IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.4.2021
COM(2021) 157 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istat tal-Qatar, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra
FTEHIM DWAR IT-TRASPORT BL-AJRU
BEJN L-ISTAT TAL-QATAR,
MINN NAĦA WAĦDA,
U L-UNJONI EWROPEA U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA,
MIN-NAĦA L-OĦRA
WERREJ
ARTIKOLU 1: Definizzjonijiet
TITOLU I: DISPOŻIZZJONIJIET EKONOMIĊI
ARTIKOLU 2: Għoti ta’ drittijiet
ARTIKOLU 3: Awtorizzazzjoni tal-operat
ARTIKOLU 4: Rifjut, revoka, sospensjoni u limitazzjoni tal-awtorizzazzjoni
ARTIKOLU 5: Liberalizzazzjoni tas-sjieda u tal-kontroll
ARTIKOLU 6: Konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti
ARTIKOLU 7: Kompetizzjoni ġusta
ARTIKOLU 8: Opportunitajiet kummerċjali
ARTIKOLU 9: Dazji doganali
ARTIKOLU 10: Tariffi għall-utenti
ARTIKOLU 11: Prezzijiet tal-biljetti u rati
ARTIKOLU 12: Statistika
TITOLU II: KOOPERAZZJONI REGOLATORJA
ARTIKOLU 13: Sikurezza tal-avjazzjoni
ARTIKOLU 14: Sigurtà tal-avjazzjoni
ARTIKOLU 15: Ġestjoni tat-traffiku tal-ajru
ARTIKOLU 16: Ambjent
ARTIKOLU 17: Responsabbiltà tat-trasportaturi tal-ajru
ARTIKOLU 18: Protezzjoni tal-konsumaturi
ARTIKOLU 19: Sistemi kompjuterizzati ta’ riżervazzjoni
ARTIKOLU 20: Aspetti soċjali
TITOLU III: DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI
ARTIKOLU 21: Interpretazzjoni u implimentazzjoni
ARTIKOLU 22: Il-Kumitat Konġunt
ARTIKOLU 23: Soluzzjoni tat-tilwim u arbitraġġ
ARTIKOLU 24: Rabta ma’ ftehimiet oħra
ARTIKOLU 25: Emendi
ARTIKOLU 26: Adeżjoni minn Stati Membri ġodda tal-Unjoni Ewropea
ARTIKOLU 27: Terminazzjoni
ARTIKOLU 28: Reġistrazzjoni tal-Ftehim
ARTIKOLU 29: Dħul fis-seħħ, applikazzjoni proviżorja u depożitarju
ANNESS 1: Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
ANNESS 2: Applikabbiltà ġeografika għad-drittijiet tat-traffiku tal-ħames libertà għal servizzi ta’ merkanzija biss
L-ISTAT TAL-QATAR (minn hawn ’il quddiem “il-Qatar”),
minn naħa waħda;
u
R-RENJU TAL-BELĠJU,
IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,
IR-REPUBBLIKA ĊEKA,
IR-RENJU TAD-DANIMARKA,
IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,
L-IRLANDA,
IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,
IR-RENJU TA’ SPANJA,
IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,
IR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA,
IR-REPUBBLIKA TALJANA,
IR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU,
IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,
IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,
L-UNGERIJA,
MALTA,
IR-RENJU TAN-NETHERLANDS,
IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,
IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,
IR-RUMANIJA,
IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,
IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,
IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,
IR-RENJU TAL-IŻVEZJA,
li huma partijiet għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejħin flimkien bħala “it-Trattati tal-UE”) u li huma Stati Membri tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejħin b’mod kollettiv bħala “l-Istati Membri tal-UE”, jew b’mod individwali bħala “Stat Membru tal-UE”),
u l-UNJONI EWROPEA,
min-naħa l-oħra;
Billi l-Qatar u l-Istati Membri tal-UE huma partijiet għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, li nfetħet għall-iffirmar f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944, flimkien mal-Unjoni Ewropea;
FILWAQT LI JIXTIEQU jippromwovu l-interessi tagħhom fir-rigward tat-trasport bl-ajru bħala mezz biex jikkontribwixxu għal relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi eqreb bejn il-Partijiet;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tal-konnettività effiċjenti tat-trasport bl-ajru fil-promozzjoni tal-kummerċ, tat-turiżmu, tal-investiment u tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali;
FILWAQT LI JIXTIEQU jtejbu s-servizzi tal-ajru u jippromwovu sistema tal-avjazzjoni internazzjonali bbażata fuq in-nondiskriminazzjoni u l-opportunitajiet ġusti u ugwali, għall-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi tal-ajru;
FILWAQT LI JIXTIEQU jiżguraw l-ogħla livell ta’ sikurezza u ta’ sigurtà fit-trasport bl-ajru u filwaqt li jaffermaw it-tħassib serju tagħhom fir-rigward ta’ atti jew ta’ theddidiet kontra s-sigurtà tal-inġenji tal-ajru, li jipperikolaw is-sikurezza tal-persuni jew tal-proprjetà, li jaffettwaw b’mod avvers l-operat tal-inġenji tal-ajru u li jimminaw il-fiduċja tal-vjaġġaturi fis-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili;
FILWAQT LI JINNOTAW il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, li nfetħet għall-iffirmar f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944;
FILWAQT LI HUMA DDETERMINATI jimmassimizzaw il-benefiċċji potenzjali tal-kooperazzjoni regolatorja;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-benefiċċji potenzjali importanti li jistgħu jfeġġu minn servizzi tal-ajru kompetittivi u minn industriji vijabbli tat-trasport bl-ajru;
FILWAQT LI JIXTIEQU jkattru l-kompetizzjoni libera, filwaqt li jirrikonoxxu li ċerti sussidji jistgħu jaffettwaw il-kompetizzjoni b’mod avvers u jistgħu jxekklu l-objettivi bażiċi ta’ dan il-Ftehim, u filwaqt li jirrikonoxxu li fejn ma hemmx kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għat-trasportaturi tal-ajru, il-benefiċċji potenzjali jaf ma jitwettqux;
FILWAQT LI BIĦSIEBHOM jibnu fuq il-qafas ta’ ftehimiet u ta’ arranġamenti eżistenti bejn il-Partijiet, bl-għan li jkun hemm aċċess miftuħ għas-swieq u massimizzazzjoni tal-benefiċċji għall-passiġġieri, għall-konsenjaturi, għat-trasportaturi tal-ajru u għall-ajruporti kif ukoll għall-impjegati u għall-komunitajiet tagħhom, u għal oħrajn li jibbenefikaw b’mod indirett;
FILWAQT LI JAFFERMAW l-importanza tal-protezzjoni tal-ambjent fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-politika dwar l-avjazzjoni internazzjonali;
FILWAQT LI JAFFERMAW il-ħtieġa għal azzjonijiet urġenti biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u għal kooperazzjoni kontinwa għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fis-settur tal-avjazzjoni, b’mod konsistenti mal-obbligi internazzjonali tagħhom fir-rigward ta’ dan il-qasam, inklużi l-istrumenti tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO);
FILWAQT LI JAFFERMAW l-importanza tal-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi u li jkun hemm kooperazzjoni biex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li ż-żieda fl-opportunitajiet kummerċjali mhijiex maħsuba biex timmina x-xogħol jew l-istandards tal-Partijiet fir-rigward tax-xogħol, u filwaqt li jaffermaw mill-ġdid l-importanza li jitqiesu l-effetti ta’ dan il-Ftehim fuq ix-xogħol, l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u l-benefiċċji li jinħolqu meta l-vantaġġi ekonomiċi sinifikanti li jinkisbu mis-swieq miftuħa u kompetittivi jiġu kkombinati ma’ standards tax-xogħol għoljin;
FILWAQT LI JINNOTAW ix-xewqa li jiġu esplorati modi kif jiġi ffaċilitat aċċess aħjar għall-kapital mill-industrija tat-trasport bl-ajru għall-iżvilupp ulterjuri tat-trasport bl-ajru;
FILWAQT LI JIXTIEQU jikkonkludu ftehim dwar it-trasport bl-ajru, li jkun supplimentari għall-Konvenzjoni;
FTIEHMU KIF ĠEJ:
ARTIKOLU 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, sakemm ma jiġix iddikjarat mod ieħor, it-termini li ġejjin ifissru hekk:
1.
“Ftehim” tfisser dan il-Ftehim, kwalunkwe Anness tiegħu, u kwalunkwe emenda għalihom;
2.
“Trasport bl-ajru” tfisser il-ġarr ta’ passiġġieri, ta’ bagalji, ta’ merkanzija u ta’ posta, separatament jew flimkien, b’inġenji tal-ajru, offrut lill-pubbliku għal remunerazzjoni jew b’kiri, inklużi s-servizzi tal-ajru skedati jew mhux skedati;
3.
“Stabbiliment taċ-ċittadinanza” tfisser sejba li turi li trasportatur tal-ajru li jipproponi li jopera servizzi tal-ajru skont dan il-Ftehim jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 3 ta’ dan il-Ftehim fir-rigward tas-sjieda, il-kontroll effettiv u l-post prinċipali tan-negozju;
4.
“Awtoritajiet kompetenti” tfisser l-aġenziji jew l-entitajiet tal-gvern li huma responsabbli għall-funzjonijiet amministrattivi skont dan il-Ftehim;
5.
“Sistema kompjuterizzata ta’ riżervazzjoni” jew “CRS” tfisser sistema kompjuterizzata li jkun fiha informazzjoni dwar, fost l-oħrajn, l-iskedi, id-disponibbiltà u l-prezzijiet, ta’ aktar minn trasportatur tal-ajru wieħed, bil-faċilitajiet ta’ riżervazzjoni jew tal-ħruġ tal-biljetti jew mingħajrhom, tant li wħud minn dawn is-servizzi jew dawn is-servizzi kollha jkunu disponibbli għall-abbonati. Għall-fini ta’ dan il-ftehim, it-terminu CRS għandu jinftiehem li jinkludi s-“Sistemi Globali ta’ Distribuzzjoni” jew “GDS”, sakemm dawn ikun fihom prodotti tat-trasport bl-ajru;
6.
“Konvenzjoni” tfisser il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, li nfetħet għall-iffirmar f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944, u tinkludi:
(a)
kwalunkwe emenda li daħlet fis-seħħ skont l-Artikolu 94(a) tal-Konvenzjoni u li ġiet ratifikata kemm mill-Qatar kif ukoll mill-Istat Membru tal-UE jew mill-Istati Membri tal-UE skont kif ikun rilevanti għas-suġġett inkwistjoni; u
(b)
kwalunkwe Anness jew kwalunkwe emenda għalih li ġiet adottata skont l-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni, sakemm dak l-Anness jew dik l-emenda jkunu effettivi fi kwalunkwe mument kemm għall-Qatar u kemm għall-Istat Membru tal-UE jew għall-Istati Membri tal-UE skont kif ikun rilevanti għas-suġġett inkwistjoni;
7.
“Diskriminazzjoni” tfisser differenzjazzjoni ta’ kwalunkwe tip mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva;
8.
“Prezzijiet tal-biljetti” tfisser il-prezzijiet li jridu jitħallsu lit-trasportaturi tal-ajru jew lill-aġenti tagħhom jew lil bejjiegħa oħra tal-biljetti għall-ġarr tal-passiġġieri permezz tas-servizzi tal-ajru (inkluż kwalunkwe modalità oħra tat-trasport b’konnessjoni magħhom) u l-kundizzjonijiet li bihom japplikaw dawk il-prezzijiet, inklużi r-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet offruti lill-aġenziji u lil servizzi awżiljarji oħra;
9.
“Stabbiliment tal-idoneità” tfisser sejba li turi li trasportatur tal-ajru li jipproponi li jopera servizzi tal-ajru skont dan il-Ftehim ikollu kapaċità finanzjarja sodisfaċenti u għarfien espert maniġerjali adegwat biex jopera tali servizzi u huwa dispost jikkonforma mal-liġijiet, mar-regolamenti u mar-rekwiżiti li jirregolaw l-operat ta’ tali servizzi;
10.
“Kost sħiħ” tfisser il-kost tal-forniment tas-servizz fornut flimkien ma’ tariffa raġonevoli għall-kostijiet amministrattivi;
11.
“Trasport internazzjonali bl-ajru” tfisser it-trasport bl-ajru li jgħaddi mill-ispazju tal-ajru fuq it-territorju ta’ iktar minn Stat wieħed;
12.
“Partijiet” tfisser, minn naħa waħda, il-Qatar, u min-naħa l-oħra, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha;
13.
“Post prinċipali tan-negozju” tfisser is-sede ewlenija jew l-uffiċċju rreġistrat ta’ trasportatur tal-ajru fit-territorju ta’ Parti li fiha jitwettqu l-funzjonijiet finanzjarji u l-kontroll operazzjonali prinċipali, inkluża l-ġestjoni tal-ajrunavigabbiltà kontinwa tat-trasportatur tal-ajru;
14.
“Rati” tfisser il-prezzijiet li jridu jitħallsu għall-ġarr tal-merkanzija permezz tas-servizzi tal-ajru (inkluż kwalunkwe modalità oħra tat-trasport b’konnessjoni magħhom) u l-kundizzjonijiet li bihom japplikaw dawk il-prezzijiet, inklużi r-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet offruti lill-aġenziji u lil servizzi awżiljarji oħra;
15.
“Self-handling” tfisser sitwazzjoni li fiha utent ta’ ajruport jipprovdi direttament għalih innifsu waħda jew iktar mill-kategoriji ta’ servizzi ta’ groundhandling u ma jikkonkludi l-ebda kuntratt ta’ kwalunkwe deskrizzjoni ma’ parti terza għall-forniment ta’ tali servizzi. Għall-fini ta’ din id-definizzjoni, bejniethom l-utenti tal-ajruport ma għandhomx jitqiesu li jkunu partijiet terzi fejn:
(a) wieħed ikollu l-maġġoranza tal-ishma fl-ieħor, jew
(b) korp wieħed ikollu maġġoranza ta’ ishma f’kull korp;
16.
“Tfixkil serju fl-ekonomija tal-Qatar jew ta’ Stat Membru tal-UE” tfisser kriżi eċċezzjonali, temporanja (jew qasira jew fit-tul) u sinifikanti li taffettwa l-ekonomija kollha tal-Qatar jew ta’ Stat Membru tal-UE aktar milli reġjun jew settur ekonomiku speċifiku;
17.
“Waqfa għal finijiet mhux tat-traffiku” tfisser inżul għal kwalunkwe fini għajr it-tlugħ abbord jew il-ħatt ta’ passiġġieri, ta’ bagalji, ta’ merkanzija u/jew ta’ posta fit-trasport bl-ajru;
18.
“Sussidju” tfisser kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mill-gvern jew minn kwalunkwe korp pubbliku ieħor fi kwalunkwe livell, inkluż:
I.it-trasferiment dirett ta’ fondi u t-trasferiment dirett potenzjali ta’ fondi jew ta’ obbligazzjonijiet;
II.ir-rinunzja jew in-nuqqas ta’ ġbir tad-dħul li kieku jkun dovut;
III.il-forniment ta’ merkanzija jew ta’ servizzi minbarra l-infrastruttura ġenerali, jew ix-xiri ta’ merkanzija jew ta’ servizzi; jew
IV.il-ħlas ta’ pagamenti lil mekkaniżmu ta’ finanzjament, jew l-inkarigar jew it-tqabbid ta’ korp privat sabiex iwettaq funzjoni waħda jew iktar minn dawk imsemmija fil-punti (i), (ii) u (iii), li normalment jkunu f’idejn il-gvern u f’korp pubbliku ieħor, u l-prattika, fl-ebda sens reali, ma tkunx differenti mill-prattiki li normalment jiġu segwiti mill-gvernijiet,
li jkunu limitati, de jure jew de facto, għal ċerti trasportaturi tal-ajru u li jagħtu benefiċċju lil trasportatur(i) tal-ajru. Ma jitqies li jkun ingħata l-ebda benefiċċju permezz ta’ intervent finanzjarju minn gvern jew minn korp pubbliku ieħor, f’każ fejn operatur tas-suq privat, għal kunsiderazzjonijiet kummerċjali, ikun iwettaq l-istess intervent finanzjarju;
19.
Għall-Istat tal-Qatar, “Territorju” għandu t-tifsira assenjata lilu fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni. Għall-Unjoni Ewropea u għall-Istati Membri tagħha, “Territorju” tfisser it-territorju tal-art, l-ilmijiet interni u l-baħar territorjali tal-Istati Membri li għalihom japplikaw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawk it-Trattati, u l-ispazju tal-ajru ta’ fuqhom.
20.
“Tariffa għall-utenti” tfisser tariffa imposta fuq it-trasportaturi tal-ajru għall-forniment ta’ faċilitajiet jew ta’ servizzi tal-ajruport, ambjentali tal-ajruport, tan-navigazzjoni bl-ajru, jew tas-sigurtà tal-avjazzjoni, inklużi s-servizzi u l-faċilitajiet relatati;
TITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET EKONOMIĊI
ARTIKOLU 2
Għoti ta’ drittijiet
Skeda tar-rotot
1.
Kull Parti għandha tippermetti lit-trasportaturi tal-ajru tal-Parti l-oħra joperaw fuq ir-rotot speċifikati hawn taħt:
(a)
għat-trasportaturi tal-ajru tal-Qatar:
Kwalunkwe Punt fil-Qatar – Kwalunkwe Punt Intermedju – Kwalunkwe Punt fl-Unjoni Ewropea – Kwalunkwe Punt Lil Hinn
(b)
għat-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni Ewropea:
Kwalunkwe Punt fl-Unjoni Ewropea – Kwalunkwe Punt Intermedju – Kwalunkwe Punt fil-Qatar – Kwalunkwe Punt Lil Hinn
Għall-fini tal-applikazzjoni tal-iskeda tar-rotot ta’ hawn fuq:
“Kwalunkwe Punt” għandha tfisser punt wieħed jew aktar;
“Kwalunkwe Punt fl-Unjoni Ewropea” għandha tfisser punt wieħed jew aktar fl-istess Stat Membru tal-UE jew fi Stati Membri differenti tal-UE, separatament jew flimkien, fi kwalunkwe ordni partikolari.
Drittijiet tat-traffiku
2.
Kull Parti tagħti lill-Parti l-oħra d-drittijiet li ġejjin għat-twettiq tat-trasport internazzjonali bl-ajru mit-trasportaturi tal-ajru tal-Parti l-oħra fuq bażi nondiskriminatorja:
(a)
id-dritt li jtiru fuq it-territorju tagħha mingħajr inżul;
(b)
id-dritt li jagħmlu waqfiet fit-territorju tagħha għal finijiet mhux tat-traffiku;
(c)
id-dritt li jwettqu trasport internazzjonali bl-ajru skedat u mhux skedat għal servizzi tal-passiġġieri biss, għal dawk tal-passiġġieri u tal-merkanzija, u għal tal-merkanzija biss:
(i)
għat-trasportaturi tal-ajru tal-Qatar, id-dritt li jipprovdu trasport internazzjonali bl-ajru bejn kwalunkwe wieħed mill-punt fil-Qatar u kwalunkwe wieħed mill-punti fl-Unjoni Ewropea bi
(A) drittijiet tat-traffiku tat-tielet u tar-raba’ libertà mingħajr limitazzjoni fuq ir-rotot, il-kapaċità u/jew il-frekwenzi; u
(B) drittijiet tat-traffiku tal-ħames libertà għal servizzi ta’ merkanzija biss bejn l-Unjoni Ewropea u l-punti lil hinn mill-punti elenkati fit-taqsima 1 tal-Anness 2, diment li l-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku tal-ħames libertà ma jaqbiżx is-seba’ (7) frekwenzi fil-ġimgħa għal kull Stat Membru;
(ii)
għat-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni Ewropea, id-dritt li jipprovdu trasport internazzjonali bl-ajru bejn kwalunkwe wieħed mill-punti fl-Unjoni Ewropea u kwalunkwe wieħed mill-punti fil-Qatar bi
(A) drittijiet tat-traffiku tat-tielet u tar-raba’ libertà mingħajr limitazzjoni fuq ir-rotot, il-kapaċità u/jew il-frekwenzi; u
(B) drittijiet tat-traffiku tal-ħames libertà għal servizzi ta’ merkanzija biss bejn il-Qatar u l-punti lil hinn mill-punti elenkati fit-taqsima 2 tal-Anness 2, diment li l-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku tal-ħames libertà ma jaqbiżx is-seba’ (7) frekwenzi fil-ġimgħa għal kull Stat Membru.
L-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet tat-traffiku għandu jkun soġġett għad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali li jinsabu fl-Anness 1 ta’ dan il-Ftehim; u
Biex jiġi evitat kull dubju, għal dawk l-Istati Membri tal-UE li fil-ftehimiet u fl-arranġamenti bilaterali attwali tagħhom dwar is-servizzi tal-ajru mal-Qatar għandhom seba’ (7) frekwenzi jew inqas fil-ġimgħa bi drittijiet tat-traffiku tal-ħames libertà għal servizzi ta’ merkanzija biss, l-għadd totali ta’ frekwenzi fil-ġimgħa disponibbli għat-trasportaturi tal-ajru taż-żewġ Partijiet fi tmiem il-perjodu tranżizzjonali se jkun sebgħa (7).
(d)
id-drittijiet li jkunu speċifikati b’mod ieħor f’dan il-Ftehim.
Flessibbiltà operazzjonali
3.
It-trasportaturi tal-ajru ta’ kull Parti, fi kwalunkwe titjira jew fit-titjiriet kollha u, meta jagħżlu huma, fir-rotot speċifikati fil-paragrafu 1 ta’ hawn fuq, jistgħu:
(a)
joperaw titjiriet f’xi waħda mid-direzzjonijiet jew fit-tnejn li huma;
(b)
jikkombinaw numri differenti tat-titjiriet f’operazzjoni waħda ta’ inġenju tal-ajru;
(c)
jaqdu lil punti intermedji jew lil punti lil hinn, u lil punti fit-territorji tal-Partijiet fi kwalunkwe kombinazzjoni u fi kwalunkwe ordni skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta’ hawn fuq;
(d)
ma jagħmlux waqfiet fi kwalunkwe punt jew f’ċerti punti;
(e)
jittrasferixxu t-traffiku minn kwalunkwe inġenju tal-ajru tagħhom lejn kwalunkwe inġenju tal-ajru ieħor tagħhom fi kwalunkwe punt (tibdil tal-gejġ);
(f)
jagħmlu waqfiet fi kwalunkwe wieħed mill-punti kemm fit-territorju kif ukoll ’il barra mit-territorju ta’ waħda mill-Partijiet;
(g)
jittrasportaw it-traffiku ta’ tranżitu tul it-territorju tal-Parti l-oħra;
(h)
jikkombinaw it-traffiku fuq l-istess inġenju tal-ajru irrispettivament minn fejn joriġina tali traffiku; u
(i)
jaqdu aktar minn punt wieħed, fl-istess Stat Membru tal-UE, jew fil-Qatar, fl-istess servizz (koterminalizzazzjoni).
Il-flessibbiltà operazzjonali prevista fil-punti (a) sa (i) ta’ dan il-paragrafu tista’ tiġi eżerċitata mingħajr limitazzjoni direzzjonali jew ġeografika u mingħajr it-telf ta’ xi dritt tat-trasport tat-traffiku li jkun permissibbli skont dan il-Ftehim, diment li:
(i)
is-servizzi tat-trasportaturi tal-ajru tal-Qatar jaqdu punt fil-Qatar;
(ii)
is-servizzi tat-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni Ewropea jaqdu punt fl-Unjoni Ewropea.
4.
Kull Parti għandha tippermetti lil kull trasportatur tal-ajru tal-Parti l-oħra jistabbilixxi l-frekwenza u l-kapaċità tat-trasport internazzjonali bl-ajru li dan ikun joffri abbażi ta’ konsiderazzjonijiet kummerċjali fis-suq. B’mod konsistenti ma’ dan id-dritt, l-ebda Parti ma għandha tillimita b’mod unilaterali l-volum tat-traffiku, il-frekwenza jew ir-regolarità tas-servizz, ir-rotot, l-oriġini u d-destinazzjoni tat-traffiku, jew it-tip(i) ta’ inġenji tal-ajru li jitħaddmu mit-trasportaturi tal-ajru tal-Parti l-oħra, għajr għal raġunijiet doganali, tekniċi, operazzjonali, ambjentali, tas-sikurezza tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru jew tal-protezzjoni tas-saħħa, jew sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan il-Ftehim.
5.
Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jitqies li jikkonferixxi lit-trasportaturi tal-ajru:
(a)
tal-Qatar id-dritt li jtellgħu abbord, fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE, passiġġieri, bagalji, merkanzija u/jew posta biex jiġu ttrasportati għal rimunerazzjoni jew b’kiri u li jkunu destinati għal punt ieħor f’dak l-istess Stat Membru tal-UE;
(b)
tal-Unjoni Ewropea d-dritt li jtellgħu abbord, fit-territorju tal-Qatar, passiġġieri, bagalji, merkanzija u/jew posta biex jiġu ttrasportati għal rimunerazzjoni jew b’kiri u li jkunu destinati għal punt ieħor fil-Qatar.
ARTIKOLU 3
Awtorizzazzjoni tal-operat
1.
Mal-wasla ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tal-operat minn trasportatur tal-ajru ta’ waħda mill-Partijiet, l-awtoritajiet kompetenti tal-Parti l-oħra għandhom jagħtu l-awtorizzazzjonijiet tal-operat u l-permessi tekniċi xierqa b’dewmien proċedurali minimu, diment li:
(a)
għal trasportatur tal-ajru tal-Qatar:
(i)
it-trasportatur tal-ajru jkollu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu fil-Qatar, u jkollu liċenzja valida tal-operat skont il-liġi tal-Qatar;
(ii)
il-kontroll regolatorju effettiv fuq it-trasportatur tal-ajru jiġi eżerċitat u jinżamm mill-Qatar; u
(iii)
is-sjieda, diretta jew permezz ta’ sjieda ta’ maġġoranza, tat-trasportatur tal-ajru u l-kontroll effettiv tiegħu jkunu tal-Qatar, u/jew taċ-ċittadini tal-Qatar;
(b)
għal trasportatur tal-ajru tal-Unjoni Ewropea:
(i)
it-trasportatur tal-ajru jkun stabbilit fit-territorju tal-Unjoni Ewropea skont it-Trattati tal-UE u jkollu liċenzja valida tal-operat skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea;
(ii)
jitwettaq u jinżamm kontroll effettiv tat-trasportatur tal-ajru mill-Istat Membru tal-UE li jkun responsabbli għall-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ operatur tal-ajru tiegħu, u l-awtorità kompetenti tkun identifikata b’mod ċar; u
(iii)
is-sjieda, diretta jew permezz ta’ sjieda ta’ maġġoranza, tat-trasportatur tal-ajru u l-kontroll effettiv tiegħu jkunu ta’ Stat Membru jew ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea jew tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles u/jew taċ-ċittadini ta’ tali Stati;
(c)
ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 13 u 14 ta’ dan il-Ftehim; u
(d)
it-trasportatur tal-ajru jissodisfa l-kundizzjonijiet preskritti skont il-liġijiet u r-regolamenti li normalment japplikaw għall-operat tat-trasport internazzjonali bl-ajru mill-Parti li tikkunsidra l-applikazzjoni.
2.
Meta tagħti l-awtorizzazzjonijiet tal-operat u l-permessi tekniċi, kull Parti għandha tittratta lit-trasportaturi kollha tal-Parti l-oħra mingħajr diskriminazzjoni.
3.
Mal-wasla ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tal-operat minn trasportatur tal-ajru ta’ Parti waħda, il-Parti l-oħra għandha tirrikonoxxi kwalunkwe stabbiliment tal-idoneità u/jew taċ-ċittadinanza li jkun sar mill-ewwel Parti fir-rigward ta’ dak it-trasportatur tal-ajru daqslikieku dak l-istabbiliment kien sar mill-awtoritajiet kompetenti tagħha stess, u ma għandhiex tistħarreġ iktar dwar tali kwistjonijiet, għajr kif previst fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim. Biex jiġi evitat kull dubju, dan il-paragrafu ma jkoprix ir-rikonoxximent tal-istabbilimenti b’rabta maċ-ċertifikati jew il-liċenzji dwar is-sikurezza, l-arranġamenti dwar is-sigurtà, jew il-kopertura tal-assigurazzjoni.
ARTIKOLU 4
Rifjut, revoka, sospensjoni u limitazzjoni tal-awtorizzazzjoni
1.
Kwalunkwe waħda mill-Partijiet tista’ tirrifjuta, tirrevoka, tissospendi, tillimita jew timponi kundizzjonijiet fuq l-awtorizzazzjonijiet tal-operat jew il-permessi tekniċi jew inkella tirrifjuta, tissospendi, tillimita jew timponi kundizzjonijiet fuq l-operazzjonijiet ta’ trasportatur tal-ajru tal-Parti l-oħra fejn:
(a)
għal trasportatur tal-ajru tal-Qatar:
(i)
it-trasportatur tal-ajru ma jkollux il-post prinċipali tan-negozju tiegħu fil-Qatar jew ma jkollux liċenzja valida tal-operat skont il-liġi tal-Qatar;
(ii)
il-Qatar ma jkunx jeżerċita jew iżomm kontroll regolatorju effettiv fuqu; jew
(iii)
is-sjieda, diretta jew permezz ta’ sjieda ta’ maġġoranza, tat-trasportatur tal-ajru jew il-kontroll effettiv tiegħu ma jkunux tal-Qatar, u/jew taċ-ċittadini tal-Qatar;
(b)
għal trasportatur tal-ajru tal-Unjoni Ewropea:
(i)
it-trasportatur tal-ajru ma jkunx stabbilit fit-territorju tal-Unjoni Ewropea skont it-Trattati tal-UE jew ma jkollux liċenzja valida tal-operat skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea;
(ii)
il-kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur tal-ajru ma jkunx eżerċitat jew ma jinżammx mill-Istat Membru tal-UE li jkun responsabbli għall-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ operatur tal-ajru tiegħu jew l-awtorità kompetenti ma tkunx identifikata b’mod ċar; jew
(iii)
is-sjieda, diretta jew permezz ta’ sjieda ta’ maġġoranza, tat-trasportatur tal-ajru jew il-kontroll effettiv tiegħu ma jkunux ta’ Stat Membru jew ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea jew tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles u/jew taċ-ċittadini ta’ tali Stati;
(c)
it-trasportatur tal-ajru ma jkunx ikkonforma mal-liġijiet u mar-regolamenti msemmija fl-Artikolu 6 ta’ dan il-Ftehim u/jew mal-liġijiet u mar-regolamenti li normalment japplikaw għall-operat tat-trasport internazzjonali bl-ajru mill-Parti li tikkunsidra l-applikazzjoni.
2.
Meta Parti jkollha raġunijiet validi biex temmen li trasportatur tal-ajru tal-Parti l-oħra jkun fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, dik il-Parti tista’ titlob għal konsultazzjonijiet mal-Parti l-oħra.
3.
Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom jibdew kemm jista’ jkun malajr, u mhux aktar tard minn tletin (30) jum mill-wasla ta’ tali talba. F’każ li ma jintlaħaqx ftehim sodisfaċenti fi żmien tletin (30) jum jew f’perjodu ta’ żmien miftiehem mid-data tal-bidu ta’ dawn il-konsultazzjonijiet, jew jekk ma titteħidx l-azzjoni korrettiva miftiehma, dan għandu jikkostitwixxi raġuni biex il-Parti li talbet għall-konsultazzjonijiet tieħu azzjoni biex tirrifjuta, tirrevoka, tissospendi, tillimita jew timponi kundizzjonijiet fuq l-awtorizzazzjoni tal-operat jew il-permessi tekniċi ta’ trasportatur tal-ajru tal-Parti l-oħra biex tiżgura l-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.
4.
Minkejja l-paragrafu 3, fir-rigward tal-paragrafu 1 (c), Parti tista’ tieħu azzjoni immedjata jew urġenti meta tkun meħtieġa minħabba emerġenza, jew biex tipprevjeni nuqqas ta’ konformità ulterjuri. Biex jiġi evitat kull dubju, in-nuqqas ta’ konformità ulterjuri jirrikjedi li l-kwistjoni tan-nuqqas ta’ konformità tkun diġà tqajmet bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet.
ARTIKOLU 5
Liberalizzazzjoni tas-sjieda u tal-kontroll
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-benefiċċji potenzjali tal-liberalizzazzjoni progressiva tas-sjieda u tal-kontroll tat-trasportaturi tal-ajru rispettivi tagħhom. Il-Partijiet jaqblu li fi ħdan il-Kumitat Konġunt, fi żmien opportun, jesploraw il-liberalizzazzjoni reċiproka tas-sjieda u tal-kontroll tat-trasportaturi tal-ajru. Wara li jagħmlu dan, il-Kumitat Konġunt jista’ jirrakkomanda emendi għal dan il-Ftehim skont l-Artikolu 25 ta’ dan il-Ftehim.
ARTIKOLU 6
Konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti
1.
Meta inġenju tal-ajru jidħol fit-territorju ta’ Parti waħda, jew jgħaddi jew jitlaq minnu, it-trasportaturi tal-ajru tal-Parti l-oħra li jkunu involuti fit-trasport internazzjonali bl-ajru għandhom jikkonformaw mal-liġijiet u mar-regolamenti relatati mal-ammissjoni jew mal-operat fit-territorju tagħha, jew mat-tluq minnu.
2.
Meta inġenju tal-ajru jidħol fit-territorju ta’ Parti waħda, jew jgħaddi jew jitlaq minnu, it-trasportaturi tal-ajru tal-Parti l-oħra għandhom jikkonformaw mal-liġijiet u mar-regolamenti tagħha relatati mal-ammissjoni jew mal-operat fit-territorju tagħha, jew mat-tluq minnu, ta’ passiġġieri, ta’ membri tal-ekwipaġġ, ta’ bagalji, ta’ merkanzija u/jew ta’ posta abbord (inklużi r-regolamenti relatati mad-dħul, mal-awtorizzazzjoni, mal-immigrazzjoni, mal-passaporti, mad-dwana u mal-kwarantina, jew fil-każ tal-posta, ir-regolamenti dwar il-posta), jew f’isem tali passiġġieri, membri tal-ekwipaġġ, bagalji, merkanzija u/jew posta.
3.
Fit-territorju rispettiv tagħhom, il-Partijiet għandhom jippermettu lit-trasportaturi tal-ajru tal-Parti l-oħra jieħdu miżuri biex jiġi żgurat li jiġu ttrasportati biss persuni bid-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa għad-dħul fit-territorju tal-Parti l-oħra jew għal tranżitu minnu.
ARTIKOLU 7
Kompetizzjoni ġusta
1.
Il-Partijiet jaqblu li t-trasportaturi tal-ajru għandu jkollhom opportunitajiet ġusti u ugwali biex jikkompetu għall-forniment ta’ servizzi tat-trasport bl-ajru.
2.
Il-Partijiet:
(a)
għandhom jipprojbixxu, u fejn teżisti, jeliminaw, fil-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom u billi jużaw il-proċeduri u l-proċessi interni rispettivi tagħhom, kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni jew prattiki inġusti li jistgħu jaffettwaw b’mod avvers l-opportunitajiet ġusti u ugwali tat-trasportaturi tal-ajru tal-Parti l-oħra biex jikkompetu fil-forniment ta’ servizzi tat-trasport bl-ajru;
(b)
ma għandhomx jagħtu jew jippermettu sussidji lil kwalunkwe trasportatur tal-ajru jekk dawn is-sussidji jaffettwaw b’mod avvers l-opportunitajiet ġusti u ugwali tat-trasportaturi tal-ajru tal-Parti l-oħra biex jikkompetu fil-forniment ta’ servizzi tat-trasport bl-ajru.
3. Minkejja s-sottoparagrafu (b) tal-paragrafu 2, jista’ jingħata dan li ġej:
(a)
appoġġ lil trasportaturi tal-ajru insolventi jew f’diffikultà, diment li:
(i)
dan l-appoġġ jingħata bil-kundizzjoni li jkun hemm pjan ta’ ristrutturar kredibbli bbażat fuq suppożizzjonijiet realistiċi bl-għan li jiġi żgurat li t-trasportatur tal-ajru insolventi jew f’diffikultà jirkupra l-vijabbiltà fit-tul tiegħu fi żmien raġonevoli; u
(ii)
it-trasportatur tal-ajru kkonċernat, l-investituri jew l-azzjonisti tiegħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti huma stess għall-kostijiet ta’ ristrutturazzjoni;
(b)
appoġġ ta’ likwidità temporanju lil trasportatur tal-ajru f’diffikultà, fil-forma ta’ self jew garanziji ta’ self, limitat għall-ammont meħtieġ sempliċement biex it-trasportatur tal-ajru kkonċernat jibqa’ jopera għaż-żmien meħtieġ biex ifassal pjan ta’ ristrutturar jew ta’ likwidazzjoni;
(c)
diment li jkunu limitati għall-ammonti minimi meħtieġa biex jintlaħaq l-objettiv tagħhom u diment li l-effetti fuq il-forniment ta’ servizzi tat-trasport bl-ajru jibqgħu minimi kemm jista’ jkun:
(i)
sussidji biex jagħmlu tajjeb għad-dannu kkawżat minn diżastri naturali;
(ii)
fil-każ tal-Qatar, sussidji bħala rimedju għal tfixkil serju fl-ekonomija tiegħu; u, fil-każ tal-UE u l-Istati Membri tagħha, sussidji bħala rimedju għal tfixkil serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru wieħed jew aktar tal-UE;
(d)
sussidji lil trasportaturi tal-ajru inkarigati bit-twettiq ta’ obbligi tas-servizz pubbliku definiti b’mod ċar meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet essenzjali tat-trasport tal-popolazzjoni li ma jistgħux jiġu ssodisfati mill-forzi tas-suq waħedhom, diment li dawn is-sussidji jkunu limitati għal remunerazzjoni raġonevoli għall-forniment tas-servizzi tal-ajru kkonċernati.
4.
Il-Partijiet għandhom jiżguraw li kull trasportatur tal-ajru tagħhom li jforni servizzi tat-trasport bl-ajru skont dan il-Ftehim jippubblika, mill-anqas fuq bażi annwali, rapport finanzjarju u dikjarazzjoni finanzjarja li takkumpanjah li jkunu awditjati esternament f’konformità ma’ standards tal-kontabbiltà u tal-iżvelar finanzjarju korporattiv, rikonoxxuti b’mod internazzjonali, bħala huma l-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju; u li, f’każ li Parti tipprovdi sussidju, dan is-sussidju jiġi identifikat separatament fir-rapport finanzjarju.
5.
Kull Parti għandha, fuq it-talba tal-Parti l-oħra, tipprovdi lill-Parti l-oħra fi żmien 30 jum, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet, b’rapporti finanzjarji u bi kwalunkwe informazzjoni oħra li tista’ tkun raġonevolment disponibbli, inkluż dwar il-kwistjonijiet koperti fil-paragrafu 4, kif jista’ jintalab raġonevolment mill-Parti l-oħra, biex tivverifika l-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu. Il-preżentazzjoni ta’ tali informazzjoni, meta tkun kummerċjalment sensittiva, għandha tkun soġġetta għal trattament kunfidenzjali mill-Parti li titlob din l-informazzjoni.
6.
Kull Parti, bl-użu tal-proċeduri u tal-proċessi interni rispettivi tagħha, għandha timplimenta u tapplika miżuri li jipprojbixxu u jipprevjenu effettivament lit-trasportaturi tal-ajru tagħhom milli:
(a)
jinvolvu ruħhom fi prattiki miftiehma li jirriżultaw minn ftehim jew deċiżjoni espliċiti jew impliċiti bejn il-kompetituri, li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Din il-projbizzjoni tista’ tiġi ddikjarata mhux applikabbli fejn tali ftehimiet, deċiżjonijiet jew prattiki jikkontribwixxu għat-titjib tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni tas-servizzi jew għall-promozzjoni tal-progress tekniku jew ekonomiku, filwaqt li l-konsumaturi jitħallielhom sehem ġust mill-benefiċċju li jirriżulta, u: (i) ma jimponux fuq il-kumpaniji kkonċernati restrizzjonijiet li ma jkunux indispensabbli għall-ksib ta’ dawn l-objettivi; (ii) ma jagħtux lil dawn il-kumpaniji l-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali tas-servizzi inkwistjoni,
(b)
jabbużaw minn pożizzjoni dominanti b’mod li jista’ jaffettwa s-servizzi tat-trasport bl-ajru lejn/minn dik il-Parti, u
(c)
joħolqu konċentrazzjonijiet bejn it-trasportaturi tal-ajru li jimpedixxu b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva, b’mod partikolari bħala riżultat tal-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti.
7.
Jekk Parti (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Parti li qed taġixxi”) tqis li l-opportunitajiet ġusti u ugwali tat-trasportaturi tal-ajru tagħha biex jikkompetu huma affettwati b’mod avvers minn:
(a)
diskriminazzjoni jew prattiki inġusti pprojbiti skont is-sottoparagrafu (a) tal-paragrafu 2;
(b)
sussidju pprojbit skont is-sottoparagrafu (b) tal-paragrafu 2, li mhux wieħed minn dawk elenkati fil-paragrafu 3;
(c)
nuqqas ta’ konformità mal-obbligi ta’ trasparenza stabbiliti fil-paragrafi 4 u 5; jew
(d)
nuqqas ta’ konformità tal-Parti l-oħra mal-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 6;
din tista’ tipproċedi skont il-paragrafi 8 sa 10.
8.
Il-Parti li qed taġixxi għandha tippreżenta talba bil-miktub għal konsultazzjonijiet lill-Parti l-oħra, flimkien ma’ rapport bil-miktub bl-osservazzjonijiet u bl-evidenza materjali tagħha. Il-konsultazzjonijiet għandhom jibdew fi żmien perjodu ta’ tletin (30) jum minn meta tasal it-talba, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet. Il-konsultazzjonijiet jistgħu jintalbu permezz tal-Kumitat Konġunt.
9.
Jekk il-Parti li qed taġixxi u l-Parti l-oħra ma jaslux għal ftehim dwar il-kwistjoni fi żmien sittin (60) jum mill-bidu tal-konsultazzjonijiet, jew f’perjodu ta’ żmien differenti miftiehem mill-Partijiet jew mill-Kumitat Konġunt, il-Parti li qed taġixxi tista’ tieħu miżuri kontra t-trasportaturi tal-ajru involuti fl-aġir ikkontestat jew li bbenefikaw mid-diskriminazzjoni, mill-prattiki inġusti jew mis-sussidji inkwistjoni. Il-Parti li qed taġixxi għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra, bil-miktub, bil-miżuri li jridu jittieħdu mill-inqas ħmistax-il (15) jum qabel l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe tali miżura.
10.
Il-miżuri meħuda skont il-paragrafu preċedenti għandhom ikunu xierqa, proporzjonati u ristretti fl-ambitu u fid-durata tagħhom għal dak li huwa strettament meħtieġ, bl-għan li jitnaqqas id-dannu għat-trasportaturi tal-ajru tal-Parti li qed taġixxi u li jiġi eliminat il-vantaġġ indebitu miksub mit-trasportaturi tal-ajru li kontrihom ittieħdu dawn il-miżuri.
11.
Kwalunkwe azzjoni u miżura meħuda skont il-paragrafu 9 għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet li tirreferi għall-proċedura tas-soluzzjoni tat-tilwim stabbilita fl-Artikolu 23 ta’ dan il-Ftehim.
12.
Meta kwistjonijiet relatati ma’ dan l-Artikolu jiġu riferuti għall-proċedura tas-soluzzjoni tat-tilwim stabbilita fl-Artikolu 23 ta’ dan il-Ftehim, l-iskedi ta’ żmien imsemmija fil-paragrafi 10, 11, u 12 ta’ dak l-Artikolu għandhom jitnaqqsu bin-nofs.
13.
Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jaffettwa, jillimita jew ixekkel b’xi mod l-awtorità jew is-setgħat tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Partijiet jew tal-qrati li jirrieżaminaw id-deċiżjonijiet ta’ dawk l-awtoritajiet. Kwalunkwe azzjoni meħuda skont il-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu minn xi Parti għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni jew miżura possibbli meħuda minn dawk l-awtoritajiet u l-qrati, inklużi dawk tal-Parti li qed taġixxi. Id-deċiżjonijiet tal-qrati li jirrieżaminaw l-azzjonijiet u l-miżuri ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġu esklużi mill-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim stabbilit fl-Artikolu 23 ta’ dan il-Ftehim.
ARTIKOLU 8
Opportunitajiet kummerċjali
Twettiq tan-negozju
1.
Il-Partijiet jaqblu li l-ostakli għat-twettiq tan-negozju li jiltaqgħu magħhom l-operaturi kummerċjali joħonqu l-benefiċċji li jridu jinkisbu b’dan il-Ftehim. Għaldaqstant, il-Partijiet għandhom ikunu involuti fi proċess effettiv u reċiproku għat-tneħħija tal-ostakli għat-twettiq tan-negozju tal-operaturi kummerċjali taż-żewġ Partijiet, fejn tali ostakli jistgħu joħonqu l-operazzjonijiet kummerċjali, joħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jew jaffettwaw l-opportunitajiet ugwali biex jikkompetu.
2.
Skont l-Artikolu 22 ta’ dan il-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jiżviluppa proċess ta’ kooperazzjoni fir-rigward tat-twettiq tan-negozju u tal-opportunitajiet kummerċjali. Skont l-Artikolu 22 ta’ dan il-Ftehim, Parti tista’ titlob li tiġi organizzata laqgħa tal-Kumitat Konġunt sabiex tiġi diskussa kwalunkwe kwistjoni relatata mal-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.
Rappreżentanti tat-trasportaturi tal-ajru
3.
It-trasportaturi tal-ajru ta’ kull Parti għandu jkollhom id-dritt li jistabbilixxu liberament uffiċċji u faċilitajiet fit-territorju tal-Parti l-oħra għall-forniment tat-trasport bl-ajru u għall-promozzjoni u għall-bejgħ ta’ attivitajiet tat-trasport tal-ajru u ta’ attivitajiet relatati oħra, inkluż id-dritt li jbigħu u li joħorġu kwalunkwe biljett u/jew polza tal-vjeġġ bl-ajru, kemm tagħhom stess u kemm ta’ xi trasportatur tal-ajru ieħor.
4.
It-trasportaturi tal-ajru ta’ kull Parti għandhom ikunu intitolati, skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti l-oħra dwar id-dħul, ir-residenza, u l-impjieg, li jġibu u li jżommu fit-territorju tal-Parti l-oħra, impjegati maniġerjali, tal-bejgħ, tekniċi, tal-operat, u impjegati speċjalizzati oħra li jkunu meħtieġa biex jappoġġaw il-forniment tat-trasport bl-ajru. Iż-żewġ Partijiet għandhom jiffaċilitaw u jħaffu l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-impjieg, meta jkunu meħtieġa, għal dawk il-persuni li jkunu impjegati fl-uffiċċji skont dan il-paragrafu, inklużi dawk li jwettqu ċerti kompiti temporanji li ma jaqbżux id-disgħin (90) jum, soġġett għal-liġijiet u għar-regolamenti rilevanti li jkun hemm fis-seħħ. It-trasportaturi tal-ajru ta’ kull Parti jistgħu jagħżlu b’mod liberu li jaħdmu ma’ aġent ġenerali tal-bejgħ tal-għażla tagħhom, jew mingħajru, fit-territorju tal-Parti l-oħra.
Groundhandling
5. B’rabta mal-groundhandling fit-territorju tal-Parti l-oħra, kull trasportatur tal-ajru għandu jkollu:
(a)
id-dritt li jwettaq il-groundhandling tiegħu stess (self-handling); jew
(b)
id-dritt li jagħżel minn fost il-fornituri li jikkompetu ma’ xulxin, inklużi trasportaturi tal-ajru oħra, li jipprovdu servizzi sħaħ jew parzjali ta’ groundhandling fejn tali fornituri jingħataw aċċess għas-suq abbażi tal-liġijiet u tar-regolamenti ta’ kull Parti, u fejn tali fornituri jkunu preżenti fis-suq.
Id-drittijiet skont il-punti (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu għandhom ikunu soġġetti biss għal restrizzjonijiet speċifiċi ta’ disponibbiltà ta’ spazju jew ta’ kapaċità li jirriżultaw mill-ħtieġa li tinżamm is-sikurezza fl-operat tal-ajruport. Fejn tali restrizzjonijiet jillimitaw, jipprevjenu jew jipprekludu s-self-handling u fejn ma jkunx hemm kompetizzjoni effettiva bejn il-fornituri li jipprovdu s-servizzi ta’ groundhandling, il-Parti rilevanti għandha tiżgura li dawn is-servizzi kollha jkunu disponibbli għat-trasportaturi tal-ajru kollha kemm fuq bażi ugwali u kemm fuq bażi adegwata; il-prezzijiet ta’ dawn is-servizzi għandhom jiġu stabbiliti skont kriterji rilevanti, oġġettivi, trasparenti u ta’ nondiskriminazzjoni.
Allokazzjoni ta’ slots fl-ajruporti
6.
Kull Parti għandha tiżgura li r-regolamenti, il-linji gwida u l-proċeduri tagħha għall-allokazzjoni ta’ slots fl-ajruporti fit-territorju tagħha jiġu applikati b’mod trasparenti, effettiv, f’waqtu u mingħajr diskriminazzjoni.
Pjanijiet operazzjonali, programmi u skedi
7.
In-notifika tal-pjanijiet operazzjonali, tal-programmi jew tal-iskedi għall-operat tas-servizzi tal-ajru skont dan il-Ftehim tista’ tkun meħtieġa minn Parti waħda għal finijiet ta’ informazzjoni biss. Jekk Parti teħtieġ tali notifika, din għandha timminimizza l-piżijiet amministrattivi tar-rekwiżiti ta’ notifika u tal-proċeduri dwar l-intermedjarji tat-trasport bl-ajru u dwar it-trasportaturi tal-ajru tal-Parti l-oħra.
Bejgħ, spejjeż lokali u trasferiment ta’ fondi
8.
Kwalunkwe trasportatur tal-ajru ta’ kull Parti jista’ jkun involut fil-bejgħ ta’ servizzi tat-trasport bl-ajru u ta’ servizzi relatati oħra fit-territorju tal-Parti l-oħra b’mod dirett u/jew, skont id-diskrezzjoni tat-trasportatur tal-ajru, permezz tal-aġenti tal-bejgħ tiegħu, permezz ta’ intermedjarji oħra li jkunu ntgħażlu mit-trasportatur tal-ajru, permezz tal-internet jew permezz ta’ kwalunkwe mezz ieħor disponibbli. Kull trasportatur tal-ajru għandu jkollu d-dritt li jbigħ tali servizzi tat-trasport u servizzi relatati, u kwalunkwe persuna għandha tkun libera li tixtri tali servizzi tat-trasport u servizzi relatati, bil-munita ta’ dak it-territorju jew b’muniti li jistgħu jiġu kkonvertiti liberament.
9.
It-trasportaturi tal-ajru ta’ kull Parti għandhom jitħallew iħallsu għall-ispejjeż lokali, inkluż ix-xiri ta’ fjuwil fit-territorju tal-Parti l-oħra bil-munita lokali, iżda mhux limitat għalih biss. Skont id-diskrezzjoni tagħhom, it-trasportaturi tal-ajru ta’ kull Parti jistgħu jħallsu għal dawn l-ispejjeż fit-territorju tal-Parti l-oħra b’muniti li jistgħu jiġu kkonvertiti liberament skont ir-rata tal-kambju tas-suq.
10.
Kull trasportatur tal-ajru għandu jkollu d-dritt, fuq talba, li jwettaq konverżjoni f’muniti li jistgħu jiġu kkonvertiti liberament u jwettaq rimessa fi kwalunkwe żmien, bi kwalunkwe mod, tad-dħul lokali mit-territorju tal-Parti l-oħra lejn il-pajjiż tal-għażla tiegħu. Il-konverżjoni u r-rimessa għandhom ikunu permessi minnufih mingħajr restrizzjonijiet jew tassazzjoni fir-rigward tagħhom bir-rata tal-kambju tas-suq applikabbli għat-tranżazzjonijiet u għar-rimessa attwali fid-data meta t-trasportatur jagħmel l-applikazzjoni inizjali għal rimessa u ma għandhomx ikunu soġġetti għal xi tariffi għajr dawk li jiġu imposti normalment mill-banek talli jwettqu tali konverżjoni jew rimessa.
Arranġamenti ta’ kummerċjalizzazzjoni kooperattiva
11.
Waqt l-operat jew il-forniment tas-servizzi skont dan il-Ftehim, kwalunkwe trasportatur tal-ajru ta’ Parti waħda jista’ jidħol f’arranġamenti ta’ kummerċjalizzazzjoni kooperattiva, bħal pereżempju arranġamenti ta’ mblukkar tal-ispazju jew ta’ code-sharing, ma’:
(a)
kwalunkwe trasportatur jew trasportaturi tal-ajru tal-Partijiet;
(b)
kwalunkwe trasportatur jew trasportaturi tal-ajru ta’ pajjiż terz; u/jew
(c)
kwalunkwe fornitur tat-trasport fuq xi superfiċe (tal-art jew marittimu) ta’ kwalunkwe pajjiż;
diment li (i) it-trasportatur tal-operat ikollu d-drittijiet tat-traffiku xierqa; (ii) it-trasportaturi tal-kummerċjalizzazzjoni jkollhom ir-rotta/rotot sottostanti xierqa fl-iskeda ta’ rotot; u (iii) l-arranġamenti jissodisfaw ir-rekwiżiti regolatorji li normalment jiġu applikati għal tali arranġamenti.
12.
Waqt l-operat jew il-forniment tas-servizzi skont dan il-Ftehim, kwalunkwe trasportatur tal-ajru ta’ Parti waħda jista’ jidħol f’arranġamenti ta’ kummerċjalizzazzjoni kooperattiva, bħal pereżempju arranġamenti ta’ mblukkar tal-ispazju jew ta’ code-sharing, ma’ trasportatur b’operat f’settur domestiku, diment li (i) dan ikun parti minn vjaġġ internazzjonali u (ii) l-arranġamenti jissodisfaw ir-rekwiżiti li normalment jiġu applikati għal tali arranġamenti. Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, “settur domestiku” tfisser, meta t-trasportatur tal-operat ikun trasportatur tal-Unjoni Ewropea, rotta fit-territorju ta’ Stat Membru tal-UE; u meta t-trasportatur tal-operat ikun trasportatur tal-Qatar, rotta fit-territorju tal-Qatar.
13.
Fir-rigward tal-bejgħ tat-trasport tal-passiġġieri li jinvolvi arranġamenti ta’ kummerċjalizzazzjoni kooperattiva, ix-xerrej għandu jkun infurmat waqt il-bejgħ, jew inkella fiċ-check-in, jew qabel jitla’ abbord għal titjira konnessa fejn ma jkunx meħtieġ check-in, dwar liema fornituri tat-trasport se jkunu qed joperaw kull settur tas-servizz.
Servizzi intermodali
14.
Fir-rigward tat-trasport tal-passiġġieri, il-fornituri tat-trasport fuq xi superfiċe ma għandhomx ikunu soġġetti għal liġijiet u għal regolamenti li jirregolaw it-trasport bl-ajru biss minħabba li tali trasport fuq xi superfiċe jkun qed jitwettaq minn trasportatur tal-ajru f’ismu stess.
15.
Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ dan il-Ftehim, it-trasportaturi tal-ajru u l-fornituri indiretti tat-trasport tal-merkanzija tal-Partijiet għandhom jitħallew, mingħajr restrizzjoni, jużaw b’konnessjoni mat-trasport internazzjonali bl-ajru kwalunkwe trasport fuq xi superfiċe ta’ merkanzija lejn jew minn xi punti fit-territorji tal-Partijiet, jew f’pajjiżi terzi, inkluż it-trasport lejn l-ajruporti kollha b’faċilitajiet doganali, u minnhom, u inkluż, fejn ikun applikabbli, id-dritt tat-trasport ta’ merkanzija li tkun għadha soġġetta għal kontroll doganali skont il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli. Tali merkanzija, kemm jekk tkun qed tiġi ttrasportata fuq xi superfiċe jew bl-ajru, għandu jkollha aċċess għall-ipproċessar u għall-faċilitajiet doganali tal-ajruport. It-trasportaturi tal-ajru jistgħu jagħżlu li jwettqu t-trasport fuq xi superfiċe tagħhom stess jew li jipprovduh permezz ta’ arranġamenti ma’ trasportaturi oħra fuq xi superfiċe, inkluż it-trasport fuq xi superfiċe li jkun operat minn trasportaturi tal-ajru oħra u minn fornituri indiretti tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru. Tali servizzi intermodali tal-merkanzija jistgħu jiġu offruti bi prezz uniku, għat-trasport bl-ajru u fuq xi superfiċe f’daqqa, diment li l-konsenjaturi tal-merkanzija ma jiġux imqarrqa dwar il-fatti li jikkonċernaw tali trasport.
Frankiġja / Markar Korporattiv
16.
It-trasportaturi tal-ajru ta’ kull Parti għandhom ikunu intitolati jidħlu f’arranġamenti ta’ frankiġja jew ta’ markar korporattiv ma’ kumpaniji, inklużi t-trasportaturi tal-ajru, taż-żewġ Partijiet jew ta’ pajjiżi terzi, diment li t-trasportaturi tal-ajru jkollhom l-awtorità xierqa u jissodisfaw il-kundizzjonijiet preskritti skont il-liġijiet u r-regolamenti li jiġu applikati normalment mill-Partijiet għal tali arranġamenti, b’mod partikolari dawk li jeħtieġu l-iżvelar tal-identità tat-trasportatur tal-ajru li jkun qed jopera s-servizz.
Lokazzjoni
17.
Il-Partijiet jagħtu lit-trasportaturi tal-ajru ta’ xulxin id-dritt li jipprovdu servizzi skont dan il-Ftehim billi:
(a)
jużaw inġenji tal-ajru mikrija mingħajr ekwipaġġ mingħand kwalunkwe lokatur;
(b)
jużaw inġenji tal-ajru mikrija bl-ekwipaġġ mingħand trasportaturi tal-ajru oħra tal-istess Parti bħal dik tal-lokatarju;
(c)
jużaw inġenji tal-ajru mikrija bl-ekwipaġġ mingħand trasportaturi tal-ajru ta’ pajjiż ieħor għajr dak tal-Parti tal-lokatarju, diment li l-lokazzjoni tkun ġustifikata abbażi ta’ ħtiġijiet eċċezzjonali, ħtiġijiet ta’ kapaċità staġonali jew diffikultajiet operazzjonali tal-lokatarju u li l-allokazzjoni ma teċċedix id-durata li tkun strettament meħtieġa biex jiġu ssodisfati dawk il-ħtiġijiet jew jingħelbu dawk id-diffikultajiet.
Il-Partijiet ikkonċernati jistgħu jirrikjedu li l-arranġamenti tal-lokazzjoni jiġu approvati mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom għall-fini ta’ verifika tal-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu u mar-rekwiżiti tas-sikurezza u tas-sigurtà applikabbli. Madankollu, meta Parti waħda tkun teħtieġ tali approvazzjoni, din għandha tagħmel ħilitha biex tħaffef il-proċeduri tal-approvazzjoni u timminimizza l-piżijiet amministrattivi għat-trasportaturi kkonċernati. Biex jiġi evitat kull dubju, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu huma mingħajr preġudizzju għal-liġijiet u għar-regolamenti ta’ Parti fir-rigward tal-lokazzjoni ta’ inġenji tal-ajru mit-trasportaturi tal-ajru ta’ dik il-Parti.
ARTIKOLU 9
Dazji doganali
1.
Mal-wasla tagħhom fit-territorju ta’ waħda mill-Partijiet, l-operat tal-inġenji tal-ajru fit-trasport internazzjonali bl-ajru tat-trasportaturi tal-ajru tal-Parti l-oħra, it-tagħmir regolari tagħhom, il-fjuwil, il-lubrifikanti, il-provvisti tekniċi konsumabbli, it-tagħmir ta’ fuq l-art, il-partijiet tal-bdil (inklużi l-magni), il-provvisti ta’ fuq l-inġenji tal-ajru (inklużi iżda mhux limitati għal oġġetti bħall-ikel, ix-xorb, it-tabakk u prodotti oħra destinati biex jinbiegħu lill-passiġġieri jew biex dawn jużawhom fi kwantitajiet limitati waqt it-titjira), u oġġetti oħra li jintużaw jew li huma maħsuba biss b’rabta mal-operat jew maż-żamma fi stat tajjeb tal-inġenji tal-ajru involuti fit-trasport internazzjonali bl-ajru għandhom ikunu eżentati abbażi tar-reċiproċità u diment li tali tagħmir u provvisti jibqgħu abbord l-inġenji tal-ajru, mir-restrizzjonijiet kollha fuq l-importazzjoni, mit-taxxi fuq il-proprjetà u mill-imposti kapitali, mid-dazji doganali, mid-dazji tas-sisa, minn miżati tal-ispezzjoni, mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) jew taxxi indiretti simili u minn miżati u tariffi oħra simili li:
(a)
huma imposti mill-awtoritajiet nazzjonali jew lokali jew mill-Unjoni Ewropea, u li
(b)
mhumiex ibbażati fuq kemm jiswa s-servizz ipprovdut.
2.
Dawn li ġejjin għandhom ikunu eżentati wkoll, fuq bażi reċiproka, mit-taxxi, mill-imposti, mid-dazji, mill-miżati u mit-tariffi msemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ħlief għat-tariffi bbażati fuq kemm jiswa s-servizz ipprovdut:
(a)
il-provvisti ta’ fuq l-inġenji tal-ajru li jiddaħħlu jew li jiġu pprovduti fit-territorju ta’ Parti waħda u li jittellgħu abbord, b’limiti raġonevoli, għall-użu fuq l-inġenji tal-ajru li jkunu se jtiru ’l barra mit-territorju ta’ trasportatur tal-ajru tal-Parti l-oħra involuta fit-trasport internazzjonali bl-ajru, anke meta dawn il-provvisti jkunu se jintużaw waqt parti mill-vjaġġ li jitwettaq fuq it-territorju msemmi;
(b)
it-tagħmir ta’ fuq l-art u l-partijiet tal-bdil (inklużi l-magni) li jiddaħħlu fit-territorju ta’ Parti waħda għaż-żamma fi stat tajjeb, għall-manutenzjoni jew għat-tiswija ta’ inġenju tal-ajru ta’ trasportatur tal-ajru tal-Parti l-oħra li jintuża fit-trasport internazzjonali bl-ajru;
(c)
il-fjuwil, il-lubrifikanti u l-provvisti tekniċi konsumabbli li jiddaħħlu jew li jiġu pprovduti fit-territorju ta’ Parti waħda biex jintużaw f’inġenju tal-ajru ta’ trasportatur tal-ajru tal-Parti l-oħra involuta fit-trasport internazzjonali bl-ajru, anke meta dawn il-provvisti jkunu se jintużaw waqt parti mill-vjaġġ li jitwettaq fuq it-territorju msemmi;
(d)
il-materjal stampat, kif previst bil-leġiżlazzjoni doganali ta’ kull Parti, li jiddaħħal jew li jiġi pprovdut fit-territorju ta’ Parti waħda u li jittella’ abbord għall-użu fuq l-inġenji tal-ajru li jkunu se jtiru ’l barra mit-territorju ta’ trasportatur tal-ajru tal-Parti l-oħra li tkun involuta fit-trasport internazzjonali bl-ajru, anke meta dawn il-provvisti jkunu se jintużaw waqt parti mill-vjaġġ li jitwettaq fuq it-territorju msemmi; u
(e)
it-tagħmir tas-sikurezza u tas-sigurtà biex jintuża fl-ajruporti jew fit-terminals tal-merkanzija.
3.
Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jipprevjeni lil xi Parti milli timponi taxxi, imposti, dazji, miżati jew tariffi fuq il-fjuwil ipprovdut fit-territorju tagħha, fuq bażi mhux diskriminatorja, għall-użu f’inġenju tal-ajru ta’ trasportatur tal-ajru li jopera bejn żewġ punti fit-territorju tagħha.
4.
It-tagħmir regolari li jinġarr abbord, kif ukoll il-materjal, il-provvisti u l-partijiet tal-bdil imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, li normalment jinżammu abbord l-inġenju tal-ajru operat minn trasportatur tal-ajru ta’ Parti waħda jistgħu jinħattu fit-territorju tal-Parti l-oħra biss bl-approvazzjoni tal-awtoritajiet doganali ta’ dik il-Parti u jista’ jkun meħtieġ li jinżammu taħt is-superviżjoni jew il-kontroll tal-istess awtoritajiet sa meta jerġgħu jiġu esportati jew inkella sa meta jintremew skont ir-regolament doganali.
5.
L-eżenzjonijiet previsti b’dan l-Artikolu għandhom ikunu disponibbli wkoll fejn it-trasportaturi tal-ajru ta’ Parti waħda jkunu daħlu f’kuntratt ma’ trasportatur tal-ajru ieħor, li jkun igawdi bl-istess mod minn tali eżenzjonijiet mill-Parti l-oħra, għas-self jew għat-trasferiment fit-territorju tal-Parti l-oħra tal-oġġetti speċifikati fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.
6.
Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jipprevjeni lil kwalunkwe waħda mill-Partijiet milli timponi taxxi, imposti, dazji, miżati jew tariffi fuq oġġetti mibjugħa lill-passiġġieri għajr għall-konsum abbord waqt settur ta’ servizz tal-ajru bejn żewġ punti fit-territorju tagħha li fiha l-imbarkazzjoni jew l-iżbark ikunu permessi.
7.
Il-bagalji u l-merkanzija fi tranżitu dirett tul it-territorju ta’ Parti waħda għandhom ikunu eżentati mit-taxxi, mid-dazji doganali, mill-miżati u minn tariffi simili oħra li ma jkunux ibbażati fuq kemm ikunu jiswew is-servizzi pprovduti.
8.
Jista’ jkun meħtieġ li t-tagħmir u l-provvisti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu jinżammu taħt is-superviżjoni jew il-kontroll tal-awtoritajiet kompetenti.
9.
Id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet rispettivi fis-seħħ bejn Stat Membru tal-UE u l-Qatar għall-evitar tat-tassazzjoni doppja fuq l-introjtu u fuq il-kapital ma għandhomx jiġu affettwati minn dan il-Ftehim.
ARTIKOLU 10
Tariffi għall-utenti
1.
Kull Parti għandha tiżgura li t-tariffi għall-utenti li jistgħu jiġu imposti mill-awtoritajiet jew mill-korpi kompetenti tagħha li jimponu t-tariffi fuq it-trasportaturi tal-ajru tal-Parti l-oħra għall-użu tan-navigazzjoni bl-ajru u tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru għandhom ikunu relatati mal-kostijiet u ma għandhomx ikunu diskriminatorji. Fi kwalunkwe każ, dawn it-tariffi għall-utenti għandhom jiġu vvalutati fuq it-trasportaturi tal-ajru tal-Parti l-oħra b’termini li ma jkunux inqas favorevoli mill-iktar termini favorevoli disponibbli għal kwalunkwe trasportatur tal-ajru ieħor.
2.
Kull Parti għandha tiżgura li t-tariffi għall-utenti li jistgħu jiġu imposti mill-awtoritajiet jew mill-korpi kompetenti tagħha li jimponu t-tariffi fuq it-trasportaturi tal-ajru tal-Parti l-oħra għall-użu tal-ajruport, tas-sigurtà tal-avjazzjoni u ta’ faċilitajiet u ta’ servizzi relatati, għajr it-tariffi imposti fir-rigward tas-servizzi deskritti fil-paragrafu 5 tal-Artikolu 8 ta’ dan il-Ftehim, ma għandhomx ikunu diskriminatorji b’mod inġust u għandhom jiġu apporzjonati b’mod ġust fost il-kategoriji tal-utenti. Dawn it-tariffi għandhom jirriflettu, iżda ma għandhomx jaqbżu, il-kost sħiħ għall-awtoritajiet jew għall-korpi kompetenti li jimponu t-tariffi biex jipprovdu l-faċilitajiet u s-servizzi xierqa tal-ajruport u tas-sigurtà tal-avjazzjoni f’dak l-ajruport jew f’dawk l-ajruporti li fih(om) tapplika sistema komuni tal-impożizzjoni tat-tariffi. Dawn it-tariffi jistgħu jinkludu redditu raġonevoli fuq l-assi, wara d-deprezzament. Il-faċilitajiet u s-servizzi li għalihom jiġu imposti t-tariffi għall-utenti għandhom jiġu pprovduti fuq bażi effiċjenti u ekonomika. Fi kwalunkwe każ, dawn it-tariffi għandhom japplikaw għat-trasportaturi tal-ajru tal-Parti l-oħra b’termini li ma jkunux inqas favorevoli mill-iktar termini favorevoli disponibbli għal kwalunkwe trasportatur tal-ajru ieħor fiż-żmien meta dawn it-tariffi jiġu applikati.
3.
Kull Parti għandha teħtieġ li l-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti li jimponu t-tariffi fit-territorju tagħha u t-trasportaturi tal-ajru li jużaw is-servizzi u l-faċilitajiet iwettqu konsultazzjonijiet u jiskambjaw tali informazzjoni skont kif ikun meħtieġ biex issir valutazzjoni preċiża tar-raġonevolezza tat-tariffi skont il-prinċipji stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. L-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti li jimponu t-tariffi għandhom javżaw lill-utenti b’mod raġonevoli rigward kwalunkwe proposta għal bidliet fit-tariffi għall-utenti sabiex l-utenti jkunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom u jipprovdu kummenti qabel ma jsiru xi bidliet.
ARTIKOLU 11
Prezzijiet tal-biljetti u rati
1.
Il-Partijiet għandhom jippermettu li l-prezzijiet tal-biljetti u r-rati jiġu stabbiliti liberament mit-trasportaturi tal-ajru tal-Partijiet abbażi ta’ kompetizzjoni libera u ġusta.
2.
Kwalunkwe waħda mill-Partijiet tista’ teħtieġ, mingħajr diskriminazzjoni, notifika lill-awtoritajiet kompetenti tagħha tal-prezzijiet tal-biljetti u tar-rati offruti għal servizzi li joriġinaw mit-territorju tagħha mit-trasportaturi tal-ajru taż-żewġ Partijiet fuq bażi ssimplifikata u għal finijiet ta’ informazzjoni biss. Jista’ jkun meħtieġ li tali notifika mit-trasportaturi tal-ajru ssir mhux qabel l-offerta inizjali ta’ prezz tal-biljetti jew ta’ rata.
ARTIKOLU 12
Statistika
1.
Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fil-qafas tal-Kumitat Konġunt biex jiffaċilitaw l-iskambju tal-informazzjoni statistika relatata mat-trasport bl-ajru skont dan il-Ftehim.
2.
Fuq talba, kull Parti għandha tipprovdi lill-Parti l-oħra bl-istatistika mhux kunfidenzjali u mhux kummerċjalment sensittiva disponibbli relatata mat-trasport bl-ajru skont dan il-Ftehim, kif meħtieġ skont il-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tal-Partijiet, fuq bażi mhux diskriminatorja, u skont kif ikun meħtieġ b’mod raġonevoli.
TITOLU II
KOOPERAZZJONI REGOLATORJA
ARTIKOLU 13
Sikurezza tal-avjazzjoni
1.
Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-importanza ta’ kooperazzjoni mill-qrib fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni. F’dak il-kuntest, il-Partijiet għandhom, kif ikun xieraq, jinvolvu ruħhom f’kooperazzjoni ulterjuri fir-rigward tal-investigazzjoni tal-aċċidenti, l-iżviluppi regolatorji, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar is-sikurezza, il-parteċipazzjoni possibbli fl-attivitajiet ta’ sorveljanza jew it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ sorveljanza konġunti u l-iżvilupp ta’ proġetti u inizjattivi konġunti.
2.
Iċ-ċertifikati tal-ajrunavigabbiltà, iċ-ċertifikati ta’ kompetenza u l-liċenzji maħruġa jew validati minn Parti waħda u li għadhom fis-seħħ għandhom jiġu rikonoxxuti bħala validi mill-Parti l-oħra u l-awtoritajiet ajrunawtiċi tagħha għall-fini tal-operat ta’ servizzi tal-ajru, diment li tali ċertifikati jew liċenzji jkunu nħarġu jew ġew validati mill-inqas skont l-istandards internazzjonali rilevanti u l-prattiki u l-proċeduri rakkomandati għas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru stabbiliti skont il-Konvenzjoni u f’konformità magħhom.
3.
Kull Parti tista’ titlob f’kull ħin li jsiru konsultazzjonijiet rigward l-istandards u r-rekwiżiti tas-sikurezza miżmuma u amministrati mill-Parti l-oħra f’oqsma relatati mal-faċilitajiet ajrunawtiċi, mal-ekwipaġġ tat-titjira, mal-inġenji tal-ajru u mal-operat tal-inġenji tal-ajru. Tali konsultazzjonijiet għandhom jsiru fi żmien tletin (30) jum minn meta ssir it-talba.
4.
Jekk, wara tali konsultazzjonijiet, il-Parti li tagħmel it-talba ssib li l-Parti l-oħra ma żżommx u ma tamministrax b’mod effettiv l-istandards u r-rekwiżiti tas-sikurezza fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu li, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, huma mill-inqas ugwali għall-istandards minimi stabbiliti skont il-Konvenzjoni, il-Parti l-oħra għandha tiġi nnotifikata b’tali sejbiet.
Il-Parti l-oħra għandha tippreżenta pjan ta’ azzjoni korrettiva fi żmien tletin (30) jum li jinkludi skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni. Il-pjan ta’ azzjoni korrettiva u l-iskeda ta’ żmien korrispondenti għandhom jiġu miftiehma mill-Partijiet qabel ma jiġu implimentati.
F’każ li l-Parti l-oħra ma tiħux l-azzjoni korrettiva xierqa f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, dan jikkostitwixxi raġuni biex il-Parti li tagħmel it-talba tirrifjuta, tirrevoka, tissospendi, tillimita jew timponi kundizzjonijiet fuq l-awtorizzazzjonijiet tal-operat jew il-permessi tekniċi jew biex b’xi mod ieħor tirrifjuta, tirrevoka, tissospendi, tillimita jew timponi kundizzjonijiet fuq l-operazzjonijiet ta’ trasportatur tal-ajru li jkun taħt is-sorveljanza tas-sikurezza tal-Parti l-oħra.
5.
Kull Parti taċċetta li kwalunkwe inġenju tal-ajru operat minn trasportatur tal-ajru ta’ Parti, jew f’ismu, filwaqt li jkun fit-territorju tal-Parti l-oħra, jista’ jiġi soġġett għal spezzjoni fir-rampa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Parti l-oħra, sabiex jiġu verifikati l-validità tad-dokumenti rilevanti tal-inġenju tal-ajru u ta’ dawk tal-membri tal-ekwipaġġ tiegħu u l-kundizzjoni apparenti tal-inġenju tal-ajru u tat-tagħmir tiegħu, diment li tali verifika ma tikkawżax dewmien mhux raġonevoli fl-operat tal-inġenju tal-ajru.
6.
Jekk Parti, wara li twettaq spezzjoni fir-rampa, issib li inġenju tal-ajru jew l-operat ta’ inġenju tal-ajru ma jkunux konformi mal-istandards u mal-proċeduri minimi għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru stabbiliti skont il-Konvenzjoni, dik il-Parti għandha tinnotifika lill-operatur tal-inġenju tal-ajru dwar dan in-nuqqas ta’ konformità filwaqt li titlob azzjoni korrettiva kif ikun xieraq. Meta jkun xieraq, l-awtoritajiet kompetenti tal-Parti l-oħra li jkunu responsabbli għas-sorveljanza tas-sikurezza tat-trasportatur tal-ajru li jopera l-inġenju tal-ajru jistgħu jintalbu biex jagħtu l-aċċettazzjoni tagħhom tal-azzjoni korrettiva meħuda mill-operatur tal-inġenji tal-ajru. Minkejja dan, kull Parti għandha tippermetti l-aċċess għar-riżultati tal-ispezzjonijiet fir-rampa mwettqa fuq operaturi tal-inġenji tal-ajru li jkunu taħt is-sorveljanza tas-sikurezza tal-Parti l-oħra.
7.
Kull Parti għandu jkollha d-dritt li tieħu azzjoni immedjata, inkluż id-dritt li tirrevoka, tissospendi jew tillimita l-awtorizzazzjonijiet tal-operat jew il-permessi tekniċi jew li b’xi mod ieħor tissospendi jew tillimita l-operazzjonijiet ta’ trasportatur tal-ajru tal-Parti l-oħra, jekk tikkonkludi li dan ikun meħtieġ fid-dawl ta’ theddida immedjata għas-sikurezza tal-avjazzjoni. Il-Parti li tieħu tali miżuri għandha tinforma minnufih lill-Parti l-oħra u tipprovdilha r-raġunijiet li wasslu għal dik l-azzjoni.
8.
Kwalunkwe azzjoni li tittieħed minn Parti waħda skont il-paragrafi 4, 6 jew 7 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun kif meħtieġ u proporzjonata biex tiġi indirizzata sejba ta’ sikurezza u ma għandhiex titkompla ladarba l-bażi għat-teħid ta’ dik l-azzjoni ma tibqax teżisti.
ARTIKOLU 14
Sigurtà tal-avjazzjoni
1.
Il-Partijiet jenfasizzaw l-impenn tagħhom biex jintlaħqu l-ogħla livelli ta’ standards tas-sigurtà tal-avjazzjoni u jistgħu, kif xieraq, jinvolvu ruħhom fi djalogu u f’kooperazzjoni ulterjuri f’dan il-qasam.
2.
Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-obbligi tagħhom lejn xulxin biex iwittu t-triq għas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili kontra atti ta’ interferenza mhux skont il-liġi, u b’mod partikolari l-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni, il-Konvenzjoni dwar ir-Reati u Ċerti Atti Oħra li Jsiru Abbord l-Inġenji tal-Ajru, iffirmata f’Tokyo fl-14 ta’ Settembru 1963, il-Konvenzjoni għat-Trażżin ta’ Ħtif Illegali ta’ Inġenji tal-Ajru, iffirmata fl-Aja fis-16 ta’ Diċembru 1970, il-Konvenzjoni għat-Trażżin ta’ Atti Illegali kontra s-Sikurezza tal-Avjazzjoni Ċivili, iffirmata f’Montreal fit-23 ta’ Settembru 1971, il-Protokoll għat-Trażżin ta’ Atti Illegali ta’ Vjolenza fl-Ajruporti li Jservu l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmat f’Montreal fl-24 ta’ Frar 1988 u l-Konvenzjoni dwar l-immarkar ta’ splussivi tal-plastik għall-fini ta’ identifikazzjoni, iffirmata f’Montreal fl-1 ta’ Marzu 1991, diment li l-Partijiet ikunu partijiet għal dawn il-konvenzjonijiet, kif ukoll għall-konvenzjonijiet u għall-protokolli l-oħra kollha relatati mas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili li għalihom iż-żewġ Partijiet ikunu partijiet.
3.
Fuq talba, il-Partijiet għandhom jipprovdu lil xulxin bl-assistenza kollha meħtieġa biex tiġi indirizzata kwalunkwe theddida għas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili, inkluż biex jiġu evitati atti ta’ ħtif illegali ta’ inġenji tal-ajru ċivili u atti illegali oħra kontra s-sikurezza ta’ tali inġenji tal-ajru, tal-passiġġieri u tal-ekwipaġġ tagħhom, tal-ajruporti u tal-faċilitajiet tan-navigazzjoni bl-ajru, u kwalunkwe theddida oħra għas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili.
4.
Il-Partijiet għandhom, fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, jaġixxu f’konformità mal-istandards internazzjonali tas-sigurtà tal-avjazzjoni u mal-prattiki rakkomandati xierqa stabbiliti mill-ICAO. Dawn għandhom jeħtieġu li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru tar-reġistri tagħhom, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jkollhom il-post prinċipali tan-negozju jew ir-residenza permanenti tagħhom fit-territorju tagħhom, u l-operaturi tal-ajruporti fit-territorju tagħhom, jaġixxu mill-inqas f’konformità ma’ tali dispożizzjonijiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni.
5.
Kull Parti għandha tiżgura li fit-territorju tagħha jittieħdu miżuri effettivi biex l-avjazzjoni ċivili tiġi protetta kontra atti ta’ interferenza mhux skont il-liġi, inkluż l-iskrinjar tal-passiġġieri u tal-bagalji tal-idejn tagħhom, l-iskrinjar tal-bagalji tal-istiva, l-iskrinjar u l-kontrolli tas-sigurtà għal persuni għajr il-passiġġieri, inklużi l-membri tal-ekwipaġġ u l-oġġetti li jġorru magħhom, l-iskrinjar u l-kontrolli tas-sigurtà għall-merkanzija, għall-posta, għall-provvisti tat-titjiriet u tal-ajruport, u l-kontroll tal-aċċess għaż-żoni tat-tlugħ u tal-inżul u għaż-żoni ta’ sigurtà ristretta. Dawk il-miżuri għandhom jiġu aġġustati skont kemm ikun meħtieġ minħabba żidiet fit-theddidiet għas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili. Kull Parti taqbel li d-dispożizzjonijiet tas-sigurtà meħtieġa mill-Parti l-oħra relatati mal-ammissjoni u mal-operat fiit-territorju tagħha ta’ inġenji tal-ajru, jew mat-tluq minnu, iridu jiġu osservati.
6.
F’konformità sħiħa u b’rispett reċiproku għas-sovranità ta’ xulxin, Parti waħda tista’ tadotta miżuri ta’ sigurtà għad-dħul fit-territorju tagħha, kif ukoll miżuri ta’ emerġenza, skont kemm ikun meħtieġ minħabba theddida speċifika għas-sigurtà, li jenħtieġ li jiġu kkomunikati lill-Parti l-oħra mingħajr dewmien. Kull Parti għandha tagħti kunsiderazzjoni pożittiva lil kwalunkwe talba mill-Parti l-oħra għal miżuri speċjali raġonevoli għas-sigurtà, u l-ewwel Parti għandha tqis il-miżuri ta’ sigurtà li diġà jkun qed jiġu applikati mill-Parti l-oħra u kwalunkwe fehma li l-Parti l-oħra tista’ toffri, kif ukoll l-effetti avversi possibbli fuq it-trasport bl-ajru bejn il-Partijiet. Għajr fejn dan ma jkunx possibbli b’mod raġonevoli f’każ ta’ emerġenza, kull Parti tinforma lill-Parti l-oħra bil-quddiem bi kwalunkwe miżura speċjali ta’ sigurtà li tkun biħsiebha tintroduċi u li jista’ jkollha impatt finanzjarju jew operazzjonali sinifikanti fuq is-servizzi tat-trasport bl-ajru pprovduti skont dan il-Ftehim. Kwalunkwe waħda mill-Partijiet tista’ titlob li ssir laqgħa tal-Kumitat Konġunt, fuq bażi urġenti jekk xieraq, biex jiġu diskussi tali miżuri ta’ sigurtà, kif previst fl-Artikolu 22 ta’ dan il-Ftehim.
7.
Madankollu, kull Parti tirrikonoxxi li xejn f’dan l-Artikolu ma jillimita l-kapaċità ta’ Parti waħda li tirrifjuta d-dħul fit-territorju tagħha ta’ xi titjira jew titjiriet li tqis bħala theddida għas-sigurtà tagħha.
8.
Meta jseħħ inċident jew meta jkun hemm theddida ta’ inċident ta’ ħtif illegali ta’ inġenji tal-ajru ċivili jew atti illegali oħra kontra s-sikurezza tal-inġenji tal-ajru, tal-passiġġieri, tal-membri tal-ekwipaġġ, tal-ajruporti jew tal-faċilitajiet tan-navigazzjoni bl-ajru, il-Partijiet għandhom jipprovdu assistenza lil xulxin billi jiffaċilitaw il-komunikazzjoni u miżuri xierqa oħra maħsuba biex itemmu dak l-inċident jew dik it-theddida malajr u mingħajr periklu.
9.
Kull Parti għandha tieħu l-miżuri kollha li hija tqis li jkunu prattikabbli sabiex tiżgura li inġenju tal-ajru, soġġett għal att ta’ ħtif illegali jew għal atti oħra ta’ interferenza mhux skont il-liġi, li jkun fuq l-art fit-territorju tagħha, jinżamm fuq l-art sakemm it-tluq tiegħu ma jkunx meħtieġ minħabba l-obbligu imperattiv tal-protezzjoni tal-ħajja umana. Fejn ikun prattikabbli, tali miżuri għandhom jittieħdu abbażi ta’ konsultazzjonijiet reċiproċi.
10.
Meta Parti jkollha raġunijiet validi biex temmen li l-Parti l-oħra ma segwietx id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, dik il-Parti tista’ titlob għal konsultazzjonijiet immedjati mal-Parti l-oħra. Tali konsultazzjonijiet għandhom jibdew fi żmien tletin (30) jum mill-wasla ta’ tali talba jew ta’ tali perjodu ta’ żmien itwal kif jista’ jiġi miftiehem. F’każ li ma jintlaħaqx ftehim sodisfaċenti fi żmien tletin (30) jum jew f’perjodu ta’ żmien itwal kif jista’ jkun ġie miftiehem kif imsemmi hawn fuq, dan għandu jikkostitwixxi raġuni għall-Parti li talbet għall-konsultazzjonijiet biex tieħu azzjoni biex tirrifjuta, tirrevoka, tissospendi, tillimita jew timponi kundizzjonijiet fuq l-awtorizzazzjoni tal-operat u l-permessi tekniċi ta’ trasportatur tal-ajru tal-Parti l-oħra biex tiżgura l-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu. Meta jkun meħtieġ minħabba emerġenza, jew biex tipprevjeni n-nuqqas ta’ konformità ulterjuri mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, Parti tista’ tieħu azzjoni interim immedjata.
11.
Kwalunkwe azzjoni li tittieħed skont dan l-Artikolu għandha tkun kif meħtieġ u proporzjonata biex tiġi indirizzata theddida ta’ sigurtà u ma għandhiex titkompla malli l-Parti l-oħra tikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu jew meta tali azzjoni ma tkunx meħtieġa aktar.
ARTIKOLU 15
Ġestjoni tat-traffiku tal-ajru
1.
Il-Partijiet għandhom jikkooperaw rigward kwistjonijiet regolatorji li jikkonċernaw is-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, inkluża s-sorveljanza tagħhom. Huma għandhom jindirizzaw kwalunkwe kwistjoni ta’ politika relatata mal-prestazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, bil-ħsieb li jottimizzaw l-effiċjenza globali tat-titjir, inaqqsu l-kostijiet, jimminimizzaw l-impatt ambjentali u jtejbu s-sikurezza u l-kapaċità tas-sistemi.
2.
Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet kompetenti u lill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru tagħhom biex jikkooperaw rigward kwistjonijiet ta’ interoperabbiltà biex fejn ikun possibbli jintegraw aktar is-sistemi taż-żewġ Partijiet, biex inaqqsu l-impatt ambjentali tal-avjazzjoni, u biex jikkondividu l-informazzjoni fejn xieraq.
3.
Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-kooperazzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru tagħhom biex jiskambjaw id-data tat-titjiriet u jikkoordinaw il-flussi tat-traffiku sabiex jottimizzaw l-effiċjenza tat-titjir, bil-ħsieb li jtejbu l-użu tar-riżorsi u jiksbu l-prevedibbiltà, il-puntwalità u l-kontinwità tas-servizz.
4.
Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw rigward programmi ta’ modernizzazzjoni, inkluż l-iżvilupp, l-iskjerament u l-aħjar prattiki għall-effiċjenza ekonomika, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u l-aspetti rilevanti tal-ajrudrom, u li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni miż-żewġ naħat fl-attivitajiet ta’ validazzjoni u ta’ dimostrazzjoni.
ARTIKOLU 16
Ambjent
1.
Il-Partijiet jappoġġaw il-ħtieġa li l-ambjent jiġi protett permezz tal-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli tal-avjazzjoni. Il-Partijiet biħsiebhom jaħdmu flimkien biex jidentifikaw il-problemi relatati mal-impatti tal-avjazzjoni fuq l-ambjent.
2.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jaħdmu flimkien, sabiex jikkunsidraw u jimminimizzaw l-effetti tal-avjazzjoni fuq l-ambjent, b’mod konsistenti mal-objettivi ta’ dan il-Ftehim.
3.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jindirizzaw it-tibdil fil-klima u għaldaqstant li jillimitaw jew inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra (GHG) assoċjati mat-trasport bl-ajru fil-livell domestiku u fil-livell internazzjonali. Huma jaqblu li jikkooperaw rigward dawn il-kwistjonijiet, bil-ħsieb li jiżviluppaw u jimplimentaw strumenti, inklużi regoli ta’ implimentazzjoni għall-iżvilupp tal-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA), u kwalunkwe aspett ieħor ta’ rilevanza partikolari biex jindirizzaw l-emissjonijiet tal-GHG fis-settur tal-avjazzjoni.
4.
Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jiskambjaw l-informazzjoni u jkollhom djalogu regolari mal-esperti sabiex titjieb il-kooperazzjoni fir-rigward tal-indirizzar tal-impatti ambjentali tal-avjazzjoni, inkluż:
(a)
fir-rigward tar-riċerka u tal-iżvilupp tat-teknoloġija tal-avjazzjoni favur l-ambjent;
(b)
fir-rigward tal-innovazzjoni fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, bil-ħsieb li jitnaqqsu l-impatti ambjentali tal-avjazzjoni;
(c)
fir-rigward tar-riċerka u tal-iżvilupp ta’ fjuwils alternattivi sostenibbli għall-avjazzjoni;
(d)
skambju ta’ fehmiet dwar problemi fl-indirizzar tal-effetti ambjentali tal-avjazzjoni u l-mitigazzjoni tal-emissjonijiet klimatiċi tal-avjazzjoni; u
(e)
fir-rigward tal-mitigazzjoni u tal-monitoraġġ tal-istorbju, bil-ħsieb li jitnaqqsu l-impatti ambjentali tal-avjazzjoni.
5.
Il-Partijiet għandhom ukoll, f’konformità mad-drittijiet u mal-obbligi ambjentali multilaterali tagħhom, itejbu l-kooperazzjoni, inkluż dik finanzjarja u teknoloġika, b’rabta ma’ miżuri li jkollhom l-għan li jindirizzaw l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mill-avjazzjoni internazzjonali.
6.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-ħtieġa li jieħdu miżuri xierqa biex jipprevjenu jew inkella jindirizzaw l-impatti ambjentali tat-trasport bl-ajru diment li tali miżuri jkunu konsistenti għalkollox mad-drittijiet u mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali.
ARTIKOLU 17
Responsabbiltà tat-trasportaturi tal-ajru
Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli tat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, magħmula f’Montreal fit-28 ta’ Mejju 1999 (il-Konvenzjoni ta’ Montreal).
ARTIKOLU 18
Protezzjoni tal-konsumaturi
Il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi fit-trasport bl-ajru. L-objettiv ta’ din il-kooperazzjoni għandu jkun li jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Għal dan l-għan, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin fil-Kumitat Konġunt rigward kwistjonijiet ta’ interess għall-konsumaturi, inklużi l-miżuri ppjanati tagħhom, bil-ħsieb li tinkiseb aktar konverġenza u kompatibbiltà regolatorja sa fejn dan ikun possibbli.
ARTIKOLU 19
Sistemi kompjuterizzati ta’ riżervazzjoni
1.
Il-bejjiegħa tas-sistemi kompjuterizzati ta’ riżervazzjoni (minn hawn ’il quddiem “CRS”) li joperaw fit-territorju ta’ Parti waħda għandhom ikunu intitolati li jdaħħlu, li jżommu, u li jagħmlu s-CRSs tagħhom disponibbli liberament għall-aġenziji tal-ivvjaġġar jew għall-kumpaniji tal-ivvjaġġar li n-negozju prinċipali tagħhom ikun id-distribuzzjoni ta’ prodotti relatati mal-ivvjaġġar fit-territorju tal-Parti l-oħra, diment li l-bejjiegħ tas-CRS jikkonforma ma’ kwalunkwe rekwiżit regolatorju rilevanti tal-Parti l-oħra.
2.
Il-Partijiet għandhom jannullaw kwalunkwe rekwiżit eżistenti li jista’ jirrestrinġi l-aċċess liberu mis-CRSs ta’ Parti waħda għas-suq tal-Parti l-oħra jew inkella jillimita l-kompetizzjoni. Il-Partijiet ma għandhomx jadottaw tali rekwiżiti fil-ġejjieni.
3.
L-ebda Parti ma għandha, fit-territorju tagħha, timponi jew tippermetti li jiġu imposti fuq il-bejjiegħa tas-CRS tal-Parti l-oħra, rekwiżiti fir-rigward tal-wiri tas-CRS, li jkunu differenti minn dawk imposti fuq il-bejjiegħa tas-CRS tagħha stess jew fuq bejjiegħa tas-CRS oħra li joperaw fis-suq tagħha. L-ebda Parti ma għandha tipprevjeni l-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn il-bejjiegħa tas-CRS, il-fornituri tagħhom u l-abbonati tagħhom fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar is-servizzi tal-ivvjaġġar u li jkunu qed jiffaċilitaw il-wiri ta’ informazzjoni komprensiva u imparzjali lill-konsumaturi, jew l-issodisfar tar-rekwiżiti regolatorji dwar wiri newtrali.
4.
Is-sidien u l-operaturi ta’ CRSs ta’ Parti waħda li jikkonformaw mar-rekwiżiti regolatorji rilevanti tal-Parti l-oħra, jekk ikun hemm, għandu jkollhom l-istess opportunità ta’ sjieda ta’ CRSs fit-territorju tal-Parti l-oħra bħalma jkollhom is-sidien u l-operaturi ta’ kwalunkwe CRS oħra li joperaw fis-suq ta’ dik il-Parti.
ARTIKOLU 20
Aspetti soċjali
1.
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jikkunsidraw l-effetti ta’ dan il-Ftehim fuq ix-xogħol, l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fuq kwistjoni tax-xogħol fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim, fost affarijiet oħra b’rabta mal-impatti fuq l-impjiegi, id-drittijiet fundamentali fil-post tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-protezzjoni soċjali u d-djalogu soċjali.
2.
Il-Partijiet jirrikonoxxu d-dritt ta’ kull Parti li tistabbilixxi l-livell tagħha stess ta’ protezzjoni tax-xogħol domestiku kif tqis xieraq, u li tadotta jew timmodifika skont dan il-liġijiet u l-politiki rilevanti tagħha, b’mod konsistenti mal-obbligi internazzjonali tagħha. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li d-drittijiet u l-prinċipji fil-liġijiet u fir-regolamenti rispettivi tagħhom ma jiġux imminati, anzi jiġu infurzati b’mod effettiv.
3.
Kull Parti għandha tkompli ttejjeb dawk il-liġijiet u politiki b’mod konsistenti mal-obbligi internazzjonali tagħha, u għandha tagħmel ħilitha biex tipprovdi u tinkoraġġixxi livelli ta’ protezzjoni tax-xogħol għoljin fis-settur tal-avjazzjoni. Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-ksur tal-prinċipji u tad-drittijiet fundamentali fuq ix-xogħol ma jistax jiġi invokat jew inkella użat bħala vantaġġ komparattiv leġittimu u li l-istandards tax-xogħol ma għandhomx jintużaw għal skopijiet ta’ protezzjoniżmu.
4.
Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom, f’konformità mal-obbligi tagħhom li jirriżultaw mis-sħubija tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u mid-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol u s-Segwitu tagħha, adottata mill-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol fis-86 Sessjoni tagħha fl-1998, biex jirrispettaw, jippromwovu u jimplimentaw u japplikaw b’mod effettiv il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol.
5.
Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-objettivi inklużi fl-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO u fid-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta tal-2008, adottata mill-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol fis-97 Sessjoni tagħha.
6.
Kull Parti timpenja ruħha li tagħmel ħilitha kollha biex tirratifika, jekk tkun għadha ma għamlitx hekk, il-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO. Il-Partijiet se jikkunsidraw ukoll ir-ratifika ta’ konvenzjonijiet oħra tal-ILO u konsegwentement l-implimentazzjoni effettiva ta’ standards internazzjonali korrispondenti fil-qasam tax-xogħol u dak soċjali ta’ rilevanza għas-settur tal-avjazzjoni ċivili, fejn jitqiesu ċ-ċirkostanzi domestiċi.
7.
Kwalunkwe waħda mill-Partijiet tista’ titlob li ssir laqgħa tal-Kumitat Konġunt biex jiġu indirizzati l-problemi li l-Parti li tkun qed tagħmel it-talba tidentifika bħala sinifikanti.
TITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI
ARTIKOLU 21
Interpretazzjoni u implimentazzjoni
1.
Id-drittijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim jingħataw mill-Partijiet lil xulxin. Kwalunkwe referenza f’dan il-Ftehim għal drittijiet mogħtija lit-trasportaturi tal-ajru ta’ Parti għandha tinftiehem biss bħala referenza għad-drittijiet mogħtija lil dik il-Parti. Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat bħala maħsub biex jikkonferixxi drittijiet jew biex jimponi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament minn ċittadini ta’ Parti waħda quddiem il-qrati jew it-tribunali tal-Parti l-oħra.
2.
Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha, kemm jekk ikunu ġenerali u kemm jekk ikunu partikolari, sabiex jiżguraw li jiġu ssodisfati l-obbligi li jfeġġu minn dan il-Ftehim.
3.
Meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri li jkunu xierqa u proporzjonati għall-objettivi ta’ dawk il-miżuri.
4.
Il-Partijiet ma għandhom jieħdu ebda miżura li tista’ tipperikola l-ilħuq tal-objettivi ta’ dan il-Ftehim.
5.
Kull Parti għandha tkun responsabbli, fit-territorju tagħha stess, għall-infurzar kif suppost ta’ dan il-Ftehim.
6.
Meta xi waħda mill-Partijiet ikollha tħassib dwar il-possibbiltà ta’ ksur ta’ dan il-Ftehim, din tista’ titlob għal informazzjoni u għal assistenza mill-Parti l-oħra. Malli tirċievi din it-talba, il-Parti l-oħra għandha tipprovdi l-informazzjoni u l-assistenza kollha meħtieġa, soġġett għal-liġijiet u għar-regolamenti applikabbli tagħha.
7.
Dan il-Ftehim ma għandux jipprekludi l-konsultazzjonijiet u d-diskussjonijiet bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet ’il barra mill-Kumitat Konġunt, inkluż fl-oqsma tal-iżvilupp tat-trasport bl-ajru, tas-sigurtà, tas-sikurezza, tal-ambjent, tal-politika soċjali, tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, tal-infrastruttura tal-avjazzjoni, tal-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni u tal-protezzjoni tal-konsumaturi. Il-Partijiet għandhom jinfurmaw lill-Kumitat Konġunt dwar l-eżitu ta’ tali konsultazzjonijiet u diskussjonijiet li jista’ jkollu impatt fuq l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
8.
Fejn, f’dan il-Ftehim, issir referenza għall-kooperazzjoni bejn il-Partijiet, inkluż iżda mhux biss fl-oqsma tal-opportunitajiet kummerċjali, tas-sigurtà, tas-sikurezza, tal-ambjent, tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u tal-protezzjoni tal-konsumaturi, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex isibu bażi komuni għat-teħid ta’ azzjoni konġunta biex dan il-Ftehim jiġi żviluppat aktar u/jew biex jittejjeb il-funzjonament tiegħu fl-oqsma kkonċernati, abbażi ta’ kunsens reċiproku.
ARTIKOLU 22
Il-Kumitat Konġunt
1.
Kumitat Konġunt magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet għandu jkun responsabbli biex jissorvelja l-amministrazzjoni ta’ dan il-Ftehim filwaqt li għandu jiżgura l-implimentazzjoni kif suppost tiegħu.
2.
Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.
3.
Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ kif u meta jkun meħtieġ, minn tal-inqas darba fis-sena. Kwalunkwe waħda mill-Partijiet tista’, fi kwalunkwe ħin, titlob biex issir laqgħa tal-Kumitat Konġunt. Tali laqgħa għandha tibda fl-eqreb data possibbli, u mhux iktar tard minn xahrejn (2) mid-data tal-wasla tat-talba, sakemm ma jkunx ġie miftiehem mod ieħor mill-Partijiet.
4.
Għall-fini tal-implimentazzjoni kif suppost ta’ dan il-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu:
(a)
jiskambja l-informazzjoni, inkluż dwar il-bidliet fil-liġijiet, fir-regolamenti u fil-politiki tal-Partijiet rispettivi li jistgħu jaffettwaw is-servizzi tal-ajru, u l-informazzjoni statistika relatata mat-trasport bl-ajru;
(b)
jagħmel rakkomandazzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet fejn dan ikun previst b’mod espliċitu f’dan il-Ftehim;
(c)
iżid il-kooperazzjoni, inkluż dwar kwistjonijiet regolatorji;
(d)
iwettaq konsultazzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim, kif ukoll, fejn ikun xieraq, dwar il-problemi tat-trasport bl-ajru li jiġu indirizzati fl-organizzazzjonijiet internazzjonali, fir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi u fl-arranġamenti multilaterali, inkluża l-kunsiderazzjoni dwar jekk għandux jiġi adottat approċċ konġunt;
(e)
iqis l-oqsma potenzjali għall-iżvilupp ulterjuri ta’ dan il-Ftehim, inkluża r-rakkomandazzjoni ta’ emendi għal dan il-Ftehim għall-adeżjoni ta’ pajjiżi terzi f’dan il-Ftehim.
5.
Ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jiġu adottati b’kunsens bejn il-Partijiet. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kumitat Konġunt għandhom ikunu vinkolanti fuq il-Partijiet.
ARTIKOLU 23
Soluzzjoni tat-tilwim u arbitraġġ
1.
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim, kwalunkwe tilwima relatata mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim, tista’ tiġi riferuta mill-Partijiet lill-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim previst f’dan l-Artikolu.
2.
Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe konsultazzjoni preċedenti bejn il-Partijiet skont dan il-Ftehim, meta Parti tixtieq li jkollha rikors għall-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim previst f’dan l-Artikolu, din għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub dwar l-intenzjoni tagħha u titlob laqgħa tal-Kumitat Konġunt għal konsultazzjonijiet.
3.
Jekk il-laqgħa tal-Kumitat Konġunt ma ssirx fi żmien xahrejn (2) mill-wasla tat-talba msemmija fil-paragrafu preċedenti jew sad-data miftiehma mill-Partijiet, jew, jekk it-tilwima ma tkunx ġiet solvuta fil-Kumitat Konġunt fi żmien sitt (6) xhur mit-talba msemmija, it-tilwima tista’ tiġi riferuta lil persuna jew lil korp biex tittieħed deċiżjoni bi ftehim bejn il-Partijiet. Jekk il-Partijiet ma jistgħux jilħqu ftehim reċiproku biex jirreferu t-tilwima lil persuna jew lil korp għal deċiżjoni, it-tilwima għandha, fuq it-talba ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet, tiġi preżentata għal arbitraġġ.
4.
Minkejja l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jekk Parti tkun ħadet azzjoni biex tirrifjuta, tirrevoka, tissospendi, timponi kundizzjonijiet fuq jew tillimita l-awtorizzazzjoni tal-operat jew il-permessi tekniċi ta’ trasportatur tal-ajru tal-Parti l-oħra, it-tilwima tista’ minnufih tiġi riferuta lil persuna jew lil korp għal deċiżjoni, jew tiġi preżentata għal arbitraġġ.
5.
It-talba għal arbitraġġ għandha ssir bil-miktub minn Parti (minn hawn ’il quddiem imsejħa “parti inizjatriċi”) lill-Parti l-oħra (minn hawn ’il quddiem “parti rispondenti”). Fit-talba tagħha, il-parti inizjatriċi għandha tippreżenta l-kwistjonijiet li jridu jiġu riżolti, tiddeskrivi l-miżura inkwistjoni, u tispjega r-raġunijiet għaliex tqis li tali miżura tkun inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.
6.
Sakemm il-parti inizjatriċi u l-parti rispondenti ma jaqblux mod ieħor, l-arbitraġġ għandu jsir permezz ta’ tribunal ta’ tliet arbitri li jrid jiġi kkostitwit kif ġej:
(a)
fi żmien sittin (60) jum minn wara l-wasla tat-talba għal arbitraġġ, il-parti inizjatriċi u l-parti rispondenti għandhom jaħtru arbitru wieħed kull wieħed. Fi żmien tletin (30) jum wara li dawn iż-żewġ arbitri jkunu nħatru, il-parti inizjatriċi u l-parti rispondenti għandhom bi ftehim jaħtru t-tielet arbitru, li għandu jaġixxi bħala President tat-tribunal;
(b)
jekk il-parti inizjatriċi jew il-parti rispondenti ma jaħtrux arbitru, jew jekk it-tielet arbitru ma jiġix maħtur skont is-sottoparagrafu (a) ta’ dan il-paragrafu, il-parti inizjatriċi jew il-parti rispondenti tista’ titlob lill-President tal-Kunsill tal-ICAO jaħtar l-arbitru jew l-arbitri meħtieġa fi żmien tletin (30) jum mill-wasla ta’ dik it-talba. Jekk il-President tal-Kunsill tal-ICAO jkun ċittadin tal-Qatar jew inkella ta’ Stat Membru tal-UE, l-iktar Viċi President anzjan ta’ dak il-Kunsill, li ma jkunx skwalifikat għal dik ir-raġuni, għandu jintalab jieħu ħsieb il-ħatra.
7.
Id-data ta’ stabbiliment tat-tribunal għandha tkun id-data li fiha l-aħħar wieħed mit-tliet arbitri jkun aċċetta l-ħatra tiegħu.
8.
Il-proċedimenti għandhom jitwettqu skont ir-Regoli ta’ Proċedura li jridu jiġu adottati mill-Kumitat Konġunt mill-aktar fis possibbli soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu u skont il-paragrafi 4(b) u 5 tal-Artikolu 22 ta’ dan il-Ftehim. Sakemm il-Kumitat Konġunt jadotta r-Regoli ta’ Proċedura, it-tribunal għandu jistabbilixxi r-regoli proċedurali tiegħu stess.
9.
Fuq talba tal-parti inizjatriċi, it-tribunal jista’, sakemm jieħu d-deċiżjoni finali tiegħu, jawtorizza lill-parti inizjatriċi timplimenta miżuri interim ta’ rimedju jew jitlob lill-parti rispondenti tadotta miżuri interim ta’ rimedju.
10.
It-tribunal għandu joħroġ rapport interim għall-parti inizjatriċi u għall-parti rispondenti li jistabbilixxi s-sejbiet ta’ fatti, l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet rilevanti u r-raġunament bażiku għal kwalunkwe sejba u rakkommandazzjoni li jagħmel, sa mhux iktar tard minn disgħin (90) jum wara d-data ta’ stabbiliment tiegħu. Fejn jikkunsidra li din l-iskadenza ma tistax tiġi ssodisfata, il-President tat-tribunal għandu jinnotifika lill-parti inizjatriċi u lill-parti rispondenti bil-miktub, u għandu jiddikjara r-raġunijiet għad-dewmien u d-data li fiha t-tribunal ikun qed jippjana li joħroġ ir-rapport interim tiegħu. Ir-rapport interim fl-ebda ċirkostanza ma għandu jinħareġ iktar tard minn mija u għoxrin (120) jum wara d-data ta’ stabbiliment tat-tribunal.
11.
Il-parti inizjatriċi jew il-parti rispondenti jistgħu jippreżentaw talba bil-miktub lit-tribunal biex jirrieżamina l-aspetti speċifiċi tar-rapport interim fi żmien erbatax-il (14) jum mill-ħruġ tiegħu. Wara li jikkunsidra kwalunkwe kumment bil-miktub mingħand il-parti inizjatriċi u l-parti rispondenti fir-rigward tar-rapport interim, it-tribunal jista’ jimmodifika r-rapport tiegħu u jwettaq kwalunkwe eżami ulterjuri jekk iqis li jkun xieraq. Is-sejbiet tad-deċiżjoni finali tat-tribunal għandhom jinkludu diskussjoni suffiċjenti tal-argumenti li jkunu tressqu fl-istadju tar-rieżami interim, u għandhom iwieġbu b’mod ċar il-mistoqsijiet u l-osservazzjonijiet tal-parti inizjatriċi u tal-parti rispondenti.
12.
It-tribunal għandu joħroġ id-deċiżjoni finali għall-parti inizjatriċi u għall-parti rispondenti fi żmien mija u għoxrin (120) jum mid-data ta’ stabbiliment tiegħu. Fejn jikkunsidra li dik l-iskadenza ma tistax tiġi ssodisfata, il-President tat-tribunal għandu jinnotifika lill-parti inizjatriċi u lill-parti rispondenti bil-miktub, u għandu jiddikjara r-raġunijiet għad-dewmien u d-data li fiha t-tribunal ikun qed jippjana li joħroġ id-deċiżjoni finali tiegħu. Id-deċiżjoni finali tat-tribunal fl-ebda ċirkostanza ma għandha tinħareġ iktar tard minn mija u ħamsin (150) jum wara d-data ta’ stabbiliment tat-tribunal.
13.
Jekk Parti tkun ħadet azzjoni biex tirrifjuta, tirrevoka, tissospendi, timponi kundizzjonijiet fuq jew tillimita l-awtorizzazzjoni tal-operat jew il-permessi tekniċi ta’ trasportatur tal-ajru tal-Parti l-oħra, jew, fuq talba mill-parti inizjatriċi jew mill-parti rispondenti, jekk it-tribunal jiddeċiedi li l-każ huwa urġenti, l-iskedi ta’ żmien imsemmija fil-paragrafi 10, 11, u 12 ta’ dan l-Artikolu għandhom jitnaqqsu bin-nofs.
14.
Il-parti inizjatriċi u l-parti rispondenti jistgħu jippreżentaw talbiet għal kjarifika tad-deċiżjoni finali tat-tribunal fi żmien għaxart (10) ijiem wara li tinħareġ din id-deċiżjoni, u kwalunkwe kjarifika li tingħata għandha tinħareġ fi żmien ħmistax-il (15) jum minn tali talba.
15.
Jekk it-tribunal jistabbilixxi li kien hemm ksur ta’ dan il-Ftehim u l-Parti responsabbli ma tikkonformax mad-deċiżjoni finali tat-tribunal, jew ma tilħaqx ftehim mal-Parti l-oħra fir-rigward ta’ soluzzjoni sodisfaċenti għaż-żewġ Partijiet fi żmien sittin (60) jum wara l-ħruġ tad-deċiżjoni finali tat-tribunal, il-Parti l-oħra tista’ tissospendi l-applikazzjoni ta’ benefiċċji komparabbli li jfeġġu minn dan il-Ftehim sa meta l-Parti responsabbli tikkonforma mad-deċiżjoni finali tat-tribunal jew sa meta l-parti inizjatriċi u l-parti rispondenti jilħqu ftehim fir-rigward ta’ soluzzjoni sodisfaċenti għaż-żewġ Partijiet.
16.
Kull Parti għandha ġġarrab il-kostijiet tal-arbitru maħtur minnha. Il-kostijiet l-oħra tat-tribunal għandhom jinqasmu b’mod ugwali bejn il-Partijiet.
ARTIKOLU 24
Rabta ma’ ftehimiet oħra
1.
Dan il-Ftehim għandu jissospendi ftehimiet u arranġamenti preċedenti dwar l-istess suġġett bejn il-Partijiet soġġett għall-paragrafi 2 u 7 ta’ dan l-Artikolu sakemm dan il-Ftehim ma jiġix terminat.
2.
Id-dispożizzjonijiet fi ftehim jew arranġament preċedenti dwar servizzi tal-ajru bejn Stat Membru tal-UE u l-Qatar dwar il-kwistjonijiet koperti fl-Artikoli 2, 3, 8, u 11 ta’ dan il-Ftehim għandhom ikomplu japplikaw bħala suġġett ta’ dan il-Ftehim meta jkunu aktar favorevoli u/jew flessibbli għat-trasportaturi tal-ajru kkonċernati. Id-drittijiet u l-benefiċċji kollha li jgawdu minnhom it-trasportaturi tal-ajru tal-Istat Membru kkonċernat tal-UE skont dawk id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw għat-trasportaturi kollha tal-Unjoni Ewropea.
3.
Għall-finijiet tal-paragrafu preċedenti, kwalunkwe tilwima bejn il-Partijiet dwar jekk id-dispożizzjonijiet jew it-trattamenti skont ftehimiet jew arranġamenti preċedenti bejn il-Partijiet humiex iktar favorevoli jew flessibbli għandha tiġi solvuta fil-qafas tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim previst fl-Artikolu 23 ta’ dan il-Ftehim.
4.
Kwalunkwe dritt tat-traffiku addizzjonali li jista’ jingħata mill-Qatar lil Stat Membru tal-UE, jew viċeversa, wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, għandu jkun soġġett għal dan il-Ftehim u ma għandux jiddiskrimina bejn it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni Ewropea. Dawn l-arranġamenti għandhom jiġu nnotifikati lill-Kumitat Konġunt minnufih.
5.
Il-Kumitat Konġunt għandu jfassal lista informattiva tad-dispożizzjonijiet u tal-arranġamenti dwar id-drittijiet tat-traffiku msemmija fil-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu, u jżommha aġġornata.
6.
Jekk il-Partijiet isiru partijiet għal xi ftehim multilaterali jew japprovaw xi deċiżjoni adottata mill-ICAO fil-qasam tat-trasport bl-ajru, li jindirizza/tindirizza il-kwistjonijiet koperti b’dan il-Ftehim, huma għandhom jikkonsultaw lil xulxin fil-Kumitat Konġunt skont l-Artikolu 22 ta’ dan il-Ftehim sabiex jiġi stabbilit jekk ikunx jenħtieġ li dan il-Ftehim jiġi rrevedut sabiex jitqiesu tali żviluppi.
7.
Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jaffettwa l-validità u l-applikazzjoni ta’ ftehimiet eżistenti u futuri bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Qatar fir-rigward ta’ territorji taħt is-sovranità rispettiva tagħhom li mhumiex inklużi fid-definizzjoni ta’ “Territorju” fl-Artikolu 1 ta’ dan il-Ftehim.
ARTIKOLU 25
Emendi
Kwalunkwe emenda għal dan il-Ftehim għandha tiġi miftiehma bejn il-Partijiet f’konformità mal-konsultazzjonijiet li jkunu saru skont l-Artikolu 22 ta’ dan il-Ftehim. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ skont it-termini stabbiliti fl-Artikolu 29 ta’ dan il-Ftehim.
ARTIKOLU 26
Adeżjoni minn Stati Membri ġodda tal-Unjoni Ewropea
1.
Dan il-Ftehim għandu jkun miftuħ għall-adeżjoni ta’ Stati li jkunu saru Stati Membri tal-UE wara d-data tal-iffirmar tal-Ftehim.
2.
F’dak il-każ, l-adeżjoni ta’ dak l-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea mal-Ftehim għandha ssir billi jiġi ddepożitat strument tal-adeżjoni għand is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li għandu jinnotifika lill-Qatar li ġie ddepożitat l-istrument tal-adeżjoni u d-data tiegħu. L-adeżjoni ta’ dak l-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea għandha ssir effettiva mit-30 jum wara d-data li fiha jkun ġie ddepożitat l-istrument tal-adeżjoni.
3.
Il-paragrafi 1, 2, 3 u 7 tal-Artikolu 24 ta’dan il-Ftehim għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-ftehimiet u għall-arranġamenti eżistenti li jkunu fis-seħħ fiż-żmien tal-adeżjoni ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea mal-Ftehim.
ARTIKOLU 27
Terminazzjoni
Kwalunkwe waħda mill-Partijiet tista’, fi kwalunkwe żmien, tagħti avviż bil-miktub, permezz ta’ mezzi diplomatiċi, lill-Parti l-oħra dwar id-deċiżjoni tagħha li tittermina dan il-Ftehim. Tali avviż għandu jintbagħat b’mod simultanju lill-ICAO u lis-Segretarjat tan-NU. Dan il-Ftehim għandu jittermina f’nofsillejl GMT fl-aħħar tal-istaġun tat-traffiku tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA) b’effett sena (1) waħda wara d-data tal-avviż ta’ terminazzjoni bil-miktub, sakemm l-avviż ma jiġix irtirat bi ftehim bejn il-Partijiet qabel jintemm dan il-perjodu.
ARTIKOLU 28
Reġistrazzjoni tal-Ftehim
Dan il-Ftehim u kwalunkwe emenda tiegħu għandhom jiġu rreġistrati mal-ICAO, skont l-Artikolu 83 tal-Konvenzjoni, u mas-Segretarjat tan-NU, skont l-Artikolu 102 tal-Karta tan-NU.
ARTIKOLU 29
Dħul fis-seħħ, applikazzjoni proviżorja u depożitarju
1.
Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara dak li fih il-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin dwar l-ikkompletar tal-proċeduri ġuridiċi applikabbli meħtieġa għal dak l-għan.
2.
Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Qatar għandu jinnotifika lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jinnotifika lill-Qatar, permezz ta’ mezzi diplomatiċi.
3.
Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Partijiet għandhom japplikaw dan il-Ftehim proviżorjament, f’konformità mal-proċeduri interni u/jew mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, mid-data tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim.
4.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jaġixxi bħala d-depożitarju ta’ dan il-Ftehim.
B'XIEHDA TA’ DAN, il-firmatarji ta’ hawn taħt, debitament awtorizzati li jagħmlu dan, iffirmaw dan il-Ftehim.
Done at […] on […] in the year […], in duplicate, in the Bulgarian, Croatian, Czech, Danish, Dutch, English, Estonian, Finnish, French, German, Greek, Hungarian, Irish, Italian, Latvian, Lithuanian, Maltese, Polish, Portuguese, Romanian, Slovak, Slovenian, Spanish, Swedish and Arabic languages, each text being equally authentic. Fil-każ ta’ kwalunkwe diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi, il-Kumitat Konġunt għandu jiddeċiedi dwar il-lingwa tat-test li trid tintuża.
Għall-Istat tal-Qatar
Għall-Unjoni Ewropea
Għar-Renju tal-Belġju,
Għar-Repubblika tal-Bulgarija,
Għar-Repubblika Ċeka,
Għar-Renju tad-Danimarka,
Għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja,
Għar-Repubblika tal-Estonja,
Għall-Irlanda,
Għar-Repubblika Ellenika,
Għar-Renju ta’ Spanja,
Għar-Repubblika Franċiża,
Għar-Repubblika tal-Kroazja,
Għar-Repubblika Taljana,
Għar-Repubblika ta’ Ċipru,
Għar-Repubblika tal-Latvja,
Għar-Repubblika tal-Litwanja,
Għall-Gran Dukat tal-Lussemburgu,
Għall-Ungerija,
Għal Malta,
Għar-Renju tan-Netherlands,
Għar-Repubblika tal-Awstrija,
Għar-Repubblika tal-Polonja,
Għar-Repubblika Portugiża,
Għar-Rumanija,
Għar-Repubblika tas-Slovenja,
Għar-Repubblika Slovakka,
Għar-Repubblika tal-Finlandja,
Għar-Renju tal-Iżvezja.
ANNESS 1
DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI
1.Minkejja l-Artikolu 2(2) ta’ dan il-Ftehim, l-eżerċitar tad-drittijiet tat-traffiku tat-tielet u tar-raba’ libertà għas-servizzi ta’ passiġġieri biss, ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija, u ta’ merkanzija biss, u tad-drittijiet tat-traffiku tal-ħames libertà għas-servizzi ta’ merkanzija biss fuq ir-rotot speċifikati, għandu jkun soġġett għad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali ta’ dan l-Anness.
2.Id-drittijiet tat-traffiku tat-tielet u tar-raba’ libertà bejn punti fil-Qatar u punti fil-Belġju, fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Italja u fin-Netherlands għandhom jiġu liberalizzati gradwalment skont il-paragrafi 4 sa 8 ta’ hawn taħt.
3.Id-drittijiet tat-traffiku tal-ħames libertà għas-servizzi ta’ merkanzija biss għandhom jiżdiedu gradwalment skont il-paragrafu 9 ta’ hawn taħt biex jintlaħaq l-intitolament ta’ frekwenzi miftiehem ta’ seba’ (7) frekwenzi fil-ġimgħa fi tmiem il-perjodu tranżizzjonali.
4.Għas-servizzi mill-Istati Membri tal-UE msemmija fil-paragrafu 2 jew lejhom, it-trasportaturi tal-ajru tal-Partijiet għandhom ikunu intitolati, mid-data tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim, li jeżerċitaw id-drittijiet tat-traffiku tat-tielet u tar-raba’ libertà skont l-intitolamenti ta’ frekwenzi fil-ġimgħa msemmija bħala “Linja bażi” fit-tabelli fil-paragrafi 7 u 8, u r-rotot li jikkonċernawhom.
5.L-intitolamenti ta’ frekwenzi għas-servizzi mill-Istati Membri tal-UE msemmija fil-paragrafu 2 jew lejhom għandhom ikunu soġġetti għall-istadji previsti fit-tabelli fil-paragrafi 7 u 8 ta’ hawn taħt. “Stadju 1” għandu jsir effettiv mill-ewwel jum tal-istaġun tax-xitwa tal-IATA 2020/2021 u l-istadji sussegwenti (“Stadji 2 sa 5”) għandhom isiru effettivi fl-ewwel jum rispettiv tal-istaġuni tax-xitwa tal-IATA 2021/2022, 2022/2023, 2023/2024 u 2024/2025.
6.Mill-ewwel jum tal-istaġun tax-xitwa tal-IATA 2024/2025 ’il quddiem (“Stadju 5”), it-trasportaturi tal-ajru ta’ kull Parti għandhom ikunu intitolati jeżerċitaw id-drittijiet tat-tielet u tar-raba’ libertà mogħtija fl-Artikolu 2(2)(c) ta’ dan il-Ftehim mingħajr limitazzjonijiet ta’ rotot, kapaċità u/jew frekwenza bejn punti fil-Qatar u punti fl-Istati Membri kollha tal-UE.
7.Għas-servizzi ta’ passiġġieri biss u ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija, tad-drittijiet tat-traffiku tat-tielet u tar-raba’ libertà, it-trasportaturi tal-ajru tal-Partijiet għandhom ikunu intitolati joperaw l-għadd ta’ frekwenzi fil-ġimgħa li ġej:
a.Bejn punti fil-Qatar u punti fil-Belġju u viċeversa
|
Rotot
|
Linja bażi
|
Stadju 1
|
Stadju 2
|
Stadju 3
|
Stadju 4
|
Stadju 5
|
|
Mill-punti kollha jew lejhom
|
14
|
19
|
24
|
29
|
34
|
Bla restrizzjoni
|
b.Bejn punti fil-Qatar u punti fi Franza u viċeversa
|
Rotot
|
Linja bażi
|
Stadju 1
|
Stadju 2
|
Stadju 3
|
Stadju 4
|
Stadju 5
|
|
Mill-punti kollha fil-Qatar u f’Pariġi jew lejhom
|
21
|
24
|
27
|
30
|
33
|
Bla restrizzjoni
|
|
Mill-punti kollha fil-Qatar u f’Nizza jew lejhom
|
7
|
10
|
14
|
17
|
21
|
Bla restrizzjoni
|
|
Mill-punti kollha fil-Qatar u f’Lyon jew lejhom
|
7
|
10
|
14
|
17
|
21
|
Bla restrizzjoni
|
|
Minn kull wieħed mill-punti l-oħra jew lejhom
|
7
|
10
|
14
|
17
|
21
|
Bla restrizzjoni
|
c.Bejn punti fil-Qatar u punti fil-Ġermanja u viċeversa
|
Rotot
|
Linja bażi
|
Stadju 1
|
Stadju 2
|
Stadju 3
|
Stadju 4
|
Stadju 5
|
|
Mill-punti kollha fil-Qatar u fi Frankfurt jew lejhom
|
14
|
18
|
21
|
24
|
28
|
Bla restrizzjoni
|
|
Mill-punti kollha fil-Qatar u f’Munich jew lejhom
|
14
|
18
|
21
|
24
|
28
|
Bla restrizzjoni
|
|
Minn kull wieħed mill-punti l-oħra jew lejhom
|
7
|
11
|
14
|
17
|
21
|
Bla restrizzjoni
|
d.Bejn punti fil-Qatar u punti fl-Italja u viċeversa
|
Rotot
|
Linja bażi
|
Stadju 1
|
Stadju 2
|
Stadju 3
|
Stadju 4
|
Stadju 5
|
|
Mill-punti kollha jew lejhom
|
81
|
84
|
84
|
89
|
92
|
Bla restrizzjoni
|
e.Bejn punti fil-Qatar u punti fin-Netherlands u viċeversa
|
Rotot
|
Linja bażi
|
Stadju 1
|
Stadju 2
|
Stadju 3
|
Stadju 4
|
Stadju 5
|
|
Mill-punti kollha fil-Qatar u f’Amsterdam jew lejhom
|
10
|
12
|
14
|
14
|
17
|
Bla restrizzjoni
|
|
Minn kull wieħed mill-punti l-oħra jew lejhom
|
7
|
7
|
14
|
17
|
21
|
Bla restrizzjoni
|
8.Għas-servizzi ta’ merkanzija biss, tad-drittijiet tat-traffiku tat-tielet u tar-raba’ libertà, it-trasportaturi tal-ajru tal-Partijiet għandhom ikunu intitolati joperaw l-għadd ta’ frekwenzi fil-ġimgħa li ġej:
a.Bejn punti fil-Qatar u punti fil-Belġju u viċeversa
|
Rotot
|
Linja bażi
|
Stadju 1
|
Stadju 2
|
Stadju 3
|
Stadju 4
|
Stadju 5
|
|
Mill-punti kollha jew lejhom
|
35
|
39
|
42
|
45
|
49
|
Bla restrizzjoni
|
b.Bejn punti fil-Qatar u punti fi Franza u viċeversa
|
Rotot
|
Linja bażi
|
Stadju 1
|
Stadju 2
|
Stadju 3
|
Stadju 4
|
Stadju 5
|
|
Mill-punti kollha jew lejhom
|
7
|
10
|
14
|
17
|
21
|
Bla restrizzjoni
|
c.Bejn punti fil-Qatar u punti fil-Ġermanja u viċeversa
|
Rotot
|
Linja bażi
|
Stadju 1
|
Stadju 2
|
Stadju 3
|
Stadju 4
|
Stadju 5
|
|
Mill-punti kollha jew lejhom
|
10
|
14
|
14
|
17
|
21
|
Bla restrizzjoni
|
d.Bejn punti fil-Qatar u punti fl-Italja u viċeversa
|
Rotot
|
Linja bażi
|
Stadju 1
|
Stadju 2
|
Stadju 3
|
Stadju 4
|
Stadju 5
|
|
Mill-punti kollha jew lejhom
|
19
|
21
|
21
|
24
|
28
|
Bla restrizzjoni
|
e.Bejn punti fil-Qatar u punti fin-Netherlands u viċeversa
|
Rotot
|
Linja bażi
|
Stadju 1
|
Stadju 2
|
Stadju 3
|
Stadju 4
|
Stadju 5
|
|
Mill-punti kollha jew lejhom
|
10
|
14
|
14
|
17
|
21
|
Bla restrizzjoni
|
9.Għas-servizzi ta’ merkanzija biss, tad-drittijiet tat-traffiku tal-ħames libertà, it-trasportaturi tal-ajru tal-Partijiet għandhom ikunu intitolati, mid-data tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim, joperaw id-drittijiet speċifikati fl-Artikolu 2(2)(c) ta’ dan il-Ftehim bi tliet (3) frekwenzi fil-ġimgħa (“Linja bażi”) bejn kull Stat Membru tal-UE u l-Qatar. Dan l-intitolament ta’ frekwenzi għandu jkun soġġett għall-istadji previsti fit-tabella ta’ hawn taħt, biex jintlaħaq l-intitolament ta’ frekwenzi finali ta’ total ta’ seba’ (7) frekwenzi fil-ġimgħa. “Stadju 1” għandu jsir effettiv mill-ewwel jum tal-istaġun tax-xitwa tal-IATA 2020/2021 u l-istadji sussegwenti (“Stadji 2 sa 4”) għandhom isiru effettivi fl-ewwel jum rispettiv tal-istaġuni tax-xitwa tal-IATA 2021/2022, 2022/2023 u 2023/2024.
|
Linja bażi
|
Stadju 1
|
Stadju 2
|
Stadju 3
|
Stadju 4
|
|
3
|
4
|
5
|
6
|
7
|
10.F’konformità mal-Artikolu 24(2) ta’ dan il-Ftehim, meta d-drittijiet tat-traffiku tal-ħames libertà għas-servizzi tal-merkanzija biss mogħtija qabel l-iffirmar tal-Ftehim ikollhom kopertura ġeografika differenti minn dik stabbilita fl-Artikolu 2(2)(c) ta’ dan il-Ftehim, din il-kopertura ġeografika tista’ tkompli tintuża minflok il-kopertura ġeografika prevista fl-Artikolu 2(2)(c) ta’ dan il-Ftehim għal dawk l-intitolamenti ta’ frekwenzi mogħtija qabel l-iffirmar ta’ dan il-Ftehim.
ANNESS 2
APPLIKABBILTÀ ĠEOGRAFIKA GĦAD-DRITTIJIET TAT-TRAFFIKU TAL-ĦAMES LIBERTÀ GĦAS-SERVIZZI TA’ MERKANZIJA BISS
TAQSIMA 1
L-ambitu ġeografiku għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(2)(c)(i)(B) ta’ dan il-Ftehim għandu jinkludi l-kontinenti tal-Amerka ta’ Fuq u tal-Amerka t’Isfel u l-gżejjer qrib tagħhom kollha, il-Bermuda, uħud mill-gżejjer tal-Baħar Karibew, il-Gżejjer tal-Hawaii (inklużi Midway u Palmyra). Fiż-żmien tal-iffirmar tal-Ftehim dan jinkludi:
L-Amerka ta’ Fuq
Il-Kanada, l-Istati Uniti, il-Messiku.
Gżejjer tal-Karibew u Bermuda
Anguilla, Antigua u Barbuda, il-Bahamas, Barbados, il-Bermuda, il-Gżejjer Cayman, Kuba, Dominica, ir-Repubblika Dominicana, Grenada, il-Haiti, il-Ġamajka, Montserrat, Saint Kitts u Nevis, Saint Lucia, Saint Vincent u l-Grenadini, Trinidad u Tobago, il-Gżejjer Turks u Caicos, il-Gżejjer Verġni (Brittaniċi).
L-Amerika Ċentrali
Il-Belize, il-Costa Rica, El Salvador, il-Honduras, in-Nikaragwa, il-Panama.
L-Amerika t’Isfel
L-Arġentina, il-Bolivja, il-Brażil, iċ-Ċilì, il-Kolombja, l-Ekwador, il-Guyana, il-Paragwaj, il-Perù, is-Suriname, l-Urugwaj, il-Venezwela.
TAQSIMA 2
L-ambitu ġeografiku għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(2)(c)(ii)(B) ta’ dan il-Ftehim għandu jinkludi l-parti tal-Asja kollha li tinsab fuq il-Lvant tal-Iran, inkluż l-Iran, u l-gżejjer qrib tiegħu, l-Awstralja, New Zealand u l-gżejjer qrib tagħhom, u wħud mill-gżejjer tal-Oċean Paċifiku. Fiż-żmien tal-iffirmar tal-Ftehim dan jinkludi:
In-Nofsinhar tal-Asja
L-Afganistan, il-Bangladesh, il-Bhutan, l-Indja (inkluż il-Gżejjer Andaman), il-Maldivi, in-Nepal, il-Pakistan, Sri Lanka.
L-Asja Ċentrali
Il-Każakistan, il-Kirgistan, il-Mongolja, ir-Russja, it-Taġikistan, it-Turkmenistan, l-Użbekistan.
Il-Lvant tal-Asja
Iċ-Ċina, Hong Kong SAR, il-Ġappun, il-Korea ta’ Fuq, il-Korea t’Isfel, il-Macao SAR, it-Tajwan.
Ix-Xlokk tal-Asja
Il-Brunej Darussalam, il-Kambodja, l-Indoneżja, il-Laos, il-Malasja, il-Myanmar/Burma, Papua New Guinea, il-Filippini, Singapore, it-Tajlandja, il-Vjetnam.
L-Asja–il-Paċifiku
Is-Samoa Amerikana, l-Awstralja, il-Gżira Christmas, il-Gżejjer Cocos (Keeling), il-Gżejjer Cook, il-Fiġi, Guam, Kiribati, il-Gżejjer Marshall, il-Mikroneżja, Nauru, New Zealand, Niue, il-Gżira Norfolk, il-Gżejjer Mariana tat-Tramuntana, Palau, Samoa, il-Gżejjer Solomon, Tonga, Tuvalu, il-Gżejjer ta’ Vanuatu.