|
Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv
|
|
Valutazzjoni tal-impatt ta’ pakkett ta’ proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni dwar il-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Ġlieda kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu (AML/CFT), li jinkludu: Abbozz ta’ Regolament dwar l-AML/CFT; Abbozz ta’ emenda tad-Direttiva 2015/849 dwar l-AML/CFT; Abbozz ta’ Regolament li joħloq Awtorità tal-UE għall-AML/CFT.
|
|
A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni
|
|
Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?
|
|
Ġew identifikati tliet problemi, minkejja reviżjonijiet reċenti tad-Direttiva AML: nuqqas ta’ regoli ċari u konsistenti, superviżjoni inkonsistenti fis-suq intern, u koordinazzjoni u skambju ta’ informazzjoni insuffiċjenti bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF). Qed issir referenza għar-rapport post-mortem tal-2019 dwar każijiet reċenti ta’ ħasil tal-flus (ML) fl-UE (COM(1019)373 final). Rigward ir-regoli, ittieħdet nota tan-nuqqas tal-limiti fuq l-operazzjonijiet fi flus, u l-impatti li dan iħalli fuq il-mitigazzjoni tar-riskju għoli ta’ ħasil tal-flus li jiġi minn pagamenti kbar fi flus kontanti. l-ambitu tal-entitajiet koperti mil-leġiżlazzjoni AML u d-diliġenza dovuta tal-klijent huma fost oqsma oħra li saret enfasi fuqhom, fejn aktar armonizzazzjoni tista’ tkun ta’ benefiċċju. L-approċċ attwali lejn pajjiżi terzi għandu effettività limitata. Rigward is-superviżjoni, l-effettività tal-infurzar tvarja bejn Stat Membru u ieħor, minħabba d-differenzi fir-riżorsi u l-prattiki. L-UIF bħalissa ma għandhomx metodi komuni u mudelli armonizzati, u dan ixekkel l-analiżi konġunta, u jwassal biex ma jinkixfux tranżazzjonijiet u attivitajiet potenzjalment konnessi mal-ML/TF daqs kemm jistgħu. L-approċċ preżenti biex jiġu identifikati d-detenturi ta’ kontijiet bankarji bejn il-fruntieri mhuwiex effettiv.
|
|
X’mistennija tikseb din l-inizjattiva?
|
|
L-objettiv huwa li jissaħħaħ il-qafas preventiv tal-AML/CFT fl-UE billi jitneħħew il-lakuni attwali li jippermettu lill-kriminali jagħmlu użu ħażin tas-sistema finanzjarja tal-UE biex jaħslu d-dħul illegali tagħhom jew biex jippermettu l-finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi. B'riżultat tal-azzjoni fil-livell leġiżlattiv kif ukoll strutturali, huwa mistenni:
-Sett ta’ regoli aktar ċari, inklużi dispożizzjonijiet applikabbli direttament, li se jiżguraw applikazzjoni aktar konsistenti tal-qafas. Dan se jipprevedi approċċ aktar konsistenti għall-entitajiet li huma meħtieġa japplikaw ir-regoli tal-AML/CFT madwar l-UE, kif ukoll għall-miżuri li jridu jdaħħlu, minbarra li jdaħħlu limitu massimu għall-pagamenti fi flus kontanti fl-UE.
-Il-ħolqien ta’ Awtorità tal-AML tal-UE se jtejjeb is-superviżjoni u jappoġġa l-kooperazzjoni bejn l-UIF.
|
|
X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE?
|
|
Il-Pakkett tal-AML tal-2019 adottat mill-Kummissjoni enfasizza kif il-kriminali kienu kapaċi jisfruttaw id-differenzi bejn ir-reġimi tal-AML/CFT tal-Istati Membri. In-natura transfruntiera ta’ ħafna mill-ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu (ML/TF) tagħmilha essenzjali li biex jiġu prevenuti dawn ir-reati jkun hemm kooperazzjoni tajba bejn is-superviżuri nazzjonali u l-UIF. Ħafna entitajiet soġġetti għall-obbligi tal-AML għandhom attivitajiet transfruntiera, u l-approċċi differenti mis-superviżuri nazzjonali u l-UIF itellfuhom milli jaslu għal prattiki ottimali tal-AML/CFT f’livell ta’ grupp. Hija meħtieġa koordinazzjoni akbar fil-livell tal-UE, inkluż komponent ta’ superviżjoni diretta mill-UE tal-entitajiet l-aktar riskjużi, biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet transfruntiera u biex il-kapaċità tas-sistema finanzjarja tal-UE tiġi massimizzata biex tipprevjeni kif ukoll li taqbad l-ML/TF.
|
|
B. Soluzzjonijiet
|
|
X'għażliet ta' politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex?
|
|
Rigward ir-regoli AML/CFT, minbarra x-xenarju bażi (bidliet minimi fid-Direttiva attwali dwar l-AML), l-għażliet huma regoli direttament applikabbli u aktar armonizzati li jikkonċernaw biss lill-entitajiet koperti bil-leġiżlazzjoni jew inkella li jkopru wkoll lis-superviżuri u l-UIF. Fil-qasam tas-superviżjoni, ix-xenarju bażi jikkonsisti f’koordinazzjoni limitata tal-AML/CFT min-naħa tal-Awtorità Bankarja Ewropea, kif isir bħalissa. Għażla intermedja hija li fil-livell tal-UE jinħolqu poteri ta’ superviżjoni indiretta (korp tal-UE biex jissorvelja s-superviżuri nazzjonali), u għażla oħra hija li tinħoloq ukoll superviżjoni diretta fil-livell tal-UE fuq għadd tal-entitajiet l-aktar riskjużi; għażla finali hija s-superviżjoni diretta mill-UE fuq l-Entitajiet Obbligati kollha. Għall-UIF, minbarra l-linja bażi ta’ koordinazzjoni informali bejn l-UIF nazzjonali, hemm l-għażla li tinħoloq koordinazzjoni fil-livell tal-UE kif ukoll mekkaniżmu ta’ appoġġ għall-UIF. Għażla oħra hija li tinħoloq UIF waħda għall-UE, li tissostitwixxi l-UIF nazzjonali.
L-għażliet huma: sett ta’ regoli tal-AML/CFT aktar armonizzati, inkluż sett aktar armonizzat ta’ entitajiet li huma soġġetti għar-rekwiżiti tal-AML/CFT, rekwiżiti aktar armonizzati li huma jridu japplikaw u limitu massimu ta’ EUR 10 000 għal pagamenti fi flus kontanti fl-UE; superviżur tal-AML/CFT tal-UE, b’setgħat superviżorji indiretti rigward l-entitajiet kollha soġġetti għar-rekwiżiti tal-AML/CFT, u kompetenza superviżorja diretta għal għażla tal-entitajiet l-aktar riskjużi fis-settur finanzjarju; mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni u appoġġ fil-livell tal-UE għall-UIF, integrat fl-istess Aġenzija tal-UE bħas-superviżur; interkonnessjoni tar-reġistri tal-kontijiet bankarji u tas-sistemi għall-irkupru tad-data nazzjonali.
|
|
Liema għażla u min jappoġġaha?
|
|
Il-konsultazzjoni pubblika rċeviet 202 tweġibiet, li 99 % minnhom qiesu li hija meħtieġa aktar azzjoni biex jiġu miġġielda l-ML/FT. L-azzjoni fil-livell tal-UE tqieset bħala l-aktar għażla effettiva. Il-kategoriji kollha tal-partijiet ikkonċernati jappoġġaw regoli aktar armonizzati, inkluż sett aktar armonizzat ta’ entitajiet marbutin b’obbligu (76 %), rekwiżiti aktar armonizzati li jkollhom japplikaw (67 %) u limiti għal pagamenti fi flus kontanti (55 %). Fir-rigward tas-superviżur tal-UE, 55 % ta’ dawk li wieġbu jippreferu li dan ikopri l-entitajiet kollha, sew immedjatament sew b’mod imkrementali (fuq dan, il-partijiet ikkonċernati barra mis-settur finanzjarju kellhom aktar riżervi). Il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati jappoġġaw kompetenzi wesgħin għall-mekkaniżmu tal-UIF — mill-iżvilupp ta’ mudelli (57 %) għall-valutazzjoni tax-xejriet u r-riskji (62 %) sal-appoġġ tal-analiżijiet konġunti (57 %).
|
|
C. Impatti tal-għażla ppreferuta
|
|
X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?
|
|
Il-benefiċċju prinċipali tal-għażliet ippreferuti huwa aktar effettività u effiċjenza tal-qafas tal-UE għall-AML/CFT permezz ta’ applikazzjoni u infurzar aktar konsistenti, bi strutturi fil-livell tal-UE biex jirfdu, jikkoordinaw u jappoġġaw dan. Dan se jnaqqas l-għażliet tal-kriminali li jisfruttaw id-diverġenzi regolatorji bejn l-Istati Membri, u se jiżgura ħarsien aħjar tas-sistema finanzjarja u tal-ekonomija tagħna. Approċċ aktar effettiv fil-konfront ta’ pajjiżi terzi għandu jnaqqas il-piż fuq l-operaturi peress li r-regoli li għandhom jiġu applikati se jsiru aktar intelliġenti, u l-kontrolli msaħħin jiġu riżervati għas-sitwazzjonijiet riskjużi biss. L-interkonnessjoni tar-reġistri tal-kontijiet bankarji kollha fl-UE tħaffef l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji, u tiffaċilita l-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-UIF u awtoritajiet kompetenti oħrajn. Il-limitazzjoni tal-operazzjonijiet fi flus kontanti għal pagamenti inqas minn EUR 10 000 se tkun ta’ xkiel sinifikanti għall-ħasil tal-flus filwaqt li ma taffettwax l-inklużjoni finanzjarja.
|
|
X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x'inhuma dawk ewlenin)?
|
|
Il-kostijiet prinċipali huma l-ħolqien u l-kostijiet operazzjonali ta’ Awtorità ġdida tal-UE dwar l-AML/CFT (Aġenzija regolatorja). Bis-suppożizzjoni li se jkollha 250 membri tal-persunal FTE meta tkun qed topera kompletament, l-ispiża annwali se tkun ta’ madwar EUR 40 miljun. Huwa previst li aktar minn nofs din l-ispiża tista’ tiġi koperta minn imposti fuq entitajiet tas-settur finanzjarju koperti mill-qafas.
L-entitajiet fis-settur privat li jkunu għadhom kemm bdew jiġu koperti mill-qafas AML ukoll se jġarrbu spejjeż. Dawn huma prinċipalment ċerti tipi ta’ Fornituri ta’ Servizzi ta’ Assi Virtwali u pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv. Dawn l-ispejjeż se jinvolvu prinċipalment ir-reklutaġġ u t-taħriġ tal-persunal tal-AML/CFT u l-kisba tal-applikazzjonijiet tal-IT xierqa. Ċerti entitajiet koperti mill-qafas AML/CFT se jġarrbu l-ispejjeż tal-kontribuzzjonijiet lill-Awtorità tal-AML. Il-kost eżatt għal kull entità se jiddependi fuq l-għadd ta’ entitajiet li jridu jikkontribwixxu (dan se jiġi ddeterminat f’att delegat sussegwenti).
L-interkonnessjoni tar-reġistri ċentralizzati tal-kontijiet bankarji u s-sistemi għall-irkupru tad-data se tiġġenera spejjeż kemm f’termini tal-istabbiliment tas-sistema kif ukoll tal-manutenzjoni tagħha. Abbażi tal-ispejjeż imġarrba b’rabta ma’ sistemi oħra tal-UE, il-kostijiet tal-pjattaforma ta’ interkonnessjoni futura huma stmati tentattivament għal madwar EUR 2 000 000.
|
|
Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?
|
|
L-istituzzjonijiet finanzjarji b’attività transfruntiera se jesperjenzaw benefiċċji minn regoli aktar ċari u konsistenti madwar l-UE, li jirriżultaw fi tnaqqis tal-ispejjeż ta’ konformità. Barra minn hekk, se jiltaqgħu ma’ prattiki aktar armonizzati u komunikazzjoni aħjar bejn is-superviżuri nazzjonali u l-UIF, u xi wħud se jkollhom x’jaqsmu biss ma’ superviżur uniku għall-UE. Entitajiet oħrajn marbuta b’obbligu għandhom jesperjenzaw kwalità aħjar ta’ superviżjoni u rispons aħjar mill-UIF. L-SMEs koperti mill-qafas tal-AML huma essenzjalment mhux finanzjarji, inklużi n-nutara, l-aġenti tal-proprjetà immobbli, il-kontabilisti u oħrajn. Bħalissa dawn għandhom rwol limitat fil-kxif ta’ ML/TF. Il-kuxjenza tagħhom dwar ML/TF se tittejjeb, flimkien mal-livell ta’ sorveljanza biex jiġi żgurat li japplikaw miżuri AML/CFT. Bħala riżultat ta’ din l-inizjattiva, l-għadd ta’ tranżazzjonijiet suspettużi li dawn jirrapportaw għandu jiżdied.
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?
|
|
Ma huma previsti l-ebda impatti negattivi bħal dawn. Jista’ jkun hemm xi ffrankar għal xi superviżuri nazzjonali li bħalissa jissorveljaw l-entitajiet li se jiġu ttrasferiti għas-superviżjoni minn superviżur tal-UE.
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?
|
|
L-impatt sinifikanti ewlieni mistenni huwa tnaqqis fil-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fl-UE. L-EUROPOL tistma li l-ammont totali ta’ ML/TF li ma jinqabadx huwa ta’ ferm aktar minn EUR 100 biljun fis-sena. Qafas preventiv imtejjeb jista’ jgħin biex din iċ-ċifra titnaqqas billi jitnaqqsu l-għażliet disponibbli għall-kriminali. Dan għandu l-potenzjal li jkun ta’ ġid kbir għas-soċjetà. Barra minn hekk, jekk jittejjeb il-kxif, dan se jkollu impatt pożittiv fuq il-każi li jiġu investigati u mħarrka, b’ċansijiet akbar li jiġu rkuprati l-assi għall-benefiċċju ta’ kulħadd.
|
|
D. Segwitu
|
|
Meta se tiġi rieżaminata l-politika?
|
|
Se jkun hemm klawżola ta’ rieżami fir-Regolament AML futur li se tkun teħtieġ evalwazzjoni fi żmien 5 snin tal-applikazzjoni. L-awtorità dwar l-AML se tiġi evalwata fl-istess ħin, jekk tkun ilha topera mill-inqas sentejn sa dak iż-żmien.
|