This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52021IP0041
European Parliament resolution of 10 February 2021 on the implementation of Directive 2011/36/EU on preventing and combating trafficking in human beings and protecting its victims (2020/2029(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 2021 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu (2020/2029(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 2021 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu (2020/2029(INI))
ĠU C 465, 17.11.2021, p. 30–46
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
17.11.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 465/30 |
P9_TA(2021)0041
Implimentazzjoni tad-Direttiva Kontra t-Traffikar
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 2021 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu (2020/2029(INI))
(2021/C 465/04)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 79 u 83 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 5 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), |
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (1)(“id-Direttiva Kontra t-Traffikar”), |
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa f'dan il-qasam, |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, |
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (“il-Konvenzjoni ta' Palermo”) u l-Protokolli relatati magħha, u b'mod partikolari, il-Protokoll għall-Prevenzjoni, is-Soppressjoni u l-Punizzjoni tat-Traffikar ta' Persuni, speċjalment ta' Nisa u Tfal (“il-Protokoll tan-NU dwar it-Traffikar”) u l-Protokoll kontra t-Traffikar ta' Migranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru, |
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal, u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2019 dwar id-drittijiet tat-tfal fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (2), |
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, |
— |
wara li kkunsidra l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-traffikar tal-persuni, speċjalment tan-nisa u t-tfal, |
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), b'mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha, li jfittex li jiġġieled il-forom kollha ta' traffikar tan-nisa u l-isfruttament tal-prostituzzjoni tan-nisa, |
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar is-Soppressjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin u l-Isfruttament tal-Prostituzzjoni ta' Oħrajn, |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995 u d-dokumenti riżultanti sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing + 5 (2000), Beijing + 10 (2005) u Beijing + 15 (2010) u l-konferenza ta' rieżami Beijing + 20, |
— |
wara li kkunsidra l-Kummentarju Konġunt tan-NU dwar id-Direttiva tal-UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, li jitlob li tingħata protezzjoni internazzjonali lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin b'mod sensittiv għall-ġeneru, |
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar ix-Xogħol Furzat, 1930 (Nru 29), il-Protokoll tal-2014 għall-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930, il-Konvenzjoni dwar l-Abolizzjoni tax-Xogħol Furzat, 1957 (Nru 105) u r-Rakkomandazzjoni dwar ix-Xogħol Furzat (Miżuri Supplimentari), 2014 (Nru 203), il-Konvenzjoni dwar l-Agħar Forom tax-Xogħol tat-Tfal, 1999 (Nru 182) u l-Konvenzjoni dwar il-Ħaddiema Domestiċi, 2011 (Nru 189), |
— |
wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, |
— |
wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni ġenerali Nru 33 tat-23 ta' Lulju 2015 dwar l-aċċess tan-nisa għall-ġustizzja tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti bit-titolu “Transforming our World: the 2030 Agenda for Sustainable Development” (Nittrasformaw id-Dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli), adottata mill-Assemblea Ġenerali fil-25 ta' Settembru 2015, b'mod partikolari l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) 5.2 tagħha dwar l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet fl-isferi pubbliċi u privati, inkluż it-traffikar u l-isfruttament sesswali u tipi oħra ta' sfruttament, |
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (“il-Konvenzjoni ta' Istanbul”), |
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (3) (“id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi”), |
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (4) (“Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija”), |
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali (5), |
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment (6), |
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad-29 ta' April 2004 dwar il-permess ta' residenza maħruġ lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar fi bnedmin jew li kienu s-suġġett ta' azzjoni għall-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti (7) (“id-Direttiva dwar il-Permess ta' Residenza”), |
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE tat-28 ta' Novembru 2002 li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta' dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati (8) u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/946/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2002 dwar it-tisħiħ tal-qafas penali biex ikun impedut it-tħaffif tad-dħul, it-tranżitu u r-residenza mhux awtorizzati (9), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ġunju 2020 dwar l-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025) (COM(2020)0258), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ġunju 2012 bit-titolu “L-istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin, 2012-2016” (COM(2012)0286), |
— |
wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ottubru 2014 bit-titolu “Mid-term report on the implementation of the EU strategy towards the eradication of trafficking in human beings” (Rapport ta' nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE lejn il-qerda tat-traffikar tal-bnedmin) (SWD(2014)0318) u l-ewwel (COM(2016)0267)), it-tieni (COM(2018)0777) u t-tielet (COM(2020)0661) rapport dwar il-progress tagħha, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni li jivvaluta kemm l-Istati Membri ħadu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw mad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu f'konformità mal-Artikolu 23(1) (COM(2016)0722), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2020 dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-politika estera u ta' sigurtà tal-UE (10), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-miżuri l-oħra biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru (11), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fir-relazzjonijiet esterni tal-UE (12), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2016 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu minn perspettiva tal-ġeneru (13), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-isfruttament sesswali u l-prostituzzjoni u l-impatt tagħhom fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi (14), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Diċembru 2017 bit-titolu “Rappurtar dwar is-segwitu tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Eradikazzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u identifikazzjoni ta' azzjonijiet konkreti oħra” (COM(2017)0728), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija ta' Ugwaljanza Bejn is-Sessi għall-2020-2025” (COM(2020)0152), |
— |
wara li kkunsidra l-Istudju tal-Kummissjoni tal-2020 dwar il-kost ekonomiku, soċjali u uman tat-traffikar tal-bnedmin fl-UE, l-Istudju tal-2020 tagħha dwar ir-rieżami tal-funzjonament tal-Mekkaniżmi ta' Riferiment Nazzjonali u Transnazzjonali tal-Istati Membri, l-Istudju tal-2020 tagħha dwar il-Ġbir tad-data dwar it-traffikar tal-bnedmin fl-UE u l-Istudju tal-2016 tagħha dwar id-dimensjoni tal-ġeneru fit-traffikar tal-bnedmin, |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta ta' impenn tal-2018 biex jaħdmu flimkien kontra t-traffikar tal-bnedmin iffirmata mill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), l-Aġenzija tal-UE għal Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), l-Aġenzija tal-UE għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL), iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-tmexxija operattiva ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (eu-LISA), l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport tas-Sitwazzjoni tal-Europol “Trafficking in human beings in the EU” (It-traffikar tal-bnedmin fl-UE) tat-18 ta' Frar 2016, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Europol bit-titolu “The challenges of countering human trafficking in the digital era” (L-isfidi tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-era diġitali) tat-18 ta' Ottubru 2020, |
— |
wara li kkunsidra l-valutazzjoni ta' theddid mill-kriminalità serja u organizzata (SOCTA) tal-2017 tal-Europol, |
— |
wara li kkunsidra r-raba' rapport annwali taċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta' Dħul Klandestin ta' Migranti tal-Europol tal-15 ta' Mejju 2020, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali bit-titolu “Severe labour exploitation: workers moving within or into the European Union” (L-isfruttament gravi ta' ħaddiema: ħaddiema li jiċċaqilqu ġewwa l-Unjoni Ewropea jew lejn l-Unjoni Ewropea) tad-29 ta' Mejju 2015, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurostat “Trafficking in human beings” (It-traffikar tal-bnedmin) tas-17 ta' Ottubru 2014, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 9/1 tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (UNTOC) dwar l-Istabbiliment ta' Mekkaniżmu għar-Rieżami tal-Implimentazzjoni tal-UNTOC u l-Protokolli tagħha, |
— |
wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UNHCR tas-7 ta' April 2006 dwar il-protezzjoni internazzjonali bit-titolu “The application of Article 1A(2) of the 1951 Convention and/or 1967 Protocol relating to the Status of Refugees to victims of trafficking and persons at risk of being trafficked” (L-applikazzjoni tal-Artikolu 1A(2) tal-Konvenzjoni tal-1951 u/jew tal-Protokoll tal-1967 rigward l-Istatus ta' Rifuġjati għall-vittmi tat-traffikar u l-persuni f'riskju li jiġu ttraffikati), |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Globali tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi u l-Kriminalità (UNODC) 2018 dwar it-Traffikar ta' Persuni, |
— |
wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni ġenerali Nru 38 tas-6 ta' Novembru 2020 dwar it-traffikar ta' nisa u bniet fil-kuntest tal-migrazzjoni globali tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), |
— |
wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-implimentazzjoni Ewropea tad-Direttiva 2011/36/UE: Il-migrazzjoni u kwistjonijiet relatati mal-ġeneru, ippubblikata mid-Direttorat Ġenerali tagħha għas-Servizzi ta' Riċerka Parlamentari fil-15 ta' Settembru 2020 (15), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja, |
— |
wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi skont l-Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A9-0011/2021), |
A. |
billi t-traffikar tal-bnedmin jikkostitwixxi ksur tad-dinjità tal-bniedem, tal-integrità fiżika u psikoloġika ta' bniedem, li jinsab madwarna fil-ħajja ta' kuljum tagħna, u huwa ksur profond tad-drittijiet fundamentali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; |
B. |
billi t-traffikar huwa fenomenu relatat ħafna mal-ġeneru, bi kważi tliet kwarti (16) mill-vittmi kollha rrappurtati fl-2017 u l-2018 fl-UE jkunu nisa u bniet, li kienu ttraffikati b'mod predominanti għal sfruttament sesswali; billi l-isfruttament sesswali kien l-aktar raġuni rrappurtata għat-traffikar fl-UE mill-2008; |
C. |
billi l-għadd ta' vittmi rreġistrati tat-traffikar ta' bnedmin kiber fl-aħħar perjodu ta' studju tal-Kummissjoni (2017 u 2018) meta mqabbel ma' dak preċedenti, u għadu jiżdied (17); billi l-għadd attwali ta' vittmi x'aktarx li huwa konsiderevolment ogħla mid-data rrappurtata, billi ħafna vittmi jibqgħu mhux identifikati; |
D. |
billi t-tfal jammontaw għal għadd konsiderevoli tal-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin; billi 78 % tat-tfal kollha ttraffikati huma bniet u 68 % tal-adulti ttraffikati huma nisa (18); |
E. |
billi d-differenza bejn il-ġeneri, il-faqar, l-ispostament furzat, il-qgħad, in-nuqqas ta' opportunitajiet soċjoekonomiċi, in-nuqqas ta' aċċess għal edukazzjoni, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, id-diskriminazzjoni u l-marġinalizzazzjoni u l-korruzzjoni huma ftit mill-fatturi kontributorji li jagħmlu persuni, b'mod speċjali nisa u tfal, vulnerabbli għat-traffikar; billi l-kawżi ewlenin tat-traffikar ta' bnedmin għadhom mhumiex indirizzati biżżejjed; |
F. |
billi l-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin huma ħafna drabi soġġetti għal forom multipli u trasversali ta' diskriminazzjoni u vjolenza, inkluż abbażi tal-ġeneru, l-età, ir-razza, id-diżabbiltà, l-etniċità, il-kultura u r-reliġjon, kif ukoll l-oriġini nazzjonali jew soċjali jew statuses oħra, u billi dawn il-forom ta' diskriminazzjoni jistgħu huma stess jinstigaw it-traffikar ta' persuni (19); |
G. |
billi hemm ħafna forom ta' traffikar, iżda dawn kollha huma bbażati fuq l-abbuż tal-vulnerabbiltà inerenti tal-vittmi u għandhom l-għan li jisfruttaw il-bnedmin, u billi l-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin jinstabu involuti f'attivitajiet legali u illegali differenti, inklużi, iżda mhux biss għas-settur agrikolu, l-ipproċessar tal-ikel, l-industrija tas-sess, ix-xogħol domestiku, il-manifattura, il-kura, it-tindif, industriji oħra (b'mod partikolari l-industriji tas-servizzi), l-elemożina, il-kriminalità, iż-żwieġ furzat, l-isfruttament sesswali online u offline, l-adozzjonijiet illegali u t-traffikar tal-organi; billi hemm forom oħra ta' traffikar li għadhom mhux irreġistrati u rrappurtati biżżejjed, inkluż xi wħud li huma relatati ħafna mal-ġeneru, bħal żwieġ furzat u servitù domestika; |
H. |
billi dawn l-aħħar snin urew li l-migranti u l-persuni li jfittxu l-ażil huma partikolarment f'riskju li jiġu ttraffikati; billi, fost dawn, il-minorenni mhux akkumpanjati u n-nisa huma grupp fil-mira speċjali għal networks tat-traffikar; |
I. |
billi l-Europol wissiet li l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 jista' jkompli jżid l-għadd ta' vittmi (20), u jnaqqas il-probabbiltà li t-traffikanti jiġu identifikati permezz tal-infurzar tal-liġi u li reċessjoni ekonomika minħabba l-kriżi tal-COVID-19 tista' tirriżulta wkoll f'konsegwenzi perikolużi fil-qasam tat-traffikar ta' bnedmin (21); billi s-sitwazzjoni tal-vittmi ttraffikati aggravat mill-bidu tal-kriżi u s-servizzi ta' appoġġ iltaqgħu ma' diffikultajiet fl-għajnuna lill-vittmi; |
J. |
billi skont il-Europol (22), l-użu tat-teknoloġiji diġitali wessa' l-kapaċità tal-kriminali li jittraffikaw il-bnedmin għal tipi differenti ta' sfruttament; billi teknoloġiji ġodda qed jiġu sfruttati minn traffikanti matul kull fażi ta' sfruttament sesswali, mir-reklutaġġ u r-reklamar ta' vittmi, għar-rikatt u l-ikkontrollar tal-movimenti tagħhom; billi dawn l-għodod ġodda joffru anonimità miżjuda għat-traffikanti u joħolqu diffikultajiet għall-infurzar tal-liġi fl-identifikazzjoni tagħhom; billi interazzjoni online toħloq kemm riskji kif ukoll opportunitajiet għal kriminali, vittmi u infurzar tal-liġi; |
K. |
billi t-traffikar ta' bnedmin għadu reat kumpless u prevalenti li jaffettwa l-possibbiltà li jintlaħqu l-SDGs kollha, b'mod partikolari l-SDGs 5 (ugwaljanza bejn il-ġeneri), 8 (xogħol deċenti u tkabbir ekonomiku), 16 (paċi, ġustizzja u istituzzjonijiet b'saħħithom) u 17 (sħubijiet għall-għanijiet); |
L. |
billi t-traffikar ta' persuni huwa l-ewwel u qabel kollox reat serju kontra persuni individwali, jiġġenera wkoll spejjeż għas-soċjetà bħall-użu żejjed ta' servizzi pubbliċi inklużi l-infurzar tal-liġi, servizzi speċjalizzati, servizzi tas-saħħa u protezzjoni soċjali, produzzjoni ekonomika mitlufa, il-valur ta' kwalità tal-ħajja mitlufa, u l-koordinazzjoni ta' xogħol ta' prevenzjoni kontra t-traffikar; billi din l-ispiża hija stmata għal EUR 3 700 524 433 għall-EU-28 (23); |
M. |
billi t-traffikar tal-bnedmin huwa fenomenu transnazzjonali kumpless li jista' jiġi indirizzat b'mod effettiv biss jekk l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet tal-UE u internazzjonali jaħdmu flimkien b'mod koordinat; billi l-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali biex jinqered it-traffikar permezz tas-sinerġija ta' diversi politiki interni u esterni eżistenti bħall-Istrateġija Globali tal-Unjoni Ewropea għall-Politika Estera u ta' Sigurtà u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024, kif ukoll permezz tal-kampanji ta' informazzjoni rilevanti fil-pajjiżi involuti; billi t-traffikar ta' bnedmin għandu jitqies fil-ħidma leġiżlattiva dwar il-Pjan ta' Azzjoni għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi III; |
N. |
billi l-identifikazzjoni effettiva ta' vittmi tat-traffikar ta' bnedmin għadha sfida fil-maġġoranza tal-Istati Membri minħabba diversi raġunijiet, bħan-nuqqas ta' għarfien tal-lingwa u nuqqas ta' rieda li jirrappurtaw lill-pulizija jew kapaċitajiet limitati ta' infurzar tal-liġi; billi l-identifikazzjoni ta' vittmi li għadhom tfal hija ħafna drabi aktar ta' sfida minħabba li dawn ma jifhmux li huma vittmi; billi l-Istati Membri għandhom obbligu li jeżerċitaw diliġenza dovuta biex jipprevjenu t-traffikar ta' bnedmin, biex jinvestigaw każijiet ta' traffikar u jikkastigaw lil awturi ta' reati, jappoġġjaw u jagħtu s-setgħa lil vittmi u jirrispettaw id-dinjità tagħhom, u jipprevedu l-protezzjoni tagħhom u l-aċċess tagħhom għal rimedji, u billi nuqqas ta' dan jikser u jimpedixxi jew ixejjen it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-vittmi; |
O. |
billi d-Direttiva Kontra t-Traffikar tistabbilixxi standards minimi li jridu jiġu applikati fl-Unjoni Ewropea kollha fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni ta' vittmi u tipprevedi d-definizzjoni ta' x'jikkostitwixxi traffikar tal-bnedmin; billi traspożizzjoni sħiħa u korretta tad-Direttiva Kontra t-Traffikar, segwita mill-implimentazzjoni sħiħa tagħha, mhijiex biss obbligatorja, iżda hija wkoll meħtieġa sabiex isir progress fl-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin; |
P. |
billi r-rapporti ta' monitoraġġ kollha juru li kważi 10 snin wara l-adozzjoni tad-Direttiva Kontra t-Traffikar, għad hemm ostakli għall-implimentazzjoni sħiħa tagħha fil-livell tal-Istati Membri, u għalhekk ħafna vittmi jibqgħu mhux identifikati u r-rati ta' prosekuzzjoni u kundanni ta' awturi ta' reati jibqgħu baxxi; billi lakuni sinifikanti fil-kopertura u l-implimentazzjoni tal-liġijiet u l-politiki nazzjonali dwar it-traffikar ta' bnedmin jistgħu jiġu sfruttati b'mod attiv minn gruppi ta' kriminalità organizzata u jħallu gruppi kbar ta' nies aktar vulnerabbli għall-isfruttament; |
Q. |
billi l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi ma kinitx sodisfaċenti, b'mod partikolari minħabba traspożizzjoni inkompleta u/jew inkorretta; |
R. |
billi t-traffikar tal-bnedmin huwa forma ta' kriminalità organizzata profittabbli ħafna u huwa għalhekk immexxi mid-domanda u l-profitt; billi t-tnaqqis tad-domanda, anki fir-rigward tal-isfruttament sesswali tan-nisa u l-bniet, jeħtieġ li jkun fil-mira tal-ġlieda kontra t-traffikar; billi l-vjolenza fiżika, psikoloġika u sesswali hija element kostituttiv tat-traffikar għall-isfruttament sesswali u l-vjolenza kontra n-nisa; |
S. |
billi r-ratifika tal-UE tal-Konvenzjoni ta' Istanbul tista' tikkomplementa l-isforzi tal-UE u tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; |
T. |
billi l-isfruttament gravi tal-ħaddiema jseħħ f'ħafna setturi ekonomiċi fl-UE u jaffettwa lil diversi gruppi ta' ħaddiema transfruntiera, inkluż kemm ċittadini tal-UE kif ukoll ċittadini li mhumiex tal-UE; billi, kif ġie rrakkomandat mill-FRA (24), tali prattiki għandhom jiġu indirizzati fost l-oħrajn permezz ta' sistema komprensiva ta' spezzjonijiet immirati tal-kundizzjonijiet tax-xogħol; |
1.
Jinnota l-ħtieġa ta' qafas koordinat, armonizzat u koerenti fil-livell tal-UE, ibbażat fuq valutazzjoni u mekkaniżmi ta' segwitu aktar effiċjenti, li jiggarantixxi t-tisħiħ tal-prevenzjoni tat-traffikar ta' bnedmin, flimkien mal-appoġġ, l-assistenza u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li għandu l-għan li jelimina kompletament it-traffikar, inkluż permezz ta' implimentazzjoni koordinata mad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, id-Direttiva dwar il-Permess ta' Residenza, id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-pornografija tat-tfal u d-Direttiva dwar il-Kumpens (25), peress li t-traffikar huwa reat b'dimensjoni transfruntiera u għalhekk ma jistax jiġi ttrattat fil-livell nazzjonali biss;
2.
Ifaħħar ix-xogħol tajjeb li għamlet il-Kummissjoni fil-koordinazzjoni tar-rispons tal-UE għat-traffikar ta' bnedmin u fl-iżvilupp ta' għarfien u sejbiet dwar id-diversi aspetti tat-traffikar ta' bnedmin, inkluż riċerka dwar id-dimensjoni tal-ġeneru u l-vulnerabbiltà partikolari tat-tfal; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-kontinwità tax-xogħol li qed isir billi taħtar Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar bl-għarfien espert rilevanti u mandat ċar, li jaħdem ma' network ta' rappreżentanti nazzjonali mill-Istati Membri u mis-soċjetà ċivili biex tiġi żgurata kooperazzjoni konsistenti;
3.
Jisħaq fuq l-importanza li l-finanzjament tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF), tal-Programm Daphne, tal-Fond Soċjali Ewropew+ u tal-programmi tal-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF) jibqa' jintuża għal proġetti li jindirizzaw it-traffikar ta' bnedmin, kif ukoll billi jintużaw strumenti oħra disponibbli, inklużi programmi tal-UE bħall-programm għaċ-ċittadini, l-ugwaljanza, id-drittijiet u l-valuri, strumenti finanzjarji bħall-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) u l-Fond Fiduċjarju tal-UE ta' Emerġenza għall-Afrika, u inizjattivi bħal EMPACT, u l-Inizjattivi Spotlight UE-NU u Glo.ACT; ifakkar fil-ħtieġa ta' inizjattivi u proġetti relatati mad-dimensjoni tal-ġeneru tat-traffikar, u jitlob reviżjoni komprensiva tal-politika tal-proġetti ffinanzjati mill-UE; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw finanzjament stabbli u persunal adegwat biex jidentifikaw u jipproteġu lill-vittmi u jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' finanzjament adegwat għall-organizzazzjonijiet tal-vittmi, speċjalment dawk li jipprovdu appoġġ lin-nisa, li, minħabba tnaqqis qawwi fil-finanzjament, qed isibuha diffiċli biex ikomplu jipprovdu servizzi lill-vittmi;
4.
Jenfasizza li n-nuqqas ta' data konsistenti, komparabbli u dettaljata jkompli jxekkel il-valutazzjoni adegwata u bbażata fuq l-evidenza tal-iskala u x-xejriet fit-traffikar ta' bnedmin; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom fir-riċerka, l-analiżi u l-ġbir tad-data dwar il-forom kollha ta' traffikar ta' bnedmin, kif ukoll il-finanzjament tagħhom, u jtejbu l-koordinazzjoni fost is-sorsi tad-data fil-livell nazzjonali u tal-UE, kif ukoll il-ġbir ta' data aktar aġġornata, ċentralizzata u komprensiva diżaggregata skont it-tip ta' traffikar, l-età u s-sess, l-oriġini razzjali u etnika, u l-inklużjoni ta' persuni ttraffikati internament, billi tinġabar informazzjoni statistika b'rispett xieraq għad-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali, f'kooperazzjoni mal-atturi istituzzjonali involuti, is-soċjetà ċivili, l-EIGE u l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti kollha; jistieden lill-Kummissjoni tikkompila u tippubblika b'mod regolari tali data għall-UE;
5.
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li ssir distinzjoni bejn it-traffikar u d-dħul klandestin, li jirrikjedu analiżi aktar profonda u risponsi legali u ta' politika differenti; jenfasizza li l-konfużjoni bejniethom spiss twassal għal nuqqasijiet fl-identifikazzjoni korretta tal-vittmi u fl-iżgurar li jkunu jistgħu jaċċessaw miżuri ta' protezzjoni u jevitaw vittimizzazzjoni sekondarja;
6.
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw u jevalwaw l-użu tat-teknoloġiji diġitali, tal-midja soċjali u tas-servizzi tal-internet bħala l-għodod predominanti użati għar-reklutaġġ tal-vittmi tat-traffikar, u li jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin billi jipprovdulhom l-għarfien tekniku meħtieġ u r-riżorsi dedikati biex iwieġbu għall-isfidi maħluqa mit-teknoloġiji l-ġodda; jistedinhom ukoll jadottaw regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili għall-kumpaniji tat-teknoloġija li jospitaw materjal abbużiv, biex itejbu l-għodod leġiżlattivi użati fil-proċedimenti ġudizzjarji u fil-prosekuzzjoni tat-traffikanti, jippromwovu l-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti, il-fornituri tas-servizzi tal-internet u l-kumpaniji tal-midja soċjali, jippromwovu kampanji ta' informazzjoni pubblika madwar l-UE dwar it-traffikar ta' bnedmin filwaqt li jiġi rrispettat id-dritt tal-vittmi għall-privatezza u s-sikurezza, kif ukoll jiġu żgurati d-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data tagħhom, u jżidu l-appoġġ għall-bini ta' għarfien espert transnazzjonali u soluzzjonijiet ibbażati fuq it-teknoloġija, pereżempju biex jiġi mblukkat ir-reklutaġġ tal-vittmi;
7.
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu l-għarfien ċibernetiku prijorità fil-kampanji mmirati lejn l-iskejjel, l-universitajiet, il-kumpaniji u l-korpi ta' riċerka, u jibnu fuq l-għarfien eżistenti bħall-portal Internet Aħjar għat-Tfal; jissottolinja li s-sensibilizzazzjoni fir-rigward tat-traffikar tal-bnedmin online fuq il-midja soċjali hija essenzjali biex vittmi ġodda jiġu prevenuti milli jidħlu fin-networks tat-traffikar; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha b'mod attiv ma' pjattaformi fl-iżvilupp ta' linji gwida komuni u pjanijiet ta' azzjoni li jipprevjenu u jiġġieldu t-traffikar online;
Identifikazzjoni, protezzjoni, assistenza u appoġġ lill-vittmi
8. |
Jenfasizza li l-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi tibqa' waħda mill-isfidi prinċipali għall-implimentazzjoni, u hija waħda mill-aktar kruċjali biex il-vittmi jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom; jistieden lill-Istati Membri biex jipproteġuhom, jagħtu responsabbiltà lil aktar atturi u opportunitajiet ta' sensibilizzazzjoni biex jidentifikaw il-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin fl-istadji kollha tal-proċess, inklużi rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, uffiċjali tal-immigrazzjoni u tal-ażil, spetturi tax-xogħol u assistenti soċjali jew persunal tal-kura tas-saħħa kif ukoll professjonisti u atturi rilevanti oħra; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' approċċ ibbażat fuq l-erba' strateġiji ewlenin ta' prevenzjoni, prosekuzzjoni, protezzjoni tal-vittmi u sħubija f'diversi livelli; jistieden lill-Istati Membri kollha jallokaw fondi adegwati għall-identifikazzjoni, il-protezzjoni, l-assistenza u l-appoġġ tal-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin fl-istadji kollha; jenfasizza li l-identifikazzjoni bikrija għandha tqis l-ispeċifiċitajiet tas-setturi u l-gruppi b'riskju għoli bħall-vittmi li huma nisa u bniet; |
9. |
Jistieden lill-Istati Membri kollha jiggarantixxu b'mod effettiv id-drittijiet tal-vittmi permezz ta' assistenza legali fl-istadju l-aktar bikri possibbli, inkluża informazzjoni aċċessibbli dwar id-drittijiet legali tagħhom, biex jipproteġuhom u jappoġġjawhom b'approċċ li jqis is-sitwazzjoni tal-ġeneru u tat-tfal filwaqt li jiżguraw il-komplementarjetà mad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi; ifakkar li d-Direttiva Kontra t-Traffikar tobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkunu intitolati li ma jipproċedux kontra l-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin jew jimponu penali fuqhom għall-involviment tagħhom f'attivitajiet kriminali li jkunu ġew sfurzati jwettqu; |
10. |
Jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta' protezzjoni legali għal vittmi vulnerabbli f'ħafna Stati Membri; jisħaq fuq l-importanza li jiġu pprovduti miżuri għall-ħtiġijiet speċjali tal-vittmi f'sitwazzjonijiet vulnerabbli u gwida speċifika għall-vittmi tat-traffikar għall-isfruttament sesswali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati protezzjoni, assistenza u appoġġ individwalizzati u mingħajr kundizzjonijiet lill-vittmi, filwaqt li jitqiesu wkoll id-dipendenti diretti tagħhom, inkluż fil-kuntest ta' proċedimenti legali relatati ma' azzjonijiet kriminali, ċivili jew azzjonijiet oħra kontra t-traffikanti jew dawk li jisfruttaw; jitlob l-implimentazzjoni effettiva fl-Istati Membri kollha tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi u kwalunkwe leġiżlazzjoni relatata, b'approċċ ibbażat fuq il-ġeneru u l-vittma; ifakkar li n-nies li jaħdmu biex jipproteġu u jgħinu lill-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin m'għandhomx jiġu kriminalizzati għax-xogħol tagħhom relatat ma' dan; |
11. |
Jinnota li l-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin jirrikjedu servizzi speċjalizzati, inkluż l-aċċess għal akkomodazzjoni sikura fuq perjodu qasir u fit-tul, skemi ta' protezzjoni tax-xhieda, kura tas-saħħa u konsulenza, servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni, rimedji legali, kumpens, aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż it-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż ta' residenza tagħhom, l-aċċess għas-suq tax-xogħol u l-kollokament f'impjieg, l-integrazzjoni (jew ir-riintegrazzjoni), l-assistenza għal risistemazzjoni u servizzi individwalizzati, b'perspettiva tal-ġeneru speċifika; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw forniment ta' servizzi speċifiku għall-ġeneru, xieraq u mmirat lill-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin; |
12. |
Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi f'sitwazzjonijiet vulnerabbli bħan-nisa, it-tfal, il-persuni LGBTI, il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni minn gruppi ddiskriminati minħabba r-razza ta' spiss jiġu injorati, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw servizzi speċifiċi għall-ġeneru u appoġġ lill-vittmi xieraq għall-ħtiġijiet tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw b'mod partikolari l-ħtiġijiet tal-persuni LGBTI, billi huma vulnerabbli ħafna għat-traffikar ta' bnedmin minħabba l-effett kumulattiv ta' tipi differenti ta' diskriminazzjoni abbażi ta' orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru; |
13. |
Jiġbed l-attenzjoni għall-vulnerabbiltà għolja tal-komunitajiet tar-Rom għall-forom kollha ta' traffikar u sfruttament, speċjalment tan-nisa u t-tfal, skont it-tliet rapporti ta' progress tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu miżuri speċifiċi li jiġġieldu t-traffikar permezz tal-istrateġiji nazzjonali ta' integrazzjoni tar-Rom għall-2020-2030; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġbru data statistika dwar il-vittmi tat-traffikar abbażi tal-isfond etniku tagħhom; |
14. |
Huwa mħasseb li vittmi tat-traffikar ta' bnedmin ħafna drabi mhumiex infurmati b'mod adegwat dwar id-drittijiet tagħhom jew dwar il-miżuri ta' assistenza u ta' appoġġ li huma disponibbli għalihom; jissottolinja l-importanza li jkun hemm informazzjoni ċara u konsistenti għall-vittmi u għall-persunal tal-ewwel linja li jista' jiġi f'kuntatt mal-vittmi; |
15. |
Jenfasizza li filwaqt li l-impatt sħiħ tal-pandemija tal-COVID-19 għadu ma jistax jitkejjel, xorta waħda huwa ċar li l-kriżi taffettwa b'mod sproporzjonat lill-vittmi l-aktar vulnerabbli tat-traffikar ta' bnedmin, speċjalment in-nisa, it-tfal u dawk f'sitwazzjonijiet prekarji, u li ġiegħlet lil ħafna postijiet ta' kenn biex jagħlqu jew jissospendu s-servizzi tagħhom bħala riżultat ta' infezzjonijiet irrappurtati, u dan ħalla lil vittmi tat-traffikar mingħajr akkomodazzjoni, kura tas-saħħa, u assistenza legali; jisħaq f'dan il-kuntest li għandu jiġi ggarantit l-aċċess għal servizzi soċjali u ta' kura mingħajr diskriminazzjoni; ifakkar li l-kawżi ewlenin li jwasslu għat-traffikar ta' bnedmin ġew aggravati mill-pandemija, u dan jesponi lill-popolazzjonijiet vulnerabbli għal riskji akbar ta' traffikar, iżid in-numru ta' reklami online li jinkludu vittmi tat-traffikar ta' bnedmin, ta' predaturi sesswali li jimmiraw lejn it-tfal, ta' każijiet ta' sfruttament sesswali online, u d-domanda għall-pornografija tat-tfal; jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni effettiva bl-appoġġ tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-aġenziji tal-UE bħall-Europol, li ħarġet rapport bit-titolu ta' “Pandemic profiteering: how criminals exploit the COVID-19 crisis” (L-isfruttar tal-pandemija: kif il-kriminali jisfruttaw il-kriżi tal-COVID-19) f'Marzu 2020; jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi aktar profonda tal-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-vittmi potenzjali tat-traffikar ta' bnedmin, u fuq l-istruttura u l-funzjonament tat-traffikar ta' bnedmin b'mod ġenerali, sabiex jinħolqu miżuri speċifiċi biex jiġi eliminat it-traffikar ta' bnedmin; |
16. |
Jinnota l-ħtieġa ta' Mekkaniżmi Nazzjonali ta' Riferiment (NRM) koerenti u li jiffunzjonaw b'mod sħiħ, ikkoordinati ma' mekkaniżmi transnazzjonali ta' riferiment u ffinanzjati permezz ta' allokazzjonijiet finanzjarji dedikati speċifiċi, biex jilqgħu għall-isfidi fil-koordinazzjoni tal-atturi differenti, u n-nuqqasijiet li jwasslu għal fiduċja limitata fost il-vittmi, li jista' jkollhom impatt negattiv fuq riferimenti effettivi; jissottolinja li l-kooperazzjoni tajba bejn il-pulizija u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) għandha tkun komplementari għal NRM sħiħ li jiddefinixxi r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-atturi rilevanti kollha (26) biex b'hekk jiġu protetti u promossi d-drittijiet fundamentali tal-vittmi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu ċentri nazzjonali speċjalizzati fl-appoġġ u l-akkoljenza ta' vittmi tat-traffikar ta' bnedmin u jiffaċilitaw kooperazzjoni transfruntiera diretta u effiċjenti bejn dawn iċ-ċentri kif ukoll bejn aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-aġenziji rilevanti tal-UE; |
17. |
Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tivvaluta s-sitwazzjoni tal-kumpens lill-vittmi fl-Istati Membri u bejn il-fruntieri f'termini ta' aċċess, infurzar u pagamenti attwali, u tissuġġerixxi miżuri speċifiċi biex jiġu żgurati għajnuna legali u aċċess aħjar, aktar rapidi u b'xejn għall-kumpens fl-Istati Membri kollha, mingħajr preġudizzju għal forom oħra ta' reparazzjoni; |
18. |
Jilqa' l-adozzjoni tal-istabbiliment tal-Mekkaniżmu għar-Rieżami tal-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Protokolli tagħha fl-2018 u t-tnedija tal-proċess ta' rieżami tagħha fl-2020; jistieden lill-Kummissjoni tqiegħed lilha nnifisha fil-pożizzjoni bħala mudell eżemplari f'dan il-proċess ta' rieżami; jissottolinja l-importanza li jiżdied il-fehim tat-traffikar ta' bnedmin bħala reat kumpless u dejjem jevolvi; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw li rispons ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem jibqa' fil-qalba tal-analiżi tat-traffikar ta' bnedmin u r-rispons għalih, u jfakkar fil-ħtieġa li jiġu involuti ċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jisħaq fuq ir-rwol importanti li jaqdu l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jingħaqdu mal-kampanja internazzjonali tan-NU kontra t-traffikar ta' persuni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirratifikaw l-istrumenti dwar it-traffikar ta' bnedmin, inkluża l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin; |
It-traffikar ta' bnedmin bħala reat relatat mal-ġeneru u l-indirizzar tat-traffikar għal sfruttament sesswali
19. |
Jenfasizza li l-isfruttament sesswali baqa' l-forma l-aktar prevalenti u rrappurtata ta' traffikar fl-UE mill-2008 'l hawn, peress li 60 % tal-vittmi jiġu ttraffikati għal sfruttament sesswali; jinnota li 92 % ta' dawn il-vittmi huma nisa u bniet, u li aktar minn 70 % tat-traffikanti huma rġiel (27), u dan jirrifletti kif it-traffikar għall-isfruttament sesswali huwa bbażat fuq id-differenzi bejn il-ġeneri; |
20. |
Iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Membri jadottaw miżuri speċifiċi biex jindirizzaw il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, il-vjolenza kontra n-nisa u l-minorenni, l-aċċettazzjoni soċjali tal-vjolenza u l-kultura tal-impunità, u d-differenzi strutturali bejn il-ġeneri u l-istereotipi bħala kawżi ewlenin tat-traffikar, speċjalment permezz tal-edukazzjoni, l-informazzjoni u l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni kkomplementati bi skambju tal-aħjar prattiki, inklużi programmi u korsijiet ta' taħriġ biex jiġu involuti l-irġiel u s-subien; jirrakkomanda li l-Kummissjoni ssaħħaħ u tiżviluppa d-dimensjoni tal-ġeneru fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE kontra t-traffikar, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli timmonitorja dan waqt il-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-Istati Membri mad-Direttiva Kontra t-Traffikar u l-implimentazzjoni tagħha; |
21. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, kif id-domanda għal servizzi sesswali tixpruna t-traffikar, peress li l-Europol irrappurtat li “hemm Stati Membri fejn il-prostituzzjoni hija legali, li tagħmilha ħafna eħfef għat-traffikanti li jużaw ambjent legali biex jisfruttaw lill-vittmi tagħhom” (28); ifakkar fis-sejba tal-Europol li f'xi Stati Membri tal-UE fejn il-prostituzzjoni hija legali, is-suspettati rnexxielhom jisfruttaw lit-tfal u mhux biss vittmi adulti (29); jissottolinja li t-traffikar ta' bnedmin huwa instigat mill-profitti għoljin għat-traffikanti u mid-domanda li tħeġġeġ il-forom kollha ta' sfruttament; jisħaq li l-użu ta' negozji legali bħala kopertura għal attivitajiet ta' sfruttament huwa pjuttost komuni fost it-traffikanti tal-bnedmin; ifakkar li l-Istati Membri għandhom obbligu legali li jiskoraġġixxu u jnaqqsu d-domanda għall-forom kollha ta' sfruttament, li għandu jkun mira ewlenija għall-isforzi ta' prevenzjoni u prosekuzzjoni; |
22. |
Jistieden lill-Kummissjoni tipprijoritizza l-prevenzjoni tar-reat tat-traffikar għal sfruttament sesswali, inkluż permezz ta' kampanji ta' informazzjoni, sensibilizzazzjoni u edukazzjoni, tal-adozzjoni ta' miżuri u programmi li jiskoraġġixxu u jnaqqsu d-domanda, u possibbilment tadotta leġiżlazzjoni dedikata futura, u jistieden lill-Istati Membri jinkludu l-użu magħruf tas-servizzi ta' vittmi tat-traffikar bħala reat kriminali fl-istatuti nazzjonali tagħhom, kif irrakkomandat mill-Artikolu 18 tad-Direttiva Kontra t-Traffikar u kif ġie mtenni mill-Kummissjoni fl-2018 (30), u tipprevedi pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu ma' persuni ttraffikati; |
23. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiffokaw fuq ix-xejriet rikorrenti u li qed jitfaċċaw tat-traffikar ta' bnedmin għal sfruttament sesswali, bħaż-żieda fl-isfruttament tat-tfal u n-nisa, inkluż permezz tal-grooming u s-sextortion, u l-użu, fost affarijiet oħra, tal-metodu tal-“lover boy” bħala l-aktar mezz frekwenti ta' reklutaġġ tal-vittmi u kif dawn isiru konformi billi jintużaw teknoloġiji online, permezz tal-iżvilupp ta' ħiliet diġitali, inkluża s-sikurezza online, f'kooperazzjoni mal-atturi rilevanti kollha; jinnota li ż-żieda fl-użu ta' teknoloġija minn networks kriminali involuti fit-traffikar ta' bnedmin ittrasformat b'mod sinifikanti l-modus operandi tradizzjonali tagħhom, b'mod speċjali matul xi stadji tal-proċess tat-traffikar; |
24. |
Jenfasizza l-importanza ta' programmi ta' taħriġ li jqisu s-sitwazzjoni tal-ġeneru u tat-tfal, u jitlob li jkun hemm aktar minnhom, għall-uffiċjali, l-imħallfin, il-partijiet ikkonċernati u l-atturi kollha li jittrattaw każijiet ta' traffikar, investigazzjonijiet, u vittmi potenzjali biex tittejjeb l-identifikazzjoni bikrija ta' dawk li jistgħu jkunu vittmi tat-traffikar għal sfruttament sesswali u jħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw miżuri biex jappoġġjaw il-vittmi, bħal programmi ta' ħruġ, miżuri ta' appoġġ psikoloġiku, opportunitajiet ta' riintegrazzjoni soċjali u professjonali diċenti, edukazzjoni u aċċess għal servizzi komprensivi ta' saħħa sesswali u riproduttiva, aċċess għall-ġustizzja u drittijiet relatati, filwaqt li jiġu involuti s-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali u s-settur privat; jissottolinja wkoll, f'dan il-kuntest, l-importanza ta' programmi ta' sensibilizzazzjoni għall-pubbliku ġenerali sabiex jiġu identifikati u protetti l-vittmi potenzjali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu allokati fondi adegwati għal skopijiet ta' taħriġ u għalhekk jitlob lill-Istati Membri jipprovdu riżorsi adegwati; |
25. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw edukazzjoni sesswali komprensiva li tkun xierqa għall-età u mil-lat tal-iżvilupp bħala mezz ewlieni ta' prevenzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, inklużi t-traffikar u l-isfruttament sesswali, biex jinkludu edukazzjoni dwar kunsens u relazzjonijiet li tippromwovi attitudnijiet b'saħħithom ta' rispett u ugwaljanza fl-interazzjonijiet kollha; |
Traffikar għal sfruttament tal-ħaddiema
26. |
Jesprimi dispjaċir qawwi għall-fatt li diversi Stati Membri u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rrappurtaw żieda fit-traffikar għal sfruttament tal-ħaddiema (31); jiddeplora l-fatt li t-tfal qed jisfaw ukoll dejjem aktar vittma ta' traffikar għal sfruttament tal-ħaddiema u jitlob li tittieħed azzjoni urġenti minn spettorati nazzjonali tax-xogħol fl-Istati Membri biex jiġu identifikati u jintemmu tali prattiki; jistieden ukoll lill-Awtorità Ewropea tax-Xogħol tindirizza l-kwistjoni ta' sfruttament gravi tal-ħaddiema bħala kwistjoni ta' prijorità u tappoġġja lill-Istati Membri fil-tisħiħ tal-kapaċitajiet fir-rigward ta' din il-kwistjoni fid-dawl ta' identifikazzjoni u sanzjonar aħjar ta' prattiki ta' sfruttament gravi tal-ħaddiema permezz ta' spezzjonijiet immirati; jenfasizza l-importanza li tiġi kkunsidrata l-inklużjoni tal-isfruttament tal-ħaddiema fil-programmi ta' taħriġ għall-uffiċjali li jgħinu lill-vittmi biex tittejjeb l-identifikazzjoni bikrija ta' dawk li huma vittmi tat-traffikar għal xogħol furzat; jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, kif id-domanda għal servizzi ta' xogħol bl-irħis tixpruna t-traffikar għal sfruttament tal-ħaddiema; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jeliminaw kull forma ta' xogħol informali u mhux regolat, u b'hekk jiżguraw id-drittijiet tax-xogħol għall-ħaddiema kollha; jenfasizza li l-istatus tax-xogħol prekarju tal-ħaddiema kkonċernati jagħmilhom dipendenti minn min iħaddimhom, u jippermetti lil dawk li jwettqu t-traffikar tal-bnedmin jisfruttaw il-vittmi tagħhom; |
Forom oħra ta' sfruttament
27. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiffukaw fuq ix-xejriet rikorrenti u emerġenti ta' kull forma ta' traffikar ta' bnedmin, inkluż, fost skopijiet oħra, għall-isfruttament tal-ħaddiema, l-elemożina furzata, iż-żwieġ furzat u ta' konvenjenza, u l-kriminalità furzata; jissottolinja li t-traffikar ta' bnedmin huwa instigat minn profitti għoljin għat-traffikanti u mid-domanda li tippromwovi l-forom kollha ta' sfruttament; jinnota bi tħassib li ħafna Stati Membri tal-UE m'għandhomx leġiżlazzjoni adegwata għall-vittmi tal-forom kollha ta' sfruttament; jistieden lill-Istati Membri jqisu l-forom kollha ta' traffikar meta jagħtu protezzjoni, assistenza u appoġġ lill-vittmi; jinnota li minkejja rapporti riċenti ta' networks kriminali li jittraffikaw persuni madwar l-UE għall-iskopijiet ta' sfruttament tal-ħaddiema u forom oħra ta' sfruttament, xorta waħda hemm nuqqas ta' data, leġiżlazzjoni u aċċess adegwati għall-appoġġ tas-servizzi għall-vittmi ta' dawn il-forom ta' sfruttament; |
28. |
Jinnota li t-traffikar għal forom oħra ta' sfruttament ammonta għal 18 % tal-vittmi (32), bl-involviment ta' attivitajiet fil-qasam tal-elemożina furzata, il-kriminalitajiet furzati, il-bejgħ ta' trabi, it-tneħħija tal-organi, l-adozzjoni illegali, l-isfruttament finanzjarju permezz ta' frodi u t-traffikar ta' bnedmin permezz ta' maternità surrogata; jinnota li ħafna mill-vittmi ta' elemożina furzata u kriminalità furzata ħafna drabi jiġu minn komunitajiet marġinalizzati tar-Rom u ħafna drabi huma tfal; |
29. |
Jenfasizza li qafas ta' politika u legali tal-UE dwar it-traffikar ta' bnedmin jgħaqqad flimkien id-dimensjonijiet kemm interni kif ukoll esterni, filwaqt li jirrikonoxxi li azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin, li huwa reat serju u ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tikkostitwixxi objettiv ċar tal-azzjoni esterna tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi sabiex jiġġieldu l-forom kollha ta' traffikar ta' bnedmin u jsaħħu l-opportunitajiet għal investigazzjonijiet konġunti u prosekuzzjonijiet speċjalizzati; |
It-traffikar ta' bnedmin fil-kuntest tal-ażil u l-migrazzjoni
30. |
Jenfasizza li, filwaqt li l-maġġoranza tal-vittmi huma ċittadini tal-UE, l-organizzazzjonijiet kriminali kienu qed jużaw ħażin ir-rotot ta' migrazzjoni għat-traffikar tal-vittmi fl-UE, bi kriżijiet umanitarji li jaggravaw l-esponiment tal-migranti, tar-rifuġjati u ta' dawk li jfittxu l-ażil għat-traffikanti; jinnota li kien hemm żieda kbira f'dawn l-aħħar snin fir-rigward tan-numru ta' nisa u bniet ittraffikati permezz tar-rotta tal-Mediterran Ċentrali għal sfruttament sesswali fl-UE (33); jitlob lill-Istati Membri u lill-UE jidentifikaw dawn in-nisa u l-bniet u jipprevjenu każijiet simili fil-futur billi jużaw approċċ koerenti u koordinat ibbażat fuq id-drittijiet u li jqis is-sitwazzjoni tal-ġeneru u tat-tfal biex jipprevjenu u jindirizzaw it-traffikar tal-bnedmin; ifakkar li n-nisa u t-tfal ta' spiss jisfaw vittmi ta' abbuż sesswali tul ir-rotta tal-migrazzjoni, bħala skambju għall-protezzjoni u l-għajxien bażiku; jissottolinja li l-kriterji biex dawn in-nisa u t-tfal jingħataw l-istatus uffiċjali ta' vittma ta' traffikar ta' bnedmin spiss ikunu riġidi wisq biex jiġu ssodisfati, u li għalhekk ma jkunux jistgħu jirċievu l-għajnuna meħtieġa biex jindirizzaw il-ħsara li jiffaċċjaw; |
31. |
Itenni li l-persuni li jfittxu ażil, ir-rifuġjati u l-migranti, u b'mod partikolari, il-minorenni mhux akkumpanjati u separati, huma vulnerabbli għat-traffikar u li għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-traffikar tan-nisa, tat-tfal u ta' gruppi vulnerabbli oħra; jenfasizza li hemm vulnerabbiltajiet u riskji fi stadji differenti fil-proċess tal-migrazzjoni qabel il-migrazzjoni nfisha, fit-triq lejn l-UE, fid-destinazzjoni u għal dawk li jistgħu jintbagħtu lura; jinnota li għarfien limitat ta' lingwa lokali u/jew nuqqas ta' fehim tad-drittijiet tagħhom, aċċess limitat għal opportunitajiet ta' għajxien vijabbli jew edukazzjoni ta' kwalità, u restrizzjonijiet fil-libertà tagħhom ta' moviment jistgħu jikkontribwixxu wkoll għar-riskju tagħhom li jisfaw vittmi tat-traffikar; |
32. |
Jenfasizza n-numru baxx ħafna ta' vittmi tat-traffikar ta' bnedmin irreġistrati fi proċeduri ta' protezzjoni internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-għoti ta' informazzjoni lill-individwi li jaslu, inkluż bl-għajnuna tat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni, dwar id-drittijiet tagħhom u l-proċeduri applikabbli skont il-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż dwar il-possibbiltajiet li jiksbu appoġġ permezz ta' avukati u medjaturi kulturali li jaħdmu biex jipprevjenu t-traffikar u l-isfruttament tal-bnedmin; |
33. |
Jinnota li f'xi Stati Membri, l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jiġu identifikati bħala vittmi tat-traffikar ta' bnedmin jistgħu jkunu ddeċidew, jew ikunu ġew obbligati, jibdlu l-proċeduri u japplikaw għal permess ta' residenza skont id-Direttiva dwar il-Permess ta' Residenza (34); jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-proċeduri ta' kontra t-traffikar u tal-ażil ikunu interkonnessi u jikkomplementaw lil xulxin; |
34. |
Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw applikazzjoni koerenti tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament ta' Dublin III, id-Direttiva Kontra t-Traffikar u d-Direttiva dwar il-Permess ta' Residenza biex jipprevjenu l-prattika użata f'xi Stati Membri tat-trasferiment tal-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin lejn il-pajjiż fejn ġew sfruttati meta waslu l-ewwel darba, u b'hekk iħalluhom aktar esposti għar-riskju li jerġgħu jiġu ttraffikati u trawmatizzati; |
35. |
Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jidentifikaw vittmi potenzjali fi stadju bikri, b'mod partikolari fil-flussi migratorji u l-hotspots, u jadottaw miżuri ta' protezzjoni u prevenzjoni; jenfasizza li l-vittmi potenzjali li jkunu ġew identifikati għandhom jiġu pprovduti bi protezzjoni u aċċess għal post sikur fejn jistgħu jiġu pprovduti bl-informazzjoni u l-għajnuna legali; jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jiżguraw li l-vittmi kollha, inklużi l-vittmi migranti, ikollhom aċċess għall-ġustizzja irrispettivament mill-istatus ta' residenza tagħhom; |
36. |
Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu riżorsi adegwati għal faċilitajiet speċjalizzati għall-vittmi reali u preżunti ta' traffikar, inklużi nisa, minorenni mhux akkumpanjati u separati, u biex jiġu żgurati biżżejjed postijiet fil-postijiet ta' kenn; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw il-preżenza ta' persunal imħarreġ dwar il-ġeneri fil-faċilitajiet ta' akkoljenza u jipprovdu appoġġ u finanzjament adegwati lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu magħhom; |
37. |
Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw id-dritt għall-ħajja tal-familja tal-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin u jivvalutaw l-estensjoni potenzjali tal-protezzjoni internazzjonali mogħtija lill-vittmi għall-membri tal-familja tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jħaffu l-proċeduri ta' riunifikazzjoni tal-familja għall-membri tal-familja tal-vittmi f'riskju fil-pajjiż ta' oriġini; |
38. |
Jindika l-ħtieġa li jiġu stabbiliti mekkaniżmi nazzjonali għall-ġbir ta' data dwar il-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin fi proċeduri ta' protezzjoni internazzjonali sabiex ikun jista' jiġi żgurat is-segwitu tal-każijiet identifikati; |
39. |
Huwa mħasseb li l-perjodu ta' rkupru u riflessjoni huwa marbut mal-kooperazzjoni mill-vittma matul l-investigazzjoni u jingħata mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi; jiddeplora l-fatt li f'xi Stati Membri (35) l-perjodu la jingħata lill-vittmi tat-traffikar li huma ċittadini tal-UE u/jew taż-ŻEE u lanqas lil dawk li jfittxu l-ażil; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet legali disponibbli fil-livell tal-Istati Membri, b'mod partikolari l-għoti ta' perjodu ta' rkupru u riflessjoni; |
40. |
Jirrimarka li, skont il-Europol, id-dħul klandestin tal-migranti u t-traffikar ta' bnedmin xi drabi jitwettqu mill-istess organizzazzjonijiet kriminali (36) u investigazzjonijiet juru li t-traffikanti għandhom l-isfruttament tal-migranti u dawk li jfittxu l-ażil fl-UE bħala l-mira dejjem tikber tagħhom (37); jisħaq fuq l-importanza tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin meta jkun hemm kooperazzjoni kontra d-dħul klandestin ta' nisa u tfal ma' pajjiżi terzi, jew ta' oriġini jew ta' tranżitu, flimkien mal-protezzjoni tal-vittmi, billi jiġu żgurati programmi komprensivi ta' appoġġ, riintegrazzjoni u riabilitazzjoni; |
41. |
Ifakkar lill-Istati Membri li nuqqas ta' perkorsi ta' migrazzjoni sikuri u legali għal persuni li jfittxu l-ażil iżid il-vulnerabbiltà tagħhom għat-traffikar peress li jistgħu jiġu sfruttati kemm matul it-tranżitu kif ukoll mal-wasla; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu rotot aktar sikuri u legali għall-migrazzjoni bħal viżi umanitarji sabiex jiġi evitat l-isfruttament ta' individwi vulnerabbli; |
42. |
Jinnota li meta l-vittmi jkunu mingħajr dokumenti, jew ikollhom status dipendenti, tiżdied il-probabbiltà ta' vittimizzazzjoni u titnaqqas il-probabbiltà li dawn ifittxu għajnuna jew jirrappurtaw abbuż minħabba l-biża' marbuta mal-konsegwenzi tal-immigrazzjoni, u b'hekk dan ipoġġihom f'riskju ta' sfruttament u abbuż; jinnota li l-lakuni sinifikanti fil-kopertura u l-implimentazzjoni tal-liġijiet u l-politiki nazzjonali dwar it-traffikar ta' bnedmin jagħtu lil dawk li jwettqu r-reati vantaġġ addizzjonali biex jisfruttaw il-vittmi bi status irregolari, u dan iħalli lil gruppi kbar ta' nies aktar vulnerabbli għall-isfruttament; jistieden lill-Istati Membri jisseparaw l-azzjonijiet tal-infurzar tal-migrazzjoni mill-attivitajiet tal-infurzar tal-liġi; jisħaq li għandhom jiġu stabbiliti rapportar sikur u mekkaniżmi tal-ilmenti effettivi għall-persuni vulnerabbli; |
It-traffikar tat-tfal
43. |
Jinnota li t-tfal jirrappreżentaw kważi kwart tal-vittmi kollha fl-UE, bil-bniet (78 %) li jirrappreżentaw il-maġġoranza vasta tal-vittmi li għadhom tfal fl-UE; jinnota li kważi 75 % tal-vittmi li għadhom tfal kollha fl-UE kienu ċittadini tal-UE; huwa mħasseb b'mod partikolari dwar il-vjolenza, l-abbuż u l-isfruttament li jiffaċċjaw il-vittmi li għadhom tfal fl-UE speċjalment dawk li jiġu ttraffikati għal sfruttament sesswali (38); |
44. |
Ifakkar fl-obbligu tal-Istati Membri li jagħtu attenzjoni speċjali lit-tfal vittmi tat-traffikar bl-aħjar interessi tal-minorenni jitqiesu tal-aktar importanza fl-azzjonijiet kollha; jenfasizza l-ħsara fiżika u psikoloġika li sofrew it-tfal ittraffikati u ż-żieda fil-vulnerabbiltà tagħhom għall-isfruttament; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw miżuri b'saħħithom dwar il-protezzjoni tat-tfal, il-preżunzjoni ta' valutazzjoni tat-tfulija u tal-età tat-tfal, il-protezzjoni qabel u matul il-proċedimenti kriminali, l-aċċess għal assistenza mingħajr kundizzjonijiet, kumpens, in-nuqqas ta' piena, u assistenza u appoġġ lill-membru tal-familja ta' tfal vittmi kif ukoll il-prevenzjoni; |
45. |
Jistieden lill-Istati Membri jiffokaw fuq l-identifikazzjoni tal-vittmi li għadhom tfal u jgħinuhom jagħmlu użu mid-drittijiet tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jinħatru kustodji mħarrġa sew u appoġġjati kif xieraq, inklużi kustodji temporanji bħala miżura ta' emerġenza, għal vittmi li għadhom tfal, inklużi tfal vittmi mhux akkumpanjati, u jisħaq fuq l-importanza ta' servizzi speċjalizzati u ta' ġustizzja li jieħdu ħsieb l-interessi tat-tfal; jitlob ukoll lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw taħriġ adegwat u xieraq, b'mod partikolari taħriġ legali u psikoloġiku, għal dawk li jaħdmu ma' tfal vittmi tat-traffikar, u jżidu n-numru ta' kustodji billi jorganizzaw kampanji ta' sensibilizzazzjoni; |
46. |
Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-persunal konsulari jagħti attenzjoni partikolari għall-verifika korretta tal-identità tal-minorenni u r-rabta mal-persuna jew persuni li jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri jew il-kustodja legali meta tittieħed id-data bijometrika tal-minorenni fil-proċedura tal-applikazzjoni għal viża; jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Europol u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u lill-Istati Membri jipprovdu edukazzjoni u taħriġ immirati u effettivi, kif ukoll informazzjoni dwar il-metodi użati mit-traffikanti, lill-awtoritajiet nazzjonali, lokali u reġjonali sabiex jiġi evitat it-traffikar tat-tfal; |
47. |
Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-pornografija tat-tfal, u jsaħħu l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja biex jipprevjenu u jiġġieldu l-isfruttament sesswali fil-livell tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkooperaw mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-aġenziji tal-UE, b'mod partikolari mal-Europol u l-Eurojust, biex iżidu l-iskambji ta' informazzjoni u jappoġġjaw l-investigazzjonijiet transfruntiera; |
48. |
Jinnota bi tħassib kbir il-prevalenza ta' abbuż sesswali tat-tfal, u l-mudell u n-normalizzazzjoni tat-traffikar u l-isfruttament sesswali tat-tfal, u jitlob rispons adegwat mill-pjattaformi online biex jiġi evitat li jsir disponibbli materjal abbużiv li jinvolvi t-tfal; |
49. |
Jinnota l-użu ta' mezzi bħall-internet u l-midja soċjali biex jiġu rreklutati u attirati l-vittmi potenzjali; jitlob li tingħata attenzjoni speċjali mill-pjattaformi tal-internet biex jiġu żviluppati għodod adegwati; jitlob li l-Att dwar is-Servizzi Diġitali l-ġdid jindirizza dan l-użu tal-metodi ta' vjolenza ċibernetika; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw mudell ta' identifikazzjoni, appoġġ bikri u assistenza għal tfal li huma vittmi ta' sfruttament u abbuż sesswali online, kif ukoll programmi ta' sensibilizzazzjoni u mekkaniżmi ta' rappurtar li jieħdu ħsieb l-interessi tat-tfal; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni ulterjuri fil-ġlieda kontra dawn ir-reati online u jsaħħu l-miżuri preventivi; itenni għalhekk il-ħtieġa li jittejbu l-kollaborazzjoni u l-iskambju transfruntiera fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-protezzjoni tat-tfal kif ukoll li jiġu żviluppati traċċar rapidu tal-familja u arranġamenti ta' kura alternattiva għal minorenni mhux akkumpanjati; |
50. |
Jirrimarka li l-vittmi li għadhom tfal jeħtieġu appoġġ speċifiku, filwaqt li jitqiesu l-aħjar interessi u vulnerabbiltajiet speċifiċi tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-professjonisti li jiġu f'kuntatt ma' vittmi li għadhom tfal, bħal persunal tal-infurzar tal-liġi, gwardji tal-fruntiera, impjegati taċ-ċivil, il-ġudikatura, u assistenti soċjali u ħaddiema tas-saħħa, inklużi dawk li jaħdmu f'faċilitajiet tal-kura taż-żgħażagħ, ikunu mħarrġa biżżejjed biex jidentifikaw, jappoġġjaw u jirreferu lit-tfal vittmi tat-traffikar ta' bnedmin; jinnota l-fatt li skwadri speċjalizzati fi ħdan l-infurzar tal-liġi, imħarrġa fir-reġistrazzjoni awdjoviżiva tax-xhieda mit-tfal, mhumiex involuti b'mod konsistenti fl-interrogazzjoni tat-tfal vittmi kollha tat-traffikar ta' bnedmin; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu din il-prattika standard u jħarrġu l-persunal tal-infurzar tal-liġi f'din it-tip ta' interrogazzjoni li tħares l-interessi tat-tfal; jagħti parir lill-Istati Membri jiżviluppaw “approċċ ta' katina” b'saħħtu, b'rabtiet mill-qrib bejn l-appoġġ speċifiku tat-traffikar ta' bnedmin bħaċ-ċentri speċjalizzati għall-appoġġ u l-akkoljenza tal-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin, u l-moduli integrati tal-kura taż-żgħażagħ, filwaqt li jwieġbu għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull tifel jew tifla vittma tat-traffikar ta' bnedmin; |
51. |
Jinnota li t-tfal Rom huma speċjalment vulnerabbli għall-isfruttament u t-traffikar u huma f'riskju għoli li jkunu soġġetti għall-isfruttament sesswali, l-isfruttament tal-ħaddiema u l-elemożina; |
52. |
Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinkludi fl-Istrateġija tal-UE għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali fuq tfal tal-24 ta' Lulju 2020, il-ħolqien ta' Ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali fuq tfal, kif mitlub fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2019 dwar id-drittijiet tat-tfal, bħala pedament ta' approċċ Ewropew koordinat u bil-parteċipazzjoni ta' diversi partijiet ikkonċernati li jinkludi l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż fuq tfal, u l-assistenza għall-vittmi; |
53. |
Jinnota li t-tfal fil-migrazzjoni, u, b'mod partikolari, il-minorenni migranti mhux akkumpanjati u separati, għadhom f'riskju kbir ta' vjolenza, traffikar u sfruttament mar-rotot migratorji fi triqithom, lejn u ġewwa l-UE; jinnota li l-bniet jinsabu f'riskju ta' sfruttament sesswali u vjolenza abbażi tal-ġeneru tul ir-rotot migratorji; jeżiġi lill-Istati Membri jipprovdu lit-tfal vittmi tat-traffikar mhux akkumpanjati b'miżuri ta' assistenza, appoġġ u protezzjoni li jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, jassenjawlhom kustodju mal-wasla tagħhom, u jipprovdulhom kundizzjonijiet tal-għajxien xierqa u adattati; ifakkar li tali miżuri għandhom iqisu l-aħjar interessi tat-tfal mhux akkumpanjati minn perspettiva ta' żmien qasir, kif ukoll fit-tul; jikkundanna l-fatt li xi Stati Membri kienu qed jużaw id-detenzjoni bħala mezz ta' “protezzjoni” għal minorenni mhux akkumpanjati, inkluż fiċ-ċelel tal-pulizija; ifakkar li l-Istati Membri għandhom jeżaminaw alternattivi għad-detenzjoni, b'mod partikolari tat-tfal; ifakkar li d-detenzjoni mhijiex fl-aħjar interessi tat-tfal u li l-Istati Membri għandhom jipprovdu akkomodazzjoni mhux ta' kustodja u li tqis l-interessi tat-tfal; |
54. |
Jinnota li t-traffikanti spiss użaw ċentri ta' akkoljenza biex jidentifikaw il-vittmi potenzjali u biex jirranġawlhom ħalli jiġu ttrasportati lejn postijiet ta' sfruttament, u li l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u atturi kompetenti oħra fl-Istati Membri jeħtiġilhom għalhekk ikunu partikolarment viġilanti u jissorveljaw u jissalvagwardjaw dawn iċ-ċentri, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċifika lil dawk l-aktar vulnerabbli, bħat-tfal, filwaqt li jsaħħu l-protezzjoni tagħhom billi, fl-istess ħin, jinfurmawhom u jagħtuhom is-setgħa billi jqajmu kuxjenza fl-iskejjel, iċ-ċentri taż-żgħażagħ u l-movimenti taż-żgħażagħ; jisħaq li approċċ Ewropew koordinat huwa meħtieġ biex jinstabu u jiġu protetti t-tfal migranti mhux akkumpanjati meta dawn ma jkunux jistgħu jinstabu; |
L-effiċjenza tas-sistemi tal-ġustizzja kriminali u l-kriminalizzazzjoni tal-użu ta' servizzi ta' vittmi
55. |
Jinnota n-numru baxx ta' prosekuzzjonijiet u kundanni għar-reat tat-traffikar; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex itejbu u jħaffu l-investigazzjoni ta' każijiet ta' traffikar, permezz tal-isforzi msaħħa tal-pulizija kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll transnazzjonali u jistabbilixxu sanzjonijiet kriminali qawwija għal reat ta' traffikar ta' bnedmin; jenfasizza li s-sanzjonijiet nazzjonali eżistenti u l-mezzi tal-eżekuzzjoni tagħhom għadhom ivarjaw b'mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali lil oqsma mhux irrappurtati u mhux investigati biżżejjed, speċjalment għal impjiegi ta' natura staġjonali u temporanja fis-setturi b'livell baxx ta' ħiliet u ta' paga baxxa, bħall-isfruttament tal-ħaddiema fis-settur agrikolu; jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu l-impunità permezz ta' approċċ koordinat bejn l-aġenziji rilevanti tal-UE fi sħubija mal-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u sħab oħra, biex b'hekk tissaħħaħ l-effikaċja tal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet, inkluż permezz tal-użu effettiv tal-pjattaformi eżistenti mmexxija minn aġenziji bħall-Europol u l-Eurojust; jistieden, għalhekk, lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' kriminalità serja, inklużi każijiet ta' traffikar ta' bnedmin, jużaw sistemi tal-IT fuq skala kbira, inkluża s-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II), skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti sabiex jappoġġjawhom; |
56. |
Jinnota li mhux l-Istati Membri kollha introduċew leġiżlazzjoni rilevanti għall-Artikolu 18 tad-Direttiva Kontra t-Traffikar (39); jinnota li l-isfondi legali differenti dwar il-kriminalizzazzjoni tal-użu ta' servizzi mwettqa minn vittmi jxekklu l-isforzi biex titnaqqas id-domanda; jesprimi dispjaċir għall-fatt li r-rati ta' prosekuzzjoni u ta' kundanna fl-UE għall-użu konxju tas-servizzi tal-vittmi u għall-isfruttament sesswali huma baxxi; itenni l-istedina urġenti tiegħu lill-Istati Membri biex jistabbilixxu l-att tal-użu konxju tas-servizzi ta' vittmi tat-traffikar ta' bnedmin bħal reat kriminali; |
57. |
Jissottolinja l-importanza kruċjali għall-komunità tal-infurzar tad-dritt tal-Unjoni li tiżviluppa kapaċitajiet analitiċi effiċjenti u estiżi b'reazzjoni għall-mudelli kriminali tat-traffikar ta' bnedmin dejjem akbar u ffaċilitati online; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-aġenziji tal-UE bħall-Europol, u permezz ta' fondi settorjali dedikati tal-UE bħall-Fond għas-Sigurtà Interna għall-Istati Membri biex jiżguraw l-ogħla standards analitiċi u għodod adegwati biex jipproċessaw ammonti dejjem aktar kumplessi ta' informazzjoni; |
58. |
Jinnota li n-nisa huma kkriminalizzati b'mod sproporzjonat minħabba s-sitwazzjoni soċjoekonomika jew l-istatus ta' migrazzjoni tagħhom u huma mwaqqfa milli jgawdu aċċess ugwali għall-ġustizzja bħala riżultat tal-istereotipizzazzjoni tal-ġeneru, il-liġijiet diskriminatorji, diskriminazzjoni inkroċjata jew komposta, u rekwiżiti u prattiki proċedurali u evidenzjarji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-aċċess għall-ġustizzja jkun disponibbli fiżikament, ekonomikament, soċjalment u kulturalment għan-nisa kollha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw l-ostakli għall-aċċess għall-ġustizzja min-nisa; |
59. |
Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-kundizzjonijiet li għalihom vittma tirċievi l-istatus uffiċjali ta' vittma tat-traffikar ta' bnedmin ta' spiss ikunu riġidi wisq biex jiġu ssodisfati, speċjalment għall-minorenni u vittmi vulnerabbli oħra li huma dipendenti finanzjarjament u emozzjonalment mit-traffikanti tagħhom; jiddeplora l-fatt li l-vittmi għadhom jiġu soġġetti għal akkużi u kundanni kriminali għal reati li jkunu ġew mġiegħla jwettqu, li ta' spiss ikunu marbuta mad-dħul illegali fit-territorju ta' Stat Membru, li ħafna drabi huwa inerenti għat-traffikar; jistieden lill-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet ċari dwar in-nuqqas ta' prosekuzzjoni jew nuqqas ta' kkastigar tal-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin u dwar id-diżakkoppjament tal-protezzjoni tal-vittmi mill-kooperazzjoni mal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, li attwalment jixħtu l-piż kollu fuq il-vittma; jitlob li l-Istati Membri minflok jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-vittmi fir-rigward tal-appoġġ psikoloġiku; jistieden ukoll lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-assistenza u l-appoġġ għal vittma ma jkunux kondizzjonali fuq ir-rieda tal-vittma li tikkoopera fl-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni jew il-proċess kriminali, f'konformità mal-Artikolu 11 tad-Direttiva Kontra t-Traffikar; |
60. |
Jiddeplora l-fatt li d-data dwar l-identità tal-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin tidher fir-rapporti tal-pulizija u matul il-proċeduri kollha, u tagħmilha diffiċli għall-vittmi biex jitkellmu jew biex jiġu protetti mir-ritaljazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżommu l-ismijiet u data oħra dwar l-identità tal-vittmi f'fajls separati, aċċessibbli għall-pulizija u l-prosekuzzjoni, iżda li ma jiġux żvelati lit-traffikanti ssuspettati jew l-avukati tagħhom, filwaqt li jiġi rrispettat id-dritt tagħhom għal proċess ġust; |
61. |
Jisħaq fuq l-importanza ta' investigazzjoni finanzjarja u tat-“traċċar tal-flus” bħala strateġija ewlenija għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' networks ta' kriminalità organizzata li japprofittaw mit-traffikar ta' bnedmin; jistieden lill-Istati Membri jniedu investigazzjonijiet finanzjarji u jaħdmu ma' speċjalisti fil-qasam tal-ħasil tal-flus meta jkunu se jibdew investigazzjoni ġdida dwar it-traffikar; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni fl-iffriżar u l-konfiska tal-assi tal-individwi involuti fit-traffikar u fl-għoti ta' kumpens lill-vittmi, inkluż bl-użu ta' rikavat ikkonfiskat bħala appoġġ għall-assistenza u l-protezzjoni tal-vittmi, kif imħeġġeġ mill-Premessa 13 tad-Direttiva dwar it-Traffikar ta' Bnedmin; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta u tippromwovi l-użu ta' kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija eżistenti u tal-għodod disponibbli, bħar-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi tal-qorti, l-iskwadri ta' investigazzjoni konġunta u l-ordni ta' investigazzjoni Ewropea; jitlob f'dan ir-rigward li jittieħed approċċ olistiku mtejjeb li jfittex li jżid ir-riflessjoni konġunta fis-setturi kollha, bħall-migrazzjoni, l-impjieg, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, u ħafna setturi oħra; |
Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-Aġenziji tal-UE
62. |
Ifakkar fir-rwol tal-aġenziji tal-UE fl-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi u fil-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin; jappella għal aktar riżorsi għall-Aġenziji tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni (ĠAI) biex il-persunal tagħhom ikun jista' jitħarreġ u jkunu jistgħu jiġu żviluppati strumenti ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-qasam tal-identifikazzjoni tal-vittmi, inkluż il-ħatra ta' persunal imħarreġ b'mod adegwat f'approċċi li jqisu s-sitwazzjoni tal-ġeneru u tat-tfal, speċjalment fl-Istati Membri li qed jiffaċċjaw żieda fil-flussi ta' migrazzjoni mħallta; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida għall-integrazzjoni tal-għarfien espert dwar il-ġeneru u d-drittijiet tal-bniedem fl-attivitajiet tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi madwar l-UE, inkluż bl-iżvilupp ta' programmi sostnuti biex ittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-persunal tal-aġenziji tal-ĠAI, b'mod partikolari dawk rilevanti għat-traffikar ta' bnedmin; |
63. |
Jilqa' l-konklużjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Impenn mill-aġenziji tal-ĠAI li jaħdmu flimkien kontra t-traffikar ta' bnedmin; jappella f'dan ir-rigward, għall-Istati Membri biex iżidu l-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-għarfien transfruntiera mal-aġenziji rilevanti tal-UE bħall-Eurojust, il-Europol, il-FRA, il-Frontex, is-CEPOL, l-EIGE u l-EASO, fil-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin; |
64. |
Jirrimarka r-rwol vitali li għandha l-Eurojust fil-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni ta' investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet kumplessi fost l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istati Membri, inkluż permezz tal-Mandat ta' Arrest Ewropew u l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea kif ukoll permezz tal-użu ta' Skwadri ta' Investigazzjoni Konġunta; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aktar riferimenti u riferimenti f'waqthom ta' każijiet tat-traffikar ta' bnedmin lill-Eurojust sabiex itejbu l-koordinazzjoni ta' investigazzjonijiet ġudizzjarji u prosekuzzjonijiet bejn l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi; iħeġġeġ l-użu akbar ta' Skwadri ta' Investigazzjoni Konġunta bl-appoġġ tal-Eurojust u l-Europol, billi din l-għodda ta' kooperazzjoni ġudizzjarja wriet li hija partikolarment effettiva fil-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin; |
65. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-iskambju tad-data u l-informazzjoni biex jiġi miġġieled it-traffikar tal-bnedmin billi jużaw ir-riżorsi u l-bażijiet tad-data rilevanti tal-Europol; |
66. |
Jistieden lis-CEPOL tipprovdi taħriġ għall-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi sabiex jiġu żgurati approċċi standardizzati għall-investigazzjoni u l-protezzjoni tal-vittmi; |
Rakkomandazzjonijiet
67. |
Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva Kontra t-Traffikar wara valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa sabiex jittejbu l-miżuri għall-prevenzjoni, l-indirizzar u l-prosekuzzjoni tal-forom kollha tat-traffikar, speċjalment għall-isfruttament sesswali bħala l-akbar qasam tat-traffikar ta' bnedmin; biex jiġi indirizzat l-użu tat-teknoloġiji online kemm fil-proliferazzjoni kif ukoll fil-prevenzjoni tat-traffikar ta' bnedmin; biex jittejbu l-miżuri għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi u l-aċċess faċli u mingħajr kundizzjonijiet għall-assistenza u l-protezzjoni, filwaqt li tissaħħaħ perspettiva orizzontali li tqis is-sitwazzjoni tal-ġeneru u tat-tfal fil-forom kollha tat-traffikar; |
68. |
Jistieden lill-Kummissjoni temenda d-Direttiva Kontra t-Traffikar bil-għan li tiżgura li l-Istati Membri jikkriminalizzaw b'mod espliċitu l-użu magħruf tas-servizzi kollha pprovduti mill-vittmi tat-traffikar li jinvolvu l-isfruttament, kif issuġġerit mill-Artikolu 18 tad-Direttiva Kontra t-Traffikar, minħabba n-natura serja u estensiva ta' dan ir-reat madwar l-UE u n-numru baxx ta' prosekuzzjonijiet; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-prova tal-għarfien fl-użu tas-servizzi ta' vittma tat-traffikar tal-bnedmin hija kwistjoni diffiċli għall-awtoritajiet ta' prosekuzzjoni; jisħaq li d-diffikultà li tinstab l-evidenza mhijiex neċessarjament argument konklużiv biex tip partikolari ta' kondotta ma jiġix ittrattat bħala reat kriminali; jinnota li r-restrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali għas-sitwazzjoni biss fejn l-utent ikollu għarfien dirett u reali li l-persuna tkun vittma tat-traffikar tal-bnedmin toħloq limitu għoli ħafna biex jinkisbu prosekuzzjonijiet; iqis li l-livell ta' għarfien li għandu jkun meħtieġ għal dan ir-reat għandu jkun kwistjoni ta' eżami mill-qrib; iqis li l-utent għandu juri li ttieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jiġi evitat l-użu tas-servizzi pprovduti minn vittma; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-infurzar tal-liġi m'għandux biżżejjed għarfien dwar l-użu magħruf tas-servizzi pprovduti mill-vittmi tat-traffikar, in-nuqqas ta' prattika ġudizzjarja tal-forniment rilevanti u r-riżorsi umani insuffiċjenti u inadegwati skjerati; jisħaq fuq l-importanza li l-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom biex iżidu n-numru ta' investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet, u jnaqqsu l-piż li l-vittmi u x-xhieda tagħhom ikunu qed jagħmlu matul il-proċedimenti għall-ġbir tal-evidenza; jitlob taħriġ regolari u mfassal apposta għall-investigaturi, il-prosekuturi u l-imħallfin, u għall-użu sistematiku ta' investigazzjonijiet finanzjarji u għodod investigattivi effettivi oħra mmexxija mill-intelligence, li jistgħu jipprovdu firxa ta' tipi ta' evidenza li għandhom jintużaw flimkien max-xhieda tal-vittmi; jistieden lill-Istati Membri jiddedikaw biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani biex jindirizzaw dan ir-reat kif suppost; |
69. |
Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika Strateġija tal-UE speċifika u dedikata għall-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin mingħajr aktar dewmien, biex tindirizza t-traffikar ta' bnedmin fl-UE bħala qasam ta' prijorità, u permezz ta' qafas ġuridiku u ta' politika komprensiv, speċifiku għall-ġeneru u għat-tfal u ffukat fuq il-vittmi; |
70. |
Ifakkar li d-Direttiva Kontra t-Traffikar teħtieġ li tiġi implimentata bis-sħiħ, applikata b'mod konsistenti u diliġenti mill-atturi kollha fil-qasam, inkluż il-leġiżlaturi, l-imħallfin, il-prosekuturi, il-pulizija u l-amministrazzjonijiet pubbliċi; jisħaq li t-taħriġ xieraq ta' dawn l-atturi kollha huwa essenzjali, bħalma huma l-kampanji preventivi ta' sensibilizzazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom f'din id-direzzjoni; |
71. |
Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta u tirrevedi regolarment l-implimentazzjoni tad-Direttiva Kontra t-Traffikar mill-Istati Membri u tippreżenta rapport skont l-Artikolu 23(1), fejn tivvaluta l-punt sa fejn l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ dik id-Direttiva u l-impatt tal-liġi nazzjonali eżistenti, u tintroduċi b'mod urġenti proċeduri ta' ksur fejn kien hemm nuqqas ta' implimentazzjoni effettiva, tirrapporta lill-Parlament Ewropew u tressaq proposti biex tirrevediha; |
72. |
Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta rieżami tad-Direttiva dwar il-Permess ta' Residenza bil-għan li jiġi żgurat li l-vittmi ma jiġux irritornati meta jiskadi l-perjodu ta' riflessjoni u li l-permessi ta' residenza għall-persuni ttraffikati ma jkunux soġġetti għall-parteċipazzjoni jew ir-rieda ta' parteċipazzjoni tal-persuna ttraffikata fl-investigazzjoni jew fil-proċedimenti kriminali tal-każ; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-aċċess mingħajr kundizzjonijiet għall-assistenza u l-appoġġ mogħti mid-Direttiva Kontra t-Traffikar jkun rikonċiljat mad-Direttiva dwar il-Permess ta' Residenza u l-applikazzjoni tagħha; |
73. |
Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiddefinixxu u jallokaw fondi adegwati fil-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin, jew fuq livell nazzjonali jew Ewropew, permezz tal-possibbiltajiet ta' finanzjament ipprovduti mill-fondi u l-proġetti Ewropej, bħall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF), il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-fergħa Daphne tal-programm dwar iċ-ċittadini, l-ugwaljanza, id-drittijiet u l-valuri fil-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid; |
74. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jorganizzaw kampanji ta' informazzjoni li jilħqu lill-vittmi potenzjali u jinfurmawhom dwar l-assistenza, il-protezzjoni u d-drittijiet tagħhom fil-pajjiżi kollha tal-UE; |
75. |
Jistieden lill-Kummissjoni twettaq riċerka bbażata fuq l-evidenza dwar il-fatturi ta' riskju għall-vittmi potenzjali u dwar l-intersezzjoni tal-oqsma ta' politika differenti mat-traffikar ta' bnedmin fis-setturi ta' riskju; |
76. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-prevenzjoni tat-traffikar b'enfasi fuq id-drittijiet tal-vittmi, jaħdmu mas-soċjetà ċivili fil-provvista tas-servizzi u l-assistenza meħtieġa lill-vittmi, u jiżguraw li jkollhom aċċess għall-ġustizzja, kumpens u riparazzjoni; |
77. |
Jenfasizza l-importanza ta' approċċ koerenti biex tittejjeb l-identifikazzjoni ta' vittmi potenzjali fil-kuntest ta' flussi migratorji u fil-hotspots, jittejjeb l-aċċess għall-proċeduri tal-ażil u tiġi żgurata l-komplementarjetà tagħhom mal-proċeduri relatati mat-traffikar; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni tad-Direttiva Kontra t-Traffikar u tressaq proposti biex tirrevediha; |
78. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri urġenti kontra gruppi kriminali attivi fid-dħul klandestin tal-migranti u t-traffikar tal-bnedmin, minħabba l-probabbiltà li l-persuni li jiddaħħlu b'mod klandestin isiru vittmi tat-traffikar, u biex jivvalutaw ir-riskju li jiffaċċjaw il-migranti u dawk l-aktar vulnerabbli, speċjalment il-minorenni mhux akkumpanjati, it-tfal u n-nisa separati; jissottolinja, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa ta' aktar rotot legali u sikuri għall-migrazzjoni sabiex jiġi evitat l-isfruttament ta' persuni vulnerabbli bi status irregolari; |
79. |
Jistieden lill-Istati Membri, bħala tweġiba għall-COVID-19, jelaboraw pjan ta' kontinġenza sabiex jiżguraw funzjonalità minima ta' sistemi ta' kontra t-traffikar f'kundizzjonijiet ta' emerġenza; jinnota li l-pjan ta' kontinġenza għandu jiżgura pakkett minimu ta' servizzi disponibbli għall-vittmi biex jissodisfaw il-bżonnijiet immedjati tagħhom matul il-perjodu ta' opportunitajiet imnaqqsa għar-riferiment, il-protezzjoni, l-investigazzjoni tal-każ u l-proċeduri tal-qorti; |
80. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-kontinwità tal-ħidma tal-Koordinatur kontra t-Traffikar tal-UE bil-ħatra ta' Koordinatur Kontra t-Traffikar tal-UE full-time, u biex tinkludi din l-istrateġija l-ġdida dwar it-traffikar ta' bnedmin; |
o
o o
81. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri. |
(1) ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.
(2) Testi adottati, P9_TA(2019)0066.
(3) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
(5) ĠU L 168, 30.6.2009, p. 24.
(6) ĠU L 348, 24.12.2008, p. 9.
(7) ĠU L 261, 6.8.2004, p. 19.
(8) ĠU L 328, 5.12.2002, p. 17.
(9) ĠU L 328, 5.12.2002, p. 1.
(10) Testi adottati, P9_TA(2020)0286.
(11) Testi adottati, P9_TA(2019)0080.
(12) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 47.
(13) ĠU C 76, 28.2.2018, p. 61.
(14) ĠU C 285, 29.8.2017, p. 78.
(15) Valutazzjoni tal-implimentazzjoni Ewropea – “Implementation of Directive 2011/36/EU: Migration and gender issues” (Implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE: Kwistjonijiet tal-migrazzjoni u l-ġeneru), Direttorat Ġenerali għas-Servizzi ta' Riċerka Parlamentari, l-Unità tal-Evalwazzjoni Ex Post, 15 ta' Settembru 2020.
(16) It-Tielet rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin (2020) kif meħtieġ skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu (COM(2020)0661.)
(17) COM(2020)0661.
(18) Data Collection on Trafficking in Human Beings in the EU (Ġbir ta' Data dwar it-Traffikar tal-Bnedmin fl-UE) (2020).
(19) COM(2020)0661, p. 1.
(20) COM(2020)0661, p. 1.
(21) https://www.europol.europa.eu/publications-documents/challenges-of-countering-human-trafficking-in-digital-era
(22) https://www.europol.europa.eu/publications-documents/challenges-of-countering-human-trafficking-in-digital-era
(23) Studju dwar l-ispejjeż ekonomiċi, soċjali u umani tat-traffikar tal-bnedmin fl-UE (2020).
(24) Severe labour exploitation: workers moving within or into the European Union (L-isfruttament gravi tal-ħaddiema: ħaddiema li jiċċaqilqu ġewwa l-Unjoni Ewropea jew lejn l-Unjoni Ewropea) http://fra.europa.eu/en/publication/2015/severe-labour-exploitation-workers-moving-within-or-european-union
(25) Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE tad-29 ta' April 2004 li għandha x'taqsam ma' kupens għal vittmi ta' delitti (ĠU L 261, 6.8.2004, p. 15).
(26) Ir-rakkomandazzjonijiet mill-Grupp ta' Esperti dwar l-Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin (GRETA) tal-Kunsill tal-Ewropa jinkludu l-iżgurar tal-applikazzjoni tal-NRM għal persuni li jfittxu l-ażil u persuni f'detenzjoni tal-immigrazzjoni.
(27) Data Collection on Trafficking in Human Beings in the EU (Ġbir ta' Data dwar it-Traffikar tal-Bnedmin fl-UE), 2020.
(28) Europol, ir-Rapport tas-Sitwazzjoni “Trafficking in Human Beings in the EU” (It-Traffikar tal-Bnedmin fl-UE), 18 ta' Frar 2016.
(29) COM(2018)0777, p. 6.
(30) COM(2018)0777, p. 6.
(31) It-Tielet rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin (2020) kif meħtieġ skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu (COM(2020)0661)
(32) COM(2020)0661.
(33) COM(2018)0777, p. 3.
(34) Valutazzjoni tal-implimentazzjoni Ewropea – “Implementation of Directive 2011/36/EU: Migration and gender issues” (Implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE: Kwistjonijiet tal-migrazzjoni u l-ġeneru), Direttorat Ġenerali għas-Servizzi ta' Riċerka Parlamentari, l-Unità tal-Evalwazzjoni Ex Post, 15 ta' Settembru 2020, p. 49./
(35) Id-Disa' Rapport Ġenerali dwar l-attivitajiet tal-GRETA, p. 57.
(36) Ir-raba' rapport annwali taċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta' Dħul Klandestin ta' Migranti tal-Europol (2020).
(37) Valutazzjoni ta' theddid mill-kriminalità serja u organizzata (SOCTA) tal-2017 tal-Europol.
(38) Europol, Iċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta' Dħul Klandestin ta' Migranti, Ir-Raba' Rapport Annwali tal-Attività, 2020.
(39) It-tieni rapport ta' progress, COM(2018)0777, p. 29.