Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0399

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2009/65/KE fir-rigward tal-użu ta’ dokumenti bl-informazzjoni ewlenija mill-kumpaniji maniġerjali tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS)

COM/2021/399 final

Brussell, 15.7.2021

COM(2021) 399 final

2021/0219(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2009/65/KE fir-rigward tal-użu ta’ dokumenti bl-informazzjoni ewlenija mill-kumpaniji maniġerjali tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Kull impriża ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) għandha tipprovdi “informazzjoni ewlenija għall-investitur” skont id-Direttiva 2009/65/KE 1 . L-informazzjoni dwar l-objettivi u l-politika tal-investiment, il-profil tar-riskji u l-benefiċċji, l-imposti, il-prestazzjoni tal-passat u dettalji prattiċi oħra jgħinu lill-investituri jifhmu l-karatteristiċi essenzjali tal-UCITS u jieħdu deċiżjonijiet informati dwar l-investiment. L-Artikoli 78 sa 82, u 94 tad-Direttiva jispeċifikaw il-prinċipji ewlenin tal-informazzjoni ewlenija għall-investitur. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 583/2010 2 jistabbilixxi aktar regoli dwar il-kontenut u l-format tagħha.

L-UCITS jikkwalifikaw bħala prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 3 , li jirrikjedi li l-PRIIPs kollha jkunu akkumpanjati minn “dokument bl-informazzjoni ewlenija”. Id-dokument fih informazzjoni dwar il-profil tar-riskji u l-benefiċċji tal-PRIIP, inkluż it-telf massimu possibbli ta’ kapital investit u xenarji ta’ prestazzjoni xierqa, il-kostijiet li l-investituri fil-livell tal-konsumatur għandhom iġarrbu meta jinvestu fih, u dettalji oħra. Għal darb’ oħra, din l-informazzjoni tgħin lill-investituri fil-livell ta’ konsumatur jifhmu l-karatteristiċi essenzjali tal-prodott u jieħdu deċiżjonijiet informati dwar l-investiment. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/653 4 jistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-preżentazzjoni, il-kontenut, ir-rieżami, ir-reviżjoni u l-forniment tad-dokument. Ir-Regolament Delegat (UE) Nru 2016/1904 5 jistabbilixxi r-regoli dwar l-intervent fuq il-prodott.

L-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 jipprevedi arranġament tranżitorju li permezz tiegħu kumpaniji maniġerjali, kumpaniji ta’ investiment u persuni li jagħtu pariri dwar, jew ibigħu, unitajiet ta’ UCITS u mhux UCITS ikunu temporanjament eżentati mir-rekwiżit li jipprovdu lill-investituri fil-livell ta’ konsumatur b’dokument bl-informazzjoni ewlenija. L-arranġament bħalissa japplika sal-31 ta’ Diċembru 2021.

Din id-Direttiva hija akkumpanjata minn żewġ miżuri oħra. L-ewwel nett, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-arranġament tranżitorju fir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 jiġi estiż sat-30 ta’ Ġunju 2022. Dan se jippermetti ż-żmien meħtieġ għat-tħejjija għat-tmiem tal-arranġament tranżitorju u għall-implimentazzjoni tal-miżura l-oħra (li tinvolvi emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2017/653) mill-1 ta’ Lulju 2022. It-tliet miżuri huma għalhekk sinkronizzati f’termini ta’ dati ta’ applikazzjoni.

Kif inhuma l-affarijiet bħalissa, mill-1 ta’ Lulju 2022 l-investituri fil-livell tal-konsumatur fil-UCITS jirċievu kemm dokument bl-informazzjoni ewlenija skont ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 kif ukoll informazzjoni ewlenija għall-investitur skont id-Direttiva 2009/65/KE. Huwa mixtieq li tiġi evitata sitwazzjoni fejn l-investituri fil-livell tal-konsumatur jirċievu żewġ dokumenti ta’ żvelar prekuntrattwali differenti fir-rigward tal-istess UCITS. Din id-Direttiva tiżgura li dokument bl-informazzjoni ewlenija mfassal, ipprovdut, rivedut u tradott għal UCITS partikolari skont ir-Regolament jitqies li jissodisfa r-rekwiżiti tal-informazzjoni ewlenija għall-investitur tad-Direttiva 2009/65/KE.

Din l-inizjattiva mhijiex parti mill-programm dwar l-idoneità tar-regolamentazzjoni (REFIT).

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/653 jispeċifika l-preżentazzjoni u l-kontenut tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija għall-PRIIPs, il-format standardizzat tiegħu, il-metodoloġija għall-preżentazzjoni tar-riskji u l-gwadanji u l-kalkolu tal-kostijiet, il-kundizzjonijiet u l-frekwenza minima għar-rieżami tal-informazzjoni u l-kundizzjonijiet dwar il-forniment tad-dokument lill-investituri fil-livell tal-konsumatur. L-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) ippreżentaw b’mod konġunt abbozz ta’ emendi għall-istandards tekniċi regolatorji fir-Regolament, inklużi aġġustamenti tekniċi biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tar-regoli għall-UCITS.

Din il-proposta tfittex li tiżgura li d-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija li jikkonformaw mar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-informazzjoni ewlenija għall-investitur għall-UCITS fl-Artikoli 78 sa 82, u 94 tad-Direttiva 2009/65/KE.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-prijorità ewlenija tal-Kummissjoni hija li ssaħħaħ l-ekonomija tal-UE u tistimula l-investiment sabiex jinħolqu l-impjiegi fis-27 Stat Membru kollha, billi jinħoloq suq uniku aktar profond għall-kapital - jew l-unjoni tas-swieq kapitali (CMU). Leġiżlazzjoni aħjar tal-investituri fil-livell tal-konsumatur tista’ tkun mistennija li ġġib benefiċċji f’oqsma oħra ta’ politika fejn it-tranżazzjonijiet min-negozju għall-konsumatur għandhom rwol importanti.

Din il-proposta għandha l-għan li tevita sitwazzjoni fejn żewġ dokumenti ta’ żvelar prekuntrattwali differenti jsiru disponibbli għall-investituri fil-livell tal-konsumatur fir-rigward tal-istess UCITS. Id-dokument bl-informazzjoni ewlenija se jippermetti lill-investituri fil-livell tal-konsumatur iqabblu l-karatteristiċi ekonomiċi u ġuridiċi essenzjali tal-UCITS ma’ dawk ta’ PRIIPs oħra. Fir-rigward tal-iżvelar prekuntrattwali, il-manifatturi u l-persuni li jagħtu pariri dwar, jew ibigħu, l-UCITS se jkollhom jikkonformaw biss mal-obbligi ġuridiċi skont ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014. Din il-proposta tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ swieq kapitali aktar integrati billi tagħmilha aktar faċli għall-investituri fil-livell tal-konsumatur, għall-maniġers tal-fondi u, konsegwentement, għall-kumpaniji investiti biex jibbenefikaw mis-suq uniku.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Din il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 53(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li hija l-bażi ġuridika għad-Direttiva 2009/65/KE.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Skont dan il-prinċipju, l-azzjoni tal-UE tista’ tittieħed biss jekk l-għanijiet previsti ma jkunux jistgħux jintlaħqu mill-Istati Membri jekk jaġixxu waħedhom.

Hemm bżonn ta' intervent mill-Unjoni biex jitneħħew l-ostakli għas-suq intern għas-servizzi u l-prodotti finanzjarji billi jdaħħal approċċ uniformi għall-iżvelar marbut mal-PRIIPs. Il-problema identifikata (żewġ dokumenti ta’ żvelar prekuntrattwali differenti għall-istess UCITS) tista’ tiġi solvuta biss fil-livell tal-Unjoni, peress li kull emenda għad-Direttiva 2009/65/KE trid issir permezz ta’ proposta tal-Kummissjoni.

Proporzjonalità

Din il-proposta hi konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. Il-miżuri proposti huma meħtieġa biex jitnaqqsu l-konsegwenzi ta’ applikazzjoni parallela tad-Direttiva 2009/65/KE u r-Regolament (UE) Nru 1286/2014.

Din l-azzjoni tal-Unjoni hija meħtieġa biex tiżgura l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-PRIIPs mill-awtoritajiet kompetenti u l-manifatturi tal-PRIIPs, u l-operat bla xkiel tas-suq intern għall-fondi ta’ investiment. Il-proposta se tnaqqas il-piż u l-kostijiet tal-konformità għall-UCITS billi tneħħi d-duplikazzjoni dwar l-iżvelar prekuntrattwali, ir-rekwiżiti ta’ piż, u l-kumplessità regolatorja bla bżonn u l-inċertezza ġuridika.

Għażla tal-istrument

L-objettiv huwa li jiġu eliminati l-ostakli billi tiġi emendata Direttiva. Għalhekk, Direttiva hija l-aktar strument xieraq.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post / kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Din il-proposta mhijiex akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt separata, peress li diġà saret valutazzjoni tal-impatt għar-Regolament (UE) Nru 1286/2014, li tkopri wkoll l-UCITS. Il-proposta ma toħloqx obbligi ġodda għall-parteċipanti fis-swieq finanzjarji.

Il-proposta tippromwovi drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. L-objettiv ewlieni huwa li jissaħħu d-drittijiet tal-konsumatur (l-Artikolu 38 tal-Karta) u jiġi ffaċilitat id-dritt li jiġu pprovduti servizzi f’kull Stat Membru (l-Artikolu 15(2) tal-Karta).

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda impatt baġitarju għall-Kummissjoni.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rappurtar

Ir-rieżami tal-Kummissjoni tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014, bħala parti mill-istrateġija ta’ Investiment fil-livell tal-konsumatur li jmiss, se jikkunsidra fost l-oħrajn l-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti fir-Regolament. Dan se jiġi infurmat permezz ta’ konsultazzjoni pubblika u diskussjonijiet mal-EBA, l-ESMA, l-EIOPA u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Din il-proposta ddaħħal Artikolu 82a ġdid fid-Direttiva 2009/65/KE. L-Artikolu jistabbilixxi b’mod ċar, preċiż u mingħajr kundizzjonijiet li, meta dokument bl-informazzjoni ewlenija jitfassal, jiġi pprovdut, rivedut u tradott għal UCITS skont ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014, jenħtieġ li jitqies li jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli għall-informazzjoni ewlenija għall-investitur għall-finijiet ta’ dik id-Direttiva.

.

2021/0219 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2009/65/KE fir-rigward tal-użu ta’ dokumenti bl-informazzjoni ewlenija mill-kumpaniji maniġerjali tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 6 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-Artikolu 78 tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 jirrikjedi li l-kumpaniji ta’ investiment u l-kumpaniji maniġerjali jfasslu dokument qasir li jkun fih informazzjoni ewlenija dwar il-karatteristiċi essenzjali tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) offruti lill-investituri (“dokument bl-informazzjoni ewlenija għall-investitur” jew “KIID”), sabiex dawk l-investituri jkunu jistgħu jifhmu b’mod raġonevoli n-natura u r-riskji tal-UCITS ikkonċernata u, konsegwentement, jieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment fuq bażi infurmata.

(2)Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 jirrikjedi li l-manifatturi ta’ prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs), qabel ma jagħmlu tali prodotti disponibbli għall-investituri fil-livell tal-konsumatur, ifasslu dokument bl-informazzjoni ewlenija għal dak il-prodott sabiex dawn l-investituri fil-livell tal-konsumatur ikunu jistgħu jifhmu u jqabblu l-karatteristiċi u r-riskji ewlenin tal-PRIIP ikkonċernat (“dokument bl-informazzjoni ewlenija” jew “KID”).

(3)L-UCITS jikkwalifikaw ukoll bħala PRIIPs, li għalihom huwa meħtieġ “KID” skont ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014. L-Artikolu 32(1) ta’ dak ir-Regolament, madankollu, jeżenta kumpaniji maniġerjali kif definiti fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2009/65/KE, kumpaniji ta’ investiment kif imsemmija fl-Artikolu 27 tagħha u persuni li jagħtu pariri dwar, jew ibigħu, unitajiet ta’ UCITS mill-obbligi stabbiliti f’dak ir-Regolament, u għalhekk milli jipproduċu “KID”, sal-31 ta’ Diċembru 2021 (“arranġament tranżitorju”).

(4)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/653 9 jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 billi jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji fir-rigward tal-preżentazzjoni, il-kontenut u l-format standard tal-KID, il-metodoloġija għall-preżentazzjoni tar-riskji u l-benefiċċji u l-kalkolu tal-kostijiet, kif ukoll il-kundizzjonijiet u l-frekwenza minima għar-rieżami tal-informazzjoni li tinsab fil-KID u l-kundizzjonijiet dwar l-għoti tal-KID lill-investituri fil-livell tal-konsumatur.

(5)Fi [ĠU jekk jogħġbok daħħal id-data], il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE).../2021 10 , li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/653, fost l-oħrajn, biex jagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji maniġerjali, il-kumpaniji ta’ investiment u l-persuni li jagħtu pariri dwar, jew li jbigħu, unitajiet ta’ UCITS biex jagħmlu użu mill-preżentazzjoni, il-kontenut u l-format standard tal-KID. Madankollu, id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE).../2021 ġiet stabbilita għall-1 ta’ Lulju 2022 biex dawk il-kumpaniji maniġerjali, il-kumpaniji ta’ investiment, u l-persuni li jagħtu pariri dwar, jew ibigħu, unitajiet ta’ UCITS, jingħataw biżżejjed żmien biex iħejju għat-tmiem l-arranġament tranżitorju u b’hekk għall-obbligu li jiġi prodott KID. Minħabba li d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE).../2021 ġiet stabbilita għall-1 ta’ Lulju 2022, u minħabba li huwa meħtieġ li jiġi żgurat li t-tmiem tal-arranġament tranżitorju jikkoinċidi mad-data tal-applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE).../2021, ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 ġie emendat bir-Regolament (UE) Nru.../2021 tal-Parlament Ewropew tal-Kunsill 11 biex l-arranġament tranżitorju jiġi estiż sat-30 ta’ Ġunju 2022.

(6)L-“informazzjoni ewlenija għall-investituri” meħtieġa mill-Artikolu 78 tad-Direttiva 2009/65/KE u d-“dokumenti bl-informazzjoni ewlenija” meħtieġa mir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 essenzjalment ikopru l-istess rekwiżiti ta’ informazzjoni. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi evitat li l-investituri fil-livell tal-konsumatur fil-PRIIPs interessati li jakkwistaw unitajiet ta’ UCITS jirċievu, mill-1 ta’ Lulju 2022, iż-żewġ dokumenti għall-istess prodott finanzjarju. Għalhekk jenħtieġ li jiġi stabbilit li l-KID għandu jitqies li jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli għad-dokument bl-informazzjoni ewlenija għall-investitur meħtieġ mid-Direttiva 2009/65/KE.

(7)Għaldaqstant, id-Direttiva 2009/65/KE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Fid-Direttiva 2009/65/KE, l-Artikolu 82 a li ġej huwa mdaħħal:

“Artikolu 82a

Informazzjoni ewlenija għall-investituri pprovduta permezz tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta kumpanija ta’ investiment jew, għal kull wieħed mill-fondi komuni li timmaniġġja, kumpanija maniġerjali tfassal, tipprovdi, tirrevedi u tittraduċi dokument bl-informazzjoni ewlenija li jikkonforma mar-rekwiżiti għad-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, l-awtoritajiet kompetenti jqisu li d-dokument bl-informazzjoni ewlenija jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli għall-informazzjoni ewlenija għall-investitur kif stabbilit fl-Artikoli 78 sa 82 u l-Artikolu 94 ta’ din id-Direttiva.

_____________________

*    Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) (ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1).

Artikolu 2

1.Sat-30 ta’ Ġunju 2022, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f'dak ir-rigward.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta' Lulju 2022.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew jinkludu referenza għaliha meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.Malli din id-Direttiva tkun daħlet fis-seħħ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Kummissjoni tkun mgħarrfa, fi żmien suffiċjenti sabiex din tkun tista' tippreżenta l-kummenti tagħha, b’kull abbozz ta' liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jkollhom l-intenzjoni li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).
(2)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 583/2010 tal-1 ta' Lulju 2010 li jimplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tagħrif ewlieni għall-investitur u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati meta jingħata tagħrif ewlieni għall-investitur jew il-prospett b'mezz li jibqa' li mhuwiex stampat jew permezz ta' sit elettroniku (ĠU L 176, 10.7.2010, p. 1).
(3)    Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) (ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1).
(4)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/653 tat-8 ta’ Marzu 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) billi jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji dwar il-preżentazzjoni, il-kontenut, ir-rieżami u r-reviżjoni tad-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija u l-kundizzjonijiet biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li jiġu pprovduti dawn id-dokumenti (ĠU L 100, 12.4.2017, p. 1).
(5)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1904 tal-14 ta’ Lulju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ interventi dwar prodott (ĠU L 295, 29.10.2016, p. 11).
(6)    ĠU C […], […], p. […].
(7)    Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).
(8)    Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) (ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1).
(9)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/653 tat-8 ta’ Marzu 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) billi jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji dwar il-preżentazzjoni, il-kontenut, ir-rieżami u r-reviżjoni tad-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija u l-kundizzjonijiet biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li jiġu pprovduti dawn id-dokumenti (ĠU L 100, 12.4.2017, p. 1).
(10)    ĠU C […], […], p. […].
(11)    Ir-Regolament (UE)..../2021 tal-Parlament Ewropew tal-Kunsill fir-rigward tal-estensjoni tal-arranġament tranżitorju għall-kumpaniji maniġerjali, il-kumpaniji tal-investiment u l-persuni dwar l-għoti ta’ pariri jew il-bejgħ ta’ unitajiet ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u mhux UCITS (ĠU L.........., dd/mm/jj, p......).
Top