EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022DC0031

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija tal-UE dwar l-Istandardizzazzjoni L-istabbiliment ta’ standards globali b’appoġġ għal suq uniku tal-UE reżiljenti, ekoloġiku u diġitali

COM/2022/31 final

Brussell, 2.2.2022

COM(2022) 31 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija tal-UE dwar l-Istandardizzazzjoni





L-istabbiliment ta’ standards globali b’appoġġ għal suq uniku tal-UE reżiljenti, ekoloġiku u diġitali


Strateġija tal-UE dwar l-Istandardizzazzjoni

L-istabbiliment ta’ standards globali b’appoġġ għal suq uniku tal-UE reżiljenti, ekoloġiku u diġitali

I.Introduzzjoni – Standards għat-trawwim tal-valuri tal-UE, objettivi tal-politika u implimentazzjoni regolatorja

L-istandards huma fil-qalba tas-suq uniku tal-UE. Matul dawn l-aħħar 30 sena, is-Sistema Ewropea tal-Istandardizzazzjoni tat aktar minn 3 600 standard armonizzat li jippermettu lill-kumpaniji juru konformità mad-dritt tal-UE, flimkien ma’ ħafna aktar standards u speċifikazzjonijiet tekniċi Ewropej biex jiġu promossi l-interoperabbiltà, is-sikurezza taċ-ċittadini tal-UE u l-protezzjoni tal-ambjent. L-istandards Ewropej taw benefiċċji kbar għall-kumpaniji u għall-konsumaturi, filwaqt li ħolqu kundizzjonijiet ekwi fis-suq uniku għan-negozji u żiedu l-fiduċja tal-konsumatur.

L-istandardizzazzjoni Ewropea topera f’kuntest globali li dejjem qed isir aktar kompetittiv. Ħafna pajjiżi terzi jieħdu pożizzjoni assertiva għall-istandardizzazzjoni, u qed jipprovdu lill-industriji tagħhom b’vantaġġ kompetittiv f’termini ta’ aċċess għas-suq u għall-implimentazzjoni tat-teknoloġija.

Il-kompetittività, is-sovranità teknoloġika u l-kapaċità tal-Ewropa li tnaqqas id-dipendenzi kif ukoll il-protezzjoni tal-valuri tal-UE, inklużi l-ambizzjonijiet soċjali u ambjentali tagħna, se jiddependu fuq kemm l-atturi Ewropej se jkollhom suċċess fl-istandardizzazzjoni fil-livell internazzjonali. Dan mhux biss jinvolvi ħiliet ta’ standardizzazzjoni b’saħħithom fl-industrija u fl-akkademja, iżda jeħtieġ ukoll li l-istandardizzazzjoni Ewropea ssir aktar aġli, flessibbli u ffukata biex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet ta’ standardizzazzjoni.

Fl-istess ħin, l-istandardizzazzjoni Ewropea trid twieġeb għal pass ta’ innovazzjoni li qiegħed isir dejjem aktar mgħaġġel u jeħtieġ li tipprovdi standards malajr, filwaqt li tippreserva riżultati ta’ kwalità għolja. Konsorzji oħra mmexxija mill-industrija, li spiss ikunu privati u mhux Ewropej, huma aktar effiċjenti u rapidi fl-iżvilupp ta’ standards. B’mod partikolari f’teknoloġiji ġodda u emerġenti, is-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni spiss tonqos milli tipprovdi riżultati fil-ħin u b’hekk titlef il-vantaġġ importanti ta’ “min jidħol l-ewwel” permezz tal-istandardizzazzjoni.

Filwaqt li l-istandardizzazzjoni Ewropea kienet storja ta’ suċċess għall-istabbiliment tas-suq uniku tal-UE, l-importanza strateġika tal-istandards ma ġietx rikonoxxuta b’mod adegwat bi żvantaġġ għat-tmexxija tal-UE fl-iffissar tal-istandards. Dan irid jinbidel. Filwaqt li tqis il-feedback riċevut dwar il-pjan direzzjonali 1 , din l-istrateġija tipproponi sett ta’ azzjonijiet biex l-istandards jerġgħu jitqiegħdu fil-qalba ta’ suq uniku tal-UE reżiljenti, ekoloġiku u diġitali u biex jissaħħaħ ir-rwol globali tas-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni.

II.L-ingranaġġ tas-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni – għall-kisba ta’ tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali u għall-appoġġ tar-reżiljenza tas-suq uniku

It-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika tal-industriji tal-UE u suq uniku li jiffunzjona tajjeb u reżiljenti jiddependu fuq sistema ta’ standardizzazzjoni li tirrifletti b’mod adegwat il-prijoritajiet tal-politika tal-UE. L-ambizzjonijiet tal-UE lejn ekonomija newtrali għall-klima, reżiljenti u ċirkolari ma jistgħux jitwettqu mingħajr standards Ewropej dwar il-metodi ta’ ttestjar, is-sistemi ta’ ġestjoni jew is-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà. Fit-tellieqa globali għat-tmexxija diġitali, il-kapaċità li jitfasslu standards internazzjonali għall-prodotti, għall-proċessi u għas-servizzi diġitali bħala parametri referenzjarji globali hija essenzjali għall-kompetittività tal-UE. Fil-qosor, l-ambizzjonijiet tal-politika tal-UE dwar ekonomija reżiljenti, ekoloġika u diġitali mhumiex se jintlaħqu jekk l-istandards ta’ akkumpanjament jiġu definiti minn reġjuni oħrajn fid-dinja.

Għalhekk, minbarra l-ħidma kontinwa ta’ standardizzazzjoni fl-ekosistemi industrijali, l-Unjoni Ewropea llum qiegħda tiffaċċja “urġenzi ta’ standardizzazzjoni” kritiċi, oqsma li fihom l-istandards huma meħtieġa fis-snin li ġejjin sabiex jiġu evitati dipendenzi strateġiċi u sabiex tiġi manifestata t-tmexxija globali tal-UE fit-teknoloġiji ekoloġiċi u diġitali. Bħala riżultat tal-analiżi tad-dipendenzi strateġiċi fl-Istrateġija Industrijali aġġornata 2 kif ukoll tal-kontribut tal-partijiet ikkonċernati permezz tal-alleanzi industrijali, ġiet identifikata ħtieġa urġenti għall-iżvilupp tal-istandards fl-oqsma strateġiċi li ġejjin: standards biex jingħelbu l-ostakli attwali fil-produzzjoni tal-vaċċini u tal-mediċini kontra l-COVID-19; standards biex jiġi appoġġat ir-riċiklaġġ ta’ materja prima kritika (CRM); standards biex tiġi appoġġata t-tnedija tal-katina tal-valur tal-idroġenu nadif; standards li jappoġġaw siment b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju minħabba l-potenzjal sinifikanti tal-iffrankar tal-emissjonijiet; standards għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċipep f’termini ta’ sigurtà, awtentiċità u affidabbiltà; u standards tad-data li jtejbu l-interoperabbiltà tad-data, il-kondiviżjoni tad-data u l-użu mill-ġdid tad-data b’appoġġ għall-Ispazji Komuni Ewropej tad-data.

Sabiex jiġu indirizzati dawn l-urġenzi tal-istandardizzazzjoni u sabiex jiġu identifikati u antiċipati aħjar l-urġenzi u l-ħtiġijiet futuri, il-Kummissjoni se tressaq firxa ta’ miżuri.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni se taġixxi b’mod imminenti dwar l-urġenzi tal-istandardizzazzjoni elenkati hawn fuq, kif rifless fil-Programm ta’ Ħidma Annwali tal-Unjoni 2022 dwar l-istandardizzazzjoni. Il-Kummissjoni se tniedi talbiet ta’ standardizzazzjoni, se timpenja ruħha mal-komunitajiet rispettivi tal-partijiet ikkonċernati fi żmien xieraq u se tappoġġa l-ħidma wkoll b’finanzjament. Il-Kummissjoni tistieden lill-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni (ESOs) biex jagħtu prijorità għat-twettiq ta’ din il-ħidma mingħajr dewmien.

It-tieni, Forum Ġdid ta’ Livell Għoli se jlaqqa’ flimkien rappreżentanti tal-Istati Membri, tal-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni u l-Korpi Nazzjonali tal-Istandardizzazzjoni, l-industrija, is-soċjetà ċivili 3 u l-akkademja biex jgħin fl-istabbiliment ta’ prijoritajiet, jagħti pariri dwar il-ħtiġijiet futuri tal-istandardizzazzjoni, jikkoordina r-rappreżentazzjoni effettiva tal-interessi Ewropej f’fora ta’ standardizzazzjoni (internazzjonali) u jiżgura li l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej jissodisfaw il-ħtiġijiet biex l-ekonomija tal-UE ssir aktar ekoloġika, diġitali, ġusta u reżiljenti. Barra minn hekk, il-Forum se jaħdem biex isaħħaħ l-għarfien espert tekniku u l-ħiliet fl-istandards. Sottogruppi ddedikati se jmexxu ’l quddiem il-ħidma fil-livell operazzjonali. Il-Forum ta’ Livell Għoli se jaħdem f’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ gruppi ta’ esperti eżistenti bħall-Forum Industrijali, il-Bord għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data, alleanzi industrijali kif ukoll Forum Ewropew għar-Riċerka dwar is-Sigurtà 4 . Dan se jippermetti lill-komunità tal-istandardizzazzjoni tirreaġixxi aktar malajr u f’aktar armonija mal-ħtiġijiet tal-innovaturi u tal-utenti. L-involviment tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fid-diskussjoni dwar il-prijoritajiet għall-istandardizzazzjoni tal-UE huwa kruċjali biex tiġi żgurata konċertazzjoni politika u dan se jkun iffaċilitat b’avveniment annwali ta’ livell għoli.

It-tielet, flimkien mal-Forum ta’ Livell Għoli, il-Kummissjoni se tniedi proċess ta’ rieżami tal-istandards eżistenti, biex tidentifika l-ħtiġijiet għar-reviżjonijiet jew għall-iżvilupp ta’ standards ġodda biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tad-Deċennju Diġitali Ewropew u biex tappoġġa r-reżiljenza tas-suq uniku.

Ir-raba’, fuq livell tekniku, il-Kummissjoni se tistabbilixxi ċentru ta’ eċċellenza tal-UE dwar l-istandards biex tikkoordina u tisfrutta aħjar l-għarfien espert eżistenti tal-istandardizzazzjoni mxerred fi ħdan il-Kummissjoni, l-aġenziji tal-UE u l-Impriżi Konġunti. F’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, iċ-ċentru se jaħdem fuq l-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet futuri ta’ standardizzazzjoni, se jappoġġa l-ħidma f’oqsma prijoritarji ta’ standardizzazzjoni u se jissorvelja l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni internazzjonali. Iċ-ċentru se jagħmilha possibbli li jkun hemm rispons aħjar għat-talbiet tas-settur pubbliku għall-iżvilupp ta’ linji gwida u ta’ speċifikazzjonijiet f’oqsma bħall-eID, il-Gvern elettroniku jew l-Infrastruttura Ewropea tal-Blockchain għas-Servizzi. Il-Kummissjoni se toħloq il-funzjoni ta’ Uffiċjal Kap tal-Istandardizzazzjoni biex tmexxi l-ħidma taċ-ċentru ta’ eċċellenza u tiżgura s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ġenerali tad-diversi attivitajiet ta’ standardizzazzjoni madwar il-Kummissjoni.

Il-ħames, bi sħubija mal-ESOs, il-Kummissjoni se taħdem fuq soluzzjonijiet u se tistabbilixxi miri ċari biex taċċellera kull pass tal-proċess tal-iżvilupp tal-istandards li jsaħħu l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Dan jeħtieġ sforzi msaħħa minn kull naħa. Dan jinvolvi t-titjib tal-konsistenza ta’ standards li jkunu għadhom kif ġew żviluppati mad-dritt tal-UE sabiex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni f’waqtha tagħhom. Barra minn hekk, dan jeħtieġ li l-ESOs inaqqsu ż-żmien bejn l-adozzjoni ta’ standard armonizzat u t-twassil formali tiegħu lill-Kummissjoni. 5  Filwaqt li ż-żmien bejn it-twassil u l-pubblikazzjoni tar-referenza f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea naqas fl-2020 u fl-2021, il-Kummissjoni se tkompli taħdem ukoll fuq pubblikazzjoni aktar mgħaġġla tal-istandards, filwaqt li tissodisfa r-responsabbiltà tagħha fil-verifika ta’ jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti tad-dritt tal-UE.

Fir-rigward tas-servizzi tan-negozju, il-progress fil-passat kien relattivament kajman u l-istandards tas-servizzi għadhom jirrappreżentaw biss 2 % tal-istandards Ewropej kollha. Il-Kummissjoni avvanzat bil-valutazzjoni tagħha tal-aktar oqsma pertinenti fejn l-istandards armonizzati jistgħu jtejbu l-kompetittività u jnaqqsu l-ostakli tas-suq, inklużi l-istandards tas-servizzi għall-manifattura u l-kostruzzjoni avvanzati. Il-Kummissjoni qiegħda timpenja ruħha mal-partijiet ikkonċernati biex tmexxi ’l quddiem din il-ħidma dwar is-servizzi tan-negozju.

L-akkwist pubbliku bħala għodda għall-promozzjoni tal-adozzjoni ta’ standards għal prodotti innovattivi, ekoloġiċi u diġitali huwa qasam ieħor li l-Kummissjoni se tivvaluta flimkien mal-partijiet ikkonċernati.

Il-Kummissjoni se:

·Taħdem flimkien mal-ESOs, mal-partijiet ikkonċernati u ma’ sħab oħra biex tindirizza immedjatament l-urġenzi identifikati tal-istandardizzazzjoni, fir-rigward tal-produzzjoni tal-vaċċini u tal-mediċini kontra l-COVID-19, tar-riċiklaġġ tal-materja prima kritika, tal-katina tal-valur tal-idroġenu nadif, tas-siment b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċipep u tal-istandards tad-data.

·Tistabbilixxi Forum ta’ Livell Għoli biex tassisti lill-Kummissjoni fl-antiċipazzjoni tal-prijoritajiet ta’ standardizzazzjoni li ġejjin u tinvolvi ruħha mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill biex tiżgura konċertazzjoni politika dwar dawn il-prijoritajiet.

·Tirrifletti l-prijoritajiet ta’ standardizzazzjoni fil-Programm ta’ Ħidma Annwali tal-Unjoni dwar l-Istandardizzazzjoni mill-2022 ’il quddiem.

·Tirrevedi l-istandards eżistenti biex tidentifika l-ħtiġijiet għar-reviżjonijiet jew għall-iżvilupp ta’ standards ġodda biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tad-Deċennju Diġitali tal-Ewropa u biex tappoġġa r-reżiljenza tas-suq uniku tal-UE.

·Tistabbilixxi ċentru ta’ eċċellenza tal-UE dwar l-istandards biex tgħaqqad flimkien l-għarfien espert dwar l-istandardizzazzjoni, u tinnomina Uffiċjal Kap tal-Istandardizzazzjoni, li se jmexxi dan in-network u se jiżgura s-sorveljanza tal-Kummissjoni dwar l-allinjament tal-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni mal-objettivi tal-politika tal-UE u mal-interessi strateġiċi.

·Taħdem mal-ESOs fuq soluzzjonijiet u miri konkreti biex taċċellera l-iżvilupp u l-adozzjoni tal-istandards, filwaqt li timplimenta soluzzjonijiet konkreti biex tinkiseb konsistenza ogħla tal-istandards offruti għall-pubblikazzjoni b’referenza f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

III.Iż-żamma tal-integrità, tal-inklużività u tal-aċċessibbiltà tas-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni – l-istabbiliment ta’ prinċipji ta’ governanza tajba

Fi ħdan is-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni, l-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni (ESOs) il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) u l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI) għandhom rwol privileġġat u prominenti: huma l-uniċi organizzazzjonijiet li huma eliġibbli biex jaħdmu fuq talbiet ta’ standardizzazzjoni maħruġa mill-Kummissjoni. Dan ir-rwol jirriżulta mill-għażla tal-leġiżlatur tal-UE li jitlob lil dawn l-organizzazzjonijiet, li huma regolati mil-liġi privata, jiżviluppaw standards u strumenti ta’ standardizzazzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea.

L-istatus speċjali tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jġorr miegħu responsabbiltajiet. Aktar minn qatt qabel, l-istandards ma jridux jittrattaw biss komponenti tekniċi, iżda jridu jinkorporaw ukoll il-valuri demokratiċi ewlenin u l-interessi tal-UE, kif ukoll il-prinċipji ekoloġiċi u soċjali. Pereżempju, l-istandards għaċ-ċibersigurtà jew għar-reżiljenza tal-infrastruttura kritika jġorru magħhom dimensjoni strateġika. Dan huwa partikolarment importanti fir-rigward tal-istandards armonizzati, adottati abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-armonizzazzjoni u li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset bħala parti mid-dritt tal-UE għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dawk l-istandards 6 . Sabiex jiġi żgurat li s-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni tipprovdi riżultati f’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li din tippromwovi l-interessi u l-valuri tal-UE.

Il-Kummissjoni hija mħassba li l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-lum fi ħdan l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, b’mod partikolari fl-ETSI, jippermettu setgħa ta’ votazzjoni mhux ugwali għal ċerti interessi korporattivi: xi kumpaniji multinazzjonali kisbu aktar voti mill-korpi li jirrappreżentaw il-komunità kollha tal-partijiet ikkonċernati. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni temmen li jeħtieġ li jiġu stabbiliti prinċipji amministrattivi u ta’ governanza tajba meta l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jaġixxu fuq talbiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej u jiżviluppaw standards użati biex juru konformità mar-regoli imposti fl-interess taċ-ċittadini tal-UE.

Għalhekk, il-Kummissjoni llum tippreżenta proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1025/2012. Din tippreskrivi li biex ikunu eliġibbli għal talbiet ta’ standardizzazzjoni mill-Kummissjoni, id-delegati tal-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni tal-UE, taż-ŻEE jridu jkunu dawk li għandhom is-setgħa tat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’kull stadju tal-iżvilupp ta’ standard mitlub mill-Kummissjoni. Permezz ta’ rappreżentanza bbilanċjata li tinkludi lill-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà fil-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni, dan se jtejjeb il-ftuħ, it-trasparenza u l-inklużività tal-proċess.

L-SMEs huma xprunaturi importanti tal-innovazzjoni u tal-utenti tal-istandards. Madankollu, l-aċċess tagħhom għal proċessi ta’ żvilupp standard u għall-istandards jeħtieġ li jittejjeb. L-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 jipprevedi kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-SMEs (aċċess ħieles għall-abbozzi ta’ standards, aċċess għall-attivitajiet tal-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni, l-applikazzjoni ta’ rati speċjali għall-istandards, eċċ.).

B’dan il-ħsieb, biex tikkomplementa l-emenda tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, il-Kummissjoni tistieden lill-ESOs biex jagħmlu proposti sal-aħħar tal-2022 biex jimmodernizzaw il-governanza tagħhom. Dan għandu jinkludi l-indirizzar ta’ rappreżentazzjoni mhux uniformi u mhux trasparenti tal-interessi industrijali u ż-żieda fl-involviment tal-SMEs, tas-soċjetà ċivili u tal-utenti. L-ESOs għandhom jikkunsidraw ukoll l-aċċess liberu għall-istandards u għal strumenti oħra. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tinvolvi ruħha mal-ESOs fi djalogu kostruttiv bl-użu tal-fora eżistenti biex tgħinhom jilħqu dan l-objettiv. Jekk ma jsirx progress suffiċjenti, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tipproponi reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, kif meħtieġ. Il-Kummissjoni se tniedi evalwazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 fit-tieni trimestru tal-2022.

Fil-livell nazzjonali jista’ jsir aktar biex jitjieb l-aċċess għall-iżvilupp tal-istandardizzazzjoni u għall-istandards infushom. Għalhekk, il-Kummissjoni se tniedi proċess ta’ rieżami bejn il-pari bejn l-Istati Membri tal-UE u l-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni biex jiskambjaw prattiki tajbin u jrawmu ideat ġodda dwar kif jiġu ffaċilitati kundizzjonijiet favorevoli għall-SMEs u l-involviment tas-soċjetà ċivili u l-utenti madwar l-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tisfrutta n-networks eżistenti – inkluż in-Network Enterprise Europe (EEN), biex tilħaq udjenza usa’ tal-SMEs u torganizza taħriġ, sessjonijiet ta’ informazzjoni u materjal ta’ gwida.

Il-leġiżlazzjoni reċenti 7 u l-proposti tal-Kummissjoni 8 jipprevedu għal setgħa tal-Kummissjoni biex tadotta speċifikazzjonijiet tekniċi jew komuni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni f’każijiet speċifiċi. Minħabba r-rwol tal-istandards armonizzati fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-armonizzazzjoni, din l-għażla ġiet integrata bħala soluzzjoni ta’ riżerva, sabiex jiġi żgurat li jiġi servut l-interess pubbliku fejn l-istandards armonizzati jkunu nieqsa u insuffiċjenti. Sabiex tiġi evitata frammentazzjoni tal-approċċi settorjali, il-Kummissjoni se taħdem lejn approċċ orizzontali f’termini ta’ kriterji u proċessi għal meta u taħt liema kundizzjonijiet il-Kummissjoni tista’ tingħata s-setgħa li tiżviluppa speċifikazzjonijiet komuni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, f’dawk il-każijiet fejn il-leġiżlazzjoni rilevanti tipprevedi dan. Dan jista’, pereżempju, ikun il-każ meta l-istandards ikunu tard jew il-proċess jiġi mblukkat minħabba nuqqas ta’ kunsens bejn il-partijiet ikkonċernati. Iċ-ċentru ta’ eċċellenza tal-UE li għadu kif inħoloq imħabbar f’din l-istrateġija se jipprovdi l-għarfien espert tekniku meħtieġ biex jiġu żviluppati dawk l-ispeċifikazzjonijiet komuni.

Il-Kummissjoni:

·Tippreżenta proposta leġiżlattiva li temenda r-Regolament (UE) Nru 1025/2012, li fiha tipproponi kriterji bażiċi li jridu jiġu rispettati meta jiġu ttrattati t-talbiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

·Tistieden lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex jagħmlu proposti sa tmiem l-2022 biex jimmodernizzaw il-governanza tagħhom sabiex jirrappreżentaw bis-sħiħ l-interess pubbliku u l-interessi tal-SMEs, tas-soċjetà ċivili u tal-utenti u jiffaċilitaw l-aċċess għall-istandards.

·Se tniedi l-evalwazzjoni tar-Regolament (UE) 1025/2012 biex tivvaluta jekk għadux adattat għall-iskop tiegħu.

·Se tniedi proċess ta’ rieżami bejn il-pari fost l-Istati Membri u l-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni sa tmiem l-2022 biex tikseb inklussività aħjar, inkluż tas-soċjetà ċivili u l-utenti, u kundizzjonijiet li jiffavorixxu lill-SMEs għall-istandardizzazzjoni.

·Se tiżviluppa approċċ orizzontali għall-iżvilupp ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi jew komuni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont il-leġiżlazzjoni settorjali

IV.L-istabbiliment ta’ standards globali: l-appoġġ għall-pożizzjoni ewlenija tal-UE bħala prekursur fit-teknoloġiji ewlenin u l-promozzjoni tal-valuri ewlenin tal-UE

Tradizzjonalment, l-Unjoni Ewropea kellha impronta globali b’saħħitha fl-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni internazzjonali u rekord tajjeb biex taqleb l-istandards internazzjonali għal standards Ewropej. Illum, l-esperti Ewropej u l-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni jibqgħu atturi importanti, iżda x-xenarju ġeopolitiku nbidel b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin: atturi oħra jsegwu approċċ ħafna aktar assertiv għall-istandardizzazzjoni internazzjonali mill-UE u kisbu influwenza fil-kumitati internazzjonali tal-istandardizzazzjoni. L-objettiv tal-UE huwa li tfassal standards internazzjonali f’konformità mal-valuri u mal-interessi tagħha, iżda hija f’kompetizzjoni b’saħħitha biex tagħmel dan. 9

L-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jippromwovu approċċ aktar strateġiku għall-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni internazzjonali, primarjament fl-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU), fl-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) u fil-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali (IEC), iżda wkoll fi sħubijiet globali, f’fora u f’konsorzji rilevanti oħra 10 , sabiex jiġu żgurati l-kompetittività globali, is-sigurtà u l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE, kif ukoll il-kapaċità tal-UE li tippromwovi l-valuri tagħha.

L-Istati Membri tal-UE, il-korpi tal-istandardizzazzjoni tal-UE u l-industriji tal-UE ma jikkoordinawx u ma jikkondividux effettivament ir-riżorsi b’appoġġ għall-proċessi u għall-prinċipji ta’ standardizzazzjoni internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) bħall-ftuħ, it-trasparenza u l-kunsens. Dan wassal għal sitwazzjoni fejn f’oqsma sensittivi bħall-batteriji tal-litju, bħar-rikonoxximent tal-wiċċ jew it-tewmi diġitali, reġjuni oħrajn tad-dinja qed jieħdu t-tmexxija f’kumitati tekniċi internazzjonali fejn qed jippromwovu s-soluzzjonijiet teknoloġiċi tagħhom, li spiss ikunu inkompatibbli mal-valuri, mal-politiki u mal-qafas regolatorju tal-UE.

Il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE, il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni u l-partijiet ikkonċernati tal-UE trid tittejjeb biex tissaħħaħ il-vuċi tal-UE fl-istandardizzazzjoni globali. Iċ-ċentru ta’ eċċellenza tal-UE dwar l-istandards se jimmonitorja l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni internazzjonali rilevanti u l-koordinazzjoni se tiġi promossa f’livell politiku permezz tal-Forum ta’ Livell Għoli kif imħabbar f’din l-istrateġija.

Sitwazzjoni kritika partikolari hija relatata mal-istandardizzazzjoni tal-internet għall-promozzjoni ta’ internet globali ħieles, miftuħ, aċċessibbli, inklużiv u sigur. F’dawn l-aħħar snin, l-istandardizzazzjoni internazzjonali fuq il-protokolli tal-internet dejjem saret aktar ippolitiċizzata, bir-riskju li tillimita l-evoluzzjoni tal-internet globali miftuħ u li tfixkel il-proċess ta’ diġitalizzazzjoni madwar id-dinja. Il-Kummissjoni se tindirizza b’mod attiv din il-kwistjoni: f’koordinazzjoni mill-qrib mas-sħab tal-istess fehma, b’rabta mal-ħidma fil-G7 11 u fil-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti (TTC), se taħdem lejn preżenza Ewropea akbar f’fora internazzjonali rilevanti. Iċ-ċentru ta’ eċċellenza tal-UE dwar l-istandards li għadu kif ġie stabbilit imħabbar f’din l-istrateġija se jappoġġa din il-ħidma. Il-Kummissjoni se timmonitorja l-varar ta’ standards ewlenin tal-internet maqbula internazzjonalment u se tagħmel din id-data u l-prattiki tajbin relatati disponibbli fuq sit web tal-UE għall-monitoraġġ tal-istandards tal-internet. Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll miżuri ta’ politika possibbli biex trawwem l-implimentazzjoni tal-istandards ewlenin tal-internet bħal IPv6. 12  

L-introduzzjoni tar-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà skont l-Ekodisinn u l-Inizjattiva dwar il-Prodotti Sostenibbli li ġejja se jeħtieġu l-iżvilupp ta’ standards għas-suq Ewropew. L-UE għandha taħdem biex tippromwovi l-adozzjoni globali ta’ dawn l-istandards sabiex tiżgura segwitu internazzjonali usa’ tal-għanijiet ta’ politika sottostanti u sabiex tiżgura vantaġġ kompetittiv għall-industriji li jidħlu l-ewwel.

Il-Kummissjoni timmonitorja wkoll l-istandardizzazzjoni internazzjonali dwar l-immaniġġar tat-traffiku fl-ispazju u qiegħda tiżviluppa approċċ tal-UE, minħabba l-impatt dirett tagħha fuq l-użu sikur u sostenibbli tal-ispazju ekstratmosferiku u r-rwol tat-teknoloġiji tal-ispazju għall-isforzi tal-UE lejn is-sovranità teknoloġika. Bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar is-sinerġiji bejn l-industriji ċivili, tad-difiża u tal-ispazju 13 , il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin oħra, se tippreżenta pjan biex tippromwovi l-użu ta’ standards ibridi ċivili/tad-difiża eżistenti u se tieħu rwol ta’ tmexxija fl-iżvilupp ta’ standards ġodda fil-livell internazzjonali.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex jappoġġaw il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, tal-esperti tal-SMEs, tat-trade unions u tar-rappreżentanti tal-konsumaturi fl-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni internazzjonali. Peress li l-istandards mhux biss jirregolaw l-aspett tekniku ta’ prodott, iżda jista’ jkollhom impatt fuq in-nies, fuq il-ħaddiema u fuq l-ambjent, approċċ inklużiv u b’diversi partijiet ikkonċernati jista’ jġib miegħu sistema ta’ kontrokontrolli għat-tfassil tal-istandards.

Il-valuri soċjali, ambjentali u etiċi tal-UE huma kondiviżi ma’ ħafna sħab globali li għandhom l-istess fehma. Fil-ftehimiet kummerċjali konklużi mill-UE, il-kapitoli dwar l-ostakli tekniċi għall-kummerċ u l-prattiki regolatorji tajbin diġà għandhom rwol fil-promozzjoni tal-objettivi tal-istandardizzazzjoni tal-UE, b’mod partikolari billi jrawmu l-adozzjoni ta’ standards internazzjonali mis-sħab kummerċjali u permezz ta’ kooperazzjoni bejn il-korpi rispettivi tal-istandardizzazzjoni. Madankollu, hemm lok għal approċċ aktar strateġiku fl-ingranaġġ ta’ ftehimiet u sħubijiet kummerċjali biex jiġu appoġġati l-interessi kondiviżi fl-iffissar ta’ standards internazzjonali mas-sħab ewlenin. Id-diskussjonijiet kontinwi mal-Istati Uniti dwar aktar kooperazzjoni u dwar azzjoni kollaborattiva akbar fl-ambitu tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija (TTC) jew id-diskussjonijiet futuri dwar l-istandards fis-Sħubijiet Diġitali ppjanati mal-Ġappun, mar-Repubblika tal-Korea u ma’ Singapore huma eżempji tajbin ta’ kooperazzjoni ta’ standardizzazzjoni tal-UE ma’ sħab internazzjonali.

Il-Kummissjoni se tkompli d-djalogu tagħha ma’ pajjiżi oħra bħaċ-Ċina u se tesplora oqsma possibbli ta’ kooperazzjoni, pereżempju b’appoġġ għall-Patt Ekoloġiku Ewropew. Sabiex tissaħħaħ ir-relazzjoni ekonomika tal-Unjoni mal-pajjiżi tal-viċinat u ma’ reġjuni sħab importanti oħra bħall-Afrika jew l-Amerka Latina u l-Karibew, huwa meħtieġ li tiġi promossa u ffaċilitata l-adozzjoni ta’ standards Ewropej u internazzjonali minn dawn il-pajjiżi, kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħhom fl-iffissar tal-istandards. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tiżviluppa inizjattivi, inkluż billi tibni fuq sħubijiet u proġetti ta kooperazzjoni eżistenti bejn l-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni u l-korpi tal-istandardizzazzjoni f’pajjiżi terzi. Se tisfrutta wkoll l-istrateġija Global Gateway għall-promozzjoni ta’ dawn l-istandards permezz tal-attivitajiet tagħha ta’ finanzjament tal-infrastruttura 14 . Ir-rwol tal-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni huwa ugwalment importanti għall-promozzjoni tar-rwol ewlieni tal-UE bħala entità li tistabbilixxi l-istandards globali.

Il-Kummissjoni se:

·Tistabbilixxi mekkaniżmu flimkien mal-Istati Membri tal-UE u mal-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni sabiex jimmonitorjaw, jikkondividu l-informazzjoni, jikkoordinaw u jsaħħu l-approċċ Ewropew għall-istandardizzazzjoni internazzjonali (ISO, IEC, ITU u fora internazzjonali rilevanti oħra), appoġġat miċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tal-UE dwar l-istandards.;

·Trawwem l-iżvilupp u l-varar ta’ standards internazzjonali għal internet globali ħieles, miftuħ, aċċessibbli u sigur u tistabbilixxi sit web tal-UE għall-monitoraġġ tal-istandards tal-internet.

·Tissorvelja l-implimentazzjoni effettiva tal-impenji eżistenti dwar l-istandardizzazzjoni fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE u tuża tali ftehimiet kummerċjali, kif ukoll djalogi regolatorji u sħubijiet diġitali, għall-kooperazzjoni dwar l-istandardizzazzjoni ma’ sħab tal-istess fehma f’oqsma strateġiċi u tikkoordina pożizzjonijiet f’korpi internazzjonali tal-istandardizzazzjoni.

·Tippromwovi l-kooperazzjoni internazzjonali dwar l-istandardizzazzjoni u l-istandards tal-UE mal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali - Ewropa Globali (NDICI-Ewropa Globali) u ma’ Orizzont Ewropa, ukoll bil-ħsieb li tiġi appoġġata l-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati fl-istandardizzazzjoni internazzjonali (SMEs, soċjetà ċivili, akkademiċi).

·Tiffinanzja proġetti ta’ standardizzazzjoni fil-pajjiżi Afrikani magħżula bħala parti mill-politika tagħha ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-Global Gateway. L-UE se tippromwovi standards Ewropej ewlenin fil-pajjiżi sħab b’perspettivi ta’ adeżjoni/b’integrazzjoni aktar mill-qrib mas-suq intern tal-UE, li jibdew fil-Viċinati tal-UE.

V.Innovazzjoni avvanzata li trawwem standards f’waqthom

It-tmexxija tal-UE fil-qasam tal-istandardizzazzjoni tiddependi fuq il-kapaċità tal-innovazzjoni tal-ekosistemi industrijali tagħha. Il-proġetti tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (RŻI) tal-UE jippermettu li teknoloġiji ġodda jidħlu f’fażi aktar matura, u jiffavorixxu l-applikabbiltà tagħhom fuq skala akbar u jippromwovu l-adozzjoni tagħhom fis-suq. Għalhekk, il-bażi tar-R&I tal-Ewropa, inkluż permezz tal-Orizzont Ewropa u l-programmi preċedenti tagħha, jeħtieġ li tiġi sfruttata ulterjorment fl-identifikazzjoni u fit-trasferiment tar-riċerka rilevanti għal standards ġodda.

Hemm potenzjal mhux sfruttat fir-riċerka prenormattiva ffinanzjata mill-UE b’appoġġ għall-ħtiġijiet ta’ standardizzazzjoni. Allokazzjoni xierqa tar-riżorsi għar-riċerka prenormattiva tista’ tgħin biex jiġi żgurat li l-Ewropa ssir pijuniera fil-proċessi internazzjonali tal-istandardizzazzjoni. L-azzjoni annwali tal-Kummissjoni dwar il-“prospettiva dwar l-istandardizzazzjoni” taħt l-inizjattiva Putting (more) Science into Standards (PSIS), f’kooperazzjoni mas-CEN u s-CENELEC, hija eżerċizzju importanti biex opportunitajiet futuri ta’ standardizzazzjoni jiġu identifikati kmieni u jinbnew konnessjonijiet importanti bejn il-komunitajiet tar-riċerka, tal-innovazzjoni u tal-istandardizzazzjoni.

Orizzont Ewropa u l-programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom (R&T tal-Euratom), inkluż permezz tal-azzjonijiet u tas-sħubijiet diretti tagħhom, bħal Impriżi Konġunti u Programm Ewropa Diġitali, kif ukoll il-pjanijiet direzzjonali komuni tat-teknoloġija industrijali taż-ŻER, għandhom rwol importanti. Huma jantiċipaw il-ħtiġijiet tal-istandardizzazzjoni u jorbtu l-prijoritajiet strateġiċi mar-riċerka prenormattiva. Din hija r-raġuni għaliex il-proċess ta’ evalwazzjoni u ta’ rieżami tal-proġetti ta’ RŻI ffinanzjati mill-UE diġà jikkunsidra l-ħtiġijiet ta’ standardizzazzjoni, pereżempju bħala parti minn Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni u mill-obbligi ta’ rapportar.

Il-Kummissjoni se tivvaluta kif tappoġġa aħjar lir-riċerkaturi u lill-innovaturi li jipparteċipaw fi proġetti ta’ RŻI ffinanzjati mill-UE sabiex jieħdu sehem f’attivitajiet ta’ standardizzazzjoni rilevanti. Se tniedi l-pjattaforma “Booster tal-Istandardizzazzjoni”,, pjattaforma biex tgħin lill-benefiċjarji, li r-riżultati tagħhom tar-riċerka ta’ Orizzont 2020 u ta’ Orizzont Ewropa x’aktarx iwasslu għar-reviżjoni jew għall-ħolqien ta’ standard, biex tiġi ttestjata r-rilevanza tar-riżultati tagħhom għall-istandardizzazzjoni. L-involviment kmieni tal-komunità tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-iżvilupp tal-istandards jipprovdi wkoll opportunità biex jinbnew l-għarfien espert u l-ħiliet fl-istandardizzazzjoni. Illum, ir-riċerkaturi, in-negozji spin-offs u ġodda ma jqisux l-istandardizzazzjoni bħala prijorità: huma mhux dejjem ikunu konxji tal-benefiċċji tal-istandardizzazzjoni, ma jkollhomx ir-riżorsi meħtieġa jew ma jikkunsidrawx li ż-żmien imqatta’ fuq l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni ma huwiex ippremjat biżżejjed. Approċċ konsistenti biex jiġu ffaċilitati l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni u għas-sensibilizzazzjoni strateġika fost ir-riċerkaturi u l-innovaturi se jiġi promoss minn Kodiċi ta’ Prattika Ewropew iddedikat għar-riċerkaturi dwar l-istandardizzazzjoni.

Lil hinn mir-RŻI, l-adozzjoni b’suċċess tal-istandards tiddependi direttament fuq kemm jistgħu jiġu stabbiliti malajr swieq ewlenin madwar l-Unjoni. Il-bini ta’ massa kritika għat-tnedija bikrija ta’ teknoloġiji bħal karozzi konnessi, fabbriki intelliġenti, sistemi diġitali tal-kura tas-saħħa joħloq momentum Ewropew li jappoġġa t-tmexxija tal-UE f’dawn l-oqsma. F’dak il-kuntest, il-programmi ta’ implimentazzjoni bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) u l-Programm Ewropa Diġitali (DEP) huma kritiċi għall-bini tal-kapaċitajiet industrijali madwar l-istandards globali fl-Ewropa, u r-rwol tagħhom għandu jissaħħaħ fil-futur.

L-istandards tal-futur għandhom jimxu minn testi għal formati li jinqraw mill-magni, li huma aktar faċli għall-utent, b’mod partikolari għall-SMEs. Il-Kummissjoni se tappoġġa din it-tranżizzjoni. Barra minn hekk, se tistieden lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex jintegraw soluzzjonijiet ta’ sors miftuħ fl-attivitajiet tagħhom, li jistgħu jipprovdu lill-SMEs b’soluzzjonijiet mgħaġġla ta’ interoperabbiltà fl-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi.

Il-Kummissjoni se:

·Tniedi l-pjattaforma “Booster tal-Istandardizzazzjoni, biex tappoġġa lir-riċerkaturi taħt Orizzont 2020 u Orizzont Ewropa biex tiġi ttestjata r-rilevanza tar-riżultati tal-istandardizzazzjoni tagħhom.

·Tiżviluppa Kodiċi ta’ Prattika għar-riċerkaturi dwar l-istandardizzazzjoni biex tiġi msaħħa r-rabta bejn l-istandardizzazzjoni u r-riċerka/l-innovazzjoni permezz taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER), sa nofs l-2022.

VI.L-iżgurar ta’ għarfien espert futur dwar l-istandardizzazzjoni – il-ħtieġa għall-edukazzjoni u l-ħiliet

L-użu tal-istandards qed jikber, l-importanza tal-istandardizzazzjoni għall-kompetittività u għall-ġid pubbliku mhijiex ikkontestata, iżda s-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ ġenerali dwar l-istandardizzazzjoni huma relattivament żgħar. Ma hemm l-ebda edukazzjoni formali u lanqas taħriġ vokazzjonali dwar l-istandardizzazzjoni. Ħafna kumpaniji tal-UE – kemm kbar kif ukoll żgħar – ma għandhomx approċċ strutturat u strateġiku għall-istandardizzazzjoni li jkopri r-rilevanza tagħhom għal diversi operazzjonijiet ekonomiċi, kemm għall-konformità legali, kif ukoll għall-aċċess għas-suq jew għall-istrateġija ġenerali tan-negozju.

Dan huwa inkwetanti u rifless fid-diffikultà globali għar-reklutaġġ ta’ esperti tekniċi għall-ħidma ta’ żvilupp tal-istandardizzazzjoni. Is-suċċess tas-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni jiddependi fuq għadd kbir ta’ esperti mill-industrija, mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, mis-soċjetà ċivili, mir-riċerka jew mill-akkademja biex jingħataw riżultati fir-rigward tal-aspetti kritiċi kollha tal-iżvilupp tal-istandards. Fil-biċċa l-kbira, huwa bis-saħħa tal-investiment ta’ kumpaniji, ta’ universitajiet, ta’ istituzzjonijiet ta’ riċerka u ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi li s-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni kienet ta’ suċċess. L-Ewropa teħtieġ l-aqwa esperti tal-istandardizzazzjoni biex issegwi b’suċċess l-ambizzjonijiet globali tagħha u tappoġġa suq uniku diġitali, ekoloġiku u reżiljenti.

Il-problema hija aggravata minn bidla fil-ġenerazzjoni li ġejja. Ħafna mill-esperti, li ħadmu fuq l-istandardizzazzjoni fl-aħħar deċennji, se jirtiraw. Fl-istess ħin, ix-xenarju tal-istandardizzazzjoni se jsir aktar kumpless: sfidi teknoloġiċi u kunsiderazzjonijiet orizzontali ġodda – bħall-intelliġenza artifiċjali, il-protezzjoni tad-data jew iċ-ċibersigurtà – se jeħtieġu ħiliet ġodda fl-iżvilupp tal-istandards. L-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni huma mqassma f’livelli differenti, b’inizjattivi f’organizzazzjonijiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali li jinfurmaw ix-xejriet u l-adozzjoni tal-istandardizzazzjoni.

Fl-edukazzjoni, l-iżvilupp ta’ moduli ta’ standardizzazzjoni ddedikati fil-lawrji tan-negozju, tal-liġi jew tal-inġinerija jista’ jkun impetu importanti biex jitwessgħu s-sensibilizzazzjoni u l-għarfien dwar l-istandardizzazzjoni. Il-Kummissjoni se tippromwovi l-organizzazzjoni ta’ Jiem tal-Università ta’ Standardizzazzjoni għal sensibilizzazzjoni fost l-akkademiċi u l-istudenti. Pjattaformi bejn akkademiċi attivi fl-istandardizzazzjoni, bħall-Akkademja tal-UE tal-Kummissjoni 15 , jistgħu jipprovdu forum ta’ skambju u ta’ stimolu għall-iżvilupp ta’ moduli tat-tagħlim.

Aktar sensibilizzazzjoni fi ħdan ir-reġjuni u fir-raggruppamenti tista’ tkun ingranaġġ effettiv għall-promozzjoni tal-għarfien dwar l-istandardizzazzjoni u għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ta’ għarfien espert dwar l-istandardizzazzjoni permezz ta’ taħriġ vokazzjonali u edukattiv (VET). Hemm potenzjal fl-attivitajiet prenormattivi fi ħdan il-programmi ta’ finanzjament tal-UE, fejn ir-riċerkaturi jiksbu għarfien importanti li jista’ jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ standard. Sa issa, ma kien hemm l-ebda inizjattiva biex jiġi vvalorizzat tali għarfien espert fost ir-riċerkaturi u l-Kummissjoni se tibda billi tesplora network ta’ riċerka ddedikat dwar l-istandards fl-ambitu tal-azzjonijiet ta’ Kooperazzjoni Ewropea fix-Xjenza u t-Teknoloġija (COST).

Il-Kummissjoni se:

·Torganizza Jiem tal-Università tal-Istandardizzazzjoni biex tiġi promossa s-sensibilizzazzjoni dwar l-istandardizzazzjoni fost l-akkademiċi u l-istudenti.

·Tniedi inizjattivi għal riċerkaturi żgħażagħ u għan-networks minn Orizzont Ewropa u l-programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom, inkluż l-Assoċjazzjoni COST, għall-valorizzazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni permezz tal-istandardizzazzjoni u r-riċerka prenormattiva.

·Tuża l-pjattaforma tal-Akkademja tal-UE tal-Kummissjoni għat-tixrid ta’ materjal ta’ taħriġ ta’ standardizzazzjoni għall-apprendiment elettroniku; tippromwovi l-iżvilupp u t-tixrid ta’ moduli ta’ tagħlim akkademiku ta’ standardizzazzjoni fi ħdan il-Forum ta’ Livell Għoli biex tattira u tħarreġ professjonisti żgħażagħ fl-istandardizzazzjoni u tippromwovi opportunitajiet ta’ taħriġ mill-ġdid ta’ ħiliet.

VII.It-triq ’il quddiem – il-futur tas-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni

L-istandards mhumiex għan fihom infushom. Dawn huma inkorporati f’objettivi ta’ politika mmirati lejn il-kompetittività industrijali, il-moviment liberu tal-prodotti u s-servizzi fis-suq intern, l-innovazzjoni, is-sikurezza, il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-ħaddiema u l-ħarsien tal-ambjent kif ukoll awtonomija strateġika miftuħa u ekonomija newtrali għall-klima, reżiljenti u ċirkolari. Għalhekk huwa importanti ħafna li jiġu żgurati l-użu, l-effettività u l-utilità tal-istandards tul il-ktajjen tal-valur industrijali, inklużi l-SMEs u l-atturi tas-soċjetà.

L-UE għandha l-potenzjal li tkun il-pijuniera ewlenija u li tmexxi l-iffissar ta’ standards internazzjonali, billi tingrana l-kooperazzjoni tagħha ma’ sħab internazzjonali oħra tal-istess fehma, b’mod partikolari fir-rigward ta’ oqsma teknoloġiċi futuri ta’ interess strateġiku. Għalhekk, il-Kummissjoni hija impenjata li tagħmel is-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni aktar funzjonali u aġli, biex tikseb riżultati fir-rigward tal-istandards li jagħmlu lill-industriji tagħna aktar kompetittivi, isservi l-interess pubbliku tal-UE, tippromwovi s-sostenibbiltà, u tippreserva u ssaħħaħ l-valuri demokratiċi.

It-trasparenza fil-proċess tat-tfassil tal-istandards se tikkontribwixxi għat-tneħħija tal-konġestjonijiet fil-proċess tal-iżvilupp tal-istandards u biex is-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni ssir aktar effiċjenti. It-trasparenza se tippermetti wkoll lill-atturi pubbliċi u privati biex jifhmu aħjar id-diskrepanzi attwali u l-ħtiġijiet futuri tal-istandards.

L-involviment u l-kontribut regolari tal-atturi rilevanti kollha – inkluż is-sħab interistituzzjonali, l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, is-soċjetà ċivili, l-industrija u l-akkademja – u l-effettività tas-sistema ta’ kontrokontrolli se jkunu kritiċi għas-suċċess tas-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni.

B’din l-istrateġija, il-Kummissjoni tirfed ir-rwol tal-UE bħala mexxejja globali fl-iżvilupp ta’ standards, fl-appoġġ tal-valuri tal-UE u fl-għoti ta’ vantaġġ kompetittiv lill-industriji.

Il-Kummissjoni se:

·Tippubblika, flimkien mal-Programm ta’ Ħidma Annwali tal-Unjoni u l-Pjan Kontinwu għall-Istandardizzazzjoni tal-ICT, dashboard annwali dwar l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni ppjanati, attwali u kompluti għal aktar trasparenza fis-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni.

(1)

https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13099-Standardization-strategy/feedback_mt?p_id=25976796

(2)

COM(2021) 350 final

(3)

Inklużi l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-partijiet ikkonċernati ambjentali u soċjali

(4)

Il-Forum jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jiskambjaw fehmiet u esperjenzi dwar kif jitneħħew l-ostakli ewlenin għall-adozzjoni tar-riċerka dwar is-sigurtà u għandu l-għan li jappoġġa approċċ konsistenti u strateġiku għat-tfassil tal-politika fuq ir-riċerka dwar is-sigurtà fl-UE.

(5)

Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, SWD(2022) xxx

(6)

Is-sentenza tal-Qorti tas-27 ta’ Ottubru 2016, C-613/14, ECLI:EU:C:2016:821. .

(7)

Ir-Regolament (UE) 2019/1009 dwar il-prodotti fertilizzanti, ir-Regolament (UE) 2017/745 dwar apparati mediċi, ir-Regolament (UE) 2017/746 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi dijanjostiċi in vitro, id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku, u r-Regolament (UE) 2019/881, l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà.

(8)

L-Intelliġenza Artifiċjali (COM/2021/206), Il-Batteriji (COM/2020/798), Il-Makkinarju u l-Prodotti Relatati (COM(2021)202), Is-Suq tal-Idroġenu u tal-Gass (COM(2021) 804).

(9)

Ara wkoll l-analiżi fir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-Kummissjoni (2021).

(10)

Eż., 3GPP, OneM2M, IETF, IEEE, W3C, OASIS, ECMA International, UN/CEFACT.

(11)

Dikjarazzjoni Ministerjali Laqgħa tal-Ministri G7 Diġitali u Teknoloġiċi (28 ta’ April 2021)

(12)

JOIN(2020) 18

(13)

COM(2021) 70 final

(14)

JOIN(2021) 30.

(15)

https://academy.europa.eu/

Top