Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021BP1549

    Riżoluzzjoni (UE) 2021/1549 tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ April 2021 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, Taqsima IV — Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

    ĠU L 340, 24.9.2021, p. 123–130 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2021/1549/oj

    24.9.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 340/123


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1549 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tad-29 ta’ April 2021

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, Taqsima IV — Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, Taqsima IV - Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0064/2021),

    A.

    billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni billi jittejbu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u billi jiġi implimentat il-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u l-governanza tajba tar-riżorsi umani;

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    1.

    Jinnota b'sodisfazzjon li, fir-rapport annwali tagħha għall-2019, il-Qorti tal-Awdituri ma identifikat l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tas-suġġetti awditjati relatati mar-riżorsi umani u l-akkwist għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-‘QĠUE’);

    2.

    Jilqa' l-fatt li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2019 għal infiq amministrattiv u nfiq ieħor tal-QĠUE ma kellhomx żbalji materjali u li s-sistemi superviżorji u ta' kontroll eżaminati kienu effettivi;

    3.

    Jiddispjaċih, bħala osservazzjoni ġenerali, li l-Kapitolu 9, "Amministrazzjoni", tar-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri għandu portata u konklużjonijiet pjuttost limitati, minkejja l-fatt li l-Intestatura 5, "Amministrazzjoni", tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali hija meqjusa ta' riskju baxx; jitlob li x-xogħol ta' awditjar għal tali kapitolu jkun aktar ikkonċentrat fuq il-kwistjonijiet ta' rilevanza għolja jew saħansitra ta' importanza kritika għall-QĠUE;

    4.

    Jinnota li l-baġit tal-QĠUE ammonta għal EUR 429 468 936 (EUR 410 025 089 fl-2018 u EUR 399 344 000 fl-2017) u li r-rata ta' implimentazzjoni kienet ta' 98,7 % (meta mqabbla ma' 99,18 % fl-2018 u 98,69 % fl-2017); jinnota r-rati għolja ta' implimentazzjoni kemm għat-Titolu 1 (persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni) u Titolu 2 (bini, għamara, tagħmir u nfiq operattiv mixxellanju) li jammontaw għal rata ta' implimentazzjoni ta' 98,4 % (meta mqabbla ma' 99 % fl-2018 u 98,6 % fl-2017) għat-Titolu 1 u ta' 99,6 % (meta mqabbel ma' 99,8 % fl-2018 u 98,1 % fl-2017) għat-Titolu 2;

    5.

    Jinnota li kważi 75 % tal-baġit tal-QĠUE ġie allokat għal-infiq fuq il-membri u l-persunal (Titolu 1), u kważi 25 % għal-infiq fuq l-infrastruttura (Titolu 2) -b'mod partikolari l-binjiet u t-teknoloġiji tal-informazzjoni; jinnota li l-approprjazzjonijiet riportati mill-2018 għall-2019 jammontaw għal EUR 21 092 468 (l-aktar minn binjiet li jammontaw għal EUR 15 038 328), li minnhom 87,21 % intużaw fl-2019 meta mqabbel ma' 85,45 % fl-2018;

    6.

    Jinnota bi tħassib li l-QĠUE tkompli tistma żżejjed xi impenji kif ġie ddikjarat fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-2017: għal "missjonijiet għall-membri", il-linja baġitarja 104, EUR 299 750 impenjati meta mqabbla mal-EUR 34 340 imħallsa; għal "missjonijiet ta' persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni", il-linja baġitarja 162, EUR 498 500 impenjati meta mqabbla mal-EUR 272 898 imħallsa; għal "taħriġ għall-membri", il-linja baġitarja 106, EUR 270 065 impenjati meta mqabbla mal-EUR 164 263 imħallsa; u għal "taħriġ ta' persuni persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni", il-linja baġitarja 1612, EUR 1 528 061 impenjati meta mqabbla mas-EUR 706 717 imħallsa; jinnota, madankollu, li fl-2020 ġew imħallsa ammonti sostanzjali mill-impenji riportati; jistieden lill-QĠUE tkompli bl-isforzi tagħha biex tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba għal-linji baġitarji kollha sabiex jiġu evitati diskrepanzi sinifikanti bejn l-impenji u l-pagamenti;

    Riżorsi umani

    7.

    Jinnota li 2 256 persuna kienu impjegati mill-QĠUE fl-2019 (meta mqabbla ma' 2 217 fl-2018 u 2 180 fl-2017); jinnota li d-distribuzzjoni tal-postijiet tax-xogħol skont is-settur tal-attività tibqa' simili għal dik tas-snin preċedenti, bi kważi 85 % tal-postijiet iddedikati għal attivitajiet ġurisdizzjonali u lingwistiċi; jinnota, fir-rigward tar-rata ta' okkupazzjoni tal-postijiet tax-xogħol, li din għadha f'livell għoli ħafna ta' madwar 97 % fl-2019, simili għal dik fl-2018; jinnota, madankollu, ċerti diffikultajiet fir-reklutaġġ, minħabba opportunitajiet ta' żvilupp tal-karriera aktar limitati u l-livell baxx tas-salarji bażiċi għall-gradi tal-bidu meta mqabbla mal-ispejjeż għolja tal-għajxien fil-Lussemburgu; itenni t-tħassib tiegħu dwar il-problema li qed tikber tad-disparità fil-kapaċità tal-akkwist imġarrba mill-impjegati taċ-ċivil tal-Unjoni li jaħdmu l-Lussemburgu;

    8.

    Jisħaq fuq l-importanza li jiġi indirizzat in-nuqqas ta' bilanċ bejn il-ġeneri fil-kulleġġ tal-imħallfin; jissottolinja l-impenn tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament favur il-bilanċ bejn il-ġeneri; jagħraf, madankollu, il-fatt li l-isforzi fil-qasam tal-opportunitajiet ugwali qed isiru dejjem aktar viżibbli fil-livell amministrattiv bis-sehem ta' nisa fil-maniġment intermedju li jammonta għal 41 % u fil-maniġment superjuri li jammonta għal 40 %; jinnota li l-persunal b'mod ġenerali għandu distribuzzjoni ta' 39 % irġiel u 61 % nisa u distribuzzjoni ta' 46 % irġiel u 54 % nisa għall-persunal AD;

    9.

    Jissottolinja l-ħtieġa għal titjib fil-bilanċ ġeografiku tal-persunal, b'mod partikolari għall-pożizzjonijiet maniġerjali, fid-dawl tal-fatt li, sa nofs l-2020, 15 minn 58 kap tal-unità (25,8 %) u 2 minn 15-il direttur (13,3 %) kienu minn Stati Membri li ilhom li ssieħbu fl-Unjoni minn Mejju 2004 (meta mqabbel ma' 15 minn 57 kap ta' unità u 2 minn 13-il direttur fl-2018); jitlob lill-QĠUE ssaħħaħ l-isforzi tagħha f'dan ir-rigward billi tħeġġeġ applikazzjonijiet minn kandidati li n-nazzjonalità tagħhom hija sottorappreżentata u billi tagħmel użu mill-iskambji interistituzzjonali;

    10.

    Jitlob liċ-ċellola tal-QĠUE dwar l-opportunitajiet indaqs u d-diversità biex tivvaluta l-possibbiltajiet ta' tisħiħ u integrazzjoni ulterjuri tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs fir-reklutaġġ, fit-taħriġ, fl-iżvilupp tal-karriera u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll biex tqajjem sensibilizzazzoni fost il-persunal dwar dawn l-aspetti;

    11.

    Jinnota bi tħassib l-għadd kbir ta' każijiet ta' eżawriment professjonali rrappurtati f'dawn l-aħħar snin fil-QĠUE; jilqa' l-fatt li fl-2019 il-QĠUE ħadet diversi azzjonijiet biex tipprevjeni u tindirizza każijiet ta' eżawriment professjonali bħal pereżempju l-ingaġġ ta' psikologu, taħriġ għall-persunal u programm ta' taħriġ obbligatorju għall-maniġers inkluż komponent sinifikanti ta' benesseri; iqis li kwalunkwe deċiżjoni rigward it-tnaqqis baġitarju u l-miżuri għat-tnaqqis tal-persunal għandha tkun konsistenti mal-prinċipju li jinżammu riżultati tanġibbli ta' kwalità għolja, għandha tirrispetta l-benesseri u s-sodisfazzjon tal-persunal u għandha tqis iż-żieda kostanti fl-ammont ta' xogħol tal-QĠUE f'dawn l-aħħar snin; iħeġġeġ lill-QĠUE timmonitorja mill-qrib l-effettività tal-miżuri li għadhom kemm ġew introdotti biex jindirizzaw ix-xogħol li dejjem qed jiżdied u biex tagħmel aktar sforzi sostanzjali għall-prevenzjoni tal-eżawriment professjonali; iħeġġeġ lill-Qorti tlesti l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli eżistenti bi protezzjoni tad-dritt tal-membri tal-persunal għall-iskonnessjoni;

    12.

    Jilqa' l-passi meħuda mill-QĠUE biex tivvaluta jekk l-ammont ta' xogħol huwiex imqassam b'mod proporzjonali bejn it-timijiet differenti u l-membri tal-persunal sabiex jitnaqqsu l-każijiet ta' eżawriment professjonali u tiżdied l-effiċjenza; jinnota li l-presidenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, għandhom ir-responsabbiltà li jallokaw il-kawżi billi jqisu l-ammont ta' xogħol attwali u antiċipat; jenfasizza l-fatt li saru disponibbli għodod biex tiġi vvalutata b'mod preċiż is-sitwazzjoni inkluża analiżi tal-ammont ta' xogħol kull sitt ġimgħat; jinnota li għal dak li jikkonċerna s-servizzi amministrattivi, billi jqisu ż-żieda kontinwa fl-ammont ta' xogħol u r-riżorsi limitati disponibbli, il-maniġers jissorveljaw l-ammont ta' xogħol u d-distribuzzjoni tiegħu fost il-membri differenti tal-persunal fuq bażi kontinwa sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-aġġustamenti meħtieġa;

    13.

    Jinsab imħasseb li fl-2019 48,5 % tat-traineeships biss fil-QĠUE kienu mħallsa; jinnota, madankollu, li dan il-persentaġġ żdied minn 31,7 % fl-2018; jirrikonoxxi li l-2019 kienet sena ta' tranżizzjoni lejn l-introduzzjoni gradwali tar-reġim il-ġdid (id-deċiżjoni tal-QĠUE tat-3 ta' Diċembru 2018, li tipprevedi l-possibbiltà li jiġu ingaġġati trainees mħallsa mill-istituzzjonijiet); jieħu nota tal-istima li għall-2020 il-QĠUE se tħallas 75 % tat-trainees tagħha; jinnota li t-traineeships kollha kkanċellati fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19 kienu traineeships mhux imħallsa; jistieden b'mod urġenti lill-QĠUE biex tingaġġa t-trainees tagħha b'kuntratti mħallsa u tipprovdi allowances li jkopru tal-inqas l-ispejjeż tal-għajxien, bl-eċċezzjoni ta' każijiet fejn apprendisti jirċievu pagamenti minn sorsi oħra, bi qbil mal-ftehimiet interistituzzjonali ffirmati mill-QĠUE;

    14.

    Jinnota b'sodisfazzjon li fl-2019 żdiedu seba' mħallfin oħra fil-Qorti Ġenerali fil-kuntest tat-tielet u l-aħħar stadju tar-riforma strutturali li ġiet adottata fl-2015, li wasslet għall-irduppjar tan-numru ta' mħallfin mal-Qorti Ġenerali;

    15.

    Jinnota li fl-2019 il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali rreġistraw rispettivament it-tluq ta' 5 u 8 Membri u l-wasla ta' 4 Membri u 14-il Membru; jinnota li n-numru ta' mħallfin fil-Qorti Ġenerali issa jammonta għal 52, f'konformità mad-deċiżjoni li gradwalment jiġi rduppjat in-numru ta' mħallfin; jinnota li l-kwalità tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u r-riforma li għaddejja tal-Qorti Ġenerali ma kinux parti mir-rieżami mill-Qorti tal-Awdituri fl-2017, iżda li l-Qorti tal-Awdituri tirreferi għall-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422, li jiddikjara li "[s]as-26 ta' Diċembru 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tfassal rapport […] għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-funzjonament tal-Qorti Ġenerali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni […], [b]'mod partikolari […] fuq […] il-ħtieġa u l-effikaċja taż-żieda għal 56 Imħallef, l-użu u l-effikaċja tar-riżorsi u l-istabbiliment ulterjuri ta' awli speċjalizzati u/jew tibdiliet strutturali oħrajn (1)";

    16.

    Jitlob lill-QĠUE tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar kwalunkwe titjib li jsir fl-effiċjenza tal-proċessi amministrattivi, li jidher li huwa essenzjali fid-dawl taż-żieda kostanti fl-ammont ta' xogħol; itenni l-ħtieġa ta' riformi kontinwi biex jiġi żgurat li l-QĠUE tkun preparata sew biex tirrispondi għall-isfidi futuri u biex ittejjeb aktar il-prestazzjoni ġenerali tagħha sabiex jiġi evitat dewmien mhux raġonevoli fit-trattament tal-kawżi;

    Politika ta' etika u integrità

    17.

    Jilqa' l-bidliet għall-qafas legali intern li jikkonċerna l-vjaġġi tal-Membri, b'mod partikolari fir-rigward tal-użu ta' karozzi u sewwieqa uffiċjali; jinnota li l-użu ta' xufier issa huwa possibbli biss f'żewġ każijiet speċifiċi: vjaġġi fuq xogħol awtorizzati minn qabel imwettqa minn membri għall-fini ta' attivitajiet esterni (ir-regoli li jirregolaw vjaġġi fuq xogħol bħal dawn ma jipprevedu l-ebda sitwazzjoni, sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn sewwieq jista' jintalab jivvjaġġa lejn il-pajjiż ta' oriġini tal-membru jew lejn kwalunkwe pajjiż ieħor mingħajr ma jittrasporta l-membru fil-vettura), u vjaġġi ddettati minn ċirkostanzi speċjali (raġunijiet ta' saħħa jew mediċi, raġunijiet ta' sigurtà jew sikurezza u każijiet ta' force majeure);

    18.

    Jinnota li fl-2019 ġie rrappurtat allegat każ ta' fastidju u li ġie konkluż li l-allegati fatti ma kinux jikkostitwixxu fastidju kif definit mill-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal; jinnota li fl-2019 ġiet konkluża investigazzjoni waħda wara lmenti ta' fastidju minn membri tal-persunal u li dan il-każ ġie ttrattat permezz ta' inkjesta amministrattiva mmexxija minn ex imħallef tat-Tribunal tas-Servizz Pubbliku; jinnota li ma tressaq l-ebda lment ieħor u li ma kien hemm l-ebda nefqa relatata ma' sentenzi jew il-ġestjoni ta' proċessi ġudizzjarji; jinnota b'sodisfazzjon li r-regoli u l-proċeduri kontra l-fastidju huma ppubblikati fuq is-sit tal-intranet tal-QĠUE sabiex jippromwovu ambjent ta' ħidma rispettuż u tiġi evitata kwalunkwe forma ta' fastidju;

    19.

    Jinnota li kien hemm każ wieħed ta' żvelar ta' informazzjoni protetta fl-2019 li kien ukoll l-ewwel wieħed li ta bidu għall-applikazzjoni tar-regoli tal-QĠUE dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta adottati fl-2017; jilqa' l-fatt li dan il-każ wera li r-regoli huma "adatti għall-iskop"; jinnota li ma tqisx neċessarju li l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) jiġi infurmat peress li l-QĠUE setgħet tieħu d-deċiżjonijiet xierqa permezz tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha; minkejja dan, jitlob lill-QĠUE tirrapporta dwar dan il-każ lill-awtorità ta' kwittanza;

    20.

    Jilqa' t-taħriġ bl-isem "Regoli ta' kondotta tajba" li sar fl-2019 bil-parteċipazzjoni ta' 63 membru tal-persunal; jinnota li dan it-taħriġ ġie organizzat sabiex jinforma lill-ħaddiema ġodda u lill-membri l-oħra tal-persunal dwar l-obbligi tagħhom skont ir-Regolamenti tal-Persunal u dwar il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra; jinnota b'sodisfazzjon li l-korsijiet ikopru suġġetti bħall-fastidju, l-iżvelar ta' informazzjoni protetta, il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interessi u kwistjonijiet etiċi oħra; jilqa' l-fatt li l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u l-kunflitti ta' interessi ġew inklużi wkoll fil-kontenut tat-taħriġ finanzjarju; iħeġġeġ lill-QĠUE tkompli dak it-taħriġ b'mod sistematiku għall-ħaddiema ġodda u b'mod perjodiku għall-bqija tal-persunal; jistieden lill-QĠUE tippromwovi taħriġ ieħor ta' natura simili;

    21.

    Jinnota li, fir-rigward ta' każijiet relatati ma' lmenti mressqa quddiem l-Ombudsman Ewropew, żewġ każijiet kienu pendenti fl-1 ta' Jannar 2019 u nfetaħ każ wieħed fl-2019; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li dawn it-tliet każijiet ingħalqu kollha fl-2019 u l-Ombudsman Ewropew ma kkonstatat l-ebda każ ta' amministrazzjoni ħażina;

    22.

    Jilqa' l-ħolqien taċ-ċellola dwar l-opportunitajiet indaqs u d-diversità fi ħdan id-direttorat għar-riżorsi umani u l-amministrazzjoni tal-persunal, li għandha l-għan li tiżviluppa u timplimenta politika li tagħti attenzjoni partikolari lill-integrazzjoni tal-prinċipji tal-opportunitajiet indaqs u d-diversità fid-diversi proċeduri ta' ġestjoni tar-riżorsi umani; u jitlob lill-QĠUE tirrapporta dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-ħidma lill-awtorità ta' kwittanza;

    23.

    Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-QĠUE ma kinitx f'pożizzjoni li tipprovdi informazzjoni dwar il-proċeduri interni tagħha relatati mar-"revolving doors" għall-membri anzjani tal-persunal; ifakkar fit-talba tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament biex jiġu stabbiliti u ppubblikati regoli stretti f'dan ir-rigward mingħajr dewmien; ifakkar ukoll fl-inizjattiva tal-Ombudsman Ewropew fl-2018 dwar kif l-aħjar li jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolamenti tal-Persunal dwar ir-"revolving doors";

    24.

    Jinnota r-regoli stabbliti li jirregolaw l-impjieg wara t-tmiem tal-mandat tal-membri tal-QĠUE; jinnota li l-kodiċi ta' kondotta jistabbilixxi diversi tipi ta' restrizzjonijiet bħal perjodu ta' stennija ta' tliet snin li matulu l-ex membri jeħtiġilhom ma jirrappreżentawx partijiet f'kawżi quddiem il-QĠUE; jinnota wkoll li l-ex membri jeħtiġilhom li ma jkunu involuti bl-ebda mod, f'kawżi li kienu pendenti quddiem il-qorti li tagħha kienu membri jew f'kawżi konnessi ma' kawżi oħra, kemm jekk pendenti kif ukoll jekk konklużi, li huma kienu ttrattaw bħala membri ta’ dik il-qorti;

    25.

    Jilqa' l-fatt li, wara t-talba tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, il-QĠUE ppubblikat fuq is-sit web tagħha lista tal-attivitajiet esterni tal-membri tagħha; jitlob bil-qawwa li aktar informazzjoni dettaljata għandha tiġi ppubblikata, fl-interess tat-trasparenza, dwar kwistjonijiet bħal pereżempju l-għan, id-data, il-post, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u s-sussistenza għall-avvenimenti elenkati u jekk dawn l-ispejjeż tħallsux mill-QĠUE jew minn parti terza; jinnota li l-involviment f'attivitajiet esterni huwa soġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel, irid jaqa' fl-ambitu tad-dmirijiet tal-membri fir-rigward tat-tixrid tal-ġurisprudenza u jrid ikun kompatibbli mar-rekwiżiti tal-kodiċi ta' kondotta;

    26.

    Iħeġġeġ lill-QĠUE ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tiffinalizza pakkett ġenerali ta' miżuri fir-rigward tal-kodiċi ta' kondotta għall-persunal; ifakkar li l-kodiċi ta' kondotta rivedut l-iktar reċentement għall-membri daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2017; itenni l-ħtieġa ta' dispożizzjonijiet dettaljati relatati ma' kwistjonijiet bħall-kunflitti ta' interessi, attivitajiet esterni, attivitajiet relatati max-xogħol wara t-tluq mis-servizz u l-impjieg bi qligħ tal-konjuġi; jinnota li l-ammont ta' xogħol addizzjonali minħabba s-sitwazzjoni attwali tas-saħħa dewwem il-proċess;

    27.

    Jinsab imħasseb li d-dikjarazzjonijiet ta' interessi finanzjarji għadhom ta' natura awtodikjaratorja; jistieden lill-QĠUE tħaffef il-proċess tal-eżami dwar jekk dan il-mekkaniżmu jistax jittejjeb fir-rigward tal-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja u tirrapporta lura lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament; jinnota li kull membru jippreżenta dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji meta jidħol fil-kariga u jaġġorna din id-dikjarazzjoni meta jkun meħtieġ; jinnota li l-president ta' kull qorti jeżamina d-dikjarazzjonijiet bil-għan li jiġu evitati kunflitti ta' interessi meta jiġu assenjati kawżi lill-imħallfin relaturi differenti; itenni, madankollu, li għandha tkun parti terza indipendenti li tirrevedi d-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji u li tivvaluta l-eżistenza ta' kunflitti ta' interessi;

    28.

    Jilqa' r-rieda tal-QĠUE li tiżgura trasparenza akbar; iħeġġeġ lill-QĠUE tippubblika fuq is-sit web tagħha s-CVs tal-membri u jistieden lill-QĠUE tqis l-approċċi segwiti mill-istituzzjonijiet l-oħra u l-Istati Membri f'dan il-qasam;

    Bini u sigurtà

    29.

    Jilqa' d-dħul fis-servizz tal-ħames estensjoni għall-Palais tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż it-Torri C il-ġdid f'Lulju 2019; jinnota l-erja totali tas-superfiċje ta' 42 631 m2, li minnhom madwar 14 850 m2 huma spazju għall-uffiċċji, li ppermettiet lill-QĠUE ttemm il-kiri tal-bini preċedenti mikri matul dawn l-aħħar snin f'Kirchberg; jinnota li saru bidliet fit-tqassim tal-uffiċċji, wara stħarriġ dwar l-ispazju miftuħ, bidliet li wrew li kienu sodisfaċenti u li ppermettew lill-QĠUE tipprovdi soluzzjonijiet xierqa għas-servizzi u l-membri tal-persunal;

    30.

    Jitlob lill-QĠUE tirrapporta dwar ir-riżultati tas-sejbiet tal-kumitati rispettivi għall-opportunitajiet indaqs u d-diversità (Intercopec) dwar is-suġġett tad-diżabilità u dwar is-suġġett tat-titjib possibbli għall-persuni b'mobilità mnaqqsa jew diżabilitajiet oħra, inkluża l-evakwazzjoni ta' emerġenza ta' dawn il-persuni li tinvolvi modifiki raġonevoli għall-binjiet tal-QĠUE fir-rigward tal-aċċess u t-tagħmir adegwat tal-uffiċċji;

    31.

    Jirrikonoxxi li l-QĠUE attrezzat ruħha b'korpi ta' kriżi, li jippermettulha tirreaġixxi b'mod effettiv għal kwalunkwe eventwalità sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-persunal, il-binjiet u l-informazzjoni u biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-ħidma u li l-utilità u l-funzjonament xieraq ta' dawn il-korpi ġew ippruvati matul il-kriżi tal-COVID-19 fl-2020; jinnota li n-nefqa addizzjonali fil-linja baġitarja tal-2026 "Is-sigurtà u s-sorveljanza tal-bini" fl-2019 kienet tammonta għal madwar EUR 500 000;

    Dimensjoni ambjentali

    32.

    Japprezza l-fatt li l-QĠUE qiegħda kontinwament ittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tagħha billi tapplika r-Regolament (KE) Nru 1221/2009 (2) (EMAS III) li jirrikjedi monitoraġġ ta' diversi aspetti ambjentali abbażi tal-indikaturi; jilqa' l-fatt li l-biċċa l-kbira mill-11-il indikatur, fil-forma ta' proporzjon għal kull FTE (Ekwivalenti Full-Time), urew xejra favorevoli fl-2019 meta mqabbla mal-2015, is-sena bażi tas-sistema EMAS tal-QĠUE; iħeġġeġ lill-QĠUE tkompli tnaqqas l-impronta ambjentali tagħha billi timplimenta soluzzjonijiet ta' xogħol newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju u sorsi nodfa ta' enerġija;

    Komunikazzjoni

    33.

    Jinnota b'interess li wieħed mill-punti ewlenin tal-attivitajiet ta' komunikazzjoni tal-QĠUE fl-2019 kien l-użu akbar tal-midja soċjali proprjetarja sabiex jiġi żgurat tixrid akbar tal-informazzjoni tagħha; jinnota li f'Novembru 2019, il-QĠUE bdiet tuża b'mod attiv LinkedIn biex toffri informazzjoni lil partijiet interessati dwar il-ħidma tagħha; jinkoraġġixxi lill-QĠUE tistabbilixxi preżenza fin-networks tal-midja soċjali liberi u b'sors miftuħ, bħal Mastodon, sabiex tikseb aktar trasparenza u parteċipazzjoni usa'; jilqa' l-fatt li fl-2019, is-sit web tal-QĠUE rċieva total ta' 8 150 232 żjara (meta mqabbla ma' 8 270 495 fl-2018) u 36 065 064 żjara lill-paġna (meta mqabbla ma' 32 808 573 fl-2018); jinnota li kemm fl-2018 kif ukoll fl-2019, total ta' EUR 60 000 kien ibbaġitjat għall-esternalizzazzjoni ta' xi xogħol ta' monitoraġġ tal-midja, li ma setax jibqa' jitwettaq internament minħabba l-ħtieġa li ċerti riżorsi umani jiġu riallokati għal kompiti oħra;

    34.

    Iħeġġeġ lill-QĠUE ttejjeb it-trasparenza u jilqa' d-deċiżjoni tal-QĠUE li tipprovdi streaming dirett tas-sentenzi tal-awla manja tagħha permezz ta' Ewropa bis-Satellita (EbS); jinnota li l-istreaming dirett tas-seduti ta' smigħ stess ikun kumpless u għoli peress li dan isir f'24 lingwa u, mingħajr aċċess għal interpretazzjoni simultanja, ikun estremament diffiċli għall-maġġoranza l-kbira taċ-ċittadini tal-Unjoni biex isegwu; jilqa' wkoll il-fatt li minn Novembru 2019 il-QĠUE qed tippubblika talbiet għal deċiżjoni preliminari mill-qrati nazzjonali, noti interni ta' riċerka u deċiżjonijiet ġudizzjarji nazzjonali fuq is-sit web tan-Network Ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea (RJUE);

    35.

    Jissottolinja l-iżvilupp tal-kooperazzjoni mal-imħallfin nazzjonali, li minnhom 2 824 intlaqgħu fil-Qorti għal seminars, taħriġ, żjarat jew traineeships fl-2019, meta mqabbla ma' 2 292 fl-2018;

    36.

    Japprezza l-bidla pożittiva li saret mill-RJUE u jifraħ lill-QĠUE għat-trawwim tat-trasparenza billi għamlet id-dokumenti proċedurali u dottrinali mill-pjattaforma RJUE aċċessibbli liberament fuq is-sit web tal-QĠUE fl-2019, kif irrakkomandat mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament fl-opinjoni tiegħu għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament li kien parti mill-proċedura ta' kwittanza tal-2018; jilqa' l-progress li sar fil-qasam diġitali, b'mod partikolari fil-forma tal-għodda l-ġdida tad-"dokumentazzjoni ġudizzjarja", li tiffaċilita l-aċċess għad-dokumentazzjoni u l-informazzjoni rilevanti għat-trattament ta' ċerti kawżi mressqa quddiem il-Qorti;

    Kooperazzjoni interistituzzjonali

    37.

    Jilqa' l-fatt li l-QĠUE dejjem ikkooperat bis-sħiħ mal-OLAF u li l-QĠUE hija impenjata li tkompli b'din il-kooperazzjoni pożittiva; jissottolinja li fl-2019 ittieħdet miżura dixxiplinarja wara investigazzjoni tal-OLAF li saret fl-2018 u jinnota li l-OLAF ġie infurmat kif xieraq; jinnota, barra minn hekk, li fl-2019 infetħet investigazzjoni tal-OLAF li għadha għaddejja u wasslet għal perjodu intensiv ta' kooperazzjoni mal-OLAF;

    38.

    Japprezza l-kapitolu l-ġdid fir-rapport annwali tal-attività tal-QĠUE li jittratta t-tariffi, is-servizzi u kwistjonijiet relatati b'rabta mal-ftehimiet dwar il-livell ta' servizz ma' istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni kif mitlub fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-2018; jinnota li l-QĠUE kompliet tiżviluppa strateġija fuq diversi binarji ta' kooperazzjoni interistituzzjonali bil-valur totali tal-ftehimiet dwar il-livell ta' servizz interistituzzjonali li jammonta għal EUR 7 852 221 fl-2019; jinnota l-organizzazzjoni ta' sejħiet għall-offerti interistituzzjonali, li fihom il-QĠUE hija sieħba jew mexxejja, sabiex tibbenefika minn prezzijiet tas-suq aħjar u biex tottimizza l-kostijiet ta' ġestjoni assoċjati; jinnota l-kooperazzjoni fil-qasam tat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni fil-kuntest tal-Kumitat Interistituzzjonali għat-Traduzzjoni u l-interpretazzjoni;

    39.

    Jilqa' l-parteċipazzjoni tal-QĠUE fi gruppi jew networks interistituzzjonali f'diversi oqsma, bħall-binjiet u s-sigurtà, il-protezzjoni ambjentali, l-informatika legali, it-taħriġ vokazzjonali, il-librerija, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni; jinnota li l-applikazzjonijiet kondiviżi komuni għall-QĠUE u istituzzjonijiet oħra jkopru l-oqsma ewlenin tal-ġestjoni amministrattiva bħar-riżorsi umani, il-pagi, il-baġit u l-ġestjoni finanzjarja u tal-kontabbiltà; jinnota li l-QĠUE qed taħdem b'mod attiv mal-Kummissjoni biex ittejjeb l-għodda e-translation; jinnota l-parteċipazzjoni tal-QĠUE fil-grupp ta' monitoraġġ interistituzzjonali mal-awtoritajiet Irlandiżi u istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni biex isiru l-preparamenti għat-tneħħija tad-deroga applikabbli għal-lingwa Irlandiża fl-1 ta' Jannar 2022;

    40.

    Jirrikonoxxi l-kunsiderazzjoni bir-reqqa tal-QĠUE tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, espressi fir-riżoluzzjonijiet ta' kwittanza tiegħu; jenfasizza l-importanza ta' din il-feedback kif ippreżentata fid-dokument ta' segwitu tal-QĠUE lill-awtorità ta' kwittanza;

    Diġitalizzazzjoni u ċibersigurtà

    41.

    Jenfasizza u jilqa' l-fatt li, matul l-2019 u f'konformità mal-istrateġija diġitali tal-QĠUE, din kompliet taħdem fuq il-programm ta' sistema integrata ta' ġestjoni tal-każijiet (il-programm SIGA) li għandu l-għan li jibni sistema integrata li tissostitwixxi l-maġġoranza tal-applikazzjonijiet ġudizzjarji użati mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali; jinnota li l-programm SIGA beda f'nofs l-2018 wara rakkomandazzjoni mill-Qorti tal-Awdituri; jilqa' l-fatt li l-QĠUE qed tkompli ttejjeb is-sitwazzjoni tal-IT tagħha; jinnota li l-investiment fil-proġetti u t-tagħmir żdied b'EUR 1,3 miljun fl-2019 meta mqabbel mal-2018;

    42.

    Jirrikonoxxi li l-QĠUE kompliet tiżgura s-sigurtà tal-operazzjonijiet tal-IT tagħha f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji Ewropej; jinnota li matul l-2019, il-QĠUE kienet f'pożizzjoni li tittratta l-attakki ċibernetiċi kollha li kienet qed taffaċċja u li tiżgura l-protezzjoni tax-xenarju tal-IT kollu mingħajr inċidenti kbar; jilqa' l-fatt li, minbarra l-miżuri tekniċi u operattivi meħuda biex tiġi żgurata ċ-ċibersigurtà, il-QĠUE fl-2019 nediet inizjattivi ewlenin ta' sensibilizzazzjoni;

    43.

    Jilqa' l-fatt li l-QĠUE saħħet il-qafas legali intern tagħha fil-qasam tal-protezzjoni tad-data sabiex tistabbilixxi awtoritajiet ta' superviżjoni indipendenti responsabbli għall-monitoraġġ tal-proċess tad-data personali mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali meta taġixxi fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom;

    44.

    Jinnota li l-QĠUE stabbiliet laboratorju tal-innovazzjoni sabiex tesplora l-użu tal-intelliġenza artifiċjali (IA) għas-sistemi ġudizzjarji; jinsab imħasseb dwar l-impatt tal-użu tal-IA fuq id-drittijiet tal-bniedem fis-sistemi ġudizzjarji; jitlob lill-QĠUE tipprovdi aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-laboratorju tal-innovazzjoni lill-Parlament;

    45.

    Jinnota li l-QĠUE kienet is-suġġett ta' żewġ investigazzjonijiet mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) fl-2019; jenfasizza li l-ewwel investigazzjoni, li tnediet fl-2018, kienet tikkonċerna l-użu tas-servizzi web fuq is-sit web tal-QĠUE; jilqa' l-fatt li wara r-rakkomandazzjonijiet tal-EDPS u fid-dawl ta' sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (3), is-sit web ġie adattat; jinnota li għadha għaddejja t-tieni investigazzjoni dwar l-użu mill-QĠUE tal-prodotti ta' Microsoft; jinnota li l-politika tal-QĠUE hija dik li jkun hemm approċċ flessibbli, billi jitqiesu kemm it-teknoloġiji b'sors miftuħ kif ukoll is-software u l-hardware kummerċjalment disponibbli, skont il-ħtiġijiet tagħha;

    46.

    Jinkoraġġixxi lill-QĠUE ssegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-EDPS biex terġa' tinnegozja l-ftehim interistituzzjonali dwar il-liċenzji u l-kuntratt ta' implimentazzjoni, iffirmat bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u Microsoft fl-2018, bl-objettiv li tintlaħaq is-sovranità diġitali, jiġu evitati l-intrappolament tal-klijentela u n-nuqqas ta' kontroll kif ukoll biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali;

    47.

    Jilqa' ż-żieda sinifikanti fir-rata tal-użu tal-applikazzjoni e-Curia fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-2019 (80 % tal-atti proċedurali kollha ppreżentati quddiem dik il-qorti fl-2019 ġew ippreżentati permezz ta' dan il-kanal) u li l-persentaġġ kompla jiżdied matul il-kriżi tal-COVID-19 fl-2020; iħeġġeġ lill-QĠUE tkompli żżid l-użu tal-għodod diġitali fil-proċedimenti tagħha safejn ikun possibbli; jifhem bis-sħiħ it-tħassib tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-fatt li jiġi impost l-użu ta' e-Curia fiċ-ċirkostanzi kollha jista' jkun sproporzjonat u jista' jwassal għal restrizzjoni fl-aċċess għall-ġustizzja;

    48.

    Jenfasizza l-fatt li l-introduzzjoni ta' e-Curia f'Novembru 2011 kellha impatt kbir fuq it-tnaqqis tal-kostijiet postali (filwaqt li dawk l-ispejjeż ammontaw għal EUR 720 598 fl-2011, dawn ammontaw biss għal EUR 89 954 fl-2019, u d-differenza fl-ammonti tirrappreżenta tnaqqis ta' aktar minn 87 % fuq tmien snin); iħeġġeġ ukoll lill-QĠUE fl-impenn tagħha li twaqqaf sistema integrata ta' ġestjoni tal-każijiet, li timplimenta d-diġitalizzazzjoni tal-istadji kollha tal-proċess ġudizzjarju sa fejn ikun possibbli;

    49.

    Jilqa' ż-żieda kostanti fin-numru ta' konnessjonijiet għall-applikazzjoni e-Curia (6 588 fl-2019 meta mqabbla ma' 4 865 fl-2018) u l-użu tagħha mill-Istati Membri kollha, li juri kemm li l-pjattaforma hija effettiva u li l-pubbliku huwa aktar konxju mill-eżistenza, l-effiċjenza, il-veloċità u l-benefiċċji ta' din l-applikazzjoni; jilqa', barra minn hekk, il-fatt li l-persentaġġ ta' dokumenti proċedurali ppreżentati fuq e-Curia qed jiżdied, 93 % fil-każ tal-Qorti Ġenerali (meta mqabbel ma' 85 % fl-2018) u 80 % fil-każ tal-Qorti tal-Ġustizzja (meta mqabbel ma' 75 % fl-2018);

    Ġestjoni interna u kontroll intern

    50.

    Jilqa' t-tlestija tat-tielet fażi tar-riforma strutturali fl-2019, li ġġib magħha bidliet strutturali sinifikanti fil-Qorti Ġenerali, b'mod partikolari l-ħolqien ta' kmamar speċjalizzati għall-kawżi dwar il-proprjetà intellettwali u l-persunal, l-involviment akbar tal-presidenti u l-viċi president fix-xogħol ġudizzjarju, u l-modernizzazzjoni tas-sistemi għall-monitoraġġ statistiku tal-prestazzjoni tal-kmamar u għall-ippjanar ta' nofs it-terminu tal-Qorti Ġenerali;

    51.

    Jilqa' l-fatt li ż-żewġ qrati li jiffurmaw il-QĠUE għalqu total ta' 1 739 kawża fl-2019, u dan jirrappreżenta livell għoli ta' produttività minkejja li ġie rreġistrat tnaqqis żgħir meta mqabbel mal-2018 (1 769 kawża); jinnota, barra minn hekk, li l-għadd totali ta' kawżi mressqa quddiem iż-żewġ qrati fl-2019 laħaq livell rekord, b'1 905 kawża meta mqabbla ma' 1 683 kawża fl-2018, u f'dan il-kuntest jilqa' l-introduzzjoni, mill-1 ta' Mejju 2020, tal-mekkaniżmu għall-ammissjoni minn qabel tal-appelli, li għandu jtaffi l-piż tax-xogħol fil-Qorti tal-Ġustizzja;

    52.

    Jenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja rreġistrat għadd kbir ta' kawżi ġodda introdotti fl-2019 (966), li jirrappreżenta żieda ta' 13,78 % meta mqabbla mal-2018; jirrimarka li numru kbir ta' kawżi ġodda tressqu wkoll quddiem il-Qorti Ġenerali fl-2019, li ammonta għal 939 meta mqabbel mal-ammont ta' 834 fl-2018; jilqa' l-għadd rekord ta' kawżi magħluqa fil-Qorti tal-Ġustizzja (865), jiġifieri żieda ta' 13,8% meta mqabbla mal-2018; jinnota bi tħassib li l-għadd ta' kawżi magħluqa fil-Qorti Ġenerali fl-2019 (874) huwa ferm inqas minn dak fl-2018 (1 009);

    53.

    Jinsab imħasseb madankollu dwar iż-żieda ta' madwar 7 % fl-għadd ta' kawżi pendenti meta mqabbel mal-2018 (2 500 kawża pendenti fil-31 ta' Diċembru 2019 meta mqabbla ma' 2 334 fil-31 ta' Diċembru 2018);

    54.

    Jindika li fl-2019 il-kawżi eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja kienu jikkonċernaw prinċipalment il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat u l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, filwaqt li l-kwistjonijiet ittrattati mill-Qorti Ġenerali kienu jikkonċernaw prinċipalment l-għajnuna mill-Istat u l-proprjetà intellettwali u industrijali; jinnota li l-kwistjonijiet ewlenin indirizzati mill-Qorti Ġenerali baqgħu ma nbidlux mill-2018 sal-2019, filwaqt li l-kawżi prinċipali eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-2018 kienu jinkludu l-libertà ta' moviment u ta' stabbiliment, is-suq intern u l-proprjetà intellettwali u industrijali, flimkien ma' dawk relatati mal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja;

    55.

    Ifakkar fl-importanza tar-rappurtar dwar l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni stabbiliti f'konformità mal-proċess ta' riforma strutturali sabiex jitkejlu l-kisbiet meta mqabbla mal-objettivi strateġiċi; jitlob lill-QĠUE tipprovdi sinteżi fir-rapport annwali tal-attività li jmiss;

    56.

    Jilqa' l-bidla fl-istruttura tar-rapport dwar il-ġestjoni tal-QĠUE ta' din is-sena, li jippreżenta l-informazzjoni b'mod aktar ċar u li jinftiehem;

    57.

    Jilqa' t-tnaqqis tat-tul medju tal-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali, u jinnota li l-2019 rat żieda sinifikanti fl-għadd ta' każijiet ġodda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (żieda ta' 14 % meta mqabbel mal-2018), li fil-biċċa l-kbira tagħha kienet attribwibbli għaż-żieda konsiderevoli fl-għadd ta' appelli;

    58.

    Ifakkar li l-funzjonament effettiv u effiċjenti ta' sistema ta' kontroll intern irid ikun prijorità tal-QĠUE; jinnota li l-qafas ta' kontroll intern, kif adottat bid-deċiżjoni tal-kumitat amministrattiv fid-29 ta' Jannar 2019, huwa bbażat l-aktar fuq il-prinċipji tal-awtonomija u l-obbigu ta' rendikont f'kull livell ta' tmexxija; jilqa' l-fatt li fl-2019, tħejjiet gwida għall-kontroll intern bil-għan li s-servizzi jiġu megħjuna fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-qafas il-ġdid; jinnota li l-qafas jeżisti fost strumenti oħra ta' servizz ċentralizzat ta' verifika ex ante, sistema integrata ta' kontijiet u ġestjoni tal-baġit u servizz tal-awditjar intern indipendenti (IAS);

    59.

    Jinnota li, kif iddikjarat fir-rapport annwali tal-IAS, fl-2019 tlestew l-awditi fl-oqsma ta' "rieżami tal-parteċipazzjoni f'korpi interistituzzjonali" u "analiżi ta' prattiki tajbin fis-superviżjoni ta' fornituri esterni ta' servizzi interni"; jinnota li fl-2019 l-IAS kompla jipprovdi pariri f'diversi oqsma ta' attività fil-kuntest tar-riforma tal-arkitettura ġudizzjarja u ż-żieda fl-ammont ta' xogħol f'xi servizzi tal-QĠUE;

    60.

    Jilqa' l-fatt li l-IAS jissorvelja regolarment l-azzjoni meħuda b'reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet magħmula fl-awditi mwettqa fis-snin preċedenti; jinnota li fil-kuntest ta' "rieżami tal-istrateġija tal-QĠUE fil-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali li hija ta' ħsara għall-interessi tal-Unjoni Ewropea", waħda mir-rakkomandazzjonijiet ewlenin hija rivalutazzjoni perjodika tar-reġistri tar-riskji; jinnota, barra minn hekk, il-valur tat-titjib tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni; japprezza l-fatt li s-sit tal-intranet ġie ssupplimentat b'taqsima ddedikata għall-etika u l-kondotta professjonali; jilqa' wkoll il-programm obbligatorju ta' taħriġ speċifiku b'sessjonijiet iddedikati għas-sigurtà fiżika, il-protezzjoni tad-data u s-sigurtà tal-informazzjoni;

    Multilingwiżmu

    61.

    Jinnota li l-QĠUE kompliet bl-isforzi tagħha fir-rigward tal-proġett "Ottimizzazzjoni tal-kontribut tat-traduzzjoni esterna" li beda fl-2015; jinnota li r-rata globali ta' esternalizzazzjoni tat-traduzzjonijiet legali żdiedet minn 31,2 % fl-2015 għal 40,6 % fl-2019; jissottolinja, madankollu, li hemm limitazzjonijiet għall-esternalizzazzjoni għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità u provvista insuffiċjenti; huwa konxju li t-traduzzjonijiet kollha tal-QĠUE huma tekniċi, legali u ta' livell għoli ta' kumplessità li jfisser li t-tradutturi freelance jeħtiġilhom, sa fejn ikun possibbli, ikunu avukati jew inkella jkollhom esperjenza fit-traduzzjoni legali.

    (1)  Rapport Speċjali Nru 14/2017: "Analiżi tal-prestazzjoni tal-ġestjoni ta' kawżi fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea".

    (2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/681/KE u 2006/193/KE (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1).

    (3)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta' Ottubru 2019, Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände - Verbraucherzentrale Bundesverband e.V. vs Planet49 GmbH, C-673/17, ECLI:EU:C:2019:801.


    Top