This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52022AE5829
Opinion of the European Economic and Social Committee on the communication from the Commission to the European Parliament, the European Council, the Council, the European Central Bank, the European Economic and Social Committee, the Committee of the Regions and the European Investment Bank: Annual Sustainable Growth Survey 2023 (COM(2022) 780 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2023” (COM(2022) 780 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2023” (COM(2022) 780 final)
EESC 2022/05829
ĠU C 146, 27.4.2023, p. 59–64
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
27.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 146/59 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2023”
(COM(2022) 780 final)
(2023/C 146/10)
Relatur ġenerali: |
Gonçalo LOBO XAVIER |
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 19.12.2022 |
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali |
Adozzjoni fil-plenarja |
23.2.2023 |
Sessjoni plenarja Nru |
576 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
196/2/4 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-Kumtat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) jilqa’ l-prijoritajiet ta’ politika ewlenin tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2023 biex jitwettqu l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva. Huwa ċar li, meta wieħed iqis is-sitwazzjoni u x-xenarji attwali, fuq perjodu qasir ta’ żmien, l-unitajiet domestiċi vulnerabbli għandhom jiġu appoġġjati sabiex jiġu protetti mill-agħar effetti tal-kriżi tal-enerġija, filwaqt li l-effiċjenza enerġetika xorta għandha tiġi promossa b’mod ġenerali fl-Unjoni Ewropea. Il-KESE jemmen li l-politiki fuq terminu medju u twil għandhom jaċċelleraw it-tranżizzjoni doppja diġitali u ekoloġika. Huwa jaħseb ukoll li jeħtieġ li l-Unjoni tibbilanċja d-domanda għall-provvista tal-enerġija, filwaqt li tippreserva l-enerġija għax-xitwa u tevita spejjeż ogħla. Huwa kruċjali li jiġu appoġġjati miżuri li jagħtu spinta lill-effiċjenza fl-oqsma kollha. Dan għandu jsir filwaqt li tiġi ppreservata l-integrità tas-suq uniku u jiġu żgurati stabbiltà finanzjarja makroekonomika u politiki fiskali u monetarji koerenti. |
1.2. |
Il-KESE huwa konxju li fl-2023 iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew se jkun iddominat mill-implimentazzjoni effiċjenti tal-Pjani għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRPs). Dawn il-pjani se jagħmlu enfasi qawwija fuq l-aġendi ta’ politika tal-Istati Membri, li jridu jipprovdu opportunità biex tingħata spinta lill-ekonomiji tagħhom. Il-KESE jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex torganizza djalogi mal-Istati Membri fil-bidu tal-2023. Dawn id-djalogi jistgħu jikkonsistu f’diskussjoni fil-fond bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jinfluwenzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs). F’dan ir-rigward, il-KESE jemmen li dawn id-djalogi se jippromovu implimentazzjoni aħjar tal-RRPs u jgħinu biex jiġi żgurat li kwalunkwe tħassib jiġi indirizzat u identifikat aħjar permezz tas-CSRs. |
1.3. |
Il-KESE jħeġġeġ favur kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, kompetizzjoni effettiva u kunsiderazzjoni aħjar tat-tħassib tas-soċjetà ċivili sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-suq uniku. Dan huwa saħansitra aktar importanti fid-dawl tal-gwerra u l-kriżi tal-enerġija. Il-KESE jappoġġja s-sejħa għal azzjoni li għandha tittieħed biex jissaħħaħ is-suq uniku. Il-KESE jemmen li x-xokkijiet reċenti jenfasizzaw l-importanza ta’ koordinazzjoni b’saħħitha ta’ politiki fiskali sodi u tal-bini ta’ buffers fiskali fi żminijiet tajbin li għandhom jintużaw matul it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, u fl-istess ħin jindirizzaw id-defiċit soċjali peress li dawn jistgħu jipperikolaw it-tkabbir fil-perjodu medju ta’ żmien. Il-politiki fiskali għandu jkollhom l-għan li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju u jiżguraw is-sostenibbiltà fiskali permezz ta’ konsolidazzjoni gradwali u investiment u riformi li jsaħħu t-tkabbir sostenibbli. |
1.4. |
Il-KESE jappella għal koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri u deċiżjonijiet kuraġġużi li joħolqu inċentivi biex tiġi evitata d-dipendenza enerġetika tal-UE, speċjalment mir-Russja. Tali dipendenza tista’ tikkomprometti l-interessi tal-Unjoni u għandha tiġi indirizzata b’kuraġġ. |
1.5. |
Il-KESE jappella għal approċċ moderat, realistiku u bbilanċjat filwaqt li tiġi indirizzata l-inflazzjoni sabiex kulħadd jiġi involut fit-tfittxija għal soluzzjoni li tkun ta’ benefiċċju għall-Unjoni kollha. L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom ikunu attivi b’mod rigoruż fl-iżgurar tat-trasparenza tal-prezzijiet u jkunu attenti għal kwalunkwe falliment possibbli tas-suq. Il-gvernijiet għandhom joqogħdu attenti biex jiżguraw li d-dikjarazzjonijiet tagħhom ikunu bbażati fuq l-aħjar analiżi empirika, filwaqt li jevitaw kritika mhux sostanzjata tal-atturi kummerċjali peress li tista’ twassal għal kunflitt bejn iċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-imsieħba soċjali. Il-KESE jemmen ukoll li l-problema tista’ tissolva biss jekk il-gvernijiet, in-negozji u s-soċjetà ċivili organizzata jaħdmu flimkien.
Il-KESE jemmen li l-Istati Membri għandhom jiffukaw bla heda fuq l-effiċjenza u l-ġustizzja fl-użu tar-riżorsi finanzjarji u riżorsi pubbliċi oħra disponibbli. Dan huwa kruċjali biex jiġu żgurati investimenti ġodda u ta’ kwalità. |
1.6. |
Il-KESE ser ikompli jargumenta li l-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata (imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili), il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali għandu jkollha rwol akbar matul iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew sabiex tissaħħaħ is-sjieda nazzjonali. Il-KESE jemmen li kemm il-proċess tas-Semestru kif ukoll l-implimentazzjoni tal-RRPs jibbenefikaw minn parteċipazzjoni aħjar u aktar organizzata mill-organizzazzjonijiet involuti fil-KESE. Hemm bżonn ta’ “sens ta’ realiżmu” meta wieħed jitkellem dwar l-implimentazzjoni tal-politika. |
1.7. |
Il-KESE huwa konxju wkoll tal-ħtieġa li jsir investiment fil-ħiliet u fl-aġenda industrijali sabiex tassew isir l-aħjar użu mill-assi Ewropej eżistenti, jiġifieri l-investiment fl-innovazzjoni u x-xjenza, li jridu jiġu sfruttati għall-benefiċċju taċ-ċittadini. |
1.8. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkomunika aħjar maċ-ċittadini. Diskors b’saħħtu, affidabbli u komuni dwar l-isfidi u kif l-Unjoni hija mmobilizzata biex taħdem biex tegħleb dawn l-isfidi huwa fundamentali għaċ-ċittadini u se jevita nuqqas ta’ fehim dwar il-proġett Ewropew. L-investiment f’komunikazzjoni aħjar (u l-KESE mhux qed jitkellem dwar ir-reklamar) jista’ jkun bidla interessanti fir-retorika kontra l-proġett Ewropew u għandu jkun prijorità. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni, li tippreżenta Komunikazzjoni dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali fl-UE u proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ir-rwol tad-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali. Il-komunikazzjoni aħjar mas-soċjetà ċivili organizzata u l-konsultazzjoni magħha huma essenzjali u jimxu id f’id. |
2. Kuntest
2.1. |
Mhuwiex sigriet li l-Ewropa għaddejja mill-aktar perjodu diffiċli f’dawn l-aħħar 70 sena. Qed tiffaċċja diversi sfidi ekonomiċi u soċjali kumplessi bil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li qed tkompli tifni l-ekonomija Ewropea, b’kontijiet tal-enerġija li qed jogħlew, rati għoljin ta’ inflazzjoni, nuqqas ta’ provvisti, livelli ogħla ta’ dejn u spejjeż tat-teħid b’self li qed jogħlew. Għalhekk wasal iż-żmien li jittieħdu deċiżjonijiet biex jiġi ddeterminat il-futur ta’ wieħed mill-aktar proġetti globali ta’ suċċess għall-progress soċjali, ekonomiku u kulturali. |
2.2. |
Fit-22 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni adottat il-Pakkett tal-Ħarifa tas-Semestru Ewropew 2023 biex tipproponi modi biex flimkien jingħelbu dawn l-isfidi u jissaħħu l-ekonomiji tagħna fit-tul, permezz tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi, fiskali, tax-xogħol u soċjali. L-għan huwa li jiġu żgurati provvisti tal-enerġija adegwati u affordabbli, tiġi ppreservata l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja u jiġu protetti l-unitajiet domestiċi u n-negozji vulnerabbli, jiġu stimulati t-tkabbir u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, u titlesta t-tranżizzjoni doppja. |
2.3. |
L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2023 jiddeskrivi l-prijoritajiet ta’ politika fis-sena li ġejja u jistabbilixxi aġenda għat-tisħiħ ta’ din il-koordinazzjoni sabiex jittaffa l-impatt negattiv, jiġu indirizzati l-isfidi attwali u tiżdied ir-reżiljenza soċjali u ekonomika filwaqt li jitrawwem tkabbir sostenibbli u inklużiv, f’konformità mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. Bil-għan li titrawwem is-sostenibbiltà kompetittiva, l-erba’ prijoritajiet huma l-promozzjoni tas-sostenibbiltà ambjentali, il-produttività, il-ġustizzja u l-istabbiltà makroekonomika. |
2.4. |
L-aġenda tal-politika ekonomika u tal-impjiegi għandha tiffoka fuq l-appoġġ liċ-ċittadini u lill-kumpaniji biex jiffaċċjaw l-isfidi maħluqa miż-żieda fl-ispejjeż u fil-provvista tal-enerġija, u, fl-istess ħin, biex tkompli bl-isforzi biex trawwem it-tkabbir sostenibbli u fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, kif ukoll biex iżżid il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza ekonomika. |
2.5. |
Skont dan il-prinċipju, il-proposti għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) huma mistennija fir-rebbiegħa tal-2023, bir-rapporti tal-pajjiżi jiffukaw fuq:
|
2.6. |
Fir-rigward taż-żona tal-euro, il-Kummissjoni identifikat ħames rakkomandazzjonijiet għall-2023:
|
3. Kummenti speċifiċi
3.1. Is-Semestru Ewropew u l-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata
3.1.1. |
Is-Semestru Ewropew għadu l-qafas prinċipali u stabbilit sew għal politiki ta’ koordinazzjoni aktar effettivi bejn l-Istati Membri. Koordinazzjoni bħal din tat il-frott tagħha, peress li l-irkupru tal-UE wara l-COVID kien l-aktar rapidu mill-boom ta’ wara l-gwerra u s-swieq tax-xogħol tagħna wrew li huma reżiljenti, b’livell rekord ta’ impjiegi. Bħala parti mis-Semestru Ewropew u l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (inkluża l-fergħa REPowerEU addizzjonali tagħha), il-KESE se jkompli jkun fil-qalba tal-proċess ta’ trasformazzjoni biex tinkiseb sostenibbiltà kompetittiva. F’konformità ma’ dan, il-KESE ser ikompli jippromovi konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li taqdi rwol akbar matul iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew sabiex jitqiesu d-diversi interessi fis-soċjetà u tissaħħaħ is-sjieda nazzjonali. |
3.1.2. |
Il-KESE bħalissa qed iwettaq eżerċizzju ta’ konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri sabiex jikseb ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward (1). Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni, imħabbra f’Lulju 2022 (2), li din is-sena tippreżenta Komunikazzjoni dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali fl-UE u proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ir-rwol tad-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali. |
3.1.3. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tespandi u tipprovdi qafas ċar għall-forums eżistenti taħt is-Semestru Ewropew biex tinforma u tinvolvi lill-imsieħba soċjali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili matul iċ-ċiklu tas-Semestru, sabiex ġenwinament isiru atturi rilevanti fil-koordinazzjoni tal-politiki fiskali, ekonomiċi, soċjali u tal-impjieg fil-livell tal-UE. |
3.2. Kriżi ġeopolitika — gwerra fl-Ukrajna
3.2.1. |
Il-konsegwenzi tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja jippreżentaw lill-ekonomija u lis-soċjetà tal-UE b’diversi diffikultajiet ekonomiċi ġodda, li jaffettwaw l-istabbiltà ekonomika u soċjali ġenerali u l-provvisti tal-enerġija tagħha. L-UE trid tkompli ssegwi kemm is-sostenibbiltà kompetittiva kif ukoll ir-reżiljenza soċjali u ekonomika. Fil-futur immedjat, huma meħtieġa miżuri ta’ appoġġ biex itaffu l-impatt tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-Ewropej u d-ditti tal-UE, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u dawk li jiggwadanjaw dħul baxx jew medju. |
3.2.2. |
Il-kriżi tal-enerġija, b’mod partikolari, hija l-aktar fattur rilevanti: flimkien ma’ livell għoli ħafna ta’ inflazzjoni, dan se jkollu impatt kbir fit-tul. F’dan ir-rigward, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal azzjoni immedjata biex jiġi evitat li s-sitwazzjoni tkompli tmur għall-agħar fuq terminu qasir u medju, filwaqt li tiġi ġestita wkoll it-tranżizzjoni ekoloġika b’mod ġust. F’ħafna pajjiżi, il-produzzjoni tal-enerġija mhijiex fl-istess livell bħall-konsum tal-enerġija. |
3.2.3. |
Il-KESE jemmen li l-possibbiltà li tiżdied il-produzzjoni u li jittieħed vantaġġ mill-kundizzjonijiet u r-riżorsi partikolari disponibbli f’xi pajjiżi, bħall-enerġija mix-xemx, mill-mewġ u mir-riħ, għad trid tiġi esplorata minn xi gvernijiet, li għadhom ma stabbilixxewx pjani biex jipproduċu l-enerġija mir-riżorsi tagħhom stess. Waħda mir-raġunijiet għal dan hija l-leġiżlazzjoni kumplessa żżejjed jew maħsuba ħażin u l-burokrazija eċċessiva li għadha teżisti f’ħafna Stati Membri. Dan ma jiffaċilitax il-produzzjoni tal-enerġija ekoloġika, minkejja l-potenzjal enormi. Irridu nkunu kuraġġużi u nagħmlu l-isforzi kollettivi meħtieġa. Dan jeħtieġ investiment, speċjalment mis-settur privat. Madankollu, l-investiment pubbliku se jkompli jkollu rwol ewlieni fl-ilħuq tal-miri tal-Patt Ekoloġiku kif ukoll fis-salvagwardja tal-prosperità u l-kompetittività futura tagħna u fit-tisħiħ tal-awtonomija strateġika tal-UE. Dan għandu jiġi rifless ukoll fil-politika ta’ koeżjoni. |
3.3. Inflazzjoni
3.3.1. |
Il-livell għoli ta’ inflazzjoni, ikkawżat b’mod partikolari miż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija, qed ikollu impatt negattiv ħafna fuq il-ħaddiema u n-negozji, l-istabbiltà finanzjarja, il-parità tal-kapaċità tal-akkwist u l-istabbiltà ekonomika u soċjali. L-inflazzjoni fid-dinja u fl-UE hija fenomenu kumpless, kemm f’termini tal-oriġini kif ukoll tas-soluzzjonijiet għaliha. L-aktar fatturi immedjati u importanti tagħha huma l-ostakli fil-provvista fil-proċess ta’ rkupru rapidu mir-reċessjoni pandemika, f’kuntest ta’ politika monetarja espansjonarja, ikkombinata mal-kriżi tal-enerġija kkawżata mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna. L-inflazzjoni taffettwa l-atturi ekonomiċi u l-gruppi soċjali kollha, speċjalment dawk l-aktar dgħajfa u l-aktar żvantaġġati. Il-ħaddiema u l-konsumaturi qed jaraw tnaqqis fil-kapaċità tal-akkwist tagħhom u ħafna kumpaniji qed jaraw tnaqqis fil-marġnijiet ta’ profitt tagħhom. L-ispekulaturi u ċerti setturi ekonomiċi biss, bħas-settur tal-enerġija, qed jaraw il-profitti tagħhom jiżdiedu drastikament. Sabiex ilaħħqu mal-inflazzjoni, l-Istati Membri adottaw approċċi differenti biex jikkontrollawha, bħall-appoġġ biex jiġu evitati żidiet fil-prezzijiet fis-setturi tal-ikel, sforzi biex il-pagi jinżammu f’bilanċ, flimkien ma’ politiki ekonomiċi. Għadna ’l bogħod milli nilħqu l-għanijiet tagħna u minn soluzzjoni li tissalvagwardja l-benesseri ekonomiku u soċjali. |
3.3.2. |
L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom ikunu attivi b’mod rigoruż fl-iżgurar tat-trasparenza tal-prezzijiet u jkunu attenti għal kwalunkwe falliment possibbli tas-suq. Il-gvernijiet għandhom joqogħdu attenti biex jiżguraw li d-dikjarazzjonijiet tagħhom ikunu bbażati fuq l-aħjar analiżi empirika, filwaqt li jevitaw kritika mhux sostanzjata tal-atturi kummerċjali peress li tista’ twassal għal kunflitt bejn iċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-imsieħba soċjali. |
3.3.3. |
Il-ġlieda kontra l-inflazzjoni għandha tkun il-prijorità ewlenija ta’ politika ekonomika Ewropea kkoordinata bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-gvernijiet nazzjonali. Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali, meta japplikaw politiki monetarji stretti, għandhom iqisu li l-proċess inflazzjonarju mhuwiex ikkawżat minn domanda eċċessiva u għandhom jipprevjenu li d-deċiżjonijiet tagħhom iwasslu għal reċessjoni ġdida. Il-KESE jħeġġeġ lill-BĊE biex inaqqas l-inflazzjoni bażi mingħajr ma jikkomprometti l-irkupru ekonomiku tal-UE. Minħabba r-riskji msemmija hawn fuq, il-BĊE għandu jipproċedi b’kawtela biex jinnormalizza l-politika monetarja (3). L-UE u l-gvernijiet nazzjonali għandhom jistabbilixxu miżuri biex jgħinu lis-setturi l-aktar żvantaġġati tal-popolazzjoni u lill-kumpaniji l-aktar milquta. Il-konsultazzjoni tripartitika, id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv għandhom isiru strumenti ewlenin biex tiġi indirizzata l-kriżi inflazzjonarja permezz ta’ kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet u biex jitfasslu miżuri biex din tingħeleb fid-diversi setturi tal-ekonomija. Għalhekk, il-KESE huwa favur miżuri bħal tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija sabiex jiġu moderati t-tendenzi inflazzjonarji. |
3.4. L-objettivi ambjentali tal-UE/Il-kriżi tal-enerġija
3.4.1. |
Il-KESE jkompli jippromovi dak li kien qed jippromovi f’dawn l-aħħar xhur: minkejja l-kriżijiet il-ġodda, ma nistgħux nabbandunaw l-objettivi stabbiliti fil-livell tal-UE: id-dekarbonizzazzjoni u s-sostenibbiltà ambjentali. Irridu nsaħħu n-negozji u l-ħaddiema u nawtonomizzaw liċ-ċittadini kollha biex jiffaċċjaw id-diffikultajiet sabiex insegwu l-objettivi ambjentali fit-tul tagħna. |
3.4.2. |
Għalhekk, il-KESE huwa favur miżuri li jikkoordinaw il-prezzijiet tal-enerġija sabiex jimmoderaw it-tendenzi inflazzjonarji. Il-prezzijiet tal-enerġija aktar baxxi għandhom ikunu waħda mill-prijoritajiet tal-politika ekonomika tal-UE. Il-KESE jappoġġja l-iffissar ta’ limitu massimu tal-prezzijiet tal-elettriku u tal-gass, u jirrimarka li f’Opinjonijiet u Riżoluzzjonijiet preċedenti talab riforma urġenti tas-sistema tal-irkant tal-prezzijiet marġinali fis-suq tal-elettriku bl-ingrossa, minħabba n-natura intrinsikament inflazzjonarja tiegħu. L-investiment fl-enerġija ekoloġika huwa fundamentali biex jintlaħaq dan l-għan. |
3.4.3. |
Il-Kummissjoni ppreżentat il-Pjan REPowerEU biex tagħmel l-UE indipendenti mill-provvista Russa tal-gass u taż-żejt, u l-KESE laqa’ dan il-pjan u jaqbel mal-approċċ b’erba’ pilastri li jiffoka fuq l-iffrankar tal-enerġija, id-diversifikazzjoni tal-importazzjonijiet tal-gass, u s-sostituzzjoni tal-fjuwils fossili billi jiġu aċċellerati s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u s-soluzzjonijiet ta’ finanzjament (4). Fl-istess ħin, il-KESE jitlob li s-sigurtà tal-provvista tkun garantita bi spiża “kemm jista’ jkun affordabbli” kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-industrija. Il-KESE jirrimarka li l-modifika mill-Istati Membri tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħhom sabiex jissottomettu kapitolu ddedikat dwar REPowerEU hija opportunità addizzjonali għalihom biex jikkonsultaw mas-soċjetà ċivili organizzata u biex iqisu l-fehmiet tagħha. |
3.4.4. |
Il-KESE jenfasizza li jistgħu jkunu meħtieġa aktar inizjattivi biex jiġi żgurat li jiġi mobilizzat biżżejjed kapital privat u pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika. Barra minn hekk, il-KESE jemmen li koordinazzjoni aħjar tal-użu tal-fondi finanzjarji eżistenti għandha tkun prijorità. Il-proċess ta’ komunikazzjoni dwar din il-kwistjoni jkun utli ħafna fil-mobilizzazzjoni taċ-ċittadini lejn għan komuni. |
3.5. Il-kriżi soċjali u ekonomika/Nuqqas ta’ ħiliet u persuni kwalifikati
3.5.1. |
Għalkemm ir-rata tal-qgħad fl-UE hija biss ta’ 6 %, għadna qed niffaċċjaw id-diffikultà li nsibu n-nies bil-ħiliet meħtieġa biex inwettqu r-rikostruzzjoni u r-reżiljenza tal-ekonomija tagħna u biex nilħqu l-objettivi tat-tranżizzjoni doppja tagħna. Hemm nuqqas sinifikanti ta’ persuni tas-sengħa għal ħafna impjiegi ewlenin f’xi pajjiżi, mhux l-inqas minħabba li ħafna żgħażagħ qed jitilqu minn pajjiżhom biex jaħdmu x’imkien ieħor. Minbarra t-taħriġ ewlieni li għandu jiġi promoss, nitilfu proporzjon sinifikanti ta’ impjegati tas-sengħa ladarba jitħarrġu. Sabiex insaħħu l-istrateġija awtonoma tal-UE rridu nreġġgħu lura xi wħud mil-linji ta’ produzzjoni fl-Ewropa, iżda m’għandniex in-nies tas-sengħa biex jaħdmu f’dawn il-fabbriki fl-Ewropa. Din is-sitwazzjoni trid tiġi indirizzata fuq bażi kontinwa. |
3.5.2. |
Il-KESE jenfasizza li l-provvista ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja hija waħda mill-aħjar modi biex jiġu attirati persuni bi kwalifiki għoljin. Barra minn hekk, li jitħallsu pagi ġusti għall-għajxien, l-iżgurar ta’ relazzjonijiet tax-xogħol formali biex jiġu evitati kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji, l-offerta ta’ programmi estensivi ta’ titjib tal-ħiliet, l-għoti ta’ kundizzjonijiet eċċellenti ta’ saħħa u sikurezza u l-ħidma għal bilanċ bejn il-ġeneri, flimkien ma’ protezzjoni soċjali adegwata fil-livell nazzjonali, mhumiex biss għanijiet fihom infushom, iżda huma wkoll il-bażi għal żvilupp ekonomiku u politiku favorevoli. Barra minn hekk, il-KESE jappella għall-użu responsabbli ta’ politiki bbilanċjati u kkombinati (bejn sistemi ta’ taħriġ pubbliċi u privati biex isir użu aħjar mir-riżorsi finanzjarji disponibbli) fil-kuntest tat-taħriġ u t-titjib tal-ħiliet. |
3.6. Id-dejn u l-investimenti pubbliċi u privati
3.6.1. |
L-UE qed tiffaċċja ħtieġa urġenti u dejjem tikber għal investiment pubbliku u privat biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku u t-trasformazzjoni diġitali, biex tiġi aċċelerata t-tranżizzjoni tal-enerġija u biex jiġu indirizzati l-isfidi l-ġodda tal-awtonomija strateġika. Minn naħa waħda, l-Unjoni trid tegħleb id-defiċit tal-investiment ta’ dawn l-aħħar għaxar snin, u min-naħa l-oħra, il-maġġoranza tal-Istati Membri jridu jnaqqsu d-defiċit u d-dejn pubbliku tagħhom. Dan għandu jsir b’mod ibbilanċjat ħafna iżda deċiżiv. |
3.6.2. |
Fl-istess ħin, il-Kumitat jemmen li huwa essenzjali, qabel kwalunkwe żieda straordinarja fir-riżorsi tal-UE għall-investiment pubbliku u l-promozzjoni tal-investiment privat, li jintużaw bis-sħiħ ir-riżorsi kollha eżistenti fid-diversi programmi — Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni, Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, InvestEU, eċċ. Għal dan l-għan, għandu jiġi previst l-ogħla livell possibbli ta’ flessibbiltà fl-użu tagħhom — kemm f’termini ta’ objettivi kif ukoll ta’ skadenzi għall-implimentazzjoni — dejjem b’mod kompatibbli mal-monitoraġġ rigoruż tal-implimentazzjoni adegwata tagħhom. Il-KESE jemmen li l-idea ta’ proġetti komuni bejn l-Istati Membri tista’ tkun idea interessanti biex jiġu stimulati l-investiment u r-riformi strutturali. |
3.6.3. |
Il-KESE jenfasizza li huwa meħtieġ progress fit-tlestija tas-Swieq Kapitali u l-Unjoni Bankarja biex jiġu ggarantiti settur u swieq finanzjarji li jiffunzjonaw tajjeb, li huma kruċjali biex jiġu ffinanzjati l-investimenti kbar ħafna meħtieġa għat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. L-approfondiment tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u tal-Unjoni Bankarja filwaqt li tiġi stabbilita wkoll l-aġenda għall-finanzi sostenibbli għandu jikkonsolida l-mezzi ta’ finanzjament, jippromovi l-isforzi ta’ investiment u jżid ir-reżiljenza. |
3.6.4. |
Kemm il-kriżi tal-COVID-19 kif ukoll l-invażjoni Russa kellhom impatt negattiv sinifikanti fuq il-bilanċ estern. Il-KESE jappella għal żieda fl-investiment bħala l-mutur ewlieni tal-kompetittività tal-UE. |
3.6.5. |
Il-KESE jemmen li l-Istati Membri għandhom ikunu aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi diġà disponibbli qabel ma jitolbu oħrajn ġodda. Barra minn hekk, il-KESE jappella għal aktar flessibbiltà fl-użu tal-fondi finanzjarji tal-UE sabiex dawn jiġu orjentati mill-ġdid jekk ma jkunux jistgħu jintużaw għall-finijiet li għalihom kienu maħsuba oriġinarjament jew jekk l-isfidi soċjali, ekonomiċi, ambjentali jew tad-difiża jirrikjedu adattament. Fejn meħtieġ, l-UE għandha toħloq ukoll il-kundizzjonijiet u l-istrumenti adegwati sabiex jiżdied l-investiment pubbliku u tiġi ffaċilitata mobilizzazzjoni akbar tal-investiment privat. Dan għandu jsir biex jintlaħqu objettivi strateġiċi u ta’ awtonomija komuni, u mingħajr ma jiġi pperikolat jew żbilanċjat il-funzjonament tas-suq uniku tal-UE. Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal aktar effiċjenza fl-użu tar-riżorsi finanzjarji allokati: l-Istati Membri jeħtieġ jimpenjaw ruħhom li jispjegaw fejn u kif jintefqu dawn ir-riżorsi finanzjarji. Barra minn hekk, il-KESE jindika wkoll il-ġbir effiċjenti tad-dħul fil-kuntest tas-sostenibbiltà fiskali. Pereżempju, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa jikkawżaw ukoll ħsara kbira lill-baġits pubbliċi. Kollox ma’ kollox, it-tkabbir sostenibbli u inklużiv huwa l-aħjar bażi għall-istabbiltà fiskali. Minkejja dan ta’ hawn fuq, it-tlestija tal-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku u l-objettiv li tinkiseb awtonomija strateġika tal-enerġija u industrijali, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji fundamentali tas-suq uniku, se jirrikjedu finanzjament Ewropew addizzjonali, kif propost f’Riżoluzzjoni tal-KESE adottata f’Mejju 2022 (5). |
Brussell, it-23 ta’ Frar 2023.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Ir-riżultati se jinġabru fil-qosor u se jitfasslu rakkomandazzjonijiet ċari f’Opinjoni fuq inizjattiva proprja li għandha tiġi ppreżentata lill-plenarja f’April 2023.
Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE — The EESC’s recommendations for a solid reform of the European Semester (ECO/600) (għad mhux disponibbli bil-Malti), li għandha tiġi ppreżentata għall-adozzjoni f’April 2023
(2) Rapport ta’ rieżami dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza — 29.7.2022
(3) Opinjoni tal-KESE — Kunsiderazzjonijiet addizzjonali dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 2022 (ĠU C 75, 28.2.2023, p. 43).
(4) Opinjoni tal-KESE — Pjan REPowerEU — adottata fil-21 ta’ Settembru 2022 (ĠU C 486, 21.12.2022, p. 185).