Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IE2341

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impatt soċjetali u ekoloġiku tal-ekosistema 5G” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    EESC 2021/02341

    ĠU C 105, 4.3.2022, p. 34–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.3.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 105/34


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impatt soċjetali u ekoloġiku tal-ekosistema 5G”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2022/C 105/06)

    Relatur:

    Dumitru FORNEA

    Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

    25.3.2021

    Bażi legali

    Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

     

    Opinjoni fuq inizjattiva proprja

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

    Adottata fis-sezzjoni

    7.10.2021

    Adottata fil-plenarja

    20.10.2021

    Sessjoni plenarja Nru

    564

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    210/2/19

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE josserva li d-diġitalizzazzjoni u l-iżvilupp rapidi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom impatt qawwi fuq l-ekonomija u s-soċjetà inġenerali. Permezz tal-użu responsabbli ta’ dawn it-teknoloġiji, l-umanità għandha possibbiltà storika li tibni soċjetà aħjar. Madankollu, mingħajr diliġenza dovuta u kontroll demokratiku, il-komunitajiet tagħna jistgħu jiffaċċjaw sfidi serji fl-amministrazzjoni ta’ dawn is-sistemi teknoloġiċi fil-futur.

    1.2.

    Il-KESE jirrikonoxxi li l-infrastruttura tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tista’ ttejjeb ħafna l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u għandha influwenza diretta fuq il-ġlieda kontra l-faqar. It-teknoloġija 5G tippreżenta opportunità enormi biex jitjiebu s-servizzi tas-saħħa tal-bniedem permezz tal-iżvilupp tat-telemediċina u billi jitjieb l-aċċess għall-kura medika. Ir-rwol importanti li t-telemediċina kellha matul il-pandemija huwa rikonoxxut fis-soċjetà.

    1.3.

    Il-KESE jinnota li d-dibattitu dwar l-implimentazzjoni tan-networks 5G inbidel f’diskussjoni kontroversjali u politika, iżda madankollu, jeħtieġ li jiġu ċċarati l-kwistjonijiet soċjali, tas-saħħa u ambjentali, bl-involviment taċ-ċittadini u tal-atturi rilevanti kollha.

    1.4.

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tavvanza fil-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt multisettorjali ta’ teknoloġiji ġodda 5G u 6G, meta jitqies li huma meħtieġa għodod u miżuri biex jiġu indirizzati r-riskji u l-vulnerabbiltajiet. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li għandhom jiġu allokati fondi Ewropej u nazzjonali sabiex jitwettqu riċerka multidixxiplinari u studji tal-impatt profondi li jiffokaw fuq il-bniedem u l-ambjent, u biex dawn ir-riżultati jixxerrdu bil-ħsieb li jinformaw lill-pubbliku u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet.

    1.5.

    Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea tikkonsulta liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u permezz tal-involviment tal-istituzzjonijiet pubbliċi rilevanti kollha tista’ tikkontribwixxi għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-impatt soċjetali u ekoloġiku li għandhom il-komunikazzjonijiet elettroniċi mobbli.

    1.6.

    Il-KESE jqis li l-UE teħtieġ korp Ewropew indipendenti, b’metodoloġiji aġġornati, f’konformità mal-kuntest teknoloġiku attwali u approċċ multidixxiplinari, biex tistabbilixxi linji gwida għall-protezzjoni tal-pubbliku ġenerali u tal-ħaddiema fil-każ ta’ esponiment għar-radjazzjoni elettromanjetika bil-frekwenza tar-radju.

    1.7.

    Il-KESE jirrakkomanda li l-istazzjonijiet kollha ta’ trażmissjoni bil-frekwenza tar-radju u l-meded ta’ frekwenza li joperaw fuqhom jitniżżlu f’inventarju u li din l-informazzjoni tiġi ppubblikata għal ġestjoni territorjali aħjar u għall-protezzjoni tal-interessi taċ-ċittadini, b’mod partikolari ta’ gruppi vulnerabbli (tfal, nisa tqal, persuni morda b’mod kroniku, l-anzjani, persuni li jbatu minn elettroipersensittività). Jeħtieġ li jitqiesu wkoll is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.

    1.8.

    Il-KESE jappoġġja l-idea li t-tagħmir tan-network 5G irid ikun iddisinjat, mill-fabbrika, b’kapaċitajiet li jipprovdu informazzjoni pubblika f’ħin reali dwar il-potenza tal-emissjonijiet u dwar parametri tekniċi oħra rilevanti għall-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-pubbliku ikkonċernat. Din id-data trid tkun ċentralizzata, ġestita u żvelata mill-awtoritajiet kompetenti.

    1.9.

    Il-KESE jemmen li l-monitoraġġ u l-kontroll tat-tniġġis elettromanjetiku jridu jitwettqu abbażi ta’ approċċ xjentifiku interistituzzjonali u interdixxiplinari rigoruż, appoġġjat mill-forniment ta’ tagħmir modern għall-kejl tal-parametri tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, sabiex l-effetti kumulattivi fuq perjodi itwal ta’ żmien jiġu enfasizzati u evalwati kif xieraq.

    1.10.

    Filwaqt li ma hemm l-ebda data xjentifika rikonoxxuta li turi impatt negattiv tal-5G fuq is-saħħa tal-bniedem, il-KESE jemmen li l-aspetti soċjali, tas-saħħa u ambjentali tal-5G jeħtieġ li jiġu monitorjati kontinwament f’konformità mal-prinċipju tal-prekawzjoni. Dan jirrikonoxxi t-tħassib dwar l-effetti fuq is-saħħa, inklużi l-intensità tal-esponiment termali u mhux termali u l-effetti fit-tul ta’ tali esponiment. Xi reġjuni/żoni se jikkonċentraw aktar esponiment minn oħrajn, u f’każijiet bħal dawn, għandhom jiġu kkunsidrati miżuri speċifiċi, inkluża r-rakkomandazzjoni biex tiġi estiża l-applikazzjoni tal-prinċipju ALARA biex jiġu limitati l-effetti tar-radjazzjoni elettromanjetika ġġenerata min-networks 5G.

    1.11.

    Il-KESE jinnota li l-esponiment tal-popolazzjoni għal varjetà ta’ kampi elettromanjetiċi huwa kważi impossibbli li jiġi evitat. Meta jiġu rieżaminati l-valuri tal-limitu ta’ esponiment fid-Direttiva Ewropea dwar ir-rekwiżiti minimi tas-saħħa u s-sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jinħolqu minn aġenti fiżiċi (kampi elettromanjetiċi) (1), l-imsieħba soċjali għandhom ikunu involuti mill-bidu nett. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-effetti mhux termali.

    1.12.

    Il-miżuri ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà jridu jissaħħu u jiġu kkonsolidati permezz ta’ monitoraġġ rigoruż tal-livelli ta’ radjazzjoni u permezz tal-applikazzjoni stretta ta’ standards ta’ sigurtà għal persuni li jaħdmu qrib sorsi ta’ radjazzjoni elettromanjetika.

    1.13.

    Il-KESE jinnota l-ħtieġa li jiġu aġġornati l-mekkaniżmi istituzzjonali li għandhom l-għan li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem kollha fil-kuntest il-ġdid tal-iperdiġitalizzazzjoni, l-iperawtomatizzazzjoni u l-iperkonnettività ffaċilitati mill-implimentazzjoni tal-5G, meta jitqies li kwalunkwe żvilupp teknoloġiku jrid jinkorpora dawn il-valuri universali li jirrappreżentaw dimensjoni valida u meħtieġa fil-valutazzjoni tar-rapport dwar il-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż.

    1.14.

    Il-KESE jifhem it-tħassib taċ-ċittadini dwar l-iżgurar li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-proprjetà tagħhom fid-distribuzzjoni tal-antenni jew id-dritt li jkollhom kontroll fuq ġisimhom stess fil-kuntest tan-networks 5G li jestendu kullimkien, minn djarhom stess sa satellita f’orbita. Id-dritt għall-proprjetà u l-għażliet tan-nies iridu jiġu rrispettati. Id-definizzjoni ta’ kunsens infurmat għandha tkun garantita, sabiex iċ-ċittadin ikollu dritt reali għal kunsens liberu, kompletament infurmat u validu.

    1.15.

    Il-KESE jappoġġja t-tisħiħ tal-kapaċitajiet Ewropej għall-prevenzjoni u l-protezzjoni mir-riskju ċibernetiku u l-edukazzjoni dwaru, kemm billi jissaħħu l-istituzzjonijiet rilevanti bħall-ENISA kif ukoll billi jinħolqu strumenti teknoloġiċi, istituzzjonali u legali biex jiġi żgurat li jiġu rrispettati d-drittijiet taċ-ċittadini. Sabiex tirrimedja ċertu theddid għas-sigurtà, l-UE jeħtieġ tinvesti aktar fil-bini tat-teknoloġiji tagħha stess u fl-appoġġ għall-industrija u l-iżviluppaturi tat-teknoloġija. Aktar importanti minn hekk, dawn l-azzjonijiet għandhom jitfasslu apposta biex jinċentivaw lill-SMEs Ewropej biex jiżviluppaw infrastruttura tal-5G sigura u affidabbli.

    2.   Introduzzjoni

    2.1.

    Il-5G mhijiex teknoloġija ġdida fiha nnifisha; hija żvilupp ta’ teknoloġiji eżistenti (minn 1G sa 4G) u se teżisti flimkien magħhom. Dan se jirriżulta f’network imħallat ta’ networks: għadd akbar ta’ meded ta’ frekwenzi tar-radju aktar varjati, firxa ta’ apparati li jiskambjaw id-data u għadd kbir ta’ interazzjonijiet mal-utenti. Uħud mit-tagħmir il-ġdid u mit-teknoloġiji l-ġodda użati jista’ jkollhom effetti differenti mill-ġenerazzjonijiet preċedenti.

    2.2.

    It-teknoloġija 5G għandha tippermetti l-iperkonnettività bla fili, il-kapaċità li tkopri u tgħaqqad għadd kbir ta’ apparati u veloċità ta’ trasferiment ħafna aktar mgħaġġla mkejla f’Gbps. Dan se jinkiseb permezz ta’ aggregazzjoni tal-ispettru ta’ tiswir ta’ raġġi u permezz ta’ konnessjonijiet paralleli multipli bl-użu kemm ta’ antenni Massive MIMO (l-istazzjon bażi b’arranġament f’fażijiet tal-operatur) kif ukoll ta’ antenni MIMO regolari (l-apparat proprju tal-klijent) u latenza baxxa (millisekondi għall-infrastruttura proprja tal-operatur iżda mhux mal-bqija tal-Internet).

    2.3.

    Studju li twettaq fl-2019 mill-GSMA juri li l-kapaċitajiet il-ġodda tan-network 5G huma meħtieġa għal sewqan awtonomu, għar-realtà virtwali, għar-realtà awmentata u għall-“Internet tattili”; l-applikazzjonijiet l-oħra jistgħu jitwasslu permezz tat-teknoloġija attwali (4G LTE u fibra ottika). It-teknoloġija 5G se tħaffef ukoll it-tranżizzjoni għall-Industrija 4.0 u se tiffaċilita l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet ibbażati fuq l-intelliġenza artifiċjali, u għalhekk, din it-teknoloġija titqies bħala element ewlieni u meħtieġ fl-iżvilupp ta’ ekonomija moderna, dejjem aktar awtomatizzata u diġitalizzata.

    2.4.

    Hemm komunitajiet ta’ xjenzati madwar id-dinja li ppreżentaw evidenza (2) li hemm raġuni valida għal tħassib dwar il-fatt li l-ġisem tal-bniedem u ta’ organiżmi bijoloġiċi oħra jiġu esposti fit-tul u kullimkien għall-firxa ta’ frekwenzi tal-mikromewġ użati min-networks 5G u tas-sezzjonijiet u l-frekwenzi tar-radju ta’ 10-20-30 gigahertz jew aktar speċifiċi għat-teknoloġiji 5G, kif ukoll l-effetti dannużi potenzjali fuq is-saħħa tal-bniedem, il-bijodiversità u l-ambjent. Madankollu, s’issa, l-awtoritajiet pubbliċi tal-UE u nazzjonali rilevanti kkomunikaw li ma hemm l-ebda prova xjentifika tal-impatt negattiv tal-5G fuq is-saħħa tal-bniedem. Id-WHO tiddikjara li “sal-lum, u wara ħafna riċerka mwettqa, l-ebda effett negattiv fuq is-saħħa ma ġie marbut b’mod kawżali mal-esponiment għat-teknoloġiji bla fili”.

    2.5.

    Flimkien mat-teknoloġiji emerġenti li tiffaċilita, il-5G iġġib inċertezza u bħal fil-każ ta’ kull teknoloġija ġdida, xi effetti li jistgħu jkunu għadhom ma jidhrux. Sabiex tiġi indirizzata b’mod xieraq kwalunkwe kwistjoni dwar l-impatt tal-5G fuq is-saħħa pubblika u sabiex jiġi evitat li l-opinjoni pubblika tkun il-vittma ta’ diżinformazzjoni, is-soċjetà ċivili tqis li hija meħtieġa governanza antiċipatorja xierqa, bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni għall-proċess leġiżlattiv Ewropew għar-regolamentazzjoni ta’ din il-ġenerazzjoni teknoloġika ġdida ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    B’mod ġenerali, l-istituzzjonijiet internazzjonali, il-korporazzjonijiet u l-awtoritajiet nazzjonali huma ħerqana b’mod evidenti fir-rigward tal-vantaġġi li se ġġib it-teknoloġija 5G. Madankollu, huwa meħtieġ li jiġi studjat jekk jistax ikun li jirriżultaw effetti negattivi hekk kif l-ekosistema 5G tiżviluppa, u b’mod impliċitu, il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-aċċettazzjoni soċjali ta’ dawn l-infrastrutturi u s-servizzi li għandhom impatt sinifikanti fuq is-soċjetà.

    3.2.

    Bl-iżvilupp rapidu tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni elettronika u tal-infrastruttura tal-Internet, qed ikun hemm dibattitu dejjem akbar fost il-pubbliku ġenerali u s-soċjetà ċivili organizzata fil-pajjiżi żviluppati dwar il-ħtieġa li jitħaffef b’mod esponenzjali l-iżvilupp tan-networks tal-ICT u l-benefiċċji li jirriżultaw minn dan. L-awtoritajiet pubbliċi jeħtieġ li jirrikonoxxu l-isfidi marbuta mal-modi kif dawn is-sistemi teknoloġiċi jistgħu potenzjalment jaffettwaw l-ambjent, l-organiżmi ħajjin jew id-drittijiet ċivili tan-nies.

    3.3.

    Fil-livell Ewropew, it-tħassib dwar l-effetti potenzjali tat-tniġġis elettromanjetiku fuq is-saħħa huwa stabbilit fil-premessa 31 tad-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3): “Approċċ koerenti għall-awtorizzazzjoni tal-ispettru fl-Unjoni għandu jieħu kont sħiħ tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika mill-kampijiet elettromanjetiċi li hija essenzjali għall-benesseri taċ-ċittadini”. Filwaqt li tiġi osservata r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 1999/519/KE tat-12 ta’ Lulju 1999 dwar il-limitazzjoni tal-esponiment tal-pubbliku ġenerali għall-kampijiet elettromanjetiċi (0 Hz sa 300 GHz), huwa essenzjali li jiġi żgurat monitoraġġ kostanti tal-effetti jonizzanti u mhux jonizzanti tal-użu tal-ispettru fuq is-saħħa, inklużi l-effetti kumulattivi fuq il-ħajja reali tal-użu tal-ispettru f’diversi frekwenzi minn għadd dejjem akbar ta’ tipi ta’ tagħmir.

    4.   Kummenti speċifiċi

    It-teknoloġija 5G u l-impatt fuq id-drittijiet ċivili tan-nies

    4.1.

    F’dawn l-aħħar snin, diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-UE u f’pajjiżi oħra ħarġu twissijiet dwar l-effetti dannużi u kriżijiet kumplessi u serji li jistgħu jiġu kkawżati minn nuqqas ta’ kontroll demokratiku u ta’ trasparenza u minn theddid għas-sigurtà li jirriżulta mid-dipendenza mit-teknoloġiji provduti minn atturi ta’ pajjiżi terzi.

    4.2.

    L-industrija tal-komunikazzjoni elettronika u l-applikazzjonijiet fixkiela tat-tip 5G li toffri huma bbażati fuq l-isfruttar ta’ żewġ riżorsi importanti ħafna. L-ewwel nett, l-użu tal-ispettru tal-frekwenza tar-radju. Din hija riżorsa naturali limitata li hija proprjetà tan-nies u ġestita f’isimhom mill-gvernijiet nazzjonali permezz ta’ aġenziji nazzjonali jew korpi pubbliċi oħrajn li jikru dawn ir-riżorsi lil operaturi tal-komunikazzjoni elettronika.

    4.3.

    Riżorsa essenzjali oħra hija l-aċċess għad-data u l-metadata tal-konsumaturi u tal-individwi. Bl-iżvilupp tas-suq tas-servizzi diġitali, din id-data hija ta’ valur kbir u toffri benefiċċji kbar ħafna lill-kumpaniji li jużawha. Uħud mill-isfidi f’dan ir-rigward ġew enfasizzati fl-Opinjoni tal-KESE dwar l-Istrateġija għad-Data (4).

    4.4.

    Meta jitqies dan ta’ hawn fuq, għandu jiġi sottolinjat li l-5G u l-kondiviżjoni u l-aggregazzjoni tad-data, bħal ħafna teknoloġiji oħra, huma għodda b’saħħitha li tista’ tintuża biex issaħħaħ is-soċjetà ċivili, tagħmel is-servizzi pubbliċi aktar effettivi u affidabbli, u tnaqqas l-inugwaljanzi billi tagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku. Għalhekk, l-UE u l-Istati Membri għandhom jisfruttaw it-teknoloġija 5G biex itejbu l-aċċess għal data ta’ kwalità għolja u jiżviluppaw infrastruttura tal-amministrazzjoni diġitali (amministrazzjoni elettronika) aħjar, u b’hekk iqarrbu l-istituzzjonijiet pubbliċi u demokratiċi lejn iċ-ċittadin.

    4.5.

    Konsegwentement, l-iżvilupp responsabbli u sostenibbli tal-infrastruttura tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandu jtejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini ordinarji, speċjalment fir-reġjuni u l-pajjiżi inqas żviluppati. L-iżvilupp ta’ dawn it-teknoloġiji għalhekk għandu influwenza diretta fuq il-ġlieda kontra l-faqar.

    4.6.

    Sabiex in-networks 5G jiġu introdotti b’pass mgħaġġel, l-Unjoni Ewropea, permezz tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (l-Artikoli 42, 43 u 44), ħolqot qafas regolatorju li jiffaċilita l-aċċess tal-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għall-proprjetà li fuqha jeħtieġ li jiġu installati t-tagħmir u l-faċilitajiet infrastrutturali li huma essenzjali għall-iżvilupp ta’ dawn in-networks. Is-soċjetà ċivili tissorvelja l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex it-traspożizzjoni tad-direttiva ma twassalx għal derogi mhux kostituzzjonali mill-garanzija tad-drittijiet ta’ proprjetà taċ-ċittadini.

    L-impatt tal-ekosistema 5G fuq l-ambjent

    4.7.

    Xi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indikaw l-impatt ambjentali potenzjali tan-networks 5G il-ġodda. Uħud mill-allegazzjonijiet tagħhom huma relatati ma’ dispożizzjoni insuffiċjenti magħmula għal studji tal-impatt ambjentali, jew mekkaniżmi u miżuri mhux xierqa biex titnaqqas l-impronta enerġetika tal-infrastruttura tan-network 5G jew biex jiġi promoss ir-riċiklaġġ tal-iskart elettroniku (6).

    4.8.

    Sabiex titwettaq evalwazzjoni xierqa tal-impatt tal-5G fuq l-ambjent u l-klima, l-awtoritajiet pubbliċi jridu jqisu aspetti bħall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (7), id-disponibbiltà u l-konsum ta’ materja prima kritika, l-ammont (u s-sorsi) ta’ enerġija użata mill-oġġetti kollha konnessi u użati fl-IoT, kif ukoll l-ammont (u s-sorsi) ta’ enerġija użata għat-trasport ta’ data bla fili u għat-tħaddim ta’ punti ta’ ċentralizzazzjoni u tranżitu tad-data.

    4.9.

    Bl-introduzzjoni tal-5G u tal-Internet tal-Oġġetti, se jiżdiedu biljuni ta’ elementi ġodda tan-network 5G, u oġġetti domestiċi (oġġetti elettroniċi u tagħmir domestiku, faċilitajiet, eċċ.) se jiżdiedu mal-kategorija tal-iskart elettroniku (e-skart(8), li għandu jitqies fil-kuntest tal-kunċett tal-ekonomija ċirkolari kif ukoll fil-politiki dwar l-iskart żero.

    Tħassib dwar l-impatt tan-networks 5G fuq is-saħħa tal-bniedem u l-organiżmi ħajjin

    4.10.

    It-teknoloġija 5G tippreżenta opportunità enormi biex tittejjeb is-saħħa tal-bniedem. L-iżvilupp tal-infrastruttura tal-ICT u l-inkorporazzjoni tal-5G se jgħaġġlu l-pass fl-avvanz tat-telemediċina, inkluż permezz tal-kunċett tal-Internet tal-oġġetti. Il-5G se jippermetti li ssir kirurġija kumplessa mill-bogħod, u b’hekk jitjieb ħafna l-aċċess għal kura medika ta’ kwalità għolja, speċjalment għal dawk li ma jaffordjawx jivvjaġġaw barra mill-pajjiż sabiex jirċievu t-trattament li jeħtieġu.

    4.11.

    L-iżvilupp tat-telemediċina huwa partikolarment importanti fi żminijiet ta’ pandemija, meta l-aċċess stazzjonarju għall-kura medika jonqos ħafna. Barra minn hekk, it-teknoloġija 4G ippermettiet l-iżvilupp ta’ teleradjoloġija. L-infrastruttura tal-ICT ippermettiet li l-pazjenti ssirilhom dijanjosi mill-bogħod (MRI, CT) u jirċievu servizz mediku ta’ kwalità, irrispettivament mill-post. It-teknoloġija tal-5G se tkompli tiżviluppa dak il-proċess, u tippermetti li n-nies ikollhom aċċess aħjar għad-dijanjostika u għas-servizzi mediċi diretti li jitwettqu mill-bogħod.

    4.12.

    Min-naħa l-oħra, l-iżvilupp teknoloġiku rapidu tal-aħħar 20 sena wassal għal żieda fil-kampi elettromanjetiċi u b’mod impliċitu għal żieda fit-tniġġis minħabba dan l-elettrosmogg. L-impatt tal-elettrosmog jeħtieġ li jiġi indirizzat b’approċċ ibbażat fuq l-evidenza sabiex jiġi evalwat ir-riskju reali.

    4.13.

    L-ipersensittività elettromanjetika jew l-intolleranza elettromanjetika hija marda li ġiet rikonoxxuta mill-Parlament Ewropew (9), mill-KESE (10) u mill-Kunsill tal-Ewropa (11). Din taffettwa għadd ta’ persuni, u bl-introduzzjoni tal-5G (li tirrikjedi network elettroniku ħafna aktar dens) huwa mistenni li din il-kundizzjoni taffettwa aktar nies.

    4.14.

    Fuq livell globali, saru studji li jikkonkludu li l-effetti bijoloġiċi tar-radjazzjoni elettromanjetika ma jippreżentaw l-ebda riskju għas-saħħa, dment li jiġu ssodisfati l-istandards nazzjonali jew tal-ICNIRP. Fl-istess ħin, mis-snin 70 sal-lum (12) saru wkoll studji li kkonkludew li hemm perikli għas-saħħa tal-bniedem (13).

    4.15.

    F’rapporti dwar tħassib relatat mal-esponiment fit-tul tan-nies għall-kampi elettromanjetiċi ġġenerati mit-teknoloġija 5G li saru fl-2019 u fl-2020 rispettivament, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissjoni Federali tal-Komunikazzjonijiet (FCC) (14) isostnu li ma hemm l-ebda prova xjentifika soda jew kredibbli ta’ problemi tas-saħħa kkawżati mill-esponiment għall-enerġija tal-frekwenza tar-radju emessa mit-telefonija mobbli.

    4.16.

    Bosta snin ilu, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa kklassifikat il-kamp elettromanjetiku prodott mill-frekwenzi tar-radju bħala karċinoġenu possibbli; issa hija għandha pożizzjoni simili għal dik tal-awtoritajiet tal-UE u tal-Istati Uniti. Madankollu, bl-introduzzjoni tan-networks 5G, hija ħabbret li fl-2022 se twettaq evalwazzjoni oħra tar-riskji tal-kampi elettromanjetiċi għall-ispettru tal-frekwenza tar-radju (minn 3 kHz sa 3 000 GHz) (15).

    4.17.

    Il-verżjoni finali tar-Riżoluzzjoni 1815 tas-27 ta’ Mejju 2011 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Il-periklu potenzjali tal-kampi elettromanjetiċi u l-effetti tagħhom fuq l-ambjent twissi dwar l-impatt tat-tniġġis elettromanjetiku fuq is-saħħa tal-bniedem u tinkludi sett ta’ rakkomandazzjonijiet ġenerali u speċifiċi għal approċċ konsistenti fuq terminu medju u twil għall-isfidi ppreżentati mill-proliferazzjoni tat-telefonija mobbli. Dan id-dokument jissottolinja l-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri raġonevoli kollha biex jitnaqqas l-esponiment għall-kampi elettromanjetiċi f’konformità mal-prinċipju ALARA (16), li jrid jiġi applikat fil-każ ta’ radjazzjoni jonizzanti.

    4.18.

    Hemm studji li jsostnu li l-effetti tar-radjazzjoni rilaxxata mill-mobiles u mill-infrastruttura tal-komunikazzjoni mingħajr fili (anke emissjonijiet mhux termali) joħolqu riskji għas-saħħa tal-bniedem minn perspettiva newronali, riproduttiva, onkoloġika u ġenotossika (17). Madankollu, l-istituzzjonijiet rilevanti jqisu, abbażi tal-valutazzjonijiet u l-metodoloġiji tagħhom stess, li r-radjazzjoni rilaxxata mit-telefonija mobbli u mill-infrastruttura tal-komunikazzjoni bla fili hija sikura għall-bnedmin.

    4.19.

    Kif imsemmi hawn fuq, hemm studji li eżaminaw l-impatt tar-radjazzjoni elettromanjetika fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali. Madankollu, ftit li xejn huwa ċċarat u saħansitra inqas huwa kkomunikat fir-rigward tal-impatt kumpless li l-esponiment għar-radjazzjoni elettromanjetika mhux jonizzanti jista’ jkollu bħala effett mhux termali fuq il-flora u l-fawna. L-aktar studji magħrufa jirreferu għall-impatt sinifikanti u immedjat fuq l-ispeċi dakkara u l-għasafar, iżda x-xjenzati huma mħassba ħafna dwar l-impatt fit-tul tal-emissjonijiet elettromanjetiċi fuq l-ekosistemi ħajjin.

    Allegazzjonijiet rigward il-linji gwida tal-ICNIRP (18)

    4.20.

    Il-Kummissjoni Ewropea u l-maġġoranza l-kbira tal-gvernijiet nazzjonali madwar id-dinja jużaw il-linji gwida tal-ICNIRP meta jistabbilixxu limiti għall-esponiment tal-pubbliku għar-radjazzjoni tal-kamp elettromanjetiku. Il-linji gwida tal-ICNIRP aġġornati u ppubblikati fl-2020 qiesu wkoll it-tiswir tar-raġġi u l-frekwenzi – parametri li huma speċifiċi għall-5G, iżda l-aggregazzjoni tal-frekwenzi u d-densità akbar tal-konnessjonijiet ma ġewx ikkunsidrati.

    4.21.

    Minkejja l-fatt li l-ICNIRP tikkomunika b’dettall kbir il-metodi xjentifiċi użati biex jiġu stabbiliti l-linji gwida dwar il-protezzjoni, din tirrikonoxxi biss l-effetti termali prodotti mir-radjazzjoni elettromanjetika bħala potenzjalment ta’ ħsara.

    4.22.

    L-istudju STOA li twettaq mill-Parlament Ewropew (19), f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-Riżoluzzjoni Nru 1815 tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2011, jargumenta favur il-konformità mal-prinċipju tal-prekawzjoni, ir-rieżami tal-limiti proposti mill-ICNIRP u l-adozzjoni ta’ miżuri tekniċi u amministrattivi biex jitnaqqas l-impatt tat-tniġġis elettromanjetiku ġġenerat mill-komunikazzjonijiet elettroniċi.

    4.23.

    Il-miżuri proposti jfittxu li jiżguraw arkitettura aktar responsabbli għall-infrastruttura tal-komunikazzjoni (it-tqegħid ta’ antenni u tagħmir speċifiku ieħor), biex jiġi żgurat li l-pubbliku ġenerali jkun infurmat dwar l-effetti potenzjali tat-tniġġis elettromanjetiku u l-għażliet disponibbli għalihom biex jitnaqqas l-impatt tal-esponiment għar-radjazzjoni elettromanjetika, biex tiġi żviluppata l-kapaċità għall-monitoraġġ tal-kampi elettromanjetiċi, eċċ. Għandhom jingħataw fondi Ewropej u nazzjonali sabiex jitwettqu riċerka multidixxiplinari u studji tal-impatt aktar profondi fuq il-bniedem u l-ambjent, u biex ir-riżultati jixxerrdu bil-ħsieb li jinfurmaw lill-pubbliku u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet.

    Iċ-ċibersigurtà 5G – Għodod, miżuri u l-effettività tagħhom

    4.24.

    Il-KESE diġà enfasizza ħafna mill-isfidi taċ-ċibersigurtà fl-Opinjoni tiegħu dwar Introduzzjoni sigura tal-5G fl-UE – Implimentazzjoni tas-sett ta’ għodod tal-UE (20). Il-vulnerabbiltajiet ċibernetiċi mhux solvuti fil-4G se jiġu amplifikati fil-5G. Dawn jinsabu fil-livell tekniku tal-arkitettura, it-topoloġija u l-protokoll, kif identifikati mill-ENISA (21) u li, skont ir-Rapport tal-NIS (22), għadhom ma jistgħux jiġu indirizzati b’miżuri effiċjenti.

    4.25.

    Sabiex tirrimedja ċertu theddid għas-sigurtà, l-UE jeħtieġ tinvesti aktar fil-bini tat-teknoloġiji tagħha stess u fl-appoġġ għall-industrija u l-iżviluppaturi tat-teknoloġija. Aktar importanti minn hekk, dawn l-azzjonijiet għandhom jitfasslu apposta biex jinċentivaw lill-SMEs Ewropej biex jiżviluppaw infrastruttura tal-5G sigura u affidabbli.

    Brussell, l-20 ta’ Ottubru 2021.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  Id-Direttiva 2013/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti minimi tas-saħħa u s-sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jinħolqu minn aġenti fiżiċi (kampi elettromanjetiċi) (l-20 Direttiva individwali skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) u li tħassar id-Direttiva 2004/40/KE (ĠU L 179, 29.6.2013, p. 1).

    (2)  https://ehtrust.org/environmental-health-trust-et-al-v-fcc-key-documents/

    (3)  Id-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika dwar l-ispettru tar-radju (ĠU L 81, 21.3.2012, p. 7).

    (4)  TEN/708 (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 290).

    (5)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

    (6)  https://www.greenpeace.org/static/planet4-eastasia-stateless/2021/05/a5886d59-china-5g-and-data-center-carbon-emissions-outlook-2035-english.pdf

    (7)  https://www.hautconseilclimat.fr/wp-content/uploads/2020/12/rapport-5g_haut-conseil-pour-le-climat.pdf

    (8)  https://www.itu.int/en/ITU-D/Climate-Change/Pages/Global-E-waste-Monitor-2017.aspx

    (9)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ April 2009 dwar preokkupazzjonijiet rigward is-saħħa marbuta mal-kampi elettromanjetiċi (2008/2211(INI)) 28. https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-6-2009-0216_EN.html?redirect

    (10)  L-Opinjoni tal-KESE dwar Introduzzjoni sigura tal-5G – sett ta’ għodod tal-UE (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 281).

    (11)  Riżoluzzjoni 1815 (2011) verżjoni finali, Artikolu 8.1.4 http://assembly.coe.int/nw/xml/XRef/Xref-XML2HTML-en.asp?fileid=17994

    (12)  https://bioinitiative.org/updated-research-summaries/

    (13)  Defence Intelligence Agency – “Biological Effects of Electromagnetic Radiation (Radiowaves and Microwaves)” (L-Effetti Bijoloġiċi tar-Radjazzjoni Elettromanjetika (Radjumewġ u Mikromewġ)) – Marzu 1976.

    (14)  Il-pożizzjoni tal-FCC ġiet ikkontestata fil-qorti mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Istati Uniti: https://ehtrust.org/eht-takes-the-fcc-to-court/

    (15)  Skont ir-Regolamenti dwar ir-Radju tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (UIT).

    (16)  L-aktar baxx raġonevolment possibbli – il-prinċipju ALARA jintuża meta jiġu stabbiliti programmi, għas-salvagwardja kontra r-radjazzjoni jonizzanti.

    (17)  Pereżempju, l-istudju Ewropew REFLEX (2004) li twettaq f’isem l-UE minn 12-il istituzzjoni akkademika b’baġit totali ta’ aktar minn EUR 3 miljun, b’kontribuzzjoni ta’ EUR 2,059 miljun mill-Kummissjoni Ewropea.

    (18)  Il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni mir-Radjazzjoni Mhux Jonizzanti.

    (19)  https://www.home-biology.com/images/emfsafetylimits/EuropeanParliamentSTOA.pdf

    (20)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 281.

    (21)  https://www.enisa.europa.eu/publications/enisa-threat-landscape-report-for-5g-networks/at_download/fullReport

    (22)  https://ec.europa.eu/newsroom/dae/document.cfm?doc_id=64468


    Top