Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021BP1678

    Riżoluzzjoni (UE) 2021/1678 tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ April 2021 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Shift2Rail għas-sena finanzjarja 2019

    ĠU L 340, 24.9.2021, p. 503–506 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2021/1678/oj

    24.9.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 340/503


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1678 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tad-29 ta’ April 2021

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Shift2Rail għas-sena finanzjarja 2019

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Shift2Rail għas-sena finanzjarja 2019,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0111/2021),

    A.

    billi l-Impriża Konġunta Shift2Rail (l-"Impriża Konġunta") ġiet stabbilita f'Ġunju 2014 għal perjodu ta' 10 snin mir-Regolament (UE) Nru 642/2014;

    B.

    billi l-membri fundaturi huma l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u s-sħab fl-industrija ferrovjarja (partijiet ikkonċernati ewlenin, inklużi l-manifatturi ta' tagħmir ferrovjarju, il-kumpaniji ferrovjarji, il-maniġers tal-infrastruttura u ċ-ċentri tar-riċerka) bil-possibbiltà li entitajiet oħra jipparteċipaw fl-Impriża Konġunta bħala membri assoċjati; billi l-kontribuzzjonijiet tal-membri minbarra l-Unjoni m'għandhomx ikunu limitati biss biex ikopru l-ispejjeż amministrattivi u l-kofinanzjament meħtieġ biex jitwettqu azzjonijiet ta' riċerka u innovazzjoni, iżda għandhom ikunu relatati wkoll ma' attivitajiet addizzjonali;

    C.

    billi l-objettivi ewlenin tal-Impriża Konġunta huma li tikkontribwixxi għall-kisba taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea, u li ttejjeb l-attraenza, il-kompetittività, is-sostenibbiltà, u l-integrazzjoni tas-sistema ferrovjarja Ewropea, billi tiffaċilita, fost affarijiet oħra, bidla modali mit-trasport bit-triq u bl-ajru għat-trasport ferrovjarju;

    D.

    billi l-Impriża Konġunta bdiet taħdem b'mod awtonomu f'Mejju 2016;

    Kwistjonijiet ġenerali

    1.

    Jinnota li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2019 (ir-"rapport tal-Qorti"), jikkonstata li l-kontijiet annwali huma ppreżentati b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, fir-rigward tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta fil-31 ta' Diċembru 2019 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li kienet għadha kemm intemmet, b'konformità mar-Regolament Finanzjarju tagħha u mar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni; jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet sottostanti tal-kontijiet huma, fl-aspetti materjali kollha, legali u regolari;

    2.

    Jinnota li, għall-perjodu stabbilit fir-Regolament, il-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta hija ta' EUR 450 000 000 (inklużi l-kontribuzzjonijiet tal-EFTA), li għandhom jitħallsu minn Orizzont 2020; jinnota li l-membri kollha tal-Impriża Konġunta minbarra l-Unjoni (grupp industrijali) għandhom jikkontribwixxu riżorsi ta' mill-inqas EUR 470 000 000, li jikkonsistu f'mill-inqas EUR 350 000 000 f'kontribuzzjonijiet in natura u fi flus għall-ispejjeż operattivi u amministrattivi tal-Impriża Konġunta, u mill-inqas EUR 120 000 000 f'kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet addizzjonali tal-Impriża Konġunta;

    3.

    Jinnota li jeżistu proċeduri differenti fost l-Impriżi Konġunti biex jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-membri privati tal-Impriża Konġunta; jappella għall-armonizzazzjoni tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet in natura fost l-Impriżi Konġunti; il-proċedura komuni għandha tipprevedi metodi ta' evalwazzjoni trasparenti u effikaċi li jiżguraw il-valur reali tal-kontribuzzjoni; jistieden lill-Qorti tipprovdi l-iskrutinju tal-awditi mwettqa mill-awdituri indipendenti esterni; jappella wkoll għal qafas ġuridiku xieraq li jiżgura li l-ammont meħtieġ tal-kontribuzzjoni finanzjarja jinkiseb sa tmiem il-programm; jinnota li l-qafas ġuridiku jista' jinkludi rekwiżiti biex il-kontribuzzjoni privata titħallas qabel jew fl-istess mument bħall-kontribuzzjoni korrispondenti tal-Unjoni;

    4.

    Jinnota li, b'kollox, aktar minn 400 entità pubblika u privata, li jirrappreżentaw is-settur ferrovjarju, jipparteċipaw fl-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni Shift2Rail;

    5.

    Jenfasizza l-kontribut tal-Impriża Konġunta biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jilqa', f'dan ir-rigward, l-isforzi ta' riċerka u innovazzjoni ta' Shift2Rail biex tinkiseb sistema ferrovjarja aktar sostenibbli, diġitali, kompetittiva, affidabbli u attraenti fl-Ewropa;

    6.

    Jappoġġja l-proposta biex tiġi stabbilita Sħubija Ferrovjarja Ewropea għar-riċerka u l-innovazzjoni li tibni fuq is-suċċess tal-Impriża Konġunta; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu esplorati opportunitajiet għall-finanzjament ta' programmi u proġetti fl-ambitu ta' programmi tal-Unjoni bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Pjan Ewropa Diġitali, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni, kif ukoll li jiġu żviluppati sinerġiji bejn is-Sħubija l-ġdida u l-mekkaniżmi ta' finanzjament eżistenti;

    7.

    Jemmen li s-suċċessur ta' Shift2Rail għandu jinkludi fil-programm ta' riċerka ħidma konġunta ma' modi oħra ta' trasport sabiex titwitta t-triq lejn trasport mingħajr xkiel u integrat; jirrimarka li l-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tas-settur ferrovjarju għandhom ikunu waħda mill-prijoritajiet tas-suċċessur ta' Shift2Rail;

    8.

    Jistieden lill-Kummissjoni tassigura li l-programm futur ta' attivitajiet tal-Impriża Konġunta jirrispetta r-rekwiżiti u l-objettivi previsti mid-dritt tal-Unjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u li jsegwi l-istrateġiji fil-qasam imfassla kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-industrija;

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    9.

    Jinnota li l-baġit finali disponibbli fl-2019, inklużi l-approprjazzjonijiet mhux użati li ddaħħlu mill-ġdid mis-snin preċedenti, id-dħul assenjat u r-riallokazzjonijiet għas-sena ta' wara, kien jinkludi approprjazzjonijiet ta' impenn ta' EUR 83 071 000 u approprjazzjonijiet ta' pagament ta' EUR 81 563 000; jinnota li fl-2019, ir-rati ta' utilizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament disponibbli kienu 97 % u 86 % rispettivament;

    10.

    Jinnota li l-baġit attiv ta' Orizzont 2020 tal-Impriża Konġunta disponibbli fl-2019 kien ta' EUR 80 197 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' EUR 78 569 000 f'approprjazzjonijiet ta' pagament; jinnota, barra minn hekk, mir-rapport tal-Qorti, li fi tmiem l-2019, l-Impriża Konġunta implimentat 100 % tal-approprjazzjonijiet ta' impenn u 88 % tal-approprjazzjonijiet ta' pagament disponibbli għall-proġetti ta' Orizzont 2020, u li l-pagamenti ta' prefinanzjament għall-proġetti ta' Orizzont 2020 magħżula fl-ambitu tas-sejħa għall-proposti tal-2019 ammontaw għal 65 % tal-valur tal-pagamenti operattivi li saru matul is-sena;

    11.

    Jinnota li għal Orizzont 2020 fi tmiem l-2019, il-membri tal-industrija għamlu total ta' EUR 76 827 000 f'kontribuzzjonijiet validati, li jinkludu total ta' EUR 68 645 000 f'kontribuzzjonijiet in natura validati, u addizzjonalment kontribuzzjoni in natura totali għal attivitajiet addizzjonali ta' EUR 182 506 000, meta mqabbla mal-kontribuzzjoni fi flus totali tal-Unjoni ta' EUR 221 743 000;

    12.

    Jinnota li, fl-2019, l-Impriża Konġunta żammet u ffirmat 17-il ftehim ta' għotja (minn 48 proposta li rċeviet) li rriżultaw mis-sejħa għall-proposti tal-2019, u li suġġett wieħed ma kienx kopert; barra minn hekk, jinnota li, b'kollox, l-għotjiet mogħtija u ffirmati se jiffinanzjaw attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni sa EUR 74 760 000 minn valur totali ta' EUR 148 551 000, u li f'dan ir-rigward, il-membri l-oħra (il-membri fundaturi minbarra l-Unjoni u l-membri assoċjati) qablu li jillimitaw it-talbiet tagħhom għall-finanzjament għal 44,44 % tal-ispiża totali tal-proġett (jiġifieri nett ta' 41,44 % għal membru ieħor wara li jitqiesu l-obbligi tiegħu); jinnota li fis-sejħa tal-2019, ħadu sehem 90 intrapriża żgħira u ta' daqs medju (SMEs) (20 %) u li 40 SME nżammu għall-finanzjament (44,4 %), u barra minn hekk li l-SMEs jirrappreżentaw 30 % tal-entitajiet magħżula fil-proġetti ta' sejħiet miftuħa; jinnota li żewġ għotjiet relatati mas-sejħa tal-2018 ġew iffirmati fl-ewwel trimestru tal-2019;

    13.

    Jinnota li fi tmiem l-2019, kienu għaddejjin 72 proġett (32 sejħa għall-membri u 40 sejħa miftuħa): tqassmu 56 proġett fuq is-6 programmi ta' innovazzjoni, 10 proġetti fuq l-attivitajiet trasversali, u 6 proġetti fil-Programm ta' Innovazzjoni X;

    Prestazzjoni

    14.

    Jinnota li l-Impriża Konġunta tuża l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni speċifiċi għal Orizzont 2020 għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni u l-kwistjonijiet trażversali, kif ukoll indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni speċifiċi għall-Impriża Konġunta, bħal dawk għall-effiċjenza tas-sistema tat-trasport ferrovjarju; jinnota li, matul l-2019, l-Impriża Konġunta kompliet il-ħidma fuq il-verżjoni li jmiss tal-mudell tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (ippreżentata fl-2018 bħala Verżjoni 1), u li l-Verżjoni 2.0 tal-għodda bbażata fuq il-web tal-mudell tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni ġiet ippreżentata waqt il-laqgħa tal-bord tat-tmexxija f'Novembru 2019;

    15.

    Jitlob li l-Impriża Konġunta teżamina mill-ġdid l-istrateġija ta' komunikazzjoni tagħha biex tiżgura li l-partijiet ikkonċernati rilevanti jkunu konxji mill-missjoni, l-attivitajiet u l-kisbiet tagħha.

    16.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Qorti jiżviluppaw metodu approfondit li jsegwi l-prestazzjoni bl-għan li jiġi evalwat il-valur miżjud tal-Impriża Konġunta u li jinkludi l-impatt soċjali u fuq l-impjiegi kif ukoll l-impatt fuq is-suq; ir-riżultati tal-evalwazzjoni għandhom jintużaw għall-futur jew għat-tqassim mill-ġdid tal-finanzjament tal-Unjoni;

    17.

    Jinnota li, sa tmiem l-2019, twettaq aktar minn 50 % tal-Programm tal-Impriża Konġunta dwar l-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni bl-għan li jinkiseb il-Livell 6/7 ta' Tħejjija Teknoloġika fir-rigward tad-dimostrazzjonijiet operattivi (ippjanati li jiġu konklużi fl-2022), u li b'mod ġenerali, il-proġetti kollha wettqu l-attivitajiet ippjanati, bi 8 dimostraturi teknoloġiċi/oqsma ta' ħidma biss li wettqu inqas minn 80 % tal-attivitajiet ippjanati tagħhom fis-sena (li minnhom dimostratur teknoloġiku wieħed kien taħt il-50 %), u barra minn hekk li l-Impriża Konġunta bdiet l-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni tas-sejħa tal-2019;

    18.

    Jinnota li l-attivitajiet attwali tal-Impriża Konġunta mixjin 'il quddiem lejn id-dimostrazzjonijiet tagħhom fl-2022, li huma l-elementi kostitwenti ta' trasformazzjoni ferrovjarja aktar sistemika li hija mmexxija strateġikament mill-Aġenda ta' Diġitalizzazzjoni u l-Patt Ekoloġiku tal-Kummissjoni, u li f'Settembru 2019, ġiet organizzata l-ewwel sessjoni ta' skambju ta' ideat dwar is-sħubija li jmiss u l-ambizzjoni tas-settur ferrovjarju bil-Kummissjoni li tipparteċipa bħala osservatur; barra minn hekk, jinnota li l-Impriża Konġunta kkontribwiet għall-valutazzjoni tal-impatt ta' Shift2Rail ikkoordinata mid-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u għall-"Analiżi ta' appoġġ għad-definizzjoni tas-sħubija futura tar-riċerka u l-innovazzjoni ferrovjarja fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss" ikkoordinata mid-Direttorat Ġenerali għall-Mobilità u t-Trasport, u appoġġjat l-iżvilupp ta' dokument ta' livell għoli dwar is-suċċessur ta' Shift2Rail; jinnota li f'Ottubru 2019, l-Impriża Konġunta ppreżentat il-Katalgu tas-Soluzzjonijiet, li jenfasizza l-benefiċċji tas-soluzzjonijiet Shift2Rail għall-utenti finali, l-operaturi, il-maniġers u/jew il-fornituri tal-infrastruttura, kif ukoll jispeċifika d-dati ta' konsenja;

    19.

    Jinnota li, matul l-2019, l-Impriża Konġunta għamlet progress biex tilħaq il-miri tagħha, twettaq l-implimentazzjoni tal-Programm Shift2Rail u tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba li tkun effikaċi u effiċjenti; jinnota li huwa stmat li l-ispiża totali tal-proġett tal-attivitajiet imwettqa fl-2019 hija ta' EUR 117,5-il miljun (li minnhom EUR 98,9 miljun ġew ipprovduti minn membri oħra);

    20.

    Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, fi tmiem l-2019, ir-rata ta' implimentazzjoni tal-programm Orizzont 2020 kienet ta' 78 % fir-rigward tal-proċeduri tas-sejħiet għall-attivitajiet assenjati lill-Impriża Konġunta;

    21.

    Iqis li jeħtieġ li l-kwistjoni tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali tiġi indirizzata fil-kuntratti kollha li jistgħu jipproduċu eżitu jew riżultat intiż tal-prestazzjoni; l-għan tagħha huwa li tissalvagwardja d-drittijiet tal-kreaturi individwali, iżda tipprovdi wkoll dettalji dwar kif id-drittijiet se jintużaw fil-futur; peress li l-attività hija ffinanzjata wkoll bi flejjes pubbliċi, ir-riżultati għandhom ikunu trasparenti, aċċessibbli għall-pubbliku u suġġetti għal rekwiżiti speċjali, pereżempju l-interoperabbiltà, jekk ikun meħtieġ; jitlob lill-Kummissjoni għal qafas ġuridiku fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u tal-implimentazzjoni tagħhom fis-suq, inklużi rekwiżiti speċjali u tqassim tal-profitti;

    Persunal u akkwist

    22.

    Jinnota li fil-31 ta' Diċembru 2019, imtlew 24 pożizzjoni tal-persunal, li kienu jinkludu 3 esperti nazzjonali sekondati, 5 aġenti temporanji, u 16-il aġent kuntrattwali skont it-tabella tal-persunal, u, barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-operazzjonijiet, l-Impriża Konġunta wettqet proċess ta' reklutaġġ eċċezzjonali għal aġent kuntrattwali għal sena biex tissostitwixxi aġent temporanju assenti fit-tul, kif previst fir-Regolament tal-Persunal; jinnota d-dawran għoli tal-persunal tal-Impriża Konġunta u li dan huwa dovut għall-fatt li, għall-kuntrarju ta' kważi l-Istituzzjonijiet, l-Aġenziji u l-Impriżi Konġunti l-oħra kollha tal-Unjoni, l-Impriża Konġunta għandha Tabella tal-Persunal li tipprevedi li 25 % tal-pożizzjonijiet ikunu aġenti temporanji u 75 % tal-pożizzjonijiet ikunu aġenti kuntrattwali;

    23.

    Jinnota li, skont ir-rapport ta' attività annwali tal-2019 tal-Impriża Konġunta, l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li jirrigwardaw il-bilanċ bejn is-sessi għal dik is-sena juru perċentwal baxx ħafna ta' nisa - 16 % biss - fuq il-bord, filwaqt li kienu jirrappreżentaw 33 % tar-rappreżentanti tal-Impriża Konġunta u 33 % tal-Kumitat Xjentifiku;

    24.

    Jinnota li fl-2019 l-Impriża Konġunta ħarġet sejħiet għall-offerti għall-operaturi ferrovjarji u s-servizzi ta' appoġġ tal-Impriża Konġunta, b'konformità mal-prinċipji tar-Regolament Finanzjarju u l-gwida mogħtija mill-Kummissjoni, u li fi tmiem l-2019, żewġ offerti kienu għadhom iridu jiġu finalizzati;

    Awditu intern

    25.

    Jinnota li fl-2019 is-servizz tal-awditjar intern wettaq awditu dwar il-proċess ta' għotja mill-identifikazzjoni tas-suġġetti tas-sejħiet sal-iffirmar tal-ftehim ta' għotja, u li, wara r-Rapport tal-Awditjar Finali f'Ottubru 2019, is-servizz tal-awditjar intern irrikonoxxa l-isforzi kontinwi li saru mill-Impriża Konġunta biex tissorvelja b'mod strett it-tul tal-fażi ta' tħejjija tal-għotja biex jiġi żgurat li l-mira ta' "żmien għall-għotja" tal-Orizzont 2020 tiġi rrispettata; jinnota li l-Impriża Konġunta bdiet timplimenta attivitajiet ta' rimedju kif definiti fil-Pjan ta' Azzjoni għall-erba' rakkomandazzjonijiet importanti lill-maniġment;

    26.

    Jinnota li sa tmiem l-2019, l-Impriża Konġunta rrapportat ir-rakkomandazzjonijiet kollha, li rriżultaw mir-rieżami limitat tal-implimentazzjoni tal-istandards ta' kontroll intern tal-2018, bħala implimentati;

    Kontrolli interni

    27.

    Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Impriża Konġunta waqqfet proċeduri ta' kontroll ex ante affidabbli bbażati fuq eżamijiet dokumentarji finanzjarji u operattivi u li hija obbligata timplimenta l-qafas ta' kontroll intern il-ġdid tal-Kummissjoni bbażat fuq 17-il prinċipju ta' kontroll intern; jinnota, barra minn hekk, li, skont ir-rapport tal-Qorti, fi tmiem l-2019, l-Impriża Konġunta diġà lestiet analiżi tal-lakuni bbażata fuq is-sistema ta' kontroll intern eżistenti u żviluppat indikaturi għall-valutazzjoni tal-effettività tal-prinċipji l-ġodda tal-kontroll intern u l-karatteristiċi relatati;

    28.

    Jinnota li f'April 2019, l-Impriża Konġunta vvalutat l-attivitajiet tagħha ta' riċerka u innovazzjoni permezz tat-tielet eżerċizzju ta' kontroll li kkunsidra r-riżultati tanġibbli u r-rapporti ppreżentati fil-kuntest tar-Rieżami Annwali tal-Proġetti tal-2015-2016 u tal-2017 ikkoordinati mill-membri l-oħra, filwaqt li jiżgura wkoll li r-rakkomandazzjonijiet li saru matul il-valutazzjoni preċedenti ta' kontroll ġew applikati kif suppost; jinnota, barra minn hekk, li l-kwalità ta' xi riżultati tanġibbli ppreżentati ma kinitx ta' standard xieraq, li l-Impriża Konġunta talbet diversi sottomissjonijiet mill-ġdid ta' riżultati tanġibbli u ssospendiet rapporti tekniċi u finanzjarji, u li dan il-proċess għadu partikolarment eżiġenti peress li ma jista' jsir l-ebda ppjanar minn qabel; jinnota li fl-2019, l-Impriża Konġunta mexxiet, f'xi proġetti, proċess ġdid ta' rieżami kontinwu għar-riżultati tanġibbli flimkien ma' kontroll fil-mument tar-rieżami annwali, li kien meqjus bħala suċċess; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrapporta dwar kwalunkwe żvilupp f'dak ir-rigward;

    29.

    Jinnota li l-Impriża Konġunta kompliet timplimenta l-Istrateġija Shift2Rail Kontra l-Frodi 2017-2020 li tikkomplementa l-istrateġija Orizzont 2020; jinnota, barra minn hekk, li ħames indikaturi jintużaw biex isir rappurtar dwar ir-riżultati tal-attivitajiet ta' prevenzjoni u identifikazzjoni tal-frodi, u li l-Pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni, li jkopri l-istadji differenti taċ-ċiklu ta' kontra l-frodi (prevenzjoni, identifikazzjoni, investigazzjoni u miżuri korrettivi) ġie rivedut fl-2019;

    30.

    Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, is-Servizz tal-Awditjar Komuni tal-Kummissjoni (CAS) huwa responsabbli għall-awditu ex post tal-pagamenti ta' Orizzont 2020 magħmula mill-Impriża Konġunta u li abbażi tar-riżultati tal-awditu ex post disponibbli fi tmiem l-2019, l-Impriża Konġunta rrapportat rata ta' żball rappreżentattiva ta' 1,54 % u rata ta' żball residwu ta' 0,91 % għall-proġetti ta' Orizzont 2020 (ikklirjar u pagamenti finali); jinnota mill-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar Orizzont 2020 li riskju ta' żball, fuq bażi annwali, f'firxa ta' bejn 2 % u 5 % huwa objettiv realistiku, filwaqt li jitqiesu l-ispiża tal-kontrolli, il-miżuri ta' simplifikazzjoni proposti biex titnaqqas il-kumplessità tar-regoli u r-riskju inerenti relatat assoċjat mar-rimborż tal-ispejjeż tal-proġett ta' riċerka, u li l-għan aħħari għal-livell ta' żball residwu fl-għeluq tal-programmi wara li jitqies l-impatt finanzjarju tal-awditi, il-korrezzjoni u l-miżuri ta' rkupru kollha, huwa l-kisba ta' livell li jkun viċin kemm jista' jkun it-2 %;

    31.

    Jinnota li l-Qorti, bħala parti mill-kontrolli tal-pagamenti operattivi, awditjat b'mod aleatorju l-pagamenti li saru fl-2019 fl-ambitu ta' Orizzont 2020, fil-livell tal-benefiċjarji finali biex jikkorroboraw ir-rati ta' żball tal-awditjar, u li l-awditi dettaljati żvelaw żbalji kwantifikabbli żgħar relatati mal-ispejjeż iddikjarati tal-persunal, bis-sorsi ewlenin tal-iżbalji jkunu s-sigħat tax-xogħol iddikjarati fil-btajjel, u l-użu tar-rati ta' unità, inklużi l-elementi stmati li ddevjaw b'mod sinifikanti mir-rati ta' unità attwali;

    32.

    Jinnota li s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-bord tat-tmexxija mhumiex ippubblikati; jistieden lill-Impriża Konġunta tippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-bord tat-tmexxija fid-dawl tal-qafas ta' trasparenza u tiggarantixxi aċċess faċli għalihom.

    Top