Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0479

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tal-adozzjoni tal-baġit tal-Komunità tat-Trasport għall-2022

COM/2021/479 final

Brussell, 13.8.2021

COM(2021) 479 final

2021/0272(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tal-adozzjoni tal-baġit tal-Komunità tat-Trasport għall-2022


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali stabbilit skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni dwar il-baġit għall-2022 tal-Komunità tat-Trasport.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport

L-għan tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport huwa li tinħoloq Komunità tat-Trasport fil-qasam tat-trasport bit-triq, bil-ferrovija, bl-ilma navigabbli intern u marittimu, kif ukoll l-iżvilupp tan-network tat-trasport bejn l-Unjoni Ewropea u l-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa. It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019.

L-Unjoni Ewropea hija parti għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport 1 .

2.2.Il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali

Il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali huwa stabbilit permezz tal-Artikolu 24 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport. Huwa responsabbli mill-amministrazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport u għall-iżgurar tal-implimentazzjoni xierqa tiegħu. Għal dan il-għan, jagħmel rakkomandazzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport. B’mod partikolari, il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali:

(a)iħejji l-ħidma tal-Kunsill Ministerjali,

(b)jiddeċiedi dwar it-twaqqif ta’ kumitati tekniċi,

(c)fir-rigward tal-atti tal-UE li jkunu għadhom kemm ġew adottati, jieħu azzjoni xierqa, b’mod partikolari permezz tar-reviżjoni tal-Anness I tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport,

(d)jaħtar id-Direttur tas-Segretarjat Permanenti wara konsultazzjoni mal-Kunsill Ministerjali,

(e)jista’ jaħtar wieħed jew aktar mid-Deputati Diretturi tas-Segretarjat Permanenti,

(f)jistabbilixxi r-regoli tas-Segretarjat Permanenti,

(g)jista’ jirrieżamina, permezz ta’ deċiżjoni, il-livell tal-kontribuzzjonijiet baġitarji,

(h)jadotta l-baġit annwali tal-Komunità tat-Trasport,

(i)jadotta deċiżjoni li tispeċifika l-proċedura għall-implimentazzjoni tal-baġit, għall-preżentazzjoni u għall-awditjar tal-kontijiet kif ukoll għall-ispezzjoni,

(j)jieħu deċiżjonijiet dwar it-tilwimiet imressqa mill-Partijiet Kontraenti,

(k)jadotta prinċipji ġenerali fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti, fir-rigward ta’ dokumenti miżmuma mill-korpi stabbiliti mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport jew skontu,

(l)jadotta r-rapporti annwali għall-attenzjoni tal-Kunsill Ministerjali dwar l-implimentazzjoni tan-Network Komprensiv;

(m)fir-rigward ta’ ċerti atti tal-Unjoni, jistabbilixxi l-limiti ta’ żmien u l-mezzi għat-traspożizzjoni mill-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa.

Il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali huwa magħmul minn rappreżentant, u rappreżentant sostitut, ta’ kull waħda mill-Partijiet Kontraenti. Il-parteċipazzjoni bħala osservaturi hija miftuħa għall-Istati Membri kollha tal-UE.

Il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali jaġixxi b’unanimità.

2.3.L-att previst tal-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali

Fl-2021, waqt l-aħħar laqgħa tiegħu, il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali jrid jadotta deċiżjoni fir-rigward tal-baġit tal-Komunità tat-Trasport għall-2022 (“l-att previst”).

L-għan tal-att previst huwa li jiddetermina l-baġit annwali tal-Komunità tat-Trasport għall-2022.

L-att previst se jsir vinkolanti fuq il-partijiet f’konformità mal-Artikolu 25(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport, li jipprevedi: “Deċiżjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali għandha tkun vinkolanti fuq il-Partijiet Kontraenti. Kull meta deċiżjoni meħuda mill-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali fiha rekwiżit għal azzjoni li trid tittieħed minn Parti Kontraenti, l-imsemmija Parti għandha tieħu l-miżuri neċessarji u tinforma lill-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali bihom.”

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-kontribuzzjoni għall-baġit tal-Komunità tat-Trasport hija stabbilita fl-Anness V tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport. Is-sehem tal-Unjoni jammonta għal 80 % tal-baġit, filwaqt li l-20 % li jifdal għandu jiġi pprovdut mill-partijiet tal-Balkani tal-Punent.

Għall-2021, il-baġit ammonta għal total ta’ EUR 3 000 miljuni, li minnhom, EUR 2 400 miljun (80 %) 2 jiġu mill-UE u EUR 0,6 miljun mill-partijiet tal-Balkani tal-Punent.

Għall-2022, qed jiġi propost li l-baġit ikun ta’ EUR 3 002 miljun. 80 % tal-krediti ġodda se jiġu mill-UE (EUR 2 401 miljun) u l-20 % l-oħra ta’ krediti ġodda (EUR 0,6 miljun) mill-partijiet tal-Balkani tal-Punent.

Dan l-ammont se jkopri l-kostijiet operazzjonali tas-Segretarjat Permanenti u tal-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-korpi diversi tal-Komunità tat-Trasport. Iż-żieda proposta hija ġġustifikata mir-reklutaġġ li jmiss ta’ persunal addizzjonali, mill-frekwenza ogħla ppjanata ta’ laqgħat tal-kumitati tekniċi, mix-xiri meħtieġ ta’ tagħmir u software tal-IT, u mill-ivvjaġġar aktar frekwenti ppjanat tad-Direttur u tal-uffiċjali tas-Segretarjat Permanenti. L-2022 hija mistennija li tkun it-tieni sena ta’ attività normali tas-Segretarjat Permanenti, bil-persunal maniġerjali u mhux maniġerjali kollu, kif ukoll il-qafas amministrattiv ewlieni, fis-seħħ. Skont l-Anness I tal-Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali bejn il-Komunità tat-Trasport u s-Serbja, li hija l-pajjiż ospitanti, is-Serbja, tipprovdi mingħajr ħlas l-uffiċċji tas-Segretarjat Permanenti u parti mit-tagħmir u s-servizzi relatati ma’ dawn l-uffiċċji (l-għamara, is-sigurtà, l-elettriku, l-ilma u t-tindif).

L-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni mill-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali hija meħtieġa għall-implimentazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport u għall-funzjonament tas-Segretarjat Permanenti.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 3 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali huwa korp stabbilit permezz ta’ trattat, jiġifieri t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport.

L-att li l-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att li jkollu effetti legali. F’konformità mal-Artikolu 35 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport, il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali għandu s-setgħa li jadotta l-baġit tal-Komunità tat-Trasport u din id-deċiżjoni hija vinkolanti fuq il-partijiet għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport. Min-natura tagħhom, u bħala kwistjoni ta’ dritt internazzjonali li jirregola l-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali, dan l-att fih elementi li jaffettwaw il-pożizzjoni legali tal-partijiet għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport u, għaldaqstant, anki tal-Unjoni. Għaldaqstant, irid jitqies li għandu effetti legali. L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport. Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew minn dawk il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun biss wieħed inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-att previst huwa meħtieġ għall-funzjonament xieraq tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport. Min-naħa l-oħra, it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport isegwi l-objettivi u għandu komponenti fl-oqsma tat-trasport bit-triq, bil-ferrovija u bl-ilmijiet navigabbli interni, li huma mezzi koperti mill-Artikolu 91 tat-TFUE, kif ukoll fil-qasam tat-trasport marittimu, li hu mezz kopert mill-Artikolu 100(2) tat-TFUE. Minħabba n-natura orizzontali tiegħu, l-att previst jirreferi għal dawn l-elementi kollha. Dawn l-elementi kollha huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma’ wieħed ikun inċidentali għall-ieħor.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-Deċiżjoni proposta hija magħmula mid-dispożizzjonijiet li ġejjin: L-Artikoli 91 u 100(2) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta tkun l-Artikoli 91 u 100(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

F’konformità mal-Artikolu 25(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport, id-deċiżjonijiet tal-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2021/0272 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tal-adozzjoni tal-baġit tal-Komunità tat-Trasport għall-2022

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 u l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport ġie ffirmat mill-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1937 4 . Fl-4 ta’ Marzu 2019 huwa ġie approvat f’isem l-Unjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 5 . Dan daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019.

(2)Skont l-Artikolu 35 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport, il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport (“il-Kumitat tat-Tmexxija”) għandu jadotta l-baġit tal-Komunità tat-Trasport kull sena. L-Artikolu 35 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport jagħti s-setgħa wkoll lill-Kumitat tat-Tmexxija li jadotta deċiżjonijiet li jispeċifikaw il-proċedura għall-implimentazzjoni tal-baġit.

(3)Il-Kumitat tat-Tmexxija għandu jadotta deċiżjoni dwar il-baġit tal-Komunità tat-Trasport għall-2022 waqt il-laqgħa tiegħu f’Diċembru 2021.

(4)Il-baġit propost tal-Komunità tat-Trasport għall-2022 huwa meħtieġ għall-funzjonament xieraq tal-korpi tal-Komunità tat-Trasport. Dan ikopri l-kostijiet għar-riżorsi umani, l-ivvjaġġar, it-tagħmir u s-software tal-IT, kif ukoll il-kostijiet operazzjonali bħal l-istudji, l-assistenza teknika u l-organizzazzjoni ta’ konferenzi u laqgħat.

(5)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tat-Tmexxija, peress li din id-deċiżjoni hija meħtieġa għall-funzjonament tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport, u se jkollha effetti legali fir-rigward tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tal-baġit tal-Komunità tat-Trasport għas-sena 2022 għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1937 tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (ĠU L 278, 27.10.2017, p. 1).
(2)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-25.06.2020, C(2020) 4356
(3)    Il-paragrafi 61 sa 64 tas-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża C-399/12, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, ECLI:EU:C:2014:2258.
(4)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1937 tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (ĠU L 278, 27.10.2017, p. 1).
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 tal-4 ta’ Marzu 2019 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport.
Top

Brussell, 13.8.2021

COM(2021) 479 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tal-adozzjoni tal-baġit tal-Komunità tat-Trasport għall-2022








ANNESS

ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru /2021
TAL-KUMITAT TAT-TMEXXIJA REĠJONALI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT

ta’ …

dwar l-adozzjoni tal-baġit tal-Komunità tat-Trasport għas-sena 2022

IL-KUMITAT TAT-TMEXXIJA REĠJONALI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport, u b’mod partikolari l-Artikoli 24(1) u 35 tiegħu,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

B’dan huwa adottat il-baġit tal-Komunità tat-Trasport għas-sena 2022, mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

(1)Skont l-Artikolu 10(1) tar-regoli finanzjarji u l-proċeduri tal-awditjar applikabbli għall-Komunità tat-Trasport, l-approprjazzjonijiet ta’ linja baġitarja partikolari tal-baġit tal-2022 jistgħu jintużaw għall-finijiet li l-baġit jattribwixxi lil linja baġitarja oħra, fil-limitu totali ta’ 10 % tal-approprjazzjonijiet tal-linja baġitarja msemmija l-ewwel. Dan ma għandux japplika għal-linja baġitarja fir-rigward tal-baġit tar-riżorsi umani.

(2)L-approprjazzjonijiet riportati minħabba li jikkorrispondu ma’ obbligi ffirmati fi tmiem l-2021, kif speċifikat fil-baġit mehmuż, ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-użu msemmi fl-ewwel paragrafu. Dawn ma għandhomx jitqiesu għad-determinazzjoni tal-ammont massimu li jikkorrispondi mal-limitu ta’ 10 % imsemmi fihom.

Artikolu 3

(1)L-approprjazzjonijiet li ma jkunux ġew impenjati fi tmiem is-snin finanzjarji 2020 u 2021 għandhom jitħassru u jitħallsu lura lill-Partijiet f’konformità mal-perċentwali stabbiliti fl-Anness V tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport u skont il-kontribuzzjonijiet li tħallsu realment.

Magħmul nhar il-..., fi... 2021.

Għall-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali

   Il-President



BAĠIT TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT GĦAS-SENA 2022

Linja baġitarja

Ammont

(EUR)

1.Segretarjat Permanenti

1.1. Riżorsi Umani

          1 504 868

1.2. Kostijiet tal-Ivvjaġġar

              156 910

1.3. Kostijiet tal-uffiċċju, tagħmir u software

481 300

1.4. Kostijiet u servizzi oħra, inklużi:

- Servizzi esternalizzati u servizzi oħra (Awditjar, Viżibbiltà, Taħriġ tal-persunal, Imposti bankarji)

- Kostijiet ta’ Laqgħat u Konferenzi

- Kostijiet ta’ Teknoloġija tal-Informazzjoni u Komunikazzjoni

- Kostijiet tar-reklutaġġ

            274 710

1.5. STUDJI, Assistenza Teknika għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-Acquis tal-UE u tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni.

              220 000

2.Kunsill Ministerjali

2.1. Kostijiet ta’ Laqgħat u Konferenzi

         30 400

3.Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali

3.1. Kostijiet ta’ Laqgħat u Konferenzi

                      18 560

4.Kumitati Tekniċi

4.1. Kostijiet ta’ Laqgħat u Konferenzi

         154 800

5.Forum Soċjali

5.1. Kostijiet ta’ Laqgħat u Konferenzi

10 800

6.Kumitat tal-Baġit

6.1. Kostijiet ta’ Laqgħat u Konferenzi

6 800

Riżerva (madwar 8 % ta’ krediti ġodda)

142 957

Krediti ġodda totali

2 859 158

Riżerva tal-Baġit (madwar 5 %):    

142 957

Total globali

3 002 105 1

Kontribuzzjoni tal-UE (80 % ta’ krediti ġodda)

2 401 684

Kontribuzzjoni tal-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa (20 % ta’ krediti ġodda: l-Anness V tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport jipprovdi d-distribuzzjoni għal kull pajjiż)

600 421

(1)    Ammont indikattiv, ammont finali li jrid jiġi kkonfermat meta jkun magħruf l-ammont totali riportat mill-2020
Top