EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021BP1618

Riżoluzzjoni (UE) 2021/1618 tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ April 2021 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea għas-sena finanzjarja 2019

ĠU L 340, 24.9.2021, p. 341–344 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2021/1618/oj

24.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/341


RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1618 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tad-29 ta’ April 2021

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea għas-sena finanzjarja 2019

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea għas-sena finanzjarja 2019,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0074/2021),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u tan-nefqa tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea (l-"Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2019 kien ta' EUR 33 589 862,79, li jirrappreżenta żieda ta' 4,22 % meta mqabbel mal-2018; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni (2);

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2019 (ir-"rapport tal-Qorti"), stqarret li l-Qorti kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2019 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 100 %, jiġifieri l-istess rata bħal fl-2018; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 85,95 %, jiġifieri żieda ta' 2,22 % meta mqabbla mal-2018;

2.

Jinnota li minbarra l-baġit ewlieni tagħha, fl-2018 l-Aġenzija kompliet tiġġestixxi ammont kbir ta' baġit delegat biex tkopri s-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS), il-Ftehim ta' Delega Galileo, il-Ftehim ta' Delega għal Servizz Pubbliku Regolat u l-ftehim ta' delega ta' Orizzont 2020; jinnota li fl-2019 ġie impenjat total ta' EUR 290 696 766,98 ta' baġit delegat u li saru pagamenti għall-ammont ta' EUR 523 494 171,23;

Prestazzjoni

3.

Jinnota li l-Aġenzija tuża ċerti miżuri bħala indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex tivvaluta l-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha u miżuri oħra biex ittejjeb il-ġestjoni tal-baġit tagħha, bħall-perċentwal ta' valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltajiet indipendenti mwettqa li rnexxew u r-rata ta' impenn u ta' pagament fil-limiti ta' żmien preskritti;

4.

Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija esternalizzat is-servizzi ta' kontabbiltà tagħha lill-Kummissjoni mill-2015 u li tikkondividi l-kapaċità tal-awditjar intern mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi; iħeġġeġ lill-Aġenzija tfittex kooperazzjoni akbar u usa' mal-aġenziji tal-Unjoni;

5.

Jistieden lill-Aġenzija tkompli tiżviluppa s-sinerġiji tagħha, iżżid il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki mal-aġenziji l-oħra tal-Unjoni bil-għan li ttejjeb l-effiċjenza f'oqsma bħar-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi tal-IT u s-sigurtà;

6.

Jinnota li f'Lulju 2019, l-Aġenzija esperjenzat inċident li rriżulta fi qtugħ ta' sitt ijiem tas-servizzi ta' Galileo u dan wassal biex jiġu attivati proċeduri urġenti ta' rkupru fl-infrastruttura affettwata ta' Galileo; jinnota li l-bord ta' akkreditament ta' sigurtà tal-Aġenzija analizza l-fajl dwar il-qtugħ tas-servizz 2018-2019, b'attenzjoni partikolari għal dak f'Lulju 2019, u ħareġ għadd ta' punti u azzjonijiet li għandhom jiġu indirizzati sabiex tiżdied ir-robustezza tas-sistema; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-iżviluppi f'dak ir-rigward;

7.

Jinnota li erba' satelliti ġodda tqiegħdu fis-servizz fi Frar 2019;

8.

Jinnota li l-kompetizzjoni MyGalileoApp fl-2019, li kienet tinvolvi madwar 150 tim, tat premju finanzjarju lil 3 użi innovattivi ġodda ta' Galileo, u dan f'appoġġ għan-negozji ġodda tal-Unjoni u l-innovaturi żgħażagħ biex ikabbru l-potenzjal tan-negozju tagħhom;

9.

Jinnota li skont ir-Rapport Speċjali tal-Qorti dwar il-Futur tal-Aġenziji (ir-Rapport Speċjali tal-Qorti) l-Aġenzija għandha awtonomija limitata ħafna fil-prattika fir-rigward tal-kompitu ewlieni tagħha li hu l-isfruttament tas-sistema globali ta' navigazzjoni bis-satellita Galileo skont ftehim ta' delega mal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina l-awtonomija tal-Aġenzija b'mod partikolari fir-rigward tal-kompetenzi tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' delega permezz ta' għadd ta' kuntratti kumplessi mas-sħab industrijali u l-entitajiet tas-settur pubbliku; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-iżviluppi f'dak ir-rigward;

10.

Jinnota li, skont ir-Rapport Speċjali tal-Qorti wara l-awditu li sar bejn Marzu u Settembru 2019, jeħtieġ li l-Aġenzija ttejjeb b'mod sinifikanti l-kooperazzjoni tagħha mal-Istati Membri, il-korpi internazzjonali u aġenziji oħra tal-Unjoni peress li ġie nnutat li l-Aġenzija kellha biss informazzjoni limitata dwar l-istrateġiji u l-azzjonijiet tal-Istati Membri fl-appoġġ tal-użu tas-servizzi Galileo; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Aġenzija żżid il-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-għarfien tagħha mal-Istati Membri, il-korpi internazzjonali u aġenziji oħra tal-Unjoni sabiex iżżid l-użu tas-servizzi Galileo u ssegwi l-għan komuni li twettaq il-politiki tal-Unjoni fl-interess taċ-ċittadini tal-Unjoni; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-iżviluppi f'dak ir-rigward;

11.

Jisħaq fuq l-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-Aġenzija f'termini ta' proċeduri ta' ġestjoni u operazzjonijiet interni; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Aġenzija tibqa' tkun proattiva f'dan ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji akkost ta' kollox; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta' sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata; ifakkar ukoll fl-importanza li l-Aġenzija tiżviluppa viżibbiltà akbar fil-midja, l-internet u l-midja soċjali sabiex tagħmel xogħolha magħruf;

Inċident ta' Galileo

12.

Jiddispjaċih mill-fatt li fl-10 ta' Lulju 2019, matul aġġornament tas-sistema, seħħ inċident ta' servizz fl-infrastruttura terrestri ta' Galileo u li rriżulta f'interruzzjoni ta' sitt ijiem tas-servizzi inizjali ta' navigazzjoni u ta' kronometraġġ ta' Galileo; jilqa', madankollu, il-fatt li l-Kummissjoni waqqfet bord ta' inkjesta indipendenti biex jinvestiga l-inċident u jipprovdi rakkomandazzjonijiet biex jiġu evitati inċidenti simili fil-futur;

13.

Ifakkar li l-bord ta' inkjesta sab trattament ħażin, anomalija teknika ta' tagħmir, konfigurazzjoni mhux standard tat-tagħmir li kien soġġett għall-anomalija, ifakkar li l-bord ta' inkjesta identifika l-kawżi ewlenin ta' natura differenti, relatati mal-organizzazzjoni u l-ġestjoni ta' Galileo, fatturi umani, u konfigurazzjoni kumplessa u mhux standard tas-sistema; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija jsegwu b'mod konsistenti r-rakkomandazzjonijiet tal-bord ta' inkjesta, b'mod partikolari fir-rigward tal-kontinwità tas-servizz u l-ottimizzazzjoni tal-governanza ta' Galileo kif ukoll l-iżgurar ta' komunikazzjoni istituzzjonali aħjar lejn l-utenti u l-Istati Membri għal sitwazzjonijiet ta' kriżi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija jinfurmaw regolarment lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-azzjonijiet ta' segwitu;

Politika dwar il-persunal

14.

Jinnota li fil-31 ta' Diċembru 2019 92,81 % tat-tabella tal-persunal kienet implimentata, b'129 aġent temporanju maħtura minn total ta' 139 aġent temporanju awtorizzati fl-ambitu tal-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma' 128 post awtorizzati fl-2018); jinnota li, barra minn hekk, fl-2019 55 aġent kuntrattwali u 3 esperti nazzjonali sekondati ħadmu għall-Aġenzija; jinnota li 10 postijiet addizzjonali ġew allokati lill-Aġenzija għat-tabella tal-persunal tagħha tal-2019 minbarra l-post diġà previst;

15.

Jinsab imħasseb li, skont ir-Rapport Speċjali tal-Qorti, l-Aġenzija qed titħabat biex tirrekluta persunal bl-għarfien espert tekniku meħtieġ u sabiex tikkumpensa għal nuqqas ta' postijiet jew esperti nazzjonali, l-Aġenzija qed testernalizza dejjem aktar kompiti ewlenin lil kuntratturi privati, li mbagħad taf tispiċċa tiddependi fuqhom fuqhom; jistieden lill-Kummissjoni teżamina s-sitwazzjoni bir-reqqa u tipprovdi lill-Aġenzija l-mezzi meħtieġa biex tirrekluta l-persunal meħtieġ; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar dik il-kwistjoni lill-awtorità ta' kwittanza;

16.

Jilqa' l-isforzi tal-Aġenzija u l-miżuri ġodda introdotti biex tattira, tirrekluta u żżomm persunal b'kompetenza għolja;

17.

Jiddispjaċih għall-iżbilanċi ġeografiċi persistenti fil-kompożizzjoni tal-persunal tal-Aġenzija, speċjalment fil-livelli ta' maniġment intermedju u superjuri; jistieden lill-Aġenzija tistabbilixxi rappreżentanza xierqa ta' nazzjonalitajiet mill-Istati Membri kollha, filwaqt li fl-istess ħin tirrispetta l-kompetenzi u l-merti tal-kandidati kif indikat fl-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali;

18.

Jinkoraġġixxi lill-Aġenzija timmira li tiżviluppa qafas ta' politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani li jindirizza l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri, it-telexogħol, il-bilanċ ġeografiku kif ukoll ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabbiltà;

19.

Jinnota n-nuqqas ta' bilanċ bejn il-ġeneri fl-2019 fost il-maniġment superjuri (7 irġiel u 4 nisa) u fil-bord amministrattiv (24 raġel u 5 nisa); jitlob lill-Aġenzija tiżgura li fil-futur ikun hemm bilanċ bejn il-ġeneri fil-livell tal-maniġment superjuri; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-importanza li jiżguraw bilanċ bejn il-ġeneri meta jinnominaw lill-membri fil-bord amministrattiv tal-Aġenzija;

20.

Jinsab imħasseb dwar id-daqs kbir tal-bord maniġerjali tal-aġenzija peress li dan jagħmel it-teħid ta' deċiżjonijiet wieħed diffiċli u jiġġenera kostijiet amministrattivi konsiderevoli;

Sostenibbiltà

21.

Jiddispjaċih li l-Aġenzija għadha ma adottatx miri ta' tnaqqis ta' CO2; jistieden lill-Aġenzija toħloq qafas ta' ħidma li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, tnaqqas l-impronta tal-karbonju tagħha u l-konsum tal-enerġija tagħha u tiżviluppa fluss tax-xogħol mingħajr karti;

22.

Jiddispjaċih li l-enerġija hija fornuta minn operatur li ma jipprovdix is-sehem tas-sorsi tal-enerġija fid-dettall u li l-użu tal-enerġija rinnovabbli mill-Aġenzija għalhekk ma jistax jiġi determinat; jistieden lill-Aġenzija taqleb għal operatur li jkun kapaċi jipprovdi d-dettalji dwar is-sorsi tal-enerġija;

Akkwist pubbliku

23.

Jinnota, fir-rigward tas-segwitu tas-sejbiet tal-Qorti fl-2018, li kienu tressqu proċedimenti legali kontra l-Aġenzija fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), li kkontestaw l-eżitu tal-proċedura ta' akkwist għal kuntratt qafas dwar l-implimentazzjoni tas-sistema bis-satellita Galileo matul il-perjodu mill-2017 sal-2027, għall-ammont ta' EUR 1,5 biljun; jinnota li l-każ ġie abbandunat minn Eutelsat u kkanċellat mill-QĠUE;

24.

Jinnota, fir-rigward tas-segwitu tas-sejbiet tas-sena preċedenti tal-Qorti, li l-modulu tas-sottomissjoni elettronika tal-proċeduri ta' akkwist elettroniku ma indirizzax il-ħtiġijiet kumplessi ta' akkwist tal-Aġenzija, u ġie deċiż li l-offerti mhux se jitwettqu b'mod elettroniku, u b'hekk ma tintuża l-ebda għodda tal-IT tal-akkwist elettroniku żviluppata mill-Kummissjoni; jinnota mit-tweġiba tal-Aġenzija li l-Aġenzija qed tkompli l-kuntatti mal-Kummissjoni biex tevalwa l-possibbiltà li tuża sejħiet għall-offerti elettroniċi għal dawk l-akkwisti li jistgħu jkunu l-aktar konvenjenti għalihom; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-iżviluppi f'dak ir-rigward;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

25.

Jinnota li mhux is-CVs kollha tal-membri tal-bord amministrattiv ġew ippubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija; itenni l-appelli tiegħu lill-Aġenzija biex tippubblika s-CVs tal-membri kollha tal-bord amministrattiv u tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-azzjonijiet meħuda f'dak ir-rigward; jinnota li s-segretarjat tal-bord amministrattiv kif ukoll il-koordinatur tal-kontroll intern ifakkru u jħeġġu lill-membri tal-bord amministrattiv jippreżentaw id-dokumenti neqsin u li d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-bord amministrattiv jinħażnu fis-sistema ta' ġestjoni tad-dokumenti tal-Aġenzija;

26.

Jinnota li s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-maniġment superjuri huma ppubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija; jinnota, madankollu, li s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-persunal maniġerjali mhumiex ippubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija; jinnota li l-Aġenzija qed tistenna l-approvazzjoni formali tal-implimentazzjoni tar-regoli ta' implimentazzjoni dwar il-kunflitt ta' interess mill-Kummissjoni sabiex tippubblika s-CVs tal-persunal maniġerjali fuq is-sit web tagħha;

27.

Jenfasizza l-fatt li l-qafas etiku attwali li japplika għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni jbati minn żvantaġġi konsiderevoli minħabba l-frammentazzjoni tiegħu u n-nuqqas ta' konsistenza bejn id-dispożizzjonijiet eżistenti; jenfasizza li dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati billi jiġi stabbilit qafas etiku komuni, li jiżgura l-applikazzjoni ta' standards etiċi għoljin għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-Unjoni;

28.

Jissottolinja li ċerti uffiċjali jimlew dikjarazzjonijiet ta' nuqqas ta' kunflitti ta' interess u jipprovdu awtovalutazzjonijiet fir-rigward tar-rispett tal-istandards etiċi; jenfasizza, madankollu, li tali awtodikjarazzjonijiet u awtovalutazzjonijiet mhumiex biżżejjed u li għalhekk huwa meħtieġ skrutinju addizzjonali;

Kontrolli interni

29.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Aġenzija ffirmat arranġamenti ta' ħidma mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) dwar l-implimentazzjoni tal-programmi EGNOS u GALILEO, u fl-2019 l-Aġenzija ħallset EUR 55,5 miljun fl-ambitu tal-arranġament ta' ħidma ta' EGNOS u EUR 223,7 miljun fl-ambitu tal-arranġament ta' ħidma ta' GALILEO; jinnota mir-rapport tal-Qorti li hemm riskju li l-pagamenti tal-Aġenzija lill-ASE jistgħu jiġu kkalkulati abbażi ta' kostijiet mhux preċiżi minħabba n-nuqqas ta' strateġija ex ante jew ex post komprensiva; jinnota mit-tweġiba tal-Aġenzija li jitwettaq kontroll ex ante biex jiġi kkonfermat li l-ammonti tat-talbiet għal pagament jaqblu mal-pjanijiet ta' pagament rispettivi u l-prefinanzjament iddikjarati fil-ftehimiet ta' ħidma u li l-kontroll ex post mhuwiex applikabbli peress li l-Aġenzija għandha obbligu kuntrattwali li tħallas; jinnota mit-tweġiba tal-Aġenzija li għandha tikkommetti ruħha li tieħu l-kontroll ex post, b'mod partikolari r-rikonċiljazzjoni sħiħa tal-ispejjeż u tal-attivitajiet mat-talbiet għall-ispejjeż, bejn l-2020 u l-2023;

30.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Aġenzija qed tesperjenza dewmien fl-implimentazzjoni tal-qafas ta' kontroll intern il-ġdid tagħha, li kellu jiġi approvat fl-2019, u fl-approvazzjoni tal-pjan tal-kontinwità tan-negozju tagħha, li kien is-suġġett ta' inkjesti ta' segwitu mill-Qorti mill-2015 u ġie approvat biss fil-15 ta' Mejju 2020, u b'hekk jikkostitwixxi nuqqasijiet interni kbar fil-proċeduri tal-Aġenzija; jinnota mit-tweġiba tal-Aġenzija li beħsiebha tiffinalizza l-qafas ta' kontroll intern tagħha fl-2020;

31.

Jinnota li s-servizz tal-awditjar intern (IAS) ressaq rapport tal-awditjar dwar l-Isfruttament tal-EGNOS f'Novembru 2019 b'ħames rakkomandazzjonijiet importanti u kwistjoni waħda identifikata biex tiġi kkunsidrata; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress imwettaq f'dak ir-rigward;

32.

Jinnota li l-kapaċità tal-awditjar intern wettqet awditu tal-"Bini tal-Kapaċitajiet tal-persunal tal-GSA" fl-2019 u, għalkemm ir-rapport ma ġiex iffinalizzat fl-2019, kien ippjanat li jiġu inklużi rakkomandazzjoni importanti ħafna u erba' rakkomandazzjonijiet importanti; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress imwettaq fl-implimentazzjoni ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet;

33.

Jinnota li fl-2019 l-Aġenzija għażlet ditta tal-awditjar BDO biex twettaq it-tliet awditi esterni konswetudinarji dwar l-attività tal-2018 skont tliet ftehimiet ta' delega mad-DĠ GROW (issa DEFIS), għotjiet EGNOS, Galileo u Orizzont 2020, u kkonkludiet li l-fondi delegati mid-DĠ DEFIS kienu ntefqu kif suppost; għalkemm instabu ċerti żbalji klerikali, ma kien hemm l-ebda sejba materjali;

34.

Jinnota, fir-rigward tal-azzjonijiet ta' segwitu dwar il-kummenti tal-awtorità ta' kwittanza fis-snin preċedenti, li l-IAS wettaq awditu dwar "Il-Governanza tal-IT fil-GSA" fl-2018 u li l-Aġenzija fasslet pjan ta' azzjoni b'sitt azzjonijiet biex tindirizza oqsma potenzjali għal titjib; jinnota li f'Marzu 2020, l-IAS għalaq żewġ azzjonijiet u l-Aġenzija ħejjiet id-dokumentazzjoni l-oħra kollha rilevanti għall-azzjonijiet li jifdal u l-Aġenzija temmen li wara s-sottomissjoni tal-pakkett ippreparat, l-IAS se jkun jista' jagħlaq il-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet li jifdal, jekk mhux saħansitra kollha; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bl-iżviluppi f'dak ir-rigward;

Kummenti oħra

35.

Jinnota, fid-dawl tal-kummenti u tal-osservazzjonijiet mill-awtorità ta' kwittanza relatati mal-impenn tal-Aġenzija li timminimizza kwalunkwe impatt negattiv mid-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni, li xi kuntratti affettwati ġew assenjati mill-ġdid mill-kuntratturi tar-Renju Unit lil kumpaniji stabbiliti fit-territorju ta' wieħed mill-Istati Membri u kuntratti oħra kisbu skadenza naturali qabel id-data tal-ħruġ, u li s-sit ta' riżerva taċ-Ċentru ta' Monitoraġġ tas-Sigurtà Galileo ġie rilokat mir-Renju Unit lejn Spanja, u dan żgura kontinwità fis-servizzi;

36.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ April 2021 (3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)  ĠU C 430, 20.12.2019, p. 12.

(2)  ĠU C 430, 20.12.2019, p. 12.

(3)  Testi adottati, P9_TA(2021)0215.


Top