Alegeți funcționalitățile experimentale pe care doriți să le testați

Acest document este un extras de pe site-ul EUR-Lex

Document 52021DC0780

    Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-kooperazzjoni operazzjonali tal-pulizija

    COM/2021/780 final

    Brussell, 8.12.2021

    COM(2021) 780 final

    2021/0415(CNS)

    Proposta għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-kooperazzjoni operazzjonali tal-pulizija

    {SWD(2021) 375 final}


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta 1

    L-Artikolu 3(2) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (“TUE”) jipprovdi li l-UE trid toffri liċ-ċittadini tagħha żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda l-kontrolli tal-fruntieri esterni, l-ażil, l-immigrazzjoni kif ukoll il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha.

    Iż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni tista’ tiġi żgurata, fost l-oħrajn, permezz ta’ kooperazzjoni soda tal-pulizija u tal-ġudikatura madwar l-Istati Membri. 2 Għalhekk, l-uffiċjali tal-pulizija fi Stat Membru wieħed jenħtieġ li jikkooperaw b’mod effettiv u sistematiku madwar l-UE. Madankollu, il-kooperazzjoni tal-pulizija bejn l-Istati Membri għadha tvarja ħafna. Mingħajr livell suffiċjenti ta’ kooperazzjoni bejn il-forzi tal-pulizija fl-Istati Membri, il-kriminali se jkomplu joperaw madwar l-Istati Membri mingħajr rażan, filwaqt li jieħdu vantaġġ mill-ġuriżdizzjonijiet nazzjonali differenti, u l-movimenti mhux awtorizzati ta’ migranti irregolari se jkomplu joħolqu sfida. 

    L-avvenimenti traġiċi reċenti fil-Kanal enfasizzaw għal darb’oħra l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni qawwija tal-pulizija, li hija riflessa fid-deċiżjoni ta’ Franza, il-Belġju, in-Netherlands u l-Ġermanja tat-28 ta’ Novembru 2021 li tissaħħaħ il-kooperazzjoni operazzjonali tal-pulizija biex tiġi miġġielda l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali.

    Il-kriminalità transfruntiera u t-theddid għas-sigurtà marbut magħha għandhom, min-natura tagħhom, kuntest internazzjonali. Kif stabbilit fl-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà 3 , l-UE qiegħda tiffaċċja theddid għas-sigurtà li qiegħed jevolvi u li qiegħed isir dejjem aktar kumpless. Dan it-theddid jinfirex bejn il-fruntieri, u jimmanifesta ruħu fi kriminali u fi gruppi ta’ kriminalità organizzata li jkunu involuti f’firxa wiesgħa ta’ attivitajiet kriminali. Kif enfasizzat fl-istrateġija tal-UE tal-2021-2025 biex tiġi indirizzata l-kriminalità organizzata 4 , il-kriminalità organizzata hija theddida sinifikanti għall-Ewropej, għan-negozji u għall-istituzzjonijiet nazzjonali, kif ukoll għall-ekonomija kollha kemm hi. Billi joperaw f’ġuriżdizzjonijiet differenti, il-gruppi kriminali jevitaw li jiġu ntraċċati u jisfruttaw id-differenzi fil-liġijiet nazzjonali. Flimkien mal-proposta ta’ akkumpanjament dwar Direttiva dwar l-iskambju ta’ informazzjoni, din il-proposta tfittex li tistabbilixxi Kodiċi ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija bl-objettiv li tissimplifika, ittejjeb, tiżviluppa, timmodernizza u tiffaċilita l-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi bejn l-aġenziji nazzjonali rilevanti, u b’hekk tappoġġa lill-Istati Membri fil-ġlieda tagħhom kontra l-kriminalità serja u organizzata u t-terroriżmu.

    Skont il-Valutazzjoni mill-Unjoni Ewropea tat-Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata tal-2021 (EU SOCTA), ix-xenarju tal-kriminalità organizzata huwa kkaratterizzat minn ambjent ta’ network fejn il-kooperazzjoni bejn il-kriminali hija fluwida, sistematika u mmotivata mill-profitt. Kważi 70 % tan-networks kriminali huma attivi f’aktar minn tliet Stati Membri. Madwar 65 % tan-networks kriminali attivi fl-UE huma magħmula minn membri ta’ nazzjonalitajiet multipli. Aktar minn 80 % tan-networks kriminali rrapportati huma involuti f’tipi ewlenin ta’ reati transfruntiera, li jkopru l-kummerċ tad-drogi, il-kriminalità kontra l-proprjetà, it-traffikar tal-bnedmin u l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali. 5 Ir-rapport Ewropew dwar id-Drogi tal-2021 tal-UE SOCTA u tal-EMCDDA 6 jidentifika żoni fejn il-kriminalità serja u organizzata tidher li qiegħda tiżdied. Postijiet ewlenin bħar-reġjuni tal-fruntiera, l-ajruporti, l-awtostradi, jew il-konnessjonijiet bil-vapur fl-UE jattiraw lill-kriminali, inkluż minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom. Fir-reġjuni tal-fruntieri, il-kriminali jieħdu vantaġġ mid-delineazzjonijiet naturali tal-ġuriżdizzjonijiet individwali tal-infurzar tal-liġi li joħolqu opzjonijiet għall-evażjoni tal-infurzar tal-liġi u jipprovdu prossimità għal bosta swieq. 7 Il-mobbiltà tal-kriminali fl-UE toħloq sfidi fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra t-theddid kriminali 8 , u fl-iżgurar tas-sikurezza pubblika.

    Fl-istess ħin, kif stabbilit fl-aġenda ta’ Diċembru 2020 Kontra t-Terroriżmu 9 , l-UE għadha fuq allerta għolja għal terroriżmu. Il-kriminali u t-terroristi jużaw it-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni biex jikkomunikaw bejniethom u biex iħejju u jwettqu l-attivitajiet kriminali tagħhom. 10

    Iż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni (“iż-żona Schengen” 11 ) hija l-akbar żona ta’ vjaġġar liberu fid-dinja. Tagħmilha possibbli għal aktar minn 420 miljun persuna li jiċċaqalqu liberament, u li l-oġġetti u s-servizzi jiċċaqalqu mingħajr xkiel. Iż-żoni tal-fruntiera intra-UE jkopru madwar 40 % tat-territorju tal-UE u fl-2017 kienet tgħix fihom 30 % tal-popolazzjoni, madwar 150 miljun persuna. Fl-2017, kważi 2 miljun persuna qasmu l-fruntieri, inkluż 1,3 miljun ħaddiem transfruntier 12 . Fl-2018, ir-residenti tal-UE għamlu 1,1 biljun vjaġġ, jew għal raġunijiet professjonali jew personali – żieda ta’ 11 % mill-2014. Il-pandemija tal-COVID-19 naqqset il-mobbiltà intra-UE minħabba miżuri ta’ kwarantina, restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, limitazzjonijiet għall-ħajja pubblika u lockdowns 13 . Madankollu, il-flussi tan-nies x’aktarx li jkomplu jkunu sinifikanti fil-futur, speċjalment hekk kif il-ħajja terġa’ lura għan-normal. Iż-żona Schengen hija simbolu tal-interkonnettività tal-UE u tar-rabtiet bejn l-Ewropej. 14 Din tikkontribwixxi wkoll għall-funzjonament effiċjenti tas-Suq Uniku, u b’hekk għat-tkabbir tal-ekonomija tal-UE. 15  

    F’dawn l-aħħar snin, iż-żona Schenger ġiet ripetutament ittestjata minn serje ta’ kriżijiet u sfidi. Diversi Stati Membri reġgħu introduċew il-kontrolli fil-fruntieri interni, b’mod partikolari minħabba l-movimenti mhux awtorizzati 16 ta’ migranti irregolari, li huma jqisu li huma ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna. Movimenti mhux awtorizzati fiż-żona Schengen, li ma humiex relatati ma’ kriżi migratorja maġġuri jew ma’ nuqqasijiet strutturali fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni 17 , jenħtieġ li jiġu indirizzati b’mezzi oħra għajr il-kontrolli fil-fruntieri interni, li jistgħu jintużaw biss bħala miżura tal-aħħar istanza, biex jiġi indirizzat it-theddid konkret għas-sigurtà interna jew għall-ordni pubbliku. Dawn il-kontrolli tal-fruntieri interni persistenti żvelaw li hemm lok għal titjib fir-rigward tal-użu tal-kontrolli u l-kooperazzjoni tal-pulizija, proċeduri li jippermettu riammissjoni simplifikata bejn l-Istati Membri u l-applikazzjoni ta’ ftehimiet u arranġamenti bilaterali f’dak il-kuntest, f’konformità mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2008/115/KE. 18 Huwa nnotat li, f’konformità mal-Premessa 8 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/432 19 , politika effettiva ta’ ritorn tal-Unjoni teħtieġ miżuri effiċjenti u proporzjonati għall-arrest u għall-identifikazzjoni ta’ migranti irregolari. Dawn il-miżuri, jekk ikkombinati, għandhom il-potenzjal li jagħtu l-istess riżultati fil-kontroll ta’ movimenti mhux awtorizzati bħal kontrolli temporanji fil-fruntieri interni, u huma inqas intrużivi fir-rigward tal-moviment liberu tal-persuni, tal-oġġetti u tas-servizzi.

    Għodod ta’ kooperazzjoni tal-pulizija bħala żvilupp tal-acquis ta’ Schengen

    Ir-rakkomandazzjonijiet dwar il-kooperazzjoni operazzjonali tal-pulizija kif stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni jikkontribwixxu għall-iżvilupp tar-regoli ta’ Schengen.

    L-ewwel nett, wieħed mill-pilastri tal-qafas legali tal-UE li jsostni l-kooperazzjoni tal-pulizija kien imfassal 30 sena ilu permezz tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen (KIFS) 20 , ferm qabel il-kriżijiet u l-isfidi msemmija hawn fuq li ttrasformaw ir-realtajiet taż-żona Schengen. Il-KIFS tistabbilixxi għadd ta’ obbligi għall-partijiet kontraenti dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija, biex jikkontrobattu kwalunkwe defiċit tas-sigurtà kkawżat mill-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni. B’mod partikolari, il-KIFS tistabbilixxi għadd ta’ regoli ta’ bażi dwar it-twettiq ta’ insegwimenti tranfruntiera u operazzjonijiet ta’ sorveljanza transfruntiera.

    It-tieni, il-viġilanza konġunta u operazzjonijiet oħra huma direttament marbuta mal-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, inkluż l-Artikolu 39(1) tal-KIFS dwar l-assistenza bejn l-awtoritajiet, li jippermetti l-politiki koperti minn Schengen. Il-viġilanza konġunta u l-operazzjonijiet konġunti huma indirizzati minn ftehimiet ta’ kooperazzjoni transfruntiera bejn l-Istati Membri. Id-Deċiżjonijiet ta’ Prüm 21 tal-2008 jistabbilixxu għadd ta’ regoli ta’ bażi dwar kif għandhom jitwettqu l-viġilanza konġunta u operazzjonijiet konġunti oħra madwar il-fruntieri interni tal-UE, kif ukoll assistenza transfruntiera f’każ ta’ diżastri u aċċidenti serji. Filwaqt li ċ-ċentru tal-gravità tad-Deċiżjonijiet ta’ Prüm kien l-iskambju awtomatizzat tad-data dwar id-DNA, il-marki tas-swaba’ u r-reġistrazzjoni tal-vetturi, u t-taqsimiet dwar il-viġilanza konġunta u l-operazzjonijiet konġunti konsegwentement ma ġewx ittikkettati bħala żvilupp ta’ Schengen, huwa probabbli li dawn jikkostitwixxu żvilupp tal-acquis ta’ Schengen, kieku ġew adottati separatament, minħabba n-natura transfruntiera tagħhom.

    It-tielet, il-kooperazzjoni operazzjonali tal-pulizija bejn l-Istati Membri qiegħda sseħħ ukoll skont il-liġi nazzjonali, filwaqt li jitqiesu d-dokumenti mhux vinkolanti tal-Kunsill, inklużi l-prattika tajba (il-“Katalogu ta’ Schengen” 22 ) u l-Linji Gwida (il-Linji Gwida tal-“Punti Uniċi ta’ Kuntatt” (SPOC)), il-Linji Gwida taċ-Ċentru ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija u tad-Dwana (PCCC), Manwali dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi u operazzjonijiet transfruntiera). L-SPOCs 23 u l-PCCCs 24 inħolqu bħala konsegwenza diretta tal-ħtieġa li tiġi skambjata informazzjoni rilevanti wara t-tneħħija tal-fruntieri interni. Il-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen 25 stabbilew ukoll PCCCs u stabbilew SPOCs nazzjonali.

    Ir-raba’, l-Istati Membri kkomplementaw u estendew b’mod sistematiku dan il-qafas legali ta’ referenza ta’ Schengen bi ftehimiet ta’ kooperazzjoni bilaterali u multilaterali bejniethom. Il-Kummissjoni identifikat mill-inqas 60 minnhom madwar l-UE, kollha differenti minn xulxin. Il-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen ikkonkludew ukoll tali ftehimiet ta’ kooperazzjoni operazzjonali mal-Istati Membri.

    Kwistjonijiet li ġew identifikati

    L-ewwel nett, il-qafas legali attwali tal-UE jipprovdi għadd ta’ opzjonijiet li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu minnhom meta jikkooperaw ma’ Stati Membri oħra (eż. il-KIFS tippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu jew ma jistabbilixxux limitazzjonijiet ta’ distanza f’kilometri meta jkun hemm insegwimenti fit-territorju tagħhom 26 ). Dan joħloq inċertezza u nuqqas ta’ ċarezza dwar liema regoli l-uffiċjali tal-pulizija jridu jsegwu meta jintervjenu fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, xi wħud mill-għażliet li saru f’dan ir-rigward iwasslu għal ostakli, li ma kinux jeżistu kieku saru għażliet oħra kif permess mill-qafas legali tal-UE.

    It-tieni, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni bilaterali u multilaterali tal-pulizija bejn l-Istati Membri, filwaqt li jippermettu speċifiċitajiet reġjonali fil-kooperazzjoni ma’ Stati Membri ġirien, jieħdu ħafna ħin biex l-Istati Membri jinnegozjawhom, jiffirmawhom u jirratifikawhom. Il-proliferazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet bilaterali ħolqot xibka kumplessa ta’ diversi arranġamenti differenti, li fihom regoli applikabbli differenti, li wasslu għal frammentazzjoni u ostakoli għall-kooperazzjoni. Pereżempju, f’pajjiżi iżgħar jew mingħajr kosta, l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi li jaħdmu bejn il-fruntieri għandhom iwettqu azzjonijiet operazzjonali fejn, f’xi każijiet, iridu jsegwu sa seba’ settijiet ta’ regoli differenti. 27 B’riżultat ta’ dan, xi operazzjonijiet bħal insegwimenti ta’ persuni suspettati fil-fruntieri interni ma humiex permessi, jew isiru b’mod subottimali mhux koordinat, li l-kriminali jużaw għall-vantaġġ tagħhom. Il-kooperazzjoni operazzjonali li tagħmel użu minn teknoloġiji ġodda bħad-droni lanqas ma hija koperta biżżejjed mir-regoli attwali.

    It-tielet, l-evalwazzjonijiet ta’ Schengen 28 fil-kooperazzjoni tal-pulizija li twettqu matul dawn l-aħħar sitt snin ikkonfermaw li xi wħud mill-ftehimiet bilaterali jew multilaterali bejn l-Istati Membri huma skaduti jew ma jintużawx biżżejjed. Oħrajn imorru ferm aktar lil hinn mir-regoli dwar il-kooperazzjoni transfruntiera, u jippermettu li tiġi stabbilita dik li tista’ titqies bħala prattika tajba biex jiġu miġġielda b’mod aktar effettiv ir-reati transfruntiera (eż. stazzjonijiet konġunti transfruntiera tal-pulizija b’setgħat investigattivi kriminali, jew taħriġ konġunt) iżda dawn ma humiex replikati b’mod sistematiku madwar l-UE.

    Ir-raba’, minħabba l-inkompatibbiltà tat-tagħmir ta’ komunikazzjoni sigur użat bejn Stati Membri differenti, it-tagħmir ta’ komunikazzjoni ta’ xi uffiċjali tal-pulizija involuti pereżempju f’insegwimenti, jieqaf jiffunzjona meta dawn jaqsmu l-fruntiera. Dan jagħmilha impossibbli li jikkollaboraw mal-awtoritajiet tagħhom stess, jew mal-awtoritajiet tal-Istat Membru li jidħlu fih. Barra minn hekk, l-uffiċjali skjerati f’viġilanza konġunta jew f’operazzjonijiet konġunti fi Stati Membri oħra spiss ma jiġux ipprovduti b’tagħmir mobbli li jippermettilhom jaċċessaw mill-bogħod u b’mod sikur il-bażijiet tad-data nazzjonali tagħhom stess, kif ukoll dawk tal-UE u internazzjonali.

    Il-ħames, il-viġilanza konġunta u operazzjonijiet konġunti oħra spiss iseħħu f’żoni tal-fruntiera intra-UE u f’żoni oħra fl-UE fuq bażi ad hoc. Spiss ma jkollhomx koordinazzjoni u jseħħu mingħajr analiżi tar-riskju minn qabel li tippermetti l-użu mmirat aħjar tagħhom. Ma jeżisti l-ebda forum għall-Istati Membri biex jiskambjaw tali analiżi tar-riskju jew biex jinfurmaw lil Stati Membri oħra dwar il-ħtiġijiet u l-oqsma ta’ prijorità tagħhom. Pereżempju, sabiex tiġi mmirata aħjar il-viġilanza konġunta jew operazzjonijiet konġunti oħrajn li jseħħu madwar l-UE matul avvenimenti kbar (eż. avvenimenti sportivi kbar, summits internazzjonali), fi żminijiet speċifiċi (eż. staġuni ta’ vaganzi), jew quddiem mewġiet ta’ reati speċifiċi (eż. terroriżmu, traffikar tad-droga, logħob irranġat, traffikar ta’ oġġetti ffalsifikati, frodi tal-karti ta’ kreditu, serq minn ġol-bwiet u reati oħra kontra l-proprjetà).

    Is-sitt, in-networks kriminali attivi fil-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin jiffaċilitaw il-movimenti mhux awtorizzati ta’ migranti irregolari u jisfruttaw is-sitwazzjoni vulnerabbli tal-vittmi, filwaqt li jittrattaw lin-nies bħala komoditajiet. Il-faċilitazzjoni organizzata ta’ immigrazzjoni illegali hija attività kriminali ewlenija u l-movimenti mhux awtorizzati ffaċilitati huma ta’ tħassib kbir għas-sigurtà tal-UE. It-traffikar tal-bnedmin jikkostitwixxi attività ewlenija oħra ta’ kriminalità serja u organizzata, li mistennija tibqa’ theddida għall-futur prevedibbli. 29 Kważi nofs il-vittmi tat-traffikar fl-UE huma ċittadini tal-UE, u l-biċċa l-kbira tat-traffikanti huma ċittadini tal-UE. 30 Tali reati għandhom natura transfruntiera għolja u l-individwazzjoni u l-investigazzjoni tagħhom jeħtieġu azzjoni mmirata tal-pulizija fuq il-post f’żoni transfruntiera intra-UE. B’mod partikolari, il-viġilanza konġunta kkoordinata u operazzjonijiet konġunti oħra, ibbażati fuq analiżi tar-riskju, fejn uffiċjali mill-Istati Membri joperaw flimkien (eż. f’karozza tal-għassa) jenħtieġ li jiffukaw fejn xieraq fuq l-identifikazzjoni tal-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin.

    Is-seba’, l-uffiċjali involuti fil-kooperazzjoni transfruntiera fl-infurzar tal-liġi fl-UE mhux dejjem ikunu mħarrġa kif xieraq biex ikollhom l-għarfien u l-ħiliet operazzjonali meħtieġa biex iwettqu l-kompiti inkwistjoni bl-aktar mod effettiv u effiċjenti. L-istudju tal-2021 imwettaq għall-Kummissjoni identifika disponibbiltà limitata ta’ taħriġ għall-persunal tal-infurzar tal-liġi involut fil-kooperazzjoni transfruntiera. It-taħriġ ma jsirx fuq bażi regolari u mhux dejjem iqis l-aħħar żviluppi. Hemm ukoll sensibilizzazzjoni u għarfien limitati tal-bażijiet tad-data rilevanti u dwar is-setgħat eżekuttivi mogħtija minn Stati Membri differenti. L-ostakoli lingwistiċi jxekklu wkoll il-kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera effettiva tal-pulizija.

    It-triq ’il quddiem

    Kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Ġunju 2021 “Strateġija lejn żona Schengen reżiljenti u li tiffunzjona bis-sħiħ 31 ,” din ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ standards komuni li jippermettu lill-uffiċjali tal-pulizija jikkooperaw b’mod effettiv mal-kollegi tagħhom fi Stati Membri oħra. Filwaqt li jirrispettaw il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, u jibnu fuq prattika tajba fi ftehimiet ta’ kooperazzjoni bilaterali jew multilaterali bejn l-Istati Membri, l-uffiċjali tal-pulizija jenħtieġ li jwettqu operazzjonijiet konġunti mmirati, inkluż viġilanza konġunta 32 , b’mod partikolari f’żoni tal-fruntiera intra-UE. Peress li t-terroristi u kriminali oħra joperaw madwar l-Istati Membri, l-awtoritajiet tal-pulizija jenħtieġ li jkunu jistgħu jimmonitorjawhom aħjar, u meta jinvolvu ruħhom f’insegwimenti madwar territorji nazzjonali, jenħtieġ li jkunu jistgħu jżommuhom kif meħtieġ, jew iwettqu operazzjonijiet ta’ sorveljanza fir-rigward tagħhom. Barra minn hekk, l-operazzjonijiet konġunti jistgħu jgħinu fl-indirizzar effettiv tal-kwistjoni ta’ movimenti mhux awtorizzati ta’ migranti irregolari.

    Filwaqt li tirrispetta r-rwol tal-Istati Membri fis-sigurtà interna u l-ħtieġa għal flessibbiltà biex jikkooperaw b’mod reġjonali, din ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi azzjonijiet fil-kooperazzjoni operazzjonali tal-pulizija li għandhom l-għan li:

    Jiċċaraw u jallinjaw ir-regoli ta’ involviment f’operazzjonijiet transfruntiera tal-infurzar tal-liġi biex jiġu mmonitorjati u arrestati l-kriminali u t-terroristi fis-sorveljanza, fl-insegwimenti, fil-viġilanza konġunta u f’operazzjonijiet konġunti oħra fit-territorji nazzjonali.

    Jippermettu aċċess mill-bogħod mill-uffiċjali tal-pulizija għall-bażijiet tad-data tagħhom stess meta joperaw fi Stati Membri oħra, u l-użu ta’ komunikazzjonijiet siguri li jistgħu jkomplu jiffunzjonaw f’kuntest transfruntier.

    Iwessgħu r-rwol taċ-Ċentri ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija u tad-Dwana eżistenti biex isiru stazzjonijiet konġunti tal-pulizija li kapaċi mhux biss jiskambjaw l-informazzjoni, iżda jippjanaw, jappoġġaw u jikkoordinaw il-viġilanza konġunta u operazzjonijiet konġunti oħra abbażi ta’ analiżi tar-riskju kondiviża.

    Jużaw viġilanza konġunta mmirata u operazzjonijiet konġunti oħra f’żoni speċifiċi fil-fruntiera intra-UE, abbażi ta’ analiżi minn qabel, biex jiġġieldu l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali kif ukoll biex jipprevjenu u jidentifikaw il-migranti li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment u l-kriminalità transfruntiera marbuta mal-migrazzjoni irregolari.

    Jużaw viġilanza konġunta mmirata u operazzjonijiet konġunti oħra f’żoni speċifiċi fil-fruntiera intra-UE, abbażi ta’ analiżi minn qabel, biex jiġġieldu t-traffikar tal-bnedmin u biex jidentifikaw u jipproteġu l-vittmi.

    Joħolqu pjattaforma ta’ koordinazzjoni, flimkien mal-Kummissjoni u mal-Europol 33 , li tappoġġa u timmira operazzjonijiet u viġilanza konġunti madwar l-UE biex iżżomm u ttejjeb l-ordni pubbliku u s-sikurezza pubblika, tipprevjeni reati kriminali jew tgħin biex jiġu indirizzati mewġiet speċifiċi ta’ kriminalità f’postijiet ewlenin jew fi żminijiet speċifiċi (eż. żoni turistiċi, ċentri kriminali ewlenin, staġun tal-vaganzi), matul laqgħat tal-massa (eż. avvenimenti sportivi kbar, summits internazzjonali), jew f’każ ta’ diżastri u inċidenti serji.

    Iwessgħu l-programmi konġunti ta’ taħriġ u ta’ skambju għall-kadetti tal-pulizija u t-taħriġ tul il-ħajja tal-uffiċjali involuti fil-kooperazzjoni transfruntiera operazzjonali, u li jirriflettu dwar il-ħolqien ta’ programm ta’ taħriġ konġunt pan-Ewropew fuq skala kbira dwar il-kooperazzjoni transfruntiera operazzjonali biex tinħoloq kultura vera tal-UE tal-pulizija.

    Kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni proposta, l-Istati Membri jenħtieġ li jibdlu r-regoli nazzjonali tagħhom u l-ftehimiet bilaterali u multilaterali ma’ Stati Membri oħra, fejn xieraq, sabiex jimplimentaw il-miżuri li jinsabu fiha.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Din ir-Rakkomandazzjoni hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti li jmiss għall-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi.

    Kif enfasizzat taħt it-taqsima “raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha”, id-dokumenti strateġiċi eżistenti tal-Kummissjoni jirfdu l-isforzi tal-Kummissjoni biex ittejjeb l-effiċjenza u l-effettività tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi fl-UE. Dawn jinkludu l-istrateġija dwar l-Unjoni tas-Sigurtà 34 , l-Aġenda tal-UE kontra t-Terroriżmu 35 , l-istrateġija tal-UE għall-2021-2025 biex tiġi indirizzata l-kriminalità organizzata 36 , l-istrateġija tal-UE għall-2021-2025 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin 37 , l-istrateġija tal-UE għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali fuq it-tfal 38 , l-istrateġija tal-UE dwar id-drogi għall-2021-2025 39 , u l-istrateġija l-ġdida ta’ Schengen. 40

    Il-Kunsill jieħu pożizzjoni komparabbli, b’mod partikolari l-aktar reċenti fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Novembru 2020 dwar is-Sigurtà Interna u s-Sħubija Ewropea tal-Pulizija, li jitolbu lill-Kummissjoni “tikkunsidra li tikkonsolida l-qafas legali tal-UE biex tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera fl-infurzar tal-liġi 41 . ”

    Din ir-Rakkomandazzjoni se tikkontribwixxi wkoll għal żona Schengen li tiffunzjona bis-sħiħ u reżiljenti kif stabbilit fl-istrateġija ta’ Schengen, li ttenni “l-ħtieġa ta’ standards komuni li jippermettu lill-uffiċjali tal-pulizija jikkooperaw b’mod effettiv mal-kollegi tagħhom fil-pajjiżi ġirien.” Din se tgħin biex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà fit-territorju tal-Istati Membri u għalhekk biex tiġi appoġġata żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni. Se tikkumplementa wkoll il-proposta biex tiġi emendata l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

    Peress li ż-żewġ partijiet tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi essenzjalment huma relatati ma’ (i) kooperazzjoni transfruntiera operazzjonali (li hija l-fokus ta’ din il-proposta), u (ii) l-iskambju ta’ informazzjoni, din ir-Rakkomandazzjoni se tifforma parti minn pakkett koerenti flimkien mal-proposta għal Direttiva dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri, u l-proposta għar-reviżjoni tal-Mekkaniżmu Awtomatizzat għall-Iskambju ta’ Data għall-Kooperazzjoni tal-Pulizija (“Regolament Prüm II”).

       Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni

    Din ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tikkontribwixxi b’mod pożittiv għal żona Schengen reżiljenti u li tiffunzjona bis-sħiħ, li tippermetti lil aktar minn 420 miljun persuna jiċċaqilqu liberament, u li l-prodotti u s-servizzi jimxu mingħajr xkiel. Dan min-naħa tiegħu se jikkontribwixxi għall-funzjonament effiċjenti tas-suq uniku, u għalhekk għat-tkabbir tal-ekonomija tal-UE. Għalhekk, din ir-Rakkomandazzjoni hija konsistenti bis-sħiħ ma’ politiki oħrajn tal-UE fl-impjiegi, fit-trasport, u fl-aħħar mill-aħħar fit-tkabbir ekonomiku fiż-żoni tal-fruntieri intra-UE, iżda wkoll madwar l-UE kollha.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-bażi ġuridika għall-azzjoni tal-UE fil-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi hija t-Titolu V, il-Kapitolu 5 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”).

    Skont l-Artikolu 87 tat-TFUE, “l-Unjoni għandha tistabbilixxi koperazzjoni tal-pulizija li tinvolvi l-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Istati Membri, inkluża l-pulizija, is-servizzi tad-dwana u servizzi oħrajn tal-infurzar tal-liġi speċjalizzati fl-oqsma tal-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali.”

    B’mod aktar speċifiku, l-Artikolu 87(3) tat-TFUE huwa relatat ma’ miżuri li jikkonċernaw il-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Miżuri bħal dawn huma previsti f’din ir-Rakkomandazzjoni. Fiha wkoll miżuri koperti mill-Artikolu 89 tat-TFUE relatati mal-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri jistgħu joperaw fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Sal-punt li r-Rakkomandazzjoni fiha wkoll miżuri potenzjalment koperti mill-Artikolu 87(2) tat-TFUE (eż. dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u t-taħriġ), f’dan il-każ dawk il-miżuri huma anċillari għall-miżuri bbażati fuq l-Artikolu 87(3) u 89 tat-TFUE.

    Għalhekk, din ir-Rakkomandazzjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 87(3) u 89 tat-TFUE, li jinqraw flimkien mal-Artikolu 292 tat-TFUE, li jiddikjara li “l-Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjonijiet […] fuq proposta tal-Kummissjoni fil-każijiet kollha fejn it-Trattati jipprovdu li għandu jadotta atti fuq proposta tal-Kummissjoni. Għandu jaġixxi b’mod unanimu f’dawk l-oqsma fejn tkun meħtieġa l-unanimità sabiex jiġi adottat att tal-Unjoni.

    Għażla tal-istrument

    It-titjib tal-kooperazzjoni operazzjonali tal-pulizija fl-UE jeħtieġ impenn politiku qawwi mill-atturi rilevanti kollha, b’mod partikolari fl-Istati Membri.

    Il-kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera tal-pulizija tipikament tinvolvi l-intervent fiżiku tal-forzi tal-pulizija bl-uniformi u armati minn Stat Membru wieħed fit-territorju ta’ Stati Membri oħra. L-intervent huwa li jitwettqu missjonijiet preventivi u ripressivi li jistgħu jwasslu għall-arrest provviżorju u għad-detenzjoni ta’ individwi sal-wasla tal-awtoritajiet tal-Istat Membru l-ieħor.

    Dawn it-tipi ta’ operazzjonijiet imissu l-qalba tas-sovranità tal-Istati Membri, u jistgħu jwasslu għal kwistjonijiet kostituzzjonali, u b’hekk kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida tal-UE f’dan il-qasam issir kwistjoni sensittiva ħafna. Din hija r-raġuni għala hemm it-tendenza li tkun meħtieġa l-unanimità fil-Kunsill meta ssir votazzjoni fuq leġiżlazzjoni tal-UE dwar kooperazzjoni operazzjonali.

    Il-Kummissjoni tqis li proposta għal leġiżlazzjoni tal-UE b’forza vinkolanti għall-armonizzazzjoni ta’ din it-tip ta’ kooperazzjoni operazzjonali tal-pulizija hija prematura f’dan l-istadju. Madankollu, jista’ jiġi nnotat li, għalkemm ma humiex legalment vinkolanti, skont it-TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, ir-Rakkomandazzjonijiet huma atti legali u, bħala tali, ma jistgħux jitqiesu li ma għandhom l-ebda effett legali u għandhom jitqiesu fil-livell nazzjonali fejn xieraq.

    Filwaqt li tibni fuq il-Konklużjonijiet rilevanti preċedenti tal-Kunsill 42 u l-prattika tajba li xi Stati Membri diġà implimentaw, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, li tressaq għadd ta’ azzjonijiet rakkomandati li għandhom l-għan li jtejbu l-mod kif l-Istati Membri jikkooperaw b’mod operazzjonali. Il-Kummissjoni qed tippjana li timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u tivvaluta l-ħtieġa ta’ leġiżlazzjoni tal-UE b’forza vinkolanti dwar il-kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera tal-pulizija fil-futur.

    Sussidjarjetà

    Hija meħtieġa azzjoni tal-UE biex jiġu indirizzati kif xieraq il-problemi identifikati fl-ewwel taqsima ta’ dan il-memorandum ta’ spjegazzjoni. Mingħajr azzjoni fil-livell tal-UE, l-Istati Membri waħedhom se jkomplu jiffaċċjaw inċertezzi u ostakoli li jirriżultaw minn regoli differenti dwar id-drittijiet tal-uffiċjali meta joperaw fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk, biex jiġu solvuti kwistjonijiet ta’ interkonnettività teknika fit-tul li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-appell ta’ operazzjonijiet konġunti, huwa meħtieġ approċċ fil-livell tal-UE. Minħabba n-natura transnazzjonali tal-kriminalità serja u organizzata, huwa essenzjali li tiġi żgurata kooperazzjoni rapida bejn il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji fir-rigward tal-miżuri operazzjonali inkwistjoni f’kuntest transfruntier.

    L-UE hija mgħammra aħjar mill-Istati Membri individwali biex tiżgura l-koerenza tal-azzjonijiet meħuda fil-livell nazzjonali, tindirizza d-diverġenza tal-prattiki, tipprevjeni d-duplikazzjonijiet u l-inċertezzi u eventwalment tiżgura kontroazzjoni effiċjenti għall-kriminalità transfruntiera. L-azzjoni tal-UE b’reazzjoni għall-problemi identifikati hija mistennija li ġġib valur miżjud għall-UE u għalhekk għaċ-ċittadini tagħha.

    Proporzjonalità

    Din il-proposta tirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu għadd ta’ miżuri biex jindirizzaw l-ostakoli u jsaħħu l-mekkaniżmi u l-għodod ta’ kooperazzjoni transfruntiera rilevanti eżistenti. Ma fihiex rakkomandazzjonijiet li jmorru kontra dak li tipprevedi l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE. Minflok, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri rakkomandati f’konformità ma’ dik il-leġiżlazzjoni tal-UE. Barra minn hekk, l-Istati Membri ma humiex mistennija li jbiddlu, u tabilħaqq li jkomplu japplikaw, il-kundizzjonijiet u s-salvagwardji li jinsabu fil-liġi nazzjonali relatati mal-attivitajiet operazzjonali koperti, sa fejn ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE u mhux indirizzati speċifikament f’din ir-Rakkomandazzjoni.

    Minħabba s-sensittività tal-miżuri dwar il-kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera tal-pulizija, u r-rieda espressa mill-Istati Membri li jinvolvu ruħhom fi djalogu ulterjuri dwar liema miżuri jenħtieġ li jiġu stabbiliti biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni operazzjonali tal-pulizija, proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar għażla xierqa u proporzjonata. Ir-raġuni hija li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ, f’dan l-istadju, biex jintlaħqu l-objettivi tat-titjib tal-kooperazzjoni operazzjonali tal-pulizija madwar l-UE.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Ma sar l-ebda kontroll tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-kooperazzjoni operazzjonali għal din il-proposta. Dan minħabba li l-leġiżlazzjoni bażi tal-UE hija limitata ħafna, u sistematikament ikkumplimentata minn ftehimiet ta’ kooperazzjoni bilaterali u multilaterali bejn l-Istati Membri.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Il-perjodu ta’ żmien li matulu saret il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kien bejn Lulju 2019 u Lulju 2021. Il-konsultazzjoni kienet tinvolvi l-immirar tal-partijiet ikkonċernati minn firxa wiesgħa ta’ esperti tas-suġġett, awtoritajiet nazzjonali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u minn membri tal-pubbliku dwar l-aspettattivi u t-tħassib tagħhom relatati mat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi fl-UE.

    Il-Kummissjoni użat mezzi ta’ ingaġġ differenti bħal kwestjonarji mmirati, wettqet intervisti ma’ esperti u organizzat diversi workshops tematiċi mal-Istati Membri u mar-rappreżentanti tal-pajjiżi assoċjati ta’ Schengen. Is-suġġetti ta’ din ir-Rakkomandazzjoni ġew diskussi wkoll fil-Gruppi ta’ Ħidma tal-Kunsill (eż. il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Infurzar tal-Liġi – sottogruppi tal-Pulizija u tad-Dwana, il-Kumitat Permanenti għall-Kooperazzjoni Operattiva dwar is-Sigurtà Interna).

    Il-Kummissjoni nediet ukoll konsultazzjoni pubblika, ospitata fuq is-sit web tal-Kummissjoni fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE għal tmien ġimgħat, mid-19 ta’ April 2021 sal-14 ta’ Ġunju 2021.

    Saru wkoll diversi attivitajiet ta’ konsultazzjoni mill-kuntrattur matul it-tħejjija ta’ Studju estern “biex tiġi appoġġjata t-tħejjija ta’ valutazzjoni tal-impatt dwar l-inizjattivi ta’ politika tal-UE li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni transfruntiera fl-infurzar tal-liġi.”

    L-għan tal-konsultazzjoni kien li jinkiseb kontribut rilevanti mill-partijiet ikkonċernati li jippermetti approċċ ibbażat fuq l-evidenza għat-tħejjija tal-miżuri proposti biex tittejjeb il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi bejn l-Istati Membri.

    Ir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni kollha tqiesu kif xieraq fit-tħejjija ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. 43 L-attivitajiet ta’ konsultazzjoni użaw l-elementi ewlenin tal-metodoloġija użata f’valutazzjoni tal-impatt, billi bdew bid-definizzjoni tal-problema u esploraw l-aktar għażliet xierqa.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Ir-rakkomandazzjonijiet proposti, jekk jiġu adottati fil-forma attwali tagħhom u tittieħed azzjoni effettiva fuqhom, se jtejbu l-kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera tal-pulizija u jkollhom impatt pożittiv sinifikanti fuq il-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ta’ reati fl-Istati Membri.

    Madankollu, minħabba l-prinċipju tal-unanimità li jkopri l-miżuri ta’ kooperazzjoni operazzjonali rilevanti tal-pulizija, u t-tħassib dwar is-sovranità espress minn xi Stati Membri fil-fażi ta’ konsultazzjoni, kif innotat hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li proposta għal leġiżlazzjoni tal-UE b’forza vinkolanti biex tirregola tali kooperazzjoni hija prematura f’dan l-istadju.

    Minflok, din ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-aspetti eżistenti tal-kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera tal-pulizija, filwaqt li jibnu fuq prattika tajba li diġà ġiet implimentata u ttestjata mill-Istati Membri, inkluż f’kuntesti bilaterali u multilaterali.

    Għalhekk, din il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera tal-pulizija ma hijiex appoġġata minn valutazzjoni tal-impatt.

    4.DRITTIJIET FUNDAMENTALI

    Billi ttejjeb il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jikkooperaw bejn il-fruntieri intra-UE, fil-limiti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u dik nazzjonali, din ir-Rakkomandazzjoni se tikkontribwixxi għal protezzjoni aħjar tal-ħajja taċ-ċittadini u tas-sigurtà tagħhom. Kwalunkwe interferenza mad-drittijiet fundamentali li tirriżulta mir-Rakkomandazzjoni hija ġġustifikata u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ u proporzjonat.

    Dwar il-protezzjoni tad-data personali, l-impatt jitqies li huwa newtrali. Din ir-Rakkomandazzjoni x’aktarx li tirriżulta f’żieda kwantitattiva fl-iskambju ta’ data personali bejn l-Istati Membri, f’konformità maż-żieda mistennija fil-kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera tal-pulizija. Madankollu, dan l-iskambju addizzjonali ta’ data personali se jkun soġġett għall-istess regoli u proċeduri sodi diġà fis-seħħ biex tiġi pproċessata tali data, f’konformità mal-liġi tal-UE, b’mod partikolari d-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi 44 .

    Fir-rigward ta’ drittijiet fundamentali oħrajn, bħad-drittijiet proċedurali minimi ta’ persuni suspettati u akkużati skont id-Direttivi tal-UE dwar id-drittijiet proċedurali 45 (id-dritt għall-informazzjoni meta tinqabad persuna suspettata, id-dritt għall-interpretazzjoni u d-dritt ta’ aċċess għal avukat), l-impatt huwa newtrali. Din ir-Rakkomandazzjoni, li twassal għal żieda fl-operazzjonijiet transfruntiera eżistenti tal-pulizija, ma timminax jew ma tbiddilx ir-regoli applikabbli dwar id-drittijiet proċedurali. Bl-istess mod, ir-regoli u l-istandards kif definiti f’oqsma oħra tad-dritt tal-UE jibqgħu applikabbli, f’konformità mal-obbligu mill-Istati Membri li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

    5.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    L-implikazzjonijiet baġitarji ta’ din ir-Rakkomandazzjoni jiddependu b’mod partikolari mir-rispons tal-Kunsill għal din il-proposta għal Rakkomandazzjoni u l-punt sa fejn l-Istati Membri sussegwentement jagħtu effett lil dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

    Peress li xi Stati Membri huma aktar avvanzati minn oħrajn fil-livell ta’ kooperazzjoni tagħhom, l-ispiża tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet proposti se tvarja bejn l-Istati Membri. Il-kost se jirrifletti żieda gradwali u inkrementali fil-kooperazzjoni operazzjonali eżistenti bejn l-Istati Membri, peress li l-effett tal-implimentazzjoni tal-miżuri rakkomandati jseħħ maż-żmien.

    Minħabba n-natura tal-miżuri li jridu jiġu stabbiliti, il-kostijiet fil-livell nazzjonali jistgħu, b’mod konsiderevoli u soġġett għall-kundizzjonijiet applikabbli, ikunu koperti mill-programmi tal-Istati Membri taħt il-Fond għas-Sigurtà Interna. 46 Il-Fond għas-Sigurtà Interna jinkludi objettivi speċifiċi li “jtejjeb u jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni”, li “jtejjeb u jintensifika l-kooperazzjoni transkonfinali” u li “jappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, it-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni, kif ukoll il-ġestjoni ta’ inċidenti, riskji u kriżijiet relatati mas-sigurtà. 47 Minbarra l-kostijiet potenzjalment koperti mill-programmi tal-Istati Membri taħt il-Fond għas-Sigurtà Interna, mhux se jkun hemm kostijiet oħra mġarrba fil-livell tal-UE.

    6.ELEMENTI OĦRAJN

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill jadotta r-Rakkomandazzjoni proposta sa mhux aktar tard minn Ġunju 2022.

    Fil-fehma tal-Kummissjoni jenħtieġ li jkun hemm punt ta’ diskussjoni permanenti dwar il-kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera tal-pulizija fil-grupp ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill, sabiex dak il-grupp ta’ ħidma jkun jista’ jservi bħala forum permanenti għad-diskussjonijiet tal-Istati Membri dwar il-kwistjonijiet indirizzati f’din ir-Rakkomandazzjoni, u b’mod partikolari s-segwitu mogħti lilha.

    Il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrapporta sena wara l-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni dwar il-progress li jkun sar mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħha. Ir-rapport jenħtieġ li jivvaluta jekk hemmx bżonn ta’ leġiżlazzjoni tal-UE b’forza vinkolanti fuq il-forom ta’ kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera tal-pulizija koperti.

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    It-Taqsima 1 tiddefinixxi t-termini ewlenin fir-Rakkomandazzjoni.

    It-Taqsima 2 tagħmel rakkomandazzjonijiet immirati lejn l-indirizzar tal-ostakoli għall-intervent tal-uffiċjali tal-pulizija fi Stati Membri oħrajn, fil-kuntest ta’ insegwimenti transfruntiera, ta’ sorveljanza transfruntiera, u ta’ viġilanza konġunta u ta’ operazzjonijiet konġunti oħra. Ir-rakkomandazzjonijiet għandhom l-għan li jżidu l-lista attwali ta’ reati 48 li għalihom jistgħu jintużaw insegwimenti u sorveljanza transfruntiera, u li jneħħu l-limitazzjonijiet ġeografiċi u temporali li xi Stati Membri stabbilew, li joħolqu ostakoli għal operazzjonijiet bħal dawn. Dawn għandhom l-għan li jallinjaw ir-regoli dwar l-għoti tas-setgħa eżekuttiva bejn l-Istati Membri sabiex jiżdiedu ċ-ċarezza u ċ-ċertezza ta’ x’jistgħu jagħmlu l-uffiċjali tal-pulizija meta jinvolvu ruħhom f’insegwimenti, sorveljanza u operazzjonijiet konġunti transfruntiera.

    Ir-rakkomandazzjonijiet dwar l-insegwimenti transfruntiera ma humiex relatati biss mal-qsim tal-fruntieri tal-art, iżda wkoll tal-fruntieri tal-ilma (baħar, xmara, lag) u tal-ajru. Dawn huma relatati wkoll mal-użu, mill-uffiċjali tal-pulizija involuti, tal-arma tas-servizz tagħhom mhux biss fl-awtodifiża leġittima, iżda wkoll fid-difiża ta’ oħrajn. Fir-rigward ta’ dawn il-punti, ir-rakkomandazzjonijiet imorru lil hinn minn dak li huwa previst fl-Artikolu 41(5)(b) u (e) tal-KIFS. Madankollu, l-Artikolu 41(10) tas-KIFS jippermetti l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet addizzjonali fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 41. Dan jinkludi f’dan il-każ il-kundizzjonijiet li fihom jista’ jitwettaq l-insegwiment.

    It-Taqsima 3 tagħmel rakkomandazzjonijiet immirati lejn il-promozzjoni tal-kooperazzjoni transfruntiera tal-pulizija bħala għodda għall-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u li tappoġġa l-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-migrazzjoni irregolari. L-Istati Membri jenħtieġ li jużaw operazzjonijiet konġunti mmirati f’żoni speċifiċi fil-fruntiera intra-UE, abbażi ta’ analiżi 49 , biex jiġġieldu l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u jipprevjenu u jidentifikaw migranti li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment u reati transfruntiera marbuta mal-migrazzjoni irregolari. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw ukoll koordinazzjoni fil-livell nazzjonali bejn l-awtoritajiet kompetenti involuti fl-operazzjonijiet konġunti u dawk kompetenti biex ikomplu jimmaniġġjaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi maqbuda minħabba residenza irregolari. Dawn jenħtieġ li jagħmlu dan, b’mod partikolari, billi jużaw il-mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2008/115/KE. 50

    It-Taqsima 4 tagħmel rakkomandazzjonijiet immirati lejn it-tisħiħ tal-kooperazzjoni transfruntiera tal-pulizija fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-identifikazzjoni u l-protezzjoni tal-vittmi. L-Istati Membri jenħtieġ li jużaw operazzjonijiet konġunti biex jiġġieldu t-traffikar tal-bnedmin u biex jidentifikaw, jipprovdu sikurezza u jappoġġaw lill-vittmi. Il-vittmi potenzjali tat-traffikar tal-bnedmin jistgħu jinstabu u jiġu identifikati fil-kuntest ta’ operazzjonijiet konġunti. Dawn jenħtieġ li jiġu riferuti minnufih għal servizzi ta’ assistenza, appoġġ u protezzjoni, inkluż f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fejn xieraq. L-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi hija kruċjali wkoll biex tippermetti lill-awtoritajiet tal-pulizija jinvestigaw u jikkastigaw aħjar lit-traffikanti. F’dan il-kuntest, it-taħriġ tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-identifikazzjoni ta’ każijiet ta’ traffikar tal-bnedmin huwa vitali.

    It-Taqsima 5 tagħmel rakkomandazzjonijiet immirati lejn it-trasformazzjoni taċ-Ċentri eżistenti ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija u tad-Dwana (PCCCs) f’żoni tal-fruntiera intra-UE fi Stazzjonijiet Konġunti tal-Pulizija u tad-Dwana (JPCS). Minbarra l-kompiti attwali tagħhom ta’ skambju ta’ informazzjoni transfruntiera reġjonali, l-Istazzjonijiet Konġunti tal-Pulizija u tad-Dwana jenħtieġ li jiżviluppaw il-kapaċità li jistabbilixxu, jappoġġaw, jikkoordinaw u jwettqu forom permanenti ta’ kooperazzjoni operazzjonali f’żoni transfruntiera, bħal viġilanza konġunta u operazzjonijiet konġunti oħra. Jenħtieġ li jipproduċu analiżi konġunta tar-reati transfruntiera li huma speċifiċi għaż-żona tal-fruntiera tagħhom, u jikkondividu dawn ir-reati permezz tal-Punt Uniku ta’ Kuntatt (SPOC) nazzjonali mal-Istati Membri kollha u mal-aġenziji kompetenti tal-UE, bħall-Europol. Tali operazzjonijiet konġunti mmirati jkunu regolati mir-regoli dwar l-eżerċitar tas-setgħat tal-pulizija fiż-żoni tal-fruntiera intra-UE, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikolu 23 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Dan sabiex jiġi żgurat li ma jkollhomx effett ekwivalenti għall-kontrolli fuq il-fruntieri. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżviluppaw ukoll il-kapaċità li jappoġġaw b’mod konġunt l-investigazzjonijiet dwar reati transfruntiera li jseħħu fir-reġjun tagħhom, f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli u abbażi tal-awtorizzazzjonijiet legali rilevanti kif meħtieġ u maħruġ skont tali leġiżlazzjoni.

    It-Taqsima 6 tagħmel rakkomandazzjonijiet immirati lejn ippjanar, koordinazzjoni u appoġġ aħjar ta’ operazzjonijiet konġunti madwar l-UE. L-Istati Membri u l-Kummissjoni jenħtieġ li joħolqu pjattaforma ta’ koordinazzjoni fejn l-Istati Membri jistgħu jiskambjaw informazzjoni dwar il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tagħhom. L-għan huwa li l-operazzjonijiet konġunti jiġu mmirati aħjar speċjalment matul avvenimenti kbar (eż. avvenimenti sportivi kbar, summits internazzjonali), fi żminijiet speċifiċi (eż. staġuni ta’ vaganzi), u biex tgħin fl-indirizzar ta’ mewġiet speċifiċi ta’ reati (eż. terroriżmu, traffikar tad-droga, logħob mixtri, traffikar ta’ oġġetti ffalsifikati, frodi tal-karti ta’ kreditu, serq minn ġol-bwiet u reati oħra kontra l-proprjetà), imwettqa b’mod partikolari minn gruppi tal-kriminalità serja u organizzata, bl-użu, fejn xieraq, tal-finanzjament eżistenti tal-UE u r-riżultati ta’ proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni tas-sigurtà tal-UE. L-Istati Membri jenħtieġ li jagħtu struzzjonijiet lill-SPOC nazzjonali tagħhom biex jikkoordinaw tali operazzjonijiet konġunti, inkluż il-viġilanza konġunta, minn u lejn Stati Membri oħra. Dawn jenħtieġ li jiżviluppaw ukoll valutazzjonijiet konġunti tat-theddid u analiżijiet tar-riskju, u valutazzjonijiet annwali tal-ħtiġijiet billi jiskambjaw informazzjoni dwar avvenimenti fuq skala kbira li ġejjin, theddid għall-ordni pubbliku, is-sikurezza, is-sigurtà interna u x-xejriet ta’ mobbiltà taċ-ċittadini, b’mod partikolari matul l-istaġuni turistiċi. Dan l-approċċ jenħtieġ li jgħin fit-tħejjija u fl-istabbiliment ta’ viġilanza konġunta u operazzjonijiet konġunti oħra aktar immirati, inklużi kontrolli tal-pulizija kkoordinati f’żoni tal-fruntiera intra-UE. Maż-żmien, dan jenħtieġ li jippermetti l-immirar ta’ lokalitajiet ta’ kriminalità ewlenin fl-UE kif deskritt fl-EU SOCTA 2021.

    It-Taqsima 7 tagħmel rakkomandazzjonijiet immirati biex jiżguraw id-disponibbiltà effettiva tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni matul l-operazzjonijiet transfruntiera. L-Istati Membri jenħtieġ li jgħammru lill-uffiċjali tal-pulizija tagħhom b’għodod li jippermettulhom jaċċessaw mill-bogħod u b’mod sikur il-bażijiet tad-data tagħhom stess f’konformità mal-liġi nazzjonali, kif ukoll il-bażijiet tad-data internazzjonali tal-UE u dawk internazzjonali permezz tal-Portal Ewropew tat-Tfittxija. L-għan huwa li dawn ikunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tal-pulizija tagħhom matul l-operazzjonijiet transfruntiera, pereżempju billi jwettqu kontrolli tal-identità. L-Istati Membri jenħtieġ li jgħammru wkoll lill-uffiċjali tal-pulizija tagħhom involuti f’operazzjonijiet transfruntiera b’mezzi ta’ komunikazzjoni siguri (eż. għodda ta’ messaġġi istantanji) li joperaw bejn il-fruntieri li jippermettu l-interkonnessjoni u l-komunikazzjoni direttament f’ħin reali mal-uffiċjali tal-Istat Membru ospitanti. L-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu użu mis-soluzzjonijiet tekniċi li jridu jiġu pprovduti mil-laboratorju tal-innovazzjoni tal-Europol, biex jiżguraw l-interkonnettività ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni siguri bejn il-fruntieri.

    It-Taqsima 8 tagħmel rakkomandazzjonijiet immirati lejn kultura komuni tal-UE tal-pulizija permezz ta’ żieda sinifikanti fit-taħriġ konġunt dwar il-kooperazzjoni operazzjonali tal-pulizija. L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu programmi konġunti ta’ taħriġ u skambju għall-kadetti tal-pulizija tagħhom biex jibnu għarfien u fiduċja fit-tul bejn il-forzi tal-pulizija fl-UE. It-taħriġ konġunt jenħtieġ li jsegwi l-eżempju ta’ suċċess tal-programm konġunt ta’ taħriġ bejn Franza u Spanja tal-Gendarmerie Nationale u l-Guardia Civil. Dawn jenħtieġ li jiżviluppaw korsijiet konġunti ta’ żvilupp kontinwi u programmi ta’ skambju għall-uffiċjali tal-pulizija u għall-investigaturi tal-kriminalità tal-ewwel linja biex itejbu l-ħiliet u l-għarfien tagħhom dwar il-kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera. B’mod partikolari, dwar il-leġiżlazzjoni rilevanti, ir-regoli tal-involviment, l-għodod, il-mekkaniżmi, l-istandards u l-etika professjonali, il-proċeduri u l-aħjar prattika. Dawn jistgħu jvarjaw, bl-appoġġ tas-CEPOL 51 , minn moduli ta’ taħriġ online għal skambji tal-uffiċjali u jenħtieġ li jissimulaw sitwazzjonijiet reali. Il-korsijiet tal-lingwi għall-uffiċjali minn żoni tal-fruntiera intra-UE jenħtieġ li jittejbu b’mod sinifikanti. L-Istati Membri jenħtieġ li jallinjaw ukoll il-programm tal-akkademji nazzjonali tal-pulizija tagħhom biex jinkludu korsijiet akkreditati Ewropej ta’ kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera tal-pulizija. Dawn jenħtieġ li jirriflettu dwar il-possibbiltà li jinħolqu programmi konġunti ta’ taħriġ u skambju fuq skala kbira u fit-tul għall-kadetti tal-pulizija u għall-uffiċjali tal-Istati Membri dwar il-kooperazzjoni operazzjonali tal-pulizija. 

    It-Taqsima 9 fiha r-rakkomandazzjonijiet finali. L-Istati Membri huma mistiedna jagħmlu użu mill-forum offrut mill-grupp ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill, imsemmi hawn fuq, biex jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera tal-pulizija kif koperti minn din ir-Rakkomandazzjoni, u b’mod partikolari kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

    Barra minn hekk, l-Istati Membri huma mistiedna jibdew fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, proċess biex ibiddlu r-regoli nazzjonali tagħhom u l-ftehimiet bilaterali u multilaterali ma’ Stati Membri oħra sabiex jimplimentaw il-miżuri ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. Sena wara l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tippubblika rapport li jivvaluta l-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

    2021/0415 (CNS)

    Proposta għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-kooperazzjoni operazzjonali tal-pulizija

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 87(3) u l-Artikolu 89, flimkien mal-Artikolu 292, tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 52 ,

    Billi:

    (1)Is-sorveljanza transfruntiera u l-insegwimenti huma strumenti indispensabbli ta’ kooperazzjoni operazzjonali tal-pulizija li mingħajrhom il-kriminali jistgħu jaħarbu mill-pulizija billi jaqsmu l-fruntiera, filwaqt li jieħdu vantaġġ mill-bidla fil-ġuriżdizzjoni u n-nuqqas ta’ kontinwità tal-azzjoni tal-pulizija. Il-limitazzjonijiet eżistenti li xi Stati Membri daħħlu fis-seħħ jenħtieġ li jiġu indirizzati, peress li joħolqu ostakli biex tali operazzjonijiet isiru fit-territorju tagħhom. Huwa meħtieġ ukoll li jiġu aġġustati ċerti regoli ta’ involviment fl-operazzjonijiet transfruntiera tal-pulizija biex jiġu mmonitorjati u arrestati l-kriminali fis-sorveljanza, fl-insegwimenti u f’operazzjonijiet konġunti.

    (2)L-istabbiliment ta’ viġilanza konġunta permanenti u kapaċitajiet oħrajn ta’ operazzjonijiet konġunti fiż-żoni tal-fruntiera intra-UE huwa meħtieġ biex jitqabblu l-attivitajiet kriminali u l-isfidi li ġġib magħha l-mobbiltà permanenti u dejjem akbar tal-persuni, tal-oġġetti u tas-servizzi fl-Unjoni għall-forzi tal-pulizija. L-istrutturi eżistenti bħaċ-Ċentri ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija u d-Dwana jenħtieġ li jespandu r-rwol attwali tagħhom biex isiru kapaċi jippjanaw, jappoġġaw, jikkoordinaw u jwettqu viġilanza konġunta u operazzjonijiet konġunti oħra bbażati fuq analiżi tar-riskju u valutazzjoni tal-ħtiġijiet kondiviżi, f’konformità mar-rekwiżiti legali applikabbli, sabiex jipprevjenu, jidentifikaw, u jappoġġaw investigazzjonijiet dwar reati transfruntiera mwettqa f’żoni transfruntiera fi ħdan l-UE.

    (3)In-networks kriminali attivi fil-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin jieħdu vantaġġ min-nuqqas ta’ fruntieri interni fiż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni (“iż-żona Schengen”) biex jiffaċilitaw il-movimenti mhux awtorizzati ta’ migranti irregolari u jisfruttaw is-sitwazzjoni vulnerabbli tal-vittmi għall-profitt. Politika effettiva ta’ ritorn tal-Unjoni teħtieġ miżuri effiċjenti u proporzjonati għall-arrest u l-identifikazzjoni ta’ migranti irregolari. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li tiġi mħeġġa l-koordinazzjoni, b’mod partikolari billi jintużaw il-mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 53 , sabiex isir kontribut għall-prevenzjoni u sabiex isir rispons għal movimenti mhux awtorizzati ta’ migranti irregolari u tgħin biex jiġi indirizzat it-theddid għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, filwaqt li tillimita l-impatt fuq il-moviment ta’ vjaġġaturi bona fide. Fin-nuqqas ta’ kontrolli fil-fruntieri interni, il-viġilanza konġunta u operazzjonijiet konġunti oħrajn immirati fiż-żoni tal-fruntiera intra-UE huma għodda siewja għall-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin, għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ta’ residenza illegali u kriminalità transfruntiera marbuta mal-migrazzjoni irregolari, u biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni prattika effettiva tal-ftehimiet bilaterali ta’ riammissjoni, filwaqt li tiġi rrispettata r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/432. 54 Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin teħtieġ b’mod effettiv il-kooperazzjoni tal-pulizija kemm fil-kuntesti nazzjonali kif ukoll f’dak tranżnazzjonali, sabiex jiġu identifikati u appoġġati l-vittmi, kif ukoll biex jittejbu l-prosekuzzjoni u l-kundanna tat-traffikanti.

    (4)Id-disponibbiltà limitata tal-forzi tal-pulizija li l-Istati Membri jistgħu jużaw barra mill-pajjiż u n-nuqqas ta’ tnedija koordinata abbażi ta’ analiżi konġunta minn qabel jistgħu jagħmlu l-iskjerament tal-pulizija fi Stati Membri oħra ineffettiv. Pjattaforma ta’ koordinazzjoni tal-Unjoni fejn l-Istati Membri jistgħu jiskambjaw il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tagħhom għal viġilanza konġunta u operazzjonijiet konġunti oħra b’dimensjoni pan-Ewropea tista’ toħloq l-istruttura meħtieġa biex tali operazzjonijiet jitwettqu b’mod effiċjenti u effettiv, sabiex tinżamm u tittejjeb kemm l-ordni pubbliku kif ukoll is-sikurezza pubblika, jiġu evitati reati kriminali, inkluż minn gruppi ta’ kriminalità serja u organizzata, u jiġu indirizzati mewġiet speċifiċi ta’ kriminalità f’postijiet ewlenin, fi żminijiet speċifiċi u f’sitwazzjonijiet speċifiċi.

    (5)Il-komunikazzjoni u l-aċċess għall-informazzjoni disponibbli huma kritiċi għal kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera ta’ suċċess. L-uffiċjali tal-ewwel linja li jaġixxu fi Stat Membru ieħor jenħtieġ li jkollhom aċċess f’ħin reali permezz ta’ soluzzjonijiet mobbli, bħal apparati miżmuma fl-idejn jew kompjuters tal-pulizija mmuntati fil-karozza, għal informazzjoni miżmuma fis-sistemi ta’ informazzjoni tal-Unjoni, permezz tal-Portal Ewropew ta’ Tfittxija (ESP), u għall-bażijiet tad-data nazzjonali rilevanti tagħhom, f’konformità mad-drittijiet ta’ aċċess applikabbli u mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni u dik nazzjonali. Jenħtieġ li dawn ikunu mgħammra wkoll b’mezzi ta’ komunikazzjoni mobbli affidabbli u siguri, f’ħin reali, bħal għodod ta’ messaġġi istantanji, li jiffunzjonaw bejn il-fruntieri sabiex jikkomunikaw direttament mal-awtoritajiet tagħhom u ma’ dawk tal-Istat Membru ospitanti. L-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu użu mis-soluzzjonijiet tekniċi li jridu jiġu pprovduti mil-laboratorju ta’ innovazzjoni tal-Europol, biex jiżguraw l-interkonnettività ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni siguri bejn il-fruntieri li bħala minimu jenħtieġ li jippermettu l-użu sigur ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mobbli f’ħin reali, kif ukoll il-ġeolokalizzazzjoni tal-vetturi tal-pulizija tagħhom, pereżempju permezz ta’ traċċar tal-GPS jew droni, matul operazzjoni transfruntiera tal-pulizija.

    (6)Kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera effettiva tal-pulizija tirrikjedi li nimxu lejn kultura komuni tal-Unjoni tal-pulizija. L-istabbiliment ta’ programmi konġunti ta’ taħriġ inizjali u ta’ skambju bejn il-kadetti tal-pulizija dwar kwistjonijiet relatati ma’ tali kooperazzjoni u korsijiet kontinwi ta’ żvilupp dwar dawk il-kwistjonijiet għall-uffiċjali tal-ewwel linja u għall-investigaturi tal-kriminalità huma strumentali fil-bini tal-ħiliet, tal-għarfien u tal-fiduċja. Huwa importanti li l-Istati Membri jaġġustaw u jallinjaw il-kurrikuli tal-akkademji tal-pulizija nazzjonali tagħhom, fil-livelli kollha ta’ taħriġ biex jinkludu korsijiet akkreditati ta’ kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera tal-pulizija, u karrieri għall-kadetti u għall-uffiċjali li jiggradwaw minn dan it-taħriġ. L-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu wkoll l-aħjar użu mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) billi jipprovdu l-ħtiġijiet ta’ taħriġ tagħhom u jappoġġaw l-attivitajiet tal-aġenzija, filwaqt li jallinjaw il-portafoll tat-taħriġ tagħhom mal-prijoritajiet relatati mal-kooperazzjoni transfruntiera stabbiliti fil-Valutazzjonijiet Strateġiċi tal-Ħtiġijiet tat-Taħriġ tal-UE (EU-STNA). Jenħtieġ li dawn jirriflettu dwar il-possibbiltà li jinħolqu programmi ta’ taħriġ u skambju konġunti pan-Ewropej fuq skala kbira u fit-tul għall-kadetti tal-pulizija u għall-uffiċjali fil-qasam tal-kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera tal-pulizija.

    (7)Minħabba l-importanza tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fir-rigward tal-kwistjonijiet indirizzati f’din ir-Rakkomandazzjoni, u b’mod partikolari l-implimentazzjoni tagħha, se jkun hemm punt ta’ diskussjoni permanenti dwar il-kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera tal-pulizija fil-grupp ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill. Dak il-grupp ta’ ħidma jenħtieġ li jservi bħala forum permanenti għall-Istati Membri biex jiddiskutu kwistjonijiet bħal dawn, inkluż l-allinjament tar-regoli u l-ftehimiet tagħhom, miżuri oħra biex jindirizzaw l-ostakoli għall-effettività u l-effiċjenza tal-operazzjonijiet ta’ kooperazzjoni transfruntiera tal-pulizija, ir-rapportar dwar il-progress li jkun sar, kif ukoll kwistjonijiet relatati mal-gwida u l-prattiki tajbin meħtieġa.

    (8)Jenħtieġ li jingħata effett lil din ir-Rakkomandazzjoni f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni tagħha, l-Istati Membri jenħtieġ li jibdew proċess biex ibiddlu r-regoli nazzjonali tagħhom u l-ftehimiet bilaterali u multilaterali ma’ Stati Membri oħra, kif rilevanti, sabiex jagħtu effett lill-miżuri rakkomandati u sussegwentement ilestu dak il-proċess mill-aktar fis possibbli.

    (9)Il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni jenħtieġ li jiġi rieżaminat wara ċertu perjodu ta’ żmien. Għalhekk, sena wara l-adozzjoni tagħha, il-Kummissjoni jenħtieġ li tevalwa tali progress, bil-ħsieb, fost l-oħrajn, li tiddeċiedi jekk humiex meħtieġa atti vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni b’forza vinkolanti f’dan il-qasam.

    (10)Filwaqt li jitqies li din ir-Rakkomandazzjoni ma għandhiex forza vinkolanti, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħtu effett lill-miżuri rakkomandati fiha f’konformità mal-atti applikabbli tad-dritt tal-Unjoni, speċjalment dawk li għandhom forza vinkolanti. B’mod partikolari, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħtu effett lill-miżuri rakkomandati f’konformità mal-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen (KIFS) 55 , speċjalment billi jagħżlu l-għażliet rakkomandati fejn il-KIFS tipprevedi diversi għażliet u billi jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni u jadottaw dispożizzjonijiet addizzjonali fl-implimentazzjoni tal-KIFS u f’konformità mal-artikoli rilevanti tagħha.

    (11)Jenħtieġ li din ir-Rakkomandazzjoni ma tinftehimx li qed tfittex li taffettwa r-regoli li jipprevedu limitazzjonijiet, salvagwardji u kundizzjonijiet li ma humiex indirizzati speċifikament f’din ir-Rakkomandazzjoni, li japplikaw għall-attivitajiet rilevanti ta’ kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera tal-pulizija skont l-atti tad-dritt tal-Unjoni b’forza vinkolanti, inkluża l-KIFS, u għal-liġi nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Pereżempju, il-ġarr u l-użu ta’ armi tas-servizz, l-użu ta’ privileġġi tat-traffiku fit-toroq, l-użu ta’ mezzi tekniċi għat-twettiq ta’ sorveljanza transfruntiera u t-twettiq ta’ kontrolli tal-identità u l-interċettazzjoni ta’ persuni li jippruvaw jevitaw tali kontrolli, imsemmija f’din ir-Rakkomandazzjoni, jistgħu jkunu soġġetti għal tali regoli.

    (12)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma hijiex se tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u għalhekk ma hijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Peress li din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, jenħtieġ li tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din ir-Rakkomandazzjoni, jekk tkunx se timplimentaha fid-dritt nazzjonali tagħha.

    (13)Din ir-Rakkomandazzjoni, bl-eċċezzjoni tat-taqsimiet 2.1 u 2.2 tagħha, tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE 56 ; Għalhekk l-Irlanda qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u hija marbuta biha, ħlief għal dawk it-taqsimiet.

    (14)Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mir-Repubblika tal-Iżlanda u mir-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen 57  li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punti A u H tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE. 58

    (15)Fir-rigward tal-Iżvizzera, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen 59 li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-Punti A u H tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqrija b’mod konġunt mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE 60 u mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI. 61

    (16)Fir-rigward tal-Liechtenstein, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen 62  li jaqgħu taħt il-qasam imsemmi fil-Punti A u H tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqrija b’mod konġunt mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE 63  u mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE. 64  

    (17)Fir-rigward tal-Bulgarija u tar-Rumanija, din ir-Rakkomandazzjoni, bl-eċċezzjoni tat-taqsimiet 2.1 u 2.2 tagħha, tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li huwa b’xi mod ieħor relatat miegħu skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005, u jenħtieġ li jinqara flimkien mad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/365/UE 65 u (UE) 2018/934 66 .

    (18)Fir-rigward tal-Kroazja, din ir-Rakkomandazzjoni, bl-eċċezzjoni tat-taqsimiet 2.1 u 2.2 tagħha, tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li huwa b’xi mod ieħor relatat miegħu skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2011, u jenħtieġ li jinqara flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/733 67 .

    (19)Fir-rigward ta’ Ċipru, din ir-Rakkomandazzjoni, bl-eċċezzjoni tat-taqsimiet 2.1 u 2.2 tagħha, tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li b’xi mod ieħor huwa relatat miegħu skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

    ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

    1.Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)“insegwiment transfruntier” tfisser operazzjoni tal-pulizija li fiha uffiċjali ta’ awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ Stat Membru jsegwu f’dak l-Istat Membru persuna waħda jew aktar minn persuna waħda li jinqabdu fl-att tat-twettiq ta’ reat kriminali jew tal-parteċipazzjoni f’reat kriminali u, matul dak l-insegwiment, jaqsmu fruntiera ma’ Stat Membru ieħor u jkomplu bl-insegwiment fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor;

    (b)“sorveljanza transfruntiera” tfisser operazzjoni tal-pulizija li fiha l-uffiċjali ta’ awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ Stat Membru jżommu taħt sorveljanza, bħala parti minn investigazzjoni kriminali f’dak l-Istat Membru, persuna waħda jew aktar minn persuna waħda li huma ssuspettati li wettqu jew li pparteċipaw f’reat kriminali jew li jistgħu jwasslu għall-identifikazzjoni jew għat-traċċar ta’ tali persuni suspettati, u jkomplu s-sorveljanza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, wara li l-persuna jew il-persuni taħt sorveljanza jkunu qasmu l-fruntiera ma’ dak l-Istat Membru l-ieħor;

    (c)“operazzjonijiet konġunti” tfisser operazzjonijiet tal-pulizija, inklużi viġilanza konġunta u operazzjonijiet konġunti oħra fil-qasam tal-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni tal-kriminalità, imwettqa b’mod konġunt jew f’żoni tal-fruntiera intra-UE jew f’żoni oħra fl-Unjoni minn uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ żewġ Stati Membri jew aktar, fejn uffiċjali minn Stat Membru wieħed jaġixxu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

    (d) “Punt Uniku ta’ Kuntatt” tfisser il-korp ċentrali nazzjonali responsabbli għall-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija, imsemmija fl-Artikolu 39(3) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen;

    (e)“Ċentru ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija u tad-Dwana” tfisser struttura konġunta ta’ infurzar tal-liġi mmirata lejn l-iskambju ta’ informazzjoni u l-għoti ta’ appoġġ lil attivitajiet oħra ta’ infurzar tal-liġi f’żoni tal-fruntiera intra-UE, li Stat Membru jkun stabbilixxa abbażi ta’ ftehim bilaterali jew multilaterali ma’ Stat Membru ġar wieħed jew aktar, u li jinsab fil-viċinanza immedjata tal-fruntieri bejn l-Istati Membri kkonċernati;

    (f)“żona tal-fruntieri intra-UE” tfisser iż-żona ġeografika fil-viċinanza immedjata tal-fruntieri interni bejn l-Istati Membri.

    2.L-indirizzar tal-ostakoli għall-kooperazzjoni operazzjonali meta l-uffiċjali tal-pulizija joperaw fi Stat Membru ieħor

    2.1.Insegwiment transfruntier:

    (a)L-Istati Membri jenħtieġ li:

    i.jiżguraw li t-tipi ta’ reati eliġibbli għal insegwimenti transfruntiera fit-territorju tagħhom ikopru r-reati kriminali elenkati fl-Anness ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;

    ii.jippermettu t-twettiq ta’ insegwimenti transfruntiera fit-territorju tagħhom bejn fruntieri tal-art, tal-baħar, tax-xmajjar, tal-lagi u tal-ajru;

    iii.jippermettu li insegwimenti transfruntiera jkomplu fit-territorju tagħhom mingħajr ebda limitazzjoni ġeografika jew temporali, sal-wasla tal-awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi tagħhom;

    iv.jiġbru l-istatistika dwar l-insegwimenti transfruntiera li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom tal-infurzar tal-liġi wettqu u jirrapportaw dik l-istatistika kull sena lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    (b)L-Istati Membri jenħtieġ li jippermettu lill-uffiċjali mill-awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ Stat Membru ieħor li jwettqu insegwimenti transfruntiera fit-territorju tagħhom, jagħmlu dan li ġej:

    i.iġorru l-arma tas-servizz u l-munizzjon tagħhom;

    ii.jużaw l-arma tas-servizz tagħhom f’awtodifiża leġittima u, fejn meħtieġ, fid-difiża ta’ oħrajn;

    iii.iwaqqfu, jarrestaw jew iżommu b’mod provviżorju persuna suspettata, inkluż permezz ta’ koerċizzjoni u forza fiżika, sakemm jaslu l-uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun seħħ l-insegwiment;

    iv.jużaw il-privileġġi tat-traffiku fit-toroq applikabbli fl-Istati Membri fejn isir l-insegwiment;

    v.jużaw is-sistemi tal-GPS tagħhom biex il-vetturi ta’ dawk l-uffiċjali jiġu ttraċċati mill-awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor.

    2.2.Is-sorveljanza transfruntiera

    (a)L-Istati Membri jenħtieġ li:

    i.jiżguraw li t-tipi ta’ reati eliġibbli għal sorveljanza transfruntiera fit-territorju tagħhom ikopru r-reati kriminali elenkati fl-Anness ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;

    ii.jippermettu t-twettiq ta’ sorveljanza transfruntiera fit-territorju tagħhom fir-rigward ta’ persuni suspettati li jkunu wettqu jew ipparteċipaw f’wieħed jew aktar minn dawk ir-reati kriminali, iżda wkoll fir-rigward ta’ persuni li jistgħu jwasslu għall-identifikazzjoni jew għat-traċċar ta’ tali persuni suspettati;

    iii.jippermettu t-twettiq ta’ sorveljanza transfruntiera fit-territorju tagħhom bejn il-fruntieri tal-art, tal-baħar, tax-xmajjar, tal-lagi u tal-ajru;

    iv.jippermettu u jiffaċilitaw il-ġbir flimkien ta’ materjal, inkluż permezz ta’ self għal żmien qasir jew twil ibbażat fuq proċeduri miftiehma b’mod konġunt, biex is-sorveljanza transfruntiera titwettaq b’mod aktar effiċjenti;

    v.jiddeżinjaw il-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom bħala l-awtorità ċentrali tagħhom responsabbli għall-koordinazzjoni tas-sorveljanza transfruntiera dieħla u ħierġa, inkluż billi din tkun tista’ tipproċessa u tipprovdi talbiet għall-awtorizzazzjoni 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa;

    vi.jiġbru statistika dwar is-sorveljanza transfruntiera li jkunu wettqu l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tagħhom, u jirrapportaw dik l-istatistika kull sena lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    (b)L-Istati Membri jenħtieġ li jippermettu lill-uffiċjali mill-awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ Stat Membru ieħor li jkunu qed jwettqu stħarriġ transfruntier fit-territorju tagħhom jagħmlu dan li ġej:

    i.iġorru l-arma tas-servizz u l-munizzjon tagħhom;

    ii.jużaw l-arma tas-servizz tagħhom f’awtodifiża leġittima u, fejn meħtieġ, fid-difiża ta’ oħrajn;

    iii.jużaw il-mezzi tekniċi meħtieġa biex iwettqu s-sorveljanza transfruntiera, inklużi trackers tal-GPS, droni, tagħmir tal-awdjo u tal-vidjo.

    2.3.Operazzjonijiet konġunti

    (a)L-Istati Membri jenħtieġ li jippermettu lill-uffiċjali mill-awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ Stat Membru ieħor involuti f’operazzjonijiet konġunti mwettqa fit-territorju tagħhom jagħmlu dan li ġej:

    i.iwettqu kontrolli tal-identità, u jinterċettaw lil kwalunkwe persuna li tipprova tevita kontroll tal-identità;

    ii.jilbsu l-uniformi tagħhom u jġorru l-arma u l-munizzjon tas-servizz tagħhom;

    iii.jużaw l-armi tas-servizz tagħhom f’awtodifiża leġittima u, fejn meħtieġ, fid-difiża ta’ oħrajn;

    iv.joperaw il-faċilitajiet tar-radju tagħhom f’żoni tal-fruntiera intra-UE.

    (b)L-Istati Membri jenħtieġ li:

    i.jipprovdu taħriġ fil-lingwi u taħriġ għall-uffiċjali mill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi li x’aktarx ikunu involuti f’operazzjonijiet konġunti dwar proċeduri operazzjonali, il-liġi amministrattiva u kriminali, u l-proċeduri kriminali ta’ Stati Membri oħra użati f’żoni transfruntiera intra-UE, inkluż dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u l-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ta’ residenza irregolari u kriminalità transfruntiera marbuta mal-migrazzjoni irregolari, jew attivitajiet oħra ta’ kriminalità serja u organizzata ta’ natura transfruntiera;

    ii.jiġbru statistika dwar il-viġilanza u l-operazzjonijiet konġunti transfruntiera li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom tal-infurzar tal-liġi jkunu wettqu fit-territorju ta’ Stati Membri oħra u jirrapportaw dik l-istatistika kull sena lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    3.Kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera tal-pulizija għall-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transfruntiera marbuta mal-migrazzjoni irregolari

    (a)L-Istati Membri jenħtieġ li jużaw operazzjonijiet konġunti f’żoni tal-fruntiera intra-UE biex:

    i.jiġġieldu l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali;

    ii.jipprevjenu u jidentifikaw il-migranti irregolari u l-kriminalità transfruntiera marbuta mal-migrazzjoni irregolari.

    (b)L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw koordinazzjoni fil-livell nazzjonali bejn l-awtoritajiet kompetenti involuti f’operazzjonijiet konġunti u dawk involuti fil-maniġġ ulterjuri ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi arrestati għal residenza illegali, b’mod partikolari bl-użu ta’ mekkaniżmi kif imsemmi fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2008/115/KE.

    4.Kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera tal-pulizija għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u għall-identifikazzjoni u l-protezzjoni tal-vittmi

    (a)L-Istati Membri jenħtieġ li jużaw operazzjonijiet konġunti transfruntiera f’żoni transfruntiera intra-UE biex:

    i.jiġġieldu kontra t-traffikar tal-bnedmin;

    ii.jidentifikaw u jipprovdu sikurezza u appoġġ lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin.

    5.Stazzjonijiet Konġunti tal-Pulizija u tad-Dwana

    (a)L-Istati Membri jenħtieġ li jespandu l-kompiti attwali taċ-ċentri ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija u tad-Dwana eżistenti tagħhom billi:

    i.iwettqu, jappoġġaw u jikkoordinaw operazzjonijiet konġunti fiż-żoni tal-fruntiera intra-UE;

    ii.jipproduċu analiżi konġunta ta’ reati transfruntiera speċifiċi għaż-żona transfruntiera intra-UE tagħhom u jikkondividu tali analiżi permezz tal-Punt Uniku ta’ Kuntatt nazzjonali mal-Istati Membri l-oħra kollha u mal-Aġenziji u l-korpi kompetenti tal-Unjoni, bħall-Europol u, fejn xieraq, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF);

    iii.jappoġġaw investigazzjonijiet dwar reati transfruntiera li jseħħu fiż-żoni transfruntiera intra-UE tagħhom.

    (b)L-Istati Membri jenħtieġ li, fid-dawl ta’ dawk il-kompiti estiżi taċ-Ċentri ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija u tad-Dwana eżistenti tagħhom, jagħtuhom l-isem ġdid ta’ Stazzjonijiet Konġunti tal-Pulizija u tad-Dwana.

    6.Pjattaforma ta’ koordinazzjoni għall-operazzjonijiet konġunti

    (a)L-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni u mal-Europol, jenħtieġ li:

    i.jistabbilixxu b’mod konġunt pjattaforma unika ta’ koordinazzjoni fejn l-Istati Membri jistgħu jiskambjaw il-ħtiġijiet u l-oqsma ta’ prijorità tagħhom għal operazzjonijiet konġunti:

    f’postijiet li huma ta’ importanza partikolari għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-kriminalità bħal ċentri kriminali ewlenin jew żoni turistiċi li jżuru turisti minn Stati Membri oħra;

    matul laqgħat tal-massa u avvenimenti ewlenin li x’aktarx jattiraw viżitaturi minn Stati Membri oħra bħal avvenimenti sportivi kbar jew summits internazzjonali;

    f’każ ta’ diżastri u ta’ aċċidenti serji, f’koordinazzjoni mal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM), u b’mod partikolari ċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (ERCC) ; 68

    fil-każ ta’ attivitajiet oħra ta’ kriminalità serja u organizzata ta’ natura transfruntiera.

    ii.jistabbilixxu b’mod konġunt, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-aġenziji kompetenti tal-Unjoni u mill-Istati Membri, u bil-kontribut mill-Istazzjonijiet Konġunti tal-Pulizija u tad-Dwana tagħhom, rapport regolari uniku li janalizza r-riskji u l-ħtiġijiet ta’ operazzjonijiet konġunti, li l-Istati Membri jistgħu jużaw biex jimmiraw l-operazzjonijiet konġunti tagħhom.

    (b)L-Istati Membri jenħtieġ li:

    i.jipprovdu lill-pjattaforma ta’ koordinazzjoni b’informazzjoni dwar it-theddid serju kollu għall-ordni pubbliku u għas-sikurezza pubblika li huma konxji minnu, il-laqgħat tal-massa li ġejjin u l-avvenimenti fuq skala kbira li x’aktarx jattiraw għadd sinifikanti ta’ viżitaturi minn Stati Membri oħra u x-xejriet tal-mobbiltà taċ-ċittadini tagħhom, b’mod partikolari matul l-istaġuni turistiċi;

    ii.jiddeżinjaw il-Punt Uniku ta’ Kuntatt bħala punt ta’ kuntatt nazzjonali għall-koordinazzjoni ta’ tali operazzjonijiet konġunti.

    7.L-iżgurar ta’ aċċess effettiv għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni

    (a)L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-uffiċjali mill-awtorità kompetenti tagħhom tal-infurzar tal-liġi involuti fil-kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera tal-pulizija koperta minn din ir-Rakkomandazzjoni u li jaġixxu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor:

    i.ikollhom aċċess remot u sigur għall-bażijiet tad-data nazzjonali tagħhom stess u għall-bażijiet tad-data tal-Unjoni u dawk internazzjonali permezz tal-Portal Ewropew tat-Tfittxija, kif permess skont il-liġi nazzjonali tagħhom, li jippermettilhom iwettqu l-funzjonijiet tal-pulizija tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor bħala parti minn dawk l-operazzjonijiet, bħat-twettiq ta’ kontrolli tal-identità;

    ii.jistgħu jużaw mezzi ta’ komunikazzjoni siguri f’ħin reali li jkunu kapaċi joperaw fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li jippermettulhom jikkomunikaw direttament mal-awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tagħhom u mal-uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tal-Istat Membru l-ieħor jew tal-Istati Membri kkonċernati.

    (b)L-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu użu mis-soluzzjonijiet tekniċi li għandhom jiġu pprovduti mil-laboratorju tal-innovazzjoni tal-Europol, biex jiżguraw komunikazzjoni diretta f’ħin reali sigura bejn il-fruntieri.

    8.taħriġ konġunt u żvilupp professjonali relatati mal-kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera tal-pulizija

    (a)L-Istati Membri jenħtieġ li:

    i.jistabbilixxu, flimkien mal-Istati Membri ġirien tagħhom, programmi konġunti ta’ taħriġ inizjali u ta’ skambju għall-kadetti tal-pulizija tagħhom dwar il-kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera tal-pulizija;

    ii.jaġġustaw u jallinjaw il-kurrikuli tal-akkademji tal-pulizija nazzjonali tagħhom, fil-livelli kollha ta’ taħriġ, biex jinkludu korsijiet akkreditati Ewropej ta’ kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera tal-pulizija;

    iii.ifasslu u jimplimentaw karrieri għall-kadetti u għall-uffiċjali li jkunu lestew taħriġ inizjali konġunt, programmi ta’ skambju jew korsijiet speċifiċi ta’ kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera tal-pulizija;

    iv.jistabbilixxu korsijiet u inizjattivi konġunti kontinwi għall-iżvilupp professjonali għall-uffiċjali tal-pulizija u l-investigaturi tal-kriminalità tal-ewwel linja biex jiżviluppaw ħiliet u għarfien dwar il-kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera tal-pulizija, b’mod partikolari dwar il-leġiżlazzjoni rilevanti, ir-regoli ta’ involviment, l-għodod, it-tekniki, il-mekkaniżmi, il-proċeduri u l-aħjar prattiki;

    v.itejbu l-korsijiet tal-lingwa għall-uffiċjali tal-pulizija tagħhom biex ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod effettiv fil-kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera tal-pulizija;

    vi.jallinjaw il-portafoll tat-taħriġ tagħhom mal-prijoritajiet relatati mal-kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera tal-pulizija stabbiliti fil-Valutazzjoni Strateġika tal-Ħtiġijiet tat-Taħriġ tal-UE (EU-STNA);

    vii.jinformaw lis-CEPOL dwar il-ħtiġijiet tagħhom ta’ taħriġ relatat mal-kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera tal-pulizija u jappoġġaw l-attivitajiet rilevanti tas-CEPOL;

    viii.jirriflettu dwar il-possibbiltà li jinħolqu programmi ta’ taħriġ u skambju konġunti pan-Ewropej fuq skala kbira u fit-tul għall-kadetti tal-pulizija u għall-uffiċjali fil-qasam tal-kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera tal-pulizija.

    9.Dispożizzjonijiet finali

    (a)L-Istati Membri jenħtieġ li jiddiskutu u jmexxu ’l quddiem il-kwistjonijiet koperti minn din ir-Rakkomandazzjoni, u b’mod partikolari kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tagħha.

    (b)L-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu użu sħiħ mill-appoġġ finanzjarju disponibbli permezz tal-Fond għas-Sigurtà Interna – Pulizija biex itejbu u jintensifikaw il-kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera.

    (c)Fi żmien sitt xhur mid-data tal-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri meħtieġa, inkluż billi jibdlu r-regoli nazzjonali tagħhom u l-ftehimiet bilaterali u multilaterali ma’ Stati Membri oħra fejn rilevanti u f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jagħtu effett lil din ir-Rakkomandazzjoni.

    (d)Sena wara d-data tal-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta l-effett mogħti lil din ir-Rakkomandazzjoni mill-Istati Membri u jenħtieġ li tippubblika rapport dwar dan.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    Għal din ir-Rakkomandazzjoni, “kooperazzjoni tal-pulizija” tfisser kooperazzjoni li tinvolvi lill-awtoritajiet kompetenti kollha tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri, inkluż il-pulizija, il-ġendarmi, il-gwardji tal-fruntieri, id-dwana u servizzi speċjalizzati oħra tal-infurzar tal-liġi biex jipprevjenu, jidentifikaw u jinvestigaw reati kriminali. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, “transfruntiera” tkopri (i) azzjonijiet transfruntiera bejn żewġ Stati Membri ġirien jew aktar (eż. matul insegwiment) u (ii) azzjonijiet transnazzjonali bejn Stati Membri mhux ġirien (eż. l-iskjerament ta’ uffiċjali tal-pulizija fi Stat Membru ieħor matul l-istaġun turistiku jew avveniment tal-massa) jew Stati Membri ġirien f’żona mhux tal-fruntiera.
    (2)    COM(2021) 170 final, 14.4.2021.
    (3)    COM(2020) 605 final, 24.7.2020.
    (4)    COM(2021) 170 final, 14.4.2021.
    (5)    Europol (2021), European Union serious and organised crime threat assessment, a corrupting influence: the infiltration and undermining of Europe’s economy and society by organised crime, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu.
    (6)    Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (2021), European Drug Report 2021: Trends and Developments, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu.
    (7)    Europol (2021), EU SOCTA 2021.
    (8)    Il-mobbiltà internazzjonali hija karatteristika li tiddefinixxi n-networks kriminali. Pereżempju, il-kriminalità organizzata kontra l-proprjetà mwettqa fl-UE titwettaq primarjament mill-MOCGS (Mobile Organised Crime Groups) u l-mobbiltà tibqa’ l-karatteristika ewlenija tagħhom biex jevitaw id-detezzjoni u jimminimizzaw ir-riskju ta’ arrest. Europol (2021), EU SOCTA 2021.
    (9)    COM(2020) 795 final, 9.12.2020.
    (10)    Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/794, fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-Europol ma’ partijiet privati, tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Europol b’appoġġ għal investigazzjonijiet kriminali, u tar-rwol tal-Europol fir-riċerka u fl-innovazzjoni. (SWD(2020)543 final, 9.12.2020).
    (11)    Iż-Żona Schengen tikkonsisti f’26 pajjiż Ewropew: L-Awstrija , il-Belġju , ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka , l-Estonja , il-Finlandja, Franza , il-Ġermanja , il-Greċja , l-Ungerija , l-Iżlanda, l-Italja , il-Latvja , il-Liechtenstein, il-Litwanja , il-Lussemburgu, Malta , in-Netherlands , in-Norveġja , il-Polonja , il-Portugall, is-Slovakkja , is-Slovenja , Spanja , l-Iżvezja , u l-Iżvizzera .
    (12)    Il-Kummissjoni Ewropea (2017), Spinta lit-tkabbir u l-koeżjoni fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE.  link .
    (13)    Pandemic profiteering. How_criminals_exploit_the_COVID-19_crisis, Europol, Marzu 2020.
    (14)    Special Eurobarometer 474: The Schengen Area,      https://data.europa.eu/data/datasets/s2218_89_3_474_eng?locale=mt
    (15)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “Strateġija lejn żona Schengen reżiljenti u li tiffunzjona bis-sħiħ” COM/2021/277 final. 
    (16)    Raġunijiet oħra l-aktar frekwenti nnotifikati mill-Istati Membri kienu jinkludu l-kriżi migratorja tal-2015/2016, it-theddida terroristika persistenti u l-pandemija tal-COVID-19.
    (17)    Skont ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntieri (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) ( ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1 ), l-introduzzjoni temporanja mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri tista’ tiġi stabbilita biss għal perjodu limitat, f’ċirkostanzi eċċezzjonali (bħall-kriżi migratorja tal-2015/2016), u bħala miżura tal-aħħar istanza.
    (18)    Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).
    (19)    Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/432 tas-7 ta’ Marzu 2017 dwar ritorni aktar effettivi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
    (20)    Ġurnal Uffiċjali L 239, 22/09/2000 P. 0019 – 0062.
    (21)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI (Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Prüm). L-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI jindirizza l-operazzjonijiet konġunti, u l-Artikolu 18 jindirizza l-assistenza b’rabta mal-laqgħat tal-massa, id-diżastri u l-aċċidenti serji.
    (22)    Katalogu ta’ Schengen. Rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki. Il-kooperazzjoni tal-pulizija, 15785/3/10 REV 3, Brussell 15.11.2011.
    (23)    Il-Punt Uniku ta’ Kuntatt (SPOC) ifisser il-korp ċentrali nazzjonali responsabbli għall-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija msemmija fl-Artikolu 39(3) tal-KIFS. Skont il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri, imressqa flimkien ma’ din il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, l-Istati Membri jsiru legalment marbuta li jaħtru SPOC, li għandu jingħata ċerti kompiti minimi relatati mal-iskambju ta’ informazzjoni. Ladarba l-Istati Membri jkunu għamlu dan, ir-referenza għall-SPOC f’din ir-Rakkomandazzjoni jenħtieġ li tinftiehem bħala referenza għall-SPOC kif maħtur skont dik id-Direttiva.
    (24)    Iċ-Ċentri ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija u tad-Dwana jlaqqgħu flimkien, f’post fiżiku wieħed, awtoritajiet differenti tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri parteċipanti u huma marbuta mill-qrib mal-awtorità ċentrali nazzjonali li tindirizza l-kooperazzjoni internazzjonali – Punt Uniku ta’ Kuntatt (SPOC).
    (25)    L-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein huma membri assoċjati taż-Żona Schengen.
    (26)    L-Artikolu 41(3) tal-KIFS jipprevedi li: “L-insegwiment għandu jsir skont il-paragrafi 1 u 2 u skont wieħed mill-modi li ġejjin kif definit mid-dikjarazzjoni provduta fil-paragrafu 9: (a) f’żona jew waqt perjodu mill-qsim tal-fruntiera, li jrid jiġi stabbilit fid-dikjarazzjoni; (b) mingħajr limiti fir-rigward ta’ spazju u ħin”.
    (27)    Pereżempju, il-pajjiż ġar 1 jippermetti insegwimenti transfruntiera iżda biss f’żona ta’ 5 km wara l-fruntiera u mingħajr l-ebda possibbiltà li titwaqqaf jew li tinqabad il-persuna suspettata, il-pajjiż ġar 2 jippermetti insegwimenti f’żona ta’ 10 km mill-fruntiera iżda mingħajr id-dritt li jinġarru klassijiet differenti ta’ armi tas-servizz (possibbilment aktar tqal); il-pajjiż ġar 3 jippermetti insegwimenti għal siegħa (1) biss, eċċ. Meta jiffaċċjaw il-kumplessità ta’ firxa wiesgħa bħal din ta’ restrizzjonijiet differenti, minkejja li fil-prinċipju l-insegwimenti huma permessi, xi Stati Membri jagħtu struzzjonijiet lill-uffiċjali tal-pulizija tagħhom biex dejjem jabbandunaw insegwiment meta l-persuna suspettata taqsam il-fruntiera lejn kwalunkwe wieħed minn dawn l-Istati Membri. Il-kriminali jafu b’dan u jużawh biex jaħarbu kważi b’mod sistematiku mill-pulizija.
    (28)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen (…).
    (29)    Europol (2021), EU SOCTA 2021.
    (30)    Ġbir ta’ Data dwar it-Traffikar tal-Bnedmin fl-UE (2020); COM(2020) 661 final, 20.10.2020
    (31)    COM(2021) 277 final, 2.6.2021.
    (32)    Skont l-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Prüm, “Sabiex tittejjeb il-koperazzjoni bejn il-pulizija, l-awtoritajiet kompetenti maħtura mill-Istati Membri jistgħu, fiż-żamma tal-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika u fil-prevenzjoni ta’ reati kriminali, jintroduċu rondi konġunti u operazzjonijiet konġunti oħra li fihom jieħdu sehem uffiċjali maħtura jew uffiċjali oħra (uffiċjali) minn Stati Membri oħra f’operazzjonijiet fit-territorju ta’ Stat Membru.”
    (33)    L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi, kif stabbilita bir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI. ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53-114.
    (34)    COM(2020) 605 final, 24.7.2020.
    (35)    COM(2020) 795 final, 9.12.2020.
    (36)    COM(2021) 170 final, 14.4.2021.
    (37)    COM(2021) 171 final, 14.4.2021.
    (38)    COM(2020) 607 final, 24.7.2020.
    (39)    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istrateġija tal-UE dwar id-drogi għall-2021-2025, 14178/20, 18 ta’ Diċembru 2020.
    (40)    COM(2021) 277 final, 2.6.2021.
    (41)    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sigurtà Interna u s-Sħubija Ewropea tal-Pulizija, 13083/1/20, 24 ta’ Novembru 2020.
    (42)    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ċerti aspetti tal-policing preventiv Ewropew, 10062/19, 6 ta’ Ġunju 2019; Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sigurtà Interna u s-Sħubija Ewropea tal-Pulizija, 13083/1/20, 24 ta’ Novembru 2020.
    (43)    SWD(2021) 375, Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, rapport fil-qosor.
    (44)    Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI.
    (45)    Id-Direttiva 2010/64/UE dwar id-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, id-Direttiva 2012/13/UE dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali, id-Direttiva 2013/48/UE dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà, id-Direttiva (UE) 2016/1919 dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew, id-Direttiva (UE) 2016/343 dwar it-tisħiħ ta' ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali, id-Direttiva (UE) 2016/800 dwar il-garanziji proċedurali għat-tfal li huma persuni suspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali.
    (46)    Ir-Regolament (UE) 2021/1149.
    (47)    Ara l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2021/1149.
    (48)    L-Artikolu 40(7) u l-Artikolu 41(4) tal-KIFS jistabbilixxu l-lista ta’ reati li għalihom jistgħu jinbdew is-sorveljanza u l-insegwimenti transfruntiera, rispettivament. Dawn il-listi jistgħu jinstabu wkoll fid-diversi ftehimiet bilaterali u multilaterali bejn l-Istati Membri.
    (49)    Skont l-Artikolu 4(1)(f) tar-Regolament tal-Europol (UE) 2016/794, il-Europol tħejji valutazzjonijiet tat-theddid, analiżijiet strateġiċi u operazzjonali u rapporti dwar is-sitwazzjoni. Ir-rapport ewlieni tal-Europol huwa l-Valutazzjoni mill-Unjoni Ewropea tat-Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata (SOCTA), li tippreżenta, fost l-oħrajn, postijiet ewlenin ta’ kriminalità fl-UE. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament dwar il-Frontex (UE) 2019/1896, il-Frontex tipprovdi analiżi tar-riskju. Il-Premessa (11) tar-Regolament dwar il-Frontex tiċċara li, fil-kuntest tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri, l-analiżi tar-riskju tkopri ż-żona Schengen.
    (50)    Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment. ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98–107.
    (51)    L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi kif stabbilita mir-Regolament (UE) 2015/2219 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI. ĠU L 319, 4.12.2015, p. 1-20. 
    (52)    ĠU C […], […], p. […].
    (53)    Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).
    (54)    Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/432 tas-7 ta’ Marzu 2017 dwar ritorni aktar effettivi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. ĠU L 66, 11.3.2017, p. 1521.
    (55)    Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19).
    (56)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tiehu sehem f’xi disposizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002).
    (57)    ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
    (58)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999). 
    (59)    ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
    (60)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008).
    (61)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f' isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008).
    (62)    ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.
    (63)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011).
    (64)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat b’mod partikolari mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija (ĠU L 160, 18.6.2011).
    (65)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/365/UE tad-29 ta’ Ġunju 2010 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU L 166, 1.7.2010, p. 17).
    (66)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/934 tal-25 ta’ Ġunju 2018 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li fadal tal-acquis ta’ Schengen marbuta mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u fir-Rumanija (ĠU L 165, 2.7.2018, p. 37).
    (67)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/733 tal-25 ta’ April 2017 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Kroazja (ĠU L 108, 26.4.2017, p. 31).
    (68)    Matul kriżijiet u emerġenzi (l-aktar marbuta ma’ diżastri jew aċċidenti kbar), kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż terz affettwat jista’ jitlob protezzjoni ċivili jew assistenza umanitarja permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili. Iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (ERCC) imbagħad jikkoordina, jiffaċilita u jikkofinanzja r-reazzjoni tal-Istati Membri għat-talba għal assistenza ( Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (ERCC) | L-Operazzjonijiet Ewropej tal-Protezzjoni Ċivili u tal-Għajnuna Umanitarja (europa.eu) ).
    Sus

    Brussell, 8.12.2021

    COM(2021) 780 final

    ANNESS

    tal-

    Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-kooperazzjoni operazzjonali tal-pulizija

    {SWD(2021) 375 final}


    ANNESS

    Reati msemmija fir-Rakkomandazzjonijiet 2.1 u 2.2 huma
    r-reati serji li ġejjin:

    Parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali,

    Terroriżmu,

    Traffikar ta’ bnedmin,

    Sfruttament sesswali tat-tfal u pornografija tat-tfal,

    Traffikar illeċitu ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi,

    Traffikar illeċitu ta’ armi, munizzjon u splussivi,

    Korruzzjoni, inkluż tixħim,

    Frodi, inkluża dik li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali,

    Ħasil ta’ flus ta’ rikavat minn attività kriminali,

    Falsifikazzjoni ta’ flus, inkluż tal-euro,

    Kriminalità tal-informatika,

    Kriminalità ambjentali, inkluż it-traffikar illeċitu fi speċijiet ta’ annimali fil-periklu u fi speċijiet u varjetajiet ta’ pjanti fil-periklu,

    Faċilitazzjoni ta’ dħul u residenza mhux awtorizzati,

    Omiċidju volontarju u offiżi gravi fuq il-persuna,

    Kummerċ illeċitu ta’ organi u tessuti tal-bniedem,

    Ħtif ta’ persuni, żamma illegali ta’ persuni u teħid ta’ ostaġġi,

    Razziżmu u ksenofobija,

    Serq organizzat jew bl-użu ta’ armi,

    Traffikar illeċitu f’beni kulturali, inkluż oġġetti antiki u opri tal-arti,

    Frodi b’għemil qarrieqi,

    Rikattar organizzat u estorsjoni,

    Falsifikazzjoni u piraterija ta’ prodotti,

    Falsifikazzjoni ta’ dokumenti amministrattivi u t-traffikar tagħhom,

    Falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ ħlas,

    Traffikar illeċitu ta’ sustanzi ormonali u ta’ promoturi oħrajn ta’ tkabbir,

    Traffikar illeċitu ta’ materjali nukleari jew radjoattivi,

    Traffikar ta’ vetturi misruqin,

    Stupru,

    Ħruq doluż,

    Reati li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

    Ħtif illegali ta’ inġenji tal-ajru/bastimenti, inġenji tal-ispazju,

    Sabotaġġ.

    Sus