IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 31.5.2021
COM(2021) 268 final
2021/0131(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar id-deċiżjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea rigward id-deċiżjoni prevista tal-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (l- “Arranġament”) rigward deċiżjoni prevista biex jiġu emendati d-dispożizzjonijiet dwar ir-rata ta’ interess tal-Arranġament. Dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu Rati ta’ Referenza tal-Imgħax Kummerċjali (‘CIRRs’) minimi li japplikaw għal appoġġ uffiċjali għall-finanzjament għall-krediti ta’ esportazzjoni. Id-deċiżjoni prevista tarmonizza prattiki fost l-aderenti għall-Arranġament u tiżgura termini u kundizzjonijiet li jirriflettu dawk ta’ swieq finanzjarji privati.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.L-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati
L-Arranġament huwa Ftehim bejn ġentlomi bejn l-UE, l-Istati Uniti tal-Amerka, il-Kanada, il-Ġappun, il-Korea, in-Norveġja, l-Iżvizzera, l-Awstralja, New Zealand u t-Turkija bil-għan li jipprovdi qafas għall-użu ordnat għal krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati. Fil-prattika dan ifisser previżjoni ta' kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni (li permezz tagħhom il-kompetizzjoni tkun ibbażata fuq il-prezz u l-kwalità tal-prodotti esportati u mhux fuq it-termini finanzjarji mogħtija) u ħidma biex jiġu eliminati s-sussidji u d-distorsjonijiet kummerċjali relatati ma’ krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati. L-Arranġament daħal fis-seħħ f’April tal-1978, huwa għal żmien indeterminat u għalkemm jirċievi l-appoġġ amministrattiv tas-Segretarjat tal-OECD, mhuwiex Att tal-OECD.
L-Arranġament huwa soġġett għal aġġornamenti regolari, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi tas-suq finanzjarju u tal-politika li jaffettwaw l-għoti ta’ krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati. L-Arranġament ġie traspost, u għalhekk sar legalment vinkolanti fl-UE permezz tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill . Ir-reviżjonijiet tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-Arranġament huma inkorporati fil-liġi tal-UE permezz ta’ Atti delegati skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.
2.2.Il-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati
Il-Kummissjoni Ewropea tirrappreżenta lill-Unjoni fil-laqgħat tal-parteċipanti (“il-Parteċipanti”) tal-Arranġament, kif ukoll fil-proċeduri bil-miktub għat-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-Parteċipanti tal-Arranġament. Id-deċiżjonijiet dwar l-emendi kollha tal-Arranġament jittieħdu b’kunsens. Il-pożizzjoni tal-Unjoni hija adottata mill-Kunsill u hija diskussa mill-Istati Membri fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni
L-Artikolu 63, punt (a), tal-Arranġament jipprovdi li “Il-Parteċipanti għandhom jirrevedu perjodikament s-sistema għall-iffissar tas-CIRRs sabiex ikun żgurat li r-rati notifikati jirriflettu l-kondizzjonijiet korrenti tas-suq u jissodisfaw l-għanijiet li jsostnu l-istabbiliment tar-rati operattivi. Dawn ir-reviżjonijiet għandhom ukoll ikopru l-marġini li jiżdied meta r-rati jiġu applikati.
2.3.L-Att previst tal-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati
Rieżami tas-sistema tas-CIRR ilu għaddej mill-bidu tal-2014. Ic-CIRRs huma rati ta’ interess minimi fissi li jistgħu jiġu offruti bħala parti mill-kuntratt ta’ finanzjament tal-esportazzjoni appoġġjat mill-gvern. Is-CIRRs huma fissi għal kull munita tal-Parteċipanti fl-Arranġament. Fil-127 laqgħa tal-Parteċipanti, li saret ’'Ġunju 2014, il-Parteċipanti inkarigaw lill-Esperti Tekniċi tal-Parteċipanti (‘TEP’) bir-rieżami tad-dixxiplini fl-Arranġamenti tas-CIRRs.
Ir-riforma tas-CIRR tikkostitwixxi f’riforma komprensiva li tkopri l-aspetti operazzjonali (eż. modalitajiet bħaż-żamma u l-iffissar tar-rati ta’ interess), kif ukoll aspetti strutturali (eż. rati bażi, marġni u ħlas addizzjonali). L-għan tar-riforma tas-CIRR huwa li jiġu armonizzati prattiki ta’ self fost il-Parteċipanti u s-CIRRs jitqarrbu aktar viċin lejn ir-rati tas-suq. Id-dispożizzjonijiet previsti dwar ir-RRIK ikunu applikabbli għat-tranżazzjonijiet kollha, minbarra t-tranżazzjonijiet koperti mill-Ftehim Settorjali għall-Bastimenti u l-Ftehim Settorjali għall-Inġenji tal-Ajru Ċivili.
Fil-141 Laqgħa tal-Parteċipanti li saret f’Ġunju 2019, il-President tat-TEP ippreżenta abbozz ta’ proposta tal-President dwar ir-riforma tas-CIRR li tfittex li ssib bilanċ bejn l-interessi u l-perspettivi diverġenti espressi matul il-ħidma teknika. L-abbozz tal-proposta tal-President irċieva appoġġ ġenerali wiesa’ mill-Parteċipanti, filwaqt li għadd ta’ kwistjonijiet minuri, kien għad iridu jiġu solvuti. Fil-laqgħa tal-Parteċipanti ta’ Novembru tas-sena li għaddiet, il-fehmiet tal-Parteċipanti kkonverġew. Il-Parteċipanti għall-Arranġament għandhom jadottaw deċiżjoni dwar l-abbozz tal-proposta permezz ta’ proċedura bil-miktub.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji (“ASCM”) jipprovdi konċessjoni għall-Arranġament fil-lista illustrattiva ta’ sussidji għall-esportazzjoni, sakemm prattika ta’ kreditu għall-esportazzjoni li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Arranġament ma titqiesx bħala sussidju tal-esportazzjoni pprojbit ipprojbit mill-ASCM. Dan ifisser li jekk membru tad-WTO jkun parti għall-Arranġament u l-prattika tal-kreditu għall-esportazzjoni tiegħu tkun konformi mal-Arranġament jew jekk fil-prattika Membru tad-WTO japplika prattiki tar-rata tal-imgħax f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Arranġament, il-prattika tal-kreditu tal-esportazzjoni ma titqiesx bħala sussidju għall-esportazzjoni. Dan jagħti sinifikat partikolari lid-dispożizzjonijiet fl-Arranġament dwar ir-rati tal-imgħax.
Id-dispożizzjonijiet dwar is-CIRRs baqgħu ma nbidlux għal żmien twil u jeħtieġu riforma komprensiva. Il-finanzjament tal-kummerċ sar dejjem aktar deċiżiv f’deċiżjonijiet ta’ akkwist fil-kummerċ globali u dan wassal biex firxa wiesgħa ta’ prodotti finanzjarji u strutturi ta’ kuntratti jiġu offruti fi swieq finanzjarji privati. Sabiex tiġi żgurata l-konformità, id-dispożizzjonijiet dwar ir-rati tal-imgħax tal-Arranġament jeħtieġ li jiġu adattati perjodikament għall-prattiki tas-suq li qed jevolvu. L-arranġament jiddeskrivi biss il-prinċipji ġenerali meta jipprovdi self sostnut mill-gvern b’rati tal-imgħax fissi u jiffoka fuq aspetti strutturali. Peress li l-Istati Membri jipprovdu CIRRs aktar milli jagħmlu l-biċċa l-kbira tal-Parteċipanti l-oħra u sabiex jikkonverġu l-prattiki fi ħdan l-UE, l-Istati Membri qablu informalment ma’ sett ta’ regoli li jkopri l-aspetti operattivi tas-sistema tas-CIRR, bħala komplement għad-dispożizzjonijiet fl-Arranġament. Minbarra l-Arranġament u l-linji gwida informali tal-UE, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri adottaw regolamenti nazzjonali tas-CIRR.
Id-Deċiżjoni prevista dwar ir-riforma tas-CIRR tipprovdi għal aġġornament aktar dettaljat u komprensiv tal-ANNESS XVI tal-Arranġament. Dawn ikunu jkopru kemm l-ispejjeż imġarrba mis-sellief qabel ma jkun ġie ffirmat kuntratt ta’ esportazzjoni minn xerrej (eż. regoli dwar it-tariffi minimi mitluba għall-offerta u l-iffissar tar-rata tal-imgħax), kif ukoll regoli dwar kif tiġi kkalkolata r-rata tal-imgħax, li tikkorrispondi għar-rendiment fuq bond tal-gvern flimkien ma’ marġni li jkopri kostijiet oħra ta’ finanzjament. Billi tinkorpora komponenti li jaffettwaw l-ispejjeż tal-finanzjament, ir-riforma tas-CIRR għandha l-għan li trendi koerenza akbar fit-termini u l-kundizzjonijiet offruti mill-ECAs u b’hekk tiżgura kundizzjonijiet ekwi fost il-Parteċipanti għall-Arranġament. B’dan il-mod, ir-riforma tillimita l-ambitu għall-Istati Membri tal-UE biex jadattaw id-dispożizzjonijiet tas-CIRRs fil-livell nazzjonali għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-industrija domestika. Huwa previst perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sentejn li jippermetti żmien għall-aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni li joffru self dirett biex jadattaw għal-linji gwida l-ġodda.
Fil-qosor, id-deċiżjoni prevista dwar ir-riforma tas-CIRR tinvolvi regoli kemm dwar l-aspetti operattivi kif ukoll dawk strutturali li jipprovdu koerenza politika akbar u jtejbu l-kundizzjonijiet ekwi fost il-Parteċipanti. Għalhekk, huwa rrakkomandat li l-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tapprova d-deċiżjoni prevista tal-Parteċipanti fl-Arranġament permezz ta’ proċedura bil-miktub biex jiġu adottati linji gwida ġodda fuq is-CIRRs.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni”
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-att previst huwa kapaċi jinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, l-aktar ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE. Dan għaliex permezz tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament li jiddikjara li "Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 3 sabiex temenda l-Anness II b'riżultat ta’ emendi għal-linji gwida miftiehma mill-Parteċipanti għall-Arranġament".
Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-krediti ta’ esportazzjoni, li huwa fi ħdan il-politika kummerċjali komuni. Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2021/0131 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar id-deċiżjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea rigward id-deċiżjoni prevista tal-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-linji gwida li jinsabu fl-Arranġament dwar il-Krediti ta’ Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (“l-Arranġament”) ġew trasposti, u għalhekk saru legalment vinkolanti fl-UE permezz tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(2)F’konformità mal-Artikolu 63 tal-Arranġament, il-parteċipanti għall-Arranġament (l-‘Parteċipanti’) għandhom jirrevedu perjodikament s-sistema għall-iffissar tar-CCIR sabiex ikun żgurat li r-rati notifikati jirriflettu l-kondizzjonijiet korrenti tas-suq u jissodisfaw l-għanijiet li jsostnu l-istabbiliment tar-rati operattivi. Dawn ir-reviżjonijiet għandhom ukoll ikopru l-marġini li jiżdied meta r-rati jiġu applikati.
(3)Il-parteċipanti għandhom jiddeċiedu permezz ta’ proċedura bil-miktub dwar deċiżjoni prevista biex jiġu emendati d-dispożizzjonijiet fl-Arranġament dwar is-CIRRs.
(4)Id-Deċiżjoni prevista għar-riforma tad-dispożizzjonijiet dwar is-CIRRs għandha tipprovdi koerenza politika akbar u tarmonizza l-prattiki tas-self, u b’hekk ittejjeb il-kundizzjonijiet ekwi fost il-Parteċipanti. Barra minn hekk, għandha tqarreb ir-rati tal-imgħax fissi offruti fi tranżazzjonijiet ta’ kreditu għall-esportazzjoni appoġġati b’mod uffiċjali lejn ir-rati tas-suq u tiżgura li dawn ikunu adattati aħjar għat-termini u l-kundizzjonijiet offruti fis-suq finanzjarju privat. Perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sentejn għandu jagħti żmien lill-aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni biex jadottaw u jikkomunikaw il-linji gwida l-ġodda.
(5)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Laqgħa tal-Parteċipanti fl-Arranġament, peress li d-deċiżjoni prevista tkun tista’ tinfluwenza b’mod determinanti l-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi proċedura bil-miktub tal-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati fir-rigward tad-deċiżjoni prevista biex temenda d-deċiżjoni biex temenda d-dispożizzjoni tas-CIRR għandha tkun ibbażata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President