Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0450

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali b’rabta mal-emenda tad-definizzjoni ta’ “ċereal” jew “ċereali” fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995

COM/2021/450 final

Brussell, 5.8.2021

COM(2021) 450 final

2021/0254(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali b’rabta mal-emenda tad-definizzjoni ta’ “ċereal” jew “ċereali” fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali b’konnessjoni maż-żieda prevista tal-bus u l-ħemes fid-definizzjoni ta' “ċereal” jew “ċereali” fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali, 1995.

2.Il-kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali, 1995

Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995 (“il-Konvenzjoni”) għandha l-għan li tkompli l-kooperazzjoni internazzjonali fl-aspetti kollha tal-kummerċ taċ-ċereali, li tippromwovi l-espansjoni tal-kummerċ internazzjonali taċ-ċereali u li tiżgura l-aktar fluss ħieles possibbli ta’ dan il-kummerċ. Barra minn hekk, il-Konvenzjoni għandha l-ħsieb li tikkontribwixxi kemm jista’ jkun għall-istabbiltà tas-swieq internazzjonali taċ-ċereali fl-interess tal-membri kollha, biex issaħħaħ is-sigurtà alimentari dinjija u tipprovdi forum għall-iskambju ta’ informazzjoni u diskussjoni dwar it-tħassib tal-membri rigward il-kummerċ fiċ-ċereali.

Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1995.

L-Unjoni Ewropea hija parti għall-Konvenzjoni 1 .

2.2.Il-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali

Il-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali(“IGC”) huwa organizzazzjoni intergovernattiva li tipprova tilħaq l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni. B’mod partikolari, l-IGC għandu l-għan li:

·isaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali fl-aspetti kollha tal-kummerċ taċ-ċereali;

·iħeġġeġ l-espansjoni, il-ftuħ u l-ekwità tal-kummerċ internazzjonali fis-settur taċ-ċereali;

·jikkontribwixxi għall-istabbiltà tas-suq internazzjonali taċ-ċereali, filwaqt li jtejjeb is-sigurtà tal-ikel fid-dinja u jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ pajjiżi li l-ekonomiji tagħhom jiddependu fuq il-bejgħ kummerċjali taċ-ċereali.

Dawn l-għanijiet huma mfittxija permezz tat-titjib tat-trasparenza tas-suq permezz tal-qsim tal-informazzjoni, l-analiżi u l-konsultazzjoni dwar l-iżviluppi tas-suq u tal-politika.

Il-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali għandu 30 membru, li jinkludu ħafna mill-akbar produtturi taċ-ċereali fid-dinja kif ukoll importaturi. Minbarra l-Unjoni Ewropea u fost oħrajn, il-membri tagħha huma l-Arġentina, l-Awstralja, il-Kanada, l-Eġittu, l-Indja, il-Ġappun, ir-Russja, l-Ukrajna, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti. Madankollu, iċ-Ċina u l-Brażil mhumiex membri.

It-30 membru tal-IGC għandhom total ta’ 2,000 vot.

Għal proċeduri baġitarji (ara l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni), jiġifieri għall-iffissar tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji annwali tal-membri, fl-2020/21 l-Unjoni għandha 371 vot 2 .

Għat-teħid tad-deċiżjonijiet, jiġifieri meta jkun hemm bżonn jittieħed vot (ara l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni), jitqassmu 1,000 vot għall-11-il membru esportatur (inkluża l-Unjoni b’244 vot) u 1,000 vot għad-19-il membru importatur. Jeħtieġ li jiġi enfasizzat li fil-prinċipju, l-IGC jopera fuq il-bażi ta’ kunsens u hija rari ħafna li l-votazzjoni ssir, fil-verità.

Fil-laqgħat tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali, l-Unjoni Ewropea hija rrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea. L-Istati Membri jistgħu jattendu l-laqgħat tal-IGC, b’mod partikolari s-Sessjonijiet tal-Kunsill.

2.3.L-att previst tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali

Fl-14 ta’ Mejju 2021 il-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali ippropona li jinkludi l-bus u l-ħemes fid-definizzjoni ta’ “ċereal” jew “ċereali” taħt il-punt (e) tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni (“l-att previst”). Huwa propost li deċiżjoni tal-IGC isir votazzjoni bil-posta (jiġifieri proċedura bil-miktub) b’skadenza fil-31 ta’ Ottubru 2021. F’każ li ma jkun intbagħat oġġezzjoni bil-miktub mil-ebda membru tal-IGC, il-bus u l-ħemes jiġu miżjuda fid-definizzjoni “ċereal” jew “ċereali” taħt il-punt (e) tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni b’effett mill-1 ta’ Novembru 2021.

Skont il-proposta, “Għads, piżelli nixfa, ċiċri, fażola niexfa, bus u ħemes oħrajn u prodotti tagħhom għandhom jiġu inklużi fid-definizzjoni ta’ “ċereal” jew “ċereali” taħt l-Artikolu 2(1)(e) tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali, 1995”.

L-għan ta’ l-att previst hu li jippermetti lill-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali li jestendi x-xogħol regolari kif irreferut fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni għall-bus u l-ħemes. B’mod partikolari, ir-rapporti regolari, l-iskambju tal-informazzjoni u l-istudji speċjali msemmija fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni jenħtieg li jinkludu l-bus u l-ħemes u l-prodotti tagħhom mill-1 ta’ Novembru 2021. Il-Gvernijiet Membri jenħtieġ li jikkoperaw mas-Segretarjat tal-IGC billi jipprovdu informazzjoni relevanti fuq dawn il-bus u l-ħemes u l-prodotti tagħhom.

Għalkemm il-Konvenzjoni ma tistabbilixxix regoli speċifiċi fuq il-proċedura tal-votazzjoni bil-posta (jew proċedura bil-miktub), l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni jikkonċerna “d-deċiżjonijiet tal-Kunsill” ma jitlobx li dawn id-deċiżjonijiet jittieħdu f’Sessjoni tal-Kunsill.

3.Il-Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995 ġiet konkluża mill-Unjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/88/KE 3 sat-30 ta’ Ġunju 1998 u, minn dak iż-żmien ’l hawn, ġiet estiża b’mod regolari. F’kull okkażjoni, il-Konvenzjoni tiġi estiża għal perjodu massimu ta’ sentejn f’konformità mal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni. Ġiet estiża l-aħħar fis-7 ta’ Ġunju tal-2021 permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali, u se tibqa’ fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2023.

Meta l-Konvenzjoni ġiet konkluża, id-definizzjoni ta’ “ċereal” jew “ċereali” taħt il-punt (e) tal-Artikolu 2(1) kienet tinkludi l-prodotti li ġejjin: “xgħir, qamħirrum, millieġ, ħafur, segala, sorgu, tritikal u qamħ, u l-prodotti tagħhom”.

Imbagħad fl-2008 il-membri tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali iddeċidew li jinkludu r-ross u l-prodotti tiegħu fid-definizzjoni ta’ “ċereal” jew “ċereali” b’effett mill-1 ta’ Lulju 2009. Barra minn hekk, id-definizzjoni ta’ “ċereal” jew “ċereali” kompliet ġiet estiża b’effett mill-1 ta’ Lulju 2013 biex tinkludi wkoll bosta żrieragħ li minnhom jintgħasar iż-żejt, jiġifieri l-kopra, iż-żerriegħa tal-qoton, il-lewż tal-palm, il-karawett, il-kolza/lift, il-fażola tas-sojja u ż-żerriegħa tal-ġirasol u l-prodotti tagħhom.

L-Unjoni Ewropea minn dejjem kienet membru attiv tal-IGC u ssapportjat l-estensjoni tax-xogħol tal-IGC biex tanalizza l-iżviluppi fis-suq u fil-kummerċ tal-bus u l-ħemes ukoll. S’issa dan sar abbażi ad hoc suġġett għall-approvazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali tal-IGC.

L-għan ta’ din il-proposta hu li tinkiseb l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill sabiex il-Kummissjoni tivvota, f’isem l-Unjoni Ewropea, favur iż-żieda tal-bus u l-ħemes fid-definizzjoni ta’ “ċereal” jew “ċereali” taħt il-punt (e) tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni b’effett mill-1 ta’ Novembru 2021. Id-deċiżjoni formali tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali dwar il-proposta se ssir permezz ta’ proċedura bil-miktub (votazzjoni bil-posta) bi skadenza stabbilita għall-31 ta’ Ottubru 2021.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita bi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti ġuridiċi” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede kkonċernata. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni 4 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-att previst tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali għandu l-effett li jemenda l-Konvenzjoni billi jestendi d-definizzjoni ta’ “ċereal” jew “ċereali” taħt il-punt (e) tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni li hija ftehim internazzjonali li jorbot lill-Unjoni. L-att previst għalhekk għandu effetti legali.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-għan u mill-kontenut tal-att previst li dwarhom tiġi adottata pożizzjoni f’isem l-Unjoni Ewropea. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista' jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst jirrigwardaw il-kummerċ fil-prodotti agrikoli.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207(3), l-ewwel subparagrafu tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 207(3), l-ewwel subparagrafu tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Il-pubblikazzjoni tal-att previst

Peress li l-att tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali se jemenda l-Konvenzjoni billi jżid id-definizzjoni ta’ “ċereal” jew “ċereali” taħt il-punt (e) tal-Artikolu 2(1), tal-Konvenzjoni, huwa xieraq li wara li tiġi adottata, id-Deċiżjoni tal-Kunsill tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2021/0254 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali b’rabta mal-emenda tad-definizzjoni ta’ “ċereal” jew “ċereali” fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(3) l-ewwel subparagrafu flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995 (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/88/KE 5 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1995. Il-Konvenzjoni ġiet konkluża għal perjodu ta’ tliet snin.

(2)Il-punt (e) tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni jiddefinixxi t-tifsira ta’ “ċereal” jew “ċereali” għall-finijiet tal-Konvenzjoni. Il-membri tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali jistgħu jiddeċiedu li jemendaw id-definizzjoni skont l-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni.

(3)Fl-14 ta’ Mejju 2021, is-Segretarjat tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali ippropona ż-żieda tal-bus u l-ħemes fid-definizzjoni ta’ “ċereal” jew “ċereali” taħt il-punt (e) tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni b’effett mill-1 ta’ Novembru 2021. Skont il-proposta, “Għads, piżelli niexfa, ċiċri, fażola niexfa, bus u ħemes oħrajn u prodotti tagħhom għandhom jiġu inklużi fid-definizzjoni ta’ “ċereal” jew “ċereali” taħt l-Artikolu 2(1)(e) tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali, 1995” 6 .

(4)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali b’konnessjoni mal-emenda tad-definizzjoni “ċereal” jew “ċereali” taħt il-punt (e) tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni, minħabba li jekk tiġi estiża l-kopertura tal-prodott tal Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali biż-żieda tal bus u l-ħemes fid-definizzjoni ta’ “ċereal” jew “ċereali”, dan ikun fl-interess tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali għandha tkun li tivvota favur l-emenda tal-punt (e) tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali billi jiżdied il bus u l-ħemes fid-definizzjoni ta’ “ċereal” jew “ċereali” f’konformità mal-proposta ippreżentata mis-Segretarjat tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali tal-14 ta’ Mejju 2021.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Lill-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 21, 27.1.1996, p. 47.
(2)    Il-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali jopera fuq bażi ta’ sena fiskali li tibda mill-1 ta’ Lulju u tispiċċa fit-30 ta’ Ġunju.
(3)    ĠU L 21, 27.1.1996, p. 47.
(4)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi minn 63 sa 64.
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/88/KE tad-19 ta’ Diċembru 1995 rigward l-approvazzjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni dwar in-Negozju taċ-Ċereali u l-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari, li tikkostitwixxi l-Ftehim taċ-Ċereali Internazzjonali 1995 (ĠU L 21, 27.1.1996, p.47).
(6)    Il-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali, GC53/3 tal-14 ta’ Mejju 2021, Anness 1.
Top