Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022AT39839(02)

    Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Jannar 2022 li temenda d-Deċiżjoni C (2013) 306 final dwar proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-Trattat) (IL-KAŻ AT.39839 - TELEFÓNICA U PORTUGAL TELECOM) (notifikata bid-dokument C(2022) 324) (L-Ingliż u l-Portugiż biss huma l-lingwi awtentiċi tal-każ) 2022/C 286/10

    C/2022/324

    ĠU C 286, 27.7.2022, p. 30–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.7.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 286/30


    Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

    tal-25 ta’ Jannar 2022

    li temenda d-Deċiżjoni C (2013) 306 final dwar proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-Trattat)

    (IL-KAŻ AT.39839 - TELEFÓNICA U PORTUGAL TELECOM)

    (notifikata bid-dokument C(2022) 324)

    (L-Ingliż u l-Portugiż biss huma l-lingwi awtentiċi tal-każ)

    (2022/C 286/10)

    Fil-25 ta’ Jannar 2022, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inkluża kull penali imposta, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

    1.   INTRODUZZJONI

    (1)

    Fit-23 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni li timmulta lil Telefónica u lil Portugal Telecom talli daħlu fi ftehim ta’ nonkompetizzjoni bil-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-suq intern u b’hekk jiksru l-Artikolu 101 TFUE (id-“Deċiżjoni tal-2013”). Il-Qorti Ġenerali, fis-sentenzi tagħha tat-28 ta’ Ġunju 2016 (2) (aktar tard ikkonfermata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 2017), ikkonfermat ir-raġunament tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ksur fid-Deċiżjoni tagħha, iżda annullat il-multi imposti mill-Kummissjoni. F’konformità mas-sentenzi tal-Qorti, id-Deċiżjoni tiddetermina s-servizzi li għalihom Telefónica u Portugal Telecom ma kinux f’kompetizzjoni potenzjali fiż-żmien tal-każ ta’ ksur u teskludihom għall-finijiet tal-kalkolu tal-multi.

    2.   PROĊEDURA

    (2)

    Fid-Deċiżjoni tagħha tat-23 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni kkonstatat li Telefónica u Portugal Telecom kisru l-Artikolu 101 TFUE billi pparteċipaw fi ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni inkluż bħala l-klawżola disgħa tal-Ftehim ta’ Xiri ta’ Stock li għamlu fit-28 ta’ Lulju 2010 fil-kuntest tal-akkwist minn Telefónica tal-kontroll esklużiv tal-operatur Brażiljan tas-servizzi bil-mobile, Vivo.

    (3)

    Għal dan il-każ ta’ ksur, il-Kummissjoni imponiet multi ta’ EUR 66 894 000 fuq Telefónica u ta’ EUR 12 290 000 fuq Portugal Telecom skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

    (4)

    Kemm Telefónica kif ukoll Portugal Telecom appellaw mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. Fis-sentenzi tagħha tat-28 ta’ Ġunju 2016, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-konklużjoni tal-Kummissjoni fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li Telefónica u Portugal Telecom kisru l-Artikolu 101 TFUE mis-27 ta’ Settembru 2010 sal-4 ta’ Frar 2011 billi pparteċipaw fi ftehim ta’ nonkompetizzjoni.

    (5)

    Fir-rigward tal-impożizzjoni tal-multi, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni sa fejn l-ammont tal-multi ġie stabbilit fuq il-bażi tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.

    (6)

    Telefónica appellat mis-sentenza Telefónica. Fit-13 ta’ Diċembru 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha fil-Kawża C-487/16 P Telefónica SA vs il-Kummissjoni Ewropea, li fiha ċaħdet l-appell ta’ Telefónica. Pharol ma appellatx mis-sentenza PT.

    3.   FATTI

    (7)

    Is-sitwazzjoni fejn is-sejba tal-Kummissjoni ta’ każ ta’ ksur tibqa’ fis-seħħ u jkollha valur res judicata, filwaqt li l-multi għal dak il-każ ta’ ksur ġew annullati, jenħtieġ li tiġi rrimedjata b’Deċiżjoni ġdida skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 għall-każ ta’ ksur ta’ Telefónica u Portugal Telecom tal-Artikolu 101 TFUE stabbilit fid-Deċiżjoni tal-2013.

    (8)

    Għall-kalkolu tal-multa, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-evalwazzjoni tal-fatti stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-2013. Fl-istess ħin, hija tapplika l-prinċipji stabbiliti fis-sentenzi tal-Qorti Ġenerali rigward l-obbligu tal-Kummissjoni li tiddetermina, fuq il-bażi tal-materjal ippreżentat mill-Partijiet, is-servizzi li għalihom il-Partijiet ma kinux f’kompetizzjoni potenzjali ma’ xulxin fil-Peniżola Iberika matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ nonkompetizzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni teskludi dawn is-servizzi mill-valur tal-bejgħ għall-finijiet tal-kalkolu tal-multi.

    (9)

    Barra minn hekk, fil-proċess attwali tal-kalkolu mill-ġdid tal-multi, il-Kummissjoni skopriet diversi kalkoli żbaljati magħmula minn Telefónica meta pprovdiet il-valur tagħhom taċ-ċifri tal-bejgħ, li fl-aħħar mill-aħħar affettwaw il-kalkolu tal-multi fid-Deċiżjoni tal-2013.

    (10)

    Żbalji ta’ kalkolu bħal dawn ma jistgħux jitħallew mhux indirizzati. Jekk ma jiġix ikkoreġut, il-valur tal-bejgħ jibqa’ żbaljat u baxx wisq u jirriżulta f’multa kkalkulata fuq il-bażi ta’ informazzjoni żbaljata. Għalhekk, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq iċ-ċifri riveduti l-ġodda pprovduti minn Telefónica matul l-investigazzjoni attwali biex tistabbilixxi l-valur korrett tal-bejgħ fid-Deċiżjoni tagħha.

    (11)

    Fid-deċiżjoni l-ġdida, il-Kummissjoni tnaqqas il-valur tal-bejgħ tas-servizzi li għalihom il-Kummissjoni tqis li ma kien hemm l-ebda kompetizzjoni potenzjali bejn il-Partijiet matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ nonkompetizzjoni.

    (12)

    Il-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-Prattiki Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fil-21 ta’ Jannar 2022. Id-Deċiżjoni ġiet adottata fil-25 ta’ Jannar 2022.

    4.   VALUTAZZJONI LEGALI

    4.1.   Kompetizzjoni potenzjali

    (13)

    Il-Kummissjoni tqis, skont ġurisprudenza konsistenti (3), li fi ftehimiet ta’ qsim tas-suq, bħal dak ikkonċernat f’din id-Deċiżjoni, l-istandard ta’ prova biex tiġi vvalutata l-kompetizzjoni potenzjali huwa “ostakli insormontabbli għad-dħul”. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tapplika f’dan il-każ approċċ aktar strett minn dak meħtieġ u tivverifika li l-possibbiltà ta’ dħul fis-suq ma kinitx purament ipotetika, filwaqt li tqis iċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-swieq jew tas-servizzi differenti.

    (14)

    Għalhekk, is-servizzi li għalihom il-Kummissjoni tqis li ma kien hemm l-ebda kompetizzjoni potenzjali bejn il-Partijiet matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ nonkompetizzjoni huma dawn li ġejjin:

    A)

    Telefónica:

    (i)

    aċċess għall-infrastruttura tan-network bl-ingrossa (fiżika) (LLU);

    (ii)

    servizzi universali

    (iii)

    servizzi SIRDEE (Sistema tar-Radju Diġitali ta’ Emerġenza); kif ukoll

    (iv)

    ċerti servizzi, parti mis-servizzi ta’ komunikazzjoni fissa f’żoni pubbliċi pprovduti minn Telefónica (servizzi ta’ ħlas, bejgħ ta’ defibrillaturi u kiri ta’ soluzzjonijiet ta’ reklamar fuq barra).

    B)

    Pharol:

    (i)

    aċċess għall-infrastruttura tan-netwerk bl-ingrossa (fiżika) (LLU);

    (ii)

    servizzi bl-ingrossa għax-xandir tat-televiżjoni diġitali; kif ukoll

    (iii)

    servizzi ta’ xandir televiżiv analogu terrestri bl-ingrossa.

    5.   MULTI

    (15)

    Il-Kummissjoni tapplika l-istess kunsiderazzjonijiet bħal fl-2013 fir-rigward tal-fattur ta’ gravità tal-multa, it-tul tal-każ ta’ ksur, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni u l-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti u attenwanti.

    (16)

    L-ammont bażiku aġġustat ma jaqbiżx l-10 % tal-fatturat totali ta’ Telefónica fl-2020. Wara serje ta’ tranżazzjonijiet suċċessivi u riorganizzazzjoni fil-kumpanija, Pharol ma kisbet l-ebda fatturat fl-2020, li ma jirriflettix b’mod xieraq il-piż ekonomiku tagħha. Il-Kummissjoni ssib li, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza, il-fatturat ta’ Pharol fis-sena 2013, li jirrappreżenta l-aħħar sena sħiħa tal-attività ekonomika normali ta’ Pharol fuq perjodu ta’ 12-il xahar (4), jirrifletti bl-aħjar mod is-sitwazzjoni ekonomika reali ta’ Pharol u jiggarantixxi effett dissważiv suffiċjenti. L-ammont bażiku aġġustat ta’ Pharol ma jaqbiżx l-10 % tal-fatturat totali tagħha għas-sena kummerċjali 2013.

    (17)

    Fl-aħħar nett, għalkemm l-iżbalji relatati mal-valur tal-bejgħ ta’ Telefónica rriżultaw mill-kalkoli żbaljati ta’ Telefónica stess, il-Kummissjoni ma kinitx tiskopri dawn l-iżbalji fir-rigward tal-valur tal-bejgħ u għalhekk ma kinitx tkun tista’ żżid il-multa, li kieku l-multi tad-Deċiżjoni tal-2013 ma kinux ġew annullati mill-Qorti Ġenerali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-effett relattivament modest ta’ dawn l-iżbalji fuq id-daqs tal-multa, u tal-fatt li terminu sinifikattiv diġà skada minn meta seħħew dawn l-iżbalji (12 ta’ Settembru 2012), il-Kummissjoni tqis li huwa raġonevoli f’dan il-każ partikolari li tuża l-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, skont il-punt 37 tal-Linji Gwida dwar il-multi (5), biex tnaqqas il-multa għal Telefónica għal-livell stabbilit fid-Deċiżjoni tal-2013.

    (18)

    L-ammont finali tal-multi individwali imposti skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 huwa għalhekk dan li ġej:

    Parti

    Multa totali (EUR)

    Telefónica

    66 894 000

    Pharol

    12 146 000


    (1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 411/2004 (ĠU L 68, 6.3.2004, p. 1)

    (2)  Il-Kawża T-216/13 Telefónica SA vs il-Kummissjoni Ewropea (is-“sentenza Telefónica”) u l-Kawża T-208/13 Portugal Telecom SGPS SA vs il-Kummissjoni Ewropea (is-“sentenza PT”).

    (3)  Is-sentenza Telefónica, il-paragrafu 221 u s-sentenza PT, il-paragrafu 181; Il-Kawża T-691/14, Servier SAS u Oħrajn vs Il-Kummissjoni Ewropea, EU:T:2018:922, il-paragrafi 319, 327 u 328, is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Mejju 2014, T-519/09, Toshiba Corp. vs Il-Kummissjoni Ewropea, EU:T:2014:263, il-paragrafu 231.

    (4)  Kif imsemmi pereżempju fis-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2010, T-456/05 u T-457/05, Gütermann et Zwicky, EU:T:2010:168, il-paragrafi 94-103 u referenzi oħra tagħhom.

    (5)  “Għalkemm dawn il-linji gwida jippreżentaw il-metodoloġija ġenerali għall-iffissar ta’ multi, il-karatteristiċi partikolari ta’ każ partikolari jew il-ħtieġa li jintlaħaq livell dissważiv f’każ partikolari jistgħu jiġġustifikaw tbegħid minn din il-metodoloġija jew mil-limiti stabbiliti fil-punt 21”.


    Top