq il-fergħa eżekuttiva. Il-Parlament għandu rwol ewlieni fil-ħatra u t-tkeċċija tal-Gvern, u l-kapijiet u l-membri ta’ għadd ta’ istituzzjonijiet pubbliċi oħra. Huwa magħmul minn 450 deputat eletti għal mandat ta’ ħames snin. Għad hemm 26 siġġu vakanti fil-Verkhovna Rada, l-elezzjonijiet għal dawk is-siġġijiet ma sarux fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u fil-Belt ta’ Sevastopol (il-Krimea) annessa illegalment mill-Federazzjoni Russa u fil-partijiet tal-oblasts ta’ Donetsk u Luhansk l lil hinn mill-kontroll tal-gvern. Il-Parlament approva d-deċiżjoni tal-President li jintroduċi l-liġi marzjali minħabba l-aggressjoni militari Russa fuq skala sħiħa fi Frar 2022, iżda l-ħidma leġiżlattiva għadha għaddejja matul dan il-perjodu.

L-iżviluppi politiċi fl-Ukrajna u r-rakkomandazzjonijiet minn organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti wasslu għal bidliet ripetuti fis-sistema elettorali użata għall-elezzjonijiet parlamentari. Fl-2019, ġie adottat Kodiċi Elettorali ġdid, li jirregola t-tipi kollha ta’ elezzjonijiet, biex il-liġi ssir konformi b’mod ġenerali mal-istandards internazzjonali rilevanti. Il-Kodiċi introduċa, fost l-oħrajn, sistema ta’ rappreżentanza proporzjonali b’lista miftuħa, persuni spostati internament mogħtija d-dritt għall-vot u kwoti msaħħa tal-ġeneru. Dan ġie ttestjat għall-ewwel darba matul l-elezzjonijiet lokali fl-2020 u wera l-ħtieġa ta’ xi emendi ulterjuri relatati mat-trasparenza tal-finanzjament tal-kampanja, dwar kopertura tal-media bbilanċjata u imparzjali, u ċerti aspetti tal-proċeduri tat-trattament tal-ilmenti u l-appelli elettorali. Il-liġi dwar ir-referenda nazzjonali ġiet adottata f’Jannar 2021 u għaddejja ħidma fuq il-liġi dwar referenda lokali. L-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) ivvaluta l-aktar elezzjonijiet presidenzjali b’żewġ ċikli reċenti u elezzjonijiet parlamentari bikrija fl-2019 bħala kompetittivi u t-tnejn, b’mod ġenerali, jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. Inħarġu xi rakkomandazzjonijiet li qed jiġu segwiti.

L-użu ta’ proċeduri urġenti biex jgħaddu leġiżlazzjoni, inkluż f’oqsma rilevanti għall-acquis tal-UE, huwa relattivament limitat. Jeħtieġ li jissaħħu l-valutazzjonijiet tal-impatt komprensivi tal-leġiżlazzjoni proposta u tas-sorveljanza leġiżlattiva tal-eżekuttiv, inkluż il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni.

Il-finanzjament pubbliku tal-partiti politiċi ġie introdott fl-2016 bħala strument biex jissaħħu l-kapaċitajiet finanzjarji u istituzzjonali tagħhom. Ir-restawr sħiħ tal-obbligi ta’ rapportar finanzjarju tal-partiti politiċi, sospiżi matul il-pandemija tal-COVID-19, għadu qed jistenna l-approvazzjoni tal-Parlament. Wara l-bidu tal-aggressjoni militari Russa fuq skala sħiħa fi Frar 2022, l-awtoritajiet tal-Ukrajna ddeċidew li jipprojbixxu 11-il partit politiku meqjusa li qed jippromwovu l-interessi Russi.

L-Ukrajna għandha soċjetà ċivili vibranti li għandha rwol attiv fil-promozzjoni u s-sorveljanza tar-riformi. L-għarfien espert tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Ukrajna dwar ir-riformi settorjali ewlenin jagħmilhom sħab siewja għall-gvern u atturi importanti għall-forniment ta’ servizzi lokali. Il-qafas legali jiżgura l-protezzjoni tal-libertà ta’ assoċjazzjoni, ta’ espressjoni u ta’ għaqda paċifika. Ittieħdu miżuri biex tiġi appoġġata r-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jiġu ssimplifikati r-regoli dwar ir-rapportar u t-tassazzjoni. Filwaqt li hemm spazju ċiviku miftuħ ħafna, kien hemm pressjoni u theddid kontra attivisti ċiviċi minn interessi personali lokali, li f’xi każijiet wasslu għal vjolenza. L-awtoritajiet jikkundannaw tali attakki u żdiedu l-investigazzjonijiet, madankollu, huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda impunità għal tali reati.

1.2. Riforma tal-amministrazzjoni pubblika

L-Ukrajna għamlet progress fit-titjib tal-amministrazzjoni pubblika tagħha mill-2014. Il-qafas legali għal amministrazzjoni pubblika moderna huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu implimentat. Madankollu, dan għadu ma huwiex implimentat bis-sħiħ.

L-Ukrajna għandha qafas strateġiku għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika (PAR) żviluppat sew u mill-2016 ħejjiet u implimentat strateġiji PAR, skont l-istandards tal-prinċipji Ewropej tal-amministrazzjoni pubblika. Il-kisba ta’ aktar progress se tirrikjedi impenn aktar intensiv fl-ogħla livell politiku. Huma meħtieġa aktar sforzi mill-Ukrajna biex tiġi żgurata kapaċità amministrattiva adegwata għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni, speċjalment fir-rigward tal-ispezzjoni.

It-twassil effettiv u effiċjenti tas-servizz pubbliku ilu punt essenzjali distint tal-politika mill-2014. Mill-2019, il-gvern introduċa miżuri fost l-oħrajn biex: jissimplifika u jimmonitorja t-twassil tas-servizz; jelimina d-duplikazzjoni tal-front offices; u jtejjeb ir-rispons. Barra minn hekk, huwa abbozza liġi dwar is-simplifikazzjoni tat-tariffa amministrattiva, stabbilixxa l-kundizzjonijiet għas-servizzi elettroniċi (portali tal-web, it-tqegħid ta’ servizzi amministrattivi online, u l-interoperabbiltà); u ddefinixxa bil-liġi l-ispeċifiċitajiet tat-twassil ta’ servizzi pubbliċi (elettroniċi). L-Ukrajna għandha gvern elettroniku avvanzat, li fih iċ-ċittadini tagħha għandhom aċċess faċli għas-servizzi pubbliċi permezz ta’ pjattaforma online u applikazzjoni fuq il-mobile li kibret f’inqas minn sentejn għal 14-il miljun utent. Il-governanza diġitali żiedet l-effiċjenza u t-trasparenza tal-gvern, u ffaċilitat id-djalogu bejn il-gvern u ċ-ċittadin.

L-Ukrajna tejbet b’mod sinifikanti l-Ġestjoni Finanzjarja Pubblika (PFM) mill-ewwel strateġija PFM tagħha fl-2013. L-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni PFM tal-2022-2025 ġew adottati f’Diċembru 2021. Din l-istrateġija l-ġdida hija konformi mal-metodoloġija tan-Nefqa Pubblika u tar-Responsabbiltà Finanzjarja (PEFA), u mal-istandards internazzjonali u tal-UE. Il-Gvern introduċa ppjanar baġitarju fuq terminu medju fl-2018. Id-dikjarazzjoni baġitarja ta’ tliet snin għall-2022-2024 ġiet approvata għall-ewwel darba fl-2021 u ġiet applikata għall-baġit tal-2022. Il-baġit tal-2020 ġie eżegwit skont l-indikaturi proposti mil-Liġi dwar il-Baġit. L-Ukrajna kompliet iżżid it-trasparenza baġitarja mill-2017. Il-leġiżlatura u l-istituzzjoni suprema tal-awditjar, jipprovdu, flimkien, sorveljanza aktar minn adegwata matul il-proċess tal-baġit. Id-dokumenti tal-baġit jipprovdu ħarsa ġenerali tajba lejn id-dħul u n-nefqa tal-baġit. Sar progress fit-tisħiħ tal-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku kemm fl-oqsma tat-taxxa kif ukoll f’dawk doganali f’konformità mal-impenji tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Is-sorveljanza tal-kontijiet barra l-baġit u l-użu tal-istandards internazzjonali fil-Kamra tal-Kontabilità tal-Ukrajna jeħtieġu aktar titjib.

Fir-rigward tal-governanza f’diversi livelli, id-deċentralizzazzjoni tal-Ukrajna għamlet progress kbir mill-2014. Din hija waħda mill-aktar riformi implimentati fil-pajjiż li ħalliet impatt u li rnexxiet. Saret faċilitatur kruċjali tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku. Aspett ewlieni tar-riforma kien fużjoni (amalgamazzjoni) ta’ aktar minn 10 000 entità lokali żgħira u mxerrda f’1 470 muniċipalità akbar (“hromadas”) b’kapaċità amministrattiva u ekonomika akbar biex jiġu ġestiti r-responsabbiltajiet tagħhom b’mod aktar effettiv. Network mifrux mal-pajjiż kollu ta’ ċentri ta’ servizzi amministrattivi lokali ta’ “punt uniku ta’ servizz” jipprovdi servizzi ta’ kwalità liċ-ċittadini u lin-negozji. Ir-riforma kienet sostnuta minn deċentralizzazzjoni fiskali (inkluż sehem ta’ 64 % tat-taxxa fuq l-introjtu personali attwalment allokat lill-muniċipalitajiet) bl-għan li jiġu żgurati riżorsi stabbli meħtieġa għall-eżerċizzju tal-kompiti l-ġodda tal-awtonomija lokali. Il-muniċipalitajiet ibbenefikaw ukoll mit-trasferiment tal-proprjetà u kisbu opportunitajiet biex jirregolaw il-kummerċ tal-art fit-territorju tagħhom. Id-deċentralizzazzjoni settorjali għamlet progress kbir fis-saħħa u fl-edukazzjoni.

Fir-rigward tal-Ġestjoni tas-Servizz pubbliku u tar-Riżorsi Umani, fl-2016 daħlet fis-seħħ liġi ġdida dwar is-servizz ċivili. Il-liġi tħejji l-bażi għal servizz ċivili modern. Madankollu, il-bini ta’ servizz ċivili professjonali u bbażat fuq il-mertu jkun jirrikjedi rfinar kemm tal-qafas legali kif ukoll tal-prattika operazzjonali. Jeħtieġ li tiġi ffinalizzata riforma tas-sistema ta’ remunerazzjoni tas-servizz ċivili biex ikunu jistgħu jinżammu professjonisti kwalifikati u jiġi attirat talent ġdid. Immedjatament qabel ma faqqgħet il-gwerra, l-Ukrajna kienet wasslet biex tadotta liġi ewlenija dwar il-proċeduri amministrattivi. L-arkitettura istituzzjonali tal-amministrazzjoni tal-Istat hija regolata b’mod komprensiv, iżda d-disinn organizzazzjonali u l-mekkaniżmi ta’ tmexxija tagħha għandhom jittejbu biex tiġi żgurata governanza effettiva, orjentata lejn ir-riżultati u effiċjenti.

L-iżvilupp u l-koordinazzjoni tal-politika laħqu livell tajjeb f’għadd ta’ ministeri filwaqt li f’oħrajn jeħtieġ li jittejbu. Jeħtieġ li jiġi aġġornat il-qafas regolatorju għall-iżvilupp tal-politika, sabiex tittejjeb il-kapaċità analitika u biex id-dokumenti tal-ippjanar isiru aktar realistiċi, speċjalment billi jkun hemm allinjament aħjar mal-baġits disponibbli. Il-mekkaniżmu għall-konsultazzjonijiet pubbliċi u interministerjali jeħtieġ li jittejjeb aktar.

Il-ġestjoni tar-responsabbiltà tjiebet b’mod ġenerali, pereżempju billi introduċiet indikaturi tal-prestazzjoni fil-ministeri kollha. Il-qafas legali mhux dejjem jistabbilixxi linji ta’ responsabbiltà u arranġamenti ta’ governanza koerenti bejn il-korpi superviżorji u subordinati. L-awtonomija mogħtija lill-korpi mhux ministerjali ma tiffukax fuq iż-żamma tal-aġenziji responsabbli għar-riżultati.

1.3. Stat tad-dritt

Mir-Rivoluzzjoni tad-Dinjità fl-2014, l-Ukrajna wettqet żewġ ċikli ta’ riformi ġudizzjarji u ta’ kontra l-korruzzjoni (fl-2014-2016 u fl-2020-21) biex tallinja s-sistema ġudizzjarja mal-prinċipji tal-istat tad-dritt, biex issaħħaħ l-indipendenza ġudizzjarja u r-responsabbiltà u tistabbilixxi korpi indipendenti kontra l-korruzzjoni. Dawn ir-riformi kellhom ukoll l-għan li jagħmlu s-sistema aktar effiċjenti u trasparenti. Din il-ħtieġa ta’ riformi rriżultat fl-isfond ta’ indipendenza insuffiċjenti tal-ġudikatura mill-fergħat eżekuttivi u leġiżlattivi, livell baxx ta’ responsabbiltà, livelli għoljin ta’ korruzzjoni u influwenza b’saħħitha ta’ interessi oligarkiċi.

a) Il-ġudikatura

L-Ukrajna bdiet ir-riforma tas-settur tal-ġustizzja u l-approċċ strateġiku rilevanti huwa stabbilit.

Il-Kunsill Ġudizzjarju Għoli huwa l-korp ewlieni responsabbli għall-awtonomija tal-ġudikatura. Il-qafas kostituzzjonali u leġiżlattiv jiggarantixxi l-indipendenza tal-ġudikatura u l-imparzjalità tagħha. Hemm stabbiliti kodiċijiet ta’ etika għall-imħallfin u għall-prosekuturi, kif ukoll sistema integrata ta’ ġestjoni tal-każijiet b’allokazzjoni awtomatizzata tal-każijiet. Il-ħatra tal-imħallfin u tal-prosekuturi hija fil-prinċipju bbażata fuq kriterji oġġettivi u ta’ mertu, wara kompetizzjonijiet pubbliċi. Madankollu, tentattivi ta’ interferenza interna u esterna żejda fuq il-ġudikatura għadhom kwistjoni ta’ tħassib.

L-ewwel ċiklu ta’ riformi tal-ġustizzja li rriżulta f’emendi kostituzzjonali fl-2016 irnexxielu jissimplifika s-sistema tal-qorti minn waħda b’erbgħa livelli għal waħda bi tliet livelli. Huwa impona wkoll eżamijiet ġodda u kontrolli tal-integrità għall-imħallfin kollha li jippresjedu, li wasslu għar-riżenja ta’ aktar minn kwart tal-korp ġudizzjarju, madwar 2 000 imħallef. Il-ġudikatura bħalissa għandha nuqqas serju ta’ persunal, minħabba li l-korp responsabbli għall-proċeduri tal-għażla ġie xolt fi tmiem l-2019. Il-membri l-ġodda tal-Qorti Suprema ġew innominati b’mod trasparenti, madankollu ġew maħtura wkoll xi mħallfin b’integrità dubjuża. Il-ħatriet ġudizzjarji kienu miftuħa għall-professjoni legali kollha u ġiet introdotta sistema ta’ għażla ġudizzjarja aktar trasparenti. Żieda importanti mas-sistema ġudizzjarja kienet l-istabbiliment fl-2019 tal-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni, iffaċilitat minn involviment b’saħħtu tas-soċjetà ċivili tal-Ukrajna u tal-komunità internazzjonali.

Fil-preżent, il-ġudikatura għadha titqies bħala waħda mill-inqas istituzzjonijiet fdati u kredibbli. Fiż-żmien meta faqqgħet il-gwerra, l-Ukrajna kienet wasslet biex tiffinalizza l-implimentazzjoni ta’ riforma ġudizzjarja fundamentali (2020-2022) li twassal għal bidliet sistemiċi, jekk tiġi implimentata bis-sħiħ. L-aspetti ewlenin tar-riformi l-ġodda huma inkorporati fi Strateġija komprensiva ġdida għall-Iżvilupp tas-Sistema Ġudizzjarja u l-Ġudikatura Kostituzzjonali għall-2021-2023.

Fir-rigward tal-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja, l-istampa hija mħallta, b’xejra pożittiva fil-proċedimenti ċivili u kummerċjali u xejra negattiva fil-proċedimenti amministrattivi. L-akbar kwistjoni hija x-xogħol b’lura ta’ 578 750 kawża b’mod ġenerali (fl-2018), li hija problema b’mod partikolari fir-rigward tal-Qorti Suprema (bħalissa xogħol b’lura ta’ 24 000 kawża). Iż-żmien għar-riżoluzzjoni tal-kawża f’kawżi kontenzjużi ċivili u kummerċjali naqas għal 122 jum fl-2020, meta mqabbel ma’ 129 jum fl-2018 li jikkorrispondi għal livell standard ta’ effiċjenza. Ir-rata tal-ikklirjar żdiedet għal 98 % (97 % fl-2018)

Il-baġit ġenerali għall-2018 kien ta’ 632,1 miljun (0,56 % tal-PDG). Għalkemm 78 % tal-baġit tal-qrati jintefaq fuq salarji u kumpensi, ġew allokati fondi limitati ħafna għall-ħtiġijiet ta’ investiment (0,2 %) u għat-taħriġ (0,004 %). L-Ukrajna għandha 13-il imħallef u 21 prosekutur għal kull 100 000 abitant, meta mqabbla ma’ medja Ewropea ta’ 21 imħallef u 12-il prosekutur għal kull 100 000 abitant 4 .

F’Lulju 2021, ġiet adottata leġiżlazzjoni ġdida li tintroduċi kontrolli tal-integrità u tal-etika professjonali għall-korpi ewlenin tal-governanza ġudizzjarja (il-Kunsill Għoli tal-Ġustizzja, li r-responsabbiltajiet ewlenin tiegħu jinkludu ħatriet u tkeċċijiet ta’ mħallfin, u l-Kummissjoni Għolja għall-Kwalifiki tal-Imħallfin li tmexxi l-proċeduri tal-għażla għall-imħallfin il-ġodda), f’konformità sħiħa mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja. Il-korpi inkarigati mill-kontrolli tal-integrità ġew stabbiliti u bdew ix-xogħol tagħhom. Wara sospensjoni tax-xogħlijiet mill-24 ta’ Frar 2022, bil-gwerra għaddejja, il-kontroll tal-integrità tal-membri attwali tal-HCJ ġie ffinalizzat fis-7 ta’ Mejju 2022; minn 21 membru tal-HCJ, għad fadal biss tlieta. Dawn ir-riformi għandhom il-potenzjal mhux biss li jibnu ġudikatura indipendenti u responsabbli, iżda wkoll li jnaqqsu l-influwenza tal-interessi personali li użaw is-sistema attwali ta’ governanza ġudizzjarja biex jimminaw l-istat tad-dritt fl-Ukrajna. 

Sabiex tiġi indirizzata l-problema sistemika tan-nuqqas ta’ infurzar tad-deċiżjonijiet tal-qorti domestika, fl-2020, il-Gvern adotta Strateġija dwar ir-riżoluzzjoni tan-nuqqas ta’ infurzar tad-deċiżjonijiet tal-qorti fejn entità tal-Istat jew intrapriża tal-Istat tkun debitur. Fl-2021, il-Parlament adotta l-abbozz tal-liġi li jirriforma l-infurzar tad-deċiżjonijiet tal-qorti fl-ewwel qari.

Fi tmiem l-2019, tnediet riforma ambizzjuża tas-servizz ta’ prosekuzzjoni. L-element ewlieni tagħha kien l-eżaminar tal-11 700 prosekutur kollha fil-livell ċentrali, reġjonali u lokali abbażi ta’ kriterji ta’ professjonaliżmu u integrità. 30 % tal-prosekuturi fallew l-attestazzjoni u kellhom jitilqu mis-servizz. Infetħu madwar 2 000 każ tal-qorti li kkontestaw l-eżitu tal-attestazzjoni individwali u l-proċedimenti tal-qorti fil-biċċa l-kbira ta’ dawn il-każijiet għadhom għaddejjin. Fl-2021, il-Prosekutur Ġenerali introduċa b’suċċess proċedura ġdida għall-għażla trasparenti u bbażata fuq il-mertu tal-prosekuturi fil-livell tal-maniġment. Fl-2022, bdiet il-ħidma biex din il-proċedura interim tinbidel f’waħda permanenti, u tittejjeb is-sistema dixxiplinarja għall-prosekuturi.

b) Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni

Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni kienu partikolarment ta’ prijorità fuq l-aġenda tar-riforma tal-Ukrajna mir-Rivoluzzjoni tad-Dinjità. Aktar trasparenza u miżuri preventivi ġabu riżultati tanġibbli fit-tnaqqis tal-ispazju għall-korruzzjoni f’diversi setturi. Madankollu, għad hemm ħafna sfidi. Il-korruzzjoni għadha sfida serja li tirrikjedi attenzjoni kontinwa peress li timponi kostijiet sinifikanti fuq il-baġit tal-Istat, fuq in-negozji u fuq il-popolazzjoni, tiskoraġġixxi l-investiment domestiku u barrani u timmina l-istat tad-dritt.

Il-pajjiż huwa parti għall-konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin kollha kontra l-korruzzjoni, inkluża l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC). Għadd ta’ rakkomandazzjonijiet mill-mekkaniżmi internazzjonali rilevanti ta’ monitoraġġ kontra l-korruzzjoni, inkluż il-GRECO, għadhom pendenti. Kull forma ta’ korruzzjoni hija kkriminalizzata, inkluż l-arrikkiment illeċitu, u l-liġijiet jirregolaw il-kunflitt ta’ interessi, jipproteġu lill-informaturi u jiżguraw finanzjament trasparenti tal-partijiet pubbliċi. Wara proċess ta’ abbozzar inklużiv, ġiet elaborata strateġija nazzjonali ġdida kontra l-korruzzjoni b’enfasi fuq is-setturi rilevanti, għalkemm l-adozzjoni finali tagħha mill-Verkhovna Rada għadha pendenti. Il-pjanijiet ta’ integrità u l-kodiċi ta’ etika huma stabbiliti f’partijiet ewlenin tal-amministrazzjoni pubblika u tal-ġudikatura bl-infurzar tagħhom żgurat b’mod gradwali permezz ta’ unitajiet ta’ kontroll intern u korpi dixxiplinari rispettivi.

L-Ukrajna segwiet b’suċċess riformi ewlenin biex tipprevjeni l-korruzzjoni u tipproteġi l-baġit tal-Istat, b’mod partikolari fir-rigward tal-akkwist pubbliku, it-twassil tas-servizz pubbliku, l-enerġija u s-setturi bankarji u tas-saħħa. L-istudji vvalutaw l-iffrankar reali ta’ dawn il-miżuri għal madwar sitta fil-mija tal-PDG kull sena. Sistemi elettroniċi trasparenti u komprensivi għad-dikjarazzjonijiet tal-assi għall-uffiċjali pubbliċi bdew joperaw fl-2016. Dawn jippermettu verifiki awtomatiċi u aċċess pubbliku għad-dikjarazzjonijiet ippreżentati. Bl-istess mod, ġiet introdotta sistema elettronika internazzjonali ġdida għall-akkwist pubbliku rebbieħa ta’ premjijiet Pro-Zorro (u l-spin-off tagħha Pro-Zorro Sale) biex tingħata spinta lit-trasparenza fi proċessi ta’ akkwist preċedentement mhux trasparenti. Kull sena, skont sorsi affidabbli, dawn is-sistemi pproduċew iffrankar reali ta’ wieħed fil-mija tal-PDG u se jkomplu jagħmlu dan.

Wara l-2014, is-soċjetà ċivili tal-Ukrajna u l-komunità internazzjonali kellhom rwol ewlieni ta’ abilitazzjoni fl-istabbiliment ta’ istituzzjonijiet speċjalizzati kontra l-korruzzjoni, jiġifieri l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ Kontra l-Korruzzjoni (NABU), l-Uffiċċju Speċjalizzat ta’ Prosekuzzjoni Kontra l-Korruzzjoni (SAPO), l-Aġenzija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni (NAPC), l-Aġenzija għall-Irkupru u l-Ġestjoni tal-Assi (ARMA) u l-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni (HACC). Dawn l-istituzzjonijiet għandhom mandati komprensivi f’konformità mal-istandards internazzjonali u joperaw b’mod dejjem aktar indipendenti, bir-riżorsi meħtieġa fil-biċċa l-kbira tagħhom stabbiliti, filwaqt li l-koordinazzjoni bejn l-aġenziji tista’ tittejjeb. Xi wħud minn dawn l-aġenziji bdew l-operazzjonijiet ta’ suċċess qabel (eż. NABU, HAAC) oħrajn (eż. SAPO, NAPC). L-indipendenza tal-istituzzjonijiet kollha ta’ kontra l-korruzzjoni għadha kruċjali. Il-kapijiet tagħhom għandhom jintgħażlu f’kompetizzjonijiet trasparenti u bbażati fuq il-kompetenza fejn tkun qed tiġi vverifikata wkoll l-integrità tal-kandidati potenzjali. Huwa partikolarment importanti li l-ħatra ta’ kap ġdid tal-SAPO titlesta b’urġenza permezz taċ-ċertifikazzjoni tar-rebbieħ identifikat tal-kompetizzjoni u li titwettaq l-għażla u l-ħatra tad-direttur tal-NABU.

Mil-lat ta’ prevenzjoni, l-NAPC għandha l-mandat tal-kunflitti ta’ interess, il-verifika tal-assi ddikjarati, l-awditjar tal-infiq tal-partiti politiċi u l-protezzjoni tal-informaturi. Fejn jidħol l--infurzar tal-liġi, l-NABU huwa fost l-aktar istituzzjonijiet fdati u żviluppa dejjem aktar il-kapaċitajiet istituzzjonali tiegħu u attitudni proattiva biex jiġu indirizzati l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni li jinvolvu uffiċjali ta’ livell għoli. Intużat sistema moderna ta’ ġestjoni tal-każijiet elettroniċi mill-NABU, l-SAPO u l-HACC biex jiġu ffaċilitati l-investigazzjonijiet u l-aġġudikazzjoni ta’ każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli. L-istabbiliment tal-HACC fl-2019 permezz ta’ reklutaġġ trasparenti u bbażat fuq il-mertu tal-imħallfin u tal-persunal iffaċilita bil-kbir il-ħidma tal-istituzzjonijiet kontra l-korruzzjoni u wassal għal aġġudikazzjoni ġenerali aktar effettiva tal-każijiet tal-korruzzjoni.

Filwaqt li l-Ukrajna għamlet kisbiet notevoli, mil-lat ta’ prevenzjoni, fl-indirizzar tal-korruzzjoni, il-lat ta’ repressjoni jeħtieġ li jissaħħaħ b’mod konsiderevoli. L-għadd ta’ uffiċjali ta’ livell għoli mressqa quddiem il-ġustizzja għall-korruzzjoni għadu limitat. L-investigazzjonijiet tal-korruzzjoni xi drabi ma jkunux imparzjali u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jesperjenzaw interferenzi politiċi.

Fir-rigward tar-rekord ta’ każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli, mill-2019, l-HACC ħarġet total ta’ 72 verdett, li minnhom 39 huma kundanni finali, inkluż kontra membri tal-parlament, imħallfin, prosekuturi, membri tal-kunsilli lokali u kapijiet ta’ intrapriżi tal-Istat.

L-hekk imsejħa “liġi kontra l-Oligarki” ġiet ippromulgata f’Novembru 2021, bl-objettiv strateġiku li tiġi limitata l-influwenza eċċessiva tal-oligarki, billi jitnaqqas ir-rwol tagħhom fil-ħajja ekonomika, politika u pubblika tal-Ukrajna. L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti hija kruċjali.

c) Il-kriminalità organizzata

Fl-2019 saret riforma kbira tal-pulizija. Din kellha l-għan li żżid il-fiduċja tal-pubbliku fil-pulizija u ssaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jittrattaw il-kriminalità organizzata. Ġew stabbiliti unitajiet speċjalizzati tal-pulizija biex jittrattaw it-terroriżmu, iċ-ċiberkriminalità u d-drogi. Il-Ministeru tal-Intern jaġixxi bħala koordinatur nazzjonali dwar il-kriminalità organizzata. Madankollu, il-pulizija għadha ssofri minn livell baxx ta’ tagħmir u għarfien espert biex twettaq investigazzjonijiet finanzjarji kumplessi. Ir-riforma tal-pulizija trid titkompla, inkluża l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ ġestjoni verament professjonali.

L-Ukrajna rratifikat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali, kif ukoll il-protokolli tagħha dwar it-Traffikar ta’ Bnedmin u dwar il-Kuntrabandu ta’ Migranti. Il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż kontra l-ħasil tal-flus tirrifletti parzjalment l-istandards tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) u l-leġiżlazzjoni internazzjonali rilevanti iżda għad hemm rakkomandazzjonijiet pendenti mill-Kumitat ta’ Esperti tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Evalwazzjoni tal-Miżuri Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (MONEYVAL), li hija r-raġuni għaliex l-Ukrajna kienet qed tirrapporta lill-MONEYVAL taħt proċedura ta’ segwitu msaħħa. Huma meħtieġa aktar riformi biex tittejjeb il-konformità tal-Ukrajna mal-istandards tal-FATF, b’mod partikolari dawk relatati mal-assi virtwali, is-sjieda benefiċjarja aħħarija, u s-superviżjoni ta’ negozji u professjonijiet mhux bankarji. L-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ skemi ewlenin ta’ ħasil tal-flus għandhom jimxu ’l quddiem. L-istabbiliment ta’ qafas komprensiv għall-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja u l-ħasil tal-flus, u l-iżgurar tal-implimentazzjoni effettiva tiegħu, huma kruċjali biex jiġu indirizzati r-riskji sinifikanti li joħolqu. Hija stabbilita Aġenzija għall-Irkupru u l-Ġestjoni tal-Assi (ARMA), madankollu, l-Aġenzija ilha mingħajr Kap permanenti mill-aħħar tal-2019. Il-leġiżlazzjoni relatata mal-ġestjoni tal-assi sekwestrati għandha tittejjeb u għandha tiġi adottata strateġija nazzjonali rilevanti dwar l-irkupru tal-assi.

Fil-livell nazzjonali, l-Ukrajna approvat Strateġija dwar il-Ġlieda kontra l-Kriminalità Organizzata fl-2020; il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Istrateġija qed jiġi żviluppat u approvat aktar. Fl-2022 ġie adottat regolament tal-gvern dwar Valutazzjonijiet ta’ Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata (SOCTA) u t-Task Forces Reġjonali għall-Valutazzjoni ta’ Theddid mill-Kriminalità Organizzata (ROCTAFs) tnedew mal-pajjiż kollu.

L-Ukrajna għandha arranġament ta’ ħidma stabbilit mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL), ftehim operazzjonali u strateġiku mal-Aġenzija tal-infurzar tal-liġi tal-Unjoni Ewropea (Europol) u Memorandum ta’ Qbil maċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA). L-Ukrajna tipparteċipa b’mod attiv fil-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT) u hija membru tal-Interpol. Hija tipparteċipa fi Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunta ffaċilitati mill-EUROJUST.

Il-pajjiż jinsab f’salib it-toroq importanti ta’ kuntrabandu ta’ oġġetti illegali lejn l-UE, inklużi l-armi u d-droga. Il-qtugħ illegali tas-siġar kien mifrux u minkejja l-isforzi li saru f’dawn l-aħħar snin, il-kummerċ illegali tal-injam għadu jippersisti. L-Ukrajna hija wkoll pajjiż ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni għat-traffikar ta’ bnedmin. L-għadd ta’ investigazzjonijiet kriminali kompluti relatati ma’ reati mwettqa minn gruppi organizzati u organizzazzjonijiet kriminali żdied bil-mod f’dawn l-aħħar snin iżda għadu relattivament baxx (2021 – 499 każ; 2020 – 377 każ; 2019 – 293 każ), b’mod partikolari relatati ma’ allegazzjonijiet ta’ traffikar ta’ bnedmin (2021 – 45 każ; 2020 – 57 każ; 2019 – 10 każi).

B’mod ġenerali, ir-riforma tal-ambjent tal-infurzar tal-liġi trid titkompla abbażi ta’ pjan strateġiku ġenerali.

1.4. Drittijiet fundamentali

a) Il-qafas internazzjonali

L-Ukrajna rratifikat l-istrumenti internazzjonali ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem u l-qafas legali u istituzzjonali domestiku tagħha li jirregola d-drittijiet fundamentali jsegwi b’mod wiesa’ l-istandards Ewropej u internazzjonali. Il-pajjiż ma rratifikax il-Konvenzjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul).

b) L-istruttura legali u istituzzjonali

Il-qafas legali u istituzzjonali li jirregola d-drittijiet fundamentali huwa fis-seħħ u l-liġijiet ġeneralment isegwu l-istandards Ewropej u internazzjonali. Madankollu, l-implimentazzjoni għandha tittejjeb u l-kapaċità tal-istituzzjonijiet inkarigati mill-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ azzjoni eżistenti għadhom limitati. Dan xi drabi jimpedixxi l-infurzar effettiv tad-drittijiet tal-bniedem.

Fl-2021, l-Ukrajna adottat Strateġija Nazzjonali ġdida dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għall-2021-2023 u Pjan ta’ Azzjoni biex jissaħħu l-isforzi biex l-istrutturi u l-proċeduri tal-amministrazzjoni pubblika tagħha jiġu allinjati mal-qafas internazzjonali.

L-istituzzjoni tal-Ombudsman – il-Kummissarju tal-Parlament tal-Ukrajna għad-Drittijiet tal-Bniedem – hija maħtura bħala l-Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u akkreditata bi status “A” mill-Alleanza Globali tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem bħala li tikkonforma fil-biċċa l-kbira tagħha mal-Prinċipji ta’ Pariġi.

c) Kwistjonijiet ewlenin dwar id-drittijiet fundamentali

Il-pajjiż għandu 501 sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem taħt proċedura ta’ superviżjoni msaħħa li qed jistennew li jiġu infurzati. Il-maġġoranza tal-każijiet huma ripetittivi u għandhom x’jaqsmu mal-ksur tad-dritt għal rimedju effettiv, it-tul tal-proċedimenti kriminali, it-trattament ħażin inklużi kundizzjonijiet ta’ detenzjoni ħżiena, it-tul tal-arrest preventiv u d-dritt għal-libertà u s-sigurtà.

Iċ-ċittadini tal-Ukrajna jibbenefikaw mil-libertà ta’ espressjoni u hemm spazju ċiviku pubbliku vibranti. Il-libertà tal-media tjiebet ukoll b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin, speċjalment bis-saħħa tal-media online. Il-media kkontrollata minn oligarki għandha influwenza sproporzjonata, b’mod partikolari fis-segment tat-televiżjoni. L-Ukrajna sabet bilanċ ġenerali tajjeb bejn il-preservazzjoni tal-libertà tal-media u l-miżuri kontra attakki ta’ diżinformazzjoni ibridi u massivi Russi mifruxa, li qed jiġu mmultiplikati minn xi mezzi tal-media lokali.

Il-Kostituzzjoni tal-Ukrajna tiggarantixxi l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni, u l-Kodiċi Kriminali u diversi liġijiet kriminali fihom dispożizzjonijiet awtonomi dwar reati ta’ mibegħda. Madankollu, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru ma humiex rikonoxxuti bħala raġunijiet protetti fil-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni. Il-leġiżlazzjoni meħtieġa għall-allinjament mal-acquis tal-UE hija identifikata fl-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem 2021-2023, iżda għad trid tiġi implimentata.

L-Ukrajna qed tagħmel progress gradwali fir-rigward tal-aġenda tagħha dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, b’rappreżentanza politika akbar tan-nisa (20,5 % tad-deputati parlamentari eletti fl-2019 huma nisa) għalkemm id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa għadha tippersisti bin-nisa b’mod ġenerali jaqilgħu 23 % inqas mill-irġiel bħala medja fl-2019. L-Ukrajna ma rratifikatx il-Konvenzjoni ta’ Istanbul, filwaqt li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għadha kwistjoni ta’ tħassib. Hemm żieda fit-tolleranza u fl-aċċettazzjoni ta’ persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneri, intersesswali jew queer (LGBTIQ) fis-soċjetà tal-Ukrajna u l-infurzar tal-liġi huwa ta’ appoġġ fil-protezzjoni tal-eventi tal-LGBTIQ.

L-Ukrajna ħadet diversi inizjattivi legali biex ittejjeb id-drittijiet tat-tfal u rratifikat il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal kif ukoll issieħbet fit-tliet Protokolli Fakultattivi tal-Konvenzjoni. Hija approvat ukoll l-Impenji ta’ Pariġi biex it-tfal jiġu protetti minn reklutaġġ jew użu illegali minn gruppi armati. Fl-istess ħin, l-Ukrajna għandha waħda mill-ogħla rati ta’ istituzzjonalizzazzjoni tat-tfal fid-dinja (madwar 1,5 % tat-tfal kollha), li huwa ta’ tħassib serju u jeħtieġ li jiġi indirizzat b’urġenza. Bl-istess mod, għad hemm nuqqas ta’ riżorsi fl-appoġġ għall-persuni b’diżabilità (madwar 6 % tal-popolazzjoni) u jeħtieġ li jiġi implimentat proċess ta’ deistituzzjonalizzazzjoni għat-tranżizzjoni lejn kura bbażata fil-komunità ta’ persuni b’diżabilità.

Id-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għall-minoranzi huma ggarantiti b’mod kostituzzjonali fl-Ukrajna. Ir-rispett għad-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali fil-qasam tal-edukazzjoni u l-lingwa u r-rappreżentanza tagħhom f’korpi eletti fil-livelli kollha tal-ħajja pubblika jeħtieġ li jiġu żgurati billi jiġu implimentati bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-liġi dwar l-edukazzjoni, l-implimentazzjoni ta’ dawk dwar il-liġi tal-Istat dwar il-lingwa u l-kunsiderazzjoni tal-aħħar ċiklu ta’ monitoraġġ tal-Konvenzjoni Qafas tal-Minoranzi Nazzjonali. Filwaqt li l-Ukrajna ħadet passi biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja, teħtieġ li tiffinalizza r-riforma tagħha tal-qafas legali għall-minoranzi nazzjonali u tadotta mekkaniżmi effettivi ta’ implimentazzjoni.

In-nuqqasijiet preċedenti fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tat-tortura u tat-trattament ħażin mill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi qed jiġu indirizzati mill-ħolqien tad-Dipartiment għas-Sorveljanza Proċedurali tal-Każijiet Kriminali tat-Tortura u Ksur Serju Ieħor mill-Infurzar tal-Liġi fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali f’Ottubru 2019. Hemm nuqqas ta’ persunal fil-ġudikatura fl-Ukrajna, u dan jipprevjeni l-konklużjoni ta’ proċessi fi żmien raġonevoli u jwassal għal nuqqas ta’ rimedju effettiv għall-vittmi ta’ reati serji. Barra minn hekk, is-sistema penitenzjarja ma għandhiex biżżejjed riżorsi u l-kundizzjonijiet f’postijiet ta’ ċaħda tal-libertà huma ħżiena.

2. KRITERJI EKONOMIĊI

Din il-valutazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta’ Copenhagen relatati mal-eżistenza ta’ ekonomija tas-suq li tiffunzjona u l-kapaċità li treġi għall-pressjoni tal-kompetizzjoni u l-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjoni. 5

2.1. Ekonomija tas-suq li tiffunzjona

Il-PDG per capita fl-Ukrajna kien jirrappreżenta 29,8 % tal-medja tal-UE fl-2020. Il-gvern għandu rekord sodisfaċenti fit-twettiq ta’ politiki makroekonomiċi ġeneralment sodi, fl-isfond ta’ kooperazzjoni ta’ suċċess f’nofs it-terminu ma’ sħab internazzjonali u reżiljenza b’saħħitha mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja (u huwa ta’ min jinnota kif il-gvern kompla jiżgura l-istabbiltà makroekonomika anke matul il-gwerra). Madankollu, l-iżviluppi ekonomiċi u ta’ politika ġew miżmuma minn implimentazzjoni kemxejn irregolari tar-riformi strutturali, li spiss tirrifletti n-nuqqas ta’ kunsens politiku u interferenza regolari minn interessi personali, li dewmu r-riformi, eż. bl-għan li jittejjeb l-ambjent tan-negozju, tissaħħaħ ir-responsabbiltà tal-finanzi pubbliċi jew tal-leġiżlazzjoni dwar l-ambjent u l-azzjoni klimatika.

Fil-fatt, l-awtoritajiet tal-Ukrajna wrew impenn b’saħħtu biex isegwu politiki makroekonomiċi orjentati lejn l-istabbiltà mir-Rivoluzzjoni ta’ Maidan. Il-gvern segwa konsolidazzjoni fiskali ambizzjuża li naqqset bin-nofs id-defiċit pubbliku għal madwar 2 % tal-PDG bħala medja mill-2015 u rnexxielu jillimita l-effett negattiv tar-reċessjoni minħabba l-COVID-19 fuq il-finanzi pubbliċi. Is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku, appoġġata minn tkabbir tal-PDG nominali b’saħħtu, tjiebet b’mod partikolari, peress li l-proporzjon tad-dejn naqas b’aktar minn 30 punti perċentwali għal anqas minn 50 % tal-PDG fl-2021. Fl-2016, il-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna introduċa u sussegwentement ġestixxa b’suċċess il-qafas tiegħu mmirat lejn l-inflazzjoni, u b’hekk ippreserva l-istabbiltà tar-reġim flessibbli tar-rata tal-kambju u tejjeb il-fiduċja fil-munita nazzjonali. Madankollu, il-kuntest tal-gwerra jqajjem sfidi ġodda fir-rigward tal-inflazzjoni, li tnaqqset b’mod sinifikanti matul l-aħħar ħames snin għal 2,7 % fl-2020 qabel ma laħqet 9,4 % fl-2021. Il-livelli baxxi b’mod kroniku ta’ investiment domestiku u barrani jammontaw għat-tkabbir ekonomiku reali pjuttost imrażżan ta’ madwar 3 % fis-sena fl-erba’ snin qabel il-pandemija u d-differenza relattiva persistenti sussegwenti għall-istandards tal-għajxien fl-UE.

Dgħufijiet kbar persistenti fl-ambjent tan-negozju huma l-kawża ewlenija għan-nuqqas ta’ investiment. Fl-2019, l-Ukrajna kklassifikat fil-85 post fl-indiċi ta’ kompetittività globali tal-Forum Ekonomiku Dinji, primarjament minħabba istituzzjonijiet dgħajfa, il-prevalenza għolja ta’ dominanza tas-suq u politika ineffettiva kontra l-monopolju. Madankollu, il-kanċellazzjoni ta’ kważi wieħed minn kull ħamsa tal-atti regolatorji li qed jiġu rieżaminati fil-perjodu 2016-2020 wasslet għal xi progress fid-deregolamentazzjoni. Minkejja piż regolatorju moderat u l-ebda ostaklu legali sinifikanti għad-dħul fis-suq, il-korruzzjoni hija mifruxa u, flimkien ma’ sistema tal-qorti li għadha ma ġietx riformata bis-sħiħ, tirriżulta f’livell baxx ta’ infurzar tal-kuntratti, li jiskoraġġixxi l-intraprenditorija u r-relazzjonijiet kummerċjali transfruntiera. Minkejja ħafna inċertezza fl-istimi u fit-titjib f’dawn l-aħħar snin, is-sehem tal-ekonomija informali għadu sinifikanti u jista’ jilħaq sa terz tal-attività ekonomika fl-Ukrajna.

B’aktar minn 3 500 intrapriża tal-Istat (SOEs) fil-livell tal-gvern ċentrali, li jammontaw għal 10 % tal-output u madwar 18 % tal-impjiegi, l-impronta tal-Istat fl-Ukrajna hija konsiderevoli, filwaqt li l-SOEs huma wkoll riċevituri tal-għajnuna mill-Istat. Ir-riforma tal-governanza korporattiva tal-SOEs għamlet progress tajjeb fid-dawl tal-allinjament tagħha mal-istandards internazzjonali biex tiġi żgurata ġestjoni indipendenti, professjonali u trasparenti orjentata lejn il-profitt. F’dan il-kuntest, Privatbank ġie nnazzjonalizzat fl-2016 bħala riżultat ta’ frodi enormi. Madankollu, ir-redditu medju fuq l-ekwità fl-SOEs baqa’ ta’ 0,3 % fl-2019 6 , meta mqabbel ma’ 8 % fis-settur privat. Il-privatizzazzjoni pjuttost b’suċċess tal-assi żgħar tal-proprjetà u tal-produzzjoni, b’mod partikolari permezz ta’ rkantijiet elettroniċi, għad trid issir katalizzatur għall-privatizzazzjoni fuq skala kbira.

L-istabbiltà tas-settur finanzjarju ġiet imsaħħa mir-riforma regolatorja u superviżorja mill-kriżi bankarja tal-2014-2016, appoġġata minn tnaqqis konsiderevoli fis-self improduttiv minn 58 % fl-2017 għal 30 % fl-2021 u r-rikapitalizzazzjoni tal-banek għal livelli adegwati. B’sehem mis-suq ta’ kważi 50 % matul l-aħħar ħames snin, l-erba’ banek tal-Istat jiddominaw is-settur bankarju. Madankollu, l-intermedjazzjoni finanzjarja għadha baxxa, bis-self bankarju lis-settur privat li jammonta biss għal 19 % tal-PDG fl-2021. Is-swieq kapitali u l-intermedjazzjoni finanzjarja mhux bankarja huma fi stadju bikri ħafna ta’ żvilupp u ma joffrux għażliet ta’ finanzjament vijabbli lill-kumpaniji. Wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, il-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna ħa passi xierqa biex jissalvagwardja l-likwidità tal-banek u l-fiduċja fis-sistema.

Leġiżlazzjoni mhux riformata li ntirtet li ma hijiex flessibbli kienet qed tfixkel il-funzjonament tas-suq tax-xogħol. Madwar 3 miljun persuna, jew kważi 20 % tal-impjegati kollha, kienu f’impjieg informali fl-2021. Ir-rata tal-qgħad baqgħet relattivament baxxa għal madwar 9 % fl-aħħar snin u ċ-ċiklu ekonomiku ma kellu l-ebda impatt kbir fuqha. Ir-rata tal-attività ekonomika kienet ferm ogħla minn xi pari reġjonali u baqgħet relattivament l-istess għal madwar 62 % (56 % għan-nisa) mill-2014, fil-kuntest ta’ emigrazzjoni sinifikanti tax-xogħol. Fil-fatt, skont l-estimi tal-2019, madwar 2,5 miljun Ukren u Ukrena, jew kważi 15 % tal-impjiegi totali, kienu qed jgħixu u jaħdmu barra mill-pajjiż. Din l-emigrazzjoni tal-ħaddiema wasslet għall-flussi konsiderevoli ta’ rimessi, li qabżu b’mod persistenti l-flussi ta’ investiment dirett barrani bi kważi erba’ darbiet.

2.2. Kapaċità li treġi għall-pressjoni tal-kompetizzjoni u l-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjon

Sistema edukattiva żviluppata sew kienet tirrappreżenta rata ta’ litteriżmu ta’ kważi 100 % u medja pjuttost sodisfaċenti tal-valutazzjoni PISA tal-2018 fejn l-Ukrajna kisbet punteġġ fil-grad 40 minn 78 pajjiż. Minkejja n-nefqa konsiderevoli tal-gvern fis-settur (5,7 % tal-PDG fl-2021) u proporzjon ta’ reġistrazzjoni grossa fl-edukazzjoni terzjarja ta’ aktar minn 80 %, il-kurrikuli u l-kwalità ġenerali jistgħu jkunu allinjati aħjar mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. In-nefqa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp, li hija fil-biċċa l-kbira tagħha kkonċentrata fis-settur pubbliku u li kienet qed tonqos matul l-aħħar għaxar snin għal inqas minn 0,5 % fl-2020, baqgħet insuffiċjenti biex iżżid il-kapital uman b’mod sostenibbli.

Diġà qabel id-dannu sinifikanti kkawżat mill-gwerra Russa ta’ aggressjoni, l-istat tal-infrastruttura fiżika fl-Ukrajna kien jirrifletti livell baxx b’mod persistenti ta’ akkumulazzjoni ta’ kapital ġenerali, bil-proporzjon ta’ investiment f’medja ta’ madwar 17 % tal-PDG mir-rivoluzzjoni ta’ Maidan. Il-qerda kkawżata mill-gwerra hija immensa u tammonta għal mijiet ta’ biljuni ta’ euro. Wara l-gwerra, se jkun kruċjali mhux biss li dak li kien jeżisti jiġi restawrat, iżda wkoll li “jinbena mill-ġdid aħjar” b’rabta ċara mal-aġenda wiesgħa ta’ riforma fit-triq Ewropea tal-Ukrajna, sabiex tkun tista’ ssir it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tal-Ukrajna. It-tul tat-triq u l-produzzjoni tal-elettriku per capita kienu jirrappreżentaw, rispettivament, 48 % u 57 % tal-medja tal-UE fl-2020. Il-grad ta’ użu tan-networks tad-distribuzzjoni tal-elettriku kien stmat għal kważi 50 %. Minkejja t-tkabbir notevoli tas-settur tal-ICT fl-aħħar snin, il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji jużaw biss għodod u teknoloġiji diġitali bażiċi.

F’livell moderat ta’ diversifikazzjoni, l-istruttura tal-ekonomija tal-Ukrajna ftit li xejn inbidlet mill-2014 u baqgħet ikkonċentrata f’setturi b’valur miżjud baxx. Is-sehem tal-manifattura fil-PDG naqas minn 12,2 % fl-2014 għal 10,3 % fl-2021. Il-kummerċ (13,8 % tal-PDG), l-agrikoltura (10,8 % tal-PDG) u l-estrazzjoni minerarja (6,7 % tal-PDG) kienu l-aktar tliet setturi importanti l-oħra fl-2021. Fl-istess ħin, is-setturi tal-kummerċ, tal-agrikoltura u tal-industrija kienu jirrappreżentaw kważi 60 % tal-impjiegi, u b’hekk hija ssuġġerita produttività tax-xogħol aktar baxxa meta mqabbla mal-partijiet l-oħra tal-ekonomija.

Il-ftuħ ġenerali tal-ekonomija ilu jonqos matul l-aħħar snin, bi tnaqqis fil-kummerċ barrani fl-oġġetti u s-servizzi bħala sehem tal-PDG bi kważi kwart mill-2015 għal 82,6 % tal-PDG fl-2021. Madankollu, l-integrazzjoni ekonomika mal-UE kompliet tagħmel progress bis-saħħa tal-implimentazzjoni tal-AA/DCFTA. L-ambitu tal-esportazzjonijiet tal-Ukrajna lejn l-UE kien twessa’ mill-2015, anke f’termini tan-numru ta’ ditti esportaturi (14 238 kumpanija ta’ esportazzjoni fl-2021, jiġifieri 22 % aktar milli fl-2015). Is-sehem tal-esportazzjonijiet lejn l-UE, li kkonsista l-aktar minn prodotti agrikoli, metalli u minerali, żdied minn 28 % fl-2015 għal 36 % fl-2021. Is-sehem tal-importazzjonijiet mill-UE, li kien magħmul primarjament minn magni, sustanzi kimiċi u minerali, issaħħaħ ukoll minn 36 % fl-2015 għal 41 % fl-2021. Bħala membru tad-WTO mill-2008, l-Ukrajna għandha politika kummerċjali relattivament miftuħa.

3. KAPAĊITÀ LI L-PAJJIŻ JASSUMI L-OBBLIGI TAS-SĦUBIJA

Il-kapaċità tal-Ukrajna li tassumi l-obbligi tas-sħubija ġiet evalwata abbażi tal-indikaturi li ġejjin:

-L-impenji fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u fiż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva u l-implimentazzjoni tagħhom;

-Il-livell ta’ adozzjoni, implimentazzjoni u infurzar tal-acquis barra l-AA/DCFTA.

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna, inkluża Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (AA/DFCTA), jappartjeni għal ġenerazzjoni ġdida ta’ ftehimiet ta’ assoċjazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi sħab. 21 mill-annessi/l-appendiċijiet tiegħu fihom listi ta’ biċċiet speċifiċi tal-acquis bi skeda dettaljata ta’ implimentazzjoni li tvarja minn sentejn sa 10 snin. Għalhekk, il-Ftehim jiġbor parti sostanzjali mill-acquis tal-UE. Impenn b’saħħtu mill-Ukrajna għall-implimentazzjoni tal-AA/DCFTA wassal għal kooperazzjoni bilaterali msaħħa u integrazzjoni ekonomika gradwali mal-Unjoni Ewropea f’firxa wiesgħa ta’ setturi. In-natura dinamika tal-Ftehim ġiet sfruttata permezz tal-aġġornament tal-annessi, biex jiġi kopert ukoll acquis tal-UE aktar reċenti minn dak inizjalment inkluż fil-Ftehim. L-annessi li ġejjin ġew aġġornati dan l-aħħar: L-Anness XXVII dwar l-enerġija, l-Anness XXI dwar l-akkwist pubbliku, l-Anness V dwar il-miżuri sanitarji u fitosanitarji u l-Anness XVII dwar is-servizzi fi 3 setturi: is-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tal-posta u tal-kurrier, u s-servizzi internazzjonali tat-trasport marittimu. Intlaħaq ftehim preliminari dwar l-Anness XXXI dwar l-azzjoni klimatika, l-Anness XV dwar l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali u l-Anness XLIV dwar il-kooperazzjoni finanzjarja mad-dispożizzjonijiet kontra l-frodi.

Fl-2020, l-UE u l-Ukrajna nedew ir-Rieżami Komprensiv tal-Kisbiet tal-Objettivi tal-Ftehim skont l-Artikolu 481 tal-AA sabiex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-potenzjal tal-AA/DCFTA.

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna jipprovdi struttura istituzzjonali komprensiva għad-djalogu bilaterali u għall-monitoraġġ tal-proċess tal-approssimazzjoni u l-implimentazzjoni gradwali tal-leġiżlazzjoni tal-Ukrajna mal-acquis tal-UE. Dan jinkludi laqgħat annwali tas-Summit fl-ogħla livell politiku, fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni u fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ, f’Sottokumitati speċjali f’ħames oqsma, kif ukoll f’sitt Sottokumitat ta’ Raggruppamenti speċjali li jkopru kważi l-kapitoli kollha tal-acquis tal-UE. Il-passi li ħa l-gvern tal-Ukrajna fl-implimentazzjoni tal-Ftehim jikkonfermaw ukoll il-kapaċità tiegħu li jimplimenta l-acquis rilevanti tal-UE inkluż l-istabbiliment ta’ qafas ta’ koordinazzjoni interistituzzjonali adegwat. Fl-2016 inħolqot kariga ta’ Viċi Prim Ministru għall-integrazzjoni tal-UE u tal-Ewro-Atlantika, flimkien ma’ Uffiċċju tal-Gvern riformat għall-Koordinazzjoni tal-Integrazzjoni Ewropea u Ewro-Atlantika fil-Kabinett tal-Ministri. Il-Viċi Ministri responsabbli għall-kwistjonijiet ta’ integrazzjoni Ewropea ġew maħtura fil-gvernijiet suċċessivi fil-ministeri kollha.

L-implimentazzjoni mill-Ukrajna tal-acquis tal-UE hija dokumentata fir-“Rapporti dwar l-Implimentazzjoni tal-Assoċjazzjoni” annwali tal-UE mill-2016 7 . L-Ukrajna qed toħroġ ukoll ir-rapport tagħha stess.

L-Istati Membri tal-UE huma involuti mill-qrib fl-implimentazzjoni tal-AA/DCFTA permezz tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni u l-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni. Pożizzjonijiet Komuni huma adottati għall-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni u jintlaħaq qbil dwar Aġenda Annotata dettaljata għall-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni. Il-Kumitat Parlamentari ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna jinvolvi lill-Parlament Ewropew u lill-Parlament tal-Ukrajna fl-implimentazzjoni tal-ftehim. Is-soċjetà ċivili qed timmonitorja wkoll l-implimentazzjoni permezz tal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili bejn l-UE u l-Ukrajna.

Wara l-adozzjoni tal-metodoloġija riveduta tat-tkabbir 8 għall-finijiet tal-politika tat-Tkabbir tal-UE, l-acquis tal-UE huwa strutturat madwar sitt gruppi tematiċi. L-acquis f’dawn il-gruppi huwa sostanzjalment kopert mill-AA/DFCTA. L-Ukrajna approssimat b’mod gradwali mal-acquis tal-UE inkluż fl-AA/DCFTA u għandha rekord sodisfaċenti ġenerali ta’ implimentazzjoni, għalkemm il-progress ma huwiex uniformi u d-dewmien biex jintlaħqu l-iskedi ta’ żmien ambizzjużi fl-AA/DCFTA kien frekwenti. Sakemm titwettaq analiżi sħiħa tal-kapitoli kollha fi stadju aktar tard fil-proċess, l-analiżi tipprovdi eżempji ta’ kapitoli fir-raggruppamenti li fihom l-Ukrajna kisbet riżultati partikolarment tajbin u tenfasizza oqsma fejn kien hemm approssimazzjoni limitata mal-acquis.

Ir-raggruppament tal-Elementi Fundamentali jinkludi l-kapitoli tal-acquis tal-UE dwar Il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali, il-Ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, L-Akkwist pubbliku, L-istatistika, u L-kontroll finanzjarju. Dan ir-raggruppament ġie vvalutat prinċipalment skont it-taqsimiet tal-kriterji Politiċi u Ekonomiċi.

Ir-raggruppament tas-Suq Intern jinkludi l-kapitoli tal-acquis tal-UE dwar Il-moviment liberu tal-merkanzija, Il-moviment liberu tal-ħaddiema, Id-dritt tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, Il-moviment liberu tal-kapital, Id-dritt tal-kumpaniji, Il-liġi dwar il-proprjetà Intellettwali, Il-politika tal-kompetizzjoni, Is-servizzi finanzjarji, Il-protezzjoni tal-konsumatur u tas-saħħa. F’dan ir-raggruppament inkisbu riżultati partikolarment tajbin, pereżempju, fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija. L-Ukrajna għamlet progress tajjeb fl-allinjament tal-acquis tal-UE dwar l-Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ bl-għan li tikkonforma mal-istandards tal-UE dwar is-sikurezza tal-prodotti. Dan ippermetta li jibdew it-tħejjijiet għal Ftehim futur dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u l-Aċċettazzjoni tal-Prodotti Industrijali (AAC) fi tliet setturi li għalihom għadha għaddejja valutazzjoni minn qabel.

Inkisbu wkoll riżultati tajbin fil-qasam tal-kompetizzjoni. L-Ukrajna għandha stabbilita liġi dwar il-kompetizzjoni, li fiha sett standard ta’ regoli komparabbli mal-biċċa l-kbira tal-atti tal-antitrust fl-UE. Barra minn hekk, matul l-aħħar snin, l-awtorità tal-kontroll tal-kompetizzjoni tal-Ukrajna tejbet b’mod sinifikanti l-prattiki tagħha ta’ ġestjoni tal-każijiet bl-għan li tallinja mal-liġijiet u l-prattiki tal-UE dwar il-kompetizzjoni. Il-liġi attwali dwar l-Għajnuna mill-Istat tipprovdi bażi għall-kontroll tal-Għajnuna mill-Istat iżda jeħtieġ li tiġi allinjata aktar.

Hemm oqsma oħra fir-raggruppament fejn l-approssimazzjoni għall-acquis tal-UE għadha limitata; dan japplika, pereżempju, għall-qasam tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (DPI). Ġew adottati għadd ta’ liġijiet ġodda fl-2019 u fl-2020: dwar trademarks u disinji, dwar il-privattivi, dwar Indikaturi Ġeografiċi u dwar miżuri tad-DPI fil-fruntieri. Huma meħtieġa aktar sforzi b’mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-infurzar.

Ir-raggruppament tal-Kompetittività u t-tkabbir inklużiv jinkludi l-kapitoli tal-acquis tal-UE dwar Is-soċjetà tal-informazzjoni u l-media, It-tassazzjoni, Il-politika ekonomika u monetarja, Il-politika soċjali u l-impjiegi, Il-politika tal-intrapriżi u industrijali, Ix-Xjenza u r-riċerka, l-Edukazzjoni u l-kultura, L-Unjoni doganali. F’dan ir-raggruppament inkisbu riżultati partikolarment tajbin, pereżempju, fil-qasam tas-soċjetà tal-informazzjoni u tal-media fejn l-Ukrajna wettqet riforma settorjali fil-fond u approssimazzjoni mal-acquis tal-UE dwar is-Suq Uniku Diġitali. L-Ukrajna adottat il-liġijiet dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi u r-regolatur tat-telekomunikazzjoni, u ilha tinforza dawk il-liġijiet mill-bidu tal-2022. L-allinjament mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-media awdjoviżiva għad irid jitlesta, b’mod partikolari fir-rigward tar-rwol tar-regolatur tal-media, it-trasparenza tas-sjieda tal-media, u kundizzjonijiet ugwali tas-suq.

Inkisbu wkoll riżultati tajbin fil-qasam tad-dwana. L-Ukrajna adottat il-leġiżlazzjoni meħtieġa biex tikkonforma mar-rekwiżiti u tingħaqad mal-konvenzjonijiet dwar il-Proċedura Komuni ta’ Tranżitu u dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-merkanzija, u timplimenta l-Programm tal-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati, filwaqt li tisfrutta l-vantaġġi fil-proċeduri tal-iżdoganar tal-merkanzija u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ fil-merkanzija. In-negozjati dwar l-aġġornament tal-Anness XV relatat mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-Kodiċi Doganali l-ġdid tal-Unjoni ġew iffinalizzati b’suċċess. L-assoċjazzjoni tal-Ukrajna ma’ Orizzont Ewropa u mal-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom hija strument ta’ suċċess għall-integrazzjoni mal-prattiki tal-UE fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni.

Hemm oqsma oħra fir-raggruppament fejn l-approssimazzjoni għall-acquis għadha limitata, pereżempju fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjiegi.

Ir-raggruppament dwar l-aġenda ekoloġika u l-konnettività sostenibbli jinkludi l-kapitoli tal-acquis dwar Il-politika tat-Trasport, l-Enerġija, in-networks Trans-Ewropej, u l-Ambjent u t-tibdil fil-klima. F’dan ir-raggruppament inkisbu riżultati partikolarment tajbin fil-qasam tal-enerġija fir-rigward tal-istabbiliment tas-swieq tal-elettriku u tal-gass tiegħu, inklużi s-separazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-operaturi tan-network tat-trażmissjoni tal-gass u tal-elettriku. L-Ukrajna wettqet ukoll trasformazzjoni strutturali tad-disinn tagħha tas-suq tal-elettriku u tal-gass, abbażi tar-regoli tal-UE. Is-sħubija tal-Ukrajna fil-Komunità tal-Enerġija tat spinta lill-proċess tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Il-leġiżlazzjoni qafas dwar l-Effiċjenza Enerġetika qed tkopri partijiet sostanzjali tal-acquis tal-UE. Il-ħidma tajba f’dan il-qasam ippermettiet lill-Ukrajna tkun konnessa mal-grilja tal-elettriku tal-UE f’Marzu 2022 u taqbel dwar żieda gradwali tal-esportazzjonijiet tal-elettriku taħt kundizzjonijiet tekniċi ċari li għandhom jiġu ssodisfati. L-Ukrajna għandha potenzjal kbir għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u għall-iżvilupp ta’ ekonomija tal-idroġenu nadif. Dawn kollha jgħinu biex titnaqqas id-dipendenza enerġetika fuq il-fjuwils fossili Russi f’konformità mal-pjan REPowerEU u biex jitnaqqsu l-kwistjonijiet ta’ likwidità fis-settur tal-enerġija. Il-Grupp ta’ Ħidma ta’ Livell Għoli dwar is-suq tal-enerġija se jkompli jaċċellera r-riformi meħtieġa filwaqt li jiżgura s-sigurtà reġjonali tal-provvista, u jwitti t-triq għall-kummerċ futur tal-elettriku u tal-idroġenu rinnovabbli, kif ukoll il-bini mill-ġdid tas-sistema tal-enerġija fl-ambitu tal-inizjattiva REPowerUkraine. Għal dan ir-raggruppament, id-djalogu strateġiku ta’ livell għoli mal-Ukrajna dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew 9  u t-tranżizzjoni ekoloġika tal-Ukrajna, li tnieda fl-2021 wera interess ta’ livell għoli u dedikazzjoni għall-aġenda ekoloġika min-naħa tal-gvern tal-Ukrajna. Dan huwa meħtieġ biex tkun tista’ sseħħ it-tranżizzjoni ekoloġika tal-pajjiż u jintlaħqu l-miri klimatiċi l-ġodda tiegħu f’konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. Id-djalogu wera wkoll li huma meħtieġa sforzi konsiderevoli biex jiġi żgurat allinjament leġiżlattiv, pereżempju, mal-acquis tal-UE dwar il-klima u l-ambjent, kif ukoll biex jiġu żgurati l-kapaċitajiet amministrattivi, finanzjarji u organizzattivi adegwati għall-implimentazzjoni u l-infurzar tiegħu.

Hemm oqsma oħra fir-raggruppament li fihom l-approssimazzjoni għall-acquis għadha limitata, pereżempju, fil-qasam tat-trasport, fejn ġie implimentat biss madwar terz tal-acquis rilevanti tal-UE. Inkisbu riżultati sinifikanti biss f’xi oqsma ta’ importanza essenzjali għar-riforma tas-settur tat-trasport, bħal permezz tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar il-passaġġi fuq l-ilma interni u dwar it-trasport multimodali. Mill-2018, id-Djalogu dwar it-Trasport jgħin biex tissaħħaħ il-konnettività u tiġi appoġġata l-approssimazzjoni. L-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona ta’ Avjazzjoni Komuni bejn l-UE u l-Ukrajna ffirmat f’Ottubru 2021 se twassal għall-armonizzazzjoni progressiva tal-leġiżlazzjoni tal-Ukrajna mar-regoli u l-istandards tal-avjazzjoni tal-UE.

Ir-raggruppament Riżorsi, agrikoltura u koeżjoni jinkludi l-kapitoli tal-acquis tal-UE dwar L-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, Is-sikurezza tal-ikel, Il-politika veterinarja u fitosanitarja, Is-Sajd, Il-politika reġjonali u l-koordinazzjoni ta’ strumenti strutturali, u Dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji. F’dan ir-raggruppament inkisbu riżultati partikolarment tajbin, pereżempju, fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel, il-politika veterinarja u fitosanitarja. Is-settur sanitarju u fitosanitarju jispikka bħala żona l-aktar komprensiva u kumplessa unika fl-AA/DCFTA. L-Ukrajna għandha rata ta’ allinjament partikolarment għolja ta’ leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel, is-saħħa tal-annimali u tal-pjanti. Ir-responsabbiltajiet li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni aġġornata huma kondiviżi b’mod ċar bejn is-setturi pubbliċi u privati biex jiġi żgurat li jitqiegħdu fis-suq prodotti ta’ sikurezza xierqa, kemm domestikament – biex b’hekk tittejjeb il-fiduċja tal-konsumaturi tal-Ukrajna fil-prodotti tal-Ukrajna – iżda anke għall-esportazzjonijiet, inkluż lejn l-UE.  L-Ukrajna qed taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd biex tallinja l-leġiżlazzjoni rilevanti tagħha mal-acquis tal-UE u mal-istandards internazzjonali. Il-pajjiż beda jimplimenta xi mekkaniżmi ewlenin għall-politika reġjonali. 

L-approssimazzjoni għall-acquis tal-UE fil-qasam tal-Agrikoltura u l-iżvilupp rurali hija limitata.

Ir-raggruppament relazzjonijiet esterni jinkludi r-relazzjonijiet esterni u l-politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża. L-Ukrajna għandha rekord ġenerali tajjeb ta’ allinjament mal-pożizzjonijiet tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-UE. Ir-rata ta’ allinjament mad-dikjarazzjonijiet rilevanti tar-Rappreżentant Għoli f’isem id-Deċiżjonijiet tal-UE u tal-Kunsill kienet ta’ 79 % fl-2021 (2020: 81 %; 2019: 63 %; 2018: 46 %, 2017: 80 %). L-Ukrajna kienet kontributur attiv għall-EUNAVFOR ATALANTA bejn Novembru 2010 u Novembru 2011 (forniment ta’ uffiċjal navali) u f’Jannar-Frar 2014 (forniment ta’ frejgata).  L-Ukrajna kkontribwiet ukoll għall-Gruppi Tattiċi tal-UE f’diversi okkażjonijiet bejn l-2011 u l-2020 u kienet qed tħejji biex tipparteċipa fil-missjoni EUFOR Althea li eventwalment ma kienx possibbli minħabba l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna. Hemm lok ta’ tisħiħ ulterjuri tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) u biex tinkiseb aktar konverġenza mal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) inkluż fir-rigward tal-pożizzjonijiet tal-UE. L-Ukrajna għad trid tissodisfa l-impenn tagħha skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni biex tirratifika l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali.

4. KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

L-Ukrajna hija demokrazija parlamentari-presidenzjali vitali b’elezzjonijiet kompetittivi fil-livell nazzjonali u lokali, ibbażata fuq qafas kostituzzjonali, leġiżlattiv u istituzzjonali komprensiv li ġeneralment jikkorrispondi għal standards Ewropej u internazzjonali. Il-qafas legali għal amministrazzjoni pubblika moderna huwa stabbilit iżda għadu ma huwiex implimentat bis-sħiħ. L-Ukrajna wettqet riforma ta’ deċentralizzazzjoni b’suċċess, inkluża deċentralizzazzjoni fiskali. L-indipendenza ġudizzjarja ġiet imsaħħa u ġew stabbiliti korpi indipendenti kontra l-korruzzjoni, inkluża Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni li tiffunzjona tajjeb. L-indipendenza tal-istituzzjonijiet kollha ta’ kontra l-korruzzjoni għadha kruċjali. Għandhom jissaħħu r-responsabbiltà u l-effiċjenza tal-ġudikatura u li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li għadha sfida serja fil-pajjiż kollu. Il-qafas legali u istituzzjonali li jiżgura r-rispett għad-drittijiet fundamentali huwa stabbilit u huwa mħares b’mod ġenerali iżda l-implimentazzjoni għandha tittejjeb aktar. Soċjetà ċivili attiva u mogħtija s-setgħa hija karatteristika li tiddefinixxi d-demokrazija tal-Ukrajna. Ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet tal-Ukrajna ilha tintwera bis-sħiħ mill-invażjoni Russa, bil-gvern ikompli jiffunzjona fil-livelli kollha. B’mod ġenerali, fir-rigward tal-kriterji politiċi, l-Ukrajna hija f’pożizzjoni tajba sew biex tilħaq l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għal u l-protezzjoni tal-minoranzi.

Fir-rigward tal-kriterji ekonomiċi, l-Ukrajna kompliet ir-rekord makroekonomiku b’saħħtu tagħha, u wriet reżiljenza notevoli bi stabbiltà makroekonomika u finanzjarja żgurata anke wara l-invażjoni tar-Russja fi Frar 2022. Dan jirrifletti mhux biss determinazzjoni politika b’saħħitha ħafna, iżda wkoll istituzzjonijiet li jiffunzjonaw relattivament tajjeb. Fl-istess ħin, riformi strutturali ambizzjużi biex titneħħa l-korruzzjoni, titnaqqas l-impronta tal-Istat u l-influwenza persistenti tal-oligarki u jissaħħu d-drittijiet tal-proprjetà privata u flessibbiltà tas-suq tax-xogħol jeħtieġ li jkomplu fl-Ukrajna biex jittejjeb il-funzjonament tal-ekonomija tas-suq tagħha. Il-kapaċità tal-pajjiż li jreġi għall-pressjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan l-UE se tiddependi b’mod kruċjali minn kif l-investimenti ta’ wara l-gwerra fl-Ukrajna huma mfassla u sekwenzjati sabiex jittejjeb il-kapital fiżiku tiegħu, jittejbu l-eżiti edukattivi u titħeġġeġ l-innovazzjoni.

Fir-rigward tal-kapaċità li tissodisfa l-obbligi tas-sħubija, l-Ukrajna ilha taħdem mill-2016 fuq l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna, inkluża Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (AA/DFCTA). Dawn il-ftehimiet diġà jiġbru ammont bla preċedent tal-acquis tal-UE. L-Ukrajna approssimat b’mod gradwali għal elementi sostanzjali tal-acquis tal-UE f’ħafna kapitoli. Għandha rekord sodisfaċenti ġenerali tal-implimentazzjoni, filwaqt li f’xi setturi l-pajjiż huwa aktar avvanzat milli f’oħrajn.

L-Ukrajna hija Stat Ewropew li ta prova biżżejjed tal-aderenza tiegħu mal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Kunsill li l-Ukrajna għandha tingħata l-perspettiva li ssir membru tal-Unjoni Ewropea.

L-Ukrajna wriet ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet tagħha li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom.

Għalhekk, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Ukrajna tingħata status ta’ kandidat, bil-fehim li jittieħdu l-passi li ġejjin:

-tiġi ppromulgata u implimentata leġiżlazzjoni dwar proċedura ta’ għażla għall-imħallfin tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Ukrajna, inkluż proċess ta’ preselezzjoni bbażat fuq l-evalwazzjoni tal-integrità u l-ħiliet professjonali tagħhom, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja;

-jiġi ffinalizzat l-eżami tal-integrità tal-kandidati għall-membri tal-Kunsill Għoli tal-Ġustizzja mill-Kunsill tal-Etika u l-għażla ta’ kandidat li jistabbilixxi l-Kummissjoni ta’ Kwalifika Għolja tal-Imħallfin tal-Ukrajna;

-tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, b’mod partikolari f’livell għoli, permezz ta’ investigazzjonijiet proattivi u effiċjenti, u rekord kredibbli ta’ prosekuzzjonijiet u kundanni; titlesta l-ħatra ta’ kap ġdid tal-Uffiċċju Speċjalizzat tal-Prosekutur kontra l-Korruzzjoni permezz taċ-ċertifikazzjoni tar-rebbieħ identifikat tal-kompetizzjoni u jitnieda u jitlesta l-proċess tal-għażla u l-ħatra għal Direttur ġdid tal-Uffiċċju Nazzjonali ta’ Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna;

-jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus tkun konformi mal-istandards tat-Task Force ta’ Azzjoni finanzjarja (FATF); jiġi adottat pjan strateġiku ġenerali għar-riforma tas-settur kollu tal-infurzar tal-liġi bħala parti mill-ambjent tas-sigurtà tal-Ukrajna;

-tiġi implimentata l-liġi kontra l-Oligarki biex tiġi llimitata l-influwenza eċċessiva tal-oligarki fil-ħajja ekonomika, politika u pubblika; dan għandu jsir b’mod legalment sod, filwaqt li titqies l-opinjoni li jmiss tal-Kummissjoni ta’ Venezja dwar il-leġiżlazzjoni rilevanti;

-tiġi indirizzata l-influwenza tal-interessi personali billi tiġi adottata liġi dwar il-media li tallinja l-leġiżlazzjoni tal-Ukrajna mad-Direttiva tal-UE dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva u tingħata s-setgħa lir-regolatur indipendenti tal-media;

-tiġi ffinalizzata r-riforma tal-qafas legali għall-minoranzi nazzjonali li bħalissa qed titħejja kif irrakkomandat mill-Kummissjoni ta’ Venezja, u jiġu adottati mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni immedjati u effettivi

Il-Kummissjoni se timmonitorja l-progress tal-Ukrajna fit-twettiq ta’ dawn il-passi u tirrapporta dwarhom, flimkien ma’ valutazzjoni dettaljata tal-pajjiż, sa tmiem l-2022.

Il-proċess tal-adeżjoni għadu bbażat fuq kriterji u kundizzjonijiet stabbiliti. Dan jippermetti lil kwalunkwe pajjiż fil-proċess jimxi ’l quddiem fuq il-bażi tal-merti tiegħu stess iżda jfisser ukoll li l-passi lejn l-UE jistgħu jitreġġgħu lura jekk il-kundizzjonijiet sottostanti ma jibqgħux jiġu ssodisfati.

(1)

  20220311-versailles-declaration-en.pdf (europa.eu)

(2)

Mappa tas-sanzjonijiet tal-UE - https://www.sanctionsmap.eu/#/main

(3)

SWD(2021) 186 final

(4)

Kif irrapportat mill-Kummissjoni Ewropea għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja tal-Kunsill tal-Ewropa.

(5)

Ta’ min wieħed iżomm f’moħħu li l-grad għoli ta’ inċertezza relatata mal-gwerra li għaddejja u l-impatt li qed jevolvi tagħha jaffettwaw is-saħħa predittiva ta’ din il-valutazzjoni, li hija bbażata fil-biċċa l-kbira tagħha fuq data disponibbli (ta’ qabel il-gwerra).

(6)

Bl-esklużjoni ta’ Naftogaz li tirrendi profitt kbir (l-akbar SOE fl-Ukrajna, b’monopolju nazzjonali fin-negozju taż-żejt u tal-gass).

(7)

SWD(2020) 329 final

(8)

COM (2020) 57 final

(9)

COM(2019) 640 final

Top

Brussell, 17.6.2022

COM(2022) 407 final

ANNESS

tal-

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL

Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Ukrajna għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea


DATA STATISTIKA (estratta fil-11.05.2022)

L-Ukrajna

Data bażika

Nota

2010

2016

2017

2018

2019

2020

2021

Popolazzjoni (f’eluf)

1)

45 782,6

42 590,9b

42 414,9

42 216,8

41 983,6

41 732,8

41 418,7

Erja totali tal-pajjiż (km²)

2)

603 548,0

603 549,0

603 549,0

603 549,0

603 549,0

603 549,0

Kontijiet nazzjonali

Nota

2010

2016

2017

2018

2019

2020

Prodott domestiku gross (PDG) (f’miljuni tal-munita nazzjonali)

 

1 120 585,0

2 385 367,0

2 981 227,0

3 560 302,0p

3 977 198,0p

4 191 864,0p

Prodott domestiku gross (PDG) (f'miljuni ta’ euro)

 

106 388,7

84 312,6

99 360,5

110 764.8p

137 372.9p

136 153.2p

PDG (euro per capita)

 

2 319,3

1 975,8

2 338,7

2 620.4p

3 268.6p

3 261.5p

PDG per capita (fi standards tal-kapaċità tal-akkwist (PPS))

 

:

:

:

:

:

:

GDP per capita (f’PPS), relatat mal-medja tal-UE (EU-28 = 100)

 

:

:

:

:

:

:

Rata ta' tkabbir tal-PDG reali: bidla fil-volum tal-PDG tas-sena ta’ qabel (%)

 

4,1

2,4

2,4

3.5p

3.2p

-4,0p

Tkabbir fl-impjiegi (data tal-kontijiet nazzjonali), relattiv għas-sena ta’ qabel (%)

3)

0,4

-1,0

-0,7

1,3

1,9

-4,0

Valur gross miżjud mis-setturi ewlenin

 

 

 

 

 

 

 

Agrikoltura, forestrija u sajd (%)

 

8,4

13,8

12,1

12,0

10,4

10,8

Industrija (%)

 

25,3

25,0

25,0

24,8

23,2

21

Kostruzzjoni (%)

 

3,7

2,3

2,6

2,7

3,1

3,3

Servizzi (%)

 

62,6

58,9

60,3

60,5

63,3

64,9

Nefqa tal-konsum finali, bħala sehem mill-PDG (%)

 

84,4

85,2

87,8

90,2

93,2

93,7

Formazzjoni grossa tal-kapital fiss, bħala sehem mill-PDG (%)

 

18,1

15,5

15,8

17,7

17,6

13,0

Bidliet fl-inventarji, bħala sehem mill-PDG (%)

 

0,3

6,2

4,2

0,9

-2,7

-5,6

Esportazzjonijiet ta’ oġġetti u servizzi, relattivi għall-PDG (%)

 

46,5

49,3

48,1

45,2

41,2

39,1

Importazzjonijiet ta’ oġġetti u servizzi, relattivi għall-PDG (%)

 

49,3

56,2

55,9

54

49,3

40,2

Formazzjoni grossa tal-kapital fiss mis-settur tal-gvern estiż, bħala perċentwal tal-PDG (%)

 

:

:

:

:

:

:

Negozju

Nota

2010

2016

2017

2018

2019

2020

Indiċi tal-produzzjoni industrijali (2015 = 100)

4)

130,6

105,7

111,4

114,6

115,5

108,1

Rata ta’ inflazzjoni u prezzijiet tad-djar

Nota

2010

2016

2017

2018

2019

2020

Indiċi tal-prezzijiet għall-konsumatur (CPI), bidla relattiva għas-sena ta’ qabel (%)

 

:

13,9

14,5

10,9

7,9

2,8

Bilanċ tal-pagamenti

Nota

2010

2016

2017

2018

2019

2020

Bilanċ tal-pagamenti: total tal-kont kurrenti (f’miljuni ta’ euro)

5)

-2 272,3

-1 685,2

-3 078,6

-5 443,0

-3 681,5

4 611,7

Kont kurrenti tal-bilanċ tal-pagamenti: bilanċ kummerċjali (f’miljuni ta’ euro)

 

-3 000,1

-5 827,9

-7 751,0

-9 628,5

-11 168,7

-2 082,1

Kont kurrenti tal-bilanċ tal-pagamenti: servizzi netti (f’miljuni ta’ euro)

 

4 230,4

441,6

814,6

1 130,6

1 562,2

3 852,6

Investiment dirett barrani (IDB) barra mill-pajjiż (f’miljuni ta’ euro)

 

554,5

14,5

7,1

-4,2

578,5

71,8

li minnhom IDB tal-ekonomija li tirrapporta fil-pajjiżi tal-EU-27 (f’miljuni ta’ euro)

 

527,1

14,5

1,8

0,8

575,8

71,8

Investiment dirett barrani (IDB) fl-ekonomija li tirrapporta (f’miljuni ta’ euro)

6)

4 893,4

3 440,9

3 272,7

3 770,0

5 231,3

-30,6

li minnhom IDB tal-pajjiżi tal-EU-27 fl-ekonomija li tirraporta (f’miljuni ta’ euro)

6)

3 948,2

1 080,2

1 755,1

2 537,8

4 045,1

-714,1

Finanzi Pubbliċi

Nota

2010

2016

2017

2018

2019

2020

Defiċit/surplus tal-gvern estiż, relattiv għall-PDG (%)

6)

-6,3

-1,9

-1,2

-1,9

-1,9

-5,4

Dejn gross tal-gvern estiż relattiv għall-PDG (%)

6)

38,4

80,5

64,4

61,7

55,1

54,0

Indikaturi finanzjarji

Nota

2010

2016

2017

2018

2019

2020

Dejn estern gross tal-ekonomija kollha, relattiv għall-PDG (%)

 

83,1

127,7

97,4

90,4

79,4

75,1

Dejn estern gross tal-ekonomija kollha, relattiv għall-esportazzjonijiet totali (%)

 

178,7

259,1

202,3

200

192,4

192,4

Rati ta' imgħax: self b’avviż ta’ jum, per annum (%)

 

1,7

15,4

11,6

16,3

15,0

7,1

Rati tal-kambju tal-euro: medja tal-perjodu (EUR 1 =... munita nazzjonali)

 

10,6

28,3

30,1

32,1

28,9

30,9

Kummerċ estern fi prodotti

Nota

2010

2016

2017

2018

2019

2020

Valur tal-importazzjonijiet: il-prodotti kollha, is-sħab kollha (f’miljuni ta’ euro)

 

45 524,6s

35 459,2s

43 911,8s

48 423,0s

54 310,1s

47 490,1s

Valur tal-esportazzjonijiet: il-prodotti kollha, is-sħab kollha (f’miljuni ta’ euro)

 

38 277,4s

32 850,0s

38 297,5s

40 080,4s

44 711,6s

43 052,6s

Bilanċ tal-kummerċ il-prodotti kollha, is-sħab kollha (f’miljuni ta’ euro)

 

-7 247,2s

-2 609,2s

-5 614,3s

-8 342,6s

-9 598,5s

-4 437,5s

Termini ta’ kummerċ (indiċi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni/indiċi tal-prezzijiet tal-importazzjoni * 100) (numru)

 

:

:

:

:

:

:

Sehem tal-esportazzjoni lill-pajjiżi tal-EU-27 f'valur ta' esportazzjoni totali (%)

 

:

:

:

:

:

:

Sehem tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi tal-EU-28 f'valur ta' importazzjoni totali (%)

 

:

:

:

:

:

:

Demografija

Nota

2010

2016

2017

2018

2019

2020

Rata mhux raffinata ta’ tibdil naturali tal-popolazzjoni (rata ta’ tkabbir naturali): għadd ta’ twelid nieqes l-imwiet (għal kull elf abitant)

 

-4,4

-4,4

-5,0

-6,0

-6,5

-7,8e

Stennija tal-għomor fit-twelid: maskil (snin)

 

65,2

68

68,3

68,1

68,4

:

Stennija tal-għomor fit-twelid: femminil (snin)

 

75,3

77,6

78,0

78,0

78,3

:

Suq tax-xogħol

Nota

2010

2016

2017

2018

2019

2020

Rata ta' attività ekonomika għall-persuni ta' bejn l-20 u l-64 sena: proporzjon tal-popolazzjoni fl-età bejn l-20 u l-64 sena li hija ekonomikament attiva (%)

7)

72,2

70,7

70,9

71,8

72,9

72,0

Rata ta’ impjieg għal persuni bejn l-20 u 64 sena: proporzjon tal-popolazzjoni fl-età bejn l-20 u l-64 sena li hija impjegata (%)

 

66,4

64,2

64,2

65,6

66,9

65,2

Rata ta’ impjieg għal persuni maskili fl-età bejn l-20 u l-64 (%)

 

71,1

69,5

69,4

70,5

72,7

70,8

Rata ta’ impjieg għal persuni femminili fl-età bejn l-20 u l-64 (%)

 

62,1

59,3

59,4

61,0

61,6

60,0

Rata ta’ impjieg għal persuni bejn il-55 u l-64 sena: proporzjon tal-popolazzjoni fl-età bejn il-55 u l-64 sena li huma impjegati (%)

 

40,4

37,0

38,2

39,5

41,9

42,1

Impjieg skont is-setturi ewlenin

 

 

 

 

 

 

 

Agrikoltura, forestrija u sajd (%)

8)

20,2

15,6

15,4

14,9

13,9

14,1

Industrija (%)

8)

19,1

17,7

17,7

17,8

17,8

17,8

Kostruzzjoni (%)

8)

6,4

6,6

6,6

6,5

7,1

7

Servizzi (%)

8)

54,3

60,1

60,3

60,8

61,2

61,1

Nies impjegati fis-settur pubbliku bħala sehem mill-impjiegi totali, persuni bejn l-20 u l-64 sena (%)

 

:

:

:

:

:

:

Nies impjegati fis-settur privat bħala sehem mill-impjiegi totali, persuni bejn l-20 u l-64 sena (%)

 

:

:

:

:

:

:

Rata tal-qgħad: proporzjon tal-forza tax-xogħol li hija qiegħda (%)

8)

8,1

9,3

9,5

8,8

8,2

9,5

Rata tal-qgħad maskili (%)

8)

9,3

10,8

11,1

10

8,5

9,8

Rata tal-qgħad femminili (%)

8)

6,8

7,7

7,7

7,4

7,9

9,1

Rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ: proporzjon tal-forza tax-xogħol fl-età bejn il-15 u l-24 sena li hija ekonomikament attiva (%)

 

17,4

23,0

18,9

17,9

15,4

19,3

Rata tal-qgħad fit-tul: proporzjon tal-forza tax-xogħol li ilha qiegħda għal 12-il xahar jew aktar (%)

8)

1,8

2,3

2,5

1,9

1,0

2,0

Koeżjoni soċjali

Nota

2010

2016

2017

2018

2019

2020

Pagi u salarji medji nominali fix-xahar (munita nazzjonali)

9)

2 239,2

5 182,6

7 103,8

8 864,6

10 496,8

:

Indiċi tal-pagi u s-salarji reali (indiċi tal-pagi u s-salarji nominali diviż bl-indiċi tal-inflazzjoni) (2016 = 100)

 

:

100,0

119,1

134,0

147,1

157,9

Proporzjon ta’ persuni f’riskju ta’ faqar relattiv (wara t-trasferimenti) (%)

 

24,1

23,5

24,4

24,1

24,4

22,3

Infrastruttura

Nota

2010

2016

2017

2018

2019

2020

Tul tal-awtostradi (kilometri)

 

15,0

15,0

15,0

15,0

15,0

15,0

Innovazzjoni u Riċerka

Nota

2010

2016

2017

2018

2019

2020

Nefqa pubblika fuq l-edukazzjoni bħala proporzjoni tal-PDG (%)

 

6,6

5

5,4

5,3

5,4

:

Nefqa domestika grossa fuq ir-R&Ż meta mqabbla mal-PDG (%)

 

0,8

0,5

0,4

0,5

0,4

0,4

Ambjent

Nota

2010

2016

2017

2018

2019

2020

Indiċi tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, ekwivalenti ta’ CO2 (1990 = 100)

 

43,2e

35,8e

34,3e

36,0e

35,2e

:

Elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli relattiv għall-konsum gross tal-elettriku (%)

 

7,0

7,0

8,1

:

:

:

Enerġija

Nota

2010

2016

2017

2018

2019

2020

Produzzjoni primarja tal-prodotti kollha tal-enerġija (elf TOE)

 

78 712,0

66 323,0

58 863,0

60 883,0

60 095,0

:

Importazzjonijiet netti tal-prodotti kollha tal-enerġija (elf TOE)

 

51 260,0

29 152,0

35 145,0

33 795,0

34 768,0

:

Konsum gross intern tal-enerġija (elf TOE)

 

132 308,0

94 383,0

89 462,0

93 526,0

89 072,0

:

Agrikoltura

Nota

2010

2016

2017

2018

2019

2020

Erja agrikola utilizzata (eluf ta’ ettari)

2)

41 275,6

41 274,2

41 274,3

41 259,9

41 138,4

41 144,2

Id-data għall-Politika Ewropea tal-Viċinat - il-pajjiżi tal-Lvant hija pprovduta minn u taħt ir-responsabbiltà unika tal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika ta’ kull pajjiż fuq bażi volontarja.  
Mill-2014, id-data għall-Ukrajna ġeneralment teskludi r-Repubblika Awtonoma tal-Krimea annessa illegalment u l-Belt ta’ Sevastopol u t-territorji li mhumiex taħt il-kontroll tal-gvern Ukren.

: = mhux disponibbli

b = interruzzjoni fis-serje

e = estimu

p = proviżorju

s = estimu tal-Eurostat

1) Mill-2014, id-data dwar il-popolazzjoni ma tinkludix ir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea annessa illegalment u l-Belt ta’ Sevastopol. L-aktar statistika reċenti tkopri t-territorji li kienu taħt il-kontroll tal-gvern Ukren qabel il-bidu tal-aggressjoni militari mir-Russja fl-24 ta’ Frar 2022.

2) Data tas-Servizz tal-Istat dwar il-Ġeodesija, il-Kartografija u l-Katast tal-Ukrajna. 2017-2021: Id-data tingħata skont il-Klassifikazzjoni l-ġdida tat-Tipi ta’ Art. Inkluż ir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea annessa illegalment u l-Belt ta’ Sevastopol u t-territorji li mhumiex taħt il-kontroll tal-gvern Ukren.

3) 2016-2018: Persuni ta’ bejn il-15 u s-70 sena. 2019-2020: Persuni li għandhom 15-il sena jew aktar.

4) Indiċi inizjalment ipprovdut bl-2010 = 100. Riklassifikat għall-2015 = 100.

5) Mis-S2020 il-bank Nazzjonali tal-Ukrajna tejjeb il-kompilazzjoni tal-investiment dirett barrani, li fil-kuntest tiegħu l-qligħ investit mill-ġdid tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji ġie inkorporat fil-flussi tal-IDB u fid-data dwar l-istokks. Għalhekk, id-data tal-BoP, IIP, IDB għas-S2015- S2019 ġiet riveduta.

6) Dejn tal-Istat u dak garantit mill-Istat.

7) Iffissar mill-popolazzjoni ekonomikament attiva 2019 - forza tax-xogħol.

8) Persuni ta’ bejn il-15 u s-70 sena.

9) Id-data tirreferi għall-intrapriżi u d-diviżjonijiet indipendenti tagħhom b’ 10 impjegat jew aktar.

Top