IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.6.2021
COM(2021) 502 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Bulgarija għall-2021
{SWD(2021) 501 final}
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52021DC0502
Recommendation for a COUNCIL RECOMMENDATION delivering a Council opinion on the 2021 Convergence Programme of Bulgaria
Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Bulgarija għall-2021
Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Bulgarija għall-2021
COM/2021/502 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.6.2021
COM(2021) 502 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Bulgarija għall-2021
{SWD(2021) 501 final}
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Bulgarija għall-2021
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Billi:
(1)Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali 2 tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir 3 . Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ppreżentat il-fehma tagħha li, minħabba r-reċessjoni ekonomika severa li kienet mistennija minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet kienu jiġġustifikaw l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Il-klawżola liberatorja ġenerali tat lill-Istati Membri flessibbiltà baġitarja biex jittrattaw il-kriżi. Din iffaċilitat il-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ reċessjoni ekonomika severa. L-attivazzjoni tagħha tippermetti diverġenza temporanja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju ta’ kull Stat Membru, dment li dan ma jkunx jipperikola s-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju. Fis-17 ta’ Settembru 2020, fl-Istrateġija Annwali tagħha għat-Tkabbir Sostenibbli, il-Kummissjoni ħabbret li l-klawżola liberatorja ġenerali kienet se tibqa’ attiva fl-2021 4 .
(2)Fl-20 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill irrakkomanda lill-Bulgarija 5 biex tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru li jirriżulta. Irrakkomanda wkoll lill-Bulgarija biex, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politiki fiskali li jkollhom l-għan li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fit-terminu medju u li jiggarantixxu s-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li ttejjeb l-investiment.
(3)In-NextGenerationEU, flimkien mal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, se jiggarantixxi rkupru sostenibbli, inklużiv u ġust. Ir-Regolament (UE) 2021/241 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 6 daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Din il-Faċilità se tipprovdi sostenn finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment, li jinvolvi impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. Din se tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku, għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, speċjalment għall-promozzjoni ta’ tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u se ssaħħaħ ir-reżiljenza u t-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji. B’hekk, se tgħin ukoll biex il-finanzi pubbliċi jirritornaw għal pożizzjonijiet aktar favorevoli fit-terminu qrib u se tikkontribwixxi biex tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, tat-tkabbir u tal-ħolqien tal-impjiegi fit-terminu medju u twil.
(4)Fit-3 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tipprovdi aktar orjentazzjonijiet ta’ politika biex tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki fiskali u t-tħejjija tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri 7 . Jenħtieġ li l-pożizzjoni fiskali ġenerali, b’kunsiderazzjoni għall-baġits nazzjonali u għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, tibqa’ waħda ta’ sostenn matul l-2021 u l-2022. Fl-istess ħin, billi huwa mistenni li fit-tieni nofs tal-2021 l-attività ekonomika tiġi gradwalment għan-normal, jenħtieġ li l-politiki fiskali tal-Istati Membri jsiru aktar differenzjati fl-2022. Jenħtieġ li l-politiki fiskali tal-Istati Membri jqisu l-istat tal-irkupru, is-sostenibbiltà fiskali u l-bżonn li jitnaqqsu d-diverġenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali. Fid-dawl tal-bżonn li jingħata sostenn lill-irkupru sostenibbli fl-UE, jenħtieġ li l-Istati Membri b’riskji baxxi għas-sostenibbiltà jorjentaw il-baġits favur li tinżamm politika fiskali li sservi ta’ sostenn fl-2022, u li jqisu l-impatt tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Jenħtieġ li l-Istati Membri b’livelli għolja ta’ dejn isegwu politiki fiskali prudenti, filwaqt li jippreservaw l-investiment iffinanzjat f’livell nazzjonali u jużaw is-sovvenzjonijiet mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jiffinanzjaw proġetti ta’ investiment u riformi strutturali addizzjonali ta’ kwalità għolja. Għall-perjodu lil hinn mill-2022, jenħtieġ li l-politiki fiskali jkomplu jqisu s-saħħa tal-irkupru, il-livell tal-inċertezza ekonomika u l-kunsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà fiskali. L-iffukar mill-ġdid tal-politiki fiskali lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fit-terminu medju, inkluż bl-eliminazzjoni gradwali tal-miżuri ta’ sostenn, se jikkontribwixxi biex tiġi ggarantita s-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju.
(5)Il-Komunikazzjoni tat-3 ta’ Marzu 2021 ħabbret ukoll il-fehma tal-Kummissjoni li d-deċiżjoni dwar id-diżattivazzjoni jew l-applikazzjoni kontinwata tal-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tittieħed bħala valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija, bil-livell tal-attività ekonomika fl-UE jew fiż-żona tal-euro mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-kriżi (tmiem l-2019) bħala kriterju kwantitattiv ewlieni. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, fit-2 ta’ Ġunju l-Kummissjoni qieset li l-kundizzjonijiet biex tibqa’ tapplika l-klawżola liberatorja ġenerali fl-2022 u biex tiġi diżattivata b’seħħ mill-2023 kienu ssodisfati. Se jibqgħu jitqiesu s-sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż wara d-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali. 8
(6)Fil-5 ta’ Mejju 2021, il-Bulgarija ppreżentat il-Programm ta’ Konverġenza tagħha għall-2021, lil hinn mill-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.
(7)Fl-2020, fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Bulgarija kien ta’ 3,4 % tal-PDG, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied għal 25 % tal-PDG. It-tibdil annwali fil-bilanċ baġitarju primarju kien jammonta għal -5,5 % tal-PDG, inklużi l-miżuri baġitarji diskrezzjonali ta’ 3,2 % tal-PDG b’sostenn għall-ekonomija u t-tħaddim ta’ stabbilizzaturi awtomatiċi.
Fit-2 ta’Ġunju 2021, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE. Dan ir-rapport jiddiskuti s-sitwazzjoni baġitarja tal-Bulgarija, billi fl-2020 id-defiċit tal-gvern estiż tagħha qabeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG stabbilit fit-Trattat. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterju tad-defiċit kien issodisfat.
(8)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-proġettazzjonijiet baġitarji huwa kawt fl-2021 u l-2022, billi ma jqisx il-finanzjament mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Konsegwentement, il-linja bażi ppreżentata mhijiex direttament komparabbli mat-tbassir tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, it-tbassir tal-Kummissjoni jipprevedi rata ta’ tkabbir aktar b’saħħitha fl-esportazzjonijiet, fuq il-bażi ta’ suppożizzjonijiet aktar favorevoli għad-domanda barranija.
(9)Fil-Programm ta’ Konverġenza tagħha għall-2021, il-gvern qed jippjana żieda tad-defiċit tal-gvern estiż minn 3,4 % tal-PDG fl-2020 għal 5,6 % tal-PDG fl-2021, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn huwa ppjanat li jiżdied għal 27,4 % tal-PDG fl-2021. Skont il-programm, it-tibdil fil-bilanċ baġitarju primarju fl-2021 meta mqabbel mal-livell ta’ qabel il-kriżi (2019) huwa mistenni li jammonta għal -7,8 % tal-PDG. L-ixprunaturi taż-żidiet proġettati fid-defiċit nominali u primarju tal-gvern estiż u konsegwentement id-dejn mhumiex spjegati fid-dettall fil-Programm ta’ Konverġenza u jseħħu minkejja l-iskadenza ta’ wħud mill-miżuri baġitarji diskrezzjonali. Dawn il-proġettazzjonijiet huma ogħla mit-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, id-defiċit huwa mistenni li jonqos għal 3,2 % tal-PDG fl-2021 u l-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jonqos għal 24,5 % tal-PDG fl-2021. Is-sors ewlieni ta’ differenza huwa l-proġettazzjoni ta’ dħul ieħor, li skont il-Programm ta’ Konverġenza, huwa mistenni li jonqos għal 2,5 punti perċentwali tal-PDG fl-2021, ferm inqas mil-livelli storiċi. L-ixprunaturi għal dan it-tnaqqis mhumiex spjegati fil-Programm ta’ Konverġenza.
(10)B’rispons għall-pandemija tal-COVID-19, u għar-reċessjoni ekonomika relatata, il-Bulgarija adottat miżuri baġitarji biex issaħħaħ il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, trażżan il-pandemija, u tgħin lil dawk l-individwi u s-setturi li kienu partikolarment milquta. Dan ir-rispons ta’ politika qawwi taffa l-kontrazzjoni tal-PDG, li min-naħa tiegħu, naqqas iż-żieda fid-defiċit tal-gvern u d-dejn pubbliku. Jenħtieġ li l-miżuri fiskali jimmassimizzaw is-sostenn għall-irkupru mingħajr ma jantiċipaw traġettorji fiskali futuri. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-miżuri jevitaw li jinħoloq piż permanenti fuq il-finanzi pubbliċi. Meta l-Istati Membri jintroduċu miżuri permanenti, jenħtieġ li jiffinanzjawhom b’mod adegwat biex jiggarantixxu newtralità baġitarja fit-terminu medju. Il-miżuri li ħadet il-Bulgarija fl-2020 u fl-2021 kienu f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020. Il-miżuri diskrezzjonali adottati mill-gvern fl-2020 u l-2021 huma temporanji u mqabbla ma’ miżuri ta’ tpaċija.
(11)Il-Programm ta’ Konverġenza għall-2021 jassumi li l-investimenti u r-riformi ffinanzjati mis-sovvenzjonijiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jammontaw għal 0,02 % tal-PDG fl-2020, għal 0,3 % fl-2021, għal 0,8 % fl-2022, għal 1,4 % fl-2023, għal 1,7 % fl-2024, għal 2,6 % fl-2025 u għal 1,8 % fl-2026. It-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni jinkludi dawn is-sovvenzjonijiet fil-proġettazzjonijiet baġitarji.
(12)Hemm bżonn li l-indikaturi tal-aġġustament fiskali stabbiliti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1466/97 jitqiesu fil-kuntest taċ-ċirkostanzi attwali. L-ewwel nett, hemm inċertezza sinifikanti rigward l-istimi tad-distakk fl-output. It-tieni, hemm bżonn ta’ politika fiskali li tkun lesta biex tadatta malajr għall-evoluzzjoni tal-pandemija, u tiċċaqlaq minn għajnuna ta’ emerġenza għal miżuri aktar immirati ladarba r-riskji tas-saħħa jonqsu. It-tielet, il-kuntest attwali huwa kkaratterizzat minn rispons ta’ politika sinifikanti b’sostenn għall-attività ekonomika. Billi hemm trasferimenti mdaqqsa mill-baġit tal-UE (bħal dawk mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza), l-indikaturi stabbiliti ma jirriflettux l-impuls kollu li jipprovdu l-politiki fiskali lill-ekonomija. B’dan l-isfond, jidher li l-bilanċ strutturali mhuwiex biżżejjed fiċ-ċirkostanzi attwali. Min-naħa l-oħra, hemm bżonn li il-parametru referenzjarju tan-nefqa jiġi adattat 9 u kkomplementat b’informazzjoni addizzjonali sabiex jikkalkula għalkollox l-orjentazzjoni tal-politika fiskali.
L-ewwel nett, u bħall-approċċ segwit fil-valutazzjoni tal-Abbozzi ta’ Pjanijiet Baġitarji għall-2021, miżuri ta’ emerġenza temporanji ġew esklużi mill-aggregat tan-nefqa. Dawn il-miżuri ta’ emerġenza temporanji relatati mal-kriżi jappoġġaw is-sistemi tas-saħħa u jikkumpensaw lill-ħaddiema u lid-ditti għat-telf ta’ introjtu minħabba l-lockdowns u l-interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista; it-treġġigħ lura tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi jiddependi mir-ritorn għan-normalità tas-saħħa pubblika u tas-sitwazzjoni ekonomika.
It-tieni, għall-valutazzjoni tal-pożizzjoni fiskali ġenerali f’dan l-istadju, jenħtieġ li t-trasferimenti mdaqqsa mill-baġit tal-UE (bħal dawk mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza) jiġu inklużi fl-aggregat rilevanti tan-nefqa.
Għalhekk, il-pożizzjoni fiskali mbagħad titkejjel bit-tibdil fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali u esklużi l-miżuri ta’ emerġenza temporanji relatati mal-kriżi) inkluż in-nefqa ffinanzjata mis-sovvenzjonijiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.
Lil hinn mill-pożizzjoni ġenerali fiskali, l-analiżi għandha l-għan ukoll li tivvaluta jekk il-politika fiskali nazzjonali hijiex prudenti u jekk il-kompożizzjoni tagħha twassalx għal irkupru sostenibbli konsistenti mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Għal din ir-raġuni, qed tingħata attenzjoni partikolari lill-evoluzzjoni tan-nefqa kurrenti primarja u l-investiment iffinanzjati f’livell nazzjonali.
(13)Skont il-Programm ta’ Konverġenza tagħha għall-2021, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Bulgarija huwa ppjanat li jonqos għal 2,7 % tal-PDG fl-2022, l-aktar minħabba l-waqfien tal-miżuri ta’ sostenn temporanji adottati fl-2020 u fl-2021. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż huwa ppjanat li jiżdied għal 28,6 % tal-PDG fl-2022. Il-proġettazzjonijiet huma ogħla mit-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni.
Fuq il-bażi tat-tbassir tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali ġenerali kif definita hawn fuq – flimkien ukoll mal-impatt fuq id-domanda aggregata fl-2022 minn investiment iffinanzjat kemm mill-baġit nazzjonali kif ukoll mill-baġit tal-UE, l-aktar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – hija kkalkulata għal -1,4 % tal-PDG 10 . Il-kontribut pożittiv tan-nefqa ffinanzjata mis-sovvenzjonijiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE huwa proġettat li jiżdied b’0,8 punti perċentwali tal-PDG. L-investiment iffinanzjat f’livell nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribut espansjonarju ta’ 0,4 punti perċentwali tal-PDG 11 . In-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata f’livell nazzjonali (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali) hija pproġettata li tipprovdi kontribut espansjonarju ta’ 1 punt perċentwali tal-PDG.
(14)Il-kwalità tal-miżuri baġitarji tal-Istati Membri tidher partikolarment importanti. Ir-riformi strutturali fiskali bl-għan li jtejbu l-kompożizzjoni tal-baġits nazzjonali jistgħu jappoġġaw it-tkabbir potenzjali, joħolqu spazju fiskali tant meħtieġ u jgħinu biex tiġi ggarantita s-sostenibbiltà fiskali fit-terminu twil, inkluż fid-dawl tat-tibdil fil-klima u l-problemi tas-saħħa. Min-naħa tad-dħul, il-kriżi tal-COVID-19 saħħet l-importanza tar-riformi għal sistemi ta’ dħul pubbliku aktar effiċjenti u aktar ġusti. Min-naħa tan-nefqa, sar saħansitra aktar kruċjali li jiżdied il-livell u l-kwalità tal-investimenti sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, li jkunu konsistenti mal-qadi tal-objettivi tat-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir, ir-reżiljenza ekonomika u soċjali u t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Il-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza se jippermettu li l-kompożizzjoni tal-baġits nazzjonali titjieb.
(15)Skont il-pjanijiet baġitarji ta’ terminu medju tal-programm, huwa ppjanat li d-defiċit tal-gvern estiż jiżdied għal 3,1 % tal-PDG fl-2023. L-ebda informazzjoni dwar is-sena 2024 ma ngħatat fil-Programm ta’ Konverġenza.
Fuq il-bażi tal-programm, il-pożizzjoni fiskali ġenerali kif definita hawn fuq – flimkien ukoll mal-impatt fuq id-domanda aggregata minn investiment iffinanzjat kemm mill-baġit nazzjonali kif ukoll mill-baġit tal-UE, l-aktar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – hija kkalkulata għal -0,6 % tal-PDG fl-2023. Il-kontribut pożittiv tan-nefqa ffinanzjata mis-sovvenzjonijiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE huwa pproġettat li jiżdied b’0,6 punti perċentwali tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat f’livell nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribut espansjonarju ta’ 0,4 punti perċentwali tal-PDG fl-2023 12 . In-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata f’livell nazzjonali (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali) hija pproġettata li tipprovdi kontribut restrittiv ta’ 0,4 punti perċentwali tal-PDG.
L-istima kurrenti tat-tkabbir potenzjali nominali medju ta’ 10 snin hija ta’ 5 % 13 . Madankollu, din l-istima ma tinkludix l-impatt tar-riformi li huma parti mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza u li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali tal-Bulgarija.
(16)Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż huwa ppjanat li jiżdied għal 29,3 % tal-PDG fl-2023. Ma hemm l-ebda informazzjoni dwar is-sena 2024 fil-Programm ta’ Konverġenza tal-Bulgarija. Il-Bulgarija titqies li taffaċċa riskji baxxi ta’ sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju, skont l-aħħar analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn 14 .
(17)Fid-dawl tal-inċertezza li għadha għolja ħafna, jenħtieġ li l-gwida tal-politika fiskali tibqa’ fil-parti l-kbira kwalitattiva. Jenħtieġ li gwida kwantifikata aktar preċiża għas-snin ta’ wara tingħata fl-2022, jekk sa dak iż-żmien il-livell ta’ inċertezza jkun naqas biżżejjed.
Il-Kunsill ivvaluta l-Programm ta’ Konverġenza għall-2021 u s-segwitu li għamlet il-Bulgarija għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020.
B’DAN JIRRAKKOMANDA LILL-BULGARIJA BIEX:
1.Fl-2022, issegwi pożizzjoni fiskali ta’ sostenn, inkluż l-impuls li tipprovdi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u tippreserva l-investiment iffinanzjat f’livell nazzjonali. Iżżomm in-nefqa kurrenti ffinanzjata f’livell nazzjonali taħt kontroll.
2.Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politiki fiskali bl-għan li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fit-terminu medju u li jiggarantixxu s-sostenibbiltà tad-dejn fit-terminu medju. Fl-istess ħin, issaħħaħ l-investiment biex tingħata spinta lill-potenzjal tat-tkabbir.
3.Tagħti attenzjoni partikolari għall-kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi, kemm min-naħa tad-dħul kif ukoll tan-nefqa tal-baġit, u għall-kwalità tal-miżuri baġitarji, sabiex tiggarantixxi rkupru sostenibbli u inklużiv. Tagħti prijorità lill-investiment sostenibbli u li jsaħħaħ it-tkabbir, l-aktar is-sostenn għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Tagħti prijorità lir-riformi strutturali fiskali li se jgħinu biex jipprovdu finanzjament għall-prijoritajiet tal-politika pubblika u jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, fosthom it-tisħiħ tal-kopertura, l-adegwatezza, u s-sostenibbiltà ta’ sistemi tas-saħħa u ta’ protezzjoni soċjali għal kulħadd.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President