Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IR0103

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — It-Twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli sal-2030

COR 2021/00103

ĠU C 440, 29.10.2021, p. 36–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 440/36


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — It-Twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli sal-2030

(2021/C 440/07)

Relatur:

Ricardo RIO (PT/PPE), Sindku ta’ Braga

Dokument ta’ referenza:

It-Twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU — approċċ komprensiv

L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2021

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

iqis il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) bħala essenzjali għall-194 pajjiż li adottaw l-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli, u jemmen li l-pandemija li għaddejja bħalissa flimkien mal-konsegwenzi relatati mas-saħħa, ekonomiċi, soċjali, ambjentali u kulturali mistennija tagħha jipprovdu impetu ġdid biex jintlaħaq dan l-objettiv; jistieden għalhekk lill-mexxejja Ewropej ikunu ambizzjużi u konsistenti fl-aġendi politiċi domestiċi u barranin tagħhom u jiddikjaraw b’għan wieħed ċar li, fil-kuntest tad-Deċennju tan-NU dwar l-Azzjoni dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, l-Unjoni Ewropea għandha tkun mexxejja u promotur viżibbli fl-implimentazzjoni tal-SDGs fil-livelli kollha ta’ gvern;

2.

jemmen li din l-Opinjoni għandha titqies bħala inkoraġġiment għall-Kummissjoni Ewropea biex issaħħaħ l-SDGs bħala parti integrali tal-valuri ewlenin u l-identità prinċipali tal-Ewropa, u għalhekk tagħtiha profil għoli xieraq fin-narrattiva u l-prijoritajiet globali tagħha;

3.

jilqa’ t-tmexxija politika tal-Kummissjoni Ewropea biex timplimenta l-SDGs permezz tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-enfasi mill-ġdid tas-Semestru Ewropew fuq l-SDGs, kif ukoll l-approċċ tal-Kummissjoni għall-promozzjoni ta’ aġenda ambizzjuża dwar Ewropa aktar sostenibbli, kompetittiva u koeżiva, miftuħa għad-dinja u adatta għall-isfidi tas-seklu 21, li ssaħħaħ bil-fondi addizzjonali tan-Next Generation EU biex tinħoloq Ewropa aktar ekoloġika, aktar diġitali u aktar reżiljenti;

4.

jibqa’ jappoġġja, madankollu, it-talba tal-Kunsill, tal-Parlament Ewropew, tal-KtR u tal-eks pjattaforma tal-UE ta’ diversi partijiet ikkonċernati dwar l-iżvilupp sostenibbli biex titfassal strateġija globali għall-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, li tissostitwixxi l-istrateġija Ewropa 2020 u biex titwettaq il-viżjoni kondiviża tal-mudell ta’ żvilupp sostenibbli li jeħtieġ li nippromwovu għall-Unjoni Ewropea u min-naħa tagħha, biex b’hekk l-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha jkunu jistgħu jikkondividu l-istess għanjiet u miri permezz tal-istess lingwaġġ;

5.

jirrimarka li r-reviżjoni tal-politika kummerċjali tal-UE għandha l-għan li tippromovi sostenibbiltà akbar f’konformità mal-impenn tagħha lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU; huwa biss mudell ta’ kummerċ sostenibbli u koerenti, li jirrispetta l-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jista’ jikkontribwixxi għall-benesseri u l-prosperità ta’ kulħadd, kemm fl-UE kif ukoll f’partijiet oħra tad-dinja;

6.

jesprimi wkoll dispjaċir għall-fatt li l-SDGs progressivament tilfu l-pass fin-narrattiva tal-UE, bi profil aktar baxx fit-tfassil tal-politika tal-UE, li qed jipperikola l-opportunitajiet għall-implimentazzjoni tagħhom sal-2030;

7.

iqis li l-kapaċità ta’ komunikazzjoni u ta’ tagħlim bejn il-pari madwar l-SDGs hija element kruċjali għas-sensibilizzazzjoni u l-impenn mill-kontropartijiet kollha, li jirrikjedi allinjament aktar b’saħħtu bejn is-sistemi ta’ governanza tal-UE fi kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali, bħas-Semestru Ewropew, il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli;

8.

jinnota li r-rabtiet bejn l-inizjattivi elenkati u l-SDGs xi kultant jidhru dgħajfa. Jisħaq f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni għandha tinvolvi lid-dipartimenti rilevanti kollha tal-Kummissjoni u tevita “inizjattivi silo”;

9.

jilqa’ d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-Twettiq tal-SDGs sal-2030 bħala rapport utli dwar l-implimentazzjoni, iżda jesprimi dispjaċir għall-fatt li sempliċiment jelenka inizjattivi mmarkati fl-ambitu tal-SDGs;

10.

pereżempju, l-Istrateġija Industrijali l-ġdida (1), li ġiet ippreżentata f’Mejju 2021, ma tagħmilx referenza għall-SDGs, u għalhekk ma tistax tkun parti minn sforz usa’ u estensiv ta’ koerenza politika u żvilupp sostenibbli. Dan jillimita l-utilità tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal għall-implimentazzjoni tal-SDGs;

11.

jilqa’ l-impenn imsemmi fil-“Komunikazzjoni dwar Regolamentazzjoni Aħjar” tad-29 ta’ April 2021 (2) biex l-SDGs jiġu integrati fil-politiki kollha kif ukoll biex jiġu identifikati l-SDGs rilevanti għal kull proposta u biex jiġi eżaminat kif l-inizjattiva ser tappoġġja it-tilħiq tagħhom, u b’hekk din il-ttenni t-talba preċedenti tal-KtR (3). Barra minn hekk, il-KtR iqis li l-valutazzjonijiet tal-impatt ex ante trasparenti u b’bażi wiesgħa huma ta’ importanza partikolari għall-verifika tas-sostenibbiltà tal-proposti;

12.

jilqa’ l-enfasi tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal fuq l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati u fuq ir-rikonoxximent tar-rwol u l-ħidma kemm tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni kif ukoll tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Jinnota wkoll ir-rwol importanti tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali tar-reġjuni u l-bliet;

13.

jinnota li l-mezzi mħabbra qabel għal aktar skambju u djalogu permezz ta’ konferenzi u avvenimenti perjodiċi organizzati mill-Kummissjoni Ewropea għadhom ma mmaterjalizzawx u qed jitlob kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs fil-livell tal-UE;

14.

jissottolinja li l-pandemija tal-COVID-19 uriet l-importanza tal-iżvilupp sostenibbli u li l-SDGs jistgħu jgħinu biex tinkiseb viżjoni koerenti u olistika fin-Next Generation EU u b’mod partikolari fl-istabbiliment tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżistenza (NRRPs) bħala parti mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF);

15.

iqis li n-nuqqas ta’ involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’ċerti Stati Membri, u n-nuqqas ta’ proċess ta’ konsultazzjoni sinifikattiv fil-formulazzjoni tal-NRRPs, permezz tad-deżinjazzjoni tal-prijoritajiet u l-azzjoni ppjanata, qed jikkompromettu s-suċċess tal-pjani f’dawn l-Istati Membri peress li l-perspettivi reġjonali ta’ trasformazzjoni ekonomika, soċjali u ambjentali estensiva huma biss riflessi parzjalment. Hemm urġenza ċara li tiġi appoġġjata l-lokalizzazzjoni tal-SDGs għall-bini mill-ġdid b’mod aħjar u aktar ġust;

16.

jisħaq li hemm żewġ approċċi sussidjarji kruċjali: aktar koordinazzjoni koeżiva bejn l-SDGs u l-politiki ewlenin tal-Unjoni Ewropea u għoti ta’ spinta ġdida għall-implimentazzjoni tal-SDGs fil-livell lokali u reġjonali. Dan għandu jsir b’inċentivi ċari għall-partijiet ikkonċernati kollha. F’dan ir-rigward, interazzjoni akbar bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-livelli lokali u reġjonali tkun ta’ benefiċċju għall-partijiet kollha;

Il-governanza tal-SDGs u l-istituzzjonijiet Ewropej

17.

jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea attwali ħadet impenn politiku qawwi favur l-implimentazzjoni tal-SDGs. Madankollu, dan għandu jkun akkumpanjat minn arranġamenti speċifiċi ta’ governanza interna fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea, bħal laqgħat regolari ta’ koordinazzjoni tal-kabinett tal-President ma’ kabinetti ta’ Kummissarji oħra dwar l-integrazzjoni tal-SDGs;

18.

jiddikjara li l-pjattaforma ta’ diversi partijiet ikkonċernati dwar l-SDGs kienet pass tajjeb biex is-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu inklużi fid-deċiżjonijiet dwar l-SDGs fil-livell Ewropew; ir-rakkomandazzjonijiet tal-pjattaforma biex jiġu implimentati l-SDGs għandhom jintużaw għal aktar azzjonijiet (4);

19.

jirrikonoxxi l-Patt Klimatiku Ewropew bħala pass biex iħeġġeġ aktar nies jieħdu azzjoni, iżda li jiffoka biss fuq suġġetti ta’ żoni ekoloġiċi u ddedikat biex iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati jieħdu azzjoni, filwaqt li l-pjattaforma kienet qed tkopri l-SDGs kollha u aġixxiet bħala struttura għad-djalogu biex tappoġġja u tagħti pariri lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni f’waqtha tagħhom;

20.

jirrakkomanda l-użu tar-rapport ippreżentat fi tmiem il-mandat tal-pjattaforma preċedenti biex jitħejja kwalunkwe djalogu strutturat ulterjuri. Jirrakkomanda wkoll li d-djalogi strutturati futuri għandhom jibqgħu rappreżentattivi kemm jista’ jkun tal-firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati tal-SDGs mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, is-settur privat, it-trade unions, l-akkademja, il-gvernijiet reġjonali u lokali u l-gruppi ta’ minoranzi jew vulnerabbli, li jirrappreżentaw l-erba’ dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli (ekonomiku, ambjentali, soċjali, u ta’ governanza) u li għandhom rekord u esperjenza ppruvati ta’ ħidma dwar l-SDGs fil-livell tal-UE. Bi skambju, il-partijiet interessati għandhom jinżammu responsabbli għall-“kostitwenzi” tagħhom, biex jiġbru l-inputs u biex jirrapportaw lura lilhom;

21.

jenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u tal-opportunitajiet indaqs għal kulħadd fil-politiki u l-programmi tal-UE li jimplimentaw l-SDGs, kif enfasizzat mir-rapport reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit tal-UE (5);

22.

għalhekk jitlob lill-Kummissjoni Ewropea ġġedded il-pjattaforma tal-SDGs jew toħloq pjattaforma ta’ djalogu oħra b’influwenza u segwitu strutturat biex trawwem għarfien espert mill-partijiet ikkonċernati differenti kollha minn istituzzjonijiet pubbliċi u privati rigward l-Aġenda 2030 u biex tagħti pariri lill-KE b’mod dirett;

23.

iġedded is-sejħiet minn setturi differenti u b’mod partikolari l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni bħala l-promotur tas-sussidjarjetà fl-azzjoni, biex l-azzjonijiet miftiehma tal-UE jkunu bbażati aktar fuq il-kondiviżjoni tal-aħjar prattika, il-valutazzjonijiet tal-impatt u rabta aħjar mal-hekk imsejjaħ spiral kwadruplu (ix-xjenza, il-politika, l-industrija u s-soċjetà). L-akbar impatt jiġi mill-integrazzjoni tal-għarfien u l-esperjenza fost id-dixxiplini, is-setturi tal-politika, u l-SDGs kollha. L-Inizjattiva ta’ Sfida għal Bliet Intelliġenti tal-KE hija eżempju eċċellenti li għandu jitħeġġeġ u jiġi żviluppat f’Direttorati Ġenerali u politiki oħrajn, bl-istess mod bħall-pjattaforma tal-Istrateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti (S3) għall-SDGs li tista’ tiġi sfruttata aħjar mir-reġjuni Ewropej;

24.

jemmen li l-KE għandha tagħżel ftit indikaturi ta’ data soċjali, ekonomika u ambjentali fil-livell lokali u reġjonali, li jistgħu jiġu influwenzati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, biex teżamina l-evoluzzjoni tal-Aġenda 2030 madwar l-UE u, fejn possibbli, l-impatt fuq skala internazzjonali; F’dan ir-rigward, għandhom jitqiesu l-isforzi li diġà saru għal dan il-għan f’xi pajjiżi;

25.

jinsisti li l-monitoraġġ u d-data huma għodod ewlenin ta’ komunikazzjoni għall-interazzjoni maċ-ċittadini u mas-soċjetà ċivili fil-livell lokali u reġjonali. Il-KtR u l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma impenjati għal-“lokalizzazzjoni” tal-SDGs u huma entitajiet importanti għall-ġbir tad-data. Pereżempju, il-KtR jaħdem mal-OECD u kull tant żmien jiġbor data dwar l-impenn lokali u reġjonali dwar l-SDGs u jemmen li dan huwa każ eżemplari ta’ sħubija bbażata fuq riċerka msejsa fuq l-evidenza;

26.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea żżid ir-robustezza tar-rapport ta’ monitoraġġ tagħha tal-SDGs tal-Eurostat, billi tinkludi livelli ta’ kisba tal-SDGs li jistgħu jiġu faċilment kwantifikati u determinati b’mod mhux burokratiku. Il-Kummissjoni għandha, fil-qafas tas-Semestru Ewropew, tagħmel aktar użu minn dawn ir-rapporti u ssaħħaħhom bid-data u l-aħjar prattika mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, peress li l-monitoraġġ attwali ma jinkludi l-ebda data fil-livell NUTS-2;

Ir-rwol tal-SDGs fis-Semestru Ewropew għal irkupru sostenibbli

27.

ifaħħar il-ħidma ewlenija mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea biex tinkorpora l-SDGs fis-Semestru Ewropew fiċ-ċiklu tas-Semestru 2020. L-inkorporazzjoni progressiva tal-SDGs fl-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli (ASGS), ir-Rapporti tal-Pajjiżi u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma wriet impenn ġenwin mill-UE għal bidla tal-mudell fid-direzzjoni tal-iżvilupp sostenibbli;

28.

jappoġġja l-Patt Ekoloġiku Ewropew u jitlob interpretazzjoni aktar sinerġistika tal-SDGs fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima u hawnhekk jenfasizza l-utilità tal-SDGs u b’mod partikolari l-SDG 13 u l-opportunità għal ħidma fuq kompromessi u koerenza politika mal-qafas tal-SDGs;

29.

iqis li huwa neċessarju li l-prijoritajiet tal-programmi ta’ finanzjament kollha jiġu allinjati aħjar sabiex l-SDGs jiġu integrati b’mod universali. Pereżempju, 100 Belt Newtrali għall-Klima fl-2030 huwa pass biex jiġu aċċellerati l-SDGs. L-investiment fi kwistjonijiet soċjali huwa ta’ benefiċċju għall-klima wkoll;

30.

iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni Ewropea tintegra mill-ġdid l-SDGs b’mod espliċitu f’Semestru Ewropew riformat, li jwassal għal irkupru sostenibbli bbażat fuq il-post, li għandu jinvolvi bis-sħiħ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u jikkomplementa r-riformi u l-investimenti fl-Istati Membri, li għandhom ikunu reżistenti għall-SDG u ta’ valur miżjud Ewropew;

31.

b’rabta ma’ dan, itenni l-ħtieġa li l-Kummissjoni Ewropea tipprovdi definizzjoni għal “riformi strutturali” fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Tali definizzjoni hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat li dawn ir-riformi jkunu limitati għal oqsma ta’ politika, li huma rilevanti għall-implimentazzjoni tal-objettivi tat-Trattat tal-UE u l-istrateġiji ta’ politika ġenerali tal-Unjoni Ewropea, inklużi l-SDGs u li, b’rispett dovut għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, huma relatati direttament mal-kompetenzi tal-UE (6);

32.

jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-kontribut għat-twettiq tal-SDGs bħala għan komuni u trasversali għall-programmi Ewropej kollha ta’ finanzjament taħt ġestjoni diretta u indiretta;

33.

jemmen, għalhekk, li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu biex jitjieb l-obbligu ta’ rendikont tas-Semestru Ewropew issa huma aktar rilevanti, bi ħtieġa urġenti li jiġu involuti r-reġjuni, il-bliet, il-muniċipalitajiet rurali u l-partijiet ikkonċernati fil-proċess u li l-governanza ssir aktar demokratika u trasparenti. Jinnota li d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal dwar it-Twettiq tal-SDGs tan-NU wkoll jipponta f’din id-direzzjoni billi jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati biex jimplimentaw l-SDGs;

34.

jirrepeti s-sejħa tiegħu għall-adozzjoni ta’ Kodiċi ta’ Kondotta Ewropea biex jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom fis-Semestru Ewropew u jinnota li l-Kummissjoni Ewropea għandha tmexxi bl-eżempju u toħloq djalogu strutturat mal-partijiet ikkonċernati dwar is-Semestru Ewropew, speċjalment wara l-lakuna li ħalla n-nuqqas ta’ tiġdid tal-pjattaforma ta’ diversi partijiet ikkonċernati ta’ livell għoli tal-UE dwar l-SDGs;

35.

jipproponi bħala l-ewwel pass f’din id-direzzjoni l-organizzazzjoni ta’ konferenza tal-partijiet ikkonċernati dwar is-Semestru Ewropew bl-appoġġ taż-żewġ Kumitati konsultattivi, u/jew il-konsultazzjoni tal-kumitati qabel il-pubblikazzjoni tal-Istrateġija Annwali li jmiss għat-Tkabbir Sostenibbli;

36.

jisħaq li l-promozzjoni tat-tranżizzjonijiet doppji u l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR) u l-Pjan ta’ Azzjon i rilevanti, fl-NRRPs mhijiex biżżejjed biex tkopri l-SDGs b’mod koerenti u konsistenti sabiex tipprovdi perkors ċar li jwassal għall-kisba ta’ stadji importanti u miri ewlenin. Il-kriżi attwali wriet li l-UE teħtieġ l-SDGs bħala approċċ usa’ li jinkludi wkoll politiki oħra bħall-bijodiversità u s-saħħa biex jiġu evitati kriżijiet futuri, u li jorbot magħhom;

37.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, peress li l-Ewropa tinsab f’salib it-toroq, tuża l-Istrateġija Annwali li jmiss għat-Tkabbir Sostenibbli 2022 biex tintegra mill-ġdid b’mod formali l-SDGs fis-Semestru Ewropew, torbot aħjar l-SDGs u l-RRF u tafferma b’mod espliċitu l-SDGs bħala mezz għall-UE biex tfassal irkupru sostenibbli;

38.

jemmen li ż-żamma tal-enfasi tas-Semestru Ewropew bħala l-qafas għall-pajjiżi tal-UE biex jikkoordinaw il-politiki ekonomiċi tagħhom hija possibbli bl-integrazzjoni tal-SDGs u li mal-ewwel opportunità l-SDGs għandhom jiġu integrati mill-ġdid fis-Semestru Ewropew;

39.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tibda din ir-reintegrazzjoni matul il-valutazzjoni tal-NRRPs billi tidentifika l-SDGs fl-NRRPs ippreżentati mill-Istati Membri u jenfasizza li din il-viżwalizzazzjoni għandha titwettaq mid-dipartimenti tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward ta’ kif il-pjani jikkontribwixxu għall-SDGs. Dan għandu jagħti ħarsa ġenerali utli lejn il-komprensività ta’ dawn il-pjani, filwaqt li ma jirrappreżentax piż amministrattiv ulterjuri fuq ir-rappurtar;

40.

jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tistabbilixxi tabella ta’ valutazzjoni ambjentali sempliċi u mhux burokratika, li tikkomplementa t-tabella ta’ valutazzjoni soċjali skont is-Semestru Ewropew u tħejji għar-reintegrazzjoni formali tal-SDGs fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew li jmiss;

41.

jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti biex ir-rekwiżiti tar-responsabbiltà korporattiva jiġu allinjati aħjar mal-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli. Dan jista’ jinkludi l-kunsiderazzjoni ta’ Passaport Ewropew ta’ Responsabbiltà Korporattiva sempliċi u mhux burokratiku, li jistabbilixxi rekwiżiti relatati mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) f’termini ta’ relazzjonijiet industrijali, ugwaljanza bejn il-ġeneri, ġestjoni tal-katina tal-provvista, tassazzjoni u trasparenza finanzjarja;

42.

huwa tal-fehma li l-proposta tal-Kummissjoni għal reviżjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li għandha tiġi ppreżentata fl-aħħar tliet xhur tal-2021, għandha twitti t-triq għal riforma bbażata fuq is-sostenibbiltà tal-mekkaniżmi ta’ sorveljanza baġitarja u makroekonomika tal-UE, bil-ħsieb li jiġi żgurat livell għoli biżżejjed ta’ investiment pubbliku ta’ kwalità għolja fit-trasformazzjoni sostenibbli tal-Unjoni Ewropea. Dan għandu jinkludi proposti biex jiġu integrati indikaturi sempliċi u mhux burokratiċi fil-qafas fiskali li jirriflettu t-triq lejn il-kisba tal-SDGs b’mod aktar effettiv mill-PDG;

Kontribut lokali u reġjonali għall-SDGs

43.

jindika li l-OECD tistma li 65 % tal-169 mira tas-17-il SDG ma jistgħux jintlaħqu mingħajr l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, jew il-koordinazzjoni magħhom (7);

44.

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali kienu responsabbli għal 53 % tal-investiment pubbliku totali fl-2018 bħala medja fl-UE (8). Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-investimenti huma relatati ma’ infrastruttura għal servizzi bażiċi, li għaliha l-bliet u/jew ir-reġjuni għandhom kompetenzi ċentrali, u li xi kultant huma s-suġġett ta’ SDGs dedikati bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-infrastruttura soċjali, l-ilma tax-xorb, is-sanità, l-immaniġġjar tal-iskart solidu, l-enerġija, it-trasport, u l-akkomodazzjoni. Jinnota wkoll li SDG kollu kemm hu — il-ħdax-il wieħed — huwa ddedikat għall-bliet u l-komunitajiet lokali;

45.

iqis li l-gvernijiet lokali u reġjonali huma kruċjali biex jixprunaw politiki lokali, reġjonali u konsegwentement, nazzjonali f’oqsma importanti relatati mal-SDGs, bħall-ambjent, is-servizzi pubbliċi, l-edukazzjoni, is-saħħa, u l-iżvilupp ekonomiku u territorjali, u jikkontribwixxu għal ħafna għanijiet oħra, bħall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-konsum sostenibbli, l-impjieg, l-innovazzjoni, is-soċjetajiet inklużivi , il- governanza tajba u s-sħubijiet. Għalhekk huwa importanti li jissaħħaħ il-kunsens eżistenti biex jiżdiedu l-prijoritajiet territorjali fil-qafas tal-politika tal-UE. Ħafna networks stabbilixxew task forces fejn il-membri jikkondividu l-informazzjoni u l-esperjenza dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs fil-pajjiżi rispettivi tagħhom — f’xi każijiet mal-pari fil-pajjiżi msieħba u jippromovu l-għanijiet tagħhom lill-Kummissjoni Ewropea u fil-forums internazzjonali. Huwa wkoll meqjus importanti li fil-livell Ewropew ikunu jistgħu jiġu eżerċitati s-setgħat li l-gvernijiet lokali u reġjonali għandhom fl-istati rispettivi tagħhom, peress li dan jiffaċilita l-impetu tal-politiki pubbliċi favur l-SDGs fil-livelli kollha;

46.

jilqa’ r-riżultati preliminari tal-istħarriġ tal-KtR-OECD dwar l-SDGs u l-irkupru (9), li juri li, minkejja l-pandemija, l-awtoritajiet lokali u reġjonali xorta għadhom mobilizzati għall-implimentazzjoni tal-SDGs b’60 % tar-rispondenti lokali u reġjonali li jindikaw il-konvinzjoni tagħhom li l-SDGs jistgħu jgħinu biex jittieħed approċċ iktar olistiku għall-irkupru, u 43 % li għandhom struttura ta’ governanza speċifika biex jimplimentawhom;

47.

ifaħħar il-ħidma tal-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet internazzjonali u Ewropej biex jappoġġjaw il-lokalizzazzjoni tal-SDGs fuq l-iskala Ewropea u dik internazzjonali permezz ta’ kooperazzjoni deċentralizzata, u jitlob aktar sforzi biex jitrawmu tali sħubijiet (10);

48.

jinkoraġġixxi l-iżvilupp ulterjuri tal-inizjattiva tan-NU dwar il-“Lokalizzazzjoni tal-SDGs” biex jiġu aċċellerati u applikati fuq skala akbar l-isforzi għat-tilħiq tal-SDGs sal-2030. Iwiegħed li jikkoopera man-NU u l-Kummissjoni Ewropea biex jistimula mobilizzazzjoni dejjem akbar tal-bliet u r-reġjuni għal-lokalizzazzjoni tal-SDGs u l-abbozzar tar-Rieżamijiet Volontarji Lokali/Reġjonali/Sottonazzjonali li fl-aħħar mill-aħħar jistgħu jikkontribwixxu għar-Rieżamijiet Nazzjonali Volontarji;

49.

jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ ħidma lokali fil-kejl tal-progress lejn l-SDGs. L-UE għandha tgħin lill-bliet u r-reġjuni, abbażi tas-sitwazzjoni tagħhom, jimmonitorjaw il-progress tagħhom lejn il-kisba tal-SDGs (11);

50.

jitlob liċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka jkompli l-ħidma tiegħu fuq ir-Rieżamijiet Lokali Volontarji fil-forma ta’ manwali u jintegraha f’mekkaniżmi ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti biex jappoġġja lill-bliet u l-gvernijiet lokali fl-użu ta’ strumenti ta’ koeżjoni u strumenti finanzjarji oħra. Barra minn hekk, il-KE għandha toħloq inċentivi għall-bliet u r-reġjuni biex jillokalizzaw l-SDGs fil-livell lokali u reġjonali. Il-KtR għandu jikkoordina dan il-proċess wiesa’;

51.

jinnota li hemm ukoll il-ħtieġa li jissaħħaħ il-bini tal-kapaċitajiet fil-livell lokali dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs. Il-KtR iqis li huwa fundamentali li jiġu żviluppati b’mod konġunt mudelli ta’ ġestjoni strateġika u għodod speċifiċi ta’ ġestjoni għall-iżvilupp u li jiġu offruti korsijiet ta’ taħriġ lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u lill-persunal tal-gvernijiet lokali u l-partijiet ikkonċernati lokali. L-UE tista’ tappoġġja networks Ewropej għall-iżvilupp konġunt u għall-opportunitajiet ta’ taħriġ bħal dawn. Il-KtR iqis ukoll li r-rwol tar-riċerka — kemm xjentifika u teknoloġika kif ukoll umanista — huwa kruċjali biex jintlaħqu l-SDGs u għalhekk għandu jiġi żgurat finanzjament adegwat għaċ-ċentri li jiġġeneraw l-għarfien u l-innovazzjoni;

52.

jinnota l-ħtieġa li tiġi aċċellerata kultura ta’ kollaborazzjoni fis-setturi u l-livelli kollha li jimplimentaw l-SDGs;

53.

jitlob, għalhekk, li l-KE toħloq inċentivi diretti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jikkooperaw direttament mas-settur privat u s-soċjetà ċivili biex imexxu ’l quddiem l-SDGs;

54.

jenfasizza r-rwol kruċjali tar-reġjuni biex ifasslu u jimplimentaw l-SDGs fil-post, bħala msieħba fundamentali tal-entitajiet nazzjonali u lokali fl-ispirtu ta’ kollaborazzjoni minqux fl-SDG 17. L-appoġġ finanzjarju u tekniku tar-reġjuni huwa essenzjali biex jgħin u jibni l-kapaċitajiet lokali biex jillokalizzaw l-SDGs u jiggarantixxu li ż-żoni rurali u periurbani sostenibbli jinteraġixxu mal-bliet b’mod sostenibbli;

55.

jappoġġja bis-sħiħ il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki lokali u reġjonali u jemmen li huwa fundamentali li tiġi promossa l-aġenda tal-SDGs, pereżempju permezz tal-proġett pilota li nħoloq dan l-aħħar tal-Urbact Network ta’ bliet li jillokalizzaw l-SDGs. Madankollu, l-UE għandha toħloq programm ġdid għall-iskambju ta’ prattika tajba bejn il-bliet u r-reġjuni madwar l-UE, inklużi bliet minn kontinenti oħra, biex jiġu identifikati prattiki tajbin globali u jiġu promossi ftehimiet bilaterali;

56.

jinnota li l-KtR huwa impenjat li jingħaqad ma’ istituzzjonijiet Ewropej oħra biex jorganizza avvenimenti u proġetti ta’ azzjoni taħt it-titlu “Ix-Xjenza tiltaqa’ mar-reġjuni” dwar l-SDGs — il-pilotaġġ, l-esperimentazzjoni, il-ħolqien ta’ prototipi u l-espansjoni; b’ mod partikolari, l-użu tal-esperjenza tar-reġjuni li l-politiki tagħhom huma ggwidati mill-SDGs, u mbagħad tiġi promossa r-replikabbiltà u l-iskalabbiltà tagħhom;

57.

jitlob lill-UE toħloq inċentivi biex tippromovi miżuri parteċipatorji mill-organizzazzjonijiet pubbliċi u lokali biex jiġu implimentati l-SDGs. Dawn l-inċentivi għandhom itejbu t-tixrid tal-Aġenda 2030 u jippromovu l-SDGs fost il-popolazzjoni ġenerali, kemm fl-Ewropa kif ukoll lil hinn permezz ta’ sħubijiet f’diversi livelli u b’diversi partijiet ikkonċernati;

58.

jafferma mill-ġdid l-impenn tal-KtR li jsaħħaħ is-sħubijiet tiegħu mal-OECD, il-EUROCITIES, l-AER, is-CEMR — PLATFORMA u r-Regions4 sabiex jaċċellera l-lokalizzazzjoni tal-SDGs u jippromovi l-SDGs bħala valur globali ewlieni tal-UE; jimpenja ruħu li jikkonkludi sħubijiet oħra biex jappoġġa aktar il-lokalizzazzjoni tal-SDGs;

59.

jirreferi għall-Opinjoni tiegħu dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs): bażi għal strateġija fit-tul tal-UE għal Ewropa sostenibbli sal-2030 (12), li ppreżentat il-fehmiet politiċi tal-KtR dwar id-Dokument ta’ Riflessjoni bit-titolu Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030 u li għadha valida fir-rigward tas-sejħiet tagħha biex il-“Kummissjoni Ewropea tieħu rwol ewlieni fit-twaqqif ta’ governanza f’diversi livelli, ta’ diversi partijiet ikkonċernati u transsettorjali, li tippermetti l-integrazzjoni tad-dimensjonijiet kollha tal-SDGs fil-politiki kollha tal-UE”.

Brussell, l-1 ta’ Lulju 2021.

Apostolos TZITZIKOSTAS

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b'saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa”, 5 ta’ Mejju 2021 https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/communication-industrial-strategy-update-2020_en.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  https://ec.europa.eu/info/files/better-regulation-joining-forces-make-better-laws_mt

(3)  Punt 42 Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs): bażi għal strateġija fit-tul tal-UE għal Ewropa sostenibbli sal-2030, Arnoldas Abramavičius.

https://webapi2016.cor.europa.eu/v1/documents/cor-2019-00239-00-00-ac-tra-mt.docx/content

(4)  https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/sdg_multi-stakeholder_platform_input_to_reflection_paper_sustainable_europe2.pdf

(5)  https://bit.ly/3fJXlaF

(6)  Ara l-Opinjoni tal-KtR 3764/2018 dwar “Il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi” https://webapi2016.cor.europa.eu/v1/documents/COR-2018-03764-00-00-AC-TRA-MT.docx/content

(7)  L-OECD tikkwota n-Network ta’ Soluzzjonijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, f’“Approċċ Territorjali għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli: Rwol għall-Bliet u r-Reġjuni biex ħadd ma jitħalla jibqa’ lura”(2017) — OECD.

(8)  2019, Key Data on Local and Regional Governments in the EU (Data Ewlenija dwar il-Gvernijiet Lokali u Reġjonali fl-UE) — OECD.

(9)  Stħarriġ tal-KtR-OECD: L-SDGs bħala qafas għall-irkupru fil-bliet u r-reġjuni wara l-COVID-19. Dam mill-10 ta’ Mejju sat-18 ta’ Ġunju 2021.

(10)  Bħall-OECD u l-proġett pilota tagħha dwar approċċ territorjali għall-SDGs; il-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej (CEMR) u l-ħidma tiegħu biex jgħin lill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tar-reġjuni u l-bliet ifasslu r-Rieżamijiet Subnazzjonali Volontarji li jkopru pajjiżi sħaħ; l-Assemblea tar-Reġjuni Ewropej (AER) għall-ħidma tagħha fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-SDGs fil-livell lokali u reġjonali; ir-Regions4 u l-komunità ta’ prattika tagħha dwar l-SDGs; il-EUROCITIES u t-taskforce tagħha dwar l-SDGs; il-PLATFORMA u l-UCLG u t-taħriġ tagħhom għal min iħarreġ dwar l-SDGs; l-SDGs tal-EU URBACT; Fondazzjoni tas-Sindki tal-Bliet għall-promozzjoni tas-sostenibbiltà; u l-ICLE, network ewlieni għal bliet madwar id-dinja kollha għall-programmi ta’ sostenibbiltà, biex insemmu xi wħud.

(11)  Bħal, pereżempju, kif qed jiġri bħalissa fil-Portugall bil-proġetti tas-CESOP Local tal-Università Kattolika tal-Portugall u ODS Local tal-Università ta’ Lisbona.

(12)  Relatur: Arnodovas Abramavičius (LT/PPE), adottata fis-26 ta’ Ġunju 2019, COR-2019-00239.


Top