EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021XC0317(05)

Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni ta’ approvazzjoni ta’ emenda standard għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal isem fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 2021/C 90/10

PUB/2021/8

ĠU C 90, 17.3.2021, p. 42–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/42


Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni ta’ approvazzjoni ta’ emenda standard għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal isem fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

(2021/C 90/10)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/33 (1)

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

“VIILE TIMIŞULUI”

PGI-RO-A0108-AM01

Data tal-komunikazzjoni: 16.12.2020

DESKRIZZJONI U RAĠUNIJIET TAL-EMENDA APPROVATA

1.   L-introduzzjoni ta’ varjetajiet ewlenin ġodda ta’ għeneb tal-inbid

L-ispeċifikazzjoni hija ssupplimentata bil-varjetajiet ewlenin ġodda ta’ nbid Tămâioasă românească, Traminer roz, Viognier, Cabernet Franc, Negru de Drăgășani u Alicante Bouschet. Iż-żoni taħt dawn il-varjetajiet ġew imħawla mill-ġdid permezz ta’ programmi appoġġati minn finanzjament Ewropew, xi wħud b’varjetajiet domestiċi li għandhom potenzjal aromatiku notevoli f’din l-indikazzjoni protetta b’mod partikolari minħabba tipi ta’ ħamrija, u b’varjetajiet internazzjonali li huma partikolarment adatti sew għat-topografija ta’ għoljiet li mhumiex wisq weqfin u b’ħafna xemx, u plateaux bi klima speċifika għax-xhur tal-maturazzjoni tal-ħsad.

Barra minn hekk, mill-2013, l-iskeda tal-inbid qed tintuża biex tiġi mmonitorjata t-traċċabbiltà tal-inbejjed prodotti mill-varjetajiet Cabernet Franc, Negru de Drăgășani, Tămâioasă românească u Traminer roz, li jippreżentaw palat aromatiku rikk, għalkemm għad-detriment tal-akkumulazzjoni ta’ zokkor, f’termini tal-qawwa alkoħolika, l-aċidità totali/volatili, il-kontenut ta’ zokkor u ta’ SO2 totali.

L-emenda taffettwa l-Kapitolu IV tal-ispeċifikazzjoni u t-Taqsima 7 tad-dokument uniku.

2.   Kjarifika dwar il-kisba ta’ nbid bla gass

Id-definizzjoni tal-inbid bla gass prodott taħt l-IĠP ġiet ifformulata mill-ġdid sabiex tiġi pprovduta kjarifika ulterjuri dwar kif jinkiseb dan l-inbid.

L-emenda taffettwa l-Kapitolu I tal-ispeċifikazzjoni, u ma taffettwax id-dokument uniku.

3.   Emenda taż-żona demarkata biex tirrifletti l-estensjoni tagħha

Ir-raħal ta’ Bencecu Mic, li ma għadux jeżisti b’dak l-isem bħala riżultat ta’ ridistribuzzjoni amministrattiva-territorjali, irid jitneħħa miż-żona ġeografika demarkata.

Barra minn hekk, iż-żona ġeografika demarkata hija estiża biex tinkludi r-raħal ta’ Jamu Mare fil-kontea ta’ Timiș, peress li din il-lokalità għandha kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima li huma simili għall-bqija taż-żona tal-IĠP u peress li tinsab f’distanza qasira mill-villaġġ ta’ Silagiu, li huwa parti miż-żona demarkata tal-IĠP.

Il-Kapitolu III tal-ispeċifikazzjoni u t-Taqsima 6 tad-dokument uniku ġew emendati.

4.   Emenda tar-rendiment tal-inbid biex jiġi rifless it-tkabbir

Ċerti kloni li jagħtu densità ogħla ta’ pjanti/ha ġew imħawla skont il-programmi ta’ konverżjoni/ristrutturar fiż-żona demarkata tal-indikazzjoni protetta. Intużaw kloni li għandhom kapaċità ogħla li jisfruttaw il-kumpless minerali u nutrizzjonali fil-ħamrija (ġebel siliċiku) kif ukoll l-indiċijiet enoklimatiċi taż-żona. Abbażi tat-tagħbija massima taż-żahar tal-frott/tal-pjanti, ta’ għenieqed fuq ir-rimja, b’piż minimu u massimu għall-għanqud u b’rabta mal-ispeċifiċità bijoloġika ta’ kull varjetà, il-produzzjoni tal-inbid trid tiżdied għal-livell massimu filwaqt li tibqa’ tiġi ppreservata l-kwalità tal-IĠP, għall-varjetajiet tal-inbid kollha awtorizzati.

Iż-żieda fil-produzzjoni jenħtieġ li tippreserva l-karattru tal-varjetà u toħroġ il-karattru speċjali taż-żona partikolari f’termini tal-mikroklima u t-tip ta’ ħamrija.

Il-Kapitoli IV u V tal-Ispeċifikazzjoni u t-Taqsima 5 tad-Dokument Uniku ġew emendati.

5.   Introduzzjoni ta’ kundizzjoni li tikkonċerna l-qawwa alkoħolika totali

Meta l-inbejjed jiġu prodotti mingħajr ebda arrikkiment, trid tiżdied il-kundizzjoni li l-qawwa alkoħolika totali tista’ tkun ta’ massimu ta’ 20 % vol. għal dawn l-inbejjed tal-IĠP.

Il-Kapitolu X tal-Ispeċifikazzjoni u t-Taqsima 5 tad-Dokument Uniku ġew emendati.

6.   Tlestija tar-rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta maż-żona ġeografika qed titlesta biex tiġi żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni fil-każ ta’ IĠP. Għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa, qed isiru żidiet fir-rigward tad-dettalji li jikkonċernaw il-karatteristiċi tal-inbejjed u l-interazzjoni kawżali bejn iż-żona u l-prodott.

Il-Kapitolu II tal-Ispeċifikazzjoni u t-Taqsima 8 tad-Dokument Uniku ġew emendati.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni

Viile Timişului

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

IĠP - Indikazzjoni Ġeografika Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

Karatteristiċi analitiċi u organolettiċi

Inbid bl-indikazzjoni ġeografika protetta Viile Timişului huwa nbid bla gass prodott esklussivament mill-fermentazzjoni alkoħolika totali jew parzjali ta’ għeneb frisk (magħsur jew le) jew minn most tal-għeneb, maħsud minn vinji li jinsabu fiż-żona demarkata għal dak il-għan.

Inbejjed bojod - kulur isfar lewn it-tiben, isfar fl-aħdar jew bi sfumaturi tal-lumi, jew isfar ċar bi sfumaturi ħodor:

riħa: aroma tipika tal-muscat, fjuri taċ-ċitru, fjuri tas-sebuqa jew fjuri selvaġġi, aromi ta’ ħawħ abjad, fjuri tad-dwieli, aromi tal-berquq, għeneb li qed isir, fjuri tal-akaċja, aromi fini, noti tal-għasel, aroma partikolari tat-tuffieħ aħdar,

togħma: togħma armonjuża, ta’ frott, vivaċi u kemxejn aċiduża ta’ sebuqa, togħma ta’ berquq u tuffieħ tas-sajf, noti ta’ għasel, berquq misjur, ċitru b’noti minerali, sensazzjoni żejtnija fil-palat, b’aromi primarji ta’ nwar tal-ward, ta’ kannella, ta’ lumiċell, kompluta b’aromi sekondarji distintivi tat-tqaddim.

Inbejjed ħomor - fid-dehra ħomor fil-vjola, jew ħomor lewn ir-rubin bi ħjiel ta’ terrakotta, ħomor lewn il-granata, ħomor skuri,

riħa: bukkett ta’ mirtilli misjura, noti sottili ta’ kannella, noti ta’ ħwawar, aromi ta’ bżar aħdar, weraq tar-ribes iswed, ċiras iswed, frott tal-foresta misjur,

togħma: aromi ta’ frott iswed, ta’ ħwawar, b’tannini integrati sew, b’noti ta’ njam meta mmaturati fi btieti tal-ballut, b’aċidità għolja u b’korpożità medja.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum):

15,0

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum):

10,0

Aċidità totali minima:

3,5 fi grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru):

1,2

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

300

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

a.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi

Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

Restrizzjoni rilevanti fuq il-produzzjoni tal-inbejjed

Fil-produzzjoni tal-inbejjed bl-indikazzjoni ġeografika Viile Timişului mhija permessa l-ebda żieda ta’ sukrożju.

Il-qawwa alkoħolika totali tista’ tkun ta’ massimu ta’ 20 % vol., fejn l-inbejjed ikunu ġew prodotti mingħajr ebda arrikkiment.

b.   Rendimenti massimi għal kull ettaru

Chardonnay, Cabernet Franc, Cabernet Sauvignon, Fetească albă, Fetească neagră, Muscat Ottonel, Pinot gris, Pinot noir

200 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

Portugais bleu, Riesling italian, Sangiovese, Tămâioasă românească, Traminer roz

200 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

Cadarcă, Merlot, Negru de Drăgăşani, Riesling de Rhin, Sauvignon, Viognier

250 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

Burgund mare, Fetească regală, Novac

300 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

Mustoasă de Măderat, Syrah/ Shiraz, Alicante Bouschet

350 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

Chardonnay, Fetească albă, Muscat Ottonel, Pinot gris, Riesling italian, Tămâioasă românească, Traminer roz

150 ettolitru għal kull ettaru

Riesling de Rhin, Sauvignon, Viognier

187,5 ettolitri għal kull ettaru

Feteasca regala

225,0 ettolitru għal kull ettaru

Mustoasă de Măderat

262,5 ettolitri għal kull ettaru

Cabernet Sauvignon, Cabernet Franc, Fetească neagră, Pinot noir, Portugais bleu, Sangiovese

144,0 ettolitri għal kull ettaru

Cadarcă, Merlot, Negru de Drăgăşani

180.0 ettolitru għal kull ettaru

Burgund mare, Novac

216,0 ettolitri għal kull ettaru

Alicante Bouschet, Syrah/ Shiraz

252,0 ettolitri għal kull ettaru

6.   Definizzjoni taż-żona demarkata

1.

Podgoria Silagiu, fil-kontea ta’ Timiş, bil-lokalitajiet li ġejjin:

il-belt ta’ Buziaş, u l-villaġġi ta’ Buziaş u ta' Silagiu

2.

Podgoria Silagiu, fil-kontea ta’ Timiş, bil-lokalitajiet li ġejjin:

il-belt ta’ Recaş (il-villaġġi ta’ Izvin, ta' Herneacova, ta' Petrovaselo, ta' Stanciova, ta' Recaş)

3.

Podgoria Lugoj, fil-kontea ta’ Timiş, bil-belt ta’ Lugoj

4.

Podgoria Giarnata, fil-kontea ta’ Timiş, bil-lokalitajiet li ġejjin:

Giarmata (il-villaġġ ta’ Pişchia)

5.

Podgoria Teremia, fil-kontea ta’ Timiş, bil-lokalitajiet:

Teremia Mare (il-villaġġ ta’ Teremia Mare).

6.

Podgoria Jamu Mare, fil-kontea ta’ Timiş, bil-villaġġ ta’ Jamu Mare.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed

Alicante Bouschet N - Alicante Henri Bouschet

Burgund Mare R - Grosser burgunder, Grossburgunder, Blaufrankisch, Kekfrankos, Frankovka, Limberger

Cabernet Franc N

Cabernet Sauvignon N - Petit Vidure, Bourdeos tinto

Cadarcă R - Schwarzer Kadarka, Rubinroter Kadarka, Lugojană, Gâmză, Fekete budai

Chardonnay B - Gentil blanc, Pinot blanc Chardonnay

Fetească albă B - Păsărească albă, Poama fetei, Mädchentraube, Leanyka, Leanka

Fetească neagră N - Schwarze Mädchentraube, Poama fetei neagră, Păsărească neagră, Coada rândunicii

Fetească regală B - Königliche Mädchentraube, Königsast, Kiralyleanka, Dănășană, Galbenă de Ardeal

Merlot N - Bigney rouge

Muscat Ottonel B - Muscat Ottonel blanc

Mustoasă de Măderat B - Lampau, Lampor, Mustafer, Mustos Feher, Straftraube

Negru de Drăgăşani N

Novac N

Pinot Gris G - Affumé, Grauer Burgunder, Grauburgunder,Grauer Mönch, Pinot cendré, Pinot Grigio, Ruländer

Pinot Noir N - Blauer Spätburgunder, Burgund mic, Burgunder roter, Klävner Morillon Noir

Portugais Bleu N - Blauer Portugieser, Oporto, Portugieser,

Riesling de Rhin N - Weisser Riesling, White Riesling

Riesling italian B - Olasz Riesling, Olaszriesling, Welschriesling

Sangiovese N - Brunello di Montalcino, Morellino

Sauvignon B — Green sauvignon

Syrah N - Shiraz, Petit Syrah

Traminer Rose Rs - Rosetraminer, Savagnin Rose, Gewürztraminer

Tămâioasă românească B - Busuioacă de Moldova, Muscat blanc à petit grains

Tămâioasă românească B - Rumanische Weihrauchtraube, Tamianka

Viognier B - Bergeron, Barbin, Rebolot, Greffou, Picotin Blanc, Vionnier

Viognier B - Petit Vionnier, Viogne, Galopine, Vugava bijela

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

“Rabta maż-żona ġeografika”

Dettalji taż-żona ġeografika

Il-karatteristika naturali speċifika hija ż-żona bl-għoljiet tal-Pjanura Banat, b’altitudnijiet sa 150 m li jibbenefikaw minn xemx qawwija matul is-sena kollha. Iż-żona fiha ħamrija podzolika rikka fl-ossidi tal-ħadid u fil-mikroelementi. Il-vinji jibbenefikaw minn esponiment għan-Nofsinhar, għal-Lbiċ jew għax-Xlokk, bil-biċċa l-kbira tal-pjantaġġuni jinsabu fuq għoljiet li mhumiex wisq weqfin u plateaux.

Dettalji tal-prodott

L-inbejjed miksuba minn ħamrija lewn is-sadid għandhom kulur aħmar jgħajjat, huma sottili ħafna u għandhom karattru li jispikka.

Varjetajiet bħal Traminer roz, Cabernet Franc u Viognier jesprimu b’mod ċar il-potenzjal taż-żona, enfasizzat mill-karattru tipiku tagħhom.

Il-karatteristiċi tipiċi u aspetti ta’ togħma speċjali jistgħu jiġu nnutati f’varjetajiet bħal Cabernet Sauvignon, Cadarcă u Mustoasă de Măderat, li juru aċidità u palat medji sa għoljin, togħma tipikament ta’ ħaxix, ħjiel ta’ ħwawar pikkanti, frott tal-foresta, noti tal-injam meta jkunu mmaturati, aromi tal-frott, konsistenza rqiqa u aroma speċifika tal-blanzun tad-dwieli (Mustoasă de Măderat).

Interazzjoni kawżali

Iċ-ċpar persistenti filgħodijiet fil-ħarifa fuq l-għoljiet ta’ Silagiu, Buziaş, Recaş, Herneacova u Petrovaselo jikkontribwixxi għal spettru aromatiku sħiħ f’Sauvignon, Riesling de Rhin, Syrah/Shiraz u Cabernet Franc. Cabernet Franc tirreġistra b’mod kostanti valuri ta’ aċidità totali ta’ aktar minn 5 g/l, f’aċidu tartariku.

Il-mineralità tal-ħamrija ta’ Recaş u Petrovaselo hija riflessa fit-togħma tal-varjetajiet Riesling de Rhin u Cabernet Sauvignon.

Il-ħamrija lewn is-sadid ta’ Izvin u Silagiu tħalli l-marka tagħha fuq l-inbejjed ħomor tal-varjetajiet Novac, Pinot noir, Portugais bleu, Sangiovese, Cadarcă u Merlot. L-inbejjed miksuba minn ħamrija lewn is-sadid għandhom kulur aħmar jgħajjat, u huma nbejjed fini b’karattru li jispikka.

L-għoljiet li mhumiex wisq weqfin u b’ħafna xemx irawmu l-akkumulazzjoni taz-zokkor, u jrendu qawwa alkoħolika ta’ aktar minn 13 % vol. lill-varjetajiet Cabernet Franc u Traminer roz.

Il-filgħodijiet kesħin lejn l-aħħar ta’ Awwissu u fil-bidu ta’ Settembru flimkien ma’ temperaturi għoljin matul il-ġurnata fiż-żoni ta’ Silagiu u Jamu Mare jwasslu għall-akkumulazzjoni ta’ flavonojdi fil-ġilda tal-għeneb abjad u għall-akkumulazzjoni taz-zokkor, speċjalment fil-varjetajiet: Pinot gris, Fetească regală u Fetească albă, u terpeni fil-varjetajiet aromatiċi: Tămâioasă românească, Muscat Ottonel, Sauvignon u Viognier. Tămâioasa românească tipperfezzjona l-medda aromatika tagħha għad-detriment tal-akkumulazzjoni taz-zokkor (mass. ta’ 12 % vol.), u trendi nbejjed xotti li b’mod partikolari m’għandhomx wisq tannini, u li huma fini u eleganti.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli (ippakkjar, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali)

Kundizzjonijiet tat-tqegħid fis-suq

Qafas legali:

Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali

Leġiżlazzjoni nazzjonali

L-ippakkjar fiż-żona ġeografika definita

Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar

L-inbejjed bl-indikazzjoni ġeografika “Viile Timişului” jistgħu jiġu kkummerċjalizzati esklussivament fi fliexken, f’ippakkjar iċċertifikat (fliexken tal-ħġieġ, borża f’kaxxa, PET eċċ., b’kapaċità massima ta’ 60 l).

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

http://onvpv.ro/sites/default/files/caiet_sarcini_ig_viile_timisului_modif_cf_cererii_2_nr._1350_16.06.2017_no_track_changes.pdf


(1)  ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.


Top