Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021DC0514

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Latvja għall-2021

COM/2021/514 final

Brussell, 2.6.2021

COM(2021) 514 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Latvja għall-2021

{SWD(2021) 501 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Latvja għall-2021

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politiki ekonomiċi 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali 2 tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir 3 . Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ppreżentat il-fehma tagħha li, minħabba r-reċessjoni ekonomika severa li kienet mistennija minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet kienu jiġġustifikaw l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Il-klawżola liberatorja ġenerali tat lill-Istati Membri flessibbiltà baġitarja biex jittrattaw il-kriżi. Il-klawżola ffaċilitat il-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ reċessjoni ekonomika severa. L-attivazzjoni tagħha tippermetti diverġenza temporanja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju ta’ kull Stat Membru, dment li dan ma jkunx jipperikola s-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju. Fis-17 ta’ Settembru 2020, fl-Istrateġija Annwali tagħha għat-Tkabbir Sostenibbli, il-Kummissjoni ħabbret li l-klawżola liberatorja ġenerali se tibqa’ attiva fl-2021 4 .

(2)Fl-20 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill irrakkomanda lil-Latvja 5 biex tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, skont il-klawżola liberatorja ġenerali, biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru li jirriżulta. Huwa rrakkomanda wkoll lil-Latvja biex, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politiki fiskali mmirata lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju u l-iżgurar tas-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li ttejjeb l-investiment.

(3)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro indikat li l-politiki fiskali jibqgħu jsostnu l-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro matul l-2021 u li l-miżuri politiċi jenħtieġ li jkunu mfassla għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-pajjiż u jkunu f’ħinhom, temporanji u mmirati 6 . Meta jippermettu l-kundizzjonijiet epidemjoloġiċi u ekonomiċi, jenħtieġ li l-miżuri ta’ emerġenza jitneħħew gradwalment, waqt li jiġi miġġieled l-impatt soċjali u tas-suq tax-xogħol tal-kriżi. Jenħtieġ li jiġu segwiti politiki fiskali li jkunu mmirati lejn il-ksib ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti f’terminu medju u li jiżguraw is-sostenibbiltà tad-dejn, waqt li jittejjeb l-investiment. Jenħtieġ li l-Istati Membri jsegwu riformi li jsaħħu l-kopertura, l-adegwatezza, u s-sostenibbiltà tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u ta’ saħħa għal kulħadd.

(4)Fit-18 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni adottat l-Opinjonijiet tagħha dwar l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tal-2021 tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro, li kienu bbażati fuq valutazzjoni kwalitattiva tal-miżuri fiskali. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Latvja kien ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-politika fiskali adottati mill-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020, u li l-biċċa l-kbira tal-miżuri inklużi fil-pjan kienu jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta’ inċertezza konsiderevoli.

(5)In-NextGenerationEU, li jinkludi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, jiżgura rkupru sostenibbli, inklużiv u ġust. Ir-Regolament (UE) 2021/241 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 7 (Recovery and Resilience Facility, RRF) daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Din il-Faċilità tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni tar-riformi u tal-investiment, bl-involviment ta’ impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. Se tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku, għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, speċjalment għall-promozzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, u ssaħħaħ ir-reżiljenza u t-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji. Min-naħa l-oħra se tgħin ukoll biex il-finanzi pubbliċi jerġgħu lura għal pożizzjonijiet aktar favorevoli fiż-żmien qrib u tikkontribwixxi biex tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, tat-tkabbir u tal-ħolqien tax-xogħol f’terminu medju u twil.

(6)Fit-3 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tipprovdi orjentazzjonijiet ta’ politika biex jiġu ffaċilitati l-koordinazzjoni tal-politiki fiskali u t-tħejjija tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri 8 . Jenħtieġ li l-pożizzjoni fiskali ġenerali, li tqis il-baġits nazzjonali u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, tibqa’ sservi ta’ sostenn fl-2021 u fl-2022. Fl-istess ħin, billi hu mistenni li fit-tieni nofs tal-2021 l-attività ekonomika tiġi gradwalment għan-normal, jenħtieġ li l-politiki fiskali tal-Istati Membri jsiru aktar differenzjati fl-2022. Jenħtieġ li l-politiki fiskali tal-Istati Membri jqisu l-istat tal-irkupru, is-sostenibbiltà fiskali u l-bżonn li jitnaqqsu d-diverġenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali. Fid-dawl tal-bżonn li jingħata appoġġ lill-irkupru sostenibbli fl-UE, jenħtieġ li l-Istati Membri b’riskji baxxi għas-sostenibbiltà jorjentaw il-baġits favur li tinżamm politika fiskali li sservi ta’ sostenn fl-2022, u li jqisu l-impatt tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Jenħtieġ li l-Istati Membri b’livelli għoljin ta’ dejn isegwu politiki fiskali prudenti, filwaqt li jippreservaw l-investiment iffinanzjat nazzjonalment u jagħmlu użu minn sovvenzjonijiet fil-kuntest tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jiffinanzjaw proġetti addizzjonali ta’ investiment u riformi strutturali ta’ kwalità għolja. Għall-perjodu lil hinn mill-2022, jenħtieġ li l-politiki fiskali jkomplu jqisu s-saħħa tal-irkupru, il-grad tal-inċertezza ekonomika u kunsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà fiskali. L-iffukar mill-ġdid tal-politiki fiskali lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti f’terminu medju, inkluż bl-eliminazzjoni gradwali tal-miżuri ta’ sostenn, se jikkontribwixxi biex tiġi ggarantita s-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju.

(7)Il-Komunikazzjoni tat-3 ta’ Marzu 2021 ħabbret ukoll il-fehma tal-Kummissjoni li d-deċiżjoni dwar id-diżattivazzjoni jew l-applikazzjoni kontinwata tal-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tittieħed bħala valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija, bil-livell tal-attività ekonomika fl-UE jew fiż-Żona tal-Euro mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-kriżi (tmiem l-2019) bħala kriterju kwantitattiv ewlieni. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, fit-2 ta’ Ġunju il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kundizzjonijiet kienu jiġġustifikaw li tkompli tapplika l-klawżola liberatorja ġenerali fl-2022 u li tiddiżattivaha mill-2023 ’il quddiem. Is-sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ikomplu jitqiesu wara d-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali 9 .

(8)Fil-15 ta’ April 2021 il-Latvja ppreżentat il-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2021, b’mod konformi mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

(9)Fl-2020, fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Latvja kien ta’ 4,5 % tal-PDG, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied għal 43,5 % tal-PDG. Il-bidla annwali fil-bilanċ tal-baġit primarju kienet tammonta għal -4 % tal-PDG, inklużi miżuri baġitarji diskrezzjonali ta’ 3,5 % tal-PDG b’sostenn għall-ekonomija u għat-tħaddim tal-istabbilizzaturi awtomatiċi. Il-Latvja pprovdiet ukoll appoġġ ta’ likwidità lill-kumpaniji u lill-unitajiet domestiċi (bħal garanziji u differiment ta’ taxxa, li ma għandhomx impatt baġitarju dirett u immedjat), ikkalkulat li jilħaq il-1,7 % tal-PDG.

Fit-2 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE. Dan ir-rapport jiddiskuti s-sitwazzjoni baġitarja tal-Latvja, billi d-defiċit tal-gvern estiż tagħha fl-2020 qabeż it-3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG skont it-Trattat. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterju tad-defiċit ma ġiex issodisfat.

(10)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-proġettazzjonijiet baġitarji huwa kawt fl-2021 u l-2022. Ir-rati tat-tkabbir tal-PDG reali huma pproġettati li jkunu aktar baxxi fil-Programm ta’ Stabbiltà milli fit-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, l-aktar minħabba inqas tkabbir fl-esportazzjoni. Barra minn hekk, il-Programm ta’ Stabbiltà jistenna tnaqqis ulterjuri fl-impjiegi fl-2021 u rkupru aktar bil-mod fl-2022 milli fit-tbassir tal-Kummissjoni.

(11)Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu għall-2021, il-gvern qed jippjana żieda fid-defiċit tal-gvern estiż minn 5,4 % tal-PDG fl-2020 għal 9,3 % tal-PDG fl-2021, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn huwa ppjanat li jiżdied għal 48,9 % tal-PDG fl-2021. Skont il-programm, il-bidla fil-bilanċ baġitarju primarju fl-2021 meta mqabbel mal-livell ta’ qabel il-kriżi (2019) mistennija li tammonta għal -8,7 % tal-PDG, u tirrifletti l-miżuri baġitarji diskrezzjonali ta’ 2,9 % tal-PDG b’sostenn tal-ekonomija u tat-tħaddim tal-istabbilizzaturi awtomatiċi. Il-proġettazzjonijiet tad-defiċit u tad-dejn huma ’l fuq mit-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni. Il-Programm ta’ Stabbiltà jistenna żieda ogħla fin-nefqa, b’mod partikolari f’nefqa oħra, milli kien previst fit-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-iżviluppi tad-dħul huma pproġettati aktar favorevoli fit-tbassir tal-Kummissjoni, b’mod konformi max-xenarju makroekonomiku aktar pożittiv fit-tbassir tal-Kummissjoni.

(12)B’rispons għall-pandemija tal-COVID-19, u għar-reċessjoni ekonomika, il-Latvja adottat miżuri baġitarji biex issaħħaħ il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, trażżan il-pandemija, u tgħin lil dawk l-individwi u s-setturi li kienu partikolarment milquta. Dan ir-rispons politiku qawwi taffa t-tnaqqis fil-PDG, li, min-naħa tiegħu, naqqas iż-żieda fid-defiċit tal-gvern u d-dejn pubbliku. Il-miżuri fiskali jenħtieġ li jimmassimizzaw l-appoġġ għall-irkupru mingħajr ma jantiċipaw trajettorji fiskali futuri. Għalhekk, il-miżuri għandhom jevitaw li joħolqu piż permanenti fuq il-finanzi pubbliċi. Meta l-Istati Membri jintroduċu miżuri permanenti, huma għandhom jiffinanzjawhom kif xieraq biex jiżguraw newtralità baġitarja fuq terminu medju. Il-miżuri li ħadet il-Latvja fl-2020 u fl-2021 kienu konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020. Uħud mill-miżuri diskrezzjonali adottati mill-gvern fl-2020 u l-2021 ma jidhrux li huma temporanji jew akkumpanjati minn miżuri ta’ kumpens. Lil hinn mill-orizzont tat-tbassir tal-Kummissjoni, fl-2023, l-impatt li jibqa’ minn dawk il-miżuri mhux temporanji huwa kkalkulat b’mod preliminari għal madwar 1 % tal-PDG, li jikkonsisti prinċipalment f’żidiet fil-pagi fis-settur pubbliku, speċjalment għall-ħaddiem fil-kura tas-saħħa.

(13)Il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2021 jassumi investiment u riformi ffinanzjati minn sovvenzjonijiet fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li jammontaw għal 0,1 % fl-2021, 0,8 % fl-2022 u 0,8 % fl-2023. Il-programm jassumi li n-nefqa ffinanzjata mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tkun kemxejn posposta, b’nefqa akbar ippjanata fl-2024 u fl-2025. It-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni jinkludi dawn is-sovvenzjonijiet fil-proġettazzjonijiet baġitarji tagħha.

(14)L-indikaturi stabbiliti tal-aġġustament fiskali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1466/97 iridu jitqiesu fil-kuntest taċ-ċirkostanzi attwali. L-ewwel nett, hemm inċertezza sinifikanti rigward l-istimi tad-distakk fl-output. It-tieni, hemm il-bżonn li l-politika fiskali tkun lesta biex tadatta malajr għall-evoluzzjoni tal-pandemija, bit-tranżizzjoni minn assistenza ta’ emerġenza għal miżuri aktar immirati ladarba jonqsu r-riskji tas-saħħa. It-tielet, il-kuntest attwali huwa kkaratterizzat minn rispons ta’ politika sinifikanti b’appoġġ għall-attività ekonomika. Fil-preżenza ta’ trasferimenti mdaqqsa mill-baġit tal-UE (bħal dawk mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza), l-indikaturi stabbiliti ma jkoprux l-impuls kollu li jipprovdu l-politiki fiskali għall-ekonomija. F’dan l-isfond, il-bilanċ strutturali ma jidhirx li huwa adegwat fiċ-ċirkostanzi attwali. Il-parametru referenzjarju għan-nefqa jeħtieġ jiġi adattat 10 u kkomplementat b’informazzjoni addizzjonali sabiex jikkunsidra b’mod sħiħ l-orjentazzjoni tal-politika fiskali.

L-ewwel nett, u b’mod simili għall-approċċ segwit fil-valutazzjoni tal-Abbozzi ta’ Pjanijiet Baġitarji għall-2021, il-miżuri ta’ emerġenza temporanji ġew esklużi mill-aggregat tan-nefqa. Dawn il-miżuri ta’ emerġenza temporanji relatati mal-kriżi jappoġġaw is-sistemi tas-saħħa u jikkumpensaw lill-ħaddiema u lill-kumpaniji għat-telf fid-dħul minħabba l-lockdowns u l-interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista; it-treġġigħ lura tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi jiddependi mir-ritorn għan-normalità tas-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika u ekonomika.

It-tieni, sabiex tiġi vvalutata l-pożizzjoni fiskali kumplessiva fil-mument preżenti, jenħtieġ li t-trasferimenti mdaqqsa mill-baġit tal-UE (bħal dawk mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza) jiġu inklużi fl-aggregat rilevanti tan-nefqa.

Għaldaqstant, il-pożizzjoni fiskali mbagħad titkejjel bil-bidla fin-nefqa primarja (netta tal-miżuri tad-dħul diskrezzjonali u bl-esklużjoni tal-miżuri ta’ emerġenza temporanji relatati mal-kriżi), inkluża n-nefqa ffinanzjata mis-sovvenzjonijiet fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE.

Lil hinn mill-pożizzjoni fiskali kumplessiva, l-analiżi timmira li tivvaluta wkoll jekk il-politika fiskali nazzjonali hijiex prudenti u jekk il-kompożizzjoni tagħha hijiex favorevoli għal irkupru sostenibbli konsistenti mat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Minħabba din ir-raġuni tingħata attenzjoni partikolari lill-evoluzzjoni tan-nefqa kurrenti u tal-investiment primarji ffinanzjati fil-livell nazzjonali.

(15)Skont il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2021 tal-Latvja, id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li jonqos għal 2,7 % tal-PDG fl-2022, l-aktar minħabba l-waqfien tal-miżuri ta’ appoġġ temporanji adottati fl-2020 u fl-2021. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż huwa ppjanat li jiżdied għal 50,3 % tal-PDG fl-2022. Dawn il-proġettazzjonijiet huma ogħla mit-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, primarjament minħabba x-xenarju makroekonomiku aktar favorevoli fit-tbassir tal-Kummissjoni.

Fuq il-bażi tat-tbassir tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali kumplessiva kif definita hawn fuq — inkluż ukoll l-impatt fuq id-domanda aggregata fl-2022 minn investiment iffinanzjat mill-baġits nazzjonali kif ukoll tal-UE, speċjalment mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza — hija kkalkulata li tkun -0,8 % tal-PDG.  11 Il-kontribuzzjoni pożittiva tan-nefqa ffinanzjata mis-sovvenzjonijiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE hija pproġettata li tiżdied b’0,6 punti perċentwali tal-PDG. L-investiment iffinanzjat nazzjonalment huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni ta’ kontrazzjoni ta’ 0,3 punti perċentwali tal-PDG 12 . In-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta tal-miżuri diskrezzjonarji ta’ dħul) hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,5 punti perċentwali tal-PDG.

(16)Il-kwalità tal-miżuri baġitarji tal-Istati Membri tidher li hija importanti b’mod partikolari. Ir-riformi strutturali fiskali li għandhom l-għan li jtejbu l-kompożizzjoni tal-baġits nazzjonali jistgħu jappoġġaw it-tkabbir potenzjali, joħolqu spazju fiskali tant meħtieġ u jgħinu biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fiskali fit-tul, anki fid-dawl tat-tibdil fil-klima u l-isfidi tas-saħħa. Min-naħa tad-dħul, il-kriżi tal-COVID-19 saħħet l-importanza tar-riformi favur sistemi ta’ dħul pubbliku aktar effiċjenti u aktar ġusti. Fuq in-naħa tan-nefqa sar saħansitra aktar kruċjali li jiżdiedu l-livell u l-kwalità ta’ investimenti sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, b’mod konsistenti mal-objettivi tat-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir, tar-reżiljenza ekonomika u soċjali, u tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Il-Pjanijiet ta’ Rkupru u Reżiljenza se jippermettu li l-kompożizzjoni tal-baġits nazzjonali titjieb.

(17)Skont il-pjanijiet baġitarji tal-programm fuq terminu medju, id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li jonqos minn 1,3 % fl-2023 għal 0,3 % tal-PDG fl-2024.

Fuq il-bażi tal-programm, il-pożizzjoni fiskali kumplessiva — inkluż ukoll l-impatt fuq id-domanda aggregata minn investiment iffinanzjat mill-baġits nazzjonali kif ukoll tal-UE, speċjalment mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza — hija kkalkulata li tkun +1,4 % tal-PDG fl-2023 u fl-2024 bħala medja. Il-kontribuzzjoni pożittiva tan-nefqa ffinanzjata mis-sovvenzjonijiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE hija pproġettata li tonqos b’0,3 punti perċentwali tal-PDG fl-2023 u fl-2024 bħala medja. L-investiment iffinanzjat nazzjonalment huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni ta’ kontrazzjoni ta’ 0,1 punti perċentwali tal-PDG 13 . In-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta tal-miżuri diskrezzjonarji ta’ dħul) hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni ta’ kontrazzjoni ta’ punt (1) perċentwali tal-PDG.

L-istima attwali tat-tkabbir potenzjali nominali medju fuq 10 snin hija ta’ 4¾ % 14 . Madankollu, din l-istima ma tinkludix l-impatt tar-riformi li huma parti mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza u li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali tal-Latvja.

(18)Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż huwa ppjanat li jonqos minn 48,8 % tal-PDG fl-2023 għal 48,5 % tal-PDG fl-2024. Il-Latvja meqjusa li qed tiffaċċja riskji limitati għas-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju, skont l-aħħar analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn 15 .

(19)Fid-dawl tal-grad ta’ inċertezza li attwalment għadu eċċezzjonalment għoli, jenħtieġ li l-gwida tal-politika fiskali tibqa’ predominantement kwalitattiva. Jenħtieġ li fl-2022 tiġi pprovduta gwida kwantifikata aktar preċiża għas-snin ta’ wara jekk sa dak iż-żmien il-grad ta’ inċertezza jkun naqas b’mod suffiċjenti.

Il-Kunsill ivvaluta l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021 u s-segwitu mil-Latvja għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020.

B’DAN JIRRAKKOMANDA LIL-LATVJA BIEX:

1.Fl-2022 tibqa’ żżomm pożizzjoni fiskali ta’ sostenn, inkluż l-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Iżżomm it-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata fuq livell nazzjonali taħt kontroll.

2.Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu jippermettu, issegwi politika fiskali mmirata lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti f’terminu medju u tiżgura s-sostenibbiltà fiskali f’terminu medju. Fl-istess ħin ittejjeb l-investiment biex tingħata spinta lill-potenzjal tat-tkabbir.

3.Tagħti attenzjoni partikolari lill-kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi, kemm fuq in-naħa tad-dħul kif ukoll fuq in-naħa tan-nefqa tal-baġit, u lill-kwalità tal-miżuri baġitarji, biex tiżgura rkupru sostenibbli u inklużiv. Tagħti prijorità lill-investiment sostenibbli u li jsaħħaħ it-tkabbir, speċjalment dak li jsostni t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Tagħti prijorità lir-riformi strutturali fiskali li jgħinu biex jipprovdu finanzjament għall-prijoritajiet tal-politika pubblika u jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, inkluż billi jiġu msaħħa l-kopertura, l-adegwatezza, u s-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa u tal-protezzjoni soċjali għal kulħadd.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)

   ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)

   Il-klawżola, kif inhu stipulat fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) 1466/97 u l-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament (KE) 1467/97, tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ reċessjoni ekonomika severa.

(3)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, Brussell, 20.3.2020, COM(2020) 123 final.

(4)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021, Brussell, 17.9.2020, COM(2020) 575 final.

(5)

   Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tal-Latvja u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 tal-Latvja, ĠU C 282, 26.8.2020, p. 89.

(6)    Wara l-approvazzjoni mill-Kunsill Ewropew, l-adozzjoni finali mill-Kunsill għadha pendenti. It-test miftiehem mill-Grupp tal-Euro fis-16 ta’ Diċembru 2020 jinsab fuq: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-14356-2020-INIT/mt/pdf
(7)

    ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.

(8)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Sena mit-tifqigħa tal-COVID-19: rispons tal-politika fiskali, Brussell, 3.3.2021, COM(2021) 105 final.

(9)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika fl-2021: biex tingħeleb il-COVID-19, ikun appoġġat l-irkupru u tkun modernizzata l-ekonomija tagħna, Brussell, 2.6.2021, COM(2021) 500 final.

(10)    B’mod partikolari, it-tifrix tal-investiment fuq erba’ snin użat fil-parametru referenzjarju għan-nefqa ma jippermettix li jiġi vvalutat kif suppost l-appoġġ fiskali għall-irkupru pprovdut mill-investimenti ffinanzjati fil-livell nazzjonali.
(11)    Sinjal negattiv tal-indikatur jikkorrispondi għal eċċess tat-tkabbir fin-nefqa primarja meta mqabbel mat-tkabbir ekonomiku fit-terminu medju, li jindika politika fiskali espansjonarja.
(12)    Nefqa kapitali oħra ffinanzjata nazzjonalment hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni newtrali.
(13)    Nefqa kapitali oħra ffinanzjata nazzjonalment hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni newtrali.
(14)    Kif ikkalkolat mill-Kummissjoni skont il-metodoloġija miftiehma b’mod komuni.
(15)    Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni — Statistical Annex providing background data relevant for the assessment of the 2021 Stability and Convergence Programmes.
Top