EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022AE6298

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-rieżami tal-qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u l-assigurazzjoni ta’ depożitu li jikkontribwixxi għat-tlestija tal-Unjoni Bankarja” (COM(2023) 225 final), dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 fir-rigward ta’ miżuri ta’ intervent bikri, kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni u l-finanzjament ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni” (COM(2023) 226 final — 2023/0111 (COD)), dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-miżuri ta’ intervent bikri, il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni u l-finanzjament ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni” (COM(2023) 227 final — 2023/0112 (COD)), dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/59/UE u r-Regolament (UE) Nru 806/2014 fir-rigward ta’ ċerti aspetti tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli” (COM(2023) 229 final — 2023/0113 (COD))

EESC 2022/06298

ĠU C 349, 29.9.2023, p. 161–166 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 349/161


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-rieżami tal-qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u l-assigurazzjoni ta’ depożitu li jikkontribwixxi għat-tlestija tal-Unjoni Bankarja”

(COM(2023) 225 final)

dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 fir-rigward ta’ miżuri ta’ intervent bikri, kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni u l-finanzjament ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni”

(COM(2023) 226 final — 2023/0111 (COD))

dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-miżuri ta’ intervent bikri, il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni u l-finanzjament ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni”

(COM(2023) 227 final — 2023/0112 (COD))

dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/59/UE u r-Regolament (UE) Nru 806/2014 fir-rigward ta’ ċerti aspetti tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli”

(COM(2023) 229 final — 2023/0113 (COD))

(2023/C 349/24)

Relatur:

Giuseppe GUERINI

Korelatur:

Christophe LEFÈVRE

Konsultazzjoni

8.12.2022, ittra mill-Ministeru Spanjol għall-Affarijiet Barranin, l-Unjoni Ewropea u l-Kooperazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 23.6.2023 (COM(2023) 229 final, 11.7.2023 COM(2023) 226 final), 11.7.2023 (COM(2023) 227 final)

Parlament Ewropew, 12.6.2023 (COM(2023) 229 final), 10.7.2023 (COM(2023) 226 final u 227 final),

Kummissjoni Ewropea, 2.6.2023 (COM(2023) 225 final)

Bażi legali

Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adozzjoni fis-sezzjoni

27.6.2023

Adozzjoni fil-plenarja

13.7.2023

Sessjoni plenarja Nru

580

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

175/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE japprezza l-inizjattiva komprensiva tal-Kummissjoni biex titlesta l-leġiżlazzjoni dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u l-assigurazzjoni tad-depożiti (CMDI), peress li l-avvanz tal-Unjoni Bankarja huwa pass ewlieni lejn it-tisħiħ tas-suq uniku Ewropew fl-interess tad-depożitanti u l-kontribwenti.

1.2.

Il-KESE jemmen li l-kriżijiet bankarji reċenti fl-Istati Uniti tal-Amerka jixħtu dawl fuq l-importanza li t-trażżin tar-riskju ta’ kontaġju u t-telf ta’ fiduċja tal-investituri u d-depożitanti jsir b’ħeffa, kif ukoll fuq il-ħtieġa għal flessibbiltà fir-rispons għall-kriżijiet bankarji. L-esperjenza reċenti turi wkoll l-importanza li jiġi organizzat it-trasferiment ta’ bank f’diffikultà għal bank ieħor kif suppost fi żmien qasir ħafna.

1.3.

Il-KESE japprezza li l-proposta tal-Kummissjoni estendiet il-protezzjoni tal-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti (SGD) għad-depożiti tal-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll il-fatt li l-Kummissjoni qed taħdem lejn armonizzazzjoni msaħħa tal-għodod għall-protezzjoni tad-depożiti fl-UE kollha. Peress li l-Fondi ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (DIFs) iffinanzjati u organizzati b’mod adegwat għandhom rwol fundamentali, l-armonizzazzjoni msaħħa proposta mill-Kummissjoni ċertament se tkun ta’ benefiċċju.

1.4.

Il-KESE jinnota li wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni huwa li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni għar-riżoluzzjoni bankarja. Il-KESE jifhem bis-sħiħ l-approċċ tal-Kummissjoni, il-kuntest, ir-raġunament regolatorju u l-objettivi fit-tul tiegħu.

1.5.

Jekk inħarsu lura lejn kriżijiet bankarji reċenti, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta’ approċċ prammatiku u flessibbli bbażat fuq il-partikolaritajiet tal-każijiet differenti inkwistjoni f’termini ta’: i) l-approċċ regolatorju; ii) l-għażla tal-aktar għodod effettivi disponibbli; iii) implikazzjonijiet prattiċi tal-azzjonijiet meħuda; iv) il-kooperazzjoni meħtieġa bejn il-partijiet interessati; v) il-ħeffa tal-eżekuzzjoni; u vi) in-natura tar-riżorsi finanzjarji għall-użu fl-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet magħżula għall-ġestjoni tal-kriżijiet.

1.6.

Il-KESE jemmen li r-riżoluzzjoni mhux dejjem tkun l-aktar soluzzjoni konvenjenti għall-protezzjoni sħiħa tal-ekosistemi ekonomiċi li fihom jopera bank f’diffikultà. Meta r-riżoluzzjoni tista’ fil-fatt tkun aktar għalja mil-likwidazzjoni, f’dak il-każ dawk il-banek għandhom jidħlu f’insolvenza.

1.7.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-valutazzjoni tal-interess pubbliku jista’ jiġi rfinat, b’adozzjoni ta’ approċċ aktar trasparenti u armonizzat fl-UE kollha. Waqt li jirrikonoxxi li l-kisba ta’ bilanċ bejn il-flessibbiltà u l-prevedibbiltà hija kompitu diffiċli ħafna għar-regolaturi, il-KESE jħeġġeġ lill-koleġiżlaturi biex isibu soluzzjonijiet li jnaqqsu kemm jista’ jkun l-inċertezza legali.

1.8.

Il-KESE jqis li huwa meħtieġ li jinstab bilanċ adatt bejn formulazzjoni msaħħa tal-“valutazzjoni tal-interess pubbliku” u l-proporzjonalità tal-applikazzjoni tiegħu fir-rigward tal-banek żgħar, ta’ daqs medju u lokali. L-espansjoni tal-valutazzjoni tal-interess pubbliku biex tinkludi banek li għandhom rwol importanti reġjonalment xorta tħalli lok għal inċertezza fil-qafas attwali.

1.9.

Il-KESE jtenni l-importanza li jiġi rispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità sabiex jinkiseb regolament adatt biex jintlaħqu l-objettivi tiegħu mingħajr ma ssir ħsara eċċessiva lill-interess tal-banek żgħar, ta’ daqs medju u lokali. Il-prinċipju tal-proporzjonalità għandu jiġi kkunsidrat ukoll fl-applikazzjoni tal-valutazzjoni tal-interess pubbliku, speċjalment fir-rigward tal-banek lokali, li ma jippreżentawx riskju għall-istabbiltà finanzjarja.

1.10.

Waqt li jirrikonoxxi l-kompetenzi differenti bejn ir-regolamentazzjoni bankarja u r-regolamentazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, il-KESE jemmen li l-pakkett kollu tas-CMDI għandu jiġi kkoordinat b’mod adegwat mar-reviżjoni mistennija tal-Komunikazzjoni tal-2013 dwar l-għajnuna mill-Istat (1) fis-settur bankarju. Inkella, hemm riskju ta’ implimentazzjoni ta’ proposti li huma potenzjalment inkonsistenti mal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, li jwassal għal imprevedibbiltà u inċertezza legali.

1.11.

Il-Kummissjoni kkonċentrat fuq it-tisħiħ tal-għodda tal-istrateġija ta’ trasferiment bl-użu tal-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti bil-possibbiltà li jintlaħaq il-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, soġġett għal salvagwardji adegwati. Dan jista’ jkun pass lejn Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti iżda l-ineffiċjenzi se jkomplu jeżistu sakemm titlesta l-Unjoni Bankarja peress li s-suq se jkun għadu frammentat.

2.   Kuntest u konsultazzjoni mal-KESE minn Spanja

2.1.

Il-gvern Spanjol talab Opinjoni esploratorja mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta tal-Unjoni Bankarja, li tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq il-ħtieġa li tiġi promossa applikazzjoni usa’ tal-valutazzjoni tal-interess pubbliku applikata biex tinkludi l-banek, speċjalment il-banek żgħar u ta’ daqs medju, fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni armonizzata f’każ ta’ kriżi.

2.2.

Fit-18 ta’ April 2023, il-Kummissjoni ħarġet erba’ proposti leġiżlattivi differenti biex issaħħaħ il-qafas eżistenti tas-CMDI tal-UE, b’enfasi fuq banek iżgħar u ta’ daqs medju (2).

2.3.

Skont il-Kummissjoni, “l-esperjenza wriet li ħafna banek ta’ daqs medju u iżgħar li jfallu jkunu ġew ġestiti b’soluzzjonijiet barra mill-qafas ta’ riżoluzzjoni” (3), li xi drabi jinvolvu l-użu ta’ “flus il-kontribwenti minflok ir-riżorsi interni meħtieġa tal-bank jew xbieki ta’ sikurezza privati ffinanzjati mill-industrija (skemi ta’ garanzija tad-depożiti u fondi ta’ riżoluzzjoni)” (4), u b’hekk jinħoloq impatt negattiv qawwi fuq l-ekonomija u fuq il-perċezzjoni tas-soċjetà.

2.4.

Għalhekk, ir-regoli l-ġodda proposti jippermettu lill-awtoritajiet jagħmlu użu mir-riżoluzzjoni bħala komponent ewlieni tas-sett ta’ għodod għall-ġestjoni tal-kriżijiet, filwaqt li jenfasizzaw li r-riżoluzzjoni tista’ tkun inqas ta’ tfixkil mil-likwidazzjoni għall-klijenti peress li jżommu l-aċċess għall-kontijiet tagħhom u l-funzjonijiet kritiċi tal-bank jiġu ppreservati.

2.5.

Il-proposti tal-Kummissjoni jiffaċilitaw ukoll l-użu ta’ skemi ta’ garanzija tad-depożiti f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi biex jipproteġu lid-depożitanti milli jġarrbu telf, f’każ li dan ikun meħtieġ biex jiġi evitat kontaġju lil banek oħra u ħsara aktar mifruxa għall-komunitajiet u l-ekonomija. Billi sserraħ fuq xbieki ta’ sikurezza ffinanzjati mill-industrija (bħal skemi ta’ garanzija tad-depożiti u fondi ta’ riżoluzzjoni), il-proposta tipprova wkoll tippreserva l-flus tal-kontribwenti f’każ ta’ kriżijiet bankarji.

2.6.

Il-livell ta’ kopertura ta’ EUR 100 000 għal kull depożitant u bank, kif stabbilit fid-Direttiva dwar l-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti, huwa kkonfermat għad-depożitanti kollha eliġibbli tal-UE u se jiġi estiż għal entitajiet pubbliċi bħal sptarijiet, skejjel u muniċipalitajiet, kif ukoll għal flus tal-klijenti ddepożitati f’ċerti tipi ta’ fondi tal-klijenti (jiġifieri minn kumpaniji ta’ investiment, istituzzjonijiet ta’ pagament u istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi). Il-proposta tal-Kummissjoni tipprova wkoll tarmonizza l-istandards tal-protezzjoni tad-depożitanti fl-UE kollha.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jikkondividi l-objettivi tal-proposti leġiżlattivi maħruġa mill-Kummissjoni sabiex tittejjeb il-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u tiġi żgurata protezzjoni adegwata tad-depożiti tal-banek f’każ ta’ kriżi.

3.2.

Il-KESE japprezza l-inizjattiva komprensiva tal-Kummissjoni biex titlesta l-leġiżlazzjoni CMDI, peress li l-avvanz tal-Unjoni Bankarja huwa pass kruċjali lejn it-tisħiħ tas-suq uniku Ewropew fl-interessi tad-depożitanti u l-kontribwenti. Barra minn hekk, it-tlestija tal-Unjoni Bankarja hija kruċjali sabiex tinkiseb Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina li tkun kapaċi tiżgura stabbiltà finanzjarja u ġestjoni tajba tal-kriżijiet f’każ ta’ bżonn.

3.3.

Kif iddikjarat f’Opinjonijiet preċedenti (5), il-KESE jemmen li t-tisħiħ tal-qafas eżistenti tas-CMDI huwa kruċjali. Dan intwera b’mod ċar mill-każijiet reċenti ta’ kriżijiet bankarji fl-Istati Uniti u l-każ ta’ Credit Suisse, bl-implikazzjonijiet negattivi mifruxa tagħhom għall-istabbiltà tas-sistema bankarja fl-Istati Uniti u l-Iżvizzera, kif ukoll fuq is-swieq finanzjarji internazzjonali b’mod ġenerali u s-settur bankarju b’mod partikolari. Fl-UE, għad m’għandniex garanzija ta’ kontinġenza ta’ likwidità fi proċess ta’ riżoluzzjoni.

3.4.

Il-KESE jemmen li l-każijiet ta’ kriżijiet bankarji msemmija hawn fuq jenfasizzaw, għal darb’oħra, l-importanza tal-ħeffa fit-trażżin tal-ħsara, u b’mod speċjali r-riskju ta’ kontaġju, kif ukoll il-ħtieġa għal flessibbiltà fir-rispons għall-kriżijiet bankarji. Intwera wkoll ir-rwol deċiżiv ta’ garanzija ta’ kontinġenza tal-likwidità li tkopri l-ħtiġijiet immedjati ta’ likwidità u li tipprovdi ż-żmien biex tiġi żviluppata strateġija ta’ riżoluzzjoni vijabbli.

3.5.

Il-KESE jemmen li l-esperjenza reċenti tenfasizza wkoll l-importanza li jiġi organizzat it-trasferiment ta’ bank f’diffikultà għal bank ieħor kif suppost fi żmien qasir ħafna. Għalhekk huwa importanti li jiġi żgurat li l-qafas regolatorju jipprovdi l-kundizzjonijiet it-tajba għal trasferimenti bħal dawn, peress li dawn jeħtieġ li jsiru mingħajr ma jgħaddu mill-proċeduri tas-soltu ta’ diliġenza dovuta u l-implikazzjonijiet tat-tranżazzjoni huma enormi u inċerti. Barra minn hekk, l-esperjenza miksuba s’issa wriet li hemm bżonn ta’ reġim speċjali ġenerali meta jiġi akkwistat bank li jkun għaddej minn riżoluzzjoni, li jiffaċilita l-integrazzjoni tal-bank fil-grupp il-ġdid bl-aktar mod effiċjenti.

3.6.

L-integrazzjoni u l-ġestjoni ta’ bank riżolt huwa proċess kumpless u l-passi u r-rekwiżiti regolatorji jeħtieġ li jiġu ssemplifikati. L-awtoritajiet differenti involuti jridu jkunu jistgħu jikkoordinaw b’mod adegwat ir-rwoli rispettivi tagħhom fi ħdan il-proċessi regolatorji jew fil-proċeduri ta’ approvazzjoni aċċellerati tal-miżuri ta’ ġestjoni tal-kriżijiet. Barra minn hekk, huwa essenzjali li jiġi żgurat li tali trasferimenti jistgħu jseħħu wkoll bejn il-fruntieri fl-UE, kull meta jkun meħtieġ.

3.7.

Il-KESE japprezza li l-Kummissjoni estendiet il-protezzjoni tal-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti għad-depożiti tal-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll il-fatt li l-Kummissjoni qed taħdem lejn armonizzazzjoni msaħħa tal-għodod għall-protezzjoni tad-depożiti fl-UE kollha. Billi tipproteġi kemm lill-faddala privati kif ukoll pubbliċi u lid-depożitanti fil-livell tal-konsumatur f’każ ta’ falliment ta’ bank, l-assigurazzjoni tad-depożiti timminimizza r-riskju ta’ rilokazzjoni tad-depożiti u ttaffi r-riskju ta’ kontaġju. Il-KESE jqis li din l-assigurazzjoni tad-depożiti għandha tiġi aġġustata f’ċerti każijiet sabiex jitqiesu d-depożitanti f’sitwazzjoni ekonomika fraġli bħall-persuni b’diżabilità jew il-persuni b’mard fit-tul. Peress li l-Fondi ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti ffinanzjati u organizzati b’mod adegwat huma fundamentali, l-armonizzazzjoni msaħħa proposta mill-Kummissjoni ċertament se tkun ta’ benefiċċju.

3.8.

Il-KESE jinnota li wieħed mill-objettivi ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni huwa li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tar-riżoluzzjoni, jekk din is-soluzzjoni titqies bħala konformi mal-“interess pubbliku”. Il-likwidazzjoni tista’ sseħħ biss jekk: (i) tista’ tissodisfa – b’mod aktar effettiv mir-riżoluzzjoni – l-objettivi li d-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek tistabbilixxi għar-riżoluzzjoni nnifisha; u (ii) ma jkunx hemm bżonn li jintużaw fondi pubbliċi.

3.9.

Il-KESE jifhem bis-sħiħ l-approċċ tal-Kummissjoni, ir-raġunament regolatorju u l-objettivi fit-tul tagħha. Fl-istess waqt, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta’ approċċ prammatiku – kif urew il-kriżijiet bankarji tal-Istati Uniti dan l-aħħar – rigward l-approċċ regolatorju, l-għażla tal-aktar għodod effettivi disponibbli, l-implikazzjonijiet prattiċi tal-azzjonijiet meħuda; il-kooperazzjoni meħtieġa bejn il-partijiet interessati; il-ħeffa tal-eżekuzzjoni, u finalment, ir-riżorsi finanzjarji għall-użu fl-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet magħżula għall-ġestjoni tal-kriżijiet.

3.10.

Il-KESE jemmen li r-riżoluzzjoni mhux dejjem tkun l-aktar soluzzjoni konvenjenti għall-protezzjoni sħiħa tal-ekosistemi ekonomiċi li fihom jopera bank f’diffikultà, speċjalment bank ta’ daqs żgħir jew medju. Ta’ min jinnota li, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ banek żgħar u ta’ daqs medju, ir-riżoluzzjoni tista’ fil-fatt tkun aktar għalja minn forom oħra ta’ intervent, speċjalment fil-livell lokali – ħafna drabi limitat – fejn jopera l-bank. F’dan ir-rigward, il-KESE jissuġġerixxi li s-sehem tas-suq ta’ banek ta’ daqs medju, żgħir u lokali mingħajr ebda attività transkonfinali jista’ jiġi evalwat b’referenza għas-sehem tas-suq nazzjonali globali u mhux fuq bażi reġjonali fi ħdan l-Istati Membri.

3.11.

Il-KESE jemmen li l-pakkett kollu tas-CMDI għandu jiġi kkoordinat b’mod adegwat mar-reviżjoni mistennija tal-Komunikazzjoni tal-2013 dwar l-għajnuna mill-Istat (6) fis-settur bankarju, li kellha rwol ewlieni biex ingħata lok għan-nuqqas ta’ prevedibbiltà attwali rigward liema riżoluzzjoni għandha tiġi attivata jew le. L-adozzjoni tal-proposti regolatorji tas-CMDI mingħajr għarfien tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tista’ tfisser li jiġu implimentati proposti li huma potenzjalment inkonsistenti mal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

3.12.

Bħala kumment ġenerali, il-KESE jtenni l-importanza li jiġi rispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità sabiex jinkiseb regolament adatt biex jissodisfa l-objettivi tiegħu mingħajr ma jagħmel ħsara eċċessiva lill-interessi tal-banek żgħar, ta’ daqs medju u lokali. Il-prinċipju tal-proporzjonalità għandu jiġi kkunsidrat ukoll fit-twettiq tal-valutazzjoni tal-interess pubbliku, speċjalment fir-rigward tal-banek lokali, li ma jippreżentawx riskju għall-istabbiltà finanzjarja.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-valutazzjoni tal-interess pubbliku tista’ tiġi rfinata, b’approċċ aktar trasparenti u armonizzat fl-UE kollha. Għalkemm jirrikonoxxi li l-kisba ta’ bilanċ bejn il-flessibbiltà u l-prevedibbiltà hija tassew kompitu diffiċli ħafna għar-regolaturi, il-KESE jinnota li l-proposti leġiżlattivi inkwistjoni ma jidhrux li jeliminaw kompletament l-ammont konsiderevoli ta’ diskrezzjoni mogħtija preċedentement lill-awtoritajiet involuti, u jħallu xi inċertezza legali.

4.2.

Il-KESE jqis li huwa meħtieġ li jinstab bilanċ adatt bejn formulazzjoni msaħħa tal-“kriterju tal-interess pubbliku” u l-proporzjonalità tal-applikazzjoni tiegħu fir-rigward ta’ banek żgħar u lokali. L-espansjoni tal-ambitu tal-valutazzjoni tal-interess pubbliku biex tinkludi banek li għandhom rwol importanti reġjonalment xorta tħalli xi inċertezza fil-qafas attwali.

4.3.

Peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Valutazzjoni tal-Interess Pubbliku jidher usa’ minn dak tar-regoli preċedenti sabiex tiġi inkluża firxa usa’ ta’ każijiet milli fil-passat, il-KESE jqis li huwa kruċjali li t-test tal-inqas kost (jiġifieri, piż aktar baxx f’interventi preventivi/alternattivi tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti fir-rigward tal-ħlas) jopera b’mod effiċjenti biex jiżgura biżżejjed spazju għall-immanuvrar fejn il-kundizzjonijiet huma fis-seħħ biex jipprevjenu/inaqqsu l-eskalazzjoni tal-kriżi bl-użu ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni alternattiva.

4.4.

Il-KESE jenfasizza l-inċertezza mqajma mill-proposti leġiżlattivi fir-rigward tal-allokazzjoni tal-kompetenzi, speċjalment fir-rigward ta’ kif is-setgħat u r-responsabbiltajiet ser jitqassmu fost l-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej potenzjalment involuti fil-proċess kumpless tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji. F’kuntest bħal dan, il-ħeffa tal-eżekuzzjoni hija kruċjali, kif intwera reċentement minn diversi każijiet kemm fl-UE kif ukoll fl-Istati Uniti.

4.5.

Għalhekk, il-KESE josserva li r-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli għandu jiġi stabbilit u applikat abbażi tad-daqs u l-profil tar-riskju speċifiku tal-banek ikkonċernati, bl-għan doppju li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fost banek sinifikanti b’operattività komparabbli, minn naħa waħda, u l-protezzjoni tal-mudell ta’ negozju speċifiku mħaddan minn banek żgħar u lokali, kif ukoll minn banek li joperaw f’setturi/industriji speċifiċi u ddedikati, min-naħa l-oħra.

4.6.

Fir-rigward tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, l-allegata proporzjonalità fid-definizzjoni tar-rekwiżit imħaddan mill-Kummissjoni Ewropea għadha mhix ċara. Ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli dejjem ikun jikkonsisti, bħal fil-każ tal-banek li diġà jkunu adottaw ir-rekwiżit, f’riżerva kapitali addizzjonali meħtieġa biex tkopri kwalunkwe telf, li magħha jiżdied ammont għar-rikapitalizzazzjoni. Il-KESE jqis li huwa importanti li r-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli jiġi adattat għad-diversi daqsijiet ta’ banek u mudelli ta’ negozju.

4.7.

Il-KESE jinnota li r-rwol tal-banek fl-UE kif ukoll il-karatteristiċi u l-mudelli kummerċjali differenti tagħhom, li jiżguraw sistema bankarja Ewropea aktar b’saħħitha u diversifikata, għandhom jissaħħu u jiġu ppreżervati fl-UE kollha. Ir-regoli bankarji għandhom jikkunsidraw kif dovut il-ħtieġa tat-tkabbir ekonomiku reali u l-impatt fit-tul tiegħu fuq it-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa, kif ukoll l-impatt soċjali tiegħu fuq l-impjieg. F’dan ir-rigward, il-KESE jemmen li huwa ferm aħjar li jinħolqu kundizzjonijiet u għodod għall-prevenzjoni u l-evitar ta’ kriżi milli li jsir intervent b’operazzjonijiet ta’ salvataġġ wara, kull meta tali għażliet ikunu possibbli u disponibbli.

4.8.

Interventi bikrija ħafna drabi jistgħu jkunu effettivi u irħas mir-riżoluzzjoni. Il-proċeduri għal miżuri preventivi u alternattivi huma stabbiliti fid-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti u ġestiti mill-SGD nazzjonali skont regoli armonizzati u salvagwardji eżistenti f’diversi Stati Membri tal-UE. Għandu jiġi implimentat rieżami tal-ġerarkija tal-kredituri, sabiex jippermetti test tal-inqas kost li jiffunzjona tajjeb u, bħala konsegwenza, l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ intervent bikri. Huwa importanti wkoll li tinkiseb armonizzazzjoni Ewropea jew għall-inqas li jiġu żviluppati linji gwida għal kalkoli skont il-“prinċipju tal-inqas spiża”.

4.9.

L-SGD nazzjonali u l-iskemi ta’ garanzija huma komponent ewlieni tax-xibka ta’ sikurezza pprovduta mill-qafas tal-UE għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja u biex tikber il-fiduċja fis-suq. Għal din ir-raġuni, l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti għandu jkollhom rwol akbar, irrispettivament min-natura legali privata jew pubblika tagħhom jew min-natura volontarja jew obbligatorja tal-kontribuzzjonijiet li jiffurmaw ir-riżorsi tagħhom. Dak li huwa importanti huwa l-funzjoni pubblika tagħhom u l-approċċ strett tas-suq li jsegwu biex jagħmlu għażliet taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti.

4.10.

Ir-rwol tal-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti wera li huwa partikolarment importanti għall-banek żgħar u ta’ daqs medju (l-inqas istituzzjonijiet sinifikanti) li għandhom kapaċità limitata ta’ aċċess għas-suq biex joħorġu strumenti eliġibbli għar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli. Ta’ min jinnota li diversi banek, inklużi dawk żgħar u lokali, urew il-kapaċità li jimplimentaw b’mod effettiv miżuri preventivi li jistgħu jindirizzaw il-kriżijiet kif suppost.

4.11.

Bħalma ġie msemmi f’għadd ta’ Opinjonijiet preċedenti (7), il-KESE jtenni li l-“ekosistema” finanzjarja u bankarja Ewropea għandha tkun diversifikata, sostenibbli u kapaċi tirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-banek żgħar u ta’ daqs medju fil-livell lokali, ir-rilevanza ġenerali tagħhom fil-livell nazzjonali u l-valur miżjud li tali banek joħolqu favur il-komunitajiet lokali, kif ukoll l-effett pożittiv għas-soċjetà kollha ta’ kompetenza akbar fis-settur bankarju. Ir-rwol tal-Banek tal-Kreditu Kooperattivi (8), il-“banek etiċi” u l-livell lokali jew settorjali, bħal fil-każ tal-banek kooperattivi u l-banek etiċi għall-entitajiet tal-ekonomija soċjali, huwa deċiżiv f’dan ir-rigward u f’konformità mal-prinċipju tal-ekonomija soċjali tas-suq minqux fit-Trattati tal-UE.

4.12.

Min-naħa l-oħra, ir-rwol ta’ gruppi bankarji transfruntiera akbar għandu jiġi rikonoxxut ukoll peress li, meta jkunu organizzati bħala sussidjarji, huma jipprovdu diversifikazzjoni aħjar, huma inqas dipendenti mill-istituzzjonijiet prinċipali u jippermettu separazzjoni aktar faċli tas-sussidjarji mill-grupp, u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ kontaġju u tiżdied l-istabbiltà. Il-banek internazzjonali Ewropej huma ta’ importanza kritika biex jikkontribwixxu għall-internazzjonalizzazzjoni tal-kumpaniji Ewropej.

4.13.

Il-KESE jappella għal koordinazzjoni adatta bejn ir-regoli tal-Unjoni Bankarja dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet u l-qafas tal-assigurazzjoni tad-depożiti, minn naħa, u l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat stabbiliti fl-Artikolu 107 tat-TFUE (9) min-naħa l-oħra. Din il-koordinazzjoni għandha tevita l-inċertezza legali u t-trattament legali differenti bejn il-banek li jinsabu fl-UE kollha. Il-prinċipju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li skemi ffinanzjati minn fondi privati ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE (Tercas) għandu jiġi kkunsidrat b’mod adegwat f’dan ir-rigward (10).

Brussell, it-13 ta’ Lulju 2023.

Oliver RÖPKE

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għal miżuri ta' appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“il-komunikazzjoni dwar il-banek”) (ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1).

(2)  COM(2023) 226 final, COM(2023) 227 final, COM(2023) 228 final u COM(2023) 229 final.

(3)  Stqarrija għall-istampa, 18 ta’ April 2023, Kummissjoni Ewropea.

(4)  Stqarrija għall-istampa, 18 ta’ April 2023, Kummissjoni Ewropea.

(5)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tat-trattament prudenzjali ta’ gruppi ta’ istituzzjonijiet globali sistemikament importanti bi strateġija ta’ riżoluzzjoni b’punti multipli ta’ dħul u metodoloġija għas-sottoskrizzjoni indiretta ta’ strumenti eliġibbli biex jissodisfaw ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli” (COM(2021) 665 final — 2021/0343 (COD)) (ĠU C 152, 6.4.2022, p. 111) u l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-tlestija tal-Unjoni Bankarja” (COM(2017) 592 final) (ĠU C 237, 6.7.2018, p. 46).

(6)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għal miżuri ta' appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“il-komunikazzjoni dwar il-banek”) (ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1).

(7)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Kunsiderazzjonijiet addizzjonali dwar Rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro (COM(2021) 742 final) (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 75, 28.02.2023, p. 43) u l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 sabiex tiġi stabbilita Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti” (COM(2015) 586 final – 2015/0270 (COD)) (ĠU C 177, 18.5.2016, p. 21).

(8)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-promozzjoni ta’ Unjoni Bankarja aktar inklużiva u sostenibbli billi jittejjeb il-kontribut tal-banek tal-Komunità għall-iżvilupp lokali u għall-bini ta' sistema finanzjarja internazzjonali u Ewropea soċjalment responsabbli” — (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 364, 28.10.2020, p. 14).

(9)   ĠU C 115, 9.5.2008, p. 91

(10)  Sentenza fil-Kawża C-425/19 P


Top