Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0753

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar miżuri kontra operaturi tat-trasport li jiffaċilitaw jew jinvolvu ruħhom fit-traffikar ta’ persuni jew fil-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti b’rabta mad-dħul illegali fit-territorju tal-Unjoni Ewropea

    COM/2021/753 final

    Strasburgu, 23.11.2021

    COM(2021) 753 final

    2021/0387(COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar miżuri kontra operaturi tat-trasport li jiffaċilitaw jew jinvolvu ruħhom fit-traffikar ta’ persuni jew fil-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti b’rabta mad-dħul illegali fit-territorju tal-Unjoni Ewropea


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    L-Unjoni u l-Istati Membri huma partijiet għal diversi Konvenzjonijiet u Protokolli tan-Nazzjonijiet Uniti destinati għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali, il-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti u t-traffikar ta’ persuni, fosthom:

    ·il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali 1 ,

    ·il-Protokoll għall-Prevenzjoni, is-Soppressjoni u l-Punizzjoni tat-Traffikar ta’ Persuni, speċjalment ta’ Nisa u Tfal, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali 2 ,

    ·il-Protokoll kontra l-Faċilitazzjoni tad-Dħul Klandestin ta’ Migranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali 3 .

    Attivitajiet illegali bħal dawn ħafna drabi jiddependu fuq mezzi u modalitajiet differenti ta’ trasport, u b’hekk jeħtieġ li l-operaturi tat-trasport jiġu involuti mill-qrib fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra dawn l-attivitajiet.

    Diġà ttieħdu diversi inizjattivi settorjali fil-livell internazzjonali f’dan il-qasam. L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) adottat iċ-Ċirkolari 357 dwar “Linji Gwida għar-Rapportar tat-Traffikar ta’ Persuni mill-Ekwipaġġ tat-Titjir u tal-Kabina 4 u fiċ-Ċirkolari 352 tagħha pprovdiet “Linji Gwida għat-Taħriġ tal-Ekwipaġġ tal-Kabina rigward l-Identifikazzjoni tat-Traffikar ta’ Persuni u r-Rispons għalih 5 . Skont dawn iċ-ċirkolari, l-Awtoritajiet tal-Avjazzjoni Ċivili tal-Istati jenħtieġ li jirrikjedu li l-operaturi jiżviluppaw politiki, proċeduri, taħriġ u gwida għall-impjegati tagħhom rigward dawn il-kwistjonijiet. L-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA) ħarġet ukoll Riżoluzzjoni kontra t-traffikar ta’ persuni fl-2018 u żviluppat Materjal ta’ gwida għall-membri tagħha 6 . L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) ippubblikat miżuri interim għall-ġlieda kontra prattiki mhux sikuri assoċjati mat-traffikar, mal-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin jew mat-trasport ta’ migranti bil-baħar 7 . Il-Kamra Internazzjonali tat-Trasport Marittimu (ICS) ħarġet gwida dwar l-iżgurar tas-sikurezza u tas-sigurtà tal-baħħara u tal-persuni salvati 8 .

    Ħafna operaturi tat-trasport għandhom politiki fis-seħħ biex jevitaw, bl-aħjar mod possibbli, li jsiru aċċessorju għat-traffikar u għall-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin. Madankollu, f’xi każijiet tali politiki mhumiex fis-seħħ jew mhumiex implimentati sew.

    L-avvenimenti li seħħew dan l-aħħar urew ukoll kif il-migranti jistgħu jiġu strumentalizzati għal skopijiet politiċi, u kif ċerti operaturi tat-trasport kienu qed jikkontribwixxu għal operazzjonijiet ta’ faċilitazzjoni tad-dħul klandestin u ta’ traffikar — u f’xi każijiet jibbenefikaw minnhom — li poġġew f’riskju l-ħajja ta’ persuni vulnerabbli u s-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-Unjoni.

    Għalhekk, sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet bħal dawn, jeħtieġ li tiġi adottata leġiżlazzjoni mmirata lejn l-operaturi tat-trasport li jiffaċilitaw jew li jinvolvu ruħhom fit-traffikar ta’ persuni, jew fil-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti b’rabta mad-dħul illegali fit-territorju tal-Unjoni. Sabiex dak l-iskop jintlaħaq b’mod effettiv, jenħtieġ li dik il-leġiżlazzjoni tkun applikabbli fl-Unjoni kollha. Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha jenħtieġ li jiġu fformulati kemm jista’ jkun qrib il-kundizzjonijiet previsti mill-Konvenzjoni tan-NU msemmija hawn fuq li ġew ratifikati mill-maġġoranza l-kbira tal-pajjiżi tad-dinja, inkluż l-Istati Membri kollha tal-Unjoni. B’hekk l-Unjoni se tkun tista’ tuża għalkollox l-għodod offruti minn dik il-Konvenzjoni, inkluż fis-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 15(2) tal-Konvenzjoni msemmija, f’każijiet fejn l-attivitajiet ta’ faċilitazzjoni tad-dħul klandestin jew ta’ traffikar isiru bil-ħsieb li jitwettqu reati serji fl-Unjoni.

    Għalhekk dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprovdi qafas legali li jippermetti lill-Unjoni tadotta miżuri li jenħtieġ li jiġu indirizzati kontra l-operaturi tat-trasport ta’ kwalunkwe modalità ta’ trasport (bl-ajru, bil-baħar, bil-passaġġi fuq l-ilma interni, bil-ferrovija u bit-triq) li jinvolvu ruħhom fl-attivitajiet imsemmija hawn fuq. It-tipi ta’ miżuri li għandhom jiġu imposti jenħtieġ li jkunu xierqa u proporzjonati fid-dawl taċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ inkwistjoni. Jenħtieġ li jinkludu, b’mod partikolari, il-prevenzjoni ta’ kwalunkwe espansjoni ulterjuri jew il-limitazzjoni tal-operazzjonijiet tat-trasport attwali, is-sospensjoni tal-liċenzji jew tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont id-dritt tal-Unjoni, is-sospensjoni tad-dritt tat-titjir fuq it-territorju tal-Unjoni, tat-tranżitu mit-territorju tal-Unjoni jew ta’ waqfa f’portijiet tal-Unjoni, is-sospensjoni tad-drittijiet ta’ riforniment tal-fjuwil jew ta’ manutenzjoni fl-Unjoni jew is-sospensjoni tad-drittijiet ta’ operat lejn l-Unjoni, minnha u fiha.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Il-proposta attwali tikkomplementa l-azzjoni esterna tal-Unjoni, inkluż il-politika estera u ta’ sigurtà komuni tagħha. Fid-dawl tad-dimensjoni possibbli tas-sigurtà, jixraq li l-istrateġija kumplessiva fir-rigward tal-miżuri li għandhom jittieħdu tiġi definita f’koordinazzjoni mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikoli 91 u 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea b’rabta ma’ kwistjonijiet tat-trasport.

    Sussidjarjetà

    Peress li l-objettiv ta’ din il-proposta, jiġifieri li jiġi żgurat approċċ armonizzat fir-rigward ta’ miżuri kontra l-operaturi tat-trasport, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, minħabba l-effett, il-kumplessità, u n-natura transfruntiera u internazzjonali tiegħu, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    Proporzjonalità

    Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-objettiv tagħha.

    Għażla tal-istrument

    Sabiex jiġi żgurat li l-migranti u persuni oħra affettwati minn tali operazzjonijiet illegali jiġu protetti b’mod uniformi u effettiv, ir-regoli li għandhom jiġu stabbiliti f’dak ir-rigward jenħtieġ li jkollhom il-forma ta’ Regolament. Jenħtieġ li miżuri umanitarji xierqa jakkumpanjaw il-miżuri preżenti.

    3.KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI

    Mill-bidu tal-kriżi fil-fruntieri esterni tal-UE mal-Belarussja, l-UE għamlet użu sħiħ mill-għodod diplomatiċi u ta’ komunikazzjoni li għandha għad-dispożizzjoni tagħha kemm fil-livell politiku kif ukoll f’dak tekniku.

    Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli żiedu ż-żjarat fil-pajjiżi ewlenin ta’ oriġini u ta’ tranżitu. L-awtoritajiet f’dawk il-pajjiżi terzi ġew imfakkra dwar l-obbligi tagħhom skont il-konvenzjonijiet internazzjonali dwar it-traffikar u l-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin, inġibditilhom l-attenzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-fruntiera tal-UE mal-Belarussja, ir-riskji tal-isfruttament taċ-ċittadini tagħhom u tal-persuni fi tranżitu, il-ħtieġa li ċ-ċittadini tagħhom jiġu infurmati b’mod attiv dwar ir-riskji u l-perikli tal-migrazzjoni irregolari lejn l-Ewropa, u l-potenzjal ta’ impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet tagħhom mal-UE. Il-komunikazzjoni inkludiet kuntatti diretti mal-linji tal-ajru u mal-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili.

    Il-partijiet kollha kkonsultati qablu dwar il-ħtieġa li jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ għodod effettivi u xierqa għall-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti u t-traffikar ta’ persuni, b’mod partikolari l-użu ta’ mezzi tat-trasport kummerċjali f’dan il-kuntest, u li jiġi żgurat li tittieħed azzjoni xierqa biex jiġu protetti l-ħajjiet u s-sikurezza ta’ persuni li qed jiġu strumentalizzati għal finijiet politiċi.

    Drittijiet fundamentali

    L-ipproċessar tad-data personali se jsir b’mod li jiġu rrispettati l-obbligi dwar il-protezzjoni tad-data personali stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 9 u fir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 .

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    Kwalunkwe miżura adottata skont dan ir-Regolament se tkun limitata fiż-żmien u se tkun soġġetta għal rieżami f’konformità mal-Artikolu 3(2).

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Il-proposta hi strutturata kif ġej:

    Artikolu 1: Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    Artikolu 2: Definizzjonijiet

    Artikolu 3: Miżuri li jikkonċernaw l-operaturi tat-trasport

    Artikolu 4: Dritt li wieħed jiġi mismugħ

    Artikolu 5: Regoli proċedurali

    Artikolu 6: Kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi

    Artikolu 7: Informazzjoni u drittijiet tal-passiġġieri

    Artikolu 8: Proċedura ta’ Kumitat

    Artikolu 9: Dħul fis-seħħ

    2021/0387 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar miżuri kontra operaturi tat-trasport li jiffaċilitaw jew jinvolvu ruħhom fit-traffikar ta’ persuni jew fil-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti b’rabta mad-dħul illegali fit-territorju tal-Unjoni Ewropea

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 u l-Artikolu 100(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 11 ,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 12 ,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)    It-traffikar ta’ persuni u l-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti jipperikolaw il-ħajjiet u s-sigurtà tal-migranti, u b’mod partikolari tal-iktar persuni vulnerabbli.

    (2)    L-istrumentalizzazzjoni tal-migranti, fejn atturi Statali jiffaċilitaw il-migrazzjoni irregolari għal finijiet politiċi huwa fenomenu li kulma jmur qed isir iktar inkwetanti, li jista’ jinvolvi l-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti jew it-traffikar ta’ persuni b’rabta mad-dħul illegali fit-territorju tal-Unjoni, u b’hekk jipperikola l-ħajjiet u s-sigurtà ta’ dawk in-nies, filwaqt li joħloq theddida għas-sigurtà tal-fruntieri tal-Unjoni.

    (3)    Attivitajiet illegali bħal dawn ħafna drabi jiddependu fuq mezzi u modalitajiet differenti ta’ trasport, u b’hekk jeħtieġ li l-operaturi tat-trasport jitpoġġew fil-mira għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra dawn l-attivitajiet. Sabiex jiġu miġġielda t-traffikar ta’ persuni u l-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti, jeħtieġ għaldaqstant li jiġu previsti miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-operaturi tat-trasport kummerċjali li jiffaċilitaw jew li jinvolvu ruħhom f’tali operazzjonijiet illegali. Tali miżuri jenħtieġ li japplikaw mhux biss fejn l-operaturi tat-trasport jużaw il-mezzi tat-trasport għat-traffikar ta’ persuni u għall-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti, iżda wkoll f’każijiet fejn l-operaturi tat-trasport jieħdu sehem attiv fl-attivitajiet kriminali ta’ organizzazzjoni kriminali li tkun attiva fit-traffikar ta’ persuni u fil-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti b’għarfien dwar l-għan u l-attività ġenerali ta’ dik l-organizzazzjoni kriminali, jew dwar l-intenzjoni tagħha li twettaq dawk ir-reati, jew fejn huma jgħinu jew jiffaċilitaw it-twettiq ta’ dawk ir-reati, inkluż fejn dawk l-operaturi tat-trasport u dawk l-organizzazzjonijiet kriminali jkunu sponsorjati mill-Istat. Il-miżuri inkwistjoni jistgħu jimmiraw lejn l-attivitajiet tal-operaturi tat-trasport anke meta dawn tal-aħħar ma jittrasportawx persuni jew migranti fl-Unjoni. Jenħtieġ li dawk il-miżuri ma jaffettwawx l-attivitajiet tal-operaturi mhux kummerċjali, b’mod partikolari l-attivitajiet umanitarji.

    (4)    Fid-dawl tad-dimensjoni possibbli tas-sigurtà inkwistjoni, jixraq li l-istrateġija kumplessiva fir-rigward tal-miżuri li għandhom jittieħdu tiġi definita f’koordinazzjoni mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.

    (5)    Il-proċedura għall-adozzjoni ta’ miżuri kontra l-operaturi tat-trasport li jikkontribwixxu għat-traffikar ta’ persuni jew għall-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti jenħtieġ li tippermetti li d-deċiżjonijiet jittieħdu malajr. Jenħtieġ li f’kull ħin miżuri bħal dawn ikunu meħtieġa u proporzjonati, u limitati fiż-żmien. Fejn meħtieġ, jenħtieġ li jkun possibbli li l-miżuri jiġu estiżi. It-tipi ta’ miżuri li jistgħu jittieħdu kontra l-operaturi tat-trasport jenħtieġ li jkunu wesgħin biżżejjed biex jimmiraw b’mod effettiv lejn l-imġiba speċifika tal-operatur tat-trasport rilevanti.

    (6)    Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 13 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 87/540/KEE 14 , il-maniġers u l-operaturi tat-trasport huma meħtieġa li jkollhom reputazzjoni tajba, sabiex jipprovdu ċerti servizzi tat-trasport fl-Unjoni. L-Istati Membri jenħtieġ li jqisu kwalunkwe miżura meħuda mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament meta jivvalutaw jekk il-maniġers u l-operaturi tat-trasport jissodisfawx jew għadhomx jissodisfaw dak ir-rekwiżit.

    (7)    Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri kontra l-operaturi tat-trasport ikunu jistgħu jittieħdu malajr, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex timponi tali miżuri permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata wkoll setgħat ta’ implimentazzjoni biex tadotta regoli dettaljati dwar il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti qabel l-adozzjoni ta’ tali miżuri. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 15 .

    (8)    Huwa fundamentali li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt tal-persuni li jiġu mismugħa qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li taffettwahom b’mod avvers. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li, qabel ma tadotta kwalunkwe miżura kontra l-operaturi tat-trasport, dawk l-operaturi jingħataw l-opportunità li jiġu mismugħa, filwaqt li titqies ukoll l-urġenza tal-proċedura. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li l-operaturi tat-trasport jiġu mistiedna jwaqqfu kwalunkwe attività relatata mat-traffikar ta’ persuni jew mal-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti mingħajr dewmien, qabel ma jittieħdu l-miżuri.

    (9)    Qabel ma tieħu miżuri kontra l-operaturi tat-trasport stabbiliti f’pajjiżi terzi, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkonsulta lill-awtoritajiet rilevanti b’mod xieraq, bil-ħsieb li tikkoordina l-azzjonijiet tagħhom. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ titlob ukoll lil dawk l-awtoritajiet biex jieħdu kwalunkwe miżura rilevanti.

    (10)    Il-miżuri meħuda kontra l-operaturi tat-trasport skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu mgħarrfa lill-pubbliku. Għalhekk, jenħtieġ li l-atti ta’ implimentazzjoni li jimponu tali miżuri jiġu ppubblikati mingħajr dewmien f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u l-atturi rilevanti fl-operazzjonijiet tat-trasport jenħtieġ li jgħarrfu lill-passiġġieri b’tali miżuri, kemm permezz tas-siti web tagħhom kif ukoll, fejn rilevanti, fil-binjiet tagħhom.

    (11)    Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE 16 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, li tistabbilixxi, inter alia, mekkaniżmi xierqa mmirati lejn l-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi, u l-assistenza u l-appoġġ għalihom, tiddetermina l-piena u tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi li jwettqu t-traffikar tal-bnedmin.

    (12)    Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jaffettwax id-drittijiet tal-passiġġieri stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 261/2004 17 , (KE) Nru 1107/2006 18 , (KE) Nru 1371/2007 19 , (UE) Nru 181/2011 20 u (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 21 . B’mod partikolari, id-drittijiet għar-rimborż, ir-riprogrammar tar-rotta u l-kumpens jenħtieġ li jiġu ssalvagwardjati. Barra minn hekk, il-kanċellazzjoni tal-operazzjonijiet tat-trasport minħabba l-applikazzjoni ta’ miżuri meħuda mill-Kummissjoni jenħtieġ li ma tiġix ikkunsidrata bħala ċirkostanzi straordinarji.

    (13)    Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġi żgurat approċċ armonizzat fl-Unjoni kollha fir-rigward ta’ miżuri kontra l-operaturi tat-trasport, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, minħabba l-effett, il-kumplessità, u in-natura transfruntiera u internazzjonali tiegħu, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

    (14)    Filwaqt li dan ir-Regolament jaffettwa l-libertà li wieħed imexxi negozju skont l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jirrispetta l-essenza ta’ dik il-libertà u jillimitaha biss sa fejn ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-użu ta’ mezzi tat-trasport kummerċjali għall-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti u għat-traffikar ta’ persuni.

    (15)    Minħabba l-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mis-sitwazzjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni mal-Belarussja, jitqies li huwa xieraq li tiġi invokata l-eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat prevista fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, li huwa anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

    (16)    Fid-dawl tal-ħtieġa prevalenti li tiġi indirizzata mingħajr dewmien kwalunkwe strumentalizzazzjoni ta’ persuni vulnerabbli, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-użu ta’ għall-faċilitazzjoni jew l-involviment fl-ikkummissjonar tal-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti jew tat-traffikar ta’ persuni.

    B’mod partikolari, jistabbilixxi regoli dwar miżuri li jistgħu jittieħdu għall-prevenzjoni jew għar-restrizzjoni tal-attivitajiet tal-operaturi tat-trasport li, b’rabta mad-dħul illegali ta’ tali migranti u persuni fit-territorju tal-Unjoni, jew:

    (a)    jużaw mezzi tat-trasport fl-ikkummissjonar tal-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti jew tat-traffikar ta’ persuni; jew

    (b)    bl-għarfien jew tal-għan u tal-attività kriminali ġenerali ta’ organizzazzjoni kriminali attiva fil-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti jew tat-traffikar ta’ persuni jew tal-intenzjoni tagħha li twettaq dawk ir-reati, jieħdu sehem attiv fl-attivitajiet kriminali ta’ tali organizzazzjoni; jew

    (c)    jorganizzaw, jidderieġu, jgħinu, jassistu, jiffaċilitaw jew jagħtu pariri dwar l-ikkummissjonar tal-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti jew tat-traffikar ta’ persuni li jinvolvi organizzazzjoni kriminali.

    2.    Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll miżuri li jiżguraw li l-Istati Membri jqisu l-miżuri meħuda mill-Kummissjoni fid-dawl tal-imġiba tal-operaturi tat-trasport imsemmija fil-paragrafu 1 meta jivvalutaw ir-reputazzjoni tajba tal-maniġers u tal-operaturi tat-trasport.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)    “traffikar ta’ persuni” tfisser ir-reklutaġġ, it-trasport, it-trasferiment, il-ħabi jew ir-riċeviment ta’ persuni, permezz tat-theddid jew l-użu tal-forza jew forom oħra ta’ koerċizzjoni, ħtif, frodi, qerq, abbuż ta’ poter jew ta’ pożizzjoni ta’ vulnerabbiltà jew permezz tal-għoti jew tat-teħid ta’ pagamenti jew benefiċċji biex jinkiseb il-kunsens ta’ persuna li jkollha kontroll fuq persuna oħra, għall-iskop ta’ sfruttament;

    (b)    “faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti” tfisser l-akkwist, sabiex jinkiseb, direttament jew indirettament, benefiċċju, tad-dħul illegali ta’ persuna fl-Unjoni fejn il-persuna ma tkunx ċittadin jew resident permanenti;

    (c)    “reat serju” tfisser imġiba li tikkostitwixxi reat punibbli b’ċaħda massima tal-libertà ta’ mill-anqas erba’ snin jew piena iktar serja;

    (d)    “organizzazzjoni kriminali” tfisser grupp strutturat ta’ tliet persuni jew iktar, li jeżisti għal perjodu ta’ żmien u li jaġixxi flimkien bl-għan li jwettaq reat serju jew reat wieħed jew iktar ta’ faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti jew ta’ traffikar ta’ persuni, sabiex jikseb, direttament jew indirettament, benefiċċju;

    (e)    “operatur tat-trasport” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi operazzjoni tat-trasport fuq termini kummerċjali bi kwalunkwe modalità ta’ trasport, jiġifieri bl-ajru, bil-baħar, bil-passaġġi fuq l-ilma interni, bil-ferrovija jew bit-triq;

    (f)    “dħul illegali” tfisser il-qsim tal-fruntieri mingħajr konformità mar-rekwiżiti meħtieġa għad-dħul legali fl-Istat Membru riċeventi.

    Artikolu 3

    Miżuri li jikkonċernaw l-operaturi tat-trasport

    1. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ miżuri kriminali u amministrattivi nazzjonali, fejn operatur tat-trasport jiffaċilita jew jinvolvi ruħu f’attività msemmija fl-Artikolu 1(1), il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih, tiddeċiedi li tieħu miżuri kontra dak l-operatur tat-trasport. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 8(2). Għandhom jiġu ppubblikati minnufih f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2. Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu meħtieġa u proporzjonati, u jistgħu jikkonsistu minn kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

    (a)    il-prevenzjoni ta’ kwalunkwe espansjoni ulterjuri jew il-limitazzjoni tal-operazzjonijiet tat-trasport attwali fis-suq tal-Unjoni;

    (b)    is-sospensjoni tad-dritt li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport mill-Unjoni, lejha jew fiha;

    (c)    is-sospensjoni tad-dritt tat-titjir fuq it-territorju tal-Unjoni;

    (d)    is-sospensjoni tad-drittijiet ta’ riforniment tal-fjuwil jew ta’ twettiq ta’ manutenzjoni fl-Unjoni;

    (e)    is-sospensjoni tad-dritt tal-waqfa u tad-dħul fil-portijiet tal-Unjoni;

    (f)    is-sospensjoni tad-dritt ta’ tranżitu fit-territorju tal-Unjoni;

    (g)    is-sospensjoni ta’ liċenzji jew ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija skont id-dritt tal-Unjoni għall-operat fl-Unjoni jew għat-twettiq ta’ attivitajiet ta’ ġarr internazzjonali ta’ passiġġieri.

    Il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri ma għandux jaqbeż sena. Għandhom jiġu rieżaminati fejn meħtieġ u jistgħu jiġġeddu.

    3. L-Istati Membri għandhom iqisu l-miżuri meħuda mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 1 meta jivvalutaw ir-reputazzjoni tajba tal-maniġers u tal-operaturi tat-trasport għall-iskopijiet tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 u tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 87/540/KEE.

    Artikolu 4

    Dritt li wieħed jiġi mismugħ

    Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, qabel ma tadotta kwalunkwe waħda mill-miżuri msemmija fl-Artikolu 3, l-operatur tat-trasport ikkonċernat jingħata l-opportunità li jiġi mismugħ, filwaqt li titqies il-ħtieġa ta’ urġenza. L-operatur tat-trasport jista’ jiġi mistieden iwaqqaf kwalunkwe attività msemmija fl-Artikolu 1(1) mingħajr dewmien.

    Artikolu 5

    Regoli proċedurali

    Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għall-adozzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 8(3).

    Artikolu 6

    Kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi

    Qabel ma tieħu kwalunkwe miżura skont l-Artikolu 3 kontra operaturi tat-trasport stabbiliti f’pajjiżi terzi, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta, b’mod xieraq, lill-awtoritajiet rilevanti minn dak il-pajjiż bil-ħsieb li tikkoordina l-azzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ titlob lil dawk l-awtoritajiet jieħdu kwalunkwe miżura rilevanti.

    Artikolu 7

    Informazzjoni u drittijiet tal-passiġġieri

    1. L-atti ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3 għandhom jiġu ppubblikati minnufih f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2. L-operaturi tat-trasport, l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar, l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, u l-entitajiet ta’ ġestjoni tal-portijiet, tal-ajruporti, tal-istazzjonijiet u ta’ infrastrutturi rilevanti oħra fit-territorju tal-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-passiġġieri bil-miżuri meħuda mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3, kemm permezz tas-siti web tagħhom, u fejn rilevanti, fil-binjiet tagħhom.

    3. Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa d-drittijiet tal-passiġġieri skont ir-Regolamenti (KE) Nru 261/2004, (KE) Nru 1107/2006, (KE) Nru 1371/2007, (UE) Nru 181/2011 u (UE) Nru 1177/2010.

    4. Għall-iskopijiet ta’ dawk ir-Regolamenti, il-kanċellazzjoni tal-operazzjonijiet tat-trasport minħabba l-applikazzjoni ta’ miżuri meħuda mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3 ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala ċirkostanzi straordinarji.

    Artikolu 8

    Proċedura ta’ Kumitat

    1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

    3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 9

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)     https://www.unodc.org/documents/treaties/UNTOC/Publications/TOC%20Convention/TOCebook-e.pdf  
    (2)     https://www.unodc.org/documents/treaties/UNTOC/Publications/TOC%20Convention/TOCebook-e.pdf
    (3)     https://www.unodc.org/documents/treaties/UNTOC/Publications/TOC%20Convention/TOCebook-e.pdf
    (4)     https://www.icao.int/safety/airnavigation/OPS/CabinSafety/Documents/Cir.352.alltext.en.pdf
    (5)     https://www.icao.int/safety/airnavigation/OPS/CabinSafety/Documents/Circ.357.EN.pdf
    (6)     https://www.iata.org/contentassets/8e5bb5f5bfa04057a8826cf042cd4df9/human-trafficking-guidelines-v1.pdf u https://www.iata.org/contentassets/8e5bb5f5bfa04057a8826cf042cd4df9/resolution-trafficking-persons-agm2018.pdf
    (7)     https://wwwcdn.imo.org/localresources/en/OurWork/Facilitation/Documents/MSC.1-Circ.896-Rev.2.pdf  
    (8)     https://wwwcdn.imo.org/localresources/en/OurWork/Facilitation/Documents/large-scale-rescue-at-sea.pdf  
    (9)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
    (10)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
    (11)    ĠU C , , p. .
    (12)    ĠU C , , p. .
    (13)    Ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 51).
    (14)    Id-Direttiva tal-Kunsill 87/540/KEE tad-9 ta’ Novembru 1987 dwar l-aċċess għax-xogħol ta’ trasportatur ta’ merkanzija fuq il-passaġġi fuq l-ilma fi trasport nazzjonali u internazzjonali u dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali għal dan ix-xogħol (ĠU L 322, 12.11.1987, p. 20).
    (15)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
    (16)    Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1).
    (17)    Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1).
    (18)    Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 1).
    (19)    Ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 14).
    (20)    Ir-Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 1).
    (21)    Ir-Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 1).
    Top