Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021DC0830

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Mudell ta’ arranġament ta’ ħidma kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624

COM/2021/830 final

Brussell, 21.12.2021

COM(2021) 830 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Mudell ta’ arranġament ta’ ħidma kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624


1.Introduzzjoni

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 1 , li stabbilixxa l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (l-“Aġenzija”), komunement imsejħa Frontex (taħt l-isem Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea), jipprovdi li l-Aġenzija “tista’ tikkoopera mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi kompetenti fi kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament fil-qafas ta’ arranġamenti ta' ħidma konklużi ma’ dawn l-awtoritajiet, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat 2 .” Ir-Regolament (UE) 2016/1624 3 , li ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 fl-2016, kien fih l-istess dispożizzjoni, li din id-darba teħtieġ li l-arranġamenti jkunu “konformi mal-liġi u l-politika tal-Unjoni.” 4 Bħalissa hemm fis-seħħ 18-il arranġament ta’ ħidma ma’ awtoritajiet ta’ ġestjoni tal-fruntieri ta’ Stati mhux Membri 5 , li kollha ħlief tnejn 6 ġew abbozzati taħt il-qafas tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004.

2.Kooperazzjoni mal-Awtoritajiet ta’ Pajjiżi Terzi

Fl-2019, daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) 2019/1896 7 , li komunement jissejjaħ ir-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (ir-“Regolament”). Skont ir-Regolament, “l-Aġenzija tista’ tikkoopera, sal-punt meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha, mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi kompetenti fi kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament.” 8 Meta tikkoopera mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, l-Aġenzija trid taġixxi fil-qafas tal-politika ta’ azzjoni esterna tal-Unjoni, bl-appoġġ ta’, u f’koordinazzjoni ma’, delegazzjonijiet tal-Unjoni u kwalunkwe missjoni u operazzjoni rilevanti tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni 9 . Ir-Regolament jitlob li l-Aġenzija taġixxi fi ħdan il-qafas ta’ arranġamenti ta’ ħidma konklużi mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet “relatati mal-ġestjoni tal-kooperazzjoni operazzjonali.” 10 L-arranġament tax-xogħol għandu jispeċifika l-ambitu, in-natura u l-iskop tal-kooperazzjoni 11 .

Qabel ma l-Aġenzija tkun tista’ tibda negozjati formali dwar arranġament ta’ ħidma, hija trid tingħata l-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Qabel ma jkun jista’ jiġi konkluż arranġament ta’ ħidma, dan irid jiġi approvat mill-bord maniġerjali tal-Aġenzija. Il-proposti għal deċiżjonijiet tal-bord maniġerjali dwar l-arranġamenti ta’ ħidma ma’ pajjiżi terzi jeħtieġu vot favur l-adozzjoni tagħhom mill-membri tal-bord maniġerjali li jirrappreżentaw lill-Istati Membri ġirien ta’ dak il-pajjiż terz 12 . Fl-aħħar nett, l-Aġenzija trid tkun ipprovdiet lill-Parlament Ewropew b’ “informazzjoni dettaljata fir-rigward tal-partijiet għall-arranġament ta’ ħidma u l-kontenut previst tiegħu” u hija meħtieġa tagħmel l-arranġamenti ta’ ħidma pubbliċi fuq inizjattiva tagħha stess.  13

3.Mudell ta’ Arranġament ta’ Ħidma

Ir-Regolament jistieden lill-Kummissjoni tfassal mudell ta’ arranġament ta’ ħidma wara konsultazzjoni mal-Aġenzija, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u kwalunkwe korp, uffiċċju jew aġenzija rilevanti oħra tal-Unjoni 14 . Dak il-mudell irid jinkludi dispożizzjonijiet relatati mad-drittijiet fundamentali u s-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data 15 .

Konsegwentement, il-mudell jinkludi d-dispożizzjonijiet speċifiċi segwenti:

-L-Artikolu 1 jipprovdi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-arranġament ta’ ħidma, li jinkludi l-iżvilupp gradwali tal-kooperazzjoni operazzjonali lejn sħubija operazzjonali sostenibbli fil-qasam tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri;

-L-Artikolu 2 jiddeskrivi l-għan tal-arranġament ta’ ħidma, li huwa li jippromwovi l-implimentazzjoni effettiva tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri, li jipproteġi l-fruntieri esterni u li jiffaċilita l-implimentazzjoni tar-ritorn;

-L-Artikolu 3 jipprovdi l-firxa wiesgħa ta’ modalitajiet potenzjali ta’ kooperazzjoni operazzjonali bejn il-partijiet;

-L-Artikolu 4 jiżgura li d-drittijiet fundamentali jiġu rispettati bis-sħiħ f’kull ħin fir-rigward tal-applikazzjoni tal-arranġament ta’ ħidma u jipprevedi li l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali u l-osservaturi tad-drittijiet fundamentali tal-Aġenzija jiżguraw tali rispett;

-L-Artikolu 5 jippermetti lill-partijiet jiskambjaw, jikkondividu jew ixerrdu informazzjoni fil-qafas tal-EUROSUR skont it-termini li għandhom jiġu annessi mal-arranġament;

-L-Artikolu 6 jirregola l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva mhux klassifikata u jipprojbixxi l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata mingħajr il-konklużjoni ta’ arranġament amministrattiv separat bejn l-Aġenzija u l-pajjiż terz;

-L-Artikolu 7 fih dispożizzjonijiet għat-trażmissjoni suċċessiva u l-kunfidenzjalità xierqa tal-informazzjoni riċevuta skont dan l-arranġament;

-L-Artikolu 8 jelenka r-regoli dwar l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data personali;

-L-Artikolu 9 jipprevedi li l-pajjiż terz jinforma b’mod proattiv lill-korpi rilevanti tal-Unjoni f’każ li jsir konxju ta’ allegazzjonijiet ta’ frodi, korruzzjoni jew attivitajiet illegali oħra li jistgħu jaffettwaw l-interessi tal-Unjoni Ewropea;

-L-Artikolu 10 jippermetti lill-Partijiet jaqblu dwar pjanijiet ta’ kooperazzjoni u jinnominaw koordinaturi għall-implimentazzjoni tal-arranġament ta’ ħidma;

-L-Artikolu 11 jiċċara li l-finanzjament tal-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet mill-pajjiż terz f’attivitajiet organizzati jew ikkoordinati mill-Aġenzija jrid jintlaħaq qbil dwaru b’mod separat;

-L-Artikolu 12 jirregola kif it-tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-ftehim għandu jiġi solvut;

-L-Artikolu 13 jenfasizza li arranġament ta’ ħidma mhuwiex strument legalment vinkolanti;

-L-Artikolu 14 jiddeskrivi l-proċedura għall-applikazzjoni, l-emendar u l-waqfien tal-ftehim.

4.    Konklużjonijiet

Li r-Regolament jirrikjedi li l-Aġenzija tikkoopera ma’ pajjiżi terzi għall-fini tal-politika Ewropea għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri u tal-migrazzjoni jenfasizza l-importanza ta’ tali kooperazzjoni biex l-Aġenzija twettaq il-missjoni tagħha, issaħħaħ is-sigurtà tal-fruntieri tal-Unjoni u tippromwovi l-istandards tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri. Il-mudell ta’ arranġament ta’ ħidma jistabbilixxi qafas għall-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet rilevanti tal-ġestjoni tal-fruntieri ta’ pajjiżi terzi. Filwaqt li l-Aġenzija għandha tuża dan il-mudell bħala punt tat-tluq għal kull arranġament ta’ ħidma li jinnegozja ma’ pajjiż terz, it-testi finali ta’ tali arranġamenti se jkunu neċessarjament differenti skont ir-realtajiet differenti ta’ kull sieħeb fin-negozjati u l-objettivi differenti tal-Unjoni fir-rigward ta’ dawk is-sħab. Madankollu, l-Aġenzija jenħtieġ li tagħmel ħilitha biex tippreserva l-essenza tal-arranġament ta’ ħidma mudell matul tali negozjati.

 

(1)

     Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta' Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1.

(2)

     L-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 2007/2004.    

(3)

     Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE, (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).

(4)

     L-Artikolu 54(2), ir-Regolament (UE) 2016/1624.

(5)

     Is-Servizz tal-Gwardja tal-Fruntiera tas-Servizz tas-Sigurtà Federali tar-Russja, is-Servizz tal-Gwardja tal-Fruntiera tal-Istat tal-Ukrajna, is-Servizz tal-Gwardja tal-Fruntiera tal-Moldova, il-Ministeru tal-Affarijiet Interni tal-Georgia, il-Ministeru tal-Intern tas-Serbja, il-Ministeru tal-Intern tal-Albanija, il-Ministeru tas-Sigurtà tal-Bosnja-Ħerzegovina, id-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti, id-Direttorat tal-Pulizija tal-Montenegro, il-Kumitat għall-Fruntieri tal-Istat tal-Belarussja, l-Aġenzija tas-Servizzi tal-Fruntiera tal-Kanada, il-Pulizija Nazzjonali tal-Kap Verde, is-Servizz tal-Immigrazzjoni Niġerjan, il-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Armenja, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tat-Turkija, is-Servizz Intern għall-Affarijiet Interni tal-Ażerbajġan, il-Ministeru tal-Affarijiet Interni tal-Kosovo, il-Ministeru tal-Affarijiet Interni tal-Maċedonja ta’ Fuq.

(6)

     Il-Ministeru tal-Affarijiet Interni tal-Georgia u l-Ministeru tal-Intern tal-Albanija.

(7)

     Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 PE/33/2019/REV/1 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).

(8)

     L-Artikolu 73(1).

(9)

     L-Artikolu 73(2).

(10)

     L-Artikolu 73(4).

(11)

     L-Artikolu 73(4).

(12)

     L-Artikolu 100(3).

(13)

     L-Artikolu 76 (4) u l-Artikolu 114 (2), rispettivament.

(14)

     L-Artikolu 76(2).

(15)

     L-Artikolu 76(2).

Top

Brussell, 21.12.2021

COM(2021) 830 final

ANNESS

għall-

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Mudell ta’ arranġament ta’ ħidma kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624


Mudell għal Arranġament ta' Ħidma li Jistabbilixxi Kooperazzjoni  Operazzjonali bejn l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u [awtorità ta’ pajjiż terz]

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”), stabbilita bir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta 1 (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament”) irrappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha, [...], minn naħa waħda,

kif ukoll

[Awtorità ta’ Pajjiż Terz], irrappreżentata minn [...], min-naħa l-oħra,

minn hawn ’il quddiem imsejħa individwalment bħala “Parti” jew kollettivament bħala l-“Partijiet”,

bi ħsiebhom iwettqu kooperazzjoni operazzjonali kif ġej:    

1.Kamp ta’ applikazzjoni

1.1Il-Partijiet jenfasizzaw li l-kooperazzjoni operazzjonali maħsuba għandha tiġi żviluppata gradwalment. L-għan huwa li ssir ħidma lejn sħubija operazzjonali sostenibbli fil-qasam tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri, inkluż fid-detezzjoni, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali u l-kriminalità transfruntiera, kif ukoll fil-qasam tar-ritorn, f’konformità mal-oqfsa legali nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali applikabbli, inkluż dwar il-protezzjoni tad-data personali.

2.Skop

Il-Partijiet għandhom l-intenzjoni li jikkooperaw bil-għan li jippromwovu implimentazzjoni effettiva tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri, bil-ħsieb li jiffaċilitaw il-qsim leġittimu tal-fruntieri, jipproteġu l-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea u [pajjiż terz] kontra theddid inkluż l-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transfruntiera, kif ukoll biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ ritorn u riammissjoni, kollha b’rispett sħiħ tal-istrumenti internazzjonali applikabbli, b’mod partikolari [ħassar kif applikabbli: il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1951 u l-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati u l-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali]. Din il-kooperazzjoni għandha tkopri:

a)il-ġestjoni tal-fruntieri, inkluż il-kontroll tal-fruntieri, it-tiftix u s-salvataġġ, l-għarfien tas-sitwazzjoni, l-analiżi tar-riskju, l-iskambju tal-informazzjoni, il-bini tal-kapaċità, it-taħriġ, l-infurzar tal-liġi, il-kontroll tal-kwalità u r-riċerka u l-innovazzjoni;

b)ir-ritorn, inklużi attivitajiet ta’ qabel ir-ritorn (eż. konsulenza, identifikazzjoni u ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar), ir-ritorn volontarju u mhux volontarju ta’ persuni li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Pajjiż Assoċjat ma’ Schengen, attivitajiet ta’ wara r-ritorn (eż. riammissjoni u riintegrazzjoni effettivi) u attivitajiet oħra relatati mar-ritorn.

3.Natura tal-Kooperazzjoni

3.1Fl-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni operazzjonali, il-Partijiet jirrispettaw l-obbligi tad-drittijiet fundamentali tagħhom, b’mod partikolari dawk relatati mal-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali u l-prinċipju ta’ non-refoulement. B’mod partikolari, il-Partijiet jiżguraw li d-drittijiet tal-persuni kollha, speċjalment dawk li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, il-minorenni mhux akkumpanjati, il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u persuni vulnerabbli oħra, jiġu rispettati bis-sħiħ matul l-attivitajiet konġunti kollha.

3.2Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet jenħtieġ li titwettaq skont l-acquis tal-Unjoni Ewropea u l-qafas legali li jirregola l-Aġenzija, fil-qafas tal-politika tal-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea u f’konformità mal-qafas legali ta’ [pajjiż terz].

Skambju ta’ Informazzjoni

3.3Il-Partijiet jistgħu jikkondividu informazzjoni u prodotti analitiċi, soġġett għar-regoli rispettivi tagħhom dwar il-protezzjoni tad-data, sabiex itejbu l-għarfien komuni tas-sitwazzjoni, il-kooperazzjoni matul l-attivitajiet operazzjonali u l-analiżi tar-riskju konġunta għall-fini ta’ ġestjoni integrata tal-fruntieri.

Għal dak il-għan, il-Partijiet jistgħu jistabbilixxu arranġamenti speċjali li jirregolaw l-iskambju ta’ informazzjoni, fejn applikabbli f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ [daħħal ir-referenza għall-Anness].

3.4Il-Partijiet jistgħu jaħtru esperti fil-qasam tal-analiżi tar-riskju u jipparteċipaw fl-attivitajiet tan-Networks ta’ Analiżi tar-Riskju reġjonali miftiehma b’mod reċiproku kkoordinati mill-Aġenzija.

Tisħiħ tal-Kapaċitajiet

3.5Il-Partijiet jistgħu jikkooperaw f’attivitajiet ta’ taħriġ u bini ta’ kapaċità mmirati lejn it-titjib u l-appoġġ tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri, inklużi miżuri ta’ ritorn u riintegrazzjoni, appoġġ għall-implimentazzjoni tal-kurrikuli bażiċi komuni tal-Aġenzija fil-kurrikulu nazzjonali għat-taħriġ tal-gwardji tal-fruntiera u tal-kosta kif ukoll kooperazzjoni permezz tan-network tal-Akkademji ta’ Sħubija tal-Aġenzija.

3.6Il-Partijiet jistgħu jiskambjaw prattiki tajba u jwettqu attivitajiet u taħriġ konġunti għal dak il-għan, inkluż fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni, ir-ritorn, ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni, il-frodi tad-dokumenti, il-kontroll tal-kwalità għall-ġestjoni tal-fruntieri (inklużi l-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà), l-iżvilupp tal-kapaċità (inkluż għal skopijiet investigattivi), l-identifikazzjoni ta’ persuni ta’ interess, l-identifikazzjoni u r-riferiment ta’ persuni vulnerabbli    kif ukoll oqsma oħra ta’ interess komuni.

3.7Il-Partijiet jistgħu jistiednu lir-rappreżentanti ta’ xulxin biex jipparteċipaw fi proġetti u attivitajiet ta’ interess komuni, inkluż fi proġetti pilota ta’ innovazzjoni teknoloġika, dimostrazzjonijiet jew testijiet tat-teknoloġija.

3.8L-Aġenzija, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta’ [pajjiż terz] u mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen, u f’sinerġija ma’ azzjonijiet, programmi u strumenti oħra implimentati bl-appoġġ tal-Unjoni Ewropea, tista’ tiżviluppa inizjattivi u timplimenta proġetti ta’ assistenza teknika u operazzjonali biex ittejjeb il-kapaċitajiet ta’ ġestjoni integrata tal-fruntieri ta’ [pajjiż terz] (inkluż billi ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tipprevjeni u tiġġieled il-migrazzjoni illegali u l-kriminalità transfruntiera) u fil-qasam tar-ritorn.

Rispons operazzjonali

3.9L-Aġenzija tista’ tistazzjona l-persunal tagħha u l-membri tat-timijiet mill-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta biex jipparteċipaw mingħajr setgħat eżekuttivi f’attivitajiet operazzjonali fit-territorju ta’ [pajjiż terz], kif definit fil-pjanijiet operazzjonali speċifiċi miftiehma bejn l-Aġenzija u [pajjiż terz]. [Pajjiż terz] jenħtieġ li jiffaċilita l-proċeduri meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu biex jiżgura d-dritt tal-persunal stazzjonat u tal-membri tat-timijiet li jirrisjedu fit-territorju ta’ [pajjiż terz] għat-tul tal-iskjerament tagħhom. Għal dak il-għan, [il-pajjiż terz ospitanti] jista’ jaħtar punt ta’ kuntatt. Barra minn hekk, kwistjonijiet relatati ma’ privileġġi u immunitajiet ikunu koperti fil-pjan operazzjonali rispettiv.

3.10L-Aġenzija tista’ tiffaċilita u tippromwovi l-kooperazzjoni teknika u operazzjonali bejn azzjonijiet, programmi u strumenti oħra implimentati bl-appoġġ tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen u l-awtoritajiet kompetenti ta’ [pajjiż terz] fl-oqsma kollha koperti mill-mandat tal-Aġenzija, inkluża l-kooperazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi u l-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta, l-identifikazzjoni ta’ frodi tad-dokumenti u tal-identità, kif ukoll attivitajiet operazzjonali oħra taħt iċ-Ċiklu ta’ Politika tal-Unjoni Ewropea/EMPACT għall-kriminalità internazzjonali organizzata u serja.

3.11L-Aġenzija tista’ tuża l-portijiet tal-baħar u l-ajruporti ta’ [pajjiż terz] għall-implimentazzjoni ta’ kooperazzjoni operazzjonali (u inter alia tappoġġja s-sorveljanza tal-fruntieri, it-tfittxija u s-salvataġġ u r-ritorn) b’assi marittimi u tal-ajru, kif definiti fil-pjan operazzjonali rispettiv miftiehem ma’ [awtorità tal-pajjiż terz].

Ir-ritorn u r-riammissjoni

3.12Il-Partijiet jistgħu jiżviluppaw kooperazzjoni fil-qasam tar-ritorn, ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni f’konformità mal-politika u l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni, għall-implimentazzjoni effettiva ta’ attivitajiet relatati mar-ritorn u fir-rigward tad-drittijiet fundamentali u l-obbligi internazzjonali. Dan jinkludi, fost l-oħrajn, il-kooperazzjoni fl-istadji kollha tal-proċess ta’ ritorn, inkluż ir-ritorn volontarju u mhux volontarju ta’ persuni preżenti mingħajr awtorizzazzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Pajjiż Assoċjat ma’ Schengen, l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għal proċeduri ta’ ritorn u assistenza għar-riintegrazzjoni.

3.13Il-partijiet jistgħu jikkondividu informazzjoni rilevanti għas-sistemi ta’ ritorn ta’ [pajjiż terz], l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen, f’konformità mal-punti 5 sa 8 ta’ dan l-arranġament ta’ ħidma.

Osservaturi

3.14Il-persunal tal-awtoritajiet kompetenti ta’ [pajjiż terz] jista’ jiġi mistieden jipparteċipa fi proġetti pilota tal-Aġenzija.

3.15L-Aġenzija tista’ tistieden esperti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ [pajjiż terz] biex jipparteċipaw bħala osservaturi fl-attivitajiet tagħha, inklużi l-attivitajiet operazzjonali ospitati mill-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jew pajjiżi oħra, soġġett għall-qbil tal-istat(i) ospitanti. Jenħtieġ li l-Partijiet jaqblu dwar regoli dettaljati dwar il-parteċipazzjoni tagħhom, li jenħtieġ li jkunu riflessi fl-attività jew fl-implimentazzjoni tal-operazzjoni jew fil-pjan operazzjonali, inkluż dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni matul il-parteċipazzjoni tagħhom, kif applikabbli. Dawk il-modalitajiet jenħtieġ li jkunu f’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali, b’mod partikolari dawk relatati mad-drittijiet fundamentali, inkluża l-protezzjoni tad-data.

3.16 [Awtorità ta’ pajjiż terz] tista’ tistieden esperti mill-Aġenzija biex jipparteċipaw bħala osservaturi fl-attivitajiet koperti minn dan l-arranġament ta’ ħidma.

Avvenimenti u attivitajiet

3.17Il-Partijiet jistgħu jistiednu lil xulxin biex jipparteċipaw f’laqgħat u/jew avvenimenti oħra indirizzati lill-awtoritajiet responsabbli għall-ġestjoni tal-fruntieri u r-ritorn.

Skambju ta’ uffiċjali ta’ kollegament.

3.18Soġġett għad-dispożizzjonijiet legali rilevanti applikabbli rispettivament għall-Aġenzija u għall-[awtorità tal-pajjiż terz], l-Aġenzija tista’ tiskjera uffiċjali ta’ kollegament fi [pajjiż terz].

3.19L-Aġenzija tista’ tirċievi uffiċjali ta’ kollegament minn [pajjiż terz] fuq bażi reċiproka.

4.Drittijiet Fundamentali

4.1L-attivitajiet kollha implimentati fuq il-bażi ta’ dan l-arranġament ta’ ħidma se jsiru f’konformità sħiħa mal-obbligi tal-Partijiet li jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-ħajja, il-projbizzjoni tat-tortura u trattament jew kastig inuman jew degradanti, il-projbizzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, id-dritt għal-libertà u s-sigurtà, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti, id-dritt għall-asil, u l-protezzjoni kontra t-tneħħija u t-tkeċċija, in-non-refoulement, in-nondiskriminazzjoni u d-drittijiet tat-tfal.

4.2Kwalunkwe individwu li jipparteċipa f’attivitajiet implimentati abbażi ta’ dan l-arranġament ta’ ħidma f’isem Parti, filwaqt li jagħmel dan, ma jiddiskriminax kontra persuni għal kwalunkwe raġuni inkluż, iżda mhux limitat għal, is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru.

4.3L-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali tal-Aġenzija jista’ jimmonitorja l-konformità tal-attivitajiet implimentati abbażi ta’ dan l-arranġament ta’ ħidma mal-istandards applikabbli tad-drittijiet fundamentali inkluż is-segwitu ta’ kwalunkwe allegazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali. L-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali, jew id-deputat tiegħu, jista’ jwettaq żjarat fuq il-post fi [pajjiż terz]; Huwa jista’ wkoll joħroġ opinjoni, jitlob segwitu xieraq u jinforma lid-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija dwar ksur possibbli tad-drittijiet fundamentali relatati ma’ attività bħal din. [Pajjiż terz] se jappoġġa l-isforzi ta’ monitoraġġ tal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali, kif mitlub.

4.4L-osservaturi tad-drittijiet fundamentali tal-Aġenzija se jivvalutaw il-konformità mad-drittijiet fundamentali tal-attivitajiet operazzjonali implimentati abbażi ta’ dan l-arranġament ta’ ħidma. L-osservaturi tad-drittijiet fundamentali jistgħu jwettqu żjarat fi kwalunkwe qasam rilevanti għall-eżekuzzjoni ta’ attività operazzjonali. Barra minn hekk, l-osservaturi tad-drittijiet fundamentali se jipprovdu pariri u assistenza f’dak ir-rigward u jikkontribwixxu għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali bħala parti mill-ġestjoni integrata tal-fruntieri.

5.Skambju ta’ Informazzjoni fil-qafas tal-EUROSUR

Il-Partijiet jistgħu jiskambjaw, jikkondividu jew ixerrdu informazzjoni skont dan l-arranġament ta’ ħidma fil-qafas tal-EUROSUR skont it-termini stabbiliti fl-Anness [daħħal ir-referenza tal-Anness] għal dan l-arranġament ta’ ħidma. [NB: l-Anness jenħtieġ li jkun fih termini rilevanti bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tal-Mudell EUROSUR.]

6.Skambju ta’ Informazzjoni Klassifikata u Sensittiva Mhux Klassifikata

6.1Kwalunkwe skambju, kondiviżjoni jew disseminazzjoni ta’ informazzjoni klassifikata bejn il-Partijiet fil-qafas ta’ dan l-arranġament ta’ ħidma se jiġi stabbilit f’arranġament amministrattiv separat. 

6.2Kwalunkwe skambju ta’ informazzjoni sensittiva mhux klassifikata taħt dan l-arranġament ta’ ħidma:

a)se jiġi ttrattat mill-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 9(5) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 2 ;

b)jirċievi livell ta’ protezzjoni mill-Parti riċeventi li jkun ekwivalenti għal-livell ta’ protezzjoni offrut mill-miżuri applikati għal dik l-informazzjoni mill-Parti li tkun qed tikkomunika f’termini ta’ kunfidenzjalità, integrità u disponibbiltà,

c)se jitwettaq permezz ta’ sistemi ta’ skambju ta’ informazzjoni li jissodisfaw il-kriterji ta’ disponibbiltà, kunfidenzjalità u integrità għal informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, bħan-network ta’ komunikazzjoni msemmi fl-Artikolu 14 tar-Regolament.

6.3Il-Partijiet se jikkonformaw mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati ma’ kwalunkwe data pproċessata skont dan l-arranġament ta’ ħidma.

7.Trasparenza

7.1It-trażmissjoni suċċessiva ta’ kwalunkwe informazzjoni riċevuta se ssir skont l-oqfsa legali rispettivi u taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li japplikaw għat-trażmissjoni oriġinali u se ssir biss bl-approvazzjoni minn qabel tal-Parti l-oħra.

7.2Il-Partijiet beħsiebhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw kunfidenzjalità xierqa tal-informazzjoni riċevuta skont dan l-arranġament ta’ ħidma.

7.3Mingħajr preġudizzju għall-qafas legali tal-Unjoni Ewropea dwar it-trasparenza tal-attivitajiet tal-Aġenzija, u b’mod partikolari dwar id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti, kif ukoll il-leġiżlazzjoni rilevanti dwar it-trasparenza ta’ [pajjiż terz], il-Partijiet beħsiebhom jiżguraw li:

(a)l-informazzjoni riċevuta taħt dan l-arranġament ta’ ħidma jenħtieġ li tintuża biss għall-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tagħhom relatati mal-ġestjoni integrata tal-fruntieri, u għall-finijiet li għalihom ġiet trasferita,

(b)jekk wieħed mill-Partijiet (detentur), skont ir-regoli tagħhom dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti, jirċievi talba biex jiġu żvelati dokumenti li joriġinaw mill-Parti l-oħra, id-detentur jenħtieġ li jikseb l-approvazzjoni minn qabel tal-Parti ta’ oriġini għar-rilaxx tagħhom.

8.Protezzjoni ta’ Data Personali

8.1Il-Komunikazzjoni ta’ data personali sseħħ biss jekk tali komunikazzjoni tkun meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim mill-awtoritajiet kompetenti ta’ [pajjiż terz] jew mill-Aġenzija u tkun soġġetta għar-regoli tal-protezzjoni tad-data tal-Parti li tkun qed tikkomunika. L-ipproċessar ta’ data personali minn Parti f’każ partikolari, inkluż it-trasferiment ta’ tali data personali lejn il-Parti l-oħra, se jkun soġġett għar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli għal dik il-Parti. Il-Parti se tiżgura s-salvagwardji minimi li ġejjin bħala prekundizzjoni għal kwalunkwe trasferiment ta’ data:

(a)id-data personali trid tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data;

(b)id-data personali trid tinġabar għall-iskop speċifikat, espliċitu u leġittimu tal-implimentazzjoni ta’ dan l-arranġament u ma tiġix ipproċessata aktar mill-Parti li qed tikkomunika jew mill-Parti riċeventi b’mod mhux kompatibbli ma’ dak l-iskop;

(c)id-data personali trid tkun adegwata, relevanti u mhux eċċessiva fir-rigward tal-għan li għalih tinġabar u/jew tiġi pproċessata aktar; b’mod partikolari, id-data personali kkomunikata f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Parti li tkun qed tikkomunika tista’ tikkonċerna biss dan li ġej:

– [Lista ta’ kategoriji ta’ data li jistgħu jiġu skambjati u l-għanijiet li għalihom tista’ tiġi pproċessata u trasferita]

(d)id-data personali trid tkun eżatta u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata; 

(e)id-data personali trid tinżamm b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar mill-perjodu neċessarju għall-fini li għalih tkun inġabret id-data jew li kompliet tiġi pproċessata;

(f)id-data personali jeħtieġ li tiġi pproċessata b’mod li tiżgura s-sigurtà xierqa tad-data personali, filwaqt li jitqiesu r-riskji speċifiċi tal-ipproċessar, inkluż il-protezzjoni kontra proċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telfien, il-qerda jew il-ħsara inċidentali, bl-użu ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa (“ksur tad-data”); il-Parti riċeventi se tieħu l-miżuri xierqa biex tindirizza kwalunkwe ksur tad-data, u se tinnotifika lill-Parti li tkun qed tikkomunika dwar ksur bħal dan mingħajr dewmien żejjed u fi żmien 72 siegħa;

(g)kemm il-Parti li tikkomunika kif ukoll il-Parti riċeventi se jieħdu kull pass raġonevoli biex jiżguraw mingħar dewmien il-korrezzjoni jew it-tħassir, kif xieraq tad-data personali fejn l-ipproċessar tagħha ma jkunx konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, b’mod partikolari għaliex dik id-data ma tkunx xierqa, adegwata, preċiża jew għaliex tkun eċċessiva fir-rigward tal-fini tal-ipproċessar. Dan jinkludi n-notifika ta’ kwalunkwe korrezzjoni jew tħassir lill-Parti l-oħra;

(h)fuq talba, il-Parti riċeventi tinforma lil Parti li tikkomunika dwar l-użu tad-data kkomunikata;

(i)id-data personali tista’ tkun ikkomunikata biss lill-awtoritajiet kompetenti li ġejjin:

–[Lista tal-awtoritajiet u l-ambitu tal-kompetenzi tagħhom]

Komunikazzjoni ulterjuri lil entitajiet oħrajn teħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel tal-Parti li tikkomunika;

(j)il-Parti li tikkomunika u l-Parti riċeventi se jirreġistraw bil-miktub il-komunikazzjoni u l-wasla tad-data personali.

(k)se jkun hemm fis-seħħ sorveljanza indipendenti biex tiġi ssorveljata l-konformità mal-protezzjoni tad-data, inkluż biex jiġu spezzjonati tali rekords; is-suġġetti tad-data se jkollhom id-dritt li jressqu lmenti quddiem il-korp ta’ sorveljanza, u li jirċievu tweġiba mingħajr dewmien żejjed;

(l)is-suġġetti tad-data se jkollhom id-dritt li jirċievu informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom, jaċċessaw tali data u korrezzjoni jew tħassir ta’ data mhux preċiża jew ipproċessata illegalment, soġġett għal-limitazzjonijiet meħtieġa u proporzjonati għal raġunijiet importanti ta’ interess pubbliku;

(m) is-suġġetti tad-data se jkollhom id-dritt għal rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv għall-ksur tas-salvagwardji msemmija hawn fuq.

8.2Kull Parti se twettaq rieżamijiet perjodiċi tal-politiki u l-proċeduri tagħha stess li jimplimentaw din id-dispożizzjoni. Fuq talba mill-Parti l-oħra, il-Parti li tirċievi t-talba se tirrevedi l-politiki u l-proċeduri tal-ipproċessar tad-data personali tagħha biex taċċerta u tikkonferma li s-salvagwardji f’din id-dispożizzjoni jiġu implimentati b’mod effettiv. Ir-riżultati tar-rieżami se jiġu kkomunikati lill-Parti li talbet ir-rieżami fi żmien raġonevoli.

8.3Is-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data taħt dan l-arranġament se jkunu soġġetti għal sorveljanza minn [awtorità pubblika indipendenti jew korp ta’ sorveljanza kompetenti ieħor f’pajjiż terz], bħala l-awtorità superviżorja ta’ [pajjiż terz], u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, bħala l-awtorità superviżorja tal-Aġenzija. Il-Partijiet se jikkooperaw ma’ dawn l-awtoritajiet.

9.Ġlieda kontra l-Frodi

9.1[L-Awtorità ta’ pajjiż terz] se tinnotifika lill-Aġenzija, lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u/jew lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi minnufih jekk issir taf bl-eżistenza ta’ allegazzjonijiet kredibbli ta’ frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li tista’ taffettwa l-interessi tal-Unjoni Ewropea.

9.2Fejn tali allegazzjonijiet ikunu relatati ma’ fondi tal-Unjoni Ewropea żborżati fir-rigward ta’ dan l-arranġament ta’ ħidma, [l-Awtorità tal-Pajjiż Terz] se tipprovdi l-assistenza kollha meħtieġa lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u/jew lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fir-rigward ta’ attivitajiet investigattivi fit-territorju tagħha, inkluż l-iffaċilitar ta’ intervisti, kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post (inkluż aċċess għal sistemi ta’ informazzjoni u bażijiet ta’ data fi [pajjiż terz]); u l-iffaċilitar tal-aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar il-ġestjoni teknika u finanzjarja ta’ kwistjonijiet iffinanzjati parzjalment jew kompletament mill-Unjoni Ewropea.

10.Implimentazzjoni ta’ dan l-Arranġament

10.1Il-Partijiet beħsiebhom iżommu djalogu dwar l-implimentazzjoni ta’ dan l-arranġament ta’ ħidma. Għal dak il-għan, il-Partijiet jistgħu jaqblu dwar pjanijiet ta’ kooperazzjoni pluriennali jew annwali li jistabbilixxu l-attivitajiet li għandhom jiġu implimentati taħt il-punt 3. 

10.2Il-koordinaturi għall-implimentazzjoni ta’ dan l-arranġament ta’ ħidma huma, għall-Aġenzija, l-Unità ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali, u għall-[awtorità tal-pajjiż terz], [il-koordinatur tal-pajjiż terz].

10.3Punti ta’ kuntatt addizzjonali jistgħu jiġu kkunsidrati għal attivitajiet speċifiċi, kif miftiehem miż-żewġ Partijiet.

10.4[Fil-każ ta’ Anness] L-Anness(i) jifforma(w) parti integrali minn dan l-arranġament ta’ ħidma.

11.Aspetti finanzjarji

Il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet ta’ [pajjiż terz] f’attivitajiet organizzati jew ikkoordinati mill-Aġenzija tista’ tiġi ffinanzjata skont it-termini u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu miftiehma separatament bejn il-Partijiet fuq bażi ta’ każ b’każ.

12.Riżoluzzjoni ta’ Disputi

Kwalunkwe tilwima li tirriżulta mill-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ dan l-arranġament ta’ ħidma tiġi solvuta permezz ta’ konsultazzjoni u/jew negozjati.

13.Status legali

Dan l-arranġament ta’ ħidma jikkostitwixxi biss arranġament amministrattiv fil-livell tekniku. Ma jikkostitwixxix ftehim legalment vinkolanti skont il-liġi nazzjonali jew internazzjonali. L-implimentazzjoni prattika tiegħu ma titqiesx bħala t-twettiq ta’ obbligi internazzjonali mill-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet tagħha u lanqas minn [pajjiż terz].

14.Applikazzjoni, emenda u twaqqif

14.1Il-Partijiet beħsiebhom japplikaw dan l-arranġament ta’ ħidma mill-mument li ż-żewġ Partijiet ikunu ffirmawh.

14.2Dan l-arranġament ta’ ħidma jista’ jiġi emendat biss permezz ta’ kitba miftiehma miż-żewġ Partijiet.

14.3Il-Partijiet jistgħu jwaqqfu dan l-arranġament ta’ ħidma bi ftehim reċiproku jew unilateralment bil-miktub. 

Iffirmat fi [post], fi [data] f’żewġ oriġinali, bl-Ingliż [Jekk l-arranġament ta’ ħidma huwa ffirmat f’aktar minn lingwa waħda] u [lingwa/i].

[Jekk l-arranġament ta’ ħidma jiġi ffirmat f’żewġ lingwi jew aktar] F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-arranġament ta’ ħidma, tipprevali l-verżjoni bl-Ingliż.

Firem

(1)

     ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1.    

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

Top