Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IP0056

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Każakistan (2021/2544(RSP))

    ĠU C 465, 17.11.2021, p. 147–153 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.11.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 465/147


    P9_TA(2021)0056

    Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Każakistan

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Każakistan (2021/2544(RSP))

    (2021/C 465/15)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Każakistan (1) u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Każakistan, fosthom dawk tat-18 ta' April 2013 (2), tal-15 ta' Marzu 2012 (3) u tas-17 ta' Settembru 2009 (4),

    wara li kkunsidra l-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni (EPCA) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra, li ġie ffirmat f'Astana fil-21 ta' Diċembru 2015 u li daħal fis-seħħ b'mod sħiħ fl-1 ta' Marzu 2020 wara r-ratifika tiegħu mill-Istati Membri kollha,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2019 dwar l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Asja Ċentrali,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-pajjiż dwar il-Każakistan li jinsab fir-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2019,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura,

    wara li kkunsidra s-17-il laqgħa tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni UE-Każakistan tal-20 ta' Jannar 2020, it-12-il laqgħa tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem UE-Każakistan li saret fis-26 u s-27 ta' Novembru 2020, u t-18-il laqgħa tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni UE-Każakistan tal-25 ta' Settembru 2020,

    wara li kkunsidra r-Rieżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar il-Każakistan tat-12 ta' Marzu 2020,

    wara li kkunsidra t-Tieni Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tal-1 ta' Frar 2021 dwar il-pressjoni dejjem tikber fuq l-NGOs għad-drittijiet tal-bniedem fil-Każakistan, tal-11 ta' Jannar 2021 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Każakistan, u tas-7 ta' Jannar 2021 dwar il-passi għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) dwar is-sejbiet preliminari u l-konklużjonijiet rigward l-elezzjonijiet fil-Każakistan tal-10 ta' Jannar 2021,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi f'dawn l-aħħar ġimgħat ġew osservati deterjorament inkwetanti tas-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem u repressjoni fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Każakistan, filwaqt li ġew imposti restrizzjonijiet ħorox fuq id-drittijiet għal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni; billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu fil-Każakistan huma soġġetti għal pressjoni u penalizzazzjoni dejjem akbar mill-awtoritajiet tal-pajjiż, li jfixklu l-isforzi ta' riforma u jillimitaw il-ħidma essenzjali tas-soċjetà ċivili;

    B.

    billi, fil-21 ta' Diċembru 2015, l-Unjoni Ewropea u l-Każakistan iffirmaw Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni (EPCA) mmirat biex jipprovdi qafas wiesa' għal djalogu politiku msaħħaħ u kooperazzjoni fil-ġustizzja u fl-affarijiet interni u f'bosta oqsma oħra; billi dan il-ftehim jagħmel enfasi qawwija fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, l-iżvilupp sostenibbli u fuq il-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili; billi l-EPCA daħal fis-seħħ b'mod sħiħ fl-1 ta' Marzu 2020 wara r-ratifika tiegħu mill-Istati Membri kollha;

    C.

    billi l-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Asja Ċentrali tagħmel enfasi qawwija fuq l-impenn tal-UE mal-Asja Ċentrali fil-protezzjoni u l-promozzjoni tal-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, fosthom il-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni, u l-ħolqien ta' ambjent abilitanti għas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-Unjoni Ewropea tipprovdi sokkors sostanzjali lill-Każakistan minħabba l-COVID-19, inkluż, riċentement, permezz tal-appoġġ finanzjarju tagħha għal vjeġġ tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ta' aktar minn 8 000 kg ta' provvisti mediċi fid-29 ta' Jannar 2021;

    D.

    billi l-elezzjonijiet parlamentari tal-Każakistan tal-10 ta' Jannar 2021 ġew deskritti mis-SEAE bħala opportunità mitlufa biex tintwera l-implimentazzjoni effiċjenti tar-riformi politiċi u l-proċess ta' modernizzazzjoni tiegħu mill-aħħar elezzjonijiet, filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet li ilhom jeżistu mill-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) dwar diversi kwistjonijiet għadhom ma ġewx indirizzati, fosthom dawk relatati mal-libertajiet fundamentali, l-imparzjalità tal-amministrazzjoni elettorali, l-eliġibbiltà għall-vot u l-kandidatura għall-elezzjonijiet, ir-reġistrazzjoni tal-votanti, il-midja u l-pubblikazzjoni tar-riżultati elettorali; billi skont is-sejbiet preliminari tal-OSKE/ODIHR u l-Assemblea Parlamentari tal-OSKE, il-qafas legali fil-Każakistan għadu ma jwassalx għal elezzjonijiet li jkunu konformi mal-istandards internazzjonali;

    E.

    billi n-nuqqasijiet sistemiċi fir-rigward tar-rispett għal-libertà ta' assoċjazzjoni, ta' għaqda u ta' espressjoni jkomplu jirrestrinġu x-xena politika, u n-nuqqas ta' kompetizzjoni politika ġenwina u ta' gruppi politiċi tal-oppożizzjoni (ma ġie rreġistrat l-ebda partit ġdid mill-2013), ma ħallew l-ebda għażla ġenwina lill-votanti; billi l-elezzjonijiet demokratiċi huma pedament għall-kisba ta' riformi politiċi u l-bini ta' soċjetà ħielsa u miftuħa;

    F.

    billi żewġ movimenti tal-oppożizzjoni, il-Koshe Partiyasy u l-Għażla Demokratika tal-Każakistan, ġew ipprojbiti b'deċiżjonijiet sigrieti tal-qorti li ttikkettawhom bħala organizzazzjonijiet “estremisti” mingħajr ebda dritt ta' appell; billi 17-il mexxej tal-Koshe Partiyasy ntbagħtu f'faċilitajiet ta' arrest preventiv skont l-Artikolu 405 u l-Artikolu 182 tal-Kodiċi Kriminali tal-Każakistan u qed jirriskjaw sentenzi twal ta' ħabs; billi l-priġunieri akkużati li appoġġjaw l-Għażla Demokratika tal-Każakistan għadhom qed jiskontaw is-sentenzi ta' ħabs tagħhom; billi 26 priġunier politiku, fosthom Almat Zhumagulov, Aset Abishev, Kenzhebek Abishev, Askhat Zheksebayev, Kairat Klyshev, Yerbol Yeskhozin, Abai Begimbetov, Asel Onlabekkyzy, Yerkin Sabanshiyev, Zhanat Zhamaliyev, Diana Baimagambetova, Noyan Rakhimzhanov u Askar Kayyrbek, sfaw vittmi ta' persekuzzjoni politika b'rabta mal-appoġġ tagħhom għal dawn il-movimenti;

    G.

    billi l-Partit Demokratiku tal-oppożizzjoni mhux irreġistrat ma tħalliex jipparteċipa f'dawn l-elezzjonijiet, peress li fit-22 ta' Frar 2020 l-awtoritajiet waqqfu lill-partit milli jorganizza l-kungress fundatur tiegħu f'Almaty; billi fin-nuqqas ta' kungress bħal dan partit ma jkunx jista' jirreġistra; billi l-membri tal-Partit Demokratiku ffaċċjaw pressjoni mill-awtoritajiet, peress li xi wħud ġew arrestati għal allegat ksur amministrattiv u oħrajn ma tħallewx jivvjaġġaw lejn il-post tal-kungress;

    H.

    billi matul il-kampanja elettorali u fil-jum tal-elezzjoni, l-awtoritajiet Każakistani ppruvaw iżidu l-kontroll taċ-ċensura tal-internet, u ripetutament għalqu l-internet u ġiegħlu liċ-ċittadini jinstallaw “ċertifikat tas-sigurtà nazzjonali” li jippermetti l-interċettazzjoni ta' traffiku kriptat fuq l-internet; billi l-kontroll tal-Istat fuq l-internet qed jiżdied, inklużi tentattivi biex jiġi ristrett il-fluss ta' informazzjoni permezz taċ-ċensura u l-kontroll tal-internet u l-għeluq tal-internet, u billi qed ikompli jitlob li ċ-ċittadini jinstallaw “ċertifikat tas-sigurtà nazzjonali” li jippermetti l-interċettazzjoni tat-traffiku online tal-utenti tal-internet;

    I.

    billi matul il-perjodu tal-kampanja twettqu arresti tal-massa; billi fil-jum tal-elezzjoni l-awtoritajiet żammew illegalment mill-inqas 350 dimostrant paċifiku f'10 ibliet differenti; billi l-awtoritajiet Każakistani regolarment jipprevjenu milli jseħħu protesti paċifiċi li jikkritikaw il-politiki tal-gvern; billi l-liġi dwar l-assemblea paċifika u l-emendi għal-liġijiet dwar il-partiti politiċi u l-elezzjonijiet adottati f'Mejju 2020 jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-Każakistan;

    J.

    billi l-missjoni limitata ta' osservazzjoni elettorali (LEOM) tal-ODIHR irrappurtat li l-ħidma tal-osservaturi indipendenti kienet mgħobbija u mxekkla mill-awtoritajiet, filwaqt li osservaturi favur il-gvern tħallew jimmonitorjaw il-proċess elettorali; billi l-NGOs tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtaw li għadd konsiderevoli ta' osservaturi indipendenti għall-elezzjonijiet leġiżlattivi tal-10 ta' Jannar 2021 kienu soġġetti għal intimidazzjoni, arresti amministrattivi u multi;

    K.

    billi x-xenarju tal-midja fil-Każakistan huwa ddominat minn mezzi tal-midja li huma proprjetà tal-istat jew issussidjati mill-istat; billi bejn Jannar u Lulju 2020, seba' ġurnalisti ġew fiżikament attakkati u 21 ġurnalist, blogger u attivist ġew detenuti, sebgħa minnhom waqt li kienu qed jirrappurtaw; billi fl-2020 l-awtoritajiet ressqu aktar minn 38 każ kriminali kontra ġurnalisti għal allegati reati bħat-tixrid ta' informazzjoni falza u l-inċitament; billi l-gazzetti nazzjonali ewlenin tal-oppożizzjoni kollha ġew ipprojbiti fl-2016 u l-ġurnalisti indipendenti għadhom qed jiffaċċjaw fastidju; billi l-awtoritajiet ressqu akkużi kriminali kontra l-editur kap tal-gazzetta indipendenti Uralskaya Nedelya, Lukpan Akhmedyarov, għar-rapportar tiegħu dwar in-negozjati korrotti tal-elit lokali, u fiżikament attakkaw u żammew lil Saniya Toiken, ġurnalista għas-Servizz Każakistani ta' RFE/RL, bosta drabi għall-kopertura tagħha ta' dimostrazzjonijiet paċifiċi u l-elezzjonijiet parlamentari tal-2021;

    L.

    billi minn Frar sa Novembru 2020, ħames attivisti tal-oppożizzjoni nqatlu jew mietu f'ċirkostanzi mhux ċari wara persekuzzjoni politika kontinwa għall-attivitajiet ta' oppożizzjoni tagħhom, jiġifieri blogger u vittma tat-tortura Dulat Agadil, ibnu ta' 17-il sena Zhanbolat Agadil, li kien xhud ewlieni tal-arrest arbitrarju ta' missieru, Amanbike Khairolla, Serik Orazov u Garifulla Embergenov; billi l-awtoritajiet naqsu milli jwettqu investigazzjonijiet bir-reqqa u trasparenti dwar mewthom; billi huwa ta' importanza kbira li dawk responsabbli li jordnaw u jwettqu tali reati jitressqu quddiem il-ġustizzja u li jiġi żgurat li jastjenu milli jippersegwitaw attivisti tas-soċjetà ċivili u membri tal-familja li jfittxu l-verità għall-vittmi; billi l-awtoritajiet Każakistani rażżnu mill-inqas 200 attivist li pparteċipaw fiċ-ċerimonja ta' tifkira għal Dulat Agadil jew organizzaw attivitajiet ta' ġbir ta' fondi għall-familja tiegħu u l-familji ta' priġunieri politiċi oħra; billi 57 minnhom ġew akkużati b'“estremiżmu”, fosthom Dametkan Aspandiyarova, omm ta' tliet itfal, li bħalissa tinsab taħt arrest domiċiljari u qed tiffaċċja sa 12-il sena ħabs taħt akkużi ta' estremiżmu talli organizzat attività ta' ġbir ta' fondi b'appoġġ għall-familja ta' Dulat Agadil;

    M.

    billi fil-ħabsijiet tal-Każakistan l-użu tat-tortura u t-trattament ħażin kien prevalenti, b'mill-inqas 200 każ ta' inċident ta' tortura rrappurtati kull sena mill-Koalizzjoni Kontra t-Tortura; billi l-awturi ta' tali abbużi gawdew minn impunità filwaqt li d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Elena Semenova ġiet imħarrka mill-kolonji tal-ħabs talli esponiet l-użu tat-tortura fis-sistema penitenzjarja tal-Każakistan fuq il-midja soċjali;

    N.

    billi minkejja l-appelli mir-Rapporteur (5) Speċjali tan-NU, mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u mill-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet Każakistani jabbużaw minn liġijiet vagi u wiesgħa żżejjed dwar l-estremiżmu biex jippersegwitaw l-oppożizzjoni u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; billi wara din il-liġi, mit-22 ta' Ottubru 2020, il-jum li fih l-awtoritajiet ħabbru d-data tal-elezzjonijiet, l-għadd ta' każijiet kriminali politikament motivati rdoppja għal 99, speċifikament abbażi ta' akkużi ta' “estremiżmu”; billi 69 minn dawk ikkonċernati jinsabu f'periklu ta' arrest imminenti, bħal fil-każ tal-attivista Gulzipa Dzhaukerova, u 11-il attivist tpoġġew taħt arrest domiċiljari fuq akkużi foloz ta' “estremiżmu”;

    O.

    billi diversi NGOs indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi ECHO, Erkindik Kanaty, l-Uffiċċju Internazzjonali tal-Każakistan għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istat tad-Dritt, u International Legal Legislative, reċentement ingħataw multa qawwija u ġew ordnati jissospendu l-ħidma tagħhom sa tliet xhur mill-25 ta' Jannar 2020, għal raġunijiet legali mhux ċari; billi, b'ritaljazzjoni għat-twettiq ta' attivitajiet ta' sorveljanza, l-awtoritajiet jagħtu fastidju u saħansitra jħarrku b'mod kriminali lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom Sholpan Dzhanzakova, Anna Shukeyeva, Raigul Sadyrbayeva, Aizhan Izmakova, Daniyar Khassenov, Altynai Tuksikova, Dana Zhanay, Nazym Serikpekova, Alma Nurusheva, Abaibek Sultanov, Zukhra Nariman, Ulbolsyn Turdiyeva, Aliya Zhakupova, Roza Musayeva u Barlyk Mendygaziyev; billi bejn Ottubru u Novembru 2020 mill-inqas 15-il organizzazzjoni ġew innotifikati li kienu kisru l-Artikolu 460-1 tal-Kodiċi dwar ir-Reati Amministrattivi talli allegatament naqsu milli jinfurmaw kif xieraq lill-awtoritajiet dwar il-finanzjament barrani li rċevew;

    P.

    billi fl-2020, 112-il individwu, tliet organizzazzjonijiet tal-karità u kumpanija kummerċjali waħda ġew ikkundannati talli eżerċitaw il-libertà ta' reliġjon jew twemmin tagħhom;

    Q.

    billi l-korruzzjoni mifruxa fost l-eliti fit-tmexxija tipprevali fil-Każakistan, kif muri mill-fatt li l-pajjiż jikklassifika fl-94 post fl-Indiċi tal-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni tal-2020 ta' Transparency International, u jimpedixxi d-drittijiet tal-bniedem, il-ġustizzja soċjali u l-iżvilupp soċjoekonomiku;

    R.

    billi f'nofs il-pandemija tal-COVID-19, il-gvern għamel użu ħażin mir-restrizzjonijiet tal-pandemija u użahom bħala skuża biex jintensifika r-repressjoni politika tas-soċjetà ċivili, l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, l-ilħna tal-oppożizzjoni u l-ħaddiema mediċi li ddenunzjaw in-nuqqas tal-gvern li jrażżan it-tifqigħa;

    S.

    billi fil-21 ta' Jannar 2021 żewġ Każakistani etniċi Murager Alimuly u Kaisha Akankyzy, li ħarbu miċ-Ċina u beżgħu li jiġu arrestati f'kampijiet ta' konċentrament, sussegwentement ġew imsawta u qalgħu daqqiet ta' sikkina minn aggressuri mhux magħrufa, u għalhekk trid tingħata biżżejjed attenzjoni lit-tensjonijiet etniċi kontinwi fir-reġjuni tan-Nofsinhar tal-Każakistan; billi l-ġlied etniku vjolenti fil-Każakistan għadu għaddej, b'mod partikolari fin-Nofsinhar, fejn fi Frar 2020 il-ġlied bejn il-Każakistani u d-Dungani etniċi ħalla 11-il persuna mejta, għexieren midruba u aktar minn 23 000 persuna, l-aktar Dungani, sfurzati barra minn djarhom;

    T.

    billi l-awtoritajiet Każakistani abbużaw mill-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni kriminali internazzjonali, inklużi l-Avviżi Ħomor u l-Assistenza Legali Reċiproka (MLA) tal-Interpol, biex jipproċedu u jaħtfu d-dokumenti ta' refuġjat politiku fil-Belġju, l-avukat u d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Bota Jardemalie; billi fid-29 ta' Settembru 2020 il-Qorti Nazzjonali Franċiża tad-Dritt għall-Ażil tat ażil politiku lill-fondatur tal-Partit Għażla Demokratika tal-Każakistan, Mukhtar Ablyazov, li kien ikkundannat minn qorti tal-Każakistan għal għomru l-ħabs in absentia bi ksur tad-dritt tad-difiża, filwaqt li nnotat in-natura sistemika u politika, tal-apparat repressiv tal-Każakistan u l-użu ħażin tiegħu ta' proċedimenti ċivili u kriminali;

    U.

    billi l-awtoritajiet tal-Każakistan għadhom jattakkaw lit-trade unions indipendenti u lill-attivisti tat-trade unions; billi fl-2020 il-Liġi tat-Trade Unions ġiet emendata, u neħħiet l-affiljazzjoni tat-trade unions u r-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni f'żewġ stadji; billi, minkejja dik l-emenda, l-amministrazzjoni tal-belt ta' Shymkent waqqgħet il-kawża tagħha kontra t-Trade Union Industrijali tal-Ħaddiema tal-Fjuwil u l-Enerġija (ITUFEW) abbażi ta' pretensjonijiet jew dispożizzjonijiet mhux sostanzjati li ma għadhomx jeżistu jew li ma japplikawx għall-ITUFEW;

    V.

    billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għadha problema fil-Każakistan; billi l-NGOs jiddikjaraw li l-vjolenza kontra n-nisa hija sottorappurtata, u li hemm rata baxxa ta' prosekuzzjonijiet f'dawn il-każijiet kif ukoll f'każijiet ta' fastidju sesswali; billi skont in-NU l-COVID-19 ħoloq ostaklu ġdid għall-bniet biex ikollhom aċċess ugwali għall-informazzjoni u l-edukazzjoni; billi l-vittmi ma għandhomx biżżejjed protezzjoni, u l-uffiċjali ġudizzjarji u tal-pulizija u l-fornituri tas-servizzi mhumiex imħarrġa biex jidentifikaw, jipprevjenu u jirreaġixxu għall-vjolenza kontra n-nisa;

    W.

    billi l-persuni LGBTI fil-Każakistan jiffaċċjaw sfidi legali u diskriminazzjoni; billi l-Parlament tal-Każakistan adotta emendi diskriminatorji għall-kodiċi tas-saħħa l-ġdid f'Ġunju 2020 li jirregolaw l-aspetti tal-kura tas-saħħa għall-persuni transġeneru; billi l-proċess biex tinbidel l-identità tal-ġeneru fil-Każakistan għadu invażiv u umiljanti;

    1.

    Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Każakistan jaġixxi skont l-obbligi internazzjonali tiegħu u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif minquxa fl-Artikoli 1, 4, 5 u 235 tal-EPCA; jistieden lill-awtoritajiet tal-Każakistan jikkonformaw mal-istandards internazzjonali fir-rispett tal-qafas ġuridiku għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet u jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-LEOM tal-ODIHR, inklużi dawk li jikkonċernaw il-libertajiet fundamentali ggarantiti b'mod kostituzzjonali, il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, il-pluraliżmu politiku, l-imparzjalità tal-amministrazzjoni elettorali, l-eliġibilità għall-votazzjoni u l-kandidatura għall-elezzjonijiet, ir-reġistrazzjoni tal-votanti, il-midja u l-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-elezzjonijiet;

    2.

    Jistieden lill-Gvern tal-Każakistan iwaqqaf akkużi politikament motivati u jtemm il-forom kollha ta' detenzjoni arbitrarja, rappreżalji u fastidju kontra attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, organizzazzjonijiet reliġjużi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, trade unions, ġurnalisti u movimenti tal-oppożizzjoni politika, u biex jippermetti lin-nies jesprimu liberament il-fehmiet politiċi, reliġjużi u oħrajn tagħhom; jistieden lill-gvern jemenda l-liġi l-ġdida dwar l-assemblea paċifika sabiex din il-libertà tkun garantita;

    3.

    Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Każakistan jeħles minnufih u jirriabilita bis-sħiħ lill-priġunieri politiċi kollha, b'mod partikolari lil Almat Zhumagulov, lil Aron Atabek, lil Nurgul Kaluova, lil Saltanat Kusmankyzy, lil Daryn Khassenov, lil Ulasbek Akhmetov, lil Kenzhebek Abishev, lil Yerzhan Yelshibayev, lil Aset Abishev, lil Igor Chuprina, lil Ruslan Ginatullin, lil Askhat Zheksebayev, lil Kairat Klyshev, lil Yerbol Yeskhozin, lil Abai Begimbetov, lil Asel Onlabekkyzy, lil Yerkin Sabanshiyev, lil Zhanat Zhamaliyev, lil Diana Baimagambetova, lil Noyan Rakhimzhanov u lil Askar Kayyrbek, u li jneħħi mingħajr dewmien il-miżuri ta' arrest preventiv u ta' arrest domiċiljari u r-restrizzjonijiet fuq il-libertà imposti fuq is-soċjetà ċivili u l-attivisti tal-oppożizzjoni, l-utenti tal-midja soċjali u d-dimostranti paċifiċi; jistieden lill-Gvern tal-Każakistan jirrevedi l-każijiet tal-ex priġunieri politiċi u vittmi tat-tortura Iskander Yerimbetov, Maks Bokayev u Mukhtar Dzhakishevu u jagħtihom kumpens, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja u l-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem;

    4.

    Jilqa' l-passi meħuda mill-Gvern tal-Każakistan biex jagħlaq il-każijiet politikament motivati kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Daniyar Khassenov u Abaibek Sultanov, iżda jinsab imħasseb dwar il-fabbrikazzjoni ta' kawża kriminali ġdida għal raġunijiet ta' “estremiżmu” kontra dan tal-aħħar; jistieden lill-Gvern tal-Każakistan ineħħi l-akkużi politikament motivati kollha kontra l-filantropu Barlyk Mendygaziyev u jtemm il-persekuzzjoni politikament motivata tal-membri tal-familja tiegħu u ta' dawk li kienu assoċjati miegħu;

    5.

    Jikkundanna l-abbuż tal-leġiżlazzjoni dwar l-antiestremiżmu kontra dawk li jappoġġjaw il-movimenti paċifiċi tal-oppożizzjoni, l-Għażla Demokratika tal-Każakistan (DCK) u l-Koshe Partiyasy, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet jippermettu l-pluraliżmu politiku u l-kompetizzjoni; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Każakistan jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew, tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa li tikkundanna l-applikazzjoni arbitrarja tal-liġijiet dwar l-antiestremiżmu;

    6.

    Jistieden lill-Każakistan jimplimenta riformi bil-għan li javvanza il-modernizzazzjoni, id-demokrazija u l-istabilità tal-pajjiż, isaħħaħ l-isforzi għar-riforma tas-sistema politika tal-Każakistan sabiex jiżviluppa parlamentariżmu u sistema multipartitika, u jespandi l-parteċipazzjoni ċivika; jinnota t-twaqqif ta' Kunsill Suprem għar-Riformi u jieħu nota tat-tħabbira mill-awtoritajiet tal-Każakistan ta' stadju ġdid ta' riformi, b'mod partikolari dwar il-kwistjonijiet tal-infurzar tal-liġi, is-sistema ġudizzjarja u l-prijoritizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-importanza li jitkompla dan il-proċess, inklużi bidliet fil-liġi elettorali u l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR;

    7.

    Jistieden lill-awtoritajiet Każakistani jieqfu jużaw il-kodiċi kriminali kontra attivisti, bloggers, ġurnalisti u oħrajn talli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni;

    8.

    Jilqa' d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Każakistani li jikkanċellaw il-multi u jippermettu lill-NGOs jkomplu l-attivitajiet, kif imħabbar fit-3 ta' Frar 2021; jitlob li titneħħa l-projbizzjoni ta' tliet snin mill-attiviżmu kontra Max Bokayev u li jitħalla jkompli l-ħidma essenzjali tiegħu; jistieden lill-awtoritajiet tal-Każakistan iwaqqfu l-użu ħażin tal-iskemi ta' rappurtar finanzjarju biex jagħmlu pressjoni fuq il-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem, iwaqqgħu l-akkużi infondati ta' reati amministrattivi kontra l-gruppi mmirati għall-allegat ksur ta' rappurtar, jagħmlu l-leġiżlazzjoni u l-prattiki dwar ir-rappurtar tal-introjtu barrani konformi mal-istandards internazzjonali, inkluż billi jħassru l-Artikoli 460-1 u 460-2 tal-Kodiċi dwar ir-Reati Amministrattivi, u minflok jipproteġu u jiffaċilitaw il-ħidma importanti tas-soċjetà ċivili;

    9.

    Jafferma mill-ġdid it-twemmin qawwi tiegħu li l-persekuzzjoni ta' NGOs indipendenti permezz ta' spezzjonijiet tat-taxxa mhux ġustifikati u li l-fastidju tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-movimenti bħal Bostandyq Kz, Femina Virtute, Veritas, 405 u Elimay, u attivisti tas-soċjetà ċivili, permezz ta' arresti amministrattivi, multi u prosekuzzjonijiet kriminali mhux biss jostakolaw l-isforzi ta' riforma li diġà saru mill-awtoritajiet, iżda huma wkoll ta' detriment għar-reputazzjoni internazzjonali tal-Każakistan;

    10.

    Jiddeplora l-istat inkwetanti tal-libertà tal-midja fil-pajjiż u jistieden lill-Gvern tal-Każakistan jipprovdi ambjent ħieles u sikur għall-ġurnalisti indipendenti;

    11.

    Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Każakistan jippermetti lit-trade unions indipendenti jirreġistraw u joperaw f'konformità mal-istandards internazzjonali tax-xogħol ratifikati mill-Każakistan, mingħajr ebda interferenza jew fastidju; jiddispjaċih ħafna dwar is-sospensjoni ta' sitt xhur tal-5 ta' Frar 2021 tal-operazzjonijiet tat-Trade Union Industrijali tal-Ħaddiema tal-Fjuwil u l-Enerġija (ITUFEW) mill-Qorti Ekonomika Interdistrettwali Speċjalizzata f'Shymkent talli allegatament naqset milli tirreġistra f'konformità mal-Liġi tat-Trade Unions; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Każakistan jimplimenta verament il-Liġi dwar it-Trade Unions kif emendata f'Mejju 2020;

    12.

    Jinnota bi tħassib l-abbozz ta' liġi ġdid dwar l-organizzazzjonijiet tal-karità li jimponi miżuri ta' regolamentazzjoni addizzjonali fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u li jikkontradixxi direttament il-loġika u l-aħjar prattiki tax-xogħol ta' karità, kif ukoll l-inizjattiva reċenti biex tinħoloq Assoċjazzjoni tal-Organizzazzjonijiet tad-Donaturi taħt il-patroċinju tal-gvern, li hemm riskju li tintuża ħażin biex tikkontrolla l-organizzazzjonijiet donaturi, u b'hekk tillimita aktar l-indipendenza u s-sjieda tal-attivitajiet tagħhom;

    13.

    Jinnota li mill-2008, meta l-Każakistan irratifika l-Protokoll tan-NU għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Punizzjoni tat-Traffikar ta' Persuni, speċjalment ta' Nisa u Tfal, il-Każakistan tejjeb b'mod sinifikanti l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu dwar il-prosekuzzjoni tat-traffikar ta' persuni u dwar il-protezzjoni tal-vittmi tat-traffikar; jafferma, madankollu, li għad hemm għadd ta' sfidi li għandhom jiġu indirizzati mill-Każakistan sabiex jelimina t-traffikar ta' persuni, kemm f'termini ta' appoġġ għall-vittmi kif ukoll ta' prosekuzzjoni tal-isfruttaturi;

    14.

    Jistieden lill-awtoritajiet jiġġieldu l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa, inkluż billi jiżguraw kanali ta' rapportar effettivi u aċċessibbli u miżuri ta' protezzjoni li huma sensittivi għall-ħtiġijiet u l-kunfidenzjalità tal-vittmi; jisħaq li tintemm l-impunità u tittieħed azzjoni biex jiġu żgurati sanzjonijiet kriminali xierqa kontra l-awturi tar-reati, inkluż f'każijiet ta' vjolenza domestika; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Każakistani jikkriminalizzaw il-vjolenza domestika bħala reat awtonomu, u jiżguraw sanzjonijiet kriminali kontra l-awturi tar-reati; jistieden lill-awtoritajiet Każakistani jqisu x-xelters u s-servizzi għas-superstiti tal-vjolenza domestika bħala “servizzi essenzjali” u jiffaċilitaw l-aċċess għalihom għan-nisa u l-bniet kollha, inkluż matul il-kriżi tal-coronavirus; iħeġġeġ lill-Każakistan jiffirma u jirratifika l-Konvenzjoni ta' Istanbul;

    15.

    Jinsisti li d-drittijiet tal-komunità LGBTI għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ; jistieden lill-Gvern tal-Każakistan jiggarantixxi l-prinċipju ta' kontra d-diskriminazzjoni kontra l-komunità LGBTI, inkluż billi jipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi tal-identità tal-ġeneru jew l-orjentazzjoni sesswali bil-liġi; jitlob li jkun hemm taħriġ xieraq għall-uffiċjali ġudizzjarji u tal-pulizija, kif ukoll għall-fornituri tas-servizzi, biex jiġi żgurat li l-persuni LGBTI jingħataw kura u protezzjoni xierqa;

    16.

    Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Każakistan jiżgura s-sikurezza tal-Każakistani etniċi u ta' gruppi ta' minoranza oħra li ħarbu mill-kampijiet ta' konċentrament taċ-Ċina, inkluż billi jagħti status ta' refuġjat permanenti lil Murager Alimuly u Kaisha Akankyzy, u biex jagħti biżżejjed attenzjoni lit-tensjonijiet etniċi kontinwi fir-reġjuni tan-Nofsinhar tiegħu;

    17.

    Jagħti parir lill-awtoritajiet tal-Każakistan kontra l-użu ħażin abbużiv ta' mekkaniżmi ta' kooperazzjoni ġudizzjarja bħas-sistema tal-Avviż Aħmar tal-Interpol u talbiet għal MLA bil-għan li jiġu ppersegwitati l-avversarji tar-reġim barra mill-pajjiż u li jinkiseb aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali;

    18.

    Jilqa' l-abolizzjoni tal-Każakistan tal-piena tal-mewt għar-reati kollha fir-ratifika tiegħu tat-2 ta' Jannar 2021 tat-Tieni Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u b'hekk sar it-88 parti għall-ftehim; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Każakistan jikkonforma mal-wegħdiet tiegħu ta' tolleranza żero għat-tortura u jiżgura li kwalunkwe allegazzjoni ta' tortura tiġi investigata bis-sħiħ u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

    19.

    Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Każakistan jeqred it-tortura u t-trattament ħażin fil-ħabsijiet, jirrispetta d-drittijiet tal-ħabsin, u jiżgura kundizzjonijiet tal-għajxien xierqa, iġjene u ambjent sikur f'termini tal-indirizzar tat-theddid maħluq mill-COVID-19;

    20.

    Jistieden lill-Każakistan jintroduċi salvagwardji xierqa għad-data personali u jsaħħaħ il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data, kif ukoll jillimita l-użu ta' teknoloġiji ta' sorveljanza diġitali invażivi u jintroduċi qafas regolatorju li jipprojbixxi b'mod ċar is-sorveljanza diġitali arbitrarja u illegali, inkluż ir-rikonoxximent tal-wiċċ, f'konformità mad-drittijiet tal-bniedem;

    21.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, inkluż f'summits u laqgħat oħra ta' livell għoli, f'fora multilaterali u permezz ta' rappreżentanzi lokali, biex jappoġġjaw b'mod robust lis-soċjetà ċivili, jieħdu miżuri addizzjonali biex jipprovdu appoġġ lis-soċjetà ċivili tal-Każakistan permezz tal-Kummissjoni, inkluż iżda mhux limitat għall-espansjoni tal-iskemi ta' għotjiet finanzjarji lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, il-valuri demokratiċi, l-istat tad-dritt, u l-libertajiet fundamentali fil-Każakistan, speċjalment id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u jsaħħu l-kuntatti bejn il-persuni maċ-ċittadini tal-Każakistan; jenfasizza li l-assistenza finanzjarja lill-Każakistan għandu jkollha l-għan li tappoġġja s-soċjetà ċivili u l-vittmi ta' persekuzzjoni politika, u mhux li tappoġġja r-reġim awtoritarju;

    22.

    Jinkoraġġixxi lid-Delegazzjoni tal-UE għall-Każakistan biex tavvanza l-impenn tagħha mal-membri lokali tas-soċjetà ċivili billi torganizza laqgħat regolari u tqajjem ir-rakkomandazzjonijiet tagħha matul il-laqgħat uffiċjali mal-uffiċjali tal-gvern tal-Każakistan;

    23.

    Iħeġġeġ lid-Delegazzjoni tal-UE għall-Każakistan biex tissorvelja l-abbużi kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem u tieħu pożizzjoni pubblika fir-rigward tal-ksur, biex tipprovdi assistenza lill-vittmi ta' prosekuzzjoni politika u attivisti li jinsabu l-ħabs billi tattendi l-proċessi ta' kritiċi tal-gvern u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u titlob żjarat fil-ħabs, u biex tirreaġixxi malajr u b'mod riżolut għal kwalunkwe att li jmur kontra l-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

    24.

    Ifakkar fir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE, li ġie approvat reċentement – li jippermetti lill-UE tindirizza lil dawk li jwettqu abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja – li, fil-każ tal-Każakistan, jippermetti li jiġu mmirati individwi, entitajiet u korpi involuti fi ksur mifrux u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem jew assoċjati miegħu; jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u lill-Istati Membri jikkunsidraw li jimponu sanzjonijiet immirati fuq individwi responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

    25.

    Jitlob li d-drittijiet tal-bniedem ikunu fil-quċċata tal-involviment tal-UE mal-Asja Ċentrali; jissottolinja li relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi aktar profondi mal-UE, kif previst mill-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni, iridu jkunu bbażati fuq valuri kondiviżi u jikkorrispondu għal impenn attiv u konkret mill-Każakistan fir-riformi demokratiċi, li jirriżultaw mill-obbligi u l-impenji internazzjonali tiegħu;

    26.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ iwettqu rieżami komprensiv tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni fid-dawl tal-iżviluppi reċenti u l-eżitu tar-rieżami tal-politika kummerċjali;

    27.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Asja Ċentrali, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Każakistan.

    (1)  ĠU C 23, 21.1.2021, p. 83.

    (2)  ĠU C 45, 5.2.2016, p. 85.

    (3)  ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 93.

    (4)  ĠU C 224 E, 19.8.2010, p. 30.

    (5)  Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.


    Top