EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0721

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttivi 2011/61/UE u 2009/65/KE fir-rigward tal-arranġamenti ta’ delega, il-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità, ir-rapportar superviżorju, il-forniment ta’ servizzi depożitarji u ta’ kustodja u l-oriġinazzjoni tas-self minn fondi ta’ investiment alternattivi

COM/2021/721 final

Brussell, 25.11.2021

COM(2021) 721 final

2021/0376(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttivi 2011/61/UE u 2009/65/KE fir-rigward tal-arranġamenti ta’ delega, il-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità, ir-rapportar superviżorju, il-forniment ta’ servizzi depożitarji u ta’ kustodja u l-oriġinazzjoni tas-self minn fondi ta’ investiment alternattivi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SEC(2021) 570 final} - {SWD(2021) 340 final} - {SWD(2021) 341 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

Din il-proposta leġiżlattiva tressaq emendi għad-Direttiva dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi (AIFMD – id-Direttiva 2011/61/UE) 1 u, sa fejn huwa rilevanti, għad-Direttiva relatata ma’ impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (“UCITS”) (UCITSD – id-Direttiva 2009/65/KE) 2 .

Il-Kummissjoni rrieżaminat l-applikazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-AIFMD kif mandat mill-Artikolu 69 tad-Direttiva. Il-Kummissjoni qieset li għadd ta’ kwistjonijiet enfasizzati fir-rieżami tal-AIFMD huma ugwalment rilevanti għall-attivitajiet tal-UCITS. Konsegwentement, din il-proposta leġiżlattiva għandha l-għan li tindirizza dawn il-kwistjonijiet billi temenda l-AIFMD u l-UCITSD biex tallinja aħjar ir-rekwiżiti tagħhom.

L-AIFMD ġiet adottata fit-8 ta’ Ġunju 2011 bħala parti mir-rispons ta’ politika għall-kriżi finanzjarja globali, li kixfet dgħufijiet u vulnerabbiltajiet f’ċerti attivitajiet ta’ fondi li setgħu jamplifikaw ir-riskji għas-sistema finanzjarja usa’ 3 .

Bħala inizjattiva regolatorja għal wara l-kriżi, l-AIFMD tfittex approċċ superviżorju koerenti għar-riskji li l-attivitajiet tal-Fondi ta’ Investiment Alternattivi (“AIFs”) jistgħu jiġġeneraw jew iwasslu lis-sistema finanzjarja. Id-Direttiva għandha wkoll l-għan li tipprovdi protezzjoni ta’ livell għoli tal-investituri filwaqt li tiffaċilita l-integrazzjoni tal-AIFs fis-suq tal-UE 4 . Il-Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi (“AIFMs”) huma meħtieġa li jimmaniġġjaw b’mod effettiv ir-riskji u li jiżguraw trasparenza adegwata tal-attivitajiet tal-AIFs li jimmaniġġjaw. Hekk kif jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti, huma jistgħu jimmaniġġjaw u jikkummerċjalizzaw l-AIFs lil investituri professjonali madwar l-Unjoni b’awtorizzazzjoni unika mis-superviżur domiċiljari tagħhom 5 . L-AIFMD saret pilastru sinifikanti tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (“CMU”) 6 bis-saħħa tal-kapaċità ta’ fondi ta’ investiment li joffru aċċess għal sorsi ta’ finanzjament ibbażati fuq is-suq u li jippermettu lill-investituri jallokaw aħjar it-tfaddil tagħhom matul il-perjodu ta’ żmien magħżul f’konformità mal-preferenzi tagħhom.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni u tal-funzjonament tal-qafas legali tal-AIFMD tikkonkludi li l-istandards tal-AIFMD biex jiġu żgurati livelli għoljin ta’ protezzjoni tal-investituri huma fil-biċċa l-kbira effettivi 7 . Ir-regoli dwar il-kunflitti ta’ interess, id-divulgazzjoni u r-rekwiżiti ta’ trasparenza huma meħtieġa biex jipproteġu lill-investituri. Ir-rekwiżiti dwar il-valutazzjoni, li hija meħtieġa biex jiġi stabbilit is-sehem ta’ kull investitur f’AIF partikolari u għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-AIF, żiedu d-dixxiplina u l-istruttura fil-proċess ta’ valutazzjoni tal-assi. Fl-aħħar nett, ir-reġim depożitarju li jistabbilixxi d-dmirijiet u r-responsabbiltà tad-depożitarji, inklużi l-kustodja tal-assi tal-AIF u s-sorveljanza tal-attivitajiet tal-AIF, jissalvagwardja l-interessi tal-investituri. Huwa jappoġġa wkoll il-funzjonament ordnat tas-suq tal-fondi ta’ investiment.

L-istabbiltà finanzjarja u l-integrità tas-suq huma objettivi ewlenin tal-AIFMD 8 . L-AIFMD introduċiet għodod biex ittejjeb il-monitoraġġ u s-superviżjoni makroprudenzjali tar-riskji tal-istabbiltà finanzjarja. L-AIFMs huma meħtieġa jirrapportaw lis-superviżuri dwar l-iskoperturi prinċipali tal-AIF, il-profil tal-likwidità u l-ingranaġġ tagħhom. Ir-rapportar superviżorju appoġġa superviżjoni makroprudenzjali effettiva u huwa ta’ għajnuna għall-monitoraġġ tas-suq iżda l-granularità tad-data rrapportata tista’ tittejjeb. L-AIFMD ħolqot network ta’ kooperazzjoni superviżorja effettiv li huwa kkoordinat mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”), li qed jikkontribwixxi għall-konverġenza tal-approċċi superviżorji għall-attivitajiet tal-AIF fl-Unjoni Ewropea.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tindika li l-AIFMD ġeneralment qed tilħaq l-objettivi tagħha u li l-armonizzazzjoni madwar l-UE tal-istandards regolatorji ffaċilitat l-integrazzjoni tas-suq Ewropew tal-fondi ta’ investiment kollettiv 9 . Is-settur tal-fondi ta’ investiment bejn wieħed u ieħor ittrippla fid-daqs mill-2008 ’il hawn, minn EUR 5,5 triljun f’assi għal aktar minn EUR 15-il triljun f’assi, u l-assi tiegħu bħala perċentwal tal-assi totali tas-settur finanzjarju żdiedu b’mod sinifikanti 10 . Huwa għandu interkonnessjonijiet mas-settur finanzjarju usa’, li jagħmluha importanti li r-riskji sistemiċi potenzjali jiġu ġestiti b’mod xieraq 11 .

L-AIFMD fiha regoli ġenerali dwar il-ġestjoni tal-likwidità, dwar l-użu tal-ingranaġġ u dwar il-valutazzjoni għall-ġestjoni tar-riskji fil-livell tal-fond. Madankollu, dawn ir-rekwiżiti ma humiex speċifiċi biżżejjed biex ikopru bis-sħiħ l-ispeċifiċitajiet tal-ġestjoni tal-attivitajiet ta’ self dirett mill-AIFs u biex jindirizzaw ir-riskji mikro u makro potenzjali. Il-frammentazzjoni regolatorja, fejn jiġu stabbiliti oqfsa nazzjonali biex jirregolaw l-oriġinazzjoni tas-self mill-fondi, twassal għal diffikultajiet fl-identifikazzjoni u fir-reazzjoni effettiva għal effetti potenzjali fis-suq kollu li jistgħu jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ tali fondi. Barra minn hekk, approċċi regolatorji nazzjonali diverġenti jfixklu l-istabbiliment ta’ suq intern effiċjenti għall-AIFs li joriġinaw self billi jippromwovu arbitraġġ regolatorju u livelli differenti ta’ protezzjoni tal-investituri.

Barra minn hekk, ir-rieżami enfasizza li d-data tas-suq sottomessa lill-awtoritajiet superviżorji għandha nuqqasijiet jew ma għandhiex dettall meħtieġ, u b’hekk iddgħajjef il-kapaċità li l-awtoritajiet jidentifikaw l-akkumulazzjoni u r-riperkussjoni tar-riskji għas-sistema finanzjarja usa’. Il-proposta leġiżlattiva għandha l-għan li ttejjeb il-ġbir tad-data rilevanti u tneħħi d-duplikazzjonijiet ineffiċjenti tar-rapportar li jistgħu jeżistu taħt partijiet oħra tal-leġiżlazzjoni Ewropea u dik nazzjonali f’konformità mal-istrateġija usa’ dwar id-data superviżorja, kif imħabbar fl-Istrateġija dwar il-Finanzi Diġitali 12 .

L-Għodod għall-Ġestjoni tal-Likwidità (“LMTs”) jippermettu lill-maniġers ta’ fondi miftuħa, li jinkludu AIFs miftuħa u l-fondi kollha tal-UCITS, jindirizzaw il-pressjonijiet tat-tifdija f’kundizzjonijiet tas-suq taħt stress u jipproteġu aħjar l-interessi tal-investituri. Il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (“BERS”) u l-ESMA jirrakkomandaw armonizzazzjoni tar-regoli dwar l-użu tal-LMTs. Bħalissa, l-AIFMD u l-UCITSD ma jipprevedux sett minimu armonizzat ta’ LMTs 13 .

Barra minn hekk, l-interessi tal-investituri jistgħu jitħarsu aħjar jekk ir-regoli tal-AIFMD kellhom jiġu emendati biex jiżdiedu l-effiċjenzi fis-suq tas-servizzi tad-depożitarji. Ir-rekwiżit tal-AIFMD attwali li depożitarju jenħtieġ li jkun jinsab fl-istess Stat Membru bħall-AIF tal-UE li jaħtar huwa diffiċli li jiġi ssodisfat fi swieq iżgħar u aktar ikkonċentrati, fejn hemm inqas fornituri tas-servizzi. In-nuqqas ta’ kompetizzjoni jwassal għal żieda fl-ispejjeż għall-maniġers tal-fondi u għal strutturi ta’ fondi inqas effiċjenti, li jistgħu jaffettwaw ir-redditi tal-investituri. Hemm potenzjal li jiżdied it-titjib fl-effiċjenza fil-ġestjoni tal-fondi ta’ investiment billi titnaqqas il-konċentrazzjoni tas-suq tad-depożitarji f’ċerti swieq nazzjonali filwaqt li jiġi żgurat li l-fornituri tas-servizzi jirrispettaw l-istandards Ewropej.

Hemm evidenza li xi drabi d-depożitarji ma jitħallewx iwettqu d-dmirijiet tagħhom meta l-assi tal-fond ikunu miżmuma minn Depożitarju Ċentrali tat-Titoli (“CSD”) 14 . Is-CSDs ma jitqisux bħala delegati tad-depożitarju 15 . Din is-sitwazzjoni legali ma tiżgurax fluss stabbli ta’ informazzjoni bejn il-kustodju tal-assi tal-AIF jew tal-UCITS u d-depożitarju, fil-każijiet kollha. Konsegwentement, id-depożitarji ma jistgħux jissodisfaw id-dmirijiet tagħhom ta’ sorveljanza b’mod effettiv jekk ma jkun hemm l-ebda fluss stabbli ta’ informazzjoni dwar il-movimenti tal-portafoll. Din is-sitwazzjoni legali tista’ tfixkel il-protezzjoni tal-investituri.

Ir-reġim ta’ delega fl-oqfsa legali għall-AIFMs u l-UCITS jippermetti l-ġestjoni effiċjenti tal-portafolli ta’ investiment u l-akkwist tal-għarfien espert meħtieġ f’suq ġeografiku jew klassi tal-assi partikolari. Dan il-mudell jikkontribwixxi għas-suċċess tat-tikketti tal-fondi u tal-maniġers tal-UE. Fl-istess ħin, l-evalwazzjoni tikkonkludi, kif appoġġat mill-ESMA, li prattiki superviżorji nazzjonali differenti fl-issodisfar tar-rekwiżiti tal-UE għad-delega ta’ ġestjoni tar-riskju jew tal-portafoll lil partijiet terzi joħolqu inkonsistenzi li jistgħu jnaqqsu l-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-investituri 16 . Ċarezza insuffiċjenti tal-istandards regolatorji applikabbli tnaqqas iċ-ċertezza legali, iżżid id-diverġenza fl-eżiti superviżorji u fl-aħħar mill-aħħar tonqos milli tiżgura livell uniformi ta’ protezzjoni tal-investituri madwar l-Unjoni.

Ikunu meħtieġa miżuri addizzjonali sabiex jiġu implimentati r-rekwiżiti tad-Direttiva li jiżguraw li l-AIFMs jużaw ir-riżorsi umani meħtieġa biex iwettqu l-kompiti miżmuma fejn xi wħud mill-funzjonijiet tagħhom jiġu delegati lil partijiet terzi, kif ukoll sabiex parti kbira mir-regoli ta’ implimentazzjoni jiġu trasferiti, kif stabbilit fir-Regolament dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi (“AIFMR”) f’dan il-qasam, għall-qafas regolatorju tal-UCITS 17 . Dawn il-miżuri jiġu stabbiliti fl-atti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni ladarba l-mandat biex isir dan jingħata permezz tal-adozzjoni ta’ din il-proposta għall-emendar tad-direttivi.

Qed jiġu proposti bidliet kemm għall-AIFMD kif ukoll għall-UCITSD dwar id-delega, il-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità, ir-rapportar tad-data għal skopijiet ta’ monitoraġġ tas-suq u t-trattament regolatorju tal-kustodji, filwaqt li l-AIFMD biss jenħtieġ li jiġi emendat fir-rigward tal-attivitajiet ta’ fondi ta’ investiment li joriġinaw self u l-aċċess għal servizzi tad-depożitarji bejn il-fruntieri.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposti biex tiġi emendata l-leġiżlazzjoni dwar il-fondi Ewropej tal-investiment huma konformi mal-pjan tal-Kummissjoni għal CMU adottat fl-24 ta’ Settembru 2020. L-għan tas-CMU huwa li tippermetti l-fluss tal-kapital madwar l-UE għall-benefiċċju tal-konsumaturi, tal-investituri u tal-kumpaniji, irrispettivament mill-post fejn jinsabu. Il-kriżi tal-Covid-19 għamlitha aktar urġenti li s-CMU titwettaq peress li l-finanzjament ibbażat fuq is-suq huwa essenzjali għall-irkupru tal-ekonomija Ewropea u għar-ritorn għal tkabbir fit-tul. Il-bidliet leġiżlattivi proposti jappoġġaw l-integrazzjoni tas-suq tal-fondi, u b’hekk jgħinu biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

F’CMU effiċjenti u sorveljata b’mod effettiv, il-fondi li joriġinaw self jistgħu jipprovdu sors alternattiv ta’ finanzjament lill-korporattivi u lill-SMEs tal-Ewropa li jiftħu l-aċċess tagħhom għal firxa usa’ ta’ għażliet ta’ finanzjament bi prezz kompetittiv 18 . Dawn il-fondi għandhom il-potenzjal li jappoġġaw direttament il-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni, it-tranżizzjoni ekoloġika u li jgħinu fl-irkupru mill-pandemija tal-Covid-19. Il-fondi li joriġinaw self jistgħu jservu wkoll bħala garanzija ta’ kontinġenza komuni jew ammortizzatur meta l-likwidità tkun ristretta, billi jkomplu jipprovdu finanzjament ta’ self meta l-mutwanti aktar tradizzjonali ma jkunux għadhom qed jissellfu. Għalhekk, il-proposti leġiżlattivi huma allinjati mal-istrateġija ġenerali tas-CMU li tkompli tibni suq intern għas-servizzi finanzjarji u biex il-finanzjament isir aktar aċċessibbli għall-kumpaniji Ewropej.

Barra minn hekk, l-emendi proposti għall-AIFMD u għall-UCISTD għandhom l-għan li jipproteġu aħjar l-interessi tal-investituri billi jiżguraw li l-maniġers tal-fondi ta’ investiment, li jiddelegaw il-funzjonijiet tagħhom lil partijiet terzi, jaderixxu mal-istess standards għoljin applikabbli madwar l-Unjoni.

Apparti dan, il-proposta emendatorja tal-AIFMD fiha miżuri rigward id-disponibbiltà u l-użu tal-LMTs matul żminijiet ta’ stress fis-suq. Il-possibbiltà li jiġu attivati l-LMTs tista’ tipproteġi l-valur tal-flus tal-investituri, tnaqqas il-pressjoni ta’ likwidità fuq il-fond u ttaffi kontra implikazzjonijiet usa’ ta’ riskju sistemiku f’sitwazzjonijiet ta’ stress fis-suq kollu. Il-proposta ta’ rapportar superviżorju tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ spazju komuni tad-data fis-settur finanzjarju, li huwa parti mill-Istrateġija dwar il-Finanzi Diġitali 19 . Id-data rrapportata mill-AIFMs u mill-UCITS tkun parti minn sistema integrata għall-ġbir tad-data li twassal data preċiża, komparabbli u f’waqtha lill-awtoritajiet superviżorji Ewropej u nazzjonali, filwaqt li timminimizza l-ispejjeż u l-piż aggregati tar-rapportar għall-partijiet kollha.

Barra minn hekk, ir-rieżami tal-AIFMD ikollu impatt fuq l-AIFMs li jimmaniġġjaw l-AIFs li huma regolati mir-Regolament dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (“ELTIF”) (ELTIFR – ir-Regolament (UE) 2015/760) 20 . L-ELTIFR huwa regolament Ewropew dwar il-prodotti, li jiġi rieżaminat b’mod parallel mal-AIFMD u fl-istess jum bħal din il-proposta tiġi adottata proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat l-ELTIFR. L-AIFMs li jimmaniġġjaw l-ELTIFs x’aktarx li jibbenefikaw minn aċċess aktar faċli għas-servizzi tad-depożitarji transfruntieri, jekk dawk il-fondi jkunu jinsabu fi swieq iżgħar. It-titjib tar-rekwiżiti ta’ rapportar superviżorju jkollu wkoll effett pożittiv fuq il-piż regolatorju tal-AIFMs li jimmaniġġjaw l-ELTIFs fuq terminu itwal. L-inklużjoni tas-CSDs fil-katina tal-kustodja jkollha effett pożittiv fuq l-interessi tal-investituri fir-rigward tal-proporzjon tal-investimenti tal-ELTIF, li jistgħu jinżammu f’kustodja mis-CSDs.

Punt ieħor tal-interazzjoni tal-ELTIFR u tal-AIFMD emendata se jikkonċerna l-attivitajiet ta’ oriġinazzjoni tas-self. Id-Direttiva proposta timponi xi prinċipji ġenerali fuq l-AIFMs attivi fis-swieq tal-kreditu. Il-limiti stabbiliti proposti għas-self mill-AIFs lill-istituzzjonijiet finanzjarji huma allinjati mal-limitu stabbilit ta’ diversifikazzjoni applikabbli għal dawk l-ELTIFs li huma kkummerċjalizzati biss lil investituri fil-livell tal-konsumatur. F’każ li jkun hemm diverġenza bejn l-AIFMD u l-ELTIFR, ir-regoli tal-prodotti tal-ELTIFR japplikaw bħala lex specialis.

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Il-ħolqien ta’ suq intern għall-fondi li joriġinaw self huwa mistenni li jżid id-disponibbiltà ta’ sorsi alternattivi ta’ finanzjament għall-ekonomija reali. L-attivitajiet ta’ tali fondi fis-suq tal-kreditu x’aktarx li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni għall-futur sostenibbli billi jinvestu fl-ekonomija ekoloġika, u b’hekk jappoġġaw objettivi usa’ tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 53(1) tat-TFUE (ex Artikolu 47(2) KE) huwa l-bażi ġuridika għad-Direttivi 2011/61/UE u 2009/65/KE. Għall-għażliet ta’ politika magħżula u t-tfassil speċifiku tar-regoli, il-bażi ġuridika xierqa hija l-Artikolu 53(1) tat-TFUE dwar il-bidu u t-twettiq ta’ attivitajiet minn persuni li jaħdmu għal rashom. Huwa jintuża biex jiġu regolati l-intermedjarji finanzjarji, kif ukoll is-servizzi u l-attivitajiet ta’ investiment tagħhom.

It-titjib propost għall-AIFMD ifittex li jippromwovi proċessi sodi għall-oriġinazzjoni tas-self mill-AIFs u li jkompli jintegra s-suq f’dan is-segment, filwaqt li jiżgura li, b’mod ġenerali, ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja jiġu mmonitorjati aħjar. Ir-regoli dwar id-disponibbiltà u l-użu ta’ għodod għall-ġestjoni tal-likwidità mill-AIFMs u mill-UCITS jeħtieġ li jiġu armonizzati biex jiġi żgurat li kwalunkwe rispons mill-maniġers tal-fondi ta’ fondi miftuħa jew mis-superviżuri f’sitwazzjonijiet ta’ stress fis-suq ikun aktar effettiv. L-iffaċilitar tal-aċċess għall-forniment transfruntier ta’ servizzi tad-depożitarji għandu l-għan li jkompli jintegra s-suq tal-AIF tal-UE filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-investituri. Il-proposta tfittex li tikseb approċċ koerenti għall-attivitajiet ta’ delega mill-maniġers u mis-superviżuri tal-fondi ta’ investiment Ewropej.

L-azzjonijiet unilaterali mill-Istati Membri ma jistgħux jimlew in-nuqqasijiet regolatorji tal-AIFMD u ma jistgħux jilħqu dawn l-objettivi individwalment. Għaldaqstant, l-UE tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Sussidjarjetà (għall-kompetenzi mhux esklużivi)

L-AIFMD u l-UCITSD ġew adottati b’rispett sħiħ tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, filwaqt li ġew segwiti l-objettivi tranżnazzjonali inerenti biex titneħħa l-frammentazzjoni tas-suq, jiġu indirizzati r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja u jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-investituri. Id-Direttiva kienet l-istrument magħżul biex jintlaħaq bilanċ xieraq bejn il-livell tal-UE u l-livell nazzjonali.

It-titjib fl-AIFMD u fil-UCISTD li qed jiġi propost jikkompleta din is-sistema regolatorja b’rekwiżiti u kjarifiki regolatorji addizzjonali, għandu l-għan li jippreserva l-bilanċ bejn l-armonizzazzjoni tal-miżuri ewlenin ta’ kontroll tar-riskju, u li jippreserva l-flessibbiltà tal-Istati Membri biex jimplimentaw l-istandards regolatorji miftiehma.

Proporzjonalità

L-emendi proposti jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi għall-ikkompletar ta’ suq uniku għall-AIFs, filwaqt li jiġi żgurat approċċ koerenti għas-sorveljanza makroprudenzjali tas-suq tal-AIF tal-UE u għall-protezzjoni ta’ livell għoli tal-investituri.

Fejn xieraq, ir-rekwiżiti ġodda imposti fuq l-AIFMs li jimmaniġġjaw AIFs li joriġinaw self huma mfassla bħala prinċipji ġenerali. Fejn ir-rekwiżiti regolatorji jkunu speċifiċi, dawn ma jfixklux bla bżonn il-mudelli eżistenti tan-negozju. Fir-rigward tal-protezzjoni tal-investituri, ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni addizzjonali proposti huma konformi mal-aħjar prattika tas-suq li jenħtieġ li tiġi estiża għall-investituri kollha fl-Unjoni, filwaqt li jiġi żgurat l-istess livell ta’ protezzjoni tal-investituri.

Il-proposti li jippermettu l-aċċess transfruntier għas-servizzi tad-depożitarji jilħqu l-bilanċ tajjeb bejn il-ħtiġijiet tal-AIFs u dawk tal-investituri, filwaqt li jiġu evitati r-riskji li jistgħu jinħolqu jekk ma jkun hemm l-ebda regolamentazzjoni komprensiva tas-servizzi depożitarji fil-livell tal-UE. Barra minn hekk, l-inklużjoni tas-CSDs fil-katina tal-kustodja hija meħtieġa biex jitneħħew in-nuqqasijiet regolatorji li jfixklu l-kapaċità tad-depożitarji li jwettqu dmirijiethom u li huwa potenzjalment ta’ detriment għall-investituri tal-AIF u tal-UCITS. Miżura proposta hija proporzjonata u tqis l-istatus ta’ entitajiet diġà liċenzjati.

Il-kjarifiki proposti għar-reġimi ta’ delega jippreservaw il-karatteristiċi siewja ta’ dawn l-attivitajiet filwaqt li jiżguraw li jintużaw biżżejjed riżorsi umani biex jissorveljaw li d-delegat u l-funzjonijiet ewlenin jinżammu mill-maniġer ta’ AIF jew UCITS.

Konsegwentement, il-proposta leġiżlattiva hija proporzjonata għall-objettivi segwiti.

Għażla tal-istrument

Din il-proposta temenda d-Direttivi 2011/61/UE u 2009/65/KE. Għalhekk, huwa l-aktar xieraq li tintgħażel Direttiva bħala strument għat-tibdil tar-regoli eżistenti.

L-objettiv huwa li jiġu armonizzati r-regoli nazzjonali li qed iżidu l-frammentazzjoni tas-suq, joħolqu ineffiċjenzi fis-suq tal-AIF u jfixklu l-protezzjoni tal-investituri tal-AIF u tal-UCITS. Il-proposta għandha l-għan li tarmonizza u tiċċara l-istandards regolatorji li l-Istati Membri se jkunu jistgħu jittrasponu fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, iżżid l-integrazzjoni tas-suq intern, ittejjeb il-monitoraġġ tas-suq u tiżgura l-istess livell ta’ protezzjoni tal-investituri madwar l-Unjoni. Għalhekk, Direttiva li tintroduċi l-emendi meħtieġa għad-Direttivi eżistenti li jirregolaw l-attivitajiet tal-AIFM u tal-UCITS hija l-aktar għażla xierqa.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tal-AIFMD u kkonkludiet li l-AIFMD ġeneralment ħadmet tajjeb u fil-biċċa l-kbira laħqet l-objettivi tagħha li tistabbilixxi qafas superviżorju effettiv għall-AIFMs, fejn żgurat livelli għoljin ta’ protezzjoni tal-investituri u li tiffaċilita l-ħolqien tas-suq tal-AIF tal-UE. Madankollu, sabiex jitqiesu l-iżviluppi ġodda fis-suq mid-dħul fis-seħħ tal-AIFMD, hija tista’ tibbenefika minn titjib immirat lejn dawk l-elementi tal-qafas li ma kinux indirizzati biżżejjed fil-bidu tad-Direttiva.

L-approċċi nazzjonali diverġenti jagħmluha diffiċli li jiġu pprovduti servizzi fi Stat Membru ieħor u jimpedixxu l-iżvilupp tas-suq intern għall-AIFs. Il-provvista insuffiċjenti ta’ servizzi tad-depożitarji u standards regolatorji nazzjonali differenti għall-AIFs li joriġinaw self ifixklu l-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-AIFs. Barra minn hekk, ir-regoli nazzjonali differenti dwar l-AIFs li joriġinaw self u l-aċċessibbiltà insuffiċjenti tad-data tas-suq għas-superviżuri joħolqu diffikultajiet biex is-superviżuri jimmonitorjaw ir-riskju għall-istabbiltà finanzjarja u jippreservaw l-integrità tas-suq. Bl-istess mod, id-disponibbiltà diverġenti ta’ għodod għall-ġestjoni tal-likwidità tillimita l-effettività ta’ rispons possibbli mill-maniġers tal-fondi ta’ fondi miftuħa jew mis-superviżuri f’sitwazzjonijiet ta’ stress fis-suq. Fl-aħħar nett, il-fehim differenti tar-regoli tad-delega mis-superviżuri jfixkel iċ-ċertezza legali għall-maniġers tal-fondi u l-livell għoli ta’ protezzjoni tal-investituri, b’mod partikolari fejn l-entitajiet Ewropej jiddelegaw il-ġestjoni tar-riskju jew tal-portafoll barra mill-Unjoni Ewropea.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Fit-22 ta’ Ottubru 2020, tnediet konsultazzjoni pubblika dwar ir-rieżami tal-AIFMD b’102 mistoqsijiet dwar diversi aspetti tar-rieżami tal-AIFMD. Hija ngħalqet fid-29 ta’ Jannar 2021 b’132 tweġiba.

Ftit aktar minn nofs ir-rispondenti għall-konsultazzjoni pubblika ma kellhomx opinjoni dwar jekk hemmx bżonn li jiġu armonizzati r-rekwiżiti għall-AIFMs li jimmaniġġjaw l-AIFs li joriġinaw self. Dan il-grupp kien jinkludi l-akbar assoċjazzjonijiet tal-industrija. 23 % tar-rispondenti kienu tal-fehma li ma hemm bżonn tal-ebda regola oħra, filwaqt li fost l-awtoritajiet pubbliċi, 7 minn 10 Stati Membri li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika, qablu li r-rekwiżiti għall-AIFMs li jimmaniġġjaw l-AIFs li joriġinaw self kellhom jiġu armonizzati fil-livell tal-UE. Huma qiesu li r-regoli tal-UE huma meħtieġa biex jiġu livellati l-kundizzjonijiet u jiġu indirizzati r-riskji li jistgħu jinħolqu minħabba din l-attività. Il-proposta toħloq bilanċ tajjeb bejn dak li huwa meħtieġ għall-preservazzjoni tal-istabbiltà finanzjarja u għall-iffaċilitar tal-iżvilupp tas-suq tal-AIFs li joriġinaw self fl-Unjoni.

Bl-istess mod, il-maġġoranza tal-awtoritajiet pubbliċi li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika appoġġaw il-proposta biex jiġu ċċarati r-regoli tad-delega tal-AIFMD u l-UCITSD. B’kuntrast ma’ dan, il-maġġoranza l-kbira tar-rispondenti mill-industrija tqis li r-regoli tad-delega huma ċari biżżejjed biex jipprevjenu l-ħolqien ta’ entità kaxxa tal-ittri fl-UE. Madankollu, xi rispondenti riedu kjarifika ulterjuri dwar jekk prattika tan-negozju taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-delega, peress li l-Istati Membri varjaw b’mod sinifikanti fl-interpretazzjoni tagħhom. Il-proposta tipprovdi l-kjarifiki meħtieġa filwaqt li tippreserva l-benefiċċji tar-reġimi ta’ delega taħt l-AIFMD u l-UCITSD.

Hemm appoġġ wiesa’ fost il-partijiet ikkonċernati tas-settur privat u pubbliku għall-armonizzazzjoni tal-għodod għall-ġestjoni tal-likwidità fil-livell tal-UE (28/40 kumplessivament, 8/9 awtoritajiet pubbliċi, 15/23 industrija). Hemm ukoll appoġġ għat-titjib tal-kooperazzjoni fost l-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti (NCAs) f’każ li jiġu attivati l-LMTs (15/40 kumplessivament, 5/9 awtoritajiet pubbliċi, 6/23 industrija), b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet b’implikazzjonijiet transfruntieri. Huma jappoġġaw il-proposta li twessa’ d-disponibbiltà tal-LMTs madwar l-Unjoni u li tagħti s-setgħa lill-maniġers tal-fondi kif ukoll lis-superviżuri biex jużaw l-LMTs f’kundizzjonijiet ta’ stress fis-suq.

Il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati (madwar 70 %) u l-ESMA (fl-opinjoni tagħha) jappoġġaw li s-CSDs jidħlu fil-katina tal-kustodja. Il-proposta hija proporzjonata peress li ma teħtieġx li d-depożitarji jwettqu diliġenza dovuta fuq is-CSDs Ewropej.

Dwar il-kwistjoni ta’ swieq depożitarji iżgħar, l-awtoritajiet pubbliċi mill-Istati Membri fir-rispons tagħhom għall-konsultazzjoni pubblika indikaw li jappoġġaw l-għażla miżmuma biex l-NCAs jingħataw is-setgħa li jippermettu l-akkwist ta’ servizzi tad-depożitarji bejn il-fruntieri. Il-maġġoranza tar-rispondenti ma appoġġawx l-introduzzjoni tal-passaport tad-depożitarju minħabba r-riskju ta’ konċentrazzjoni tas-suq tad-depożitarji, il-protezzjoni aktar baxxa tal-investituri u sfidi superviżorji. Il-Kummissjoni, għalhekk, qed tipproponi miżura biex jinfetaħ l-aċċess għas-servizzi tad-depożitarji bejn il-fruntieri, fejn dan ikun meħtieġ saż-żmien meta jiġu osservati żviluppi regolatorji pożittivi f’dan il-qasam.

Il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati ppreferew approċċ inkrementali għal bidliet potenzjali fir-rekwiżiti ta’ rapportar superviżorju għall-AIFMs u għall-UCITS. Dan l-approċċ huwa adottat fil-proposta, billi jiġi awtorizzat studju ta’ fattibbiltà fil-fond mis-superviżuri li jinkludi l-esplorazzjoni ta’ sinerġiji potenzjali bejn ir-rekwiżiti ta’ rapportar superviżorju eżistenti skont liġijiet differenti tal-UE.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Fir-rieżami tal-AIFMD, il-Kummissjoni bbażat fuq il-ħidma preparatorja estensiva minn kuntrattur estern, li wettaq stħarriġ ġenerali u pproduċa studju bbażat fuq l-evidenza dwar l-effettività tal-AIFMD 21 . Il-Kummissjoni qieset ukoll l-eżiti minn konferenza virtwali dwar ir-rieżami tal-AIFMD li ġiet organizzata fil-25 ta’ Novembru 2020 u li kienet tinvolvi Membru tal-Parlament Ewropew, superviżuri nazzjonali, il-BERS, l-ESMA, rappreżentanti tal-interessi tal-industrija u tal-investituri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qagħdet fuq data minn Morningstar u fuq informazzjoni ppreżentata f’rapporti mill-ESMA, mill-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (FSB) u mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO), minbarra rapporti, studji, stħarriġ, dokumenti ta’ pożizzjoni u dokumenti rilevanti oħra disponibbli għall-pubbliku mfassla minn partijiet ikkonċernati privati u pubbliċi. Il-Kummissjoni qieset il-kontribut minn workshops, laqgħat bilaterali u konsultazzjonijiet mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati tal-industrija, inklużi maniġers tal-assi, manifatturi tal-prodotti, rappreżentanti tal-investituri fil-livell tal-konsumatur u fondi ta’ investiment attivi f’investiment alternattiv. Fl-aħħar nett, ġiet rieżaminata l-letteratura akkademika, b’mod partikolari l-letteratura dwar l-effetti tal-AIFMD fuq is-swieq, l-istabbiltà finanzjarja u l-protezzjoni tal-investituri.

Valutazzjoni tal-impatt

Twettqet valutazzjoni tal-impatt bi tħejjija għal din l-inizjattiva leġiżlattiva.

Fis-16 ta’ Lulju 2021, il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (“RSB”) ħareġ opinjoni pożittiva dwar il-valutazzjoni tal-impatt (IA) sottomessa għar-rieżami tal-AIFMD u talab aktar kjarifiki.

Kummenti li saru fl-opinjoni tal-RSB

Azzjoni meħuda biex jiġu indirizzati l-kummenti fl-IA

Ir-rapport jenħtieġ li jipprovdi spjegazzjonijiet aktar ċari tad-daqs u l-ispeċifiċitajiet tal-problemi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ fondi li joriġinaw is-self u l-provvista limitata ta’ servizzi tad-depożitarji.

Id-DĠ FISMA żied spjegazzjonijiet aktar dettaljati tal-problemi.

L-ispjegazzjonijiet jikkonċernaw b’mod partikolari:

- ir-riskji sistemiċi potenzjali maħluqa mit-tkabbir fis-segment tal-oriġinazzjoni tas-self tas-suq tal-AIF, il-kwistjonijiet relatati mal-iżvilupp ta’ reġimi nazzjonali frammentati dwar l-oriġinazzjoni tas-self madwar l-Unjoni;

-is-sitwazzjoni fis-swieq li qed ibatu minn provvista limitata ta’ servizzi tad-depożitarji u l-ħtieġa għal intervent fil-livell tal-Unjoni.

Ir-rapport ma jesplorax biżżejjed l-għażliet kollha disponibbli b’mod koerenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-armonizzazzjoni għar-rekwiżiti għall-fondi li joriġinaw is-self.

Id-DĠ FISMA spjega f’aktar dettall il-bażi li fuqha ntgħażlu l-għażla ppreferuta u l-komponenti distinti tagħha, u r-raġuni wara l-għażliet skartati kif ukoll id-differenzi prinċipali bejn l-għażliet kollha.

L-analiżi tal-impatt jenħtieġ li tiddiskuti l-effetti rispettivi tal-armonizzazzjoni u l-miżuri għat-tnaqqis tar-riskju, kif ukoll tiċċara l-impatt fuq l-ispejjeż tal-finanzjament għall-SMEs.

Id-DĠ FISMA żied spjegazzjonijiet dwar l-effetti tal-armonizzazzjoni, eż. fir-rigward tal-oriġinazzjoni tas-self. Huwa spjega wkoll l-impatti potenzjali tal-inizjattiva fuq is-suq u d-disponibbiltà/l-ispejjeż tal-finanzjament għall-SMEs.

Ir-rapport jenħtieġ li jelabora aktar l-oqsma b’potenzjal ta’ simplifikazzjoni, u fejn possibbli, jipprovdi kwantifikazzjoni/data.

Id-DĠ FISMA pprovda evidenza aneddotali, u fejn disponibbli, data addizzjonali, eż. fir-rigward tal-iffrankar għad-depożitarji u għall-utenti tas-servizzi tad-depożitarji fis-swieq iżgħar.

Fejn id-data kienet nieqsa, id-DĠ FISMA inkluda metriċi ta’ monitoraġġ ulterjuri biex jiġi żgurat li ssir disponibbli data addizzjonali, eż. fir-rigward tar-rapportar.

Ġie kkunsidrat jekk għandhomx jiġu proposti inqas miżuri għall-AIFMs li jimmaniġġjaw fondi li joriġinaw self u l-bqija jitħalla għad-diskrezzjoni nazzjonali. Madankollu, approċċi nazzjonali diverġenti għall-fondi li joriġinaw self jirriskjaw li ma jilħqux l-objettiv li jappoġġaw l-iżvilupp sikur u sostenibbli ta’ dan is-settur. Għalhekk, l-għażla miżmuma pproponiet għadd minimu ta’ salvagwardji għall-attivitajiet tal-fondi u l-profili tar-riskju.

L-għażla miżmuma se tkun ta’ benefiċċju għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), b’mod partikolari l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti għall-AIFMs li jimmaniġġjaw AIFs li joriġinaw self. Minbarra l-appoġġ ta’ effiċjenza akbar fl-immaniġġar ta’ tali AIFs, l-għażla miżmuma għandha l-għan li tippermetti lill-AIFs jestendu l-kreditu għan-negozji bejn il-fruntieri. F’xi Stati Membri, l-AIFs ma humiex permessi joriġinaw self, jew dan id-dritt huwa riżervat għal fondi stabbiliti lokalment. Dan ir-rieżami jintegra aktar is-suq tal-fondi li joriġinaw self u joħloq aktar opportunitajiet ta’ negozju għal dawk il-fondi. B’riżultat, dan jiftaħ sorsi alternattivi ta’ finanzjament għall-SMEs, b’mod partikolari fejn ma jkunux jistgħu jiżguraw kreditu mill-banek.

Dwar il-kwistjoni tad-delega, tqies l-għoti ta’ aktar setgħat lill-ESMA biex jiġi żgurat infurzar aktar koerenti tar-regoli rilevanti tal-AIFMD u tal-UCITS fl-Unjoni. Madankollu, f’dan il-punt din l-għażla tqieset li hija f’kuntrast mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Ġie konkluż li l-ESMA jenħtieġ li tingħata aktar informazzjoni dwar l-arranġamenti ta’ delega fil-każijiet fejn il-ġestjoni tar-riskju jew tal-portafoll tiġi ddelegata barra mill-Unjoni u tagħmel użu mis-setgħat diġà disponibbli, bħat-twettiq ta’ rieżamijiet bejn il-pari. L-għażla miżmuma tfittex li tiżgura livell omoġenu ta’ protezzjoni tal-investituri madwar l-Unjoni.

Ġie meqjus li jiġu riveduti r-rekwiżiti ta’ rapportar superviżorju tal-AIFMR mingħajr ma jiġu mfittxija sinerġiji ma’ oqfsa ta’ rapportar eżistenti oħrajn. Kwalunkwe bidla fl-obbligi ta’ rapportar superviżorju tinvolvi spejjeż ta’ konformità sinifikanti. Għalhekk, tqies li kien aktar prattiku li jiġu proposti bidliet leġiżlattivi meta jkun hemm aktar ċarezza dwar dak li huwa meħtieġ biex nimxu eqreb ta’ spazju komuni tad-data fis-settur finanzjarju. Il-proposta tikkontribwixxi għal dan l-objettiv billi tinvolvi lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) u lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fi studju dwar il-fattibbiltà tal-fużjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar duplikati, u dwar l-espansjoni tal-kopertura tad-data biex ikun jista’ jsir monitoraġġ aħjar tas-swieq. Meta r-rapportar superviżorju jittejjeb, dan ikollu effett pożittiv fuq il-monitoraġġ u l-ġestjoni tar-riskji għall-istabbiltà finanzjarja.

Bl-istess mod, tqiesu livelli differenti ta’ intervent għall-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità biex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja. L-għażla magħżula hija l-inqas waħda preskrittiva. Il-maniġers tal-fondi ta’ fondi miftuħa jkunu jistgħu jissospendu r-riakkwist jew it-tifdija tal-unitajiet jew tal-ishma tal-AIF jew tal-UCITS temporanjament. Huma jkunu meħtieġa wkoll jagħżlu mill-inqas għodda waħda oħra għall-ġestjoni tal-likwidità, mingħajr ma jiġi impost liema waħda, u b’hekk id-deċiżjoni finali titħalla f’idejn il-maniġers tal-fondi, li jistgħu jattivaw jekk iċ-ċirkostanzi jirrikjedu dan. Din il-miżura tappoġġa l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

L-introduzzjoni ta’ passaport depożitarju tqieset bħala għażla. Madankollu, din l-għażla ma tqisitx bħala fattibbli minħabba n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-UE tal-liġijiet dwar it-titoli u l-insolvenza. L-għażla miżmuma, għalhekk, tipproponi li tippermetti l-aċċess transfruntier tas-servizzi tad-depożitarji fejn meħtieġ sakemm issir fattibbli aktar armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni. L-għażla miżmuma tirriżulta f’suq tal-AIF tal-UE aktar effiċjenti.

Fl-aħħar nett, tqies jekk id-depożitarji li jiddelegaw il-kustodja tal-assi tal-AIF jew tal-UCITS lis-CSDs għandhomx iwettqu diliġenza dovuta. Ġie deċiż li dan ikun eċċessiv, minħabba li s-CSDs awtorizzati diġà huma soġġetti għal rekwiżiti settorjali u superviżjoni stretti. Għalhekk, il-proposta tiffoka fuq l-inklużjoni tas-CSDs fil-katina tal-kustodja mingħajr ma timponi rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta żejda fuq id-depożitarji.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

L-approċċ ġenerali meħud fir-rieżami tal-AIFMD huwa li jiġu proposti miżuri, li huma strettament meħtieġa fl-interess tal-istabbiltà finanzjarja, tal-integrazzjoni tas-suq jew tal-protezzjoni tal-investituri, u li jiġu indirizzati kwistjonijiet fejn hemm tħassib ċar fir-rigward tal-partijiet ikkonċernati.

L-emenda proposta li tippermetti li s-servizzi tad-depożitarji jiġu akkwistati bejn il-fruntieri hija mistennija li tiġġenera ffrankar kemm għad-depożitarji kif ukoll għall-utenti tas-servizzi depożitarji, inklużi l-AIFMs iżgħar. It-tariffi ta’ darba għal liċenzja ġdida u t-tariffi annwali tal-liċenzja għad-depożitarji jvarjaw rispettivament bejn EUR 6000 u EUR 9200, skont l-Istat Membru u bejn EUR 4,400 – EUR 9,400, skont l-Istat Membru. Iż-żieda fil-kompetizzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi depożitarji x’aktarx li teżerċita pressjoni ’l isfel fuq il-prezz tas-servizz.

L-approċċ previst għad-data superviżorja se jissimplifika l-obbligi attwali ta’ rapportar. Dan se jinvolvi ffrankar fuq terminu twil minħabba li għandu l-għan li jnaqqas l-għadd ta’ awtoritajiet pubbliċi, li għalihom AIFM jirrapporta data li tikkoinċidi. L-approċċ jiżgura wkoll li l-ispejjeż ta’ darba li jirriżultaw mill-emendi jitnaqqsu kemm jista’ jkun, billi jipprovdi ppjanar minn qabel xieraq u perspettiva sħiħa għar-rapportar superviżorju f’biċċiet differenti tal-leġiżlazzjoni tal-UE, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi fl-ambjent diġitali.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta tippromwovi d-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (il-“Karta”). L-objettiv prinċipali ta’ din l-inizjattiva huwa li tiffaċilita d-dritt li jiġu fornuti servizzi fi kwalunkwe Stat Membru, kif stipulat mill-Artikolu 15(2) tal-Karta, filwaqt li jiġi żgurat li ma ssir l-ebda diskriminazzjoni, lanqas dik indiretta, minħabba n-nazzjonalità (li jimplimenta ulterjorment l-Artikolu 21(2) tal-Karta).

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda impatt baġitarju għall-Kummissjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rapportar

Din id-Direttiva se tkun soġġetta għal evalwazzjoni ħames snin wara d-data tat-traspożizzjoni tagħha. Il-Kummissjoni se tiddependi minn (i) feedback mill-konsultazzjoni pubblika, (ii) diskussjonijiet mal-ESMA u mas-superviżuri u (iii) id-data tar-rapportar superviżorju.

Il-Kummissjoni se tiżgura l-konformità u l-infurzar fuq bażi kontinwa. L-ESMA se timmonitorja l-applikazzjoni tar-rekwiżiti tad-delega abbażi tal-mandat il-ġdid tagħha biex twettaq rieżamijiet bejn il-pari mmirati f’dan il-qasam kull sena, u biex tabbozza rapporti dwar l-analiżi tan-notifiki ta’ delega.

L-ESMA se tiġbor ukoll data li se tkun utli għall-monitoraġġ tal-iżviluppi fis-swieq tal-oriġinazzjoni tas-self u tad-depożiti. L-ESMA se tkompli tiġbor u tanalizza d-data dwar l-użu tal-LMTs.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Emendi għad-Direttiva 2011/61/UE

L-Artikolu 4 huwa kkomplementat bid-definizzjoni ta’ “depożitorju ċentrali tat-titoli”, f’konformità mar-Regolament (UE) 909/2014 22 .

L-Artikolu 6(4) huwa emendat biex jestendi l-lista ta’ servizzi anċillari li l-AIFMs jistgħu jipprovdu flimkien mal-ġestjoni tal-investiment kollettiv. Dan ikun jinkludi attivitajiet permessi minn drittijiet oħra tal-Unjoni, bħall-amministrazzjoni ta’ parametri referenzjarji jew is-servizzjar tal-kreditu.

L-Artikolu 6(6) huwa emendat biex jaġġorna r-referenzi għar-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2014/65/UE 23 li japplikaw għall-AIFMs li jipprovdu servizzi anċillari.

L-Artikolu 7(2) huwa emendat biex jiċċara li l-AIFMs jenħtieġ li jkollhom riżorsi tekniċi u umani xierqa previsti meta japplikaw għal awtorizzazzjoni tal-AIFM. Għalhekk, meta japplikaw għall-awtorizzazzjoni, ir-riżorsi umani u tekniċi, li se jintużaw biex iwettqu l-funzjonijiet tiegħu u biex jissorveljaw lid-delegati, iridu jiġu deskritti fid-dettall.

L-Artikolu 7(5) huwa ssupplimentat biex jiżgura li l-informazzjoni nieqsa tinġabar fil-livell tal-UE biex jiġu identifikati l-prattiki tad-delega. Għalhekk, huwa propost li l-ESMA jenħtieġ li tirċievi notifiki ta’ arranġamenti ta’ delega fejn tiġi ddelegata aktar ġestjoni tar-riskju jew tal-portafoll lil entitajiet ta’ pajjiżi terzi milli tinżamm.

L-Artikolu 7(8) jiddaħħal biex jiġi żgurat li l-ESMA tirċievi informazzjoni konsistenti dwar l-arranġamenti ta’ delega. Għalhekk, qed jiġi propost li l-ESMA tingħata s-setgħa li tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jippreskrivu l-kontenut, il-formoli u l-proċeduri għat-trażmissjoni tan-notifiki ta’ delega. Sabiex tiġi ffaċilitata deċiżjoni ta’ politika infurmata f’dan il-qasam, l-ESMA hija meħtieġa tippreżenta lill-koleġiżlaturi tal-UE u lill-Kummissjoni (l-Artikolu 7(9)) b’rapporti regolari li janalizzaw il-prattiki tas-suq rigward id-delega, il-konformità mar-rekwiżiti applikabbli għad-delega skont id-Direttiva 2011/61/UE u l-konverġenza superviżorja f’dan il-qasam.

L-Artikolu 8(1)(c) huwa emendat biex jipprovdi li AIFM jimpjega mill-inqas żewġ persuni full-time jew jingaġġa żewġ persuni, li ma jkunux impjegati mill-AIFM iżda madankollu jkunu impenjati li jwettqu n-negozju ta’ dak l-AIFM fuq bażi full-time u li jkunu residenti fl-Unjoni, u b’hekk jiżguraw il-preżenza minima u stabbli fl-AIFM.

L-Artikolu 15(3)(d) jiddaħħal biex jirrikjedi li l-AIFMs li jimmaniġġjaw l-AIFs, li jagħtu self, jimplimentaw politiki, proċeduri u proċessi effettivi għall-għoti ta’ self. Meta jagħmlu dan, huma jridu jivvalutaw ir-riskju ta’ kreditu, u jamministraw u jimmonitorjaw il-portafolli ta’ kreditu tagħhom, li jenħtieġ li jiġu rieżaminati perjodikament.

L-Artikolu 15(4a)(4b)(4c) jiddaħħal biex jitnaqqas ir-riskju għas-sistema finanzjarja billi jiġi ristrett is-self lil mutwatarju wieħed, meta dan il-mutwatarju jkun istituzzjoni finanzjarja.

L-Artikolu 15(4d) jiddaħħal biex jiġu evitati kunflitti ta’ interess potenzjali billi l-AIF jew il-persunal tiegħu, id-depożitarju tiegħu jew id-delegat tiegħu ma jitħallewx jisilfu.

L-Artikolu 15(4e) jiddaħħal biex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ periklu morali fejn is-self ikun oriġina biex jinbiegħ immedjatament fis-suq sekondarju. Għal dan, qed jiġi propost li l-AIFs ikunu meħtieġa jżommu interess ekonomiku ta’ 5 % tal-valur nozzjonali tas-self li jkunu taw u biegħu.

L-Artikolu 16(2a) jiddaħħal biex jiġu evitati diskrepanzi fil-maturità li jistgħu joħolqu riskji finanzjarji. Għalhekk, huwa propost li jintalab li l-AIFs jadottaw struttura magħluqa meta jinvolvu ruħhom f’oriġinazzjoni tas-self b’mod sinifikanti (60 %).

Sabiex jiġu indirizzati b’mod effettiv ir-riskji mikroprudenzjali u dawk makroprudenzjali, l-Artikolu 16 huwa ssupplimentat bil-paragrafi (2b) u (2c) sabiex jippermetti lill-AIFMs li jimmaniġġjaw l-AIFs miftuħa jaċċessaw l-għodod meħtieġa għall-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità f’ċirkostanzi eċċezzjonali. Minbarra li jistgħu jissospendu t-tifdijiet, huwa propost li tali AIFMs ikunu meħtieġa jagħżlu mill-inqas LMT wieħed ieħor mill-Anness V, li jarmonizza l-lista minima li jenħtieġ li tkun disponibbli fi kwalunkwe post fl-Unjoni. L-Artikolu 16(2e) jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li dan ikun il-każ fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom. Jiżdied il-paragrafu (2d) li jirrikjedi li l-AIFMs jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar l-attivazzjoni jew id-diżattivazzjoni ta’ LMT.

L-Artikolu 16(2g) u (2h) ifittex li jiżgura applikazzjoni koerenti tal-paragrafi (2b) u (2c) fl-istess Artikolu. Għalhekk, l-ESMA għandha l-kompitu li tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji biex tipprovdi definizzjonijiet u tispeċifika l-karatteristiċi tal-LMTs stabbiliti fl-Anness u għandha l-kompitu li tiżviluppa standards tekniċi regolatorji dwar l-għażla u l-użu ta’ LMTs xierqa mill-AIFMs.

Il-punt (j) fil-paragrafu (2) tal-Artikolu 46 huwa emendat, u jagħti s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti li jirrikjedu li AIFM jattiva jew jiddiżattiva LMT rilevanti. Din is-setgħa hija estiża biex tkopri lill-AIFMs mhux tal-UE wkoll billi jiżdied il-punt (d) fil-paragrafu (4) tal-Artikolu 47. Il-paragrafi (5a) sa (5g) proposti tal-Artikolu 50 jitolbu li l-awtoritajiet kompetenti jinnotifikaw lill-awtoritajiet rilevanti l-oħra, lill-ESMA u lill-BERS qabel ma jeħtieġu l-attivazzjoni jew id-diżattivazzjoni ta’ għodda għall-ġestjoni tal-likwidità. Il-paragrafi proposti jistabbilixxu wkoll il-prinċipji ta’ kooperazzjoni f’każijiet bħal dawn. Il-paragrafu (7) propost fl-Artikolu 50 jagħti s-setgħa lill-ESMA biex tiżviluppa standards tekniċi regolatorji li jindikaw meta l-intervent tal-awtoritajiet kompetenti jkun ġustifikat.

L-Artikolu 20(1) huwa emendat biex jiċċara li l-arranġamenti ta’ delega japplikaw għall-funzjonijiet kollha elenkati fl-Anness I u għas-servizzi anċillari permessi skont l-Artikolu 6(4). Il-lingwa li tirreferi għas-servizzi u mhux għall-funzjonijiet biss hija introdotta kif xieraq fil-punt (f) tal-Artikolu 20(1) u fil-paragrafi 3, 4 u 6 tal-Artikolu 20.

L-aħħar inċiż tal-Artikolu 21(11) huwa emendat biex iġib lid-depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs) fil-katina tal-kustodja fejn ikunu qed jipprovdu servizzi ta’ kustodja f’kompetizzjoni, u b’hekk jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti fost il-kustodji u jiġi żgurat li d-depożitarji jkollhom aċċess għall-informazzjoni meħtieġa biex iwettqu dmirijiethom. Huwa propost li d-depożitarji jinħelsu mir-rekwiżit li jwettqu diliġenza dovuta ex-ante meta l-kustodju jkun CSD minħabba li jkun ġie eżaminat biżżejjed meta jkun qed ifittex li jiġi awtorizzat bħala tali.

Sabiex tiġi żgurata superviżjoni aħjar, l-Artikolu 21(16) huwa emendat sabiex id-depożitarji jikkooperaw mhux biss mal-awtoritajiet kompetenti tagħhom, iżda wkoll mal-awtoritajiet kompetenti tal-AIF li jkun ħatru bħala depożitarju u mal-awtoritajiet kompetenti tal-AIFM li jimmaniġġa l-AIF.

L-Artikolu 23 huwa supplimentat fil-paragrafi (1) u (4) biex tittejjeb it-trasparenza tal-attivitajiet tal-AIFM għall-investituri, b’divulgazzjonijiet addizzjonali li l-AIFM irid jiżgura, jiġifieri kundizzjonijiet għall-użu tal-LMTs u tariffi li jitħallsu mill-AIFM jew mill-affiljati tiegħu u r-rapportar perjodiku fuq it-tariffi u l-imposti diretti u indiretti kollha li jkunu ġew imposti jew allokati direttament jew indirettament lill-AIF jew lil kwalunkwe wieħed mill-investimenti tiegħu. L-AIFMs huma meħtieġa wkoll jirrapportaw lill-investituri l-kompożizzjoni tal-portafoll ta’ self oriġinat.

L-Artikolu 24(1) huwa emendat u l-punt (d) fl-Artikolu 24(2) jitħassar u b’hekk jitneħħew il-limitazzjonijiet fil-paragrafu (1) dwar id-data li l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jirċievu mingħand l-AIFMs dwar l-AIFs immaniġġati tiegħu. Qed jiġi propost li l-ESMA tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tissostitwixxi l-mudell ta’ rapportar superviżorju attwali stabbilit fl-Anness IV tal-AIFMD li tissupplimenta l-AIFMR.

Bl-inklużjoni tal-Artikolu 38a, l-ESMA hija meħtieġa twettaq regolarment rieżami bejn il-pari tal-prattiki superviżorji fl-applikazzjoni tar-regoli dwar id-delega b’enfasi partikolari fuq il-prevenzjoni tal-ħolqien ta’ entitajiet kaxxa tal-ittri. Artikolu 69b ġdid ikun jeħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina r-reġim ta’ delega stabbilit fid-Direttiva 2011/61/UE u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħha bil-għan li jiġu proposti l-emendi meħtieġa biex tiġi prekluża l-formazzjoni ta’ entitajiet kaxxa tal-ittri. Jenħtieġ li tiġi evalwata wkoll il-possibbiltà li jiġu introdotti l-passaport depożitarju u l-funzjonament tar-regoli għal AIFMDs li jimmaniġġjaw AIFs li joriġinaw self.

Il-kooperazzjoni superviżorja hija msaħħa billi jiddaħħal il-paragrafu (5a sa 5g) fl-Artikolu 50. L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ospitanti tal-AIFM tista’ titlob lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tal-AIFM teżerċita s-setgħat superviżorji tagħha filwaqt li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba tagħha u tinnotifika lill-ESMA u lill-BERS, jekk ikun hemm riskji għall-istabbiltà finanzjarja. L-emendi għall-paragrafu (5) fl-Artikolu 50 ibaxxu l-piż tal-provi għall-awtoritajiet kompetenti billi jitolbu li l-awtoritajiet riċeventi jieħdu azzjoni xierqa. Barra minn hekk, l-ESMA għandha s-setgħa li titlob lil awtorità kompetenti biex tippreżenta każ quddiem il-kumitat permanenti tagħha, li jista’ jkollu implikazzjonijiet transfruntieri jew impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja jew il-protezzjoni tal-investituri. Barra minn hekk, l-Artikolu 50(7) jagħti mandat lill-ESMA biex tabbozza standards tekniċi regolatorji li jindikaw f’liema sitwazzjonijiet l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeżerċitaw is-setgħat fir-rigward tal-LMTs.

Qed jiġi propost li jiġi emendat il-paragrafu (5) tal-Artikolu 61, li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jippermettu li s-servizzi tad-depożitarji jiġu akkwistati fi Stati Membri oħra sakemm jittieħdu l-miżuri wara rieżami tal-ħtieġa li jiġi introdott passaport depożitarju.

Qed jiġi propost li jiġi emendat l-Anness I billi jiżdied il-punt (3) biex is-self jiġi rikonoxxut bħala attività leġittima tal-AIFMs. Dan ifisser li l-AIFs jistgħu jestendu s-self fi kwalunkwe post fl-Unjoni, inkluż b’mod transfruntier. Il-punt (4) jiżdied mal-Anness I biex jilleġittima l-għoti ta’ servizzi ta’ entitajiet bi skop speċjali ta’ titolizzazzjoni (“SSPEs”) mill-AIFMs.

Qed jiġu proposti emendi għall-Artikoli 21(6)(c), 35(2)(b), 36(1)(c), 37(7)(e), 40(2)(b) u 42(1)(c) li jaġġornaw ir-rekwiżiti għall-entitajiet ta’ pajjiżi terzi li ma għandhomx jiġu stabbiliti fil-ġurisdizzjonijiet identifikati bħala pajjiżi b’riskju għoli skont l-aktar liġijiet Ewropej reċenti kontra l-ħasil tal-flus.

L-Artikoli 36(1) u 42(1) huma kkomplementati bil-punti (d) u (d) rispettivi li jipprevedu li l-AIFs mhux tal-UE jew l-AIFMs mhux tal-UE li huma soġġetti għal regoli nazzjonali u li huma attivi fi Stati Membri individwali jenħtieġ li jissodisfaw ir-rekwiżit li ma jkunux jinsabu f’pajjiż terz li jitqies li ma jikkooperax fi kwistjonijiet fiskali.

Qed jiġu proposti emendi għall-Artikoli 21(6)(d), 35(2)(c), 37(7)(f) u 40(2)(c) biex jiġu aġġornati r-rekwiżiti għal entitajiet ta’ pajjiżi terzi li jkollhom aċċess għas-suq intern biss jekk ikunu stabbiliti f’pajjiżi terzi li ma humiex elenkati fil-lista tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet tat-taxxa.

L-Artikolu 47(3) huwa emendat biex jippermetti lill-ESMA tiddivulga d-data tas-suq għad-dispożizzjoni tagħha f’forma aggregata jew fil-qosor, u għalhekk inaqqas l-istandard ta’ kunfidenzjalità.

Iddaħħlet klawżola ta’ rieżami - l-Artikolu 69b - li tagħti mandat lill-Kummissjoni biex tibda rieżami tad-dispożizzjonijiet relatati mad-delega, mas-servizzi depożitarji u mal-użu tal-LMTs. Hija tagħti wkoll mandat lill-ESMA biex toħroġ rapport immirat lejn is-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar superviżorju għall-AIFMs u tieħdu bħala bażi għall-iżvilupp ta’ abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji għar-rapportar superviżorju skont l-Artikolu 24 tal-AIFMD.

Emendi għad-Direttiva 2009/65/KE

Fl-Artikolu 2(1) huwa ssuġġerit li tiġi pprovduta d-definizzjoni ta’ “depożitorju ċentrali tat-titoli”, f’konformità mar-Regolament (UE) 909/2014.

Fl-aħħar inċiż tal-Artikolu 22a, ir-raba’ paragrafu huwa emendat biex iqis lid-depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs) bħala delegati tad-depożitarju fejn ikunu qed jipprovdu servizzi ta’ kustodja kompetituri. Dan joħloq kundizzjonijiet ekwivalenti fost il-kustodji u jiżgura li d-depożitarji jkollhom aċċess għall-informazzjoni meħtieġa biex iwettqu dmirijiethom.

L-Artikolu 7(1)(b) huwa emendat biex jipprovdi li kumpanija tal-maniġment tal-UCITS timpjega mill-inqas żewġ persuni full-time jew tinvolvi żewġ persuni, li ma jkunux impjegati mill-kumpanija tal-maniġment tal-UCITS iżda madankollu jkunu impenjati li jwettqu n-negozju ta’ dik il-kumpanija tal-maniġment tal-UCITS fuq bażi full-time u li jkunu residenti fl-Unjoni, u b’hekk tiġi żgurata l-preżenza minima u stabbli fil-kumpanija tal-maniġment tal-UCITS.

Il-punti (c) u (e) fl-Artikolu 7(1) huma proposti għal emenda biex jiġi ċċarat li l-kumpaniji tal-maniġment jenħtieġ li jkollhom ir-riżorsi tekniċi u umani xierqa li għandhom jintużaw meta japplikaw għall-awtorizzazzjoni. Għalhekk, meta tapplika għall-awtorizzazzjoni, il-kumpanija tal-maniġment trid tiddeskrivi fid-dettall ir-riżorsi umani u tekniċi, li tkun se tuża biex twettaq il-funzjonijiet tagħha u biex tissorvelja d-delegati.

L-Artikolu 13(1) jiċċara li l-arranġamenti ta’ delega japplikaw għall-funzjonijiet kollha elenkati fl-Anness II u għas-servizzi anċillari permessi skont l-Artikolu 6(3). Il-lingwa li tirreferi għas-servizzi u mhux għall-funzjonijiet biss hija introdotta kif xieraq fil-punti (b), (g), (h) u (i) tal-Artikolu 13(1).

Sabiex l-oqfsa legali tad-Direttivi 2011/61/UE u 2009/65/KE jiġu allinjati aħjar għad-delega u sabiex l-awtoritajiet superviżorji jkunu jistgħu jirrieżaminaw ir-raġunijiet għad-delega, qed jiġi propost li l-UCITS tintalab tiġġustifika l-istruttura tad-delega kollha tagħha abbażi ta’ raġunijiet oġġettivi, billi jiddaħħal il-punt (j) fl-Artikolu 13(1).

L-Artikolu 13 huwa supplimentat mill-paragrafu (3) biex jiġi żgurat li l-informazzjoni nieqsa tinġabar u tiġi analizzata fil-livell tal-UE biex jiġu identifikati l-prattiki tad-delega. Għalhekk, huwa propost li l-ESMA jenħtieġ li tiġi nnotifikata dwar l-arranġamenti ta’ delega fejn tiġi ddelegata aktar ġestjoni tar-riskju jew tal-portafoll lil entitajiet ta’ pajjiżi terzi milli tinżamm.

Sabiex tiġi ffaċilitata deċiżjoni ta’ politika infurmata f’dan il-qasam, huwa ssuġġerit li skont l-Artikolu 13(5) il-ġdid, l-ESMA tkun meħtieġa tippreżenta lill-koleġiżlaturi tal-UE u lill-Kummissjoni Ewropea, rapporti regolari li janalizzaw il-prattiki tas-suq dwar id-delega u l-konformità mar-rekwiżiti applikabbli għad-delega skont id-Direttiva 2009/65/KE.

L-Artikolu 13(3) jiddaħħal biex jiġi żgurat li l-ESMA tirċievi informazzjoni konsistenti dwar l-arranġamenti ta’ delega. Għalhekk, qed jiġi propost li l-ESMA tingħata s-setgħa li tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jippreskrivu l-kontenut, il-formoli u l-proċeduri għat-trażmissjoni tan-notifiki ta’ delega.

L-Artikolu 13(6) l-ġdid jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta att delegat li jispeċifika aktar il-kundizzjonijiet għad-delega u l-kundizzjonijiet li taħthom il-kumpanija tal-maniġment tal-UCITS għandha titqies bħala entità kaxxa tal-ittri, u għalhekk ma tibqax titqies bħala l-maniġer tal-UCITS, u b’hekk jiġu allinjati r-regoli tad-Direttivi 2011/61/UE u 2009/65/KE f’dan il-qasam.

Qed jiġi propost li jiżdied l-Artikolu 18a (1 u 2) sabiex, minbarra li jkunu jistgħu jissospendu t-tifdijiet, il-kumpaniji tal-maniġment tal-UCITS ikollhom jagħżlu mill-inqas LMT wieħed ieħor mill-Anness IIa, li jarmonizza l-lista minima li jenħtieġ li tkun disponibbli fi kwalunkwe post fl-UE. L-Artikolu 18a il-ġdid jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li dan ikun il-każ fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom. L-Anness IIa huwa propost bil-lista minima ta’ dawn l-għodod. Sabiex tiġi żgurata l-informazzjoni tajba tal-investituri, huwa ssuġġerit li jiġu ċċarati l-proċeduri u l-kundizzjonijiet għar-riakkwist jew it-tifdija tal-unitajiet fl-Iskeda A tal-Anness I, il-punt 1.13, u li jiġu ċċarati ċ-ċirkostanzi li fihom ir-riakkwist jew it-tifdija jistgħu jiġu sospiżi jew jistgħu jiġu attivati jew diżattivati LMTs oħra.

L-Artikolu 18a (3 sa 5) ifittex li jiżgura applikazzjoni koerenti tad-dispożizzjonijiet preċedenti. Għalhekk, l-ESMA għandha l-kompitu li tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji biex tipprovdi definizzjonijiet u tispeċifika l-karatteristiċi tal-LMTs stabbiliti fl-Anness.

L-Artikolu 20a ġdid jipproponi li jintroduċi obbligu ta’ rapportar superviżorju perjodiku għall-kumpaniji tal-maniġment fis-swieq u fl-istrumenti li fihom jinnegozjaw f’isem il-UCITS.

L-Artikolu 20b l-ġdid jipproponi li l-ESMA tingħata mandat, f’kooperazzjoni ma’ ASE oħrajn u mal-BĊE, biex tipproduċi rapport ta’ fattibbiltà dwar it-tiftix ta’ effiċjenzi fl-ispazju ta’ rapportar superviżorju. Ir-rapport jinforma dwar it-tfassil potenzjali ta’ mudell ta’ rapportar superviżorju għall-kumpaniji tal-maniġment tal-UCITS, u l-ESMA hija meħtieġa tiżviluppa standards tekniċi regolatorji u tabbozza standards tekniċi ta’ implimentazzjoni abbażi tas-sejbiet tagħha.

L-Artikolu 22a(2) huwa emendat sabiex id-depożitarji jinħelsu mir-rekwiżit li jwettqu diliġenza dovuta ex-ante meta l-kustodju jkun CSD minħabba li jkun ġie eżaminat biżżejjed meta jkun qed ifittex li jiġi awtorizzat bħala tali.

Sabiex jiġu indirizzati b’mod effettiv ir-riskji mikroprudenzjali u dawk makroprudenzjali, qed jiġi propost li tiġi emendata modifika fl-Artikolu 84(3) biex il-kumpaniji tal-maniġment tal-UCITS jintalbu jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar l-attivazzjoni jew id-diżattivazzjoni ta’ LMT. L-emenda tal-punt (b) fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 84 tagħti s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti biex jieħdu azzjoni u jirrikjedu lill-kumpaniji tal-maniġment tal-UCITS sabiex jattivaw jew jiddiżattivaw LMT rilevanti. Il-paragrafi (3a) sa (3c) proposti fl-Artikolu 84 jitolbu li l-awtoritajiet kompetenti jinnotifikaw lil awtoritajiet rilevanti oħra, lill-ESMA u lill-BERS, qabel ma jeħtieġu attivazzjoni jew diżattivazzjoni ta’ LMT, u li f’każijiet bħal dawn huma jistabbilixxu l-prinċipji ta’ kooperazzjoni. Il-paragrafu (3f) propost fl-Artikolu 84 jagħti s-setgħa lill-ESMA biex tiżviluppa standards tekniċi regolatorji li jindikaw meta l-intervent tal-awtoritajiet kompetenti jkun ġustifikat.

L-Artikolu 84(5) jipproponi li l-ESMA tingħata s-setgħa li tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji dwar l-għażla u l-użu ta’ LMTs xierqa mill-UCITS.

L-Artikolu 98 huwa kkomplementat bil-paragrafi (3) u (4) biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni superviżorja. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-UCITS tista’ titlob lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tal-UCITS teżerċita s-setgħat superviżorji tagħha filwaqt li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba tagħha u tinnotifika lill-ESMA u lill-BERS jekk ikun hemm riskji għall-istabbiltà finanzjarja. Barra minn hekk, l-ESMA għandha s-setgħa li titlob lil awtorità kompetenti biex tippreżenta każ quddiem l-ESMA, li jista’ jkollu implikazzjonijiet transfruntieri jew impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja jew il-protezzjoni tal-investituri.

Qed jiġi propost l-Artikolu 101a l-ġdid li jirrikjedi li l-ESMA twettaq, fuq bażi regolari, rieżami bejn il-pari tal-prattiki superviżorji fl-applikazzjoni tar-regoli dwar id-delega b’enfasi partikolari fuq il-prevenzjoni tal-ħolqien ta’ entitajiet kaxxa tal-ittri. Artikolu 110a l-ġdid ikun jeħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina r-reġim ta’ delega stabbilit f’din id-Direttiva u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħha bil-għan li jiġu proposti l-emendi meħtieġa biex tiġi prekluża l-formazzjoni ta’ entitajiet kaxxa tal-ittri.

Artikoli dwar it-traspożizzjoni u d-dħul fis-seħħ

L-Artikolu 3 tal-proposta jiddikjara li l-Istati Membri għandhom 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva emendatorja biex jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ dik id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw il-miżuri ta’ traspożizzjoni lill-Kummissjoni:

Huwa propost li d-Direttiva emendatorja tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2021/0376 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttivi 2011/61/UE u 2009/65/KE fir-rigward tal-arranġamenti ta’ delega, il-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità, ir-rapportar superviżorju, il-forniment ta’ servizzi depożitarji u ta’ kustodja u l-oriġinazzjoni tas-self minn fondi ta’ investiment alternattivi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 24 ,

Filwaqt li aġixxew f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)F’konformità mal-Artikolu 69 tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 25 , il-Kummissjoni rrieżaminat l-applikazzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva u kkonkludiet li l-objettivi tal-integrazzjoni tas-suq tal-Unjoni għal fondi ta’ investiment alternattivi (“AIF”), tal-iżgurar ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-investituri u tal-protezzjoni tal-istabbiltà finanzjarja fil-biċċa l-kbira ġew issodisfati. Madankollu, f’dak ir-rieżami, il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li hemm il-ħtieġa li jiġu armonizzati r-regoli għall-maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (“AIFMs”) li jimmaniġġjaw AIFs li joriġinaw self, biex jiġu ċċarati l-istandards applikabbli għall-AIFMs li jiddelegaw il-funzjonijiet tagħhom lil partijiet terzi, biex jiġi żgurat trattament ugwali tal-kustodji, biex jittejjeb l-aċċess transfruntier għas-servizzi tad-depożitarji, biex jiġi ottimizzat il-ġbir tad-data superviżorja u biex jiġi ffaċilitat l-użu ta’ għodod għall-ġestjoni tal-likwidità (LMTs) madwar l-Unjoni. Għalhekk, huma meħtieġa emendi biex jiġu indirizzati dawk in-nuqqasijiet regolatorji biex jittejjeb il-funzjonament tad-Direttiva 2011/61/UE.

(2)Reġim robust ta’ delega, trattament ugwali tal-kustodji, koerenza tar-rapportar superviżorju u approċċ armonizzat għall-użu tal-LMTs huma ugwalment meħtieġa għall-ġestjoni tal-impriżi għall-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (“UCITS”). Għalhekk, huwa xieraq li tiġi emendata wkoll id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 26 , li tistabbilixxi regoli dwar l-awtorizzazzjoni u l-operat tal-UCITS, fl-oqsma tad-delega, is-salvagwardja tal-assi, ir-rapportar superviżorju u l-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità.

(3)Biex tiżdied l-effiċjenza tal-attivitajiet tal-AIFM, il-lista ta’ servizzi anċillari awtorizzati stabbilita fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2011/61/UE jenħtieġ li tiġi estiża biex tinkludi l-amministrazzjoni ta’ parametri referenzjarji regolata mir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 27 u s-servizzjar tal-kreditu regolat mid-Direttiva 2021/…./UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 28 .

(4)Sabiex tiġi żgurata ċertezza legali, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-AIFMs li jipprovdu servizzi anċillari li jinvolvu strumenti finanzjarji huma soġġetti għar-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 29 . Fir-rigward ta’ assi oħrajn, li ma humiex strumenti finanzjarji, l-AIFMs jenħtieġ li jkunu meħtieġa jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2011/61/UE.

(5)Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 2011/61/UE għar-riżorsi umani meħtieġa tal-AIFMs, jenħtieġ li jiġi ċċarat li fiż-żmien tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, l-AIFMs jenħtieġ li jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti b’informazzjoni dwar ir-riżorsi umani u tekniċi li l-AIFM ikun se juża biex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu, u fejn applikabbli, biex jissorvelja lid-delegati. Mill-inqas żewġ maniġers superjuri jenħtieġ li jiġu impjegati jew iwettqu n-negozju tal-AIFM fuq bażi full-time u jkunu residenti fl-Unjoni.

(6)Biex tiġi żviluppata ħarsa ġenerali affidabbli tal-attivitajiet ta’ delega fl-Unjoni rregolati mill-Artikolu 20 tad-Direttiva 2011/61/UE u biex jiġu infurmati deċiżjonijiet ta’ politika futuri jew azzjonijiet superviżorji, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jipprovdu lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) b’notifiki ta’ delega meta AIFM jiddelega aktar ġestjoni tal-portafoll, jew funzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju tal-AIF, milli jimmaniġġa hu stess għal entitajiet li jinsabu f’pajjiżi terzi.

(7)Sabiex tiġi żgurata armonizzazzjoni konsistenti tal-proċess ta’ notifika fil-qasam tad-delega, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi regolatorji permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 30 , biex jiġu speċifikati l-kontenut, il-formoli u l-proċeduri biex jiġi standardizzat il-proċess ta’ notifika tal-arranġamenti ta’ delega tal-AIFMs. Il-formola ta’ notifika jenħtieġ li jkun fiha kampijiet tad-data li jindikaw l-attivitajiet li jiffurmaw il-funzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju u tal-portafoll sabiex jiġi ddeterminat jekk AIFM ikunx iddelega aktar minn tali funzjonijiet milli jkun żamm. Dawk l-istandards tekniċi regolatorji jenħtieġ li jiġu adottati abbażi ta’ abbozz żviluppat mill-ESMA.

(8)Sabiex tissaħħaħ l-applikazzjoni uniformi tad-Direttiva 2011/61/UE, jenħtieġ li jiġi ċċarat li r-regoli tad-delega stabbiliti fl-Artikolu 20 japplikaw għall-funzjonijiet kollha elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva u għas-servizzi anċillari msemmija fl-Artikolu 6(4) ta’ dik id-Direttiva.

(9)Jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll regoli komuni biex jitwaqqaf suq intern effiċjenti għall-AIFs li joriġinaw self, biex jiġi żgurat livell uniformi ta’ protezzjoni tal-investituri fl-Unjoni, sabiex l-AIFs ikunu jistgħu jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom permezz ta’ self oriġinarju fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni u biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal finanzjament mill-kumpaniji tal-UE, li huwa objettiv ewlieni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (“CMU”) 31 . Madankollu, minħabba s-suq tal-kreditu privat li qed jikber b’rata mgħaġġla, huwa meħtieġ li jiġu indirizzati r-riskji mikro u r-riskji makroprudenzjali potenzjali li l-AIFs li joriġinaw is-self jistgħu joħolqu u jifirxu għas-sistema finanzjarja usa’. Ir-regoli applikabbli għall-AIFMs li jimmaniġġjaw fondi li joriġinaw self jenħtieġ li jiġu armonizzati sabiex itejbu l-ġestjoni tar-riskju fis-suq finanzjarju kollu u jżidu t-trasparenza għall-investituri.

(10)Sabiex jappoġġaw il-ġestjoni professjonali tal-AIFs u jtaffu r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja, l-AIFMs li jimmaniġġjaw l-AIFs li jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ self, inkluż ix-xiri ta’ self fis-suq sekondarju, jenħtieġ li jkollhom politiki, proċeduri u proċessi effettivi għall-għoti ta’ self, il-valutazzjoni tar-riskju ta’ kreditu u l-amministrazzjoni u l-monitoraġġ tal-portafoll ta’ kreditu tiegħu, li jenħtieġ li jiġu rieżaminati perjodikament.

(11)Sabiex jiġi kkontrollat ir-riskju ta’ interkonnettività fost l-AIFs li joriġinaw self u parteċipanti oħra fis-suq finanzjarju, l-AIFMs ta’ dawk l-AIFs jenħtieġ li, meta mutwatarju jkun istituzzjoni finanzjarja, ikunu meħtieġa jiddiversifikaw ir-riskju tagħhom u jagħmlu l-iskopertura tagħhom soġġetta għal limiti speċifiċi.

(12)Sabiex jiġi limitat il-kunflitt ta’ interess, l-AIFMs u l-persunal tagħhom jenħtieġu li ma jirċevux self minn AIFs li joriġinaw self li huma jimmaniġġjaw. Bl-istess mod, id-depożitarju tal-AIF u l-persunal tiegħu jew id-delegat tal-AIFM u l-persunal tiegħu jenħtieġ li jkunu pprojbiti milli jirċievu self mill-AIFs assoċjati.

(13)Id-Direttiva 2011/61/UE jenħtieġ li tirrikonoxxi d-dritt tal-AIFs li joriġinaw self u li jinnegozjaw dak is-self fis-suq sekondarju. Sabiex jiġi evitat il-periklu morali u tinżamm il-kwalità tal-kreditu ġenerali tas-self li joriġina mill-AIFs, self bħal dan jenħtieġ li jkun soġġett għal rekwiżiti tar-ritenzjoni tar-riskju sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet li fihom is-self ikun oriġina bl-iskop uniku li jinbiegħ.

(14)Self illikwidu fuq terminu twil, li jkun miżmum mill-AIFs jista’ joħloq diskrepanzi fil-likwidità jekk l-istruttura miftuħa tal-AIFs tippermetti lill-investituri jifdu l-unitajiet jew l-ishma ta’ fondi tagħhom fuq bażi frekwenti. Għalhekk, huwa meħtieġ li jittaffew ir-riskji relatati mat-trasformazzjoni tal-maturità billi tiġi imposta struttura magħluqa għal AIFs li joriġinaw self, minħabba li l-fondi magħluqa ma jkunux vulnerabbli għad-domandi ta’ tifdija u jistgħu jżommu self oriġinat sal-maturità.

(15)Jenħtieġ li jiġi ċċarat li fejn AIFM ikun soġġett għar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2011/61/UE fir-rigward tal-attivitajiet ta’ self tal-AIFs immaniġġati tiegħu u għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolamenti (UE) 345/2013 32 , (UE) 346/2013 33 u (UE) 2015/760 34 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-regoli speċifiċi dwar il-prodott stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolamenti (UE) 345/2013 u l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 346/2013, il-Kapitolu II tar-Regolament (UE) 2015/760, jenħtieġ li jieħdu preċedenza fuq regoli aktar ġenerali stabbiliti fid-Direttiva 2011/61/UE.

(16)Sabiex jiġi appoġġat il-monitoraġġ tas-suq mill-awtoritajiet superviżorji, il-ġbir u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni permezz ta’ rapportar superviżorju jistgħu jittejbu. Rekwiżiti ta’ rapportar duplikati li jeżistu skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dik nazzjonali, b’mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 35 , ir-Regolament (UE) 2019/834 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 36 , ir-Regolament (UE) Nru 1011/2012 tal-Bank Ċentrali Ewropew 37 u r-Regolament (UE) Nru 1073/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew 38 , jistgħu jiġu eliminati biex tittejjeb l-effiċjenza u jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi għall-AIFMs. L-awtoritajiet superviżorji Ewropej (“ASE”) u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), bl-appoġġ tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fejn ikun meħtieġ, jenħtieġ li jivvalutaw il-ħtiġijiet tad-data tal-awtoritajiet superviżorji differenti sabiex il-bidliet fil-mudell tar-rapportar superviżorju għall-AIFMs ikunu effettivi.

(17)Bi tħejjija għall-bidliet futuri għall-obbligi ta’ rapportar superviżorju, l-ambitu tad-data li tista’ tkun meħtieġa mill-AIFMs jenħtieġ li jitwessa’ billi jitneħħew il-limitazzjonijiet, li jiffokaw fuq negozji u skoperturi kbar jew kontropartijiet. Jekk l-ESMA tiddetermina li divulgazzjoni sħiħa tal-portafoll lis-superviżuri fuq bażi perjodika tkun iġġustifikata, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/61/UE jenħtieġ li jakkomodaw it-twessigħ meħtieġ tal-ambitu tar-rapportar.

(18)Sabiex tiġi żgurata armonizzazzjoni konsistenti tal-obbligi ta’ rapportar superviżorju, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta standards tekniċi regolatorji permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 39 , biex jiġu stabbiliti l-kontenut, il-formoli u l-proċeduri biex jiġi standardizzat il-proċess ta’ rapportar superviżorju mill-AIFMs. L-istandards tekniċi regolatorji jenħtieġ li jistabbilixxu l-kontenut, il-formoli u l-proċeduri biex jiġi standardizzat il-proċess ta’ rapportar superviżorju, u b’hekk jissostitwixxu l-mudell ta’ rapportar stabbilit fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 231/2013 40 . Dawk l-istandards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni jenħtieġ li jiġu adottati abbażi ta’ abbozz żviluppat mill-ESMA.

(19)Sabiex jiġi standardizzat il-proċess ta’ rapportar superviżorju, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa wkoll li tadotta standards tekniċi ta’ implimentazzjoni żviluppati mill-ESMA fir-rigward tal-formoli u l-istandards tad-data, il-frekwenza tar-rapportar u t-twaqqit tar-rapportar mill-AIFMs. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta dawk l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-TFUE u f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

(20)Sabiex jiġi żgurat rispons aktar effettiv għall-pressjonijiet tal-likwidità fi żminijiet ta’ stress fis-suq u sabiex l-investituri jiġu protetti aħjar, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli fid-Direttiva 2011/61/UE biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) 41 .

(21)Sabiex il-maniġers tal-AIFs miftuħa bbażati fi kwalunkwe Stat Membru jkunu jistgħu jittrattaw il-pressjonijiet tat-tifdija taħt kundizzjonijiet ta’ stress fis-suq, jenħtieġ li jkunu meħtieġa jagħżlu mill-inqas LMT wieħed mil-lista armonizzata stabbilita fl-Anness, apparti l-possibbiltà li jiġu sospiżi t-tifdijiet. Meta AIFM jieħu deċiżjoni biex jattiva jew jiddiżattiva l-LMT, jenħtieġ li jinnotifika lill-awtoritajiet superviżorji. Dan jippermetti lill-awtoritajiet superviżorji jittrattaw aħjar it-tixrid potenzjali tat-tensjonijiet tal-likwidità fis-suq usa’.

(22)Sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni dwar l-investiment f’konformità mal-ħtiġijiet tagħhom ta’ predispożizzjoni għar-riskju u l-likwidità, l-investituri jenħtieġ li jiġu informati dwar il-kundizzjonijiet għall-użu tal-LMTs.

(23)Sabiex tiġi żgurata armonizzazzjoni konsistenti fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità mill-maniġers ta’ fondi miftuħa, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi regolatorji permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 42 , sabiex jiġi speċifikat il-proċess għall-għażla u l-użu tal-LMTs biex tiġi ffaċilitata l-konverġenza tas-suq u dik superviżorja. Dawk l-istandards tekniċi regolatorji jenħtieġ li jiġu adottati abbażi ta’ abbozz żviluppat mill-ESMA.

(24)Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-investituri u jiġu indirizzati r-riskji tal-istabbiltà finanzjarja, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jitolbu li maniġer ta’ fond miftuħ jattiva jew jiddiżattiva l-LMT xierqa.

(25)Id-depożitarji għandhom rwol importanti għas-salvagwardja tal-interessi tal-investituri u jenħtieġ li jkunu jistgħu jwettqu dmirijiethom irrispettivament mit-tip ta’ kustodju li jkollu fil-kustodja tiegħu l-assi tal-fondi. Għalhekk, huwa meħtieġ li fil-katina tal-kustodja jiġu inklużi d-depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs) meta jipprovdu servizzi ta’ kustodja lill-AIFs sabiex jiġi żgurat li, fil-każijiet kollha, ikun hemm fluss ta’ informazzjoni stabbli bejn il-kustodju tal-assi tal-AIFs u d-depożitarju. Sabiex jiġu evitati sforzi superfluwi, id-depożitarji jenħtieġ li ma jwettqux diliġenza dovuta ex-ante meta jkollhom l-intenzjoni li jiddelegaw il-kustodja lis-CSDs.

(26)Sabiex jittejbu l-kooperazzjoni u l-effettività superviżorji, l-awtoritajiet kompetenti ospitanti jenħtieġ li jkunu jistgħu jindirizzaw talba motivata lill-awtorità kompetenti ta’ AIFM biex tittieħed azzjoni superviżorja kontra AIFM partikolari.

(27)Barra minn hekk, sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni superviżorja, l-ESMA jenħtieġ li tkun tista’ titlob li awtorità kompetenti tippreżenta każ quddiem l-ESMA, fejn dak il-każ ikollu implikazzjonijiet transfruntieri u jkun jista’ jaffettwa l-protezzjoni tal-investituri jew l-istabbiltà finanzjarja. L-analiżijiet tal-ESMA ta’ każijiet bħal dawn se jagħtu lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra fehim aħjar tal-kwistjonijiet diskussi u se jikkontribwixxu biex fil-futur jiġu evitati każijiet simili u biex l-integrità tas-suq tal-AIF tiġi protetta.

(28)Biex tappoġġa l-konverġenza superviżorja fil-qasam tad-delega, l-ESMA jenħtieġ li twettaq rieżami bejn il-pari dwar il-prattiki superviżorji b’enfasi partikolari fuq il-prevenzjoni tal-ħolqien ta’ entitajiet kaxxa tal-ittri. L-analiżi tal-ESMA tar-rieżamijiet bejn il-pari se tikkontribwixxi għar-rieżami tal-miżuri adottati f’din id-Direttiva u tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe miżura addizzjonali li tista’ tkun meħtieġa biex tappoġġa l-effettività tar-reġimi ta’ delega stabbiliti fid-Direttiva 2011/61/UE.

(29)Xi swieq ikkonċentrati ma għandhomx provvista kompetittiva ta’ servizzi tad-depożitarji. Sabiex jiġi indirizzat dan in-nuqqas ta’ fornituri ta’ servizzi li jista’ jwassal għal spejjeż akbar għall-AIFMs u suq tal-AIF inqas effiċjenti, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jippermettu lill-AIFMs jew lill-AIFs jakkwistaw servizzi tad-depożitarji li jinsabu fi Stati Membri oħra filwaqt li l-Kummissjoni tivvaluta, fil-kuntest tar-rieżami tagħha tad-Direttiva 2011/61/UE, jekk ikunx xieraq li jiġu proposti miżuri biex jinkiseb suq aktar integrat.

(30)Il-possibbiltà li jinħatar depożitarju fi Stat Membru ieħor jenħtieġ li tkun akkumpanjata minn żieda fil-livell superviżorju. Għalhekk, id-depożitarju jenħtieġ li jkun meħtieġ jikkoopera mhux biss mal-awtoritajiet kompetenti tiegħu, iżda wkoll mal-awtoritajiet kompetenti tal-AIF li jkun ħatru, u mal-awtoritajiet kompetenti tal-AIFM li jimmaniġġa l-AIF, jekk dawk l-awtoritajiet kompetenti jkunu jinsabu fi Stat Membru differenti minn dak tad-depożitarju.

(31)Sabiex l-investituri jiġu protetti aħjar, il-fluss tal-informazzjoni mill-AIFMs għall-investituri tal-AIF jenħtieġ li jiżdied. Biex l-investituri tal-AIFs ikunu permessi jittraċċaw aħjar l-ispejjeż tal-fond ta’ investiment, l-AIFMs jenħtieġ li jidentifikaw tariffi li jkunu se jitħallsu mill-AIFM jew mill-affiljati tiegħu, kif ukoll jirrapportaw perjodikament dwar it-tariffi u l-imposti kollha li jkunu allokati direttament jew indirettament lill-AIF jew lil kwalunkwe wieħed mill-investimenti tiegħu. Jenħtieġ li l-AIFMs ikunu meħtieġa wkoll jirrapportaw lill-investituri dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll ta’ self oriġinat.

(32)Sabiex tiżdied it-trasparenza tas-suq u tintuża b’mod effettiv id-data disponibbli tas-suq tal-AIF, l-ESMA jenħtieġ li titħalla tiddivulga d-data tas-suq għad-dispożizzjoni tagħha f’forma aggregata jew fil-qosor u għalhekk l-istandard ta’ kunfidenzjalità jenħtieġ li jiġi llaxkat biex jiġi permess tali użu tad-data.

(33)Ir-rekwiżiti għal entitajiet ta’ pajjiżi terzi b’aċċess għas-suq intern jenħtieġ li jiġu allinjati mal-istandards stabbiliti fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2020 dwar il-lista riveduta tal-UE dwar ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għall-finijiet tat-taxxa 43 u d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 44 . Barra minn hekk, l-AIFs mhux tal-UE jew l-AIFMs mhux tal-UE li huma soġġetti għal regoli nazzjonali u li huma attivi fi Stati Membri individwali jenħtieġ li jissodisfaw ir-rekwiżit li ma jkunux jinsabu f’pajjiż terz li jitqies bħala mhux kooperattiv fi kwistjonijiet fiskali.

(34)Għall-kumpaniji tal-maniġment tal-UCITS, id-Direttiva 2009/65/KE jenħtieġ li tiżgura kundizzjonijiet komparabbli fejn ma jkun hemm l-ebda raġuni għaż-żamma tad-differenzi regolatorji għall-UCITS u l-AIFMs. Dan jikkonċerna r-reġim ta’ delega, it-trattament regolatorju tal-kustodji, ir-rekwiżiti ta’ rapportar superviżorju u d-disponibbiltà u l-użu tal-LMTs.

(35)Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-rekwiżiti tal-preżenza għall-kumpaniji tal-maniġment tal-UCITS, jenħtieġ li jiġi ċċarat li fiż-żmien tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, jenħtieġ li l-kumpaniji tal-maniġment jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti b’informazzjoni dwar ir-riżorsi umani u tekniċi li jkunu se jimpjegaw biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom, u fejn applikabbli, jissorveljaw lid-delegati. Jenħtieġ li tal-anqas żewġ maniġers superjuri jiġu impjegati jew iwettqu n-negozju tal-kumpanija tal-maniġment fuq bażi full-time u jkunu residenti fl-Unjoni.

(36)Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tad-Direttiva 2009/65/KE, jenħtieġ li jiġi ċċarat li r-regoli tad-delega stabbiliti fl-Artikolu 13 ta’ dik id-Direttiva japplikaw għall-funzjonijiet kollha elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva u għas-servizzi anċillari msemmija fl-Artikolu 6(3) ta’ dik id-Direttiva.

(37)Sabiex jiġu allinjati l-oqfsa legali tad-Direttivi 2011/61/UE u 2009/65/KE fir-rigward tad-delega, jenħtieġ li jkun meħtieġ li l-kumpaniji tal-maniġment tal-UCITS jiġġustifikaw lill-awtoritajiet kompetenti d-delega tal-funzjonijiet tagħhom u jipprovdu raġunijiet oġġettivi għad-delega.

(38)Biex tiġi żviluppata ħarsa ġenerali affidabbli tal-attivitajiet ta’ delega fl-Unjoni rregolati mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/65/KE u biex jiġu infurmati deċiżjonijiet ta’ politika jew azzjonijiet superviżorji futuri, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jipprovdu lill-ESMA b’notifiki ta’ delega meta kumpanija tal-maniġment tal-UCITS tiddelega aktar funzjonijiet ta’ ġestjoni tal-portafoll jew ta’ ġestjoni tar-riskju lil entitajiet li jinsabu f’pajjiżi terzi, milli timmaniġġa hi stess.

(39)Sabiex tiġi żgurata armonizzazzjoni konsistenti tal-proċess ta’ notifika fil-qasam tad-delega, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi regolatorji permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 45 biex jiġu speċifikati l-kontenut, il-formoli u l-proċeduri biex jiġi standardizzat il-proċess ta’ notifika tal-arranġamenti ta’ delega tal-UCITS. Il-formola ta’ notifika jenħtieġ li jkun fiha kampijiet tad-data li jindikaw l-attivitajiet li jiffurmaw il-funzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju u tal-portafoll sabiex jiġi ddeterminat jekk kumpanija tal-maniġment tal-UCITS tkunx iddelegat aktar minn tali funzjonijiet milli tkun żammet. Dawk l-istandards tekniċi regolatorji jenħtieġ li jiġu adottati abbażi ta’ abbozz żviluppat mill-ESMA.

(40)Sabiex jiġu allinjati aktar ir-regoli dwar id-delega applikabbli għall-AIFMs u l-UCITS u sabiex tinkiseb applikazzjoni aktar uniformi tad-Direttivi 2011/61/UE u 2009/65/KE, is-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tal-kundizzjonijiet għad-delega minn kumpanija tal-maniġment tal-UCITS lil parti terza, u l-kundizzjonijiet li taħthom kumpanija tal-maniġment tal-UCITS tista’ titqies bħala entità kaxxa tal-ittri u b’hekk ma tkunx tista’ tibqa’ titqies bħala l-maniġer tal-UCITS. B’mod partikolari huwa importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawn il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 46 . B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(41)Din id-Direttiva timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-BERS 47 biex jiġu armonizzati l-LMTs u l-użu tagħhom mill-maniġers ta’ fondi miftuħa, li jinkludu l-UCITS, biex jiġi permess rispons aktar effettiv għall-pressjonijiet tal-likwidità fi żminijiet ta’ stress fis-suq u protezzjoni aħjar tal-investituri.

(42)Sabiex il-kumpaniji tal-maniġment tal-UCITS ibbażati fi kwalunkwe Stat Membru jkunu jistgħu jittrattaw il-pressjonijiet tat-tifdija taħt kundizzjonijiet ta’ stress fis-suq, jenħtieġ li jkunu meħtieġa jagħżlu mill-inqas LMT wieħed mil-lista armonizzata stabbilita fl-Anness, apparti l-possibbiltà li jiġu sospiżi t-tifdijiet. Meta kumpanija tal-maniġment tieħu deċiżjoni biex jattiva jew jiddiżattiva l-LMT, jenħtieġ li jinnotifika lill-awtoritajiet superviżorji. Dan jippermetti lill-awtoritajiet superviżorji jittrattaw aħjar it-tixrid potenzjali tat-tensjonijiet tal-likwidità fis-suq usa’.

(43)Sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni dwar l-investiment f’konformità mal-ħtiġijiet tagħhom ta’ predispożizzjoni għar-riskju u l-likwidità, l-investituri tal-UCITS jenħtieġ li jiġu informati dwar il-kundizzjonijiet għall-użu tal-LMTs.

(44)Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-investituri u jiġu indirizzati r-riskji tal-istabbiltà finanzjarja, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu li kumpanija tal-maniġment tal-UCITS tattiva jew tiddiżattiva l-LMT xierqa.

(45)Sabiex tiġi żgurata armonizzazzjoni konsistenti fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità mill-maniġers tal-UCITS, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi regolatorji permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 48 , sabiex jiġi speċifikat il-proċess għall-għażla u l-użu tal-LMTs biex tiġi ffaċilitata l-konverġenza tas-suq u dik superviżorja. Dawk l-istandards tekniċi regolatorji jenħtieġ li jiġu adottati abbażi ta’ abbozz żviluppat mill-ESMA.

(46)Sabiex jiġi appoġġat il-monitoraġġ tas-suq mill-awtoritajiet superviżorji, jenħtieġ li l-ġbir u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni permezz ta’ rapportar superviżorju jittejbu billi l-UCITS tiġi soġġetta għall-obbligi ta’ rapportar superviżorju. Jenħtieġ li l-ASE u l-BĊE jintalbu, bl-appoġġ tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fejn ikun meħtieġ, jivvalutaw il-ħtiġijiet tad-data tal-awtoritajiet superviżorji differenti li jikkunsidraw ir-rekwiżiti ta’ rapportar eżistenti skont leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni u dik nazzjonali, b’mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 600/2014, ir-Regolament (UE) Nru 2019/834, ir-Regolament (UE) Nru 1011/2012 u r-Regolament (UE) Nru 1073/2013. L-eżitu ta’ din il-ħidma preparatorja jippermetti deċiżjoni ta’ politika infurmata dwar sa liema punt u f’liema forma l-UCITS jenħtieġ li jkunu qed jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar in-negozji tagħhom.

(47)Sabiex tiġi żgurata armonizzazzjoni konsistenti tal-obbligi ta’ rapportar superviżorju, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta standards tekniċi regolatorji permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 u l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 49 , biex jiġu stabbiliti l-kontenut, il-formoli u l-proċeduri biex jiġi standardizzat il-proċess ta’ rapportar superviżorju mill-UCITS. Dawk l-istandards tekniċi regolatorji jenħtieġ li jiġu adottati abbażi ta’ abbozz żviluppat mill-ESMA.

(48)Sabiex jiġi standardizzat il-proċess ta’ rapportar superviżorju, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa wkoll li tadotta standards tekniċi ta’ implimentazzjoni żviluppati mill-ESMA fir-rigward tal-formoli u l-istandards tad-data, il-frekwenza tar-rapportar u t-twaqqit tar-rapportar mill-UCITS. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta dawk l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-TFUE u f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

(49)Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-investituri, u b’mod partikolari biex jiġi żgurat li fil-każijiet kollha jkun hemm fluss stabbli ta’ informazzjoni bejn il-kustodju tal-assi tal-UCITS u d-depożitarju, ir-reġim tad-depożitarju jenħtieġ li jiġi estiż biex jinkludi lis-CSDs fil-katina tal-kustodja meta jipprovdu servizzi ta’ kustodja lill-UCITS. Sabiex jiġu evitati sforzi superfluwi, id-depożitarji jenħtieġ li ma jwettqux diliġenza dovuta ex-ante meta jkollhom l-intenzjoni li jiddelegaw il-kustodja lis-CSDs.

(50)Biex tappoġġa l-konverġenza superviżorja fil-qasam tad-delega, l-ESMA jenħtieġ li twettaq rieżamijiet bejn il-pari dwar il-prattiki superviżorji b’enfasi partikolari fuq il-prevenzjoni tal-ħolqien ta’ entitajiet kaxxa tal-ittri. L-analiżi tal-ESMA tar-rieżamijiet bejn il-pari tikkontribwixxi għar-rieżami tal-miżuri adottati f’din id-Direttiva u tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe miżura addizzjonali li tista’ tkun meħtieġa biex tappoġġa l-effettività tar-reġim ta’ delega stabbilit fid-Direttiva 2009/65/KE.

(51)Sabiex jittejbu l-kooperazzjoni u l-effettività superviżorji, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jenħtieġ li jkunu jistgħu jindirizzaw talba motivata lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tal-UCITS biex tieħu azzjoni superviżorja kontra UCITS partikolari.

(52)Barra minn hekk, sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni superviżorja, l-ESMA jenħtieġ li tkun tista’ titlob li awtorità kompetenti tippreżenta każ quddiem l-ESMA, fejn dak il-każ ikollu implikazzjonijiet transfruntieri u jkun jista’ jaffettwa l-protezzjoni tal-investituri jew l-istabbiltà finanzjarja. L-analiżijiet tal-ESMA ta’ każijiet bħal dawn se jagħtu lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra fehim aħjar tal-kwistjonijiet diskussi u se jikkontribwixxu biex fil-futur jiġu evitati każijiet simili u biex l-integrità tas-swieq tal-UCITS tiġi protetta.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2011/61/UE

Id-Direttiva 2011/61/UE hija emendata kif ġej:

(1)fl-Artikolu 4(1), jiżdied il-punt (ap) li ġej:

“(ap) depożitorju ċentrali tat-titoli” tfisser depożitorju ċentrali tat-titoli kif iddefinit fl-Artikolu 2(1), il-punt (1), tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*

* Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1)”;

(2)l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 4, jiżdiedu l-punti (c) u (d) li ġejjin:

“(c) amministrazzjoni ta’ parametri referenzjarji f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/1011;

(d) l-isservizzjar tal-kreditu f’konformità mad-Direttiva 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;”;

(b)il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6. L-Artikoli 2(2), l-Artikolu 15, l-Artikolu 16 ħlief għall-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (5), u l-Artikoli 23, 24 u 25 tad-Direttiva 2014/65/UE għandhom japplikaw meta s-servizzi msemmija fil-paragrafu 4, il-punti (a) u (b), jiġu pprovduti mill-AIFMs.”;

(3)l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li AIFM li japplika għal awtorizzazzjoni jipprovdi l-informazzjoni relatata mal-AIFM lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tiegħu:

(a)informazzjoni dwar il-persuni li effettivament iwettqu n-negozju tal-AIFM, b’mod partikolari fir-rigward tal-funzjonijiet imsemmija fl-Anness I, inkluż:

(i) deskrizzjoni dettaljata tar-rwol, it-titolu u l-livell ta’ superjorità tagħhom;

(ii) deskrizzjoni tal-linji ta’ rapportar u tar-responsabbiltajiet tagħhom fl-AIFM u barra mill-AIFM;

(iii) ħarsa ġenerali tal-ħin allokat għal kull responsabbiltà tagħhom;

(iv) deskrizzjoni tar-riżorsi tekniċi u umani li jappoġġaw l-attivitajiet tagħhom;

(b)informazzjoni dwar l-identitajiet tal-azzjonisti jew il-membri tal-AIFM, kemm jekk humiex persuni diretti jew indiretti, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, li jkollhom parteċipazzjoni kwalifikanti u dwar l-ammonti ta’ dawk il-parteċipazzjonijiet;

(c)programm ta’ attività li jistabbilixxi l-istruttura organizzazzjonali tal-AIFM, inkluża informazzjoni dwar kif l-AIFM ikun biħsiebu jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont il-Kapitoli II, III, IV, u fejn applikabbli, il-Kapitoli V, VI, VII u VIII u deskrizzjoni dettaljata tar-riżorsi umani u tekniċi xierqa li jkunu se jintużaw mill-AIFM għal dan il-għan;

(d)informazzjoni dwar il-politiki u l-prattiċi ta’ rimunerazzjoni skont l-Artikolu 13;

(e)informazzjoni dwar l-arranġamenti magħmula għad-delega u s-subdelega lil partijiet terzi ta’ funzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 20 u deskrizzjoni dettaljata tar-riżorsi umani u tekniċi li għandhom jintużaw mill-AIFM għall-monitoraġġ u l-kontroll tad-delegat.”;

(b)il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinformaw lill-ESMA, fuq bażi trimestrali, bl-awtorizzazzjonijiet mogħtija jew irtirati f’konformità ma’ dan il-Kapitolu.

L-ESMA għandha żżomm reġistru pubbliku ċentrali li jidentifika kull AIFM awtorizzat skont din id-Direttiva, lista tal-AIFs immaniġġati u/jew ikkummerċjalizzati fl-Unjoni mit-tali AIFMs u l-awtorità kompetenti għal kull tali AIFM. Ir-reġistru għandu jkun disponibbli f’format elettroniku.

Meta AIFM jiddelega aktar funzjonijiet ta’ ġestjoni tal-portafoll jew ta’ ġestjoni tar-riskju lil entitajiet li jinsabu f’pajjiżi terzi milli jżomm, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, fuq bażi annwali, jinnotifikaw lill-ESMA dwar dawn id-delegazzjonijiet kollha (“notifiki ta’ delega”).

In-notifiki ta’ delega għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)informazzjoni dwar l-AIFM u l-AIF ikkonċernati;

(b)informazzjoni dwar id-delegat, li tispeċifika d-domiċilju tad-delegat u jekk huwiex entità regolata jew le;

(c)deskrizzjoni tal-funzjonijiet iddelegati tal-ġestjoni tal-portafoll u tal-ġestjoni tar-riskju;

(d)deskrizzjoni tal-funzjonijiet miżmuma tal-ġestjoni tal-portafoll u tal-ġestjoni tar-riskju;

(e)kwalunkwe informazzjoni oħra meħtieġa biex jiġu analizzati l-arranġamenti ta’ delega;

(f)deskrizzjoni tal-attivitajiet superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti, inklużi rieżamijiet ibbażati fuq id-dokumentazzjoni u spezzjonijiet fuq il-post u r-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet;

(g)kwalunkwe dettall dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtorità kompetenti tal-AIFM u l-awtorità superviżorja tad-delegat.”

(c)jiżdiedu l-paragrafi 8 u 9 li ġejjin:

“8. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji biex tiddetermina l-kontenut tan-notifiki ta’ delega u l-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għat-trażmissjoni tan-notifiki ta’ delega f’lingwa abitwali għall-isfera tal-finanzi. Il-formoli u l-mudelli standard għandhom jinkludu kampijiet ta’ informazzjoni li jkopru l-informazzjoni kollha msemmija fir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 5.

Il-Kummissjoni qed tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

9. L-ESMA għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b’rapporti regolari, tal-anqas kull sentejn, li janalizzaw il-prattiki tas-suq fir-rigward tad-delega lil entitajiet li jinsabu f’pajjiżi terzi u l-konformità mal-Artikoli 7 u 20.”;

(4)fl-Artikolu 8(1), il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c) il-persuni li effettivament iwettqu n-negozju tal-AIFM ikunu ta’ reputazzjoni tajba biżżejjed u jkunu esperjenzati biżżejjed ukoll fir-rigward tal-istrateġiji ta’ investiment segwiti mill-AIF immaniġġat mill-AIFM, l-ismijiet ta’ dawk il-persuni u ta’ kull persuna li tieħu posthom warajhom fil-kariga jiġu kkomunikati minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri domiċiljari tal-AIFM u t-twettiq tan-negozju tal-AIFM jiġi deċiż minn mill-inqas żewġ persuni fiżiċi li jew ikunu impjegati full-time minn dak l-AIFM jew li jkunu impenjati full-time biex iwettqu n-negozju ta’ dak l-AIFM u li jkunu residenti fl-Unjoni li jissodisfaw tali kundizzjonijiet;”;

(5)l-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 3, jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d) għal attivitajiet ta’ għoti ta’ self, jimplimentaw politiki, proċeduri u proċessi effettivi għall-għoti ta’ kreditu, għall-valutazzjoni tar-riskju ta’ kreditu u għall-amministrazzjoni u l-monitoraġġ tal-portafoll tal-kreditu tagħhom, iżommu dawk il-politiki, il-proċeduri u l-proċessi aġġornati u effettivi u jirrieżaminawhom regolarment u mill-inqas darba fis-sena.”;

(b)il-paragrafi 4a sa 4e li ġejjin jiddaħħlu bejn il-paragrafi 4 u 5:

“4a. AIFM għandu jiżgura li self li joriġina lil kwalunkwe mutwatarju uniku mill-AIF li jimmaniġġa ma jaqbiżx l-20 % tal-kapital tal-AIF meta l-mutwatarju jkun wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)impriża finanzjarja skont it-tifsira tal-Artikolu 13(25) tad-Direttiva 2009/138/KE;

(b)impriża ta’ investiment kollettiv skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1), il-punt (a), ta’ din id-Direttiva jew skont it-tifsira tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/65/KE.”

Ir-restrizzjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-limiti, ir-restrizzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti (UE) 2015/760 50 , (UE) 345/2013 51 u (UE) 346/2013 52 .

4b. Il-limitu ta’ investiment ta’ 20 % stabbilit fil-paragrafu 4a għandu:

(a)japplika sad-data speċifikata fir-regoli jew fl-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-AIF;

(b)ma jibqax japplika ladarba l-AIF jibda jbigħ l-assi sabiex jirrimborża l-unitajiet jew l-ishma tal-investituri wara tmiem ħajjet l-AIF;

(c)jiġi sospiż temporanjament sa 12-il xahar meta l-AIF jgħolli kapital addizzjonali jew inaqqas il-kapital eżistenti tiegħu.

4c. Id-data tal-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 4b, il-punt (a), għandha tqis il-karatteristiċi partikolari tal-assi li għandhom jiġu investiti mill-AIF, u ma għandhiex tkun aktar tard minn nofs il-ħajja tal-AIF kif indikat fid-dokumenti kostituttivi tal-AIF. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, l-awtorità kompetenti tal-AIFM, meta jiġi ppreżentat pjan ta’ investiment debitament ġustifikat, tista’ tapprova estensjoni ta’ dan il-limitu ta’ żmien b’mhux iktar minn sena addizzjonali.

4d. L-AIF ma għandux jagħti self lill-entitajiet li ġejjin:

(a)l-AIFM tiegħu jew il-persunal tal-AIFM tiegħu;

(b)id-depożitarju tiegħu;

(c)l-entità li lilha l-AIFM tiegħu jkun iddelega l-funzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 20.

4e. AIFM għandu jiżgura li l-AIF li jimmaniġġa jżomm, fuq bażi kontinwa, 5 % tal-valur nozzjonali tas-self li jkun oriġina u sussegwentement biegħ fis-suq sekondarju.

Ir-rekwiżit stabbilit fl-ewwel subparagrafu ma japplikax għas-self li l-AIF ikun xtara fis-suq sekondarju.”;

(6)fl-Artikolu 16, jiddaħħlu l-paragrafi 2a u 2h li ġejjin:

“2a. AIFM għandu jiżgura li l-AIF li jimmaniġġa jkun magħluq jekk il-valur nozzjonali tas-self oriġinarju tiegħu jaqbeż is-60 % tal-valur nett tal-assi tiegħu.

Ir-rekwiżit stabbilit fl-ewwel subparagrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal-limiti, ir-restrizzjonijiet jew il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti (UE) 345/2013, (UE) 346/2013 u (UE) 2015/760.

2b. Wara li jivvaluta l-adegwatezza fir-rigward tal-istrateġija ta’ investiment segwita, il-profil tal-likwidità u l-politika ta’ tifdija, AIFM li jimmaniġġa AIF miftuħ għandu jagħżel tal-anqas għodda xierqa waħda għall-ġestjoni tal-likwidità mil-lista stabbilita fl-Anness V, il-punti 2 sa 4, għal użu possibbli fl-interess tal-investituri tal-AIF. L-AIFM għandu jimplimenta politiki u proċeduri dettaljati għall-attivazzjoni u d-diżattivazzjoni ta’ kwalunkwe għodda magħżula għall-ġestjoni tal-likwidità u l-arranġamenti operazzjonali u amministrattivi għall-użu ta’ din l-għodda.

2c. AIFM li jimmaniġġa AIF miftuħ jista’, fl-interess tal-investituri tal-AIF, jissospendi temporanjament ir-riakkwist jew it-tifdija tal-unitajiet tal-AIF jew jattiva għodod oħra għall-ġestjoni tal-likwidità magħżula mil-lista stabbilita fl-Anness V, il-punti 2 sa 4, u inklużi fir-regoli tal-fond jew fl-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-AIFM.

Is-sospensjoni temporanja msemmija fl-ewwel subparagrafu tista’ tiġi prevista biss f’każijiet eċċezzjonali meta ċ-ċirkostanzi jeħtieġu hekk, u fejn is-sospensjoni hija ġġustifikata fir-rigward tal-interessi tal-investituri tal-AIF.

2d. AIFM għandu, mingħajr dewmien, jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tiegħu meta jattiva jew jiddiżattiva għodda għall-ġestjoni tal-likwidità msemmija f’2b.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tal-AIFM għandhom jinnotifikaw, mingħajr dewmien, lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ospitanti tal-AIFM, tal-ESMA u tal-BERS bi kwalunkwe notifika riċevuta f’konformità ma’ dan il-paragrafu.

2e. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-anqas l-għodod għall-ġestjoni tal-likwidità stabbiliti fl-Anness V ikunu disponibbli għall-AIFMs li jimmaniġġjaw AIFs miftuħa.

2f. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-karatteristiċi tal-għodod għall-ġestjoni tal-likwidità stabbiliti fl-Anness V.

2g. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji dwar il-kriterji għall-għażla u l-użu ta’ għodod xierqa għall-ġestjoni tal-likwidità mill-AIFMs għall-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità, inkluż divulgazzjonijiet xierqa lill-investituri, filwaqt li titqies il-kapaċità ta’ dawn l-għodod biex jitnaqqsu l-vantaġġi mhux dovuti għall-investituri li jifdu l-investimenti tagħhom l-ewwel, u biex jittaffew ir-riskji tal-istabbiltà finanzjarja.

2h. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fil-paragrafi 2f u 2g ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(7)l-Artikolu 20 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)il-frażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“1. L-AIFMs, li jkollhom l-intenzjoni li jiddelegaw lil partijiet terzi l-kompitu li jwettqu, f’isimhom, waħda jew aktar mill-funzjonijiet elenkati fl-Anness I jew tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 6(4), għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tagħhom qabel ma l-arranġamenti tad-delega jsiru effettivi. Il-kundizzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu ssodisfati:”;

(b)il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f) l-AIFM irid ikun jista’ juri li d-delegat huwa kwalifikat u kapaċi jeżegwixxi l-funzjonijiet u jipprovdi s-servizzi kkonċernati, li ntgħażel bl-attenzjoni dovuta kollha u li l-AIFM huwa f’pożizzjoni li jissorvelja b’mod effettiv u fi kwalunkwe ħin l-attività ddelegata, li jagħti fi kwalunkwe ħin istruzzjonijiet ulterjuri lid-delegat u li jirtira d-delega b’effett immedjat meta dan ikun fl-interess tal-investituri.”;

(b)il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3. Ir-responsabbiltà tal-AIFM lejn il-klijenti tiegħu, l-AIF u l-investituri tiegħu ma għandhiex tiġi affettwata mill-fatt li l-AIFM ikun iddelega l-funzjonijiet tiegħu lil parti terza, jew minn kwalunkwe sottodelega ulterjuri, lanqas ma għandu l-AIFM jiddelega l-funzjonijiet tiegħu, sa fejn, essenzjalment, ma jkunx jista’ jibqa’ jitqies bħala l-maniġer tal-AIF jew il-fornitur tas-servizzi, u sa fejn jsir entità li sservi biss bħala kaxxa tal-ittri.”;

(c)fil-paragrafu 4, il-frażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“4. Il-parti terza tista’ tissottodelega kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet u l-għoti ta’ servizzi delegati lilha sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:”;

(8)l-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 6, il-punti (c) u (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(c) il-pajjiż terz fejn ikun stabbilit id-depożitarju ma jiġix identifikat bħala pajjiż terz b’riskju għoli skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849;”;

(d) l-Istati Membri fejn hu intenzjonat li jiġu kkummerċjalizzati l-unitajiet jew l-ishma tal-AIF mhux tal-UE, u, fil-każ li jkun differenti, l-Istat Membru domiċiljari tal-AIFM, ikunu ffirmaw ftehim mal-pajjiż terz fejn ikun stabbilit id-depożitarju li jikkonforma bis-sħiħ mal-istandards stabbiliti fl-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD fuq id-Dħul u l-Kapital u li jiżgura skambju ta’ informazzjoni effikaċi fil-kwistjonijiet fiskali, inklużi, jekk ikun hemm, il-ftehimiet fiskali multilaterali u l-pajjiż terz ma jissemmiex fl-Anness I tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2020 dwar il-lista riveduta tal-UE dwar ġuriżdizzjonijiet mhux kooperattivi għal finijiet tat-taxxa 53 ;”;

(b)il-paragrafu 11 huwa emendat kif ġej:

(i) fit-tieni subparagrafu, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c) id-depożitarju jkun eżerċita l-ħila, l-attenzjoni u d-diliġenza kollha dovuti fl-għażla u l-ħatra ta’ kwalunkwe parti terza li lilha jrid jiddelega partijiet mill-kompiti tiegħu, ħlief meta dik il-parti terza tkun depożitorju ċentrali tat-titoli li jaġixxi fil-kapaċità ta’ CSD emittent kif definit fl-Artikolu 1, il-punt (e), tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/392*, u jibqa’ jeżerċita l-ħila, l-attenzjoni u d-diliġenza kollha dovuta fir-rieżami perjodiku u l-monitoraġġ kontinwu ta’ kwalunkwe parti terza li lilha jkun iddelega partijiet mill-kompiti tiegħu u tal-arranġamenti tal-parti terza fir-rigward tal-materji ddelegati lilha;

* Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/392 tal-11 ta’ Novembru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar ir-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni, superviżorji u operazzjonali għal depożitarji ċentrali tat-titoli (ĠU L 65, 10.3.2017, p. 48)”;

(ii) il-ħames subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, l-għoti ta’ servizzi minn depożitorju ċentrali tat-titoli li jaġixxi fil-kapaċità ta’ CSD emittent, kif definit fl-Artikolu 1, il-punt (e) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/392, ma għandux jitqies bħala delega tal-funzjonijiet ta’ kustodja tad-depożitarju. ”;

(c)il-paragrafu 16 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“16. Id-depożitarju għandu jagħmel disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti tiegħu, għall-awtoritajiet kompetenti tal-AIF li jkun ħatru bħala depożitarju u lill-awtoritajiet kompetenti tal-AIFM li jimmaniġġa dak l-AIF, fuq talba, l-informazzjoni kollha li jkun kiseb waqt it-twettiq tad-dmirijiet tiegħu u li tista’ tkun meħtieġa għall-awtoritajiet kompetenti tal-AIF jew tal-AIFM. Jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-AIF jew l-AIFM ikunu differenti minn dawk tad-depożitarju, l-awtoritajiet kompetenti tad-depożitarju għandhom jaqsmu l-informazzjoni li jirċievu bla dewmien mal-awtoritajiet kompetenti tal-AIF jew l-AIFM.”;

(9)l-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i) il-punt (h) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(h) deskrizzjoni tal-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità tal-AIF, inklużi d-drittijiet tat-tifdija kemm f’ċirkostanzi normali kif ukoll f’ċirkostanzi eċċezzjonali, li tiddivulga l-possibbiltà u l-kundizzjonijiet għall-użu tal-għodod għall-ġestjoni tal-likwidità magħżula f’konformità mal-Artikolu 16(2b), u l-arranġamenti eżistenti ta’ tifdija mal-investituri.”;

(ii) jiddaħħal il-punt (ia):

“(ia) lista ta’ tariffi u imposti li jiġu applikati b’rabta mal-operat tal-AIF u li jitħallsu mill-AIFM jew mill-affiljati tiegħu.”;

(b)fil-paragrafu 4, jiżdiedu l-punti (d), (e) u (f) li ġejjin:

“(d) portafoll ta’ self oriġinat;

(e) fuq bażi trimestrali, it-tariffi u l-imposti diretti u indiretti kollha li jkunu ġew imposti jew allokati direttament jew indirettament lill-AIF jew lil kwalunkwe wieħed mill-investimenti tiegħu;

(f) fuq bażi trimestrali, kwalunkwe kumpanija omm, sussidjarja jew entità bi skop speċjali stabbilita b’rabta mal-investimenti tal-AIF mill-AIFM, il-persunal tal-AIFM jew tal-affiljati diretti jew indiretti tal-AIFM.”;

(10) l-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-AIFM għandu jirrapporta regolarment lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tiegħu dwar is-swieq u l-istrumenti li fihom jinnegozja f’isem l-AIF li jimmaniġġa.

Huwa għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-istrumenti li jinnegozja fihom, dwar is-swieq li huwa membru tagħhom jew li jinnegozja attivament fihom, u l-esponimenti ta’ kull AIF li jimmaniġġa.”;

(b)fil-paragrafu 2, jitħassar il-punt (d);

(c)il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji li għandhom jiġu rrapportati skont il-paragrafi 1 u 2. L-ESMA għandha tqis rekwiżiti oħra ta’ rapportar li għalihom huma soġġetti l-AIFMs u r-rapport maħruġ f’konformità mal-paragrafu 2 tal-Artikolu 69b.

L-ESMA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [Jekk jogħġbok daħħal id-data = 36 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].

Il-Kummissjoni tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(d)jiżdied il-paragrafu 7 li ġej:

“7. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw:

(a)l-istandards tal-format u tad-data għar-rapporti msemmija fil-paragrafi 1 u 2;

(b)il-frekwenza u t-twaqqit tar-rapportar.

L-ESMA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sa [Jekk jogħġbok daħħal id-data = 36 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].

Il-Kummissjoni tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(11)fl-Artikolu 35(2), il-punti (b) u (c) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(b) il-pajjiż terz fejn ikun stabbilit l-AIF mhux tal-UE ma jiġix identifikat bħala pajjiż terz b’riskju għoli skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849;

(c) il-pajjiż terz fejn hu stabbilit l-AIF mhux tal-UE ikun iffirma ftehim mal-Istat Membru domiċiljari tal-AIFM awtorizzat u ma’ kull Stat Membru ieħor fejn ikun intiż li jiġu kkummerċjalizzati l-unitajiet jew l-ishma tal-AIF mhux tal-UE, li jikkonforma bis-sħiħ mal-istandards stabbiliti fl-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD fuq id-Dħul u l-Kapital u li jiżgura skambju ta’ informazzjoni effettiv fil-kwistjonijiet fiskali, inkluż kwalunkwe ftehim fiskali multilaterali, u l-pajjiż terz ma jissemmiex fl-Anness I tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2020 dwar il-lista riveduta tal-UE dwar ġuriżdizzjonijiet mhux kooperattivi għal finijiet tat-taxxa 54 .”;

(12)l-Artikolu 36(1) huwa emendat kif ġej:

(a)il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c) il-pajjiż terz fejn ikun stabbilit l-AIF mhux tal-UE ma jiġix identifikat bħala pajjiż terz b’riskju għoli skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849.”;

(b)jiżdied il-punt (d) li ġej:

(c) il-pajjiż terz fejn hu stabbilit l-AIF mhux tal-UE ikun iffirma ftehim mal-Istat Membru domiċiljari tal-AIFM awtorizzat u ma’ kull Stat Membru ieħor fejn ikun intiż li jiġu kkummerċjalizzati l-unitajiet jew l-ishma tal-AIF mhux tal-UE, li jikkonforma bis-sħiħ mal-istandards stabbiliti fl-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD fuq id-Dħul u l-Kapital u li jiżgura skambju ta’ informazzjoni effettiv fil-kwistjonijiet fiskali, inkluż kwalunkwe ftehim fiskali multilaterali, u l-pajjiż terz ma jissemmiex fl-Anness I tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2020 dwar il-lista riveduta tal-UE dwar ġuriżdizzjonijiet mhux kooperattivi għal finijiet tat-taxxa.”;

(13)fl-Artikolu 37(7), il-punti (e) u (f) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(e) il-pajjiż terz fejn ikun stabbilit l-AIFM mhux tal-UE ma jiġix identifikat bħala pajjiż terz b’riskju għoli skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849;

(f) il-pajjiż terz fejn ikun stabbilit l-AIFM mhux tal-UE jkun iffirma ftehim mal-Istat Membru ta’ referenza, li jikkonforma bis-sħiħ mal-istandards stabbiliti fl-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD fuq id-Dħul u l-Kapital u jiżgura skambju effettiv ta’ informazzjoni fi kwistjonijiet fiskali, inkluż kwalunkwe ftehim multilaterali dwar it-taxxa u l-pajjiż terz ma jissemmiex fl-Anness I tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2020 dwar il-lista riveduta tal-UE dwar ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet tat-taxxa.”;

(14)jiddaħħal l-Artikolu 38a li ġej:

“Artikolu 38a

Rieżami bejn il-pari tal-applikazzjoni tar-reġim ta’ delega

1.L-ESMA għandha, fuq bażi regolari u mill-inqas kull sentejn, twettaq analiżi tar-rieżami bejn il-pari tal-attivitajiet superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 20. Dik l-analiżi tar-rieżami bejn il-pari għandha tiffoka fuq il-miżuri meħuda biex jiġi evitat li l-AIFMs, li jiddelegaw il-prestazzjoni tal-ġestjoni tal-portafoll jew il-ġestjoni tar-riskju lil partijiet terzi li jinsabu f’pajjiżi terzi, isiru entitajiet kaxxa tal-ittri.

2.Meta twettaq l-analiżi tar-rieżami bejn il-pari, l-ESMA għandha tuża metodi trasparenti biex tiżgura valutazzjoni u tqabbil oġġettivi bejn l-awtoritajiet kompetenti rieżaminati.”;

(15) fl-Artikolu 40(2), il-punti (b) u (c) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(b) il-pajjiż terz fejn ikun stabbilit l-AIF mhux tal-UE ma jiġix identifikat bħala pajjiż terz b’riskju għoli skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849;

(c) il-pajjiż terz fejn hu stabbilit l-AIF mhux tal-UE ikun iffirma ftehim mal-Istat Membru ta’ referenza u ma’ kull Stat Membru ieħor fejn ikun intiż li jiġu kkummerċjalizzati l-unitajiet jew l-ishma tal-AIF mhux tal-UE, li jikkonforma bis-sħiħ mal-istandards stabbiliti fl-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD fuq id-Dħul u l-Kapital u li jiżgura skambju ta’ informazzjoni effettiv fil-kwistjonijiet fiskali, inkluż kwalunkwe ftehim fiskali multilaterali, u l-pajjiż terz ma jissemmiex fl-Anness I tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2020 dwar il-lista riveduta tal-UE dwar ġuriżdizzjonijiet mhux kooperattivi għal finijiet tat-taxxa.”;

(16)l-Artikolu 42(1) huwa emendat kif ġej:

(a)il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c) il-pajjiż terz fejn ikun stabbilit l-AIFM mhux tal-UE jew l-AIF mhux tal-UE ma jiġix identifikat bħala pajjiż terz b’riskju għoli skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849.”;

(b)jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d) il-pajjiż terz fejn hu stabbilit l-AIF mhux tal-UE jew l-AIFM mhux tal-UE jkun iffirma ftehim mal-Istat Membru fejn ikun intiż li jiġu kkummerċjalizzati l-unitajiet jew l-ishma tal-AIF mhux tal-UE, li jikkonforma bis-sħiħ mal-istandards stabbiliti fl-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD fuq id-Dħul u l-Kapital u li jiżgura skambju ta’ informazzjoni effettiv fil-kwistjonijiet fiskali, inkluż kwalunkwe ftehim fiskali multilaterali, u dak il-pajjiż terz ma jissemmiex fl-Anness I tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2020 dwar il-lista riveduta tal-UE dwar ġuriżdizzjonijiet mhux kooperattivi għal finijiet tat-taxxa.”;

(17)fl-Artikolu 46(2), il-punt (j) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(j) fl-interess tal-investituri jew tal-pubbliku, jeħtieġu li l-AIFMs jattivaw jew jiddiżattivaw għodda għall-ġestjoni tal-likwidità msemmija fil-punt 1 jew 2 tal-Anness V jew magħżula mill-AIFM f’konformità mal-Artikolu 16(2b), skont liema tkun l-aktar xierqa meta jitqies it-tip ta’ AIF miftuħ jew grupp ta’ AIFs miftuħa kkonċernati u r-riskji għall-protezzjoni tal-investituri jew għall-istabbiltà finanzjarja li jeħtieġu dan ir-rekwiżit.”;

(18)l-Artikolu 47 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3. L-informazzjoni kollha skambjata skont din id-Direttiva bejn l-ESMA, l-awtoritajiet kompetenti, l-EBA, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* u l-BERS, għandha titqies bħala kunfidenzjali, ħlief:

(a)meta l-ESMA jew l-awtorità kompetenti jew awtorità jew korp oħra kkonċernati fil-mument tal-komunikazzjoni jiddikjaraw li tali informazzjoni tista’ tiġi ddivulgata;

(b)meta d-divulgazzjoni tkun meħtieġa għal proċedimenti ġudizzjarji;

(c)meta l-informazzjoni ddivulgata tintuża f’sommarju jew f’forma aggregata li fiha l-parteċipanti individwali fis-swieq finanzjarji ma jkunux jistgħu jiġu identifikati.

*Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).”;

(b)fil-paragrafu 4, jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d) ir-rekwiżit li l-AIFMs mhux tal-UE li jikkummerċjalizzaw fl-AIFs tal-Unjoni li jimmaniġġjaw, jew l-AIFMs tal-UE li jimmaniġġjaw l-AIFs mhux tal-UE, jattivaw jew jiddiżattivaw għodda għall-ġestjoni tal-likwidità msemmija fil-punt 1 jew 2 tal-Anness V jew magħżula mill-AIFM, skont liema tkun l-aktar xierqa meta jitqies it-tip ta’ AIF miftuħ ikkonċernat u r-riskji għall-protezzjoni tal-investituri jew għall-istabbiltà finanzjarja li jeħtieġu dan ir-rekwiżit.”;

(19) l-Artikolu 50 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jkollhom raġunijiet razzjonali sabiex jissuspettaw li jkunu qegħdin jitwettqu jew twettqu atti kontra d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, minn AIFM li mhux suġġetti għas-superviżjoni ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti, huma għandhom jinnotifikaw lill-AETS u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju u tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM kkonċernat b’mod kemm jista’ jkun speċifiku. L-awtoritajiet riċeventi għandhom jieħdu azzjoni xierqa, għandhom jinfurmaw lill-ESMA u lill-awtoritajiet kompetenti notifikanti bl-eżitu ta’ dik l-azzjoni, u sa fejn ikun possibbli, bl-iżviluppi interim sinifikanti. Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr pregudizzju għall-kompetenza tal-awtorità kompetenti li tinnotifika.”;

(b)jiddaħħlu l-paragrafi 5a sa 5g li ġejjin:

“5a. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari ta’ AIFM għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM, lill-ESMA u lill-BERS qabel ma jeżerċitaw is-setgħat skont l-Artikolu 46(2), il-punt (j), jew l-Artikolu 47(4), il-punt (d).

5b. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti ta’ AIFM tista’ titlob lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tal-AIFM biex teżerċita s-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 46(2), il-punt (j) jew fl-Artikolu 47(4), il-punt (d), filwaqt li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba u tinnotifika lill-ESMA u lill-BERS dwarha.

5c. Meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tal-AIFM ma taqbilx mat-talba msemmija fil-paragrafu 5b, hija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM, lill-ESMA u lill-BERS dwar dan, filwaqt li tiddikjara r-raġunijiet tagħha.

5d. Abbażi tal-informazzjoni riċevuta f’konformità mal-paragrafi 5b u 5c, l-ESMA għandha toħroġ opinjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tal-AIFM dwar l-eżerċitar tas-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 46(2), il-punt (j) jew l-Artikolu 47(4), il-punt (d).

5e. Meta l-awtorità kompetenti ma taġixxix f’konformità mal-opinjoni tal-ESMA msemmija fil-paragrafu 5d, jew ma jkollhiex l-intenzjoni li tikkonforma magħha, hija għandha tinforma lill-ESMA, filwaqt li tiddikjara r-raġunijiet tagħha għan-nuqqas ta’ konformità jew għall-intenzjoni. L-ESMA tista’ tippubblika l-fatt li awtorità kompetenti ma tikkonformax jew ma hijiex biħsiebha tikkonforma mal-parir tagħha. L-ESMA tista’ tiddeċiedi wkoll, skont il-każ individwali, li tippubblika r-raġunijiet mogħtija mill-awtorità kompetenti f’dan ir-rigward. L-ESMA għandha tagħti lill-awtoritajiet kompetenti avviż bil-quddiem dwar tali pubblikazzjoni.

5f. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti ta’ AIFM tista’ titlob lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tal-AIFM biex teżerċita, mingħajr dewmien, is-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 46(2), filwaqt li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba tagħha u tinnotifika lill-ESMA, u jekk ikun hemm riskji potenzjali għall-istabbiltà u l-integrità tas-sistema finanzjarja, lill-BERS dwarha.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tal-AIFM għandha, mingħajr dewmien, tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM, lill-ESMA, u jekk ikun hemm riskji potenzjali għall-istabbiltà u l-integrità tas-sistema finanzjarja, lill-BERS dwar is-setgħat eżerċitati u s-sejbiet tagħha.

5g. L-ESMA tista’ titlob lill-awtorità kompetenti tissottometti spjegazzjonijiet lill-ESMA fir-rigward ta’ każijiet speċifiċi, li jkollhom implikazzjonijiet transfruntieri, jikkonċernaw kwistjonijiet ta’ protezzjoni tal-investituri jew joħolqu riskji għall-istabbiltà finanzjarja.”;

(c)jiżdied il-paragrafu 7 li ġej:

“7. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jindikaw f’liema sitwazzjonijiet l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeżerċitaw is-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 46(2), fil-punt (j) u f’liema sitwazzjonijiet jistgħu jressqu t-talbiet imsemmija fil-paragrafi 5b u 5f. Meta tiżviluppa dawk l-istandards, l-ESMA għandha tikkunsidra l-implikazzjonijiet potenzjali ta’ tali intervent superviżorju għall-protezzjoni tal-investituri u l-istabbiltà finanzjarja fi Stat Membru ieħor jew fl-Unjoni.

Il-Kummissjoni tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(20)fl-Artikolu 61, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.  L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tal-AIF, jew fil-każ meta l-AIF ma jkunx regolat, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari ta’ AIFM, jistgħu jippermettu l-istituzzjonijiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 21(3) u stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jinħatru bħala depożitarji. Din id-dispożizzjoni għandha tkun bla ħsara għall-applikazzjoni sħiħa tal-Artikolu 21, ħlief għall-punt (a) tal-paragrafu 5 ta’ dak l-Artikolu dwar il-post fejn id-depożitarju se jkun stabbilit.”;

(21)jiddaħħal l-Artikolu 69b li ġej:

“Artikolu 69b

Rieżami

1.Sa [Jekk jogħġbok daħħal id-data = 60 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva] u wara r-rieżamijiet bejn il-pari mill-ESMA msemmija fl-Artikolu 38a u r-rapporti prodotti mill-ESMA f’konformità mal-Artikolu 7(9), il-Kummissjoni għandha tibda rieżami tal-funzjonament tar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva u l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tagħhom. Dan ir-rieżami għandu jinkludi valutazzjoni tal-aspetti li ġejjin:

(a)l-impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja tad-disponibbiltà u l-attivazzjoni tal-għodod għall-ġestjoni tal-likwidità mill-AIFMs;

(b)l-effettività tar-rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni tal-AIFM fl-Artikoli 7 u 8 u r-reġim ta’ delega stabbilit fl-Artikolu 20 ta’ din id-Direttiva fir-rigward tal-prevenzjoni tal-ħolqien ta’ entitajiet kaxxa tal-ittri fl-Unjoni;

(c)l-adegwatezza tar-rekwiżiti applikabbli għall-AIFMs li jimmaniġġjaw AIFs li joriġinaw self stabbiliti fl-Artikolu 15;

(d)l-adegwatezza li dan ir-Regolament jiġi komplementat b’passaport depożitarju;

2.Sa [Jekk jogħġbok daħħal id-data = 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], l-ESMA għandha tissottometti lill-Kummissjoni rapport għall-iżvilupp ta’ ġbir ta’ data superviżorja integrata, li għandu jiffoka fuq kif:

(a)jitnaqqsu l-partijiet fejn ikun hemm duplikazzjonijiet u inkonsistenzi bejn l-oqfsa ta’ rapportar fis-settur tal-ġestjoni tal-assi u f’setturi oħra tal-industrija finanzjarja;

(b)tiġi standardizzata d-data u kif ikun hemm kondiviżjoni u użu effiċjenti tad-data diġà rrapportata fi ħdan kwalunkwe qafas ta’ rapportar tal-Unjoni minn kwalunkwe awtorità kompetenti rilevanti, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll dak nazzjonali.

3.Meta tħejji r-rapport imsemmi fil-paragrafu 2, l-ESMA għandha taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), mal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej l-oħra, u fejn rilevanti, mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

4.Wara r-rieżami msemmi fil-paragrafu 1, u wara konsultazzjoni mal-ESMA, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jippreżenta l-konklużjonijiet ta’ dak ir-rieżami.”;

(22)L-Anness I huwa emendat kif stabbilit fl-Anness I ta’ din id-Direttiva;

(23)It-test fl-Anness II ta’ din id-Direttiva jiżdied bħala l-Anness V.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 2009/65/KE

Id-Direttiva 2009/65/KE hija emendata kif ġej:

(1)fl-Artikolu 2(1), jiżdied il-punt (u) li ġej:

“(u) depożitorju ċentrali tat-titoli” tfisser depożitorju ċentrali tat-titoli kif iddefinit fl-Artikolu 2(1), il-punt (1), tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*.”

* Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1);”

(2)l-Artikolu 7(1) huwa emendat kif ġej:

(a) il-punti (b) u (c) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(b) il-persuni li effettivament iwettqu n-negozju ta’ kumpanija tal-maniġment ikunu ta’ reputazzjoni tajba biżżejjed u jkunu esperjenzati biżżejjed ukoll fir-rigward tat-tip ta’ UCITS immaniġġata mill-kumpanija tal-maniġment, l-ismijiet ta’ dawk il-persuni u ta’ kull persuna li tieħu posthom warajhom fil-kariga jiġu kkomunikati minnufih lill-awtoritajiet kompetenti u t-twettiq tan-negozju ta’ kumpanija tal-maniġment jiġi deċiż minn mill-inqas żewġ persuni fiżiċi li jew ikunu impjegati full-time minn dik il-kumpanija tal-maniġment jew li jkunu impenjati full-time biex iwettqu n-negozju ta’ dik il-kumpanija tal-maniġment u li jkunu residenti fl-Unjoni li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet;

(c) l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tkun akkumpanjata minn programm ta’ attività li jistabbilixxi, tal-anqas, l-istruttura organizzazzjonali tal-kumpanija tal-maniġment, li jispeċifika r-riżorsi tekniċi u umani li jkunu se jintużaw biex jitwettaq in-negozju tal-kumpanija tal-maniġment, informazzjoni dwar il-persuni li effettivament iwettqu n-negozju ta’ dik il-kumpanija tal-maniġment, inkluż:

(i) deskrizzjoni dettaljata tar-rwol, it-titolu u l-livell ta’ superjorità tagħhom;

(ii) deskrizzjoni tal-linji tar-rapportar u tar-responsabbiltajiet tagħhom ġewwa u barra l-kumpanija tal-maniġment;

(iii) ħarsa ġenerali tal-ħin allokat għal kull responsabbiltà tagħhom;”;

(b)jiżdied il-punt (e) li ġej:

“(e) l-informazzjoni tiġi pprovduta mill-kumpanija tal-maniġment dwar l-arranġamenti magħmula għad-delega lil partijiet terzi ta’ funzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 13 u preżentazzjoni dettaljata tar-riżorsi umani u tekniċi li għandhom jintużaw mill-kumpanija tal-maniġment għall-monitoraġġ u l-kontroll tad-delegat.”;

(3)l-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i) il-frażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“1. Il-kumpaniji tal-maniġment, li jkollhom l-intenzjoni li jiddelegaw lil partijiet terzi l-kompitu li jwettqu, f’isimhom, waħda jew aktar mill-funzjonijiet elenkati fl-Anness II jew tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 6(3), għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tagħhom qabel ma l-arranġamenti tad-delega jsiru effettivi. Il-kundizzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu ssodisfati:”;

(ii) il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b) il-mandat ma jridx jipprevjeni l-effettività ta’ superviżjoni fuq il-kumpanija tal-maniġment u b’mod partikolari ma jridx jipprevjeni lill-kumpanija tal-maniġment milli taġixxi, jew lill-UCITS milli tiġi mmaniġġata, fl-aħjar interessi tal-investituri u tal-klijenti tagħha.”;

(iii) il-punti (g), (h) u (i) huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“(g) il-mandat ma jridx jipprevjeni lill-persuni li jwettqu n-negozju tal-kumpanija tal-maniġment milli jagħtu, fi kwalunkwe ħin, iktar struzzjonijiet lill-impriża li lilha jkunu delegati funzjonijiet, jew l-għoti ta’ servizzi, u milli jirtiraw il-mandat b’effett immedjat meta dan ikun fl-interess tal-investituri u tal-klijenti.

(h) wara li titqies in-natura tal-funzjonijiet u l-għoti ta’ servizzi li għandhom jiġu delegati, l-impriża li lilha jkunu se jiġu delegati funzjonijiet jew għoti ta’ servizzi trid tkun kwalifikata u kapaċi twettaq il-funzjonijiet jew is-servizzi inkwistjoni; u

(i) il-prospetti tal-UCITS iridu jelenkaw is-servizzi u l-funzjonijiet li l-kumpanija tal-maniġment kellha l-permess li tiddelega f’konformità ma’ dan l-Artikolu.”;

(iv) jiżdied il-punt (j) li ġej:

“(j) il-kumpanija tal-maniġment trid tkun tista’ tiġġustifika l-istruttura ta’ delega tagħha kollha kemm hi b’raġunijiet oġġettivi.”;

(b)il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. Ir-responsabbiltà tal-kumpanija tal-maniġment jew tad-depożitarju ma għandhiex tiġi affettwata minn delega lil partijiet terzi ta’ kwalunkwe funzjoni jew ta’ għoti ta’ servizzi mill-kumpanija tal-maniġment. Il-kumpanija tal-maniġment ma għandhiex tiddelega l-funzjonijiet jew l-għoti ta’ servizzi tagħha sal-punt li, essenzjalment, ma tkunx tista’ tibqa’ titqies bħala l-maniġer tal-UCITS u sal-punt li ssir entità kaxxa tal-ittri.”;

(c)jiżdiedu l-paragrafi 3, 4, 5 u 6 li ġejjin:

“3. Meta kumpanija tal-maniġment tiddelega aktar funzjonijiet ta’ ġestjoni tal-portafoll jew ta’ ġestjoni tar-riskju lil entitajiet li jinsabu f’pajjiżi terzi milli jżomm, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, fuq bażi annwali, jinnotifikaw lill-ESMA dwar dawn id-delegazzjonijiet kollha (“notifiki ta’ delega”).

In-notifiki ta’ delega għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)informazzjoni dwar il-UCITS u l-kumpanija tal-maniġment kkonċernata tagħha;

(b)informazzjoni dwar id-delegat, li tispeċifika d-domiċilju tad-delegat u jekk huwiex entità regolata jew le;

(c)deskrizzjoni tal-funzjonijiet iddelegati tal-ġestjoni tal-portafoll u tal-ġestjoni tar-riskju;

(d)deskrizzjoni tal-funzjonijiet miżmuma tal-ġestjoni tal-portafoll u tal-ġestjoni tar-riskju;

(e) kwalunkwe informazzjoni oħra meħtieġa biex jiġu analizzati l-arranġamenti ta’ delega;

(f)deskrizzjoni tal-attivitajiet superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti, inklużi rieżamijiet ibbażati fuq id-dokumentazzjoni u spezzjonijiet fuq il-post u r-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet;

(g)kwalunkwe dettall dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtorità kompetenti u l-awtorità superviżorja tad-delegat.

4. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji biex tiddetermina l-kontenut tan-notifiki ta’ delega u l-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għat-trażmissjoni tan-notifiki ta’ delega f’lingwa abitwali għall-isfera tal-finanzi. Il-formoli u l-mudelli standard għandhom jinkludu kampijiet ta’ informazzjoni li jkopru l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 3.

Il-Kummissjoni qed tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

5. L-ESMA għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b’rapporti regolari, tal-anqas kull sentejn, li janalizzaw il-prattiki tas-suq fir-rigward tad-delega lil entitajiet li jinsabu f’pajjiżi terzi u l-konformità mal-Artikoli 7 u 13.

6. Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ddelegati skont l-Artikolu 112a, għandha tadotta miżuri li jispeċifikaw:

(a)il-kundizzjonijiet biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1;

(b)il-kundizzjonijiet skont liema l-kumpanija tal-maniġment tal-UCITS għandha tiġi meqjusa li tkun iddelegat il-funzjonijiet tagħha sa fejn issir entità kaxxa tal-ittri u ma tkunx tista’ tibqa’ titqies bħala l-maniġer tal-UCITS kif stabbilit fil-paragrafu 2.”;

(4)jiddaħħal l-Artikolu 18a li ġej:

“Artikolu 18a

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-anqas l-għodod għall-ġestjoni tal-likwidità stabbiliti fl-Anness IIA jkunu disponibbli għall-UCITS.

2.Wara li tivvaluta l-adegwatezza fir-rigward tal-istrateġija ta’ investiment segwita, il-profil tal-likwidità u l-politika ta’ tifdija, kumpanija tal-maniġment għandha tagħżel mill-inqas għodda xierqa waħda għall-ġestjoni tal-likwidità mil-lista stabbilita fl-Anness IIA, il-punti 2 sa 4, u tinkludi fir-regoli tal-fond jew fl-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-kumpanija ta’ investiment għal użu possibbli fl-interess tal-investituri tal-UCITS. Il-kumpanija tal-maniġment għandha timplimenta politiki u proċeduri dettaljati għall-attivazzjoni u d-diżattivazzjoni ta’ kwalunkwe għodda magħżula għall-ġestjoni tal-likwidità u l-arranġamenti operazzjonali u amministrattivi għall-użu ta’ din l-għodda.

3.L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji biex tiddefinixxi u tispeċifika l-karatteristiċi tal-għodod għall-ġestjoni tal-likwidità stabbiliti fl-Anness IIA.

4.L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji dwar il-kriterji għall-għażla u l-użu ta’ għodod xierqa għall-ġestjoni tal-likwidità mill-kumpaniji tal-maniġment għall-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità, inkluż divulgazzjonijiet xierqa lill-investituri, filwaqt li titqies il-kapaċità ta’ dawn l-għodod biex jitnaqqsu l-vantaġġi mhux dovuti għall-investituri li jifdu l-investimenti tagħhom l-ewwel, u biex jittaffew ir-riskji tal-istabbiltà finanzjarja.

5.Il-Kummissjoni tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fil-paragrafi 3 u 4 f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(5)jiddaħħlu l-Artikoli 20a u 20b li ġejjin:

“Artikolu 20a

1.Kumpanija tal-maniġment għandha tirrapporta regolarment lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tagħha dwar is-swieq u l-istrumenti li fihom tinnegozja f’isem il-UCITS li timmaniġġa.

2.L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji li għandhom jiġu rrapportati f’konformità mal-paragrafu 1. L-ESMA għandha tqis rekwiżiti oħra ta’ rapportar li għalihom huma soġġetti l-kumpaniji tal-maniġment u r-rapport maħruġ f’konformità mal-Artikolu 20b.

L-ESMA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [Jekk jogħġbok daħħal id-data = 36 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].

Il-Kummissjoni qed tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

3.L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw:

(a)l-istandards tal-format u tad-data għar-rapporti msemmija fil-paragrafu 1;

(b)    il-frekwenza u t-twaqqit tar-rapportar.

L-ESMA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sa [Jekk jogħġbok daħħal id-data = 36 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].

Il-Kummissjoni tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 20b

1.Sa [Jekk jogħġbok daħħal id-data = 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], l-ESMA għandha tissottometti lill-Kummissjoni rapport għall-iżvilupp ta’ ġbir ta’ data superviżorja integrata, li għandu jiffoka fuq kif:

(b)jitnaqqsu l-partijiet fejn ikun hemm duplikazzjonijiet u inkonsistenzi bejn l-oqfsa ta’ rapportar fis-settur tal-ġestjoni tal-assi u f’setturi oħra tal-industrija finanzjarja u

(c)jittejbu l-istandardizzazzjoni tad-data u l-kondiviżjoni u l-użu effiċjenti tad-data diġà rrapportata fi ħdan kwalunkwe qafas ta’ rapportar tal-Unjoni minn kwalunkwe awtorità kompetenti rilevanti, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll dak nazzjonali.

2.Meta tħejji r-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, l-ESMA għandha taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), mal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej l-oħra, u fejn rilevanti, mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.”;

(6)l-Artikolu 22 a huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 2, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c) id-depożitarju jkun eżerċita l-ħila, l-attenzjoni u d-diliġenza kollha dovuti fl-għażla u l-ħatra ta’ kwalunkwe parti terza li lilha jkollu l-intenzjoni jiddelega partijiet mill-kompiti tiegħu, ħlief meta dik il-parti terza tkun depożitorju ċentrali tat-titoli li jaġixxi fil-kapaċità ta’ CSD emittent kif definit fl-Artikolu 1, il-punt (e), tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/392*, u jkompli jeżerċita l-ħila, l-attenzjoni u d-diliġenza kollha dovuta fir-rieżami perjodiku u l-monitoraġġ kontinwu ta’ kwalunkwe parti terza li lilha jkun iddelega partijiet mill-kompiti tiegħu u tal-arranġamenti tal-parti terza fir-rigward tal-materji ddelegati lilha.            

* Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/392 tal-11 ta’ Novembru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar ir-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni, superviżorji u operazzjonali għal depożitarji ċentrali tat-titoli (ĠU L 65, 10.3.2017, p. 48)”;

(b)il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, l-għoti ta’ servizzi minn depożitorju ċentrali tat-titoli li jaġixxi fil-kapaċità ta’ CSD emittent, kif definit fl-Artikolu 1, il-punt (e) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/392, ma għandux jitqies bħala delega tal-funzjonijiet ta’ kustodja tad-depożitarju. ”;

(7)fl-Artikolu 29(1), il-punt (b) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(b) id-diretturi tal-kumpanija ta’ investiment iridu jkunu ta’ reputazzjoni tajba biżżejjed u ta’ esperjenza biżżejjed ukoll fir-rigward tat-tip ta’ negozju mwettaq mill-kumpanija ta’ investiment u, għal dak l-għan: l-ismijiet tad-diretturi u ta’ kull persuna li tieħu posthom warajhom fil-kariga jridu jiġu kkomunikati mill-ewwel lill-awtoritajiet kompetenti; it-twettiq tan-negozju ta’ kumpanija ta’ investiment irid jiġi deċiż minn tal-anqas żewġ impjegati full-time jew żewġ persuni fiżiċi impenjati full-time li jwettqu n-negozju ta’ dik il-kumpanija tal-maniġment u residenti fl-Unjoni li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet; u "diretturi" għandha tfisser dawk il-persuni li, skont il-liġi jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni, jirrappreżentaw il-kumpanija ta’ investiment, jew li effettivament jiddeterminaw il-politika tal-kumpanija;”;

(8)fl-Artikolu 84, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“2. Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1:

(a)UCITS tista’, fl-interess tat-titolari tal-unitajiet tagħha, tissospendi temporanjament ir-riakkwist jew it-tifdija tal-unitajiet tagħha jew tattiva għodda oħra għall-ġestjoni tal-likwidità magħżula f’konformità mal-Artikolu 18a(2);

(b)fl-interess tat-titolari tal-unitajiet jew tal-pubbliku, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru domiċiljari tal-UCITS jistgħu jirrikjedu li UCITS tattiva għodda għall-ġestjoni tal-likwidità msemmija fil-punti 1 jew 2 tal-Anness IIa, jew magħżula u nnotifikata mill-UCITS f’konformità mal-Artikolu 18a(2), skont liema tkun l-aktar xierqa meta jitqies it-tip ta’ UCITS u r-riskji li jeħtieġu t-teħid ta’ din il-miżura.

Is-sospensjoni temporanja msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandha tiġi prevista biss f’każijiet eċċezzjonali meta ċ-ċirkostanzi jeħtieġu hekk, u fejn is-sospensjoni hija ġġustifikata fir-rigward tal-interessi tat-titolari tal-unitajiet.

3. Il-UCITS għandha tinnotifika, mingħajr dewmien, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tagħha u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha li fihom tikkummerċjalizza l-unitajiet tagħha, meta tattiva jew tiddiżattiva għodda għall-ġestjoni tal-likwidità msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a).

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tal-UCITS għandhom jinformaw, mingħajr dewmien, lill-ESMA u lill-BERS dwar kwalunkwe notifika riċevuta f’konformità ma’ dan il-paragrafu.

3a. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tal-UCITS għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha li fihom il-UCITS tikkummerċjalizza l-unitajiet tagħha, lill-ESMA u lill-BERS qabel ma jeżerċitaw is-setgħat skont il-paragrafu 2, il-punt (b).

3b. L-awtorità kompetenti tal-Istati Membri li fihom UCITS tikkummerċjalizza l-unitajiet tagħha tista’ titlob lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tal-UCITS biex teżerċita s-setgħat stabbiliti fil-paragrafu 2, il-punt (b), filwaqt li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba u tinnotifika lill-ESMA u lill-BERS dwarha.

3c. Meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tal-UCITS ma taqbilx mat-talba msemmija fil-paragrafu 3b, hija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti rikjedenti, lill-ESMA u lill-BERS dwar dan, filwaqt li tiddikjara r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ qbil.

3d. Fuq il-bażi tal-informazzjoni riċevuta f’konformità mal-paragrafi 3b u 3c, l-ESMA għandha tibgħat opinjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tal-UCITS dwar l-eżerċitar tas-setgħat stabbiliti fil-paragrafu 2, il-punt (b).

3e. Meta l-awtorità kompetenti ma taġixxix f’konformità mal-opinjoni tal-ESMA msemmija fil-paragrafu 3d, jew ma jkollhiex l-intenzjoni li tikkonforma magħha, hija għandha tinforma lill-ESMA, filwaqt li tiddikjara r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ konformità jew għall-intenzjoni. L-ESMA tista’ tippubblika l-fatt li awtorità kompetenti ma tikkonformax jew ma hijiex biħsiebha tikkonforma mal-parir tagħha. L-ESMA tista’ tiddeċiedi wkoll, skont il-każ individwali, li tippubblika r-raġunijiet mogħtija mill-awtorità kompetenti f’dan ir-rigward. L-ESMA għandha tagħti lill-awtoritajiet kompetenti avviż bil-quddiem dwar tali pubblikazzjoni.”

3f. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jindikaw f’liema sitwazzjonijiet l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeżerċitaw is-setgħat stabbiliti fil-paragrafu 2, il-punt (b). Meta tiżviluppa dawk l-istandards, l-ESMA għandha tikkunsidra l-implikazzjonijiet potenzjali ta’ tali intervent superviżorju għall-protezzjoni tal-investituri u l-istabbiltà finanzjarja fi Stat Membru ieħor jew fl-Unjoni.

Il-Kummissjoni tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(9)fl-Artikolu 98, jiżdiedu l-paragrafi 3 u 4 li ġejjin:

“3. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-UCITS tista’ titlob lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tal-UCITS teżerċita, mingħajr dewmien, is-setgħat stabbiliti fil-paragrafu 2, filwaqt li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba tagħha u tinnotifika lill-ESMA, u jekk ikun hemm riskji potenzjali għall-istabbiltà u l-integrità tas-sistema finanzjarja, il-BERS dwarha.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tal-UCITS għandha, mingħajr dewmien, tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-UCITS, lill-ESMA, u jekk ikun hemm riskji potenzjali għall-istabbiltà u l-integrità tas-sistema finanzjarja, lill-BERS dwar is-setgħat eżerċitati u s-sejbiet tagħha.”

4. L-ESMA tista’ titlob lill-awtorità kompetenti tissottometti spjegazzjonijiet lill-ESMA fir-rigward ta’ każijiet speċifiċi, li jkollhom implikazzjonijiet transfruntieri, jikkonċernaw kwistjonijiet ta’ protezzjoni tal-investituri jew joħolqu riskji għall-istabbiltà finanzjarja.”;

(10)jiddaħħal l-Artikolu 101a li ġej:

“Artikolu 101a

1.L-ESMA għandha, fuq bażi regolari u mill-inqas kull sentejn, twettaq analiżi tar-rieżami bejn il-pari tal-attivitajiet superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13. Dik l-analiżi tar-rieżami bejn il-pari għandha tiffoka fuq il-miżuri meħuda biex jiġi evitat li l-kumpaniji tal-maniġment, li jiddelegaw il-prestazzjoni tal-ġestjoni tal-portafoll jew il-ġestjoni tar-riskju lil partijiet terzi li jinsabu f’pajjiżi terzi, isiru entitajiet kaxxa tal-ittri.

2.Meta twettaq l-analiżi tar-rieżami bejn il-pari, l-ESMA għandha tuża metodi trasparenti biex tiżgura valutazzjoni u tqabbil oġġettivi bejn l-awtoritajiet kompetenti rieżaminati.”;

(11)jiddaħħal l-Artikolu 110a li ġej:

“Artikolu 110a

Sa [Jekk jogħġbok daħħal id-data = 30 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva] u wara r-rieżamijiet bejn il-pari u l-analiżi msemmija fl-Artikolu 101a u r-rapport prodott mill-ESMA f’konformità mal-Artikolu 13(4), il-Kummissjoni għandha tibda rieżami tar-reġim ta’ delega stabbilit fl-Artikolu 13 fir-rigward tal-prevenzjoni tal-ħolqien ta’ entitajiet kaxxa tal-ittri fl-Unjoni.”;

(12) l-Artikolu 112a huwa emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 13 għal perjodu ta’ erba’ snin minn [Jekk jogħġbok daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.]”;

(b)fil-paragrafu 3, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 12, 13, 14, 18a, 20a, 26b, 43, 50a, 51, 60, 61, 62, 64, 75, 78, 81, 95 u 111 tista’ tiġi revokata f’kull mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.”;

(c)fil-paragrafu 5, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Att delegat adottat skont l-Artikoli 12, 13, 14, 18a, 20a, 26b, 43, 50a, 51, 60, 61, 62, 64, 75, 78, 81, 95 u 111 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu t-tnejn li huma informaw lill-Kummissjoni li ma jkunux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

(13)L-Anness I huwa emendat kif stabbilit fl-Anness III ta’ din id-Direttiva;

(14)It-test fl-Anness IV ta’ din id-Direttiva jiżdied bħala l-Anness IIA.

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn [Jekk jogħġbok daħħal id-data - 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amminstrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

2.Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn [...].

3.Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

4.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010, ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1 (AIFMD).
(2)    Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (tfassil mill-ġdid), (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).
(3)    Supra 1.
(4)    Il-premessi 2 - 4 u 94 tal-AIFMD.
(5)    L-Artikolu 32(1) tal-AIFMD.
(6)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Unjoni tas-Swieq Kapitali għall-persuni u n-negozji - pjan ta’ azzjoni ġdid (COM/2020/590 final).
(7)    Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jevalwa l-applikazzjoni u l-ambitu tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi (COM/2020/232 final).
(8)    L-AIFMs huma meħtieġa jaħtru depożitarju uniku għal kull AIF li jimmaniġġjaw għall-kustodja tal-assi tal-AIF, jimmonitorjaw il-flussi tal-flus u jiżguraw il-konformità tal-AIF mar-regolamenti u r-regoli tal-fond rilevanti.
(9)    Supra 7.
(10)    Sors: Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-BĊE. Fl-2008, l-assi tal-fondi ta’ investiment taż-żona tal-euro kienu madwar 13 % tal-assi totali tas-settur finanzjarju, meta mqabbla ma’ kważi 20 % fl-2020 (sors: Bullettin Makroprudenzjali tal-BĊE April 2021).
(11)    Ara eż. il-Monitor tal-2020 tal-entitajiet mhux bankarji tal-BERS, p. 59, 62-63 (sors: https://www.esrb.europa.eu/pub/pdf/reports/nbfi_monitor/esrb.202010_eunon-bankfinancialintermediationriskmonitor2020~89c25e1973.en.pdf?588be9e8391cfb17584d2a283dfe0abe).
(12)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija għall-Finanzi Diġitali għall-UE (COM/2020/591 final).
(13)    Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ sett minimu ta’ LMTs jista’ jwassal għal differenzi bejn l-Istati Membri minn perspettiva ta’ integrazzjoni tas-suq.
(14)    Bħala parti mill-infrastrutturi ta’ wara n-negozjar, is-CSDs joperaw sistemi ta’ saldu tat-titoli, jipparteċipaw fil-kontroll tal-integrità ta’ kwistjoni li xxekkel il-ħolqien jew it-tnaqqis mhux dovuti ta’ titoli maħruġa, u huma involuti fl-iżgurar ta’ kollateral għal operazzjonijiet ta’ politika monetarja kif ukoll fl-iżgurar ta’ kollateral bejn l-istituzzjonijiet tal-kreditu. Is-CSDs iżommu wkoll it-titoli tal-parteċipanti tagħhom.
(15)    L-aħħar inċiż tal-Artikolu 21(11) tal-AIFMD.
(16)    Ittra tal-ESMA lill-Kummissjoni Ewropea tal-18 ta’ Awwissu 2020 dwar ir-rieżami tal-AIFMD (sors: esma34-32-551_esma_letter_on_aifmd_review.pdf (europa.eu) .
(17)    Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2013 tad-19 ta’ Diċembru 2012 (AIFMR) li jissupplimenta d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżenzjonijiet, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-operat, id-depożitarji, l-ingranaġġ, it-trasparenza u s-superviżjoni, inklużi rekwiżiti ta’ rapportar superviżorju dettaljat mill-AIFs (ĠU L 83, 22.3.2013, p. 1-95).
(18)    Supra 6.
(19)    Supra 12.
(20)    Ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 98-121).
(21)    Report on the Operation of the Alternative Investment Fund Managers Directive (AIFMD) - Directive 2011/61/EU, (Rapport tal-KPMG, Diċembru 2018).
(22)    Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).
(23)    Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014).
(24)    ĠU C , , p. .
(25)    Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).
(26)    Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (tfassil mill-ġdid), (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).
(27)    Ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1-65).
(28)    ĠUC , , p. .
(29)    Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
(30)    Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(31)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Unjoni tas-Swieq Kapitali għall-persuni u n-negozji - pjan ta’ azzjoni ġdid (COM/2020/590 final).
(32)    Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 1-17).
(33)    Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 18-38).
(34)    Ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 98-121).
(35)    Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 Test b’relevanza għaż-ŻEE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).
(36)    Ir-Regolament (UE) 2019/834 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-obbligu tal-ikklerjar, is-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar, ir-rekwiżiti tar-rapportar, it-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali, ir-reġistrazzjoni u s-superviżjoni ta’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet u r-rekwiżiti għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (ĠU L 141, 28.5.2019, p. 42).
(37)    Ir-Regolament (UE) Nru 1011/2012 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta’ Ottubru 2012 dwar statistika fuq investimenti f’titoli (ĠU L 305, 1.11.2012, p. 6).
(38)    Ir-Regolament (UE) Nru 1073/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta’ Ottubru 2013 dwar statistika dwar l-attiv u l-passiv ta’ fondi ta’ investiment (ĠU L 297, 7.11.2013, p. 73).
(39)    Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(40)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2013 tad-19 ta’ Diċembru 2012 li jissupplimenta d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżenzjonijiet, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-operat, id-depożitarji, l-ingranaġġ, it-trasparenza u s-superviżjoni (ĠU L 83, 22.3.2013, p. 1-95).
(41)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tas-7 ta’ Diċembru 2017 dwar il-likwidità u r-riskji tal-lieva finanzjarja fil-fondi ta’ investiment BERS/2017/6, 2018/C 151/01.
(42)    Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(43)    ĠU C 64, 27.2.2020, p.8.
(44)    Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).
(45)    Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(46)    ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(47)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tas-7 ta’ Diċembru 2017 dwar il-likwidità u r-riskji tal-lieva finanzjarja fil-fondi ta’ investiment BERS/2017/6, 2018/C 151/01.
(48)    Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(49)    Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(50)    Ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 98-121).
(51)    Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 1-17).
(52)    Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 18-38).
(53)    ĠU C 64, 27.2.2020, p. 8.
(54)    ĠU C 64, 27.2.2020, p. 8.
Top

Brussell, 25.11.2021

COM(2021) 721 final

ANNESSI

tal-

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

li temenda d-Direttivi 2011/61/UE u 2009/65/KE fir-rigward tal-arranġamenti ta’ delega, il-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità, ir-rapportar superviżorju, il-forniment ta’ servizzi depożitarji u ta’ kustodja u l-oriġinazzjoni tas-self minn fondi ta’ investiment alternattivi

{SEC(2021) 570 final} - {SWD(2021) 340 final} - {SWD(2021) 341 final}


ANNESS I

Fl-Anness I, jiżdiedu l-punti 3 u 4 li ġejjin:

“3. Self oriġinarju.

4. Servizzjar ta’ entitajiet bi skop speċjali ta’ titolizzazzjoni.”

ANNESS II

“ANNESS V

STRUMENTI TAL-ĠESTJONI TAL-LIKWIDITÀ DISPONIBBLI GĦALL-AIFMs LI JIMMANIĠĠAW AIFs MIFTUĦA

(1)Sospensjoni ta’ tifdijiet u sottoskrizzjonijiet: is-sospensjoni tat-tifdijiet u s-sottoskrizzjonijiet timplika li l-investituri temporanjament ma jistgħux jifdu jew jixtru l-ishma tal-fond.

(2)Il-limiti ta’ tifdija: limitu ta’ tifdija huwa restrizzjoni temporanja tad-dritt tal-azzjonisti li jifdu l-ishma tagħhom. Din ir-restrizzjoni tista’ tkun sħiħa, fejn l-investituri ma jkunux jistgħu jifdu l-ishma tagħhom, jew parzjali, fejn l-investituri jkunu jistgħu jifdu biss ċertu porzjon tal-ishma tagħhom.

(3)Perjodi ta’ avviż: perjodu ta’ avviż jirreferi għall-perjodu ta’ avviż bil-quddiem li l-investituri jridu jagħtu lill-maniġers ta’ fondi meta jifdu l-ishma tagħhom.

(4)Tariffi ta’ tifdija: tariffa ta’ tifdija hija tariffa imposta fuq l-investituri meta jifdu l-ishma tal-fond tagħhom.

(5)Aġġustar tal-valur tal-likwidazzjoni: l-aġġustar tal-valur tal-likwidazzjoni jista’ jintuża biex jiġi aġġustat il-prezz tal-ishma f’fond ta’ investiment sabiex jirrifletti l-kost tat-tranżazzjonijiet tal-fondi li jirriżultaw minn attività tal-investituri.

(6)Imposta kontra d-dilwizzjoni: imposta kontra d-dilwizzjoni hija imposta applikata għal investituri individwali li jagħmlu tranżazzjonijiet, pagabbli lill-fond, biex l-investituri li jifdal jiġu protetti milli jġorru l-kostijiet assoċjati max-xiri jew il-bejgħ ta’ assi minħabba flussi kbar ta’ dħul jew ħruġ. Imposta kontra d-dilwizzjoni ma tinvolvi l-ebda aġġustament għall-valur tal-ishma tal-fond.

(7)Tifdijiet in natura: it-tifdijiet in natura jippermettu lill-maniġer tal-fond jissodisfa talba ta’ tifdija billi jittrasferixxi titoli miżmuma mill-fond, minflok flus, lill-azzjonisti li jifdu.

(8)Side pockets: side pockets jippermettu li l-investimenti mhux likwidi jiġu sseparati mill-investimenti likwidi li jifdal tal-fond ta’ investiment.”

ANNESS III

Fl-Anness I, l-Iskeda A, it-tabella, il-punt 1.13 huwa sostitwit b’dan li ġej:

1.13. Proċeduri u kundizzjonijiet għax-xiri mill-ġdid jew it-tifdija ta’ unitajiet, u ċ-ċirkostanzi li fihom ix-xiri mill-ġdid jew it-tifdija jistgħu jiġu sospiżi jew jistgħu jiġu attivati għodod oħra għall-ġestjoni tal-likwidità.

 

1.13. Proċeduri u kundizzjonijiet għax-xiri mill-ġdid jew it-tifdija ta’ unitajiet, u ċ-ċirkostanzi li fihom ix-xiri mill-ġdid jew it-tifdija jistgħu jiġu sospiżi jew jistgħu jiġu attivati għodod oħra għall-ġestjoni tal-likwidità. Fil-każ ta’ kumpaniji ta’ investiment li jkollhom kompartimenti differenti ta’ investiment, informazzjoni dwar kif it-titolari tal-unità jista’ jgħaddi minn kompartiment għal ieħor u l-imposti applikabbli f’dawn il-każijiet.

ANNESS IV

ANNESS IIA

STRUMENTI TAL-IMMANIĠĠAR TAL-LIKWIDITÀ DISPONIBBLI GĦALL-UCITS

(1)Sospensjoni ta’ tifdijiet u sottoskrizzjonijiet: is-sospensjoni tat-tifdijiet u s-sottoskrizzjonijiet timplika li l-investituri temporanjament ma jistgħux jifdu jew jixtru l-ishma tal-fond.

(2)Il-limiti ta’ tifdija: limitu ta’ tifdija huwa restrizzjoni temporanja tad-dritt tal-azzjonisti li jifdu l-ishma tagħhom. Din ir-restrizzjoni tista’ tkun sħiħa, fejn l-investituri ma jkunux jistgħu jifdu l-ishma tagħhom, jew parzjali, fejn l-investituri jkunu jistgħu jifdu biss ċertu porzjon tal-ishma tagħhom.

(3)Perjodi ta’ avviż: perjodu ta’ avviż jirreferi għall-perjodu ta’ avviż bil-quddiem li l-investituri jridu jagħtu lill-maniġers ta’ fondi meta jifdu l-ishma tagħhom.

(4)Tariffi ta’ tifdija: tariffa ta’ tifdija hija tariffa imposta fuq l-investituri meta jifdu l-ishma tal-fond tagħhom.

(5)Aġġustar tal-valur tal-likwidazzjoni: l-aġġustar tal-valur tal-likwidazzjoni jista’ jintuża biex jiġi aġġustat il-prezz tal-ishma f’fond ta’ investiment sabiex jirrifletti l-kost tat-tranżazzjonijiet tal-fondi li jirriżultaw minn attività tal-investituri.

(6)Imposta kontra d-dilwizzjoni: imposta kontra d-dilwizzjoni hija imposta applikata għal investituri individwali li jagħmlu tranżazzjonijiet, pagabbli lill-fond, biex l-investituri li jifdal jiġu protetti milli jġorru l-kostijiet assoċjati max-xiri jew il-bejgħ ta’ assi minħabba flussi kbar ta’ dħul jew ħruġ. Imposta kontra d-dilwizzjoni ma tinvolvi l-ebda aġġustament għall-valur tal-ishma tal-fond.

(7)Tifdijiet in natura: it-tifdijiet in natura jippermettu lill-maniġer tal-fond jissodisfa talba ta’ tifdija billi jittrasferixxi titoli miżmuma mill-fond, minflok flus, lill-azzjonisti li jifdu.

(8)Side pockets: side pockets jippermettu li l-investimenti mhux likwidi jiġu sseparati mill-investimenti likwidi li jifdal tal-fond ta’ investiment.”

Top