Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021DC0236

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Linji gwida strateġiċi għal akkwakultura tal-UE li tkun aktar sostenibbli u kompetittiva għall-perjodu bejn l-2021 u l-2031

    COM/2021/236 final

    Brussell, 12.5.2021

    COM(2021) 236 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI EMPTY

    Linji gwida strateġiċi għal akkwakultura tal-UE li tkun aktar sostenibbli u kompetittiva għall-perjodu bejn l-2021 u l-2031

    {SWD(2021) 102 final}


    1.IL-ĦTIEĠA TA’ STRATEĠIJA ĠDIDA TAL-UE GĦALL-AKKWAKULTURA

    Il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” jissottolinjaw il-potenzjal tal-frott tal-baħar imrobbi bħala sors ta’ proteina għall-ikel u l-għalf b’impronta tal-karbonju baxxa li għandha rwol importanti x’taqdi biex tgħin fil-bini ta’ sistema tal-ikel sostenibbli. L-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” tistabbilixxi wkoll miri speċifiċi għall-akkwakultura, b’mod partikolari t-tnaqqis tal-bejgħ ta’ antimikrobiċi 1 u żieda sinifikanti fl-akkwakultura organika 2 .

    L-akkwakultura toħloq l-impjiegi u l-opportunitajiet għall-żvilupp ekonomiku fil-komunitajiet kostali u rurali tal-UE. Dan is-settur jista’ jgħin ukoll: fid-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija; fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tal-impatt tiegħu; fit-tnaqqis tat-tniġġis; fil-kontribut għal preservazzjoni aħjar tal-ekosistemi (f’konformità mal-objettivi tal-istrateġija għall-Bijodiversità u mal-ambizzjoni ta’ tniġġis żero għal ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi); u billi jkun parti minn ġestjoni aktar ċirkolari tar-riżorsi. Għalhekk, approċċ strateġiku u fit-tul għat-tkabbir sostenibbli tal-akkwakultura tal-UE llum il-ġurnata huwa aktar rilevanti minn qatt qabel. Dan l-approċċ jenħtieġ li jistabbilixxi wkoll it-triq għall-irkupru tas-settur tal-akkwakultura tal-UE wara l-kriżi tal-COVID-19, u li jiżgura s-sostenibbiltà u r-reżiljenza fit-tul tiegħu.

    Ir-Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd 3 diġà talab li jkun hemm approċċ strateġiku kkoordinat tal-UE biex jappoġġa t-tkabbir tas-settur tal-akkwakultura tal-UE, filwaqt li jiżgura s-sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali tiegħu. Minkejja l-progress li sar bis-saħħa tal-“Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni” stabbilit mir-Regolament, kif ukoll il-finanzjament tal-UE, is-settur tal-akkwakultura għadu ’l bogħod milli jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu f’termini ta’ tkabbir u milli jissodisfa d-domanda dejjem tikber għal frott tal-baħar aktar sostenibbli 4 . L-UE timporta aktar minn 70 % tal-frott tal-baħar li tikkonsma 5 . Globalment il-prodotti tal-akkwakultura (inklużi l-importazzjonijiet) jirrappreżentaw 25 % tal-konsum tal-frott tal-baħar fl-UE, filwaqt li l-prodotti tal-akkwakultura tal-UE jirrappreżentaw biss 10 %fl-ekosistema tal-konsum fl-UE. L-akkwakultura tal-UE tagħmel biss 2 % fl-ekosistema tal-produzzjoni globali tal-akkwakultura. Il-produzzjoni tal-akkwakultura tal-UE għadha kkonċentrata ħafna, kemm f’termini tal-Istati Membri tal-UE kif ukoll f’termini tal-ispeċijiet li jitrabbew, u għalhekk hemm potenzjal kbir għad-diversifikazzjoni. Meta mqabbla mal-akkwakultura f’pajjiżi oħrajn l-akkwakultura fl-UE hija soġġetta għal uħud mill-aktar rekwiżiti regolatorji stretti għall-kwalità, għas-saħħa u għall-ambjent. Iżda minkejja dan, l-akkwakultura tal-UE xorta tista’ ttejjeb aktar il-prestazzjoni ambjentali tagħha u, b’hekk, tikkontribwixxi għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-istrateġiji relatati.

    Din il-Komunikazzjoni tirrevedi l-Linji Gwida Strateġiċi tal-Kummissjoni għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura tal-UE adottati fl-2013 6 . Dawn il-linji gwida kienu l-pilastru ewlieni tal-koordinazzjoni strateġika tal-politika tal-akkwakultura fl-UE. Sal-2015, abbażi ta’ dawn il-linji gwida, l-Istati Membri tal-UE adottaw Pjanijiet Strateġiċi Nazzjonali Pluriennali (Multi-annual National Strategic Plans - MNSP) għall-akkwakultura. L-implimentazzjoni ta’ dawn l-MNSP kienet appoġġata mill-iskambju ta’ prattiki tajbin fost l-Istati Membri tal-UE ffaċilitat mill-Kummissjoni u l-finanzjament permezz tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) u fondi oħrajn tal-UE.

    Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri tal-UE jirrieżaminaw l-MNSP tagħhom, filwaqt li jqisu l-konsultazzjonijiet dwar il-linji gwida l-ġodda stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni. Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura 7 (FEMSA) tal-futur se jkompli jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri tal-UE biex jgħin fl-implimentazzjoni tal-viżjoni strateġika għas-settur, kif rifless f’dawk l-MNSP u fil-Programmi Operazzjonali tagħhom, inkluż permezz ta’ azzjonijiet lokali 8 . 

    2.IL-LINJI GWIDA STRATEĠIĊI ĠODDA

    Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-istrateġija l-ġdida tal-UE għat-tkabbir u għandu l-għan li jistimula l-ekonomija u li joħloq l-impjiegi, filwaqt li jaċċellera t-tranżizzjoni ekoloġika b’mod kosteffiċjenti. Il-linji gwida strateġiċi stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni għandhom l-għan li joffru viżjoni komuni għall-Istati Membri tal-UE u għall-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha biex tkompli tiżviluppa l-akkwakultura fl-UE b’mod li jikkontribwixxi għal dik l-istrateġija ta’ tkabbir. B’mod partikolari, dawn il-linji gwida għandhom l-għan li jgħinu fil-bini ta’ settur tal-akkwakultura tal-UE li: (i) ikun kompetittiv u reżiljenti; (ii) jiżgura l-provvista ta’ ikel nutrittiv u tajjeb għas-saħħa; (iii) inaqqas id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-frott tal-baħar; (iv) joħloq l-opportunitajiet ekonomiċi u l-impjiegi; u (v) isir punt ta’ riferiment globali għas-sostenibbiltà. Dawn x’aktarx li se jgħinu wkoll lill-konsumaturi tal-UE jagħmlu għażliet infurmati ta’ prodotti tal-akkwakultura sostenibbli u jiżguraw kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-prodotti tal-akkwakultura kkummerċjalizzati fl-UE. Dawn il-linji gwida se jgħinu wkoll biex jiggwidaw l-użu tal-ħafna strumenti u fondi li jeżistu għall-appoġġ tal-akkwakultura tal-UE, kif ukoll biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE.

    Biex tintlaħaq din il-viżjoni jeħtieġ li jiġu indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet diversi tas-settur tal-akkwakultura tal-UE sabiex jintlaħqu l-objettivi interkonnessi li ġejjin:

    (1)il-bini tar-reżiljenza u tal-kompetittività;

    (2)il-parteċipazzjoni fit-tranżizzjoni ekoloġika;

    (3)l-iżgurar tal-aċċettazzjoni soċjali u tal-informazzjoni għall-konsumatur; u

    (4)iż-żieda fl-għarfien u fl-innovazzjoni.

    Din il-Komunikazzjoni tipprovdi linji gwida ġenerali dwar l-indirizzar ta’ dawk l-isfidi u l-opportunitajiet. L-anness ta’ din il-Komunikazzjoni jipproponi wkoll azzjonijiet speċifiċi mill-Kummissjoni, mill-Istati Membri tal-UE u mill-Kunsill Konsultattiv għall-Akkwakultura sabiex isir progress fl-oqsma kollha identifikati.

    Kull meta jeħtieġ, din il-Komunikazzjoni se tagħmel referenza għal sfidi u għal opportunitajiet speċifiċi fit-trobbija tal-frott tal-baħar bil-qoxra 9 u fl-akkwakultura fl-ilmijiet interni 10 minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom. Bħala segwitu għall-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”, il-Kummissjoni qed taħdem ukoll fuq inizjattiva separata u speċifika biex tappoġġa l-produzzjoni, il-konsum sikur u l-użu innovattiv tal-algi. Din l-inizjattiva se tindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet tat-trobbija tal-algi u tipproponi azzjonijiet konkreti 11 .

    Din il-Komunikazzjoni tħejjiet b’konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri tal-UE u mal-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari dawk irrappreżentati fil-Kunsill Konsultattiv għall-Akkwakultura. Hija tqis ukoll ir-riżultati ta’ konsultazzjoni pubblika 12 . Barra minn hekk, din il-Komunikazzjoni tqis il-fehmiet espressi mill-Parlament Ewropew dwar l-iżvilupp tal-akkwakultura fl-UE 13 .

    2.1.Il-bini tar-reżiljenza u tal-kompetittività

    Hemm żewġ kundizzjonijiet abilitanti ewlenin sabiex is-settur tal-akkwakultura tal-UE jikber bħala settur reżiljenti u kompetittiv: aċċess għall-ispazju u għall-ilma; u qafas regolatorju u amministrattiv li huwa trasparenti u effiċjenti. L-evalwazzjoni interim tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni 14 kkonkludiet li, minkejja l-progress li sar f’xi Stati Membri minn mindu ġew adottati l-linji gwida strateġiċi tal-2013, hemm bżonn ta’ aktar sforzi f’dawn iż-żewġ oqsma. Fir-rigward tar-reżiljenza, hemm żewġ kwistjonijiet li jippreżentaw sfida partikolari għas-settur tal-akkwakultura: l-immaniġġjar tar-riskji relatati mas-saħħa tal-annimali u tal-bniedem (b’mod partikolari iżda mhux esklussivament fit-trobbija tal-molluski), u l-impatt tat-tibdil fil-klima. B’mod partikolari għall-akkwakultura tal-ilma ħelu, il-predaturi u n-nixfa 15 jippreżentaw ukoll sfida f’termini ta’ profittabbiltà 16 . L-organizzazzjoni tal-produtturi u tas-suq, kif ukoll il-kontroll tal-frodi u l-ġlieda kontriha, huma wkoll għodod importanti biex jiġu żgurati r-reżiljenza u l-kompetittività tas-settur tal-akkwakultura tal-UE. Fl-aħħar nett, is-settur jista’ jsir ukoll aktar kompetittiv billi tiġi diversifikata aktar il-produzzjoni tal-akkwakultura tal-UE u jiżdied il-valur għall-prodotti tal-akkwakultura.

    2.1.1.Aċċess għall-ispazju u għall-ilma

    L-ilma qed isir skars minħabba t-tibdil fil-klima. Hemm ukoll kompetizzjoni dejjem tikber kemm għall-ispazju kif ukoll għall-aċċess għall-ilma fost attivitajiet ekonomiċi differenti, inkluża l-akkwakultura. Għalhekk, l-ippjanar spazjali kkoordinat, bl-involviment bikri tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, huwa essenzjali. Dan l-ippjanar spazjali jista’ jiżgura l-allokazzjoni tal-ispazju u tal-ilma fost attivitajiet differenti, filwaqt li jippreserva l-ekosistemi. L-Istati Membri tal-UE diġà għamlu ċertu progress fl-integrazzjoni tal-attivitajiet tal-akkwakultura fil-pjanijiet tal-ispazju marittimu tagħhom, f’konformità mad-Direttiva dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu 17 . Madankollu, ħafna minn dawn il-pjanijiet għadhom se jaslu biex jidħlu fis-seħħ u, fil-biċċa l-kbira tagħhom, ir-riżultati tagħhom għall-akkwakultura għad iridu jidhru. Barra minn hekk, hemm bżonn ta’ aktar progress f’aspetti oħrajn tal-ippjanar għall-ispazju u l-aċċess għall-ilma għall-attivitajiet tal-akkwakultura.

    L-ippjanar spazjali kkoordinat jenħtieġ li jinkludi mhux biss l-akkwakultura tal-baħar, inkluż l-ilmijiet ta’ tranżizzjoni (salmastru), iżda wkoll l-ilma ħelu, kif ukoll l-akkwakultura bbażata fuq l-art (Sistemi tal-Akkwakultura ta’ Riċirkolazzjoni, RAS). Dan jenħtieġ li jantiċipa wkoll l-iżvilupp tal-akkwakultura lil hinn mill-kosta, fejn il-kundizzjonijiet naturali jippermettu 18 . Jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lill-iżvilupp tal-akkwakultura b’impatt ambjentali iżgħar (bħall-kombinazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ biedja biex ikomplu jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ nutrijenti u ta’ materja organika fl-ambjent), u l-integrazzjoni ta’ attivitajiet tal-akkwakultura xierqa (b’mod partikolari dawk li joffru servizzi fl-ekosistema) f’żoni protetti bħaż-żoni ta’ Natura 2000. L-ippjanar spazjali jenħtieġ li dejjem jiżgura l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, u li jagħmel disponibbli żoni speċjali għall-akkwakultura organika u għall-produzzjoni tal-molluski 19 . L-ippjanar jenħtieġ li jqis ukoll l-adattament tal-akkwakultura għat-tibdil fil-klima, kif ukoll il-potenzjal ta’ ċerti tipi ta’ akkwakultura biex jittaffa l-impatt tat-tibdil fil-klima (eż. il-qbid tal-karbonju jew il-preservazzjoni tal-ekosistemi li jipprevedu protezzjoni kontra avvenimenti estremi tat-temp).

    L-ippjanar spazjali jenħtieġ li jkun ibbażat fuq id-deżinjazzjoni ta’ żoni addattati għall-akkwakultura permezz ta’ proċess li jinvolvi l-koordinazzjoni fost awtoritajiet rilevanti diversi f’livelli differenti. Dan il-proċess jenħtieġ li jibda bl-immappjar taż-żoni tal-akkwakultura eżistenti u potenzjali b’tali mod li jkun konsistenti mal-ippjanar ambjentali eżistenti (inklużi l-Pjanijiet tal-Immaniġġjar tal-Baċini tax-Xmajjar). Tali mmappjar jenħtieġ li jinkludi proċess biex jiġi identifikat il-potenzjal li jiġu restawrati faċilitajiet tal-akkwakultura abbandunati jew li l-faċilitajiet industrijali eżistenti jiġu kkonvertiti għall-akkwakultura. Jenħtieġ li jfittex ukoll li jippromwovi sinerġiji bejn attivitajiet differenti u użi multipli tal-ispazju, bħall-inkoraġġiment tal-iżvilupp tal-akkwakultura flimkien mal-iżvilupp tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta.

    Id-deżinjazzjoni ta’ żoni addattati għall-akkwakultura jenħtieġ li tkun ibbażata fuq kriterji u għodod ċari u trasparenti biex jiġu identifikati żoni ġodda. Dawk l-għodod jinkludu: (i) l-evalwazzjoni tal-impatti fuq l-ekosistema permezz ta’ valutazzjoni tal-impatti strateġika; (ii) l-istabbiliment ta’ rekwiżiti għall-kwalità tal-ilma (b’mod partikolari għat-trobbija tal-molluski); (iii) l-evalwazzjoni ta’ sinerġiji u kunflitti potenzjali ma’ attivitajiet oħrajn; (iv) id-determinazzjoni tal-“kapaċità li tiflaħ iż-żona” 20 ; u (v) id-definizzjoni tad-distanza meħtieġa tas-siti tal-akkwakultura minn sorsi ta’ tniġġis. Id-deżinjazzjoni jenħtieġ li tkun akkumpanjata mill-istabbiliment ta’ mekkaniżmu xieraq biex: (i) jissorvelja u jiġbor id-data dwar l-impatti ambjentali tal-attivitajiet tal-akkwakultura; u (ii) jissorvelja l-kwalità tal-ilma (b’mod partikolari għaż-żoni li jintużaw għat-trobbija tal-molluski).

    2.1.2.Qafas regolatorju u amministrattiv

    Il-kumplessità tas-sistemi ta’ liċenzjar nazzjonali u n-nuqqas ta’ prevedibbiltà tal-iskeda ta’ żmien u l-eżitu tal-proċeduri ta’ liċenzjar għadhom indikati mis-settur tal-akkwakultura tal-UE bħala ostakoli importanti għat-tkabbir. Il-proċeduri ta’ liċenzjar jistgħu jkunu partikolarment onerużi għall-SMEs. L-isfidi jinsabu kemm fil-qafas regolatorju kumpless tas-settur kif ukoll fil-ħtieġa li jiġu involuti diversi awtoritajiet fil-proċess tal-liċenzjar. Barra minn hekk, it-tħassib dwar l-impatt tal-attivitajiet tal-akkwakultura fuq l-ambjent jew fuq attivitajiet ekonomiċi oħrajn spiss iwassal għal proċeduri ta’ appell, li jkomplu jdewmu l-proċess sabiex tinkiseb jew tiġġedded liċenzja.

    L-aktar elementi importanti biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, filwaqt li jiġi żgurat li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-aspetti ambjentali fil-proċeduri tal-liċenzjar huma dawn li ġejjin:

    -Is-simplifikazzjoni – u l-armonizzazzjoni fejn possibbli – tal-leġiżlazzjoni u tal-gwida amministrattiva dwar l-akkwakultura. Idealment, din is-simplifikazzjoni jenħtieġ li titwettaq billi tiġi adottata leġiżlazzjoni nazzjonali waħda li tiġbor l-aspetti rilevanti kollha. Din il-leġiżlazzjoni jenħtieġ li tistabbilixxi proċeduri u perjodi ta’ żmien ċari għall-indirizzar tal-applikazzjonijiet għal liċenzji ġodda jew għat-tiġdid ta’ liċenzji.

    -Li, kull meta jkun possibbli tiġi stabbilita entità nazzjonali waħda tal-akkwakultura li tiġbor l-awtoritajiet rilevanti differenti kollha b’responsabbiltajiet għall-akkwakultura. Din l-entità tfittex li tiffaċilita u tikkoordina l-ħidma ta’ dawk l-awtoritajiet fuq l-ippjanar, il-liċenzjar u l-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-akkwakultura. Din l-entità jenħtieġ li tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti biex jiddiskutu u jintegraw il-fehmiet tagħhom fil-ħin. F’każijiet fejn ir-responsabbiltà għall-akkwakultura tinżamm ukoll fil-livell subnazzjonali, għandha tiġi mħeġġa struttura nazzjonali li tiġbor l-awtoritajiet u l-entitajiet reġjonali/lokali.

    -L-istabbiliment ta’ sistema ta’ “punt uniku ta’ servizz” għal-liċenzji tal-akkwakultura, li tiffaċilita kemm it-trasparenza fil-proċess tal-liċenzjar kif ukoll l-interazzjoni bejn l-applikant u l-awtoritajiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

    -Id-deżinjazzjoni ta’ żoni addattati għall-akkwakultura skont il-prinċipji msemmija fit-Taqsima 2.1.1 hawn fuq.

    -L-għoti ta’ liċenzi għal perjodu ta’ żmien itwal, b’monitoraġġ regolari u sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ konformità (li jistgħu jinkludu revoka tal-liċenzja). It-termini tal-liċenzjar jenħtieġ li jinkludu obbligu għall-monitoraġġ u r-rapportar tad-data, b’mod partikolari dik id-data meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE rilevanti.

    Il-progress mill-Istati Membri tal-UE fl-indirizzar ta’ dawn l-aspetti jwieġeb ukoll għat-tħassib tal-produtturi tal-akkwakultura tal-UE dwar nuqqas ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-attivitajiet tal-akkwakultura fl-UE minħabba d-differenzi bejn l-Istati Membri tal-UE f’termini ta’ piż għall-kisba ta’ liċenzji għal farms ġodda.

    2.1.3.Is-saħħa tal-annimali u s-saħħa pubblika

    Minkejja l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-saħħa akkwatika 21 u r-riċerka ffinanzjata mill-UE f’dan il-qasam, il-mard infettiv għadu restrizzjoni sinifikanti ħafna fuq il-produttività tal-akkwakultura 22 . Dan il-mard joħloq ukoll problema għall-benessri tal-annimali. L-isfidi li għad iridu jiġu indirizzati f’dan il-qasam huma:

    -in-nuqqas ta’ prattiki ta’ trobbija tajbin u teknoloġiji mfassla għal kull speċi tal-akkwakultura;

    -il-ħtieġa li jiġu evitati iżjed il-mard u l-infestazzjoni tal-parassiti u b’hekk titnaqqas il-ħtieġa għall-mediċini veterinarji;

    -il-ħtieġa li jitnaqqas l-użu tal-farmaċewtiċi, inklużi l-antimikrobiċi u s-sustanzi anti-parassitiċi, li jistgħu jagħmlu ħsara lill-ambjent jew li jikkontribwixxu għar-reżistenza antimikrobika;

    -lakuni fir-riċerka (inkluż dwar il-mikrobijoma tal-ħut, l-impatt potenzjali tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa tal-ħut, u l-impatt tal-istress fuq is-sistema immunitarja tal-ħut);

    -id-disponibbiltà baxxa ta’ mediċini veterinarji speċifiċi (inklużi vaċċini) għall-użu fl-annimali akkwatiċi 23 ;

    -in-nuqqas ta’ kodiċijiet ta’ prattika tajba għad-detezzjoni bikrija, il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard akkwatiku mhux elenkat fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE;

    -il-ħtieġa ta’ investigazzjoni aktar konsistenti u bir-reqqa tal-mard akkwatiku f’ċerti Stati Membri tal-UE u fi ħdan ċerti setturi; u

    -l-immaniġġjar tan-noroviruses fit-trobbija tal-molluski, li jistgħu jippreżentaw mhux biss theddida serja u mifruxa għas-saħħa pubblika, iżda wkoll ipoġġu fir-riskju l-vijabbiltà ekonomika tal-farms tal-molluski 24 .

    2.1.4.L-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu

    Is-settur tal-akkwakultura se jkollu bżonn jaddatta ruħu għall-ħafna impatti ta’ tfixkil tat-tibdil fil-klima u jtejjeb ir-reżiljenza tiegħu. L-Istrateġija tal-UE għall-Addattament għat-Tibdil fil-Klima u l-istrateġiji/pjanijiet nazzjonali jipprovdu qafas għal dawk li jfasslu l-politika biex jiżguraw li jimplimentaw miżuri komprensivi u effiċjenti ta’ addattament għat-tibdil fil-klima 25 . Jenħtieġ li l-istrateġiji ta’ addattament maħsubin għal kull settur jindirizzaw is-settur tal-akkwakultura b’mod speċifiku 26 . Fl-istess ħin, jeħtieġ li kwalunkwe kontribuzzjoni negattiva potenzjali għat-tibdil fil-klima magħmula mill-akkwakultura tiġi minimizzata. Il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-karbonju mill-produzzjoni, mit-trasport u mill-ipproċessar iridu jitnaqqsu kemm jista’ jkun.

    Iżda l-akkwakultura għandha wkoll potenzjal kbir biex ittaffi t-tibdil fil-klima. Meta jkunu soġġetti għal qafas xieraq, ċerti tipi ta’ akkwakultura, bħall-kultivazzjoni tal-alga u tal-molluski, jistgħu jipprovdu servizzi ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima (bħas-sekwestru tal-karbonju 27 ) jew servizzi ta’ addattament għat-tibdil fil-klima (bħall-protezzjoni kostali bbażata fuq in-natura). Tipi oħrajn ta’ akkwakultura, meta ġestiti kif xieraq, jistgħu jgħinu biex jiġu ppreservati ekosistemi bħall-għadajjar jew l-artijiet mistagħdra. Dawn l-ekosistemi jipprovdu protezzjoni kontra l-impatti tat-tibdil fil-klima, bħal żieda fil-livell tal-baħar u għargħar. Dan it-tip ta’ akkwakultura jenħtieġ li jingħata promozzjoni.

    2.1.5.Organizzazzjonijiet tal-produtturi u tas-suq 

    Is-sitwazzjoni ffaċċjata mis-settur tal-akkwakultura minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19 uriet il-valur tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (OP) għal azzjoni kollettiva, b’mod partikolari għall-produtturi fuq skala żgħira. L-OP jipprovdu aktar setgħa ta’ negozjar meta jittrattaw ma’ proċessuri u bejjiegħa bl-imnut. Dawn jagħmlu possibbli wkoll il-kondiviżjoni tar-riżorsi u li jinkiseb benefiċċju minn servizzi konġunti (eż. pariri, kampanji ta’ promozzjoni) li inkella jkunu għaljin wisq għall-produtturi individwali. Barra minn hekk, l-OP jiffaċilitaw l-immaniġġjar kollettiv u/jew l-inizjattivi awtoregolatorji bejn il-produtturi. U filwaqt li l-OP jistgħu jgħinu lill-produtturi jorganizzaw, l-organizzazzjonijiet interprofessjonali jippermettu l-integrazzjoni aħjar tal-atturi tul il-katina tal-valur. Huma jiffaċilitaw ukoll inizjattivi awtoregolatorji bejn il-produtturi, il-proċessuri u l-bejjiegħa bl-imnut. L-organizzazzjonijiet interprofessjonali jgħinu wkoll biex jimplimentaw u jikkontrollaw ir-rekwiżiti tat-tikkettar.

    Minkejja l-appoġġ disponibbli għall-OP u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti permezz tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) (b’mod partikolari l-appoġġ mogħti għall-pjanijiet ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni tagħhom 28 ), ġew stabbiliti biss għadd limitat ta’ OP 29 . Il-ħolqien tal-OP ikun partikolarment utli biex tiżdied is-setgħa ta’ negozjar fil-katina tal-provvista tal-ikel tal-produtturi tal-akkwakultura ta’ molluski u speċijiet tal-ilma ħelu. Dawn il-produtturi tipikament għandhom it-tendenza li jkunu kumpaniji iżgħar li jbigħu l-prodott tagħhom sħiħ u ma jibbenefikawx minn integrazzjoni vertikali mal-proċessuri u mal-bejjiegħa bl-imnut.

    Il-produtturi tal-akkwakultura qajmu tħassib dwar id-diffikultà, b’mod partikolari għall-produtturi ż-żgħar, li jistabbilixxu OP u li din tkun rikonoxxuta skont ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (ir-Regolament dwar l-OKS). Din id-diffikultà hija dovuta l-aktar għall-mezzi finanzjarji meħtieġa u għall-ostakoli amministrattivi. Sabiex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tal-OP u ta’ organizzazzjonijiet professjonali oħrajn, u sabiex jiġu estiżi r-regoli tagħhom għal dawk li mhumiex membri, il-Kummissjoni ħejjiet dokument ta’ gwida mhux vinkolanti 30 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni tappoġġa kontinwament lis-settur permezz ta’ appoġġ metodoloġiku u l-parteċipazzjoni u l-iskambji li jsiru fil-laqgħat tekniċi.

    2.1.6.Kontroll

    Aspett importanti ieħor biex jiġu żgurati s-sostenibbiltà u l-profittabbiltà tal-akkwakultura tal-UE huwa l-kontroll adegwat minn kull Stat Membru tal-prodotti tal-akkwakultura tul il-katina tal-provvista (mill-qabda/ħsad tagħhom sal-bejgħ bl-imnut, inkluż it-trasport) skont ir-Regolament tal-UE dwar il-Kontroll tas-Sajd 31 . L-obbligi tat-traċċabbiltà jippermettu l-għarfien tal-oriġini tal-prodotti tal-akkwakultura u l-ġlieda kontra l-frodi. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament ġdid dwar il-Kontroll tas-Sajd 32 testendi l-obbligi ta’ traċċabbiltà għall-prodotti kollha tal-akkwakultura, inklużi l-prodotti pproċessati u l-prodotti importati minn pajjiżi mhux tal-UE. Għalhekk, it-traċċabbiltà hija wkoll għodda siewja biex jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq tal-UE.

    2.1.7.Diversifikazzjoni u żieda fil-valur

    Is-settur tal-akkwakultura tal-UE għad għandu lok kbir għal aktar diversifikazzjoni, mhux biss fit-trobbija ta’ speċijiet ġodda promettenti (b’mod partikolari d-diversifikazzjoni fi speċijiet mhux mitmugħa u b’livelli trofiċi baxxi b’impronta ambjentali aktar baxxa), iżda wkoll fil-metodi ta’ produzzjoni (eż. il-polikultura fl-akkwakultura fl-għadajjar, l-akkwakultura multitrofika integrata). Huwa importanti wkoll li jsir aktar xogħol fuq l-ipproċessar u l-ippakkjar tal-prodotti tal-akkwakultura biex isiru prodotti ġodda b’valur miżjud (eż. fletti u prodotti lesti biex jintużaw) li jkunu attraenti għal klijenti pjuttost żagħar fl-età. Dan huwa importanti b’mod partikolari għall-forom l-aktar tradizzjonali tal-frott tal-baħar bil-qoxra u għall-akkwakultura tal-ilma ħelu. Għodda importanti oħra għall-promozzjoni tal-valur tal-prodotti tal-akkwakultura tal-UE hija l-użu ta’ skemi u tikketti tal-kwalità (soġġetti għall-kontroll xieraq biex tiġi salvagwardjata l-kredibbiltà tagħhom), fosthom l-indikazzjonijiet ġeografiċi 33 . Il-promozzjoni ta’ akkwakultura sostenibbli tal-UE bħala eżempju ta’ produzzjoni lokali marbuta ma’ ċirkwiti qosra tal-ikel għandha rwol importanti wkoll fid-diversifikazzjoni u fiż-żieda tal-valur għall-produzzjoni tal-akkwakultura tal-UE.

    Jenħtieġ li tingħata promozzjoni wkoll lid-diversifikazzjoni ġeografika. Jenħtieġ li l-Istati Membri fejn l-akkwakultura għadha settur marġinali jesploraw u jiżviluppaw aktar il-potenzjal li tipprovdi l-akkwakultura f’termini ta’ provvista sostenibbli ta’ ikel u għalf u tal-ħolqien ta’ negozji u impjiegi sostenibbli alternattivi, speċjalment f’żoni remoti fejn l-għażliet tax-xogħol huma limitati.

    2.2.Parteċipazzjoni fit-tranżizzjoni ekoloġika

    Is-settur tal-akkwakultura tal-UE, bħal setturi oħrajn tal-ekonomija tal-UE, għandu jipparteċipa fit-tranżizzjoni ekoloġika stabbilita mill-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dan is-settur għandu rwol partikolari x’jaqdi biex jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni għal sistemi tal-ikel sostenibbli, iżda wkoll għall-iżvilupp tal-bijoekonomija u tal-ekonomija ċirkolari (permezz tal-użu ta’ riżorsi akkwatiċi rinnovabbli), u biex ireġġa’ lura t-telf tal-bijodiversità, fost l-oħrajn billi jnaqqas it-tniġġis. Barra minn hekk, it-tranżizzjoni ulterjuri lejn is-“sostenibbiltà kompetittiva” (kif espressa fl-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”), jiġifieri li s-sostenibbiltà ssir it-trademark tal-UE, toffri lis-settur opportunità ekonomika sinifikanti, b’mod partikolari meta titqies l-attenzjoni dejjem akbar li qed tingħata mill-pubbliku lill-impronta ambjentali tal-prodotti fis-suq u lit-trattament xieraq tal-annimali.

    2.2.1.Prestazzjoni ambjentali

    L-akkwakultura teħtieġ kundizzjonijiet ambjentali tajbin, bħall-kwalità tajba tal-ilma. Għalhekk, il-ġlieda kontra t-tniġġis tal-ilma mill-Istati Membri tal-UE, f’konformità mal-ambizzjoni ta’ tniġġis żero ddefinita fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, hija ta’ importanza partikolari għall-akkwakultura 34 . Meta tkun ġestita kif suppost, l-akkwakultura tista’ tkun ukoll metodu ta’ produzzjoni tal-proteini b’impronta ambjentali u tal-karbonju aktar baxxa minn tipi oħrajn ta’ attività agrikola. Barra minn hekk, ċerti forom ta’ akkwakultura (eż. it-trobbija tal-molluski, l-akkwakultura fl-għadajjar u fl-artijiet mistagħdra, u t-trobbija tal-algi u ta’ invertebrati oħrajn), meta jkunu ġestiti kif xieraq, jistgħu joffru ħafna servizzi fl-ekosistema. Dawn is-servizzi jinkludu l-assorbiment ta’ nutrijenti żejda u materja organika mill-ambjent, jew il-konservazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi u tal-bijodiversità.

    Il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE u l-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ implimentazzjoni stabbilew il-qafas regolatorju għall-akkwakultura tal-UE. Dan il-qafas jiżgura l-mitigazzjoni tal-impatt li l-attivitajiet tal-akkwakultura jista’ jkollhom fuq l-ambjent (kemm f’termini tal-impronta tal-karbonju, tal-effluwenti, tal-iskart jew ta’ impatti oħrajn fuq l-ekosistemi tal-baħar u tal-ilma ħelu), u li l-attivitajiet tal-akkwakultura ma jagħmlux ħsara sinifikanti lill-ekosistemi jew lill-bijodiversità 35 . Id-dokumenti ta’ gwida tal-Kummissjoni 36 u l-ġurisprudenza mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea 37 jiċċaraw l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni għas-settur tal-akkwakultura. Madankollu, ir-rekwiżiti skont il-leġiżlazzjoni tal-UE mhux dejjem ikunu ċari għall-atturi kollha 38 . U l-interpretazzjoni mill-Istati Membri tal-UE tal-leġiżlazzjoni tal-UE ma tidhirx li hija uniformi, u dan jimmina l-kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-produtturi tal-akkwakultura fl-UE. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE spiss tiġi kondiviża bejn entitajiet amministrattivi jew livelli ta’ governanza differenti, u dan mhux dejjem jiżgura kooperazzjoni suffiċjenti jew li jkun hemm il-livell meħtieġ ta’ għarfien espert dwar is-settur. Għalhekk, huma meħtieġa aktar sforzi biex tiġi żgurata implimentazzjoni aktar uniformi u koerenti tal-qafas regolatorju ambjentali.

    B’mod partikolari, il-kumplessità tal-leġiżlazzjoni tal-UE li hemm fis-seħħ biex tiggarantixxi kwalità tajba tal-ilma għall-molluski bivalvi toħloq konfużjoni. Din il-leġiżlazzjoni tista’ tittejjeb b’xi ftit kjarifiki u rabtiet aħjar ma’ partijiet rilevanti oħrajn tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Hija partikolarment meħtieġa aktar ċarezza dwar id-differenzi fir-rekwiżiti (f’termini tal-klassifikazzjoni taż-żoni tal-ħsad, tal-istħarriġ sanitarju, tar-reġistri taż-żoni protetti, eċċ.) 39 .

    Il-prestazzjoni ambjentali tas-settur tal-akkwakultura tal-UE tista’ tittejjeb aktar. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’: (i) l-iżgurar li tiġi applikata l-leġiżlazzjoni ambjentali u li jintlaħqu l-objettivi tagħha; (ii) il-mitigazzjoni ulterjuri tal-impatt tal-akkwakultura; u (iii) il-promozzjoni tal-akkwakultura b’impatt ambjentali iżgħar, u tal-akkwakultura li tipprovdi servizzi fl-ekosistema. Biex dan jinkiseb jenħtieġ li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li ġejjin.

    -L-użu ta’ approċċi taċ-ċiklu tal-ħajja fil-valutazzjoni tal-impatt ambjentali tas-settur tal-akkwakultura tal-UE;

    -L-iżgurar ta’ sistemi ta’ għalf sostenibbli. Dan ifisser li jintużaw ingredjent tal-għalf li jinkisbu bil-mod li l-aktar jirrispetta l-ekosistemi u l-bijodiversità u li, fl-istess ħin, ikunu tajbin biex jiżguraw is-saħħa u l-benessri tal-annimali. Dan ifisser ukoll il-limitazzjoni tad-dipendenza tal-produtturi tal-għalf fuq il-frakass tal-fdal tal-ħut u fuq iż-żejt tal-ħut meħudin minn stokkijiet selvaġġi (eż. l-użu ta’ ingredjenti ta’ proteini alternattivi bħal algi jew insetti jew l-iskart minn industriji oħrajn). Dan ikopri wkoll l-użu ta’ supplimenti tal-għalf u sistemi effiċjenti ta’ ġestjoni tal-għalf.

    -L-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet biex jitnaqqas l-użu ta’ prodotti veterinarji u sustanzi oħrajn (eż. aġenti anti-fouling), permezz ta’, pereżempju, prattiki ta’ trobbija xierqa).

    -Meta jkun jeħtieġ li jintużaw prodotti veterinarji u sustanzi oħrajn, il-promozzjoni tal-użu ta’ dawk b’impronta ambjentali żgħira.

    -L-iżgurar tal-monitoraġġ ambjentali tas-siti tal-akkwakultura, inkluż il-kwalità tal-ilma, l-iskariki u l-emissjonijiet (ta’ materja organika, ta’ nutrijenti, ta’ plastik, ta’ mediċini veterinarji, ta’ sustanzi niġġiesa oħrajn, jew ta’ kwalunkwe forma ta’ skart u żibel).

    -L-istabbiliment ta’ prattiki ta’ ġestjoni, inkluża strateġija ta’ riskju għall-mitigazzjoni tal-impatti (inklużi dawk relatati ma’ kull skariku u emissjoni), għall-ġestjoni tal-predaturi u għall-prevenzjoni li jaħarbu xi organiżmi, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt negattiv potenzjali tagħhom fuq l-ispeċijiet u l-bijodiversità lokali, inkluż il-potenzjal tagħhom li jsiru invażivi.

    -Il-limitazzjoni tal-kontribut tal-attivitajiet tal-akkwakultura għall-iskart fil-baħar.

    -Il-promozzjoni tal-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u ta’ aktar effiċjenza enerġetika.

    -L-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ mmaniġġjar tal-iskart li jimminimizzaw l-impronta ambjentali tal-attivitajiet tal-akkwakultura.

    -L-applikazzjoni ta’ approċċ ta’ ekonomija ċirkolari, inkluż l-użu tal-iskart.

    -Il-promozzjoni tal-iżvilupp tal-akkwakultura organika 40 u ta’ sistemi oħrajn tal-akkwakultura b’impatt ambjentali aktar baxx, bħal: sistemi tal-akkwakultura effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li jiriċċirkolaw l-ilma 41 , sistemi tal-akkwakultura multitrofika integrata (IMTA), kif ukoll id-diversifikazzjoni lejn speċijiet b’livelli trofiċi aktar baxxi (molluski 42 u invertebrati oħrajn u algi u ħut erbivori).

    -Il-promozzjoni u l-għoti ta’ valur lil forom ta’ akkwakultura li joffru servizzi fl-ekosistema, inkluż fl-għadajjar, fl-artijiet mistagħdra u fl-ilmijiet salmastri 43 .

    -L-appoġġ kemm għaż-żamma kif ukoll għat-titjib tar-riżorsi ġenetiċi akkwatiċi u l-użu ta’ tnissil selettiv għall-istokkijiet tal-akkwakultura 44 .

    2.2.2.It-trattament xieraq tal-annimali

    Jenħtieġ li tingħata aktar attenzjoni lill-benessri tal-ħut, u mhux biss minħabba l-interess pubbliku dejjem jiżdied fi prodotti tal-ħut b’benessri għoli u d-domanda għalihom. Iż-żamma tal-ħut f’kundizzjonijiet tajbin għall-benessri tagħhom għandha wkoll benefiċċji ekonomiċi għall-industrija, billi tirriżulta f’inqas spejjeż u prodotti ta’ kwalità aħjar. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trattament xieraq tal-annimali 45 tinkludi rekwiżiti ġenerali dwar iż-żamma, it-trasport u l-qtil tal-ħut imrobbi. Barra minn hekk, ir-Regolament tal-UE dwar il-Produzzjoni Organika 46 jistabbilixxi rekwiżiti aktar speċifiċi, bħal livelli massimi tad-densità tal-istokk, restrizzjonijiet fuq l-użu tad-dawl artifiċjali u tal-ossiġenu, eċċ. Tenħtieġ aktar azzjoni biex jittejjeb it-trattament xieraq tal-ħut, u din trid tkun iffokata fuq:

    -l-iżvilupp ta’ prattiki tajbin għall-benessri tal-ħut matul it-trobbija, it-trasport u l-qtil;

    -l-istabbiliment ta’ indikaturi komuni, ivvalidati, speċifiċi għall-ispeċijiet u verifikabbli tat-trattament xieraq tal-ħut tul il-katina tal-produzzjoni kollha (inkluż fit-trasport u l-qtil);

    -aktar riċerka u innovazzjoni, b’mod partikolari dwar il-parametri tat-trattament xieraq speċifiċi għall-ispeċijiet, inklużi l-ħtiġijiet nutrizzjonali f’sistemi ta’ trobbija differenti; u

    -l-għoti ta’ għarfien u ħiliet dwar it-trattament xieraq tal-ħut lill-produtturi tal-akkwakultura u lil operaturi oħrajn li jittrattaw il-ħut imrobbi ħaj.

    2.3.L-iżgurar tal-aċċettazzjoni soċjali u tal-informazzjoni lill-konsumatur

    It-tkabbir tal-akkwakultura tal-UE u l-kompetittività tagħha jiddependu l-aktar mill-aċċettazzjoni soċjali u r-rikonoxximent tal-benefiċċji u tal-valur tal-attivitajiet tal-akkwakultura u tal-prodotti tal-akkwakultura tal-UE. Hemm tliet fatturi li huma partikolarment importanti biex tinkiseb din l-aċċettazzjoni: il-komunikazzjoni dwar l-akkwakultura tal-UE, l-integrazzjoni tal-akkwakultura tal-UE fil-komunitajiet lokali, u l-ġbir u l-monitoraġġ tad-data.

    2.3.1.Il-komunikazzjoni dwar l-akkwakultura tal-UE

     

    Huwa importanti ferm li jiġu żgurati informazzjoni aktar preċiża u aktar trasparenza dwar kif qegħdin jitwettqu l-attivitajiet tal-akkwakultura. Perċezzjoni negattiva mill-partijiet ikkonċernati lokali tal-attivitajiet tal-akkwakultura, b’mod partikolari l-impatt tagħhom fuq l-ambjent u fuq attivitajiet ekonomiċi oħrajn, sikwit tkun ostakolu għall-istabbiliment ta’ faċilitajiet ġodda tal-akkwakultura. Min-naħa l-oħra, il-benefiċċji tal-akkwakultura (li toffri opportunitajiet ta’ mpjieg f’żoni remoti, li hija sors ta’ ikel b’livell baxx ta’ karbonju, u li toffri servizzi fl-ekosistema) fil-biċċa l-kbira tagħhom mhumiex magħrufa mill-pubbliku.

    L-informazzjoni hija essenzjali wkoll biex tiġi ssodisfata d-domanda dejjem tikber tal-konsumaturi għal prodotti sostenibbli 47 . Huwa importanti li l-konsumaturi jsiru aktar konxji tal-isforzi magħmula mill-produtturi tal-UE biex il-produzzjoni tal-UE tkun tista’ taħsad il-benefiċċji ta’ standards għoljin ta’ sostenibbiltà u kwalità. Dan se jgħin biex il-prodotti tal-akkwakultura tal-UE jsiru aktar kompetittivi u jiżgura wkoll kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni ma’ prodotti tal-akkwakultura oħrajn li jista’ jkun li ma joffrux sostenibbiltà u kwalità ekwivalenti. Fl-aħħar nett, se tkun meħtieġa l-komunikazzjoni sabiex jiġi rrealizzat il-potenzjal ta’ akkwakultura aktar diversifikata biex tilqa’ għall-isfidi identifikati fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dawn l-isfidi jinkludu ż-żieda fl-għarfien u l-konsum ta’ prodotti tal-akkwakultura b’impronta ambjentali iżgħar, b’mod partikolari speċijiet b’livelli trofiċi baxxi u li mhumiex sfruttati biżżejjed, bħall-algi, il-frott tal-baħar bil-qoxra u invertebrati oħrajn, u ħut erbivori.

    It-titjib tal-informazzjoni disponibbli għall-konsumaturi u għall-pubbliku dwar il-produzzjoni tal-akkwakultura tal-UE jeħtieġ taħlita ta’ għodod differenti, b’mod partikolari:

    -l-istandards tat-tikkettar 48 u l-kummerċjalizzazzjoni 49 (il-Kummissjoni qiegħda taħdem biex tirrieżamina l-istandards attwali tal-kummerċjalizzazzjoni għas-sajd u qiegħda tivvaluta l-possibbiltà li jiġu ddefiniti standards għall-prodotti tal-akkwakultura);

    -kampanji ta’ informazzjoni dwar is-settur tal-akkwakultura tal-UE u l-produzzjoni li jinvolvu lill-bejjiegħa bl-imnut;

    -kjarifika tal-bażi xjentifika tad-dibattitu dwar l-impatti tal-attivitajiet tal-akkwakultura fl-UE;

    -aktar ftuħ tas-settur għall-pubbliku (il-ftuħ tal-farms għall-viżitaturi, inkluż skejjel u fornituri oħrajn tal-edukazzjoni, l-għoti ta’ aktar informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-biedja);

    -l-iżgurar ta’ involviment mill-qrib u bikri tal-awtoritajiet u tal-industrija ma’ gruppi ta’ partijiet ikkonċernati, inklużi NGOs;

    -il-promozzjoni tal-użu ta’ markar u ta’ tikketti tal-kwalità (soġġetti għal kontroll xieraq biex tiġi salvagwardjata l-kredibbiltà tagħhom), inklużi indikazzjonijiet ġeografiċi, li jkopru wkoll aspetti ta’ sostenibbiltà; u

    -l-promozzjoni tal-valur tal-akkwakultura tal-UE bħala “lokali u friska” b’ċirkwiti tal-ikel qosra.

    2.3.2.L-integrazzjoni fil-komunitajiet lokali 

    Bħal kull attività oħra, l-espansjoni tal-akkwakultura teħtieġ ukoll aċċettazzjoni soċjali (l-hekk imsejħa “liċenzja soċjali biex topera”). Kif imsemmi hawn fuq, il-perċezzjoni tal-attivitajiet tal-akkwakultura tibqa’ negattiva fost ċerti partijiet ikkonċernati. Dan huwa dovut prinċipalment għal tħassib dwar l-impatt tal-akkwakultura fuq l-ambjent jew dwar kif din tmur kontra attivitajiet ekonomiċi oħrajn bħas-sajd jew it-turiżmu. Huwa importanti li dan it-tħassib jiġi indirizzat billi: (i) jiġu żgurati t-trasparenza u l-involviment bikri tal-partijiet ikkonċernati lokali fl-ippjanar ta’ attività tal-akkwakultura; u (ii) jiġu mfittxija sinerġiji mal-attivitajiet eżistenti (eż. is-sajd, it-turiżmu, l-industrija tal-ipproċessar) u ż-żoni protetti. Barra minn hekk, hemm potenzjal kbir li jinħolqu ktajjen tal-valur lokali u ċirkwiti tal-provvista qosra, li x’aktarx ikunu jikkontribwixxu għall-produzzjoni ta’ ikel sostenibbli mil-lat ambjentali, ekonomiku u soċjali. L-esperjenza li nkisbet mill-ħidma tal-gruppi ta’ azzjoni lokali tas-sajd (FLAGs) 50 , kif ukoll minn proġetti ffinanzjati mill-FEMS f’xi Stati Membri, turi xi prattiki tajbin f’dan il-qasam.

    2.3.3.Data u monitoraġġ

    Il-ġbir ta’ data preċiża huwa meħtieġ biex jiġi żgurat l-ippjanar xieraq tal-attivitajiet tal-akkwakultura. Hija meħtieġa wkoll data preċiża biex tiġi vvalutata u mmonitorjata l-prestazzjoni soċjali, ekonomika u ambjentali tas-settur tal-akkwakultura tal-UE. It-trasparenza u r-rapportar tad-data huma importanti wkoll biex tinżamm il-fiduċja tal-konsumatur u ta’ partijiet ikkonċernati oħrajn fis-settur. Hemm ħafna obbligi ta’ rapportar dwar is-settur skont partijiet differenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE. Madankollu, id-data miġbura hija fil-biċċa l-kbira data soċjoekonomika dwar il-marikultura jew is-saħħa tal-annimali, u hija limitata d-data li tiġi rrapportata dwar indikaturi ambjentali speċifiċi għall-akkwakultura 51 . Għalhekk, se jkun meħtieġ li jiġu kkoordinati aħjar l-obbligi ta’ rapportar u li jiġu ssimplifikati l-proċeduri ta’ rapportar bejn servizzi differenti. Se jkun meħtieġ ukoll li tiġi pprovduta gwida aktar strutturata lill-Istati Membri tal-UE dwar kif tinkiseb u tiġi rrapportata d-data. Ir-rapportar tad-data jenħtieġ li japplika wkoll għall-indikaturi ambjentali u jkopri l-produzzjoni tal-akkwakultura lil hinn mill-marikultura 52 .

    2.4.Żieda fl-għarfien u fl-innovazzjoni

    L-għarfien u l-innovazzjoni (inkluż l-użu tat-teknoloġija diġitali) huma kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi l-oħrajn stabbiliti għas-settur tal-akkwakultura tal-UE f’din il-Komunikazzjoni. Dawn huma ta’ importanza partikolari għall-bini tar-reżiljenza u tal-kompetittività tal-akkwakultura u għall-iżgurar tat-tranżizzjoni ekoloġika tagħha.

    Orizzont Ewropa, il-programm qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni li jmiss, joffri opportunità importanti biex isir pass ’il quddiem f’dan il-qasam. Ir-riċerka u l-innovazzjoni dwar l-akkwakultura sostenibbli huma prijorità importanti taħt Orizzont Ewropa. Hija meħtieġa azzjoni deċiżiva għall-akkwakultura biex jiġi żgurat li r-riċerka u l-innovazzjoni: (i) iwieġbu aktar malajr għall-isfidi u l-opportunitajiet attwali u futuri tas-settur; (ii) jevitaw id-duplikazzjoni tal-isforzi; u (iii) joħolqu sinerġiji. B’mod partikolari, huma meħtieġa aktar sforzi fl-oqsma li ġejjin.

    -Il-ħolqien ta’ qafas għall-kooperazzjoni li jlaqqa’ flimkien l-awtoritajiet pubbliċi, l-industrija, ir-riċerkaturi u l-edukaturi, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak reġjonali/lokali. Dan il-qafas jenħtieġ li jinkludi l-iżvilupp ta’ raggruppamenti ta’ innovazzjoni għall-akkwakultura sostenibbli 53 .

    -It-trawwim tal-iżvilupp u t-tqabbil tal-punti ta’ saħħa tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Istati Membri u r-reġjuni. Dan jenħtieġ li jinkludi strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti mmirati lejn il-bini ta’ ktajjen ta’ valur sħaħ madwar l-UE.

    -It-trawwim ta’ tixrid effettiv tar-riżultati tar-riċerka u tal-innovazzjoni lill-utenti finali tal-industrija u lill-pubbliku ġenerali, kif ukoll l-isfruttament tagħhom, inkluż permezz tal-monitoraġġ mill-qrib tat-twaqqif u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet tajbin ta’ tixrid u sfruttament ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE.

    -Il-promozzjoni tal-komplementarjetà u s-sinerġiji bejn il-proġetti ta’ riċerka.

    -L-iffaċilitar tal-aċċess għall-fondi tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur tal-akkwakultura, billi tingħata idea ġenerali ċara tal-finanzjament tal-UE disponibbli.

    L-introduzzjoni tal-innovazzjoni fis-settur tal-akkwakultura teħtieġ il-promozzjoni tal-investiment f’soluzzjonijiet innovattivi. L-investituri spiss jidħlu f’territorju mhux familjari għalihom meta jinvestu fl-innovazzjoni. L-inizjattiva BlueInvest tal-UE (li tippromwovi wkoll l-innovazzjoni fl-akkwakultura) se tkompli tlaqqa’ flimkien lill-investituri u l-imprendituri. Se jiġi stabbilit strument finanzjarju bil-kontribuzzjonijiet tal-FEMSA u ta’ InvestEU u dan se jkun disponibbli wkoll biex jappoġġa l-investiment f’attivitajiet u teknoloġiji tal-akkwakultura sostenibbli. L-Istati Membri tal-UE jistgħu jużaw ukoll fondi mill-FEMSA futur biex jappoġġaw investimenti f’soluzzjonijiet innovattivi mis-settur tal-akkwakultura tal-UE.

    Settur innovattiv tal-akkwakultura jitlob ukoll l-iżvilupp ta’ ħiliet xierqa. Dan jista’ jinkiseb permezz tal-promozzjoni ta’ kurrikuli speċjalizzati u għarfien dwar l-akkwakultura (eż. studji veterinarji speċjalizzati dwar il-ħut u taħriġ dwar is-saħħa tal-ħut għall-operaturi tal-akkwakultura), kif ukoll taħriġ tul il-ħajja għall-bdiewa dwar approċċi innovattivi għas-settur tal-akkwakultura.

    3.KONKLUŻJONI

    L-akkwakultura sostenibbli fl-UE jista’ jkollha rwol importanti fit-twassil ta’ beni pubbliċi. Dawn il-beni pubbliċi jinkludu: (i) ikel nutrittiv u tajjeb għas-saħħa b’impronta ambjentali limitata; (ii) l-iżvilupp ekonomiku u l-opportunitajiet ta’ xogħol għall-komunitajiet kostali u rurali; (iii) tnaqqis tat-tniġġis; (iv) il-preżervazzjoni tal-ekosistemi u tal-bijodiversità; u (v) il-kontribut għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi t-triq sabiex l-akkwakultura tal-UE ssir referenza bħala settur reżiljenti, kompetittiv u standard globali tas-sostenibbiltà u l-kwalità. Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, jeħtieġ li jkun hemm l-appoġġ tal-atturi rilevanti kollha (inklużi l-Istati Membri tal-UE, l-industrija tal-akkwakultura tal-UE u partijiet ikkonċernati oħrajn bħal NGOs) fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-linji gwida u tal-azzjonijiet irrakkomandati fl-anness ta’ din il-Komunikazzjoni. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri tal-UE jiżguraw il-mezzi xierqa biex jimplimentaw dawn il-linji gwida u l-azzjonijiet.

    Sabiex il-linji gwida jiġu implimentati jeħtieġ ukoll li tiġi appoġġata t-tranżizzjoni sostenibbli tas-settur tal-akkwakultura billi jiġi żgurat użu effettiv u effiċjenti tal-finanzjament pubbliku u jiġi attirat investiment privat. L-anness ta’ din il-Komunikazzjoni jipprovdi rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet biex dan jinkiseb. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri tal-UE jqisu l-prijoritajiet stabbiliti f’dawn il-linji gwida għall-allokazzjoni ta’ appoġġ lis-settur taħt il-fondi nazzjonali u tal-UE.

    Sabiex tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ dawn il-linji gwida mill-partijiet ikkonċernati kollha, il-Kummissjoni se tistabbilixxi Mekkaniżmu tal-UE għall-Assistenza fl-Akkwakultura. Dan il-mekkaniżmu għandu jservi bħala għodda li tgħin lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri tal-UE, lill-industrija u lil partijiet ikkonċernati oħrajn jiżviluppaw gwida ulterjuri u jikkonsolidaw l-aħjar prattiki fl-oqsma koperti f’din il-Komunikazzjoni. Il-mekkaniżmu ta’ assistenza se jgħin ukoll fl-implimentazzjoni ta’ dik il-gwida u tal-aħjar prattiki. Dan il-mekkaniżmu jenħtieġ li jinkludi pjattaforma online b’bażi ta’ għarfien aċċessibbli għall-partijiet ikkonċernati kollha (pereżempju, gwida dwar il-finanzjament tal-UE u bażi ta’ data ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE fis-settur).

    Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri tal-UE jippromwovu b’mod attiv l-objettivi u l-prinċipji ddikjarati f’din il-Komunikazzjoni, b’mod partikolari l-ħtieġa li l-akkwakultura tiżviluppa b’mod sostenibbli li jirrispetta l-ambjent, fil-kuntest ta’: (i) l-istrateġiji tal-baċiri tal-baħar; (ii) il-ftehimiet bilaterali; u (iii) il-parteċipazzjoni f’fora internazzjonali (eż. l-FAO).

    Il-Kummissjoni se twettaq, mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-pubblikazzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni, valutazzjoni ta’: (i) il-progress li sar fl-iżvilupp tal-azzjonijiet irrakkomandati fl-anness; u (ii) l-effiċjenza ta’ dawn l-azzjonijiet biex jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti f’dawn il-linji gwida strateġiċi ġodda, bil-possibbiltà li l-azzjonijiet jiġu addattati kif xieraq. Sal-2029, se titwettaq evalwazzjoni tal-Linji Gwida Strateġiċi l-ġodda, li se tivvaluta l-effiċjenza, l-effikaċja, il-koerenza, ir-rilevanza u l-valur miżjud tal-UE tagħhom, biex tipprovdi l-bażi tal-evidenza u tappoġġa d-deċiżjoni dwar il-passi li jmiss wara l-2030.

    (1)

    Skont l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”, il-Kummissjoni se “tieħu l-azzjoni biex sal-2030 tnaqqas il-bejgħ globali tal-UE tal-antimikrobiċi għall-annimali tar-razzett u fl-akkwakultura b’50 %”.

    (2)

    L-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” tistabbilixxi l-objettiv li “sal-2030 mill-inqas 25 % tal-art agrikola tal-UE tkun qed tuża biedja organika u jkun hemm żieda sinifikanti fl-akkwakultura organika”.

    (3)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

    (4)

     Analiżi dettaljata tal-prestazzjoni ekonomika tas-settur tal-akkwakultura tal-UE li pproduċa l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (l-STECF) tinsab hawn:  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/reports/economic .

    (5)

    Jekk nikkunsidraw l-esportazzjonijiet tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura tal-UE, skont ir-rapport tal-2020 dwar is-Suq tal-Ħut tal-UE tal-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Prodotti tas-Sajd u tal-Akkwakultura (EUMOFA), ir-rata ta’ awtosuffiċjenza għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura kienet ta’ madwar 42 % fl-2018. L-awtosuffiċjenza hija ddefinita bħala l-kapaċità tal-Istati Membri tal-UE li jissodisfaw id-domanda mill-produzzjoni tagħhom stess, u tista’ tiġi kkalkolata bħala l-proporzjon tal-produzzjoni domestika mqabbla mal-konsum domestiku.

    (6)

    COM (2013)229 final tad-29.4.2013.

    (7)

    It-test tal-ftehim politiku dwar il-proposta għar-Regolament dwar il-FEMSA tinsab f’dan is-sit web: https://www.europarl.europa.eu/meetdocs/2014_2019/plmrep/COMMITTEES/PECH/DV/2021/02-22/EMFAF_consolidated_clean_EN.pdf . Dan it-test qed jistenna reviżjoni legali u l-adozzjoni finali mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew.

    (8)

    Skont l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar il-FEMSA (għat-test tal-ftehim politiku ara n-nota tal-qiegħ 7), l-appoġġ għall-akkwakultura skont il-FEMSA għandu jkun konsistenti mal-pjanijiet strateġiċi nazzjonali pluriennali għall-iżvilupp tal-akkwakultura.

     

    (9)

    Il-produzzjoni tal-frott tal-baħar bil-qoxra fl-UE tiddependi l-aktar mill-molluski, jiġifieri l-maskli, il-gajdri u l-gandoffli. It-trobbija tal-molluski fl-UE hija fil-biċċa l-kbira attività tal-akkwakultura tradizzjonali, ibbażata fuq il-familja u intensiva fix-xogħol li hija integrata bis-sħiħ fix-xenarju lokali.

    (10)

     L-akkwakultura fl-ilmijiet interni hija għodda partikolarment xierqa għall-produzzjoni ta’ ikel sostenibbli f’reġjuni mingħajr kosta, u tipprovdi wkoll l-impjiegi tant meħtieġa. Fl-UE, uħud mill-ispeċijiet ewlenin tal-ilma ħelu jinkludu l-karpjun komuni, it-trota qawsalla u speċijiet emerġenti bħall-catfish u l-pikeperch. Il-vaski artifiċjali mibnija minn materjali tal-ħamrija jibqgħu l-aktar faċilità tal-produzzjoni li tintuża b’mod komuni, iżda l-korsi u sistemi oħrajn ta’ ilma ġieri, il-gaġeġ, in-nases fil-baħar u t-tankijiet jintużaw ħafna wkoll. Xi tipi ta’ akkwakultura tal-ilma ħelu (speċjalment l-akkwakultura tal-vaski) jistgħu jipprovdu servizzi fl-ekosistema jekk ikunu ġestiti sewwa, u spiss ikunu marbuta mal-kultura u t-tradizzjoni. Is-sistemi tal-użu mill-ġdid tal-ilma (sistemi tal-akkwakultura li jirriċċirkolaw l-ilma) jintużaw inqas ta’ spiss minħabba l-livell għoli ta’ investiment meħtieġ, iżda x’aktarx se jsiru aktar komuni fil-futur minħabba l-vantaġġi ċari tagħhom.

    (11)

    Skont l-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt, il-Kummissjoni se “tistabbilixxi appoġġ immirat tajjeb għall-industrija tal-algi, billi l-algi jenħtieġ li jsiru sors importanti ta’ proteina alternattiva għal sistema tal-ikel sostenibbli u sigurtà globali tal-ikel”.

    (12)

    Bejn Lulju u Ottubru 2020 saret konsultazzjoni pubblika. Dawn il-linji gwida strateġiċi ġodda jqisu wkoll ir-riżultati tal-evalwazzjoni interim tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (ara d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni: https://ec.europa.eu/fisheries/sites/fisheries/files/docs/swd-2020-6_en.pdf ), l-esperjenza skambjata fil-kuntest tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni u r-riżultati ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE.

    (13)

     Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Ġunju 2018, “Lejn settur tal-akkwakultura Ewropew sostenibbli u kompetittiv: l-istatus attwali u l-isfidi futuri” (2017/2118(INI)).

    (14)

    Ara n-nota 11 f’qiegħ il-paġna.

    (15)

     In-nixfa tista’ tipperikola l-vijabbiltà tal-farms tal-ilma ħelu, li, għall-kuntrarju tal-farms tal-agrikoltura, mhux dejjem jistgħu jistrieħu fuq il-kumpens għal sitwazzjoni ta’ dan it-tip.

    (16)

    Għal aktar dettalji dwar l-akkwakultura tal-ilma ħelu tal-UE, ara l-istudju tal-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Prodotti tas-Sajd u tal-Akkwakultura ( https://www.eumofa.eu/documents/20178/442176/Freshwater+aquaculture+in+the+EU.pdf ), u l-profili tal-pajjiżi ( https://www.eumofa.eu/documents/20178/442176/Country+profiles.pdf ).

    (17)

    Id-Direttiva 2014/89/UE li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu.

    (18)

    Għall-finijiet ta’ dawn il-linji gwida, “l-akkwakultura lil hinn mill-kosta” hija akkwakultura “li tinsab iżjed minn 2 km ’il barra mill-kosta jew li ma tidhirx mill-kosta, f’ilma li jkun aktar fond minn 50 m, b’għoli tal-mewġ ta’ 5 m jew aktar, imbatti tal-oċeani, irjieħ varjabbli u kurrenti tal-oċeani b’saħħithom, f’postijiet li huma esposti (ibħra miftuħa, eż. ibħra miftuħa madwar 180o) u fejn hemm ħtieġa ta’ operazzjonijiet mill-bogħod, tmigħ awtomatizzat u fejn ikun meħtieġ il-monitoraġġ mill-bogħod ta’ sistemi operattivi (definizzjoni fil-kuntest tal-workshop tal-FAO tal-2010 “Expanding mariculture further offshore, Technical, spatial and governance challenges”).

    (19)

    Għall-molluski, id-disponibbiltà ta’ ilma ta’ kwalità tajba hija essenzjali, billi l-ilma jista’ jakkumula sustanzi li jagħmlu l-ħsara li jistgħu jikkompromettu l-vijabbiltà u l-kwalità sanitarja tal-molluski. Il-leġiżlazzjoni tal-UE hija fis-seħħ biex tiggarantixxi kwalità tajba tal-ilma għall-molluski bivalvi.

    (20)

     Il-kapaċità li tiflaħ l-akkwakultura hija ddefinita bħala l-bijomassa massima ta’ speċi mrobbija li tista’ tiġi appoġġata mingħajr ma jinqabżu l-impatti massimi aċċettabbli għall-istokk imrobbi u l-ambjent tiegħu.

    (21)

     Il-leġiżlazzjoni applikabbli dwar is-saħħa tal-annimali tinkludi: Ir-Regolament (UE) 2016/429 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali (il-“Liġi dwar is-Saħħa tal-annimali”) li jibda japplika mill-21 ta’ April 2021; u l-qafas legali attwali dwar il-prodotti mediċinali veterinarji u l-għalf medikat ( id-Direttiva 2001/82/KE , ir-Regolament (KE) Nru 726/2004  u  id-Direttiva 90/167/KEE ), li se jiġu sostitwiti mir-  Regolament (UE) 2019/6  dwar prodotti mediċinali veterinarji u  r-Regolament (UE) 2019/4  dwar l-għalf medikat li se jibdew japplikaw mit-28 ta’ Jannar 2022.

    (22)

    Dan huwa partikolarment il-każ għat-trobbija tal-molluski. F’dawn l-aħħar snin, ġew osservati għadd dejjem jikber ta’ każijiet ta’ mortalità assoċjati ma’ organiżmi patoġeniċi, li jaffettwaw serjament is-sostenibbiltà tal-farms tal-molluski. It-trobbija tal-molluski tiffaċċja wkoll sfidi minn proliferazzjonijiet tal-algi li jagħmlu l-ħsara, mit-tniġġis tal-baħar u mill-impatt tat-tibdil fil-klima.

    (23)

    Ir-Regolament il-ġdid (UE) 2019/6 dwar prodotti mediċinali veterinarji se jgħin biex tiżdied id-disponibbiltà ta’ mediċini veterinarji għall-akkwakultura u jipprovdi inċentivi maħsuba biex jistimolaw l-innovazzjoni.

    (24)

    Hemm bżonn ta’ għarfien ġdid u ta’ tekniki innovattivi biex jgħinu fl-indirizzar tal-mard li jaffettwa l-molluski bivalvi, bħan-norovirus.

    (25)

    Fl-24 ta’ Frar 2021 ġiet adottata Strateġija Ġdida tal-UE għall-Addattament għall-Klima.

    (26)

    Il-proġetti ffinanzjati mill-UE saħħew il-bażi ta’ għarfien għat-tfassil ta’ miżuri ta’ addattament għat-tibdil fil-klima li jħallu impatt fuq setturi ta’ politika differenti, inkluża l-akkwakultura. Ħafna mis-sejbiet ta’ dawn il-proġetti u informazzjoni utli oħra huma disponibbli għall-pubbliku fuq il-pjattaforma web Climate-ADAPT. Climate-ADAPT hija “punt uniku ta’ servizz” għall-addattament għat-tibdil fil-klima stabbilit b’mod konġunt mill-Kummissjoni u mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA). L-informazzjoni għas-settur tal-baħar u tas-sajd hija disponibbli fuq: https://climate-adapt.eea.europa.eu/eu-adaptation-policy/sector-policies/marine-and-fisheries .

    (27)

    L-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” tirreferi għall-inizjattiva l-ġdida tal-UE għas-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola fil-kuntest tal-Patt Klimatiku, kif ukoll għall-qafas regolatorju għaċ-ċertifikazzjoni tat-tneħħija tal-karbonju li għandu jiġi żviluppat mill-Kummissjoni. F’dan il-kuntest, l-akkwakultura li toffri servizzi ta’ qbid tal-karbonju jenħtieġ li tiġi kkunsidrata biex tipprovdi l-inċentivi meħtieġa biex jiġi żviluppat dan it-tip ta’ akkwakultura. Il-promozzjoni tal-akkwakultura b’servizzi ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima tista’ tiġi kkunsidrata wkoll fil-kuntest tal-kontribuzzjonijiet stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs) skont il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima.

    (28)

    L-appoġġ għall-pjanijiet ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni tal-OP huwa obbligatorju taħt il-FEMS. Il-pjanijiet għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni se jibqgħu eliġibbli għall-appoġġ fil-qafas tal-FEMS il-ġdid, iżda fuq bażi volontarja.

    (29)

    Bħalissa hemm biss 32 OP tal-akkwakultura rikonoxxuti u l-ebda organizzazzjoni transnazzjonali. Ara https://ec.europa.eu/fisheries/sites/fisheries/files/list-of-recognised-producer-organisations-and-associations-of-producer-organisations.pdf . Hemm modi oħrajn li jistgħu jorganizzaw il-produtturi li mhumiex rikonoxxuti skont ir-Regolament dwar l-OKS (eż. organizzazzjoni ta’ produtturi madwar tikketta tal-kwalità).

    (30)

    Ara  https://ec.europa.eu/fisheries/sites/fisheries/files/docs/body/guidance-document-on-implementation-of-professional-organisations_mt.pdf .

    (31)

    Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.

    (32)

    COM/2018/368 final.

    (33)

    Ara r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel. L-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” tiddikjara li l-Kummissjoni “se ssaħħaħ il-qafas leġiżlattiv dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) u, fejn xieraq, tinkludi kriterji speċifiċi ta’ sostenibbiltà”.

    (34)

    Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar it-Tniġġis Żero li ġej se jsaħħaħ l-azzjoni kontra t-tniġġis tal-ilma.

    (35)

    B’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni li ġejja tapplika għall-akkwakultura, fost attivitajiet oħrajn: id-Direttiva Qafas dwar l-ilma (id-Direttiva 2000/60/KE); id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (id-Direttiva 2008/56/KE); id-Deċiżjoni dwar Status Ambjentali Tajjeb (id-Deċiżjoni 2017/848/KE); il-Pjanijiet tal-Immaniġġjar tal-Baċini tax-Xmajjar; id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats (id-Direttiva 2009/147/KE u d-Direttiva 92/43/KEE); id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (id-Direttiva 2010/75/UE); ir-Regolament dwar l-użu ta’ speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura (ir-Regolament (KE) Nru 708/2007) u r-Regolament dwar speċijiet invażivi (ir-Regolament (UE) 1143/2014); id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Ambjentali (id-Direttiva 2011/92/UE); u d-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Strateġiku (id-Direttiva 2001/42/KE). Barra minn hekk, leġiżlazzjoni speċifika għall-produzzjoni organika tippromwovi, permezz ta’ ċertifikazzjoni u tikkettar, li l-akkwakultura tikkonforma ma’ rekwiżiti ta’ produzzjoni aktar stretti dwar l-impatt ambjentali u t-trattament xieraq tal-annimali, kif ukoll l-użu limitat u regolat ta’ inputs esterni.

    (36)

    Ara d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina għall-akkwakultura ( https://ec.europa.eu/fisheries/sites/fisheries/files/docs/body/swd-2016-178_mt.pdf ) u l-gwida dwar l-akkwakultura u Natura 2000 ( https://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/management/docs/Aqua-N2000%20guide.pdf ).

    (37)

    Pereżempju, is-sentenza tal-QĠUE fil-Kawża Weser (il-Kawża C-461/13 Bund vs Il-Ġermanja [2015] Ġabra I-433) dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.

    (38)

    Skont l-evalwazzjoni interim tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni, il-gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE għas-settur tal-akkwakultura mhijiex magħrufa biżżejjed mill-atturi rilevanti kollha. Il-produtturi tal-akkwakultura tal-ilma ħelu, b’mod partikolari, isostnu li mhux dejjem jinftiehem sew kif għandhom jiġu implimentati r-rekwiżiti tal-produzzjoni fis-siti ta’ Natura 2000, u jqisu li l-applikazzjoni tar-rekwiżiti tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tippreżenta sfida.

    (39)

     Il-leġiżlazzjoni applikabbli hija r-Regolament (UE) 2017/625 dwar il-Kontrolli Uffiċjali u d-Direttiva Qafas dwar l-ilma. Ir-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jwettqu programm estensiv ta’ monitoraġġ tal-kontrolli uffiċjali tal-molluski bivalvi ħajjin li jinkisbu mill-ilmijiet tal-ħsad tagħhom. Ir-riżultati ta’ dan il-programm jintużaw biex jiddeterminaw jekk jenħtiġx li żona tkun miftuħa jew magħluqa għall-ħsad, skont il-livelli ta’ kontaminanti mikrobijoloġiċi u kimiċi, inklużi bijotossini tal-baħar. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jiżguraw il-protezzjoni speċjali tal-ilmijiet għall-produzzjoni tal-molluski. Dawk li jrabbu l-molluski fl-UE lmentaw li l-Istati Membri mhumiex qed jimplimentaw id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma b’mod korrett fir-rigward tat-trobbija tal-molluski.

    (40)

    Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 2. Fil-25 ta’ Marzu 2021 il-Kummissjoni adottat Pjan ta’ Azzjoni ġdid għall-iżvilupp tal-produzzjoni organika, li jipprevedi wkoll miżuri li jippromwovu l-akkwakultura organika fl-UE (COM(2021) 141 final).

    (41)

    Is-sistemi tal-akkwakultura li jirriċċirkolaw l-ilma (recirculating aquaculture systems - RAS) huma sistemi ta’ produzzjoni li joffru: ambjent kompletament ikkontrollat għall-ħut, użu ta’ kwatitajiet żgħar tal-ilma, kontroll sħiħ tal-mard, użu effiċjenti tal-art, strateġiji ottimali ta’ għalf u prossimità għas-swieq. Minkejja l-potenzjal importanti tal-RAS, din it-teknoloġija sa issa jidher li hija profittabbli biss għal “swieq niċċa” għal prodotti ta’ valur għoli (eż. salamun, kingfish u sallura). L-RAS għadhom qed jiffaċċjaw ħafna sfidi: il-ħtieġa ta’ investiment kbir, l-użu ta’ ħafna teknoloġija, il-ħtieġa ta’ persunal bi kwalifiki tekniċi, l-użu kbir tal-enerġija, jew problemi bit-togħma tal-prodott. Madankollu, l-iżviluppi teknoloġiċi jistgħu jindirizzaw l-isfidi attwali fi żmien qasir. Ara r-rapport tal-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Prodotti tas-Sajd u tal-Akkwakultura (EUMOFA) dwar is-sistemi tal-akkwakultura li jirriċirkulaw l-ilma ‘Recirculating Aquaculture Systems’ hawn:  https://www.eumofa.eu/documents/20178/84590/RAS+in+the+EU.pdf .

    (42)

    Il-molluski huma organiżmi filtraturi u ma għandhomx bżonn jintgħalfu. Huma joffru ħafna benefiċċji oħrajn għall-ambjent, bħal li jtejbu l-kwalità u ċ-ċarezza tal-ilma billi jneħħu l-partikuli, in-nutrijenti żejda, il-materjal organiku, il-viruses u l-batterji mill-kolonna tal-ilma. Il-kolonji tal-molluski jipprovdu funzjonijiet kritiċi fl-ekosistema billi joħolqu l-istrutturi u l-ħabitats għal speċijiet oħrajn bħal granċijiet, dud u ħut li għadu qed jikber, u dawn jipprovdu sors ta’ ikel għall-ħut u għal speċijiet oħrajn tal-baħar. Il-molluski jneħħu wkoll in-nitroġenu mill-ambjent, li jitneħħa meta jinqabdu l-annimali. L-Inizjattiva ta’ Tkabbir Blu ffinanzjata minn Interreg uriet kif il-maskli mrobbija fuq il-ħbula jneħħu n-nitroġenu mill-ilma. Ara https://www.interreg-baltic.eu/news-detail/news/new-blue-growth-initiatives-for-the-baltic-sae-region.html .

    (43)

    L-għadajjar u l-artijiet mistagħdra għandhom rwol importanti fiż-żamma tal-ilma u fil-konservazzjoni tal-bijodiversità.

    (44)

    It-tnissil selettiv huwa bbażat fuq l-użu ta’ varjazzjoni (ġenetika) naturali fil-karatteristiċi mixtieqa permezz ta’ għażla mmirata ta’ popolazzjonijiet, razez, familji jew individwi.

    (45)

    Ara d-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE dwar il-ħarsien ta’ annimali miżmuma għal skopijiet ta’ biedja, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla. L-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” tipprevedi l-evalwazzjoni u r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar it-trattament xieraq tal-annimali fl-2023, inkluż dwar it-trasport tal-annimali u l-qtil tal-annimali.

    (46)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiċi. Ġie adottat ir-Regolament il-ġdid (UE) 2018/848 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi li se jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

    (47)

    Bħalissa din id-domanda qiegħda tiġi ssodisfata fil-biċċa l-kbira jew permezz ta’ produzzjoni organika jew inkella permezz ta’ għadd żgħir ta’ sistemi ta’ standards u ċertifikazzjoni privati (ta’ spiss għaljin). Madankollu, skont ir-rapport tal-EUMOFA dwar l-akkwakultura organika tal-UE, għad hemm bżonn li tiġi pprovduta aktar informazzjoni dwar is-sostenibbiltà tal-akkwakultura organika fl-UE (ara  https://www.eumofa.eu/documents/20178/84590/Study+report_organic+aquaculture.pdf ).

    (48)

    Ir-Regolament dwar l-OKS jistipula ċerti rekwiżiti obbligatorji dwar l-informazzjoni għall-konsumaturi. Madankollu, dan ir-Regolament ma jirrikjedix li l-metodu ta’ produzzjoni tal-prodotti tal-akkwakultura jiġi speċifikat fuq il-prodott finali. Huwa jistabbilixxi biss obbligu li jiġi indikat li l-prodott huwa “mrobbi”. Il-prodotti organiċi tal-akkwakultura biss għandhom metodi ta’ produzzjoni speċifiċi assoċjati. Barra minn hekk, ir-Regolament dwar l-OKS ma jirrikjedix li tingħata informazzjoni dwar l-oriġini tal-prodotti tal-akkwakultura pproċessati.

    (49)

    Ir-Regolament dwar l-OKSwieq stabbilixxa standards komuni ta’ kummerċjalizzazzjoni li jridu jikkonformaw magħhom il-prodotti tas-sajd biex jidħlu fis-suq tal-UE għall-konsum mill-bniedem. Madankollu, l-istandards attwali ma jkoprux il-prodotti tal-akkwakultura. L-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” tipprevedi r-rieżami tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, inkluż għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura.

    (50)

    FARNET (in-Network Ewropew dwar iż-Żoni tas-Sajd) diġà żviluppa gwida dwar l-integrazzjoni tal-akkwakultura fil-komunitajiet lokali ( https://webgate.ec.europa.eu/fpfis/cms/farnet2/library/guide/integrating-aquaculture-within-local-communities_it ), kif ukoll gwida dwar l-ekonomija ċirkolari fl-oqsma tas-sajd u tal-akkwakultura ( https://webgate.ec.europa.eu/fpfis/cms/farnet2/library/farnet-guide-17-circular-economy-fisheries-and-aquaculture-areas_en ).

    (51)

    Il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE teħtieġ informazzjoni dwar l-istatus tal-ekosistemi akkwatiċi u dwar il-kwalità tal-ilma, iżda ma fihiex obbligi ta’ rappurtar speċifiċi għall-attivitajiet tal-akkwakultura.

    (52)

    Skont il-proposta tal-Kummissjoni tal-Programm Pluriennali l-ġdid tal-UE dwar il-ġbir tad-data fil-Qafas għall-Ġbir tad-Data (li se jibda japplika mill-2022), l-Istati Membri se jiġbru data soċjoekonomika dwar l-ilma ħelu meta l-produzzjoni nazzjonali tal-akkwakultura tal-ilma ħelu taqbeż ċerti limiti (1 % tal-produzzjoni tal-UE, 10 % tal-produzzjoni nazzjonali).

    (53)

    Ir-raggruppamenti jiġbru atturi innovattivi, bħal universitajiet, flimkien mal-SMEs. Dan jippromwovi l-ħolqien ta’ aktar impjiegi u jista’ jgħin fir-reġistrazzjoni ta’ trademarks u privattivi aktar internazzjonali.

    Top

    Brussell, 12.5.2021

    COM(2021) 236 final

    ANNESS

    tal-

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Linji gwida strateġiċi għal akkwakultura tal-UE aktar sostenibbli u kompetittiva għall-perjodu bejn l-2021 u l-2030

    {SWD(2021) 102 final}


    2.1. TISĦIĦ TAR-REŻILJENZA U TAL-KOMPETITTIVITÀ

    Qasam

    Il-Kummissjoni

    L-Istati Membri tal-UE

    Il-Kunsill Konsultattiv għall-Akkwakultura

    2.1.1. L-ispazju u l-ilma

    ·Tiżviluppa dokument ta’ gwida aktar dettaljat dwar l-ippjanar tal-ispazji u dwar l-aċċess għall-ilma għall-marikultura 1 , għall-akkwakultura tal-ilma ħelu u għal dik ibbażata fuq l-art.

    ·Tipprovdi appoġġ tekniku lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE fl-implimentazzjoni ta’ dik il-gwida, u tippermetti lill-Istati Membri tal-UE jużaw il-finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA) għal dan il-għan.

    ·Timmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu u tikkoordina l-iskambju ta’ prattiki tajbin dwar l-ippjanar tal-ispazju mhux marittimu.

    ·Jispeċifikaw żoni adattati għall-akkwakultura skont il-prinċipji deskritti f’din il-Komunikazzjoni u fi gwida futura.

    2.1.2. Qafas regolatorju u amministrattiv

    ·Tikkonsolida dokument ta’ gwida dwar prattiki tajbin għall-proċeduri amministrattivi.

    ·Tipprovdi appoġġ tekniku lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE fir-rieżami u fit-titjib tas-sistemi regolatorji u amministrattivi tagħhom fid-dawl ta’ dawk il-prattiki tajbin, u tippermetti lill-Istati Membri tal-UE jużaw il-finanzjament mill-FEMS għal dan il-għan.

    ·Jirrieżaminaw is-sistema regolatorja u amministrattiva dwar l-akkwakultura kif meħtieġ fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni u fi gwida futura kkonsolidata mill-Kummissjoni, filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet speċjali tal-SMEs.

    ·Iwaqqfu entità nazzjonali waħda li tlaqqa’ flimkien lill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u dawk reġjonali li għandhom x’jaqsmu mal-akkwakultura. Jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti f’din l-entità.

    2.1.3 Is-saħħa tal-annimali u s-saħħa pubblika

    ·Timmappja prattiki tajbin għat-trobbija tal-annimali, b’mod partikolari dwar l-“arrikkiment”, l-użu tal-“għalf funzjonali”, u t-tnissil selettiv. Torganizza taħriġ dwar dawn il-prattiki. Dan it-taħriġ jista’ jiġi appoġġat bl-użu ta’ finanzjament tal-UE.

    ·Teżamina kif jittejjeb l-aċċess pubbliku għar-riżultati ewlenin tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali u l-limiti tossikoloġiċi rilevanti għall-prodotti mediċinali filwaqt li tirrispetta r-regoli dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data. Tikkunsidra – b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u mal-Istati Membri – l-possibilità li tiġi żviluppata gwida dwar il-valutazzjoni tar-riskju ambjentali tal-prodotti mediċinali għall-użu fl-akkwakultura (inklużi, fejn jixraq, rakkomandazzjonijiet għal miżuri ta’ mmaniġġjar tar-riskju).

    ·Torganizza sessjonijiet ta’ ħidma li jlaqqgħu flimkien lill-partijiet ikkonċernati Ewropej kollha involuti fil-kwistjoni tan-norovirus fil-frott tal-baħar bil-qoxra (l-industrija, l-akkademiċi, ir-riċerkaturi, il-gvernijiet u dawk li jfasslu l-politika) biex jiġu diskussi soluzzjonijiet possibbli.

    ·Tipprovdi taħriġ lill-awtoritajiet kompetenti (inkluż taħt l-inizjattiva Programm għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel) dwar is-sorveljanza u n-notifika tal-mard b’rabta ma’ mard elenkat u dak emerġenti skont ir-Regolament (UE) 2016/429 u kwistjonijiet rilevanti oħra dwar is-saħħa tal-annimali.

    ·Tappoġġa u tippromwovi r-riċerka u l-innovazzjoni dwar is-saħħa tal-annimali, inkluż dwar il-mard tal-frott tal-baħar bil-qoxra, filwaqt li tqis il-prijoritajiet identifikati mill-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka Agrikola (KPRA-Fish) 2 .

    ·Jipprovdu taħriġ lill-awtoritajiet kompetenti (inkluż fil-qafas tal-inizjattiva Programm għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel) dwar is-sorveljanza u n-notifika tal-mard b’rabta ma’ mard elenkat u emerġenti skont ir-Regolament (UE) 2016/429 u kwistjonijiet rilevanti oħra dwar is-saħħa tal-annimali.

    ·Jappoġġaw u jippromwovu r-riċerka u l-innovazzjoni dwar is-saħħa tal-annimali, inkluż dwar il-mard tal-frott tal-baħar bil-qoxra, filwaqt li jqisu l-prijoritajiet identifikati mill-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka Agrikola (KPRA-Fish).

    ·Jappoġġaw l-iżvilupp tal-għarfien u tal-ħiliet mill-produtturi tal-akkwakultura dwar prattiki tajbin ta’ trobbija tal-annimali.

    ·Jiżviluppa kodiċijiet ta’ prattika tajba dwar il-ġestjoni tal-mard akkwatiku li mhuwiex elenkat fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE jew fir-Regolament (UE) 2016/429.

    ·Jappoġġa u jxandar fost il-produtturi tal-akkwakultura l-prattiki tajbin tat-trobbija tal-annimali identifikati mill-Kummissjoni.

    ·Jiżgura li l-produtturi tal-akkwakultura tal-UE jkunu infurmati dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni rilevanti dwar kwistjonijiet relatati mas-saħħa tal-annimali u mas-saħħa pubblika.

    2.1.4. Adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu

    ·Tiżviluppa dokument ta’ gwida dwar pjanijiet u strateġiji settorjali ta’ addattament għat-tibdil fil-klima 3 .

    ·Tappoġġa l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fis-settur tal-akkwakultura, inkluż billi tiżgura qafas ta’ politika xieraq u tippermetti l-użu tal-fondi tal-UE.

    ·Jappoġġaw l-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ addattament għat-tibdil fil-klima nazzjonali, reġjonali, transnazzjonali jew tal-baċiri tal-baħar speċifiċi għas-settur konsistenti mal-istrateġiji u mal-pjanijiet nazzjonali, kif ukoll mal-istandard korrispondenti tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN).

    ·Jappoġġaw it-taħriġ dwar l-addattament u r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima għall-persuni li jaħdmu fis-settur tal-akkwakultura.

    ·Jappoġġaw il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fis-settur tal-akkwakultura.

    ·Ixandar fis-settur tal-akkwakultura l-gwida dwar l-adattament u r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima.

    ·Jippromwovi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ adattament għat-tibdil fil-klima u ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima mill-produtturi tal-akkwakultura tal-UE.

    2.1.5. Organizzazzjoni tal-produtturi u tas-suq

    ·Torganizza sessjonijiet ta’ ħidma għall-awtoritajiet pubbliċi u għall-industrija rilevanti biex tiffaċilita l-istabbiliment u r-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (OPs) u tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali billi tippreżenta prattiki tajbin u tiffaċilita l-iskambju ta’ prattiki tajbin bejn l-atturi.

    ·Tipprovdi l-informazzjoni dwar id-diversi OPs tal-akkwakultura fl-UE (inklużi organizzazzjonijiet transnazzjonali) u organizzazzjonijiet interprofessjonali fis-settur tal-akkwakultura, kif ukoll l-azzjonijiet li jieħdu dawn l-organizzazzjonijiet.

    ·Jippromwovu l-benefiċċji tal-istabbiliment ta’ OPs u ta’ organizzazzjonijiet interprofessjonali fost il-produtturi u l-operaturi fis-settur, kif ukoll ta’ attivitajiet transnazzjonali bejn l-OPs. Ikomplu jappoġġaw lil dawn l-organizzazzjonijiet, b’mod partikolari l-pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom, inkluż permezz ta’ finanzjament nazzjonali u tal-UE.

    ·Jippromwovi l-benefiċċji tal-istabbiliment ta’ OPs, ta’ organizzazzjonijiet interprofessjonali u ta’ attivitajiet transnazzjonali bejn l-OPs fost il-produtturi tal-akkwakultura. Jipprovdi appoġġ għal dan jekk ikun meħtieġ.

    2.1.6. Kontroll

    ·Jiżguraw li hemm l-għodod meħtieġa biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-prodotti tal-akkwakultura mill-qbid/ġbir tagħhom sal-bejgħ bl-imnut.

    ·Iħeġġu l-użu ta’ għodod diġitali u tal-intelliġenza artifiċjali biex jiżdiedu t-traċċabbiltà u t-trasparenza tal-prodotti tal-akkwakultura tul il-katina tal-valur.

     

    ·Iħeġġeġ l-użu ta’ għodod diġitali mis-settur tal-akkwakultura biex jiżdiedu t-traċċabbiltà u t-trasparenza.

    2.1.7. Diversifikazzjoni u żieda fil-valur

    Għal dan il-għan jistgħu jikkontribwixxu diversi azzjonijiet rakkomandati.

    Għal dan il-għan jistgħu jikkontribwixxu diversi azzjonijiet rakkomandati.

    Għal dan il-għan jistgħu jikkontribwixxu diversi azzjonijiet rakkomandati.

    2.2. PARTEĊIPAZZJONI FIT-TRANŻIZZJONI EKOLOĠIKA

    Qasam

    Il-Kummissjoni

    L-Istati Membri tal-UE

    Il-Kunsill Konsultattiv għall-Akkwakultura

    2.2.1. Prestazzjoni ambjentali

    ·Tiżviluppa dokument ta’ gwida dwar il-prestazzjoni ambjentali fis-settur tal-akkwakultura li jinkludi dan li ġej:

    (a)Gwida dwar l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti legali għas-settur stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE 4 , inkluża l-ġurisprudenza rilevanti.

    (b)L-identifikazzjoni ta’ indikaturi ambjentali u miri volontarji għall-prestazzjoni ambjentali, inkluż metodu ta’ referenza għad-determinazzjoni tal-impronta tal-karbonju tal-produzzjoni tal-akkwakultura kif ukoll l-impatt tagħha fuq l-ekosistemi.

    (c)L-immappjar ta’ prattiki tajbin fil-livell tal-gvern u tal-industrija li jkopri: l-użu ta’ għalf sostenibbli; l-effiċjenza enerġetika; it-tnaqqis tal-impronta tal-karbonju; it-tnaqqis tal-ammont ta’ ħut li jaħrab; l-użu ta’ sustanzi kimiċi u ta’ mediċini; kif jinkisbu siti tal-akkwakultura b’bilanċ tan-nutrijenti; l-approċċ ċirkolari u l-immaniġġjar tal-iskart; l-immaniġġjar tal-predaturi 5 ; u l-użu ta’ riżorsi akkwatiċi ġenetiċi u t-tnissil selettiv.

    (d)Il-ħolqien ta’ sistema ta’ monitoraġġ ta’ referenza għas-settur tal-akkwakultura biex jiġi vvalutat il-progress u jiġi ffaċilitat it-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati u l-ippjanar fit-tul. Is-sistema jenħtieġ tinkludi data dwar l-aspetti msemmija fil-paragrafi ta’ hawn fuq.

    ·Tappoġġa l-isforzi biex titnaqqas aktar l-impronta ambjentali tal-akkwakultura tal-UE.

    ·Tappoġġa d-diversifikazzjoni tal-akkwakultura tal-UE lejn tipi ta’ akkwakultura bi prestazzjoni ambjentali aħjar, fost l-oħrajn billi tiżgura qafas ta’ politika xieraq u tippermetti l-użu ta’ fondi tal-UE (fosthom biex jiżdied il-valur ta’ dan it-tip ta’ akkwakultura fis-suq u tul il-katina tal-valur).

    ·Taħdem biex jiġi limitat il-kontribut tal-akkwakultura għall-iskart fil-baħar billi: (i) timplimenta r-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-Plastik Li Jintuża Darba Biss; (ii) tappoġġa s-sostituzzjoni ta’ rkaptu tal-akkwakultura b’bażi ta’ plastik b’soluzzjonijiet sostenibbli u bl-addattament tas-siti biex jiġi minimizzat ir-rilaxx tal-materjal fl-ambjent; (iii) tiżgura l-ġbir separat tal-iskart; u (iv) tippromwovi l-innovazzjoni fl-imballaġġ ta’ prodotti tal-akkwakultura u ta’ prodotti pproċessati tal-akkwakultura.

    ·Tappoġġa l-applikazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-settur.

    ·Jippromwovu u jxerrdu l-gwida dwar il-prestazzjoni ambjentali żviluppata mill-Kummissjoni fost l-awtoritajiet kompetenti għall-akkwakultura u l-industrija tal-akkwakultura (inkluż permezz ta’ taħriġ), u jappoġġaw l-isforzi tal-industrija biex tadotta tali prattiki (inkluż bl-użu ta’ fondi tal-UE).

    ·Jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jintegraw l-aspetti ambjentali kollha fl-ippjanar u fil-liċenzjar tal-akkwakultura, filwaqt li jiżguraw implimentazzjoni u konformità totali mal-leġiżlazzjoni applikabbli. Dawn l-aspetti li għandhom jiġu integrati jinkludu: (i) l-iżvilupp ta’ mmappjar tas-sensittività tal-ispeċijiet u tal-ħabitats għall-pressjonijiet tal-akkwakultura; (ii) id-determinazzjoni tal-kapaċità ambjentali tas-siti skont kriterji oġġettivi; u (iii) l-iżvilupp ta’ ftehimiet u ta’ skemi għar-rotazzjoni tas-siti u għall-immaniġġjar taż-żoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ nutrijenti u ta’ materja organika).

    ·Jiżguraw monitoraġġ u rapportar xierqa dwar il-prestazzjoni ambjentali tas-settur, u jimplimentaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni applikabbli. Jippromwovu l-monitoraġġ u r-rapportar tal-indikaturi ambjentali mill-industrija.

    ·Jappoġġaw l-isforzi biex titnaqqas aktar l-impronta ambjentali tal-akkwakultura tal-UE

    ·Jappoġġaw id-diversifikazzjoni tal-akkwakultura tal-UE lejn tipi ta’ akkwakultura bi prestazzjoni ambjentali aħjar, fost l-oħrajn billi jiżguraw qafas ta’ politika xieraq u l-użu ta’ fondi tal-UE (fosthom biex jiżdied il-valur ta’ dan it-tip ta’ akkwakultura fis-suq u tul il-katina tal-valur).

    ·Jaħdmu biex il-kontribut tal-akkwakultura għall-iskart fil-baħar jiġi limitat billi: (i) jimplimentaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-Plastik Li Jintuża Darba Biss; (ii) jappoġġaw is-sostituzzjoni ta’ rkaptu tal-akkwakultura b’bażi ta’ plastik b’soluzzjonijiet sostenibbli u l-adattament tas-siti biex jiġi minimizzat ir-rilaxx tal-materjal fl-ambjent; (iii) jiżguraw il-ġbir separat tal-iskart; u (iv) jippromwovu l-innovazzjoni fl-imballaġġ tal-prodotti tal-akkwakultura u tal-prodotti pproċessati tal-akkwakultura.

    ·Jappoġġaw l-applikazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-settur.

    ·Jippromwovi l-implimentazzjoni tal-gwida dwar il-prestazzjoni ambjentali fis-settur tal-akkwakultura.

    ·Jippromwovi l-prevenzjoni tal-iskartar ta’ materjal fil-baħar mill-attivitajiet tal-akkwakultura.

    ·Jippromwovi l-monitoraġġ u r-rapportar tal-indikaturi ambjentali mill-industrija tal-akkwakultura.

    ·Jiżgura li l-produtturi tal-akkwakultura tal-UE jkunu infurmati dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni rilevanti biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tal-operazzjonijiet tal-akkwakultura.

    2.1.3 Trattament xieraq tal-annimali

    ·Tappoġġa l-iżvilupp ta’ kodiċi ta’ prattika tajba dwar it-trattament xieraq tal-ħut mill-Istati Membri tal-UE, mill-industrija tal-akkwakultura tal-UE, mill-korpi xjentifiċi tal-UE u mill-NGOs, abbażi ta’ riċerka u evidenza xjentifika, li jkopri t-trobbija, it-trasport u l-qtil. Jenħtieġ li dan il-kodiċi ta’ prattika tajba jixxandar sew 6 .

    ·Tappoġġa l-iżvilupp mill-Istati Membri tal-UE u mill-industrija tal-akkwakultura tal-UE ta’ indikaturi komuni, ivvalidati, speċifiċi għal kull speċi u verifikabbli, tal-benessri tal-ħut tul il-katina tal-produzzjoni, inkluż it-trasport u l-qtil. Jenħtieġ li parti minn dan l-appoġġ tinkludi appoġġ għar-riċerka 7 .

    ·Tappoġġa u tippromwovi r-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-benessri tal-annimali, filwaqt li tqis il-prijoritajiet identifikati mill-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka Agrikola (KPRA-Fish) 8 .

    ·Jappoġġaw u jippromwovu r-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tat-trattament xieraq tal-annimali, filwaqt li jqisu l-prijoritajiet identifikati mill-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka Agrikola (KPRA-Fish).

    ·Jappoġġaw l-iżvilupp ta’ għarfien u ħiliet mill-produtturi tal-akkwakultura dwar prattiki tajbin għall-benessri tal-ħut.

    ·Jappoġġa u jxandar il-kodiċi ta’ prattika tajba tat-trattament xieraq tal-ħut fost il-produtturi tal-akkwakultura.

    ·Jiżgura li l-produtturi tal-akkwakultura tal-UE jkunu infurmati dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni rilevanti dwar it-trattament xieraq tal-annimali.

    2.3. L-IŻGURAR TAL-AĊĊETTAZZJONI SOĊJALI U L-GĦOTI TA’ INFORMAZZJONI LILL-KONSUMATURI

    Qasam

    Il-Kummissjoni

    L-Istati Membri tal-UE

    Il-Kunsill Konsultattiv għall-Akkwakultura

     2.3.1. Komunikazzjoni dwar l-akkwakultura tal-UE

    ·Tiżviluppa fuljett faċli għall-utent li jispjega l-leġiżlazzjoni li s-settur tal-akkwakultura jeħtieġ jikkonforma magħha.

    ·Twettaq studju dwar l-ogħla livell ta’ informazzjoni xjentifika l-aktar riċenti dwar l-impatti (pożittivi u negattivi) tal-akkwakultura tal-UE mill-perspettiva ekonomika, ambjentali u soċjali sabiex tiffaċilita dibattitu infurmat sew.

    ·Torganizza konferenza tal-partijiet ikkonċernati wara l-adozzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni.

     

    ·Tiżviluppa għodod għal kampanja kkoordinata madwar l-UE dwar l-akkwakultura tal-UE biex jintużaw f’livell nazzjonali u f’livell reġjonali 9 .

    ·Qiegħda tivvaluta l-possibbiltà li jiġu ddefiniti standards għall-prodotti tal-akkwakultura fil-qafas tar-rieżami tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni.

    ·Wara l-pubblikazzjoni tar-rapport dwar ir-riżultati tal-applikazzjoni tar-Regolament dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (ir-Regolament dwar l-OKS), tqis jekk hemmx bżonn xi gwida jew azzjoni ta’ segwitu.

    ·Tesplora aktar ir-rwol tal-għodod ta’ diġitalizzazzjoni u tal-intelliġenza artifiċjali għat-traċċabbiltà u t-trasparenza tal-prodotti tal-akkwakultura.

     

    ·Jappoġġaw u jiżguraw ix-xandir fuq livell nazzjonali tal-kampanja kkoordinata fl-UE kollha dwar l-akkwakultura tal-UE, bl-involviment sħiħ tal-awtoritajiet reġjonali; tal-produtturi tal-akkwakultura; tal-bejjiegħa bl-imnut; u sa fejn possibbli, tal-NGOs u l-midja.

    ·Jippromwovu inizjattivi awtoregolatorji mis-settur tal-akkwakultura (eż. prattiki tajbin, kodiċi ta’ kondotta, u traċċabbiltà) u l-komunikazzjoni ta’ dawn l-inizjattivi lill-konsumatur. Jippromwovu marki kummerċjali u tikketti ta’ kwalità b’mekkaniżmi ta’ kontroll xierqa.

    ·Jippromwovu l-użu ta’għodod tad-diġitalizzazzjoni u tal-intelliġenza artifiċjali għat-traċċabbiltà u t-trasparenza tal-prodotti tal-akkwakultura.

    ·Jappoġġa u jiżgura x-xandir tal-kampanja kkoordinata madwar l-UE dwar l-akkwakultura tal-UE min-naħa tal-membri.

    ·Jippromwovi inizjattivi awtoregolatorji mis-settur tal-akkwakultura (eż. prattiki tajbin u kodiċi ta’ kondotta) u traċċabbiltà (inkluż l-użu ta’ għodod diġitali) u jikkomunika dawn l-inizjattivi lill-konsumatur. Jippromwovi l-użu ta’ marki kummerċjali u ta’ tikketti ta’ kwalità permezz ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll xierqa.

    ·Jippromwovi l-użu ta’ għodod tad-diġitalizzazzjoni u tal-intelliġenza artifiċjali għat-traċċabbiltà u t-trasparenza tal-prodotti tal-akkwakultura.

    2.3.2. Integrazzjoni fil-komunitajiet lokali

    ·Tipprovdi prattiki tajbin tal-involviment bikri tal-partijiet ikkonċernati lokali bħala parti mid-dokumenti ta’ gwida għall-ippjanar tal-ispazji u l-proċeduri amministrattivi 10 .

    ·Tiġbor prattiki tajbin għall-integrazzjoni tas-settur tal-akkwakultura fil-komunitajiet lokali, b’mod partikolari dwar l-iżvilupp ta’ sinerġiji ma’ setturi oħra u approċċ ta’ “ekonomija ċirkolari”. Tippromwovi tali prattiki, inkluż permezz tal-pjattaforma online tal-Akkwakultura tal-UE msemmija f’din il-Komunikazzjoni.

    ·Jiżguraw l-involviment bikri tal-partijiet ikkonċernati lokali skont il-prattiki tajbin mogħtija mill-Kummissjoni bħala parti mid-dokumenti ta’ gwida għall-ippjanar tal-ispazji u l-proċeduri amministrattivi.

    ·Jippromwovu l-integrazzjoni tas-settur tal-akkwakultura fil-komunitajiet lokali u l-iżvilupp ta’ sinerġiji ma’ setturi oħra, filwaqt li jqisu l-prattiki tajbin miġbura mill-Kummissjoni.

    ·Ixerred fost il-membri l-prattiki tajbin għall-integrazzjoni tas-settur tal-akkwakultura fil-komunitajiet lokali.

    ·Jippromwovi fost il-membri l-involviment tal-partijiet ikkonċernati lokali mill-industrija tal-akkwakultura fl-attivitajiet tagħhom, kif ukoll il-ħtieġa li jintwerew il-benefiċċji konkreti ta’ dawk l-attivitajiet lill-komunitajiet lokali, inkluż permezz ta’ aktar trasparenza.

    2.3.3. Data u monitoraġġ

    ·Timmappja l-obbligi ta’ rapportar għas-settur tal-akkwakultura skont partijiet differenti tal-leġiżlazzjoni tal-UE 11 .

    ·Tidentifika u tiddefinixxi l-indikaturi ambjentali li jridu jiġu rapportati mill-Istati Membri dwar l-akkwakultura.

    ·Tirrieżamina u fejn xieraq taġġusta l-ġbir tad-data dwar l-akkwakultura.

    ·Jippreżentaw data lill-Kummissjoni dwar l-akkwakultura tal-ilma ħelu kif ukoll l-indikaturi ambjentali li għalihom il-ġbir u r-rapportar huma meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    ·Jimplimentaw l-obbligi rieżaminati dwar il-ġbir tad-data dwar l-akkwakultura skont il-Qafas għall-Ġbir tad-Data (il-Programm Pluriennali tal-UE għall-Ġbir tad-Data li japplika mill-2022).

    ·Iħeġġu lill-industrija u lill-assoċjazzjonijiet tal-industrija jieħdu impenji volontarji biex jirrapportaw lill-awtoritajiet nazzjonali u jippubblikaw id-data ambjentali, inkluż dwar il-ħut li jkun ħarab u dwar l-użu ta’ mediċini veterinarji.

     

    ·Iħeġġeġ lill-industrija u lill-assoċjazzjonijiet tal-industrija jieħdu impenji volontarji biex jirrapportaw lill-awtoritajiet nazzjonali u jippubblikaw id-data ambjentali, inkluż dwar il-ħut li jkun ħarab u dwar l-użu ta’ mediċini veterinarji.

    2.4. JIŻDIEDU L-GĦARFIEN U L-INNOVAZZJONI

    Qasam

    Il-Kummissjoni

    L-Istati Membri tal-UE

    Il-Kunsill Konsultattiv għall-Akkwakultura

    ·Bħala parti mill-pjattaforma online tal-akkwakultura tal-UE msemmija f’dawn il-linji gwida, tistabbilixxi sit fejn jiġu rreġistrati u ppubblikati r-riżultati tal-proġetti  ta’ riċerka kollha ffinanzjati mill-UE dwar l-akkwakultura.

    ·Trawwem l-iżvilupp u t-tqabbil tal-elementi b’saħħithom fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni – fl-Istati Membri u fir-reġjuni, kif ukoll tal-opportunitajiet kummerċjali relatati, inkluż permezz ta’ Strateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti mmirati lejn il-bini ta’ ktajjen ta’ valur sħiħ madwar l-UE.

    ·Trawwem il-ħolqien u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ disseminazzjoni u sfruttament b’saħħithom għal proġetti ffinanzjati ta’ riċerka u innovazzjoni.

    ·Tappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni dwar l-akkwakultura sostenibbli, b’mod partikolari permezz ta’ Orizzont Ewropa u l-prijoritajiet identifikati tiegħu.

    ·Tappoġġa (inkluż bl-użu tal-finanzjament tal-UE) l-iżvilupp tal-ħiliet fis-settur tal-akkwakultura 12 .

    ·Jistabbilixxu qafas ta’ kooperazzjoni li jlaqqa’ flimkien lill-awtoritajiet pubbliċi, lill-industrija, u lill-istituzzjonijiet tar-riċerka u tal-edukazzjoni, u jippromwovu l-iżvilupp ta’ clusters għall-akkwakultura 13 .

    ·Ixandru l-informazzjoni dwar il-proġetti ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni nazzjonali kif ukoll ir-riżultati tagħhom.

    ·Jappoġġaw (inkluż bl-użu ta’ finanzjament tal-UE) l-iżvilupp tal-ħiliet fis-settur tal-akkwakultura u t-taħriġ regolari tal-professjonisti fil-qasam tal-akkwakultura.

    ·Jikkoordinaw u jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni skont il-prijoritajiet identifikati, fosthom dawk il-prijoritajiet riflessi fir-rapporti tal-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka Agrikola (KPRA-Fish).

    ·Jappoġġaw it-tisħiħ u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prattiki innovattivi fis-settur tal-akkwakultura.

    ·Iħeġġeġ lill-produtturi u lil partijiet interessati oħrajn fil-qasam tal-akkwakultura biex jaħdmu flimkien mal-istituti tar-riċerka u tal-innovazzjoni u mal-awtoritajiet pubbliċi biex isibu soluzzjonijiet għall-isfidi marbuta mal-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura tal-UE.

    ·Ixandar l-informazzjoni dwar il-proġetti ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni kif ukoll ir-riżultati tagħhom fost il-membri.

    ·Jippromwovi l-adozzjoni tal-innovazzjoni eżistenti mill-industrija tal-akkwakultura tal-UE.

    ·Jippromwovi fis-settur tal-akkwakultura t-taħriġ regolari tal-professjonisti fil-qasam tal-akkwakultura, b’mod partikolari dwar kif jinkorporaw prattiki innovattivi.

    FINANZJAMENT

    Qasam

    Il-Kummissjoni

    L-Istati Membri tal-UE

    Il-Kunsill Konsultattiv għall-Akkwakultura

    Finanzjament 

    ·Tipprovdi idea ġenerali tal-firxa wiesgħa ta’ programmi ta’ finanzjament tal-UE disponibbli 14 .

    ·Tiżgura koerenza, sinerġiji u komplementarjetà b’appoġġ għall-akkwakultura taħt il-fondi differenti tal-UE ġestiti mill-Kummissjoni.

    ·Tiżgura li l-informazzjoni dwar il-proġetti ffinanzjati fis-settur tingħata pubblikament u regolarment.

    ·Tqis il-prijoritajiet stabbiliti skont din il-Komunikazzjoni fir-rigward ta’ impenji dwar il-programmazzjoni u n-nefqa tal-fondi tal-UE.

    ·Tkompli tappoġġa l-investiment f’soluzzjonijiet innovattivi u sostenibbli għas-settur tal-akkwakultura permezz tal-inizjattiva BlueInvest u InvestEU.

    ·Jikkoordinaw l-ippjanar, l-impenji u n-nefqa fuq l-akkwakultura taħt fondi differenti taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali, filwaqt li jiżguraw il-koerenza, is-sinerġiji u l-komplementarjetà bejniethom.

    ·Jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-proġetti ffinanzjati f’dan is-settur tingħata pubblikament u regolarment.

    ·Iqisu l-prijoritajiet stabbiliti skont dawn il-linji gwida waqt l-ipprogrammar tal-appoġġ taħt fondi nazzjonali u tal-UE.

    ·Jappoġġaw l-investiment f’soluzzjonijiet innovattivi u sostenibbli għas-settur tal-akkwakultura.

    ·Jippromwovi fost il-produtturi tal-akkwakultura tal-UE u fost partijiet ikkonċernati oħra l-użu ta’ fondi u għodod eżistenti biex jiġi attirat l-investiment għall-implimentazzjoni tal-objettivi stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni.

    (1)

    Jenħtieġ li din il-gwida tqis: (i) l-esperjenzi kondiviżi mill-Istati Membri tal-UE fil-kuntest tal-MMK; (ii) ir-riżultati tar-riċerka ffinanzjata mill-UE; u (iii) il-ħidma mwettqa fil-kuntest tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran u l-Baħar l-Iswed (GFCM) tal-FAO. Ara “A guide for the establishment of coastal zones dedicated to aquaculture in the Mediterranean and the Black Sea” ( www.fao.org/3/ca7041en/CA7041EN.pdf ) . Proġetti ffinanzjati mill-UE bħall-AquaSpace ( http://www.aquaspace-h2020.eu/ ) u TAPAS ( http://tapas-h2020.eu/ ) żviluppaw għodod għall-identifikazzjoni ta’ siti speċifiċi għall-attivitajiet tal-akkwakultura. Wieħed mill-proġetti l-oħrajn iffinanzjati mill-UE rilevanti għall-ippjanar tal-ispazju għall-akkwakultura huwa l-MUSES, li wettaq diversi studji ta’ każijiet, fosthom studju tal-każ fil-Baħar Baltiku (ilmijiet Daniżi) iddedikat għall-kombinazzjoni tal-“produzzjoni tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta u l-marikultura” ( https://muses-project.com/wp-content/uploads/sites/70/2018/02/ANNEX-8-CASE-STUDY-5.pdf ).

    (2)

    Il-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka Agrikola (KPRA-Fish) identifika l-prijoritajiet għar-riċerka dwar il-“prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-mard fl-akkwakultura” ( https://scar-europe.org/index.php/fish-documents ) . L-Istrateġija “Mill-għalqa sal-Platt” tirreferi għall-mikrobijoma bħala qasam ewlieni għar-riċerka li għandu jiġi appoġġat mill-programm Orizzont Ewropa.

    (3)

    Jenħtieġ li din il-gwida tqis is-sejbiet tal-proġetti ffinanzjati mill-UE rilevanti, bħal pereżempju SOCLIMPACT ( https://soclimpact.net ), CERES ( https://ceresproject.eu ) u ClimeFish ( https://climefish.eu/ ). Ir-rakkomandazzjonijiet żviluppati bħala parti mill-proġett ClimeFish huma mmirati speċifikament għall-akkwakultura tal-baħar, iżda huma rilevanti anke għall-produzzjoni tal-lagi u tal-għadajjar tal-ilma ħelu. Dan il-proġett żviluppa qafas ta’ appoġġ għad-deċiżjonijiet (DSF) li jikkonsisti minn għodda elettronika biex jappoġġa l-proċessi tal-ippjanar, fosthom data u prattiki tajbin. Nieda wkoll standard Ewropew għall-pjanijiet settorjali ta’ adattament għat-tibdil fil-klima.

    (4)

    Jenħtieġ ukoll li jkun hemm aktar disseminazzjoni tad-dokumenti ta’ gwida tal-Kummissjoni bħal pereżempju Guidance on Aquaculture and Natura 2000.

    (5)

     Pereżempju, jenħtieġ li jkun hemm tixrid wiesa’ tal-istrument tal-INTERCAFE għall-immaniġġjar tal-margun dwar metodi għat-tnaqqis ta’ problemi relatati mal-margun fis-sajd Ewropew. Ara https://ec.europa.eu/environment/nature/margun/files/Cormorant_Toolbox_web_version.pdf .

    (6)

    Jenħtieġ li dan il-kodiċi jqis il-ħidma fuq inizjattiva proprja tas-sottogrupp tal-Pjattaforma dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali tad-DĠ SANTE u l-opinjonijiet rilevanti tal-EFSA.

    (7)

     Il-proġett PerformFish tal-programm Orizzont 2020 ( http://performfish.eu/ ) jaħdem, fost affarijiet oħra, fuq il-validazzjoni ta’ indikaturi operazzjonali tal-benessri li huma direttament rilevanti għall-pixxikulturi tal-ispnott u tal-awrat fil-Mediterran.

    (8)

    KPRA-Fish identifika l-prijoritajiet għar-riċerka dwar il-benessri tal-ħut ( https://scar-europe.org/index.php/fish-documents ).

    (9)

    Jenħtieġ li l-iżvilupp ta’ dawn l-għodod iqis l-esperjenza miksuba mill-kampanja ‘Farmed in the EU’ (Imrobbija fl-UE).

    (10)

    Il-proġett Mediterranean Aquaculture Integrated Development (MedAID) iffinanzjat mill-UE qed jistudja modi kif il-partijiet ikkonċernati lokali jistgħu jiġu involuti fl-iżvilupp tal-akkwakultura (ara http://www.medaid-h2020.eu/index.php/wp7-social-acceptability-and-governance ).

    (11)

    Dawn jinkludu: (i) id-data miġbura mill-Eurostat skont ir-Regolament (KE) 762/2008 dwar il-preżentazzjoni mill-Istati Membri tal-istatistika dwar l-akkwakultura; (ii) id-data miġbura skont ir-Regolament Qafas għall-Ġbir tad-Data (ir-Regolament (UE) 2017/1004); u (iii) id-data miġbura skont il-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa tal-annimali jew il-leġiżlazzjoni dwar il-produzzjoni organika.

    (12)

    Il-Kummissjoni ffinanzjat proġetti dwar l-iżvilupp tal-ħiliet fis-settur tal-akkwakultura tal-UE taħt l-azzjoni Karrieri Blu tal-FEMS (eż. Entrefish ( http://www.entrefish.eu/?page_id=3554&lang=en ). Permezz tal-programm Erasmus+ iffinanzjat ukoll aktar minn 100 proġett relatat mal-akkwakultura (ara https://ec.europa.eu/programs/erasmus-plus/projects_en ) . Madankollu, jenħtieġ li jsir aktar fil-futur.

    (13)

    L-inizjattivi ta’ clusters tal-UE mnedija fil-qafas tal-programm COSME biex jappoġġaw l-innovazzjoni u t-tkabbir tal-SMEs huma eżempju tajjeb ta’ avvanzi f’dan il-qasam; eż. il-cluster Franċiż ta’ riżorsi tal-akkwakultura u tal-baħar, li jlaqqa’ flimkien aktar minn 170 membru (fosthom aktar minn 60 SME).

    (14)

    Pereżempju: il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), u l-FEMSA (Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura) futur, l-Orizzont 2020, u Orizzont Ewropa, il-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE+), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME), u l-Programm Ewropew ta’ Osservazzjoni tad-Dinja (Copernicus).

    Top