IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.7.2021
COM(2021) 557 final
2021/0218(COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652
{SEC(2021) 657 final} - {SWD(2021) 620 final} - {SWD(2021) 621 final} - {SWD(2021) 622 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (EGD) jistabbilixxi l-objettiv li fl-2050 tintlaħaq in-newtralità klimatika b’mod li jikkontribwixxi għall-ekonomija, it-tkabbir u l-impjiegi Ewropej. Dan l-objettiv jirrikjedi tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ 55 % sal-2030 kif ikkonfermat mill-Kunsill Ewropew f’Diċembru 2020. Dan min-naħa tiegħu jirrikjedi ishma ferm ogħla ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli f’sistema tal-enerġija integrata. Il-mira attwali tal-UE ta’ mill-anqas 32 % ta’ enerġija rinnovabbli sal-2030, stabbilita fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (REDII), mhijiex biżżejjed u jeħtieġ li tiżdied għal 38-40 %, skont il-Pjan dwar il-Mira Klimatika (CTP). Fl-istess ħin, huma meħtieġa miżuri ta’ akkumpanjament ġodda f’setturi differenti f’konformità mal-Istrateġiji għall-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija, għall-Idroġenu, dwar l-Enerġija Rinnovabbli Offshore u għall-bijodiversità biex tintlaħaq din il-mira miżjuda.
L-objettivi ġenerali tar-reviżjoni tar-REDII huma li tinkiseb żieda fl-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli sal-2030, li titrawwem integrazzjoni aħjar tas-sistema tal-enerġija u li jsiru kontributi għall-objettivi klimatiċi u ambjentali inkluż il-protezzjoni tal-bijodiversità, biex b’hekk jiġi indirizzat it-tħassib interġenerazzjonali assoċjat mat-tisħin globali u mat-telf tal-bijodiversità. Din ir-reviżjoni tar-REDII hija essenzjali biex tintlaħaq il-mira klimatika akbar kif ukoll biex jiġu protetti l-ambjent u s-saħħa tagħna, titnaqqas id-dipendenza tagħna fuq l-enerġija, u jingħata kontribut għat-tmexxija teknoloġika u industrijali tal-UE flimkien mal-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Ir-REDII huwa l-istrument ewlieni tal-UE li jittratta l-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Ir-rieżami tar-REDII ma jitwettaqx waħdu. Huwa parti minn eżerċizzju usa’ li jaffettwa leġiżlazzjoni u inizjattivi ta’ politika oħrajn dwar l-enerġija u l-klima, kif imħabbar fil-pjan direzzjonali EGD, u fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2021 bit-titlu “Lesti għall-mira ta’ 55 %”. Il-proposta għar-reviżjoni tar-REDII hija konsistenti ma’:
i.L-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, peress li l-ipprezzar tal-karbonju jaħdem l-aħjar id f’id ma’ miżuri regolatorji.
ii.Id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika, li tikkontribwixxi għall-użu effiċjenti tal-enerġija rinnovabbli fis-setturi tal-użu finali.
iii.Id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija, li tiżgura rekwiżiti xierqa tar-rendiment fl-użu tal-enerġija relatati mal-enerġija rinnovabbli.
iv.Id-Direttiva dwar l-Ekodisinn, li tinċentiva lill-konsumaturi biex jitbiegħdu mill-apparati domestiċi tal-karburanti fossili.
v.Ir-Regolament dwar l-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija, li jipprovdi inċentivi lill-operaturi ekonomiċi biex jużaw proġetti li jassorbu l-emissjonijiet li jistgħu jkunu sors ta’ bijomassa.
vi.Id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija, li tiżgura li l-prezzijiet jippromwovu prattiki sostenibbli u tinċentiva l-produzzjoni u l-użu.
vii.Il-leġiżlazzjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi, li tistabbilixxi tnaqqis vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG) għas-setturi koperti mir-REDII bħat-trasport, il-bini, l-agrikoltura u l-iskart.
viii.Id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti, li tappoġġa l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju fit-trasport.
ix.Id-Direttiva dwar l-Infrastruttura tal-Karburanti Alternattivi, li tappoġġa l-użu ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi, inklużi punti tal-irriċarġjar għall-vetturi elettriċi u punti tar-riforniment għall-gass naturali u għall-idroġenu.
x.Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jirrevoka r-Regolament (UE) Nru 347/2013.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-proposta hija bbażata primarjament fuq l-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jipprovdi l-bażi ġuridika biex jiġu proposti miżuri għall-iżvilupp ta’ forom ġodda u rinnovabbli ta’ enerġija, wieħed mill-għanijiet tal-politika tal-Unjoni dwar l-enerġija, stabbilit fl-Artikolu 194(1)(c) tat-TFUE. Ir-REDII, li se tiġi emendata b’din il-proposta, ġiet adottata wkoll skont l-Artikolu 194(2) tat-TFUE fl-2018. L-Artikolu 114 tat-TFUE, il-bażi ġuridika tas-suq intern, jiżdied sabiex tiġi emendata d-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburant, li hija bbażata fuq dak l-Artikolu.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Ħtieġa li tittieħed azzjoni
Żvilupp aċċellerat kosteffiċjenti tal-enerġija rinnovabbli sostenibbli f’sistema tal-enerġija aktar integrata ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom. Huwa meħtieġ approċċ tal-UE biex jipprovdi l-inċentivi x-xierqa lill-Istati Membri b’livelli differenti ta’ ambizzjoni biex jaċċelleraw, b’mod koordinat, it-tranżizzjoni tal-enerġija mis-sistema tal-enerġija tradizzjonali bbażata fuq il-karburanti fossili lejn sistema tal-enerġija aktar integrata u aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija bbażata fuq ġenerazzjoni bbażata fuq l-enerġija rinnovabbli. Filwaqt li jitqiesu l-politiki u l-prijoritajiet differenti tal-enerġija fost l-Istati Membri, il-probabbiltà li l-azzjoni fil-livell tal-UE tikseb iż-żieda meħtieġa fl-użu tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli hija akbar minn fil-każ tal-azzjoni nazzjonali jew lokali waħedha.
Il-valur miżjud tal-UE
L-azzjoni tal-UE dwar l-enerġija rinnovabbli ġġib valur miżjud minħabba li hija aktar effiċjenti u effettiva mill-azzjonijiet tal-Istati Membri individwali, filwaqt li tevita approċċ frammentat billi tindirizza t-tranżizzjoni tas-sistema tal-enerġija Ewropea b’mod koordinat. Dan jiżgura t-tnaqqis nett tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u tat-tniġġis, jipproteġi l-bijodiversità, jisfrutta bis-sħiħ il-benefiċċji tas-suq intern, jisfrutta bis-sħiħ il-vantaġġi tal-ekonomiji ta’ skala u l-kooperazzjoni teknoloġika fl-Ewropa, u jagħti ċertezza lill-investituri f’qafas regolatorju madwar l-UE. Il-kisba ta’ sehem akbar ta’ enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija tal-UE tiddependi fuq il-kontribuzzjonijiet nazzjonali minn kull Stat Membru. Dawn se jkunu aktar ambizzjużi u kosteffettivi jekk ikunu xprunati minn qafas legali u ta’ politika komuni miftiehem.
•Proporzjonalità
Il-pakkett ippreferut ta’ għażliet ta’ politika jitqies proporzjonat u sa fejn hu possibbli jibni fuq it-tfassil tal-politika attwali. Diversi għażliet jistabbilixxu mira jew parametru referenzjarju li għandu jintlaħaq, iżda jħallu l-mezzi biex jintlaħqu dawk il-miri f’idejn l-Istati Membri. Il-bilanċ bejn l-obbligi u l-flessibbiltà li titħalla f’idejn l-Istati Membri dwar kif għandhom jilħqu l-objettivi huwa meqjus xieraq minħabba l-ħtieġa imperattiva li tinkiseb in-newtralità klimatika (ara t-Taqsimiet 3.3 u 7.5 tal-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja din il-proposta, SWD (2021) XXX).
•L-għażla tal-istrument
Din il-proposta hija għal Direttiva emendatorja. Minħabba l-adozzjoni relattivament riċenti tagħha, dan ir-rieżami tar-REDII huwa limitat għal dak li jitqies meħtieġ biex jikkontribwixxi b’mod kosteffettiv għall-ambizzjoni klimatika tal-Unjoni għall-2030, u mhuwiex rieżami sħiħ tad-Direttiva. Għalhekk riformulazzjoni mhijiex meqjusa xierqa.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Metodi ta’ konsultazzjoni, setturi ewlenin fil-mira u profil ġenerali tar-rispondenti
Il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu (Pjan Direzzjonali) ġiet ippubblikata għal feedback mit-3 ta’ Awwissu sal-21 ta’ Settembru 2020 u waslu 374 tweġiba, minn partijiet ikkonċernati minn 21 Stat Membru u minn seba’ pajjiżi terzi. Il-biċċa l-kbira tat-tweġibiet ġew minn kumpaniji jew minn assoċjazzjonijiet kummerċjali, segwiti minn NGOs, persuni anonimi u ċittadini. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika online (OPC) fis-17 ta’ Novembru 2020 għal 12-il ġimgħa, f’konformità mar-regoli tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni aħjar. Din fiha diversi għażliet u mistoqsijiet miftuħa li jkopru firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet dwar ir-reviżjoni tar-REDII. B’kollox waslu 39 046 tweġiba. Inġabru wkoll il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati f’żewġ workshops, l-ewwel wieħed sar fil-11 ta’ Diċembru 2020 (qrib 400 parteċipant) u t-tieni wieħed sar fit-22 ta’ Marzu 2021 (qrib 1 000 parteċipant).
Sommarju tal-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati
Il-maġġoranza (80 %) tat-tweġibiet għall-OPC urew preferenza għal mira akbar tar-RES f’konformità mas-CTP (43 %) jew ogħla (37 %). 61 % kienu favur mira vinkolanti fil-livell tal-UE u nazzjonali. It-trasport u t-tisħin u t-tkessiħ kienu l-aktar żewġ setturi popolari fejn tqiesu li kienu meħtieġa sforzi addizzjonali, bil-maġġoranza jappoġġaw miri miżjuda għaż-żewġ setturi mill-anqas fil-livell tas-CTP. Rispons koordinat ta’ aktar minn 38 000 parteċipant talab it-tneħħija tal-bijomassa mil-lista ta’ riżorsi rinnovabbli u l-limitazzjoni tal-użu għall-bijoenerġija għal skart u residwi disponibbli lokalment, filwaqt li rappreżentanti mit-trade unions, min-negozji u l-maġġoranza tal-awtoritajiet pubbliċi jippreferu li l-kriterji attwali ta’ sostenibbiltà għall-bijomassa ma jinbidlux.
Il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati kif espressi fl-OPC u matul il-workshops tqiesu meta ġew elaborati d-diversi għażliet ta’ politika dwar l-oqsma ta’ politika rispettivi fil-valutazzjoni tal-impatt.
•
Ġbir u użu tal-għarfien espert
Studju mill-kuntratturi esterni Trinomics ipprovda appoġġ tekniku għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni tal-politika dwar is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Il-valutazzjoni tal-impatt imwettqa għas-CTP u l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) tal-Istati Membri u r-Rapport ta’ Progress dwar l-Enerġija Rinnovabbli tal-2020 kienu wkoll jiffurmaw parti mill-bażi tal-evidenza.
Barra minn hekk, l-istudji li ġejjin ikkontribwew ukoll għall-valutazzjoni tal-impatt:
·L-appoġġ tekniku għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni tal-politika dwar is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli: effiċjenza mtejba permezz tal-integrazzjoni tas-setturi
·It-Tkessiħ Rinnovabbli skont id-Direttiva Riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli
·It-Tisħin tal-Ispazju Rinnovabbli skont id-Direttiva Riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli
·L-appoġġ ta’ politika għad-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin u t-tkessiħ
·Il-kundizzjonijiet regolatorji u tas-suq tat-Tisħin u t-Tkessiħ Distrettwali
·Il-potenzjali u l-livelli għall-elettrifikazzjoni tat-tisħin tal-ispazju fil-binjiet
·Il-Perkorsi, il-Miżuri u l-Istadji Importanti għat-Tisħin u t-Tkessiħ Rinnovabbli għall-implimentazzjoni tad-Direttiva riformulata dwar l-Enerġija Rinnovabbli u d-dekarbonizzazzjoni sħiħa sal-2050
·L-assistenza teknika biex jiġi vvalutat il-potenzjal ta’ karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi tat-trasport ta’ oriġini mhux bijoloġika (RFNBOs) kif ukoll ta’ karburanti tal-karbonju riċiklat (RCFs), biex tiġi stabbilita metodoloġija biex jiġi ddeterminat is-sehem tal-enerġija rinnovabbli mill-RFNBOs kif ukoll biex jiġi żviluppat qafas dwar l-addizzjonalità fis-settur tat-trasport
·Is-Simplifikazzjoni tal-Proċeduri ta’ Permess u Amministrazzjoni għall-Installazzjonijiet tar-RES
·L-istabbiliment ta’ rekwiżiti tekniċi u l-iffaċilitar tal-proċess ta’ standardizzazzjoni għall-garanziji tal-oriġini abbażi tad-Direttiva (UE) 2018/2001
·L-assistenza teknika għall-valutazzjoni tal-għażliet biex tiġi stabbilita ekotikketta madwar l-UE bil-għan li jiġi promoss l-użu tal-enerġija rinnovabbli li tiġi minn installazzjonijiet ġodda
·Il-valutazzjoni tal-potenzjal għal materja prima ġdida għall-produzzjoni ta’ bijokarburanti avvanzati (ENER C1 2019-412)
·L-appoġġ għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-ILUC stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (ENER/C2/2018-462)
·L-użu tal-bijomassa tal-injam għall-produzzjoni tal-enerġija fl-UE (rapport tal-JRC, 01/2021)
·Studju ta’ orjentazzjoni li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u għażliet għal Bażi tad-Data tal-Unjoni għat-traċċar ta’ karburanti likwidi u gassużi tat-trasport
Valutazzjoni tal-impatt
Il-Valutazzjoni tal-Impatt (IA) li takkumpanja l-Proposta ġiet elaborata abbażi tal-immudellar, tal-kontribut tal-partijiet ikkonċernati u tal-kontribut mill-Grupp Interservizzi. Ir-rapport ġie ppreżentat lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fl-10 ta’ Marzu 2021. Fid-19 ta’ April 2021, il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju ta l-ewwel opinjoni tiegħu dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt, u wara s-sottomissjoni mill-ġdid tal-IA, it-tieni waħda ngħatat fid-19 ta’ Mejju.
F’dan l-isfond, il-valutazzjoni tal-impatt analizzat id-diversi għażliet li permezz tagħhom reviżjoni tar-REDII tista’ tikkontribwixxi b’mod effettiv u effiċjenti għall-ilħuq tal-mira aġġornata bħala parti minn pakkett ta’ politika usa’ “Lesti għall-mira ta’ 55 %”.
Fir-rigward tal-livell tal-mira ġenerali tal-enerġija rinnovabbli, l-għażla 0 (l-ebda bidla) ma tipprovdi l-ebda mezz biex jiġi żgurat li l-mira tal-enerġija rinnovabbli għall-UE kollha tintuża biex jintlaħaq sehem ta’ mill-anqas 38-40 % fil-konsum finali tal-enerġija. L-għażla 2 (mira ogħla minn 40 %) potenzjalment twassal għal qbiż tal-mira klimatika u għal nuqqas ta’ koerenza ma’ strumenti leġiżlattivi oħrajn tal-UE. Għalhekk, l-għażla 1 (mira minima fil-medda ta’ 38-40 %) ma għandha l-ebda żvantaġġ u għalhekk hija l-għażla ppreferuta u effettiva. Fir-rigward tan-natura tal-mira, għalkemm l-għażla 1 (miri vinkolanti nazzjonali) timplika l-aktar kisba effettiva ta’ sehem akbar tar-RES, din toħloq kwistjonijiet ta’ sussidjarjetà. Il-proċess attwali ta’ Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija huwa pedament importanti għall-ilħuq tal-mira dwar l-enerġija rinnovabbli. L-ewwel iterazzjoni tal-proċess ta’ rieżami tal-pjanijiet nazzjonali, li tlestiet fl-2020, uriet li kienet effettiva fis-sens li l-kontribuzzjonijiet nazzjonali kienu kollettivament ambizzjużi biżżejjed biex jilħqu l-mira vinkolanti tal-Unjoni għall-2030 dwar l-RES. Skont ir-Regolament dwar il-Governanza, l-Istati Membri jridu jissottomettu l-abbozzi tal-aġġornamenti tagħhom lill-NECPs tagħhom sa Ġunju 2023, u diġà jistgħu juru kif qed jippjanaw li jilħqu l-mira ogħla għall-2030. Minħabba n-natura u l-arkitettura effettivi tas-sistema attwali, l-għażla 0 (iż-żamma tal-mira vinkolanti tal-UE u l-kontribuzzjonijiet volontarji nazzjonali) hija l-għażla ppreferuta.
Fir-rigward tat-tisħin u t-tkessiħ, l-għażla 1 (miżuri mhux regolatorji) mhijiex se twassal lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ tar-RES għal mill-anqas punt perċentwali medju annwali (pp) ta’ 1.1 %. It-traduzzjoni taċ-ċifra tal-UE tat-tisħin u t-tkessiħ tar-RES mis-CTP f’sehem medju annwali miżjud uniformi u vinkolanti madwar l-Istati Membri bl-istess mod bħall-għażla 3b mhijiex meqjusa proporzjonata, għalkemm hija l-aktar effettiva. Il-livell tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli meħtieġ fl-2030 jista’ jiġi stabbilit ukoll bħala mira kif propost fl-għażla 3c iżda dan imur lil hinn mill-mudell attwali u jista’ jfixkel l-isforzi ta’ implimentazzjoni li għaddejjin bħalissa, għalkemm ikollu l-benefiċċju miżjud li jistabbilixxi l-għan aħħari fl-2030 b’mod ċar. L-għażla 3a flimkien mal-parametri referenzjarji tas-settur tal-bini u tal-industrija tal-RES tal-UE ta’ disinn xieraq (l-għażla 3d) tkun effettiva biex tipprovdi t-taħlita t-tajba ta’ motivaturi li jwasslu għall-integrazzjoni ulterjuri ta’ dawn is-setturi fis-sistema tal-enerġija. Din l-għażla 3a tistabbilixxi rata fissa minima ta’ tkabbir tal-RES billi tagħmel il-mira indikattiva taż-żieda annwali attwali ta’ 1,1 p.p. bħala l-isforz minimu meħtieġ u tikkomplementaha maż-“żidiet massimi” speċifiċi għall-Istati Membri li jerġgħu jqassmu l-isforzi addizzjonali għal-livell mixtieq ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-2030 fost l-Istati Membri abbażi tal-PDG u l-kost. Ir-rati ta’ żieda speċifiċi addizzjonali tal-Istati Membri jistgħu jipprovdu mezz ta’ valutazzjoni tal-livell relattiv ta’ ambizzjoni ta’ kull Stat Membru fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ iżda jistgħu jservu wkoll bħala miżura potenzjali għall-mili tal-lakuni biex jitnaqqas id-distakk, jekk setturi oħrajn għajr tat-tisħin u t-tkessiħ jonqsu milli jilħqu l-mira ġenerali tal-RES ta’ 38-40 %. L-għażla ta’ parametru referenzjarju għall-użu tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tal-bini titqies ukoll hawnhekk.
Il-lista estiża ta’ miżuri skont l-għażla 2a tippermetti flessibbiltà fil-livell nazzjonali u tiżgura l-proporzjonalità u tagħti lill-Istati Membri sett ta’ għodod biex jagħżlu minnhom. Id-disinn jirrispetta d-diversitajiet nazzjonali u lokali fil-kundizzjonijiet u fil-punti tat-tluq, u jipprovdi qafas ċar għall-atturi fil-livelli kollha (nazzjonali, reġjonali, lokali) u tat-tipi kollha (mill-utilitajiet u mill-kumpaniji sal-muniċipalitajiet u ċ-ċittadini konsumaturi/prosumaturi).
Fir-rigward tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali, l-għażla 3c (iż-żieda fil-mira ta’ punt perċentwali indikattiv ta’ żieda annwali ta’ 1 % għal-livelli tas-CTP ta’ 2,1 % mingħajr ma tinbidel in-natura tagħha) torjenta l-iżviluppi tat-tisħin distrettwali lejn l-integrazzjoni ta’ aktar enerġija rinnovabbli f’koerenza mal-għanijiet tas-CTP u tan-newtralità karbonika, filwaqt li tiġi rrispettata l-varjetà wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet fl-Istati Membri. L-għażla 3b (mira indikattiva rinnovabbli tal-UE għas-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-tisħin u t-tkessiħ distrettwali) tista’ tagħti benefiċċji simili għall-għażla 3c iżda titbiegħed mid-dispożizzjonijiet attwali u tista’ tkun ta’ tfixkil għall-implimentazzjoni li għaddejja bħalissa. L-għażla 3d (iż-żieda fil-mira ta’ żieda fil-punt perċentwali ta’ 1 % u l-fatt li din issir vinkolanti) tkun l-aktar disinn effettiv fil-mira, iżda hija stretta wisq u tħalli anqas lok għall-Istati Membri. L-għażla 3a (l-ebda bidla) tagħmilha possibbli li t-tisħin distrettwali jkompli b’mod indefinit bil-karburanti fossili u għalhekk mhijiex koerenti mal-objettivi tar-rieżami. L-għażla 2 (lista ta’ miżuri) tista’ tkun awtonoma jew komplementari, peress li tagħti qafas abilitanti aktar ċar biex jiġu ttrasformati t-tisħin u t-tkessiħ distrettwali, issir faċilitatur tal-provvista tal-enerġija rinnovabbli fil-binjiet u biex issir strument ewlieni għad-dekarbonizzazzjoni tas-sħana, filwaqt li ssaħħaħ l-integrazzjoni tas-settur tal-enerġija fis-sistemi tal-enerġija nazzjonali u tal-UE. Il-kombinazzjoni tal-għażla 2 dwar il-miżuri mad-disinn fil-mira fl-għażla 3c hija l-għażla ppreferuta biex jiġi żgurat li t-tisħin u t-tkessiħ distrettwali jikkonformaw mal-EGD u jsiru faċilitatur biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija u tas-CTP. Flimkien mal-għażliet dwar it-tisħin u t-tkessiħ ġenerali u l-binjiet, din l-għażla tistabbilixxi wkoll qafas abilitanti biex jiġu żviluppati u estiżi sistemi intelliġenti ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali moderni bbażati fuq l-enerġija rinnovabbli.
Fir-rigward tal-integrazzjoni tal-elettriku rinnovabbli, l-għażla 1.1 (id-disponibbiltà ta’ informazzjoni kważi f’ħin reali dwar is-sehem rinnovabbli tal-elettriku pprovdut mill-grilja) tipprovdi sinjali effettivi ta’ inċentivar tas-suq li huma relatati direttament mal-penetrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u t-tnaqqis tal-karbonju, mingħajr ebda piż amministrattiv u f’koerenza mal-leġiżlazzjoni eżistenti. L-għażla 1.2 (informazzjoni dwar is-sehem tar-RES u l-profil tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jkollha xi effetti pożittivi fuq l-informazzjoni għall-konsumatur, madankollu kieku ġġib valur miżjud limitat. L-għażliet 2.1-2.3 ikopru aspetti differenti tal-ottimizzazzjoni tal-infrastruttura tal-irriċarġjar intelliġenti, b’livelli differenti ta’ kontribut pożittiv għall-kostijiet u għall-benefiċċji ġenerali tal-implimentazzjoni għall-ekonomija. Sabiex tiġi pprovduta flessibbiltà lill-Istati Membri, l-implimentazzjoni bbażata fuq il-valutazzjoni nazzjonali f’kull każ intgħażlet bħala s-soluzzjoni ppreferuta bbażata fuq il-funzjonalità tal-iċċarġjar intelliġenti, inkluż l-iċċarġjar bidirezzjonali u l-użu ta’ punti ta’ ċċarġjar intelliġenti addizzjonali (2.1B, 2.2B u 2.3). L-għażliet 3.1-3.3 jindirizzaw diversi ostakli fis-suq tal-forniment ta’ servizzi ta’ aggregazzjoni u mobbiltà li jxekklu l-kompetizzjoni. L-għażla 3.1 (l-iżgurar li t-trattament tas-sistemi jew tal-apparati tal-ħżin tal-elettriku mill-operaturi tan-network u tas-suq ma jkunx diskriminatorju jew sproporzjonat irrispettivament mid-daqs tagħhom (fuq skala żgħira vs fuq skala kbira) jew jekk humiex stazzjonarji jew mobbli, sabiex ikunu jistgħu joffru b’mod kompetittiv servizzi ta’ flessibbiltà u ta’ bbilanċjar) hija għażla ta’ mingħajr dispjaċir. L-għażla 3.2 (l-aggregaturi indipendenti u l-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà biex ikollhom aċċess għal informazzjoni bażika dwar il-batteriji, bħall-istat tas-saħħa u l-istat taċ-ċarġ) hija meħtieġa fl-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ekwi u l-implimentazzjoni bikrija tagħha ġġib effetti pożittivi fit-tul fid-disponibbiltà, fil-kwalità u fil-kost tas-servizzi pprovduti lis-sidien domestiċi tal-batteriji u lill-utenti tal-vetturi elettriċi (EV). L-għażla 3.3 (l-iżgurar ta’ aċċess miftuħ għall-infrastruttura tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku kollha) hija mistennija li ssir dejjem aktar ta’ benefiċċju bil-proliferazzjoni tal-EVs.
Mill-għażliet ikkunsidrati fir-rigward taż-żieda fl-enerġija rinnovabbli fis- settur tat-trasport, kombinazzjoni tal-għażla 1B (minbarra ż-żieda fil-mira u fis-sottomira għall-bijokarburanti avvanzati, qed tiġi introdotta sottomira ddedikata għall-karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika) mal-għażliet 2A (fornituri tal-karburanti b’obbligu bbażat fuq l-enerġija), 2C (l-għażla bejn l-approċċi deskritti skont 2A u 2B (fornituri tal-karburanti b’obbligu bbażat fuq l-emissjonijiet) titħalla f’idejn l-Istati Membri jew f’idejn it-2D (il-fornituri tal-karburanti b’obbligu bbażat fuq l-emissjonijiet iżda l-operaturi huma mitluba jiksbu ishma minimi għall-bijokarburanti avvanzati u għall-karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika) ikollha l-aħjar prestazzjoni ġenerali. Filwaqt li l-għażliet kollha minbarra l-għażla 1 jilħqu l-livell meħtieġ ta’ ambizzjoni, hemm differenzi sostanzjali. L-għażliet ibbażati fuq l-enerġija jista’ jkollhom il-vantaġġ li jippromwovu l-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ karburanti tal-karbonju rinnovabbli u riċiklati innovattivi peress li jipprovdu l-aktar qafas ta’ politika prevedibbli u stabbli għall-investimenti f’teknoloġiji bħal dawn. L-għażliet ibbażati fuq l-intensità tal-GHGs jistgħu jistimulaw titjib fil-katina tal-provvista u l-effiċjenza fit-teknoloġija fil-karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, fejn il-kostijiet tal-produzzjoni jkunu ogħla u jkollhom il-vantaġġ li jiżguraw konsistenza mal-approċċ magħżul skont id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti. Madankollu, dan ikun jirrikjedi l-applikazzjoni ta’ bidliet fil-metodoloġija applikata biex tiġi ddeterminata l-intensità tal-emissjonijiet ta’ GHGs.
Il-promozzjoni tal-użu ta’ karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika hija kompletament konformi mal-Istrateġija ta’ Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija u mal-Istrateġija għall-Idroġenu kif ukoll mas-CTP speċjalment jekk titqies il-perspettiva ta’ wara l-2030. Dan huwa partikolarment validu għall-għażla 1 (estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontabilità tal-RFNBOs lil hinn mit-trasport u mit-titjib tal-konsistenza tal-kontabilità tal-RFNBOs) u l-għażla 3 (il-ħolqien ta’ sottomiri speċifiċi għall-RFNBOs f’setturi li diffiċli jiġu dekarbonizzati). Sottomiri speċifiċi iżda realistiċi għall-RFNBOs għas-setturi tat-trasport u tal-industrija fl-2030 ikunu l-ewwel pass għall-iżvilupp fuq skala akbar tagħhom wara l-2030.
Fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, ġew ivvalutati l-għażla 1a (aġġustament tal-kamp ta’ applikazzjoni u tal-kontenut tas-sistema ta’ ċertifikazzjoni attwali biex jiġu inklużi l-karburanti kollha koperti mir-REDII inklużi l-karburanti tal-karbonju riċiklat) u l-għażla 2A (żvilupp ulterjuri tas-sistema eżistenti ta’ garanziji tal-oriġini bħala sistema ta’ ċertifikazzjoni alternattiva). L-għażla 1a tqieset li għandha potenzjal tajjeb biex issaħħaħ is-sistema eżistenti, biċ-ċertifikazzjoni ta’ karburanti b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju li trid tiġi indirizzata fi proposta leġiżlattiva separata bħall-Pakkett dwar is-Suq tal-Idroġenu u l-Gass Dekarbonizzat. L-għażliet ta’ żvilupp tal-IT se jkunu soġġetti għal approvazzjoni minn qabel mill-Bord tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u taċ-Ċibersigurtà tal-Kummissjoni Ewropea.
Fir-rigward tal-għażliet biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-bijoenerġija, l-għażla 1 (miżuri mhux regolatorji) tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-kriterji ta’ sostenibbiltà tar-REDII, iżda ma tinkludix salvagwardji addizzjonali biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati. L-għażla 2 (tisħiħ immirat tal-kriterji attwali tal-UE għas-sostenibbiltà tal-bijoenerġija) tipprovdi l-aktar salvagwardja diretta kontra r-riskji tal-produzzjoni tal-bijomassa tal-foresti f’żoni ta’ bijodiversità għolja. Dan jintroduċi wkoll salvagwardji addizzjonali li jippromwovu l-iffrankar ottimali tal-emissjonijiet ta’ GHGs tul iċ-ċiklu tal-ħajja u li jevitaw użu ineffiċjenti ġdid tal-bijomassa fis-settur tal-enerġija. L-għażla 3 (ir-regolamentazzjoni ta’ installazzjonijiet żgħar) tkompli żżid mal-effettività tal-għażla 2 billi tirregola ammont akbar ta’ użu tal-bijomassa għall-enerġija fl-UE. Dan jgħin ukoll biex jittejjeb il-monitoraġġ pubbliku tal-produzzjoni u l-użu tal-bijomassa. Jekk nibnu fuq l-għażliet ippreferuti 2, 3 u 4.2 (li jirrikjedi li l-Istati Membri jfasslu l-iskemi ta’ appoġġ tagħhom għall-karburanti tal-bijomassa b’mod li jimminimizza d-distorsjonijiet tas-suq fis-suq tal-materja prima, bil-għan li jiġi minimizzat l-użu ta’ injam tond ta’ kwalità għolja), dan jikkontribwixxi biex jiġi minimizzat l-użu ta’ siġar sħaħ għall-produzzjoni tal-enerġija kif stabbilit fl-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità.
Minbarra l-objettivi ewlenin tar-reviżjoni tar-REDII biex tiġi indirizzata l-ambizzjoni insuffiċjenti f’perspettiva tal-2030 u l-2050, biex tiġi indirizzata l-integrazzjoni insuffiċjenti tas-sistema, u biex jiġu aġġornati d-dispożizzjonijiet dwar is-sostenibbiltà tal-bijoenerġija, għadd limitat ta’ miżuri ta’ “akkumpanjament” jew ta’ abilitazzjoni addizzjonali jistgħu jikkontribwixxu għall-użu kosteffiċjenti tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.
Fir-rigward tal-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija (PPAs), l-għażla 1 (linji gwida) se tipprovdi gwida addizzjonali lill-Istati Membri mingħajr ma żżid il-piż amministrattiv, għalkemm l-effettività se tiddependi fuq l-adozzjoni ta’ dawn il-linji gwida. L-għażla 2 (appoġġ finanzjarju għall-użu tal-PPAs għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju) se jkollha benefiċċju pożittiv għall-użu tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-ekonomija Ewropea. L-għażla 3 (it-tisħiħ tal-miżuri regolatorji dwar il-PPAs) tpoġġi piż addizzjonali fuq l-Istati Membri biex ineħħu kwalunkwe ostaklu bla bżonn, iżda tista’ tipprovdi ċertezza addizzjonali għall-produtturi u għall-konsumaturi tal-elettriku rinnovabbli. L-għażliet 1 u 2 huma kkunsidrati bħala l-kombinazzjoni ppreferuta.
Fir-rigward tal-kooperazzjoni transfruntiera, l-għażla 1 (gwida aġġornata tal-Kummissjoni), minnha nnifisha, ma tkunx effettiva ħafna filwaqt li l-għażla 2 (obbligu għall-Istati Membri li jittestjaw il-kooperazzjoni transfruntiera fit-tliet snin li ġejjin) għandha effettività moderata. Għalkemm l-għażla 3 (ftuħ parzjali obbligatorju ta’ skemi ta’ appoġġ) u l-għażla 4 (użu msaħħaħ tal-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-Unjoni għall-enerġija rinnovabbli) ikunu effettivi ħafna, l-għażla 2 hija mistennija li tkun aktar politikament aċċettabbli u għalhekk l-għażla ppreferuta.
Fir-rigward tal-promozzjoni tal-enerġija lil hinn mill-kosta, minħabba n-natura vinkolanti tal-għażla 1 (ippjanar konġunt), ikun effettiv ħafna li jiġu żgurati l-iffissar u l-implimentazzjoni tal-miri għal kull baċir tal-baħar. L-għażla 2 (l-introduzzjoni ta’ punti uniċi ta’ kuntatt għall-permessi għal kull baċir tal-baħar) tista’ tkun mistennija li jkollha effettività tajba biex tiffaċilita l-għoti ta’ permess għal proġetti transfruntieri ta’ enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta. Kombinazzjoni taż-żewġ għażliet hija ppreferuta.
Fir-rigward tal-industrija, l-għażla 0 (l-ebda bidla) mhijiex mistennija żżid is-sehem tal-konsum tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tal-industrija, toħloq tħassib serju dwar l-objettiv li jitnaqqas it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2030, u tikiseb in-newtralità klimatika fl-2050. L-għażla 1 (l-introduzzjoni tal-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-awditi meħtieġa fl-EED) tipprovdi mezz effettiv għall-introduzzjoni ta’ atturi industrijali għal soluzzjonijiet kosteffettivi eżistenti biex jaqilbu għall-enerġija rinnovabbli, mingħajr ebda piż amministrattiv u f’koerenza mal-leġiżlazzjoni eżistenti. L-għażla 2 (tikkettar għall-prodotti industrijali f’ċerti setturi ddikjarati li jsiru mill-enerġija rinnovabbli) tipprovdi mezz effettiv biex jinħoloq suq uniformi u koerenti għal dawk il-kumpaniji li qed iqiegħdu fis-suq prodotti u servizzi prodotti mill-enerġija rinnovabbli. Kwalunkwe tikkettar obbligatorju jeħtieġ li jkun imfassal bir-reqqa biex tiġi żgurata l-kompatibbiltà mar-regoli tad-WTO. L-għażliet 1 u 2 ikunu komplementari u l-aktar għażliet effettivi, flimkien ma’ mira indikattiva għall-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-industrija.
B’mod ġenerali, l-għażliet ta’ politika għandhom benefiċċji ekonomiċi, ambjentali u soċjetali pożittivi. Sistema tal-enerġija tal-UE aktar sikura, inqas dipendenti fuq l-importazzjonijiet, tinkiseb biż-żieda fl-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari minn barra l-kosta. Ir-reviżjoni tar-REDII x’aktarx li jkollha impatti pożittivi fuq it-tkabbir ekonomiku u l-investimenti, billi toħloq impjiegi ta’ kwalità, u tnaqqas l-importazzjonijiet tal-karburanti fossili u l-kostijiet tal-enerġija għall-konsumaturi u għan-negozji. Ħafna mill-għażliet ta’ politika huma mbassra li se joħolqu l-impjiegi, f’konformità mal-irkupru diġitali ekoloġiku previst. Huma mistennija effetti pożittivi fuq l-impjiegi, speċjalment f’setturi marbuta mal-enerġija rinnovabbli, b’żieda fl-impjiegi u fil-ħiliet fis-setturi tal-kostruzzjoni u tal-provvista tal-enerġija u bidla fl-impjiegi bejn is-setturi. Għal kull euro ta’ nefqa, l-enerġija rinnovabbli toħloq kważi 70 fil-mija aktar impjiegi mill-infiq fuq il-karburanti fossili u l-PV solari joħolqu aktar mid-doppju tal-għadd ta’ impjiegi għal kull unità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku meta mqabbla mal-faħam jew mal-gass naturali. Użu akbar tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli sostenibbli, inkluż l-idroġenu rinnovabbli, jirriżulta fi tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ GHGs. Is-sostituzzjoni tal-karburanti fossili tnaqqas ukoll is-sustanzi li jniġġsu l-arja u jkollha impatt ta’ benefiċċju fuq is-saħħa. L-elettrifikazzjoni tat-trasport bit-triq ibbażata fuq is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jkollha impatti pożittivi b’mod partikolari fuq it-tniġġis tal-arja urbana, filwaqt li l-elettrifikazzjoni tat-tisħin fil-binjiet, pereżempju, tikkontribwixxi sostanzjalment għat-tnaqqis tal-GHGs u ta’ emissjonijiet oħrajn ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja mill-istokk tal-bini Ewropew, li llum jiddependi ħafna fuq il-karburanti fossili. Il-kwalità tal-arja fl-ibliet se tittejjeb fost l-oħrajn permezz tat-tisħin rinnovabbli, speċjalment it-tisħin distrettwali fl-ibliet. L-impatti pożittivi fuq il-bijodiversità se jsegwu minn kriterji ta’ sostenibbiltà aktar b’saħħithom għall-bijoenerġija. Dan jista’ jnaqqas l-importazzjoni minn barra l-UE ta’ karburanti tal-bijomassa, peress li pajjiżi terzi jagħżlu li ma jikkonformawx magħhom u jirridirezzjonaw l-esportazzjoni tagħhom lil hinn mill-UE.
Ir-reviżjoni tar-REDII se tinvolvi l-aktar implikazzjonijiet prattiċi għall-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri minħabba l-ħtieġa li jikkonformaw ma’ miri (vinkolanti) ogħla li jrid isir xogħol biex jintlaħqu u jiġu mmonitorjati kif xieraq. Azzjonijiet oħra meħtieġa mill-amministrazzjoni pubblika jinkludu l-promozzjoni u l-faċilitazzjoni tal-użu tal-enerġija rinnovabbli f’diversi trasportaturi.
•
Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Bejn l-2014 u l-2016 twettqet evalwazzjoni tal-programm dwar l-idoneità regolatorja (REFIT) tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli. Minħabba l-adozzjoni relattivament riċenti tar-REDII, ir-reviżjoni proposta hija limitata għal dak li jitqies meħtieġ biex tikkontribwixxi b’mod kosteffettiv għall-ambizzjoni klimatika tal-Unjoni għall-2030, u mhijiex reviżjoni sħiħa tad-Direttiva. Il-valutazzjoni tal-impatt identifikat possibbiltajiet għas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni u għat-tnaqqis tal-kostijiet regolatorji.
Ma hija prevista l-ebda bidla fir-reġim ta’ monitoraġġ tal-konformità.
Iż-żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli fit-tisħin u fit-tkessiħ u fil-binjiet se tirrikjedi xogħlijiet/rinnovazzjoni tal-binjiet, li jwasslu għal żieda fl-impjiegi fis-settur. Sa 95 % tad-ditti tal-kostruzzjoni, tal-arkitettura u tal-inġinerija ċivili huma intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), u għalhekk x’aktarx hemm effett ekonomiku pożittiv fuq l-SMEs. Il-gwida u l-appoġġ finanzjarju dwar il-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija se jgħinu lill-SMEs li ma għandhomx ir-riżorsi biex jittrattaw kuntratti kumplessi. Kriterji aktar stretti tal-bijomassa tal-foresti jistgħu joħolqu kostijiet u piżijiet amministrattivi akbar għall-operaturi ekonomiċi żgħar u ta’ daqs medju.
Sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku, l-istess regoli għandhom japplikaw għall-operaturi ekonomiċi kollha. Bħala tali, il-proposta ma teżentax lill-SMEs jew lill-mikrointrapriżi ħlief għall-forniment ta’ mekkaniżmi ta’ verifika ssimplifikati għal installazzjonijiet żgħar li jipproduċu l-enerġija. Madankollu, l-impatti ekonomiċi previsti x’aktarx li jkunu ta’ benefiċċju wkoll għall-SMEs peress li l-biċċa l-kbira tal-katina tal-valur tal-użu tat-teknoloġija tal-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari l-PV solari, hija mħaddma mill-SMEs.
Drittijiet fundamentali
F’termini ta’ konsistenza mal-Karta għad-drittijiet fundamentali, l-għan globali ta’ dan ir-rieżami huwa li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli u li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ GHGs, u dan huwa kompletament konformi mal-Artikolu 37 tal-Karta li skontu, livell għoli ta’ ħarsien tal-ambjent u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent iridu jiġu integrati fil-politiki tal-Unjoni u jiġu żgurati f’konformità mal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli.
4.
IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Din il-proposta temenda Direttiva eżistenti dwar l-użu tal-enerġija rinnovabbli, u għaldaqstant huwa stmat li l-impatt u l-kostijiet amministrattivi jkunu moderati, billi l-biċċa l-kbira mill-istrutturi u r-regoli meħtieġa diġà jinsabu fis-seħħ. Il-proposta ma timplika l-ebda kost addizzjonali għall-baġit tal-UE.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Wara l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva emendatorja mill-koleġiżlaturi, matul il-perjodu ta’ traspożizzjoni, il-Kummissjoni se twettaq l-azzjonijiet li ġejjin biex tiffaċilita t-traspożizzjoni tagħha:
–L-abbozzar ta’ tabella ta’ korrelazzjoni li sservi bħala lista ta’ kontroll tat-traspożizzjoni kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-Kummissjoni.
–L-organizzazzjoni ta’ laqgħat mal-esperti tal-Istati Membri inkarigati mit-traspożizzjoni tal-partijiet differenti tad-Direttiva biex jiddiskutu kif jittrasponuhom u jsolvu d-dubji, jew fil-kuntest tal-Azzjoni Konċertata għas-Sorsi tal-Enerġija Rinnovabbli (CA-RES) jew f’format ta’ kumitat.
–Id-disponibbiltà għal-laqgħat bilaterali u għal sejħiet mal-Istati Membri f’każ ta’ mistoqsija speċifika dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva.
Wara l-iskadenza tat-traspożizzjoni, il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni komprensiva ta’ jekk l-Istati Membri ttrasponewx id-Direttiva kompletament u b’mod korrett.
Ir-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika stabbilixxa qafas integrat għall-ippjanar, il-monitoraġġ u r-rapportar dwar l-enerġija u l-klima, biex jiġi mmonitorjat il-progress lejn il-miri klimatiċi u tal-enerġija f’konformità mar-rekwiżiti ta’ trasparenza tal-Ftehim ta’ Pariġi. L-Istati Membri kellhom jissottomettu lill-Kummissjoni l-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima sa tmiem l-2019, li jkopru l-ħames dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija għall-perjodu ta’ bejn l-2021 u l-2030. Mill-2023, l-Istati Membri jridu jirrapportaw kull sentejn dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet u barra minn hekk, sat-30 ta’ Ġunju 2023 iridu jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-abbozzi tal-aġġornamenti tagħhom tal-pjanijiet, bl-aġġornamenti finali dovuti fit-30 ta’ Ġunju 2024. Dan l-aġġornament, dovut fl-2024, ikopri l-obbligi ta’ ppjanar relatati ma’ kwalunkwe mira ġdida miftiehma fir-reviżjoni tar-REDII. Kwalunkwe rekwiżit addizzjonali ta’ ppjanar u rapportar stabbilit f’din il-proposta mhux se joħloq sistema ġdida ta’ ppjanar u rapportar, iżda jkun soġġett għall-qafas eżistenti ta’ ppjanar u rapportar skont ir-Regolament (UE) 2018/1999. Ir-reviżjoni futura tar-Regolament dwar il-Governanza tippermetti konsolidazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti ta’ rapportar.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni vs il-Belġju (Kawża C-543/17), l-Istati Membri jridu jakkumpanjaw in-notifiki tagħhom ta’ miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni b’informazzjoni ċara u preċiża biżżejjed, filwaqt li jindikaw liema dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali jittrasponu liema dispożizzjonijiet ta’ direttiva. Dan irid jiġi pprovdut għal kull obbligu, mhux biss fil-“livell tal-artikolu”. Jekk l-Istati Membri jikkonformaw ma’ dan l-obbligu, fil-prinċipju ma jkollhomx bżonn jibagħtu dokumenti ta’ spjegazzjoni dwar it-traspożizzjoni lill-Kummissjoni.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Id-dispożizzjonijiet ewlenin li jibdlu b’mod sostanzjali d-Direttiva (KE) 2018/2001 jew iżidu elementi ġodda huma dawn li ġejjin:
L-Artikolu 1(1) jemenda l-Artikolu 2 tar-REDII billi jimmodifika d-definizzjoni ta’ karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-valur prestabbilit, u jżid definizzjonijiet ġodda ta’ injam tond ta’ kwalità, karburanti rinnovabbli, żona tal-offerti, sistema ta’ kejl intelliġenti, punt tal-irriċarġjar, parteċipant fis-suq, suq tal-elettriku, batterija domestika, batterija ta’ vettura elettrika, batterija industrijali, stat tas-saħħa, stat taċ-ċarġ, set point tal-potenza, iċċarġjar intelliġenti, awtorità regolatorja, iċċarġjar bidirezzjonali, punt normali tal-irriċarġjar tal-enerġija, industrija, finijiet mhux tal-enerġija, foresta ta’ tħawwil u foresta mħawla.
L-Artikolu 1(2) jemenda l-Artikolu 3(1) tar-REDII bil-mira aġġornata tal-UE għall-2030 ta’ sehem ta’ mill-anqas 40 % ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija tal-Unjoni fl-2030. Huwa jimmodifika wkoll l-Artikolu 3(3) biex issaħħaħ l-obbligu li jiġu mminimizzati r-riskji ta’ distorsjonijiet mhux meħtieġa tas-suq li jirriżultaw minn skemi ta’ appoġġ u biex jiġi evitat l-appoġġ ta’ ċerta materja prima għall-produzzjoni tal-enerġija f’konformità mal-prinċipju kaskata. Dan jintroduċi wkoll l-obbligu li, b’xi eċċezzjonijiet, jitneħħa gradwalment l-appoġġ għall-produzzjoni tal-elettriku mill-bijomassa mill-2026. Barra minn hekk, l-Artikolu 1(2) iżid paragrafu ġdid dwar l-elettrifikazzjoni, biex jgħin lill-Istati Membri jilħqu l-kontribuzzjonijiet nazzjonali tagħhom.
L-Artikolu 1(3) jemenda l-Artikolu 7 tar-REDII bil-metodu ta’ kalkolu aġġornat tas-sehem tal-enerġija minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli sabiex (i) l-enerġija minn karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika trid tiġi kkunsidrata fis-settur li fih tiġi kkunsmata (elettriku, tisħin u tkessiħ jew trasport), u (ii) l-elettriku rinnovabbli użat għall-produzzjoni ta’ karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika ma jiġix inkluż fil-kalkolu tal-konsum finali gross tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fl-Istat Membru.
L-Artikolu 1(4) jemenda l-Artikolu 9(1) tar-REDII b’paragrafu addizzjonali dwar l-obbligu tal-Istati Membri li jkollhom proġett pilota transfruntier fi żmien 3 snin u jemenda l-Artikolu 9(7) tar-REDII b’paragrafu addizzjonali dwar l-ippjanar konġunt tal-enerġija lil hinn mill-kosta għal kull baċir tal-baħar, li skontu l-Istati Membri jridu jiddefinixxu u jaqblu b’mod konġunt li jikkooperaw dwar l-ammont ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta li għandha tiġi implimentata f’kull baċir tal-baħar sal-2050, b’passi intermedji fl-2030 u fl-2040.
L-Artikolu 1(5) jemenda l-Artikolu 15 tar-REDII billi jħassar il-paragrafi 4 sa 7 rigward il-binjiet, li ġew ittrasferiti f’Artikolu ġdid (15a), jaġġorna r-referenzi għall-istandards, isaħħaħ id-dispożizzjoni dwar il-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli, u jżid klawżola għar-rieżami tal-proċeduri amministrattivi sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva emendatorja.
L-Artikolu 1(6) idaħħal Artikolu 15a ġdid dwar l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u jippermetti miżuri biex it-tisħin u t-tkessiħ jiġu integrati fil-binjiet. Dan l-Artikolu l-ġdid jinkludi mira indikattiva ġdida tal-Unjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-bini sal-2030 ta’ 49 % u referenza għad-definizzjoni l-ġdida ta’ “tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti” li se tiżdied mad-Direttiva riformulata dwar l-Effiċjenza Enerġetika, li huwa wieħed mill-modi kif jista’ jiġi ssodisfat il-livell minimu ta’ RES f’binjiet ġodda u f’binjiet li jkunu għaddejjin minn rinnovazzjoni maġġuri. Huwa jaġġusta t-test tal-paragrafi dwar il-binjiet tal-Artikolu 15 tar-REDII biex jorbothom mal-ilħuq tal-miri indikattivi tar-RES u biex jippromwovi l-bidla minn sistemi tat-tisħin tal-karburanti fossili għal RES, kif ukoll biex ikun koerenti mad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija.
L-Artikolu 1(7) jemenda l-Artikolu 18(3) tar-REDII b’paragrafi aġġustati dwar ir-rekwiżiti ta’ kwalifika u ċertifikazzjoni tal-installaturi biex jiġi indirizzat il-fatt li hemm nuqqas ta’ installaturi ta’ sistemi ta’ tisħin rinnovabbli, li huwa “brejk” fuq it-tneħħija gradwali tas-sistemi tal-karburanti fossili. Huwa jħassar ukoll il-lista ta’ tipi speċifiċi ta’ teknoloġiji tat-tisħin rinnovabbli u jissostitwiha b’referenza ġenerika għas-sistemi tat-tisħin tar-RES. Huwa jemenda l-Artikolu 18(4) tar-REDII billi jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri biex jappoġġaw il-parteċipazzjoni fi programmi ta’ taħriġ. Il-possibbiltà preċedenti għall-Istati Membri li jagħmlu l-lista ta’ installaturi kwalifikati pubblika ssir rekwiżit.
L-Artikolu 1(8) jemenda l-Artikolu 19(2) u (8) tar-REDII biex titneħħa l-kapaċità tal-Istati Membri li ma jagħtux garanziji tal-oriġini lil produttur li jirċievi appoġġ finanzjarju u jorbot mal-bidliet relatati mal-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija fl-Artikolu 15.
L-Artikolu 1(9) jemenda l-Artikolu 20(3) tar-REDII b’paragrafu ġdid u addizzjonali biex tittejjeb l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija bejn is-sistemi tad-DHC u networks oħrajn tal-enerġija, billi jirrikjedi lill-Istati Membri, fejn rilevanti, jiżviluppaw DHC effiċjenti biex jippromwovu t-tisħin u t-tkessiħ mir-RES.
L-Artikolu 1(10) idaħħal Artikolu 20a ġdid fir-REDII li jiffaċilita l-integrazzjoni tas-sistema tal-elettriku rinnovabbli permezz tal-miżuri li ġejjin:
·It-TSO u d-DSOs huma meħtieġa jagħmlu disponibbli informazzjoni dwar is-sehem tar-RES u l-kontenut tal-GHGs tal-elettriku li jfornu, sabiex tiżdied it-trasparenza u tingħata aktar informazzjoni lill-atturi tas-suq tal-elettriku, lill-aggregaturi, lill-konsumaturi u lill-utenti finali;
·Il-manifatturi tal-batteriji jridu jippermettu aċċess għal informazzjoni dwar il-kapaċità tal-batteriji, l-istat tas-saħħa, l-istat taċ-ċarġ u s-set point tal-potenza, lis-sidien tal-batteriji kif ukoll lill-partijiet terzi li jaġixxu f’isimhom;
·L-Istati Membri għandhom jiżguraw kapaċità ta’ ċċarġjar intelliġenti għal punti normali ta’ rriċarġjar tal-enerġija mhux aċċessibbli għall-pubbliku, minħabba r-rilevanza tagħhom għall-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija;
·L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet regolatorji dwar l-użu tal-assi tal-ħżin u tal-ibbilanċjar ma jiddiskriminawx kontra l-parteċipazzjoni ta’ sistemi ta’ ħżin żgħar u/jew mobbli fis-suq tal-flessibbiltà, tal-ibbilanċjar u tas-servizzi tal-ħżin.
L-Artikolu 1(11) idaħħal Artikolu 22 ġdid fir-REDII dwar l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fl-industrija b’mira indikattiva ta’ żieda medja annwali tal-enerġija rinnovabbli ta’ 1.1 punti perċentwali u mira vinkolanti ta’ 50 fil-mija għall-karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika użati bħala materja prima jew bħala trasportatur tal-enerġija. Dan jintroduċi wkoll rekwiżit li t-tikkettar ta’ prodotti industrijali ekoloġiċi jindika l-perċentwal ta’ enerġija rinnovabbli użata skont metodoloġija komuni madwar l-UE kollha.
L-Artikolu 1(12) jemenda l-Artikolu 23(1) tar-REDII sabiex iż-żieda annwali ta’ 1,1 ppt fit-tisħin u t-tkessiħ issir linja bażi vinkolanti u jżid paragrafu addizzjonali li jobbliga lill-Istati Membri jwettqu valutazzjoni tal-potenzjal tagħhom ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli u tal-użu tas-sħana u l-kesħa mormija fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ. Huwa jemenda wkoll l-Artikolu 23(4) tar-REDII b’menu estiż ta’ miżuri biex jgħinhom jimplimentaw il-mira tat-tisħin u t-tkessiħ. Dan isaħħaħ ukoll dan il-paragrafu sabiex l-Istati Membri jkollhom jiżguraw, aktar milli jimmiraw li jiżguraw, l-aċċessibbiltà ta’ miżuri għall-konsumaturi kollha, b’mod partikolari dawk f’unitajiet domestiċi bi dħul baxx jew vulnerabbli, li kieku ma jkollhomx biżżejjed kapital bil-quddiem biex jibbenefikaw.
L-Artikolu 1(13) jemenda l-Artikolu 24(1) tar-REDII b’paragrafu aġġornat dwar l-informazzjoni tas-sehem tal-enerġija rinnovabbli fis-sistemi ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali. L-Artikolu 1(13) jemenda l-Artikolu 24(4) tar-REDII b’paragrafu aġġornat dwar sehem fil-mira miżjud, minn 1 ppt sa 2,1 ppt ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli u minn sħana u kesħa mormija fit-tisħin u t-tkessiħ distrettwali u jiżdied paragrafu ġdid li jespandi l-aċċess ta’ partijiet terzi biex japplika għal sistemi ta’ tisħin jew tkessiħ distrettwali ta’ aktar minn 25 MWth fejn dan jagħmel sens. L-Artikolu 1(13) jemenda l-Artikolu 24(5) tar-REDII b’paragrafu aġġornat li jżid referenza għad-definizzjoni l-ġdida ta’ tisħin distrettwali effiċjenti (li għandha tiżdied mad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika riformulata) u li jirrikjedi lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmu biex jindirizzaw ir-rifjuti mhux ġustifikati ta’ aċċess ta’ partijiet terzi. L-Artikolu 24(6) tar-REDII huwa emendat b’paragrafu ġdid dwar qafas li jiffaċilita l-koordinazzjoni fost l-atturi li għandhom rwol fl-użu tas-sħana u l-kesħa mormija. L-Artikolu 1(13) jemenda l-Artikolu 24(8) tar-REDII b’paragrafi aġġornati li jirrikjedu li d-DSOs jagħmlu valutazzjoni kull erba’ snin tal-potenzjal għas-sistemi tat-tisħin jew tat-tkessiħ distrettwali biex jipprovdu servizzi ta’ bbilanċjar u ta’ sistemi oħrajn. L-Artikolu 24(9) tar-REDII huwa emendat b’paragrafu aġġornat dwar l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li d-drittijiet tal-konsumaturi u r-regoli għall-operat ta’ sistemi ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali f’konformità mar-regoli riveduti, ikunu definiti b’mod ċar, disponibbli għall-pubbliku u infurzati mill-awtorità kompetenti. L-Artikolu 24(10) tar-REDII huwa emendat b’paragrafu aġġornat li jikkoreġi r-referenzi inkroċjati u jżid id-definizzjoni l-ġdida ta’ tisħin distrettwali effiċjenti (li għandha tiżdied mad-Direttiva riformulata dwar l-Effiċjenza Enerġetika)
L-Artikolu 1(14) jemenda l-Artikolu 25(1) tar-REDII billi jżid il-livell ta’ ambizzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-trasport billi jistabbilixxi objettiv ta’ tnaqqis tal-intensità tal-emissjonijiet ta’ 13 %, iżid is-sottomira għal bijokarburanti avvanzati minn tal-anqas 0,2 % fl-2022 għal 0,5 % fl-2025 u 2,2 % fl-2030, u jintroduċi s-sottomira ta’ 2,6 % għall-RFNBOs. L-Artikolu 1(14) jintroduċi wkoll mekkaniżmu ta’ kreditu għall-promozzjoni tal-elettromobbiltà, li skontu l-operaturi ekonomiċi li jfornu l-elettriku rinnovabbli għall-vetturi elettriċi permezz ta’ stazzjonijiet pubbliċi tal-iċċarġjar jirċievu krediti li jistgħu jbigħu lill-fornituri tal-karburanti li jistgħu jużawhom biex jissodisfaw l-obbligu tal-fornitur tal-karburant.
L-Artikolu 1(15) jemenda l-Artikolu 26 tar-REDII biex jirrifletti l-mira tal-intensità tal-gassijiet serra stabbilita fit-trasport.
L-Artikolu 1(16) jemenda l-Artikolu 27(1) tar-REDII billi jistabbilixxi regoli biex jiġu kkalkolati kemm it-tnaqqis tal-intensità tal-gassijiet serra tal-karburanti miksuba bl-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-trasport kif ukoll il-miri għall-bijokarburanti avvanzati u għall-bijogass u għall-karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika. L-Artikolu 1(16) iħassar l-Artikolu 27(2) tar-REDII biex jitneħħew il-multiplikaturi assoċjati ma’ ċerti karburanti rinnovabbli u mal-elettriku rinnovabbli użat fit-trasport. L-Artikolu 1(16) jemenda l-Artikolu 27(3) tar-REDII biex iħassar il-qafas ta’ addizzjonalità għall-elettriku fit-trasport u biex jagħmel id-dispożizzjonijiet dwar il-kalkolu tal-karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika prodotti mill-elettriku applikabbli irrispettivament mis-settur li fih jiġu kkunsmati tali karburanti.
L-Artikolu 1(17) jemenda l-Artikolu 28 billi jħassar il-paragrafi dwar il-bażi tad-data tal-Unjoni, li issa hija regolata fl-Artikolu 31(a), u billi jħassar is-setgħa fil-paragrafu 5 li jiġi adottat att delegat li jispeċifika l-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u minn karburanti tal-karbonju riċiklati, li issa hija regolata fl-Artikolu 1(20).
L-Artikolu 1(18) jemenda l-Artikolu 29(1), (3), (4), (5) u (6) tar-REDII b’paragrafi aġġornati b’tisħiħ immirat tal-kriterji ta’ sostenibbiltà attwali billi jiġu applikati l-kriterji eżistenti tal-art (eż. żoni no-go) għall-bijomassa agrikola kif ukoll għall-bijomassa tal-foresti (inklużi foresti primarji, diversi ħafna u torbieri). Dawk il-kriterji msaħħa huma applikati għal installazzjonijiet tas-sħana u tal-enerġija bbażati fuq il-bijomassa fuq skala żgħira taħt kapaċità termali nominali totali ta’ 5 MW. L-Artikolu 1(18) jemenda l-Artikolu 29(10) tar-REDII b’paragrafu aġġornat li japplika l-limiti eżistenti tal-iffrankar ta’ gassijiet serra għall-produzzjoni tal-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ mill-karburanti tal-bijomassa għal installazzjonijiet eżistenti (mhux biss installazzjonijiet ġodda). L-Artikolu 1(18) iżid aktar elementi mal-Artikolu 29(6) biex jimminimizza l-impatt negattiv tal-ħsad fuq il-kwalità tal-ħamrija u l-bijodiversità.
L-Artikolu 1(19) idaħħal Artikolu 29a ġdid dwar il-kriterji għall-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika (RFNBOs) u għall-karburanti tal-karbonju riċiklat, sabiex l-enerġija mill-RFNBOs tkun tista’ tingħadd biss għall-miri stabbiliti f’din id-Direttiva jekk l-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ GHGs tagħha jkun mill-anqas 70 % u l-enerġija mill-karburanti tal-karbonju riċiklat tkun tista’ tingħadd biss għall-mira tat-trasport jekk l-iffrankar tal-emissjonijiet ta’GHGs tagħha jkun mill-anqas 70 %.
L-Artikolu 1(20) jimmodifika l-Artikolu 30 tar-REDII biex jaġġustah għall-bidliet introdotti fl-Artikoli 29a u 31a. Huwa jintroduċi wkoll mekkaniżmu ta’ verifika ssimplifikat għall-installazzjonijiet ta’ bejn 5 u 10 MW.
L-Artikolu 1(21) iħassar il-paragrafi 2, 3 u 4 tal-Artikolu 31 tar-REDII, li rregola l-possibbiltà li jintużaw valuri ta’ kultivazzjoni reġjonali, sabiex jiġu promossi aħjar l-isforzi individwali tal-produtturi biex titnaqqas l-intensità tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-materja prima
L-Artikolu 1(22) idaħħal Artikolu 31a ġdid, li jirregola l-bażi tad-data tal-Unjoni, u jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu sabiex ikun jista’ jkopri l-karburanti mhux biss fis-settur tat-trasport. Dan se jippermetti t-traċċar ta’ karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi u karburanti tal-karbonju riċiklati kif ukoll l-emissjonijiet tagħhom ta’ gassijiet serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja. Il-bażi tad-data hija l-għodda ta’ monitoraġġ u rapportar fejn il-fornituri tal-karburanti jridu jdaħħlu l-informazzjoni meħtieġa biex jivverifikaw il-konformità tagħhom mal-obbligu tal-fornituri tal-karburanti fl-Artikolu 25.
L-Artikolu 2 jemenda r-Regolament (UE) 2018/1999 sabiex jibdel il-mira vinkolanti fil-livell tal-Unjoni ta’ mill-anqas 32 % għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli kkunsmat fl-Unjoni fl-2030 fih għal “il-mira vinkolanti tal-Unjoni għall-enerġija rinnovabbli fl-2030 kif imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2018/2001”. Huwa ma jemendax elementi ewlenin oħra tar-Regolament (UE) 2018/1999 bħall-mira tal-interkonnessjoni tal-elettriku ta’ 15 % li tibqa’ kruċjali għall-integrazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.
L-Artikolu 3 jemenda d-Direttiva 98/70/KE biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tar-rekwiżiti regolatorji fir-rigward tal-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni tal-karburant tat-trasport u jallinja mad-Direttiva (UE) 2018/2001, fost l-oħrajn dwar l-obbligi rigward it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-użu tal-bijokarburanti.
L-Artikolu 4 fih dispożizzjonijiet tranżitorji relatati mal-obbligi ta’ rapportar skont id-Direttiva 98/70/KE biex jiġi żgurat li d-data miġbura u rrapportata f’konformità mal-Artikoli tad-Direttiva 98/70/KE, li jitħassru mill-Artikolu 3(4) ta’ din id-Direttiva, tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni.
L-Artikolu 5 fih l-istipulazzjonijiet rigward it-traspożizzjoni.
L-Artikolu 6 iħassar id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652.
L-Artikolu 7 jikkonċerna d-dħul fis-seħħ.
2021/0218 (COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 114 u 194(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jistabbilixxi l-objettiv li l-Unjoni ssir newtrali għall-klima fl-2050 b’mod li jikkontribwixxi għall-ekonomija Ewropea, għat-tkabbir u għall-ħolqien tal-impjiegi. Dak l-objettiv, u l-objettiv ta’ tnaqqis ta’ 55 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2030 kif stabbilit fil-Pjan dwar il-Mira Klimatika għall-2030 li ġie approvat kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-Kunsill Ewropew, jirrikjedi tranżizzjoni enerġetika u ishma ferm ogħla ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli f’sistema tal-enerġija integrata.
(2)L-enerġija rinnovabbli għandha rwol fundamentali fit-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u fl-ilħuq tan-newtralità klimatika sal-2050, peress li s-settur tal-enerġija jikkontribwixxi aktar minn 75 % tal-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra fl-Unjoni. Billi tnaqqas dawk l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, l-enerġija rinnovabbli tikkontribwixxi wkoll għall-indirizzar tal-isfidi relatati mal-ambjent bħat-telf tal-bijodiversità.
(3)Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tistabbilixxi mira vinkolanti tal-Unjoni biex sal-2030 jintlaħaq sehem ta’ mill-anqas 32 % tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija tal-Unjoni. Skont il-Pjan dwar il-Mira Klimatika, is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija jkun jeħtieġ li jiżdied għal 40 % sal-2030 sabiex tintlaħaq il-mira tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Għalhekk, il-mira stabbilita fl-Artikolu 3 ta’ dik id-Direttiva trid tiżdied.
(4)Hemm rikonoxximent dejjem akbar tal-ħtieġa għall-allinjament tal-politiki dwar il-bijoenerġija mal-prinċipju kaskata tal-użu tal-bijomassa, bil-għan li jiġi żgurat aċċess ġust għas-suq tal-materja prima tal-bijomassa għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi u b’valur miżjud għoli bbażati fuq il-bijoenerġija u bijoekonomija ċirkolari sostenibbli. Meta jiżviluppaw skemi ta’ appoġġ għall-bijoenerġija, l-Istati Membri jenħtieġ li għalhekk iqisu l-provvista sostenibbli disponibbli tal-bijomassa għall-użi enerġetiċi u mhux enerġetiċi u l-manutenzjoni tal-bjar tal-karbonju u tal-ekosistemi nazzjonali fil-foresti kif ukoll il-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari u tal-użu kaskata tal-bijomassa, u l-ġerarkija tal-iskart stabbilita fid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Għal dan il-għan, jenħtieġ li ma jagħtu l-ebda appoġġ għall-produzzjoni tal-enerġija minn zkuk għas-serrar, zkuk għall-fuljetti, ġdur u għeruq u jevitaw il-promozzjoni tal-użu ta’ injam tond ta’ kwalità għall-enerġija ħlief f’ċirkostanzi definiti sew. F’konformità mal-prinċipju kaskata, il-bijomassa tal-injam jenħtieġ li tintuża skont l-ogħla valur miżjud ekonomiku u ambjentali tagħha fl-ordni ta’ prijoritajiet li ġejja: 1) prodotti bbażati fuq l-injam, 2) l-estensjoni tal-ħajja operattiva tagħhom, 3) l-użu mill-ġdid, 4) ir-riċiklaġġ, 5) il-bijoenerġija u 6) ir-rimi. Meta l-ebda użu ieħor għall-bijomassa tal-injam ma jkun ekonomikament vijabbli jew ambjentalment xieraq, l-irkupru tal-enerġija jgħin biex titnaqqas il-ġenerazzjoni tal-enerġija minn sorsi mhux rinnovabbli. L-iskemi ta’ appoġġ tal-Istati Membri għall-bijoenerġija jenħtieġ li għalhekk jiġu diretti lejn tali materja prima li għaliha teżisti ftit kompetizzjoni fis-suq mas-setturi tal-materjali, u li l-akkwist tagħha jitqies pożittiv kemm għall-klima kif ukoll għall-bijodiversità, sabiex jiġu evitati inċentivi negattivi għal perkorsi tal-bijoenerġija mhux sostenibbli, kif identifikat fir-rapport tal-JRC “The use of woody biomass for energy production in the EU”. Min-naħa l-oħra, fid-definizzjoni tal-implikazzjonijiet ulterjuri tal-prinċipju kaskata, jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti l-ispeċifiċitajiet nazzjonali li jiggwidaw lill-Istati Membri fit-tfassil tal-iskemi ta’ appoġġ tagħhom. Il-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart jenħtieġ li jkunu l-għażla ta’ prijorità. L-Istati Membri jenħtieġ li jevitaw li joħolqu skemi ta’ appoġġ li jmorru kontra l-miri dwar it-trattament tal-iskart u li jwasslu għal użu ineffiċjenti tal-iskart riċiklabbli. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat użu aktar effiċjenti tal-bijoenerġija, mill-2026 ’il quddiem, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jagħtux aktar appoġġ lill-impjanti tal-elettriku biss, sakemm l-installazzjonijiet ma jkunux f’reġjuni bi status ta’ użu speċifiku fir-rigward tat-tranżizzjoni tagħhom lil hinn mill-karburanti fossili jew jekk l-installazzjonijiet jużaw il-qbid u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju.
(5)It-tkabbir rapidu u ż-żieda fil-kompetittività tal-kostijiet tal-produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli jistgħu jissodisfaw sehem dejjem akbar tad-domanda għall-enerġija, pereżempju bl-użu ta’ pompi tas-sħana għal tisħin tal-post jew ta’ proċessi industrijali ta’ temperatura baxxa, ta’ vetturi elettriċi għat-trasport, jew ta’ fran elettriċi f’ċerti industriji. L-elettriku rinnovabbli jista’ jintuża wkoll biex jiġu prodotti karburanti sintetiċi għall-konsum f’setturi tat-trasport li diffiċli jiġu dekarbonizzati bħall-avjazzjoni u t-trasport marittimu. Qafas għall-elettrifikazzjoni jrid jippermetti koordinazzjoni robusta u effiċjenti u li jespandi l-mekkaniżmi tas-suq biex jilħaq kemm il-provvista kif ukoll id-domanda fl-ispazju u fiż-żmien, jistimula l-investimenti fil-flessibbiltà, u jgħin fl-integrazzjoni ta’ ishma kbar ta’ ġenerazzjoni rinnovabbli varjabbli. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-użu tal-elettriku rinnovabbli jkompli jiżdied b’pass adegwat biex tintlaħaq id-domanda dejjem tikber. Għal dan, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu qafas li jinkludi mekkaniżmi kompatibbli mas-suq biex jindirizzaw l-ostakli li jifdal biex ikun hemm sistemi tal-elettriku sikuri u adegwati adatti għal livell għoli ta’ enerġija rinnovabbli, kif ukoll faċilitajiet ta’ ħżin, integrati bis-sħiħ fis-sistema tal-elettriku. B’mod partikolari, dan il-qafas għandu jindirizza l-ostakli li jifdal, inklużi dawk mhux finanzjarji bħal riżorsi diġitali u umani insuffiċjenti tal-awtoritajiet għall-ipproċessar ta’ għadd dejjem akbar ta’ applikazzjonijiet għall-permessi.
(6)Meta jiġi kkalkulat is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fi Stat Membru, il-karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika jenħtieġ li jingħaddu fis-settur fejn jiġu kkunsmati (elettriku, tisħin u tkessiħ, jew trasport). Sabiex jiġi evitat l-għadd doppju, l-elettriku rinnovabbli użat għall-produzzjoni ta’ dawn il-karburanti jenħtieġ li ma jingħaddx. Dan jirriżulta f’armonizzazzjoni tar-regoli ta’ kontabilità għal dawn il-karburanti fid-Direttiva kollha, irrispettivament minn jekk dawn jingħaddux għall-mira ġenerali tal-enerġija rinnovabbli jew għal kwalunkwe sottomira. Dan jippermetti wkoll li tiġi kkalkulata l-enerġija reali kkonsmata, filwaqt li jitqies it-telf tal-enerġija fil-proċess għall-produzzjoni ta’ dawk il-karburanti. Barra minn hekk, dan jippermetti l-kontabbiltà tal-karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika importati fl-Unjoni u kkunsmati fiha.
(7)Il-kooperazzjoni tal-Istati Membri għall-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli tista’ tieħu l-forma ta’ trasferimenti statistiċi, skemi ta’ appoġġ jew proġetti konġunti. Dan jippermetti użu kosteffiċjenti tal-enerġija rinnovabbli madwar l-Ewropa u jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tas-suq. Minkejja l-potenzjal tagħha, il-kooperazzjoni kienet limitata ħafna, u b’hekk wasslet għal riżultati subottimali f’termini ta’ effiċjenza fiż-żieda tal-enerġija rinnovabbli. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu obbligati jittestjaw il-kooperazzjoni permezz tal-implimentazzjoni ta’ proġett pilota. Il-proġetti ffinanzjati mill-kontribuzzjonijiet nazzjonali skont il-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-Unjoni għall-enerġija rinnovabbli stabbilit bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1294 jissodisfaw dan l-obbligu għall-Istati Membri involuti.
(8)L-Istrateġija dwar l-Enerġija Rinnovabbli Offshore tintroduċi objettiv ambizzjuż ta’ 300 GW ta’ enerġija offshore u ta’ 40 GW ta’ enerġija mill-oċeani fil-baċiri tal-baħar kollha tal-Unjoni sal-2050. Sabiex tiġi żgurata din il-bidla gradwali, l-Istati Membri se jkollhom bżonn jaħdmu flimkien bejn il-fruntieri fil-livell tal-baċir tal-baħar. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiddefinixxu b’mod konġunt l-ammont ta’ ġenerazzjoni rinnovabbli offshore li għandu jintuża f’kull baċir tal-baħar sal-2050, b’passi intermedji fl-2030 u fl-2040. Dawn l-objettivi jenħtieġ li jiġu riflessi fil-pjanijiet nazzjonali aġġornati dwar l-enerġija u l-klima li se jiġu ppreżentati fl-2023 u fl-2024 skont ir-Regolament (UE) 2018/1999. Fid-definizzjoni tal-ammont, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu l-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli offshore ta’ kull baċir tal-baħar, il-ħarsien tal-ambjent, l-adattament għat-tibdil fil-klima u użi oħrajn tal-baħar, kif ukoll il-miri tad-dekarbonizzazzjoni tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw dejjem aktar il-possibbiltà li jikkombinaw il-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli offshore ma’ linji ta’ trażmissjoni li jgħaqqdu lil diversi Stati Membri, fil-forma ta’ proġetti ibridi jew, fi stadju aktar tard, grilja aktar densa. Dan jippermetti lill-elettriku jimxi f’direzzjonijiet differenti, u b’hekk jimmassimizza l-benesseri soċjoekonomiku, jottimizza n-nefqa infrastrutturali u jippermetti użu aktar sostenibbli tal-baħar.
(9)Is-suq għall-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli qed jikber b’mod rapidu u jipprovdi rotta komplementari għas-suq tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli flimkien ma’ skemi ta’ appoġġ mill-Istati Membri jew għall-bejgħ dirett fis-suq tal-elettriku bl-ingrossa. Fl-istess ħin, is-suq għall-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli għadu limitat għal għadd żgħir ta’ Stati Membri u kumpaniji kbar, b’ostakli amministrattivi, tekniċi u finanzjarji sinifikanti li jifdal f’partijiet kbar tas-suq tal-Unjoni. Għalhekk, il-miżuri eżistenti fl-Artikolu 15 biex jinkoraġġixxu l-adozzjoni ta’ ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli jenħtieġ li jissaħħu ulterjorment, billi jiġi esplorat l-użu ta’ garanziji ta’ kreditu biex jitnaqqsu r-riskji finanzjarji ta’ dawn il-ftehimiet, filwaqt li jitqies li dawn il-garanziji, fejn ikunu pubbliċi, jenħtieġ li ma jeskludux il-finanzjament privat.
(10)Proċeduri amministrattivi kumplessi żżejjed u twal iżżejjed jikkostitwixxu ostaklu ewlieni għall-użu tal-enerġija rinnovabbli. Abbażi tal-miżuri għat-titjib tal-proċeduri amministrattivi għall-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli li l-Istati Membri jridu jirrapportaw sal-15 ta’ Marzu 2023 fl-ewwel rapporti nazzjonali integrati tagħhom dwar il-progress fl-enerġija u fil-klima skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta jekk id-dispożizzjonijiet inklużi f’din id-Direttiva biex jiġu armonizzati dawn il-proċeduri wasslux għal proċeduri bla xkiel u proporzjonati. Jekk dik il-valutazzjoni tiżvela ambitu sinifikanti għat-titjib, il-Kummissjoni jenħtieġ li tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ proċeduri amministrattivi ssimplifikati u effiċjenti.
(11)Il-binjiet għandhom potenzjal kbir mhux sfruttat biex jikkontribwixxu b’mod effettiv għat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni. Id-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin u tat-tkessiħ f’dan is-settur permezz ta’ sehem akbar fil-produzzjoni u fl-użu tal-enerġija rinnovabbli se tkun meħtieġa biex tiġi ssodisfata l-ambizzjoni stabbilita fil-Pjan dwar il-Mira Klimatika biex jintlaħaq l-objettiv tal-Unjoni tan-newtralità klimatika. Madankollu, il-progress dwar l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għat-tisħin u t-tkessiħ kien staġnat fl-aħħar deċennju, li fil-biċċa l-kbira jiddependi fuq użu akbar tal-bijomassa. Mingħajr l-istabbiliment ta’ miri biex jiżdiedu l-produzzjoni u l-użu tal-enerġija rinnovabbli fil-bini, mhux se jkun hemm kapaċità biex jiġi traċċat il-progress u jiġu identifikati l-konġestjonijiet fl-użu tal-enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, il-ħolqien ta’ miri se jipprovdi sinjal fit-tul lill-investituri, inkluż għall-perjodu immedjatament wara l-2030. Dan se jikkomplementa l-obbligi relatati mal-effiċjenza enerġetika u r-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti miri indikattivi għall-użu tal-enerġija rinnovabbli fil-binjiet biex jiggwidaw u jinċentivaw l-isforzi tal-Istati Membri biex jisfruttaw il-potenzjal tal-użu u l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-binjiet, jinkoraġġixxu l-iżvilupp u l-integrazzjoni ta’ teknoloġiji li jipproduċu l-enerġija rinnovabbli filwaqt li jipprovdu ċertezza għall-investituri u l-involviment fil-livell lokali.
(12)Għadd insuffiċjenti ta’ ħaddiema tas-sengħa, b’mod partikolari l-installaturi u d-disinjaturi ta’ sistemi ta’ tisħin u tkessiħ rinnovabbli, inaqqsu r-ritmu tas-sostituzzjoni ta’ sistemi ta’ tisħin tal-karburanti fossili b’sistemi bbażati fuq l-enerġija rinnovabbli u huma ostaklu ewlieni għall-integrazzjoni ta’ sorsi rinnovabbli fil-binjiet, fl-industrija u fl-agrikoltura. L-Istati Membri jenħtieġ li jikkooperaw mas-sħab soċjali u mal-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli biex jantiċipaw il-ħiliet li se jkunu meħtieġa. Għadd suffiċjenti ta’ programmi ta’ taħriġ ta’ kwalità għolja u ta’ possibbiltajiet ta’ ċertifikazzjoni li jiżguraw installazzjoni xierqa u tħaddim affidabbli ta’ firxa wiesgħa ta’ sistemi ta’ tisħin u tkessiħ rinnovabbli jenħtieġ li jkunu disponibbli u mfassla b’mod li jattiraw il-parteċipazzjoni fi programmi ta’ taħriġ u f’sistemi ta’ ċertifikazzjoni bħal dawn. L-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw liema azzjonijiet għandhom jittieħdu biex jattiraw gruppi li bħalissa mhumiex irrappreżentati biżżejjed fl-oqsma tax-xogħol inkwistjoni. Il-lista ta’ installaturi mħarrġa u ċċertifikati jenħtieġ li ssir pubblika biex jiġu żgurati kemm il-fiduċja tal-konsumatur kif ukoll l-aċċess faċli għal ħiliet ta’ disinjaturi u ta’ installaturi mfassla apposta li jiggarantixxu installazzjoni u tħaddim xierqa tat-tisħin u t-tkessiħ rinnovabbli.
(13)Il-garanziji tal-oriġini huma għodda ewlenija għall-informazzjoni tal-konsumatur kif ukoll għall-adozzjoni ulterjuri ta’ ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli. Sabiex tiġi stabbilita bażi koerenti tal-Unjoni għall-użu ta’ garanziji tal-oriġini u sabiex jiġi pprovdut aċċess għal evidenza ta’ sostenn xierqa għal persuni li jikkonkludu ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli, il-produtturi kollha tal-enerġija rinnovabbli jenħtieġ li jkunu jistgħu jirċievu garanzija tal-oriġini mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Istati Membri li jqisu l-valur tas-suq tal-garanziji tal-oriġini jekk il-produtturi tal-enerġija jirċievu appoġġ finanzjarju.
(14)L-iżvilupp tal-infrastruttura għan-networks tat-tisħin u tat-tkessiħ distrettwali jenħtieġ li jissaħħaħ u jiġi orjentat lejn l-użu ta’ firxa usa’ ta’ sorsi ta’ sħana u ta’ kesħa rinnovabbli b’mod effiċjenti u flessibbli sabiex jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli u tissaħħaħ l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija. Għalhekk, huwa xieraq li tiġi aġġornata l-lista tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li n-networks tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali jenħtieġ li jakkomodaw dejjem aktar u li wieħed jirrikjedi l-integrazzjoni tal-ħżin tal-enerġija termali bħala sors ta’ flessibbiltà, effiċjenza akbar fl-enerġija u operazzjoni aktar kosteffettiva.
(15)B’aktar minn 30 miljun vettura elettrika mistennija fl-Unjoni sal-2030 huwa meħtieġ li jiġi żgurat li dawn ikunu jistgħu jikkontribwixxu bis-sħiħ għall-integrazzjoni tas-sistema tal-elettriku rinnovabbli, u b’hekk jippermettu li jintlaħqu ishma ogħla tal-elettriku rinnovabbli b’mod kost-ottimali. Il-potenzjal tal-vetturi elettriċi li jassorbu l-elettriku rinnovabbli fi żminijiet meta jkun abbundanti u jdaħħluħ mill-ġdid fi grilja meta jkun hemm skarsezza għandu jiġi sfruttat bis-sħiħ. Għalhekk huwa xieraq li jiġu introdotti miżuri speċifiċi dwar il-vetturi elettriċi u informazzjoni dwar l-enerġija rinnovabbli u kif u meta għandha tiġi aċċessata, li jikkomplementaw dawk fid-Direttiva (UE) 2014/94 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-[Regolament propost dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 2019/1020].
(16) Sabiex is-servizzi ta’ flessibbiltà u ta’ bbilanċjar mill-aggregazzjoni tal-assi tal-ħżin distribwiti jiġu żviluppati b’mod kompetittiv, l-aċċess f’ħin reali għall-informazzjoni bażika dwar il-batteriji bħall-istat tas-saħħa, l-istat taċ-ċarġ, il-kapaċità u s-set point tal-potenza jenħtieġ li jiġi pprovdut skont termini mhux diskriminatorji u bla ħlas lis-sidien jew lill-utenti tal-batteriji u lill-entitajiet li jaġixxu f’isimhom, bħall-maniġers tas-sistemi tal-enerġija tal-binjiet, il-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà u parteċipanti oħrajn fis-suq tal-elettriku. Għalhekk huwa xieraq li jiġu introdotti miżuri li jindirizzaw il-ħtieġa ta’ aċċess għal tali data għall-iffaċilitar tal-operazzjonijiet relatati mal-integrazzjoni ta’ batteriji domestiċi u vetturi elettriċi, li jikkomplementaw id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għad-data dwar il-batteriji relatati mal-iffaċilitar tal-adattament mill-ġdid tal-batteriji fi [ir-regolament propost tal-Kummissjoni dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 2019/1020]. Id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għad-data dwar il-batteriji tal-vetturi elettriċi jenħtieġ li japplikaw flimkien ma’ kwalunkwe dispożizzjoni stabbilita fid-dritt tal-Unjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi.
(17)L-għadd dejjem akbar ta’ vetturi elettriċi f’modi ta’ trasport bit-triq, bil-ferrovija, bil-baħar u b’modi oħra se jirrikjedi li l-operazzjonijiet tal-irriċarġjar jiġu ottimizzati u ġestiti b’mod li ma jikkawżax konġestjoni u li jisfrutta bis-sħiħ id-disponibbiltà tal-elettriku rinnovabbli u tal-prezzijiet baxxi tal-elettriku fis-sistema. F’sitwazzjonijiet fejn l-iċċarġjar bidirezzjonali jassisti aktar penetrazzjoni tal-elettriku rinnovabbli mill-flotot ta’ vetturi elettriċi fit-trasport u fis-sistema tal-elettriku b’mod ġenerali, tali funzjonalità jenħtieġ li tkun disponibbli wkoll. Fid-dawl tal-firxa twila ta’ punti tal-irriċarġjar, ir-rekwiżiti għall-infrastruttura tal-iċċarġjar jenħtieġ li jinżammu aġġornati b’mod li jindirizza l-ħtiġijiet futuri u ma jirriżultawx f’effetti ta’ intrappolament negattivi għall-iżvilupp tat-teknoloġija u tas-servizzi.
(18)L-utenti ta’ vetturi elettriċi li jidħlu fi ftehimiet kuntrattwali ma’ fornituri ta’ servizzi tal-elettromobbiltà u ma’ parteċipanti fis-suq tal-elettriku jenħtieġ li jkollhom id-dritt li jirċievu informazzjoni u spjegazzjonijiet dwar kif it-termini tal-ftehim se jaffettwaw l-użu tal-vettura tagħhom u l-istat tas-saħħa tal-batterija tagħha. Il-fornituri tas-servizzi tal-elettromobbiltà u l-parteċipanti fis-suq tal-elettriku jenħtieġ li jispjegaw b’mod ċar lill-utenti tal-vetturi elettriċi kif se jiġu rimunerati għall-flessibbiltà, għall-ibbilanċjar u għas-servizzi ta’ ħżin ipprovduti lis-sistema u lis-suq tal-elettriku bl-użu tal-vettura elettrika tagħhom. L-utenti tal-vetturi elettriċi jrid ikollhom ukoll id-drittijiet tal-konsumatur tagħhom garantiti meta jidħlu f’tali ftehimiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali tagħhom bħall-post u d-drawwiet tas-sewqan, b’rabta mal-użu tal-vettura tagħhom. Il-preferenza tal-utenti tal-vetturi elettriċi fir-rigward tat-tip ta’ elettriku mixtri għall-użu fil-vettura elettrika tagħhom, kif ukoll preferenzi oħra, jistgħu jkunu wkoll parti minn tali ftehimiet. Għar-raġunijiet ta’ hawn fuq, huwa importanti li l-utenti tal-vetturi elettriċi jkunu jistgħu jużaw l-abbonament tagħhom f’diversi punti tal-irriċarġjar. Dan jippermetti wkoll lill-fornitur tas-servizz tal-għażla tal-utent tal-vettura elettrika biex jintegra bl-aħjar mod il-vettura elettrika fis-sistema tal-elettriku, permezz ta’ ppjanar u inċentivi prevedibbli bbażati fuq il-preferenzi tal-utent tal-vettura elettrika. Dan huwa wkoll konformi mal-prinċipji ta’ sistema tal-enerġija bbażata fuq il-konsumatur u fuq il-prosumatur, u d-dritt tal-għażla tal-fornitur tal-utenti tal-vetturi elettriċi bħala klijenti finali skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2019/944.
(19)L-assi tal-ħżin distribwiti, bħall-batteriji domestiċi u l-batteriji tal-vetturi elettriċi għandhom il-potenzjal li joffru flessibbiltà konsiderevoli u servizzi ta’ bbilanċjar lill-grilja permezz ta’ aggregazzjoni. Sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ tali servizzi, id-dispożizzjonijiet regolatorji dwar il-konnessjoni u t-tħaddim tal-assi tal-ħżin, bħat-tariffi, il-ħinijiet ta’ impenn u l-ispeċifikazzjonijiet tal-konnessjoni, jenħtieġ li jitfasslu b’mod li ma jfixkilx il-potenzjal tal-assi kollha tal-ħżin, inkluż dawk żgħar u mobbli, biex jiġu offruti servizzi ta’ flessibbiltà u ta’ bbilanċjar lis-sistema u biex jikkontribwixxu għall-penetrazzjoni ulterjuri tal-elettriku rinnovabbli, meta mqabbla ma’ assi ta’ ħżin stazzjonarji akbar.
(20)Il-punti tal-irriċarġjar fejn il-vetturi elettriċi tipikament jiġu pparkjati għal perjodi ta’ żmien estiżi, bħal fejn in-nies jipparkjaw għal raġunijiet ta’ residenza jew ta’ impjieg, huma rilevanti ħafna għall-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija, u għalhekk iridu jiġu żgurati funzjonalitajiet ta’ ċċarġjar intelliġenti. F’dan ir-rigward, it-tħaddim ta’ infrastruttura ta’ ċċarġjar normali mhux aċċessibbli għall-pubbliku huwa partikolarment importanti għall-integrazzjoni tal-vetturi elettriċi fis-sistema tal-elettriku peress li tinsab fejn il-vetturi elettriċi jiġu pparkjati ripetutament għal perjodi twal ta’ żmien, bħal f’bini b’aċċess ristrett, faċilitajiet ta’ parkeġġ jew ta’ parkeġġ tal-impjegati mikrija lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi.
(21)L-industrija tirrappreżenta 25 % tal-konsum tal-enerġija tal-Unjoni, u hija konsumatur ewlieni tat-tisħin u t-tkessiħ, li bħalissa 91 % minnu huwa fornut mill-karburanti fossili. Madankollu, 50 % tad-domanda għat-tisħin u għat-tkessiħ hija ta’ temperatura baxxa (<200 °C) li għaliha hemm għażliet kosteffettivi tal-enerġija rinnovabbli, inkluż permezz l-elettrifikazzjoni. Barra minn hekk, l-industrija tuża sorsi mhux rinnovabbli bħala materja prima biex tipproduċi prodotti bħall-azzar jew sustanzi kimiċi. Id-deċiżjonijiet dwar l-investiment industrijali llum se jiddeterminaw il-proċessi industrijali futuri u l-għażliet enerġetiċi li jistgħu jitqiesu mill-industrija, u għalhekk huwa importanti li dawk id-deċiżjonijiet dwar l-investimenti jibqgħu validi fil-futur. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti parametri referenzjarji biex jinċentivaw lill-industrija biex taqleb għal proċessi ta’ produzzjoni bbażati fuq l-enerġija rinnovabbli li mhux biss huma mħaddma bl-enerġija rinnovabbli, iżda jużaw ukoll materja prima bbażata fuq sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bħall-idroġenu rinnovabbli. Barra minn hekk, hija meħtieġa metodoloġija komuni għall-prodotti li huma ttikkettati bħala li ġew prodotti parzjalment jew kompletament bl-użu tal-enerġija rinnovabbli jew bl-użu ta’ karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika bħala materja prima, filwaqt li jitqiesu l-metodoloġiji eżistenti tal-Unjoni għat-tikkettar tal-prodotti u l-inizjattivi sostenibbli tal-prodotti. Dan jevita prattiki qarrieqa u jżid il-fiduċja tal-konsumaturi. Barra minn hekk, minħabba l-preferenza tal-konsumatur għal prodotti li jikkontribwixxu għall-objettivi ambjentali u tat-tibdil fil-klima, dan jistimula domanda tas-suq għal dawk il-prodotti.
(22)Il-karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika jistgħu jintużaw għal finijiet ta’ enerġija, iżda wkoll għal finijiet mhux ta’ enerġija bħala feedstock jew materja prima f’industriji bħall-azzar jew is-sustanzi kimiċi. L-użu ta’ karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika għaż-żewġ skopijiet jisfrutta l-potenzjal sħiħ tagħhomli jissostitwixxu l-karburanti fossili użati bħala materja prima u li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-industrija u għalhekk jenħtieġ li jiġu inklużi f’mira għall-użu ta’ karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika. Il-miżuri nazzjonali biex jappoġġaw l-użu ta’ karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika fl-industrija jenħtieġ li ma jirriżultawx f’żidiet netti fit-tniġġis minħabba domanda akbar għall-ġenerazzjoni tal-elettriku li hija ssodisfata mill-aktar karburanti fossili li jniġġsu, bħall-faħam, id-diżil, il-linjite, iż-żejt, il-pit u x-shale taż-żejt.
(23)Iż-żieda fl-ambizzjoni fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ hija kruċjali biex tintlaħaq il-mira ġenerali tal-enerġija rinnovabbli minħabba li t-tisħin u t-tkessiħ jikkostitwixxu madwar nofs il-konsum tal-enerġija tal-Unjoni, li jkopri firxa wiesgħa ta’ użi finali u teknoloġiji fil-binjiet, fl-industrija u fit-tisħin u fit-tkessiħ distrettwali. Sabiex titħaffef iż-żieda tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-tisħin u t-tkessiħ, żieda annwali ta’ 1,1 punti perċentwali jenħtieġ li ssir vinkolanti fil-livell tal-Istati Membri bħala minimu għall-Istati Membri kollha. Għal dawk l-Istati Membri, li diġà għandhom ishma rinnovabbli ta’ aktar minn 50 % fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ, jenħtieġ li jibqa’ possibbli li tiġi applikata biss nofs ir-rata annwali vinkolanti ta’ żieda u l-Istati Membri b’60 % jew aktar jistgħu jgħoddu kwalunkwe sehem bħal dan bħala li jissodisfa r-rata annwali medja ta’ żieda f’konformità mal-punti b) u c) tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 23. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti żidiet speċifiċi għall-Istati Membri, biex jerġgħu jqassmu l-isforzi addizzjonali għal-livell mixtieq ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-2030 fost l-Istati Membri abbażi tal-PDG u l-kosteffettività. Jenħtieġ li tiġi inkluża wkoll lista itwal ta’ miżuri differenti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 biex tiġi ffaċilitata ż-żieda tas-sehem ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-tisħin u t-tkessiħ. L-Istati Membri jistgħu jimplimentaw miżura waħda jew aktar mil-lista ta’ miżuri.
(24)Sabiex jiġi żgurat li rwol akbar tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali jkun akkumpanjat minn informazzjoni aħjar għall-konsumaturi, huwa xieraq li tiġi ċċarata u msaħħa d-divulgazzjoni tas-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika ta’ dawn is-sistemi.
(25)Is-sistemi moderni ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti bbażati fuq is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli wrew il-potenzjal tagħhom li jipprovdu soluzzjonijiet kosteffettivi għall-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, aktar effiċjenza enerġetika u integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija, filwaqt li ffaċilitaw id-dekarbonizzazzjoni ġenerali tas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ. Sabiex jiġi żgurat li dan il-potenzjal jiġi sfruttat, iż-żieda annwali tal-enerġija rinnovabbli u/jew tas-sħana mormija fit-tisħin u t-tkessiħ distrettwali jenħtieġ li tiżdied minn punt perċentwali wieħed għal 2,1 mingħajr ma tinbidel in-natura indikattiva ta’ din iż-żieda, li jirrifletti l-iżvilupp mhux uniformi ta’ dan it-tip ta’ network madwar l-Unjoni.
(26)Biex tiġi riflessa l-importanza akbar tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali u l-ħtieġa li l-iżvilupp ta’ dawn in-networks jiġi orjentat lejn l-integrazzjoni ta’ aktar enerġija rinnovabbli, huwa xieraq li jiġu stabbiliti rekwiżiti biex tiġi żgurata l-konnessjoni ta’ fornituri ta’ partijiet terzi tal-enerġija rinnovabbli u s-sħana u l-kesħa mormija ma’ sistemi ta’ networks ta’ tisħin jew tkessiħ distrettwali ta’ aktar minn 25 MW.
(27)Is-sħana u l-kesħa mormija ma jintużawx biżżejjed minkejja d-disponibbiltà wiesgħa tagħhom, u dan iwassal għal ħela ta’ riżorsi, effiċjenza enerġetika aktar baxxa fis-sistemi nazzjonali tal-enerġija u konsum tal-enerġija ogħla milli meħtieġ fl-Unjoni. Ir-rekwiżiti għal koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn l-operaturi tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali, is-setturi industrijali u terzjarji, u l-awtoritajiet lokali jistgħu jiffaċilitaw id-djalogu u l-kooperazzjoni meħtieġa biex jiġu sfruttati l-potenzjali kosteffettivi tas-sħana u tal-kesħa mormija permezz ta’ sistemi ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali.
(28)Biex jiġi żgurat li t-tisħin u t-tkessiħ distrettwali jipparteċipaw bis-sħiħ fl-integrazzjoni tas-settur tal-enerġija, huwa meħtieġ li tiġi estiża l-kooperazzjoni mal-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku għall-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni tal-elettriku u li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kooperazzjoni għall-ippjanar u s-swieq tal-investiment fil-grilja biex il-potenzjal tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali għall-forniment ta’ servizzi ta’ flessibbiltà fis-swieq tal-elettriku jintuża aħjar. Jenħtieġ li ssir ukoll possibbli kooperazzjoni ulterjuri mal-operaturi tan-network tal-gass, inkluż in-networks tal-idroġenu u networks oħrajn tal-enerġija, biex tiġi żgurata integrazzjoni usa’ fost it-trasportaturi tal-enerġija u l-aktar użu kosteffettiv tagħhom.
(29)L-użu tal-karburanti rinnovabbli u tal-elettriku rinnovabbli fit-trasport jista’ jikkontribwixxi għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport tal-Unjoni b’mod kosteffettiv, u jtejjeb, fost l-oħrajn, id-diversifikazzjoni tal-enerġija f’dak is-settur filwaqt li jippromwovi l-innovazzjoni, it-tkabbir u l-impjiegi fl-ekonomija tal-Unjoni u jnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija. Bil-għan li tintlaħaq il-mira miżjuda għall-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra definita mill-Unjoni, jenħtieġ li jiżdied il-livell ta’ enerġija rinnovabbli pprovdut lill-modi kollha tat-trasport fl-Unjoni. L-espressjoni tal-mira tat-trasport bħala objettiv ta’ tnaqqis tal-intensità tal-emissjonijiet tistimula użu dejjem akbar tal-karburanti l-aktar kosteffettivi u produttivi, f’termini ta’ ffrankar ta’ gassijiet serra, fit-trasport. Barra minn hekk, objettiv ta’ tnaqqis tal-intensità tal-emissjonijiet jistimula l-innovazzjoni u jistabbilixxi parametru referenzjarju ċar biex jitqabblu t-tipi ta’ karburant u l-elettriku rinnovabbli skont l-intensità tal-gassijiet serra tagħhom. Minbarra dan, iż-żieda fil-livell tal-mira bbażata fuq l-enerġija fuq il-bijokarburanti avvanzati u l-bijogass u l-introduzzjoni ta’ mira għall-karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika jiżguraw użu akbar tal-karburanti rinnovabbli bl-iżgħar impatt ambjentali fil-modi tat-trasport li huma diffiċli biex jiġu elettrifikati. L-ilħuq ta’ dawk il-miri jenħtieġ li jiġi żgurat permezz ta’ obbligi fuq il-fornituri tal-karburanti kif ukoll permezz ta’ miżuri oħrajn inklużi fir-[Regolament (UE) 2021/XXX dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu - FuelEU Maritime u r-Regolament (UE) 2021/XXX dwar l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi għat-trasport sostenibbli bl-ajru]. L-obbligi ddedikati fuq il-fornituri tal-karburanti tal-avjazzjoni jenħtieġ li jiġu stabbiliti biss skont [ir-Regolament (UE) 2021/XXX dwar l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi għat-trasport sostenibbli bl-ajru].
(30)L-elettromobbiltà se jkollha rwol essenzjali fid-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport. Sabiex irawmu l-iżvilupp ulterjuri tal-elettromobbiltà, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ kreditu li jippermetti lill-operaturi ta’ punti ta’ ċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku jikkontribwixxu, billi jipprovdu elettriku rinnovabbli, lejn it-twettiq tal-obbligu stabbilit mill-Istati Membri dwar il-fornituri tal-karburanti. Filwaqt li jiġi appoġġat l-elettriku fit-trasport permezz ta’ mekkaniżmu bħal dan, huwa importanti li l-Istati Membri jkomplu jistabbilixxu livell għoli ta’ ambizzjoni għad-dekarbonizzazzjoni tat-taħlita tal-karburant likwidu tagħhom fit-trasport.
(31)Il-politika tal-Unjoni dwar l-enerġija rinnovabbli għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima tal-Unjoni Ewropea f’termini tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Fl-ilħuq ta’ dan l-għan, huwa essenzjali li jingħata kontribut ukoll għal objettivi ambjentali usa’, u b’mod partikolari l-prevenzjoni tat-telf tal-bijodiversità, li hija affettwata b’mod negattiv mit-tibdil indirett fl-użu tal-art assoċjat mal-produzzjoni ta’ ċerti bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti tal-bijomassa. Il-kontribut għal dawn l-objettivi klimatiċi u ambjentali jikkostitwixxi tħassib profond u fit-tul interġenerazzjonali għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għal-leġiżlatur tal-Unjoni. B’konsegwenza ta’ dan, il-bidliet fil-mod kif tiġi kkalkolata l-mira tat-trasport jenħtieġ li ma jaffettwawx il-limiti stabbiliti dwar kif għandu jitqies dak il-għan għal ċerti karburanti prodotti minn għelejjel tal-ikel u tal-għalf minn naħa waħda u karburanti b’riskju għoli ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, sabiex ma jinħoloq l-ebda inċentiv għall-użu ta’ bijokarburanti u bijogass prodotti minn għelejjel tal-ikel u tal-għalf fit-trasport, l-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu jkunu jistgħu jagħżlu jekk jgħodduhomx jew le lejn il-mira tat-trasport. Jekk ma jgħodduhomx, dawn jistgħu jnaqqsu l-objettiv ta’ tnaqqis tal-intensità tal-emissjonijiet kif xieraq, jekk wieħed jassumi li l-bijokarburanti bbażati fuq l-għelejjel tal-ikel u tal-għalf jiffrankaw 50 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, li jikkorrispondi għall-valuri tipiċi stabbiliti f’anness ta’ din id-Direttiva għall-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-aktar perkorsi tal-produzzjoni rilevanti ta’ bijokarburanti bbażati fuq l-għelejjel tal-ikel u tal-għalf kif ukoll il-limitu minimu ta’ ffrankar li japplika għall-biċċa l-kbira tal-installazzjonijiet li jipproduċu tali bijokarburanti.
(32)L-espressjoni tal-mira tat-trasport bħala objettiv ta’ tnaqqis tal-intensità tal-emissjonijiet tagħmel l-użu ta’ multiplikaturi mhux neċessarju biex jiġu promossi ċerti sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Dan minħabba li sorsi differenti ta’ enerġija rinnovabbli jiffrankaw ammonti differenti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u, għalhekk, jikkontribwixxu b’mod differenti għal mira. L-elettriku rinnovabbli jenħtieġ li jitqies li għandu emissjonijiet żero, li jfisser li jiffranka 100 % tal-emissjonijiet meta mqabbel mal-elettriku prodott mill-karburanti fossili. Dan joħloq inċentiv għall-użu tal-elettriku rinnovabbli peress li l-karburanti rinnovabbli u l-karburanti tal-karbonju riċiklat x’aktarx li ma jilħqux tali perċentwal għoli ta’ ffrankar. L-elettrifikazzjoni li tiddependi fuq sorsi tal-enerġija rinnovabbli għalhekk issir l-aktar mod effiċjenti għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bit-triq. Barra minn hekk, sabiex jiġi promoss l-użu ta’ bijokarburanti avvanzati u ta’ bijogass u ta’ karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika fil-modi tal-avjazzjoni u dawk marittimi, li huma diffiċli li jiġu elettrifikati, huwa xieraq li jinżamm il-multiplikatur għal dawk il-karburanti fornuti f’dawk il-modi meta jingħaddu mal-miri speċifiċi stabbiliti għal dawk il-karburanti.
(33)L-elettrifikazzjoni diretta tas-setturi tal-użu finali, inkluż is-settur tat-trasport, tikkontribwixxi għall-effiċjenza u tiffaċilita t-tranżizzjoni għal sistema tal-enerġija bbażata fuq l-enerġija rinnovabbli. Għalhekk hija minnha nnifisha mezz effettiv biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Għalhekk, il-ħolqien ta’ qafas dwar l-addizzjonalità li japplika speċifikament għall-elettriku rinnovabbli fornut lil vetturi elettriċi fit-trasport mhuwiex meħtieġ.
(34)Peress li l-karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika għandhom jingħaddu bħala enerġija rinnovabbli irrispettivament mis-settur li fih jiġu kkunsmati, ir-regoli biex tiġi ddeterminata n-natura rinnovabbli tagħhom meta jiġu prodotti mill-elettriku, li kienu applikabbli biss għal dawk il-karburanti meta jiġu kkunsmati fis-settur tat-trasport, jenħtieġ li jiġu estiżi għall-karburanti rinnovabbli kollha ta’ oriġini mhux bijoloġika, irrispettivament mis-settur fejn jiġu kkunsmati.
(35)Sabiex tiġi żgurata effettività ambjentali ogħla tal-kriterji tal-Unjoni dwar is-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiert serra għall-karburanti tal-bijomassa solida f’installazzjonijiet li jipproduċu t-tisħin, l-elettriku u t-tkessiħ, il-limitu minimu għall-applikabbiltà ta’ tali kriterji jenħtieġ li jitnaqqas mill-20 MW attwali għal 5 MW.
(36)Id-Direttiva (UE) 2018/2001 saħħet il-qafas dwar is-sostenibbiltà tal-bijoenerġija u l-iffrankar tal-gassijiet serra billi stabbiliet kriterji għas-setturi kollha tal-użu finali. Hija stabbiliet regoli speċifiċi għall-bijokarburanti, għall-bijolikwidi u għall-karburanti tal-bijomassa prodotti mill-bijomassa tal-foresti, li jirrikjedu s-sostenibbiltà tal-operazzjonijiet ta’ ħsad u l-kontabbiltà tal-emissjonijiet mit-tibdil fl-użu tal-art. Sabiex tinkiseb protezzjoni akbar tal-ħabitats b’bijodiversità u b’livell għoli ta’ karbonju, bħall-foresti primarji, foresti b’bijodiversità għolja, mergħat u torbieri, jenħtieġ li jiġu introdotti esklużjonijiet u limitazzjonijiet għall-bijomassa tal-foresti minn dawk iż-żoni, f’konformità mal-approċċ għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti tal-bijomassa prodotti mill-bijomassa agrikola. Barra minn hekk, il-kriterji għall-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jenħtieġ li japplikaw ukoll għal installazzjonijiet eżistenti bbażati fuq il-bijomassa biex jiġi żgurat li l-produzzjoni tal-bijoenerġija f’dawn l-installazzjonijiet kollha twassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra meta mqabbla mal-enerġija prodotta mill-karburanti fossili.
(37)Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-produtturi ta’ karburanti rinnovabbli u ta’ karburanti tal-karbonju riċiklat u għall-Istati Membri, fejn skemi volontarji jew nazzjonali jkunu ġew rikonoxxuti mill-Kummissjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni bħall-għoti ta’ evidenza jew l-għoti ta’ data preċiża dwar il-konformità mal-kriterji dwar is-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra kif ukoll rekwiżiti oħra stabbiliti f’din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jaċċettaw ir-riżultati taċ-ċertifikazzjoni maħruġa minn skemi bħal dawn fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-rikonoxximent tal-Kummissjoni. Sabiex jitnaqqas il-piż fuq installazzjonijiet żgħar, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ verifika ssimplifikat għall-installazzjonijiet ta’ bejn 5 u 10MW.
(38)Il-bażi tad-data tal-Unjoni li għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni għandha l-għan li tippermetti t-traċċar ta’ karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi u ta’ karburanti tal-karbonju riċiklat. Il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jenħtieġ li jiġi estiż mit-trasport għas-setturi l-oħrajn kollha tal-użu finali li fihom jiġu kkunsmati tali karburanti. Dan jenħtieġ li jagħti kontribut vitali għall-monitoraġġ komprensiv tal-produzzjoni u tal-konsum ta’ dawk il-karburanti, filwaqt li jtaffi r-riskji ta’ għadd doppju jew ta’ irregolaritajiet tul il-ktajjen tal-provvista koperti mill-bażi tad-data tal-Unjoni. Barra minn hekk, sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ asserzjonijiet doppji dwar l-istess gass rinnovabbli, jenħtieġ li titħassar garanzija tal-oriġini maħruġa għal kwalunkwe kunsinna ta’ gass rinnovabbli rreġistrata fil-bażi tad-data.
(39)Ir-Regolament dwar il-Governanza (UE) 2018/1999 jagħmel diversi referenzi f’għadd ta’ postijiet għall-mira vinkolanti fil-livell tal-Unjoni ta’ mill-anqas 32 % għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli kkunsmat fl-Unjoni fl-2030. Peress li dik il-mira trid tiżdied sabiex tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-ambizzjoni li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’55 % sal-2030, dawk ir-referenzi jenħtieġ li jiġu emendati. Kwalunkwe rekwiżit addizzjonali ta’ ppjanar u rapportar stabbilit mhux se joħloq sistema ġdida ta’ ppjanar u rapportar, iżda jenħtieġ li jkun soġġett għall-qafas eżistenti ta’ ppjanar u rapportar skont ir-Regolament (UE) 2018/1999.
(40)Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jenħtieġ li jiġi emendat sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tar-rekwiżiti regolatorji fir-rigward tal-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni tal-karburant tat-trasport u għall-allinjament mad-Direttiva (UE) 2018/2001.
(41)Id-definizzjonijiet tad-Direttiva 98/70/KE jenħtieġ li jiġu emendati sabiex jiġu allinjati mad-Direttiva (UE) 2018/2001 u b’hekk tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ definizzjonijiet differenti f’dawk iż-żewġ atti.
(42)L-obbligi rigward it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-użu tal-bijokarburanti fid-Direttiva 98/70/KE jenħtieġ li jitħassru sabiex tiġi ssimplifikata u evitata regolamentazzjoni doppja fir-rigward tal-obbligi msaħħa tad-dekarbonizzazzjoni tal-karburant tat-trasport li huma previsti fid-Direttiva (UE) 2018/2001.
(43)L-obbligi rigward il-monitoraġġ u r-rapportar dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra stabbiliti fid-Direttiva 98/70/KE jenħtieġ li jitħassru sabiex jiġi evitat li l-obbligi ta’ rapportar jiġu regolati darbtejn.
(44)Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652, li tipprovdi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni uniformi tal-Artikolu 7a tad-Direttiva 98/70/KE, jenħtieġ li titħassar peress li ssir obsoleta bit-tħassir tal-Artikolu 7a tad-Direttiva 98/70/KE minn din id-Direttiva.
(45)Fir-rigward tal-komponenti b’bażi bijoloġika fil-karburant tad-diżil, ir-referenza fid-Direttiva 98/70/KE għall-karburant tad-diżil B7, jiġifieri l-karburant tad-diżil li fih sa 7 % esteri metiliċi tal-aċidi xaħmin (FAME), tillimita l-għażliet disponibbli biex jintlaħqu miri ta’ inkorporazzjoni tal-bijokarburanti ogħla kif stabbilit fid-Direttiva (UE) 2018/2001. Dan minħabba l-fatt li kważi l-provvista kollha tal-Unjoni tal-karburant tad-diżil diġà hija B7. Għal dik ir-raġuni, is-sehem massimu ta’ komponenti b’bażi bijoloġika jenħtieġ li jiżdied minn 7 % għal 10 %. Is-sostenn tal-adozzjoni mis-suq tal-B10, jiġifieri karburant tad-diżil li fih sa 10 % esteri metiliċi tal-aċidi xaħmin (FAME), jirrikjedi grad ta’ protezzjoni ta’ B7 madwar l-Unjoni għal 7 % FAME fil-karburant tad-diżil minħabba l-proporzjon imdaqqas ta’ vetturi mhux kompatibbli mal-B10 li mistenni jkun preżenti fil-flotta sal-2030. Dan jenħtieġ li jiġi rifless fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/70/KE kif emendata b’dan l-att.
(46)Id-dispożizzjonijiet tranżitorji jenħtieġ li jippermettu kontinwazzjoni ordnata tal-ġbir tad-data u t-twettiq tal-obbligi ta’ rapportar fir-rigward tal-Artikoli tad-Direttiva 98/70/KE mħassra minn din id-Direttiva.
(47)F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li, f’każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom tkun akkumpanjata minn dokument wieħed jew iktar li jispjega(w) ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġġustifikata, b’mod partikolari wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża l-Kummissjoni vs il-Belġju (Kawża C-543/17).
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Emendi għad-Direttiva (UE) 2018/2001
Id-Direttiva (UE) 2018/2001 hija emendata kif ġej:
(1)fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu huwa emendat kif ġej:
(a)il-punt (36) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(36) “karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika” tfisser karburanti likwidi u gassużi li l-kontenut ta’ enerġija tagħhom huwa derivat minn sorsi rinnovabbli minbarra l-bijomassa;”;
(b)il-punt (47) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(47) “valur awtomatiku” tfisser valur idderivat minn valur tipiku permezz tal-applikazzjoni ta’ fatturi determinati minn qabel u li jista’, f’ċirkostanzi speċifikati f’din id-Direttiva, jintuża minflok valur reali;”;
(c) jiddaħħlu l-punti li ġejjin:
“(1a) “injam tond ta’ kwalità” tfisser injam tond maqtugħ jew maħsud b’xi mod ieħor u mneħħi, li l-karatteristiċi tiegħu, bħall-ispeċi, id-dimensjonijiet, l-integrità, u d-densità tan-nodi, jagħmluh xieraq għall-użu industrijali, kif definit u debitament iġġustifikat mill-Istati Membri skont il-kundizzjonijiet rilevanti tal-foresti. Dan ma jinkludix operazzjonijiet żbir ta’ qabel il-kummerċjalizzazzjoni jew siġar estratti minn foresti affettwati minn nirien, pesti, mard jew ħsara minħabba fatturi abijotiċi;
(14a) “żona tal-offerti” tfisser żona tal-offerti kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (65) tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(14b) “sistema ta’ kejl intelliġenti” tfisser sistema ta’ kejl intelliġenti kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (23) tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(14c) “punt tal-irriċarġjar” tfisser punt tal-iċċarġjar kif definit fil-punt 33 tal-Artikolu 2, il-punt (33) tad-Direttiva (UE) Nru 2019/944;
(14d) “parteċipant tas-suq” tfisser parteċipant tas-suq kif definit fil-punt (25) tal-Artikolu 2, il-punt (25) tar-Regolament (UE) 2019/943;
(14e) “swieq tal-elettriku” tfisser swieq tal-elettriku kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (9) tad-Direttiva 2019/944;
(14f) “batterija domestika” tfisser batterija rikarikabbli awtonoma b’kapaċità nominali ta’ aktar minn 2 kwh, li hija adattata għall-installazzjoni u għall-użu f’ambjent domestiku;
(14g) “batterija ta’ vettura elettrika” tfisser batterija ta’ vettura elettrika kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (12) tar-[Regolament propost dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 2019/1020];
(14h) “batterija industrijali” tfisser batterija industrijali kif definita fil-punt (11) tal-Artikolu 2 tar-[Regolament propost dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 2019/1020];
(14i) “stat tas-saħħa” tfisser stat tas-saħħa kif definit fil-punt (25) tal-Artikolu 2 ta’ [il-proposta għal Regolament dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 2019/1020 ];
(14j) “stat taċ-ċarġ” tfisser stat taċ-ċarġ kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (24) tal-[proposta għal Regolament dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1020];
(14k) “set point tal-potenza” tfisser l-informazzjoni miżmuma f’sistema ta’ ġestjoni tal-batterija li tippreskrivi l-parametri tal-enerġija elettrika li fiha l-batterija topera matul operazzjoni ta’ rriċarġjar jew ta’ skarikar, sabiex l-istat tas-saħħa u l-użu operattiv tagħha jkunu ottimizzati;
(14l) “iċċarġjar intelliġenti” tfisser operazzjoni ta’ rriċarġjar li fiha l-intensità tal-elettriku fornut lill-batterija tiġi aġġustata f’ħin reali, abbażi tal-informazzjoni rċevuta permezz ta’ komunikazzjoni elettronika;
(14m) “awtorità regolatorja” tfisser awtorità regolatorja definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2019/943;
(14n) “iċċarġjar bidirezzjonali” tfisser iċċarġjar intelliġenti fejn id-direzzjoni taċ-ċarġ elettriku tista’ tinqaleb, sabiex iċ-ċarġ elettriku jgħaddi mill-batterija għall-punt tal-irriċarġjar li tkun imqabbda miegħu;
(14o) “punt tal-irriċarġjar b’enerġija normali” tfisser “punt tal-irriċarġjar b’enerġija normali” kif definit fl-Artikolu 2, il-punt 31 ta’ [il-proposta għal Regolament dwar l-użu ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE];
(18a) “industrija” tfisser il-kumpaniji u l-prodotti li jaqgħu taħt it-taqsimiet B, C, F u J, id-diviżjoni (63) tal-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi (NACE REV.2) ;
(18b) “skop mhux ta’ enerġija” tfisser l-użu ta’ karburanti bħala materja prima fi proċess industrijali, minflok ma jintużaw għall-produzzjoni tal-enerġija;
(22a) “karburanti rinnovabbli” tfisser bijokarburanti, bijolikwidi, karburanti tal-bijomassa u karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika;
(44a) “foresta ta’ tħawwil” tfisser foresta mħawla li hija ġestita b’mod intensiv u li tissodisfa, mat-tħawwil u mal-maturità, il-kriterji kollha li ġejjin: speċi waħda jew tnejn, klassi tal-età ugwali, u spazjar regolari. Dan jinkludi pjantaġġuni ta’ rotazzjoni qasira għall-injam, għall-fibra u għall-enerġija, u jeskludi l-foresti mħawla għall-protezzjoni jew għall-irkupru tal-ekosistema, kif ukoll il-foresti stabbiliti permezz tat-tħawwil jew tat-tiżrigħ li fil-maturità jixbhu jew se jixbhu foresti li jirriġeneraw b’mod naturali;
(44b) “foresta mħawla” tfisser foresta li fil-biċċa l-kbira hija magħmula minn siġar stabbiliti permezz tat-tħawwil u/jew taż-żrigħ intenzjonat sakemm is-siġar imħawla jew miżrugħa jkunu mistennija jikkostitwixxu aktar minn ħamsin fil-mija tal-injam wieqaf mal-maturità; dan jinkludi l-imsajġar minn siġar li oriġinarjament ikunu ġew imħawla jew miżrugħin;”;
(2) L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:
(a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. L-Istati Membri għandhom kollettivament jiżguraw li s-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija tal-Unjoni fl-2030 ikun ta’ mill-anqas 40 %.”;
(b) il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“3. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-enerġija mill-bijomassa tiġi prodotta b’mod li jimminimizza effetti distortivi bla bżonn fuq is-suq tal-materja prima tal-bijomassa u impatti dannużi fuq il-bijodiversità. Għal dak il-għan, huma għandhom iqisu l-ġerarkija tal-iskart kif stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98/KE u l-prinċipju kaskata msemmi fit-tielet subparagrafu.
Bħala parti mill-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu:
(a) L-Istati Membri ma għandhom jagħtu l-ebda appoġġ għal:
(i) l-użu ta’ zkuk għas-serrar, zkuk għall-fuljetti, ġdur u għeruq għall-produzzjoni tal-enerġija.
(ii) il-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli prodotta mill-inċinerazzjoni tal-iskart jekk ma jkunux ġew irrispettati l-obbligi ta’ ġbir separat stabbiliti fid-Direttiva 2008/98/KE.
(iii) prattiki li ma humiex konformi mal-att delegat imsemmi fit-tielet subparagrafu.
(b) Mill-31 ta’ Diċembru 2026, u mingħajr preġudizzju għall-obbligi fl-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri ma għandhom jagħtu l-ebda appoġġ lill-produzzjoni tal-elettriku mill-bijomassa tal-foresti f’installazzjonijiet tal-elettriku biss, sakemm tali elettriku ma jissodisfax mill-anqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(i) jiġi prodott f’reġjun identifikat fi pjan ta’ tranżizzjoni territorjali ġusta approvat mill-Kummissjoni Ewropea, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta minħabba d-dipendenza tiegħu fuq karburanti fossili solidi, u jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 29(11);
(ii) jiġi prodott bl-applikazzjoni tal-Qbid u l-Ħżin tal-Bijomassa tas-CO2 u jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 29(11).
Mhux aktar tard minn sena wara [id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva emendatorja], il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 35 dwar kif għandu jiġi applikat il-prinċipju kaskata għall-bijomassa, b’mod partikolari dwar kif għandu jiġi mminimizzat l-użu ta’ injam tond ta’ kwalità għall-produzzjoni tal-enerġija, b’enfasi fuq skemi ta’ appoġġ u b’kunsiderazzjoni xierqa għall-ispeċifiċitajiet nazzjonali.
Sal-2026, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-impatt tal-iskemi ta’ appoġġ tal-Istati Membri għall-bijomassa, inkluż dwar il-bijodiversità u d-distorsjonijiet possibbli tas-suq, u se tivvaluta l-possibbiltà għal aktar limitazzjonijiet fir-rigward tal-iskemi ta’ appoġġ għall-bijomassa tal-foresti.”;
(c) jiddaħħal il-paragrafu 4a li ġej:
“4a. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas, li jista’ jinkludi skemi ta’ appoġġ u l-iffaċilitar tal-adozzjoni ta’ ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli, li jippermettu l-użu tal-elettriku rinnovabbli għal livell li jkun konsistenti mal-kontribuzzjoni nazzjonali tal-Istat Membru msemmija fil-paragrafu 2 u b’pass li jkun konsistenti mat-trajettorji indikattivi msemmija fl-Artikolu 4(a)(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999. B’mod partikolari, dak il-qafas għandu jindirizza l-ostakli li jifdal, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għall-għoti ta’ permessi, għal livell għoli ta’ provvista tal-elettriku rinnovabbli. Meta jfasslu dak il-qafas, l-Istati Membri għandhom iqisu l-elettriku rinnovabbli addizzjonali meħtieġ biex tiġi ssodisfata d-domanda fis-setturi tat-trasport, tal-industrija, tal-binjiet u tat-tisħin u t-tkessiħ u għall-produzzjoni ta’ karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika.”;
(3)L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu, il-punt (a), (b), jew (c), il-gass u l-elettriku minn sorsi rinnovabbli għandhom jitqiesu darba biss għall-finijiet tal-kalkolu tas-sehem tal-konsum finali gross tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. L-enerġija prodotta minn karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika għandha titqies fis-settur — tal-elettriku, tat-tisħin u tat-tkessiħ jew tat-trasport — fejn tiġi kkonsmata.”
(b)fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), il-konsum finali gross tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli għandu jiġi kkalkolat bħala l-kwantità ta’ elettriku prodott fi Stat Membru minn sorsi rinnovabbli, inkluża l-produzzjoni tal-elettriku minn awtokonsumaturi ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u minn komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli u l-elettriku minn karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u minbarra l-produzzjoni tal-elettriku f’unitajiet ta’ akkumulu ppompjat mill-ilma li qabel kien jiġi ppompjat ’il fuq kif ukoll l-elettriku użat għall-produzzjoni ta’ karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika.”;
(c)fil-paragrafu 4, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(a) Il-konsum finali tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fis-settur tat-trasport għandu jiġi kkalkulat bħala s-somma tal-bijokarburanti, tal-bijogass u tal-karburanti rinnovabbli kollha ta’ oriġini mhux bijoloġika kkunsmati fis-settur tat-trasport.”;
(4)L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:
(a)jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:
“1a. Sal-31 ta’ Diċembru 2025, kull Stat Membru għandu jaqbel li jistabbilixxi mill-anqas proġett konġunt wieħed ma’ Stat Membru wieħed jew aktar għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Il-Kummissjoni għandha tiġi nnotifikata b’tali ftehim, inkluż id-data li fiha l-proġett ikun mistenni li jsir operazzjonali. Il-proġetti ffinanzjati mill-kontribuzzjonijiet nazzjonali skont il-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-Unjoni għall-enerġija rinnovabbli stabbilit bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1294 għandhom jitqiesu li jissodisfaw dan l-obbligu għall-Istati Membri involuti.”;
(b)jiddaħħal il-paragrafu li ġej:
“7a. L-Istati Membri li jmissu ma’ baċir tal-baħar għandhom jikkooperaw biex jiddefinixxu b’mod konġunt l-ammont ta’ enerġija rinnovabbli offshore li jippjanaw li jipproduċu f’dak il-baċir tal-baħar sal-2050, b’passi intermedji fl-2030 u fl-2040. Huma għandhom iqisu l-ispeċifiċitajiet u l-iżvilupp f’kull reġjun, il-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli offshore tal-baċir tal-baħar u l-importanza li jiġi żgurat l-ippjanar integrat tal-grilja assoċjat. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dak l-ammont fil-pjanijiet nazzjonali integrati aġġornati dwar l-enerġija u l-klima sottomessi skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2018/1999.”;
(5)L-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:
(a) il-paragrafu 2 huwa sostitwit kif ġej:
“2. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu b’mod ċar kwalunkwe speċifikazzjoni teknika li għandha tiġi ssodisfata minn tagħmir u sistemi ta’ enerġija rinnovabbli biex jibbenefikaw minn skemi ta’ sostenn. Fejn jeżistu standards armonizzati jew standards Ewropej, inklużi sistemi ta’ referenza teknika stabbiliti mill-organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej, dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu espressi skont dawk l-istandards. Għandha tingħata preċedenza lill-istandards armonizzati, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għal-leġiżlazzjoni Ewropea, u fin-nuqqas tagħhom, għandhom jintużaw standards armonizzati oħrajn u standards Ewropej, f’dik l-ordni. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma għandhomx jippreskrivu fejn it-tagħmir u s-sistemi għandhom jiġu ċċertifikati u ma għandhomx jimpedixxu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern”;
(b) jitħassru l-paragrafi 4, 5, 6 u 7:
(c) il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“8. L-Istati Membri għandhom jivvalutaw l-ostakli regolatorji u amministrattivi għall-ftehimiet dwar ix-xiri ta’ enerġija rinnovabbli fit-tul, u għandhom ineħħu ostakli mhux ġustifikati għal, u jippromwovu l-adozzjoni ta’, ftehimiet bħal dawn, inkluż billi jesploraw kif jitnaqqsu r-riskji finanzjarji assoċjati magħhom, b’mod partikolari billi jużaw garanziji ta’ kreditu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-ftehimiet ma jkunux soġġetti għal proċeduri jew imposti sproporzjonati jew diskriminatorji, u li kwalunkwe garanzija tal-oriġini assoċjata tkun tista’ tiġi ttrasferita lix-xerrej tal-enerġija rinnovabbli skont il-ftehim dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli.
L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu l-politiki u l-miżuri tagħhom li jippromwovu l-adozzjoni ta’ ftehimiet dwar ix-xiri ta’ enerġija rinnovabbli fil-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima msemmija fl-Artikoli 3 u 14 tar-Regolament (UE) 2018/1999 u fir-rapporti ta’ progress ippreżentati skont l-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament. F’dawk ir-rapporti, huma għandhom jipprovdu wkoll indikazzjoni tal-volum tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli appoġġata minn ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli.”;
(d) jiżdied il-paragrafu 9 li ġej:
“9. Sa sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva emendatorja, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina, u fejn xieraq, tipproponi modifiki għar-regoli dwar il-proċeduri amministrattivi stabbiliti fl-Artikoli 15, 16 u 17 u l-applikazzjoni tagħhom, u tista’ tieħu miżuri addizzjonali biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħhom.”;
(6)jiddaħħal l-Artikolu li ġej:
“L-Artikolu 15a
L-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-binjiet
1.Sabiex jiġu promossi l-produzzjoni u l-użu tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tal-bini, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mira indikattiva għas-sehem ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija fis-settur tal-bini tagħhom fl-2030 li tkun konsistenti ma’ mira indikattiva ta’ sehem ta’ mill-anqas 49 % ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fis-settur tal-bini fil-konsum finali tal-enerġija tal-Unjoni fl-2030. Il-mira nazzjonali għandha tiġi espressa f’termini ta’ sehem mill-konsum finali nazzjonali tal-enerġija u għandha tiġi kkalkulata f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 7. L-Istati Membri għandhom jinkludu l-mira tagħhom fil-pjanijiet nazzjonali integrati aġġornati dwar l-enerġija u l-klima sottomessi skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2018/1999 kif ukoll informazzjoni dwar kif qed jippjanaw li jilħquha.
2.L-Istati Membri għandhom jintroduċu miżuri fir-regolamenti u l-kodiċijiet tal-bini tagħhom u, fejn applikabbli, fl-iskemi ta’ appoġġ tagħhom, biex iżidu s-sehem tal-elettriku u t-tisħin u t-tkessiħ minn sorsi rinnovabbli fl-istokk tal-bini, inklużi miżuri nazzjonali relatati ma’ żidiet sostanzjali fl-awtokonsum tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, il-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli u l-ħżin tal-enerġija lokali, flimkien mat-titjib fl-effiċjenza enerġetika relatat mal-koġenerazzjoni u mal-binjiet passivi, b’enerġija kważi żero u b’enerġija żero.
Sabiex jinkiseb is-sehem indikattiv ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli stabbilit fil-paragrafu 1, l-Istati Membri, fir-regolamenti u fil-kodiċijiet tagħhom dwar il-bini u, fejn applikabbli, fl-iskemi ta’ appoġġ tagħhom jew b’mezzi oħra b’effett ekwivalenti, għandhom jirrikjedu l-użu ta’ livelli minimi ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-binjiet, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/31/UE. L-Istati Membri għandhom jippermettu li dawk il-livelli minimi jiġu ssodisfati, fost l-oħrajn, permezz ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti.
Għall-binjiet eżistenti, l-ewwel subparagrafu għandu japplika għall-forzi armati biss diment li l-applikazzjoni tiegħu ma tikkawża l-ebda kunflitt man-natura u mal-għan prinċipali tal-attivitajiet tal-forzi armati u bl-eċċezzjoni ta’ materjal użat b’mod esklussiv għal finijiet militari.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-binjiet pubbliċi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, jissodisfaw rwol eżemplari fir-rigward tas-sehem tal-enerġija rinnovabbli użata, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2010/31/UE u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2012/27/UE. L-Istati Membri jistgħu, fost l-oħrajn, jippermettu li dak l-obbligu jiġi ssodisfat billi jipprevedu li s-soqfa ta’ binjiet pubbliċi jew pubbliċi privati mħallata jintużaw minn partijiet terzi għal installazzjonijiet li jipproduċu enerġija minn sorsi rinnovabbli.
4.Sabiex jinkiseb is-sehem indikattiv tal-enerġija rinnovabbli stabbilit fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jippromwovu l-użu ta’ sistemi u tagħmir ta’ tisħin u tkessiħ rinnovabbli. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jużaw il-miżuri, l-għodod u l-inċentivi xierqa kollha, inklużi, fost l-oħrajn, it-tikketti tal-enerġija żviluppati skont ir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, iċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija skont id-Direttiva 2010/31/UE, jew ċertifikati jew standards xierqa oħra żviluppati fil-livell nazzjonali jew tal-Unjoni, u għandhom jiżguraw l-għoti ta’ informazzjoni u pariri adegwati dwar alternattivi rinnovabbli u effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija kif ukoll dwar l-istrumenti u l-inċentivi finanzjarji disponibbli għall-promozzjoni ta’ rata ta’ sostituzzjoni akbar ta’ sistemi ta’ tisħin antiki u bidla akbar għal soluzzjonijiet ibbażati fuq l-enerġija rinnovabbli.”;
(7)fl-Artikolu 18, il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:
“3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni jkunu disponibbli għall-installaturi u għad-disinjaturi tal-forom kollha ta’ sistemi ta’ tisħin u tkessiħ rinnovabbli fil-binjiet, fl-industrija u fl-agrikoltura, u għall-installaturi ta’ sistemi fotovoltajċi solari. Dawk l-iskemi jistgħu jqisu l-iskemi u l-istrutturi eżistenti kif xieraq, u għandhom ikunu bbażati fuq il-kriterji stabbiliti fl-Anness IV. Kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi ċ-ċertifikazzjoni mogħtija minn Stati Membri oħra f’konformità ma’ dawk il-kriterji.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li installaturi mħarrġa u kwalifikati tas-sistemi tat-tisħin u t-tkessiħ rinnovabbli jkunu disponibbli f’numri suffiċjenti għat-teknoloġiji rilevanti biex imantnu t-tkabbir tat-tisħin u t-tkessiħ rinnovabbli meħtieġ biex jikkontribwixxi għaż-żieda annwali fis-sehem tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ kif stabbilit fl-Artikolu 23.
Sabiex jinkisbu tali numri suffiċjenti ta’ installaturi u disinjaturi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm disponibbli programmi ta’ taħriġ suffiċjenti li jwasslu għal kwalifika jew għal ċertifikazzjoni u li jkopru t-teknoloġiji tat-tisħin u t-tkessiħ rinnovabbli, u l-aħħar soluzzjonijiet innovattivi tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miżuri biex jippromwovu l-parteċipazzjoni f’tali programmi, b’mod partikolari minn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u dawk li jaħdmu għal rashom. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu ftehimiet volontarji mal-fornituri u mal-bejjiegħa tat-teknoloġija rilevanti biex iħarrġu għadd suffiċjenti ta’ installaturi, li jistgħu jkunu bbażati fuq stimi tal-bejgħ, fl-aktar soluzzjonijiet u teknoloġiji innovattivi riċenti disponibbli fis-suq.
4. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-informazzjoni dwar l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 disponibbli għall-pubbliku. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-lista tal-installaturi li jkunu kkwalifikati jew iċċertifikati f’konformità mal-paragrafu 3 tiġi aġġornata regolarment u ssir disponibbli għall-pubbliku.”;
(8)L-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:
(i)l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tinħareġ garanzija tal-oriġini bi tweġiba għal talba minn produttur tal-enerġija minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu arranġamenti biex jinħarġu garanziji tal-oriġini għall-enerġija minn sorsi ta’ enerġija mhux rinnovabbli. Il-ħruġ ta’ garanziji tal-oriġini jista’ jkun soġġett għal limitu minimu ta’ kapaċità. Garanzija tal-oriġini għandha tkun tad-daqs standard ta’ 1 MWh. Ma għandhiex tinħareġ aktar minn garanzija tal-oriġini waħda fir-rigward ta’ kull unità ta’ enerġija prodotta.”;
(ii)jitħassar il-ħames subparagrafu;
(b)fil-paragrafu 8, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Meta fornitur tal-elettriku jkun mitlub juri s-sehem jew il-kwantità ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija tiegħu għall-finijiet tal-Artikolu 3(9), il-punt (a) tad-Direttiva 2009/72/KE, huwa għandu jagħmel dan billi juża garanziji tal-oriġini ħlief fir-rigward tas-sehem tat-taħlita tal-enerġija tiegħu li jikkorrispondi għal offerti kummerċjali mhux intraċċati, jekk ikun hemm, li għalihom il-fornitur jista’ juża t-taħlita residwa.”;
(9) fl-Artikolu 20, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“3. Skont l-evalwazzjoni tagħhom inkluża fil-pjanijiet integrati nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima f’konformità mal-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/1999, dwar in-neċessità li tinbena infrastruttura ġdida għat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali minn sorsi rinnovabbli bil-għan li tinkiseb il-mira tal-Unjoni stipulata fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom, fejn rilevanti, jieħdu l-passi meħtieġa bil-għan li tiġi żviluppata infrastruttura distrettwali għall-promozzjoni tat-tisħin u t-tkessiħ minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli inkluż l-enerġija solari, l-enerġija ġeotermali, il-bijomassa, il-bijogass, il-bijolokwidi u s-sħana u l-kesħa mormija, f’kombinazzjoni mal-ħżin tal-enerġija termali.”;
(10)jiddaħħal l-Artikolu 20a li ġej:
“L-Artikolu 20a
Iffaċilitar tal-integrazzjoni tas-sistema tal-elettriku rinnovabbli
“1. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni u l-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni fit-territorju tagħhom jagħmlu disponibbli informazzjoni dwar is-sehem tal-elettriku rinnovabbli u l-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-elettriku fornut f’kull żona tal-offerti, bl-aktar mod preċiż possibbli u qrib il-ħin reali kemm jista’ jkun iżda f’intervalli ta’ ħin ta’ mhux aktar minn siegħa, bit-tbassir fejn disponibbli. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli b’mod diġitali b’mod li jiżgura li tkun tista’ tintuża mill-parteċipanti fis-suq tal-elettriku, mill-aggregaturi, mill-konsumaturi u mill-utenti finali, u li tista’ tinqara b’apparati ta’ komunikazzjoni elettronika bħas-sistemi ta’ kejl intelliġenti, il-punti tal-irriċarġjar tal-vetturi elettriċi, is-sistemi tat-tisħin u t-tkessiħ u s-sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija tal-binjiet.
2. Minbarra r-rekwiżiti fi [il-proposta għal Regolament dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 2019/1020], l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-manifatturi ta’ batteriji domestiċi u industrijali jippermettu aċċess f’ħin reali għal informazzjoni bażika dwar is-sistema tal-ġestjoni tal-batteriji, inkluż il-kapaċità tal-batteriji, l-istat tas-saħħa, l-istat taċ-ċarġ u s-set point tal-potenza, lis-sidien u lill-utenti tal-batteriji kif ukoll lil partijiet terzi li jaġixxu f’isimhom, bħall-kumpaniji tal-ġestjoni tal-enerġija tal-binjiet u l-parteċipanti fis-suq tal-elettriku, skont termini mhux diskriminatorji u bla ħlas.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-manifatturi tal-vetturi jagħmlu disponibbli, f’ħin reali, data fil-vettura relatata mal-istat tas-saħħa tal-batterija, mal-istat taċ-ċarġ tal-batterija, mal-valur programmat tal-enerġija tal-batterija, mal-kapaċità tal-batterija, kif ukoll mal-post tal-vetturi elettriċi għas-sidien u għall-utenti tal-vetturi elettriċi, kif ukoll għall-partijiet terzi li jaġixxu f’isem is-sidien u l-utenti, bħall-parteċipanti fis-suq tal-elettriku u l-fornituri tas-servizzi tal-elettromobbiltà, skont termini mhux diskriminatorji u bla ebda ħlas, minbarra rekwiżiti ulterjuri fir-regolament dwar l-approvazzjoni tat-tip u s-sorveljanza tas-suq.
3. Minbarra r-rekwiżiti fi [il-proposta għal Regolament dwar l-użu ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi, li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE], l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-punti normali tal-irriċarġjar tal-enerġija mhux aċċessibbli għall-pubbliku installati fit-territorju tagħhom minn [l-iskadenza tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva emendatorja] ikunu jistgħu jappoġġaw funzjonalitajiet intelliġenti tal-iċċarġjar u, fejn xieraq abbażi ta’ valutazzjoni mill-awtorità regolatorja, funzjonalitajiet tal-iċċarġjar bidirezzjonali.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qafas regolatorju nazzjonali ma jiddiskriminax kontra l-parteċipazzjoni fis-swieq tal-elettriku, inkluż il-ġestjoni tal-konġestjoni u l-forniment ta’ servizzi ta’ flessibbiltà u ta’ bbilanċjar, ta’ sistemi żgħar jew mobbli bħall-batteriji domestiċi u l-vetturi elettriċi, kemm direttament kif ukoll permezz tal-aggregazzjoni.”;
(11) jiddaħħal l-Artikolu 22a li ġej:
“L-Artikolu 22a
L-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fl-industrija
1.L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex iżidu s-sehem tas-sorsi rinnovabbli fl-ammont ta’ sorsi ta’ enerġija użati għall-finijiet ta’ enerġija u mhux ta’ enerġija finali fis-settur tal-industrija b’żieda annwali medja indikattiva ta’ 1,1 punti perċentwali sal-2030.
L-Istati Membri għandhom jinkludu l-miżuri ppjanati u meħuda biex tinkiseb tali żieda indikattiva fil-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima u fir-rapporti ta’ progress ippreżentati skont l-Artikoli 3, 14 u 17 tar-Regolament (UE) 2018/1999.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontribut ta’ karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika użati għal finijiet ta’ enerġija u mhux ta’ enerġija finali għandu jkun ta’ 50 % tal-idroġenu użat għal finijiet ta’ enerġija u mhux ta’ enerġija finali fl-industrija sal-2030. Ir-regoli li ġejjin għandhom jintużaw biex jiġi kkalkulat dak il-perċentwal:
(a) Għall-kalkolu tad-denominatur, għandu jitqies il-kontenut enerġetiku tal-idroġenu għal skopijiet ta’ enerġija u mhux enerġija finali, minbarra l-idroġenu użat bħala prodotti intermedji għall-produzzjoni ta’ karburanti tat-trasport konvenzjonali.
(b) Għall-kalkolu tan-numeratur, għandu jitqies il-kontenut enerġetiku tal-karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika kkunsmati fis-settur tal-industrija għal finijiet ta’ enerġija u mhux ta’ enerġija finali, minbarra l-karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika użati bħala prodotti intermedji għall-produzzjoni ta’ karburanti tat-trasport konvenzjonali.
(c) Għall-kalkolu kemm tan-numeratur kif ukoll tad-denominatur, għandhom jintużaw il-valuri li jirrigwardaw il-kontenut enerġetiku tal-karburanti għat-trasport kif stabbilit fl-Anness III.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prodotti industrijali li jkunu ttikkettati jew iddikjarati li huma prodotti b’enerġija rinnovabbli u b’karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika għandhom jindikaw il-perċentwal ta’ enerġija rinnovabbli użata jew ta’ karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika użati fl-istadju tal-akkwist u tal-ipproċessar minn qabel, tal-manifattura u tad-distribuzzjoni tal-materja prima, ikkalkulat abbażi tal-metodoloġiji stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni 2013/179/UE jew, inkella, fl-ISO 14067:2018.”;
(12)L-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. Sabiex jippromwovi l-użu tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ, kull Stat Membru għandu jżid is-sehem ta’ enerġija rinnovabbli f’dak is-settur b’mill-anqas 1,1 punti perċentwali bħala medja annwali kkalkulata għall-perjodi 2021-2025 u 2026-2030, billi jibda mis-sehem ta’ enerġija rinnovabbli fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ fl-2020, espress f’termini ta’ sehem nazzjonali tal-konsum tal-enerġija finali u kkalkulat f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 7.
Dik iż-żieda għandha tkun ta’ 1,5 punti perċentwali għall-Istati Membri fejn jintużaw is-sħana u l-kesħa mormija. F’dak il-każ, l-Istati Membri jistgħu jgħoddu s-sħana u l-kesħa mormija sa 40 % taż-żieda annwali medja.
Minbarra ż-żieda annwali minima ta’ 1,1 punti perċentwali msemmija fl-ewwel subparagrafu, kull Stat Membru għandu jagħmel ħiltu biex iżid is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ tiegħu bl-ammont stabbilit fl-Anness 1a.”;
(b)jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:
“1a. L-Istati Membri għandhom iwettqu valutazzjoni tal-potenzjal tagħhom ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli u tal-użu tas-sħana u l-kesħa mormija fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ inkluż, fejn xieraq, analiżi taż-żoni adatti għall-użu tagħhom f’riskju ekoloġiku baxx u tal-potenzjal għal proġetti domestiċi fuq skala żgħira. Il-valutazzjoni għandha tistabbilixxi stadji importanti u miżuri biex jiżdiedu s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-tisħin u t-tkessiħ u, fejn xieraq, l-użu tas-sħana u l-kesħa mormija permezz tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali bil-għan li tiġi stabbilita strateġija nazzjonali fit-tul għad-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin u t-tkessiħ. Il-valutazzjoni għandha tkun parti mill-pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima msemmija fl-Artikoli 3 u 14 tar-Regolament (UE) 2018/1999, u għandha takkumpanja l-valutazzjoni komprensiva tat-tisħin u t-tkessiħ meħtieġa mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2012/27/UE.”;
(c) fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) jitħassar.
(d)il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“4. Sabiex tinkiseb iż-żieda annwali medja msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jimplimentaw miżura waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:
(a)inkorporazzjoni fiżika tal-enerġija rinnovabbli jew tas-sħana u l-kesħa mormija fis-sorsi u fil-karburanti tal-enerġija fornuti għat-tisħin u t-tkessiħ;
(b)l-installazzjoni ta’ sistemi ta’ tisħin u tkessiħ rinnovabbli effiċjenti ħafna fil-binjiet, jew l-użu ta’ enerġija rinnovabbli jew sħana u kesħa mormija fi proċessi ta’ tisħin u tkessiħ industrijali;
(c)miżuri koperti minn ċertifikati kummerċjabbli li jagħtu xhieda tal-konformità mal-obbligu stipulat fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, permezz ta’ appoġġ għal miżuri ta’ installazjoni skont il-punt (b) ta’ dan il-paragrafu, imwettqa minn operatur ekonomiku ieħor bħal installatur tat-teknoloġija rinnovabbli indipendenti jew kumpanija tas-servizzi tal-enerġija li tipprovdi servizzi ta’ installazzjoni tal-enerġija rinnovabbli;
(d)il-bini tal-kapaċitajiet għall-awtoritajiet nazzjonali u lokali biex jippjanaw u jimplimentaw proġetti u infrastrutturi tal-enerġija rinnovabbli;
(e)il-ħolqien ta’ oqfsa tal-mitigazzjoni tar-riskju biex jitnaqqas il-kost tal-kapital għal proġetti ta’ tisħin u tkessiħ rinnovabbli;
(f)il-promozzjoni ta’ ftehimiet dwar ix-xiri tas-sħana għal konsumaturi żgħar korporattivi u kollettivi;
(g)skemi ta’ sostituzzjoni ppjanati tas-sistemi tat-tisħin bil-karburanti fossili jew skemi ta’ eliminazzjoni gradwali tal-karburanti fossili bi stadji importanti;
(h)l-ippjanar tas-sħana rinnovabbli, li jinkludi t-tkessiħ, ir-rekwiżiti fil-livell lokali u reġjonali;
(i)miżuri ta’ politika oħrajn, b’effett ekwivalenti, inklużi miżuri fiskali, skemi ta’ appoġġ jew inċentivi finanzjarji oħrajn.
Meta jadottaw u jimplimentaw dawk il-miżuri, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-aċċessibbiltà tagħhom għall-konsumaturi kollha, b’mod partikolari dawk f’unitajiet domestiċi bi dħul baxx jew vulnerabbli, li kieku ma jkollhomx biżżejjed kapital bil-quddiem biex jibbenefikaw.”;
(13)L-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-enerġija u s-sehem ta’ enerġija rinnovabbli fis-sistemi ta’ tisħin u ta’ tkessiħ distrettwali tagħhom tingħata b’mod faċli u aċċessibbli lill-konsumaturi finali, bħal fuq kontijiet jew fuq is-siti web tal-fornituri u fuq talba. L-informazzjoni dwar is-sehem tal-enerġija rinnovabbli għandha tiġi espressa mill-anqas bħala perċentwal tal-konsum finali gross tat-tisħin u t-tkessiħ assenjat lill-klijenti ta’ sistema partikolari ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali, inkluż l-informazzjoni dwar kemm intużat enerġija biex tiġi kkonsenjata unità waħda ta’ tisħin lill-klijent jew lill-utent finali.”;
(b)il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“4. L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex iżidu s-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u mis-sħana u l-kesħa mormija fit-tisħin u t-tkessiħ distrettwali b’mill-anqas 2,1 punti perċentwali bħala medja annwali kkalkulata għall-perjodu 2021 sa 2025 u għall-perjodu 2026 sa 2030, billi jibdew mis-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u mis-sħana u l-kesħa mormija fit-tisħin u t-tkessiħ distrettwali fl-2020, u għandhom jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għal dak il-għan. Is-sehem tal-enerġija rinnovabbli għandu jiġi espress f’termini ta’ sehem tal-konsum finali gross tal-enerġija fit-tisħin u t-tkessiħ distrettwali aġġustat għall-kundizzjonijiet klimatiċi medji normali.
L-Istati Membri b’sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli u minn sorsi ta’ sħana u kesħa mormija fit-tisħin u t-tkessiħ distrettwali ogħla minn 60 % jistgħu jgħoddu kwalunkwe tali sehem bħala li jissodisfa ż-żieda medja annwali msemmija fl-ewwel subparagrafu.
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa biex jimplimentaw iż-żieda medja annwali msemmija fl-ewwel subparagrafu fil-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima skont l-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/1999.”;
(c)jiddaħħal il-paragrafu 4a li ġej:
“4a. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi ta’ sistemi ta’ tisħin jew tkessiħ distrettwali ta’ kapaċità ta’ ’l fuq minn 25 MWth ikunu obbligati li jikkollegaw lil fornituri ta’ partijiet terzi tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u minn sħana u kesħa mormija jew li jkunu obbligati li joffru li jikkollegaw u jixtru sħana jew kesħa minn sorsi rinnovabbli u minn sħana u kesħa mormija minn fornituri ta’ partijiet terzi abbażi ta’ kriterji mhux diskriminatorji stabbiliti mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, fejn dawn l-operaturi jridu jagħmlu waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:
(a) jissodisfaw id-domanda minn klijenti ġodda;
(b) jissostitwixxu l-kapaċità eżistenti ta’ ġenerazzjoni tas-sħana jew tal-kesħa;
(c) jespandu l-kapaċità eżistenti ta’ ġenerazzjoni tas-sħana jew tal-kesħa.”;
(d) il-paragrafi 5 u 6 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“5. L-Istati Membri jistgħu jippermettu lil operatur ta’ sistema ta’ tisħin jew tkessiħ distrettwali jirrifjuta li jikkonnettja u li jixtri sħana jew kesħa minn fornitur ta’ parti terza fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
(a) is-sistema ma jkollhiex il-kapaċità meħtieġa minħabba provvisti oħra ta’ sħana jew ta’ kesħa minn sorsi rinnovabbli jew ta’ sħana u kesħa mormija;
(b) is-sħana jew il-kesħa mill-fornitur terz ma tissodisfax il-parametri tekniċi meħtieġa għall-kollegament u biex jiġi żgurat operat affidabbli u sikur tas-sistema ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali;
(c) l-operatur jista’ juri li l-għoti ta’ aċċess iwassal għal żieda eċċessiva fil-kost tat-tisħin jew tat-tkessiħ għall-klijenti finali meta mqabbel mal-kost tal-provvista lokali ewlenija ta’ tisħin jew tkessiħ li magħha jikkompetu s-sors rinnovabbli jew is-sħana u l-kesħa mormija;
(d) is-sistema tal-operatur tissodisfa d-definizzjoni ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti stabbilita fl-[Artikolu x tar-riformulazzjoni proposta tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika].
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta operatur ta’ sistema tat-tisħin jew tkessiħ distrettwali jirrifjuta li jikkonnettja fornitur tat-tisħin jew tat-tkessiħ skont l-ewwel subparagrafu, l-informazzjoni dwar ir-raġunijiet għar-rifjut, kif ukoll il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati u l-miżuri li għandhom jittieħdu fis-sistema sabiex issir il-konnessjoni, tiġi pprovduta minn dak l-operatur lill-awtorità kompetenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ proċess xieraq għar-rimedju tar-rifjuti mhux ġustifikati.
6. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas ta’ koordinazzjoni bejn l-operaturi tas-sistemi tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali u s-sorsi potenzjali tas-sħana u l-kesħa mormija fis-setturi industrijali u terzjarji biex jiffaċilitaw l-użu tas-sħana u l-kesħa mormija. Dak il-qafas ta’ koordinazzjoni għandu jiżgura djalogu fir-rigward tal-użu tas-sħana u l-kesħa mormija li jinvolvi mill-anqas:
(a) l-operaturi ta’ sistemi tat-tisħin u tat-tkessiħ distrettwali;
(b) l-intrapriżi tas-settur industrijali u terzjarju li jiġġeneraw sħana u kesħa mormija li jistgħu jiġu rkuprati b’mod ekonomiku permezz ta’ sistemi ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali, bħaċ-ċentri tad-data, l-impjanti industrijali, il-binjiet kummerċjali kbar u t-trasport pubbliku; u
(c) l-awtoritajiet lokali responsabbli għall-ippjanar u għall-approvazzjoni tal-infrastrutturi tal-enerġija.”;
(e) il-paragrafi 8, 9 u 10 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“8. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas li skontu l-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni tal-elettriku jivvalutaw mill-anqas kull erba’ snin, f’kooperazzjoni mal-operaturi tas-sistemi ta’ tisħin jew tkessiħ distrettwali fl-oqsma rispettivi tagħhom, il-potenzjal għas-sistemi tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali li jipprovdu servizzi ta’ bbilanċjar u servizzi ta’ sistemi oħra, inkluż ir-rispons għad-domanda u l-ħżin termali ta’ elettriku żejjed minn sorsi rinnovabbli, u jekk l-użu tal-potenzjal identifikat ikunx aktar effiċjenti fir-riżorsi u aktar kosteffiċjenti mis-soluzzjonijiet alternattivi.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-elettriku jqisu kif xieraq ir-riżultati tal-valutazzjoni meħtieġa skont l-ewwel subparagrafu fl-ippjanar tal-grilja, fl-investiment fil-grilja u fl-iżvilupp tal-infrastruttura fit-territorji rispettivi tagħhom.
L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-koordinazzjoni bejn l-operaturi ta’ sistemi tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali u l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-elettriku biex jiżguraw li s-servizzi ta’ bbilanċjar, ħżin u flessibbiltà oħra, bħar-rispons għad-domanda, ipprovduti mill-operaturi tas-sistemi ta’ tisħin u ta’ tkessiħ distrettwali, ikunu jistgħu jipparteċipaw fis-swieq tal-elettriku tagħhom.
L-Istati Membri jistgħu jestendu r-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ koordinazzjoni skont l-ewwel u t-tielet subparagrafi għall-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-gass, inkluż in-networks tal-idroġenu u networks tal-enerġija oħrajn.
9. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet tal-konsumaturi u r-regoli għat-tħaddim tas-sistemi tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali f’konformità ma’ dan l-Artikolu jkunu definiti b’mod ċar u infurzati mill-awtorità kompetenti.
10. Stat Membru ma għandux ikun mitlub japplika l-paragrafi 2 u 9 meta tiġi ssodisfata tal-anqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) is-sehem tiegħu tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali kien anqas minn jew daqs 2 % tal-konsum finali gross tal-enerġija fit-tisħin u t-tkessiħ fl-24 ta’ Diċembru 2018;
(b) is-sehem tiegħu tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali jiżdied għal aktar minn 2 % tal-konsum finali gross tal-enerġija fit-tisħin u t-tkessiħ fl-24 ta’ Diċembru 2018 bl-iżvilupp ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti ġdid ibbażat fuq il-pjan nazzjonali integrat tiegħu dwar l-enerġija u l-klima skont l-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/1999 u l-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 23(1a) ta’ din id-Direttiva;
(c) 90 % tal-konsum finali gross tal-enerġija fis-sistemi tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali jseħħ f’sistemi tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali li jissodisfaw id-definizzjoni stabbilita fl-[Artikolu x tar-riformulazzjoni proposta tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika].”;
(14)L-Artikolu 25 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 25
It-tnaqqis fl-intensità tal-gassijiet serra fis-settur tat-trasport mill-użu tal-enerġija rinnovabbli
1. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi obbligu fuq il-fornituri tal-karburanti biex jiżguraw li:
(a) l-ammont ta’ karburanti rinnovabbli u ta’ elettriku rinnovabbli fornut lis-settur tat-trasport iwassal għal tnaqqis fl-intensità tal-gassijiet serra ta’ mill-anqas 13 % sal-2030, meta mqabbel mal-linja bażi stabbilita fl-Artikolu 27(1), il-punt (b), f’konformità ma’ trajettorja indikattiva stabbilita mill-Istat Membru;
(b) is-sehem ta’ bijokarburanti u bijogass avvanzati prodotti mill-materja prima elenkata fil-Parti A tal-Anness IX fl-enerġija fornuta lis-settur tat-trasport huwa mill-anqas 0,2 % fl-2022, 0,5 % fl-2025 u 2,2 % fl-2030, u s-sehem ta’ karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika huwa mill-anqas 2,6 % fl-2030.
Għall-kalkolu tat-tnaqqis imsemmi fil-punt (a) u s-sehem imsemmi fil-punt (b), l-Istati Membri għandhom iqisu l-karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika wkoll meta jintużaw bħala prodotti intermedji għall-produzzjoni ta’ karburanti konvenzjonali. Għall-kalkolu tat-tnaqqis imsemmi fil-punt (a), l-Istati Membri jistgħu jqisu l-karburanti tal-karbonju riċiklat.
Meta jistabbilixxu l-obbligu dwar il-fornituri tal-karburanti, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-fornituri tal-karburanti li jfornu l-elettriku jew karburanti tat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika mir-rekwiżit li jikkonformaw mas-sehem minimu ta’ bijokarburanti u bijogass avvanzati prodotti mill-materja prima elenkata fil-Parti A tal-Anness IX fir-rigward ta’ dawk il-karburanti.
2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu li jippermetti lill-fornituri tal-karburanti fit-territorju tagħhom jiskambjaw krediti għall-provvista ta’ enerġija rinnovabbli lis-settur tat-trasport. L-operaturi ekonomiċi li jfornu elettriku rinnovabbli lil vetturi elettriċi permezz ta’ stazzjonijiet pubbliċi tal-irriċarġjar għandhom jirċievu krediti, irrispettivament minn jekk l-operaturi ekonomiċi jkunux soġġetti għall-obbligu stabbilit mill-Istat Membru dwar il-fornituri tal-karburanti, u jistgħu jbigħu dawk il-krediti lill-fornituri tal-karburanti, li għandhom jitħallew jużaw il-krediti biex jissodisfaw l-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu.”;
(15)L-Artikolu 26 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:
(i) l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Għall-kalkolu tal-konsum finali gross tal-enerġija ta’ Stat Membru minn sorsi rinnovabbli msemmija fl-Artikolu 7 u l-objettiv ta’ tnaqqis tal-intensità tal-emissjonijiet imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 25(1), is-sehem ta’ bijokarburanti u bijolikwidi, kif ukoll ta’ karburanti tal-bijomassa kkunsmati fit-trasport, fejn jiġu prodotti minn għelejjel tal-ikel u tal-għalf, ma għandux ikun aktar minn punt perċentwali wieħed ogħla mis-sehem ta’ tali karburanti fil-konsum finali ta’ enerġija fis-settur tat-trasport fl-2020 f’dak l-Istat Membru, b’massimu ta’ 7 % ta’ konsum finali tal-enerġija fis-settur tat-trasport f’dak l-Istat Membru.”;
(ii) ir-raba’ subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Meta s-sehem ta’ bijokarburanti u bijolikwidi, kif ukoll ta’ karburanti tal-bijomassa kkunsmati fit-trasport, prodotti minn għelejjel tal-ikel u tal-għalf fi Stat Membru jkun limitat għal sehem ta’ anqas minn 7 % jew Stat Membru jiddeċiedi li jillimita s-sehem aktar, dak l-Istat Membru jista’ jnaqqas l-objettiv ta’ tnaqqis tal-intensità tal-emissjonijiet imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 25(1), kif xieraq, fid-dawl tal-kontribut li dawn il-karburanti kienu jagħmlu f’termini tal-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom iqisu li dawk il-karburanti jiffrankaw 50 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.”;
(b)fil-paragrafu 2, l-ewwel u l-ħames subparagrafi, “is-sehem minimu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 25(1)” huwa sostitwit bi “l-objettiv ta’ tnaqqis tal-intensità tal-emissjonijiet imsemmi fl-Artikolu 25(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a)”;
(16)L-Artikolu 27 huwa emendat kif ġej:
(a)it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Ir-regoli għall-kalkolu fis-settur tat-trasport u fir-rigward ta’ karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika irrispettivament mill-użu finali tagħhom”;
(b)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. Għall-kalkolu tat-tnaqqis fl-intensità tal-gassijiet serra msemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 25(1), għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:
(a) l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għandu jiġi kkalkulat kif ġej:
(i) għall-bijokarburanti u għall-bijogass, billi jiġi mmultiplikat l-ammont ta’ dawn il-karburanti fornuti lill-modi kollha tat-trasport bl-iffrankar tal-emissjonijiet tagħhom iddeterminat f’konformità mal-Artikolu 31;
(ii) għall-karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u għall-karburanti tal-karbonju riċiklat, billi jiġi mmultiplikat l-ammont ta’ dawn il-karburanti li jiġu fornuti lill-modi kollha tat-trasport bl-iffrankar tal-emissjonijiet tagħhom iddeterminati f’konformità mal-atti delegati adottati skont l-Artikolu 29a(3);
(iii) għall-elettriku rinnovabbli, billi jiġi mmultiplikat l-ammont ta’ elettriku rinnovabbli li jiġi pprovdut lill-modi kollha tat-trasport bil-komparatur tal-karburanti fossili ECF(e) stabbilit fl-Anness V;
(b) il-linja bażi msemmija fl-Artikolu 25(1) għandha tiġi kkalkolata billi jiġi mmultiplikat l-ammont ta’ enerġija fornuta lis-settur tat-trasport bil-komparatur tal-karburanti fossili EF(t) stabbilit fl-Anness V;
(c) għall-kalkolu tal-ammonti ta’ enerġija rilevanti, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:
(i) sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ enerġija fornuta lis-settur tat-trasport, għandhom jintużaw il-valuri fir-rigward tal-kontenut tal-enerġija tal-karburanti tat-trasport stabbiliti fl-Anness III;
(ii) sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut tal-enerġija tal-karburanti tat-trasport mhux inklużi fl-Anness III, l-Istati Membri għandhom jużaw l-istandards Ewropej rilevanti għad-determinazzjoni tal-valuri kalorifiċi tal-karburanti. Fejn l-ebda standard Ewropew ma jkun ġie adottat għal dak l-għan, għandhom jintużaw l-istandards tal-ISO rilevanti;
(iii) l-ammont ta’ elettriku rinnovabbli fornut lis-settur tat-trasport jiġi ddeterminat billi l-ammont ta’ elettriku fornut lil dak is-settur jiġi mmultiplikat bis-sehem medju ta’ elettriku rinnovabbli fornut fit-territorju tal-Istat Membru fis-sentejn preċedenti. Bħala eċċezzjoni, meta l-elettriku jinkiseb minn konnessjoni diretta ma’ installazzjoni li tiġġenera elettriku rinnovabbli u jiġi fornut lis-settur tat-trasport, dak l-elettriku għandu jingħadd bis-sħiħ bħala rinnovabbli;
(iv) is-sehem ta’ bijokarburanti u ta’ bijogass prodotti mill-materja prima elenkata fil-Parti B tal-Anness IX fil-kontenut tal-enerġija tal-karburanti u tal-elettriku fornuti lis-settur tat-trasport għandu, ħlief f’Ċipru u f’Malta, ikun limitat għal 1,7 %;
(d) it-tnaqqis fl-intensità tal-gassijiet serra mill-użu tal-enerġija rinnovabbli jiġi ddeterminat billi l-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-użu tal-bijokarburanti, tal-bijogass u tal-elettriku rinnovabbli pprovdut lill-modi kollha tat-trasport jiġi diviż bil-linja bażi.
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 35 biex tissuplimenta din id-Direttiva billi tadatta l-kontenut tal-enerġija tal-karburanti tat-trasport, kif stabbilit fl-Anness III, f’konformità mal-progress xjentifiku u tekniku;”;
(c)jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:
“1a. Għall-kalkolu tal-miri msemmija fl-Artikolu 25(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:
(a) għall-kalkolu tad-denominatur, jiġifieri l-ammont ta’ enerġija kkunsmata fis-settur tat-trasport, għandhom jitqiesu l-elettriku u l-karburanti kollha fornuti lis-settur tat-trasport;
(b) għall-kalkolu tan-numeratur, għandu jitqies il-kontenut ta’ enerġija ta’ bijokarburanti avvanzati u bijogass prodott mill-materja prima elenkata fil-Parti A tal-Anness IX u tal-karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika fornuti lill-modi kollha ta’ trasport fit-territorju tal-Unjoni;
(c) l-ishma ta’ bijokarburanti u ta’ bijogass avvanzati prodotti mill-materja prima elenkata fil-Parti A tal-Anness IX u ta’ karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika fornuti fil-modi ta’ avjazzjoni u marittimi għandhom jitqiesu bħala li huma 1,2 darbiet tal-kontenut tal-enerġija tagħhom.”;
(d)jitħassar il-paragrafu 2.
(d)il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:
(i)jitħassru l-ewwel, it-tieni u t-tielet subparagrafu;
(ii)ir-raba’ subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Meta l-elettriku jintuża għall-produzzjoni ta’ karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika, direttament jew għall-produzzjoni ta’ prodotti intermedji, is-sehem medju ta’ elettriku minn sorsi rinnovabbli fil-pajjiż tal-produzzjoni, kif imkejjel sentejn qabel is-sena inkwistjoni, għandu jintuża biex jiġi ddeterminat is-sehem tal-enerġija rinnovabbli.”;
(iii)fil-ħames subparagrafu, il-frażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:
“Madankollu, l-elettriku miksub minn konnessjoni diretta ma’ installazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli jista’ jingħadd bis-sħiħ bħala elettriku rinnovabbli fejn jintuża għall-produzzjoni ta’ karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika dment li l-installazzjoni:”;
(17)L-Artikolu 28 huwa emendat kif ġej:
(a)jitħassru l-paragrafi 2, 3 u 4.
(b)il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 35 biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tispeċifika l-metodoloġija biex tiddetermina s-sehem tal-bijokarburant, u tal-bijogass għat-trasport, li jirriżultaw mill-bijomassa li tkun qed tiġi pproċessata ma’ karburanti fossili fi proċess komuni.”;
(c)fil-paragrafu 7, “stabbilit fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 25(1)” hija sostitwita bi “stabbilit fl-Artikolu 25(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b)”;
(18)L-Artikolu 29 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:
(i) fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(a) il-kontribut lejn is-sehem tal-enerġija rinnovabbli tal-Istati Membri u
il-miri msemmija fl-Artikoli 3(1), 15a(1), 22a(1), 23(1), 24(4), u
25(1) ta’ din id-Direttiva;”;
(ii) ir-raba’ subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Il-karburanti tal-bijomassa għandhom jissodisfaw il-kriterji dwar is-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 7 u 10 jekk jintużaw,
–(a) fil-każ ta’ karburanti tal-bijomassa solida, f’installazzjonijiet li jipproduċu l-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ b’kapaċità termali kklassifikata totali ta’ 5 MW jew aktar,
–(b) fil-każ ta’ karburanti ta’ bijomassa gassuża, f’installazzjonijiet li jipproduċu l-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ b’kapaċità termali kklassifikata totali ta’ 2 MW jew aktar,
–(c) fil-każ ta’ installazzjonijiet li jipproduċu karburanti ta’ bijomassa gassuża bir-rata medja tal-fluss tal-bijometan li ġejja:
(i)aktar minn 200 m3 ta’ ekwivalenti ta’ metan/siegħa mkejjel f’kundizzjonijiet standard ta’ temperatura u pressjoni (jiġifieri 0ºC u pressjoni atmosferika ta’ 1 bar);
(ii) jekk il-bijogass ikun magħmul minn taħlita ta’ metan u gassijiet oħra mhux kombustibbli, għar-rata tal-fluss tal-metan, il-limitu stabbilit fil-punt (i) ikkalkulat mill-ġdid b’mod proporzjonali għas-sehem volumetriku tal-metan fit-taħlita;
(iii) is-subparagrafu li ġej jiddaħħal wara r-raba’ subparagrafu:
“L-Istati Membri jistgħu japplikaw il-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal installazzjonijiet b’kapaċità termali kklassifikata totali jew rata ta’ fluss tal-bijometan aktar baxxa.”;
(b)fil-paragrafu 3, jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara l-ewwel subparagrafu:
“Dan il-paragrafu, bl-eċċezzjoni tal-ewwel subparagrafu, il-punt (c), japplika wkoll għall-bijokarburanti, għall-bijolikwidi u għall-karburanti tal-bijomassa prodotti mill-bijomassa tal-foresti.”;
(c)fil-paragrafu 4, jiżdied is-subparagrafu li ġej:
“L-ewwel subparagrafu, bl-eċċezzjoni tal-punti (b) u (c), u t-tieni subparagrafu japplikaw ukoll għall-bijokarburanti, għall-bijolikwidi u għall-karburanti tal-bijomassa prodotti mill-bijomassa tal-foresti.”;
(d)il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“5. Il-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti tal-bijomassa prodotti mill-bijomassa agrikola jew tal-foresti ikkunsidrati għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punti (a), (b) u (c), ma għandhomx isiru minn materja prima miksuba minn art li f’Jannar 2008 kienet torbiera, sakemm ma tkunx ipprovduta evidenza li turi li l-kultivazzjoni u l-ħsad ta’ dik il-materja prima ma jinvolvux id-drenaġġ ta’ ħamrija li qabel ma jkunx sarilha drenaġġ.”;
(e)fil-paragrafu 6, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), il-punt (iv) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(iv) li l-ħsad isir b’kunsiderazzjoni taż-żamma tal-kwalità tal-ħamrija u tal-bijodiversità bil-għan li jiġu minimizzati l-impatti negattivi, b’mod li jiġi evitat il-ħsad tal-ġdur u tal-għeruq, id-degradazzjoni tal-foresti primarji jew il-konverżjoni tagħhom f’foresti ta’ tħawwil, u l-ħsad fuq ħamriji vulnerabbli; li jimminimizza tqaċċit totali tas-siġar u jiżgura limiti xierqa lokalment għall-estrazzjoni tal-injam niexef u rekwiżiti għall-użu ta’ sistemi ta’ qtugħ tas-siġar għall-injam li jimminimizzaw l-impatti fuq il-kwalità tal-ħamrija, inkluż il-kompattazzjoni tal-ħamrija, u fuq il-karatteristiċi u l-ħabitats tal-bijodiversità:”;
(f) fil-paragrafu 6, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), il-punt (iv) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(iv) li l-ħsad isir b’kunsiderazzjoni taż-żamma tal-kwalità tal-ħamrija u tal-bijodiversità bil-għan li jiġu minimizzati l-impatti negattivi, b’mod li jiġi evitat il-ħsad tal-ġdur u tal-għeruq, id-degradazzjoni tal-foresti primarji jew il-konverżjoni tagħhom f’foresti ta’ tħawwil, u l-ħsad fuq ħamriji vulnerabbli; li jimminimizza tqaċċit totali tas-siġar u jiżgura limiti xierqa lokalment għall-estrazzjoni tal-injam niexef u rekwiżiti għall-użu ta’ sistemi ta’ qtugħ tas-siġar għall-injam li jimminimizzaw l-impatti fuq il-kwalità tal-ħamrija, inkluż il-kompattazzjoni tal-ħamrija, u fuq il-karatteristiċi u l-ħabitats tal-bijodiversità:”;
(g) fil-paragrafu 10, l-ewwel subparagrafu, il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(d) mill-anqas 70 % għall-produzzjoni tal-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ mill-karburanti tal-bijomassa użati fl-installazzjonijiet sal-31 ta’ Diċembru 2025, u mill-anqas 80 % mill-1 ta’ Jannar 2026.”;
(19)jiddaħħal l-Artikolu 29a li ġej:
“L-Artikolu 29a
Kriterji għall-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u għall-karburanti tal-karbonju riċiklat
1.L-enerġija minn karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika għandha tingħadd għall-ishma tal-Istati Membri tal-enerġija rinnovabbli u l-miri msemmija fl-Artikoli 3(1), 15a(1), 22a(1), 23(1), 24(4) u 25(1) biss jekk l-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-użu ta’ dawk il-karburanti jkun ta’ mill-anqas 70 %.
2.L-enerġija mill-karburanti tal-karbonju riċiklat tista’ tingħadd għall-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra msemmija fl-Artikolu 25(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), biss jekk l-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-użu ta’ dawk il-karburanti jkun ta’ mill-anqas 70 %.
3.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 35 biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tispeċifika l-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u minn karburanti tal-karbonju riċiklat. Il-metodoloġija għandha tiżgura li l-kreditu għall-emissjonijiet evitati ma jingħatax għas-CO2 li l-qbid tiegħu diġà rċieva kreditu tal-emissjonijiet skont dispożizzjonijiet oħra tal-liġi.”;
(20)L-Artikolu 30 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-frażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:
“Fejn il-karburanti rinnovabbli u l-karburanti tal-karbonju rriċiklat għandhom jingħaddu mal-miri msemmija fl-Artikoli 3(1), 15a(1), 22a(1), 23(1), 24(4) u 25(1), l-Istati Membri għandhom jesiġu lill-operaturi ekonomiċi juru li l-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra stabbiliti fl-Artikoli 29(2) sa (7) u (10) u 29a(1) u (2) għall-karburanti rinnovabbli u għall-karburanti tal-karbonju riċiklat ġew issodisfati. Għal dak il-għan, huma għandhom jesiġu lill-operaturi ekonomiċi jużaw sistema ta’ bilanċ tal-massa li:”;
(b)fil-paragrafu 3, l-ewwel u t-tieni subparagrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:
“L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jippreżentaw informazzjoni affidabbli dwar il-konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra stabbiliti fl-Artikoli 29(2) sa (7) u (10) u 29a(1) u (2), u li l-operaturi ekonomiċi jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri rilevanti, fuq talba, id-data li ntużat biex tkun żviluppata l-informazzjoni.
L-obbligi stabbiliti f’dan il-paragrafu għandhom japplikaw irrispettivament minn jekk il-karburanti rinnovabbli u l-karburanti tal-karbonju riċiklat jkunux prodotti fl-Unjoni jew ikunux importati. L-informazzjoni dwar l-oriġini ġeografika u t-tip ta’ materja prima tal-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti tal-bijomassa għal kull fornitur tal-karburanti għandha tkun magħmula disponibbli għall-konsumaturi fuq is-siti web tal-operaturi, tal-fornituri jew tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti u għandha tiġi aġġornata fuq bażi annwali.”;
(c)fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li skemi nazzjonali jew internazzjonali volontarji li jistabbilixxu standards għall-produzzjoni ta’ karburanti rinnovabbli u karburanti tal-karbonju riċiklat, jipprovdu data preċiża dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-finijiet tal-Artikoli 29(10) u 29a (1) u (2), juru konformità mal-Artikoli 27(3) u 31a(5), jew juru li l-kunsinni ta’ bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti tal-bijomassa jikkonformaw mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 29(2) sa (7). Meta juru li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 29(6) u (7) huma ssodisfati, l-operaturi jistgħu jipprovdu l-evidenza meħtieġa direttament fil-livell taż-żona tas-sorsi. Il-Kummissjoni tista’ tirrikonoxxi żoni għall-protezzjoni ta’ ekosistemi jew ta’ speċijiet rari, mhedda jew fil-periklu, rikonoxxuti minn ftehimiet internazzjonali jew inklużi f’listi mfassla minn organizzazzjonijiet intergovernattivi jew mill-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura għall-finijiet tal-Artikolu 29(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c)(ii).”;
(d)il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“6. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu skemi nazzjonali fejn il-konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra stabbiliti fl-Artikoli 29(2) sa (7) u (10) u 29a(1) u (2), f’konformità mal-metodoloġija żviluppata skont l-Artikolu 29a(3), hija vverifikata tul il-katina kollha tal-kustodja li tinvolvi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Dawk l-iskemi jistgħu jintużaw ukoll biex tiġi vverifikata l-preċiżjoni u l-kompletezza tal-informazzjoni inkluża mill-operaturi ekonomiċi fil-bażi tad-data tal-Unjoni, biex tintwera l-konformità mal-Artikolu 27(3) u għaċ-ċertifikazzjoni ta’ bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti tal-bijomassa b’riskju baxx ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art.
Stat Membru jista’ jinnotifika tali skema nazzjonali lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħti prijorità lill-valutazzjoni ta’ tali skema sabiex tiffaċilita r-rikonoxximent bilaterali u multilaterali reċiproku ta’ dawk l-iskemi. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni jekk tali skema nazzjonali nnotifikata tikkonformax mal-kundizzjonijiet stipulati f’din id-Direttiva. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(3).
Fejn id-deċiżjoni tkun pożittiva, skemi oħrajn rikonoxxuti mill-Kummissjoni f’konformità ma’ dan l-Artikolu ma għandhomx jirrifjutaw ir-rikonoxximent reċiproku mal-iskema nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru fir-rigward tal-verifika tal-konformità mal-kriterji li għalihom tkun ġiet rikonoxxuta mill-Kummissjoni.
Għall-installazzjonijiet li jipproduċu t-tisħin u t-tkessiħ tal-elettriku b’kapaċità termali kklassifikata totali ta’ bejn 5 u 10 MW, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu skemi nazzjonali ssimplifikati ta’ verifika biex jiżguraw l-issodisfar tal-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra stabbiliti fil-paragrafi (2) sa (7) u (10) tal-Artikolu 29.”;
(e)fil-paragrafu 9, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“meta operatur ekonomiku jipprovdi evidenza jew data miksuba f’konformità ma’ skema li kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni skont il-paragrafu 4 jew 6, Stat Membru ma għandux jesiġi li l-operatur ekonomiku jipprovdi aktar evidenza ta’ konformità mal-elementi koperti mill-iskema li għaliha l-iskema tkun ġiet rikonoxxuta mill-Kummissjoni.”;
(f)il-paragrafu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Fuq talba ta’ Stat Membru, li tista’ tkun ibbażata fuq it-talba ta’ operatur ekonomiku, il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-evidenza kollha disponibbli, teżamina jekk il-kriterji tas-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra stabbiliti fl-Artikolu 29(2) sa (7) u (10) u fl-Artikolu 29a(1) u (2) fir-rigward ta’ sors ta’ karburanti rinnovabbli u ta’ karburanti tal-karbonju riċiklat ġewx issodisfati.
Fi żmien sitt xhur mill-wasla ta’ talba bħal din u f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(3), il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddeċiedi jekk l-Istat Membru kkonċernat jistax:
(a)
iqis il-karburanti rinnovabbli u l-karburanti tal-karbonju riċiklat minn dak is-sors għall-finijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1); jew
(b)
b’deroga mill-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu, jesiġi li l-fornituri tas-sors ta’ karburanti rinnovabbli u ta’ karburanti tal-karbonju riċiklat għandhom jipprovdu aktar evidenza ta’ konformità ma’ dawk il-kriterji ta’ sostenibbiltà u ta’ ffrankar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u dawk il-limiti ta’ ffrankar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.”;
(21)fl-Artikolu 31, jitħassru l-paragrafi 2, 3 u 4:
(22)jiddaħħal l-Artikolu li ġej:
“L-Artikolu 31a
Bażi tad-data tal-Unjoni
1.Il-Kummissjoni għandha tiżgura li tiġi stabbilita bażi tad-data tal-Unjoni li tippermetti t-traċċar ta’ karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi u ta’ karburanti tal-karbonju riċiklat.
2.L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-operaturi ekonomiċi rilevanti f’dik il-bażi tad-data jdaħħlu fil-ħin informazzjoni preċiża dwar it-tranżazzjonijiet li jkunu saru u l-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà tal-karburanti soġġetti għal dawk it-tranżazzjonijiet, inklużi l-emissjonijiet tagħhom ta’ gassijiet serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja, mill-punt tal-produzzjoni tagħhom sal-mument li jiġu kkunsmati fl-Unjoni. L-informazzjoni dwar jekk ġiex ipprovdut appoġġ għall-produzzjoni ta’ kunsinna speċifika ta’ karburant, u jekk iva, dwar it-tip ta’ skema ta’ appoġġ, għandha tiġi inkluża wkoll fil-bażi tad-data.
Fejn xieraq biex tittejjeb it-traċċabbiltà tad-data tul il-katina tal-provvista kollha, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 35 biex testendi ulterjorment il-kamp ta’ applikazzjoni tal-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fil-bażi tad-data tal-Unjoni biex tkopri data rilevanti mill-punt tal-produzzjoni jew tal-ġbir tal-materja prima użata għall-produzzjoni tal-karburant.
L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-fornituri tal-karburanti jdaħħlu l-informazzjoni meħtieġa biex jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 25(1), l-ewwel subparagrafu, fil-bażi tad-data tal-Unjoni.
3.L-Istati Membri għandu jkollhom aċċess għall-bażi tad-data tal-Unjoni għall-finijiet ta’ monitoraġġ u verifika tad-data.
4.Jekk ikunu nħarġu garanziji tal-oriġini għall-produzzjoni ta’ kunsinna ta’ gassijiet rinnovabbli, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-garanziji tal-oriġini jiġu kkanċellati qabel ma l-kunsinna ta’ gassijiet rinnovabbli tkun tista’ tiġi rreġistrata fil-bażi tad-data.
5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-preċiżjoni u l-kompletezza tal-informazzjoni inkluża mill-operaturi ekonomiċi fil-bażi tad-data tiġi vverifikata, pereżempju billi jintużaw skemi volontarji jew nazzjonali.
Għall-verifika tad-data, l-iskemi volontarji jew nazzjonali rikonoxxuti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 30(4), (5) u (6) jistgħu jużaw sistemi ta’ informazzjoni ta’ partijiet terzi bħala intermedjarji biex jiġbru d-data, dment li tali użu jkun ġie nnotifikat lill-Kummissjoni.
(23)L-Artikolu 35 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 8(3), it-tieni subparagrafu, fl-Artikolu 29a(3), fl-Artikolu 26(2), ir-raba’ subparagrafu, fl-Artikolu 26(2), il-ħames subparagrafu, fl-Artikolu 27(1), it-tieni subparagrafu, fl-Artikolu 27(3), ir-raba’ subparagrafu, fl-Artikolu 28(5), fl-Artikolu 28(6), it-tieni subparagrafu, fl-Artikolu 31(5), it-tieni subparagrafu, u fl-Artikolu 31a(2), it-tieni subparagrafu, għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin minn [id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva emendatorja]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.”;
(b)il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 7(3), il-ħames subparagrafu, fl-Artikolu 8(3), it-tieni subparagrafu, fl-Artikolu 29a(3), fl-Artikolu 26(2), ir-raba’ subparagrafu, fl-Artikolu 26(2), il-ħames subparagrafu, fl-Artikolu 27(1), it-tieni subparagrafu, fl-Artikolu 27(3), ir-raba’ subparagrafu, fl-Artikolu 28(5), fl-Artikolu 28(6), it-tieni subparagrafu, fl-Artikolu 31(5), u fl-Artikolu 31a(2), it-tieni subparagrafu, tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.”;
(c)il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Att delegat adottat skont l-Artikolu 7(3), il-ħames subparagrafu, l-Artikolu 8(3), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 29a(3), l-Artikolu 26(2), ir-raba’ subparagrafu, l-Artikolu 26(2) il-ħames subparagrafu, l-Artikolu 27(1), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 27(3), ir-raba’ subparagrafu, l-Artikolu 28(5), l-Artikolu 28(6), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 31(5), u l-Artikolu 31a(2), it-tieni subparagrafu għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li ma humiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;
(24)l-Annessi huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 2
Emendi għar-Regolament (UE) 2018/1999
(1)L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:
(a)il-punt 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(11) “il-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030” tfisser il-mira vinkolanti tal-Unjoni ta’ tnaqqis domestiku ta’ mill-anqas 40 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-ekonomija kollha meta mqabbel mal-1990 li trid tintlaħaq sal-2030, il-mira vinkolanti tal-Unjoni għall-enerġija rinnovabbli fl-2030 kif imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2018/2001, il-mira ewlenija fil-livell tal-Unjoni ta’ mill-anqas 32,5 % għat-titjib fl-effiċjenza enerġetika fl-2030, u l-mira tal-interkonnessjoni tal-elettriku ta’ 15 % għall-2030 jew kwalunkwe mira sussegwenti f’dan ir-rigward maqbula mill-Kunsill Ewropew jew mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill għall-2030.”;
(b)fil-punt 20, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(b) fil-kuntest tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq il-valutazzjoni skont il-punt (b) tal-Artikolu 29(1) fir-rigward tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, l-implimentazzjoni bikrija tal-kontribut ta’ Stat Membru lejn il-mira vinkolanti tal-Unjoni għall-enerġija rinnovabbli fl-2030 kif imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u kif imkejjel mal-punti ta’ referenza nazzjonali tagħha għall-enerġija rinnovabbli;”;
(2)Fl-Artikolu 4, il-punt (a)(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(2) fir-rigward tal-enerġija rinnovabbli:
Bl-għan li tintlaħaq il-mira vinkolanti tal-Unjoni għall-enerġija rinnovabbli fl-2030 kif imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2018/2001, kontribut għal dik il-mira f’termini tas-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli tal-Istat Membru fil-konsum finali gross tal-enerġija fl-2030, bi trajettorja indikattiva għal dak il-kontribut mill-2021 ’il quddiem. Sal-2022, it-trajettorja indikattiva għandha tilħaq punt ta’ referenza ta’ mill-anqas 18 % taż-żieda totali fis-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli bejn il-mira nazzjonali vinkolanti għall-2020 ta’ dak l-Istat Membru u l-kontribut tiegħu għall-mira tal-2030. Sal-2025, it-trajettorja indikattiva għandha tilħaq punt ta’ referenza ta’ mill-anqas 43 % taż-żieda totali fis-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli bejn il-mira nazzjonali vinkolanti għall-2020 ta’ dak l-Istat Membru u l-kontribut tiegħu għall-mira tal-2030. Sal-2027, it-trajettorja indikattiva għandha tilħaq punt ta’ referenza ta’ mill-anqas 65 % taż-żieda totali fis-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli bejn il-mira nazzjonali vinkolanti għall-2020 ta’ dak l-Istat Membru u l-kontribut tiegħu għall-mira tal-2030.
Sal-2030, it-trajettorja indikattiva għandha tilħaq mill-anqas il-kontribut ippjanat tal-Istat Membru. Jekk Stat Membru jistenna li jaqbeż il-mira nazzjonali vinkolanti tiegħu għall-2020, it-trajettorja indikattiva tiegħu tista’ tibda fil-livell li tkun ipproġettata li tilħaq. It-trajettorji indikattivi tal-Istati Membri, meħudin flimkien, għandhom jikkorrispondu għall-punti ta’ referenza tal-Unjoni fl-2022, fl-2025 u fl-2027 u għall-mira vinkolanti tal-Unjoni tal-enerġija rinnovabbli fl-2030 kif imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2018/2001. B’mod separat mill-kontribut tiegħu għall-mira tal-Unjoni u t-trajettorja indikattiva tiegħu għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, Stat Membru għandu jkun liberu li jindika ambizzjonijiet ogħla għall-finijiet tal-politika nazzjonali;”;
(3)Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2. L-Istati Membri b’mod kollettiv għandhom jiżguraw li s-somma tal-kontribuzzjonijiet tagħhom tammonta għal mill-anqas il-livell tal-mira vinkolanti tal-Unjoni għall-enerġija rinnovabbli fl-2030 kif imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2018/2001.”;
(4)Fl-Artikolu 29, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2. Fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, bħala parti mill-valutazzjoni tagħha msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-progress li jkun sar fis-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-Unjoni abbażi ta’ trajettorja indikattiva tal-Unjoni li tibda minn 20 % fl-2020, tilħaq punti ta’ referenza ta’ mill-anqas 18 % fl-2022, 43 % fl-2025 u 65 % fl-2027 taż-żieda totali fis-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli bejn il-mira tal-Unjoni għall-enerġija rinnovabbli fl-2020 u l-mira tal-Unjoni għall-enerġija rinnovabbli fl-2030, u tilħaq il-mira tal-Unjoni għall-enerġija rinnovabbli fl-2030 kif imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2018/2001.”;
Artikolu 3
Emendi għad-Direttiva 98/70/KE
Id-Direttiva 98/70/KE hija emendata kif ġej:
(1) L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni
Din id-Direttiva tistabbilixxi, fir-rigward ta’ vetturi tat-triq, u makkinarju mobbli mhux tat-triq (inklużi bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni meta ma jkunux fuq il-baħar), tratturi tal-biedja u tal-forestrija, u dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni meta ma jkunux fuq il-baħar, speċifikazzjonijiet tekniċi għal raġunijiet ambjentali u ta’ saħħa għall-karburanti li għandhom jintużaw ma’ magni “positive ignition” u magni “compression ignition”, filwaqt li tqis ir-rekwiżiti tekniċi ta’ dawk il-magni.”;
(2)L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:
(a)il-punti 1, 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“1. “petrol” tfisser kull żejt minerali volatili maħsub għat-tħaddim ta’ magni tal-kombustjoni interna positive ignition għall-propulsjoni ta’ vetturi u li jaqgħu fil-kodiċijiet NM 2710 12 41, 2710 12 45 u 2710 12 49;
2. “karburanti tad-diżil” tfisser żjut tal-gass li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 2710 19 43 kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u fir-Regolament (KE) 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jintużaw għal vetturi awtopropulsivi;
“3. “żjut tal-gass maħsuba għall-użu minn makkinarju mobbli mhux tat-triq (inklużi bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni), tratturi tal-agrikoltura u tal-forestrija, u dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni” tfisser kwalunkwe likwidu derivat miż-żejt naturali, li jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM 27101943, imsemmija fid-Direttiva 2013/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-Regolament (UE) 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u fir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u maħsuba għall-użu f’magni compression ignition.”;
(b) il-punti 8 u 9 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“8. “fornitur” tfisser “fornitur tal-karburant” kif definit fl-Artikolu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punt (38) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
“9. “bijokarburanti” tfisser “bijokarburanti” kif definiti fl-Artikolu 2, l-ewwel paragrafu, il-punt (33) tad-Direttiva 2018/2001;”;
(3)L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:
(a)Fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-fornituri jiżguraw it-tqegħid fis-suq tad-diżil b’kontenut ta’ mhux aktar minn 7 % ta’ ester metiliku tal-aċidi xaħmin (FAME).”
(b) Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2, L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontenut massimu permissibbli ta’ kubrit fiż-żjut tal-gass maħsuba għall-użu minn makkinarju mobbli mhux tat-triq (inklużi bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni), tratturi agrikoli u tal-forestrija u dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni jkun ta’ 10 mg/kg. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-karburanti likwidi għajr dawk iż-żjut tal-gass jistgħu jintużaw f’bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni u f’dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni biss jekk il-kontenut ta’ kubrit ta’ dawk il-karburanti likwidi ma jaqbiżx il-kontenut massimu permissibbli ta’ dawk iż-żjut tal-gass.”;
(4)jitħassru l-Artikoli 7a sa 7e.
(5)L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 1, jitħassru l-punti (g), (h), (i) u (k);
(b)jitħassar il-paragrafu 2;
(6)L-Annessi I, II, IV u V huma emendati f’konformità mal-Anness I ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 4
Dispożizzjonijiet tranżitorji
(1)L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data miġbura u rrapportata lill-awtorità maħtura mill-Istat Membru fir-rigward tas-sena [ĠU: issostitwixxi bis-sena kalendarja li matulha jidħol fis-seħħ it-tħassir] jew parti minnha f’konformità mal-Artikolu 7a(1), it-tielet subparagrafu, u l-Artikolu 7a(7) tad-Direttiva 98/70/KE, li jitħassru mill-Artikolu 3(4) ta’ din id-Direttiva, tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni.
(2)Il-Kummissjoni għandha tinkludi d-data msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fi kwalunkwe rapport li hija obbligata tissottometti skont id-Direttiva 98/70/KE.
Artikolu 5
Traspożizzjoni
1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2024. Għalhekk għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.
2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 6
Tħassir
Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 hija mħassra b’effett minn [ĠU: issostitwixxi bis-sena kalendarja li matulha jidħol fis-seħħ it-tħassir].
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President