Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IP0408

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2021 dwar ir-rikostituzzjoni tal-istokkijiet tal-ħut fil-Baħar Mediterran: valutazzjoni u l-passi li jmiss (2019/2178(INI))

    ĠU C 132, 24.3.2022, p. 56–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.3.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 132/56


    P9_TA(2021)0408

    Rikostituzzjoni tal-istokkijiet tal-ħut fil-Mediterran

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2021 dwar ir-rikostituzzjoni tal-istokkijiet tal-ħut fil-Baħar Mediterran: valutazzjoni u l-passi li jmiss (2019/2178(INI))

    (2022/C 132/05)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (1),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu “Strateġija ‘Mill-Għalqa sal-Platt’ għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent” (COM(2020)0381),

    wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 stabbilita fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 – Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna” (COM(2020)0380), b'mod partikolari l-punt 2.2.6 dwar li “Nirrestawraw l-istatus ambjentali tajjeb tal-ekosistemi tal-baħar”, “inkluż billi jkunu pprovduti inċentivi finanzjarji permezz ta' strumenti finanzjari futuri għas-sajd u l-politika marittima għaż-żoni marittimi protetti (inklużi ż-żoni ta' Natura 2000 u dawk stabbiliti permezz ta' ftehimiet internazzjonali jew reġjonali)”,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ġunju 2020 bit-titolu “Lejn sajd aktar sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2021” (COM(2020)0248),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Settembru 2020 bit-titolu “L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021” (COM(2020)0575),

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (2),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marina) (3),

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (4),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (5),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (6) u l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM(2018)0390),

    wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/159 tad-19 ta' Diċembru 2016 li timplimenta l-Ftehim li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, konkluż fil-21 ta' Mejju 2012 bejn il-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Kooperattivi Agrikoli fl-Unjoni Ewropea (COGECA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) u l-Assoċjazzjoni ta' Organizzazzjonijiet Nazzjonali tal-Intrapriżi tas-Sajd fl-Unjoni Ewropea (Europêche) (7),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/1004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta' qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta' data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd (8),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/2107 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2017, li jistabbilixxi l-miżuri ta' ġestjoni, ta' konservazzjoni u ta' kontroll applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) (9),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran (10),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/982 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1343/2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran) (11),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 508/2014 u (UE) Nru 1379/2013 f'dak li għandu x'jaqsam ma' miżuri speċifiċi biex jittaffa l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (12),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2020 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (id-Direttiva 2008/56/KE) (COM(2020)0259),

    wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 26/2020 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tas-26 ta' Novembru 2020 bit-titolu “Ambjent tal-baħar: il-protezzjoni tal-UE hija wiesgħa iżda mhux approfondita”,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tad-9 ta' Frar 2021 bit-titolu “Sħubija mġedda mal-Viċinat tan-Nofsinhar – Aġenda Ġdida għall-Mediterran” (JOIN(2021)0002),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 38 u 39 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

    wara li kkunsidra l-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) tal-UE,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS),

    wara li kkunsidra l-istrateġija ta' nofs it-terminu tal-GFCM (2017-2020), li għandha l-għan li jkun hemm sostenibbiltà fis-swieq tal-ħut tal-Mediterran u tal-Baħar l-Iswed,

    wara li kkunsidra r-Rapport tal-2018 tal-GFCM dwar il-qagħda tas-sajd fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed,

    wara li kkunsidra l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) 14, “Il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar għall-iżvilupp sostenibbli”, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-25 ta' Settembru 2015,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-2020 tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-politika komuni tas-sajd (STECF-Adhoc-20-01),

    wara li kkunsidra l-istudju ta' evalwazzjoni retrospettiva tar-Regolament dwar il-Baħar Mediterran ta' Mejju 2016 tal-Kummissjoni,

    wara li kkunsidra r-rapport Nru 17/2019 tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent bit-titolu “Marine messages II – Navigating the course towards clean, healthy and productive seas through implementation of an ecosystem-based approach” (Messaġġi dwar il-baħar II – Ninnavigaw lejn ibħra nodfa, b'saħħithom u produttivi bis-saħħa tal-implimentazzjoni ta' approċċ ibbażat fuq l-ekosistema),

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (il-Konvenzjoni ta' Barċellona) u l-protokolli u d-deċiżjonijiet tal-UE relatati,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali MedFish4Ever tal-Istati kostali fil-Mediterran adottata fil-Belt Valletta, Malta, fit-30 ta' Marzu 2017,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Sofija tas-7 ta' Ġunju 2018,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tas-26 ta' Settembru 2018 bil-għan li jiġi implimentata Pjan Reġjonali ta' Azzjoni għas-Sajd fuq Skala Żgħira u Sostenibbli fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed,

    wara li kkunsidra r-rapport ta' valutazzjoni globali tal-2019 dwar il-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES),

    wara li kkunsidra r-rapporti speċjali tal-2019 tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar l-Oċeani u l-Krijosfera fi Klima li qed Tinbidel,

    wara li kkunsidra t-Taqsima 2 tal-Parti II tal-UNCLOS bit-titolu “Il-limiti tal-baħar territorjali”,

    wara li kkunsidra l-Ewwel Rapport ta' Valutazzjoni tal-Mediterran (MAR1) min-network indipendenti ta' Esperti Mediterranji dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Ambjent (MedECC),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) u tal-GFCM bit-titolu “The State of Mediterranean and Black Sea Fisheries 2020”,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd tiegħu dwar il-konsegwenzi taż-żieda fit-temperatura tal-ibħra għall-istokkijiet tal-ħut u għas-sajd (2019/2163(INI)),

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali dwar Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent (2020/2260(INI)) PECH_AD(2021)662054,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1379/2013 u r-Regolament (UE) Nru 508/2014 f'dak li għandu x'jaqsam ma' miżuri speċifiċi biex jittaffa l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (COM(2020)0142 – C9-0093/2020 – 2020/0059(COD)) (13),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 bit-titolu “Aktar ħut fl-ibħra? Miżuri biex jippromwovu l-irkupru tal-istokkijiet 'il fuq mir-Rendiment Massimu Sostenibbli (MSY), inklużi ż-żoni ta' rkupru tal-istokkijiet tal-ħut u ż-żoni tal-baħar protetti” (14),

    wara li kkunsidra l-impatt soċjoekonomiku negattiv attwali u fit-tul tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur, inklużi l-bejjiegħa bl-imnut u l-kummerċ tal-ikel frisk fuq skala żgħira,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-Sajd (A9-0225/2021),

    A.

    billi l-Baħar Mediterran huwa wieħed miż-żoni bl-akbar bijodiversità fid-dinja minbarra li huwa baċir li fih jgħixu komunitajiet kostali li jiddependu ħafna mis-sajd, u b'mod partikolari mis-sajd fuq skala żgħira; billi l-istatus ambjentali inkwetanti attwali tiegħu, parzjalment minħabba s-sajd eċċessiv, qed jipperikola serjament mhux biss il-bijodiversità iżda wkoll is-sopravivenza ta' settur li t-telf ta' profittabbiltà tiegħu jista' jkollu riperkussjonijiet soċjoekonomiċi negattivi immens fuq il-komunitajiet tas-sajd, l-industrija tas-sajd u s-setturi anċillari tagħha;

    B.

    billi l-istokkijiet tal-ħut m'għandhomx kapaċitajiet riproduttivi bla limitu u d-domanda u l-konsum tal-ħut qed jiżdiedu b'mod kostanti;

    C.

    billi l-Mediterran – speċjalment il-Mediterran tal-Punent fejn qed jiġu implimentati miżuri ġodda, għalkemm għadu kmieni wisq biex dawn jiġu vvalutati bis-sħiħ peress li huma meħtieġa aktar inizjattivi – u l-Baħar l-Iswed baqgħu fil-biċċa l-kbira l-istess minn meta beda l-ġbir tad-data fl-2003, għalkemm seta' kien hemm żieda żgħira fil-bijomassa mill-2012;

    D.

    billi skont ir-rapport tal-2020 tal-GFCM dwar l-istat tas-sajd fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed, fil-Mediterran il-proporzjon ta' stokkijiet mistada żżejjed naqas minn 88 % fl-2014 għal 75 % fl-2018, li juri biċ-ċar li għad fadal ħafna xogħol xi jsir, iżda dan jirrifletti riżultati li qed jitjiebu gradwalment minħabba l-impenn tas-sajjieda fir-reġjun kollu; billi skont l-STECF, is-sitwazzjoni ta' ħafna stokkijiet għadha kritika peress li aktar minn 80 % tal-istokkijiet ivvalutati xjentifikament huma sfruttati 'l fuq mil-livelli tar-rendiment massimu sostenibbli (MSY);

    E.

    billi r-Regolament li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-ġestjoni tas-sajd għall-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran ġie adottat fl-2019, u billi jeħtieġ li nistennew u naraw x'se jkunu l-effetti tal-miżuri adottati fih;

    F.

    billi l-impatt soċjoekonomiku sinifikanti tar-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tas-sajd jimminaw il-profittabbiltà ta' eluf ta' kumpaniji sal-punt li jipperikolaw is-sopravivenza tagħhom stess, b'impatt potenzjalment devastanti fuq l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali fiż-żoni kostali;

    G.

    billi t-tnaqqis tal-istokkijiet u l-erożjoni tal-bijodiversità tal-baħar qed jheddu s-sigurtà tal-ikel tal-komunitajiet kostali, l-impjiegi u d-dħul tul il-katina tal-valur tas-sajd artiġjanali;

    H.

    billi l-livelli mhux ugwali ta' konformità mar-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tas-sajd jipprekludu t-twettiq tal-għanijiet iddikjarati, u jpoġġu lil dawk li jikkonformaw magħhom fi żvantaġġ ċar;

    I.

    billi l-Fond Ewropew għas-Sajd u l-Akkwakultura għandu jintuża kemm biex itaffi l-effetti soċjoekonomiċi negattivi kif ukoll biex jiddiversifika s-settur;

    J.

    billi l-maġġoranza tal-flotta tas-sajd tal-Mediterran tikkonsisti f'bastimenti tas-sajd artiġjanali fuq skala żgħira, li jammontaw għal madwar 84 % tal-flotta tas-sajd u 60 % tal-impjiegi fil-baċir tal-Mediterran, u billi minkejja li xi flotot naqsu b'mod sinifikanti, għalkemm fi gradi differenti madwar l-UE u pajjiżi mhux Ewropej b'impatti kbar fuq l-ekonomiji lokali, ix-xejriet fuq l-għadd ta' bastimenti baqgħu relattivament stabbli;

    K.

    billi għall-biċċa l-kbira taż-żoni kostali u tal-gżejjer, is-sajd fuq skala żgħira huwa forma tradizzjonali ta' sajd li huwa parti minn stil ta' ħajja u jipprovdi għajxien sinifikanti, li jitlob miżuri u appoġġ speċifiċi biex jippermettulu jikber u jiżviluppa;

    L.

    billi jeħtieġ li jintlaħqu livelli tajbin ta' stokkijiet tal-ħut biex jiġi evitat it-telf tal-impjiegi u biex jiġu sostnuti setturi ekonomiċi importanti li jiddependu fuq is-sajd;

    M.

    billi, minbarra s-sajd, il-fatturi li jeżerċitaw pressjoni fuq l-istokkijiet tal-ħut tal-Mediterran u l-bijodiversità tal-baħar jinkludu problemi kkawżati mill-bniedem bħat-tniġġis tal-plastik, it-tixrid tal-fjuwil, it-telf tal-ħabitats, it-traffiku marittimu, u t-tibdil fil-klima, kif ukoll il-proliferazzjoni ta' speċijiet aljeni invażivi;

    N.

    billi l-istatistika turi żieda kostanti fil-konsum tal-prodotti tal-ħut flimkien ma' żieda relattiva fl-importazzjonijiet;

    O.

    billi hemm lok għal titjib fit-tikkettar tal-prodotti Ewropej bil-ħsieb li jissaħħaħ il-valur tas-sajd fil-Mediterran u tittejjeb it-traċċabbiltà filwaqt li jiġi miġġieled is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU);

    P.

    billi kien hemm tnaqqis kostanti fil-produzzjoni u jinħtieġu miżuri sabiex tiġi restawrata s-sostenibbiltà tar-riżorsi;

    Q.

    billi s-sajd u l-akkwakultura huma fost is-setturi l-aktar milquta mill-pandemija tal-COVID-19, peress li kien hemm tnaqqis f'daqqa fid-domanda;

    R.

    billi l-Kummissjoni pproponiet firxa ta' miżuri temporanji u mmirati biex tindirizza l-isfidi li qed tiffaċċja l-komunità tal-frott tal-baħar minħabba l-COVID-19;

    S.

    billi l-istat tal-instabbiltà politika u l-inkwiet politiku fil-Libja qed joħolqu theddida tanġibbli għas-sajjieda tal-UE li huma attivi fin-Nofsinhar tal-Mediterran, u jipperikolaw il-libertà personali tagħhom u s-sikurezza tal-operazzjonijiet tas-sajd;

    T.

    billi filwaqt li s-sajjieda tal-UE huma meħtieġa jikkonformaw mar-regoli għall-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut, dawk minn pajjiżi oħrajn tal-Mediterran mhumiex meħtieġa jikkonformaw mal-istess regoli, u b'hekk jimminaw l-isforzi biex jerġgħu jinbnew l-istokkijiet filwaqt li jikkompetu b'mod inġust mas-sajd tal-UE;

    U.

    billi l-Baħar Mediterran qed jisħon b'sa 20 fil-mija aktar malajr mill-bqija tad-dinja; billi skont il-MedECC, it-tibdil fil-klima jista' jwassal għall-estinzjoni lokali ta' sa 50 % tal-ħut kummerċjali u tal-invertebrati tal-baħar sal-2050;

    It-titjib tal-aspetti leġiżlattivi

    1.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex, wara li tikkonsulta mal-Kunsill Konsultattiv għall-Mediterran (MED-AC), tidentifika l-ostakli għall-proċess tal-bini mill-ġdid tal-istokkijiet tal-ħut, inkluża analiżi tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-GFCM 2017-2020, bil-ħsieb li tinkludi s-sejbiet tagħha fl-istrateġija għall-2021-2030, filwaqt li tiżgura li jittieħdu passi prattiċi biex jinbnew mill-ġdid l-istokkijiet tal-ħut, inkluż li jiġu kkunsidrati, jekk meħtieġ u misjuba xierqa, kemm azzjonijiet leġiżlattivi kif ukoll azzjonijiet mhux leġiżlattivi;

    2.

    Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni, fl-Istrateġija tagħha għall-Bijodiversità għall-2030, li mill-inqas 30 % taż-żona tal-baħar tal-UE tkun protetta, inkluż permezz tal-istabbiliment ta' żoni ta' rkupru tal-istokkijiet tal-ħut, kif previst skont il-politika komuni tas-sajd (PKS),

    3.

    Iqis li jeħtieġ li jiġu żgurati l-konsolidazzjoni u l-iżvilupp effettivi taż-żoni tal-baħar protetti eżistenti u l-involviment tas-sajjieda fil-fażi ta' tħejjija u ta' ġestjoni;

    4.

    Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi inkluża l-valutazzjoni tal-għażla u s-suċċess ta' żoni bħal dawn fir-rapport li jmiss dwar il-funzjonament tal-politika komuni dwar is-sajd (PKS); jistieden lill-GFCM tibbaża fuq l-eżempju ta' suċċess taż-żona ta' rkupru tal-istokkijiet tal-ħut ta' Jabuka/Pomo Pit;

    5.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura kundizzjonijiet ekwi għas-setturi ekonomiċi kollha fl-implimentazzjoni taż-żoni tal-baħar protetti (MPAs) ġestiti u konnessi b'mod effettiv;

    6.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza l-ħtiġijiet tal-pajjiżi Mediterranji billi tipprovdi appoġġ xjentifiku u tekniku lil dawk il-pajjiżi biex jużaw mekkaniżmi ta' finanzjament reġjonali u internazzjonali, u għall-iżvilupp ta' proġetti ta' żvilupp sostenibbli;

    7.

    Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk humiex meħtieġa pjanijiet ġodda għall-ġestjoni tal-istokkijiet biex jinkisbu l-prinċipji tas-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali stabbiliti fil-PKS;

    8.

    Ifakkar fl-objettiv tal-PKS li tinkiseb ir-rata ta' sfruttament tar-rendiment massimu sostenibbli sa mhux aktar tard mill-2020 għall-istokkijiet kollha;

    9.

    Jinnota bi tħassib li għad hemm ħafna stokkijiet bi status mhux magħruf; jitlob li jiġu rduppjati l-isforzi biex jittejjeb il-ġbir tad-data bil-għan li jittejbu l-arranġamenti għat-tfassil tal-miżuri ta' ġestjoni meħtieġa;

    10.

    Ifakkar fl-objettiv tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina li jinkiseb jew jinżamm Status Ambjentali Tajjeb fl-ambjent tal-baħar sa mhux aktar tard mis-sena 2020;

    11.

    Jistieden lill-Kummissjoni tibbaża fuq l-eżempju ta' suċċess tat-tonn billi tistudja l-introduzzjoni tal-qabdiet totali permissibbli (TACs) fuq żmien fit-tul għal xi speċijiet, inkluż il-merluzz, u tressaq proposta matul l-evalwazzjoni tal-pjan pluriennali fl-2024;

    12.

    Ifakkar li s-suċċess taż-żoni tal-baħar protetti u ta' żoni protetti oħra jinsab fil-fatt li dawn jiġu rikonoxxuti mis-sajjieda, mill-komunitajiet kostali u minn partijiet ikkonċernati oħra; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ħtieġa li tiffaċilita l-parteċipazzjoni attiva tas-settur tas-sajd, inklużi l-komponent artiġjanali tiegħu, il-komunitajiet lokali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fit-tfassil, il-ġestjoni u l-monitoraġġ taż-żoni tal-baħar protetti;

    13.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaġixxu biex itemmu l-“parks tal-karti” fil-Baħar Mediterran u jistabbilixxu żoni tal-baħar protetti bħala parti minn network koerenti ta' żoni ġestiti u konnessi b'mod effettiv, inklużi żoni offshore u tal-baħar fond; ifakkar fir-rekwiżit li jintemm is-sajd bl-irkaptu tal-kuntatt mal-qiegħ taħt l-400 m f'żoni fejn huwa magħruf li jeżistu jew jistgħu jeżistu ekosistemi marini vulnerabbli (VMEs);

    14.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jespandu n-network taż-żoni ta' rkupru tal-istokkijiet tal-ħut skont il-PKS u skont il-GFCM, speċjalment fejn ikun hemm evidenza ċara ta' konċentrazzjonijiet kbar ta' ħut taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni jew ta' żoni ta' riproduzzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi inkluża l-valutazzjoni tal-għażla u s-suċċess ta' żoni bħal dawn fir-rapport li jmiss dwar il-funzjonament tal-PKS; jistieden lill-GFCM tibbaża fuq l-eżempju ta' suċċess taż-żona ta' rkupru tal-istokkijiet tal-ħut ta' Jabuka/Pomo Pit;

    15.

    Jistieden lill-GFCM tipproponi strateġija komuni ġdida ambizzjuża u olistika għas-sajd u għall-akkwakultura fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed għall-2021-2025, li trid tinkludi miżuri ta' ġestjoni effettivi u sostenibbli fil-livell reġjonali u nazzjonali, skont l-approċċ tal-MSY; jistieden lill-GFCM tindirizza l-kwistjonijiet bħat-tisħin globali u s-sajd IUU u rikreattiv, u tistabbilixxi żoni ġodda ta' rkupru tal-istokkijiet tal-ħut;

    16.

    Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' data xjentifika dwar is-sajd rikreattiv; jistieden lill-Istati Membri tal-UE u l-GFCM jivvalutaw bis-sħiħ l-impatti u l-kontribut tas-sajd rikreattiv fuq il-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd u jinkluduhom fil-pjanijiet ta' ġestjoni tagħhom;

    17.

    Jenfasizza l-importanza tal-monitoraġġ u l-kontroll u l-kooperazzjoni reġjonali effettiva fir-rigward tal-ġestjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

    18.

    Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew fil-livell tal-GFCM u tappoġġja l-governanza sostenibbli tal-oċeani u l-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut permezz ta' finanzjament adegwat;

    19.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kull proposta leġiżlattiva mmirata lejn iż-żieda tal-istokkijiet tal-ħut li tillimita l-attivitajiet tas-sajd tkun preċeduta minn valutazzjoni tal-impatt wiesgħa biex tikkwantifika l-impatt soċjoekonomiku u ambjentali possibbli tagħha fuq il-komunitajiet kostali u fuq il-produttività u l-kompetittività tal-impriżi tas-sajd u tal-katina tal-produzzjoni tal-UE, u tkun appoġġjata mill-aqwa data xjentifika disponibbli kondiviża mal-partijiet interessati relatati mas-settur tas-sajd;

    20.

    Jitlob, barra minn hekk, minħabba l-iżvilupp tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija tal-Bijodiversità u l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt li jirfduh, u l-impatt kbir li se jkollu fuq l-attività tas-sajd b'mod ġenerali u fil-Mediterran b'mod partikolari, li titwettaq valutazzjoni tal-impatt minn qabel ta' dawn il-miżuri u l-implimentazzjoni tagħhom fuq is-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura, fid-dawl tal-istatus partikolari tal-Mediterran bħala baħar kondiviż ma' pajjiżi mhux tal-UE b'regolamenti differenti;

    21.

    Jissottolinja n-nuqqas ta' kwantifikazzjoni preċiża tal-konsegwenzi għall-istokkijiet tal-ħut tal-impatti possibbli kollha lil hinn mill-attivitajiet tas-sajd, bħat-tniġġis, it-tisħin globali, l-ispeċijiet aljeni, l-isfruttament tal-idrokarburi, it-tħammil u t-trasport marittimu; jenfasizza li dan in-nuqqas ta' informazzjoni ma jippermettix teħid ta' deċiżjonijiet adegwat u effettiv biżżejjed biex tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut u tal-ekosistemi tal-baħar;

    22.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-proposti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi kollha jiġu kondiviżi mal-assoċjazzjonijiet tas-sajjieda, inklużi l-guilds (cofradías), skont mudell ta' ġestjoni konġunta;

    23.

    Jenfasizza li kwalunkwe miżura leġiżlattiva futura li tippromwovi l-irkupru tal-istokkijiet tal-ħut fil-Baħar Mediterran li jkollha impatt fuq l-attività tas-sajd tas-settur tas-sajd Ewropew għandha tiġi implimentata gradwalment u b'mod proporzjonali għall-kapaċità ta' azzjoni tas-settur; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li jiġi żgurat li kwalunkwe proposta leġiżlattiva futura ma timponix piż burokratiku u finanzjarju eċċessiv fuq is-settur tas-sajd Ewropew, b'mod partikolari fuq is-sajd fuq skala żgħira;

    24.

    Jenfasizza li kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva mmirata lejn il-protezzjoni u l-bini mill-ġdid tal-istokkijiet fil-Baħar Mediterran m'għandhiex tkun limitata biss għal miżuri li jirrestrinġu l-attivitajiet tas-sajd, iżda għandha tieħu approċċ olistiku għall-problema u tindirizza b'mod konġunt it-theddid kollu għat-tnaqqis tal-istokkijiet;

    25.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir leġiżlazzjoni abbażi ta' approċċ ekosistemiku li jista' jintuża biex jiġu identifikati u analizzati l-interazzjonijiet kollha li għandhom impatt fuq l-istokkijiet tal-ħut, filwaqt li jitqiesu mhux biss l-attivitajiet tas-sajd, iżda wkoll fatturi oħra li jaffettwaw l-ekwilibriju u l-preżenza ta' speċijiet invażivi ġodda;

    26.

    Jenfasizza l-impatt pożittiv li jġib miegħu t-tiġdid tal-flotot tas-sajd qodma ħafna li joperaw fil-Mediterran, kemm fir-rigward tal-bastimenti kif ukoll tal-magni, peress li jnaqqas l-impatt tagħhom fuq l-ambjent, irawwem l-effiċjenza tal-fjuwil u d-dekarbonizzazzjoni tal-bastimenti u jtejjeb is-sikurezza u l-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord; ifakkar li l-ftehim dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA) jiffaċilita l-appoġġ f'dan ir-rigward;

    27.

    Jistieden lill-Kummissjoni tissalvagwardja l-kompetittività u l-iżvilupp sostenibbli tas-settur kollu tas-sajd u tal-katina tal-produzzjoni tiegħu, filwaqt li ttejjeb il-valur tal-prodotti tas-sajd u ttejjeb it-tikkettar u t-traċċabbiltà u tagħmel enfasi partikolari fuq miżuri li jiżguraw li l-prodotti importati jkunu jikkonformaw mal-istandards Ewropej;

    28.

    Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jivvalutaw b'mod pożittiv il-pożizzjoni tal-Parlament fir-reviżjoni li għaddejja tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 (15) (Regolament IUU), u speċjalment fir-rigward tal-proposta mill-Parlament biex jiġu introdotti miżuri ta' salvagwardja, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, li skonthom it-tariffi preferenzjali għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura jiġu sospiżi temporanjament minn stati mhux tal-UE li ma jikkooperawx kif xieraq fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat;

    29.

    Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jtejbu t-tikkettar u t-traċċabbiltà tal-prodotti kollha tal-frott tal-baħar sabiex jipprovdu lill-konsumaturi informazzjoni aktar ċara dwar l-oriġini tal-prodott, l-ispeċijiet u informazzjoni dwar aspetti oħra bħall-metodi ta' produzzjoni u l-istandards applikati fir-rigward tal-qbid u l-ipproċessar inkluż minn importazzjonijiet mhux tal-UE;

    30.

    Jistieden lill-Kummissarju responsabbli għas-sajd u l-affarijiet marittimi jistabbilixxi korp ta' konsultazzjoni bl-involviment ta' pajjiżi li mhumiex fl-UE taż-żona tal-Mediterran bil-għan li titnaqqas il-kompetizzjoni inġusta u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għas-sajjieda Ewropej u n-nisa li jaħdmu fis-settur;

    31.

    Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu s-sajd IUU billi jżidu t-trasparenza tal-operazzjonijiet tas-sajd, u l-isforzi ta' monitoraġġ u ta' kontroll;

    32.

    Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kapaċità għall-kontroll tas-sajd u jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattiki u miri bejn l-Istati Membri fuq livell tattiku fuq terminu qasir, megħjuna mill-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA);

    33.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-Mediterran jistabbilixxu għadd addizzjonali ta' żoni ristretti għas-sajd tal-GFCM b'effett immedjat, sabiex jiġu protetti l-ekosistemi tal-baħar sfruttati żżejjed, filwaqt li ż-żona ristretta tas-sajd Jabuka/Pomo Pit titqies bħala eżempju tal-aħjar prattika;

    34.

    Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-integrazzjoni tas-sajd fil-Politika tal-Viċinat tal-UE, bħala għodda biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali;

    35.

    Jinsisti li l-implimentazzjoni xierqa u obbligatorja tal-PKS għandu jkollha bħala l-objettiv tagħha l-kisba ta' bilanċ xieraq bejn is-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali;

    36.

    Jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi tad-data ambjentali u soċjoekonomika dwar il-komunitajiet lokali u s-settur tas-sajd tal-Mediterran sabiex tivvaluta l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq l-industrija kif ukoll fuq l-istokkijiet tal-ħut, u biex din il-valutazzjoni titqies fit-teħid ta' deċiżjonijiet futuri;

    37.

    Jistieden lill-Kummissjoni tuża dik l-analiżi meta tiżviluppa politiki, tiffaċilita l-kollaborazzjoni fir-riċerka u tikkoopera mal-atturi kollha madwar il-Mediterran kollu, inklużi kemm il-pajjiżi riparji tal-UE kif ukoll dawk mhux tal-UE, biex tivvaluta u tevita tilwim potenzjali fost il-flotot li fil-mira tagħhom għandhom l-istess riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, li jinsabu f'żoni sensittivi tal-ibħra internazzjonali;

    38.

    Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-impatt soċjali, ekonomiku u ambjentali, kif ukoll l-effetti fuq l-istokkijiet tal-ħut fis-settur tas-sajd rikreattiv, bil-ħsieb li din l-analiżi tiġi inkorporata fi kwalunkwe miżura li tista' tiġi adottata;

    39.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu korrett mir-riżorsi tal-FEMSA biex jikkumpensaw għall-attivitajiet tas-sajd fuq skala żgħira li jkollhom jiġu sospiżi temporanjament minħabba miżuri ta' konservazzjoni, f'konformità mar-regoli u d-dispożizzjonijiet tal-FEMSA;

    40.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jrawmu l-opportunitajiet offruti mill-ġestjoni konġunta u mill-ġestjoni ekosistemika, adattiva u prekawzjonarja bl-għan aħħari li tinkiseb ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd, abbażi tal-monitoraġġ tal-isforzi tas-sajd u l-iżgurar tas-selettività fl-attività tas-sajd estrattiv fil-Mediterran;

    L-indirizzar tal-impatti ta' attivitajiet ekonomiċi oħra u tal-pressjonijiet fuq l-irkupru tal-istokkijiet tal-ħut

    41.

    Jilqa' l-ħidma mwettqa fil-livell tal-GFCM mill-2017 għall-iżvilupp u l-adozzjoni ta' strateġiji biex jiġu indirizzati l-effetti potenzjali tat-tibdil fil-klima fuq is-sajd;

    42.

    Jistieden lill-Istati Membri jadottaw regoli li jipprojbixxu l-ankraġġ u l-irmiġġ ta' bastimenti privati kbar f'distanza sa 300 metru mill-kosta u f'ħabitats protetti, fuq dan il-limitu ta' 300 metru u fiż-żoni tal-ankraġġ, minħabba l-impatti qawwija tagħhom fuq l-ekosistemi fraġli bħall-mergħat tal-posidonia oceanica;

    43.

    Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika studju dwar l-impatt tad-diversi attivitajiet tal-bniedem u s-sorsi ta' tniġġis, kemm terrestri kif ukoll tal-baħar, fuq l-istokkijiet tal-ħut u fuq l-ekosistemi tal-baħar;

    44.

    Jenfasizza n-nuqqas ta' riżorsi biex jitwettqu riċerka xjentifika u valutazzjonijiet tal-istokkijiet fil-Baħar Mediterran, speċjalment ir-riżorsi umani;

    45.

    Jistieden lill-Istati Membri jiffinanzjaw it-taħriġ ta' esperti xjentifiċi ġodda;

    It-tisħiħ tal-ġbir tad-data u r-riċerka

    46.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss is-sajd kostali fuq skala żgħira u t-tekniki tas-sajd b'impatt baxx fil-Mediterran, inkluż li jsir obbligatorju għall-Istati Membri li jallokaw għal dan is-sajd sehem akbar tal-opportunitajiet tas-sajd għaż-żewġ tipi ta' sajd fejn ġew introdotti t-TACs, f'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

    L-operaturi jingħataw rwol akbar fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-ġbir tad-data

    47.

    Jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi ekonomika tal-effetti soċjali u okkupazzjonali tat-tnaqqis fir-riżorsi tas-sajd fil-Mediterran sabiex jiġu identifikati l-miżuri ta' appoġġ xierqa biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta u ekwitabbli għal sajd b'impatt baxx;

    48.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li kemm l-analiżi tad-data kif ukoll kwalunkwe miżura li tista' tirriżulta minnha jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-fondi tal-FEMSA biex jappoġġjaw is-sostenibbiltà u l-innovazzjoni fis-settur u d-diversifikazzjoni tiegħu;

    49.

    Jitlob biex l-awtoritajiet u l-istituti xjentifiċi lokali u reġjonali, kif ukoll l-operaturi lokali jkunu involuti aktar mill-qrib fil-ġbir tad-data dwar is-sajd selettiv, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF);

    50.

    Jitlob l-iskambju ta' prattiki tajba u l-innovazzjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta' rkaptu tas-sajd aktar selettiv u metodi ta' ġbir tal-iskart tal-baħar, filwaqt li jiġi rikonoxxut ir-rwol tas-sajjieda bħala “gwardjani tal-baħar”, sabiex jikkontribwixxu għal ambjent tal-baħar aktar b'saħħtu u aktar nadif;

    51.

    Jenfasizza li l-kisba sħiħa ta' kwalunkwe objettiv relattiv għall-irkupru tal-istokkijiet fil-Mediterran u l-implimentazzjoni xierqa tar-regoli adottati mil-leġiżlaturi Ewropej jiddependu fuq il-parteċipazzjoni effettiva tas-settur tas-sajd;

    52.

    Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb u ssaħħaħ il-kooperazzjoni u d-djalogu mal-kunsilli konsultattivi, mas-sajjieda u mal-professjonisti fis-settur tal-komunità kostali, filwaqt li tqis kif xieraq il-fehmiet tagħhom u tirrikonoxxi l-importanza tas-sajjieda, tan-nisa li jaħdmu fis-settur u tal-organizzazzjonijiet professjonali rilevanti u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-formulazzjoni tar-regoli li għandhom jiġu implimentati u fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

    53.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippermettu l-istabbiliment ta' mudelli ta' ġestjoni konġunta għas-sajd fil-livell lokali bbażati fuq il-parteċipazzjoni, il-konsultazzjoni u t-teħid konġunt tad-deċiżjonijiet bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti; jinnota li pjanijiet ta' ġestjoni bħal dawn jeħtieġu monitoraġġ komprensiv tal-qabdiet biex jiġi żgurat sfruttament sostenibbli tar-riżorsi, kif ukoll biex jiġi żgurat bilanċ ġust tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi fi ħdan is-settur tas-sajd bil-għan li jiġu kkumpensati d-differenzi bejn is-segmenti tal-flotta;

    54.

    Jenfasizza li l-mudelli ta' ġestjoni konġunta huma bbażati fuq iż-żamma tas-servizzi tal-ekosistema u fuq il-konservazzjoni tal-ekosistemi sfruttati billi jissalvagwardjawhom, li jfisser li jiġi applikat approċċ ekosistemiku għas-sajd u ġestjoni adattiva, bl-istabbiliment ta' sistema permanenti ta' informazzjoni, analiżi u azzjoni b'tagħlim kontinwu u feedback kostanti u teħid ta' deċiżjonijiet aġili;

    55.

    Jilqa' l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-2018 biex jiġi żgurat futur sostenibbli għas-sajd fuq skala żgħira u l-ambjent tal-baħar fir-reġjun kif ukoll it-tnedija tal-pjattaforma “Ħbieb tas-Sajd fuq Skala Żgħira”;

    56.

    Jenfasizza li kwalunkwe mira ta' protezzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-aħjar parir xjentifiku disponibbli;

    L-iżgurar tal-istat tad-dritt

    57.

    Jikkundanna l-ksur kontinwu tal-liġi tal-baħar fil-Baħar Mediterran, inklużi ħtif ta' persuni, rekwiżizzjonijiet tal-bastimenti, priġunerija illegali, intimidazzjoni, kontrolli, fastidju, attakki u proċessi inġusti kontra s-sajjieda tal-UE talli eżerċitaw xogħolhom, bi ksur ċar tal-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

    58.

    Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza s-sitwazzjoni fil-Mediterran u teżamina l-possibbiltà li tistabbilixxi xi forma ta' arranġamenti operattivi biex tipproteġi l-baħħara u l-bastimenti Ewropej;

    59.

    Jistieden lill-Kummissjoni tidħol fi djalogu ma' dawk il-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq li ma jikkonformawx mal-politiki u d-deċiżjonijiet tal-UNCLOS u tal-GFCM, filwaqt li tiżgura s-sikurezza u kundizzjonijiet ekwi għas-sajjieda kollha tal-UE;

    60.

    Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi sforzi konġunti mal-pajjiżi ġirien biex tiffaċilita l-konformità mal-ftehimiet konklużi mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd u l-parteċipazzjoni fil-ġestjoni tajba u l-irkupru tal-istokkijiet tal-ħut;

    61.

    Jistieden lill-Kummissjoni, permezz tal-aġenziji tagħha, iżżid l-isforzi tagħha biex timmonitorja l-ilmijiet territorjali tal-UE sabiex tidentifika bastimenti mhux tal-UE li jistadu illegalment fl-ibħra territorjali tal-UE u fiż-żoni tal-baħar protetti u tagħmel il-kundizzjonijiet li fihom jaħdmu s-sajjieda tal-UE aktar sikuri; jenfasizza li huwa essenzjali li dawn l-aġenziji jingħataw finanzjament u ħaddiema adegwati għal dan il-għan;

    62.

    Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex iżid l-isforzi tal-Unjoni fin-Nofsinhar tal-Mediterran fir-rigward tad-dritt internazzjonali, is-sigurtà u l-istat tad-dritt;

    o

    o o

    63.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    (1)  Testi adottati, P9_TA(2020)0005.

    (2)  ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11.

    (3)  ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.

    (4)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

    (5)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

    (6)  ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1.

    (7)  ĠU L 25, 31.1.2017, p. 12.

    (8)  ĠU L 157, 20.6.2017, p. 1.

    (9)  ĠU L 315, 30.11.2017, p. 1.

    (10)  ĠU L 172, 26.6.2019, p. 1.

    (11)  ĠU L 164, 20.6.2019, p. 1.

    (12)  ĠU L 130, 24.4.2020, p. 11.

    (13)  ĠU C 316, 6.8.2021, p. 28.

    (14)  Testi adottati, P9_TA(2021)0017.

    (15)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).


    Top