Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021XC0803(03)

    Pubblikazzjoni ta’ Dokument Uniku emendat wara l-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 2021/C 311/07

    C/2021/5724

    ĠU C 311, 3.8.2021, p. 18–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.8.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 311/18


    Pubblikazzjoni ta’ Dokument Uniku emendat wara l-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

    (2021/C 311/07)

    Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 tat-18 ta’ Diċembru 2013 (1).

    L-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ din l-emenda minuri tista’ tiġi kkonsultata fil-bażi tad-data eAmbrosia tal-Kummissjoni.

    DOKUMENT UNIKU

    “MELOCOTÓN DE CALANDA”

    Nru tal-UE: PDO-ES-0103-AM02 - 16 ta’ Ottubru 2020

    DOP (X) IĠP ( )

    1.   Isem/Ismijiet

    “Melocotón de Calanda”

    2.   Stat Membru jew pajjiż terz

    Spanja

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta’ prodott

    Klassi 1.6 Frott, ħxejjex u ċereali pproċessati jew mhumiex.

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

    B’ “Melocotón de Calanda” wieħed jirreferi għall-frott frisk tal-ispeċi Prunus persica Sieb. et Zucc. derivati mill-varjetà awtoktona magħrufa bħala “Amarillo tardío” (isfar tardiv), mkabbra jew permezz tal-varjetajiet tradizzjonali Jesca, Evaisa u Calante, jew permezz tal-ibridi tagħhom, li minnhom mill-inqas waħda mil-linji parentali tkun tappartjeni għal din il-varjetà awtoktona, u mkabbra permezz tat-teknika tradizzjonali tal-ippakkjar tal-frott fis-siġra.

    Il-varjetajiet protetti: il-ħawħ bid-Denominazzjoni tal-Oriġini Protetta “Melocotón de Calanda” jiġi mill-varjetà awtoktona taż-żona, magħrufa aħjar bħala “Amarillo tardío” (isfar tardiv), u huma mkabbra jew permezz tal-varjetajiet tradizzjonali Jesca, Evaisa u Calante, jew permezz tal-ibridi tagħhom, li minnhom mill-inqas waħda mil-linji parentali tkun tappartjeni għal din il-varjetà tal-popolazzjoni awtoktona.

    Il-karatteristiċi tal-prodott: il-ħawħ protett mid-Denominazzjoni tal-Oriġini “Melocotón de Calanda” għandu jkun tal-kategoriji “Extra” u “I” skont l-Istandards tal-Kwalità għall-ħawħ stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 tal-21 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (2), u għandu jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet.

    ASPETT ĠENERALI

    Il-frott irid ikun sħiħ, f’saħħtu, nadif, mingħajr sustanzi estranji viżibbli u mingħajr umdità, riħa u togħma estranji, u għandu jiġi ppakkjat fis-siġra.

    KULUR

    Bejn isfar lewn il-krema u isfar lewn it-tiben, u jista’ jkollu dabra ħamra. Jistgħu jiġu aċċettati tikek jew xquq antoċjaniċi żgħar ħafna, iżda ma jiġix aċċettat frott ħadrani jew isfar lewn il-larinġ, għax dan il-kulur jindika li l-frott ikun immatura wisq.

    DAQS

    B’ċirkonferenza minima ta’ dijametru ta’ 73 mm, li tikkorrispondi għall-kategorija AA tal-istandards ta’ kwalità.

    EBUSIJA

    Din titkejjel f’kg/0,5 ċm2 ta’ reżistenza għall-pressa u trid tkun ogħla minn 3 kg/0,5 ċm2.

    ZOKKOR

    Mill-inqas 12-il grad Brix.

    3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

    3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

    L-istadji kollha tal-produzzjoni għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika ddefinita.

    3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

    Il-preparazzjoni u l-ippakkjar għandhom isiru fiż-żona tal-produzzjoni, biex jiġi evitat li l-prodott issirlu ħsara minħabba tbagħbis eċċessiv jew minħabba li t-trasport tal-frott isir mingħajr il-preparazzjoni u l-ippakkjar meħtieġa. Barra minn hekk, minħabba l-fatt li l-“Melocotón de Calanda” huwa frott li jiġi ttrattat b’attenzjoni kbira fis-siġra permezz tat-teknika tal-ippakkjar u li l-ħsad tiegħu jsir meta l-frott jilħaq stadju ta’ maturazzjoni li jippermetti l-frott jikseb il-karatteristiċi organolettiċi massimi tal-kwalità tal-prodott, kwalunkwe trasport u ħżin addizzjonali jista’ jibdel il-karatteristiċi tad-dehra ġenerali u tal-kulur deskritti fil-punt 3.2.

    Għalhekk, l-ippakkjar fiż-żona tal-produzzjoni huwa meħtieġ biex jinżammu l-karatteristiċi l-aktar xierqa tal-prodott u biex tiġi mħarsa l-kwalità tiegħu, u fl-istess ħin dan jiggarantixxi t-traċċabbiltà u l-oriġini tal-prodott permezz ta’ sistema unika ta’ kontroll sakemm il-prodott jintbagħat għand il-konsumatur aħħari.

    Il-“Melocotón de Calanda” jista’ jinbiegħ f’ippakkjar b’saff wieħed jew aktar, dment li jiġi żgurat li l-frott ma ssirlux ħsara. Dan l-ippakkjar għandu jintuża darba biss.

    3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

    L-industriji tal-preparazzjoni u l-ippakkjar li jkunu kisbu ċ-ċertifikat tal-konformità, fit-tikketti tal-ippakkjar iridu jużaw it-test “Denominación de Origen ‘Melocotón de Calanda’” (Denominazzjoni ta’ Oriġini “Melocotón de Calanda”) minbarra l-kontratikketta nnumerata, li twettaq il-funzjoni ta’ ċertifikat u tippermetti t-traċċabbiltà tal-prodott fil-fażi tal-kummerċjalizzazzjoni.

    4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

    Iż-żona tal-produzzjoni tal-ħawħ protett mid-DOP “Melocotón de Calanda” hija r-reġjun naturali li jinsab fil-lvant tal-Komunità Awtonoma ta’ Aragón bejn il-provinċji ta’ Teruel u Zaragoza.

    Iż-żona ġeografika hija magħmula minn dawn il-muniċipji:

    Aguaviva, Albalate del Arzobispo, Alcañiz, Alcorisa, Alloza, Andorra, Arens de Lledó, Ariño, Berge, Calaceite, Calanda, Caspe, Castelserás, Castelnou, Castellote, Chiprana, Cretas, Escatrón, Fabara, Fayón, Foz-Calanda, Fuentespalda, Híjar, Jatiel, La Fresneda, La Ginebrosa, La Puebla de Híjar, Lledó, Maella, Más de las Matas, Mazaleón, Mequinenza, Molinos, Nonaspe, Oliete, Parras de Castellote, Samper de Calanda, Sástago, Seno, Torre del Compte, Urrea de Gaén, Valderrobres, Valdeltormo u Valjunquera.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

    Rabta storika: il-varjetajiet awtorizzati għall-produzzjoni tal-“Melocotón de Calanda” huma proprji għaż-żona tal-produzzjoni. Jinkisbu b’għażla naturali bl-intervent tal-arboristi, li maż-żmien għażlu l-kloni l-aktar adattati għall-kundizzjonijiet ġeografiċi lokali. F’dokumenti medjevali jingħad li f’Aragón il-ħawħ kien jissejjaħ “presec” jew “prisco”, kif għadu jissejjaħ dan il-frott sal-lum fiż-żona ta’ Calanda. Fl-1895, il-botaniku J. Pardo Sastrón ħalla dokument importanti dwar l-abbundanza tal-ħawħ f’din iż-żona u dwar il-fatt li kien bagħat xi “orejones” (ħawħ imqatta’ f’biċċiet u mnixxef fix-xemx) minn Calanda għall-Fiera ta’ Pariġi tal-1867. Fl-edizzjoni tal-1933 tal-enċiklopedja universali b’illustrazzjonijiet Espasa Calpe, fir-rigward ta’ “Calanda” jissemmew l-importanza tal-ħawħ għal din il-lokalità ta’ Teruel u l-industrija ddedikata għall-produzzjoni tal-“orejones”. Skont l-istatistika uffiċjali tal-1953, fiż-żona ta’ Calanda kien hemm industrija li tippreżerva l-frott fil-ġulepp li pproċessat 4 000 kaxxa ħawħ minn dik iż-żona.

    Skont l-evidenza storika, l-isem ta’ “Melocotón de Calanda” beda jinfirex sew fis-snin 40, u peress li din il-biedja kienet qed iżżid fl-importanza u li kien diffiċli li tingħeleb il-problema tad-dubbiena tal-frott Mediterranja (Ceratitis capitata), il-frott beda jiġi ppakkjat biex ma jkunx jista’ jiġi attakkat minn dawn l-insetti. Il-“Melocotón de Calanda” beda jissemma’ fil-pubblikazzjonijiet iddedikati għall-frott tas-snin 60, u tul is-snin 70 fil-Fiera Agrikola Nazzjonali ta’ Lérida ngħataw diversi premji, sena wara l-oħra, lill-frotta li ġġib dan l-isem. Fil-bidu tas-snin 80 bdiet tinħass il-ħtieġa li tintalab Denominazzjoni tal-Oriġini għall-“Melocotón de Calanda” u fl-istatistika tas-swieq nazzjonali prinċipali, bħalma huma l-Mercamadrid u l-Mercabarna, din il-frotta bdiet tissemma’ u tiġi identifikata bl-isem ġeografiku tagħha.

    Rabta naturali: iż-żona tat-tkabbir tal-“Melocotón de Calanda” tinsab fil-widien tax-xmajjar Martín, Guadalope u Matarraña, li jibdew mill-għoljiet muntanjużi tas-Sistema Iberika, jieħdu l-ilmijiet miż-żona magħrufa bħala “Bajo Aragón” u jiżbokkaw fix-xmara Ebro. Għalhekk, din iż-żona tinsab fil-parti tax-xlokk tad-Depresión del Ebro.

    L-artijiet huma ċatti, bi ftit qlib u b’altitudni li tvarja mill-122 m ta’ Caspe għall-325 m ta’ Alcañiz u għall-466 m ta’ Calanda. Jippredominaw l-għoljiet tabulari, xi ftit jew wisq mifruda bl-ixmajjar. L-artijiet huma kalkarji b’formazzjonijiet ta’ saffi ta’ karbonati u ġibs, karatteristiċi tas-sedimentazzjoni f’żoni tal-lagi u bi klima sħuna u arida tal-epoka mijoċenika.

    Il-medja annwali ta’ nżul ta’ xita tvarja bejn it-327,9 mm ta’ Caspe, it-361,1 mm ta’ Albalate del Arzobispo u l-367,9 ta’ Alcañiz. Ix-xhur li fihom tinżel l-aktar xita huma Mejju u Ottubru, filwaqt li mil-lat tal-istaġuni, fil-ħarifa tinżel madwar 27 % tal-medja annwali, fis-sajf 20 %, fir-rebbiegħa 34 % u fix-xitwa 19 %.

    It-temperatura medja annwali hija ta’ madwar 14,3 oC f’Albalate del Arzobispo u f’Alcañiz, u 15 oC f’Caspe, li huma l-ogħla valuri fiċ-ċentru tal-wied tal-Ebro. Il-medja tat-temperaturi massimi hija ta’ 19,9 oC f’Alcañiz, 20,1 oC f’Albalate del Arzobispo u 20,6 oC f’Caspe, filwaqt li l-medja tat-temperaturi minimi hija ta’ 8,8 oC, 8,5 oC u 9,3 oC rispettivament. L-ogħla temperatura medja hija rreġistrata fix-xahar ta’ Lulju (24,2 oC f’Alcañiz u 25,1 oC f’Caspe), filwaqt li t-temperatura l-aktar baxxa hija rreġistrata f’Jannar u tvarja bejn 5,6 oC f’Alcañiz u 6,7 oC f’Albalate de Arzobispo. Din id-data tindika medda termika annwali kbira (ta’ aktar minn 18-il oC) u tindika l-karattru kontinentali tal-valuri termiċi, li huwa dovut l-aktar għall-pożizzjoni ta’ din iż-żona fiċ-ċentru tad-Depresión del Ebro.

    Minn Marzu sa Ottubru jiġu rreġistrati temperaturi massimi ogħla minn 25 oC, anke jekk dan iseħħ aktar ta’ spiss bejn ix-xhur ta’ Mejju, meta t-temperatura tkun ogħla minn 25 oC f’aktar min-nofs il-jiem tax-xahar, u Ottubru, xahar li fih din it-temperatura tintlaħaq f’bejn 5 u 10 ijiem biss. Fix-xhur tas-sajf, it-temperaturi ta’ matul il-jum ikunu ogħla minn 25 oC u l-medja tat-temperaturi massimi tkun ogħla minn 35 oC (f’Lulju tkun 37,2 oC f’Albalate u f’Alcañiz, u 38,3 oC f’Caspe).

    Fenomenu ieħor karatteristiku tal-klima taż-żona huwa “l-inverżjoni termika”. Fix-xitwa, b’perjodi ta’ kundizzjonijiet ta’ antiċiklun, l-arja kiesħa tiddepożita fl-istrati baxxi u tifforma sħab ta’ ċpar kiesaħ b’temperaturi massimi baxxi aktar minn 6 oC, filwaqt li f’postijiet għoljin, fejn ma jkunx hemm ċpar, it-temperaturi massimi jaqbżu l-15-il oC.

    5.2.   Speċifiċità tal-prodott

    Kundizzjonijiet tat-tkabbir: il-karatteristiċi morfoloġiċi u ta’ identifikazzjoni varjetali skont ir-regoli tal-International Union for the Protection of New Varieties of Plants (U.P.O.V.) prattikament jixxiebhu ħafna fil-varjetajiet kollha li jiġu mill-popolazzjoni “Amarillo tardío” (isfar tardiv). Id-differenzi pjuttost għandhom x’jaqsmu mal-aspett sanitarju u dak tal-produttività, id-daqs u l-forma tal-frott, u minħabba f’hekk, fl-1980 beda jintuża proċess ta’ selezzjoni ta’ kloni biex jittejbu dawn l-aspetti. Dawn il-varjetajiet huma kkaratterizzati wkoll minn fażi ta’ maturazzjoni tardiva (li sseħħ bejn nofs Awwissu u l-bidu tax-xahar ta’ Novembru), il-kulur isfar u l-ebusija tal-qalba tal-frotta.

    Mil-lat fiżjoloġiku, il-varjetà “Amarillo tardío” (isfar tardiv) hija magħmula minn kloni li jeħtieġu sigħat twal ta’ kesħa biex joħorġu mir-raqda tax-xitwa (tal-anqas 1 000 siegħa fis-sena), filwaqt li jeħtieġu wkoll perjodu sajfi twil biex jimmaturaw għalkollox, u għalhekk għandhom ċiklu pjuttost twil.

    Skont l-U.P.O.V., il-karatteristiċi morfoloġiċi ta’ din il-varjetà huma dawn:

    Is-siġra

    B’saħħitha u wieqfa, bi friegħi b’saħħithom tat-tip Red Haven. Bil-kontra tal-bqija tal-varjetajiet, il-blanzuni ma jifformawx ruħhom fuq friegħi b’saħħithom imħalltin, iżda f’nebbieta dgħajfa, bħall-bukketti ta’ Mejju, u għalhekk din il-varjetà teħtieġ tifriħ differenti.

    Il-weraq

    Ta’ daqs kbir, bi glandoli nettarji fuq iz-zkuk irqaq u forma ta’ kilwa. Fil-ħarifa, il-weraq idum ma jaqa’, u jibqa’ fuq is-siġra, fejn iżomm il-kulur dehbi karatteristiku tiegħu.

    Il-fjura

    Il-fjoritura hija semitardiva, ftit aktar tard minn dik tar-Red Haven, iżda fix-xahar ta’ Marzu. Il-blanzuni huma folti ħafna u l-fjoritura ddum bejn 12 u 18-il jum. Il-petali huma kbar u fit-tond, ta’ kulur roża ċar u l-istigma tal-pistill hija twila daqs l-anteri tal-istami.

    Il-frott

    Ta’ daqs kbir sa kbir ħafna, ta’ dijametru akbar minn 73 mm u piż itqal minn 200 gramma. Ta’ kulur bejn isfar lewn il-krema u isfar lewn it-tiben, uniformi għalkollox minħabba l-protezzjoni li jikseb mill-borża tal-karti li jkun imgeżwer fiha, anke jekk jista’ jkollu xi pigmentazzjoni antoċjanika ħafifa.

    Ikollu pil sufi ħafif u l-qalba tiegħu soda ħafna u safra għalkollox bla pigmentazzjoni antoċjanika, lanqas qrib l-għadma li jkun imwaħħal sod magħha. L-għadma għandha forma ta’ bajda, u d-daqs tagħha huwa żgħir meta mqabbel ma’ dak tal-frotta.

    5.3.   Rabta maż-żona ġeografika

    L-impatt tal-kundizzjonijiet klimatiċi fuq il-kwalità tal-frott huwa fenomenu magħruf ħafna bħala l-kunċett tat-“terroir” fil-kultivazzjonijiet tal-imsaġar. Fil-fatt, il-klimatoloġija abitwali ta’ ċerti żoni u d-differenzi annwali li jseħħu fl-istess post, jixhdu biċ-ċar ir-rwol importanti tal-klima għall-kwalità tal-ħsad.

    Fir-rigward ta’ dan il-kriterju, huma t-temperaturi li l-aktar jiddeterminaw il-livell tal-karatteristiċi organolettiċi ewlenin tal-frott. L-ewwel nett ta’ min jinnota li, għajr f’sitwazzjonijiet estremi, it-temperaturi jaffettwaw il-produzzjoni tal-ħawħ aktar mill-inżul tax-xita (defiċit idriku), peress li l-biċċa l-kbira tal-uċuħ li jintużaw għat-tkabbir tal-ħawħ (95 %) jissaqqew.

    Fost il-fatturi klimatiċi li l-aktar għenu fl-iżvilupp, u għaldaqstant it-tkabbir, ta’ varjetajiet awtoktoni tal-ħawħ ta’ maturazzjoni tardiva fil-Bajo Aragón, hemm it-temperaturi xitwija taż-żona ġeografika li tippermetti l-kumulu tas-sigħat ta’ kesħa meħtieġa biex is-siġar ta’ dawn il-varjetajiet tant eżiġenti joħorġu mir-raqda (minn meta jaqa’ l-weraq sa qabel ma tibda l-fjoritura).

    Mil-lat fiżjoloġiku, il-varjetà “Amarillo Tardío” (isfar tardiv) hija magħmula minn kloni li jeħtieġu għadd kbir ta’ sigħat ta’ kesħa sabiex joħorġu mir-raqda tax-xitwa (mill-inqas 1 000 fis-sena).

    Fil-Bajo Aragón, l-għadd tas-sigħat ta’ kesħa akkumulati fix-xhur ta’ Novembru, Diċembru u Jannar jissodisfaw biżżejjed il-ħtiġijiet massimi stabbiliti għal din il-kultivazzjoni: il-valuri minimi taż-żona jaqbżu d-950 siegħa ta’ kesħa.

    Barra minn hekk, waqt il-fjoritura u waqt li l-jibda jifforma l-frott, it-temperaturi negattivi għandhom ikunu ftit, biex il-blanzuni jiżviluppaw kif suppost, u b’hekk, il-kwantità tal-frott ukoll, peress li d-daqs potenzjali tal-frott jiddependi direttament mat-temperaturi rreġistrati wara l-fjoritura, u b’mod partikolari, wara l-fjoratura sħiħa (F2) sa F2 + 40 jum. Intwera ċar (Warrington et al., 1999) li ċ-ċelloli jikbru tmien darbiet aktar jekk it-temperaturi massimi/minimi minn 9/3 oC isiru 25/15 oC. Iżda jekk tagħmel il-kesħa, iċ-ċelloli jkunu inqas u iżgħar, dan jaffettwa d-daqs finali tal-frott.

    Aspett importanti ieħor huwa li jkun hemm temperaturi adegwati tul iċ-ċiklu kollu, speċjalment fix-xhur ta’ Settembru u Ottubru, biex b’hekk ikun jista’ jseħħ l-iżvilupp veġetattiv u riproduttiv ta’ dawn il-varjetajiet.

    Minn Marzu sa Ottubru jiġu rreġistrati temperaturi massimi ogħla minn 25 oC fil-Bajo Aragón, anke jekk dan iseħħ aktar ta’ spiss bejn Mejju, meta t-temperatura tkun ogħla minn 25 oC f’aktar min-nofs il-jiem tax-xahar, u Ottubru, xahar li fih din it-temperatura tintlaħaq f’bejn 5 u 10 ġranet biss. Fix-xhur tas-sajf, it-temperaturi ta’ matul il-jum ikunu ogħla minn 25 oC u l-medja tat-temperaturi massimi tkun ogħla minn 35 oC (f’Lulju tkun 37,2 oC f’Albalate u f’Alcañiz, u 38,3 oC f’Caspe).

    It-temperaturi rreġistrati matul is-sena fiż-żona ġeografika inkwistjoni jippermettu li l-varjetajiet tal-ħawħ “Tardío amarillo de Calanda” (isfar tardiv ta’ Calanda), ta’ ċiklu twil, ilestu għalkollox l-iżvilupp tal-attività veġetattiva u riproduttiva tagħhom.

    Għalhekk, filwaqt li t-temperaturi xitwin jippermettu li jkun hemm is-sigħat ta’ kesħa meħtieġa biex is-siġar tal-frott joħorġu mir-raqda, il-klima xejn ħarxa tul iċ-ċiklu tal-attività veġetattiva (minn Marzu sa Novembru) tippermetti lil dawn il-varjetajiet jipproduċu frott ta’ kwalità għolja.

    Ir-riżultati li ħarġu minn test ta’ valutazzjoni ta’ kloni magħżula tal-varjetà “Tardíos amarillos de Calanda” (isfar tardiv ta’ Calanda) (Jesca, Calante u Evaisa) li sar f’azjenda agrikola sperimentali proprjetà tal-Gobierno de Aragón f’Alcañiz (wieħed mill-muniċipji tad-Denominazzjoni tal-Oriġini fejn jitkabbar għadd kbir ta’ ħawħ), juru li fiż-żona ta’ oriġini, f’erba’ snin (2000, 2001, 2003 u 2004), ġie prodott frott bi grad ta’ aktar minn 14-il grad Brix, sod u ta’ daqs kbir, li huma l-aktar karatteristiċi rilevanti ta’ dan il-ħawħ.

    Il-materjal veġetali awtorizzat għall-produzzjoni tad-DOP “Melocotón de Calanda” jappartjeni għall-varjetà “Tardío amarillo” (isfar tardiv).

    Din hija varjetà awtoktona taż-żona tal-produzzjoni, li ilha tinkiseb tul is-sekli; għall-bidu permezz tas-selezzjoni naturali ta’ siġar li joriġinaw mill-għadma tal-frott tas-siġar bl-aħjar karatteristiċi agronomiċi u li, tul iż-żmien, l-istess nies li kkultivawhom komplew jifirxu u jkabbru l-iżvilupp veġetattiv tal-varjetajiet li jadattaw ruħhom bl-aħjar mod għall-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima taż-żona, biex b’hekk ġiet maħluqa “varjetà” awtentika.

    Fl-1980, inbeda proċess ta’ selezzjoni klonali u sanitarja tal-varjetà “Tardío amarillo” (isfar tardiv), li saret mill-awtoritajiet tal-Gobierno de Aragón (Servicios de Investigación Agraria y Extensión Agraria), bil-għan li tittejjeb il-kwalità u li l-prodott mibjugħ jiġi standardizzat bħala “Melocotón de Calanda”. Għalhekk, fiż-żona tal-produzzjoni tal-“Melocotón de Calanda” ġew studjati l-kloni l-aktar rappreżentattivi tal-varjetà “Tardíos amarillos” (isfar tardiv) u dawk bl-aħjar karatteristiċi agronomiċi u ta’ kwalità tal-frott (Espada et al., 1991).

    Minn din l-ewwel selezzjoni, ġew irreġistrati tliet varjetajiet mal-Uffiċċju Spanjol tal-Varjetajiet Veġetali (Oficina Española de Variedades Vegetales), li jiddependi fuq il-Ministeru tal-Agrikoltura: “Jesca” (nru tar-reġistru: 1989/2450), “Calante” (nru tar-reġistru: 1989/2447) u “Evaisa” (nru tar-reġistru: 1989/2449). Il-produzzjoni tad-DOP “Melocotón de Calanda” llum tiddependi fuq dawn il-varjetajiet.

    KONKLUŻJONI: Il-varjetà “Tardíos amarillos de Calanda” (isfar tardiv minn Calanda) imkabbra jew permezz tal-varjetajiet tradizzjonali Jesca, Evaisa u Calante, jew permezz tal-ibridi tagħhom, li minnhom mill-inqas waħda mil-linji parentali tkun tappartjeni għal din il-varjetà awtoktona, hija r-riżultat tal-adattament tagħha għall-ambjent ta’ oriġini tagħha.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott

    (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

    https://www.aragon.es/documents/20127/20408990/Pliego+de+condiciones+modificado+DOP_Melocot%C3%B3n+de+Calanda+-+consolidado.pdf/e2877340-1cbd-fc3c-a9f5-0924479c0d18?t=1591269992936


    (1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.

    (2)  ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1.


    Top